Proċedura : 2015/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0350/2015

Testi mressqa :

A8-0350/2015

Dibattiti :

PV 15/12/2015 - 12
CRE 15/12/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.9
CRE 16/12/2015 - 11.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0458

RAPPORT     
PDF 627kWORD 210k
2.12.2015
PE 560.676v01-00 A8-0350/2015

dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina

(2015/2003(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Bastiaan Belder

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina

(2015/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina ilhom stabbiliti mis-6 ta' Mejju 1975,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003,

–  wara li kkunsidra l-qafas ġuridiku prinċipali għar-relazzjonijiet maċ-Ċina, speċifikament il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina(1), li ġie ffirmat f'Mejju 1985 u li jkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kif ukoll il-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għall-2020 li ntlaħaq qbil dwarha fil-21 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-djalogu politiku strutturat bejn l-UE u ċ-Ċina li ġie formalment stabbilit fl-1994 u d-Djalogu Strateġiku ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet strateġiċi u fil-qasam tal-politika barranija li ġie stabbilit fl-2010, b'mod partikolari l-Ħames Djalogu Strateġiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing fis-6 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li ilhom għaddejjin mill-2007,

–  wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim Bilaterali ta' Investiment li bdew f'Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar fi Brussel fid-29 ta' Ġunju 2015, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fi tmiemu,

–  wara li kkunsidra r-rimarki ta' Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, nhar id-29 ta' Ġunju 2015 fil-konferenza konġunta għall-istampa mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang b'segwitu għas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, fejn esprima t-tħassib tal-UE dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fiċ-Ċina, inkluża s-sitwazzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi bħat-Tibetani u l-Uyghur, u ħeġġeġ liċ-Ċina terġa' tniedi djalogu sinifikanti mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2006 bit-titolu "UE – Ċina: Imsieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet" (COM(2006)0631),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill għall-Politika dwar il-Lvant tal-Asja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tal-11-12 ta' Diċembru 2006 bit-titolu "Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni għaċ-Ċina għall-perjodu 2007-2013, il-Programm Indikattiv Pluriennali għall-perjodu 2011-2013, u r-rieżami ta' nofs it-terminu tad-Dokument ta' Strateġija li sar fl-2010 u r-rieżami tal-Programm Indikattiv Pluriennali għall-perjodu 2011-2013,

–  wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta' politika dwar l-UE li qatt fasslet iċ-Ċina u li ħareġ fit-13 ta' Ottubru 2003,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-pubblikazzjoni tat-tieni abbozz ta' liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin fil-5 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-istrateġija militari taċ-Ċina tas-26 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u t-32 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-8-9 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra s-60 djalogu settorjali li għaddejjin bħalissa bejn iċ-Ċina u l-Unjoni dwar, fost affarijiet oħra, l-ambjent, il-politika reġjonali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u s-soċjetà ċivili,

–  wara li kkunsidra l-fatt li fi Frar 2012, ġie stabbilit id-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina, li jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha bejn l-UE u ċ-Ċina f'dan il-qasam,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-KE u ċ-Ċina, li daħal fis-seħħ fis-sena 2000(2) u l-Ftehim ta' Sħubija Xjentifika u Teknoloġika ffirmat fl-20 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Ċina dwar it-Tibdil fil-Klima maħruġa waqt is-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina f'Ġunju 2015, kif ukoll il-Kontributi Previsti Stabbiliti fuq Livell Nazzjonali li tressqu miċ-Ċina għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) nhar it-30 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Ċina dwar is-Sigurtà tal-Enerġija maħruġa fi Brussell fit-3 ta' Mejju 2012, u d-Djalogu dwar l-Enerġija bejn il-KE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-diskussjonijiet madwar mejda bejn iċ-Ċina u l-UE,

–  wara li kkunsidra t-18-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, li sar bejn it-8 u l-14 ta' Novembru 2012, kif ukoll il-bidliet fit-tmexxija tal-Kumitat Permanenti tal-Politburo kif ġew deċiżi waqt dak il-kungress,

–  wara li kkunsidra il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tar-Raba' Laqgħa Plenarja tat-18-il Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista taċ-Ċina (ir-Raba' Plenarja) li saret bejn l-20 u t-23 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-president waqt is-26 Summit tal-ASEAN tas-27 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Mejju 2015 b'segwitu għal-laqgħa tagħha mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Laqgħa Interparlamentari PE-Ċina, li saret fis-26 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-23 ta' Mejju 2012 dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?(3), dik tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICs u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(4), dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea(5), dik tas-17 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Korea ta' Fuq(6), dik tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(7), u dik tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(9), tal-5 ta' Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina(10), tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(11), tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar in-negozjati UE-Ċina għal ftehim ta' investiment bilaterali(12), u tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar relazzjonijiet kummerċjali UE-Tajwan(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(14), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(15), tal-5 ta' Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina(16), tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar it-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina(17), u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(18),

–  wara li kkunsidra l-embargo fuq l-armi li introduċiet l-UE b'segwitu għar-ripressjoni ta' Tiananmen ta' Ġunju 1989, kif ġie appoġġat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti l-ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà (CFSP)(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa uffiċjali tat-tagħlim(21), dik tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(22) u dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet(23),

–  wara li kkunsidra d-disa' ċikli ta' taħditiet li saru bejn l-2002 u l-2010 bejn rappreżentanti ta' livell għoli tal-gvern Ċiniż u d-Dalai Lama; wara li kkunsidra l-White Paper taċ-Ċina dwar it-Tibet, bit-titolu "Il-Passaġġ tat-Tibet lejn l-Iżvilupp hu Xprunat minn Marea Storika Irreżistibbli", li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat Ċiniż nhar il-15 ta' April 2015; wara li kkunsidra l-Memorandum tal-2008 u n-Nota tal-2009 dwar Awtonomija Ġenwina, it-tnejn li huma ppreżentati mir-Rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0350/2015),

A.  billi fl-2015 niċċelebraw l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina; billi s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kruċjali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex jinstabu tweġibiet reċiproċi għal firxa ta' preokkupazzjonijiet globali u jiġu identifikati l-interessi komuni, bħas-sigurtà globali u reġjonali, l-azzjoni kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iċ-ċibersigurtà, l-arma ta' qerda massiva u n-nonproliferazzjoni nukleari, is-sigurtà tal-enerġija, ir-regolamentazzjoni finanzjarja u tas-swieq fuq livell globali, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-ħolqien ta' qafas biex jindirizza t-tħassib fuq livell bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;

B.  billi ċ-Ċina u l-UE nedew in-negozjati għal trattat bilaterali dwar l-investiment fl-2013;

C.  billi ċ-Ċina hija sieħba kummerċjali importanti tal-UE, b'suq enormi u li qiegħed jespandi; billi n-negozjati attwali għal ftehim ta' investiment jirrappreżentaw waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;

D.  billi, taħt it-tmexxija attwali ta' Xi Jinping, Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista taċ-Ċina u President Ċiniż, iċ-Ċina nediet sensiela ta' inizjattivi, inkluż proġett għal "Rotta tal-Ħarir Ġdida" għall-integrazzjoni ekonomika taċ-Ċina mal-Asja Ċentrali u, finalment, mal-Ewropa u l-Afrika, l-istabbiliment tal-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), u ftehim ta' importanza strateġika dwar l-enerġija mar-Russja għall-forniment ta' 38 biljun metru kubiku ta' gass naturali fis-sena, il-bini ta' sistema ta' pajpijiet għaż-żejt u proġetti konġunti oħra fl-oqsma tal-esplorazzjoni għaż-żejt u l-utilizzazzjoni tiegħu fiċ-Ċina; billi, f'dawn l-aħħar ftit snin, iċ-Ċina segwiet politiki dejjem iktar attivi fil-qasam tal-investiment, kemm fl-UE u kemm fil-viċinat tal-Lvant tagħha;

E.  billi l-President Xi Jinping nieda l-inizjattiva ta' "Ħolma Ċiniża", li ġiet ippreżentata bħala kunċett u viżjoni mmirati biex jitwettqu tixtil nazzjonali u l-bini ta' soċjetà bi prosperità moderata fuq spettru wiesa' ta' dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi, u biex iċ-Ċina ssir nazzjon kompletament żviluppat sal-2049;

F.  billi ċ-Ċina esperjenzat livelli għolja ħafna ta' tkabbir ekonomiku f'dawn l-aħħar 20 sena, u 600 miljun ċittadin Ċiniż tneħħew minn stat ta' faqar;

G.  billi l-kollass tas-suq azzjonarju Ċiniż fl-2015 kellu impatt negattiv fuq l-istabilità finanzjarja globali, anke fl-UE;

H.  billi l-politika taċ-Ċina dwar l-ippjanar tal-familji kkawżat proċess ta' tixjiħ rapidu fost il-popolazzjoni sa mis-snin tmenin, u issa aktar minn 200 miljun ċittadin għandhom 'il fuq minn 60 sena;

I.  billi d-degradazzjoni ambjentali fiċ-Ċina sar għandha proporzjonijiet drammatiċi u hemm bżonn ta' azzjoni governattiva dejjem aktar urġenti, qawwija u mmirata; billi l-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima ġiet diskussa fis-Summit li sar dan l-aħħar bejn l-UE u ċ-Ċina, u nħarġet dikjarazzjoni konġunta dwar it-tibdil fil-klima;

J.  billi ċ-Ċina rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiġi indirizzata t-theddida tat-tibdil fil-klima, u impenjat ruħha li tadotta protokoll jew strument ġuridiku ieħor li jippermettu li jintlaħaq qbil komprensiv dwar il-kwistjoni fil-Konferenza ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima;

K.  billi l-kampanja popolari kontra l-korruzzjoni tal-President Xi Jinping, li tnediet fl-2012 bl-intenzjoni li tindirizza l-kwistjonijiet ta' governanza billi ġiet immirata kontra l-uffiċjali tal-Partit, tal-gvern, tal-militar u tal-kumpaniji b'sjieda statali li kienu ssuspettati b'korruzzjoni, ħalliet ħafna vittmi ta' profil għoli, u esponiet mhux biss it-tixħim imma anke l-fortuni enormi li ġemmgħu l-mexxejja Ċiniżi, u żvelat ukoll l-infiltrazzjoni tas-sistema politika minn netwerks kriminali qawwija;

L.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin qed jiffjorixxu u qed jiżvolġu rwol vitali fl-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali u fit-tiftiħ taċ-Ċina mir-riforma 'l hawn;

M.  billi, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, iċ-Ċina ppubblikat tliet abbozz ta' liġi ġodda din is-sena li jinkludu dispożizzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

N.  billi, fl-2013 u fl-2014, Beijing, Kunming u Urumqi kienu l-objettivi ta' attakki terroristiċi kbar u vjolenti, li ħallew 72 persuna mejta u 356 midruba; billi ċ-Ċina qiegħda tħejji liġi kontra t-terroriżmu, li tissottolinja l-fatt li l-gvern qiegħed jagħti l-ogħla prijorità lill-ġlieda kontra t-terroriżmu;

O.  billi, f'Ġunju 2015, il-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong ivvota kontra proposta kontroversjali li kienet se tippermetti li l-elettorat ta' Hong Kong, fl-elezzjonijiet għall-Kap Eżekuttiv tiegħu, ikun jista' jivvota biss għal xi ħadd minn grupp ta' kandidati vverifikati minn kumitat suġġett għal Beijing; billi kienet preċiżament din il-proposta li serviet bħala x-xrara li qanqlet il-protesti massivi fuq 79 jum tal-Moviment tal-Umbrelel favur id-demokrazija, mill-aħħar ta' Settembru sa nofs Diċembru 2014;

P.  billi t-tmexxija l-ġdida Ċiniża tikkunsidra li l-avvanz taċ-Ċina huwa fatt irriversibbli li jirriżulta f'bidla minn "diplomazija reattiva" għal "diplomazija proattiva";

Q.  billi l-White Paper il-ġdida dwar l-istrateġija militari taċ-Ċina targumenta li l-mentalità tradizzjonali li l-art hija aktar importanti mill-baħar trid tiġi abbandunata u li għandha tintrabat aktar importanza mal-ġestjoni tal-ibħra u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi marittimi; billi ċ-Ċina qed tirrifjuta li tirrikonoxxi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar fir-rigward tat-tilwim marbut mal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u tal-Lvant;

R.  billi, f'Dikjarazzjoni tal-Kondotta tal-2002, iċ-Ċina u l-pajjiżi tal-ASEAN wiegħdu li joħolqu l-kundizzjonijiet għal "soluzzjoni paċifika u dewwiema" fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi, minkejja dan, it-tensjoni fil-konfront tal-pajjiżi ġirien, bħat-Tajwan, il-Vjetnam, il-Filippini, il-Malasja u l-Brunei, qed tkompli tiżdied;

S.  billi ċ-Ċina hija s-sostenitur politiku prinċipali, kif ukoll l-akbar investitur, donatur tal-għajnuna, fornitur tal-ikel u tal-enerġija u sieħeb kummerċjali tal-Korea ta' Fuq; billi l-esperti Ċiniżi reċentement żvelaw li jista' jkun li l-Korea ta' Fuq diġà għandha 20 testata nukleari;

T.  billi, b'segwitu għall-kriżi fl-Ukrajna, ir-Russja u ċ-Ċina intensifikaw ir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom b'mod mingħajr preċedenti;

U.  billi, nhar it-8 ta' Mejju 2015, ir-Russja u ċ-Ċina ffirmaw ftehim bilaterali dwar is-'sigurtà tal-informazzjoni', li jiddefinixxi t-theddid ċibernetiku bħala t-trażmissjoni ta' informazzjoni li tista' tipperikola s-'sistemi soċjetali-politiċi u soċjoekonomiċi, kif ukoll l-ambjent spiritwali, morali u kulturali tal-istati';

V.  billi, mill-2005 'l hawn, iċ-Ċina offriet kreditu lill-pajjiżi tal-Amerika Latina li jammonta għal valur totali ta' madwar USD 100 biljun; billi, attwalment, iċ-Ċina hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Brażil u t-tieni l-akbar għal, ngħidu aħna, l-Arġentina, il-Venezwela u Kuba;

W.  billi l-Gvern Ċiniż jirrikonoxxi l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, imma jonqsuh riżultati tanġibbli fir-rigward tat-titjib tal-bilanċ tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

X.  billi ċ-Ċina uffiċjalment u nominalment aċċettat l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, f'dawn l-aħħar tliet deċennji, għażlet li tieħu sehem fil-qafas tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati f'dan il-qasam, u b'hekk saret parti mill-qafas ġuridiku u istituzzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali;

Y.  billi, fil-bidu tal-2015, il-President Xi Jinping pubblikament ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-istat tad-dritt madwar il-pajjiż, peress li kien konvint li, biex iċ-Ċina jkollha ekonomija u soċjetà moderni, hu essenzjali li jkollha ġustizzja effikaċi;

Z.  billi l-Partit Komunista taċ-Ċina jirrikonoxxi ħames reliġjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mid-Dipartiment tax-Xogħol tal-Front Unit tal-partit stess; billi din il-lista hija esklużiva u għaldaqstant qed issir diskriminazzjoni kontra r-reliġjonijiet u l-kulti l-oħra;

AA.  billi l-UE u ċ-Ċina ilhom mill-1995 involuti fi djalogi rigward id-drittijiet tal-bniedem;

AB.  billi l-Ombudsman tal-UE, fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni li adottat fis-26 ta' Marzu 2015, ikkritikat in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investituri u l-Istati fin-negozjati għal ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment mal-Vjetnam; billi dan jistabbilixxi preċedent importanti fir-rigward tan-negozjati għall-Ftehim Bilaterali ta' Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina;

AC.  billi t-Tibetani jesprimu l-identità kulturali tagħhom permezz tal-moviment Lhakar ("nhar ta' Erbgħa abjad") billi jilbsu biss ħwejjeġ Tibetani, jitkellmu biss bit-Tibetan u, kull nhar ta' Erbgħa, jieklu biss ikel Tibetan; billi, sal-ġurnata tal-lum, aktar minn 140 Tibetan taw in-nar lilhom infushom u mietu bi protesta kontra l-politika tal-gvern Ċiniż fir-reġjun awtonomu tat-Tibet; billi l-mewt tal-lama Tenzin Delek Rinpoche fil-ħabs dan l-aħħar ikkawżat tensjoni ġdida; billi fit-Tibet qed titmexxa politika ta' insedjament mill-poplu Han; billi fl-2015 niċċelebraw il-50 anniversarju minn meta twaqqaf ir-reġjun awtonomu tat-Tibet; billi f'dawn l-aħħar ftit snin ma sar l-ebda progress fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kriżi Tibetana, peress li l-aħħar sessjoni ta' taħditiet favur il-paċi saret fl-2010;

AD.  billi l-UE żżomm mal-politika tagħha ta' "Ċina waħda" fir-relazzjonijiet bejn naħa u oħra tal-istrett ta' bejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan;

Sħubija u Kooperazzjoni Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina

1.  Jilqa' l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina bħala għajn ta' ispirazzjoni biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika, li tant hi meħtieġa f'dinja multipolari u globalizzata, u biex jitħaffu n-negozjati li għaddejjin bħalissa biex jiġi stabbilit Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni abbażi tal-fiduċja, it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-fatt li ż-żewġ partijiet, fis-Summit riċenti bejn l-UE u ċ-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015, affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japprofondixxu din is-sħubija; jevidenzja l-fatt li ċ-Ċina hija potenza internazzjonali kruċjali u wieħed mill-aktar sħab importanti tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li ż-żewġ naħat impenjaw lilhom infushom biex, tul dan id-deċennju li ġej, jippromwovu is-Sħubija Strateġika Komprensiva bejn l-UE u ċ-Ċina li se tkun ta' benefiċċju reċiproku għat-tnejn li huma; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-Djalogu Strateġiku ta' Livell Għoli (bi)annwali, id-Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli, id-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli u għall-aktar minn 60 djalogu settorjali li jeżistu bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward ta' firxa varja ta' kwistjonijiet; iħeġġeġ biex dawn id-djalogi settorjali jwasslu biex tinbena l-fiduċja u għal riżultati tanġibbli;

2.  Jilqa' l-eżitu tas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 li għolla r-relazzjonijiet bilaterali għal livell ġdid u bagħat sinjal favur kooperazzjoni politika eqreb li tmur oltre s-sempliċi relazzjonijiet kummerċjali u lejn approċċ strateġiku kkoordinat għall-indirizzar tal-isfidi u t-theddid globali komuni; jinnota li ż-żewġ naħat irrikonoxxew bis-sħiħ il-progress li nkiseb fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għall-2020, u li se jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rieżami bilaterali fil-livell tal-uffiċjali biex jissorveljaw is-segwitu; jilqa' l-fatt li ż-żewġ naħat qablu waqt is-Summit rigward sett ta' prijoritajiet biex isaħħu l-kooperazzjoni bilaterali tagħhom u jqawwu d-dimensjoni globali tas-sħubija strateġika tagħhom;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE jkellmu lill-Gvern Ċiniż b'leħen wieħed, b'mod partikolari fid-dawl tad-dinamiżmu diplomatiku preżenti ta' Beijing u l-fatt li qed issawwar mill-ġdid l-arkitettura tal-governanza globali; jissottolinja l-konklużjoni tan-negozjati rigward l-Istatut għall-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB) u jistenna ħerqan il-kooperazzjoni mill-qrib min-naħa tal-UE mal-AIIB fil-ġejjieni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' dibattitu profond u ta' koordinament mill-qrib fil-livell tal-UE fir-rigward tas-sħubija tal-Istati Membri fl-AIIB; jisħaq fuq l-importanza tal-politika dwar il-kummerċ u l-investiment, bħala l-aktar qasam ovvju fejn tista' tiġi eżerċitata l-akbar influwenza possibbli fir-relazzjoni strateġika maċ-Ċina; jieħu nota tal-kooperazzjoni li ġiet żviluppata dan l-aħħar bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, magħrufa wkoll bħala l-grupp 16+1, li jinkludi diversi Stati Membri tal-UE, iżda jikkunsidra li dan m'għandux joħloq diviżjoni fl-UE jew idgħajjef il-pożizzjoni tagħha fil-konfront taċ-Ċina u għandu jindirizza wkoll kwistjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw rapport annwali lill-Parlament dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina; jappella biex jissaħħu l-kummerċ u l-investiment li jistgħu jiġu inforzati u b'bażi fir-regoli maċ-Ċina;

4.  Jirrikonoxxi li ċ-Ċina jmissha tiżvolġi rwol aktar b'saħħtu fl-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali li jirrifletti aħjar id-daqs tal-ekonomija tagħha; jikkunsidra li l-AIIB li għadu kif twaqqaf hu opportunità għaċ-Ċina biex tinvolvi ruħha bħala attur responsabbli fl-ordni multilaterali; jinkoraġġixxi lill-istituzzjoni l-ġdida biex titbiegħed mill-iżbalji tal-imgħoddi li tagħti privileġġ għall-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali grandjużi u minflok tagħti prijorità lill-assistenza teknika u l-aċċess għall-għarfien globali, filwaqt li tibbilanċja l-prijoritajiet ambjentali, soċjali u ta' żvilupp;

5.  Jikkunsidra li hi xi ħaġa ta' importanza vitali li l-kontribut Ewropew għall-parteċipazzjoni fl-AIIB ikun jinkludi: proċeduri trasparenti għall-valutazzjoni tas-self; standards ċari fir-rigward tal-governanza tajba, ir-responsabilità soċjali u l-ambjent; u attenzjoni biex jiġi żgurat li l-piż tad-dejn jibqa' kontrollabbli għall-pajjiżi li jkunu qed jissellfu;

6.  Jilqa' l-parteċipazzjoni ta' diversi Stati Membri fl-AIIB; jiddeplora madankollu n-nuqqas ta' dibattitu fil-fond, ta' koordinament mill-qrib, kif ukoll ta' rispons u approċċ ikkoordinati fil-livell tal-UE bħala reazzjoni għall-inizjattivi mnedija mill-Gvern Ċiniż għall-bini ta' istituzzjonijiet multilaterali ġodda; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex dan iqisuh bħala avviż ta' twissija sabiex jevitaw nuqqas ta' koordinament ta' dan it-tip fil-ġejjieni;

7.  Jilqa' l-qbil politiku biex jittejbu l-kollegamenti infrastrutturali strateġiċi bejn l-UE u ċ-Ċina; jilqa' għalhekk id-deċiżjoni biex tiġi stabbilita Pjattaforma ta' Konnettività ġdida bil-għan li jinħoloq ambjent favorevoli għal netwerks infrastrutturali transkonfinali, li jkunu sostenibbli u interoperabbli, fil-pajjiżi u r-reġjuni bejn l-UE u ċ-Ċina; ifaħħar b'mod partikolari l-fatt li l-UE lesta biex, fil-livell Ewropew, tibda dan il-proġett; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jaħtfu l-opportunitajiet li toffri interkonnessjoni mill-qrib bejn iż-żewġ sħab, inkluża l-kooperazzjoni fir-rigward tal-investiment infrastrutturali fil-pajjiżi tul ir-Rotta tal-Ħarir il-Ġdida u r-Rotta tal-Ħarir Marittima l-Ġdida;

8.  Jevidenzja t-tkabbir vigoruż tal-ekonomija Ċiniża f'dawn l-aħħar għoxrin sena, u jissottolinja l-fatt li l-Istati Membri tal-UE għandhom jisfruttaw aħjar l-opportunitajiet li joffri dan l-iżvilupp ekonomiku; jinnota l-interess Ċiniż fl-investimenti infrastrutturali strateġiċi fl-Ewropa, u jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni maċ-Ċina u l-pajjiżi l-oħra fir-reġjun f'dan ir-rigward fuq proġetti bħall-Inizjattiva taċ-Ċina "Medda Waħda, Rotta Waħda" u l-Pjan ta' Investiment Juncker tal-UE, inklużi l-kollegamenti ferrovjarji, il-portijiet marittimi u l-ajruporti; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jirriflettu fuq l-impatt tal-politika taċ-Ċina dwar l-investiment globali, kif ukoll l-attivitajiet ta' investiment tagħha fl-UE u l-Viċinat tal-Lvant tagħha; jenfasizza, bi qbil mal-pożizzjonijiet li adotta preċedentement il-Parlament u b'rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Kumitat INTA, l-importanza tal-Ftehim Bilaterali ta' Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina li attwalment qiegħed jiġi nnegozjat; jappella biex, fit-Trattat Bilaterali dwar l-Investiment jiġi inkluż kapitolu kompletament iddedikat għall-iżvilupp sostenibbli li jkun jiddisponi għal impenji vinkolanti fir-rigward tar-rispett għall-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO u l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali kruċjali; jissottolinja t-tendenza dejjem tiżdied li l-kumpaniji Ewropej jilmentaw li huma vittmi ta' regolamentazzjoni kapriċċuża u diskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-ftehim ta' investiment jirnexxu sabiex ikompli jiġi ffaċilitat l-investiment u jiġu implimentati l-protezzjoni tal-investimenti, l-aċċess għas-suq, inkluż l-akkwist pubbliku, u t-trattament ġust tal-kumpaniji kemm fl-Ewropa u kemm fiċ-Ċina; jappella favur miżuri ulterjuri u segwitu attiv sabiex jiġu ggarantiti relazzjonijiet kummerċjali aktar ibbilanċjati b'segwitu għall-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fir-rigward tal-kumpaniji Ewropej; jappella liċ-Ċina u lill-UE biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex itejbu l-aċċess għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju fiż-żewġ blokok kummerċjali; jissottolinja l-impenn li ħadu l-UE u ċ-Ċina favur ekonomija globali miftuħa u ambjent għall-kummerċ u l-investiment li jkun ġust, trasparenti u bbażat fuq regoli, b'mod li jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jopponu l-protezzjoniżmu;

9.  Jieħu nota, f'dan ir-rigward, tat-tnedija tal-inizjattiva "Medda Waħda, Rotta Waħda", immirata lejn il-kostruzzjoni ta' kollegamenti importanti għall-enerġija u l-komunikazzjoni madwar l-Asja Ċentrali, tal-Punent u tan-Nofsinhar li jwasslu sal-Ewropa; jemmen li, minħabba r-rilevanza ġeostrateġika ta' din l-inizjattiva, għandha titwettaq fuq livell multilaterali; jemmen li hi xi ħaġa tal-ogħla importanza li s-sinerġiji u l-proġetti jiġu żviluppati bi trasparenza sħiħa u bl-involviment tal-partijiet interessati kollha;

10.  Jappella għal koordinament imsaħħaħ bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma ta' sinifikat strateġiku bħall-G20, is-sigurtà u d-difiża, l-azzjoni kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni illegali, il-kriminalità transnazzjonali, in-nonproliferazzjoni nukleari, is-sigurtà globali u reġjonali, iċ-ċibersigurtà, l-armi ta' qerda massiva, is-sigurtà tal-enerġija, il-governanza u r-regolamentazzjoni finanzjarji u tas-suq fuq livell globali, it-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-urbanizzazzjoni, il-programmi ta' żvilupp u għajnuna, u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-iżvilupp reġjonali u tad-djalogu u l-iskambji fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020 u t-tlettax-il Pjan fuq Ħames Snin taċ-Ċina fil-ġejjieni;

11.  Jappella lis-SEAE biex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jingħataw prijorità fuq l-aġenda fir-relazzjonijiet u d-djalogi maċ-Ċina;

12.  Jappella biex l-impenji li ttieħdu waqt iż-żjara tal-President Xi Jinping fi Brussell f'Marzu 2014 favur l-approfondiment tal-iskambji bejn l-UE u ċ-Ċina rigward kwistjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jiġu korrisposti b'titjib tanġibbli fis-sitwazzjoni fuq il-post;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu ulterjorment liċ-Ċina permezz ta' djalogu kostruttiv immirat biex jinkoraġġixxi t-tranżizzjoni taċ-Ċina lejn l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġa l-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija dinjija;

14.  Jilqa' l-approfondiment tas-Sħubija dwar l-Urbanizzazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina; jappella għal kooperazzjoni ulterjuri fil-pjanifikazzjoni u d-disinn urbanistiċi, is-servizzi pubbliċi, il-bini ekoloġiku u t-trasport intelliġenti; jinkoraġġixxi t-tnedija ta' programmi konġunti ġodda li jkunu jinvolvu lil bliet u kumpaniji Ewropej u Ċiniżi;

15.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tielet laqgħa tad-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina li sar nhar il-15 ta' Settembru 2015; jissottolinja l-importanza tal-iskambji interpersonali u li jiġu ffaċilitati l-iskambji għaċ-ċittadini tal-UE u dawk Ċiniżi; jappoġġa l-iżvilupp tad-Djalogu Interpersonali ta' Livell Għoli biex tingħata attenzjoni għall-proġetti konġunti u l-aħjar prattiki kondiviżi u biex jiġu promossi l-iskambji interpersonali; jisħaq fuq il-fatt li għandha ssir promozzjoni speċjali tal-iskambju ta' esperti u studenti bejn iż-żewġ naħat;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-prattiki ta' dumping u n-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-politiki u s-sussidji tal-gvern Ċiniż permezz ta' krediti ta' taxxa, għotjiet għall-art, kreditu rħis, materja prima ssusidjata u miżuri oħrajn;

17.  Jinsab preokkupat dwar l-ostakli li jesperjenzaw l-impriżi Ewropej fis-suq Ċiniż, bħal trasferiment sfurzat tat-teknoloġija, infurzar dgħajjef tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u trattament diskriminatorju; jissottolinja l-importanza ta' riforma tas-suq fiċ-Ċina u tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' ekonomija tas-suq u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni u r-restrizzjonijiet inġustifikati;

18.  Jirrikonoxxi l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-investiment Ċiniż fl-Ewropa fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jissottolinja l-fatt li, waqt li l-Fond hu miftuħ għall-investiment minn għadd ta' atturi, madankollu għandu jibqa' taħt il-governanza tal-UE;

19.  Jirrikonoxxi l-isfida biex l-ekonomija taċ-Ċina taqbad rotta verament sostenibbli fil-qafas tan-"Normalità l-Ġdida"; jemmen li parteċipazzjoni aktar prominenti min-naħa taċ-Ċina fl-organizzazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali bħall-FMI tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex l-ekonomija taċ-Ċina u dik globali jsiru aktar sostenibbli u bbilanċjati, kif ukoll għar-riforma ta' dawn l-organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jipprovdu statistika affidabbli u jtejbu t-trasparenza rigward l-istat tal-ekonomija;

20.  Jinnota bi tħassib li, f'dawn l-aħħar xhur, il-valur tal-indiċijiet tal-ishma Ċiniżi waqa' b'terz u kien hemm mijiet ta' sospensjonijiet tan-negozjar minħabba li l-prezzijiet tal-ishma waqgħu eċċessivament; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-kriżi finanzjarja attwali li qed tolqot liċ-Ċina u speċjalment lis-swieq azzjonarji tagħha, u jirrikonoxxi li dan joħloq theddida għall-ekonomija globali minħabba r-rwol prominenti tal-pajjiż fil-kummerċ globali u fis-sistema finanzjarja globali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jaffrontaw l-isfida tat-tranżizzjoni mill-mudell ekonomiku attwali lejn ekonomija sostenibbli; jinnota li t-tnaqqis drastiku li seħħ dan l-aħħar fis-swieq azzjonarji fiċ-Ċina ġab lill-kultura ta' kontroll tal-gvern wiċċ imb wiċċ mal-volatilità inerenti tas-swieq finanzjarji;

21.  Jilqa' l-fatt li, f'dawn l-aħħar deċennji, għadd konsiderevoli ta' ċittadini Ċiniżi tneħħew minn stat ta' faqar estrem grazzi għal tkabbir ekonomiku sostanzjali u tiftiħ gradwali tal-ekonomija Ċiniża; ileħħen, madankollu, it-tħassib tiegħu li dan it-titjib ekonomiku spiss qiegħed jikkawża problemi ambjentali u inugwaljanzi kbar;

22.  Jilqa' l-fatt li, fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-Klima li adottaw dan l-aħħar l-UE u ċ-Ċina waqt is-Summit tad-29 ta' Ġunju 2015, iż-żewġ naħat esprimew l-impenn tagħom li jaħdmu flimkien biex jilħqu qbil ambizzjuż u legalment vinkolanti waqt il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima fl-2015; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-konferenza biex jibnu fuq l-impetu li nħoloq mid-dikjarazzjonijiet tal-UE u ċ-Ċina u tal-Istati Uniti u ċ-Ċina dwar it-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija b'mod li jiġu affrontati b'mod konġunt id-diversi sfidi relatati mas-sigurtà tal-enerġija u l-arkitettura tal-enerġija fuq livell globali;

Is-sitwazzjoni interna

23.  Jinnota li, taħt it-tmexxija tal-President Xi Jinping, il-gvern Ċiniż qed ikun dejjem iżjed assertiv, kemm internament u kemm esternament; jindika li l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet ċivili, l-avukati, il-ġurnalisti, il-bloggers u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili tal-pajjiż qed isibu li l-libertà tagħhom qed tiġi mrażżna b'mod li ilu snin ma jidher; josserva li l-bilanċ taċ-Ċina fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għadu kwistjoni ta' tħassib serju;

24.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-adozzjoni imminenti tal-abbozz ta' Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, peress li tkun tfisser li l-ispazju għas-soċjetà ċivili Ċiniża se jkompli jiċkien u tkun trażżan serjament il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni fil-pajjiż, anke billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati mal-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà Pubbliku u d-dipartimenti tas-sigurtà pubblika provinċjali jiġu pprojbiti milli jiffinanzjaw lil kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni Ċiniżi, u billi l-gruppi Ċiniżi jiġu pprojbiti milli jwettqu 'attivitajiet' f'isem jew bl-awtorizzazzjoni tal-organizazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati, inklużi dawk ibbażati f'Hong Kong u l-Macao; jappella lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrevedu sostanzjalment din il-liġi sabiex iġibuha konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-abbozz ta' liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, li kieku jirfed u jistituzzjonalizza l-prattiki ta' ċensura u monitoraġġ fiċ-ċiberspazju u jista' jġiegħel lill-kumpaniji Ewropej jinkludu backdoors mandatorji fl-infrastruttura informatika tagħhom; jinnota l-biżat tal-avukati riformattivi u d-difensuri tad-drittijiet ċivili Ċiniżi li din il-liġi se tkompli trażżan il-libertà ta' espressjoni u li l-awtoċensura se tikber; jisħaq fuq l-impatt serjament negattiv kemm tal-liġi dwar iċ-ċibersigurtà u kemm ta' dik dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fuq l-attivitajiet tal-impriżi u l-istituzzjonijiet Ewropej fiċ-Ċina, u għalhekk jappella lill-Kunsill Ewropew, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ikomplu jilmentaw b'qawwa mal-awtoritajiet Ċiniżi kontra dawn il-miżuri estremament kontroversjali; jinsab imħasseb mid-definizzjoni wiesgħa ta' 'sigurtà nazzjonali' u ta' 'theddid ewlieni' min-naħa taċ-Ċina fil-liġi l-ġdida tagħha dwar is-sigurtà nazzjonali, li tinkludi bħala theddida lill-'influwenzi kulturali dannużi'; jikkonkludi li din il-liġi tifformula l-interessi taċ-Ċina fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali b'mod tant wiesa' u vag sabiex l-awtoritajiet Ċiniżi jingħataw poteri virtwalment bla restrizzjonijiet biex jieħdu azzjoni kontra l-għemil, il-persuni jew il-pubblikazzjonijiet li ma japprovawx;

26.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, għalkemm il-kampanja kontra l-korruzzjoni mnedija mill-mexxejja Ċiniżi hi sforz ta' min ifaħħru biex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini fil-gvern, hi kkaratterizzata minn nuqqas ta' trasparenza u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma ssegwix l-istat tad-dritt; josserva li, f'xi każijiet, il-kampanja qed tintuża abbużivament għall-ġlied intern u biex tippromwovi r-rwol u l-qawwa tal-Partit Komunista taċ-Ċina; jiddispjaċih madankollu li din il-kampanja tmexxiet b'modi li jkomplu jdgħajfu l-istat tad-dritt, u l-uffiċjali akkużati qed allegatament jinżammu f'sistema ta' detenzjoni illegali, imċaħħda mill-protezzjonijiet legali bażiċi u ta' spiss jiġu mġiegħla jammettu l-ħtija tagħhom;

27.  Jesprimi s-simpatija tiegħu mal-qraba u l-ħbieb tal-aktar minn 173 vittma li ħallew warajhom l-isplużjonijiet devastanti li seħħew fil-belt portwali ta' Tianjin nhar it-12 ta' Awwissu 2015 u li, minħabba fihom, ġew spostjati eluf ta' residenti; jinnota l-għadd dejjem jiżdied ta' protesti ambjentali tal-massa paċifiċi f'partijiet differenti tal-pajjiż; jindika l-ħżin illegali ta' eluf ta' tunnellati ta' kimika altament tossika f'distanza illegali ta' anqas minn 600 m miż-żoni residenzjali; iqis li l-politika ta' informazzjoni uffiċjali, li pproċediet bil-mod u b'segretezza fir-rigward tad-diżastru ta' Tianjin, kienet altament kontroproduttiva, b'mod partikolari meta kkombinata maċ-ċensura tar-rapporti fuq il-media soċjali dwar din it-traġedja importanti; jissottolinja l-importanza li jiġu implimentati l-istandards kollha fil-qasam tas-sikurezza industrijali bi qbil mal-leġiżlazzjoni Ċiniża u dik internazzjonali, u jappella lill-gvern Ċiniż biex jgħolli l-istandards fil-qasam tas-sikurezza u dak ambjentali tal-produzzjonijiet perikolużi, biex, l-ewwel u qabel kollox, isiru konformi mal-liġijiet taċ-Ċina nnifisha;

28.  Jinnota li, minħabba l-isplużjonijiet tat-12 ta' Awwissu fi Tianjin u tal-31 ta' Awwissu f'Dongying, hu urġenti għaċ-Ċina li tindirizza b'serjetà l-kwistjoni tas-sikurezza industrijali, b'mod partikolari fir-rigward tal-korruzzjoni u l-impunità;

29.  Jissottolinja l-urġenza ta' miżuri ulterjuri għall-protezzjoni ambjentali, waqt li jitqies, pereżempju, li fl-2014 tmienja biss minn 74 belt prinċipali laħqu l-istandard nazzjonali ta' konċentrazzjonijiet ta' tniġġis tal-arja ta' PM 2,5, u minħabba l-fatt li fiċ-Ċina 190 miljun persuna jimirdu annwalment minħabba ilma kkontaminat; iwissi li l-kriżi doppja tal-ilma (tniġġis massiv flimkien ma' żieda fl-użu tal-ilma) tista' tikkawża instabilità politika u soċjali kbira; ifakkar li anke l-pajjiżi ġirien qed iħossu l-effett tad-degradazzjoni ambjentali taċ-Ċina; jevidenzja l-effetti tad-degradazzjoni ambjentali u jittama l-Pjan fuq Ħames Snin li jmiss se jqiegħed lill-ambjent bħala prijorità; jisħaq ukoll fuq il-fatt li nuqqas ta' protezzjoni ambjentali mhux biss ma jirnexxilux jipprevjeni l-ħsara ekoloġika, iżda hu wkoll sors ta' prattiki ta' kompetizzjoni inġusti; jilqa' l-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi kruċjali fil-qasam ambjentali bħat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija; jilqa' l-fatt li, taħt il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni ambjentali, l-uffiċjali (cadres) lokali huma responsabbli, anke b'mod retroattiv, għall-ħsara ambjentali kkawżata waqt il-mandat tagħhom, u li l-impenn favur il-protezzjoni ambjentali se jingħata aktar valur fil-proċess ta' promozzjoni ta' dawk l-uffiċjali lokali; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll lil dawk lokali biex jinvolvu kostruttivament u attivament lill-organizzazzjonijiet ambjentali u l-movimenti fil-livell tal-poplu fir-rigward tal-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki u l-inizjattivi ambjentali taċ-Ċina; jindika li s-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Ġunju 2015 stabilixxa wkoll miżuri rigward il-politika ambjentali u t-tibdil fil-klima skont liema ċ-Ċina għandha tikkonforma mal-limiti fuq l-emissjonijiet tas-CO2 fil-prospettiva tas-Summit ta' Pariġi f'Diċembru 2015 u bi qbil mal-objettivi tal-Aġenda Strateġika għall-2020, adottata f'Beijing fl-2013;

30.  Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni u fl-iskambju ta' esperjenzi bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll it-tisħiħ tal-miżuri ta' reazzjoni tal-gvern Ċiniż f'dan ir-rigward, hekk kif inhu rifless fir-regoli aktar stretti dwar ir-responsabilitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut skont il-kodiċi ta' kondotta professjonali fi kwistjonijiet li jinkludu l-obbligi ta' ritorn u tiswija, il-potenzjal ta' frodi, riklami qarrieqa jew frodulenti, arranġamenti ta' ħlas minn qabel, u l-protezzjoni tad-data personali tal-konsumatur, b'mod partikolari fil-prospettiva tas-settur tal-bejgħ ibbażat fuq l-internet taċ-Ċina li qed jespandi rapidament;

31.  Josserva li, f'dawn l-aħħar snin, il-politika kontra t-terroriżmu taċ-Ċina evolviet b'mod rapidu minn approċċ reattiv ta' 'difiża kontra t-terroriżmu' għal wieħed proattiv ta' 'gwerra kontra t-terroriżmu', flimkien ma' 'ġestjoni tal-kriżijiet' permanenti li tinvolvi azzjoni sa livell mingħajr preċedenti fir-reġjuni affettwati u fis-soċjetà; jinsab imħasseb dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-azzjoni kontra t-terroriżmu, li tista' twassal għal ksur ulterjuri tal-libertajiet ta' espressjoni, għaqda, assoċjazzjoni u reliġjon, speċjalment fit-Tibet u Xinjiang li huma r-reġjuni b'popolazzjonijiet minoritarji;

32.  Juri s-solidarjetà tiegħu mal-poplu taċ-Ċina fl-isforzi tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar il-fatt li d-definizzjoni ta' 'terrorista' inkluża fl-abbozz ta' liġi taċ-Ċina dwar l-azzjoni kontra t-terroriżmu tista', jekk ma tiġix sostanzjalment riveduta, tagħti lok għall-penalizzazzjoni ta' kważi kwalunkwe espressjoni paċifika tal-kultura, ir-reliġjon jew l-identità Tibetani li jistgħu jvarjaw minn dawk tal-istat;

33.  Jappella liċ-Ċina biex iżżid il-libertà fuq l-internet u tirrispetta ċ-ċibersigurtà tal-pajjiżi kollha;

34.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li Xinjiang hija maqbuda f'ċirku vizzjuż peress li, minn banda, jeżistu gruppi separatisti u estremisti vjolenti fost il-Musulmani Uyghur li jitkellmu bil-lingwa Turkika, li, madankollu, ma jirrappreżentawx il-maġġoranza vasta, u, mill-banda l-oħra, Beijing, biex iżżomm l-istabilità, qiegħda tirreaġixxi għat-taqlib soċjali b'dejjem iżjed ripressjoni, filwaqt li żżid il-preżenża tal-apparat ta' siġurtà tagħha fir-reġjun, u taljena lil ħafna persuni Uyghur minn Beijing u trawwem sentimenti kontra ċ-Ċiniżi Ħan fost il-popolazzjoni Uyghur; jiddeplora l-marġinalizzazzjoni tal-kultura Uyghur f'Xinjiang, inkluża l-projbizzjoni għall-uffiċjali Uyghur tas-servizz pubbliku milli jattendu moskej u f'xi nħawi milli josservaw ir-Ramadan; jappella lill-awtoritajiet Ċiniż biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jiżviluppaw djalogu ġenwin mal-komunità Uyghur, u biex iħarsu l-identità kulturali tal-popolazzjoni Uyghur; jinnota bi tħassib ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, speċifikament fit-Tibet u f'Xinjiang, li jistgħu jiġu imposti fuq ċittadini tal-UE, b'mod partikolari fil-każ tad-diplomatiċi u l-ġurnalisti; jinnota li l-ebda restrizzjoni ta' dan it-tip mhi applikabbli fuq iċ-ċittadini Ċiniżi (inklużi d-diplomatiċi u l-ġurnalisti) madwar l-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ b'qawwa għalhekk li jittieħdu passi biex il-prinċipju ta' reċiproċità jiġi infurzat;

35.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu ta' Hong Kong b'appoġġ għar-riformi demokratiċi; jevidenzja l-fatt li l-awtonomija ta' Hong Kong hi ggarantita mil-Liġi Bażika; isostni li l-introduzzjoni ta' sistema ta' votazzjoni universali vera u proprja fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali hi kompletament kompatibbli mal-prinċipju ta' 'Pajjiż wieħed, żewġ sistemi'; jiddeplora l-fatt li r-riforma tal-leġiżlazzjoni elettorali għall-ħatra tal-Kap Eżekuttiv f'Hong Kong ma setgħetx titlesta; jesprimi t-tama tiegħu li, fil-futur qarib, ikun jista' jibda proċess ta' riforma ġdid bl-għan li l-poplu ta' Hong Kong jingħata d-dritt għal votazzjoni universali diretta fl-2017, b'għażla ġenwina minn fost varjetà ta' kandidati; jilqa' r-Rapport Konġunt tal-24 ta' April 2015 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: "Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Ir-rapport annwali tal-2014", u jappoġġa l-impenn tal-UE favur it-tisħiħ tad-demokrazija, inklużi l-istat tad-dritt, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, it-trasparenza u l-libertà ta' informazzjoni u espressjoni f'Hong Kong;

36.  Jappoġġa b'qawwa l-prinċipju 'Pajjiż wieħed, żewġ sistemi' bħala bażi għal relazzjonijiet tajba bejn ir-Reġjuni Amministrattivi Speċjali ta' Hong Kong u Macao u ċ-Ċina kontinentali;

37.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward it-taqlib politiku u ċivili li kien hemm dan l-aħħar f'Hong Kong, u jappella liċ-Ċina biex tissodisfa l-obbligi tagħha lejn il-poplu ta' Hong Kong li tħares id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom, taħt it-termini tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittannika li ġiet iffirmata fl-1984;

Is-sitwazzjoni esterna

38.  Jinnota li, minn mindu tnediet, il-'Ħolma Ċiniża' ta' tixtil nazzjonali tipprevedi rwol aktar b'saħħtu u aktar proattiv għaċ-Ċina fid-dinja; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ tesplora l-possibilitajiet biex jiġi żviluppat approċċ komuni rigward iċ-Ċina flimkien mal-Istati Uniti, kull fejn dan ikun jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-interessi tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-qawmien taċ-Ċina bħala potenza globali tirrikjedi rikunsiderazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Ewropa fir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina, bħala kwistjoni urġenti; jissottolinja l-ħtieġa li potenza globali bħalma hi ċ-Ċina tikkontribwixxi, f'kuntest globalizzat u interdipendenti u b'mod aktar attiv u kostruttiv, għall-affrontar tal-isfidi globali u l-kunflitti reġjonali u għall-ksib ta' ordni dinji multilaterali li jirrispetta d-dritt internazzjonali, il-valuri universali u l-paċi; jikkunsidra li ċ-Ċina għandha tieħu dejjem iżjed postha fost il-pajjiżi mexxejja tad-dinja, u taġixxi skont ir-regoli stabbiliti għal kulħadd;

39.  Jinnota l-prijorità mogħtija mill-presidenza tal-President Xi Jinping lir-relazzjoni mal-Istati Uniti, minħabba l-proposta tiegħu għal 'tip ġdid ta' relazzjoni bejn potenzi kbar' bejn iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-atturi reġjonali l-oħra; jiffavorixxi approċċ aktar kostruttiv għal ordni dinji ġdid li ċ-Ċina għandha tgħin biex tibni u tintegra, ordni li jkun ibbażat fuq il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-sigurtà umana; jappella lill-UE biex tieħu rwol aktar attiv fl-Asja, u biex tikkoopera maċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-atturi reġjonali l-oħra għal aktar stabilità fir-reġjun;

40.  Jenfasizza li l-White Paper riċenti dwar l-istrateġija militari taċ-Ċina tistqarr l-intenzjonijiet ta' Beijing li tespandi ulterjorment il-forza navali Ċiniża u testendi l-firxa tal-operazzjonijiet tagħha, billi taqleb minn 'difiża tal-ilmijiet lil hinn mill-kosta' għal 'protezzjoni fl-ibħra internazzjonali'; jiddeplora l-istabbiliment unilaterali ta' zona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru u l-pretensjoni konsegwenti fuq il-kontroll tan-navigazzjoni fl-ajru fit-territorji tal-Ġappun u tal-Korea t'Isfel; jappella għal attitudni bbilanċjata, biex jiġu evitati l-preokkupazzjonijiet min-naħa tal-ġirien taċ-Ċina u aktar tensjoni fl-Oċean Paċifiku dak Indjan u biex jiġu ggarantiti l-interess kruċjali tal-Ewropa fil-libertà ta' navigazzjoni marittima;

41.  Jikkunsidra li hu ta' dispjaċir li, kuntrarju għad-Dikjarazzjoni tal-Kondotta tal-2002, bosta partijiet qed jirreklamaw l-art fil-Gżejjer Spratly, u jinsab partikolarment imħasseb dwar l-iskala massiva tal-isforzi preżenti taċ-Ċina, li jinkludu l-bini ta' faċilitajiet militari, portijiet u mill-inqas airstrip waħda; iwissi speċifikament kontra l-periklu li qed ifeġġ ta' żieda fil-preżenża ta' bastimenti navali u pattulji tal-ajru rivali fiż-żona u fil-konfrontazzjoni ta' bejniethom u tal-possibilità li tiġi stabbilita zona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru fuq il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

42.  Jibqa' allarmat minħabba t-tensjoni li qed tiżdied bejn il-partijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, u jappella, għaldaqstant, lill-partijiet kollha involuti biex jevitaw azzjonijiet provokanti unilaterali fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u jisħaq fuq l-importanza ta' riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, abbażi tad-dritt internazzjonali u bl-għajnuna ta' medjazzjoni internazzjonali imparzjali bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); jikkunsidra li hu ta' dispjaċir ir-rifjut taċ-Ċina li tirrikonoxxi l-ġuriżdizzjoni kemm tal-UNCLOS, kif ukoll tat-Tribunal tal-Arbitraġġ; jikkunsidra li possibilità biex isir progress fir-rigward ta' riżoluzzjoni paċifika eventwali tat-tensjoni fiż-żoni tal-Ibħra taċ-Ċina tan-Nofsinhar u tal-Lvant hi n-negozjar u l-implimentazzjoni konġunta tal-kodiċijiet ta' kondotta għall-isfruttament paċifiku taż-żoni marittimi kkonċernati, inkluż l-istabbiliment ta' rotot kummerċjali sikuri u ta' kwoti għas-sajd jew l-allokazzjoni taż-żoni għall-esplorazzjoni għal riżorsi; japprova l-appell urġenti mis-26 Summit tal-ASEAN għall-adozzjoni rapida ta' Kodiċi ta' Kondotta fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar bejn iċ-Ċina u l-ASEAN biex iħaffu l-konsultazzjonijiet dwar Kodiċi ta' Kondotta għat-tilwim fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jieħu nota tal-'Inizjattiva ta' Paċi fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar' ta' Tajwan, immirata biex jintlaħaq kunsens dwar kodiċi ta' kondotta u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu li jippermetti li n-naħat kollha jikkooperaw fl-isfruttament konġunt tar-riżorsi naturali u tal-baħar fir-reġjun; jappoġġa l-azzjonijiet kollha li jippermettu li l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar isir "Baħar ta' Paċi u Kooperazzjoni";

43.  Jappella lill-VP/RGħ biex tidentifika r-riskji għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun u anke globalment, fil-każ li jinqala' kunflitt armat fl-Ibhra taċ-Ċina tan-Nofsinhar u tal-Lvant, bi qbil mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà Marittima, x'riskji jkun jinvolvi għal-libertà u s-sikurezza tan-navigazzjoni fir-reġjun, u x'riskji jeżistu hemm għall-interessi Ewropej speċifiċi; jikkunsidra li, peress li atturi oħra (partikolarment l-Awstralja) huma diġà konsiderevolment attivi fuq livell politiku fil-Paċifiku, l-UE għandha tiddependi fuq il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali sabiex tikkontribwixxi b'mod effikaċi għas-sigurtà fir-reġjun;

44.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex juża l-lievi ta' influwenza kollha tiegħu biex jiżgura l-istabilità fil-penisola Koreana u jħajjar lill-Korea ta' Fuq tirritorna għal taħditiet kredibbli dwar id-denuklearizzazzjoni u biex tieħu passi konkreti lejn id-denuklearizzazzjoni; ifakkar li ċ-Ċina għadha l-aktar alleat importanti tal-Korea ta' Fuq, u għalhekk iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex, flimkien mal-komunità internazzjonali, jiżvolġi rwol kostruttiv fl-affrontar b'urġenza tas-sitwazzjoni mwiegħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, anke billi tiġi indirizzata l-problema tal-eluf ta' rifuġjati mill-Korea ta' Fuq li jaqsmu l-fruntiera lejn iċ-Ċina biex jaħarbu l-kundizzjonijiet terribbli minn fejn telqu; iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex, bi qbil mal-obbligi tiegħu bħala stat firmatarju għall-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati, la jiċħad id-dritt lil dawn ir-rifuġjati li jitolbu asil u lanqas ma jġegħilhom jirritornaw lejn il-Korea ta' Fuq, imma jħares id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom; jappella lill-UE biex teżerċita pressjoni diplomatika fuq il-gvern Ċiniż għal dan il-għan, bi qbil mal-objettivi globali ta' nonproliferazzjoni tagħha;

45.  Iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż jeżerċita influwenza fuq il-Pakistan sabiex jikkonvinċi lil dak il-pajjiż biex joqgħod lura milli jalimenta l-instabilità fir-reġjun;

46.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, inklużi l-operazzjonijiet kontra l-piraterija fil-Golf ta' Aden, u jappella għal aktar sforzi magħqudin biex jiġu affrontati l-kwistjonijiet globali fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża bħat-terroriżmu;

47.  Jiġbed l-attenzjoni ta' Beijing għar-rwol indispensabbli tal-Istati Uniti u tal-UE fir-rigward tal-objettivi ta' modernizzazzjoni taċ-Ċina; ifakkar, barra minn hekk, lil Beijing rigward l-obbligi u r-responsabilitajiet internazzjonali tagħha f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-paċi u s-sigurtà globali, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar il-fatt li ċ-Ċina, bi sħab mar-Russja, kontinwament imblukkat l-azzjoni tan-NU dwar is-Sirja, fejn gwerra qattiela qed titmexxa minn Bashar al Assad kontra l-poplu Sirjan, issa għal aktar minn erba' snin;

48.  Jissottolinja l-importanza ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-UE u l-atturi internazzjonali kruċjali l-oħra fl-indirizzar tal-kwistjonijiet fil-qasam tas-sigurtà globali; jittama li ċ-Ċina se toffri l-appoġġ tagħha għall-inizjattivi mmexxija mill-UE u mill-Istati Uniti bil-għan li jintemm il-ksur tad-dritt internazzjonali li qed jikkawża l-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant u li jiġu rrestawrati l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina b'segwitu għall-agressjoni min-naħa tar-Russja;

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

49.  Jinnota li teżisti kontradizzjoni qawwija bejn l-aspirazzjoni uffiċjali Ċiniża għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni f'dan il-qasam li sejra għall-agħar; jinnota li, kien fl-2013, li l-aħħar li bdiet sejra għall-agħar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fiċ-Ċina u li dan il-fatt intensifika r-ripressjoni li diġà kienet teżisti fuq il-popolazzjon , b'mod li trażżan saħansitra aktar l-ispazju għall-espressjoni u għal sostenn paċifiku favur is-soċjetà ċivili; jinsab profondament preokkupat rigward l-arrest, il-proċess u l-kundanna ta' diversi attivisti fil-qasam tad-drittijiet ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u kritiċi tal-gvern, kif ukoll dwar il-fatt li aktar minn 100 avukat u attivist fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem ġew detenuti jew interrogati mill-pulizija Ċiniża; jappella lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jeħilsu lil min hu miżmum f'kustodja u jiżguraw li jkun jista' jeżerċita l-professjoni tiegħu mingħajr xkiel;

50.  Jemmen li relazzjonijiet b'saħħithom u kontinwi bejn l-UE u ċ-Ċina jridu jipprovdu pjattaforma effikaċi għal djalogu matur, sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem abbażi tar-rispett reċiproku; jemmen ukoll li l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fl-2015 jipprovdi opportunità reali biex isir progress f'dan il-qasam;

51.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli tinsisti għal titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kull meta jiġi organizzat djalogu fi kwalunkwe livell, u tinkludi klawsoli rigward id-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe trattat bilaterali li jintlaħaq qbil dwaru maċ-Ċina;

52.  Jilqa' t-33 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem li sar fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2014; jinnota li d-djalogu, flimkien ma' pressjoni minn sħab internazzjonali oħra, ikkontribwixxa għal xi azzjonijiet konkreti; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għamlitha ċara f'diversi okkażjonijiet li xtaqet li d-djalogu jikseb titjib aktar tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post;

53.  Ifakkar li l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem dejjem kienet fil-qalba tad-djalogi bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem; jinnota bi tħassib li, fil-viżjoni uffiċjali Ċiniża, l-universalità tiġi kkuntestata minħabba raġunijiet ta' differenzi kulturali, u dan kien għajn importanti ta' differenzi kunċettwali li wasslu għal nuqqas ta' fehim u fiduċja fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u li rażżnu l-progress fid-djalogi bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem; jappella, għalhekk, lill-mexxejja Ċiniżi biex jikkunsidraw mill-ġdid id-direzzjoni li minnha jaslu għall-kwistjoni u jirrispettaw l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem b'mod konsistenti mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Ċiniżi fid-djalogi tagħhom sabiex jippromwovu r-rispett għall-universalità;

54.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar il-fatt li ċ-Ċina attwalment hi l-akbar bojja fid-dinja u tkompli timponi l-piena tal-mewt bil-moħbi fuq eluf ta' persuni fis-sena, mingħar ma tqis l-istandards minimi internazzjonali dwar l-użu tal-piena tal-mewt; jenfasizza għal darba oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

55.  Jibqa' mħasseb dwar ir-restrizzjonijiet stretti li għadhom jeżistu fuq il-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni, għaqda u reliġjon, kif ukoll fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

56.  Jiddeplora t-trattament spiss diskriminatorju tal-minoranzi reliġjużi u etniċi fiċ-Ċina;

57.  Jikkritika l-fatt li, waqt li fiċ-Ċina l-libertà ta' reliġjon mhix dritt nominalment iggarantit mill-kostituzzjoni, fil-prattika l-gvern jirrestrinġi l-prattiki reliġjużi għall-organizzazzjonijiet approvati u rikonoxxuti uffiċjalment; jappoġġa r-reżistenza tal-knejjes Ċiniżi kontra l-istrateġija mġedda tal-gvern ta' "Ċiniżizzazzjoni" tal-Kristjanità; jikkundanna, b'mod partikolari, il-kampanja kontra l-Kristjanità fil-provinċja ta' Zhejiang, li matulha nqerdu bosta knejjes u tneħħew aktar minn 400 salib fl-2014; jikkondividi t-tħassib tal-knejjes dwar provinċji oħra fejn hemm preżenza Nisranija qawwija; jikkundanna, barra minn hekk, il-kampanji kontra l-Buddiżmu mwettqa permezz tal-approċċ ta' 'edukazzjoni partijottika', inklużi miżuri għall-ġestjoni statali tal-monasteri Buddisti Tibetani; jikkundanna l-programmi ta' 'edukazzjoni legali' għall-patrijiet u s-sorjiet Buddisti; ma jistax jifhem jew jaċċetta l-projbizzjoni fuq xbihat tad-Dalai Lama fiċ-Ċina; jinsab imħasseb dwar il-fatt li qed isir abbuż mil-leġiżlazzjoni kriminali taċ-Ċina għall-persekuzzjoni tat-Tibetani u l-Buddisti, li l-attivitajiet reliġjużi tagħhom jitqiesu bħala ekwivalenti għas-'separatiżmu', u jara li t-tħassib tiegħu qed jiġi kkonfermat peress li l-patrijiet u s-sorjiet issa jirrappreżentaw madwar 44 % tal-priġunieri politiċi fit-Tibet; jiddeplora l-fatt li l-ambjent għall-prattika tal-Buddiżmu fit-Tibet mar għall-agħar b'mod sinifikanti b'segwitu għall-protesti Tibetani ta' Marzu 2008, bil-gvern Ċiniż li adotta approċċ aktar pervażiv għall-'edukazzjoni patrijottika', inklużi miżuri għall-mikroġestjoni tal-affarijiet monastiċi tal-Buddisti Tibetani, pereżempju permezz ta' kumitati ta' ġestjoni mhux eletti li ġew installati f'kull monasteru, programmi ta' 'edukazzjoni legali' għall-patrijiet u s-sorjiet biex jiġi żgurat li ma jipparteċipawx f'attivitajiet biex jaqsmu l-patrija u jiddisturbaw l-ordni soċjali, u projbizzjoni fuq ix-xbihat tad-Dalai Lama;

58.  Jinnota li l-President Xi Jinping ippreżenta ċerti impenji biex isir progress komprensiv biex il-pajjiż jiġi ggvernat skont id-dritt, flimkien mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinsab, madankollu, profondament imħasseb dwar il-ġbir riċenti ta' aktar minn 200 avukat, b'mod partikolari l-avukati li jiffokaw fuq każijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'ħafna minnhom akkużati b''taqlib tal-ordni pubbliku' u li ppruvaw idgħajfu l-Partit, meta l-awtoritajiet iddikjaraw li miżuri tant drastiċi huma filfatt difiża tas-sistema ġuridika taċ-Ċina; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri jikkontradixxu l-istqarrija tal-awtoritajiet li jridu jippromwovu l-istat tad-dritt u jdgħajfu kwalunkwe sforz li jsir favur ir-riforma politika;

59.  Ifakkar li, fil-viżjoni uffiċjali Ċiniża, id-drittijiet soċjoekonomiċi għadhom qed jingħataw prijorità fuq id-drittijiet ċivili u politiċi individwali, waqt li fil-fehim Ewropew dawn id-drittijiet huma kkunsidrati bħala fundamentali u ugwalment importanti u l-iżvilupp ekonomiku u d-drittijiet tal-bniedem jimxu id f'id, b'riflessjoni tad-differenzi fil-perċezzjonijiet Ewropej u Ċiniżi rigward id-drittijiet tal-bniedem li huma viżibbli fil-pożizzjonijiet uffiċjali; jisħaq ulterjorment fuq il-fatt li l-protezzjoni komprensiva tad-drittijiet tal-bniedem hi essenzjali biex ikompli jkun hemm tkabbir ekonomiku fiċ-Ċina, u għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jiżguraw ir-rispett kemm tad-drittijiet soċjoekonomiċi u kemm ta' dawk ċivili u politiċi;

60.  Jikkritika l-ambjent medjatiku altament restrittiv u d-dominji diġitali taħt kontroll strett taċ-Ċina, fejn il-kontenut barrani fuq l-internet, inkluż dak Ewropew, hu mblukkat u l-kontenut domestiku li jitqies ta' theddida politika jitħassar u jiġi ċċensurat rutinament; jipprotesta b'mod qawwi kontra l-għadd għoli ta' ċittadini Ċiniżi li qed jingħalqu fil-ħabs għal reati li jinvolvu l-libertà ta' espressjoni, speċjalment fuq l-internet;

61.  Jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li l-gvern Ċiniż qed ikompli bil-politiki bla kompromessi tiegħu kontra l-poplu Tibetan, speċjalment billi ċaħad l-approċċ ta' 'Triq tan-Nofs' tad-Dalai Lama, li la jfittex l-indipendenza u lanqas is-separazzjoni iżda awtonomija ġenwina fi ħdan il-qafas tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jappella biex il-gvern Ċiniż jerġa' jidħol fi djalogu mar-rappreżentanti Tibetani; jipprotesta kontra l-marġinalizzazzjoni tal-kultura Tibetana min-naħa tal-Partit Komunista taċ-Ċina, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw il-libertajiet ta' espressjoni, assoċjazzjoni u reliġjon tal-poplu Tibetan; jiddeplora d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fit-Tibet, li wassal għal żieda fil-każijiet ta' persuni li jissagrifikaw ħajjithom għall-kawża; jinnota bi tħassib il-miżuri kriminali li ġew mgħoddija dan l-aħħar fir-rigward tal-persuni li jissagrifikaw ħajjithom għall-kawża, immirati biex jiġi kkastigat min ikun allegatament assoċjat magħhom; jiddeplora r-risistemazzjoni furzata ta' aktar minn 2 miljun nomadu u ragħaj Tibetan mill-2006 'l hawn fl-hekk imsejjaħ "Villaġġ Soċjalista Ġdid", peress li huma maqtugħin mill-kura medika, l-edukazzjoni u l-prosperità; jinsab ugwalment imħasseb dwar it-trasferiment kostanti ta' popolazzjonijiet Han lejn it-Tibet; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-każi ta' tortura, għajbien u detenzjoni arbitrarja, u ċ-ċaħda ta' aċċess għall-kura medika għall-priġunieri, inkluż il-patri Tenzin Delek Rinpoche u 10 priġunieri Tibetani prominenti oħra; jeżiġi investigazzjoni dettaljata tal-każijiet kollha ta' mewt fil-ħabs; jinsab profondament imħasseb dwar id-degradazzjoni tal-ambjent tat-Tibet; jissottolinja l-fatt li l-altipjan Tibetan qiegħed jisħon malajr, u dan jista' jikkawża t-tidwib tal-glaċieri tat-Tibet, li ħafna minnhom jalimentaw l-akbar xmajjar fl-Asja;

62.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej li jinvestu fiċ-Ċina biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u biex jieħdu impenji li jmorru oltre d-drittijiet Ċiniżi fil-qasam tax-xogħol, jekk dawn ma jkunux jissodisfaw l-istandards miftiehma fil-livell internazzjonali;

Ir-relazzjonijiet bejn naħa u oħra tal-Istrett

63.  Jikkunsidra li kemm iċ-Ċina u kemm it-Tajwan huma sħab ekonomiċi importanti tal-UE fl-Asja u l-Paċifiku; jilqa' kwalunkwe titjib sinifikanti tar-relazzjonijiet bejn naħa u oħra tal-istrett; jargumenta favur in-negozjar ta' ftehim bilaterali ta' investiment bejn l-UE u t-Tajwan, peress li t-Tajwan, fuq livell reġjonali, hu l-aħjar mezz ta' aċċess u imbuttatura għaċ-Ċina għall-impriżi tal-UE, u peress li diversi stati - inkluż ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina - ikkonkludew ftehimiet (de facto) ta' dan it-tip mat-Tajwan;

64.  Ifaħħar il-fatt li l-gvern Ċiniż aċċetta l-parteċipazzjoni tat-Tajwan f'xi organizzazzjonijiet tan-NU (WHO, ICAO); jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-gvern Ċiniż afferma mill-ġdid il-Liġi tal-2005 kontra s-Seċċessjoni li tippermetti l-użu ta' mezzi militari fil-każ li t-Tawjwan jiddikjara l-indipendenza tiegħu; jiddeplora l-fatt li għad fadal 1 500 missila fuq distanza twila mmirati lejn it-Tajwan min-Nofsinhar taċ-Ċina; hu tal-fehma li demilitarizzazzjoni gradwali tar-reġjun kieku tkompli tiffaċilita t-tqarrib bejn il-partijiet; jenfasizza li t-tilwim kollu bejn naħa u oħra tal-istrett għandu jiġi riżolt b'mezzi paċifiċi abbażi tad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-laqgħa tat-23 ta' Mejju 2015 fil-Gżira Kinmen bejn uffiċjali ta' livell għoli miż-żewġ naħat tal-Istrett ta' Tajwan kienet pass inkoraġġanti; jinnota li din il-laqgħa kienet it-tielet laqgħa formali bejn il-kapijiet għall-affarijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett miċ-Ċina u mit-Tajwan; jappoġġa l-inizjattivi li jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn naħa u oħra tal-Istrett b'mod paċifiku;

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u l-pajjiżi kandidati, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż, lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv Tajwaniż.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

5

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Jo Leinen, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David McAllister, Jean-Luc Mélenchon, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Elena Valenciano, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Daniel Caspary, Andrzej Grzyb, Mike Hookem, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Miloslav Ransdorf, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Karoline Graswander-Hainz, Ernest Maragall, Gabriel Mato, Bogdan Brunon Wenta

(1)

ĠU L 250, 19.9.1985, p. 2.

(2)

ĠU L 6, 11.1.2000, p. 40.

(3)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 33.

(4)

ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 1.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0096.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0462.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0075.

(9)

ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.

(10)

ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 132.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2013)0097.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2013)0411.

(13)

Testi adottati, P7_TA(2013)0412.

(14)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.

(15)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2012)0301.

(17)

Testi adottati, P7_TA(2013)0603.

(18)

Testi adottati, P7_TA(2014)0252.

(19)

ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 59.

(20)

ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 471.

(21)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 118.

(22)

ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 121.

(23)

Testi adottati, P7_TA(2012)0257.

Avviż legali