Proċedura : 2014/0014(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0006/2016

Testi mressqa :

A8-0006/2016

Dibattiti :

PV 07/03/2016 - 12
CRE 07/03/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0068

RAPPORT     ***I
PDF 802kWORD 166k
15.1.2016
PE 544.363v01-00 A8-0006/2016

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

(COM(2014)0032 – C7-0025/2014 – 2014/0014(COD))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Marc Tarabella

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

(COM(2014)0032 – C7-0025/2014 – 2014/0014(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0032),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0025/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Ottubru 2014(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' Mejju 2015 dwar il-ftuħ, u l-mandat, ta' negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta(3),

–  wara li kkunsidra l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-16 ta' Diċembru 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0006/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(4)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT (UE) 2016/…

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' …

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013

fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana

u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi**

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(6),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)  It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) tipprevedi skema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel inkluża l-banana u skema tal-ħalib għall-iskejjel.

(2)  L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-iskemi attwali, flimkien mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet esterni ▌ l-analiżi sussegwenti ta' għażliet differenti ta' politika u d-diffikultajiet soċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri, jindikaw il-konklużjoni li l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ taż-żewġ skemi għall-iskejjel huma tal-akbar importanza. Fil-kuntest attwali ta' konsum dejjem jonqos ta' frott u ħaxix frisk ▌u ta' prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari fost it-tfal, u ta' inċidenza dejjem tikber ta' obeżità fost it-tfal bħala riżultat tad-drawwiet ta' konsum li għandhom tendenza jagħtu preferenza lil ikel ipproċessat ħafna li, barra minn hekk, ta’ spiss ikollu livell għoli ta’ zokkor, melħ, xaħam jew addittivi miżjud(a), l-għajnuna mill-Unjoni li tiffinanzja l-provvista, lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi, ta’ prodotti agrikoli magħżula għandha tagħmel aktar biex tippromwovi drawwiet ta' dieta tajba għas-saħħa u l-konsum ta' prodotti lokali.

(3)  L-analiżi ta' għażliet differenti ta' politika tindika li approċċ unifikat taħt qafas legali u finanzjarju komuni huwa aktar xieraq u effettiv fl-ilħuq tal-objettivi speċifiċi li l-Politika Agrikola Komuni qiegħda timmira li tikseb permezz tal-iskemi għall-iskejjel. Dan jippermetti lill-Istati Membri li jimmassimizzaw l-impatt tad-distribuzzjoni b’baġit kostanti u jżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni. Madankollu, sabiex jitqiesu d-differenzi bejn il-frott u l-ħaxix, inklużi l-banana, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, jiġifieri frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel kif definiti fit-Taqsima I tal-Kapitolu II, u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, ċerti elementi għandhom jibqgħu separati, bħall-pakketti baġitarji rispettivi. Fid-dawl tal-esperjenza bl-iskemi attwali, il-parteċipazzjoni fl-iskema għandha tibqa' fuq bażi volontarja għall-Istati Membri. Filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet ta' konsum differenti madwar l-Istati Membri, għandha tingħata l-possibbiltà lill-Istati Membri u r-reġjuni parteċipanti biex jagħżlu, fil-kuntest tal-istrateġiji tagħhom, il-prodotti li jridu jqassmu mill-prodotti eliġibbli għall-provvista lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati sabiex jiġi indirizzat il-konsum dejjem jonqos tal-ħalib fil-popolazzjoni fil-mira.

(4)  Ġiet identifikata xejra ta’ konsum dejjem jonqos b’mod partikolari ta’ frott u ħaxix frisk ▌u tal-ħalib tax-xorb. Għalhekk, xieraq li d-distribuzzjoni fl-iskemi għall-iskejjel tiġi ffokata fuq dawn il-prodotti bħala prijorità. Min-naħa tiegħu, dan jgħin ukoll biex jonqos il-piż organizzattiv għall-iskejjel u jżid l-impatt tad-distribuzzjoni b’baġit limitat u jkun konformi mal-prattika attwali, peress li dawn il-prodotti huma mqassma l-aktar. Madankollu, sabiex isegwu r-rakkomandazzjonijiet nutrizzjonali dwar l-assorbiment tal-kalċju, u minħabba ż-żieda fil-problemi assoċjati mal-intolleranza għal-lattożju fil-ħalib, l-Istati Membri għandhom jitħallew iqassmu prodotti oħra tal-ħalib bħall-jogurt u l-ġobon, li għandhom effetti pożittivi fuq is-saħħa tat-tfal. Barra minn hekk, għandhom isiru sforzi biex tiġi żgurata d-distribuzzjoni tal-prodotti lokali u reġjonali.

(5)  Hemm bżonn ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament li jappoġġaw id-distribuzzjoni, sabiex l-iskema tkun effettiva fl-ilħuq tal-objettivi fuq żmien qasir u twil tagħha li żżid il-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula u ssawwar dieti aktar tajbin għas-saħħa. Fid-dawl tal-importanza tagħhom, dawn il-miżuri għandhom jappoġġaw id-distribuzzjoni ta’ frott u ħxejjex għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel. Huma għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont li għall-prodotti mhux agrikoli l-komponent tal-ħalib biss ser ikun eliġibbli għal din l-għajnuna. Bħala miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, huma jirrappreżentaw għodda essenzjali biex jerġgħu jqarrbu lit-tfal lejn l-agrikoltura u l-firxa ta' prodotti agrikoli tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk prodotti fir-reġjun tagħhom, bl-għajnuna ta', pereżempju, esperti fin-nutrizzjoni u bdiewa. Sabiex jilħqu l-objettivi li qiegħda ssegwi l-iskema, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinkludu fil-miżuri tematiċi tagħhom firxa usa’ ta’ prodotti agrikoli, bħal frott u ħaxix ipproċessat mingħajr iż-żieda ta' zokkor, melħ, xaħam, sustanzi li jżidu l-ħlewwa u sustanzi artifiċjali li jsaħħu t-togħma. L-Istati Membri għandhom jitħallew ukoll jinkludu speċjalitajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali oħra, bħal għasel, żebbuġ tal-mejda u żejt taż-żebbuġa. Madankollu, sabiex jiġu promossi drawwiet ta’ dieta tajba għas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment jew l-awtorizzazzjoni xierqa tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni fit-tfassil ta' din il-lista f'konformità mal-proċeduri nazzjonali.

(6)  Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti atti fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' spejjeż u/jew miżuri li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni.

(7)  L-għajnuna għandha tiġi allokata b'mod separat għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel ▌u għall-ħalib għall-iskejjel f’konformità mal-approċċ volontarju għad-distribuzzjoni. Din l-għajnuna għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru b'kont meħud tal-għadd ta' tfal li għandhom bejn sitta u għaxar snin fi Stat Membru, il-livell ta' żvilupp tar-reġjuni fi ħdan Stat Membru sabiex tiġi żgurata għajnuna akbar għal reġjuni anqas żviluppati, għall-gżejjer minuri tal-Eġew u għar-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tad-diversifikazzjoni agrikola limitata tagħhom u l-impossibbiltà frekwenti li jinstabu ċerti prodotti fir-reġjun ikkonċernat, li tinvolvi spejjeż ogħla tat-trasport u l-ħżin. Barra minn hekk, għall-ħalib għall-iskejjel, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-iskala tal-programmi attwali tagħhom u bil-għan li jiġu inkuraġġiti oħrajn sabiex jieħdu sehem fid-distribuzzjoni tal-ħalib, xieraq li jiġu kkombinati l-kriterji preċedenti mal-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja li għaliha għandu jiġi ddeterminat ammont speċifiku.

(8)  Fl-interess ta’ amministrazzjoni u ġestjoni tal-baġit tajbin, l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fid-distribuzzjoni tal-prodotti eliġibbli għandhom japplikaw kull sena għall-għajnuna mill-Unjoni. ▌

(9)  L-istrateġija nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala l-kundizzjoni għall-parteċipazzjoni ta' Stat Membru fl-iskema. L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw għandhom jintalbu jippreżentaw dokument strateġiku ▌li jkopri perijodu ta' sitt snin, u li jistabbilixxi ▌l-prijoritajiet rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġġornaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom b’mod regolari, b’mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjonijiet u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet jew il-miri u tas-suċċess tal-programmi tagħhom. Barra minn hekk l-istrateġiji jistgħu jinkludu l-ispeċifikazzjoni ta' elementi relatati mal-implimentazzjoni tal-iskema li ser jippermettu lill-Istati Membri jiksbu effiċjenzi fil-ġestjoni, fost l-oħrajn b'rabta mal-applikazzjonijiet u t-talbiet għall-għajnuna.

(10)  Sabiex jiġi promoss l-għarfien dwar l-iskema għall-iskejjel u tittejjeb il-viżibbiltà tal-għajnuna mill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti atti fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jippubbliċizzaw b'mod ċar l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-iskema inkluż b'rabta mal-għodda ta' pubbliċità u, jekk ikun adatt, l-identifikatur komuni jew l-elementi grafiċi.

(11)  Sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-iskema, l-Istati Membri għandhom jispjegaw fl-istrateġija tagħhom kif ser jiggarantixxu l-valur miżjud tal-iskemi tagħhom, speċjalment meta l-prodotti ffinanzjati taħt l-iskema tal-Unjoni jiġu kkunsmati fl-istess ħin bħal ikliet oħra li jingħataw lit-tfal f’istituzzjoni edukattiva. Sabiex jiġi żgurat li jinkiseb l-iskop edukattiv tal-iskema tal-Unjoni u li dan ikun effettiv, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti atti fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-prodotti ffinanzjati taħt l-iskema tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi u l-preparazzjoni tagħhom.

(12)  Sabiex tiġi vverifikata l-effettività tal-programmi fl-Istati Membri, għandu jiġi pprovdut finanzjament għal inizjattivi li jissorveljaw u jevalwaw ir-riżultati miksuba, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-bidliet fil-konsum li jseħħu fuq perijodu ta' żmien medju.

(13)  Peress li l-prinċipju ta’ kofinanzjament huwa abolit għad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix, hemm bżonn li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet xierqa tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8).

(14)  Dan ir-Regolament ma għandux jinterferixxi mad-diviżjoni tal-kompetenzi reġjonali jew lokali fi ħdan l-Istati Membri.

(15)  Ir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 għandhom jiġu emendati kif xieraq. Għalhekk, sabiex jittieħed kont tal-perjodiċità tas-sena skolastika, ir-regoli l-ġodda għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2017,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi

organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)  It-titolu tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II huwa sostitwit b’dan li ġej: 'GĦAJNUNA GĦALL-PROVVISTA TA' FROTT U ĦAXIX U TA' ĦALIB U PRODOTTI TAL-ĦALIB FI STABBILIMENTI EDUKATTIVI'

(2)  L-intestatura 'Subtaqsima 1' u t-titolu 'Skema ta' frott u ħxejjex għall-iskejjel' jitħassru.

(3)  L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 23

Għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel, miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u spejjeż relatati

1.  L-għajnuna mill-Unjoni għandha tingħata fir-rigward tat-tfal fl-istabbilimenti edukattivi msemmija fl-Artikolu 22:

(a)  għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti eliġibbli msemmija fil-paragrafi 2 u 3;

(b)  għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament; u

(c)  għall-kopertura ta' ċerti spejjeż relatati marbuta mal-▌għodda, il-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u l-loġistika u d-distribuzzjoni jekk dawk l-ispejjeż ma jiġux koperti minn punt (a).

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima:

  'frott u ħaxix għall-iskejjel' ifisser il-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2;

  'ħalib għall-iskejjel' ifisser il-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, kif ukoll il-prodotti msemmija fl-Anness V.

2.  L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-paragrafu 1 ('l-iskema għall-iskejjel') u li jitolbu l-għajnuna mill-Unjoni msemmija hawn fuq, għandhom, filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali, jagħtu prijorità lid-distribuzzjoni tal-prodotti ta' wieħed mill-gruppi li ġejjin jew tat-tnejn li huma:

(a)  frott u ħaxix u prodotti friski tas-settur tal-banana;

(b)  ħalib tax-xorb u l-verżjonijiet tiegħu mingħajr lattożju.

Madankollu, sabiex jiġi promoss il-konsum ta' prodotti speċifiċi u/jew biex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet nutrizzjonali partikolari tat-tfal fit-territorju tiegħu, Stat Membru jista' jipprevedi d-distribuzzjoni ta':

(a)  prodotti ta' frott u ħaxix ipproċessati, flimkien mal-prodotti previsti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu;

(b)  ġobon u baqta, jogurt u prodotti oħra magħmulin minn ħalib iffermentat jew aċidifikat mingħajr togħmiet, frott, ġewż jew kawkaw miżjud(a), flimkien mal-prodotti previsti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

3.  F'każijiet meta l-Istati Membri jikkunsidraw li jkun neċessarju għall-kisba tal-objettivi tal-iskema għall-iskejjel u tal-għanijiet iddikjarati fl-istrateġija li ssemmiet fil-paragrafu 6, huma jistgħu wkoll jikkomplementaw id-distribuzzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 bil-prodotti elenkati fl-Anness V.

F'każ bħal dan, l-għajnuna mill-Unjoni għandha titħallas biss għall-komponent tal-ħalib tal-prodott imqassam li ma għandux ikun anqas minn 90% skont il-piż għall-Kategorija I tal-Anness V u 75% skont il-piż għall-Kategorija II tal-Anness V. Il-Kunsill għandu jiffissa l-livell tal-għajnuna mill-Unjoni għall-ħalib f'konformità mal-Artikolu 43(3) TFUE.

4.  Il-prodotti mqassma skont l-iskema għall-iskejjel ma għandux ikun fihom zokkor miżjud, melħ miżjud, xaħam miżjud, sustanzi miżjuda li jżidu l-ħlewwa u s-sustanzi artifiċjali miżjuda li jsaħħu t-togħma minn E 620 sa E 650 elenkati fir-Regolament (UE) Nru 1333/2008.

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 227, sabiex tissupplimenta l-lista ta' sustanzi li jsaħħu t-togħma msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-prodotti eliġibbli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jista' jkun fihom kwantitajiet limitati ta' zokkor miżjud, melħ miżjud u/jew xaħam miżjud wara li jkun kiseb l-awtorizzazzjoni adatta tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni f'konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu. Sabiex tiżgura li tali prodotti jilħqu l-objettivi tal-programm, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jiddefinixxu l-livelli massimi għal dawn is-sustanzi li teknikament huma neċessarji għall-preparazzjoni jew il-manifattura ta' prodotti pproċessati.

5.  Minbarra l-prodotti msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-inklużjoni ta' prodotti agrikoli oħra fil-qafas tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, b'mod partikolari dawk elenkati fil-punti (g) u (v) tal-Artikolu 1(2).

6.  Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-iskema għall-iskejjel, Stat Membru għandu jfassal, qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull sitt snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista' tiġi emendata mill-awtorità responsabbli għall-preżentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali jew reġjonali, b'mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u tar-riżultati miksuba. L-istrateġija għandha tal-anqas tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ prijoritajiet, il-popolazzjoni fil-mira, ir-riżultati li mistennija jintlaħqu u, jekk disponibbli, il-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u tistabbilixxi l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

Dawk l-istrateġiji jistgħu jinkludu elementi speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-iskema, inklużi dawk maħsuba biex jissimplifikaw il-ġestjoni tagħha.

7.  L-Istati Membri għadhom jiddeterminaw il-lista tal-prodotti kollha pprovduti fil-qafas tal-iskema permezz tad-distribuzzjoni regolari jew inkella fil-qafas ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament fl-istrateġiji tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, huma għandhom jiżguraw ukoll l-involviment jew l-awtorizzazzjoni xierqa tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli għas-saħħa u n-nutrizzjoni fit-tfassil ta' din il-lista f'konformità mal-proċeduri nazzjonali.

8.  Sabiex l-iskema għall-iskejjel tkun effettiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, miżuri u attivitajiet li jkollhom l-għan li jqarrbu lit-tfal lejn l-agrikoltura permezz ta' attivitajiet, bħal żjarat f' azjendi agrikoli, u d-distribuzzjoni ta' firxa usa’ ta’ prodotti agrikoli kif imsemmija fil-paragrafu 5. Dawn il-miżuri jistgħu wkoll jedukaw dwar kwistjonijiet relatati, bħal dieta tajba għas-saħħa, ▌ ktajjen alimentari lokali, il-biedja organika, il-produzzjoni sostenibbli u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel.

9.  L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-prodotti li għandhom jiġu inkorporati fid-distribuzzjoni jew li għandhom jiġu inklużi fil-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jinkludu kriterju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u ambjentali, l-istaġjonalità, il-varjetà, jew id-disponibbiltà ta’ prodotti lokali jew reġjonali, filwaqt li jagħtu prijorità sa fejn huwa prattikabbli għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu b'mod partikolari xiri lokali jew reġjonali, prodotti organiċi, ktajjen tal-provvista qosra jew benefiċċji ambjentali u, jekk xieraq, prodotti ta' kwalità kif indikati fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li fl-istrateġiji tagħhom jagħtu prijorità lis-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjonijiet ta’ kummerċ ġust."

(4)  Jiddaħħal l-Artikolu 23a:

"Artikolu 23a

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.  L-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel allokata għad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-ispejjeż relatati msemmija fl-Artikolu 23(1), u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 4, ma għandhiex taqbeż il- EUR 250 miljun għal kull sena skolastika, li minnhom:

(a)  għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel: EUR 150 miljun għal kull sena skolastika;

(b)  għall-ħalib għall-iskejjel: EUR 100 miljun għal kull sena skolastika.

2.  L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru, filwaqt li jitqies dan li ġej:

(i)  l-għadd ta' tfal bejn sitta u għaxar snin fi Stat Membru;

(ii)  il-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni fi ħdan Stat Membru sabiex tiġi żgurata għajnuna akbar lir-reġjuni anqas żviluppati skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-Regolament ▌ u lill-gżejjer minuri tal-Eġew skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013; u

(iii)  għall-ħalib għall-iskejjel, minbarra l-kriterji msemmija hawn fuq, l-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal ▌.

Għar-reġjuni ultraperiferiċi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE, l-allokazzjonijiet għall-Istat Membru kkonċernat għandhom jiżguraw aktar għajnuna għal dawn ir-reġjuni sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom rigward l-akkwist ta' prodotti u jiġi promoss tali akkwist bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi li huma qrib xulxin.

L-allokazzjonijiet għall-ħalib għall-iskejjel li jirriżultaw mill-kriterji msemmija hawn fuq għandhom jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkunu intitolati li jirċievu tal-anqas ammont minimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull tifel u tifla fil-grupp ta' età msemmi fil-punt (i) tal-ewwel subparagrafu li ma għandux ikun anqas mill-użu medju ta' fondi tal-Unjoni għall kull tifel u tifla madwar l-Istati Membri kollha fil-qafas tal-iskema li applikat qabel [data ta' dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

3.  L-Istati Membri għandhom japplikaw kull sena għall-parteċipazzjoni fl-iskema għall-iskejjel billi jissottomettu t-talba tagħhom għall-għajnuna mill-Unjoni, filwaqt li jispeċifikaw l-ammont mitlub għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel, u l-ammont mitlub għall-ħalib għall-iskejjel li huma jixtiequ jqassmu ▌.

4.  Mingħajr ma jaqbeż il-limitu globali ta’ EUR 250 miljun, li jirriżulta mill-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru jista' jittrasferixxi darba kull sena skolastika sa 20% ta' allokazzjoni indikattiva waħda jew l-oħra tiegħu. ▌

Madankollu, dak il-perċentwal jista' jiżdied sa 25% għall-Istati Membri li għandhom ir-reġjuni ultraperiferiċi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE u f'każijiet oħra ġustifikati kif dovut, bħal meta Stat Membru jeħtieġ jindirizza sitwazzjoni tas-suq speċifika fis-settur kopert mill-iskema għall-iskejjel, it-tħassib partikolari tiegħu ta' konsum baxx ta' wieħed mill-gruppi ta' prodotti jew l-ieħor, jew bidliet soċjetali oħra.

It-trasferimenti jistgħu jsiru jew:

(a)  qabel ma jiġu ffissati allokazzjonijiet definittivi għas-sena skolastika ta' wara, bejn l-allokazzjonijiet indikattivi tal-Istati Membri. Trasferimenti bħal dawn ma jistgħux isiru mill-allokazzjoni indikattiva għall-grupp ta' prodotti li għalihom l-Istat Membru kkonċernat jitlob ammont li jaqbeż l-allokazzjoni indikattiva tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta' kwalunkwe trasferiment bejn allokazzjonijiet indikattivi; jew

(b)  wara l-bidu ta' sena skolastika, bejn l-allokazzjonijiet definittivi tal-Istat Membru, meta tali allokazzjonijiet ikunu ġew stabbiliti għall-Istat Membru inkwistjoni. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, inklużi dawk dwar l-iskadenzi għat-trasferimenti u dwar is-sottomissjoni, il-format u l-kontenut tan-notifiki ta' trasferiment.

5.  L-iskema għall-iskejjel għandha tkun preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali separata għall-iskejjel li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. L-għajnuna mill-Unjoni prevista fl-Artikolu 23 tista' tintuża biex testendi l-ambitu jew l-effettività ta' kwalunkwe skema nazzjonali eżistenti għall-iskejjel jew kwalunkwe skema ta' distribuzzjoni fl-iskejjel li tipprovdi frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel iżda hija ma għandhiex tissostitwixxi l-finanzjament għal dawn l-iskemi nazzjonali eżistenti, ħlief għad-distribuzzjoni b'xejn ta' ikliet lil tfal fi stabbilimenti edukattivi. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jestendi skema nazzjonali eżistenti għall-iskejjel jew jagħmilha aktar effettiva billi japplika għal fondi mill-Unjoni, huwa għandu jindika fl-istrateġija msemmija fl-Artikolu 23(6) kif dan ser jinkiseb.

6.  Minbarra l-għajnuna mill-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll għajnuna nazzjonali għall-finanzjament tal-iskema għall-iskejjel.

L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dawk il-pagamenti permezz ta’ imposta fuq is-settur ikkonċernat jew bi kwalunkwe kontribuzzjoni oħra mis-settur privat.

7.  L-Unjoni tista’ tiffinanzja wkoll, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, miżuri ta’ informazzjoni, pubbliċità, monitoraġġ u evalwazzjoni relatati mal-iskema għall-iskejjel, inkluża s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-objettivi tagħha, u miżuri ta’ netwerking relatati li għandhom bħala għan l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-iskema.

Il-Kummissjoni tista' tiżviluppa, f'konformità mal-Artikolu 24(3) ta' dan ir-Regolament, identifikatur komuni jew elementi grafiċi biex isaħħaħ il-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel.

8.  L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-bini tal-iskola jew postijiet rilevanti oħra ▌, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe għodda ta' kommunikazzjoni xierqa li tiġi stabbilita mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 24 u li tista' tinkludi posters, siti elettroniċi ddedikati, materjal grafiku informattiv, u kampanji ta' informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi."

(5)  L-Artikoli 24 u 25 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"Artikolu 24

Setgħat delegati

1.  Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta’ dieta tajba għas-saħħa tat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel tkun mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar:

(a)  il-kriterji addizzjonali relatati mal-eliġibbiltà tal-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22;

(b)  l-approvazzjoni u l-għażla tal-applikanti għall-għajnuna mill-Istati Membri;

(c)  it-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali u l-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament.

2.  Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi Ewropej u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jikkonċernaw:

(a)  l-identifikazzjoni ta' spejjeż u/jew miżuri li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni ▌;

(b)  l-obbligu għall-Istati Membri li jissorveljaw u jevalwaw l-effettività tal-iskema għall-iskejjel tagħhom.

3.  Sabiex jiġi promoss l-għarfien dwar l-iskema għall-iskejjel u tittejjeb il-viżibbiltà tal-għajnuna mill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 li jitolbu li l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema għall-iskejjel jippubbliċizzaw b'mod ċar il-fatt li huma qegħdin jirċievu appoġġ mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-iskema, inkluż b'rabta ma':

(a)  il-kriterji speċifiċi relatati mal-użu ta' għodda ta' pubbliċità;

(b)  jekk xieraq, l-istabbiliment ta' kriterji speċifiċi dwar il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni, id-daqs u d-disinn tal-identifikatur komuni jew l-elementi grafiċi.

4.  Sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227 fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi.

5.  B'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għajnuna hija riflessa fil-prezz li l-prodotti jkunu disponibbli bih skont l-iskema għall-iskejjel, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 227, li jitolbu li l-Istati Membri jispjegaw fl-istrateġiji tagħhom kif dan ser jinkiseb.

Artikolu 25

Setgħat ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima inklużi:

(a)  l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-istrateġiji tal-Istati Membri;

(b)  l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u l-pagamenti, inkluża s-simplifikazzjoni tal-proċeduri li jirriżultaw mill-qafas komuni;

(c)  il-metodi tal-pubbliċità, u l-miżuri ta’ netwerking fir-rigward tal-iskema għall-iskejjel;

(d)  is-sottomissjoni, il-format u l-kontenut tat-talbiet annwali għall-għajnuna, ir-rapporti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni mill-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel;

(e)  il-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23a(4), inklużi dawk dwar l-iskadenzi għat-trasferimenti u dwar is-sottomissjoni, il-format u l-kontenut tan-notifiki ta' trasferiment.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).''

(6)  Is-subtaqsima 2 titħassar.

(7)  L-Artikolu 217 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 217

Pagamenti nazzjonali għad-distribuzzjoni ta’ prodotti lit-tfal

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti nazzjonali għall-provvista lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi ta' gruppi ta' prodotti eliġibbli msemmija fl-Artikolu 23, għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament relatati ma' tali prodotti u għall-ispejjeż relatati msemmija fl-Artikolu 23(1)(c).

L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw dawk il-pagamenti permezz ta’ imposta fuq is-settur ikkonċernat jew bi kwalunkwe kontribuzzjoni oħra mis-settur privat."

(8)  Fl-Artikolu 225 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(e)  sal-31 ta' Lulju 2023, dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta' allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 23a(2);

(f)  sal-31 ta' Lulju 2023, dwar l-impatt tat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 23a(4) fuq l-effettività tal-iskema b'rabta mad-distribuzzjoni taż-żewġ gruppi ta' prodotti."

(9)  L-Anness V huwa sostitwit b’dan li ġej:

"ANNESS V

Kategorija I

Prodotti magħmulin minn ħalib iffermentat mingħajr meraq tal-frott, b'togħma naturali, jew bil-meraq tal-frott, b'togħma naturali jew mingħajr togħma

Xarbiet abbażi ta' ħalib bil-kawkaw, meraq tal-frott jew b'togħma naturali

Kategorija II

Prodotti tal-ħalib, iffermentat jew le, bil-frott, b'togħma naturali jew mingħajr togħma".

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1306/2013

Fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(d)  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-miżuri relatati mal-mard tal-annimali u t-telf tal-fiduċja tal-konsumaturi kif imsemmi fl-Artikolu 220 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013."

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

L-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

Referenzi

COM(2014)0032 – C7-0025/2014 – 2014/0014(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

30.1.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

6.2.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

6.2.2014

BUDG

6.2.2014

CONT

6.2.2014

ENVI

6.2.2014

 

REGI

6.2.2014

CULT

6.2.2014

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

  Data tad-deċiżjoni

DEVE

11.2.2014

BUDG

25.6.2014

CONT

11.6.2014

ENVI

14.7.2014

 

REGI

22.9.2014

CULT

3.9.2014

 

 

Rapporteurs

  Data tal-ħatra

Marc Tarabella

17.9.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

23.7.2014

 

 

 

Data tal-adozzjoni

11.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marijana Petir, Jens Rohde, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Bas Belder, Franc Bogovič, Jean-Paul Denanot, Fredrick Federley, Maria Heubuch, Ricardo Serrão Santos, Ramón Luis Valcárcel Siso

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mark Demesmaeker

Data tat-tressiq 

15.1.2016

(1)

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 142.

(2)

ĠU C 415, 20.11.2014, p. 30.

(3)

Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0216.

(4)

*Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

**  IT-TEST GĦADU MA GĦADDIEX MINN FINALIZZAZZJONI LEGALI-LINGWISTIKA.

(5)

  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 142

(6)

  ĠU C 415, 20.11.2014, p. 30.

(7)

  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(8)

  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347.20.12.2013, p. 549).

Avviż legali