Proċedura : 2015/2224(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0032/2016

Testi mressqa :

A8-0032/2016

Dibattiti :

PV 09/05/2016 - 15
CRE 09/05/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2016 - 6.6

Testi adottati :

P8_TA(2016)0211

RAPPORT     
PDF 618kWORD 182k
22.2.2016
PE 571.658v02-00 A8-0032/2016

dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)

(2015/2224(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Ruža Tomašić

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)

(2015/2224(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-"Aġenda Territorjali tal-UE 2020", miftiehma fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali tad-19 ta' Mejju 2011, f'Gödöllő,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità tad-29 ta' Novembru 2012(6),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi tad-9 ta' Lulju 2015(7),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta' koeżjoni 2014–2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE) tal-11 ta' Diċembru 2014(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2011 dwar it-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-ottimizzazzjoni tar-rwol tal-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' Programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020"(12),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu "Għodod għall-appoġġ tad-dimensjoni territorjali u urbana fil-politika ta' koeżjoni: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Governanza territorjali u Politika ta' Koeżjoni", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Il-koerenza strateġika tal-Politika ta' Koeżjoni: tqabbil tal-perjodi ta' programmar 2007–13 u 2014–20", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Parlament Ewropew, Frar 2015,

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar "Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE", Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Aġenda Territorjali 2020 fil-prattika - Titjib fl-effiċjenza u l-effettività tal-Politika ta' Koeżjoni b'approċċ ibbażat fuq il-post", volum II - studji tal-każ, il-Kummissjoni Ewropea, Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Kif tista' tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-'Istrateġija Ewropa 2020' u l-Politika ta' Koeżjoni tal-UE abbażi tal-Aġenda Territorjali 2020", imħejji fuq talba tal-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Settembru 2011

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Ħolqien tal-Impjiegi u Żvilupp Ekonomiku Lokali", Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Tmexxija Ekonomika Lokali", Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi OECD, 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8–0032/2016),

A.  billi l-koeżjoni territorjali hija objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqax fit-Trattat ta' Lisbona;

B.  billi l-ġenerazzjoni 2014–2020 tal-politika ta' koeżjoni tipprevedi u tinkoraġġixxi l-użu ta' approċċi integrati u bbażati fuq il-post sabiex titrawwem koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali filwaqt li tiġi promossa wkoll governanza territorjali;

C.  billi l-approċċi integrati u bbażati fuq il-post huma maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tal-interventi pubbliċi billi jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tat-territorji u jgħinu biex jagħmluhom iktar attraenti;

D.  billi s-CLLD u l-ITI huma strumenti innovattivi fil-politika ta' koeżjoni, li xi Stati Membri se jimplimentaw f'tali forma għall-ewwel darba u li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kisba ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-ħolqien ta' impjiegi lokali ta' kwalità, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-ilħuq tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

E.  billi l-ITI il-ġdid u s-CLLD jirrappreżentaw bidliet gradwali fil-kapaċità ta' partijiet ikkonċernati lokali biex jiġu kkombinati flussi ta' fondi u jiġu ppjanati inizjattivi lokali mmirati tajjeb;

F.  billi l-emanċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali hija essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa tal-politika ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi l-approċċi innovattivi, li jipprijoritizzaw l-għarfien lokali biex jiġu indirizzati problemi lokali permezz ta' soluzzjonijiet lokali, kisbu importanza dejjem tikber; billi l-governanza parteċipatorja, bħal ibbaġitjar parteċipattiv, għandha l-għodod meħtieġa għal parteċipazzjoni pubblika, bl-għan li tingħata r-responsabilità għad-deċiżjonijiet fil-livell tal-komunità lokali;

G.  billi s-CLLD huwa bbażat fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni ta' LEADER, URBAN u EQUAL f'perjodi ta' finanzjament preċedenti, u jibni l-iktar fuq l-approċċ LEADER, li wassal għal żieda esponenzjali fi Gruppi ta' Azzjoni Lokali (LAGs) mindu twaqqaf fl-1991 u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni, partikolarment f'żoni rurali;

H.  billi s-CLLD huwa obbligatorju għall-FAEŻR biss, u mhux obbligatorju għall-FEŻR, il-FSE u l-FEMS;

I.  billi dawn iż-żewġ strumenti ġodda jista' jkollhom rwol importanti fl-adattament għat-tibdil demografiku u t-treġġigħ lura tal-iżbilanċi interreġjonali fl-iżvilupp;

J.  billi tas-CLLD huwa approċċ minn isfel għal fuq bl-għan li jitwaqqfu oġġetti u proġetti ta' finanzjament marbutin ma' bżonnijiet lokali tal-komunità milli li jiġu imposti objettivi fil-livell nazzjonali;

K.  billi l-ITI huwa għodda li tista' tintuża għat-twettiq ta' azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, kif definit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013;

L.  billi hemm differenzi konsiderevoli fil-livell bejn l-Istati Membri f'termini ta' strutturi ta' governanza u esperjenza fl-inizjattivi ta' żvilupp minn isfel għal fuq;

M.  billi l-kapaċità u l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali huma essenzjali għas-suċċess ta' dawn l-għodod, minkejja l-kompetenzi definiti għal kull organizzazzjoni;

N.  billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mitlubin jintervjenu f'deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tagħhom, u jippromwovu sinerġiji bejn is-setturi pubbliċi u privati bħala linji gwida essenzjali li kapaċi jipprovdu ġestjoni u amministrazzjoni effettiva ta' proġetti, u jiżguraw l-istabilità tal-impenji li saru;

O.  billi huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tagħhom stess, jidentifikaw, skont il-kontribut tal-Komunità, l-assi u l-vantaġġi strateġiċi tagħhom u jibnu fuq dawn meta jiżviluppaw l-istrateġiji ta' żvilupp reġjonali u lokali tagħhom, ħaġa li, flimkien mal-kontribut tal-Komunità tagħhom, iżżid il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini billi tikkjarifika l-problemi li jseħħu, tistabbilixxi prijoritajiet u tiddeskrivi soluzzjonijiet sostenibbli flimkien maċ-ċittadini;

P.  billi l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 jipprovdi li, "Meta jqis is-sitwazzjoni territorjali speċifika, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu l-prinċipji għall-għażla taż-żoni urbani fejn azzjonijiet integrati għall-iżvilupp sostenibbli urban għandhom jiġu implimentati u l-allokazzjoni indikattiva għal dawk l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali";

Q.  billi l-inizjattiva RURBAN għal kooperazzjoni bejn iż-żoni rurali u dawk urbani tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali u l-ħolqien ta' sħubiji għall-iżvilupp;

R.  billi fil-livell tal-Unjoni Ewropea l-baġits għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni, u billi r-riżorsi allokati fil-qafas tal-ITI u s-CLLD jridu jintużaw b'mod effiċjenti, permezz tal-kisba tal-objettivi politiċi u l-prijoritajiet stabbiliti, u għandu jkollhom l-ogħla valur miżjud għall-objettiv mixtieq, u billi r-riżultati miksuba għandhom ikunu konsenjati bl-inqas spiża possibbli;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota li l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali sa mill-bidu nett, l-impenn u l-approprjazzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp territorjali u d-delega xierqa tar-responsabbiltajiet u r-riżorsi għal livelli iktar baxxi ta' teħid ta' deċiżjonijiet huma kruċjali għas-suċċess ta' approċċ minn isfel għal fuq; iqis li l-involviment tal-imsieħba jista' jsaħħaħ ukoll l-approċċ integrat u bbażat fuq il-post, b'mod partikolari meta l-adozzjoni tas-CLLD u l-ITI tkun baxxa; jisħaq, madankollu, li l-atturi lokali jeħtieġu appoġġ tekniku u finanzjarju mil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE, speċjalment fl-istadji bikrija tal-proċess ta' implimentazzjoni;

2.  Jitlob l-istabbiliment ta' strateġiji fl-istadji inizjali tal-proċess ta' implimentazzjoni b'kollaborazzjoni mal-atturi reġjonali u lokali, partikolarment fil-livell ta' taħriġ speċifiku u speċjalizzat, u ta' appoġġ tekniku u finanzjarju, fil-kuntest ta' sħubija effettiva bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-UE;

3.  Huwa tal-opinjoni li s-sottodelega tal-kompetenzi u r-riżorsi, fil-qafas tal-Fondi ESI, għandha tiġi promossa ulterjorment u li n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jagħmlu dan tista' tillimita l-potenzjal ta' dawn iż-żewġ strumenti; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti r-responsabilità lill-gruppi lokali; jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tibqa' għalkollox fi ħdan il-kompetenzi tagħha, tipprovdi rakkomandazzjonijiet u linji gwida komprensivi lill-Istati Membri dwar kif jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja u l-ostakoli amministrattivi bejn il-livelli differenti ta' governanza relatati mal-implimentazzjoni tas-CLLD u l-ITI;

4.  Jenfasizza l-fatt li fil-livell lokali, it-tfassil ta' strateġiji innovattivi ta' kwalità għolja, integrati u multisettorjali jikkostitwixxi sfida, speċjalment meta dan irid isir b'mod parteċipattiv;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-azzjonijiet meħuda taħt dawn l-għodod, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet tal-atturi lokali, jeħtieġ li jiġu allinjati mal-objettivi ġenerali tal-programmi operattivi kif ukoll ma' strateġiji għall-iżvilupp oħra tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, filwaqt li jippermettu marġni ta' flessibilità;

6.  Ifakkar li huma mhux biss il-programmi tal-UE li jeħtieġ li jkunu iktar flessibbli u integrati aħjar, iżda wkoll il-politiki integrati nazzjonali u reġjonali; jenfasizza li l-iżgurar ta' spirtu iktar ġenerali ta' riforma tal-governanza se jgħin biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jiġux ikkunsinjati f'qafas 'parallel' mal-politiki nazzjonali u reġjonali, iżda pjuttost jiġu integrati fi spinta iktar wiesgħa biex jintlaħqu riżultati ekonomiċi sostenibbli;

7.  Iqis il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala l-iktar kwistjoni urġenti għall-Istati Membri, flimkien ma' nuqqas ta' finanzjament tal-SMEs; jisħaq li l-istrateġiji ta' żvilupp lokali u territorjali jridu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu inċentivi fiskali u inċentivi oħra biex jiġu promossi l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-mobilità intrareġjonali fost iż-żgħażagħ kif ukoll biex jipprijoritizzaw it-taħriġ vokazzjonali, fi sħubija ma' istituzzjonijiet ta' taħriġ;

8.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu attenzjoni partikolari lil proġetti mmirati lejn l-adattament tal-lokalitajiet u r-reġjuni għar-realtà demografika ġdida u biex jiġu miġġielda l-iżbilanċi li jirriżultaw minnha, b'mod partikolari permezz ta': 1. l-adattament ta' infrastrutturi soċjali u ta' mobilità għall-bidla demografika u l-flussi migratorji; 2. il-ħolqien ta' prodotti u servizzi speċifiċi mmirati lejn il-popolazzjoni li qed tixjieħ; 3. appoġġ għal opportunitajiet ta' xogħol għal persuni ikbar fl-età, in-nisa u l-migranti li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali; 4. titjib tal-konnessjonijiet diġitali u l-ħolqien ta' pjattaformi li jippermettu u jistimolaw il-parteċipazzjoni u l-interazzjoni taċ-ċittadini tal-iktar reġjuni iżolati mad-diversi servizzi amministrattivi, soċjali u politiċi tal-awtoritajiet fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej);

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ, taħriġ u gwida addizzjonali lil lokalitajiet li huma iżgħar u inqas żviluppati li għandhom riżorsi u kapaċità iktar limitati u li għalihom il-piż amministrattiv u l-kumplessità relatata ma' dawn l-għodod jistgħu jkunu diffiċli li jittrattawhom matul l-ippjanar u l-implimentazzjoni; ifakkar li l-koeżjoni territorjali tibda minn isfel għal fuq u għandha tinvolvi wkoll entitajiet amministrattivi żgħar, mingħajr l-ebda esklużjoni jew diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal ITI u CLLD; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika r-riżultati tal-aħjar prattiki f'kull Stat Membru u jissuġġerixxi li dawn jinqasmu permezz ta' netwerk onlajn li jippermetti li dawk l-entitajiet ikollhom opportunitajiet indaqs ta' aċċess ta' għal dawn l-għodod; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jipproponu soluzzjonijiet immirati lejn gruppi ta' entitajiet amministrattivi żgħar b'kont meħud tad-dimensjoni territorjali u ta' ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp;

10.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu strateġija sabiex ikabbru l-użu tas-CLLD u l-ITI permezz ta' approċċ ibbażat fuq diversi fondi għall-ħolqien ta' strateġiji ta' żvilupp reġjonali u lokali iktar effettiv, b'mod partikolari fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-flessibilità, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 33(6) tas-CPR, biex jirrispondu aħjar għall-ispeċifiċitajiet ta' dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ miżuri speċifiċi biex jiġi pprovdut appoġġ tekniku u għall-bini tal-kapaċità lil korpi amministrattivi f'dawn l-oqsma, fid-dawl tal-iżolament tagħhom u l-iżvantaġġ kompetittiv parzjali;

11.  Jisħaq li l-integrazzjoni ta' fondi multipli għadha sfida għall-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari fil-kuntest tas-CLLD u l-ITI; iqis li huma meħtieġa sforzi ta' simplifikazzjoni sabiex jinħolqu kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dawn l-għodod; jilqa', għaldaqstant, l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' Regolamentazzjoni Aħjar; jisħaq fuq il-bżonn li jinstab qafas Ewropew meta jsiru rakkomandazzjonijiet;

12.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-prattiki ta' regolamentazzjoni żejda li bihom jinħolqu rekwiżiti u ostakoli addizzjonali, u spiss mhux meħtieġa, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jinnota li jeżistu bosta saffi ta' awditjar li jżidu l-piż finanzjarju u amministrattiv għall-benefiċjarji; jinsisti li għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti amministrattivi u jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' kondizzjonijiet għall-investimenti u sħubijiet pubbliċi-privati; jirrakkomanda li l-attivitajiet ta' verifika jkunu simplifikati u li l-monitoraġġ ikun iffokat fuq il-proċess u fuq l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, filwaqt li jinżamm kontroll effiċjenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw attivitajiet ta' taħriġ immirati lejn is-CLLD u l-ITI għal atturi reġjonali u lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil programmi ta' taħriġ immirati lejn benefiċjarji lokali; iqis kruċjali li jiġu żgurati l-involviment u r-rappreżentanza tas-setturi rilevanti kollha tas-soċjetà f'tali attivitajiet; jisħaq fuq l-importanza tal-użu effiċjenti u effettiv tal-assistenza teknika fl-appoġġ ta' dawn l-istrumenti, mingħajr irdoppjar tal-organizzazzjonijiet;

14.  Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq ir-riżultati u fuq l-eżiti, li għandu wkoll jgħin lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali biex jitbiegħdu minn fokus eċċessiv fuq l-assorbiment tal-fondi u l-ikkatalogar tal-proċessi ta' implimentazzjoni u jersqu lejn l-identifikazzjoni ta' miri reali u sinifikanti li jwasslu għal bidla tanġibbli għan-negozji u r-residenti lokali tagħhom;

15.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni xierqa fost il-partijiet ikkonċernati differenti; jinkoraġġixxi l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ittejjeb il-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar is-CLLD u l-ITI; jinsisti li s-CLLD u l-ITI għandhom iżidu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-governanza lokali u reġjonali, permezz tal-involviment dirett fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, sabiex tiżdied ir-responsabilità għal deċiżjonijiet, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw metodi xierqa biex jiġu involuti ċ-ċittadini f'konsultazzjonijiet pubbliċi, billi jitħeġġeġ livell ogħla ta' deliberazzjoni u kultura ta' kollaborazzjoni;

16.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni, fejn ikun xieraq, jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu evitati problemi bejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni u sħubijiet individwali u biex jiżguraw ukoll li l-benefiċjarji potenzjali jiġu informati b'mod xieraq u jipu mħarsa fir-rigward ta' dawn il-mekkaniżmi; jinnota d-dewmien ikkawżat mis-soluzzjoni tat-tilwim wara kontestazzjonijiet u jinsisti fuq l-istabbiliment ta' sett ta' regoli speċifiċi li jistabbilixxu proċeduri għal kontestazzjonijiet u soluzzjoni rapida għal tilwim fl-akkwist pubbliku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lid-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Politika Reġjonali u Urbana, jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sabiex jibbenefikaw mill-esperjenza twila tagħha fit-twettiq tal-programm Żvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi Lokali (LEED), u jfittxu sinerġiji bejn l-għodod, b'mod speċjali fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità tal-implimentazzjoni tal-atturi lokali;

18.  Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-isforzi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiġi estiż l-użu ta' strumenti ġodda fil-kuntest tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE); jenfasizza li ż-żoni ġirien mifruda bi fruntiera ta' spiss jiffaċċjaw sfidi simili li jistgħu jiġu ttrattati aħjar b'mod konġunt, fil-livell lokali;

19.  Jinsab imħasseb dwar ir-rati għoljin ta' qgħad f'bosta Stati Membri u reġjuni tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw dawn l-istrumenti fuq proġetti li joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u opportunitajiet għall-SMEs, jippromwovu l-investiment, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-investiment soċjali u biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali, speċjalment f'dawk ir-reġjuni u s-sottoreġjuni fejn dan huwa meħtieġ l-aktar; jirrimarka f''dan ir-rigward l-importanza tal-finanzjament integrat, u speċjalment il-kombinazzjoni tal-FSE u l-FEŻR; jinnota l-potenzjal tal-investiment mill-ġdid ta' partijiet mit-taxxi lokali f'attivitajiet orjentati lejn il-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta' investiment speċjali, f'konformità mal-Pakkett ta' Investiment Soċjali, li jistgħu jibbenefikaw minnha r-reġjuni bl-ogħla rati ta' qgħad;

20.  Jenfasizza l-potenzjal ta' approċċ minn isfel għal fuq tas-CLLD għall-appoġġ ta' strateġiji għall-iżvilupp lokali, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u għat-tħeġġiġ ta' żvilupp rurali sostenibbli; jemmen li l-ITI u s-CLLD għandhom il-potenzjal li jwieġbu direttament għall-ħtiġijiet u l-isfidi lokali b'mod iktar iffokat u xieraq, u jinsisti fuq il-ħtieġa għal inklużjoni aħjar taż-żoni urbani f'dan il-mekkaniżmu, u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b'mod attiv din l-istrateġija; jinnota li l-ITI huwa mekkaniżmu effettiv li jagħti riżultati għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Integrati għar-Riġenerazzjoni u l-Iżvilupp Urban; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta regolamenti li jkopru l-finanzjament tas-CLLD u l-ITI mill-FSIE kollu kemm hu sabiex jissaħħu s-sinerġiji;

21.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li, sabiex isir progress tanġibbli lejn il-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, trid tingħata attenzjoni akbar, fir-rieżami tal-istrateġija kif ukoll tal-QFP, lill-kuntesti reġjonali u lokali, u lill-karatteristiċi speċifiċi tal-oqsma kkonċernati;

Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD)

22.  Jilqa' l-ħolqien tal-istrument CLLD il-ġdid, li mar lil hinn mill-inizjattiva LEADER biex jawtonomizza lill-komunitajiet lokali u jipprovdi soluzzjonijiet lokali speċifiċi, mhux biss permezz tal-FAEŻR, iżda wkoll permezz tal-Fondi SIE l-oħra;

23.  Josserva li s-CLLD joffri possibilitajiet għal żoni urbani u periurbani, u għandu jkun parti integrali mill-istrateġiji għall-iżvilupp urban, inkluż permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali; ifakkar li, sabiex jiġi żgurat li l-istrateġiji għall-iżvilupp territorjali jkunu kemm jista' jkun effettivi, l-iżvilupp ta' żoni urbani għandu jkun sostenibbli u konsistenti mal-iżvilupp taż-żoni ta' madwaru, periurbani u rurali;

24.  Jiddispjaċih li f'numru ta' Stati Membri s-CLLD se jiġi introdott permezz ta' approċċ ta' fond wieħed li jista' jwassal għal opportunitajiet mitlufa fil-ħolqien ta' strateġiji ta' żvilupp lokali iktar effettivi; ifakkar fl-importanza ta' approċċ integrat u l-ħtieġa li jiġu involuti kemm jista' jkun partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili lokali;

25.  Jilqa' t-twaqqif tal-Grupp ta' Ħidma Orizzontali dwar is-Sħubija, stabbilit bis-saħħa ta' DĠ REGIO;

26.  Jitlob li jkun hemm aderenza konsistenti mal-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija, b'mod partikulari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni ITI u CLLD;

27.  Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-sensibilizzazzjoni fost is-sħab soċjali u ekonomiċi, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, u l-parteċipazzjoni attiva ta' dawk il-partijiet sabiex l-ikbar numru possibbli ta' sħab ikunu jistgħu jipproponu strateġiji tas-CLLD, qabel l-iskadenza għall-proposti (il-31 ta' Diċembru 2017);

28.  Huwa preokkupat li f'xi Stati Membri xi drabi s-CLLD huwa sempliċiment eżerċizzju ta' "mmarkar tal-kaxxi" minflok approċċ ġenwin minn isfel għal fuq; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-atturi lokali għandu jkollhom setgħat veri ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jinkoraġġixxu l-qsim tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-GALs, abbażi ta' strateġija ta' informazzjoni fil-livell Ewropew rigward il-proġetti tagħhom ta' suċċess filwaqt li jużaw strumenti u pjattaformi eżistenti bħal TAIEX REGIO PEER 2 PEER, URBACT, u n-Netwerk għall-Iżvilupp Urban;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaddnu l-inizjattivi CLLD u jipprovdu iktar flessibilità fil-programmi operazzjonali u fil-kuntesti reġjonali, nazzjonali u l-oqfsa ta' politika tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidraw aħjar il-prijoritajiet tal-istrateġiji CLLD; jirrikonoxxi s-suċċess tal-LAGs fil-ġestjoni tal-proġetti u jitlob li jkun hemm finanzjament iktar komprensiv u li jiġi kkunsidrat li l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jiġi estiż; jiddispjaċih dwar il-fatt li f'xi Stati Membri s-CLLD huwa ristrett mill-awtoritajiet nazzjonali għal għan politiku speċifiku wieħed biss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar il-finanzjament tas-CLLD permezz ta' approċċ ibbażat fuq diversi fondi, kif ukoll bit-tħeġġiġ tal-użu ta' strumenti ta' finanzjament;

31.  Ifakkar li r-Regolament tal-FSE jippermetti prijorità tal-investiment speċifika dwar "strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità" skont l-Objettiv Tematiku 9 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu dan fil-programmi operattivi tagħhom; jirrimarka li l-fond jista' jipprovdi appoġġ vitali għall-patti territorjali tal-impjiegi, l-istrateġiji tal-iżvilupp urban u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali fil-livell lokali u reġjonali u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna addizzjonali lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet ta' investiment speċifiċi u biex fir-Rapporti tal-Attività Annwali tagħha tipprovdi informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex tindirizza d-diffikultajiet li diġà ġew identifikati fl-applikazzjoni tal-istrumenti u biex issib soluzzjonijiet sostenibbli;

32.  Jemmen li għodda bħall-ibbaġitjar parteċipattiv għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija CLLD, billi huwa eżerċizzju demokratiku li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jiżdied l-involviment tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fil-livell lokali u tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku;

33.  Jenfasizza l-importanza fundamentali ta' approċċ non-diskriminatorju u trasparenti u li jiġu minimizzati l-kunflitti ta' interess potenzjali fl-interazzjonijiet bejn l-individwi fis-setturi pubbliċi u privati, biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-effettività, is-simplifikazzjoni u t-trasparenza; jilqa', barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' sħab fil-GAL; iqis xierqa d-dispożizzjoni li skontha la l-awtoritajiet pubbliċi u lanqas kwalunkwe grupp ta' interess uniku ma jista' jkollhom iktar minn 49 % tad-drittijiet ta' vot f'LAGs, skont il-qafas leġiżlattiv attwali, li jagħmilha possibbli li jingħata kontribut sabiex jitbiegħdu minn approċċ amministrattiv lejn approċċ orjentat lejn ir-riżultati u innovattiv; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tivvaluta l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, inklużi ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet, u biex tipprovdi assistenza mmirata teknika u għall-bini tal-kapaċitajiet;

Investiment Territorjali Integrat (ITI)

34.  Jinnota li fl-implimentazzjoni tal-ITI huma possibbli approċċi ta' governanza diversi; iqis kruċjali, madankollu, li s-sħab lokali jaqdu r-rwol tagħhom bħala atturi ewlenin fit-tħejjija tal-istrateġija ta' żvilupp territorjali tal-ITI, u jkunu wkoll involuti bis-sħiħ fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-responsabilitajiet tal-awditjar tagħha, u b'hekk jgħinu jiżguraw approprjazzjoni lokali ġenwina tal-interventi tal-ITI;

35.  Jisħaq li l-ITI m'għandux ikun ristrett għal żoni urbani biss, imma jista' jkopri żoni ġeografiċi bħall-inħawi urbani, iż-żoni metropolitani, urbani u rurali, subreġjonali jew transkonfinali; jisħaq li l-ITI jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex iqis il-ħtiġijiet territorjali speċifiċi billi jiddetermina b'iktar flessibilità l-portata territorjali tiegħu, biex b'hekk isegwi approċċ ibbażat fuq il-post; iqis li l-ITI jipprevedi wkoll struttura xierqa biex tittratta territorji b'aċċess limitat għas-servizzi, u komunitajiet iżolati u żvantaġġati; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jottimizzaw ir-riżorsi umani u tekniċi u jagħmlu użu akbar tal-ITIs fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali;

36.  Jenfasizza li l-involviment bikri u delega ikbar ta' responsabilitajiet lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili, fl-istrateġija ta' żvilupp territorjali, minn isfel 'il fuq, huma deċiżivi għal approprjazzjoni futura, parteċipazzjoni u suċċess tal-istrateġija territorjali integrata se tiġi implimentata fil-livelli lokali u intersettorjali; jinsisti li l-kapaċità ta' sfruttar tal-potenzjal proprju għall-iżvilupp għandha tiżdied, b'konformità mal-karatteristiċi lokali;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu approċċ ta' fondi multipli għall-ITIs sabiex jiksbu sinerġiji bejn il-fondi f'territorju partikolari u jindirizzaw l-isfidi b'mod iktar komprensiv; jenfasizza li l-bini tal-kapaċità mmirat huwa neċessarju sabiex jiffaċilita l-ġbir ta' fondi minn sorsi differenti;

38.  Jenfasizza li d-deċiżjoni tardiva fuq livell nazzjonali biex jintuża l-istrument tal-ITI ġiet identifikata bħala ostaklu ewlieni fit-tfassil ta' strateġija territorjali xierqa, il-ħolqien ta' struttura ta' koordinazzjoni, id-determinazzjoni tal-baġit u t-tħejjija tal-bażi legali nazzjonali għal ITI;

39.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni flimkien mal-Grupp ta' Esperti dwar il-Kwistjonijiet ta' Koeżjoni Territorjali u Urbani (TCUM), fit-tħejjija tax-xenarji tal-ITI; jaqbel mal-fehma li tali gwida għandha toħroġ iktar kmieni matul il-proċess tal-ipprogrammar; iqis meħtieġ l-aġġornament tal-gwida b'eżempji reali u tagħlimiet meħuda mill-ITIs ladarba jiġu implimentati;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2015, b'użu iktar effiċjenti tal-għodda tal-IT u l-ħolqien ta' inqas burokrazija, l-introduzzjoni ta' regoli iktar flessibbli għal pajjiżi/reġjuni b'allokazzjonijiet żgħar ħafna, it-titjib tal-mekkaniżmi ta' kofinanzjament fl-Istati Membri u l-provvista ta' iktar taħriġ għal dawk responsabbli mill-ġestjoni u l-assorbiment tal-fondi, inklużi il-politikanti eletti;

Rakkomandazzjonijiet futuri

41.  Huwa tal-opinjoni li s-CLLD u l-ITI għandu jkollhom rwol saħansitra iktar importanti fil-politika ta' koeżjoni futura; jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport li juri l-punti sodi, oħrajn dgħajfa, l-opportunitajiet u t-theddid (analiżi SWOT) tal-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ strumenti, qabel il-proposta leġiżlattiva l-ġdida, dwar xenarji possibbli għal wara l-2020 relatati ma' dawn l-istrumenti;

42.  Jitlob li r-rapport imsemmi hawn fuq janalizza l-impatt u l-effettività tas-CLLD u l-ITI u jekk huwiex xieraq approċċ obbligatorju bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020, li jipprovdi għall-assenjazzjoni ta' dawn l-istrumenti fi programmi operattivi; jipproponi li jiġi evalwat it-tfassil ta' inċentivi konkreti biex iħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw is-CLLD u l-ITI, flimkien ma' mezzi potenzjali biex jiżguraw iktar koerenza bejn il-programmi operattivi u s-CLLD u l-ITI; jenfasizza li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sett rilevanti ta' indikaturi li jirriflettu kemm elementi kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi;

43.  Jitlob li l-approċċ minn isfel għal fuq fil-kuntest tal-ITI jiġi formalizzat fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-politika ta' koeżjoni matul il-programmazzjoni kif ukoll matul il-fażi ta' implimentazzjoni;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz ta' koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali kompetenti, tissorvelja l-użu tal-fondi tal-ITI, li huma kwantitattivament importanti iktar minn qabel minħabba l-amalgamazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan huwa importanti biex titnaqqas il-possibilità ta' korruzzjoni fl-Istati Membri;

45.  Itenni l-ħtieġa ta' approċċ doppju, b'mod partikolari fil-provvediment ta' gwida, minn naħa, għall-Istati Membri li għandhom biss programmi operattivi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, għal dawk li għandhom ukoll programmi operazzjonali reġjonali;

46.  Jinsisti fuq koordinazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni fir-rigward tal-gwida għal dawn l-għodod; jirrakkomanda li tiġi żviluppata gwida flimkien mal-proposta dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, b'aġġornament sussegwenti; jenfasizza li dan kieku jippermetti t-twassil f'waqtu ta' dokumenti ta' gwida, iżid iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha u jipprovdi wkoll kjarifiki dwar kif id-dispożizzjonijiet proposti ser jiġu implimentati fil-prattika;

°

°    °

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti reġjonali u nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Il-koeżjoni territorjali ġiet rikonoxxuta bħala objettiv fundamentali tal-UE u mnaqqxa fit-Trattat ta' Lisbona. F'dan l-isfond, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tagħmel enfasi ikbar fuq l-użu tal-approċċi integrati u orjentati abbażi tal-post għat-trawwim ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Ir-regolamenti l-ġodda dwar il-FEŻR jistipulaw baġit delimitat ta' 5 % tan-nefqa għall-iżvilupp urban sostenibbli.

Skont il-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ġew introdotti żewġ strumenti ġodda fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' koeżjoni territorjali: Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u Investimenti Territorjali Integrati (ITI).

Is-CLLD (l-Artikoli 32-35 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR)) huwa għodda ġdida għall-użu fil-livell subreġjonali. Dan huwa bbażat fuq l-esperjenza LEADER ta' żvilupp immexxi mill-komunità u huwa bbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq: għandu l-għan li jsaħħaħ is-sinerġiji bejn atturi lokali, kemm pubbliċi kif ukoll privati.

L-ITI (l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) se jgħin jimplimenta strateġiji territorjali integrati peress li dan jippermetti ggruppar ta' fondi minn diversi assi prijoritarji ta' programm operattiv wieħed jew iktar. L-ITIs jistgħu jintużaw għat-twettiq tal-objettiv ta' żvilupp urban sostenibbli, iżda jistgħu jkunu mmirati wkoll lejn tipi oħra ta' territorju.

L-Istati Membri fil-Ftehimiet ta' Sħubija kienu indikaw kif l-ITI u s-CLLD se jintużaw mill-Istati Membri u t-tipi ta' żoni u sfidi li se jindirizzaw dawn il-mekkaniżmi. 

F'termini ta' riżorsi allokati għall-ITIs u s-CLLD, huwa mistenni li madwar 5 % tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni (madwar EUR 16-il biljun) se jintużaw għal dawn l-għodod. 20 Stat Membru se jużaw ITIs (EUR 13.6 biljun), 17-il Stat Membru se jużaw ITIs sabiex iwettqu azzjonijiet ta' żvilupp urban sostenibbli (EUR 7 biljun), kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEŻR. Fir-rigward tas-CLLD, total ta' 18-il Stat Membru esprimew l-intenzjoni tagħhom li jimplimentawh. Il-bidu huwa bbażat l-iktar fuq il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-programm LEADER eżistenti, kif stipulat fir-regolament rispettiv(13).

L-isfidi

Huwa diffiċli li jiġu evalwati l-ITI u s-CLLD għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 iżda diġà ġew identifikati xi sfidi mill-istituzzjonijiet tal-UE, riċerkaturi, awtoritajiet ta' ġestjoni, u atturi lokali. Fil-qosor dan jista' jiġi deskritt kif ġej(14):

L-isfidi tas-CLLD:

•  Kunċett kumpless ħafna;

•  Ħafna sfidi prattiċi (l-iktar marbuta mal-kapaċità tal-atturi fuq il-post);

•  reżistenza għat-tbegħid minn approċċi minn fuq għal isfel u l-għoti tas-"setgħa" lill-grupp lokali;

•  Meqjus mhux meħtieġ f'xi Stati Membri u reġjuni minħabba li diġà qiegħda tintuża l-konsultazzjoni mal-atturi lokali u l-ebda valur miżjud;

•  Is-CLLD meta appoġġat mill-FEŻR u l-FSE jitqies bħala piż amministrattiv għall-awtoritajiet lokali u l-atturi lokali;

•  L-Istati Membri li użaw il-LEADER għandhom esperjenza konsiderevoli bis-CLLD meta mqabbla ma' oħrajn;

•  Il-bidu tas-CLLD, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni, l-impenji finanzjarji, il-fokus territorjali.

L-isfidi tal-ITI:

•  Mistoqsijiet f'termini ta' oqfsa ta' governanza, kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali u l-mod kif jiġu applikati l-obbligi ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-konċentrazzjoni tematika;

•  Ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni huma ddelegati lil korpi lokali li spiss għandhom kompetenzi jew riżorsi limitati biex jimplimentaw proġetti;

•  Għodda ġdida u għad m'hemm l-ebda kompetenza fil-livell lokali li jwasslu għal dewmien (diffikultajiet fl-implimentazzjoni);

•  Hija pprovduta ftit gwida mill-KE iżda peress li l-ITI huwa għodda flessibbli ħafna, ma jistgħux jingħataw fid-dettall l-arranġamenti kollha possibbli (hemm Grupp ta' Esperti dwar il-Kwistjonijiet ta' Koeżjoni Territorjali u Urbani (TCUM)

•  Duplikazzjoni ta' strutturi amministrattivi, nuqqas ta' flessibbiltà, finanzjament li huwa marbut għall-perjodu ta' programmazzjoni kollu u nuqqas ta' allinjament ma' strateġiji oħra ta' żvilupp. Implimentazzjoni kumplessa wisq jekk il-finanzjament disponibbli huwa żgħir.

L-isfidi rilevanti kemm għas-CLLD kif ukoll għall-ITI:

•  Kumplessità ta' regolamenti u kunċetti u żieda fil-piż amministrattiv (l-iskala tal-organizzazzjoni amministrattiva li hija meħtieġa setgħet ipprevjeniet lil xi pajjiżi milli jużaw ITI (eż. l-Irlanda) jew milli jużaw CLLDs b'fondi multipli (eż. il-Lussemburgu));

•  Hemm diversi approċċi possibbli għas-CLLD u dan jieħu l-ħin u impenn finanzjarju biex jiġi implimentat f'termini ta' strutturi amministrattivi;

•  Stati Membri jibżgħu mill-influwenza lokali fl-iżvilupp territorjali;

•  Baġit limitat allokat għall-ITI u s-CLLD;

•  L-integrazzjoni ta' fondi multipli hija meqjusa bħala sfida;

•  Ir-rabtiet bejn it-tnejn huma soġġetti għal diversi dibattiti bejn l-awtoritajiet reġjonali.

Rakkomandazzjonijiet prinċipali

Ir-rapporteur jemmen li l-approċċ minn isfel għal fuq u l-parteċipazzjoni tal-atturi lokali huma essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi ta' politika ta' koeżjoni. Madankollu, f'numru ta' Stati Membri jista' jiġi osservat nuqqas ta' fiduċja bejn il-livelli differenti ta' governanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-CLLD u l-ITI. Din hija kwistjoni importanti li għandha tissolva peress li tista' xxekkel serjament it-twettiq tal-approċċ territorjali.

Barra minn hekk, sfortunatament l-atturi lokali spiss ma jkollhomx il-kapaċità biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta' żvilupp li jikkonċernaw it-territorju tagħhom. Dawn jeħtieġu appoġġ kemm mil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE sabiex dawn l-għodod iwasslu għall-effett mixtieq. Dan huwa partikolarment importanti għal-lokalitajiet iżgħar u ż-żoni żvantaġġati bħall-gżejjer, il-muntanji u ż-żoni rurali. Huma meħtieġa attivitajiet immirati sabiex dawn l-għodod jitqarrbu lejn l-atturi lokali u biex tinbena l-kapaċità tagħhom sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'suċċess fl-istrateġiji mmirati lejn it-territorju tagħhom. L-użu tar-riżorsi u l-pjattaformi eżistenti se jkun fattur ewlieni f'dawn l-isforzi.

Iż-żgħażagħ spiss jitħallew barra mid-diskussjonijiet dwar politiki pubbliċi. Huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jiġu inklużi fl-għodod ta' żvilupp territorjali, speċjalment is-CLLD. Numru xokkanti ta' 14-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), filwaqt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ telgħet għal iktar minn 50 % f'ċerti Stati Membri. CLLD b'enfasi fuq iż-żgħażagħ jista' jkun fattur ta' rabta bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-komunità u jista' jiżviluppa mogħdijiet għall-impjiegi.

Ir-rapporteur iqis li l-possibbiltajiet ta' fondi multipli pprovduti fir-regolamenti l-ġodda għadhom jiġu sfruttati sal-punt massimu possibbli sabiex jinkiseb approċċ tassew integrat/olistiku għall-interventi tal-politika ta' koeżjoni. Bħalissa, għad hemm differenzi kbar fil-mod kif jiġu implimentati l-Fondi SIE. Barra minn hekk, qed jinħolqu rekwiżiti u ostakoli addizzjonali, u spiss mhux meħtieġa fil-livelli nazzjonali u reġjonali (l-hekk imsejħa prattiki ta' "regolamentazzjoni żejda") li jżidu iktar kumplessità u jiskoraġġixxu l-użu ta' għodod bħas-CLLD u l-ITI. Hija meħtieġa semplifikazzjoni konsiderevoli biex jitnaqqsu dawn il-piż amministrattiv tqil u l-kumplessità kbira. Hemm aspettattivi kbar f'dan ir-rigward mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Semplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, stabbilit mill-Kummissjoni.

Ir-rapporteur jixtieq jara li għodod bħall-ITI u s-CLLD ikollhom rwol iktar prominenti fid-diskussjonijiet futuri dwar il-politika ta' koeżjoni, b'enfasi ikbar u iktar formali fuq l-approċċ minn isfel għal fuq. Il-Kummissjoni se tkun f'pożizzjoni li tevalwa l-implimentazzjoni ta' dawn l-għodod fil-perjodu 2014-2020 kif ukoll tiżviluppa xenarji u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-perjodu ta' wara l-2020.

27.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)

(2015/2224(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michaela Šojdrová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont il-Eurostat, fl-2014 kien hemm 61 reġjun Ewropew fi 8 pajjiżi tal-UE b'rati tal-qgħad bejn l-14 % u l-34.8 % u 63 reġjun f'seba' pajjiżi tal-UE b'rati tal-qgħad bejn it-2.5 % u l-4.9 %; billi, barra minn hekk, hemm 7 pajjiżi b'rata tal-qgħad ta' aktar minn 30 %;

1.  Jenfasizza l-potenzjal tal-politika ta' koeżjoni biex ittejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg, tippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv, u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-inklużjoni soċjali; jirrimarka, f''dan ir-rigward, l-importanza tal-finanzjament integrat, u speċjalment il-kombinazzjoni tal-FSE u l-FEŻR;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġu inċentivati dawk is-setturi, bħall-ekonomija ekoloġika u l-ekonomija soċjali, li jistgħu jagħtu valur miżjud f'termini ta' impjegabbiltà sostenibbli u inklużiva;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-inizjattivi CLLD u ITI se jkunu ta' suċċess biss jekk jirnexxilhom jindirizzaw b'mod xieraq l-isfidi soċjali u dawk relatati mal-impjiegi li jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-komunitajiet ikkonċernati;

4.  Jenfasizza l-potenzjal ta’ approċċ minn isfel għal fuq tas-CLLD għall-appoġġ ta’ strateġiji għall-iżvilupp lokali, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u għat-tħeġġiġ ta' żvilupp rurali sostenibbli; jemmen li l-ITI u s-CLLD għandhom il-potenzjal li jwieġbu direttament għall-ħtiġijiet u l-isfidi lokali b’mod aktar iffokat u xieraq, u jinsisti dwar il-ħtieġa għal inklużjoni aħjar taż-żoni urbani f’dan il-mekkaniżmu, u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’mod attiv din l-istrateġija; jinnota li l-ITI huwa mekkaniżmu effettiv li jagħti riżultati għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Integrati għar-Riġenerazzjoni u l-Iżvilupp Urban; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta regolamenti li jkopru l-finanzjament tas-CLLD u l-ITI mill-FSIE kollu kemm hu sabiex jissaħħu s-sinerġiji;

5.  Huwa preokkupat li f’xi Stati Membri, xi drabi s-CLLD huwa sempliċiment eżerċizzju ta' "mmarkar tal-kaxxi" minflok approċċ ġenwin minn isfel għal fuq; jinsisti, f’dan ir-rigward, li l-atturi lokali għandu jkollhom setgħat veri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u toħloq linji ta’ komunikazzjoni mal-Istati Membri u l-aġenti lokali sabiex tiżgura parteċipazzjoni reali u sinifikanti mill-atturi lokali fil-proċess u b’kooperazzjoni fil-livelli kollha; jirrimarka li s-CLLD u l-ITI se jiksbu suċċess biss bl-impenn u s-sjieda tal-partijiet interessati kollha involuti, inkluża s-soċjetà ċivili, u jqis li l-parteċipazzjoni tas-sħab tista’ ssaħħaħ ukoll l-approċċ integrat u bbażat fuq il-post, b’mod partikolari fejn is-CLLD u l-ITI ftit li xejn jintużaw; jistieden lill-Kummissjoni tinkariga korp eżistenti fi ħdan l-istruttura tagħha bil-koordinazzjoni tas-CLLD u l-ITI, bil-ħsieb li jiġu żgurati komunikazzjoni u implimentazzjoni aħjar;

7.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw dawn l-istrumenti fuq proġetti biex jinħolqu impjiegi u investiment soċjali ta' kwalità, speċjalment f'dawk ir-reġjuni u subreġjuni fejn dan ikun meħtieġ l-aktar; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa pjan ta' investiment speċjali, f'konformità mal-Pakkett tal-Investiment Soċjali, sabiex ir-reġjuni u s-subreġjuni bl-ogħla livell tal-qgħad ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom;

8.  Jirrikonoxxi li s-CLLD u l-ITI t-tnejn li huma huma partikolarment meħtieġa fir-reġjuni anqas żviluppati, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ u assistenza għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi, u jistedinhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, u jtejbu l-koeżjoni territorjali tagħhom sabiex jitrawwem l-iżvilupp tal-ekonomija lokali, li fl-aħħar mill-aħħar jagħmilha possibbli li l-popolazzjoni tibqa' f’dawn ir-reġjuni;

9  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' mmarkar li jingħaraf aħjar għas-CLLD u l-ITI u n-nuqqas possibbli ta' informazzjoni dwar dawn l-istrumenti fost il-partijiet interessati lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ż-żewġ għodod kemm viżibbli kif ukoll komprensibbli kemm jista’ jkun għall-utenti tagħhom, filwaqt li jevitaw kull piż burokratiku addizzjonali bla bżonn u jagħmlu sforzi ulterjuri sabiex jissimplifikaw ir-regoli u l-proċeduri; jenfasizza li prestazzjoni aktar effettiva u valur miżjud akbar, kif ukoll sinerġiji miżjuda jistgħu jinkisbu meta jintuża mhux biss l-FEŻR fl-istrumenti CLLD u ITI iżda wkoll fondi oħra, kif stipulat fir-regolamenti rispettivi; f'dan ir-rigward iqis li għandhom jittieħdu miżuri biex titwassal informazzjoni preċiża dwar il-fondi speċifiċi u jissaħħu l-punti ta' kuntatt ta' informazzjoni sabiex jiġi offrut appoġġ tekniku adegwat lil dawk li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn il-fondi; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li dawn ir-riżorsi jkunu mmonitorjati bir-reqqa u kostantement;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza seminars informattivi, irreklamati kif xieraq, sabiex jiġi żgurat li l-akbar għadd ta' nies possibbli jsiru jafu b'dawn l-opportunitajiet; jittama, barra minn hekk, li jitwaqqfu għodod xierqa ta' informazzjoni bħal lista ta' indirizzi elettroniċi li tiġi aġġornata regolarment u applikazzjonijiet għas-smartphone;

11.  Ifakkar li r-Regolament tal-FSE jippermetti prijorità tal-investiment speċifika dwar "strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità" skont l-Objettiv Tematiku 9 u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkluduha fil-programmi operattivi tagħhom; jirrimarka li l-fond jista' jipprovdi appoġġ vitali għall-patti territorjali tal-impjiegi, l-istrateġiji tal-iżvilupp urban u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali fil-livell lokali u reġjonali u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna addizzjonali lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet tal-investiment speċifiċi u biex tipprovdi fir-Rapporti tal-Attività Annwali tagħha informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex tindirizza d-diffikultajiet li diġà ġew identifikati fl-applikazzjoni tal-istrumenti u biex issib soluzzjonijiet sostenibbli;

12.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li, sabiex isir progress tanġibbli lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, trid tingħata attenzjoni akbar, fir-rieżami tal-istrateġija kif ukoll tal-QFP, lill-kuntesti reġjonali u lokali, u lill-karatteristiċi speċifiċi tal-oqsma kkonċernati;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Czesław Hoc, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Evelyn Regner, Michaela Šojdrová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Anneli Jäätteenmäki

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Bill Etheridge, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Viorica Dăncilă, Bronis Ropė, Peter Simon, Davor Škrlec, Hannu Takkula, Damiano Zoffoli, Marco Zullo

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(4)

ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(6)

ĠU C 17, 19.1.2013, p. 18.

(7)

ĠU C 313, 22.9.2015, p. 31.

(8)

ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2011)0485.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2013)0002.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2014)0015.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

(13)

Mill-inqas 5 %, u fil-każ tal-Kroazja 2,5 %, tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR lill-programm ta' żvilupp rurali għandu jiġi rriżervat għal-LEADER (l-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013)

(14)

Tgħarrif tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Għodod għall-appoġġ tad-dimensjoni territorjali u urbana fil-politika ta' koeżjoni: Investiment territorjali integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)"

Avviż legali