Proċedura : 2015/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0048/2016

Testi mressqa :

A8-0048/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 22
CRE 27/04/2016 - 22

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.68
CRE 28/04/2016 - 4.68
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0204

RAPPORT     
PDF 732kWORD 235k
8.4.2016
PE 571.449v03-00 A8-0048/2016

dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali

(2015/2007(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Terry Reintke

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta’ setgħa lin-nisa fl-era diġitali

(2015/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fl-1995, u b'mod partikolari l-qasam ta' tħassib "In-Nisa u l-Midja",

–  wara li kkunsidra d-dokument li rriżulta mit-23 Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali fl-2000, li fih it-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni (TIK) huma rikonoxxuti bħala kisbiet li jippreżentaw opportunitajiet ġodda għall-għoti ta' setgħa lin-nisa, iżda li jġibu magħhom ukoll riskji potenzjali;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġinevra adottati matul l-ewwel fażi tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) li seħħ f'Ġinevra fl-2003;

–  wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tunis u l-Aġenda ta' Tunis għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, li tiddeskrivi l-mekkaniżmi finanzjarji u internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-aġendi tad-WSIS li ġew adottati matul it-tieni fażi tad--WSIS f'Tunis mis-16 sat-18 ta' Novembru 2005,

–  wara li kkunsidra r-referenzi għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-Dikjarazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Riżultati tad-WSISu l-Viżjoni tad-WSIS+10 għad-WSIS Lil Hinn mill-2015 relatata,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Forum tad-WSIS li seħħ mill-25 sad-29 ta' Mejju 2015 f'Ġinevra dwar "Innovating Together: Enabling ICTs for Sustainable Development" ("Ninnovaw Flimkien: Nippermettu t-TIK għall-Iżvilupp Sostenibbli"), li fihom ħadet sehem delegazzjoni mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-Linji ta' Azzjoni tad-WSIS tal-2014, li ngħaqdu mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) biex jissaħħu s-sinerġiji bejn dawn l-istrateġiji globali, inkluża l-azzjoni li ssaħħaħ u tippromwovi l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika ta' kulħadd, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, il-karatteristiċi ġenetiċi, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-oriġini soċjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, jew l-istatus ekonomiku jew kwalunkwe status ieħor sal-2030,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015 (SEC(2010)1079/2), li tinkludi għadd ta' azzjonijiet b'rabta man-nisa u l-Internet, partikolarment fir-rigward tat-TIK, u r-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta' setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) ta' Ġunju 2014 dwar "In-nisa u l-ekonomija: Indipendenza ekonomika mill-perspettiva tal-impjieg part-time u l-impjieg indipendenti", fejn ġie ddikjarat li "L-Istrateġija Ewropa 2020 tidentifika għadd ta' oqsma prijoritarji għat-tkabbir, inkluż fis-settur tas-saħħa u dawk tax-xjenza u t-teknoloġija. Sabiex jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa f'dawn l-oqsma, huwa importanti li jingħelbu l-istereotipi tas-sessi u hija importanti l-ġlieda kontra s-segregazzjoni edukattiva u okkupazzjonali",

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobilità u l-Impjieg(6), u b'mod partikolari l-Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni 60 tal-Aġenda Diġitali, dwar it-tħeġġiġ tan-nisa biex jaqbdu karrieri fit-TIK u biex jiżdied il-proporzjon tan-nisa fis-settur tat-TIK,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru II tal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar Suq Uniku Diġitali, li għandu l-għan li joħloq l-kundizzjonijiet adegwati u sitwazzjoni u ambjent ekwi biex jiġu żviluppati netwerks diġitali u servizzi innovattivi, u l-Pilastru III, li jappoġġa soċjetà diġitali inklużiva li fiha ċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet adegwati biex japprofittaw mill-opportunitajiet li jġib miegħu l-Internet u jagħtu spinta lill-possibilitajiet tagħhom li jiksbu impjieg,

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew bl-isem “Empowering women on the Internet"("L-għoti ta' setgħa lin-Nisa fuq l-Internet"), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u nondiskriminazzjoni(7),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, u b'mod aktar speċifiku l-għanijiet tagħha dwar "In-Nisa u l-Mezzi tax-Xandir", fejn titlob biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-aċċess tan-nisa għall-espressjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet fi u permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni kif ukoll li tiġi promossa rappreżentazzjoni bbilanċjata u mingħajr sterjotipi tan-nisa fil-mezzi tax-xandir,

–  wara li kkunsidra l-"European Code of Best Practices for Women and ICT" ("Il-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għan-Nisa u t-TIK") tal-Kummissjoni, tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tiegħu tal-2012, bit-titolu "Women in ICT" ("In-Nisa fit-TIK"),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tiegħu tal-2015, bit-titolu "Empowering women on the Internet"("L-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fuq l-Internet"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA bl-isem "Il-vjolenza fuq in-nisa – stħarriġ madwar l-UE kollha. Riżultati ewlenin", ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu(8), li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI,

–  wara li kkunsidra L-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012-2016 tal-Kummissjoni u r-rapport ta' nofs it-term tagħha dwar l-implimentazzjoni tagħha ta' dik l-istrateġija,

–  wara li kkunsidra ċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-Kriminalità Internazzjonali Organizzata u Serja, li beda fl-2014, u l-qasam ta' prijorità tat-traffikar tal-bnedmin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0048/2016),

A.  billi d-diġitalizzazzjoni rrivoluzzjonat u bidlet b'mod fundamentali l-mod li bih il-persuni jaċċedu u jipprovdu l-informazzjoni, jikkomunikaw, jissoċjalizzaw, jistudjaw u jaħdmu, filwaqt li qed toħloq opportunitajiet ġodda biex jieħdu sehem f'diskussjonijiet pubbliċi u politiċi, edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u qed tiftaħ prospetti ġodda għal ħajja ta' awtodeterminazzjoni u għandha potenzjal ekonomiku enormi għall-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha; billi d-diġitalizzazzjoni ma tolqotx biss is-swieq iżda s-soċjetà kollha kemm hi;

B.  billi s-soċjetà tal-informazzjoni, xprunata mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (TIK), iġġib magħha opportunitajiet enormi biex jiġi ġġenerat u mxerred il-ġid u l-għarfien, kif muri pereżempju mill-industrija tas-softwer bla ħlas u minn sors miftuħ, li biddlet il-mod kif is-softwer jiġi prodott, distribwit, appoġġjat u wżat, u dan jippermetti inklużività diġitali aktar għanja; billi d-diġitalizzazzjoni barra minn hekk fiha opportunitajiet għal użu aktar flessibbli u diversifikat tal-ħin u l-ispazju lejn mudelli aktar ekwi għas-soċjetà; billi, fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tista' toħloq dimensjonijiet ġodda ta' esklużjoni, pereżempju r-riskju ta' segregazzjoni ekonomika, soċjali, kulturali u bejn is-sessi;

C.  billi 9 % biss tal-iżviluppaturi fl-Ewropa huma nisa, 19 % biss tal-kapijiet fis-setturi tat-TIK u l-komunikazzjoni huma nisa (meta mqabbel ma' 45 % f'setturi tas-servizzi oħra) u n-nisa jirrappreżentaw biss 19 % tal-imprendituri (meta mqabbel ma' 54 % f'setturi tas-servizzi oħra)(9);

D.  billi dawn l-iżviluppi għandhom potenzjal qawwi għall-emanċipazzjoni tan-nisa, billi jippermettu l-aċċess għal informazzjoni u għarfien lil hinn minn mezzi konvenzjonali, u jipprovdu pjattaforma ta' espressjoni, li tista' tispira lill-oħrajn biex jieħdu azzjoni, biex b'hekk jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-interazzjoni u biex issir kampanja bl-għan li jiġu difiżi id-drittijiet u l-libertà tan-nisa, il-bniet u l-persuni LGBTI imma wkoll tal-persuni bi bżonnijiet speċifiċi, bħal dawk b'diżabilità; billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta' ġustizzja u ugwaljanza, iżda se tikkontribwixxi wkoll għal titjib tal-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi fis-soċjetà u għall-kompetittività tal-UE;

E.  billi hemm differenza sinifikanti bejn is-sessi fl-aċċess għal opportunitajiet edukattivi u professjonali fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-ħiliet tal-informatika; billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt qawwi fuq il-konsum u d-distribuzzjoni tal-midja, notevolment għall-utenti aktar żgħażagħ, li jiftaħ kanali ġodda u li jippermetti li jkun hemm pajsaġġ inqas ġerarkiku tal-midja; billi d-diġitalizzazzjoni tista' tiffaċilita iżda wkoll toħloq sfidi ġodda għall-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tad-distribuzzjoni ta' immaġni negattivi, degradanti u sterjotipata tan-nisa;

F.  billi l-kanali ta' komunikazzjoni diġitali u n-netwerks soċjali huma partikolarment importanti għall-ġenituri bil-leave tal-ġenituri u persuni li jaħdmu mid-dar;

G.  billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt enormi fuq is-suq tax-xogħol billi tibdel il-katini ta' valur u toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg u ritmi tax-xogħol iktar flessibbli; billi opportunitajiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli u tat-telexogħol dovuti għad-diġitalizzazzjoni jistgħu jservu bħala għodda importanti biex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; billi dawn l-arranġamenti ta' xogħol flessibbli jista' jkollhom rwol pożittiv biex jikkontribwixxu għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġjati ta' nisa; billi, madankollu, hemm konsegwenzi negattivi possibbli li jistgħu jaffettwaw b'mod partikolari lin-nisa, bħalma huma l-erożjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-limiti tal-ħin tax-xogħol u l-limiti relatati mar-responsabilitajiet professjonali u mhux professjonali, u dan iżid it-tipi ta' impjiegi b'paga baxxa u anqas sikuri;

H.  billi t-titjib tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu fl-IT jippreżenta opportunità unika biex tiżdied l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa u tal-bniet, kif ukoll tan-nies bi bżonnijiet speċjali, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; billi ż-żieda fin-numru ta' nisa fis-settur tat-TIK, li huwa wieħed mis-setturi bl-ogħla pagi, tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-indipendenza finanzjarja tagħhom, li jirriżulta fit-tnaqqis fid-differenzi totali tal-pagi bejn is-sessi;

I.  billi, fis-suq tax-xogħol diġitalizzat, ir-responsabilità qed titneħħa dejjem iktar minn idejn il-kumpanija u tingħata lill-individwu, u dan ibiddel it-termini tas-sħubija għas-sigurtà soċjali tal-persuni li jaħdmu għal rashom u tal-freelancers; billi d-deċiżjonijiet politiċi jifformaw b'mod ċar ir-riżultat ta' dawn il-bidliet;

J.  billi, fil-każ ta' kuntratti individwali multipli fi ħdan diversi kumpaniji u istituzzjonijiet, il-monitoraġġ tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol, li għandu importanza mill-akbar għal soċjetà verament ugwali, joħloq sfida ikbar;

K.  billi d-dħul ta' iktar nisa fis-settur tat-TIK isaħħaħ suq li fih hija prevista skarsezza ta' ħaddiema u li fih il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa twassal għal żieda ta' madwar EUR 9 biljun ta' PDG tal-UE kull sena; billi n-nisa huma wisq sottorappreżentati fil-programmi ta' lawrji tat-TIK, fejn dawn jikkostitwixxu biss madwar 20 % tal-gradwati fil-qasam, b'3 % biss tal-gradwati nisa li għandhom diploma fit-TIK; billi n-nisa jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex jintegraw u jibqgħu fis-settur tat-TIK; billi l-ambjent tax-xogħol iddominat mill-irġiel, bi 30 % biss tal-forza tax-xogħol li huma nisa, jikkontribwixxi għax-xejra ta' ħafna nisa li jitilqu mis-settur tat-TIK fi żmien ftit snin wara li jlestu l-lawrji universitarji tagħhom;

L.  billi skont l-estimi tal-istudju "Women active in the ICT sector" ("Nisa attivi fis-settur tat-TIK") se jkun hemm 900 000 impjieg vakanti fis-settur tat-TIK fl-Ewropa sal-2020; billi s-settur tat-TIK qed jikber b'pass mgħaġġel, u joħloq madwar 120 000 impjieg ġdid kull sena;

M.  billi s-settur tat-TIK huwa kkaratterizzat minn segregazzjoni vertikali u orizzontali partikolarment għolja, kif ukoll minn distakk bejn il-kwalifiki edukattivi tan-nisa u l-pożizzjoni tagħhom fis-settur tat-TIK; billi anqas minn 20 % tal-imprendituri tat-TIK huma nisa; billi l-maġġoranza (54 %) tan-nisa f'impjiegi tat-TIK jokkupaw pożizzjonijiet inqas imħallsa u li jirrikjedu ħiliet ta' livell aktar baxx, u għadd żgħir biss minnhom (8 %) jokkupaw pożizzjonijiet fl-inġinerija tas-softwer li jirrikjedu ħiliet ta' livell għoli; billi n-nisa huma wkoll sottorappreżentati fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan dan is-settur, fejn 19.2 % biss tal-impjegati fis-settur tat-TIK għandhom kapijiet nisa, meta mqabbla ma' 45.2 % tal-impjegati f'setturi oħra;

N.  billi n-nisa ta' 55 sena u aktar jinsabu f'riskju partikolari ta' qgħad u inattività fis-suq tax-xogħol, fejn ir-rata medja ta' impjieg tal-UE fost in-nisa ta' età ta' bejn il-55 u l- 64 senali hija biss ta' 42 %, meta mqabbel ma' 58 % għall-irġiel; billi livell baxx ta' litteriżmu fl-IT u ħiliet elettroniċi jkompli jkabbar dan ir-riskju; billi t-titjib u l-investiment fil-kompetenzi diġitali tan-nisa ta' 55 sena u aktar għandhom isaħħu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom u joffru livell ta' protezzjoni kontra l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

O.  billi l-impatt tas-sessiżmu u tal-isterjotipi tas-sessi huma ostaklu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u huma ta' piż għall-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività tal-UE, billi jwessgħu ulterjorment id-differenzi diġitali bejn is-sessi li diġà huma sinifikanti fl-oqsma tat-TIK, il-midja u industriji relatati; billi l-isterjotipi tas-sessi jagħmluha diffiċli biex in-nisa jiżviluppaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet tagħhom bħala utenti, innovaturi u inventuri; billi hemm bżonn ta' rieda politika ċara, azzjonijiet konkreti u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili biex dak jinbidel;

P.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma elementi essenzjali biex in-nisa jingħataw is-setgħa fl-era diġitali, u b'hekk għal soċjetà b'vijabilità futura; billi 60 % tal-istudenti tal-iskola fl-UE qatt ma jużaw tagħmir diġitali fil-klassijiet tagħhom; billi s-sehem diġà baxx ta' gradwati nisa fit-TIK reġa' naqas; billi n-nisa huma ferm sottorappreżentati fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), u madwar nofs il-gradwati nisa ma jkomplux jaħdmu fi rwoli STEM; billi, f'inizjattivi bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar tal-UE, it-TIK għal Edukazzjoni Mtejba, il-Klabb tal-Mexxejja Ewropew tal-Istartups u l-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, li huma mmirati biex irawmu dejjem iktar l-edukazzjoni elettronika u l-ħiliet elettroniċi, in-nisa għadhom sottorappreżentati bil-kbir;

Q.  billi l-promozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u t-TIK għandha rwol importanti fir-rigward tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, b'konformità mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet soċjalment u ekonomikament, u fit-tneħħija tagħhom mill-faqar;

R.  billi d-diġitalizzazzjoni tiffavorixxi l-promozzjoni ta' demokrazija diretta permezz tal-Internet, u b'hekk tippermetti lin-nisa jkunu aktar involuti fil-politika u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni;

S.  billi s-sħubija tad-diġitalizzazzjoni u d-demokrazija diretta tippermetti li n-nisa jkollhom aktar opportunitajiet biex ikunu involuti direttament, barra mill-iskemi politiċi tradizzjonali, u jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod komprensiv;

T.  billi t-TIK, bħal kwalunkwe teknoloġija, tista' tintuża u tiġi abbużata biex thedded lin-nisa, lid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, l-għoti ta' setgħa lin-nisa, bħal fil-każ tal-ibbuljar ċibernetiku, l-istalking ċibernetiku, it-traffikar tal-bnedmin, kliem ta' mibgħeda, tixwix għall-mibgħeda, diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali; billi l-anonimat fuq l-internet jikkontribwixxi għall-proliferazzjoni ta' dawn il-forom ta' vjolenza kontra n-nisa; billi sfidi u riskji ġodda bħal dawn għandhom jiġu identifikati u indirizzati b'mod adegwat minn min jagħmel il-politiki kif ukoll mill-intrapriżi, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal skambju ta' informazzjoni fuq l-Internet;

U.  billi t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jintużaw biex joħolqu kanali u pjattaformi li jiffaċilitaw ċerti forom ta' sfruttament sesswali tan-nisa, inkluż ta' minorenni; billi l-pjattaformi diġitali huma wkoll użati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem tal-mara; billi hemm bżonn ta' professjonisti rilevanti tal-infurzar tal-liġi biex jirrikonoxxu li d-diġitalizzazzjoni għandha effett trasformattiv fuq dawn id-delitti; billi hemm bżonn ukoll li titqajjem kuxjenza fost il-professjonisti relevanti tal-edukazzjoni dwar dawn il-forom ġodda ta' theddid diġitali u li jsir disponibbli l-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-użu sikur u rispettuż tal-internet u r-riskji ta' vjolenza sessista online kemm għas-subien u kemm għall-bniet u li jiġu involuti l-irġiel u s-subien fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

V.  billi l-modi ta' komunikazzjoni diġitali kkontribwew għall-prevalenza tad-diskors ta' mibegħda u ta' theddidkontra n-nisa, fejn 18 % tan-nisa fl-Ewropa batew sa mill-adolexxenza xi forma ta' fastidju minn konoxxenti fuq l-internet, u disa' miljun vittma ta' vjolenza online fl-Ewropa; billi żdied in-numru ta' theddidiet, inkluż theddid ta' mewt, lejn in-nisa; billi kuxjenza soċjali dwar forom diġitali ta' vjolenza, kemm fost il-pubbliku ġenerali u l-professjonisti relevanti, bħal aġenti tal-infurzar tal-liġi u l-għalliema, għadha insuffiċjenti biex tiġi żgurata prevenzjoni adegwata, monitoraġġ u assistenza għall-vittmi; billi diversi forom ta' vjolenza online għadhom mhumiex kompletament riflessi fil-liġi kriminali, u lanqas f'xi modi u proċeduri ta' prosekuzzjoni fl-Istati Membri kollha; billi hemm nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni min-naħa tas-sistema ġudizzjarja; billi dawk li jabbużaw u min ixerred il-mibgħeda rarament jiġu rappurtati, investigati, mixlija u kkundannati; billi hemm bżonn ta' rikonoxximent fil-livell tal-UE tan-natura potenzjalment transkonfinali tal-abbuż u l-vjolenza fuq l-internet;

W.  billi l-ibbaġitjar skont is-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jintużaw bħala għodda biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-perspettivi bbażati fuq il-ġeneru għandhom jiġu kkunsidrati fl-istadji kollha tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni fl-Ewropa biex jiġi żgurat li n-nisa mhux biss huma inklużi iżda huma fuq quddiem nett tal-iżviluppi diġitali;

X.  billi l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa u t-tfajliet fl-edukazzjoni relatata mat-TIK u aktar tard fl-impjieg hi riżultat ta' relazzjoni kumplessa tal-isterjotipar tas-sess li jibda' fl-istadji bikrija tal-ħajja u tal-edukazzjoni u jkompli fil-karriera professjonali; billi l-fatturi li jillimitaw lin-nisa u lill-bniet milli jipparteċipaw f'edukazzjoni fit-TIK u l-impjiegi jinkludu: sterjotipar matul il-ħajja; segregazzjoni f'attivitajiet, passatempi u ġugarelli 'tipikament femminili jew maskili', li jibdew fl-iktar stadji bikrija tal-edukazzjoni, nuqqas relattiv ta' mudelli ta' eżempju femminili fis-settur tat-TIK u viżibilità limitata ta' nisa f'dan is-settur partikolarment f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal li s-soċjetà tal-informazzjoni, it-TIK u l-Internet għandhom li jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, id-drittijiet u l-libertajiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, il-karatteristiċi ġenetiċi, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, ir-razza, l-oriġini soċjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż jew l-istejtus ekonomiku;

2.  Jenfasizza li l-aċċess għall-Internet huwa punt ġdid ta' servizzi essenzjali, meħtieġa għad-dinja kollha, nisa, irġiel, subien u bniet, peress li l-internet sar għodda ewlenija fil-ħajja ta' kuljum tal-individwi f'familja, xogħol, studju u kuntesti ta' tagħlim, għall-ġestjoni fi ħdan kumpaniji, awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u għat-tħaddim ta' netwerks soċjali u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża u ttejjeb il-mira tal-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bl-għan li tindirizza d-diskrepanza severa bejn is-sessi fi ħdan is-settur tat-TIK u titrawwem l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa f'dan is-settur, b'mod partikolari fir-rigward tal-professjonijiet tekniċi u tat-telekomunikazzjoni, titrawwem l-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK u suġġetti STEM oħrajn, tiżdied il-viżibilità tan-nisa fil-qasam diġitali, titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni tan-nisa permezz ta' aċċess aħjar għall-finanzjament, jiġu implimentati b'mod sistematiku valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru u l-ibbaġitjar tas-sessi fil-ħidma tagħha dwar l-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali sabiex il-prinċipju fundamentali Ewropew tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jkun jista' jiġi inkorporat kif xieraq u biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa jiġu appoġġati biex jagħmlu realtà mill-internet inkluziv;

4.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw il-perspettiva tal-ġeneru fl-inizjattivi diġitali kollha u biex jirrikonoxxu s-setgħa diġitali li qed tikkawża mewġa ġdida u aktar b'saħħitha ta' għarfien dwar kwistjonijiet ta' ġeneru u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza lill-Kummissjoni l-effikaċja tal-internet għal mezzi bħal kampanji, fora u biex tingħata viżibilità lil mudelli ta' eżempju femminili, li lkoll jgħinu biex jaċċeleraw l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tqis li tqiegħed lin-nisa fuq quddiem tal-aġenda diġitali sabiex l-era ġdida diġitali tista' tkun mutur għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkudi fl-Istrateġija għall-ugwaljanza 2016-2020 li jmiss tagħha azzjonijiet speċifiċi b'appoġġ għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni u jiġi promoss bis-saħħa n-netwerk tan-nisa onlajn peress li dawn huma l-eżempju ta' approċċ minn isfel għal fuq awtoorganizzatlejn l-għoti ta' setgħa lin-nisa, u għandhom jirċievu l-appoġġ kollu meħtieġ biex jibqgħu fil-futur 'il bogħod;

6.  Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa', iżda jiddispjaċih dwar il-fokus ristrett tagħha, billi din tissottovaluta l-potenzjal konsiderevoli li jista' jkollha d-diġitalizzazzjoni fir-rigward ta' soċjetà inklużiva, ekwa u parteċipattiva, u tonqos milli tagħti rikonoxximent suffiċjenti lill-opportunitajiet li l-appoġġ immirat u l-infrastruttura ta' finanzjament jistgħu jipprovdu għall-għoti ta' setgħa lin-nisa;

7.  Jappella għal enfasi iżjed qawwija fuq softwer bla ħlas u minn sors miftuħ fis-settur tat-TIK u s-suq diġitali; huwa tal-fehma li softwer bla ħlas u minn sors miftuħ huwa għodda essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-demokratizzazzjoni fis-suq diġitali u s-settur tat-TIK; jenfasizza l-ħtieġa li ta' għarfien iktar qawwi tas-sessi fis-settur miftuħ ukoll;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw, jappoġġaw u jimplimentaw l-azzjonijiet promossi min-NU u mill-korpi tagħha, partikolarment fil-qafas tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u s-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), sabiex isir sforz għall-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali fil-livell Ewropew u dinji; jistieden lill-Istati Membri biex jikkomunikaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki bil-ħsieb li tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fi żviluppi diġitali madwar l-Ewropa;

9.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-għan li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà tal-informazzjoni u t-TIKs, sabiex jistabbilixxu pjanijiet multiannwali ta' azzjoni bl-għan li: jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-soċjetà tal-informazzjoni, jitjieb u jiżdied l-użu tat-TIK min-naħa tan-nisa, in-nisa jingħataw rwol aktar importanti f'setturi tat-TIK, jitrawwem l-għarfien tat-TIK tan-nisa permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġu promossi l-impjiegi u l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa permezz tal-użu regolari tal-internet u s-servizzi diġitali, jiġi żviluppat kontenut online li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, jitrawwem l-iskambju kontinwu, tixrid u komunikazzjoni tal-valuri tal-ugwaljanza, jiġi promoss l-aċċess għat-TIKs u l-użu tagħhom bħala għodda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi f'oqsma bħalma huma l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali, jiġi stabbilit bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u jitfasslu, jiġu implimentati, jinxterdu u jiġu evalwati politiki u pjanijiet ta' ugwaljanza;

Parteċipazzjoni

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal konsiderevoli li għandha d-diġitalizzazzjoni fil-livelli kollha ta' parteċipazzjoni politika u l-inklużjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, pereżempju permezz ta' votazzjoni elettronika; jenfasizza l-opportunitajiet kbar li d-diġitalizzazzjoni u inizjattivi ta' e-gvern għandhom fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, trasparenza u responsabilità akbar; jenfasizza barra minn hekk li t-TIKs jistgħu jżidu ħafna l-kapaċità tan-nisa li jipparteċipaw fi stħarriġiet u fora ta' diskussjoni, kif ukoll li jitressqu lmenti u rapport oħrajn b'mod anonimu;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-diġitalizzazzjoni fil-politika sabiex tiġi promossa d-demokrazija diretta, li tippermetti l-involviment aktar attiv taċ-ċittadini kollha, biex b'hekk jingħelbu skemi qodma u ostakli li joħolqu diffikultajiet għan-nisa u l-gruppi sottorappreżentati, biex dawn jippruvaw jistabbilixxu ruħhom f'ambjenti istituzzjonali u elettorali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw u jkomplu jiżviluppaw metodi ta' votazzjoni online għal konsultazzjonijiet elettorali, biex b'hekk jiġu eliminati ostakoli, li sikwit jolqtu n-nisa b'mod partikolari;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-programm "Ewropa għaċ-Ċittadini" biex timmira speċifikament għas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa li jaħdmu f'oqsma b'rabta mad-diġitalizzazzjoni u t-TIK, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika tan-nisa u biex tingħata attenzjoni partikolari lil objettivi speċifiċi skont il-ġeneru fil-valutazzjonijiet ta' implimentazzjoni li se jsiru dalwaqt;

13.  Jenfasizza l-importanza li jista' jkollha l-midja biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi demokratiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-midja, inkluż fil-ġestjoni, u f'korpi regolatorji u ta' mmonitorjar, sabiex jaħdmu għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-midja fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u rappreżentazzjoni ħażina tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex trawwem il-ħolqien ta' netwerks fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali tal-mezzi tax-xandir biex in-nisa jingħataw is-setgħa li jieħdu sehem attiv u jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-midja;

14.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili internazzjonali fil-qasam tal-governanza tal-internet, permezz ta' fora bħall-Global Internet Forum; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili diġitali fil-livell lokali u dak internazzjonali, u jippromwovu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-bniet f'kull wieħed minn dawn il-fora u netwerks;

15.  Iqis li aċċess għal broadband għal kulħadd, tal-inqas fi spazji pubbliċi, jtejjeb il-possibilitajiet għan-nisa li jużaw l-opportunitajiet diġitali u jżid il-possibilitajiet tagħhom li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, li għandhom jikkontribwixxu wkoll għal inklużjoni soċjali akbar u żviluppi pożittivi fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali u ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li testendi l-aġenda diġitali tagħha għal żoni rurali b'tali mod li l-ebda ċittadin ma jkun eskluż u iżolat, b'mod partikolari n-nisa, u l-opportunitajiet diġitali jkunu disponibbli għal kulħadd;

Is-suq tax-xogħol

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kumpaniji tat-TIK u industriji relevanti oħra, korpi rappreżentattivi u istituzzjonijiet ta' taħriġ, inkluż f'pożizzjonijiet ta' responsabilità, biex jissorveljaw u jsegwu mill-qrib il-progress li sar u biex jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sottorappreżentanza qawwija tan-nisa fis-settur tat-TIK, b'mod partikolari fost persuni f'pożizzjonijiet għoljin u fuq bords; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li d-Direttiva dwar ir-Rappreżentanza Ugwali ta' Nisa fuq Bordijiet Eżekuttivi tipprovdi opportunità reali biex tinbidel il-kultura minn ġewwa l-kumpaniji, u dan ikollu impatt fuq kull livell tal-ġerarkija, u għalhekk iħeġġeġ l-iżblukkar tad-Direttiva fil-Kunsill; ifakkar b'mod urġenti dwar ir-responsabilità tal-Kummissjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni li tista' tgħin biex jintemm l-istaġnar fil-Kunsill fir-rigward ta' leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza t-trasparenza u bilanċ akbar fir-reklutaġġ għal pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-distakk bejn is-sessi fis-settur tat-TIK billi jenfasizzaw l-argument favur id-diversità u billi joħolqu għadd ikbar ta' inċentivi aktar b'saħħithom kemm għall-kumpaniji kif ukoll għan-nisa, bħal pereżempju l-mudelli tar-rwol u l-mogħdijiet tal-karrieri, sabiex tiżdied il-viżibilità tan-nisa;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-protezzjoni soċjali tal-impjegati, u jiġġieldu lill-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi, u lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment, mekkaniżmi ġodda ta' protezzjoni adattati għall-iskemi ta' xogħol u ta' karriera influwenzati mid-diġitalizzazzjoni, billi tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa; jenfasizza l-importanza ta' ftehim kollettiv fil-livelli kollha speċjalment f'dawk il-oqsma li huma ferm affettwati mid-diġitalizzazzjoni sabiex ikun żgurat il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali u li tiġi salvagwardata l-kwalità tal-ispazju ta' ħidma u s-sigurtà tal-ispazju ta' ħidma fi żmenijiet ta' diġitalizzazzjoni; jinnota li jeħtieġ jinstabu l-kundizzjonijiet qafas ġenerali meħtieġa sabiex tkun salvagwardata l-protezzjoni tad-data personali tal-impjegati;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal sħiħ tal-flessibilità offruta mid-diġitalizzazzjoni fiż-żona ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u fl-istess ħin jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol teħtieġ adattament tal-politiki tas-suq tax-xogħol u sistemi ta' sigurtà soċjali bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni 'New start to address the challenges of work-life balance faced by working families'(Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi għal bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol li jiffaċċjaw il-familji li jaħdmu), biex jidentifikaw l-opportunitajiet u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni, f'dawk li huma kundizzjonijiet ta' xogħol u l-bżonn ta' adattament tal-post tax-xogħol, żvilupp ta' ħiliet u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal ħaddiema b'responsabilitajiet ta' kura; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu b'mod immirat fil-prattiki tax-xogħol diġitali sabiex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għal kulħadd;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja kollha kif ukoll it-taħriġ u l-iskemi li jgħinu biex jippreparaw għal adattament aħjar jew bidla potenzjali tal-mogħdija tal-karriera bi qbil mad-domanda li qed tikber għal ħiliet elettroniċi f'ħafna setturi differenti, b'kunsiderazzjoni speċjali tan-nisa li għandhom ta' 55 sena jew aktar biex jiġu mħarsa mill-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

22.  Jitlob, fil-kuntest tal-miżuri kollha adottati f'dan il-qasam, biex il-piż burokratiku fuq l-impriżi jinżamm baxx kemm jista' jkun; jirrimarka li burokrazija eċċessiva taf tipperikola l-aċċettazzjoni u twassal għat-telf ta' impjiegi u għar-rilokazzjoni ta' impjiegi; jilqa' l-kompromessi funzjonabbli u bbażati fuq konsensus milħuqa bejn iż-żewġ naħat tal-industrija fl-Istati Membri bi tradizzjoni soda ta' kodeterminazzjoni; iqis il-kodeterminazzjoni bħala mudell tal-aħjar prattika għall-ekonomiji Ewropej;

23.  Jinnota li d-differenzi bejn is-sessi f dak li hu salarju għadhom fost l-ikbar kwistjonijiet b'rabta mad-differenzi bejn is-sessi fis-settur tat-TIK, u jitlob għalhekk biex l-Istati Membri fl-aħħar jibdew jimplimentaw attivament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga indaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza u azzjoni pożittiva kontinwa, preferibbilment permezz ta' leġiżlazzjoni, u biex jintroduċu miżuri ta' trasparenza tas-salarji u valutazzjonijiet newtrali tal-ħidma; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-paga indaqs fl-inizjattiva ta' programm ta' ħidma 2016 "Bidu ġdid għall-ġenituri li jaħdmu", peress li d-differenzi fil-pagi jiżdiedu saħansitra iktar meta l-persuni jsiru ġenituri;

24.  Ifakkar li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa twassal għal differenza fil-pensjonijiet saħansitra ogħla; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti trid tkun garantita kif irrimarkat mill-President tal-Kummissjoni Juncker;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' taxxi u ta' benefiċċji li ma jiddiswadux lill-persuni li jkunu t-tieni sors ta' dħul milli jaħdmu jew milli jaħdmu aktar, peress li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu t-tieni sors ta' dħul, speċjalment fil-qasam tat-TIK;

26.  Jindika li d-differenza fil-pagi u fl-iżvilupp tal-karriera bejn in-nisa u l-irġiel għadha teżisti għan-nisa li jaħdmu fis-settur tat-TIK; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti qed jiġi mhedded anke jekk dan jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ġustizzja soċjali fis-suq tax-xogħol u għaldaqstant għandu jiġi protett fuq kull ħaġa oħra; itenni li l-inugwaljanzi m'għandhomx jitħallew jiġu stabbiliti fl-ekonomija diġitali fir-rigward tal-pagi indaqs u l-iżvilupp indaqs tal-karriera; jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-investimenti relatati fil-politiki tal-inklużjoni soċjali se jgħinu biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza l-importanza tan-negozjar kollettiv anke fl-ekonomija tas-suq diġitali għas-salvagwardja tal-kwalità u s-sigurtà tal-impjiegi fiż-żminijiet ta' diġitalizzazzjoni;

27.  Jilqa' l-bosta opportunitajiet u l-flessibilità akbar li toffri l-era diġitali lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi opportunitajiet għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ġenituri ta' tfal żgħar u persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni tax-xogħol flessibbli u s-sigurtà tal-impjieg li huwa prominenti fis-settur tat-TIK, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-isfidi l-ġodda marbuta ma' dan l-iżvilupp u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet adegwati ta' sigurtà soċjali; huwa favur "dritt ta' tifi" għall-ħaddiema barra mis-sigħat tax-xogħol miftiehma;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn prattiki ta' xogħol aktar flessibbli taf twassal ukoll għal forom ta' impjieg instabbli; jenfasizza li l-problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol, bħall-eżawriment ("burn-out"), ikkawżati mill-aċċessibbiltà kostanti jippreżentaw riskju serju; jirrakkomanda, għalhekk, konformità sħiħa mal-ħinijiet ta' mistrieħ preskritti għall-ħaddiema u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol fil-kuntratt ta' impjieg b'ħinijiet flessibbli, sabiex jinżammu l-limiti tal-ħin tax-xogħol kif definiti fil-liġijiet tax-xogħol tal-Istati Membri individwali;

Edukazzjoni u taħriġ

29.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-sessi fis-settur tal-edukazzjoni billi jiġi promoss il-litteriżmu diġitali u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK għall-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-inklużjoni ta' kodifikazzjoni, midja u teknoloġiji ġodda fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, kif ukoll, barra l-kurrikulu tal-edukazzjoni informali u mhux formali, u f'kull tip ta' edukazzjoni u taħriġ, inkluż fost l-għalliema, bl-għan li jitnaqqsu u jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali, u biex lill-bniet u ż-żgħażagħ nisa jitħeġġew jibdew karrieri fix-xjenzi u t-TIKs; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' riżorsi edukattivi, li jiżguraw aċċess aħjar għall-edukazzjoni għal kulħadd, u li jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tat-TIK;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu l-edukazzjoni tat-TIK skont l-età xierqa fl-istadji bikrija tal-iskejjel, b'enfasi partikolari fuq jispiraw lill-bniet biex jiżviluppaw l-interess u t-talent fil-qasam diġitali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni STEM tal-bniet minn età żgħira, peress li l-bniet jitbiegħdu mis-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika aktar kmieni waqt il-perkors edukattiv tagħhom minħabba l-isterjotipi tas-sessi madwar dawn is-suġġetti, nuqqas ta' mudelli ta' eżempju, u s-segregazzjoni ta' attivitajiet u ġugarelli, bir-riżultat li teżisti sottorappreżentanza ta' nisa f'dawn is-suġġetti fl-università, li testendi għall-post tax-xogħol; jenfasizza għaldaqstant li kemm l-isterjotipi tas-sessi u t-taħriġ diġitali għandhom jiġu indirizzati, billi wieħed jibda mis-sistema ta' edukazzjoni primarja u tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni sat-tagħlim għall-adulti u taħriġ għal dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja mmirati speċifikament lejn in-nisa anzjani tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u lil hinn minnha, b'mod partikolari għal dawk b'responsabilitajiet ta' kura u n-nisa li jieħdu pawża mill-karriera tagħhom jew qed jerġgħu jidħlu fil-post tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li ma jitħallewx jibqgħu lura fit-triq dejjem aktar mgħaġġel lejn id-diġitalizzazzjoni;

32.  Jinnota li l-edukazzjoni fit-teknoloġiji diġitali, it-TIK u l-kodifikazzjoni f'età bikrija huma partikolarment importanti fl-għoti ta' setgħa lill-bniet, l-inkoraġġiment tagħhom f'dan il-qasam u biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi; jenfasizza li ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fis-suġġetti STEM fl-edukazzjoni għolja hija l-qofol biex tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fis-settur diġitali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-distakk bejn is-sessi fis-settur tat-TIK billi joħolqu aktar inċentivi u strutturi ta' appoġġ għan-nisa, bħal mudelli, programmi ta' mentoring u karrieri, sabiex tiżdied il-viżibilità tan-nisa; jistieden, għalhekklill-Istati Membrijadattaw sistemi edukattivi, fejn meħtieġ, bl-għan li jippromovu t-tagħlim u l-interess fis-suġġetti STEM b'mod ġenerali u għall-istudenti nisa b'mod partikolari;

34.  Jenfasizza l-utilità tat-TIK, u b'mod aktar speċifiku, korsijiet ta' taħriġ online għall-bniet u n-nisa, imma wkoll għal persuni bi bżonnijiet speċjali, bħal dawk b'diżabilità, u persuni li jgħixu f'zoni rurali u f'żoni mbiegħda, kif ukoll il-possibilitajiet għal xogħol mid-dar, sabiex tittejjeb l-edukazzjoni fost dawn il-gruppi u jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom ta' indipendenza finanzjarja;

35.  Jinnota r-rwol importanti u l-potenzjal enormi li l-arti u d-disinn, l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, l-industriji kreattivi, u s-settur kulturali għandhom fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u fit-tressiq tagħhom lejn is-settur diġitali; jenfasizza għalhekk l-importanza li titwaqqaf rabta bejn is-suġġetti STEM u s-setturi ekonomiċi tal-edukazzjoni u l-arti, billi STEM issir STEAM;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-teknoloġiji diġitali bħala għodda biex jitnaqqsu d-differenzi fid-dħul fis-suq tax-xogħol fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja u tistabbilixxi standards għall-investiment pubbliku u privat fil-ħiliet bħala perċentwali tal-PDG;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tan-nisa f'setturi ta' negozju sterjotipikament ikkunsidrati bħala ‘maskili', bħal fil-każ tad-diġitalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-atturi kollha involuti fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni;

38.  Jilqa' l-"Kodiċi tal-aħjar prattika għan-nisa u t-TIK" u jitlob li tkun implimentata b'mod wiesa' u attiv; jilqa' t-twaqqif tal-"Gran Koalizzjoni għall-impjiegi diġitali" u jinkoraġġixxi l-kumpaniji involuti biex jagħtu attenzjoni speċjali fuq ir-reklutaġġ u l-opportunitajiet ugwali tal-karriera għan-nisa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw programmi mmirati għall-ġenituri sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mat-TIKs użati minn uliedhom, biex b'hekk jittejjeb l-għarfien tal-adulti ta' inkontri u relazzjonijiet potenzjali li jistgħu jseħħu online, u jitnaqqas id-distakk ġenerazzjonali li jeżisti fir-rigward is-settur tat-TIK;

40.  Jenfasizza l-importanza li jittejbu l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali biex jiġi faċilitat id-dħul fil-kumpaniji tat-TIK ta' nisa li għal diversi raġunijiet ma jkollhomx dawn il-ħiliet speċifiċi; jirrimarka li falliment f'dan ir-rigward iwassal għal żvantaġġ ulterjuri fir-rigward tal-aċċess għan-nisa f'dan is-settur; ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jipparteċipa fil-finanzjament ta' korsijiet ta' taħriġ ta' dan it-tip;

41.  Jenfasizza l-importanza li l-kodifikazzjoni, il-midja u t-teknoloġiji ġodda jiġu integrati fil-kurrikula edukattivi fil-livelli kollha u jinnota l-potenzjal tal-ħiliet diġitali biex inaqqsu l-ostakli għall-aċċess għad-dħul fis-suq tax-xogħol; jinnota l-importanza ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali sabiex jingħeleb id-distakk bejn il-ġeneri f'dan il-qasam;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-Istrateġija dwar Suq Uniku Diġitali, u iktar speċifikament fir-rigward tar-referenza għall-bini ta' soċjetà elettronika inklużiva, biex iżżid il-viżibilità tan-nisa fit-teknoloġija billi tagħti bidu għal professorat iddotat għan-nisa fit-TIK, tistabbilixxi proġett pilota dwar università Ewropea onlajn li speċifikament tiffoka fuq it-TIK u l-inġinerija teknika u tintroduċi programm ta' boroż ta' studju mfassla apposta għan-nisa fil-qasam tat-TIK u tal-midja ġdida;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lin-negozji, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-TIK permezz ta' ġbir ta' data mingħajr tqassim skont il-ġeneru rigward l-użu tat-TIK, jiġu żviluppati miri, indikaturi u punti ta' referenza sabiex jiġi segwit il-progress tal-aċċess tan-nisa għat-TIK u jiġu promossi eżempji tal-aħjar prattika fost il-kumpaniji tat-TIK;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom favur l-emanċipazzjoni tan-nisa f'setturi diġitali u t-TIK fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni tal-UE, permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni diġitali u l-iffaċilitar tal-intraprenditorija tan-nisa permezz ta' diversi strumenti, inklużi skemi ta' mikrofinanzjament u netwerks ta' appoġġ;

Intraprenditorija fl-investiment u fil-finanzjament

45.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu disponibbli fondi, itejbu l-aċċess għal fondi eżistenti u, jekk neċessarju, jagħmlu disponibbli fondi għal intraprendituri nisa biex joħolqu negozji ġodda relatati mat-TIK u startups diġitali, kif ukoll konsulenza u netwerks ta' skambju bejn il-pari, trawwim tal-innovazzjoni u investiment fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju xieraq u taħriġ lil nisa li jkunu jridu jibnu karriera fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, sabiex titħeġġeġ l-intraprenditorija tan-nisa f'dan is-settur;

46.  Isostni li, speċjalment fir-rigward tal-objettiv tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali ta' ħolqien ta' kundizzjonijiet adegwati għal ambjent tat-TIK innovattiv u kompetittiv u titjib għall-opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs u start-ups, l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament u għas-servizzi finanzjarji għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali; jinnota l-importanza ta' aċċess tan-nisa għall-mikrofinanzjament bl-intraprenditorija tan-nisa;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta mal-Aġenda Diġitali, timmonitorja u tevalwa bir-reqqa l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġittjar mill-perspettiva tal-ġeneri fil-kuntest tal-fondi tal-UE bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013) dwar il-fondi Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-kumitat ta' monitoraġġ ta' programmi ta' finanzjament sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet immirati li jsaħħu r-rwol tan-nisa fit-TIK; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li twettaq ibbaġittjar mill-perspettiva tal-ġeneri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-dimensjoni tas-sessi meta tkun qed tanalizza u tirrapporta dwar l-involviment fi sħubiji, b'rabta mal-Aġenda Diġitali;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tistabbilixxi programmi b'rabta mal-investiment fit-TIK permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inklużi kundizzjonijiet ta' kreditu favorevoli u self għall-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istart-ups fis-settur tat-TIK, li fih mill-inqas 40 % tal-forza tax-xogħol huma nisa;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi kultura ta' intraprenditorija diġitali għan-nisa, tippromwovi u tappoġġa finanzjarjament pjattaforma ta' netwerking u mentoraġġ Ewropea għan-nisa u ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tan-nisa fil-programmi eżistenti; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, kif ukoll lil kumpaniji, joħolqu politiki ta' diversità li jmorru lil hinn minn enfasi fuq ir-reklutaġġ ta' nisa sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-tmexxija;

51.  Jenfasizza r-rwol tal-intrapriża soċjali u ta' mudelli kummerċjali alternattivi, bħall-impriżi mutwi u l-kooperattivi, fl-emanċipazzjoni tan-nisa fl-intraprenditorija diġitali u biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa f'setturi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inizjattivi tal-intrapriża soċjali immirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet fit-TIK;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu aktar użu tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali biex jiġu appoġġati miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet diġitali fost in-nisa u l-bniet, il-promozzjoni tal-impjiegi tan-nisa fis-settur tat-TIK, u jżidu t-tixrid tad-diversi għażliet disponibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'dinja diġitalizzata

53.  Jitlob li ssir identifikazzjoni tal-isfidi dovuti għall-użu tat-TIK u l-Internet biex jitwettqu reati, isir theddid jew jitwettqu atti ta' fastidju jew vjolenza fuq in-nisa abbażi tal-misoġenija, l-omofobija jew it-transfobija jew kwalunkwe forma oħra ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod adegwat, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-gruppi ta' nisa b'bosta vulnerabilitajiet, u biex jiżguraw li hemm qafas fis-seħħ li jiggarantixxi li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jittrattaw reati diġitali b'mod effettiv, b'kont meħud ta' sfidi relatati mal-anonimità online u n-natura transkonfinali potenzjali ta' tali delitti u abbużi; jistieden lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi neċessarji għall-infurzar tal-liġi, jiġifieri l-implimentazzjoni ta' liġijiet eżistenti kontra l-vjolenza ċibernetika, l-istalking ċibernetiku, il-bullying, il-fastidju, u d-diskors ta' mibegħda;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob li jkun hemm sforzi akbar mill-Istati Membri biex iħarrku kwalunkwe reat kriminali omofobiku jew transfobiku li jsir online, kif ukoll japplikaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ f'dan ir-rigward u b'rabta mad-drittijiet tal-vittmi;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tindirizza s-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sessi fl-edukazzjoni u l-midja, bħala parti mid-Direttiva tat-Trattament Indaqs riformulata;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kodiċi ta' kondotta għall-komunikazzjonijiet tagħha stess u għall-komunikazzjoni tal-Aġenziji tal-UE għat-trawwim tal-emanċipazzjoni tan-nisa, u biex jingħelbu l-isterjotipi u s-sessiżmu u s-sottorappreżentanza tan-nisa u d-dikjarazzjonijiet foloz tagħhom;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu r-realtajiet mibdula tan-nisa u l-bniet, minħabba d-diġitalizzazzjoni, fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-kontrolluri tad-data jistgħu jużaw data sensittiva għal skopijiet limitati biss u taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jaqsmu ulterjorment tali data;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar is-salvagwardja ta' data sensittiva li tinsab f'komunikazzjonijiet onlajn jiġu osservati;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju għall-Infrastruttura Iktar Sikura tas-Servizzi Diġitali tal-Internet, iffinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jitlob lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għal linji ta' appoġġ għall-vittmi tal-bullying fuq l-internet; jenfasizza li l-bniet huma darbtejn iktar probabbli mis-subien li jkunu vittmi;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jipproteġu l-bniet minn reklamar fl-ambjent diġitali li jista' jħajjarhom li jġibu ruħhom bi ħsara għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni ġġedded u tespandi l-programm Internet Aktar Sikur, filwaqt li tagħti attenzjoni partikulari lill-kwistjoni tas-sessi bħala waħda mill-miżuri meħtieġa biex tiżdied is-sikurezza tal-bniet online;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tvara u tappoġġa l-litteriżmu elettroniku u programmi ta' taħriġ, kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni, biex b'hekk tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali tad-dinja diġitali u dwar kif jistgħu jiġu kkonfrontati fost il-partijiet relevanti konċernati, bħalma huma l-istudenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, l-għalliema, u l-professjonisti tal-infurzar tal-liġi u tal-qasam tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji kontra s-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sessi fil-midja soċjali u diġitali u tuża l-potenzjal tal-mezzi tax-xandir diġitali biex jiġu eliminati l-isterjotipi;

62.  Jilqa' l-proposta magħmula mill-Kummissjoni biex tintegra fl-Istrateġija tagħha għal wara l-2016 dwar it-Traffikar tal-Bnedmin dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-appoġġ għall-vittmi, ir-ritorn sikur u l-integrazzjoni mill-ġdid, kif ukoll ir-rwol tal-internet; jenfasizza li l-fenomeni ta' fastidju ċibernetiku u cyber-stalking għandhom jiġu indirizzati wkoll;

63.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi u fondi għall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ikunu jistgħu jwettqu riċerka u ġbir ta' data dwar kif is-servizzi diġitali jistgħu jiġu użati u sfruttati aħjar għall-benefiċċju tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

64.  Jitlob lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'mod konkret biex jikkumbattu l-użu tat-TIK biex jitwettqu reati relatati mat-traffikar tal-bnedmin, il-fastidju ċibernetiku u s-cyber-stalking, peress illi ta' spiss huma ta' natura transfruntiera u wkoll peress li l-koordinazzjoni fuq livell tal-UE hija vitali biex issir il-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid u potenzjalment jirrevedu l-liġi kriminali tagħhom biex jiżguraw li forom ġodda ta' vjolenza diġitali huma definiti u rikonoxxuti b'mod ċar , u sabiex jiġi żgurat li l-mezzi adatti ta' prosekuzzjoni jkunu fis-seħħ; jistieden lill-Istati Membri jadottaw portali ta' rapportar sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-post sikur u kunfidenzjali online għalihom fejn jistgħu jirrappurtaw fastidju minn utenti tal-internet; jitlob li l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol ikopru dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-taħriġ u l-bini ta' ħiliet għall-appoġġ tal-vittmi fi kwistjonijiet diġitali, fost il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, kif ukoll appoġġ psikoloġiku huma u għaddejja kawżi quddiem il-qrati b'rabta ma' din il-kwistjoni;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji kemm jista' jkun malajr il-passi meħtieġa għar-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-UE li tikkunsidra l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex ittemm u tipprevjeni l-vjolenza fuq in-nisa fl-Istati Membri kollha, u jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija strumentali biex tiġi eradikata l-vjolenza fuq in-nisa, inklużi forom diġitali ta' vjolenza, peress li din tintroduċi definizzjonijiet ġuridiċi armonizzati u modi ta' prosekuzzjoni ta' reati li huma ffaċilitati permezz tat-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-istalking;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, Strateġija Ewropea dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru li tinkludi strument leġiżlattiv, u tittratta b'mod determinat forom ġodda ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħalma huma l-bullying ċibernetiku, l-użu ta' immaġnijiet degradanti online, id-distribuzzjoni online fuq il-midja soċjali ta' ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti, eċċ.;

67.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-monitoraġġ tas-seduzzjoni sesswali (grooming) fuq l-internet minn gruppi terroristiċi li jirreklutaw lin-nisa żgħażagħ u jġiegħluhom jidħlu fiż-żwieġ jew fil-prostituzzjoni f'pajjiżi terzi;

º

º  º

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

27.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali

(2015/2007(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jutta Steinruck

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-"European Code of Best Practices for Women and ICT" ("Il-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għan-Nisa u l-ICT") tal-Kummissjoni, tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tagħha tal-2012, bit-titlu "Women in ICT" ("In-Nisa fl-ICT"),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tagħha tal-2015, bit-titlu "Empowering women on the Internet"("L-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fuq l-Internet"),

A.  billi 20 % biss minn 2.7 miljun persuna li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma nisa; billi n-nisa huma sottorappreżentati fil-livelli kollha tas-settur tal-ICT, speċjalment f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

B.  billi l-Kummissjoni tistma li d-dħul ta' aktar nisa fis-suq tax-xogħol diġitali jista' joħloq spinta annwali ta' EUR 9 biljun fil-PDG fiż-żona tal-UE;

C.  billi skont l-estimi tal-istudju "Women active in the ICT sector" ("Nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT") se jkun hemm 900 000 impjieg vakanti fis-settur tal-ICT fl-Ewropa sal-2020; billi s-settur tal-ICT qed jikber b'pass mgħaġġel, u joħloq madwar 120 000 impjieg ġdid kull sena;

D.  billi l-għadd baxx ta' nisa u bniet f'edukazzjoni relatata mal-ICT u, aktar tard, f'impjiegi f'dan is-settur hija r-riżultat, fost fatturi oħra, ta' interazzjoni kumplessa ta' sterjotipar tas-sessi li jibda fl-istadji bikrija tal-ħajja u tal-edukazzjoni u jkompli fl-istadju tal-karriera professjonali;

E.  billi l-fatturi li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni iktar baxxa tan-nisa u l-bniet fl-edukazzjoni u fl-impjiegi fis-settur tal-ICT huma bosta u jvarjaw bejn l-Istati Membri, u jiddependu minn kemm ikunu qed jiġu indirizzati b'mod progressiv kwistjonijiet bħalma huma l-istereotipi tas-sessi, u s-segregazzjoni b'mod ġenerali, kif ukoll in-nuqqas relattiv ta' mudelli tar-rwol femminili fis-settur tal-ICT u l-viżibbiltà limitata tan-nisa f'dan is-settur, speċjalment f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, b'mod partikolari;

F.  billi s-settur tal-ICT hu karatterizzat minn segregazzjoni kemm vertikali kif ukoll orizzontali, li hija jerġa' ta' grad ogħla minn ta' setturi oħra, kif ukoll distakk bejn il-kwalifiki edukattivi tan-nisa u l-pożizzjoni tagħhom fis-settur tal-ICT; billi l-maġġoranza (54 %) tan-nisa impjegati fis-settur tal-ICT jokkupaw pożizzjonijiet b'pagi baxxi u b'livell baxx ta' ħiliet, u li minoranza żgħira (8 %) biss minnhom għandhom pożizzjonijiet ta' inġiniera tas-software b'livell għoli ta' ħiliet; billi n-nisa huma sottorappreżentati anke fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan dan is-settur fejn 19.2 % biss tal-ħaddiema tas-settur tal-ICT għandhom kapijiet nisa, waqt li f'setturi oħra, ir-rata ta' kapijiet nisa hi ta' 45.2 %;

G.  billi ntwera li x-xogħol flessibbli jista' jgħin lin-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, il-korpi rappreżentattivi u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ, biex jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u biex jissorveljaw mill-qrib il-bidliet u t-tendenzi; jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-progress li għad irid isir u jikkondividu l-aħjar prattiki fi ħdan u bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-data attwali dwar il-ħaddiema nisa fis-settur tal-ICT u tivvaluta l-impatt ekonomiku ta' għadd ikbar ta' nisa f'dan is-settur;

2.  Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi biex jiżdied il-proporzjon ta' maniġers nisa fl-UE; jinnota li għandhom jiġu kkunsidrati inizjattivi leġiżlattivi biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri jekk ġeneru wieħed ikun strutturalment żvantaġġjat f'post tax-xogħol u qed ikun imċaħħad mill-possibilità ta' awtorealizzazzjoni; jenfasizza li l-kumpaniji jgawdu suċċess ikbar kemm-il darba jkun hemm diversità tal-ġeneri fit-timijiet tagħhom; jenfasizza li kwalunkwe obbligu tal-kwota għandu jqis id-daqsijiet differenti tal-intrapriżi u s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-distakk bejn is-sessi fis-settur tal-ICT billi jenfasizzaw l-argument favur id-diversità u billi joħolqu għadd ikbar ta' inċentivi aktar b'saħħithom kemm għall-kumpaniji kif ukoll għan-nisa, bħal pereżempju l-mudelli tar-rwol u l-mogħdijiet tal-karrieri, sabiex tiżdied il-viżibilità tan-nisa; jilqa' l-inizjattivi eżistenti mill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi strutturi ta' netwerks u programmi ta' mentoring li jippromwovu arena diġitali inklużiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżblukkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet u jippruvaw jaslu għal ftehim biex itejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġers mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża, u jespandu l-ambitu tagħha għad-diretturi kollha; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri li jippromovu l-progressjoni tal-karrieri tan-nisa fil-livelli kollha tat-tmexxija fi ħdan il-kumpaniji permezz ta' azzjonijiet pożittivi;

4.   Jitlob, fil-kuntest tal-miżuri kollha adottati f'dan il-qasam, biex il-piż burokratiku fuq l-impriżi jinżamm baxx kemm jista' jkun; jirrimarka li l-ammonti eċċessivi ta' burokrazija jafu jipperikolaw l-aċċettazzjoni u jwasslu għat-telf ta' impjiegi u għar-rilokazzjoni ta' impjiegi; jilqa' l-kompromessi funzjonabbli u bbażati fuq konsensus milħuqa bejn iż-żewġ naħat tal-industrija fl-Istati Membri bi tradizzjoni soda ta' kodeterminazzjoni; iqis il-kodeterminazzjoni bħala mudell tal-aħjar prattika għall-ekonomiji Ewropej;

5.  Jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni tħalli impatt sostanzjali fuq is-suq tax-xogħol billi timmodifika d-dinamiżmu tal-impjieg u toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjiegi kif ukoll kundizzjonijiet aktar flessibbli tax-xogħol bħat-telexogħol, li jista' jservi ta' għodda għal rikonċiljazzjoni aħjar bejn id-dmirijiet professjonali u dawk domestiċi kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom, fejn meħtieġ, bl-għan li jippromovu t-tagħlim u l-interess fl-hekk imsejħa suġġetti STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) b'mod ġenerali u għall-istudenti nisa b'mod partikolari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti professorati sussidjati għan-nisa fl-ICT biex jinħolqu mudelli tar-rwol għat-tfajliet u n-nisa f'dan il-qasam;

7.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-impjieg tan-nisa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-Objettivi ta' Barċellona u l-importanza ta' servizz tal-kura tat-tfal aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq għar-rata tal-impjieg tan-nisa; jenfasizza li l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel huma fil-qalba tal-politika tal-ugwaljanza;

8.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' taxxi u ta' benefiċċji li ma jiddiswadux lill-persuni li jkunu t-tieni sors ta' dħul milli jaħdmu jew milli jaħdmu aktar, peress li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu t-tieni sors ta' dħul, speċjalment fil-qasam tal-ICT;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe finanzjament tal-UE għal-litteriżmu diġitali tan-nisa ikun sorveljat mill-qrib, b'mod kostanti u kontinwu sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin, u tiżgura li dan il-finanzjament jitħaddem b'mod effettiv;

10.  Jitlob li jsir skambju regolari tal-aħjar prattiki fost il-partijiet konċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri fl-Aġenda Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tintegra dimensjoni soċjali, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, kemm fl-Aġenda Diġitali kif ukoll fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fl-inizjattiva tal-programm ta' ħidma tagħha tal-2016 "New start for working parents" ("Bidu ġdid għall-ġenituri li jaħdmu");

11.  Jilqa' l-"European Code of Best Practices for Women and ICT" ("Il-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għan-Nisa u l-ICT") u jitlob li jkun implimentat b'mod wiesa' u aktar effettiv; jilqa' t-twaqqif tal-"Gran koalizzjoni għall-impjiegi diġitali" mal-Ewropa kollha, u jħeġġeġ lill-kumpaniji involuti jiffukaw b'mod partikolari fuq ir-reklutaġġ u l-opportunitajiet tal-karriera indaqs għan-nisa; jenfasizza l-kontribut li jistgħu jagħmlu dawn l-inizjattivi biex jittaffa n-nuqqas ta' ħiliet f'ħafna Stati Membri;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw forom ġodda ta' impjiegi, speċjalment għan-nisa, fl-era diġitali, u jieħdu miżuri għall-aktar gruppi vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u l-protezzjoni soċjali tal-impjegati sabiex jiġġieldu lill-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; jenfasizza li jeħtieġ li jinstabu forom ġodda ta' protezzjoni soċjali biex jiġu riflessi l-forom ġodda ta' xogħol, il-fatt li n-nisa diġà esperjenzaw nuqqasijiet fis-sigurtà soċjali fir-rigward ta' forom ġodda ta' xogħol u li din l-esperjenza jeħtieġ tiġi meqjusa fis-sejbien ta' soluzzjonijiet adegwati;

13.  Jirrikonoxxi l-potenzjal li għandha d-diġitalizzazzjoni għall-intraprenditorija u jenfasizza l-importanza li jiġu provduti l-istrutturi ta' finanzjament meħtieġa għall-impriżi relatati mal-ICT u n-negozji diġitali ġodda, b'mod partikulari t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-intraprendituri nisa;

14.  Jindika li d-differenza fil-pagi u fl-iżvilupp tal-karriera bejn in-nisa u l-irġiel għadha teżisti għan-nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT; jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol biex jiġu żgurati pagi ġusti qed jiġi mhedded anke jekk dan jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ġustizzja soċjali fis-suq tax-xogħol u għaldaqstant għandu jiġi protett fuq kull ħaġa oħra; itenni li l-inugwaljanzi m'għandhomx jitħallew jiġu stabbiliti fl-ekonomija diġitali fir-rigward tal-pagi indaqs u l-iżvilupp indaqs tal-karriera; jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-investimenti relatati fil-politiki tal-inklużjoni soċjali se jgħinu biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza l-importanza tan-negozjar kollettiv anke fl-ekonomija tas-suq diġitali għas-salvagwardja tal-kwalità u s-sigurtà tal-impjiegi fiż-żminijiet ta' diġitalizzazzjoni;

15.  Jinnota li minkejja l-modi li bihom inbidlet is-soċjetà, l-istrutturi għadhom ma ġewx aġġustati biżżejjed u ma jippermettux lin-nisa jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn il-bidliet;

16.  Jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni fis-suq tax-xogħol tbiddel in-natura tax-xogħol u r-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi u l-impjegati, fosthom il-possibilitajiet u l-flessibilità tal-organizzazzjoni tax-xogħol; jenfasizza li dawn l-opportunitajiet ġodda jeħtieġu rikunsiderazzjoni u ridefinizzjoni tat-termini bħall-post u l-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol; jenfasizza li d-drittijiet tax-xogħol tal-impjegati ggarantiti permezz tal-liġijiet tax-xogħol tal-Istati Membri għandhom ikunu salvagwardjati indipendentement mix-xogħol li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni;

17.  Jilqa' l-bosta opportunitajiet u l-flessibilità akbar li toffri l-era diġitali lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi opportunitajiet għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ġenituri ta' tfal żgħar u persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni fir-rigward tax-xogħol flessibbli u s-sigurtà tal-impjieg li huwa prominenti fis-settur tal-ICT, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-isfidi l-ġodda marbuta ma' dan l-iżvilupp u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet adegwati ta' sigurtà soċjali; huwa favur "dritt ta' tifi" għall-ħaddiema barra mis-sigħat tax-xogħol miftiehma;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn prattiki ta' xogħol aktar flessibbli taf twassal ukoll għal forom ta' impjieg instabbli; jenfasizza li l-problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol, bħall-eżawriment ("burn-out"), ikkawżati mill-aċċessibbiltà kostanti jippreżentaw riskju serju; jirrakkomanda, għalhekk, konformità sħiħa mal-ħinijiet ta' mistrieħ preskritti għall-ħaddiema u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol fil-kuntratt ta' impjieg b'ħinijiet flessibbli, sabiex jinżammu l-limiti tal-ħin tax-xogħol kif definiti fil-liġijiet tax-xogħol tal-Istati Membri individwali;

19.  Jirrimarka li d-domanda għal ħiliet ġodda, b'mod partikolari fil-qasam tal-ICT, jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta' taħriġ kif ukoll permezz ta' edukazzjoni ulterjuri, miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u tagħlim tul il-ħajja, fl-interess tal-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali u l-indirizzar tad-distakk eżistenti bejn il-ġeneri sabiex jitkabbar il-grupp ta' kandidati bi kwalifiki għolja; jenfasizza l-importanza li jittejbu l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali biex jiġi faċilitat id-dħul fil-kumpaniji tal-ICT ta' nisa li għal diversi raġunijiet ma jkollhomx dawn il-ħiliet speċifiċi; jirrimarka li falliment f'dan ir-rigward iwassal għal żvantaġġ ulterjuri fir-rigward tal-aċċess għan-nisa f'dan is-settur; ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jipparteċipa fil-finanzjament ta' korsijiet ta' taħriġ ta' dan it-tip;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' tagħlim elettroniku biex jiġi użat b'mod aktar intensiv bħala mezz biex in-nisa b'mobilità mnaqqsa jiksbu l-kwalifiki u l-ħiliet;

21.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-ħiliet tal-ICT minn età żgħira u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-bniet jiġu mħeġġa jieħdu korsijiet tal-ICT matul l-edukazzjoni kollha tagħhom; jirrakkomanda li l-litteriżmu diġitali jiżdied mal-korsijiet ta' taħriġ tradizzjonali fejn meħtieġ; jenfasizza l-fatt li xi Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja, l-Iżvezja) bdew politiki li jinkoraġġixxu bilanċ pożittiv bejn il-ġeneri fil-professjonijiet tal-ICT fl-Ewropa, u li dawn il-politiki primarjament jimmiraw lejn il-promozzjoni ta' studji u mogħdijiet ta' karrieri relatati mal-ICT għat-tfajliet u n-nisa minn età żgħira; jenfasizza l-importanza ta' tagħlim aċċessibbli tal-ICT u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lin-nisa minn kull sfond ekonomiku jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fl-ICT permezz ta' apprendistati u traineeships kompletament finanzjati;

22.  Hu tal-fehma li nisa li jkollhom aktar minn 55 sena għandhom possibilità akbar li jkollhom ħiliet elettroniċi deprezzati minħabba n-nuqqas ta' tagħlim tul il-ħajja u li d-diġitalizzazzjoni tikkostitwixxi ostaklu importanti għall-persuni li jfittxu xogħol li jkunu ikbar fl-età li jkollhom ħiliet elettroniċi limitati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja kollha kif ukoll it-taħriġ u l-iskemi li jippreparaw għal adattament aħjar jew bidla potenzjali tal-mogħdija tal-karriera skont id-domanda li qed tikber għal ħiliet elettroniċi f'ħafna setturi differenti, b'kunsiderazzjoni speċjali tan-nisa li għandhom aktar minn 55 sena biex jiġu mħarsa mill-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex jattiraw ħafna aktar nisa lejn karrieri fis-settur diġitali; jenfasizza l-importanza li n-nisa jingħataw is-setgħa u li jsir użu sħiħ mill-potenzjal u mit-talenti tagħhom sabiex jimlew l-impjiegi vakanti u jinkludu n-nisa fis-settur tal-ICT, sabiex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea u lill-opportunitajiet ta' impjieg tan-nisa; jenfasizza l-importanza li l-kodifikazzjoni, il-midja u t-teknoloġiji ġodda jiġu integrati fil-kurrikula edukattivi fil-livelli kollha u jinnota l-potenzjal tal-ħiliet diġitali biex inaqqsu l-ostakli għall-aċċess għad-dħul fis-suq tax-xogħol; jinnota l-importanza ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali sabiex jingħeleb id-distakk bejn il-ġeneri f'dan il-qasam.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Evelyn Regner, Michaela Šojdrová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Czesław Hoc, Anneli Jäätteenmäki

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

18.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Rosa Estaràs Ferragut, Arne Gericke, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Dubravka Šuica, Marc Tarabella, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mike Hookem

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ALDE

Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Angelika Mlinar

EFDD

Daniela Aiuto

GUE/NGL

Malin Björk, Kostadinka Kuneva, João Pimenta Lopes

PPE

Rosa Estaràs Ferragut, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elisabeth Köstinger, Constance Le Grip, Angelika Niebler, Dubravka Šuica

S&D

Maria Arena, Biljana Borzan, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Mary Honeyball, Maria Noichl, Marc Tarabella

VERTS/ALE

Terry Reintke, Jordi Sebastià, Monika Vana

6

-

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

EFDD

Mike Hookem

PPE

Marijana Petir, Anna Záborská

1

0

PPE

Michaela Šojdrová

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0312.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(4)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0074.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0377.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p 320.

(8)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(9)

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/women-active-ict-sector

Avviż legali