Proċedura : 2015/2137(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0003/2016

Testi mressqa :

A8-0003/2016

Dibattiti :

PV 01/02/2016 - 15
CRE 01/02/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2016 - 6.10
CRE 02/02/2016 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0034

RAPPORT     
PDF 676kWORD 230k
7.1.2016
PE 569.794v02-00 A8-0003/2016

dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità

(2015/2137(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Mark Demesmaeker

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rieżami ta' nofs il-mandat tal-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità

(2015/2137(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Ir-rieżami ta' nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2015)0478),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar l-istatus u x-xejriet għat-tipi ta' ħabitats u għall-ispeċijiet li jkopru d-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Ħabitats għall-perjodu 2007-2012 bħalma jeżiġi l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats u bħalma jeżiġi l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Għasafar" (COM(2015)0219),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika miftuħa tal-'Kontroll tal-idoneità' fuq id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats"(1),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Ottubru 2015 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn il-bijodiversità ("Ewrobarometru speċjali 436"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2015" ("SOER 2015"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2014 dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Salvaġġi (COM(2014)0064),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-grupp ta' esperti tal-Orizzont 2020, dwar Soluzzjonijiet Ibbażati fuq in-Natura u Bliet li Jirritornaw għal Ambjent Naturali bit-titolu "Towards an EU Research and Innovation Policy Agenda for Nature-Based Solutions and Re-Naturing Cities", ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali (NCFF), li tifforma parti mill-istrument finanzjarju LIFE għall-miżuri ambjentali u relatati mal-klima,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva futura tal-UE taħt il-motto "l-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi",

–   wara li kkunsidra r-riżultati tat-12-il Konferenza tal-Partijiet (COP 12) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), b'mod partikolari: ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, inkluża r-raba' edizzjoni ta' Prospettiva tad-Diversità Globali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi; u miżuri biex tittejjeb l-implimentazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni X/34 tal-COP 10 dwar il-bijodiversità, li tenfasizza l-importanza tal-bijodiversità agrikola għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni speċjalment fid-dawl tat-tibdil fil-klima u ta' riżorsi naturali limitati kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tas-Summit Dinji tal-2009 dwar is-Sigurtà tal-Ikel,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ambjentali, tat-12 ta' Ġunju 2014, b'mod partikolari l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex iżidu r-riżorsi bil-għan li jintlaħqu l-impenji ta' Hyderabad billi, sal-2015, jirduppjaw il-flussi totali ta' riżorsi finanzjarji relatati mal-bijodiversità;

–  wara li kkunsidra r-rapport lis-Segretarjat tal-KDB u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bit-titolu "Nikkollegaw prijoritajiet globali: Il-Bijodiversità u s-Saħħa tal-Bniedem – Stat ta' Għarfien", ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa fid-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għall-approvazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 bit-titolu "It-trasformazzjoni tad-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB), inizjattiva dinjija "mmirata biex tagħmel il-valuri tan-natura viżibbli",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċi ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u l-Konvenzjoni dwar l-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS),

–  wara li kkunsidra l-Lista l-Ħamra ta' speċi ta' annimali fil-periklu tal-estizjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN),

–  Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi(2),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti,

–  wara li kkunsidra l-Politika Agrikola Komuni ta' wara l-2013, u b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni(3) u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar l-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-Infrastruttura Ekoloġika – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti"(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' April 2015 bit-titolu "Is-salvagwardja tad-diversità bijoloġika – il-politika tal-UE u ftehimiet internazzjonali",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Forest Europe dwar l-"Istat tal-Foresti tal-Ewropa 2015"(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali (id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali) tiegħu tal-2009 dwar il-liġijiet u l-prassi nazzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, b'mod partikolari l-Artikolu 6,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni adottata fil-115-il sessjoni plenarja tat-3 u tal-4 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Kontribut għal Kontroll tal-Idoneità fuq id-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0003/2016),

A.  billi jfakkar li l-bijodiversità tkopri l-varjetà unika tal-ekosistemi, ħabitats, speċi u ġeni fid-dinja, li fuqhom il-bniedem huwa dipendenti ħafna;

B.   billi l-bijodiversità għandha valur intrinsiku kbir li għandu jiġi mħares għall-benefiċċju ta' ġenerazzjonijiet futuri; billi l-bijodiversità tipprovdi wkoll benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u tikkontribwixxi valur soċjali u ekonomiku enormi, u billi l-kost tal-għażla soċjo-ekonomiku tan-nuqqas tal-kisba tal-mira ewlenija tal-bijodiversità huwa stmat li hu EUR 50 biljun fis-sena;

C.   billi l-agrikoltura għandha rwol ewlieni fl-ilħuq tal-miri tal-bijodiversità; billi l-ħtieġa għal produzzjoni effiċjenti tal-ikel – biex tiġi mitmugħa popolazzjoni dinjija li qed tiżdied b'rata mgħaġġla – u l-miri tal-politika tal-enerġija li jeħtieġu użu akbar tal-bijomassa bħala sors tal-enerġija qed jagħmlu domanda sinifikanti fuq l-industrija agrikola;

D.   billi s-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

E.   billi d-diversità tal-ispeċi u l-varjetajiet ta' pjanti kkultivati tradizzjonalment minn farms ta' daqs żgħir u medju u farms tal-familji hija ta' importanza enormi kemm f'termini ta' reazzjoni għad-diversi ħtiġijiet u użi fil-komunitajiet rurali, kif ukoll tat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-għelejjel għall-maltemp, il-pesti u l-mard;

F.   billi l-kultivazzjoni tal-art u t-trobbija sostenibbli u responsabbli tal-bhejjem jagħtu kontribut essenzjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità;

G.  billi l-bijodiversità hija taħt pressjoni qawwija madwar id-dinja, li qiegħda tikkawża tibdil irriversibbli li huwa ta' ħsara enormi għan-natura, is-soċjetà u l-ekonomija;

H.   billi l-Mira 11 ta' Aichi titlob il-ħarsien ta' mill-anqas 17 % taż-żoni terrestri u l-ilmijiet interni permezz ta' sistemi ġestiti b'mod effikaċi ta' żoni protetti; billi l-proporzjon ta' ekoreġjuni Ewropej li għandhom 17 % tat-territorju tagħhom fi ħdan żoni protetti jonqos ferm meta jiġu esklużi żoni protetti unikament minn Natura 2000;

I.  billi r-restawr tal-ekosistemi jista' jkollu impatt pożittiv fuq kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament għall-bidla fil-klima;

J.   billi mill-inqas 8 minn kull 10 ċittadini tal-UE jikkunsidraw l-impatt tat-telf tal-bijodiversità bħala serju u billi 552 470 ċittadin ipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura, l-akbar rispons li qatt kien hemm għal xi konsultazzjoni tal-Kummissjoni; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, iċ-ċittadini jixtiequ jirċievu aktar tagħrif dwar it-telf tal-bijodiversità u l-biċċa l-kbira tan-nies ma humiex konxji dwar in-Natura 2000.

K.   billi numri konsiderevoli ta' ċittadini impenjati, li jaġixxu jew fuq inizjattiva proprja jew bħala membri ta' gruppi ta' azzjoni lokali jew reġjonali, qed jieħdu miżuri lokali u reġjonali biex jippromwovu l-bijodiversità u b'hekk qed jiksbu riżultati pożittivi fi żmien relattivament qasir;

L.   billi 65 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu sa 5 km bogħod minn sit Natura 2000, u 98 % jgħixu sa 20 km bogħod, u dan juri li dawn is-siti għandhom il-potenzjal li jgħinu fiż-żieda tas-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità u li jipprovdu servizzi tal-ekosistema li jikkontribwixxu għall-benessri ta' proporzjon kbir tal-popolazzjoni tal-UE;

M.  billi l-politiki tal-bijodiversità għandhom ikunu f'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, sabiex id-differenzi reġjonali fil-pajżaġġi u l-ħabitats ikunu rispettati bis-sħiħ;

N.  wara li kkunsidra l-importanza tal-bijodiversità fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, li jirrappreżentaw ir-riżervi uniċi ta' speċi ta' flora u fawna endemiċi; billi, madankollu, id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats mhumiex applikati f'uħud minn dawn ir-reġjuni;

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-istrateġija għall-bijodiversità, u tar-rapporti dwar "Il-Qagħda tan-Natura" u l-"SOER 2015"; jenfasizza l-importanza strateġika ta' dawn ir-rapporti għall-kisba tal-miri tal-bijodiversità tal-UE;

2.   Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar it-telf kontinwu ta' bijodiversità; jinnota li l-miri tal-2020 mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi addizzjonali, sostanzjali u kontinwi; josserva fl-istess ħin, li l-evidenza xjentifika wriet li n-natura tal-Ewropa tkun fi stat ħafna agħar mingħajr l-impatt pożittiv tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats, u li sforzi mmirati u ffinanzjati kif jixraq ġenwinament jagħtu riżultati pożittivi; jenfasizza, madankollu, li għad hemm potenzjal kbir għal titjib;

3.   Jenfasizza li l-qerda tal-ħabitats hija l-akbar fattur li qed iwassal għal telf tal-bijodiversità u tirrappreżenta prijorità partikolari sabiex jiġi indirizzat dan it-telf, i.e. permezz tat-tnaqqis tad-degradament u l-frammentazzjoni;

4.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità ma jirreferix biss għall-ispeċi u l-ħabitats iżda anke għad-diversità ġenetika; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika;

5.  Jenfasizza r-rwol kritiku tal-bijodiversità fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għanijiet 14 ("il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar"), u 15 ("il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta' ekosistemi terrestri, foresti ġestiti b'mod sostenibbli, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u li titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità"); ifakkar li l-UE għandha bijodiversità inkredibbli, b'mod partikolari bis-saħħa tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, iżda wkoll permezz tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej assoċjati magħha; għalhekk jistieden lill-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għat-tisħiħ ulterjuri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u tiżgura li din tiġi implimentata b'mod effettiv;

6.  Jinnota li l-frammentazzjoni, id-degradazzjoni u l-qerda tal-ħabitats bħala konsegwenza tat-tibdil fl-użu tal-art, it-tibdil fil-klima, ix-xejriet tal-konsum mhux sostenibbli u l-użu tal-ibħra huma wħud mill-pressjonijiet u l-ixprunaturi ewlenin li jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha; jenfasizza, għalhekk il-ħtieġa li jiġu identifikati u jiġu stabbiliti indikaturi li b'mod ċar u xjentifikament ikejlu l-istat tal-bijodiversità f'inħawi jew reġjun partikolari u li jiġi appoġġjat l-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fuq livell globali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u, b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-UE biex tankra aħjar l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-bijodiversità mal-istrateġiji tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-Ewropa 2020; jenfasizza li ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi u tnaqqis fil-konsum żejjed jistgħu jippermettu lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi naturali, b'mod partikulari minn barra l-Ewropa; ifakkar ukoll li approċċi bbażati fuq l-ekosistemi fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jistgħu joffru alternattivi kosteffiċjenti għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi, filwaqt li l-progress f'bosta xjenzi applikati jiddependi fuq id-disponibbiltà u d-diversità tal-assi naturali;

7.   Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' aktar rieda politika fl-ogħla livell għall-ħarsien tal-bijodiversità u biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; iqis essenzjali l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, l-infurzar u aktar integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f'oqsma oħra ta' politika; jistieden, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni u jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità;

8.   Jiddeplora l-fatt li, fl-Ewropa, madwar kwart tal-ispeċi selvaġġi huma f'riskju ta' estinzjoni u bosta ekosistemi huma degradati, u dan jikkaġuna dannu ekonomiku u soċjali kbir ħafna għall-UE;

9.   Jenfasizza li n-natura u l-iżvilupp ekonomiku mhumiex reċiprokament esklużivi; huwa konvint mill-bżonn li n-natura tiġi integrata b'mod aktar sħiħ fis-soċjetà, inkluża l-ekonomija u l-intrapriżi privati, sabiex jiġi ġġenerat tkabbir ekonomiku sostenibbli u jittieħdu miżuri proattivi biex l-ambjent ikun imħares, restawrat u mmaniġġjat aħjar; jikkunsidra b'mod partikolari, li l-impenn favur it-tnaqqis tal-isfruttament tar-riżorsi jrid ikun ċentrali fil-konverġenza tal-miri ambjentali u dawk ekonomiċi;

10.   Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità għandu kostijiet ekonomiċi devastanti għas-soċjetà li s'issa ma ġewx integrati b'mod suffiċjenti fil-politiki ekonomiċi u f'politiki oħrajn; iqis li huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li l-investiment fil-bijodiversità huwa essenzjali mil-lat soċjoekonomiku; jinnota li wieħed minn kull sitt impjiegi fl-UE jiddependi sa ċertu punt fuq in-natura u l-bijodiversità; jenfasizza li l-bijodiversità għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq ħiliet, impjiegi u opportunitajiet kummerċjali ġodda; jilqa' metodi għall-kejl tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità; iqis li dawn l-istrumenti jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni, itejbu l-użu tar-riżorsi disponibbli u jwasslu għal teħid aħjar tad-deċiżjonijiet;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-bijodiversità u l-ekosistemi f'affarijiet ekonomiċi, bil-ħsieb li nimxu lejn ekonomija ekoloġika, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri meħuda favur l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li l-bijodiversità hija responsabilità soċjali globali li ma tistax tkun ibbażata biss fuq in-nefqa pubblika;

12.  Huwa tal-fehma li l-valur ekonomiku tal-bijodiversità għandu jkun rifless f'indikaturi li jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet (mingħajr ma jwasslu biex il-bijodiversità ssir komodità) u li jmorru lil hinn mill-PDG; jinsab konvint li dan huwa ta' benefiċċju għall-kisba tal-SDGs; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-integrazzjoni sistematika tal-valuri ta' bijodiversità fis-sistemi tal-kontabilità nazzjonali bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ tal-SDG;

13.   Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha naqsu milli jilħqu l-miri tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2010; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta' progress biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità għall-2020, biex tipprovdi lill-Parlament b'żewġ rapporti annwali li fihom il-Kunsill u l-Kummissjoni jelaboraw dwar is-sitwazzjoni attwali, ir-raġunijiet għal nuqqas ta' kisba u l-istrateġija biex tkun żgurata l-konformità fil-futur;

Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-Bijodiversità

Mira ewlenija

14.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jagħtu prijorità ogħla lill-kisba tal-miri tal-2020; jitlob għal approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati u jenfasizza r-rwol vitali tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-finanzjament u kuxjenza pubblika u l-fehim akbtar ta', u l-appoġġ għall-ħarsien tal-bijodiversità huma wkoll essenzjali; iqis li politika ta' informazzjoni tajba u l-involviment bikri tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-atturi soċjoekonomiċi, huma għalhekk essenzjali biex jintlaħqu dawn il-miri;

15.  Jistieden lill-UE tnaqqas l-impronta tal-bijodiversità tagħha mad-dinja kollha, f'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, u biex tinġieb fil-limiti ekoloġiċi tal-ekosistemi billi tagħmel progress fil-kisba tal-miri ewlenin tal-bijodiversità u biex tissodisfa l-impenji dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità; jistieden ukoll lill-UE tassisti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex iħarsu l-bijodiversità u jiżguraw l-użu sostenibbli tagħha;

Mira 1

16.   Jiddeplora l-fatt li l-progress fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE qed isir bil-mod mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri;

17.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar, u finanzjament adegwat, tad-Direttivi dwar in-Natura huma prerekwiżit essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija b'mod ġenerali u biex tintlaħaq il-mira ewlenija tagħha; jitlob, minħabba ż-żmien qasir disponibbli, lill-partijiet kollha kkonċernati biex jagħmlu ħilithom kollha biex jinkiseb dan u biex jiġi ġġenerat appoġġ wiesa';

18.   Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jisimgħu lin-nofs miljun ċittadin li talbu li l-liġijiet b'saħħithom tagħna dwar il-ħarsien tan-natura jiġu rrispettati u jiġu implimentati aħjar;

19.   Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-linji gwida, li għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-infurzar sħiħ tad-direttivi, skont il-ġurisprudenza eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prijorità lid-djalogu mal-Istati Membri u l-atturi rilevanti kollha inklużi dawk soċjoekonomiċi, sabiex tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattiki;

20.   Jirrikonoxxi li wieħed mill-benefiċċji ewlenin tad-Direttivi dwar in-Natura huwa l-punt sa fejn dawn jgħinu jiżguraw kundizzjonijiet indaqs fl-UE billi jipprovdu standard bażiku ta' protezzjoni ambjentali, li l-Istati Membri kollha għandhom jissodisfaw skont il-ħtiġiet għal standards komuni u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku;

21.   Jinnota li fl-2012, 58 % biss tas-siti Natura 2000 kellhom pjanijiet ta' ġestjoni; jinsab imħasseb bil-livelli diverġenti ta' implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkompletaw l-għażla tas-siti tal-art u tal-baħar tan-Natura 2000 u jfasslu pjanijiet ta' ġestjoni, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha;

22.  Jenfasizza li filwaqt li l-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fi ħdan l-UE tiswa minimu ta' EUR 5.8 biljun, dawn iġibu benefiċċji ambjentali u soċjoekonomiċi tal-valur ta' bejn EUR 200 biljun u EUR 300 biljun fis-sena; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-siti ta' Natura 2000 ikunu ġestiti b'mod trasparenti;

23.  Jirrikonoxxi l-kontribut vitali li ż-Żoni Protetti tal-Baħar stabbiliti taħt in-netwerk Natura 2000 se jkollhom fil-kisba ta' Status Ambjentali Tajjeb skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, u fil-kisba tal-mira globali li sal-2020 jiġu protetti 10 % taż-żoni kostali u tal-baħar, kif stabbilit fl-Objettiv 11 dwar il-Bijodiversità ta' Aichi; jiddispjaċih li din il-mira għada 'l bogħod milli tintlaħaq;

24.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-ħabitats u tal-ispeċi, b'mod partikolari fejn hemm lakuni ewlenin, sabiex jevalwaw il-progress li sar fil-kisba ta' dawn il-miri;

25.   Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li għad m'hemmx għarfien dettaljat dwar il-finanzjament attwali tal-konservazzjoni tan-natura minn kull Stat Membru; iqis dan bħala lakuna sinifikanti fl-għarfien tagħna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jikkumpilaw il-linji baġitarji nazzjonali rilevanti, mingħajr dewmien;

26.   Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-kofinanzjament tal-UE għall-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000, li jikkumplimentaw il-fondi għall-iżvilupp rurali u strutturali u għas-sajd, u għall-fondi disponibbli mill-Istati Membri;

27.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinfurzaw id-Direttivi dwar in-Natura b'mod kuxjenzjuż; jenfasizza li l-konformità ma', u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tittejjeb permezz ta', pereżempju, l-użu ta' penali proporzjonali, effettivi u dissważivi;

28.  Jitlob, f'dak il-kuntest, għal sforzi addizzjonali biex jitwaqqaf il-qtil, l-insib u l-kummerċ kollu illegali tal-għasafar u biex jiġu solvuti l-kunflitti lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ġodda biex jiġu identifikati attivitajiet illegali fis-siti tan-Natura 2000;

Mira 2

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika mingħajr dewmien proposta speċifika għall-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew għal infrastruttura ekoloġika (TEN-G) sal-2017; jinkoraġġixxi l-iżvilupp konġunt flimkien mal-Istati Membri, ta' strateġija għal kurituri Ewropej għall-annimali selvaġġi għall-ispeċi fil-mira;

30.   Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma żviluppawx u ma implimentawx oqfsa ta' prijoritizzazzjoni tar-restawr tal-ekosistemi, biex jagħmlu dan minnufih;

31.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw il-mira ta' restawr ta' 15 % tal-ekosistemi degradati sal-2020 u biex jużaw l-approprjazzjonijiet disponibbli għal dan il-għan fi ħdan il-QFP; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida dwar kif għandhom jintużaw dawn l-approprjazzjonijiet għar-restawr tal-ekosistemi degradati u għall-protezzjoni tal-bijodiversità b'mod ġenerali;

32.   Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-agrikoltura u l-forestrija għall-kisba ta' din il-mira u għall-ħtieġa għal soluzzjonijiet sostenibbli għall-agrikoltura u l-forestrija;

33.   Jirrikonoxxi l-impatt negattiv tat-tniġġis tal-arja fuq il-bijodiversità u fuq is-servizzi ekosistemiċi, fejn it-tagħbijiet kritiċi tan-nitroġenu nutrittiv u aċidità jintużaw bħala indikatur tal-pressjoni fuq l-ekosistemi naturali u d-diversità tal-ispeċi;

34.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fil-bijodiversità sabiex jappoġġaw il-kapaċità tal-kumpaniji li jinnovaw, b'mod partikolari fil-qasam tal-inġinerija ekoloġika;

Mira 3

35.   Jinnota li l-inkorporazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura f'oqsma oħra ta' politika tibqa' ta' importanza kbira, u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-agrikoltura u tal-forestrija f'dan ir-rigward;

36.  Jenfasizza li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf, u għalhekk hija fl-interess tal-bdiewa; jenfasizza l-importanza ta' approċċ li jkopri wkoll il-varji partijiet interessati li tinvolvi wkoll b'mod attiv u tinkoraġġixxi lill-bdiewa u lill-operaturi tal-forestrija sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi b'mod konġunt;

37.  Ifakkar li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) diġà għandha strumenti għar-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità, bħalma huma l-Erjas b'Fokus Ekoloġiku (EFE); jirrimarka li r-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż fiż-żoni tan-Natura 2000 huwa enfasizzat bħala wieħed mis-sitt prijoritajiet ewlenin għall-iżvilupp rurali fl-UE;

38.  Jinnota b'dispjaċir li ma sarx titjib li jista' jitkejjel fl-istatus tal-bijodiversità fl-agrikoltura, iżda jirrikonoxxi li għadu kmieni wisq biex titkejjel l-effettività reali tal-PAK riformata; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-PAK, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw, jevalwaw u, jekk ikun il-każ, itejbu l-effettività ta' miżuri ekoloġiċi – inkluża l-valutazzjoni tal-flessibilità tal-Istat Membru – u miżuri ta' żvilupp rurali rilevanti fil-kuntest tal-PAK; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sejbiet tagħha fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-PAK;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-istrumenti eżistenti tal-PAK u tal-Politika ta' Koeżjoni biex jgħinu lill-bdiewa u l-operaturi tal-forestrija fil-kisba tal-miri tal-bijodiversità;

  jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu sostenibbli ta' riżorsi ġenetiċi ta' pjanti u varjetajiet agrikoli tradizzjonali, flimkien ma' soluzzjonijiet sostenibbli għall-agrikoltura u l-forestrija;

40.   Jenfasizza li l-EFE fil-prinċipju għandhom ikunu żoni għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-proċessi agroekoloġiċi bħall-pollinazzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika data dwar kemm l-Istati Membri kienu qed jippermettu l-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti f'dawn l-EFE minn mindu r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 daħal fis-seħħ;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-interess tat-trasparenza, tippubblika l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri għall-għażla tagħhom ta' miżuri ħodor;

42.   Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji skont il-PAK minflok ma jissussidjaw attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, jiġu diretti sabiex jiffinanzjaw prattiki agrikoli sostenibbli u ż-żamma tal-bijodiversità konnessa;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares il-bijodiversità agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tinkiseb is-sigurtà tal-ikel; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinvesti fl-agroekoloġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tad-dinja billi tiżgura proċessi ekoloġiċi u l-bijodiversità tal-foresti u l-produttività billi tirrispetta d-drittijiet tal-popli indiġeni li jsostnu r-riżorsi tal-foresti. barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-qerda tal-foresti naturali, sabiex tissalvagwardja l-ispeċi fil-periklu, u biex tipprojbixxi l-pestiċidi tossiċi u t-tħawwil ta' siġar ġenetikament modifikati;

45.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar, bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tappoġġja l-bijodiversità, il-foresti tropikali, minħabba l-konċentrazzjoni tagħhom ta' ekosistemi, ħabitats u l-ispeċi vulnerabbli partikolarment fil-periklu, ir-rwol fundamentali tagħhom għall-bilanċ ambjentali u l-klima, u l-funzjoni soċjali u kulturali tagħhom għall-popolazzjonijiet indiġeni;

46.   Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti bil-għan li jtejbu l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi tal-foresti, u biex itejbu d-disponibilità tal-informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji u standards għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-bijodiversità tal-foresti biex tiżgura li jkun hemm konsistenza u komparabilità;

47.   Jiġbed l-attenzjoni għat-theddida potenzjali għall-bijodiversità maħluqa mid-domanda dejjem tikber għal fjuwils agrikoli u l-pressjoni dejjem aktar intensa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipproduċuhom, permezz tal-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ħabitats u ekosistemi bħall-artijiet mistagħdra u l-foresti;

48.  Iħeġġeġ biex il-kriterji ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali għall-produzzjoni tal-bijomassa jiffurmaw parti koerenti tal-qafas stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED); iqis li huwa fundamentali li jiġu żviluppati standards ta' sostenibilità għas-setturi kollha fejn il-bijomassa tista' tintuża, flimkien ma' kriterji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġi żgurat li l-bijoenerġija ma tikkontribwixxix għat-tibdil fil-klima jew isir xprunatur addizzjonali tal-ħtif tal-art u tal-insigurtà tal-ikel;

49.  Jinnota bi tħassib li 90 % taż-żejt tal-palm ikkunsmat fid-dinja jiġi prodott fl-Indoneżja u l-Malasja għad-detriment tal-foresti tal-pit, li jinħarqu biex jagħmlu spazju għal pjantazzjonijiet kbar tal-akaċja u tal-palma li tipproduċi ż-żejt; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont studju mwettaq mill-Bank Dinji, l-Indoneżja saret it-tielet l-akbar emittent ta' gassijiet b'effett ta' serra, preċiżament minħabba n-nirien tal-foresti;

Mira 4

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Politika Komuni tas-Sajd riformata b'mod korrett u fil-pront, billi japplikaw ġestjoni tas-sajd ibbażata fuq l-ekosistemi sabiex tintlaħaq il-mira tar-rendiment massimu sostenibbli billi, inter alia, jiġu promossi metodi ta' qbid sostenibbli u innovattivi; jenfasizza l-importanza li jitnaqqas it-tniġġis sabiex titħares, inter alia, il-bijodiversità tal-baħar u l-istokkijiet, u biex tappoġġja t-tkabbir ekonomiku permezz tal-ekonomija blu;

51.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar bħala pedament għall-iżvilupp sostenibbli għall-pajjiżi kostali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji preċedenti u biex jaħdmu mal-gvernijiet fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali biex jagħtu spinta sinifikanti tal-ambizzjoni u l-azzjoni biex jinkiseb sajd ekwitabbli u ekonomikament u ekoloġikament sostenibbli;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-UE tieħu sehem ewlieni biex jintlaħaq ftehim taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-istati;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

54.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità ambjentali tal-ibħra tal-UE billi jwettqu proġetti bil-għan li jnaqqsu t-tniġġis kimiku, fiżiku u mikrobijoloġiku billi jottimizzaw is-sostenibbiltà tat-traffiku marittimu u l-ħarsien tal-bijodiversità, li hija inevitabbilment fil-periklu; jinnota f'dan ir-rigward li 12,7 miljun tunnellata ta' plastik (5 % tal-produzzjoni totali) jispiċċaw fl-oċeani kull sena mis-sistemi ta' dranaġġ, kanali u miżbliet tul il-kosti, li jfixklu l-ambjent u l-bijodiversità tal-pjaneta kollha;

Mira 5

55.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr dewmien u f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, il-lista preċiża u komprensiva ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, bil-komprensjoni li tali lista m'għandhiex tkun limitata għal numru fiss ta' speċi u għandha tinkludi azzjonijiet ta' implimentazzjoni sħiħa u koerenti – appoġġjati minn riżorsi xierqa – immirati biex jiksbu l-miri; jisħaq fuq l-importanza ta' aġġornament regolari ta' din il-lista u li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskji addizzjonali għall-ispeċi, biex il-leġiżlazzjoni dwar l-ispeċi aljeni invażivi tista' twettaq ir-rwol ta' lieva b'saħħitha;

56.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-ilma tas-Saborra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex jiġi pprevenut it-tixrid ta' speċi aljeni mit-trasport marittimu u fuq passaġġi tal-ilma interni u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u l-kisba tal-mira;

57.   Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-importazzjonijiet ta' speċi eżotiċi fit-territorju tagħhom u biex jirrapurtaw regolarment dwarhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra; jitlob restrizzjonijiet ikbar fuq l-importazzjonijiet u l-pusses privat ta' speċi mhedda, inklużi l-primati, ir-rettili u l-amfibi;

Mira 6

58.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ineħħu gradwalment sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent sal-2020 li jiżguraw li jiġu kompletati evalwazzjonijiet ta' tali sussidji sal-2016 u li r-rekwiżiti għal rappurtar ikunu inkorporati f'oqsma ta' politika settorjali rilevanti tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

59.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad fadal biex jirratifikaw il-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom qabel il-COP-MOP 2 f'Diċembru 2016;

60.   Ifakkar li, fuq livell globali, l-UE tagħmel kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità u li, mal-Istati Membri tagħha, hi l-akbar donatur ta' fondi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-akbar kontributur ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp għall-bijodiversità;

61.  Jilqa' l-proġetti ewlenin tal-Kummissjoni B4Life għall-2014-2020, iżda jemmen li l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji, u jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jwettqu l-impenji tagħhom ta' Hyderabad biex jiġu rduppjati l-flussi ta' finanzjament relatati mal-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2015 u biex dan il-livell jinżamm tal-anqas sal-2020;

62.  Jenfasizza li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u mat-telf ta' ħabitats huma ta' theddida diretta u prevalenti għall-bijodiversità dinjija; jirrikonoxxi li t-tħallija barra tat-traffikar ta' organiżmi salvaġġi u n-nuqqas ta' azzjoni relatat mal-involviment tal-UE fis-CITES huma lakuna serja fl-istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa urġenti għal azzjoni kkoordinata biex jiġi miġġieled in-negozju illegali ta' organiżmi salvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' annimali u pjanti selvaġġi, u prodotti derivati minnhom, u jitlob li jittieħdu miżuri simili biex jiġu megħluba d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

Kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura

63.  Jenfasizza li d-Direttivi dwar in-Natura huma passi importanti għall-politika tan-natura, mhux biss fi ħdan l-UE iżda wkoll internazzjonalment; iqis li, bis-saħħa tal-forma konċiża koerenti u konsistenti, dawn d-Direttivi dwar in-Natura jistgħu, biex ngħidu hekk, jitqiesu bħala regolamentazzjoni intelliġenti avant la lettre;

64.   Jisħaq li n-Natura 2000 għadha netwerk relattivament ġdida, li l-potenzjal sħiħ tagħha għadu 'l bogħod milli jintlaħaq; iqis li d-Direttivi dwar in-Natura jibqgħu rilevanti u li l-aħjar prattiċi ta' implimentazzjoni juru l-effettività tagħhom; jisħaq li hemm biżżejjed flessibbiltà fid-Direttivi tan-Natura, inkluża l-għażla għall-adattament skont il-progress tekniku u xjentifiku; jinnota li l-implimentazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità;

65.   Jopponi rieżami possibbli tad-Direttivi dwar in-Natura għaliex din tipperikola l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità, twassal għal perijodu twil ta' inċertezza legali bir-riskju li tirriżulta fi protezzjoni leġiżlattiva u finanzjament imdgħajfa, u tkun ta' dannu għan-natura, għall-persuni u għall-kummerċ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kontroll tal-programm REFIT li għaddej bħalissa tad-Direttivi dwar in-Natura għandu jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni;

66.  Huwa konvint li kwalunkwe diffikultà biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-Natura u tal-Istrateġija tal-Bijodiversità inġenerali ma jinstabux fil-leġiżlazzjoni iżda primarjament fl-implimentazzjoni inkompleta u inadegwata f'oqsma oħra ta' politika;

67.  Jenfasizza li hemm biżżejjed flessibilità fi ħdan id-Direttivi tan-Natura biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom b'kont meħud tal-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, kif imsemmi fid-Direttiva dwar il-Ħabitats; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, biex tiċċara l-interpretazzjoni tagħhom u l-linji gwida ta' implimentazzjoni sabiex jiġu evitati u solvuti punti kontenzjużi;

68.  Jitlob eżami dettaljat tar-rwol ta' predaturi kbar u l-introduzzjoni possibbli ta' miżuri ta' aġġustament biex jiġi żgurat li l-bijodiversità, il-pajżaġġ agrikolu u l-prattika ta' mijiet ta' snin fejn annimali jitħallew jirgħu f'reġjuni muntanjużi jinżammu;

69.   Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura għall-ħarsien tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispeċi fiż-żoni protetti; jiddeplora, madankollu, il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi, li jikkostitwixxu riżervi uniċi ta' speċi u ta' ekosistemi u jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-bijodiversità globali u Ewropea, huma esklużi minn dan il-qafas leġiżlattiv u minn kull qafas leġiżlattiv ieħor adattat għall-ispeċifiċitajiet tagħhom; jissottolinja, għalhekk, is-suċċess tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-programm LIFE+ f'dawn ir-reġjuni u tal-inizjattiva Ewropea BEST biex jissaħħu l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-adattament għall-bidliet klimatiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

70.   Jistieden lill-Kummissjoni, in segwitu tal-azzjoni preparatorja BEST, tintroduċi mekkaniżmu sostenibbli ta' finanzjament għall-protezzjoni tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

It-triq 'il quddiem: miżuri addizzjonali

71.   Jikkunsidra t-telf tal-bijodiversità barra żoni tan-natura protetti bħala lakuna fl-istrateġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru informazzjoni dwar dawn il-ħabitats u l-ispeċi u biex jiġu żviluppati oqfsa xierqa biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-ħabitat u telf nett tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema permezz ta' ħidma mal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili;

72.   Jikkunsidra li tali qafas irid jinkludi ġabra ta' miżuri kumplimentari li jindirizzaw il-kawżi bażiċi tat-telf tal-biodiversità u jtejjeb l-integrazzjoni tal-bijodiversità f'politiki settorjali inklużi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija u t-trasport;

73.   Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz ta' inizjattivi dwar l-ippjanar urban, l-użu meqjus ta' spazju, u protezzjoni adegwata tan-netwerk Natura 2000, għall-preżervazzjoni tal-ispazji miftuħa – b'mod partikolari billi jaddottaw approċċ pastoralist minflok jabbandunaw l-art, li jżid ir-riskji naturali bħal valangi tas-silġ u tat-tajn, movimenti fl-art – u biex jistabbilixxu netwerk koerenti ta' infrastruttura Marittima-Ekoloġika f'żoni rurali u urbani, filwaqt li fl-istess ħin joħolqu ċ-ċertezza legali meħtieġa għal attivitajiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi sommarju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

74.   Iqis essenzjali li, sabiex jintużaw ir-riżorsi disponnibbli b'mod aktar effiċjenti u b'mod aktar immirat, li l-Kummissjoni tfassal kriterji speċifiċi għal "Faċilità ta' Finanzjament għall-Kapitali Naturali", li jridu jiggarantixxu li l-proġetti jwasslu għal riżultati xierqa, pożittivi u xjentifikament tanġibbli għall-bijodiversità; iqis li l-proġetti LIFE għandhom ikunu marbuta ma' finanzjament minn flussi ta' programmi oħra bħal Fondi Strutturali sabiex jiżdiedu u jiġu replikati proġetti ta' suċċess permezz tal-UE u jikkreaw effett multiplikatur akbar;

75.   Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-approċċ li jinvolvi ħafna fondi għall-finanzjament tal-bijodiversità, u jitlob għall-konnessjoni aħjar bejn l-għodda finanzjarji varji;

76.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koerenza f'setturi settorjali rilevanti biex jinkorporaw miri tal-bijodiversità filwaqt li jiżguraw li l-QFP li jmiss jiggarantixxi l-ebda telf globali nett ta' bijodiversità u ta' servizzi tal-ekosistema.

77.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' livell għoli dwar il-Kapital Naturali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet billi tagħtihom prominenza u prijorità politika akbar;

78.   Jiddispjaċih li d-dritt tal-ambjent tal-UE mhuwiex suġġett għal spezzjonijiet ambjentali koerenti u effettivi, u għal sorveljanza biex jinstabu u jiġu pprevenuti ksur għad-dritt tal-ambjent tul setturi differenti, inkluż għal siti tal-konservazzjoni tan-natura protetti; jilqa' x-xogħol preparatorju li sar għall-kisba ta' qafas tal-UE għal spezzjonijiet ambjentali u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien ulterjuri;

79.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-Natura, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw b'mod partikolari fuq ir-rabtiet bejn il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u l-benesseri ekonomiku, u biex jikkoordinaw il-miżuri għall-ġbir tad-data; jenfasizza li għad hemm lakuni kbar fl-għarfien dwar l-istat tal-ekosistemi tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-data dwar l-impatt tas-sajd u l-akkwakultura fuq l-ambjent usa' tinġabar u tkun disponibbli għall-pubbliku;

80.     Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu inizjattiva Ewropea dwar pollinaturi mingħajr dewmien – b'attenzjoni partikolari fil-pjanti tar-reżistenza tal-pesti li jaffettwaw in-naħal u insetti oħra li jdakkru – u fuq il-bażi ta' politiki li diġà saru fl-Istati Membri, u biex isiru proposti dwar id-Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija, u dwar direttiva dwar aċċess għall-ġustizzja u fuq il-qafas legali rivedut tal-UE għal spezzjonijiet ambjentali mingħajr aktar dewmien;

81.   Jenfasiżża bi tħassib il-ġabra ta' evidenza xjentifika li dejjem qed tikber li turi l-effett negattiv li l-pestiċidi neonikotinojdi jista' jkollhom fuq servizzi essenzjali bħall-pollinazzjoni u l-kontroll naturali tal-organiżmi ta' ħsara; għalħekk jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-projbizzjoni tagħha fuq l-użu tan-neonikotinojdi;

82.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni meta jawtorizzaw l-użu u r-rilaxx fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ħajjin, sabiex jiġi prevenut kull impatt negattiv fuq il-bijodiversità;

83.   Jenfasizza l-importanza tal-Programm LIFE għall-ambjent, u b'mod partikolari is-subprogramm tan-Natura u tal-Bijodiversità, sabiex titħares u tittejjeb il-Bijodiversità Ewropea;

84.   Jemmen bis-sħiħ li l-ambjent u l-innovazzjoni huma kumplimentari għal xulxin, u jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jipprovdu soluzzjonijiet intelliġenti kemm ekonomikament kif ukoll ambjentalment biex jindirizzaw sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-materja prima, it-tniġġis u r-reżistenza għall-antimikrobiċi; jistieden lill-partijiet interessati rilevanti biex jilqgħu dawn is-"sejħiet" taħt l-Orizzont 2020; jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar effettivi biex iħallu spazju regolatorju biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet intelliġenti li jagħtu riżultati pożittivi għall-bijodiversità;

85.   Jenfasizza li l-kwistjonijiet marbuta mal-bijodiversità, mat-tibdil fil-klima u mal-iskarsezza tal-materja prima huma marbuta b'mod inseparabbli; ifakkar li, biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità, huwa essenzjali li t-tibdil fil-klima jinżamm sew taħt iż-2 gradi Celsius meta mqabbel mal-livelli preindustrijali; ifakkar, fl-istess ħin, li firxa ta' ekosistemi jaġixxu bħala lqugħ kontra l-perikli naturali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kont ta' dan billi jiżguraw li l-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020 tkun totalment integrata mal-pożizzjoni tal-UE fid-diskussjonijiet dwar ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari meta skont il-proġett "ROBIN" iffinanzjat mill-UE, il-protezzjoni tal-bijodiversità hija parti mis-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima, mitigazzjoni u adattament, b'mod partikolari peress li l-foresti tropikali joffru potenzjali ta' mitigazzjoni ta' 25 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi kwistjonijiet relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima fil-ftehimiet internazzjonali li tikkonkludi u biex twettaq analiżi ambjentali ffukata fuq il-possibbiltajiet għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li, b'mod sistematiku, jiġu identifikati u valutati l-impatti potenzjali fuq il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sejbiet li jirriżultaw minn studju bit-titolu "l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tad-domanda tal-UE għal ċerti prodotti bażiċi fuq il-bijodiversità f'pajjiżi terzi" billi tipproponi modi possibbli ta' kif tista' tikkontribwixxi biex tevita jew timminimizza t-telf tal-bijodiversità globali kkawżata minn ċerti xejriet ta' produzzjoni u ta' konsum fl-UE;

88.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri – fuq il-bażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, u b'kunsiderazzjoni tar-riskji u l-klima negattiva, l-impatti ambjentali u fuq il-bijodiversità involuti fil-fratturazzjoni idrawlika għall-isfruttament tal-fratturazzjoni mhux konvenzjonali u l-lakuni identifikati fis-sistema regolatorja tal-UE għall-attivitajiet tal-gass tax-shale – biex ma jawtorizzawx operazzjonijiet ġodda tal-fratturazzjoni idrawlika mhux konvenzjonali fl-UE;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjan direzzjonali ta' Guadeloupe, adottat f'Ottubru 2014, jiġi implimentat u jiġu introdotti l-għodda neċessarji għall-protezzjoni tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

90.   Jisħaq dwar ir-rwol globali tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-provvedimenti dwar il-bijodiversità fin-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa u tintegra l-għanijiet tal-bijodiversità fil-politiki kummerċjali tal-UE;

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

It-telf tal-bijodiversità huwa telf għan-natura, l-umanità u l-ekonomija

Il-bijodiversità, il-varjetà unika ta' ekosistemi, ħabitats, speċi u ġeni fid-dinja, li minnha tifforma parti wkoll l-umanità, għandha valur intrinsiku kbir. Barra minn hekk, il-bniedem huwa estremament dipendenti fuq il-bijodiversità ta' bosta servizzi siewja tal-ekosistema, bħall-arja nadifa, l-ilma nadif, il-materja prima, il-pollinaturi u l-protezzjoni kontra l-għargħar, biex insemmu biss xi ftit minnhom. Il-bijodiversità hija għalhekk essenzjali għal saħħitna u l-benessri tagħna u għal prosperità ekonomika tagħna.

Il-bijodiversità hija taħt pressjoni kbira, madwar id-dinja kif ukoll fl-Ewropa. L-ispeċi qed jinqerdu b'pass fenomenali. Dan huwa minħabba l-attività tal-bniedem. Il-bidla fil-ħabitat, it-tniġġis, l-isfruttar żejjed tar-riżorsi, l-ispeċi aljeni invażivi u t-tibdil fil-klima huma l-kawżi ewlenin tat-telf fil-bijodiversità.

It-telf fil-bijodiversità huwa partikolarment ta' detriment u jfisser telf għan-natura, għall-bnedmin u għall-ekonomija: dan jipperikola s-servizzi meħtieġa tal-ekosistemi u jimmina r-reżiljenza naturali tad-Dinja biex jiġu indirizzati sfidi ġodda. Fl-"istħarriġ dwar il-perċezzjonijiet dwar ir-riskji global 2014", il-Forum Ekonomiku Dinji kklassifika t-telf tal-bijodiversità u l-kollass tal-ekosistemi fl-ewwel 10. Il-limiti u l-kapaċità tal-pjaneta qed jinqabżu, u dan qed iwassal għal bidliet irriversibbli. B'hekk, it-telf tal-bijodiversità huwa wkoll marbut b'mod inseparabbli ma' kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-materja prima, li jirriżulta wkoll b'mod ċar fl-Aġenda l-Ġdida 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020

Il-mira Ewropea biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità falliet fl-2010. L-UE wieġbet billi fasslet strateġija ġdida fl-2011. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddefinixxew il-mira ewlenija bħala mira biex jitwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, biex jerġgħu jiġu stabbiliti sa fejn huwa fattibbli sal-2020 u biex jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-bijodiversità madwar id-dinja.

Konsegwentement, l-istrateġija nbniet b'sitt miri, kull waħda msejsa fuq azzjonijiet speċifiċi: (1) l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva dwar in-Natura); (2) iż-żamma u l-istabbiliment mnill-ġdid tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom; (3) iż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-agrikoltura u tal-forestrija għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità (4) il-ħarsien tal-użu sostenibbli ta' stokkijiet ta' ħut; (5) il-ġlieda kontra speċi aljeni invażivi u (6) iż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE fit-trażżin tat-telf tal-bijodiversità globali.

Rieżami ta' nofs il-mandat: għadha 'l bogħod minn nofs triq

Fl-2015, il-verdett huwa ċar daqs il-kristall: mingħajr sforzi addizzjonali sostanzjali, fl-2020, l-UE ser terġa' tonqos milli tilħaq il-miri tagħha miftehma. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. L-impronta ekoloġika tat-28 pajjiż tal-UE hija kbira d-doppju tal-bijokapaċità tal-Ewropa. Bilkemm 23 % tal-ispeċi u 16 % tal-ħabitats għandhom status favorevoli. Hemm assolutament ftit wisq progress li jippermetti li tintlaħaq il-mira ewlenija. Sar progress sinifikanti fil-każ ta' żewġ miri biss (Mira 4, is-sajd, u Mira 5, speċi aljeni invażivi), filwaqt li r-riżultati għal miri oħra huma serjament insuffiċjenti u huma l-aktar kawża ta' tħassib fil-każ tal-agrikoltura u tal-forestrija.

B'hekk, ix-xejra ġenerali tibqa' xejn sabiħa u inkwetanti. F'dan ir-rigward, ir-rieżami ta' nofs il-mandat jikkonferma s-sejbiet tar-rapporti "SOER 2015" u "Qagħda tan-Natura". Il-perspettiva internazzjonali tar-Rapport dwar il-Prospetti ta' Bijodiversità Globali 2014 tagħti messaġġ simili: minkejja sforzi konsiderevoli u l-progress f'ċerti setturi, huwa possibbli li l-biċċa l-kbira tal-miri tal-Aichi mhux se jintlaħqu sal-2020 jekk ma jsirux sforzi sostanzjali addizzjonali.

Fl-istess ħin, hemm prospetti pożittivi u inkoraġġanti, li sforzi mmirati u l-investimenti fin-natura u fil-bijodiversità jistgħu tabilħaqq iwasslu għal stejjer ta' suċċess. Ir-ritorn ta' ċerti speċi huwa eżempju ċar ta' dan. Ir-rapporteur jitlob li jiġu adottati l-aħjar prattiki bħala xprun għall-bidla, għaliex, minkejja li s-suċċessi s'issa, huma limitati meta wieħed iqis li x-xejra ġenerali hija negattiva, huma juru li l-leġiżlazzjoni eżistenti taħdem, li l-miri tal-2020 jistgħu jintlaħqu u li għad hemm potenzjal enormi għal titjib.

Rieda politika għall-implimentazzjoni, l-infurzar u l-integrazzjoni

Ir-rapporteur jirrakkomanda aktar rieda politika biex il-bijodiversità tiġi trattata ġenwinament bħala prijorità politika, u jqis neċessarju approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati, li fih l-atturi reġjonali u lokali għandhom rwol speċjali.

Fil-fehma tar-rapporteur, implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti huma kunċetti essenzjali għall-progress.

L-iktar leġiżlazzjoni rilevanti hija ovvjament id-Direttivi dwar in-Natura: l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats hija prekundizzjoni assoluta għall-kisba tal-istrateġija kollha dwar il-bijodiversità. Id-Direttivi dwar in-Natura huma fundamentali fil-politika tal-Ewropa ta' konservazzjoni tan-natura u, minħabba l-forma konċiża, koerenti u konsistenti tagħhom, jistgħu, biex ngħidu hekk, jitqiesu bħala regolamentazzjoni intelliġenti avant la lettre. Huwa bis-saħħa ta' Direttivi dwar in-Natura li l-UE għandha netwerk uniku, Natura 2000, li, b'26 000 żona protetta, tinkludi 18 % tat-territorju tal-art u 6 % tal-ambjent tal-baħar. Ir-rapporteur ifakkar li n-Natura 2000 hija netwerk relattivament ġdid, li l-potenzjal sħiħ tiegħu għadu 'l bogħod milli jintlaħaq.

Ir-rapporteur jopponi b'mod inekwivoku reviżjoni possibbli tad-Direttivi dwar in-Natura peress li din tipperikola l-istrateġija ta' bijodiversità nnifisha, twassal għal perjodu twil ta' inċertezza legali u possibbilment iddgħajjef il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapporteur huwa konvint li l-problema mhijiex fil-leġiżlazzjoni nnifisha iżda primarjament fl-implimentazzjoni u l-infurzar inkomplet u inadegwat tagħha. Ir-rapporteur għalhekk iqis li huwa ferm iżjed effiċjenti kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu implimentazzjoni aħjar f'konsultazzjoni ma' xulxin. Linji gwida mtejba, infurzar strett u l-iskambji tal-aħjar prattiki huma kruċjali f'dan ir-rigward.

L-approċċ kollettiv u trasversali li huwa meħtieġ biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità jibqa' effettivament problematiku. L-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija sfida partikolari. Ir-rapporteur jitlob li l-effikaċja ta' miżuri ekoloġiċi u ta' miżuri oħra ta' żvilupp rurali jiġu mmonitorjati, evalwati u miżjuda.

L-investiment fin-natura u l-bijodiversità huwa soċjalment u ekonomikament neċessarju

Ir-rapporteur japprova l-argument morali li l-bijodiversità għandha tiġi protetta minħabba l-valur intrinsiku kbir tagħha u bħala mezz kif iżżomm lill-pjaneta tagħna kemm jista' jkun mhux mittiefsa, għall-ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, huwa jemmen bil-qawwa li l-investiment fin-natura u fil-bijodiversità huwa wkoll essenzjali mil-lat soċjoekonomiku. F'dan il-kuntest, huwa jiddeplora l-fatt li n-natura u l-iżvilupp ekonomiku qegħdin għal darb' oħra jopponu lil xulxin. Hemm bżonn ta' tibdil fil-ħsieb. Metodi ta' valutazzjoni tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità, bħal "L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità" (TEEB), minkejja n-nuqqasijiet possibbli, jista' jkollhom rwol utli hawnhekk u jikkontribwixxu għal aktar sensibilizzazzjoni, użu aħjar tar-riżorsi disponibbli u teħid ta' deċiżjonijiet aktar infurmat.

L-istatistika li ġejja turi b'mod ċar l-impatt soċjoekonomiku enormi tal-bijodiversità:

  kull sena, in-nuqqas ta' azzjoni joħloq telf ta' servizzi tal-ekosistema ekwivalenti għal 7 % tal-PDG globali;

  l-ispejjeż tal-opportunità soċjoekonomika ta' nuqqas milli jintlaħqu l-miri 2020 huma stmati għal EUR 50 biljun fis-sena;

  wieħed minn kull sitt impjiegi fl-UE jiddependi sa ċertu punt fuq in-natura; 4.5 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq ekosistemi protetti permezz tan-Natura 2000;

  il-valur tas-servizzi ta' pollinazzjoni pprovduti minn insetti huwa stmat għal EUR 15 biljun fis-sena;

  il-ħsara kkawżata minn speċi aljeni invażivi fl-UE hija stmata li tiswa EUR 12 biljun fis-sena;

  l-ispejjeż għall-ġestjoni tan-Natura 2000 (EUR 5.8 biljun fis-sena) huma ħafna drabi anqas mill-valur miżjud prodott min-Natura 2000 (EUR 200-300 biljun).

Naturalment, l-investiment fin-natura u fil-bijodiversità jiswa l-flus. Iżda dawn l-ispejjeż huma ferm ikbar mill-valur miżjud li n-natura u l-bijodiversità għandhom x'joffru, u t-telf ta' valur li jirriżulta minn nuqqas ta' azzjoni.

Il-leħen taċ-ċittadini

Iċ-ċittadini jikkunsidraw in-natura u l-bijodiversità bħala importanti. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru (Nru 436) dwar il-bijodiversità, mill-inqas tmienja minn kull 10 ċittadini tal-UE jqisu l-impatt tat-telf tal-bijodiversità bħala serju. Iċ-ċittadini wieġbu wkoll b'mod ċar u tond fil-konsultazzjoni pubblika li saret reċentement fuq l-internet dwar il-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura. Din il-konsultazzjoni ġibdet numru rekord ta' parteċipanti, jiġifieri 552 470 (bħala paragun, dan huwa tliet darbiet aktar mit-TTIP). Il-kampanja ta' twissija dwar in-natura ("Nature Alert Campaign") kellha rwol deċiżiv f'dan ir-rigward.

Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru żvela li ċ-ċittadini xtaqu jirċievu aktar tagħrif dwar it-telf tal-bijodiversità u li l-biċċa l-kbira tan-nies ma humiex konxji dwar in-Natura 2000. Dak li jibqa' mhux magħruf ma jistax ikun mistenni li jiġġenera entużjażmu. Sabiex jiġġenera appoġġ pubbliku akbar fl-investiment fin-natura u l-bijodiversità, ir-rapporteur iqis li huwa essenzjali li aktar nies jiġu persważi dwar l-importanza tal-bijodiversità. Sabiex jagħmlu dan, għandha tingħata attenzjoni għall-valur soċjoekonomiku tal-bijodiversità u l-impatt tat-telf tal-bijodiversità fuq is-saħħa, u l-benesseri individwali u ġenerali. Dawk li jfasslu l-politika, fil-livelli kollha, għandhom hawnhekk kompitu importanti x'jaqdu.

Jinħtieġu azzjonijiet addizzjonali

Ir-rapporteur iqis li huma essenzjali soluzzjonijiet addizzjonali u innovattivi sabiex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, u f'dan ir-rigward jipproponi għadd ta' azzjonijiet speċifiċi:

  l-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew ta' infrastruttura ekoloġika (it-TEN-G) jista' joħloq sitwazzjoni għan-natura u l-ekonomija li minnha jibbenefika kulħadd;

  in-natura m'għandhiex tkun ristretta għal natura f'żoni protetti. Il-garanzija ta' aċċess għal kulħadd għal natura ta' kwalità u l-prevenzjoni tat-telf tal-bijodiversità barra miż-żoni protetti tammonta għal lakuna fl-istrateġija eżistenti. Qafas Ewropew għall-prevenzjoni tat-telf nett tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema jista' jindirizza dan in-nuqqas;

  sabiex jintużaw ir-riżorsi disponnibbli b'mod aktar effiċjenti u b'mod aktar immirat, huma meħtieġa kriterji speċifiċi għal Faċilità ta' Finanzjament għall-Kapitali Naturali, li għandhom jiggarantixxu li l-proġetti jwasslu għal riżultati pożittivi u tanġibbli għall-bijodiversità;

  jibqa' neċessarju li tinġabar data affidabbli u komparabbli: b'mod partikolari, ir-rabtiet bejn is-saħħa u l-bijodiversità u t-tnaqqis fil-pollinatur jeħtieġu aktar riċerka u aktar azzjoni;

  soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġu trattati sfidi bħat-tibdil fil-klima: pereżempju, pjan imfassal apposta għall-introduzzjoni ta' iktar natura fil-bliet jista' jbaxxi b'mod konsiderevoli t-temperatura hemmhekk. Ir-rapporteur jikkunsidra essenzjali li membri individwali tal-pubbliku jkunu kapaċi wkoll jikkontribwixxu, bħal permezz l-użu mill-ġdid ta' għelieqi u s-suċċess li qed jikber tal-kunċett tal-"ġnien ħaj".

Il-Konklużjoni

In-natura qiegħda titkarrab għall-għajnuna. Il-mistoqsija hija jekk din hijiex ser tqajjimna mill-istat tagħna ta' inattività u tixprunana biex nieħdu aktar azzjoni. Ir-rapporteur huwa konvint li l-bijodiversità u n-natura għandhom ikunu ċentrali f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva, u jitlob rieda politika akbar biex jitwaqqaf genwinament it-telf tal-bijodiversità. Dan huwa essenzjali kemm għan-natura nnifisha kif ukoll għas-saħħa, il-benesseri individwali u ġenerali tat-tfal tagħna, u tat-tfal tat-tfal tagħna.

8.12.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar ir-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità

(2015/2137(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jordi Sebastià

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li, fuq livell globali, l-UE tagħmel kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità u li, mal-Istati Membri tagħha, hi l-akbar donatur ta' fondi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-akbar kontributur ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp għall-bijodiversità, billi, bejn l-2006 u l-2013 irduppjat il-finanzjament tagħha; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jissaħħaħ il-kontribut tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fuq livell globali sabiex il-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi jintlaħqu fiż-żmien maħsub;

2.  Jenfasizza r-rwol kritiku tal-bijodiversità fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għanijiet 14; "il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar", u 15; "il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta' ekosistemi terresti, foresti ġestiti b'mod sostenibbli, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u li titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità"; ifakkar li l-UE għandha bijodiversità inkredibbli, b'mod partikolari bis-saħħa tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, iżda wkoll fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li huma assoċjati magħha; jistieden lill-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għat-tisħiħ ulterjuri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u sabiex tiżgura li din tiġi implimentata b'mod effettiv;

3.  Jinnota li l-frammentazzjoni, id-degradazzjoni u l-qirda tal-ħabitats minħabba tibdil fl-użu tal-art, it-tibdil fil-klima, ix-xejriet tal-konsum mhux sostenibbli u l-użu tal-ibħra huma wħud mill-pressjonijiet u l-ixprunaturi ewlenin li jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha; jenfasizza, fid-dawl ta' dan, il-ħtieġa li jiġu identifikati u jiġu stabbiliti indikaturi li b'mod ċar u xjentifikament ikejlu l-istat tal-bijodiversità f'inħawi jew reġjun partikolari u li jiġi appoġġjat l-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fuq livell globali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u, b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-UE biex tankra aħjar l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-bijodiversità mal-istrateġiji tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-Ewropa 2020; jenfasizza li ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi u tnaqqis fil-konsum żejjed jistgħu jippermettu lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi naturali, b'mod partikulari minn barra l-Ewropa; ifakkar ukoll li approċċi bbażati fuq l-ekosistemi fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jistgħu joffru alternattivi kosteffiċjenti għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi, filwaqt li l-progress f'bosta xjenzi applikati jiddependi fuq id-disponibbiltà u d-diversità tal-assi naturali;

4.  Jappella għat-tneħħija ta' sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-2020 u l-Mira tal-Bijodiversità 3 ta' Aichi;

5.  Jiddeplora li l-azzjonijiet meħuda mill-UE biex treġġa' lura t-telf tal-bijodiversità jibqgħu inferjuri meta mqabbla mal-pressjonijiet kontinwi u dejjem jikbru fuq il-bijodiversità fl-Ewropa, bħat-tibdil fl-użu tal-art, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima; ifakkar li t-telf tal-bijodiversità huwa prezz għoli għas-soċjetà kollha, b'mod partikolari għall-atturi ekonomiċi f'setturi li jiddependu direttament fuq is-servizzi tal-ekosistemi, bħall-bdiewa; jistieden lill-UE tintegra l-bijodiversità fis-setturi kollha tal-ekonomija u tippermetti li jkun hemm sinerġiji fl-implimentazzjoni tad-diversi ftehimiet multilaterali internazzjonali dwar l-ambjent;

6.  Huwa tal-fehma li l-valur ekonomiku tal-bijodiversità għandu jkun rifless f'indikaturi li jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet (mingħajr ma jwasslu biex il-bijodiversità ssir komodità) u li jmorru lil hinn mill-PDG; jinsab konvint li dan huwa ta' benefiċċju għall-kisba tal-SDGs; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-integrazzjoni sistematika tal-valuri ta' bijodiversità fis-sistemi tal-kontabilità nazzjonali bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ tal-SDGs;

7.  Ifakkar li, biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità, huwa essenzjali li t-tibdil fil-klima jinżamm sew taħt iż-2 gradi Celsius meta mqabbel mal-livelli preindustrijali; ifakkar, fl-istess ħin, li firxa ta' ekosistemi jaġixxu bħala lqugħ kontra l-perikli naturali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-strateġija ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

8.  Ifakkar li l-foresti jospitaw madwar 90 % tal-bijodiversità terrestri, filwaqt li aktar minn biljun ruħ jiddependu fuqhom għall-għajxien tagħhom; jinnota bi tħassib li ż-żieda fid-domanda internazzjonali għall-bijomassa tal-injam qed tirriskja li thedded il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-foresti li fuqhom jiddependu n-nies fqar għall-għajxien tagħhom; jibża' li d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tista' tiskatta deforestrazzjoni ġenerali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, twassal għall-qtugħ illegali tas-siġar u ddgħajjef il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT); ifakkar ukoll li żieda fl-użu tal-bijomassa tista' twassal għal intensifikazzjoni tal-prattiki forestali u għal tnaqqis fl-istokk tal-karbonju tal-foresti, u b'hekk tikkomprometti l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura klimatika tinżamm għal anqas minn 2°gradi Celsius; jistieden lil-UE tiżviluppa pjan ta' azzjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, li jkun applikabbli fuq livell globali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tkompli bl-inizjattivi tagħha biex tissaħħaħ il-governanza tajba tal-foresti, b'mod partikolari permezz ta' ftehimiet FLEGT tagħha;

9.  Iħeġġeġ biex il-kriterji ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali għall-produzzjoni tal-bijomassa jiffurmaw parti koerenti tal-qafas tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED); iqis li huwa fundamentali li jiġu żviluppati standards ta' sostenibilità għas-setturi kollha fejn il-bijomassa tista' tintuża, flimkien ma' kriterji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġi żgurat li l-bijoenerġija ma tikkontribwixxix għat-tibdil fil-klima jew isir xprunatur addizzjonali tal-ħtif tal-art u tal-insigurtà tal-ikel;

10.  Jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, jagħtu prijorità għall-kisba tal-miri tal-2020; jappella għal approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati u jenfasizza r-rwol vitali tal-atturi reġjonali u lokali f'dan il-proċess; jisħaq li huwa wkoll essenzjali li jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni pubblika tal-bijodiversità, kif ukoll appoġġ għaliha;

11.  Ifakkar li l-espansjoni tal-agrofjuwils, ibbażata kważi totalment fuq l-espansjoni tal-monokultura industrijali fuq skala kbira u l-agrikoltura intensiva, hija ta' ħsara għall-ambjent, il-bijodiversità, il-fertilità tal-ħamrija u d-disponibilità tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tal-UE dwar il-bijofjuwils tkun konsistenti mal-impenji li daħlet għalihom l-UE skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, mal-politiki u l-impenji dwar il-klima (inklużi dawk li dwarhom impenjat ruħha fil-COP 21), u mal-objettivi tal-programm UN-REDD (Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti);

12.  Jinnota bi tħassib li 90 % taż-żejt tal-palm ikkunsmat fid-dinja jiġi prodott fl-Indoneżja u l-Malasja għad-detriment tal-foresti tal-pit, li jinħarqu biex jagħmlu spazju għal pjantazzjonijiet kbar tal-akaċja u tal-palma li tipproduċi ż-żejt; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont studju mwettaq mill-Bank Dinji, l-Indoneżja saret it-tielet l-akbar emittent ta' gassijiet b'effett ta' serra, preċiżament minħabba n-nirien tal-foresti;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares il-bijodiversità agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tinkiseb is-sigurtà tal-ikel; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinvesti fl-agroekoloġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel;

14.  Jinnota li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u l-ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-UE u pajjiżi Afrikani qed jinfluwenzaw ir-riforma Afrikana tal-liġi dwar iż-żrieragħ billi jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali taż-żrieragħ u jiġu protetti l-varjetajiet ta' żrieragħ kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji tal-UE lejn id-drittijiet tal-bdiewa fit-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura jkunu riflessi f'kull assistenza teknika u appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-politika dwar iż-żrieragħ; jistieden lill-UE sabiex, f'konformità mal-qafas tal-politika tas-sigurtà tal-ikel tal-UE, tappoġġja wkoll ir-reġimi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jsaħħu l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati għal-lokal u żrieragħ li jinżammu mill-bdiewa minn sena għal sena;

15.  Jappella għal valutazzjoni mill-ġdid tal-istatus tal-bijodiversità fl-agrikoltura billi jitqiesu s-sejbiet tal-Parlament fir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Politika Agrikola Komuni;

16.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima, il-modifikazzjoni tal-ħabitats, l-ispeċijiet invażivi, il-pressjonijiet tar-ragħa, it-tibdil fl-idroloġija, il-ħtif tal-art, il-monokultura, il-konsum eċċessiv ta' laħam, l-espansjoni tat-trasport u l-użu mhux sostenibbli tal-enerġija qed jagħmlu pressjoni dejjem akbar fuq il-bijodiversità madwar id-dinja, billi jwasslu għall-frammentazzjoni tal-art, żieda fil-livelli tad-CO2 u telf ta' ħabitats;

17.  Jistieden lill-UE tnaqqas l-impronta tal-bijodiversità tagħha mad-dinja kollha, f'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, u biex iġġibha fil-limiti ekoloġiċi tal-ekosistemi billi tagħmel progress fil-kisba tal-Miri Ewlenin tal-Bijodiversità u biex tissodisfa l-impenji dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità; jistieden ukoll lill-UE tassisti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex iħarsu l-bijodiversità u jiżguraw l-użu sostenibbli tagħha;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-ftehimiet internazzjonali li hija tikkonkludi kwistjonijiet marbutin mal-ambjent u t-tibdil fil-klima u twettaq analiżijiet ambjentali li jiffukaw fuq il-possibbiltajiet għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li, b'mod sistematiku, jiġu identifikati u valutati l-impatti potenzjali fuq il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sejbiet li jirriżultaw minn studju dwar "l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tad-domanda tal-UE għal ċerti prodotti bażiċi fuq il-bijodiversità f'pajjiżi terzi" billi tipproponi modi possibbli ta' kif tista' tikkontribwixxi biex tevita jew timminimizza t-telf tal-bijodiversità globali kkawżata minn ċerti xejriet ta' produzzjoni u ta' konsum fl-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Doru-Claudian Frunzulică, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jordi Sebastià

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, José Inácio Faria, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Alberto Cirio, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jean-François Jalkh, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Michał Boni, Monika Hohlmeier, Sander Loones

(1)

http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/docs/consultation/public%20consultation_FINAL.pdf

(2)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 347.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(5)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(6)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 99.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0600.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0109.

(9)

http://www.foresteurope.org/fullsoef2015

Avviż legali