Proċedura : 2015/2091(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0052/2016

Testi mressqa :

A8-0052/2016

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 25
CRE 11/04/2016 - 25

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.17
CRE 12/04/2016 - 5.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0110

RAPPORT     
PDF 602kWORD 182k
10.3.2016
PE 569.771v02-00 A8-0052/2016

dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-Ftehimiet dwar is-Sajd

(2015/2091(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Linnéa Engström

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-Ftehimiet dwar is-Sajd

(2015/2091(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, adottat f'Ottubru 1995, u l-istrumenti u l-linji gwida assoċjati magħha,

–  wara li kkunsidra l-kunċett ta' ekosistema marina vulnerabbli li ħareġ mid-diskussjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) u żied fil-momentum wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 61/105 tal-AĠNU tal-2006, u l-fatt li l-ekosistemi marini vulnerabbli jikkostitwixxu żoni li jistgħu jkunu vulnerabbli għall-impatt tal-attivitajiet tas-sajd,

–  wara li kkunsidra l-Kriterji u l-Gwida Xjentifika tal-Azores tal-2009 għall-identifikazzjoni ta' żoni tal-baħar ekoloġikament jew bijoloġikament sinifikanti u t-tfassil ta' netwerks rappreżentattivi ta' żoni protetti tal-baħar fl-ilmijiet miftuħa tal-oċeani u abitati tal-baħar fond skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta' Distanzi Twal tas-16 u s-17 ta' Settembru 2015,

–  war li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 11/2015 tal-20 ta' Ottubru 2015 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem 'Il‑Ftehimiet ta' Sħubija dwar is‑Sajd huma mmaniġġjati tajjeb mill‑Kummissjoni?'

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0052/2016),

A.  billi, skont ir-rapport tal-2014 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) bl-isem 'The State of World Fisheries and Aquaculture', in-numru ta' stokkijiet sfruttati żżejjed żdied kontinwament sal-2008 iżda naqas kemxejn fl-2011;

B.  billi l-UE hija waħda mill-atturi prinċipali tas-sajd fid-dinja, bi preżenza storika qawwija u attivitajiet sinifikanti fl-oċeani kollha tad-dinja bis-saħħa ta' taħlita ta' attivitajiet tal-flotta, investimenti privati minn ċittadini tal-UE, in-netwerk ta' ftehimiet bilaterali tagħha dwar is-sajd, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, u l-parteċipazzjoni tagħha fl-akbar organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) kollha, u billi l-UE tinkoraġġixxi prattika tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet globali tal-ħut jeħtieġ inevitabbilment li tinvolvi l-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali, inkluża kooperazzjoni bilaterali; billi l-UE għandha rwol ewlieni fit-tmexxija globali tal-ibħra u l-oċeani, u billi l-PKS trid tkun ibbażata fuq viżjoni ambizzjuża li tkun koerenti mad-dimensjoni interna prevista fir-regolament bażiku dwar dan is-suġġett;

D.  billi l-FAO riċentament ippubblikat Linji Gwida Volontarji għall-Iżgurar tas-Sostenibilità tas-Sajd fuq Skala Żgħira, li jistabbilixxu objettivi b'rabta ma' tali sajd, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

E.  billi l-UE hija suq ewlieni għall-prodotti tas-sajd (inkluż il-ħut maqbud mill-flotot tal-UE kif ukoll l-importazzjonijiet) u l-ikbar importatur ta' tali prodotti, billi tikkonsma 11 % tal-produzzjoni tal-ħut fid-dinja f'termini ta' volum u timporta 24 % tal-prodotti tas-sajd f'termini ta' valur, anke jekk tirrappreżenta 8 % biss tal-qabda dinjija; billi l-UE għandha industrija estensiva tal-ipproċessar b'dimensjoni soċjali sinifikanti li jeħtieġ tiġi protetta;

F.  billi d-dimensjoni esterna tal-PKS l-ġdida tinkludi ftehimiet internazzjonali u sajd fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, billi l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-FAO jissuġġerixxu l-identifikazzjoni ta' żoni tal-baħar ekoloġikament jew bijoloġikament sinifikanti u ekosistemi marini vulnerabbli, rispettivament, u billi ż-żoni protetti tal-baħar huma għodod essenzjali għal ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema, kif rikonoxxut mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

G.  billi l-kwoti fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd primarjament ġew ibbażati fuq qabdiet storiċi, u dan wassal għal aċċess preferenzjali tal-pajjiżi żviluppati għall-istokkijiet globali tal-ħut; billi l-kriterji ta' allokazzjoni stabbiliti minn xi organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd issa jridu jintużaw biex jikkunsidraw is-sajd li jsir mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-kosta, li għal ġenerazzjonijiet sħaħ iddipendew fuq riżorsi tas-sajd fil-viċin, fatt li l-UE trid tkompli tirrispetta;

H.  billi huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn il-ftehimiet nordiċi man-Norveġja, l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe, u l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli li jinvolvu pajjiżi oħra;

I.  billi l-UE jrid ikollha l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp skont l-Artikolu 201(1) tat-TFUE li jgħid li 'l-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw';

J.  billi f'xi każijiet mhemmx biżżejjed data dwar l-istatus tar-riżorsi u dwar it-tneħħija totali minn flotot lokali u dawk ta' pajjiżi terzi fir-rigward tal-istokkijiet tal-ħut mistada mill-UE f'ilmijiet ta' pajjiżi terzi, jew li huma destinati għas-suq tal-UE, u għaldaqstant huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-livell ta' stokkijiet żejda skont diversi ftehimiet imħallta kif meħtieġ mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); billi jkun mixtieq li l-kwantità u t-trasparenza ta' data bħal din jiżdiedu;

K.  billi l-UE għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli konklużi ma' pajjiżi terzi jipprovdu benefiċċji reċiproċi lill-UE u lill-pajjiżi terzi kkonċernati, anke lill-popolazzjonijiet lokali u lis-setturi tas-sajd tagħhom;

L.  billi l-problema tal-piraterija għandha wkoll effetti negattivi fuq ir-reġjuni fejn isir sajd regolat fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali tas-sajd;

1.  Jilqa' l-inklużjoni fir-regolament bażiku dwar il-PKS, għall-ewwel darba, ta' kapitolu li jirreferi għad-dimensjoni esterna, inklużi kondizzjonijiet minimi għal ftehimiet bilaterali, dover li tiġi promossa l-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-konsistenza bejn il-miżuri li jieħdu, referenza espliċita għal standards komuni kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom, u dikjarazzjoni li l-miżuri jridu jkunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

2.  Jenfasizza l-importanza li tkun żgurata l-konsistenza bejn il-politiki dwar is-sajd, dwar l-ambjent u dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

3.  Jagħraf l-importanza li l-koerenza u l-kompatibilità tal-qafas legali eżistenti jinżammu u jiġu estiżi;

4.  Jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-korpi tal-Kummissjoni rilevanti għas-sajd, jiġifieri DĠ MARE, DĠ DEVCO u DĠ TRADE;

5.  Jinsisti li l-promozzjoni, mill-UE u l-imsieħba li magħhom għandha ftehimiet bilaterali u ftehimiet oħra, ta' sajd ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli bbażat fuq it-trasparenza u l-parteċipazzjoni ta' partijiet kkonċernati mhux governattivi, speċjalment professjonisti li jiddependu mis-sajd għall-għajxien tagħhom, hija essenzjali sabiex ikun żgurat futur għall-komunitajiet kostali, l-ambjent tal-baħar, l-iżvilupp tal-industrija lokali, l-impjieg iġġenerat permezz tas-sajd, l-ipproċessar u l-kummerċ, u l-kontribut tas-sajd għas-sigurtà tal-ikel;

6.  Jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ħarsien tal-ekosistema u ż-żamma tal-istokkijiet tal-ħut f'livelli ogħla mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, għax aktar stokkijiet abbundanti tal-ħut huma rekwiżit importanti biex jippermettu l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali tas-sajd ta' pajjiżi terzi, f'konformità mal-Linji Gwida Volontarji għall-Iżgurar tas-Sostenibilità tas-Sajd fuq Skala Żgħira tal-FAO;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali li l-għajxien tagħhom jiddependi l-aktar mis-sajd u mill-attivitajiet relatati mal-industrija tas-sajd; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġati il-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tat-trasferiment ta' teknoloġiji u l-ħiliet, tal-ġestjoni tal-kapaċità, tas-sħubiji ta' diversi partijiet ikkonċernati u investimenti oħra għall-benefiċċju tal-industrija tas-sajd;

8.  Ifakkar li l-istandards ambjentali li jridu jiġu applikati wkoll għas-sajd estern tal-UE jinkludu l-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd flimkien mal-approċċ ta' prekawzjoni, sabiex l-istokkijiet sfruttati jerġgħu jinbnew u jinżammu f'livelli ogħla mil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sal-2015, fejn possibbli, u mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha;

9.  Jenfasizza li l-aspetti kollha tad-dimensjoni esterna tal-PKS għandhom jiġu affermati fuq relazzjonijiet ekwi u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħhom globalment, sew jekk ikunu bilaterali (ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli) jew multilaterali (organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd), bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija lokali tas-sajd; jenfasizza li tali ekwità għandha wkoll tiġi riflessa fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod konsistenti mar-rekwiżit tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fid-dimensjoni esterna tal-PKS, kunsiderazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, inklużi ftehimiet bilaterali konklużi ma' pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li s-sajd lokali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jibbenefika;

11.  Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta' Distanzi Twal biex żviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS riveduta u l-implimentazzjoni tagħha, flimkien ma' partijiet interessati minn pajjiżi terzi;

12.  Jinsisti li, fl-attivitajiet esterni tagħha relatati mas-sajd (qbid, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni), l-UE għandha tippromwovi l-ogħla standards ambjentali u soċjali tagħha u timplimenta miżuri ta' kontroll u spezzjoni rigorużi u effettivi, filwaqt li tiżgura t-trasparenza fl-attivitajiet kollha tagħha, sabiex tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol tad-dimensjoni esterna tal-PKS fil-ħolqien tal-impjiegi (kemm fl-UE kif ukoll fi bnadi oħra) u l-provvista tal-ħut għas-swieq tal-UE (u għas-swieq lokali f'ċerti ċirkostanzi), u bħala mezz li bih l-UE tista' tipprovdi assistenza teknika, finanzjarja u xjentifika lill-pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għal titjib fir-riċerka xjentifika, reġimi ta' kontroll u ta' sorveljanza u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet;

14.  Jilqa' t-titjib konsiderevoli fil-mod kif l-UE ġestiet id-dimensjoni esterna tal-PKS f'dawn l-aħħar snin, kemm f'termini ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħhom, bir-riżultat li l-flotot tal-UE ġeneralment huma fost l-aktar progressivi fis-sajd f'ilmijiet imbiegħda fl-ilħuq ta' standards soċjali u ambjentali għolja; iqis li l-UE għandha tippromwovi tali standards ambjentali u soċjali fil-kuntest internazzjonali permezz tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u tan-netwerk tagħha ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli;

15.  Jirrikonoxxi li meta l-flotta tal-UE ma tibqax topera f'żona tas-sajd, id-drittijiet tas-sajd tagħha jaf jerġgħu jitqassmu fost flotot oħra li jkollhom standards ħafna aktar baxxi ta' konservazzjoni, ġestjoni u sostenibilità minn dawk stabbiliti u difiżi mill-UE;

16.  Iqis li l-għoti ta' appoġġ settorjali għas-settur tas-sajd fil-pajjiż sħab ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli huwa ta' importanza kritika biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet dejjem jikbru tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd, il-kapaċità tar-riċerka xjentifika, il-bini u l-manutenzjoni tal-infrastruttura, u t-taħriġ tal-ispetturi tas-sajd u tal-membri tal-ekwipaġġ, u biex jitjiebu l-provvista u d-disponibilità tal-ħut bil-għan li jkun żgurat l-ikel għall-popolazzjonijiet fil-pajjiż sħab ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli billi jingħata appoġġ għall-ħidma mwettqa min-nisa fis-settur tas-sajd;

17.  Jinsisti, għalhekk, fuq rabta aħjar bejn l-appoġġ settorjali provdut skont il-ftehimiet ta' sajd u l-istrumenti disponibbli fi ħdan l-ambitu tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod speċifiku l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u fuq trasparenza sħiħa fil-finanzjament ta' proġetti tas-sajd u l-użu tal-appoġġ settorjali, sabiex jiġi żgurat użu xieraq tal-fondi tal-UE;

18.  Itenni l-bżonn għal aktar informazzjoni xjentifika dwar l-istatus tar-riżorsi u data dwar il-qbid/l-isforz għas-sajd barra l-bilità tal-UE, speċjalment fl-bilità ta' ċerti stati kostali, filwaqt li l-fondi disponibbli skont Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jintużaw għal dak l-għan;

19.  Jinnota li, skont l-aħħar rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd, filwaqt li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-ftehimiet huwa li jiġu mistada biss l-istokkijiet żejda, dan kien diffiċli ħafna biex jiġi implimentat fil-prattika, minħabba nuqqas ta' informazzjoni affidabbli dwar l-istokkijiet tal-ħut u dwar l-isforz tas-sajd tal-flotot domestiċi jew ta' flotot oħra barranin oħra li ngħataw ukoll aċċess mill-pajjiżi sħab; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' data xjentifika affidabbli u evalwazzjonijiet ex-post indipendenti dwar l-effettività tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd;

20.  Jinsisti li l-UE, permezz tal-ftehimiet tagħha ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u l-ħidma tagħha fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, għandha tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-bilità tal-Afrika għall-flotot barranin kollha fir-rigward tat-tonn u tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar u demersali, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet favorevoli għas-sajjieda li jaħdmu b'mod sostenibbli u responsabbli;

21.  Jitlob l-espansjoni ta' programmi ta' osservatur indipendenti, li jikkontribwixxu għas-sorveljanza tas-sajd u l-ġbir ta' data xjentifika;

22.  Jinsab konvint li huwa biss permezz tal-ġestjoni reġjonali tas-sajd, inklużi l-programmi ta' osservatur u s-sistemi ta' spezzjoni (fil-port u fuq il-baħar) u ta' kontroll fil-livell reġjonali, li l-isfruttament sostenibbli u ekwu jista' jiġi żviluppat għall-istokkijiet tal-ħut li jpassi ħafna u għall-istokkijiet tranżkonali u dawk kondiviżi, kif meħtieġ skont l-UNCLOS u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut;

23.  Jinnota li jeżisti qafas legali għall-ġestjoni reġjonali ta' speċijiet li jpassu ħafna, flimkien ma' bosta stokkijiet oħra, permezz tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd għat-tonn u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd oħra, minkejja li ċertu sajd jibqa' barra n-netwerk ta' organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li ż-żoni ta' sajd rilevanti kollu jiġu ġestiti minn xi organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd mill-aktar fis possibbli;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni talloka aktar fondi lill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, peress li dawn għadhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

25.  Jinsab imħasseb li ċerti tipi oħra ta' sajd, speċjalment għall-istokkijiet kondiviżi li ma jinstabux fl-ibħra internazzjonali, għad m'għandhomx forum effettiv għall-kooperazzjoni u l-ġestjoni reġjonali; iqis din il-ħaġa problema serja, partikolarment għall-istokkijiet tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar fl-Afrika tal-Punent, meta titqies l-importanza strateġika tagħhom għas-sigurtà tal-ikel, kif ġie osservat f'Opinjoni Konsultattiva lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar reċenti(4);

26.  Iħeġġeġ lill-UE tuża l-influwenza tagħha biex tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd b'dimension reġjonali jiġu ġestiti minn organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF), sabiex isir organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd sħiħa b'awtorità għat-teħid tad-deċiżjonijiet, aktar milli korp reġjonali konsultattiv għas-sajd tal-FAO;

27.  Huwa konvint li, sakemm il-flotot tal-UE jkollhom aċċess għal sajd ieħor (eż. għal speċijiet demersali), hemm bżonn li l-UE tippromovi miżuri applikabbli għal kulħadd sabiex tiġi żgurata armonija bejn il-flotot industrijali u dawk artiġjanali tas-sajd, ħaġa li tista' tirrikjedi sistema ta' tqassim f'żoni sabiex jiġi protett is-settur tas-sajd lokali artiġjanali;

28.  Jitlob li jsiru aktar studji dwar l-ispeċijiet u l-abitati tal-baħar fond u l-protezzjoni miżjuda tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma partikolarment sensittivi jew fundamentali għal sostenibilità fit-tul tal-ekosistema;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi distribuzzjoni aktar ibbilanċjata tal-allokazzjoni tal-aċċess fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, filwaqt li tqis l-impatt ambjentali u soċjali, il-bżonnijiet tas-sigurtà tal-ikel, u l-aspirazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiżviluppaw is-sajd tagħhom stess; Jinnota li kwalunkwe riallokazzjoni teħtieġ li tinvolvi l-flotot kollha, kemm dawk li jistadu f'ilmijiet imbiegħda kif ukoll dawk nazzjonali, u għandha tkun ibbażati fuq kwalunkwe kriterju ta' allokazzjoni xieraq żviluppat mill-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rekwiżit fir-regolament bażiku li l-flotot kollha barranin li joperaw f'pajjiż li miegħu l-UE għandha ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jeħtieġu ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet ta' aċċess simili li jippromwovu s-sajd sostenibbli, bħala miżura importanti li tiżgura li l-flotot tal-ilmijiet mbiegħda l-oħra joperaw bl-istess standards bħall-UE aktar milli jdgħajfuhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssegwi dan ir-rekwiżit b'mod vigoruż;

31.  Jistieden lill-UE tuża n-netwerk tagħha ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u ta' negozjati fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd biex tiżgura li l-pajjiżi sħab tagħna jillimitaw l-aċċess tal-flotot tal-ilmijiet imbiegħda kollha għall-istokkijiet żejda, kif mitlub mill-UNCLOS u l-PKS, u kif tagħmel l-UE, u li jipprovdu aċċess preferenzjali għal flotot li jużaw l-iktar prattiki ambjentalment u soċjalment sostenibbli għar-reġjun u għall-istokkijiet ikkonċernati;

32.  Huwa mħasseb dwar il-possibilità ta' interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd bejn żewġ protokolli meta n-negozjati dwar protokoll ġdid jitwalu; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi s-sigurtà legali u ekonomika tal-operaturi billi tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet tas-sajd bejn iż-żewġ protokolli;

33.  Jagħraf l-importanza li jiġi stabbilit qafas usa' mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jinkludi mhux biss is-sajd imma wkoll l-oqsma preċedenti u sussegwenti tal-katina tal-provvista;

34.  Iħeġġeġ lill-UE tevita li tinnegozja ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli ma' pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija aċċettata;

35.  Jagħraf l-importanza li jiġi stabbilit qafas usa' mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jintegra s-sajd ma' temi oħra relatati mal-iżvilupp;

36.  Jemmen fl-importanza li l-liċenzji tas-sajd jiġu rikonoxxuti permezz ta' mezzi diplomatiċi;

37.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-sajd għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment is-sajd artiġjanali, minħabba l-kontribut tiegħugħas-sigurtà tal-ikel, l-ekonomija lokali u l-impjiegi, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, bla ħsara għar-rwol ta' dawk l-attivitajiet tas-sajd industrijali li jseħħu f'qafas responsabbli u trasparenti sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żoni kostali u l-provvista tal-prodotti tal-ħut;

38.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tirrispetta l-obbligu tagħha li tippromwovi s-sajd ambjentalment u soċjalment sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-politiki kollha tal-UE li jaffettwaw is-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (għajnuna, kummerċ, sajd);

39.  Jenfasizza l-importanza li n-nisa jiġu involuti tul il-katina kollha tal-valur, mill-iffinanzjar sal-ipproċessar u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ħut; jemmen li l-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa għal dawn l-attivitajiet għandha ssaħħaħ l-awtonomizzazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom, u b'hekk għandha rwol importanti biex jiġu eliminati d-differenzi bejn l-ġeneri; jinsisti li għandha tingħata iżjed attenzjoni għall-prijoritajiet relatati mal-ugwaljanza fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp lokali permezz tal-appoġġ settorjali, billi tiżdied l-awtonomizzazzjoni tas-sajd tal-pajjiżi sħab permezz ta', b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-akkwakultura sostenibbli, l-iżvilupp u l-konservazzjoni tas-sajd artiġjanali, it-titjib tal-għarfien xjentifiku dwar il-kondizzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-għoti ta' spinta lill-inizjattivi tas-settur privat mill-partijiet lokali; Jitlob lill-UE biex, permezz tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, tinkoraġġixxi governanza tajba, b'mod partikolari l-ġestjoni tajba tad-dħul pubbliku mis-settur tas-sajd u tal-kumpens finanzjarju;

41.  Iqis li l-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi, filwaqt li tibda minn dawk li magħhom tinnegozja ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, biex jistabbilixxu qafas regolatorju għall-impriżi konġunti bejn l-UE u partijiet interessati oħra fis-setturi tal-qbid, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni; hu tal-fehma li qafas bħal dan huwa l-aħjar mezz biex jiġi żgurat li l-impriżi konġunti jiġu stabbiliti u mħaddma f'konformità mal-istandards għoljin ta' sostenibilità u trasparenza kif promossi permezz tar-riforma tal-PKS, u b'hekk jipprovdu stabilità legali aħjar għall-interessi tal-UE b'appoġġ għall-iżvilupp tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi terzi;

42.  Jinsisti li t-trasparenza, ir-responsabilità u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati għandhom jitqiesu bħala elementi prinċipali għar-relazzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-sajd ma' pajjiżi terzi;

43.  Jenfasizza li l-investimenti Ewropej fis-settur tas-sajd ta' pajjiżi terzi bil-pretest ta' impriżi konġunti għandhom ikunu koperti mill-PKS; jenfasizza li l-UE, permezz tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli tagħha, għandha tippromwovi djalogu ma' pajjiżi sħab dwar l-istabbiliment ta' qafas regolatorju sabiex tiżgura li l-impriżi konġunti, fis-setturi tal-qbid, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ffurmati ma' sħab mill-UE jew pajjiżi oħra, joperaw b'mod trasparenti, ma jikkompetux mas-settur artiġjanali lokali u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-iżvilupp tal-pajjiż ikkonċernat;

44.  Jikkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, li jenfasizza li l-użu insuffiċjenti tal-kwoti ta' tunnellaġġ adottati f'ċerti protokolli reċenti jirriżulta fi spejjeż għoljin; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevita kemm jista' jkun l-ispejjeż mhux meħtieġa għall-baġit tal-UE f'dan il-qasam;

45.  Jemmen li l-Parlament għandu jkollu rwol aktar attiv mill-proċedura ta' approvazzjoni attwali, u jinsisti li dan għandu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura rigward il-konklużjoni jew it-tiġdid tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd, sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità demokratika tal-protokolli;

46.  Jirrikonoxxi l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-PKS fil-ħolqien tal-impjiegi kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab tagħna, anke permezz tar-reklutaġġ ta' membri tal-ekwipaġġ lokali fil-kuntest tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli; jinkoraġġixxi, meta jkun possibbli, li l-bastimenti tal-UE jħottu l-qabdiet tagħhom fil-pajjiżi sħab għall-ipproċessar inizjali; jitlob li jiddaħħlu strumenti li jipproteġu lill-ħaddiema u kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti fir-regolamenti Ewropej dwar il-kwistjonijiet tas-sajd (speċjalment fir-rigward tal-Konvenzjoni Nru 188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) u fil-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli sabiex jiġu garantiti l-istess kundizzjonijiet ta' xogħol, remunerazzjoni, protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u livelli ta' taħriġ għal ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi oħra;

47.  Jilqa' ħafna d-dispożizzjonijiet ta' trasparenza tal-aktar protokoll reċenti mal-Mauritania, li bih din tal-aħħar intrabtet li tippubblika kull ftehim ma' stati jew entitajiet privati li jagħti aċċess lil bastimenti barranin għaż-żona ekonomika esklussiva tiegħu (ŻEE), u jħeġġeġ li tali dispożizzjonijiet ta' trasparenza jiġu inklużi fil-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli kollha;

48.  Jilqa' wkoll il-fatt li l-protokoll mal-Mauritania jagħti aċċess prijoritarju lill-flotta tal-UE għas-sajd żejjed f'dak il-pajjiż, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli ssegwi dan l-eżempju meta tinnegozja protokolli ma' pajjiżi terzi oħra, filwaqt li tikkunsidra r-rekwiżiti stretti ta' sostenibilità li l-flotta tal-UE trid tosserva;

49.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li jiddaħħlu dispożizzjonijiet simili ta' trasparenza fi protokolli futuri oħra, li jwasslu għal trasparenza mtejba ħafna fir-rigward tal-isforz totali tas-sajd u l-kondizzjonijiet ta' aċċess; jitlob li l-informazzjoni dwar il-qabdiet aggregati tal-bastimenti mill-flotot kollha awtorizzati li jistadu fl-bilità tal-Mauritania, u l-kundizzjonijiet assoċjati ta' aċċess, tkun pubblikament disponibbli;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-korpi internazzjonali li hija involuta magħhom, tinkoraġġixxu pajjiżi terzi oħra jippubblikaw ukoll it-termini ta' ftehimiet oħra li jiffirmaw ma' stati oħra jew ma' entitajiet privati, inklużi l-identità tal-bastimenti awtorizzati li jistadu u l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom; iħeġġeġ, bl-istess mod, lill-pajjiżi terzi jikkonformaw mar-riżoluzzjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, li jippromwovu t-trasparenza fil-ftehimiet tas-sajd;

51.  Jinkoraġġixxi lil pajjiżi terzi oħra biex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, li jippromwovu t-trasparenza tal-ftehimiet tas-sajd fiż-ŻEE kkonċernata;

52.  Jemmen li l-Kummissjoni, malajr kemm jista' jkun, għandha ttejjeb it-trasparenza billi tistabbilixxi bażi ta' data li tkopri l-ftehimiet privati kollha bejn jew f'isem is-sidien ta' bastimenti tal-UE u korpi jew awtoritajiet lokali jew reġjonali jew pajjiżi terzi li jinvolvu aċċess għas-sajd ta' pajjiż terz, inklużi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-sajd, il-kapaċità permessa tal-flotot, l-identità tal-bastimenti u l-attivitajiet tas-sajd li jirriżultaw, u li din il-bażi tad-data tkun fid-dominju pubbliku, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-partijiet li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva;

53.  Jinnota li s-sidien tal-bastimenti jiffirmaw ftehimiet privati mal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi li huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-PKS; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ma tiġix notifikata b'mod sistematiku dwar tali ftehimiet; jinsab inkwetat li, f'ċerti ċirkustanzi, dan jista' jwassal għal kompetizzjoni inġusta mal-komunitajiet lokali tas-sajd tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll mas-sidien tal-bastimenti tal-UE li joperaw taħt ftehimiet bilaterali;

54.  Iqis li l-bastimenti tas-sajd li jistadu skont id-dispożizzjonijiet ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli iżda li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom, bħal dak li jagħtu lill-Istat Membru tagħhom id-data meħtieġa skont it-termini tal-awtorizzazzjoni tagħhom tas-sajd tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għall-pieni previsti fir-Regolament dwar il-Kontroll u r-Regolament IUU, inkluż, meta jkun il-każ, ir-rifjut ta' awtorizzazzjoni tas-sajd;

55.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-istimi preċedenti tad-daqs 'tal-flotta esterna' użaw definizzjonijiet differenti ta' tipi tal-bastimenti li għandhom jiddaħħlu, b'tali mod li l-istimi eżistenti mhumiex komparabbli u huwa impossibbli li titwettaq analiżi tad-daqs tal-flotta u l-evoluzzjoni tagħha matul iż-żmien, u dan jillimita ħafna t-trasparenza; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni tal-flotta esterna li tinkludi l-bastimenti kollha li joperaw barra mill-ilmijiet tal-UE, filwaqt li tagħti attenzjoni dovuta lill-ispeċifiċitajiet rilevanti tal-ftehimiet mal-pajjiżi tat-Tramuntana, sabiex ikun possibbli tqabbil storiku;

56.  Jinnota li, minkejja r-rwol li kellha l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran, id-differenzi fir-regoli applikati għall-UE u għall-flotot ta' pajjiżi terzi li joperaw fl-istess tip ta' sajd qed jikkawżaw problemi konsiderevoli għas-sajjieda tal-UE; iqis li jeħtieġ li l-UE żżid l-isforzi tagħha fil-baċir tal-Mediterran permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' korpi lokali, organizzazzjonijiet reġjonali, istituzzjonijiet xjentifiċi, osservatorji u raggruppamenti tas-sajd fuq il-bażi tal-pajjiż; iqis li l-UE għandha rwol fir-riżoluzzjoni ta' konflitti bejn il-bastimenti fil-Mediterran, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tappoġġa u tassisti lis-sajjieda li spiss ikunu soġġetti għal konfrontazzjonijiet ma' bastimenti ta' pajjiżi terzi, u biex tistabbilixxi kooperazzjoni eqreb mal-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

57.  Jilqa' l-pubblikazzjoni reċenti tal-ismijiet ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE u li ngħataw awtorizzazzjoni li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE, u jinsisti li l-Kummissjoni tippubblika informazzjoni bħal din, inkluż data dwar l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom;

58.  Jinnota li t-trasparenza hija prerekwiżit għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati fil-qasam tas-sajd u l-parteċipazzjoni informata tagħhom, speċjalment għall-professjonisti li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq is-sajd; iqis li tali konsultazzjoni u parteċipazzjoni għandhom jiġu promossi fil-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, inkluż in-negozjar ta' ftehimiet u protokolli, l-implimentazzjoni tagħhom, l-allokazzjoni u l-użu tal-appoġġ settorjali, il-ħidma mwettqa fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, u l-applikazzjoni ta' proġetti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

59.  Jinnota li r-regolament bażiku jinkludi dispożizzjoni li tirrikjedi li l-bastimenti li joħorġu mir-reġistru tal-UE u sussegwentement jirritornaw fih jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom qabel ir-ritorn tagħhom; iqis li dan ir-rekwiżit għandu jissaħħaħ b'tali mod li l-istorja kompluta tar-reġistrazzjoni ta' bastiment għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni u inkluża fil-bażi tad-data tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità qabel l-aċċettazzjoni fir-reġistru tal-bastiment;

60.  Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-UE fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li hu ta' theddida għall-istokkijiet tal-ħut u jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta għal sajjieda leġittimi; jirrikonoxxi l-kontribut tar-Regolament IUU għall-promozzjoni tas-sajd sostenibbli fid-dinja; iqis li, minħabba r-rwol ċentrali li għandha l-UE bħala s-suq ewlieni fid-dinja tal-ħut, hi għandha l-kapaċità li tiżgura l-appoġġ minn stati oħra, inklużi dawk li magħhom għandha ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, u atturi internazzjonali sabiex ikun żgurat approċċ komuni u sistema globali effettiva għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

61.  Jippromwovi l-iżvilupp ta' sistema internazzjonali unika ta' reġistrazzjoni tal-bastimenti kollha li jbaħħru fl-ilmijiet internazzjonali;

62.  Jinsisti li r-Regolament IUU għandu jiġu applikat b'mod rigoruż, oġġettiv u trasparenti, mhux diskriminatorju u armonizzat, sabiex jippromwovi kundizzjonijiet ekwi fost id-diversi flotot u pajjiżi, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dan; iqis, barra minn hekk, li sabiex jiġi żgurat is-suċċess ta' dan ir-regolament dan m'għandux ikun suġġett għall-ħtiġijiet għat-terminu qasir tal-politika kummerċjali tal-UE jew jintuża minn l-partijiet interessati fis-settur tas-sajd tal-UE bħala għodda biex tittejjeb il-kompetizzjoni b'mod inġust;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-inklużjoni fir-Regolament IUU ta' dispożizzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

64.  Jenfasizza li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli għandhom ukoll jiżguraw it-traċċabilità sħiħa tal-prodotti tas-sajd tal-baħar;

65.  Jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali nnegozjati mill-UE għandhom jippromwovu kondizzjonijiet ambjentalment sostenibbli u soċjalment ġusti għall-produzzjoni ta' prodotti tas-sajd fil-pajjiżi terzi kkonċernati, permezz tal-użu ta' restrizzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi xierqa tal-aċċess għas-suq tal-UE, sabiex ma ssirx ħsara lill-progress li qed isir fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat permezz ta' dan ir-regolament; jemmen ukoll li dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu rekwiżit biex kwalunkwe prodott tal-ħut jew derivat mill-ħut jitqiegħed fis-suq Ewropew, u li kwalunkwe prodott tal-ħut jew derivat mill-ħut li mhux garantit li jikkonforma ma' dawn il-kondizzjonijiet jew mar-rekwiżiti ta' protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu projbiti fis-suq Ewropew;

66.  Jemmen li l-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali prevalenti fil-ġbir u l-ipproċessar tal-ħut għandhom ikunu ċari għall-konsumaturi;

67.  Jissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali għandhom jinkludu referenza espliċita għar-Regolament IUU, inklużi l-istandards li jinsabu fih; jagħti parir lill-Kummissjoni biex tipproponi s-sospensjoni tar-relazzjoni kummerċjali ma' pajjiż terz li jkun ġie identifikat skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU;

68.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ddaħħal fir-Regolament IUU sistema simili għas-Sistema TRACES (Trade Control and Expert System) li tivverifika u tiċċekkja d-data relatata maċ-ċertifikati tal-qbid u l-bastimenti, jew tistabbilixxi perċentwal minimu għall-verifika tal-importazzjonijiet ta' prodotti pproċessati;

69.  Iqis li huwa importanti li toħroġ gwida dettaljata tal-pajjiżi li kienu s-suġġett ta' karti sofor jew ħomor, u li l-isforzi magħmula minnhom jiġu mmonitorjati;

70.  Jilqa l-inklużjoni tal-bastimenti tas-sajd bħala vulnerabbli fi ħdan l-attivitajiet tal-Operazzjoni Atalanta u jitlob li jibqgħu jingħataw appoġġ u protezzjoni lill-attività tal-flotta tal-UE.

71.  Iqis li n-negozjati tan-NU dwar sistema ġdida ta' governanza internazzjonali tal-oċeani fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali għandu jkollhom l-objettiv li jistabbilixxu reġim li jagħmilha possibbli li jiġu studjati u użati b'mod ekwu, sostenibbli u bi prekawzjoni r-riżorsi fl-ilmijiet internazzjonali tal-oċeani, inkluża l-ħidma kontinwa li jiġu identifikati ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli bil-ħsieb li jiġi implimentat netwerk koerenti ta' żoni protetti tal-baħar;

72.  Ifakkar id-dover tal-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-trattati, li tiżgura li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-attivitajiet esterni taċ-ċittadini u bastimenti tagħhom, u jitlob lill-UE tqis il-parir riċenti tat-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar li l-UE tiġi identifikata bħala stat tal-bandiera fil-kuntest ta' ftehimiet bilaterali;

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Fit-tmeninijiet, meta l-PKS kienet tinsab fi stadju bikri ħafna, kien hemm relattivament ftit nazzjonijiet imbiegħda li kienu jistadu fl-ilmijiet imbiegħda, u li kienu joperaw 'l bogħod mill-ilmijiet kostali tagħhom stess – l-UE, l-Unjoni Sovjetika, il-Ġappun, l-Istati Uniti għat-tonn, u xi oħrajn fuq skala żgħira. Issa, tletin sena wara, is-sitwazzjoni nbidlet radikalment u hemm kompetizzjoni intensa fiż-żoni kollha ta' oċeani għal ħafna speċi.

Fost l-atturi dejjem iżjed importanti hemm iċ-Ċina, il-Korea u t-Tajwan, li kollha kemm huma adottaw politiki aggressivi sabiex jiksbu aċċess għal riżorsi li qed jonqsu. Fi gradi differenti, dawn il-flotot ġeneralment joperaw skont standards ambjentali, ta' sikurezza u soċjali anqas stretti u jibbenefikaw minn sussidji għoljin u spiss minn livelli aktar baxxi ta' tassazzjoni. Ħafna minn dawn il-pajjiżi li jistadu f'ilmijiet imbiegħda ma jonorawx ir-responsabilitajiet tagħhom bħala stati tal-bandiera, tal-port u tas-suq, u lanqas ma jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem, affarijiet li jipprovdulhom vantaġġ ekonomiku kompetittiv fir-rigward tal-bastimenti tal-UE.

Huwa ċar li l-aqwa strateġija biex jinkiseb l-objettiv tal-UE għall-promozzjoni ta' sajd sostenibbli huwa li tintuża l-influwenza tal-UE fix-xena internazzjonali biex jitjiebu l-ġestjoni tas-sajd u l-istandards ta' trasparenza, biex tiġi inkoraġġuta ġirja għall-quċċata minflok tellieqa sal-qiegħ.

L-UE xorta għadha fil-preżent l-akbar suq dinji għall-prodotti tas-sajd, għandha waħda mill-akbar flotot li ttajjar il-bnadar tagħha u normalment hija kklassifikata fost l-ogħla tliet potenzi ta' qbid. Il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ħut fl-UE hi soġġetta għal miżuri stretti f'termini ta' traċċabilità, verifika tal-qabdiet u l-ġlieda kontra s-sajd IUU. Dan jikkontribwixxi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom s-settur tal-UE jingħata vantaġġ kompetittiv billi jkunu aħjar f'termini ta' sostenibilità ambjentali u soċjali tas-sajd, l-implimentazzjoni stretta ta' strumenti internazzjonali u r-regolamentazzjoni tas-suq.

F'Settembru ta' din is-sena, il-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta' Distanzi Twal organizza konferenza ta' jumejn dwar l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, li għaliha kienu mistiedna firxa wiesgħa ta' partijiet interessati mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk fl-Afrika tal-Punent u fl-Oċean Indjan. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza(5) jirriflettu domandi ċari għal, fost oħrajn:

•  trasparenza mtejba fl-attivitajiet ta' sajd,

•  approċċ reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, inkluża l-promozzjoni ta' armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' aċċess għal flotot barranin lejn pajjiżi terzi tal-ŻEE,

•  l-iżvilupp ta' qafas ta' sostenibilità għall-impriżi konġunti, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli,

•  sforzi politiċi serji ta' stati tal-bandiera u ma' stati kostali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU,

•  it-titjib tal-provvista tal-ħut għas-sigurtà tal-ikel billi tiġi appoġġata l-ħidma li ssir min-nisa fis-settur tas-sajd.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konferenza, fil-biċċa l-kbira tagħhom issustanzjaw dan ir-rapport.

Trasparenza

Vantaġġ wieħed li l-UE għandha fuq nazzjonijiet oħra li jistadu f'ilmijiet imbiegħda fil-promozzjoni tas-sajd sostenibbli hu li hi tippubblika t-test tal-ftehimiet tagħha kif ukoll l-evalwazzjonijiet tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-PKS riformata, jeħtieġu li l-UE tagħmel ħilitha biex tikseb informazzjoni dwar attivitajiet tas-sajd minn operaturi oħra f'pajjiżi terzi li magħhom għandna ftehim, li se jwassal għal aktar trasparenza dwar l-isforz kollettiv tas-sajd u l-identità tal-atturi differenti tas-sajd.

Komponent tad-dimensjoni esterna li jeħtieġ aktar trasparenza, madankollu, huma l-ftehimiet privati bejn is-sidien tal-bastimenti tal-UE u pajjiżi terzi. Ftehimiet bħal dawn jistgħu jinkludu bastimenti li huma proprjetà ta' interessi tal-UE iżda li jtajru bnadar li mhumiex irreġistrati fl-UE li joperaw skont ftehim iffirmat ma' pajjiż terz, jew bastimenti li jtajru bandiera tal-UE li joperaw f'pajjiżi li magħhom l-UE ma għandhiex ftehim bilaterali (il-klawsola ta' esklussività ma tippermettilhomx sajd f'pajjiżi ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli). Stħarriġ ta' ftit tas-snin ilu(6) indika li assoċjazzjoni waħda li f'dak iż-żmien kienet tiġbor flimkien 118-il kumpanija li kienu jopera 321 bastiment tas-sajd li jtajru 24 bandiera differenti, inkluż ħafna li magħhom l-UE kellha, jew li reċentement magħhom kellha, ftehimiet bilaterali. Il-qabdiet kienu madwar 450.000mt fis-sena, primarjament għall-forniment tas-suq tal-UE.

Reċentement ġiet ippubblikata bażi tad-datagħat-tfittix bl-użu ta' informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-bastimenti kollha li kienu awtorizzati li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE(7). Ħafna informazzjoni utli tista' tinstab hawnhekk.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex isibu mekkaniżmi biex japplikaw l-istess standards ta' sostenibilità ambjentali u soċjali tal-attivitajiet tal-kumpaniji kollha u bastimenti ta' oriġini fl-UE, li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE taħt diversità ta' ftehimiet. L-UE u l-Istati Membri għandhom ukoll jinfurzaw ir-responsabilitajiet tagħhom bħal stati tal-bandiera u stati tas-suq, u jsaħħu r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini involuti f'attivitajiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-UE. Xi Stati Membri, bħal Spanja, reċentement żviluppaw leġiżlazzjoni f'dan il-qasam, u l-Iżvezja ħarrket b'suċċess żewġ kumpanniji għal ksur ta' klawsola ta' esklussività skont il-ftehim mal-Marokk(8).

Id-dispożizzjonijiet ġodda tat-Trattat ta' Lisbona(9) jagħmlu l-ħarsien tal-investimenti privati tal-UE f'pajjiżi terzi kompetenza tal-UE, meta qabel dawn kienu kompetenza tal-Istati Membri. Jekk l-UE għandha tassumi responsabilità ta' dan it-tip, l-ewwel nett, għandu jkun hemm fehim ċar ta' x'jinkludu dawn l-investimenti fil-qasam tas-sajd. Attwalment, madankollu, m'hemm l-ebda lista sistematika ta' tali ftehimiet privati li jinvolvu bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jew għal bastimenti li jtajru bandiera mhux tal-UE iżda li huma proprjetà ta' u mħaddma mill-interessi tal-UE.

F'dan il-kuntest, il-Protokoll il-ġdid mal-Mauritania huwa sinifikanti – il-gvern tagħhom ser ikun obbligat li jippubblika informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-arranġamenti finanzjarji għall-flotot industrijali mhux mill-Mauritania, kif ukoll it-testijiet ta' ftehimiet, kemm jekk ikunu ta' natura pubblika jew privata. Huwa għandu wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-għadd ta' bastimenti awtorizzati jistadu, il-qabdiet tagħhom u l-arranġamenti finanzjarji u tekniċi li jipprovdu għall-aċċess fiż-ŻEE tal-Mauritania.

B'mod ċar, hija meħtieġa bażi tad-data fl-UE kollha li tinkludi ftehimiet privati bejn is-sidien tal-bastimenti tal-UE u pajjiżi terzi, kif ukoll l-impriżi konġunti bejn kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji f'pajjiżi terzi. Tali trasparenza hija prerekwiżit għal kwalunkwe diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-investimenti: jekk l-UE ma tiġix infurmata dwar ftehimiet privati, il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tgħin l-investitur jivverifika jekk l-awtorizzazzjoni tas-sajd li jkun xtara hijiex valida.

Fil-qosor, il-kumpaniji tal-UE u l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jkunu trasparenti bħall-Mauritania fil-protokoll l-aktar reċenti.

L-attività taħt il-protezzjoni tal-UE toffri vantaġġi sinifikanti għall-kumpaniji tal-UE li qed jinvestu f'sajd ta' pajjiżi terzi, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'sistemi legali, ġudizzjarji u finanzjarji dgħajfa. B'mod parallel, l-UE għandha ssib modi biex tiżgura li dawn l-investimenti jilħqu l-istandards ta' sostenibilità u ta' governanza tajba simili għal dawk fil-PKS riformata: l-investimenti tal-operaturi tal-UE fis-sajd ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu trasparenti, ma għandhomx jikkontribwixxu għal sajd żejjed jew iwasslu għal aktar kompetizzjoni ma' komunitajiet lokali fuq skala żgħira, u għandhom jipprovdu benefiċċji ekonomiċi u soċjali fit-tul lill-ekonomija lokali. Dan se jobbliga lill-pajjiż terz jikkollabora biex jiġi stabbilit qafas xieraq. Inizjalment din tista' tkun segwita permezz tad-djalogu politiku stabbilit skont il-ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

Il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, teħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-rikonoxximent tal-importanza tan-nisa kif ukoll tal-irġiel għal sajd fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba r-rwol tagħhom fil-ħolqien tal-impjiegi, is-sigurtà alimentari u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija lokali. Attwalment qed tingħata attenzjoni simili mill-UE, bħal regoli ġodda li jillimitaw l-aċċess għal stokkijiet żejda, iżda huwa meħtieġ li jsir aktar, bħal permezz tal-politika dwar l-għajnuna għall-iżvilupp.

B'mod partikolari, il-politika dwar l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tgħin lil pajjiżi terzi jimplimentaw il-Linji Gwida Volontarji dwar is-Sajd Sostenibbli fuq Skala Żgħira tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura. Dawn il-linji gwida għandhom kontenut aktar qawwi dwar l-ġeneru, inkluża sezzjoni speċjali ddedikata għall-importanza tar-rwol tan-nisa fis-sajd. Pereżempju, in-nisa li jaħdmu f'sajd artiġjanali fil-pajjiżi Afrikani huma preżenti f'kull stadju tal-katina tal-valur mill-prefinanzjament u l-preparazzjoni ta' kampanji ta' sajd permezz tal-kummerċjalizzazzjoni, kemm fis-swieq lokali, kif ukoll f'dawk reġjonali. In-nisa huma organizzati f'kooperattivi, gruppi ta' interess, eċċ. li permezz tagħhom jiddefendu l-prijoritajiet tagħhom: titjib tal-aċċess għall-kreditu, titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; titjib tal-politiki ta' appoġġ għall-familji f'komunitajiet kostali. Għandha tingħata aktar attenzjoni lil dawn il-prijoritajiet permezz tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Tibdil ta' bnadar ta' bastimenti

Il-bastimenti jitqiegħdu u jitneħħew minn fuq ir-reġistru tal-flotta tal-UE għal diversi raġunijiet, u ħafna minn dawk li jitneħħew, jagħmlu dan b'mod permanenti. Madankollu, uħud minnhom jirritornaw wara ċertu perjodu ta' żmien. Filwaqt li l-PKS tassenja numru uniku tal-bastiment għal kull bastiment tas-sajd (magħruf bħala n-numru CFR), dak in-numru huwa validu biss meta l-bastiment ikun elenkat fuq ir-reġistru tal-UE. Jekk il-bastiment jirritorna, jista' jkun li jingħata numru CFR differenti. Barra minn hekk, peress li n-numru CFR ma japplikax għall-bastimenti wara li dawn jitneħħew minn fuq ir-reġistru tal-UE, ikun diffiċli li tiġi segwita l-istorja kollha ta' tali bastimenti.

Prattika li żviluppat hi li s-sidien ta' bastimenti tal-UE joperaw taħt bandiera tal-UE permezz ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew ta' organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd sakemm dawn tal-aħħar ikunu eżawrew il-possibbiltajiet tas-sajd tal-UE u mbagħad ibiddlu l-bandiera, biex igawdu minn possibiltajiet oħra. Sussegwentement, dawn ikunu jistgħu jirritornaw għar-reġistru tal-UE. Dan it-tibdil ta' bnadar jista' jintuża biex jiġi evitat ir-rekwiżit dwar "iż-żejjed" imħaddan mill-PSK l-ġdida, skont l-isforz tas-sajd totali u l-kundizzjoni tal-istokkijiet fiż-ŻEE fejn il-bastiment kien qed jopera. Din il-prattika għandha tkun evitata għaliex tmur kontra l-ispirtu tal-klawsola ta' esklussività u tista' titqies bħala kompetizzjoni inġusta għall-bastimenti li jibqgħu jtajru l-bandiera tal-UE u b'hekk jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għal dawk maqbula fil-ftehimiet bilaterali u l-kwoti interni tal-UE. Dan it-tip ta' mġiba mhux fl-interess tal-ekwipaġġ, għax l-istandards tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jvarjaw taħt bnadar oħra. Barra minn hekk, l-UE titlef il-kontroll kollu fuq l-azzjonijiet tal-bastiment meta dan tal-aħħar itajjar bandiera ta' pajjiż ieħor. Il-mistoqsija li jeħtieġ li wieħed isaqsi hi jekk dawn il-bastimenti li jużaw tali tattiċi biex jevadu l-livelli nnegozjati mill-UE jibbenefikawx sussegwentement minn ftehimiet ffinanzjati minn dawk li jħallsu t-taxxi.

Konklużjonijiet

Il-PKS ġdida tal-UE tinkludi avvanzi sinifikanti li, jekk jiġu implimentati kif suppost, se jtejbu l-istandards tas-sajd tal-UE f'ilmijiet imbiegħda. Meta wieħed iqis ir-rekwiżit tat-Trattat għall-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, din tista' titqies biss bħala ħaġa pożittiva.

L-influwenza tal-UE fid-dinja tas-sajd, bħala stat tal-bandiera u bħala stat tas-suq b'mod partikolari, tfisser li din hi f'pożizzjoni li tinkoraġixxi atturi oħrajn, kemm jekk huma stati kostali jew stati ta' ilmijiet imbiegħda, biex itejbu l-politiki tas-sajd tagħhom stess, mhux biss fuq il-karta, iżda wkoll fl-implimentazzjoni tagħhom.

Is-suċċess partikolari tar-Regolament IUU li wassal għal titjib fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet tas-sajd ta' bosta pajjiżi fid-dinja kollha juri b'mod ċar kif tali "ġirja għall-quċċata" tista' taħdem, jekk l-UE turi biżżejjed rieda politika, tmexxija, oġġettività u appoġġ adegwat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dawn jindirizzaw rekwiżiti ġodda. Din hija r-raġuni għaliex is-sinjali ta' dgħufija tal-UE fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, b'mod partikolari l-fatt li l-Korea tneħħiet mil-lista, huma inkwetanti.

11.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-Ftehimiet dwar is-Sajd

(2015/2091(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Heubuch

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inklużjoni ta' kapitolu dwar id-dimensjoni esterna fir-riforma riċenti tar-regolament rigward il-Politika Komuni tas-Sajd, fejn għall-ewwel darba l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) u s-sajd f'Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma formalment regolati;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tirrispetta l-obbligu tagħha li tippromwovi s-sajd ambjentalment u soċjalment sostenibbli f'pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-politiki kollha tal-UE li jaffettwaw is-sajd f'pajjiżi li qed jiżviluppaw (għajnuna, kummerċ, sajd);

3.  Jinsisti li t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati għandhom jitqiesu bħala elementi prinċipali għar-relazzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-sajd ma' pajjiżi terzi;

4.  Jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ħarsien tal-ekosistema u ż-żamma tal-istokkijiet tal-ħut aktar 'il fuq mil-livelli kapaċi li jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, hekk kif aktar stokkijiet abbundanti tal-ħut huma rekwiżit importanti biex jippermettu l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali tas-sajd ta' pajjiżi terzi, f'konformità mal-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għas-sajd sostenibbli fuq skala żgħira;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali li l-għajxien tagħhom jiddependi l-aktar mis-sajd u mill-attivitajiet relatati mal-industrija tas-sajd; jissottolinja l-ħtieġa għal miżuri ta' appoġġ immirati lejn il-promozzjoni tat-trasferiment ta' teknoloġiji, tal-għarfien, tal-ġestjoni tal-kapaċità, tas-sħubiji ta' diversi partijiet interessati u investimenti oħra għall-benefiċċju tal-industrija tas-sajd;

6.  Jirrimarka li s-sidien tal-bastimenti jiffirmaw ftehimiet privati mal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi, li huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-PKS; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ma tiġix notifikata b'mod sistematiku dwar tali ftehimiet; jinsab inkwetat li, taħt ċerti ċirkustanzi, dan jista' jwassal għal kompetizzjoni inġusta mal-komunitajiet lokali tas-sajd tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll mas-sidien tal-bastimenti tal-UE li joperaw bi ftehimiet bilaterali;

7.  Jenfasizza li l-investiment Ewropej fis-settur tas-sajd ta' pajjiżi terzi bil-pretest ta' impriżi konġunti għandhom ikunu koperti mill-PKS; jenfasizza li l-UE għandha, permezz tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs) tagħha, tippromwovi djalogu ma' pajjiżi sħab dwar l-istabbiliment ta' qafas regolatorju sabiex tiżgura li l-impriżi konġunti, fis-setturi tal-qbid, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ffurmati ma' sħab mill-UE jew pajjiżi oħra, joperaw f'mod trasparenti, ma jikkompetux mas-settur artiġjanali lokali u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-iżvilupp tal-pajjiż konċernat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Louis-Joseph Manscour, Joachim Zeller

(1)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)

ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 419, 16.12.2015, p. 175.

(4)

Opinjoni Konsultattiva lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar tat-2 ta' April 2015, bi tweġiba għat-talba preżentata mill-Kummissjoni Subreġjonali tas-Sajd: https://www.itlos.org/fileadmin/itlos/documents/cases/case_no.21/advisory_opinion/C21_AdvOp_02.04.pdf

(5)

ara http://ldac.chil.me/download-doc/66268.

(6)

Ir-rapport Lövin dwar id-dimensjoni esterna A7-0290/2012.

(7)

http://www.whofishesfar.org.

(8)

http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=9ea7d0f130deb97c0092a51b492ebcbc946ba0d8dad9.e34KaxiLc3eQc40LaxqMbN4Ob3qKe0?text=&docid=158429&pageIndex=0&doclang=EN&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=399553.

(9)

Ara Artikoli 3.1e, 206 u 207 tat-TFUE.

Avviż legali