Proċedura : 2015/2090(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0044/2016

Testi mressqa :

A8-0044/2016

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 23
CRE 11/04/2016 - 23

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0109

RAPPORT     
PDF 595kWORD 169k
26.2.2016
PE 560.801v03-00 A8-0044/2016

dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd

(2015/2090(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Ruža Tomašić

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd

(2015/2090(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE,

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar miżuri li matul l-adozzjoni tagħhom huwa neċessarju li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperifiċi,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(1),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-għarfien dwar il-baħar 2020: L-immappjar ta' qiegħ il-baħar għall-promozzjoni ta' sajd sostenibbli(2),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014 intitolata "L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir "(COM(2014)0254),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni" (COM(2010)0546),

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE,

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mogħtija fil-15 ta' Ottubru 2014, dwar il-Komunikazzjoni bit-titolu "L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir" (2015/C 012/15),

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, mogħtija fil-21 ta' Jannar 2015 dwar il-Komunikazzjoni bit-titolu "L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir"(2015/C 019/15),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu" (COM(2012)0494),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi(3),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv' (COM(2013)0279),

  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 , bl-isem ta' "Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta' qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku" (COM(2012)0473),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar Tkabbir Blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE(4),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali" (COM(2014)0086),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar- Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r- rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0044/2016),

A.  billi s-sajd kostali jifforma 80 % tal-flotta Ewropea u, flimkiem mal-ġbir tal-frott tal-baħar bil-qoxra, jiggarantixxi livell għoli ta' impjiegi fiż-żoni kostali, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod ġenerali jirrappreżenta forma soċjalment u ambjentalment sostenibbli ta' sajd li għandha potenzjal konsiderevoli; billi l-influwenza tiegħu fuq il-wirt soċjali u l-karatteristiċi kulturali tar-reġjuni kostali u tal-gżejjer hija eċċezzjonali u diversa;

B.  billi l-parti l-kbira tas-sajd kostali u tal-gżejjer jikkostitwixxi forma tradizzjonali ta' sajd kummerċjali, jiġifieri mod ta' ħajja u l-għajn ta' sajd prinċipali ta' għajxien u ta' ħolqien dirett u indirett ta' impjiegi, partikolarment f'żoni li jiddependu mis-sajd kostali u li jeħtieġu miżuri u appoġġ speċjali biex jiffaċilitaw it-tkabbir u l-iżvilupp;

C.  billi s-sajd kostali jvarja b'mod sostanzjali bejn l-Istati Membri individwali u wkoll bejn reġjuni differenti tal-linja kostali fi ħdan Stat Membru wieħed, skont id-definizzjoni u l-karatteristiċi bażiċi tiegħu, sitwazzjoni li se jkollha tiġi rettifikata u armonizzata fil-politika komuni tas-sajd (PKS) fil-ġejjieni, u billi jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri f'dawk li huma ġeografija, klima, ekosistemi u fatturi soċjoekonomiċi;

D.  billi hemm differenzi fil-karatteristiċi tas-sajd kostali fid-diversi ibħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bħal fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Mediterran kollu kemm hu, li huma differenti minn dawk fl-ibħra miftuħa tal-Oċean Atlantiku, inkluż tul il-kosta tal-Guyana Franċiża u fil-baċin tal-Oċean Indjan;

E.  billi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jiddefinixxi s-sajd kostali fuq skala żgħira bħala sajd imwettaq minn bastimenti ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx tagħmir irmunkat tas-sajd, u billi din hija l-unika definizzjoni tas-sajd kostali f'leġiżlazzjoni tal-UE;

F.  billi l-PKS riformata għandha r-reġjonalizzazzjoni bħala waħda mill-ġebliet tax-xewka tagħha b'rikonoxximent tal-fatt li, minħabba d-diversità enormi tas-sajd tal-Ewropa, il-ġestjoni ċċentralizzata mhijiex xierqa; billi minħabba n-natura nnifisha tas-sajd kostali u tal-gżejjer, ir-reġjonalizzazzjoni u approċċ mhux iċċentralizzat huma ta' importanza partikolari f'dan is-settur u l-komunitajiet li jservi;

G.  billi l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEMS jistgħu jibbenifikaw minn żieda ta' 30 punt f'intensità ta' għajnuna meta dawn ikunu jikkonċernaw sajd kostali fuq skala żgħira;

H.  billi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-FEMS jiddikjara li fl-Istati Membri fejn aktar minn 1 000 bastiment jistgħu jitqiesu bħala bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, għandu jitħejja pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-sajd kostali fuq skala żgħira;

I.  billi s-sajd kostali għandu jiġi ġestit skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li titqies id-diversità tal-irkapti tas-sajd tal-flotot, il-limitazzjonijiet ġeografiċi u dawk ibbażati fuq il-klima, it-tekniki u l-istokkijiet tal-ħut fl-Istati Membri individwali u f'kull żona tas-sajd individwali, biex b'hekk jingħata kontribut għall-konservazzjoni tat-tradizzjonijiet lokali u l-attivitajiet relatati mas-sajd;

J.  billi peress li kull żona tas-sajd għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba bejn iż-żoni differenti jista' jgħin biex jittejjeb b'mod konsiderevoli l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent u l-ekosistemi tal-baħar u jista' jippermetti wkoll interazzjoni aħjar bejn l-attivitajiet umani u ekonomiċi kollha li jseħħu fi u madwar iż-żoni kostali;

K.  billi l-introjti tas-sajd fuq skala żgħira kienu qed jonqsu b'mod sostanzjali, b'riżultat taż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż operattivi, b'mod partikolari minħabba l-ispejjeż tal-fjuwil, u minħabba t-tnaqqis tal-valur tal-ħut mal-ewwel bejgħ, li spiss jimponi żieda fl-isforz tas-sajd;

L.  billi l- ġestjoni ta' diversi stokkijiet ta' għadd ta' speċijiet fil-mira prima f'ħafna reġjuni imponiet restrizzjonijiet serji fuq is-sajd u fuq il-komunitajiet żgħar tas-sajd;

M.  billi prinċipalment l-irkapti u t-tekniki tas-sajd tradizzjonali, bħalma huma x-xbieki nases mikxufa fissi li bis-saħħa tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jiddefinixxu l-identità u l-mod ta' ħajja tar-reġjuni kostali, jintużaw fis-sajd kostali, u hemm ħtieġa vitali li l-użu tagħhom jiġi ppreżervat u li huma jiġu protetti bħala element ta' wirt kulturali, storiku u tradizzjonali;

N.  billi s-sajd artiġjanali jikkontribwixxi għall-vijabbiltà tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer f'dawk li huma l-kontroll taż-żieda fid-depopolazzjoni, il-ġlieda kontra t-tixjiħ fis-settur tas-sajd u l-qgħad; billi l-iżvilupp u l-innovazzjoni jistgħu jaqdu rwol fundamentali fil-ħolqien tal-impjiegi f'dawn il-komunitajiet; billi, barra minn hekk, is-sajd artiġjanali jagħmel użu, f'ċerti żoni, ta' rkapti u tekniki tas-sajd li huma aktar favorevoli għall-ambjent u li jkollhom inqas impatt fuq l-istatus tal-istokkijiet li jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni;

O.  billi s-sajd artiġjanali, kostali u tradizzjonali ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jifforma l-pedament ekonomiku bażiku għall-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-impjiegi fil-komunitajiet kostali u tal-gżejjer;

P.  billi, skont ir-Regolament dwar il-Mediterran, il-klassifikazzjoni tal-irkapti rmunkati tinkludi wkoll ix-xbieki tat-tkarkir u t-tartaruni, għalkemm klassifikazzjonijiet oħra – bħal dik tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (il-FAO) – iqisu t-tartarun bħala grupp separat ta' rkaptu tas-sajd; billi d-disposizzjonijiet relatati max-xbieki tat-tkarkir irmunkati m'għandhomx jiġu applikati għat-tartaruni kostali tradizzjonali, li huma użati biex jinqabdu speċijiet li ma jinsabux fil-periklu tal-estinzjoni;

Q.  billi minkejja t-taħdit dwar l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Komunità tas-sajd enormi hija estremament dipendenti minn forom ta' sajd tradizzjonali u antiki;

R.  billi l-PKS il-ġdida tirrikonoxxi l-importanza tar-reġjuni kostali u tal-gżejjer li jiddependu mis-sajd, u billi l-irwol li għandhom jaqdu l-Istati Membri biex jiġi żgurat standard ta' għajxien adegwat għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, li jikkontribwixxu għall-ilħuq ta' tali standard fil-kuntest tas-sajd kostali, u li jippromwovu s-sajd kostali sostenibbli u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet fis-sajd u d-dħul għal dawk li jgħixu f'dawn iż-żoni kostali, filwaqt li jqisu r-realtà soċjoekonomika kulturali u l-fatturi ambjentali tagħha, għandha tenfasizza wkoll l-importanza tat-taħriġ u tas-saħħa u s-sikurezza tas-sajjieda fuq il-baħar; skont il-protezzjoni speċjali mogħtija mill-Artikolu 174 tat-TFUE;

S.  billi r-Regolament il-ġdid dwar il-Politika Komuni tas-Sajd jagħti aċċess preferenzjali lis-sajjieda fuq skala żgħira, kostali u tradizzjonali fi ħdan żona li testendi għal 12-il mil nawtiku, jiġifieri fl-aktar parti sensittiva tal-ilmijiet tal-UE, u billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament l-antik dwar il-Politika Komuni tas-Sajd sabet li ż-żoni ta' 12-il mil kienu wieħed mill-ftit suċċessi tar-reġim ta' ġestjoni l-qadim, li kien soġġett għal ħafna konflitti fir-rigward tal-użu tal-ispazju u r-riżorsi ma' attivitajiet oħra tal-bniedem li jikkoinċidu fuq il-linja kostali;

T.  billi l-Artikolu 349 tat-TFUE jiddikjara li, meta jkunu qed jiġu adottati miżuri – speċjalment miżuri relatati mas-settur tas-sajd – għandhom jitqiesu l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, b'enfasi fuq l-iżolament ġeografiku tagħhom, il-lokalità mbiegħda u l-kundizzjonijiet oċeaniċi, f'kuntest reġjonali li spiss huwa speċifiku ħafna fejn l-awtodipendenza hija meħtieġa f'dik li hi produzzjoni tal-ikel;

U.  billi għandu jiġi nnutat li, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-lok estremament remot tagħhom mill-Ewropa, is-sajd kostali huwa integrali għall-iżvilupp ekonomiku ta' dawn ir-reġjuni;

V.  billi s-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi jiffaċċja kompetizzjoni wkoll minn bastimenti li jbaħħru taħt bnadar li mhumiex tal-UE li jużaw l-istess żoni tas-sajd u li jkunu qed jistadu għall-istess speċijiet għall-bejgħ fl-istess swieq, flimkien mal-kompetizzjoni minn importazzjonijiet li mhumiex tal-UE li huma soġġetti għal spejjeż operattivi u restrizzjonijiet regolatorji, sanitarji u ambjentali kompletament differenti; billi, f'dan il-kuntest, kwalunkwe sforz biex jiġu megħjuna l-iżvilupp endoġenu u l-awtodipendenza f'dik li hi produzzjoni tal-ikel jisfa' fix-xejn sakemm ma jkunx appoġġjat minn politiki tal-UE speċifiċi f'dawn ir-reġjuni;

W.  billi, fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-akkwakultura tal-baħar tikkontribwixxi wkoll, flimkien mas-sajd kostali, għall-iżvilupp ekonomiku u l-forniment ta' prodotti friski liż-żona lokali;

X.  billi l-maġġoranza tar-reġjuni kostali, speċjalment dawk fil-pajjiżi tal-Ewropa tan-Nofsinhar u r-reġjuni tal-gżejjer, qed jiffaċċjaw tnaqqis ekonomiku sinifikanti, li qed jirriżulta fid-depopolazzjoni u l-eżodu tal-abitanti tagħhom, li qed ifittxu opportunitajiet f'żoni li qed joffru prospetti aħjar għall-impjiegi u l-edukazzjoni;

Y.  billi l-kriżi Ewropea wriet il-ħtieġa li l-Ewropa tiddiversifika l-attivitajiet ekonomiċi tagħha, u l-importanza li jiġu analizzati mudelli ġodda ta' innovazzjoni u għarfien li jistgħu joħolqu impjiegi ġodda fil-livell lokali.

Z.  billi xi reġjuni tas-sajd kostali jinsabu qrib reġjuni ekonomikament żviluppati u destinazzjonijiet turistiċi iżda madankollu mhumiex kapaċi jilħqu tkabbir ekonomiku adegwat; billi l-pressjoni biex jużaw ir-riżorsi tal-baħar diġà qed tikber f'dawn ir-reġjuni, u s-settur tas-sajd qed jiġi emarġinat favur it-turiżmu, minkejja l-fatt li ż-żewġ setturi huma kompatibbli u komplementari;

AA.  billi l-ġurnali ta' abbord spiss jirrappreżentaw piż amministrattiv għal impriżi tas-sajd kostali żgħar u huwa mixtieq li jkun hemm flessibbiltà akbar;

AB.  billi din il-pressjoni fuq iż-żoni kostali mis-settur tat-turiżmu hija prinċipalment ikkawżata minn ċerti attivitajiet speċifiċi, bħalma hu s-sajd rikreattiv bla kontroll, li f'xi żoni qed jitfgħu pressjoni fuq ir-riżorsi tal-baħar u jaffettwaw l-opportunitajiet ta' negozju għal dawk li jgħixu f'żoni tas-sajd tradizzjonali;

AC.  billi l-istabbiliment ta' Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs) fiż-żoni li jiddependu mis-sajd huwa vitali, peress li dawn il-gruppi huma rikonoxxuti bħala strument utli li jipprovdi opportunitajiet u possibbiltajiet għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet fis-settur tas-sajd, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-iżvilupp ġenerali tar-reġjuni kostali u tal-gżejjer u għall-koeżjoni soċjali f'dawn ir-reġjuni, u għalhekk hemm bżonn li jkomplu jiżdiedu aktar ir-riżorsi ekonomiċi biex dawn il-gruppi jkunu jistgħu jifformaw u jaġixxu fl-oqsma rilevanti;

AD.  billi n-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra għadhom inviżibbli u n-nisa huma sottorappreżentati b'mod ġenerali fis-settur tas-sajd;

AE.  billi n-nisa li jaħdmu fis-settur marittimu bħala dawk li jaħdmu x-xbieki, bħala fornituri, fil-ħatt u fl-ippakkjar għadhom inviżibbli bħala grupp;

AF.  billi l-kriżi ekonomika qed tinħass ukoll fis-settur tas-sajd, speċjalment għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li l-aktar intlaqtu mis-sitwazzjoni tal-qgħad bħalma huma ż-żgħażagħ u n-nisa, u għalhekk id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni huma meħtieġa sabiex jiżdiedu l-impjiegi, biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet ġodda, bħalma hu l-iżvilupp blu u aħdar, u biex tiġi pprevenuta u miġġielda l-emarġinazzjoni tas-sajd fir-reġjuni li qed jiżviluppaw u f'dawk periferiċi; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tat-taħriġ professjonali;

AG.  billi d-diversifikazzjoni fir-reġjuni kostali u tal-gżejjer tista' titwettaq permezz ta' attivitajiet relatati mal-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti tal-ħut, il-gastronomija, it-turiżmu, il-wirt kulturali, storiku u tradizzjonali, l-ambjent u t-tkabbir ekoloġiku;

AH.  billi l-kunċett tal-ekonomija blu qed jiżviluppa u jista' jagħti spinta qawwija lit-tkabbir u lill-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll lill-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-pajjiżi u r-reġjuni kostali u tal-gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi;

AI.  billi l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer għandhom interess fundamentali fil-materjalizzazzjoni tal-kunċett tal-ekonomija blu;

AJ.  billi l-inizjattiva "Unjoni ta' l-Innovazzjoni" tal-UE rrikonoxxiet u identifikat nuqqasijiet li jillimitaw u jimpedixxu l-iżvilupp tar-riċerka u l-innovazzjoni, bħalma huma l-investiment inadegwat fix-xjenza, in-nuqqas ta' dejta adegwata dwar l-ibħra u l-oċeani, il-finanzjament insuffiċjenti u nuqqas ta' kooperazzjoni bejn is-setturi privati u pubbliċi;

AK.  billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jkun jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku b'mod ġenerali – u partikolarment fir-reġjuni kostali, tal-gżejjer u dawk ultraperiferiċi – u huma preċiżament ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd li għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-iżvilupp ta' innovazzjonijiet u li għandhom ikunu involuti f'kull fażi tal-iżvilupp tal-ekonomija blu;

AL.  billi fis-settur tas-sajd, bl-istess mod bħal f'setturi oħra, l-ambjent u l-ekonomija jmorru id f'id; billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu għandu għalhekk jiffoka fuq l-ekonomija soċjali u fuq proġetti u attivitajiet sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent li għandhom il-għan li jintroduċu attivitajiet kostali li qed jiżviluppaw u jippreservaw l-ambjent marittimu u l-bijodiversità kollha kemm hi, b'appoġġ speċifiku għall-attivitajiet tas-sajd artiġjanali li jirrispettaw lill-ambjent li jinkoraġġixxu l-bijodiversità; billi dawn il-proġetti u attivitajiet iridu jkunu wkoll sostenibbli mill-perspettiva soċjali u ekonomika sabiex jiġi żgurat li s-sajd artiġjanali jibqa' vijabbli;

AM.  billi l-ekonomija blu tista' tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tas-sikurezza abbord il-bastimenti tas-sajd u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda u l-benesseri tagħhom ta' kuljum;

AN.  billi l-miri ambjentali u ta' selettività japplikaw l-istess b'mod trasversali, iżda se tkun ħaġa problematika biex il-bastimenti żgħar jissodisfaw l-obbligu tal-ħatt l-art għall-ħut skartat;

AO.  billi influwenzi antropoġeniċi, jiġifieri attivitajiet tal-bniedem, fir-reġjuni kostali ġew sottovalutati fil-kuntest tal-kwistjonijiet tal-ħarsien ambjentali; billi l-effetti kumulattivi ta' diversi attivitajiet fuq ir-reġjuni kostali ma ġewx rikonoxxuti jew ivvalutati biżżejjed; billi l-attivitajiet li jseħħu f'xi żoni, bħalma hu t-trasport marittimu, it-turiżmu, is-sajd rikreattiv eżawrjenti u mhux ikkontrollat f'xi żoni, il-bejgħ ta' speċijiet miksuba permezz ta' din l-attività, jew li jinqabdu mingħajr permess, ilma mormi urban u industrijali mill-art kontinentali, eċċ., jaffettwaw b'mod partikolari s-settur tas-sajd;

AP.  billi l-għarfien tal-ambjent marittimu, speċifikament tal-istat tal-ekosistema tal-baħar, huwa vitali għall-valutazzjoni tal-impatt ta' diversi attivitajiet fuq l-ambjent, bħalma huwa l-istabbiliment ta' miżuri ta' protezzjoni u programmi ta' monitoraġġ xierqa bil-għan li jiġu promossi l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet; billi d-dejta dwar l-ambjent tal-baħar hija inadegwata u sistematizzata b'mod inadegwat;

AQ.  billi f' ċerti reġjuni s-sajd illegali huwa ta' theddida serja għall-issoktar tal-eżistenza tas-sajd kostali artiġjanali kif ukoll jipperikola l-preservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-bijodiversità;

AR.  billi l-Politika Marittima Integrata għandha l-għan li twieġeb għall-isfidi l-ġodda li qed isibu ma' wiċċhom l-ibħra, l-industrija u s-sajjieda fl-Ewropa kollha, mill-protezzjoni tal-ambjent sal-iżvilupp kostali, permezz tal-akkwakultura, it-turiżmu nawtiku jew attivitajiet ekonomiċi oħra marbuta mat-tkabbir blu.

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-definizzjoni tas-sajd kostali, tas-sajd kostali fuq skala żgħira, u tas-sajd tradizzjonali, skont il-karatteristiċi soċjoekonomiċi u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni differenti, aktar milli unikament skont id-dimensjonijiet u l-qawwa tal-bastimenti tas-sajd, peress li r-regolamenti attwali tal-UE mhumiex sodisfaċenti; jipproponi li jsir użu mir-reġjonalizzazzjoni bil-għan li d-definizzjoni tas-sajd kostali tiġi adattata fuq il-bażi ta' kull każ għalih skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull attività tas-sajd; jipproponi li jitqiesu għadd ta' kriterji indikattivi bħalma huma d-daqs tal-bastimenti, l-irkapti tas-sajd użati, is-selettività tat-tekniki tas-sajd, it-tul tal-vjaġġi tas-sajd u jekk is-sid tal-bastiment hux abbord, il-formuli tradizzjonali ta' intraprenditorija u l-proprjetà u l-istrutturi tan-negozju li tradizzjonalment joperaw f'dawn l-oqsma, l-involviment tas-settur estrattiv fl-attivitajiet tal-ipproċessar u l-bejgħ, in-natura u l-iskala veri tal-attivitajiet estrattivi u fatturi oħra marbuta mal-attivitajiet tradizzjonali, l-appoġġ min-negozji jew l-influwenza fuq il-komunitajiet lokali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta' sajd kostali fuq skala żgħira fil-komunitajiet tal-gżejjer li tradizzjonalment jiddependu mis-sajd għall-għajxien tagħhom stess, u huma involuti f'attivitajiet tas-sajd tul is-sena kollha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod gradwali l-kwoti allokati lis-sajd artiġjanali, bil-għan li jagħtu spinta lil din il-forma ta' sajd soċjalment u ekoloġikament sostenibbli;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti innovattivi u d-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jiffaċilitaw l-iżvilupp tar-reġjuni kostali, tal-gżejjer u ultraperiferiċi, b'kont meħud tad-diversità tal-attivitajiet soċjoekonomiċi, bħala mezz biex tixpruna l-esternalitajiet pożittivi tas-sajd artiġjanali, f'dawk li huma kemm il-koeżjoni soċjali kif ukoll dik ekonomika u l-protezzjoni ambjentali permezz ta' tipi ġodda ta' appoġġ fi ħdan il-kuntest tal-finanzjament Ewropew eżistenti; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-proġetti li jiffukaw fuq il-ħolqien u ż-żamma ta' impjiegi sostenibbli, l-involviment dejjem ikbar tas-settur estrattiv fl-ipproċessar u l-bejgħ, il-promozzjoni tal-formuli tal-intraprenditorija marbuta mal-ekonomija soċjali, il-promozzjoni ta' ktajjen tas-suq qosra, l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fil-promozzjoni u l-bejgħ ta' oġġetti u servizzi tas-sajd, l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' oġġetti u servizzi ġodda, u ż-żamma u l-protezzjoni tar-rwoli tradizzjonali;

5.  Iqis li r-reviżjoni tal-qafas ta' miżuri tekniċi għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-sajd kostali u tħalli lok għal ċerti derogi, kemm-il darba dawn ikunu ġustifikati, fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina investigazzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi aċċertat l-impatt tas-sajd kostali rikreattiv fuq l-attivitajiet tas-sajd tradizzjonali u wkoll biex jiġu ddefiniti l-parametri li huma meħtieġa bil-għan li f'ċerti żoni jitnaqqas is-sajd kostali rikreattiv; jitlob li jiżdied il-monitoraġġ ta' din l-attività sabiex tiġi pprevenuta kwalunkwe interferenza bejn is-settur estrattiv u dawn il-prattiki li diġà huma kawża ta' tħassib fir-reġjuni ultraperiferiċi b'setturi importanti tat-turiżmu;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lil sajd kostali fuq skala żgħira meta jingħata l-finanzjament tal-FEMS u biex jissimplifikaw il-proċeduri għall-operaturi ta' dawk it-tipi ta' sajd;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet involuti fil-promozzjoni ta' dawn l-attivitajiet jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati lokali kollha, l-assoċjazzjonijiet tal-imprendituri, l-istituti tar-riċerka tas-sajd u l-oċeanografija, l-universitajiet, iċ-ċentri għat-teknoloġija u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali kollha kemm huma jipparteċipaw fil-proċessi tal-innovazzjoni, sabiex jgħinu lill-proġetti jintroduċu miżuri komprensivi, biex jittejbu l-prospetti tagħhom ta' finanzjament u jingħataw appoġġ biżżejjed biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati fil-Fond Ewropew għas-Sajd;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni jkollha l-obbligu ta' rendikont lejn il-Parlament fir-rigward tal-pjanijiet ta' azzjoni għall-iżvilupp, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-sajd kostali fuq skala żgħira mfassla mill-Istati Membri għall-finijiet tal-FEMS;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tappoġġja d-diversi gruppi ta' nisa fis-settur marittimu sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom u tiżgura li jiġu rappreżentati fl-oqsma kollha, kemm fir-rwoli tat-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fl-attivitajiet tas-sajd;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri speċifiċi biex tirrikonoxxi u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa li jaħdmu x-xbieki, dawk li jaħdmu bħala fornituri, dawk li jaħdmu fil-ħatt u dawk li jaħdmu fl-ippakkjar;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, issaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd (FARNET), li jipprovdi assistenza sinifikanti lill-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (Fisheries Local Action Groups - FLAGs);

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tixpruna t-twaqqif u l-ħidma tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd billi żżid ir-riżorsi ekonomiċi, peress li dawn il-gruppi qed jipprovdu appoġġ kontinwu u konsulenza b'mod dirett lis-settur tas-sajd u b'hekk qed jippromwovu mudell ta' żvilupp sostenibbli soċjalment inklużiv fiż-żoni tas-sajd, li jispira liż-żgħażagħ u lin-nisa jinvolvu ruħhom fi proġetti ġodda ta' negozju u jikkontribwixxi għat-tiġdid tal-infrastruttura tal-innovazzjoni, l-investiment u d-diversifikazzjoni ekonomiċi, u pjanijiet ta' ġestjoni lokali mill-impriżi tas-sajd infushom; jistiedenlill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-iżvilupp ta' attivitajiet innovattivi ġodda u taħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mad-diversi operaturi tas-settur;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-tisħiħ tar-rwol tal-komunitajiet tas-sajd fl-iżvilupp lokali u l-governanza tar-riżorsi tas-sajd lokali u tal-attivitajiet marittimi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-irwol partikulari tan-nisa fl-ekonomija fiż-żoni kostali u taġixxi b'mod konsistenti ma' dan, bħalma diġà jsir fl-industrija agrikola; jitlob li jingħata rikonoxximent tal-ammont f'termini ta' PDG li huwa kkontribwit minn nisa fi rwoli awżiljari u tar-rilevanza partikolari tal-kontribut tagħhom fl-unitajiet domestiċi fejn it-tqassim tax-xogħol abbażi tas-sess tradizzjonalment kien ifisser li l-estrazzjoni kienet unikament attività maskili; jitlob għar-rikonoxximent professjonali fil-livelli kollha tar-rwoli femminili tradizzjonali fis-settur u għat-twaqqif ta' programmi ddedikati mmirati biex jappoġġjaw l-intraprenditorija min-nisa f'dawn l-oqsma;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-investiment fid-diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd permezz tal-iżvilupp ta' attivitajiet komplementari u l-versatilità tal-karrieri fis-sajd, inklużi l-investimenti f'bastimenti, tagħmir tas-sikurezza, taħriġ, servizzi ambjentali fl-attivitajiet tas-settur tas-sajd, u l-attivitajiet kulturali u edukattivi, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli; jenfasizza li l-objettiv ewlieni għandu jkun li jiġu ffinanzjati attivitajiet li huma soċjalment, ambjentalment u ekonomikament vijabbli u kapaċi joħolqu l-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ u għan-nisa; jenfasizza li l-akkwakultura tal-baħar hija kompatibbli u komplementari mas-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' tekniki tat-trobbija u tal-għażla tal-varjetajiet fl-ilmijiet sħan taż-żoni tropikali jew subtropikali; jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza r-rwol moqdi min-nisa fis-sajd kostali artiġjanali u l-attivitajiet assoċjati kollha;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd, bil-għan li tiġi applikata strateġija tan-negozju ddivrenzjata li tkun xierqa għall-potenzjal ta' dan is-segment u tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu b'mod aktar effettiv, filwaqt li taħdem favur forma ġdida ta' turiżmu li fih l-interessi ewlenin jirrigwardaw il-kwalità, il-flessibilità, l-innovazzjoni u l-ippriservar tal-wirt storiku u kulturali taż-żoni tas-sajd kif ukoll l-ambjent u s-saħħa, fost aspetti oħra; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-investiment fis-sajd fil-qasam tat-turiżmu, bil-għan li jinħolqu kapaċitajiet iddivrenzjati tat-turiżmu billi jiġu promossi l-gastronomija marbuta mal-prodotti artiġjanali tal-ħut, l-attivitajiet tat-turiżmu tas-sajd bil-qasba, it-turiżmu ta' taħt l-ilma u tal-għadis, eċċ., u b'hekk b'mod sostenibbli ssir kapitalizzazzjoni fuq il-wirt tas-sajd u r-rikonoxxibilità ta' reġjun tas-sajd speċifiku;

18.  Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-attivitajiet sportivi nawtiċi fit-tisħiħ tal-komunitajiet, lokali, b'mod partikolari barra mill-istaġun, permezz ta' sports ġodda ta' taħt l-ilma, tal-għadis jew sports nawtiċi oħra bħalma huma s-serfing jew il-bodyboarding.

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-interess li tingħata spinta lill-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd tippromwovi u tappoġġja b'mod attiv l-investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd fil-qasam tal-kultura u l-arti bħala parti mill-wirt tradizzjonali (artiġjanat, mużika u żfin) u tappoġġja l-investiment fil-promozzjoni tat-tradizzjoni, l-istorja u l-wirt tas-sajd b'mod ġenerali (irkapti tas-sajd, tekniki, dokumenti storiċi, eċċ.) billi jinfetħu mużewijiet u jiġu organizzati wirjiet li għandhom x'jaqsmu mill-qrib mas-sajd kostali;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tippermetti l-użu mħallat ta' bastimenti maħsuba għal attivitajiet ta' estrazzjoni sabiex, filwaqt li jżommu dan il-għan, ikunu jistgħu wkoll jakkomodaw tipi oħra ta' attivitajiet marbuta mas-settur tar-rikreazzjoni u tat-turiżmu, bħalma huma jiem ta' informazzjoni nawtika jew attivitajiet relatati mal-ipproċessar, it-tagħlim jew il-gastronomija, eċċ., skont is-sistema li topera fis-settur rurali li tinvolvi l-iskejjel tal-biedja jew l-agroturiżmu;

21.  Jappella lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri permezz ta' aġenziji governattivi tagħhom, jiżguraw li l-impriżi tas-sajd kostali fuq skala żgħira jirċievu s-sehem ġust tagħhom ta' finanzjament mill-FEMS, b'mod partikolari meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet amministrattivi imposti fuqhom;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq miżuri li jinkoraġġixxu u jippromwovu l-mobilità bejn il-professjonijiet marbuta mal-baħar.

23.  Jitlob li r-riżultati tar-riċerka u l-proġetti ffinanzjati mill-baġit pubbliku jsiru pubblikament disponibbli taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex jiġu żgurati l-iżvelar aktar effettiv tad-dejta eżistenti dwar l-ibħra u l-oċeani u l-aċċess aktar effettiv għal din id-dejta, u sabiex jitneħħew l-ostakli amministrattivi attwali li qed ixekklu t-tkabbir attwali u l-iżvilupp tal-innovazzjoni;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb ir-regolamenti billi ddaħħal mekkaniżmi sabiex tissorvelja l-allokazzjoni ġusta ta' kwoti lis-sajd fuq skala żgħira fir-rigward tal-ispeċijiet kondiviżi;

25.  Jenfasizza li l-prodott prinċipali tas-sajd huwa l-ħut innifsu u li huwa vitali li jissaħħu d-diversi mezzi ta' kif jintuża l-ħut, inkluż l-ippakkjar fil-laned u l-użu ta' prodotti sekondarji tal-ħut; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod attiv tippromwovi u tappoġġja l-investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd f'dawk li huma l-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tal-ħut lokali u tagħti spinta lill-iżvilupp ta' kanali ta' distribuzzjoni lokali, il-promozzjoni ta' dawn il-prodotti permezz tal-ħolqien ta' sinjali distintivi lokali u/jew trejdmarks għall-prodotti friski u billi jingħata appoġġ lill-ħolqien ta' proġetti lokali tan-negozju li jkunu mmirati biex iwettqu dawn l-attivitajiet; jenfasizza li l-promozzjoni tal-innovazzjoni b'dan il-mod għandha b'mod partikolari tinkludi l-iżvilupp ta' tikketti u siġilli li jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti tal-ħut lokali;

26.  Jappella għal flessibbiltà akbar fir-rigward tal-ġurnali ta' abbord għall-bastimenti ta' inqas minn 12-il metru, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit li d-dokumenti għandhom jintbagħtu fi żmien 48 siegħa, peress li dan jirrappreżenta piż amministrattiv konsiderevoli; jipproponi f'dan il-kuntest li l-bastimenti li jbiegħu l-ħut kollu tagħhom b'irkant jitħallew ikunu eżentati minn dan l-obbligu, sitwazzjoni li tkun tippermetti li l-informazzjoni meħtieġa tinkiseb mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv mhux meħtieġ;

27.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' żoni marini protetti, li se jippromwovi r-riżorsi tas-sajd sostenibbli u jiffaċilita l-kontroll tas-sajd IUU (sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat) u l-ġlieda kontra tali sajd; jenfasizza l-bżonn li l-UE tipprovdi gwida, koordinazzjoni u appoġġ adegwati lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;

28.  Jitlob appoġġ sod għall-ħidma tan-nisa peress li jaqdu rwol essenzjali fis-sajd artiġjanali; jenfasizza, b'mod partikolari, il-kompiti ewlenin li jitwettqu min-nisa fil-katina tal-ipproċessar u r-rwol fundamentali tagħhom fil-ġbir tal-frott tal-baħar bil-qoxra;

29.  Jinnota li s-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi huwa eliġibbli għal skema ta' kumpens rikonoxxuta taħt il-FEMS minħabba l-ispejjeż addizzjonali sinifikanti li jġarrab; jistieden lill-Kummissjoni tkabbar din l-iskema biż-żieda ta' mekkaniżmu speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi li jkun simili għall-iskema POSEI fis-settur agrikolu;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-introduzzjoni ta' prodotti friski miksuba permezz tas-sajd artiġjanali, il-ġbir tal-frott tal-baħar bil-qoxra u l-akkwakultura estensiva, sostenibbli, fuq skala żgħira fl-istabbilimenti tal-ikel pubbliċi (istituzzjonijiet edukattivi, sptarijiet, ristoranti, eċċ.);

31.  Jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom karatteristiċi speċifiċi bħala riżultat tal-bogħod tagħhom u n-natura insulari tagħhom; jenfasizza li dawn il-karatteristiċi speċifiċi jġarrbu spejjeż addizzjonali għas-sajd kostali f'dawn ir-reġjuni u li dawn l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkumpensati b'mod sħiħ bħala parti mill-FEMS;

32.  Jenfasizza li l-flotot tas-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi spiss jikkonsistu f'bastimenti li qed jiqdiemu, sitwazzjoni li tikkawża kwistjonijiet f'dik li hi sikurezza abbord; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-FEMS bil-ħsieb li tiġi awtorizzata l-għajnuna għat-tiġdid tal-bastimenti tas-sajd kostali ta' skala żgħira fir-reġjuni ultraperiferiċi, kemm-il darba dan ma jżidx il-kapaċità;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għad-dejta tal-baħar u dik ekoloġika bil-għan li jiġu promossi t-trasparenza, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, u jiggarantixxu aċċess għall-partijiet interessati kollha għall-informazzjoni xjentifika żviluppata bl-appoġġ ta' kofinanzjament pubbliku;

34.  Jenfasizza li l-oċeani u ż-żoni matul u ħdejn il-kosti għandhom potenzjal li fil-biċċa l-kbira għadu ma ġiex esplorat mil-lat ta' żvilupp, impjiegi, awtonomija tal-enerġija, innovazzjoni u żvilupp sostennibli; iqis li r-rikonoxximent min-naħa tal-UE ta' dan il-potenzjal u tar-rwol moqdi minn dawn iż-żoni jkun jagħmel lil dawn ir-reġjuni kostali, tal-gżejjer u ultraperiferiċi aktar attraenti u jagħti spinta lill-iżvilupp tagħhom;

35.  Jesprimi tħassib dwar l-applikazzjoni tal-programm Orizzont 2020 għaż-żona tal-ekonomija blu, peress li huwa l-programm prinċipali għar-riċerka u l-iżvilupp tal-innovazzjoni fil-livell Ewropew; jappoġġja l-ħolqien ta' Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tal-ekonomija blu fi ħdan Orizzont 2020 li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-attivitajiet fir-reġjuni kostali permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati transnazzjonali;

36.  Jappoġġja l- użu ta' fondi maħsuba għall-innovazzjoni u t-tkabbir blu biex jiġu ffinanzjati r-riċerka fundamentali, ir-R&Ż, it-taħriġ, it-twaqqif ta' kumpaniji, il-protezzjoni ambjentali u l-varar ta' prodotti u proċessi innovattivi fis-suq;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ bħala parti mill-inizjattivi għall-immaniġġjar dirett tal-finanzjament tal-proġetti, li fihom titqiegħed enfasi fuq is-sajd kostali u l-iżvilupp tar-reġjuni kostali;

38.  Jisħaq fuq l-importanza tal-istrumenti tal-protezzjoni ambjentali, bħalma huma l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali għall-proġetti individwali u Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi għall-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi, li jikkontribwixxu għas-sajd sostenibbli;

39.  Jenfasizza kemm hi importanti l-Politika Marittima Integrata għall-ġejjieni tar-reġjuni li jiddependu mis-sajd, u jifhem li għandu jkun hemm impenn dejjem akbar lejn l-istrateġija tat-tkabbir blu. L-għan huwa li jingħata appoġġ fit-tul għal tkabbir sostenibbli fis-setturi marini u marittimi kollha, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-ibħra u l-oċeani bħala l-muturi li jiġġeneraw l-impjiegi u joħolqu l-impjiegi fir-reġjuni kostali;

40.  Jisħaq li r-reġjuni kostali u tal-gżejjer, kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, huma l-atturi ewlenin fl-iżvilupp tal-innovazzjoni u li dawn għandhom ikunu involuti f'kull stadju tal-iżvilupp tal-ekonomija blu;

41.  Jisħaq fuq l-importanza tal-FEMS, li jiffoka b'mod partikolari fuq id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd, bil-għan li jappoġġja s-sajd li huwa soċjoekonomikament u ambjentalment sostenibbli, innovattiv, kompetittiv, effettiv u bbażat fuq l-għarfien; jappoġġja l-ħtieġa li jissaħħaħ il-finanzjament għall-Assi 4 tal-Fond Ewropew għas-Sajd bil-għan li jiġu appoġġati l-membri tal-komunitajiet tas-sajd u jittejbu l-istandards tal-għajxien tagħhom billi jiġu żviluppati attivitajiet ġodda; Jistieden lill-Kummissjoni tivvalida l-verżjonijiet reġjonali tal-FEMS malajr kemm jista' jkun;

42.  Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta' bejn il-komunitajiet lokali u l-universitajiet/iċ-ċentri tat-teknoloġija li se jikkontribwixxu b'mod deċiżiv favur il-ħolqien ta' inkubaturi ġodda tan-negozju li jippermettu l-ġenerazzjoni ta' ideat tan-negozju ġodda fis-settur marittimu;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv proġetti li joffru appoġġ għat- tisħiħ tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, li l-objettiv tagħhom huwa l-iżvilupp jew l-introduzzjoni ta' prodotti, tagħmir u tekniki ġodda, kif ukoll sistemi ġodda jew imtejba għall-immaniġġjar u l-organizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn żoni differenti tas-sajd sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' metodi innovattivi u sostenibbli tas-sajd; iqis li huwa essenzjali f'dan ir-rigward li jiġu inkorporati moduli għat-taħriġ tal-intraprendituri u għad-diversifikazzjoni fl-iskejjel professjonali nawtiċi u tas-sajd;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' negozji innovattivi ġodda fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd, billi tipprovdi inċentiv għall-intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji ġodda b'possibilità tajba ta' suċċess fis-settur marittimu, li ser jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-attività tas-sajd kostali tradizzjonali, joħolqu l-impjiegi u jattiraw jew iżommu kif inhi l-popolazzjoni;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża approċċ selettiv meta tkun qed tiżviluppa proposti leġiżlattivi dwar l-użu tal-irkapti u t-tekniki tas-sajd sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt reali li dawn l-irkapti u tekniki għandhom fuq ir-riżorsi tas-sajd artiġjanali f'kull wieħed mill-oqsma rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva tiġi soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt li ssir bir-reqqa minn qabel filwaqt li jitqiesu l-fatturi speċifiċi li japplikaw f'kull żona tas-sajd; jemmen li approċċ mhux selettiv għall-użu ta' rkapti u tekniki tas-sajd qed ikollu impatt serju fuq il-vijabbiltà tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer li diġà huma emarġinati, filwaqt li jikkawża aktar depopolazzjoni u jxekkel l-iżvilupp u l-innovazzjoni; huwa tal-fehma li għandha tiġi applikata diskriminazzjoni pożittiva għas-sajd kostali artiġjanali; jemmen li dan l-approċċ, bħal fil-każ tal-proposta għall-projbizzjoni tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għadha qed tadatta ruħha għall-PKS riformata deċentralizzata li l-koleġiżlaturi għażlu li jadottaw; ifakkar lill-Kummissjoni fid-dmir tagħha li topera fi ħdan il-qafas tar-reġjonalizzazzjoni kif stabbilit fir-Regolament il-ġdid dwar il-PKS;

46.  Jinnota li l-ekosistemi tal-baħar tal-kosta huma sensittivi u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jivvalutaw l-impatt ambjentali ta' kwalunkwe attività li tista' taffettwa s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, bħalma huma t-trasport marittimu, l-iskart, it-trasport, it-tniġġis tal-akwifer, l-attivitajiet tat-tħaffir jew il-kostruzzjoni ta' faċilitajiet ġodda għat-turisti mal-kosta, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

47.  Jagħti parir lill-Kummissjoni tagħti l-akbar importanza lir-rilevanza soċjoekonomika tas-sajd kostali artiġjanali u lis-sajd fuq skala żgħira fi ħdan l-UE, l-adozzjoni ta' metodi alternattivi ta' kif jiġu ddefiniti s-segmenti tal-flotta, u l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-attività fir-reġjuni kostali li jiddependu b'mod qawwi mis-sajd; jinnota r-rilevanza tal-ġbir ta' korp ta' informazzjoni xjentifika li tiffaċilita ġestjoni aħjar tas-sajd artiġjanali, bil-għan li dan isir aktar sostenibbli mil-lat bijoloġiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali;

48.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaċċeleraw il-proċess ta' traspożizzjoni tal-ftehim tas-sħab soċjali dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) fi strument leġiżlattiv xieraq tal-UE;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, skont il-klassifika esperta tal-irkapti tas-sajd mogħtija fir-Regolament tal-Mediterran, tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi ta' bejn ix-xbieki tat-tkarkir u t-tartaruni bil-għan li tagħti l-aħjar dispożizzjonijiet lejn l-użu aktar sostenibbli ta' kull tip, filwaqt li jitqies il-parir xjentifiku l-aktar riċenti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jsir rieżami tal-valutazzjoni tal-istatus tal-istokkijiet tal-ħut rilevanti għas-sajd kostali, u jenfasizza l-ħtieġa li ssir analiżi tal-impatt li għandu s-sajd fuq skala żgħira fuq l-istokkijiet tal-ħut, mingħajr ma wieħed jinsa t-tekniki aktar sostanzjali bħalma hu s-sajd għat-tonn peress li l-ispeċijiet li jsir is-sajd tagħhom fis-sajd kostali huma estremament siewja mil-lat soċjoekonomiku, alovolja dawn jammontaw biss għal proporzjon żgħir tal-qabdiet totali iżda huma, madankollu, sinifikanti ħafna għas-sopravivenza ta' dawk is-sajjieda li jiddependu minnhom għall-qligħ tagħhom ta' kuljum;

51.  Jesprimi tħassib dwar it-telf ta' tekniki u ħiliet tas-sajd tradizzjonali minħabba r-regolamenti mhux favorevoli li jaffettwaw il-komunitajiet kostali;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda d-dispożizzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għax-xbieki tas-sajd, bħalma huma d-daqs minimu tal-malja tax-xibka, l-ogħli tax-xibka, id-distanza mill-kosta u l-fond li fih ix-xbieki jistgħu jintużaw bil-għan li jiġi żgurat ħsad aktar bilanċjat tal-istokkijiet tal-ħut u tiġi priservata l-bijodiversità;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda d-dispożizzjonijiet tar-regolament eżistenti li jippreskrivu d-distanza meħtieġa mill-kosta u l-fond li fih jistgħu jintużaw l-irkapti tas-sajd biex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet ġeografiċi taż-żoni tal-fruntiera tal-Istati Membri;

54.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir emenda lir-Regolament dwar miżuri ta' mmaniġġjar għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, magħruf ukoll bħala r-"Regolament dwar il-Mediterran", li ġie adottat fl-2006 u li jistabbilixxi regoli dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-irkapti u l-użijiet tagħhom; iħoss li dan ir-regolament irid jinġieb konformi mal-PKS il-ġdida, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dan il-baċin huwa ġestit b'mod konġunt ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE, b'mod partikolari l-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri biex jiżguraw li s-sajjieda jingħataw informazzjoni f'waqtha u komprensiva dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti eżistenti u kwalunkwe emenda li ssir lil dawn ir-regolamenti;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi proġetti, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, li se jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-inħawi kostali u tal-gżejjer bħala żoni ta' wirt tas-sajd u marittimu tradizzjonali, kulturali u storiku;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi Ewropej biex jissussidjaw iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tax-xbieki nases mikxufa fissi, bil-għan li jippromwovu r-rikonoxximent u l-kontribut ta' dan il-metodu ta' sajd;

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Is-sajd kostali huwa forma eċċezzjonalment importanti ta' sajd fil-pajjiżi tal-UE. Huwa speċjalment importanti peress li jiggarantixxi livell għoli ta' impjiegi u huwa forma ta' sajd soċjalment u ambjentalment sostenibbli.

Is-sajd kostali huwa kklassifikat u definit b'mod differenti fi Stati Membri individwali (sajd kostali, tradizzjonali jew artiġjanali, eċċ.). Għal ħafna żoni kostali u tal-gżejjer, is-sajd kostali huwa forma tradizzjonali ta' sajd li jifforma mod ta' ħajja u għajn sinifikanti ta' għajxien. Iż-żoni li jiddependu mis-sajd kostali jeħtieġu miżuri u appoġġ speċifiċi sabiex jikbru u jiżviluppaw.

Ir-Regolament tal-2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tefa' enfasi fuq it-tkabbir ekonomiku fiż-żoni kostali. Dan irrikonoxxa l-importanza taż-żoni tal-gżejjer fuq ibħra miftuħa li jiddependu mis-sajd u li jeħtieġ li jiġu appoġġjati sabiex ikunu jistgħu jgħixu u jkollhom opportunitajiet biex jiżviluppaw. Jagħti aċċess preferenzjali lis-sajd fuq skala żgħira u s-sajd tradizzjonali f'żona li testendi għal 12-il mil nawtiku, u b'hekk fl-aktar parti sensittiva tal-ilmijiet tal-UE.

Ir-Regolament tal-2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) ukoll jenfasizza b'mod partikolari s-sajd kostali fuq skala żgħira. Id-dispożizzjonijiet tal-FEMS jenfasizzaw b'mod partikolari l-importanza tad-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd. Barra minn hekk, il-FEMS jista' jappoġġja l-investimenti fid-diversifikazzjoni u jagħmel differenza pożittiva għad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp ta' attivitajiet kumplementari, inklużi investimenti fil-bastimenti, ir-ristoranti, servizzi ambjentali fis-settur tas-sajd, attivitajiet kulturali u edukattivi fis-settur tas-sajd, it-turiżmu tas-sajd bil-qasba, eċċ.

L-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu. Orizzont 2020, b'valur ta' madwar EUR 79 biljun, huwa l-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni. Minbarra dan, xi fondi mill-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej ġew assenjati għall-innovazzjoni.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-innovazzjoni, huwa meħtieġ li jissolvew in-nuqqasijiet rikonoxxuti, bħalma huma: l-investiment mhux adegwat fix-xjenza, in-nuqqas ta' dejta dwar l-ibħra u l-oċeani, finanzjament insuffiċjenti, nuqqas ta' kooperazzjoni bejn is-setturi privati u pubbliċi, eċċ.

Fis-snin reċenti, saru aktar investimenti fis-sistemi għall-monitoraġġ tal-ibħra u l-oċeani, iżda dan għadu mhux biżżejjed. Barra minn hekk, problema fundamentali hija l-indisponibbiltà ta' dejta eżistenti. Il-proċedura għat-tiftix u l-kisba ta' permess xieraq biex tintuża dejta biss tieħu ż-żmien u teħtieġ fondi addizzjonali. Dan kollu jqiegħed restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-innovazzjoni u l-użu tar-riżorsi msemmija hawn fuq.

Ir-raġunijiet ewlenin għalfejn huwa meħtieġ li wieħed ifittex id-diversifikazzjoni fis-settur tas-sajd huma kif ġej: it-tnaqqis fl-impjiegi u l-profittabilità tas-settur; il-ġlieda kontra l-emarġinazzjoni tas-settur tas-sajd fir-reġjuni li qed jiżviluppaw; u opportunitajiet biex wieħed jibbenefika minn opportunitajiet ġodda, bħalma hu l-iżvilupp "aħdar", eċċ.

Xi reġjuni kostali u tal-gżejjer qed jiffaċċjaw tnaqqis ekonomiku sinifikanti, li qed jirriżulta f'depopolazzjoni u l-eżodu tal-abitanti tagħhom, li jfittxu opportunitajiet f'żoni li joffru prospetti aħjar għall-impjiegi u l-edukazzjoni. Barra minn hekk, xi reġjuni kostali tas-sajd jinsabu qrib reġjuni ekonomikament żviluppati (eż. bliet attraenti jew destinazzjonijiet turistiċi) iżda madankollu mhumiex kapaċi jiksbu tkabbir ekonomiku adegwat. Huwa preċiżament f'dawn iż-żoni fejn qed tikber il-pressjoni f'dak li hu l-użu tar-riżorsi tal-baħar, u s-settur tas-sajd qed ikun emarġinat favur it-turiżmu.

It-turiżmu huwa fergħa li qed dejjem tikber tal-ekonomija u, bħala tali, għandu potenzjal kbir fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd. Is-settur turistiku jista' jagħmel użu mis-settur tas-sajd (prodotti tal-ħut, ristoranti, akkomodazzjoni, turiżmu tas-sajd bil-qasba) billi jippreżenta l-prodotti tas-sajd bħala parti mill-menù tradizzjonali, u b'hekk issir kapitalizzazzjoni minn fuq il-wirt tas-sajd u r-rikonoxxibbiltà ta' reġjun speċifiku tas-sajd. Minbarra t-turiżmu, l-attivitajiet kulturali u artistiċi jista' jkollhom rwol importanti fid-diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd. Il-valuri kulturali huma wkoll parti mill-wirt tradizzjonali (artiġjanat, mużika u żfin) u jista' jsir użu tagħhom fid-diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd. Il-promozzjoni tat-tradizzjoni, l-istorja u l-wirt tas-sajd b'mod ġenerali (irkapti tas-sajd, bastimenti, tekniki, dokumenti storiċi, eċċ.) f'qasam partikolari tista' ssir bil-ftuħ ta' mużewijiet u l-organizzazzjoni ta' wirjiet li għandhom x'jaqsmu mill-qrib mas-settur. Barra minn hekk, it-turiżmu ta' taħt l-ilma jew it-turiżmu tal-għadis huma wkoll modi ta' promozzjoni ta' żona partikolari.

Fis-sajd, aktar minn setturi oħra, l-ambjent u l-ekonomija jimxu id f'id. Fir-rigward tal-possibbiltà ta' diversifikazzjoni tas-settur tas-sajd fil-qasam tal-ambjent u l-ekonomija ekoloġika, irid jiġi enfasizzat ir-rwol tal-attivitajiet relatati mas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-protezzjoni ambjentali, eċċ.

Irridu nkunu konxji tal-problemi kollha li jiffaċċja s-sajd kostali, partikolarment fir-rigward tal-għażla preskritta ta' rkapti u tekniki (eż. il-projbizzjoni tal-użu ta' għeżula barra mill-kategorija tas-sajd kummerċjali) meta tali rkapti u t-tekniki jiffurmaw parti mit-tradizzjonijiet u l-mod ta' ħajja tal-abitanti lokali. Jekk irridu nipproteġu s-sajd kostali, trid tiġi varata proċedura li temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti.

Peress li għandna PKS ġdida, jeħtieġ li jkollna qafas ġdid u li nvaraw proċedura li temenda r-Regolament dwar miżuri ta' mmaniġġjar għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, magħruf ukoll bħala r-"Regolament dwar il-Mediterran", li ġie adottat fl-2006 u li jistabbilixxi regoli dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-irkapti u l-użijiet tagħhom, sabiex isir konformi mal-PKS il-ġdida u mal-ħtiġijiet tas-sajd kostali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Richard Corbett, Diane Dodds, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Anja Hazekamp, Francisco José Millán Mon

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues

(1)

Testi adottati, P7_TA(2012)0460

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0438.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0291

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0300.

Avviż legali