Proċedura : 2015/2109(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0042/2016

Testi mressqa :

A8-0042/2016

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 24
CRE 11/04/2016 - 24

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0100

RAPPORT     
PDF 624kWORD 123k
25.2.2016
PE 571.452v02-00 A8-0042/2016

dwar l-aspetti relatati mas-sajd fl-ambitu tal-ftehim internazzjonali dwar il-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar

(2015/2109(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Norica Nicolai

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aspetti relatati mas-sajd fl-ambitu tal-ftehim internazzjonali dwar il-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar

(2015/2109(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) u ż-żewġ ftehimiet ta' implimentazzjoni tagħha: it-Taqsima XI Ftehim ta' Implimentazzjoni u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta' żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (ABNJ),

–  wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro fl-2012, intitolata "Il-Futur li Rridu",

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Miri tal-Bijodiversità Aichi adottati mill-partijiet fil-KDB, u b'mod partikolari l-Miri 6, 10 u 11,

–  wara li kkunsidra l-Kriterji u l-Gwida Xjentifika tal-Azores tal-2009 għall-identifikazzjoni ta' żoni tal-baħar ekoloġikament jew bijoloġikament sinifikanti (EBSA) u t-tfassil ta' netwerks rappreżentattivi ta' żoni protetti tal-baħar fl-ibħra miftuħa tal-oċeani u ħabitats tal-baħar fond tal-KDB,

–  wara li kkunsidra l-proċess tal-KDB għad-deskrizzjoni tal-EBSAs, li diġà wassal għad-deskrizzjoni ta' 204 żoni li jissodisfaw il-kriterji, li ħafna minnhom jinsabu f'ABNJ,

–  wara li kkunsidra li filwaqt li EBSAs ġew deskritti fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan, fil-Paċifiku tal-Lvant Tropikali u Moderat, fit-Tramuntana tal-Paċifiku, fix-Xlokk tal-Atlantiku, fl-Artiku, fil-Majjistral tal-Atlantiku, fil-Mediterran, fil-Punent tan-Nofsinhar tal-Paċifiku, fiż-żona estiża tal-Karibew u fil-Punent tal-Atlantiku Ċentrali, reġjuni oħra għadhom mhumiex koperti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, l-Aġenda 21, il-Programm għal Aktar Implimentazzjoni tal-Aġenda 21, il-Pjan ta' Implimentazzjoni tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (id-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg dwar Żvilupp Sostenibbli u l-Pjan ta' Implimentazzjoni),

–  wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) adottat f'Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO u l-istrumenti assoċjati tiegħu, b'mod partikolari l-Ftehim tal-1995 li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta' Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (UNGA A/RES/70/1 adottata fl-2015), u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14 għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għal żvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Għan 14 tal-programm ta' żvilupp sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0042/2016),

A.   billi l-baħar ikopri 71 % ta' wiċċ id-Dinja u fih 97 % tal-ilma tal-pjaneta; billi l-baħar jospita parti sinifikanti tal-bijodiversità tad-dinja li parti kbira minnha għadha mhijiex esplorata;

B.  billi huwa stmat li 64 % tal-baħar, b'mod partikolari l-ibħra miftuħa u qiegħ il-baħar fond, huma żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-istati u huma regolati mid-dritt internazzjonali;

C.  billi l-oċean għandu rwol integrali f'ħafna mis-sistemi tad-Dinja inklużi l-klima u t-temp u billi huwa l-post fejn isiru firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem bħas-sajd, l-enerġija, it-trasport u l-kummerċ;

D.  billi inqas minn 1 % taż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali huma protetti bħala riżultat tat-twaqqif ta' żoni protetti tal-baħar, u billi fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-oċeani m'hemm stabbilit l-ebda qafas ta' ġestjoni b'mandat legali biex jiġu stabbiliti żoni protetti tal-baħar;

E.  billi l-preservazzjoni u l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar huma preokkupazzjoni komuni għall-umanità kollha u għandhom jiġu trattati bħala tali;

F.  billi ż-żamma ta' ħabitats tal-baħar b'saħħithom u ta' stokkijiet tal-ħut sostenibbli hija essenzjali għas-sostenibilità fit-tul tas-sajd;

G.  billi fl-2014 l-ekosistemi protetti koprew 15.2 % tal-art u 8.4 % biss taż-żoni tal-baħar madwar id-dinja;

H.  billi t-tibdil fil-klima u l-aċidifikazzjoni qed jaggravaw l-impatt negattiv tal-isfruttament eċċessiv, it-tniġġis, l-iskart tal-baħar u l-qerda tal-ħabitats u l-ekosistemi tal-baħar;

I.  billi d-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar Żvilupp Sostenibbli (Rio de Janeiro, 2012) bit-titolu "Il-Futur li Rridu" ssottolinja li l-protezzjoni u l-ġestjoni tal-bażi ta' riżorsi naturali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali huma l-objettivi sovrastanti tal-iżvilupp sostenibbli u huma r-rekwiżiti essenzjali għal tali żvilupp;

J.  billi l-ibħra u l-oċeani għandhom potenzjal għal tkabbir blu li għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat, pereżempju fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u ta' prodotti farmaċewtiċi, li jista' wkoll jitqies bħala alternattiva valida għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw illum il-ġurnata; billi prerekwiżit għall-iżvilupp marittimu u l-potenzjal tiegħu għal tkabbir blu huwa l-iżvilupp tal-għarfien tal-ispeċijiet tal-baħar u l-ambjent tal-baħar, il-batimetrija u l-immappjar tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar;

K.  billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u l-użu sostenibbli tagħha huma direttament konnessi ma' żvilupp sostenibbli fit-tul u għalhekk għandhom rilevanza soċjali, ekonomika u ambjentali għall-pajjiżi u t-territorji kollha;

L.  billi l-qafas legali rilevanti eżistenti għal żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, żviluppat iktar minn 30 sena ilu, ibbażat fuq il-prinċipju tal-libertà tal-ibħra miftuħa, jeħtieġ aktar elaborazzjoni sabiex ikun possibbli li jippromwovi b'suċċess il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni;

M.  billi l-għadd ta' attivitajiet żviluppati fl-ambjent tal-baħar żdied f'dawn l-aħħar għexieren ta’ snin; billi aħna nagħrfu d-dinamika bejn id-diversi attivitajiet li jseħħu fl-ibħra miftuħa u kif dawn jaffettwaw il-bijodiversità tal-baħar;

N.  billi nagħrfu l-interazzjonijiet u l-effetti kumulattivi ta' attivitajiet differenti li jseħħu fl-ibħra miftuħa, u billi dawn għandhom impatt fuq il-bijodiversità tal-baħar;

O.  billi fl-2004 l-Assemblea Ġenerali tan-NU stabbiliet Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ bl-iskop li jistudja u janalizza l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali;

P.  billi fl-2011 il-Grupp ta' Ħidma rrakkomanda li jinbeda proċess li jidentifika nuqqasijiet u l-mezzi ta' progress, inkluż l-iżvilupp possibbli ta' ftehim multilaterali fil-qafas tal-UNCLOS, u li l-proċess għandu jindirizza, meħuda flimkien, ir-riżorsi ġenetiċi tal-baħar (li jinkludu kwistjonijiet dwar il-kondiviżjoni ta' benefiċċji), miżuri bħal għodod ta' ġestjoni bbażati fuq iż-żona (inklużi żoni tal-baħar protetti), proċessi ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-bini ta' kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija tal-baħar;

Q.  billi s-sommarju mill-Kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma tal-2011 għaraf id-differenza bejn il-proċess xjentifiku għad-deskrizzjoni ta' żoni ekoloġikament u bijoloġikament sinifikanti u l-identifikazzjoni/id-deżinjazzjoni effettiva ta' żoni bħal dawn peress li l-ebda forum globali ma kellu mandat formali f'dak iż-żmien, u l-fora reġjonali u settorjali eżistenti kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kwistjonijiet ta' leġittimità biex jagħmlu dan;

R.  billi s-sommarju mill-Kopresidenti tal-Grupp ta' Ħidma tal-2011 innota li kien hemm rikonoxximent ġenerali tal-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tal-istatus quo;

S.  billi, fid-dokument finali ta' Rio+20, f'Ġunju 2012, il-kapijiet ta' stat u ta' gvern impenjaw ruħhom li jindirizzaw, b'mod urġenti, is-segwitu għax-xogħol li wettaq il-Grupp ta' Ħidma, u qabel tmiem id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-kwistjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz tat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali skont il-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar;

T.  billi s-sajd kemm bħala attività indipendenti u kemm b'rabta mat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-baħar jew attivitajiet umani oħra tal-baħar, għandu impatt sinifikanti fuq il-bijomassa u l-bijodiversità tal-baħar, u b'hekk l-impatt tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar f'ABNJ għandu jiġi indirizzat b'mod komprensiv permezz tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni marittimi kollha, sabiex jiġu evitati jew minimizzati dawn l-effetti; billi, barra minn hekk, is-sajd mhuwiex l-uniku fattur tal-mortalità kkawżata mill-bniedem fuq ir-riżorsi tal-oċeani u m'għandux ikun l-unika imposta ta' azzjoni internazzjonali;

U.  billi, fost affarijiet oħra, l-estrazzjoni tal-minerali, it-tħaffir għall-enerġija u l-użu tal-ispazju tal-art minn pjattaformi urbani huma fatturi ta' mortalità oħra għar-riżorsi tas-sajd illum, u l-iżvilupp marittimu futur jista' jirriżulta f'fatturi ta' mortalità mhux mistennija li fuqhom għandu jkun hemm viġilanza;

V.  billi l-bijodiversità tal-baħar diġà ġarrbet tnaqqis sinifikanti; billi hemm rabta mill-qrib bejn il-preservazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u l-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar;

W.  billi tekniki tas-sajd sostenibbli u selettivi huma għodda essenzjali għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u biex jiġu minimizzati l-qabdiet inċidentali, u b'hekk jgħinu biex tiġi kkonservata l-bijodiversità tal-baħar;

X.  billi l-koordinazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati fl-attività marittima huma essenzjali biex jiġu żgurati l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi;

Y.  billi r-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE għandhom, min-natura proprja tagħhom, ċirkostanzi ġeografiċi u xi kultant ġeopolitiċi speċjali u huma inklużi f'mekkaniżmi ta' kooperazzjoni reġjonali speċifiċi;

Z.  billi s-sajd huwa attività importanti ħafna li sseħħ kemm f'żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali u kemm f'dawk lil hinn minn din il-ġurisdizzjoni;

AA.  billi l-UE taqdi rwol ewlieni fil-governanza dinjija tal-ibħra u l-oċeani u teżerċita influwenza kbira ħafna fuq livell internazzjonali fir-rigward tas-sajd, anke minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi 17-il organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); billi din il-pożizzjoni fuq quddiem tfisser li l-UE hija responsabbli għall-adozzjoni ta' politika proattiva dwar il-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar madwar id-dinja;

AB.  billi l-UNFSA, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' stati partijiet fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' stokkijiet ta' ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna, huwa dokument komprensiv li jħares 'il quddiem u li ma għandux jinbidel, jiġi mminat jew imdgħajjef u li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu għandha tiġi żgurata permezz ta' proċessi ta' kooperazzjoni msaħħa li għandhom jiġu adottati fl-istrument internazzjonali l-ġdid;

AC.  billi għandhom jinsiltu tagħlimiet għan-nuqqas ta' qbil reċenti tal-UE mal-Gżejjer Faeroe u l-Iżlanda, sabiex l-istokkijiet ikunu jistgħu jiġu ġestiti b'mod sostenibbli mad-dinja kollha;

AD.  billi kull pajjiż għandu d-dritt li jibbenefika mill-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tiegħu, kif jipprevedi l-UNCLOS;

AE.  billi nirrikonoxxu l-obbligu tal-istati li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar, inkluż il-ħarsien ta' ekosistemi rari u fraġli u l-ħabitats ta' speċijiet vulnerabbli, imnaqqsa, mhedda jew fil-periklu u forom oħra ta' ħajja tal-baħar;

AF.  billi l-UNFSA tipprovdi qafas għall-applikazzjoni tal-approċċ ta' prekawzjoni u approċċi bbażati fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, għal miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għall-istokkijiet ta' ħut transżonali u għall-istokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna, għall-kooperazzjoni internazzjonali, permezz tal-ħidma reġjonali u subreġjonali tal-organizzazzjonijiet u l-arranġamenti reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); billi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu għandha tittejjeb;

AG.  billi r-riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72 tal-AĠNU jistiednu lill-istati u lill-RMFOs jadottaw firxa ta' miżuri biex jiżguraw il-konservazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-baħar fond u biex jiġi evitat li s-sajd tal-qiegħ ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (VMEs) fl-ABNJ;

AH.  billi nirrikonoxxu u nappoġġjaw id-drittijiet u r-rekwiżiti speċjali ta' stati li qed jiżviluppaw fil-kuntest tal-bini ta' kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tagħhom u ta' stokkijiet tal-ħut transżonali u stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna;

AI.  billi l-azzjonijiet tal-hekk imsejjaħ "Proċess ta' Kobe" jirrikonoxxu l-isforzi li diġà saru minn dawk l-RFMOs li jimmaniġġjaw l-istokkijiet tat-tonn u li wettqu evalwazzjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni, u jistieden lil dawk l-RFMOs iwettqu b'mod regolari evalwazzjonijiet bħal dawn u jagħmlu r-riżultati disponibbli pubblikament u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom; billi l-awtoritajiet tal-AĠNU u COFI stiednu wkoll lil RFMOs oħra biex jagħmlu l-istess u billi dawn l-evalwazzjonijiet twettqu;

AJ.  billi l-RFMOs huma stabbiliti f'posthom u xi wħud qed jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' żoni tal-baħar protetti sabiex jikkonservaw u jerġgħu jsaħħu l-istokkijiet tal-ħut għal livell sostenibbli;

AK.  billi l-KDB iffaċilitat serje ta' workshops biex tiddeskrivi l-EBSAs, inkluż fl-ABNJ, u r-riżultati ta' dawn il-workshops issa huma disponibbli fuq firxa wiesgħa għal skopijiet ta' konsultazzjoni dwar il-ġestjoni fuq il-website tal-KDB;

AL.  billi l-ħtieġa għall-ġbir u l-qsim ta' dejta xjentifika u l-għarfien hija tal-ogħla importanza sabiex jittieħdu deċiżjonijiet b'rieda tajba u abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

AM.  billi l-problema ambjentali tal-iskart tal-plastik fil-baħar toħloq theddida diretta għad-diversità marittima, u billi d-daqs u mezz biex tiġi miġġielda l-problema jibqgħu riċerkati b'mod inadegwat, u billi l-kapaċità li din tingħeleb tista' tirriżulta bħala opportunità ekonomika;

AN.  billi l-Grupp ta' Ħidma, fid-dokument tiegħu tat- 23 ta'  Jannar 2015 enfasizza l-ħtieġa li s-sistema globali komprensiva tindirizza aħjar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali;

AO.  billi l-UE b'mod attiv qed tiżviluppa u tħeġġeġ l-aħjar prattiki sabiex tikseb użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut, u permezz ta' programmi bħal Orizzont 2020 tħeġġeġ u tiffinanzja l-ġbir ta' dejta, ir-riċerka u l-iżvilupp sostenibbli;

AP.  billi fit-23 ta' Jannar 2015 il-Grupp ta' Ħidma esprima appoġġ għal rakkomandazzjoni biex jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni;

AQ.  billi fid-19 ta' Ġunju 2015 l-AĠNU adottat riżoluzzjoni dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diveristà bijoloġika tal-baħar ta' żoni lil hinn minn ġurisdizzjoni nazzjonali;

1.  Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-AĠNU li jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar f'ABNJ sabiex, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali; jenfasizza li dan il-proċess ma jimminax strumenti u oqfsa rilevanti eżistenti u lanqas korpi settorjali, reġjonali u globali rilevanti (eż. RFMOs); jenfasizza l-importanza li jsir progress rapidu iżda b'attenzjoni fl-iżvilupp ta' dan l-istrument il-ġdid u biex jinkiseb l-għan li jiġi finalizzat l-abbozz tat-test sa tmiem l-2017;

2.   Jenfasizza l-viżjoni, l-opportunità u l-konsegwenzi għal relazzjonijiet tajba bejn l-istati u għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi fil-qafas tal-UNCLOS, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-pressjonijiet u l-opportunitajiet ġodda jirrikjedu li jsiru aġġustamenti;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra u tar-riżorsi tagħhom; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jippromwovu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar billi jimplimentaw, fost miżuri oħra, kunċetti moderni u sostenibbli tal-ġestjoni tal-ekosistemi tal-baħar, il-prinċipji ta' governanza tal-oċeani, il-ġestjoni tal-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar (kemm jekk ikun l-isfruttament ta' minerali jew it-tħaffir għall-enerġija, eċċ.) u s-sajd, billi jinkorporaw governanza tal-baħar b'bażi xjentifika, l-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u l-approċċ ta' prekawzjoni;

4.  Jinnota li sabiex jindirizzaw il-pressjoni fuq il-bijodiversità tal-baħar sal-2020, l-Istati Membri se jkollhom jieħdu passi biex jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni, jimmonitorjaw l-applikazzjoni tar-regoli, japprofondixxu l-bażi ta' għarfien tagħhom u jsaħħu n-netwerks ta' riċerka u l-koordinazzjoni ta' informazzjoni dwar il-bijodiversità tal-baħar;

5.  Jirrikonoxxi u jappoġġa r-rwol pożittiv u ewlieni li kellhom l-UE u l-Kummissjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-UE bħala l-ikbar attur tal-industrija u s-suq tas-sajd u l-fatt li l-politika Ewropea tas-sajd hija mmirata lejn is-sostenibilità;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-UE qed taqdi f'li tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, partikolarment fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU); jenfasizza li s-sajd IUU, min-natura tiegħu stess, huwa ta' theddida għall-bijodiversità tal-baħar u jimmina serjament il-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar; jirrimarka li l-UE għamlet il-ġlieda kontra s-sajd IUU prijorità u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali sabiex il-ġlieda jkollha suċċess; iħeġġeġ lill-FAO u l-RFMOs isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni multilaterali;

7.   Jenfasizza r-rwol pożittiv tat-tikkettar ambjentali fis-settur tal-prodotti tal-frott tal-baħar, li jippermetti lill-konsumaturi jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, filwaqt li jagħmlu għażla infurmata;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tippromwovi, tikkoordina u tiżgura li l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, inkluż is-sajd u l-forom kollha ta' sfruttament ta' qiegħ il-baħar u l-oċeani, fuq il-bijodiversità f'ABNJ jiġi indirizzat b'mod effettiv fil-kuntest ta' dan il-ftehim internazzjonali l-ġdid; jinnota, għalhekk, il-bżonn li wieħed jippromwovi aktar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u biex jiġu żviluppati għodod ta' ġestjoni meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza;

9.  Iħeġġeġ lill-RFMOs jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom, biex ikomplu jwettqu evalwazzjoni indipendenti regolari u biex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-evalwazzjonijiet;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tippromwovi approċċ olistiku u komprensiv fir-rigward taż- żoni protetti tal-baħar (MPAs) minħabba l-fatt li l-ebda koordinazzjoni u kooperazzjoni ġenwini tal-isforzi ta' konservazzjoni ma huma possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta' partijiet interessati involuti f'varjetà komprensiva ta' attivitajiet tal-baħar fl-oċeani u l-ibħra;

11.  Jinkoraġġixxi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-għażla u l-implimentazzjoni ta' EBSA fl-ABNJ;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex tkompli tappoġġja u tippromwovi, fil-kuntest tal-ftehim internazzjonali l-ġdid fil-qafas tal-UNCLOS, l-iżvilupp ta' mekkaniżmu istituzzjonali għall-għażla, il-ġestjoni u l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet neċessarji għall-monitoraġġ u l-infurzar ta' netwerks konnessi, koerenti, fattibbli u rappreżentattivi ta' MPAs bħala għodda essenzjali biex tkun żgurata l-konnettività ekoloġika u bijoloġika;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċessa sett ta' dejta komprensiva dwar il-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra reġjonali tal-Ewropa; huwa tal-fehma li hija sfida meħtieġa li tinġabar din id-dejta, minħabba l-fatt li 80 % tal-ispeċijiet u l-ħabitats koperti mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina huma kklassifikati bħala mhux magħrufa;

14.  Jistieden lill-UE tassumi rwol fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-iskart tal-plastik fil-baħar u biex riċerka rilevanti tiġi ffinanzjata taħt l-ekonomija blu;

15.  Jenfasizza li dan il-ftehim internazzjonali ġdid għandu jiżgura kundizzjonijiet ugwali fost il-partijiet interessati kollha; iqis li l-ftehim internazzjonali l-ġdid għandu, barra minn hekk, jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-istati gżejjer żgħar, f'termini ta' bini ta' kapaċitajiet bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-komunità internazzjonali rigward l-MPAs, fost affarijiet oħra;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi aktar kooperazzjoni, koordinazzjoni, trasparenza u responsabilità bejn il-partijiet interessati kollha kkonċernati, inkluż bejn l-istrumenti l-ġodda nnegozjati, l-istrumenti eżistenti UNFSA u FAO, l-RFMOs u korpi settorjali oħra bħal, fost l-oħrajn, l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

17.  Jistieden lin-NU taħdem mal-istati biex jiġu implimentati b'mod aktar effettiv ir-regoli eżistenti, u fejn meħtieġ biex jinħolqu regoli addizzjonali li jistgħu indirettament jgħinu fil-protezzjoni tal-bijodiversità fl-ibħra miftuħa u jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali, ta' sikurezza u ta' monitoraġġ, bħal, pereżempju, l-istabbiliment ta' għodod għall-ġestjoni globali, jiġifieri strument ċentralizzat għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti bħal Reġistru Globali tal-Bastimenti tas-Sajd li qed jiġi żviluppat taħt l-awtorità tal-FAO, iżda fl-istess ħin tiġi evitata żieda fil-piż burokratiku għas-sajjieda;

18.  Jenfasizza li l-impatti tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar f'ABNJ ikollhom jiffurmaw parti mill-mandat tal-RFMOs;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu, fi ħdan il-mandat tal-ftehim internazzjonali l-ġdid fil-qafas tal-UNCLOS, l-iżvilupp ta' mekkaniżmu istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali minn qabel għal attivitajiet b'impatt sinifikanti potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar, kif meħtieġ skont l-Artikolu 206 tal-UNCLOS, inkluż għall-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar, b'bażi xjentifika solida sa fejn hu prattikabbli u li dawn l-attivitajiet ikunu akkumpanjati minn monitoraġġ ambjentali u soċjoekonomiku dettaljat;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali ġdid, sabiex tinsisti għar-rikonoxximent tal-ħsara ambjentali fuq il-baħar u l-identifikazzjoni tal-katina tar-responsabilità għal ħsara bħal din.

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-istati li għadhom ma rratifikawx jew ma aderewx għall-UNCLOS biex dan jagħmluh;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) u lill-kumitat preparatorju responsabbli biex jabbozza t-test tal-ftehim internazzjonali futur.

NOTA SPJEGATTIVA

L-isfond

In-NU indirizzat l-importanza li jitħarsu l-ilmijiet tad-dinja fid-dokument li ġie ppubblikat bħala riżultat ta' Rio de Janeiro, il-Brażil, il-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li saret mit-3 sal-14 ta' Ġunju 1992, imsejħa Aġenda 21. Dan wera li l-komunità internazzjonali kienet qed tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ approċċ internazzjonali sabiex jiġu mmaniġġjati t-tniġġis u l-perikli għall-bijodiversità tal-baħar li dejjem qed jiżdiedu. Dan kien segwit mid-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Pjan ta' Implimentazzjoni li sar ftehim dwarhom waqt is-Summit Dinji tan-NU fl-Afrika t'Isfel, mit-2 sal-4 ta' Settembru 2002. Fl-2012, fid-dokument ippubblikat bħala riżultat tal-Konferenza l-aktar reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f'Rio de Janeiro, imsejħa Rio+20 bħala rabta mal-ewwel Aġenda ta' Rio, il-komunità internazzjonali tenniet id-determinazzjoni tagħha li tindirizza l-problemi ambjentali u l-ħtieġa ta' żvilupp sostenibbli. Dan juri li għalkemm in-NU u dawk kollha li huma parti minn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-ftehimiet jimpenjaw ruħhom għal dawn l-objettivi, dawn jeħtiġilhom jadattaw il-pjanijiet u l-prijoritajiet tagħhom għal dinja li qed tiżviluppa b'pass mgħaġġel, b'attivitajiet li jiġu diversifikati u mmultiplikati kull sena.

F'dan il-kuntest, fl-1995, in-NU adottat il-Ftehim dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA), bħala ftehim ta' implimentazzjoni tal-UNCLOS mill-1982. Il-UNFSA huwa meqjus fil-komunità tas-sajd bħala ftehim tajjeb, li jistabbilixxi qafas legali tajjeb billi joffri l-għodda neċessarji sabiex wieħed iżomm aġġornat mal-iżviluppi filwaqt li l-għanijiet ewlenin jiġu segwiti u aġġornati.

Bħala riżultat tal-preokkupazzjonijiet u d-dibattiti tal-komunità internazzjonali rigward l-effiċjenza tal-qafas attwali biex jiġu indirizzati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali, fir-riżoluzzjoni 59/24, paragrafu 73 tal-2014 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ġie stabbilit il-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ. Wieħed mill-objettivi ta’ dan il-Grupp ta' Ħidma kien li janalizza u jippreżenta l-possibilità tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali. Abbażi tar-rapporti tal-Grupp ta' Ħidma, l-AĠNU kienet se jieħu deċiżjoni dwar l-iżvilupp ta' żoni lil hinn mill- ġurisdizzjoni qabel tmiem is-sitta u disgħin sessjoni tal-Assemblea. Bħala riżultat tal-laqgħa tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma ppreżenta lill-AĠNU, fl-2011, pakkett ta' rakkomandazzjonijiet li jkopri ir-riżorsi ġenetiċi tal-baħar, iż-żoni protetti tal-baħar, il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-bini ta' kapaċitajiet.

F'Jannar 2015, il-Grupp ta' Ħidma ppreżenta l-aħħar rapport tiegħu u enfasizza l-bżonn ta' sistema globali komprensiva biex tiġi indirizzata aħjar din il-kwistjoni u rrakkomanda l-iżvilupp ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diveristà bijoloġika tal-baħar ta' żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali. Abbażi ta' din ir-rakkomandazzjoni, f'Lulju 2015, l-AĠNU ddeċidiet li twaqqaf kumitat ta' tħejjija bil-għan li tfassal test ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti sa tmiem l-2017, qabel ma organizzat konferenza intergovernattiva.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

L-attivitajiet tal-baħar qed jiżviluppaw u jimmoltiplikaw b'rata mgħaġla, u b'hekk il-pressjoni fuq is-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar qed tiżdied b'mod kostanti. B'din il-perspettiva r-rapporteur tilqa' l-ħidma li għaddejja tal-AĠNU u tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc Informali u Miftuħ, li rnexxielhom, kontra ħafna oppożizzjoni, iċaqilqu l-kwistjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali sa punt fejn jista' jiġi previst strument internazzjonali legalment vinkolanti.

Fl-istess ħin, ir-rapporteur tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti ħafna li l-attivitajiet tas-sajd jiġu inklużi f'dan l-istrument il-ġdid. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina strument relatat tal-bijoloġija tal-baħar effiċjenti u kkoordinat tajjeb li ma jinkludix waћda mill-aktar attivitajiet importanti li jseħħu fl-ilmijiet - is-sajd. Barra minn hekk, dan ma għandux jinvolvi l-bidla jew it-tneħħija tal-UNFSA, li joffri, kif inhu fil-każ tal-UE, qafas li jista' jġib titjib u riżultati jekk jiġi implimentat kif suppost. Minflok, ir-rapporteur tappoġġja l-inklużjoni tal-UNFSA fil-ftehim il-ġdid, li jagħmel il-Ftehim tal-1995 il-qofol ta' dan l-istrument internazzjonali legalment vinkolanti u l-aktar importanti li jikkoordina l-RFMOs u l-MPAs mal-attivitajiet tal-baħar kollha l-oħra lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, il-ftehim il-ġdid għandu jinkludi strumenti għar-responsabbiltà għall-atturi kollha involuti, għaliex mingħajr tali għodod huwa diffiċli li jkunu previsti l-effiċjenza u l-progress reali. Barra minn hekk, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-bini ta' kapaċitajiet u l-qsim ta' informazzjoni għandhom ikunu prijorità. F'din il-perspettiva u mil-lat tal-iskambju tal-prattiki tajba, l-UE għandha tkompli bir-rwol ewlieni tagħha fl-iżvilupp ta' dan l-istrument il-ġdid u fil-proċess ta' implimentazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Richard Corbett, Diane Dodds, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Anja Hazekamp, Francisco José Millán Mon, Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues

Avviż legali