Proċedura : 2015/2127(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0050/2016

Testi mressqa :

A8-0050/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 16
CRE 27/04/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.64
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0200

RAPPORT     
PDF 771kWORD 262k
8.3.2016
PE 565.145v02-00 A8-0050/2016

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Georgi Pirinski

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2014 u r-Rapport Statistiku tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar is-Sostenibbiltà, ir-Rapport tal-2014 dwar valutazzjoni fuq 3 pilastri għall-operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE u r-Rapport tal-2014 dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI għas-sena 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2014 dwar Attivitajiet Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2014-2016 (is-17 ta' Diċembru 2013), il-Pjan Operazzjonali Korporattiv tal-FEI għall-2014-2016 (Diċembru 2013) u l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (il-21 ta' April 2015),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika għat-Trasparenza tal-BEI fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-2014 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tat-TFUE dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(3) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013 u d-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (b'rabta mal-fażi pilota għall-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 li jirreferu espliċitament għall-involviment tal-BEI f'fond ġdid immirat lejn investimenti biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u jiġu modernizzati sistemi tal-enerġija fl-Istati Membri bi dħul iktar baxx,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2015)0361/2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0050/2016),

A.  billi l-kompitu ewlieni tal-BEI bħala l-bank tal-UE huwa li jappoġġa finanzjarjament proġetti fl-interess tal-Unjoni li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat tas-suq intern u għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u b'hekk jissaħħu l-integrazzjoni Ewropea, apparti l-impjiegi, u għalhekk huwa estremament importanti biex jagħti spinta lill-kompetittività tal-Unjoni;

B.  billi l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-BEI għandhom ikunu konsistenti mat-Trattati tal-UE u l-objettivi ġenerali tal-UE u l-oqsma ta' prijorità, kif definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

C.  billi, bil-għan li jwettaq il-kompitu tiegħu, il-BEI għandu jagħti self u garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta' proġetti fis-setturi kollha tal-ekonomija, filwaqt li jopera fuq bażi ta' mingħajr qligħ;

D.  billi b'riżultat tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-2008 tfaċċa distakk serju fl-investiment u livelli estremi ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-prospettiva ta' staġnar fit-tul tal-ekonomija Ewropea;

E.  billi mill-2008 'l hawn il-funzjonament tal-UE bħala ''magna ta' konverġenza'' waqaf u saħansitra beda sejjer lura, bir-riżultat li kien hemm żieda serja fid-diverġenzi eżistenti bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri u tfaċċaw ukoll inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi dejjem akbar fl-Unjoni kollha li qed ixekklu l-irkupru ekonomiku u jippreġudikaw dejjem aktar il-koeżjoni soċjali;

F.  billi fil-preżent kemm l-Istati Membri individwali u kemm l-UE inġenerali qed iħabbtu wiċċhom ma' sfida kbira mingħajr preċedent fl-istorja kollha tal-UE, li jimmaniġġjaw flussi tal-massa ta' migranti minn reġjuni differenti fid-dinja;

G.  billi fiċ-ċirkustanzi preżenti r-rwol ċentrali tal-BEI issa huwa kkaratterizzat minn grad ta' urġenza ġdid fuq bażi kwalitattiva għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u għall-operazzjoni effiċjenti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), bħala l-mezz prinċipali biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu impjiegi deċenti u jingħelbu l-qasmiet soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni;

H.  billi l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għandu rwol kruċjali fir-rispons tal-Grupp tal-BEI għal dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-konsegwenzi aktar fit-tul tal-kriżi, u jikkontribwixxi wkoll għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea permezz tal-appoġġ lill-SMEs;

I.  billi l-BEI m'għandux ikun biss istituzzjoni finanzjarja iżda wkoll bank ta' għarfien u prattiki tajba, li jagħti parir lill-Istati Membri u l-partijiet interessati ekonomiċi u jikkontribwixxi biex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tal-fondi tal-UE;

J.  billi l-finanzjament tal-operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE huwa mfassal b'mod li jappoġġa l-objettivi tal-politika esterna tal-UE, skont il-valuri tal-Unjoni u abbażi tar-rispett għal standards soċjali u ambjentali sostenibbli;

K.  billi l-iskala u l-kumplessità tal-kompiti li qed iħabbat wiċċu magħhom il-BEI fil-preżent, jappellaw għal impenn imġedded biex jiġi evitat strettament il-finanzjament ta' proġetti li jiksru l-istandards bażiċi ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u b'hekk issir ħsara lill-kredibbiltà tal-BEI bħala istituzzjoni finanzjarja pubblika bi klassifikazzjoni AAA u reputazzjoni inkontestabbli;

Il-programm ta' investiment tal-BEI li jsostni l-għanijiet ta' politika tal-UE

Nagħtu prijorità lill-investimenti biex jitħaffef l-irkupru u tissaħħaħ il-produttività

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapporti Annwali għall-2014 tal-BEI u l-kisbiet li kellu ppreżentati fih, u jħeġġeġ lill-BEI sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu biex jiżdied il-livell baxx ta' investiment fl-UE;

2.  Jilqa' b'mod partikolari l-fatt li fl-2014 il-BEI ffinanzja 285 000 intrapriża żgħira u ta' daqs medju, b'hekk issalvagwardja 3.6 miljun impjieg, u ffirma kuntratti għal total ta' 413-il proġett fi ħdan l-UE b'valur ta' EUR 69 biljun u 92 proġett ġdid barra mill-UE għal total ta' EUR 7.98 biljun; jilqa' l-fatt li fl-istess sena l-FEI impenja EUR 3.3 biljun permezz tal-attivitajiet ta' ekwità u ta' garanzija tiegħu għall-benefiċċju ta' negozji iżgħar, u b'hekk irreġistra l-implimentazzjoni b'suċċess ta' wieħed mill-aktar pjanijiet ta' negozju ambizzjużi tal-BEI, b'total ta' EUR 80.3 biljun f'finanzjament tal-Grupp tal-BEI; jilqa' l-fatt li l-volum ta' firem miksuba mill-BEI fl-2014 kien fl-ogħla livell tiegħu mill-2009 'l hawn, iżda jenfasizza li l-livelli ta' firem għandhom potenzjal ogħla; jappoġġa ż-żieda fil-kapital tal-BEI b'EUR 10 biljuni li ntlaħaq qbil dwarha fl-2012 mill-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lill-BEI jipprovdi aktar appoġġ tekniku fl-istadju ta' qabel l-approvazzjoni lil dawk l-Istati Membri li għandhom rata ta' suċċess aktar baxxa għall-approvazzjoni tal-proġetti, u jinkoraġġixxi lill-BEI jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp b'suċċess tal-proġetti;

4.  Jistieden lill-BEI jiffoka fuq l-investimenti fl-ekonomija reali sabiex jistimula l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

5.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rati għoljin ferm ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-BEI jikkunsidra din is-sitwazzjoni meta jimplimenta l-politiki tiegħu;

6.  Jinnota li l-operazzjonijiet, filwaqt li jittieħed kont tad-disponibbiltà tal-fondi, għandhom jiġu mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta' investimenti li jsaħħu l-irkupru ekonomiku u l-impjiegi produttivi, u akkumpanjati minn appoġġ konsistenti lill-Istati Membri bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' assorbiment fejn meħtieġ, kif ukoll minn impenn kontinwu biex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali;

7.  Jinnota li kapaċità insuffiċjenti ta' ġenerazzjoni ta' proġetti fis-setturi pubbliċi u privati u livelli baxxi ta' kapaċità ta' self f'xi Stati Membri, flimkien mal-kundizzjonijiet tas-suq attwali jippreżentaw sfidi sinifikanti għall-programm ta' self tal-BEI; iħeġġeġ lill-BEI għaldaqstant biex iżid sostanzjalment l-assistenza teknika u l-konsulenza finanzjarja tiegħu fl-oqsma ewlenin kollha ta' attività, u dan fuq bażi faċilment aċċessibbli u fir-rigward tal-Istati Membri kollha sabiex jintlaħaq livell ħafna ogħla ta' kapaċità li tiġġenera t-tkabbir;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-Qafas ta' Valutazzjoni fuq Tliet Pilastri (3PA) u l-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (ReM) mill-BEI għall-valutazzjoni ex ante tar-riżultati mistennija mill-proġetti ta' investiment, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;

9.  Jistieden lill-BEI biex fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġetti jagħti prijorità deċiżiva lill-effett fit-tul tal-investimenti, fir-rigward mhux biss tal-indikaturi finanzjarji iżda wkoll, u fuq kollox, lill-kontribut tagħhom lejn l-iżvilupp sostenibbli u kwalità ta' ħajja aħjar permezz ta' titjib ulterjuri fil-qasam tal-impjiegi, l-istandards soċjali u l-ambjent;

10.  Jenfasizza li l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proġett għandha tkun ibbażata fuq analiżi finanzjarja u tar-riskju xierqa, il-vijabbiltà finanzjarja u l-ġestjoni baġitarja tajba; iqis li l-proġetti approvati għall-finanzjament tal-BEI għandhom joffru valur miżjud ċar għall-ekonomija Ewropea;

11.  Jiddispjaċih li fir-Rapport 3PA ma hemm l-ebda informazzjoni ppreżentata, kemm jekk ibbażata fuq 3PA jew għodod rilevanti oħra, dwar ir-riżultati reali miksuba minn operazzjonijiet imwettqa ġewwa l-UE fl-2014 (f'kuntrast mar-riżultati miksuba barra l-UE), minkejja l-fatt li t-3PA huwa mfassal bil-għan speċifiku li jsaħħaħ il-kapaċità tal-BEI li jimmonitorja l-implimentazzjoni billi jsegwi l-impatti tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett; jistenna li b'riżultat tal-armonizzazzjoni li għaddejja bejn it-3PA u r-ReM se jiġi stabbilit qafas armonizzat ġdid fil-bidu tal-2016 li jkun aktar adattat għall-valutazzjoni ex post u r-rappurtar ta' riżultati tal-proġetti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE u kompletament konformi mat-tabella ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet tal-FEIS, u li se jintuża għall-eżerċizzju ta' rappurtar tal-2015 tal-BEI; jappella biex il-valutazzjonijiet tal-proġetti individwali jiġu ppubblikati fuq bażi sistematika;

12.  Jieħu nota tal-Pjan Operazzjonali tal-BEI għall-2015-2017; jilqa' l-fatt li dan jirrikonoxxi li l-veloċitajiet ta' rkupru jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li stabbilixxa l-koeżjoni ekonomika u soċjali bħala objettiv tal-politika trasversali;

13.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-BEI rristruttura l-klassifikazzjoni tal-Għanijiet ta' Politika Pubblika (PPGs) prinċipali tiegħu għall-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (l-innovazzjoni u l-kapital uman, l-SMEs u l-finanzjament għal kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura effiċjenti u l-ambjent) b'mod li huwa differenti mill-formulazzjoni tal-PPGs tiegħu għall-2014-2016 (żieda fil-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, u l-azzjoni klimatika); jinnota li l-PPGs ġew allinjati għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed jevolvu, u jistieden f'dan ir-rigward lill-BEI jiżgura li jissaħħu ulterjorment iż-żewġ għanijiet trasversali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE u għall-azzjoni klimatika, flimkien mal-persentaġġ previst ta' firem li jikkontribwixxu għalihom;

14.  Iqis madankollu li l-preżentazzjoni tal-attivitajiet tal-BEI fir-Rapport tal-Attività tal-2014 mhijiex kompletament konsistenti mal-PPGs għall-2014; jiddispjaċih barra minn hekk dwar in-nuqqas ta' informazzjoni b'rabta mar-riżultati miksuba mid-diversi strumenti finanzjarji tal-BEI u l-inizjattivi li kienu fis-seħħ fl-2014; jirrakkomanda li, biex jikkomunika l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, il-BEI m'għandux jiffoka primarjament fuq il-volum tal-investimenti magħmula iżda pjuttost fuq l-effett tagħhom;

15.  Jistenna li l-BEI jikkontribwixxi għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jippreżenta informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri tal-istrateġija;

16.  Jistieden lill-BEI jikkunsidra jfassal fl-2015 rapport aktar komprensiv u analitiku dwar l-attivitajiet annwali tiegħu li joffri sommarju adegwat tal-informazzjoni mir-rapporti tematiċi tiegħu u li jikkorrispondi iżjed bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tal-Istatut tal-BEI;

17.  Jilqa' l-informazzjoni ġdida pprovduta mid-dokument ta' ħidma dwar l-istrumenti finanzjarji li jakkumpanja l-abbozz tal-baġit; jiddispjaċih madankollu li ma ngħatatx stampa ġenerali tal-impenji u l-pagamenti annwali lill-BEI u jistenna aktar informazzjoni;

18.  Jenfasizza li l-investiment, ir-riformi strutturali u l-politiki baġitarji tajba jridu jagħmlu parti minn strateġija globali;

Nippromwovu l-impjiegi taż-żgħażagħ, l-innovazzjoni u l-SMEs

19.  Jilqa' l-implimentazzjoni fl-2014 tal-inizjattiva tal-BEI ''Ħiliet u Impjiegi – Investiment fiż-Żgħażagħ'', u jħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvesti fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi għaż-żgħażagħ; jistieden lill-BEI jirrapporta b'mod komprensiv dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-inizjattiva tiegħu ''Investiment fiż-Żgħażagħ'', inkluż permezz tal-użu ta' indikatur bħal pereżempju l-impjiegi sostenibbli li jirriżultaw minn operazzjonijiet speċifiċi;

20.  Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' firxa ġdida ta' prodotti fil-qafas ta' InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi, miftuħa għal innovaturi ta' kull daqs, kif ukoll it-tnedija tas-servizz ta' konsulenza ta' InnovFin għal proġetti kbar ta' R&Ż; jieħu nota wkoll tat-tnedija fl-2014 tal-Mandat il-ġdid ta' Titjib tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI;

21.  Jinnota li fl-2014 il-Bank iffirma total ta' 225 operazzjoni fi ħdan l-UE għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħiliet (62 operazzjoni ta' innovazzjoni u R&Ż għal EUR 9.6 biljun u 25 operazzjoni tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet għal EUR 4.4 biljun) u għal SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (138 operazzjoni għal EUR 22.2 biljun);

22.  Jieħu nota taż-żieda fil-kapital tal-FEI ta' EUR 1.5 biljun fl-2014, u l-investiment rekord tiegħu biex jipprovdi finanzjament ta' riskju lill-SMEs fl-ammont ta' EUR 3.3 biljun, li wassal għal ingranaġġ ta' EUR 14-il biljun f'kapital; jitlob li fir-Rapport Annwali tal-BEI tiġi inkluża ħarsa ġenerali komprensiva u trasparenti tal-operazzjonijiet tal-FEI;

23.  Jieħu nota tal-fatt li l-Grupp tal-BEI jgħaddi l-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja permezz ta' firxa ta' intermedjarji finanzjarji, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament u l-aċċess għalih; jistieden għaldaqstant lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri u jħeġġiġhom ixerrdu informazzjoni rilevanti lill-benefiċjarji potenzjali sabiex jiġi stabbilit ambjent favorevoli għall-imprendituri li jippermetti aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjament;

24.  Jinnota li SMEs f'bosta partijiet tal-Ewropa jiffaċċjaw diffikultajiet kbar ħafna biex ikollhom aċċess għall-finanzjament neċessarju; jilqa' f'dan il-kuntest il-fatt li l-BEI qed jagħmel enfasi akbar fuq l-appoġġ għall-SMEs; jenfasizza l-importanza tal-BEI biex jiffaċilita sħubijiet u jsaħħaħ l-istrumenti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-attività ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji u ta' negozji ġodda innovattivi; jistieden lill-BEI barra minn hekk jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali biex itejjeb kemm jista' jkun il-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

25.  Jilqa' l-programmi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-BEI, b'mod partikolari l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs li toffri garanziji lill-banek barranin li jipprovdu finanzjament tal-kummerċ lill-SMEs u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkebbis mill-ġdid tal-flussi kummerċjali u ttaffi l-limitazzjonijiet kollaterali tal-flus kontanti, u proġetti kummerċjali ġodda ta' finanzjament immirati lejn pajjiżi milquta bil-kbir mill-kriżi ekonomika jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja;

26.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa politika ta' komunikazzjoni effikaċi li tindirizza benefiċjarji privati potenzjali, u dan bħala parti integrali mill-funzjoni konsultattiva tiegħu; jinkoraġġih isaħħaħ u jespandi n-netwerk tal-uffiċċji tiegħu fi ħdan l-UE;

27.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni fir-Rapport tal-Attività tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni u l-FEI taħt il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME);

Insaħħu s-sostenibbiltà ambjentali u l-azzjoni klimatika

28.  Jinnota li minn 84 proġett ambjentali ffirmat fl-2014 fl-UE, li jammontaw għal total ta' EUR 12.6 biljun, il-proġetti tat-trasport sostenibbli kienu jikkostitwixxu EUR 5.1 biljun, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija EUR 3.7 biljun, u l-proġetti għall-protezzjoni tal-ambjent EUR 3.8 biljun; jinnota wkoll li l-operazzjonijiet iffirmati għall-objettiv trasversali tal-''azzjoni klimatika'' ammontaw għal EUR 16.8 biljun, jew 24 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE;

29.  Jieħu nota tal-fatt li l-appoġġ tal-BEI għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-2014 kien ikkonċentrat l-aktar fil-ħames l-akbar ekonomiji tal-UE, hekk kif minn EUR 4.5 biljun għall-proġetti ta' enerġija rinnovabbli fl-UE-28 intefqu biss EUR 42 miljun fit-13-il Stat Membru ġodda; jgħid ukoll li wieħed josserva konċentrazzjoni simili fis-settur tal-effiċjenza enerġetika, fejn minn EUR 2 biljuni kienu allokati biss EUR 148 miljun lit-13-il Stat Membru ġodda; iħeġġeġ sabiex jiżdied b'mod progressiv is-sehem ta' investimenti futuri fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli u fis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda sa ma jintlaħqu 30 % tal-investimenti totali f'dawn l-oqsma sal-2020; jitlob li jsir sforz akbar biex tingħata aktar assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jħejju proġetti vijabbli li jippermettu aktar investimenti fis-settur tal-enerġija;

30.  Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' strumenti ġodda u innovattivi biex jappoġġaw azzjoni favur il-klima, bħall-Istrument ta' Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali, u jistenna li l-BEI jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom fir-rapporti ta' attività futuri tiegħu;

31.  Jinkoraġġixxi l-impenn tal-BEI biex jappoġġa inizjattivi li jgħinu lill-UE tibqa' minn ta' quddiem nett u twettaq l-ambizzjonijiet tagħha li ilhom stabbiliti dwar is-suq tal-karbonju fil-kuntest tal-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, l-Istrateġija għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050, u t-taħdidiet dwar il-klima tan-NU biex jiġi definit ftehim globali ġdid; jitlob rieżami tas-sehem ta' investimenti tal-BEI fl-azzjoni dwar il-klima, peress li s-sehem ta' 25 % diġà ntlaħaq;

32.  Jieħu nota tal-momentum lejn l-iżvilupp ta' suq tal-bonds ekoloġiċi u r-rwol ewlieni tal-BEI bil-bonds ekoloġiċi u l-bonds għall-għarfien klimatiku tiegħu stess, xhieda tal-interess tal-investitur fi prodotti finanzjarji ddedikati għal tkabbir sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu fl-2016 fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050;

33.  Jilqa' l-pubblikazzjoni f'Settembru 2015 tal-Istrateġija Klimatika tal-BEI – Mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, u r-Rapport ta' Sinteżi dwar Valutazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Finanzjament tal-BEI għal Azzjoni dwar il-Klima (mitigazzjoni) fl-UE bejn l-2010 u l-2014; jappella sabiex jiġi applikat approċċ SMART (speċifiku, li jista' jitkejjel u jinkiseb, realistiku u marbut mal-ħin) fil-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi wara l-Istrateġija Klimatika tal-BEI sal-2017;

Nippromwovu koeżjoni u konverġenza ekonomiċi u soċjali

34.  Jinnota li EUR 19.9 biljun, jew 29 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE fl-2014, kienu għal operazzjonijiet li jappoġġaw il-koeżjoni; jiddispjaċih madankollu li ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta' proġetti appoġġati mill-Grupp tal-BEI skont is-setturi relevanti jew l-istrumenti finanzjarji jew l-inizjattivi applikati relatati ma' dan l-objettiv ta' politika trasversali;

35.  Jissottolinja r-rwol deċiżiv tal-politika ta' koeżjoni biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni Ewropej u titrawwem l-integrazzjoni Ewropea, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ewlenija ta' approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-BEI biex fir-rapporti annwali futuri tiegħu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kontribut u r-riżultati miksuba lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni permezz tal-attivitajiet tal-BEI;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol imkabbar li l-Grupp tal-BEI se jkollu fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jemmen li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lejn titjib fis-sinerġiji bejn il-BEI u l-Fondi SIE; jappella għal titjib fl-attività tiegħu f'konformità mal-Protokoll (Nru 28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-korpi lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jintużaw b'mod effettiv biex tingħata spinta lill-politiki ta' żvilupp territorjali u ta' koeżjoni; jilqa' s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-BEI biex tiġi stabbilita pjattaforma konsultattiva fi-compass; jemmen bis-sħiħ li jeħtieġ li jiġu semplifikati r-regoli dwar l-appoġġ mogħti mill-Fondi SIE lill-istrumenti finanzjarji taħt il-BEI;

37.  Jilqa' b'mod partikolari l-attività ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-proġetti infrastrutturali u tat-trasport fir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza li appoġġ finanzjarju ta' dan it-tip iżid b'mod sinifikanti l-potenzjal għall-iżvilupp tal-kummerċ, billi jrawwem it-tkabbir u l-kompetittività, speċjalment f'dawk iż-żoni bi żvantaġġi naturali ġeografiċi;

38.  Jinnota li fl-2014 il-BEI ffirma, ġewwa l-UE, 104 proġetti għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika għal total ta' EUR 20.2 biljun, li minnhom il-proġetti strateġiċi tat-trasport (inklużi TEN-T) ammontaw għal EUR 8.2 biljun, il-proġetti għal enerġija kompetittiva u sikura EUR 7.5 biljun, u l-proġetti ta' tiġdid urban (inkluża s-saħħa) EUR 4.5 biljun;

39.  Jenfasizza li l-investiment fi proġetti infrastrutturali sostenibbli huwa kruċjali biex titjieb il-kompetittività u jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jitlob għalhekk li l-finanzjament tal-BEI jiġi utilizzat favur iż-żoni l-aktar affettwati minn qgħad għoli, u għal aktar proġetti infrastrutturali soċjali; jenfasizza li l-finanzjament tal-BEI għandu jiffoka primarjament fuq dawk il-pajjiżi li qegħdin jaqgħu lura f'termini ta' kwalità u żvilupp tal-infrastruttura, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu, madankollu, il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-vijabbiltà tal-proġetti;

40.  Jiddispjaċih li sa issa f'bosta każijiet, il-finanzjament tal-BEI ntuża biex jappoġġa firxa ta' proġetti infrastrutturali finanzjarjament mhux sostenibbli, fir-rigward ta' kemm l-interess pubbliku kif ukoll tal-miżuri relatati mal-klima; jinnota bi tħassib it-tendenza li tiġi ffinanzjata infrastruttura bħalma huma l-awtostradi, li jħeġġu l-konsum tal-karburanti fossili u għalhekk imorru kontra l-objettivi fit-tul tal-Unjoni li nersqu lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju; jistieden lill-BEI jinkludi valutazzjoni ex-ante obbligatorja tal-valur miżjud ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati ġewwa u barra l-UE u biex il-valutazzjonijiet ex-ante u ex-post kollha jitwettqu bl-involviment attiv tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob barra minn hekk li r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-indikaturi użati jsiru pubbliċi u li jkunu għalkollox aċċessibbli;

41.  Jenfasizza li l-finanzjament ta' proġetti kbar spiss jiffaċilita l-infiltrazzjoni minn kumpaniji marbuta mal-kriminalità organizzata; jikkritika l-fatt li l-BEI ffinanzja l-biċċa tal-awtostrada magħrufa bħala Passante di Mestre, li fuqha hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq frodi tat-taxxa; jinnota bi tħassib li l-BEI ma weġibx għal dawn it-talbiet f'dan ir-rigward li jinsabu fir-rapport dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-BEI, għal darb'oħra, jissospendi kull forma ta' finanzjament għall-proġett;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp reġjonali u jistieden lill-BEI jtejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, il-banek u l-aġenziji reġjonali u lokali; iqis li, f'dan il-qafas, il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tiġi appoġġata wkoll;

43.  Jistieden lill-BEI iżid l-appoġġ tiegħu lill-proġetti koperti mill-istrateġiji makroreġjonali tal-UE; jenfasizza l-importanza li jitkompla jingħata appoġġ lis-setturi ekonomiċi innovattivi u sostenibbli, kif ukoll dawk tradizzjonali fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-Ewropa tiġi interkonnessa permezz ta' trasport intermodali kif ukoll investimenti bbażati fuq il-post; jitlob barra minn hekk għall-istabbiliment ta' pjattaformi finanzjarji u ta' investiment sabiex jippermettu l-ġbir ta' fondi minn sorsi varji u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa għal tali proġetti makroreġjonali;

Il-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

44.  Jilqa' l-Fond Ewropew il-ġdid għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza l-ħtieġa li l-FEIS jiffunzjona b'mod effikaċi, kompletament trasparenti u ġust f'konformità mal-kriterji tal-mandat u r-regolament tiegħu, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-viċin u ħarsa ġenerali tal-operazzjonijiet tal-FEIS min-naħa tal-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jenfasizza li r-riżorsi tiegħu għandhom juru addizzjonalità reali meta mqabbla mal-operazzjonijiet normali ffinanzjati mill-BEI; ifakkar li l-FEIS għandu wkoll jagħti kontribut għall-koeżjoni, u jistieden lill-BEI jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà mal-investimenti mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u fondi oħra pubbliċi; jistieden lill-BEI jimplimenta u jkompli jiżviluppa l-FEIS f'kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi, inkluż permezz ta' konklużjoni f'waqtha u obbligatorja tal-ftehim pendenti li hemm bejn il-Parlament u l-BEI;

45.  Jistenna li l-għanijiet għall-FEIS se jkunu konsistenti mal-PPGs tal-BEI u li l-livelli tal-investimenti tal-BEI għall-2016 se jiġu adattati biex jirriflettu wkoll l-operazzjonijiet tal-FEIS;

46.  Jenfasizza li l-FEIS għandu jibbenefika lill-Istati Membri kollha mingħajr allokazzjoni settorjali u reġjonali minn qabel, u għandu jkun konsistenti wkoll ma' inizjattivi ta' investiment reġjonali jew lokali li għaddejjin; jenfasizza li l-finanzjament tal-FEIS għandu jibbenefika wkoll proġetti fuq skala żgħira;

47.  Jirrikonoxxi l-isfidi involuti biex tinħoloq sensiela ta' proġetti strateġiċi tal-FEIS u biex issir operattiva malajr; jilqa' l-istabbiliment min-naħa tal-BEI ta' ċentru ta' konsulenza għall-investiment Ewropew, li għandu l-għan jipprovdi assistenza teknika u għarfien espert għal promoturi potenzjali; jistenna li l-mekkaniżmu ta' assistenza teknika jaħdem b'mod effettiv fil-livell lokali u reġjonali;

48.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħtru banek promozzjonali nazzjonali u jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-pjattaformi tal-investiment, sabiex jiġbru u jaqsmu għarfien espert u kompetenzi u jkun hemm allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet tal-BEI u l-prijoritajiet ta' politika tal-Istati Membri; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm trasparenza sħiħa u li tingħata prijorità lill-orjentament lejn ir-riżultati fir-rigward tal-involviment tal-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali fil-proġetti tal-FEIS;

49.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-FEIS ma jintużax indirettament bħala mezz biex jiżdied il-kapital tal-BEI; jistieden għalhekk lill-BEI jirrevedi regolarment l-involviment tiegħu fil-FEIS u juri li l-kundizzjonijiet dwar l-addizzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1017 ġew issodisfati u li, b'mod partikolari ma jkunux qed jiġu eliminati sorsi ta' finanzjament privat;

50.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna mill-proġetti magħżula matul il-fażi ta' warehousing kien ikollhom aċċess għall-finanzjament b'kundizzjonijiet normali u li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' addizzjonalità; ifakkar li l-garanzija tal-FEIS kienet maħsuba sabiex tippermetti lill-BEI jieħu aktar riskji filwaqt li jibqa' jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu; jenfasizza li huwa se joqgħod attent ħafna fil-monitoraġġ tal-konformità ma' dan il-kriterju;

51.  Jistenna li l-Grupp tal-BEI joqgħod partikolarment attent fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi li l-istrumenti finanzjarji ''ma jiġġenerawx vantaġġi indebiti, b'mod partikolari fil-forma ta' dividendi jew profitti indebiti għal terzi'', minħabba l-biża' li l-FEIS jista' b'xi mod jikkontribwixxi għas-soċjalizzazzjoni tar-riskji u l-privatizzazzjoni tal-profitti fid-dawl ta' esperjenzi ta' finanzjament f'każijiet bħall-proġett Castor fi Spanja jew il-proġett Passante di Mestre fl-Italja;

Inqisu l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI)

52.  Iqis li l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI) għandha tiġi vvalutata serjament fir-rigward tal-impatt finanzjarju, soċjali u ambjentali tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf proċess ta' konsultazzjoni inklużiv u miftuħ, bil-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, dwar il-futur tal-bonds tal-proġetti għall-perjodu 2016-2020 qabel ma' titnieda kompletament il-fażi pilota tal-PBI attwali;

Naġġornaw id-dimensjoni esterna tal-interventi tal-BEI

53.  Jilqa' l-mandat imġedded tal-BEI għal self estern għall-2014-2020, li jipprovdi garanzija tal-UE li tkopri l-operazzjonijiet esterni tal-BEI sa massimu ta' EUR 30 biljun, kif ukoll l-għanijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri l-iżvilupp tas-settur privat lokali, l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, u l-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima;

54.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni lill-pajjiżi terzi u lir-reġjuni barra l-UE li jsofru minn kunflitti u faqar estrem, bl-għan ewlieni jkun li tnaqqas id-diskrepanza fl-iżvilupp bejn l-UE u dawn ir-reġjuni, kif ukoll biex jikkontribwixxu għal programmi ta' appoġġ għall-SMEs f'pajjiżi msieħba kummerċjali, inkluż permezz ta' finanzjament suffiċjenti għall-Faċilità ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) għall-SMEs, b'enfasi speċjali fuq in-Nofsinhar tal-Mediterran u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tal-Lvant; jistieden lill-BEI jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul fis-servizz tal-iżvilupp ekonomiku; jilqa' l-fatt li l-għotjiet tal-UE qed jitħalltu dejjem aktar mas-self tal-BEI biex jinkisbu riżultati aħjar fil-proġetti fil-pajjiżi sħab tal-UE;

55.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jippromwovi b'mod attiv it-tkabbir sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw sabiex jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jenfasizza li l-BEI, bħala d-driegħ finanzjarju tal-Unjoni, għandu jiżvolġi l-parti tiegħu fit-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jitlob li l-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015 għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rieżami tal-mandat ta' nofs it-terminu ta' self estern tal-BEI fl-2016;

56.  Iħeġġeġ lill-Bank jiżviluppa u jadotta l-approċċ komprensiv meħtieġ b'rispons għall-isfidi serji kkawżati mill-fluss ta' migranti lejn l-Ewropa, inklużi operazzjonijiet imsaħħa fil-pajjiżi ta' oriġini ta' tali flussi kif ukoll f'pajjiżi li jmissu direttament mal-pajjiżi ta' oriġini;

57.  Jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq l-għoti ta' appoġġ lill-bżonnijiet ta' investiment f'infrastruttura urbana, infrastruttura marbuta mas-saħħa, l-edukazzjoni u dik soċjali, biex b'hekk jiġu stimulati attivitajiet ekonomiċi li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

58.  Jindika li l-BEI huwa attur importanti biex jippromwovi l-prijoritajiet u l-objettivi tal-politika barranija tal-UE; jirrakkomanda koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u s-servizzi u l-istrumenti tal-politika esterna tal-UE; jitlob li jitkomplew u jitjiebu l-valutazzjonijiet ex-ante u ex-post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-proġetti li jkunu appoġġati mill-BEI fir-rigward tal-għanijiet tas-SEAE u l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob, fir-rigward ta' investimenti barra mill-UE, għal rapport dettaljat dwar kwalunkwe telf possibbli u dwar kif u f'liema każijiet intuża l-istrument ta' garanzija; jilqa' l-fatt li l-BEI kellu sensiela ta' seminars dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

59.  Jistieden lill-BEI jipprovdi lill-Parlament u lill-pubbliku b'informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament tal-BEI u l-prestazzjoni tal-Ombudsman tan-Negozju fl-Ukraina;

60.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-soluzzjoni misjuba flimkien mal-Bank Dinji li tippermetti lill-BEI jikkontribwixxi biex jiffaċilita x-xiri tal-gass tal-Ukraina;

61.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-mandat estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu, filwaqt li jittieħed kont tal-attivazzjoni potenzjali ta' EUR 3 biljun addizzjonali; jikkonferma l-impenn tiegħu li jeżamina mill-qrib l-ewwel ''rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti'' li għandhom jiġu ppubblikati taħt il-mandat ta' self estern għall-perjodu 2014-2020; jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI;

Insaħħu l-governanza, it-trasparenza u l-qafas ta' kontroll tal-BEI

62.  Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa kkaratterizzat minn assi b'saħħithom, bir-rata ta' self li ma jrendix lura l-valur kollu (impaired loans) qrib iż-0 % (0.2 %) tal-portafoll totali tas-self, u ġestjoni prudenti tal-likwidità; iqis li hu essenzjali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu tal-kreditu biex jippreserva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' finanzjament;

63.  Jissuġġerixxi li l-BEI jsaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi settorjali tiegħu u jippubblika data statistika aggregata, kif ukoll informazzjoni dwar proġetti sekondarji, biex b'hekk jiffaċilita approċċ immirat għal ċerti setturi jew tipi ta' SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar komprensiva u dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont is-settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu li jirrimedjaw tali nuqqasijiet;

64.  Jissottolinja l-importanza li l-BEI ta lill-politika tiegħu ta' tolleranza żero għall-frodi, il-korruzzjoni u l-kollużjoni u lill-impenn tiegħu lejn integrità u regoli etiċi qawwija; jilqa' f'dan il-kuntest l-approvazzjoni min-naħa tal-Bord tal-BEI ta' politika aġġornata kontra l-frodi r-Rapport Annwali 2014 tal-Grupp tal-BEI dwar l-Attivitajiet Kontra l-Frodi; jistenna li l-BEI jwaqqaf aktar l-iżborżamenti tas-self għall-proġetti li attwalment jinsabu taħt investigazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej ta' korruzzjoni;

65.  Jilqa' l-adozzjoni ta' qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML-CFT) f'Lulju 2014; iħeġġeġ lill-BEI jkompli d-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar it-titjib fil-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi (NCJ); jistieden lill-BEI jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, filwaqt li jibda bir-rieżami tal-politika NCJ tiegħu fl-2016; jistieden lill-BEI biex jagħmel kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji dipendenti fuq l-iżvelar ta' data rilevanti għat-taxxa skont il-pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD IV għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll fuq informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

66.  Jistieden lill-BEI, fil-kuntest ta' valutazzjonijiet ex-ante ta' impriżi li huma s-suġġett ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji, biex jaġġorna l-politiki tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

67.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politika għat-trasparenza tal-BEI fl-2014; jinsisti dwar il-ħtieġa li jinkisbu l-ogħla livelli ta' trasparenza u responsabbiltà istituzzjonali billi jkun żgurat żvelar pubbliku proattiv ta' informazzjoni baġitarja komprensiva u soda u aċċess għal data finanzjarja relatata ma' proġetti ffinanzjati mill-BEI;

68.  Jitlob li jkun hemm trasparenza u esponiment massimi fir-rigward tas-sistema ta' kuntratti u sottokuntratti, u li l-Parlament Ewropew jingħata aċċess għal informazzjoni u dokumentazzjoni finanzjarja f'kull każ;

69.  Iħeġġeġ lill-BEI jsegwi strettament ir-rekwiżiti relatati mar-reġistru pubbliku ta' dokumenti ambjentali taħt ir-Regolament Aarhus (Regolament (KE) Nru 1367/2006), u biex ikompli bir-rappurtar regolari tiegħu dwar l-attivitajiet ta' self tiegħu barra l-UE skont l-istandards tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI);

70.  Itenni li l-BEI għandu jsaħħaħ l-attivitajiet ta' diliġenza dovuta tiegħu sabiex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u jevita b'aktar effikaċja tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata, ħasil tal-flus u impatti ambjentali u soċjali negattivi jew li huma rreġistrati f'ċentri finanzjarji offshore jew f'rifuġji fiskali li jirrikorru għal ippjanar aggressiv tat-taxxa; jistieden lill-BEI ma jużax l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti biex jiġu ffinanzjati attivitajiet infiltrati mill-kriminalità organizzata; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li tiġi stabbilita lista pubblika stretta ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji mill-BEI, flimkien mal-Kummissjoni;

71.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa regoli aktar stretti fuq il-kunflitti ta' interess u kriterji ċari, stretti u trasparenti għas-sħubiji pubbliċi-privati li jirċievu finanzjament, sabiex jiġi żgurat li mhux biss il-parti tal-investiment tal-proġetti tiġi kondiviża b'mod ġust bejn iż-żewġ sħab pubbliċi u privati iżda anke r-riskji involuti fl-investimenti, biex b'hekk jiġi salvagwardjat l-interess pubbliku; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-bażi ta' għarfien għall-parteċipazzjoni tal-gvernijiet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fi strutturi ta' sħubija pubblika-privata, inkluż billi jipprovdilhom linji gwida;

72.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fi proġetti kofinanzjati mill-BEI jkunu obbligati jżommu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi u l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol; jirrimarka, barra minn hekk, li meta jiddeċiedi dwar liema proġetti se jiffinanzja, il-BEI għandu jqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda minn kumpaniji kandidati;

73.  Jemmen li jistgħu jkunu utli aġġornamenti regolari dwar l-ispejjeż u l-miżati ta' ġestjoni mġarrba mill-BEI u dwar l-impatt ta' proġetti ffinanzjati għal dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-valur ekonomiku miżjud;

74.  Jirrakkomanda l-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-BEI ta' dokumenti mhux kunfidenzjali bħall-Pjanijiet Operazzjonali Korporattivi għas-snin preċedenti, il-ftehimiet interistituzzjonali u l-memoranda, u ftehimiet rilevanti oħra, kif ukoll l-iżvelar tal-minuti tal-laqgħat ta' korpi ta' tmexxija tal-BEI fuq bażi regolari, li tibda f'Jannar 2016; iqis li aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti huwa element ewlieni tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità tal-istituzzjonijiet;

75.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess ta' rieżami tal-politika dwar il-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI, li tnieda f'Settembru 2015, u l-konsultazzjoni pubblika li nfetħet għall-partijiet interessati rilevanti; jistenna li r-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti se ttejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tiegħu u tikkontribwixxi wkoll għal aktar effikaċja u effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti; jistieden lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI jadotta r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-uffiċċju u jaġixxi fuq l-opinjonijiet tal-Ombudsman Ewropew; jitlob fluss kostanti ta' informazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI u l-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jemmen li hemm bżonn li jiġi aġġornat il-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew sabiex l-Ombudsman jeżerċita skrutinju estern tal-BEI b'mod aktar attiv u jtejjeb il-proċeduri ta' monitoraġġ u responsabbiltà ulterjuri tal-BEI;

76.  Jilqa' r-rapporti annwali għas-sena finanzjarja 2014 tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI, u jħeġġeġ lill-korpi responsabbli tal-BEI jiżguraw konformità sħiħa mal-aħjar prattiki bankarji prudenzjali fl-oqsma fejn ma nkisbitx konformità sħiħa fl-2014; jieħu nota tal-intenzjoni tal-maniġment tal-BEI li jorganizza mill-ġdid il-funzjonijiet ta' kontroll tal-Bank; jappoġġa t-talba tal-Kumitat tal-Awditjar għal pjan ta' implimentazzjoni rispettiv kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jimmonitorja bir-reqqa żviluppi ulterjuri; japprova l-fatt li l-Kumitat tal-Awditjar wissa lill-maniġment u s-servizzi tal-BEI li dan għandu jżomm il-kapaċità tiegħu filwaqt li ma jdgħajjifx il-Qafas ta' Kontroll Intern attwali;

77.  Iqis li r-rapporti annwali tal-BEI għandhom jagħtu attenzjoni akbar lir-riżultati tal-proġetti li tlestew; jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI biex flimkien mas-sħab tal-proġett, jipproduċi sett ta' riżultati minn kull proġett komplut li jevalwa l-effettività tal-finanzjament tal-BEI;

78.  Jieħu nota tad-data ta' skadenza tas-27 ta' Ottubru 2015 tal-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-TFUE u li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodi għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fl-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet jikkooperaw fil-proċess ta' tiġdid u aġġornament ta' dan il-ftehim, u jiżguraw li l-ftehim imġedded ikopri kull strument jew inizjattiva ġdida tal-BEI li tinvolvi fondi pubbliċi mill-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jitlob f'dan il-kuntest li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tingħata setgħat imsaħħa sabiex tevalwa u tirrapporta b'aktar reqqa fuq il-prattiki ta' self tal-BEI, l-istrumenti u l-inizjattivi meta jkunu direttament relatati mal-użu l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE;

Lejn responsabbiltà parlamentari komprensiva

79.  Iqis li l-kumplessità li qed tevolvi u l-volum li qed jiżdied tal-attivitajiet tal-BEI, kif ukoll l-inċertezzi li għad hemm fis-swieq finanzjarji, jenfasizzaw iżjed il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi stabbilita superviżjoni bankarja prudenzjali effikaċi tal-BEI; jiddispjaċih għalhekk li l-proposti tal-Parlament, imressqa qabel, għall-introduzzjoni ta' superviżjoni prudenzjali regolatorja esterna ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, la mill-Kummissjoni u lanqas mill-BEI;

80.  Jappoġġa l-isforzi li qed isiru mill-partijiet involuti biex ifasslu ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI, li jipprevedi kooperazzjoni msaħħa bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jitlob ukoll djalogu strutturat regolari bejn il-President tal-BEI u l-Parlament Ewropew biex jiżgura li tiżdied is-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI; jistieden barra minn hekk lill-BEI biex, bħala parti minn dan il-ftehim interistituzzjonali, jaqbel li jiffirma ftehim mal-Parlament sabiex jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew jistaqsu mistoqsijiet diretti lill-President tiegħu, bi ftehim dwar iż-żmien sakemm għandha tingħata tweġiba, kif diġà jiġri mal-President tal-BĊE;

°

°  °

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

20.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Yannick Jadot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mas-SEAE, qafas għar-rapportar annwali mill-BEI dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra l-UE fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti appoġġjati mill-BEI jkunu konformi mal-politiki tal-UE u jirrispettaw l-interessi Ewropej, u jirrakkomanda titjib ta’ kontrolli ex-post li jivvalutaw l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ proġetti appoġġjati mill-BEI kontra l-għanijiet tas-SEAE; jitlob, fir-rigward ta' investimenti barra mill-UE, għal rapport dettaljat dwar kwalunkwe telf possibbli u dwar kif u f’liema każijiet intuża l-istrument ta' garanzija;

2.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni akbar lill-impatt li l-operazzjonijiet tiegħu għandhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol u biex ikompli jiżviluppa l-politika tiegħu dwar l-istandards soċjali f'politika tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam bankarju; jissuġġerixxi, għal dan il-għan, l-inklużjoni ta' punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem fil-proġett ta' evalwazzjonijiet tiegħu;

3.  Jilqa’ kwalunkwe inizjattiva mill-BEI biex iżid it-trasparenza u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, u b’mod partikolari l-konsultazzjoni pubblika tal-BEI dwar l-azzjoni klimatika; ifaħħar ix-xogħol li l-BEI għamel s’issa fuq politika attiva favur il-klima, inkluż l-għoti ta’ EUR 19.1 biljun bħala appoġġ għal proġetti ta’ azzjoni klimatika; jemmen li l-BEI jista’ jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala mexxej fil-qasam tal-klima; jistenna bil-ħerqa l-aġġornament tal-istrateġija tal-BEI dwar il-klima barra l-UE, bl-istennija ta’ pjan ta’ azzjoni b’dettalji dwar żieda fl-għadd ta’ proġetti relatati mal-klima fil-portafoll tiegħu; jistieden lill-BEI biex jirrapporta kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-politika tiegħu favur il-klima;

4.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jippromwovi b’mod attiv it-tkabbir sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw sabiex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jenfasizza li l-BEI, bħala d-driegħ finanzjarju tal-Unjoni, għandu jiżvolġi l-parti tiegħu fit-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU; Jitlob li l-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015 għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rieżami tal-mandat ta’ nofs it-terminu ta’ self estern tal-BEI fl-2016;

5.  Jitlob li l-BEI jagħmel rieżami tal-istandard tiegħu ta’ rendiment għall-emissjonijiet fl-2016 u li jnaqqas il-limiti tal-emissjonijiet għal 350g CO2/kWh sabiex l-impjanti tal-enerġija mill-fjuwil fossili l-aktar effiċjenti biss jingħataw appoġġ;

6.  Jirrakkomanda li tingħata attenzjoni fuq operazzjonijiet ta’ self għal proġetti tal-enerġija fuq skala iżgħar u mhux kollegati mal-grilja, deċentralizzati u rinnovabbli li jinvolvu liċ-ċittadini u l-komunitajiet, u jintegraw il-prinċipju tal-Effiċjenza tal-Enerġija l-Ewwel fil-politiki u l-operazzjonijiet kollha tal-BEI;

7.  Jilqa’ l-fatt li l-BEI kellu serje ta’ seminars dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jieħu vantaġġ akbar tal-fatt li huwa suġġett għad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, ir-regoli soċjali u ambjentali u l-mekkaniżmi ġudizzjarji tal-UE li jippermettulu jtejjeb ir-responsabbiltà sostantiva u proċedurali tiegħu fir-rigward ta' partijiet interessati esterni;

9.  Jilqa' l-livell għoli ta' trasparenza miksub mill-BEI; jissuġġerixxi li jsir aktar titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self intermedjat tal-BEI;

10.  Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza li aktar minn 600 000 SME, li jimpjegaw aktar minn sitt miljun persuna, huma responsabbli għal terz tal-esportazzjonijiet totali tal-UE; jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill-aktar problemi urġenti għall-SMEs tal-UE u għalhekk jistieden lill-BEI jiżgura li l-SMEs huma fost il-benefiċjarji prinċipali ta’ finanzjament tal-BEI;

11.  Jirrakkomanda li d-Diviżjoni interna tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti tal-BEI għandha tniedi investigazzjoni dwar it-trasparenza, l-effikaċja u l-impatti tal-iżvilupp ta’ self intermedjat tal-BEI, u li l-BEI jaġixxi fuq ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni, biex b'hekk titfassal lista ta’ kriterji għall-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji;

12.  Jistieden lill-BEI biex jipprovdi lill-Parlament u lill-pubbliku b’informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament tal-BEI u l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-Ombudsman tan-Negozju fl-Ukraina;

13.  Jistieden lill-BEI biex joqgħod lura milli jikkoopera ma’ intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv f’termini ta’ trasparenza, evażjoni tat-taxxa jew prattiki aggressivi ta’ pjanifikazzjoni fiskali, jew li jużaw prattiki dannużi oħrajn tat-taxxa bħal deċiżjonijiet fir-rigward tat-taxxa, ipprezzar ta' trasferimenti abbużiv, frodi u korruzzjoni jew li jikkawżaw ħsara ambjentali u impatti soċjali, jew li ma jkollhom l-ebda sjieda lokali sostanzjali;

14.  Ifaħħar l-impenn tal-BEI favur l-SMEs u kontra d-diskriminazzjoni ta’ entitajiet ekonomiċi iżgħar, u jistieden lill-BEI biex itejjeb l-aċċess effikaċi għall-finanzjament għall-SMEs li joriġinaw mill-FEI u l-kapaċitajiet esterni ta’ self tal-BEI; jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ rekwiżiti proattivi għal politika tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għal banek intermedjarji li qed jiżburżaw il-finanzjament tal-BEI permezz ta' self globali, biex b'hekk ikun hemm koerenza politika mal-politiki ta’ żvilupp tal-UE li għandhom l-għan li jifformalizzaw l-ekonomija informali; jilqa’ l-programmi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-BEI, partikolarment, il-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs li toffri garanziji lill-banek barranin li jipprovdu finanzjament tal-kummerċ lill-SMEs u b’hekk tikkontribwixxi għat-tkebbis mill-ġdid tal-flussi kummerċjali u ttaffi l-limitazzjonijiet kollaterali tal-flus kontanti, u proġetti kummerċjali ġodda tal-finanzi mmirati lejn pajjiżi milquta bil-kbir mill-kriżi ekonomika jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta, bħall-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress, iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja;

15.  Jilqa’ b’mod partikolari l-attività ta’ finanzjament tal-BEI b’appoġġ tal-infrastruttura u l-proġetti tat-trasport fir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju ta’ dan it-tip iżid b’mod sinifikanti l-potenzjal għall-iżvilupp tal-kummerċ, billi jrawwem it-tkabbir u l-kompetittività, speċjalment f’dawk iż-żoni bi żvantaġġi naturali ġeografiċi;

16.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fi proġetti kofinanzjati mill-BEI għandhom ikunu obbligati li jaderixxu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi u l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; jirrimarka, barra minn hekk, li meta jiġi deċiż liema proġetti se jiffinanzja, il-BEI għandu jqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda minn kumpaniji kandidati;

17.  Iqis li l-finanzjament previst għall-Faċilità għal Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), , li jammonta għal EUR 200 miljun li għandhom jingħataw fuq perjodu ta’ għaxar snin fi tliet pajjiżi differenti tas-Sħubija tal-Lvant permezz tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-BEI huwa insuffiċjenti fid-dawl tal-importanza tal-objettiv tagħha li trawwem impjiegi ta’ kwalità u żvilupp sostenibbli;

18.  Jistieden lill-BEI jikkonċentra l-fondi allokati għal pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura u jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzjaw l-investimenti fuq terminu twil fis-servizz tal-iżvilupp ekonomiku;

19.  Jilqa’ b’sodisfazzjon is-soluzzjoni misjuba flimkien mal-Bank Dinji li tippermetti lill-BEI jikkontribwixxi biex jiffaċilita x-xiri tal-gass tal-Ukraina;

20.  Jistieden lill-BEI biex iżid ir-riżorsi finanzjarji billi jissieħeb ma’ oħrajn u billi jikkombina għotjiet tal-UE ma’ self mill-BEI;

21.  Iqis li l-kontribuzzjoni tal-BEI għal programmi ta’ appoġġ għall-SMEs f’pajjiżi sħab kummerċjali fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar għandha tiffoka fuq l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-intrapriżi f’katini tal-valur Ewropej; jirrimarka li l-metodu li jiddependu fuq il-banek sħab tas-swieq finanzjarji lokali jista’ jkun problematiku għall-aċċess għall-finanzi għall-SMEs meta r-rati ta’ interess lokali huma għoljin ħafna bħal fl-Ukraina;

22.  Jistieden lill-BEI, fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet ex-ante ta’ impriżi li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji, biex jaġġorna l-politiki tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, inkluż l-istabbiliment ta’ politika ġdida responsabbli dwar it-tassazzjoni, u jibda b’rieżami tal-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx (politika NCJ) fl-2016;

23.  Jistieden lill-BEI jżomm il-flessibbiltà meħtieġa fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jirreaġixxi għal żviluppi problematiċi barra mill-pajjiż u jżid potenzjalment il-finanzjament estern għall-viċinat tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi;

24.  Jirrakkomanda li l-BEI għandu jissuġġetta kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta’ intermedjarji għad-divulgazzjoni tad-data fiskalment relevanti għal kull pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD-4 (Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) għal istituzzjonijiet ta’ kreditu;

25.  Jistieden lill-BEI jiġbor data preċiża dwar il-ħlasijiet tat-taxxa li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tiegħu ta' investiment u self, b'mod speċjali dwar it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji u partikolarment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex janalizza u jippubblika din id-data fuq bażi annwali;

26.  Jemmen li kwalunkwe żvilupp ulterjuri ta’ missjonijiet tal-BEI u r-responsabbiltajiet għandhom ikunu akkumpanjati minn żieda proporzjonata tal-kapital tal-bank.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Gabrielius Landsbergis, David Martin, Emmanuel Maurel, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Seán Kelly, Fernando Ruas, Marita Ulvskog

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Edward Czesak, Rosa D’Amato, Dario Tamburrano, Janusz Wojciechowski

13.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ivan Jakovčić

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ ż-żieda fl-attivitajiet totali ta' finanzjament tal-Grupp tal-BEI fl-2014, inklużi 'l fuq minn EUR 50 biljun f’self addizzjonali u aktar minn EUR 150 biljun f’investiment mobilizzat, li huwa essenzjali biex jikkumplementaw il-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE);

2.  Jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-impatt tagħha fuq is-sistemi ta' kreditu tradizzjonali kif ukoll l-ostakoli eżistenti finanzjarji u mhux finanzjarji rriżultaw f'nuqqas ta' investiment li jdgħajjef il-potenzjal ta' tkabbir sħiħ tal-ekonomija Ewropea u jqiegħed f’periklu l-potenzjal ta' żvilupp tal-MSMEs (intrapriżi mikro, żgħar u medji); jilqa', f'dan ir-rigward, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ l-investimenti privati;

3.  Ifakkar li l-FEIS għandu jikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni u jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-konsistenza u l-kumplementarjetà bejn il-FEIS u politiki u strumenti oħra tal-UE, b'mod partikolari l-Fondi SIE, li jista' jwassal għall-ħolqien ta' ambjent stabbli u favorevoli ta' investiment u negozju; jirrakkomanda lill-Istati Membri jinnominaw Banek Nazzjonali Promozzjonali;

4.  Iqis li jeħtieġ li tiġi żviluppata politika ta' komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-BEI biex jiġi żgurat li l-livelli kollha tal-gvern jinżammu infurmati b’dawn il-programmi; jemmen bis-saħħa li jeħtieġ li jiġu simplifikati r-regoli li jiggvernaw l-appoġġ mogħti mill-Fondi SIE lis-strumenti finanzjarji taħt il-BEI; jistieden lill-BEI jippromwovi aħjar l-attivitajiet ta' konsulenza dwar l-ippjanar tiegħu, billi jgħin lill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Fondi SIE jonfqu b'mod aħjar ir-riżorsi li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej kollha;

5.  Jilqa' l-varar ta' għodod u servizzi ġodda taħt InnovFin li jrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni;

6.  Jieħu nota tal-Pjan Operazzjonali tal-BEI għall-2015-2017; jilqa' l-fatt li dan jirrikonoxxi li l-veloċitajiet ta’ rkupru jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li stabbilixxa l-koeżjoni ekonomika u soċjali bħala objettiv ta’ politika trasversali;

7.  Jemmen li r-regoli u l-proċeduri proprji tal-BEI, inkluż dwar politiki orizzontali u settorjali, għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollha tiegħu li jinvolvu l-baġit tal-UE, inkluż il-FEIS; jemmen li l-għażla ta' operazzjonijiet ta' finanzjament BEI/FEI għandha tkun trasparenti, bl-obbligu ta' rendikont u bbażata fuq kriterji ta' kwalità; jenfasizza l-bżonn ta' valutazzjoni regolari tal-funzjonament ta' tali strumenti, kif ukoll il-bżonn ta’ effikaċja fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon ir-rwol imkabbar li l-Grupp tal-BEI se jkollu fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jemmen li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lejn titjib tas-sinerġiji bejn il-BEI u l-Fondi SIE; iqis li jeħtieġ li jintużaw l-istrumenti finanzjarji billi jitqies l-aspett territorjali u d-diversità fil-bliet żgħar u kbar u ż-żoni rurali ukoll bil-għan li tittejjeb il-koeżjoni fi ħdan ir-reġjuni; jenfasizza l-importanza li jinżamm djalogu kostanti mal-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-programmi operattivi sabiex jiġu stabbiliti sinerġiji biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, fost affarijiet oħra, fl-appoġġ għall-MSMEs u fl-iżgurar tal-aċċess tagħhom għal strumenti finanzjarji; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar ir-rata baxxa ta' żborż ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni fl-istrumenti finanzjarji lill-benefiċjarji aħħarija fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013;

9.  Jenfasizza r-rwol tal-BEI fil-finanzjament ta’ xogħlijiet biex jiżgura l-bżonnijiet bażiċi ta' popolazzjonijiet ta' pajjiżi terzi;

10.  Jistieden lill-BEI jitlob b’insistenza iktar trasparenza mill-intermedjarji finanzjarji tiegħu f'dak li jikkonċerna l-allokazzjoni ta' self lil proġetti kandidati;

11.  Iqis il-piżijiet amministrattivi u nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva bħala ostakli serji biex jintlaħqu b’suċċess l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa importanti li jiġu riveduti proċeduri amministrattivi u li jitnaqqsu tali piżijiet; jenfasizza l-importanza tar-rwol ta' konsulenza tal-BEI u jirrikonoxxi l-isforzi li saru f’dan il-kuntest; jilqa' s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-BEI biex tiġi stabbilita pjattaforma konsultattiva fi-compass; jistieden lill-BEI jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sett ta' suġġerimenti dwar is-simplifikazzjoni amministrattiva u l-bini ta' ħiliet, meta titqies l-esperjenza li akkwista l-BEI fil-qasam tal-finanzjament pubbliku;

12.  Bl-istess mod, iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-korpi lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jintużaw b'mod effettiv biex tingħata spinta lill-politiki ta’ żvilupp territorjali u ta' koeżjoni;

13.  Jistieden lill-BEI iżid l-appoġġ tiegħu għall-proġetti koperti mill-istrateġiji makroreġjonali tal-UE; jenfasizza l-importanza li jkompli jingħata appoġġ lis-setturi ekonomiċi innovattivi sostenibbli kif ukoll lis-setturi ekonomiċi tradizzjonali fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa tiġi interkonnessa permezz ta' trasport intermodali kif ukoll investimenti bbażati fuq il-post; jitlob, barra minn hekk, għall-istabbiliment ta’ pjattaformi finanzjarji u ta' investiment sabiex jippermettu l-ġbir ta’ fondi minn sorsi varji u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa għal tali proġetti makroreġjonali;

14.  Jenfasizza l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jitlob għal aktar informazzjoni, fi ħdan il-kuntest tar-rapportar annwali tal-BEI, dwar ir-riżultati u l-kontribut tal-attivitajiet tal-BEI għall-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 biex jiżdied l-użu tal-istrumenti finanzjarji, fejn xieraq, għall-perjodu sal-2020 u jistieden lill-BEI jippromwovi ulterjorment l-istrumenti tiegħu u l-prattiki tajba tal-benefiċjarji, sabiex tissaħħaħ l-attraenza tagħhom;

15.  Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni multilaterali bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali sabiex jitrawmu s-sinerġiji, jiġu kkondiviżi r-riskji u l-ispejjeż, u jiġi żgurat self xieraq għall-proġetti tal-UE b'impatt pożittiv fuq il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni ambjentali u l-kwalità tal-ħajja;

16.  Ifakkar li l-Parlament għandu jkollu rwol fundamentali fil-monitoraġġ tal-impatt ta' dawn l-istrateġiji u proġetti f’dawk li huma impjieg u tkabbir ekonomiku; jitlob li jkun hemm djalogu msaħħaħ u skambju ta' informazzjoni kostanti bejn il-BEI u l-Parlament, permezz ta' laqgħat regolari, rigward l-attivitajiet tal-BEI li għandhom impatt fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; jemmen li aġġornamenti regolari dwar l-ispejjeż u l-miżati ta' ġestjoni mġarrba mill-BEI u dwar l-impatt ta' proġetti ffinanzjati f’dawk li huma impjieg u valur ekonomiku miżjud jistgħu jkunu utli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Victor Boştinaru, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Younous Omarjee, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Terry Reintke, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andor Deli, Josu Juaristi Abaunz, Ivana Maletić, Jan Olbrycht, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Claudia Schmidt, Hannu Takkula, Damiano Zoffoli, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg

8.12.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dimitrios Papadimoulis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jieħu nota tar-Rapport Annwali tal-BEI tal-2014 u jilqa' ż-żieda ta' 6.92 %, għal EUR 80,3 biljun f'self mill-Grupp tal-BEI, f'kuntest ekonomiku kkaratterizzat minn tkabbir limitat u fraġli u, f'xi każijiet, reċessjoni; jinsab ferm imħasseb dwar il-livelli li għadhom għoljin, u, f'xi Stati Membri, saħansitra qed jogħlew, tal-qgħad, tal-inugwaljanza u l-faqar, kif ukoll, dwar l-investiment dgħajjef fl-Ewropa; jinnota l-inċertezza fis-swieq finanzjarji; jenfasizza li, f'dawn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali, ħafna Stati Membri qed jaqgħu lura fir-rigward tal-miri ekonomiċi u l-miri tal-Ewropa 2020 tagħhom;

2.  Jieħu nota taż-żieda fl-2012 ta' EUR 10 biljun fil-kapital tal-BEI, u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jerġgħu jżidu l-kapital ta' din l-istituzzjoni Ewropea;

3.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, fl-2013, l-investiment totali fl-UE naqas bi 13 % meta mqabbel mal-perjodu ta' qabel il-kriżi, u l-investiment f'xi Stati Membri naqas b'25 % jew anke saħansitra b'60 %, li ħoloq żbilanċ perikolużi fl-investiment fl-UE; huwa tal-fehma li investimenti li jtejbu t-tkabbir u li joħolqu l-impjiegi għadhom sfida kbira għall-BEI, kif inhi wkoll l-allokazzjoni aktar effiċjenti tal-fondi mill-UE u l-Istati Membri għas-snin li ġejjin; jemmen li l-BEI għandu rwol importanti x'jaqdi fl-appoġġ ta' investimenti għal tkabbir sostenibbli, konverġenti u inklużiv, bħala parti minn sforz ġenerali tal-UE f'din id-direzzjoni;

4.  Jappella għal żieda fl-attività ta' investiment tal-BEI, b'attenzjoni partikolari għall-infrastruttura strateġika, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-SMEs, ir-R&Ż, u l-intrapriżi ġodda (start-ups) innovattivi, b'mod sostanzjali u prudenti, sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-ekonomija reali u jiġi indirizzat id-distakk konsiderevoli fl-investiment li l-ekonomiji Ewropej qed jiffaċċjaw; jappella għal titjib fl-attività tiegħu f'konformità mal-Protokoll (Nru 28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali; jenfasizza l-importanza li jinħolqu għodod ġodda ta' investiment li jżidu l-kapaċità ta' ġarr tar-riskju tal-BEI u jippromwovu investimenti effiċjenti u effikaċi, preferibbilment billi ma jaqilgħux 'il barra l-investimenti privati; jilqa' ż-żieda ta' firem għall-ogħla livelli mill-2009 'l hawn, iżda jenfasizza li l-livelli tal-firem għandhom potenzjal akbar; jinnota l-ħtieġa urġenti ta' aċċess għall-finanzi, speċjalment fil-każ tal-SMEs;

5.  Jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid il-programm tiegħu ta' ppjanar strateġiku b'konformità mal-mandat tiegħu; iħeġġeġ lill-BEI jiffinanzja proġetti ta' investiment li għandhom l-akbar impatt ekonomiku u soċjali;

6.  Jenfasizza li, sabiex il-BEI jkun jista' jappoġġja l-għanijiet ekonomiċi stabbiliti, il-fiduċja fis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tal-istituzzjoni nnifisha kif ukoll fil-proġetti li hija tappoġġja, huma essenzjali; jenfasizza, għalhekk, li l-attivitajiet ta' self tal-bank iridu jkunu ta' kwalità għolja;

7.  Jenfasizza li l-espansjoni tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI ma tistax tkun sostitut għal baġits konsolidati u riformi strutturali fl-Istati Membri;

8.  Jenfasizza li l-investiment, ir-riformi strutturali u politika baġitarja soda jridu jagħmlu parti minn strateġija globali;

9.  Iqis li l-BEI għandu jkun bank ta' għarfien u ta' prattiki tajba u mhux istituzzjoni finanzjarja biss;

10.  Jissuġġerixxi li l-BEI jtejjeb il-kapaċitajiet ta' analiżi settorjali tiegħu;

11.  Jistieden lill-BEI u lill-korpi ta' investiment oħrajn tal-UE jinfurzaw il-kooperazzjoni sabiex jiġu evitati r-riskji ta' duplikazzjoni tal-investimenti;

12.  Ifakkar li l-Parlament laqa' l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza l-ħtieġa li l-FEIS jiffunzjona b'mod effettiv, trasparenti u ġust, f'konformità mal-kriterji tal-mandat u r-regolament tiegħu; jistieden lill-BEI jimplimenta u jkompli jiżviluppa l-FEIS f'kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi, inkluż permezz ta' konklużjoni f'waqtha u obbligatorja tal-ftehim pendenti li hemm bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI;

13.  Jilqa' t-titjib fis-servizzi konsultattivi tal-BEI, li se jwassal għal użu dejjem aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE u għall-preparazzjoni u t-twettiq aħjar tal-proġetti;

14.  Jenfasizza li l-BEI għandu jikkunsidra l-vijabbiltà tal-proġetti bħala l-kriterju ewlieni għas-self; jistieden lill-BEI jiffoka fuq l-investimenti fl-ekonomija reali sabiex jistimula l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

15.  Jistieden lill-BEI jadotta Politika ta' Tassazzjoni Responsabbli effettiva u aġġornata, li għandha tkun sorveljata minn Unità tat-Taxxa u dettaljata f'Rapport Annwali tat-Taxxa tal-BEI; jappella sabiex din il-politika tinvolvi lill-BEI b'mod attiv, bl-użu tal-klawżola ta' rilokazzjoni tagħha u sistematikament jiġi ppubblikat id-domiċilju tal-fondi li jibbenefikaw minn għajnuna tal-BEI; jistieden lill-BEI iżomm lura milli jiffinanzja benefiċjarji jew intermedjarji finanzjarji u milli jikkoopera ma' sħab finanzjarji b'rekord negattiv ippruvat, u biex jinforza miżuri ta' prevenzjoni u valutazzjonijiet regolari tat-taxxa fuq ġurisdizzjonijiet fiskali li ma jikkooperawx u li ġew uffiċjalment iddikjarati bħala rifuġji fiskali mill-Kummissjoni, u kontra l-frodi tat-taxxa u fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll kontra l-evitar illegali u aggressiv tat-taxxa; jistieden lill-BEI jittratta b'mod aktar effettiv ir-riskji tal-korruzzjoni u tal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fil-proġetti tal-BEI; jistieden lill-BEI jieħu lura l-fondi mislufa fejn dawn ma kinux intefqu skont ir-regoli, u jitlob lista ta' tranżazzjonijiet pendenti tal-BEI, speċjalment dawk li jidhru fil-lista tal-Kummissjoni tal-"akbar 30" rifuġju fiskali fid-dinja;

16.  Jistieden lill-BEI jivvaluta s-sħubijiet bejn is-setturi privati u pubbliċi f'termini tat-tkabbir, impjiegi u l-input ta' produttività tagħhom u l-valur miżjud għall-ekonomiji u s-soċjetajiet rilevanti u l-influwenza fuq il-baġits pubbliċi, b'mod kosteffiċjenti u effettiv, b'mod partikolari meta titqies il-perspettiva attwali tar-rati ta' interessi baxxi fuq perjodu twil; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-bażi tal-għarfien għall-parteċipazzjoni tal-gvernijiet, reġjuni u muniċipalitajiet fl-istrutturi tas-sħubija pubblika-privata (PPP);

17.  Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Istati Membri fejn is-sħubijiet privati-pubbliċi huma anqas żviluppati jistgħu jikkunsidraw linji gwida biex jinkoraġġixxu użu aktar effiċjenti ta' dan it-tip ta' kuntratti;

18.  Jinnota li l-bonds tal-BEI huma l-uniku eżempju ta' ħruġ ta' dejn tal-Unjoni;

19.  Jilqa' l-politika tal-BEI li jżid il-finanzjament tal-SMEs u li jinvesti fiż-żgħażagħ, iżda għalissa jinsab imħasseb li r-riżultati għall-ekonomija reali u l-impjiegi għadhom limitati; jilqa' ż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) minn EUR 3 biljun għal EUR 4,5 biljun, u jitlob lill-FEI jipprovdi rapport analitiku tal-kisbiet tiegħu abbażi ta' din iż-żieda sostanzjali; jitlob, bl-istess mod, lill-BEI jirrapporta dwar ir-riżultati tal-Mandat għat-Tisħiħ tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI għall-benefiċċju ta' SMEs innovattivi u ta' riskju għoli.

20.  Jilqa' l-fatt li fl-2014 il-BEI kien l-akbar emittent bil-ħruġ ta' EUR 4,3 biljun fis-suq tal-Bonds Ħodor, li kien żdied b'mod sinifikanti biex jilħaq ħruġ ta' EUR 28 biljun, u jistieden lill-BEI ikompli jinfurza politiki ta' enerġija rinnovabbli li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent; jilqa' wkoll il-fatt li l-BEI se jkun qed iwettaq u jitlob il-pubblikazzjoni ta' valutazzjoni tal-klima, u jistieden lill-BEI isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart, u biex jipprijoritizza l-investiment fi proġetti mqiegħda fil-quċċata tal-ġerarkija tal-iskart u fi kwalunkwe forma oħra ta' rkupru tal-enerġija;

21.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp reġjonali u jistieden lill-BEI itejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, banek u aġenziji reġjonali u lokali; iqis li, f'dan il-qafas, il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tiġi appoġġjata wkoll;

22.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni partikolari lill-pajjiżi terzi u lir-reġjuni barra l-UE li jbatu minn kunflitti u faqar estrem, bl-għan ewlieni jkun li jitnaqqas id-distakk fl-iżvilupp bejn l-UE u dawn ir-reġjuni, b'enfasi speċjali fuq il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Viċinat tal-Lvant tal-Ewropa; jappella għar-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji; jistieden lill-BEI iżid aktar l-effiċjenza tal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (REM) għall-attivitajiet barra mill-UE; jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI; jilqa' l-fatt li l-għotjiet tal-UE qed jitħalltu dejjem aktar mas-self tal-BEI biex jinkisbu riżultati aħjar fil-proġetti fil-pajjiżi sħab tal-UE;

23.  Jistieden lill-BEI itejjeb aktar it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, kemm internament, għall-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet oħra, kif ukoll għall-pubbliku, speċjalment fir-rigward tas-sistema ta' kuntratti u sottokuntratti, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet interni, kif ukoll l-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-programmi, abbażi ta' indikaturi ċari u li jitkejlu, kif ukoll il-metodoloġija u r-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt ex ante u r-rappurtar ex post għal kull proġett iffinanzjat, bil-kundizzjoni li ma tkun involuta l-ebda informazzjoni sensittiva dwar in-negozju; iħeġġeġ lill-BEI jinfurza l-indipendenza u l-effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti u biex jieħu passi ulterjuri biex inaqqas il-burokrazija, iżid il-kapaċità tiegħu ta' analiżi makroekonomika u jsaħħaħ ir-rappreżentanza tas-sessi fil-karigi għolja tiegħu; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' diversità fil-kumitat ta' ġestjoni, fil-bord tal-gvernaturi u l-bord tad-diretturi tal-BEI, partikolarment fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

24.  Jitlob lill-BEI iżid ir-rappurtar tiegħu lill-Parlament u lil partijiet interessati oħra dwar id-deċiżjonijiet tiegħu, il-progress miksub u l-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu ġewwa u barra l-UE, permezz ta' strutturi regolari ta' djalogu li jżidu s-sorveljanza parlamentari, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux konformi, u biex jikkonforma bis-sħiħ mar-Regolament tal-FEIS, partikolarment dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali mal-Parlament; jistieden lill-BEI sabiex, għall-attivitajiet ordinarji tiegħu, japplika l-istess dispożizzjonijiet ta' rappurtar u ta' għoti ta' rendikont kif imniżżel fir-Regolament tal-FEIS; f'dan l-ispirtu, jistieden lill-BEI jaqbel li jiffirma ftehim mal-Parlament li jippermetti li jsiru mistoqsijiet diretti lill-President tiegħu, kif diġà jsir mal-President tal-BĊE, u biex ittejjeb il-proċess tal-għażla għall-karigi tiegħu ta' Direttur Eżekuttiv u Viċi Direttur Eżekuttiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Philippe De Backer, Ildikó Gáll-Pelcz, Marian Harkin, Sophia in ‘t Veld, Barbara Kappel, Verónica Lope Fontagné, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Alessia Maria Mosca, Michel Reimon, Maria João Rodrigues

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agnes Jongerius, Anneleen Van Bossuyt, Igor Šoltes

10.12.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014

(2015/2127(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eider Gardiazabal Rubial

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' t-tnedija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jħeġġeġ lill-BEI jiżgura l-addizzjonalità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu fir-rigward tal-programmi tal-UE li għaddejjin bħalissa u l-attivitajiet tradizzjonali tal-BEI; jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna mill-proġetti magħżula matul il-fażi ta' warehousing kien ikollhom aċċess għall-finanzjament b'kundizzjonijiet normali u li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' addizzjonalità; ifakkar li l-garanzija tal-FEIS kienet maħsuba sabiex tippermetti lill-BEI jieħu aktar riskji filwaqt li jibqa' jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu; jenfasizza li huwa se joqgħod attent ħafna fil-monitoraġġ tal-konformità ma' dan il-kriterju; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza, li tirrikjedi prattiki ta' rappurtar imtejba; jistieden barra minn hekk lill-BEI jagħmel użu tajjeb u trasparenti mit-tabella ta' valutazzjoni;

2.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs), b'mod partikolari fil-qafas tal-FEIS, fid-dawl tal-ħiliet speċjali u l-għarfien li għandhom fl-għoti ta' finanzjament lil intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u lil kumpaniji ġodda innovattivi; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm trasparenza sħiħa u li tingħata prijorità lill-orjentament lejn ir-riżultati fir-rigward tal-involviment tal-NPBIs fil-proġetti tal-FEIS;

3.  Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u għandhom jibqgħu l-mira prinċipali tal-attivitajiet ta' self tal-BEI billi jiġu infurzati strumenti bħall-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta bħall-Faċilità ta' Garanzija InnovFin għall-SMEs;

4.  Jilqa' l-informazzjoni ġdida pprovduta mid-dokument ta' ħidma dwar l-istrumenti finanzjarji li takkumpanja l-abbozz tal-baġit; jiddispjaċih madankollu li ma ngħatatx stampa ġenerali tal-impenji u l-pagamenti annwali lill-BEI u jistenna aktar informazzjoni;

5.  Jenfasizza l-importanza li jiġu evitati żbilanċi ġeografiċi fl-attivitajiet ta' self tal-BEI biex tkun żgurata allokazzjoni usa' mil-lat ġeografiku u settorjali;

6.  Jistenna li l-Grupp tal-BEI joqgħod partikolarment attent fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi li l-istrumenti finanzjarji ''ma jiġġenerawx vantaġġi indebiti, b'mod partikolari fil-forma ta' dividendi jew profitti indebiti għal terzi'', minħabba l-biża' li l-FEIS jista' b'xi mod jikkontribwixxi għas-''soċjalizzazzjoni tar-riskji u l-privatizzazzjoni tal-profitti'' fid-dawl ta' esperjenzi ta' finanzjament f'każijiet bħall-proġett Castor fi Spanja jew il-proġett Passante di Mestre fl-Italja;

7.  Iqis li lil hinn mill-BEI u l-NPBIs, hemm bżonn li jipparteċipaw l-atturi rilevanti kollha sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq differenti fl-Istati Membri u sabiex tinkiseb addizzjonalità ġenwina;

8.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-BEI juża l-mezzi kollha, inkluż iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, sabiex jippromwovi b'mod attiv il-parteċipazzjoni tal-NPBIs fl-istrumenti finanzjarji li huwa għandu l-kompitu li jimplimenta; jistenna b'mod partikolari li l-NPBIs, jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, jikkontribwixxu għal ammont xieraq ta' proġetti u ma jillimitawx ruħhom biss għall-finanzjament;

9.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-mandat estern tal-BEI qabel ir-rieżami intermedju, filwaqt li jittieħed kont tal-attivazzjoni potenzjali ta' EUR 3 biljuni addizzjonali; jikkonferma l-impenn tiegħu li jeżamina mill-qrib l-ewwel ''rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti'' li għandhom jiġu ppubblikati taħt il-mandat ta' self estern għall-perjodu 2014-2020;

10.  Jitlob f'dan ir-rigward it-tisħiħ tal-mandat estern tal-BEI sabiex jirrispondi għall-isfidi attwali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE; jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; ifakkar li l-attivitajiet ta' finanzjament ewlenin għandhom jimmiraw ukoll li jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet urġenti u kemm l-isfidi aktar fit-tul bħall-bini mill-ġdid tal-infrastruttura, l-iżgurar ta' akkomodazzjoni adegwata u infrastruttura ta' emerġenza u l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

11.  Iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ l-attivitajiet tiegħu sabiex jgħin jindirizza d-dimensjoni esterna u l-kawżi fundamentali tal-kriżi attwali tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni; jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq l-għoti ta' appoġġ lill-bżonnijiet ta' investiment f'infrastruttura urbana u tas-saħħa kif ukoll infrastruttura edukattiva u soċjali, biex b'hekk jiġu stimulati attivitajiet ekonomiċi li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

12.  Huwa għalkollox favur li sa mill-fażijiet inizjali tal-proċess ta' għażla tal-BEI jiġi vverifikat b'mod effikaċi li l-proġetti kollha jkunu allinjati mal-objettivi u l-politiki tal-UE, biex b'hekk fil-pjanijiet jiġu inklużi biss proġetti li huma kompletament konformi; jistieden lill-BEI jtejjeb aktar it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, kemm internament u kemm għall-pubbliku, partikolarment b'rabta mal-għażla, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-attivitajiet u l-programmi; jitlob ukoll li tiġi ppubblikata kemm jista' jkun informazzjoni dwar is-sistema tal-kuntratti u s-sottokuntratti, u li l-Parlament jingħata aċċess f'kull każ għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni finanzjarja dwar dik is-sistema;

13.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rati għoljin ferm ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-BEI jikkunsidra din is-sitwazzjoni meta jimplimenta l-politiki tiegħu;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar komprensiva u dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont is-settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu sabiex jirrimedja tali nuqqasijiet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Anneli Jäätteenmäki, Andrey Novakov, Marco Valli

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Benedek Jávor, Markus Pieper, Julia Pitera, Marco Zanni

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0201.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0183.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0161.

(4)

ĠU L 169, 01.07.2015, p. 1.

Avviż legali