Proċedura : 2015/2272(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0069/2016

Testi mressqa :

A8-0069/2016

Dibattiti :

PV 12/04/2016 - 17
CRE 12/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/04/2016 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0120

RAPPORT     
PDF 707kWORD 185k
29.3.2016
PE 572.905v02-00 A8-0069/2016

dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa

(2015/2272(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Sandra Kalniete

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa (2015/2272(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(1), 3(2) u 3(5), l-Artikolu 21, b'mod partikolari l-paragrafi 1, 2(h) u 3, it-tieni subparagrafu, u l-Artikoli 8, 22, 24, 25, 26, 42, 42(7) u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) tal-2003 u r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-2008 tal-ESS,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) dwar "L-Unjoni Ewropea f'ambjent dinji li qed jinbidel – dinja aktar konnessa, kontestata u kumplessa",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli dwar "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli dwar "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)0050),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 (EUCO 217/13) u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015 (EUCO 22/15), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-PSDK tat-18 ta' Mejju 2015 (8971/15),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli dwar "L-istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur" (JOIN(2013)0001),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea kif adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2010 u d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO ta' Wales tal-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(5),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2015, u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0069/2016),

A.  billi bosta sfidi u theddidiet attwali u futuri għall-UE huma kumplessi u interrelatati, joriġinaw minn atturi statali u mhux statali u ġejjin kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-fruntieri komuni; billi jeħtieġ li l-kuntesti lokali, reġjonali u globali jiġu konnessi; billi jeħtieġ li jkun hemm rieda u tmexxija politika qawwija għal azzjoni komuni determinata min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex iwieġbu b'mod proattiv, kollettiv u effikaċi għal dawn l-isfidi, jissalvagwardjaw il-valuri tal-UE u l-mudell tas-soċjetà, u jbiddlu l-UE f'attur effikaċi u aktar strateġiku u jikkontribwixxu għas-sigurtà globali; billi jeħtieġ li l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà twitti t-triq għal dan l-iżvilupp billi tiddefinixxi livell politiku tal-ambizzjoni tal-UE bħala attur internazzjonali;

B.  billi l-UE jeħtiġilha tirrikonoxxi bis-sħiħ id-deterjorament tal-ambjent strateġiku immedjat tagħha, u l-konsegwenzi fit-tul tiegħu; billi l-fatt li diversi kriżijiet qed iseħħu simultanjament u qed ikollhom konsegwenzi dejjem aktar diretti fl-UE jfisser li l-ebda Stat Membru ma jista' jirreaġixxi waħdu u li l-Ewropej għandhom jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom kollettivament biex jiżguraw is-sigurtà tagħhom;

C.  billi t-theddidiet identifikati fl-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà 2003 – it-terroriżmu, l-armi ta' qerda massiva, il-konflitti reġjonali, il-falliment ta' stati u l-kriminalità organizzata – jibqa' fil-biċċa l-kbira rilevanti; billi llum l-UE qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi serji u mhux previsti addizzjonali, bħalma huma t-tentattivi minn setgħat reviżjonisti biex ifasslu l-fruntieri mill-ġdid bil-forza billi jiksru d-dritt internazzjonali u jikkontestaw l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir ekonomiku kajman, il-flussi migratorji u tar-rifuġjati kbar u l-akbar kriżi tar-rifuġjati minn żmien it-tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, flimkien ma' żviluppi teknoloġiċi fl-ispazju u ċ-ċibernetika, il-kriminalità finanzjarja, il-proliferazzjoni nukleari u t-tlielaq għall-armi, il-gwerer ibridi u t-theddidiet asimmetriċi;

D.  billi l-arkitettura tas-sigurtà tal-Ewropa ġiet ibbażata fuq l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE); billi l-UE hija attur ewlieni fl-OSKE;

E.  billi, fid-dawl tad-deterjorament fis-sigurtà reġjonali, l-UE jeħtiġilha tagħti prijorità lill-istabbilizzazzjoni tal-viċinat immedjat tagħha, iżda mingħajr ma titlef l-impenji globali tagħha; billi l-kriżijiet tas-sigurtà fuq l-għatba tal-UE huma aggravati u msawra minn xejriet globali u, min-naħa l-oħra, billi l-ġestjoni effikaċi tas-sigurtà reġjonali hija prerekwiżit għall-kapaċità tal-UE li taġixxi globalment;

F.  billi fis-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew inkariga lir-Rappreżentant Għoli tissokta l-proċess ta' riflessjoni strateġika bil-għan li titħejja strateġija globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew sa Ġunju 2016;

G.  billi rispons pront u effiċjenti għal theddidiet min-naħa tal-UE jirrikjedi li jkun hemm solidarjetà qawwija bejn l-Istati Membri, li jingħelbu l-ostakli u li tinqered il-mentalità tad-dipartimentaliżmu fi ħdan l-istituzzjonijiet, kif ukoll fir-rappreżentanzi barranin tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri, u li jiġu allokati riżorsi baġitarji suffiċjenti u flessibbli biex jappoġġjaw il-ksib tal-interessi tal-UE; billi strateġija Ewropea effikaċi tirrikjedi l-ewwel u qabel kollox rieda politika qawwija u sens ta' skop komuni fost l-Istati Membri biex jiżviluppaw u jużaw strumenti tassew Ewropej;

H.  billi theddidiet ta' tipi differenti mmirati lejn Stati Membri individwali jridu jitqiesu bħala theddidiet għall-Unjoni kollha kemm hi, u jirrikjedu għaqda qawwija u solidarjetà bejn l-Istati Membri u politika estera u ta' sigurtà komuni konsistenti;

I.  billi l-approċċ komprensiv u l-użu konsistenti u koordinat tal-istrumenti ta' politika esterna u interna tal-UE għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida; billi l-esportazzjonijiet tal-armi tal-UE ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqdu l-interessi diretti tas-sigurtà tal-UE, u billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK għandha titqies fil-kuntest tal-iżvilupp ta' Strateġija Globali tal-UE; billi l-objettiv prinċipali tal-UE huwa li tippromwovi l-valuri tagħha u b'hekk tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, flimkien mas-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli; billi dawn l-għanijiet fundamentali m'għandhomx jiġu injorati meta l-UE tieħu miżuri biex timplimenta l-politiki interni u esterni tagħha; billi anke meta l-UE taġixxi sabiex tippromwovi l-interessi kummerċjali tagħha, dejjem jeħtiġilha timmira li tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jkunu konsistenti mal-insegwiment tal-objettivi tagħha relatati maż-żamma tal-paċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi, f'ambjent internazzjonali volatili u inċert bħal dan, l-UE jeħtieġ li jkollha l-indipendenza strateġika li tippermettilha tiżgura s-sigurtà tagħha u tippromwovi l-interessi u l-valuri tagħha;

K.  billi s-sigurtà tal-bniedem trid tkun fil-qalba tal-Istrateġija Globali tal-UE, u jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tas-sigurtà u r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

L.  billi mill-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003 l-UE stabbiliet l-għan li tikseb ordni internazzjonali bbażat fuq multilateraliżmu effikaċi u fuq ir-regoli tad-dritt internazzjonali;

M.  billi l-istrateġija l-ġdida trid tkun skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

N.  billi l-istrateġija futura għandha tiġi segwita b'rapporti ta' implimentazzjoni annwali u tinkludi l-għanijiet li ġejjin, li għandhom jiġu ddettaljati aktar fi "strateġiji sekondarji" li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għal oqsma differenti ta' azzjoni:

•    Id-difiża tal-poplu tal-Unjoni Ewropea u l-istati, is-soċjetajiet u l-valuri tagħha

1.  Jirrimarka li l-għan tal-Unjoni Ewropea huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha, filwaqt li tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u tat-territorju tagħha; jenfasizza li l-azzjoni esterna tal-Unjoni hija ggwidata mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha għalhekk tiżgura kemm ir-reżiljenza interna kif ukoll esterna tagħha, il-kapaċità tagħha li tantiċipa, tipprevjeni u ssolvi sfidi u theddidiet prevedibbli u tkun lesta li tieħu azzjoni rapida dwar kriżijiet mhux prevedibbli, u tkun kapaċi tirkupra minn diversi tipi ta' attakki, kif ukoll tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-materja prima, filwaqt li tqis l-effetti tat-tibdil fil-klima, li jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti, filwaqt li tassumi rwol ewlieni fl-azzjoni globali dwar il-klima u fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

2.  Jemmen li, biex tittratta ambjent dinji li qed jinbidel, l-istrateġija tal-UE għandha tkun ibbażata fuq:

a. l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' theddidiet u sfidi;

b. id-definizzjoni tar-risposti għalihom;

c. id-determinazzjoni tar-riżorsi meħtieġa;

3.  Jissottolinja li l-fruntieri ta' kull Stat Membru huma l-fruntieri tal-Unjoni u jridu jiġu protetti bħala tali;

4.  Jemmen li huwa kruċjali li jiġu identifikati l-interessi ġenwini komuni ta' politika barranija tat-28 Stat Membru kollha tal-UE f'kull reġjun tad-dinja u f'kull qasam ta' politika rilevanti; jenfasizza, barra minn hekk, li jekk dawn l-interessi komuni jsiru viżibbli, dan minnu nnifsu jsaħħaħ lill-UE b'mod sinifikanti bħala attur fl-affarijiet barranin; jistieden lill-VP/RGħ tagħti lis-SEAE l-kompitu li jirreġistra dawn l-interessi speċifiċi u jgħin fid-definizzjoni ta' objettivi strateġiċi u operazzjonali li jistgħu jwasslu direttament għal eżiti konkreti;

5.   Jemmen li l-Istati Uniti hija s-sieħba strateġika ewlenija tal-UE; jirrimarka li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jkunu aktar magħquda u lesti li jieħdu aktar responsabbiltà għas-sigurtà kollettiva tagħhom u d-difiża territorjali u jiddependu anqas fuq l-Istati Uniti, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tal-Ewropa; jisħaq li l-alleanza transatlantika trid tibqa' pilastru kruċjali ta' sistema globali bbażata fuq ir-regoli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, għalhekk, iqawwu l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, sabiex ikunu mħejjija biex iwieġbu għall-ispettru wiesa' ta' theddidiet u riskji ċivili, militari u ibridi, b'sinerġija man-NATO, u jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);

6.  Iħeġġeġ lill-UE, għaldaqstant, issaħħaħ il-kooperazzjoni koerenti u strutturata dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża, il-bażi industrijali u d-difiża ċibernetika permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni u proġetti oħra ta' kooperazzjoni, sabiex tuża baġits ta' difiża nazzjonali b'mod aktar effiċjenti, tilħaq il-mira kollettiva ta' 2 % tan-nefqa għad-difiża dwar ir-riċerka u tniedi programm ta' riċerka u teknoloġija fil-qasam tad-difiża fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss; iqis li jeħtieġ li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jissaħħaħ u li jiżdiedu r-riżorsi tagħha, biex tkun tista' taġixxi b'mod aktar effikaċi; iqis ukoll li l-Istati Membri għandhom jassumu aktar responsabbiltà għall-bini ta' kapaċitajiet Ewropej li huma meħtieġa b'mod urġenti u jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE, iżidu n-nefqa għar-riċerka militari tagħhom permezz tal-EDA u jsaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) u s-Suq Ewropew għad-Difiża (EDM); jappella għal użu aktar trasparenti u responsabbli ta' baġits ta' sigurtà u ta' difiża mill-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li kapaċitajiet adatti għat-twettiq tal-kompiti taħt l-Artikolu 43 tat-TUE jsiru disponibbli, inkluż għal missjonijiet rilevanti għaż-żamma tal-paċi tan-NU; iqis, barra minn hekk, li l-iskambji ta' intelligence Ewropea għandhom jittejbu u tiġi żviluppata kapaċità Ewropea ta' intelligence u tbassir ġenwina, bil-mekkaniżmi ta' sorveljanza xierqa stabbiliti;

7.  Jistieden lill-RGħ/VP tindirizza n-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-klawsola ta' difiża reċiproka li tinsab fl-Artikolu 42(7) tat-TUE u tiddefinixxi l-linji gwida u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tagħha bil-għan li tippermetti lill-Istati Membri jwieġbu b'mod effikaċi meta din tiġi invokata;

8.  Jikkritika bil-qawwa lill-Kummissjoni talli ma lestietx fil-ħin il-kompiti fdati lilha mill-Kunsill Ewropew fl-2013 rigward proġett ta' pjan direzzjonali għal reġim komprensiv ta' sigurtà tal-provvista fl-UE kollha, Green Paper ippjanata dwar il-kontroll tad-difiża u tal-kapaċitajiet industrijali ta' sigurtà sensittivi, il-monitoraġġ tal-akkwist pubbliku f'dawk li huma difiża u sigurtà u l-"bejgħ minn gvern lil gvern" fis-settur tad-difiża;

9.  Jieħu nota tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015; jistieden lill-kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u lir-RGħ/VP jinformaw lill-Parlament dwar kif din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tirrifletti t-talba ripetuta tal-Parlament biex l-EDA tissaħħaħ permezz ta' finanzjament tal-persunal u tal-ispejjeż operazzjonali tagħha mill-baġit tal-Unjoni;

10.   Jemmen li objettiv prinċipali għandu jkun li nersqu lejn li jkollna unitajiet militari multinazzjonali raggruppati b'mod komuni permanentement, forzi ta' difiża konġunti u t-tfassil ta' politika tad-difiża komuni li fl-aħħar mill-aħħar għandha twassal għal Unjoni Ewropea għad-Difiża. jitlob b'insistenza, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali militari tal-UE permanenti biex tittejjeb il-kapaċità ta' ġestjoni tal-kriżijiet militari, u jiġu żgurati l-ippjanar ta' kontinġenza u l-interoperabilità tal-forzi u tat-tagħmir; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fid-difiża b'mod kolletiv, b'mod bilaterali u f'raggruppamenti reġjonali; jappoġġja l-adozzjoni ta' White Paper dwar id-Difiża tal-UE, abbażi tal-Istrateġija Globali tal-UE;

11.  Hu tal-fehma li l-attivazzjoni attwali tal-Artikolu 42(7) tat-TUE għandha sservi ta' katalist biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relatati mas-sigurtà u d-difiża;

12.   Jenfasizza l-importanza vitali tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, li għandha tiggarantixxi l-koordinazzjoni bejn l-operazzjonijiet, u jappoġġja l-istabbiliment ta' kapaċitajiet Ewropej li jsaħħu lin-NATO fid-difiza territorjali u li jkunu kapaċi jwettqu operazzjonijiet ta' intervent b'mod awtonomu lil hinn mill-fruntieri tal-UE; jenfasizza li l-PSDK għandha ssaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u tiżgura li l-membri Ewropej tan-NATO fil-fatt jonoraw l-impenji tagħhom tan-NATO; jissuġġerixxi li l-kunċett ta' Gruppi ta' Battalja tal-UE u l-kunċett ta' Forza ta' Rispons tan-NATO jiġu magħquda flimkien; ifakkar li l-kontribuzzjonijiet militari għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE;

13.  Jisħaq li l-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi huma parti integrali mill-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji mnaqqxa fl-Artikolu 21 tat-TUE, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; Ifakkar li huwa kruċjali li tiġi żgurata koerenza bejn l-esportazzjoni tal-armi u l-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; jinsab profondament konvint li implimentazzjoni aktar effikaċi tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tkun tirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għall-iżvilupp tal-Istrateġija Globali tal-UE;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjonijiet tal-armi u jtemmu l-kummerċ tal-armi ma' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati;

15.  Jappoġġja approfondiment ulterjuri tal-governanza effiċjenti ta' dominji komuni globali bħall-baħar, l-ajru, l-ispazju u ċ-ċiberspazju;

16.  Jinnota li r-rwol li taqdi t-teknoloġija fis-soċjetajiet tagħna qed jikber u li l-politika tal-UE għandha twieġeb għat-tibdiliet rapidi li qed iseħħu fl-iżvilupp teknoloġiku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol fundamentali ta' għoti ta' setgħa li l-Internet u t-teknoloġiji jistgħu jaqdu fl-iżvilupp, id-demokratizzazzjoni u l-emanċipazzjoni taċ-ċittadini madwar id-dinja, u għalhekk jenfasizza l-importanza li l-UE taħdem biex tippromwovi u tissalvagwardja l-Internet liberu u miftuħ u tipproteġi d-drittijiet diġitali;

17.  Jenfasizza li l-impatt tat-teknoloġiji għandu jiġi rifless ukoll fl-istrateġija globali, kif ukoll fl-inizjattivi ta' ċibersigurtà, filwaqt li t-titjib tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun parti integrali tal-politiki u l-programmi kollha tal-UE u integrati fihom, jekk applikabbli, bil-għan li jiġu avvanzati l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

•  L-istabbilizzazzjoni tal-viċinat usa' tal-Ewropa

18.   Jemmen li bil-għan li taġixxi bħala attur globali aktar effikaċi u kredibbli, l-UE għandha tieħu responsabbiltà akbar u tiffoka fuq li timla l-vakwu ta' sigurtà fil-viċinanzi tagħha u fil-viċinat usa' tagħha, u fuq li toħloq il-kondizzjonijiet għall-istabbiltà u prosperità imsejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li neċessarjament jinkludi l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-gwerer u l-konflitti attwali , il-flussi migratorji u l-kriżi tar-refuġjati;

19.  Jinsab konvint li l-UE għandha tkun aktar involuta fid-diplomazija kontra l-eskalazzjoni, speċjalment fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tinkludi modi li bihom l-UE tista' tibni fuq il-ftehim nukleari mal-Iran li sar dan l-aħħar tippromwovi aktar bini tal-kunfidenza u arranġamenti reġjonali oħra relatati mas-sigurtà, li jistgħu jibnu wkoll fuq l-esperjenzi proprji tal-Ewropa fir-rigward ta' arranġamenti għas-sigurtà reġjonali bħalma hi l-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE) u ftehimiet bħalma hu l-Att Finali ta' Ħelsinki;

20.   Huwa tal-fehma li, bil-għan li tibni l-istabbiltà u l-paċi, u tippromwovi s-sigurtà tal-bniedem, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, l-UE għandha tkompli bl-impenji tagħha ta' tkabbir u integrazzjoni, ibbażati fuq politiki li jrawmu t-tkabbir ekonomiku u soċjetajiet inklużivi, u tkompli l-kooperazzjoni ma' pajjiżi assoċjati mill-qrib ħafna fi ħdan il-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li għadha kif ġiet riveduta; ifakkar li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kwalunkwe stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li jaderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen, li huma stabbiliti u mhux negozjabbli, u l-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi, u jiżgura l-istat tad-dritt; iqis li l-UE għandha żżomm f'kull ħin impenn koerenti u konsistenti kemm fil-viċinat tagħha tal-Lvant u kemm fil-viċinat tagħah tan-Nofsinhar;

21.   Jemmen li l-kriżi attwali tar-rifuġjati titlob approċċ Ewropew olistiku u azzjoni konċertata urġenti, bl-użu ta' strumenti kemm interni kif ukoll esterni; jitlob strateġija fit-tul u ġestjoni sostenibbli tal-politiki tal-asil, il-migrazzjoni u r-riammissjoni fuq il-bażi ta' prinċipji komuni u s-solidarjetà u b'kont meħud tad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà umana; jitlob li jissaħħu s-sistema ta' Schengen, il-Gwardja Ewropea tal-Kosta u tal-Fruntiera u l-FRONTEX; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet effikaċi u sostenibbli; jemmen li, f'dan ir-rigward, l-UE għandha tippromwovi approċċ aktar prattiku u komprensiv biex tgħin lill-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi u reġjuni fraġli u suxxettibbli għall-gwerer;

22.   Jemmen li d-diplomazija multilaterali inklussiva taħt il-koordinazzjoni u t-tmexxija tar-RGħ/VP hija kruċjali fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, kemm fil-viċinat u kemm globalment; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar direzzjoni strateġika, konsistenza u sinerġiji pożittivi bejn il-politiki ta' azzjoni esterna u l-politiki interni li kulma jmur qed isiru dejjem aktar interkonnessi fil-livell tal-UE, fi ħdan l-Istati Membri, u bejn is-SEAE u l-Kummissjoni;

•    It-tisħiħ tal-governanza globali multilaterali

23.   Jemmen li l-UE għandha tkun attur globali kostruttiv u reżiljenti li jkollu attenzjoni reġjonali, jkun mgħammar bil-mezzi ċivili u militari neċessarji, u li jaspira li "jfassal ir-regoli", u b'hekk l-UE tikkontribwixxi għal governanza globali multilaterali effiċjenti u ssaħħaħha bil-għan li tqawwi id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; Jenfasizza li l-PSDK hija strument ewlieni għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet;

24.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jsegwu l-approċċ komprensiv/koerenti/integrali fl-azzjoni esterna tagħhom u jqisu r-rabta inseparabbli bejn is-sigurtà interna u dik esterna; f'dan ir-rigward, jistieden lill-UE tiżviluppa sinerġiji bejn is-sigurtà, l-iżvilupp, il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' promozzjoni tad-demokrazija u l-azzjoni esterna tal-UE, u tagħmel dawn il-politiki parti mill-istrateġiji globali tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kummerċ tgħin ukoll biex jintlaħqu l-objettivi relatati man-nonproliferazzjoni, il-promozzjoni tal-paċi u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Ifakkar fir-rwol sinifikanti u li qiegħed jikber li s-sigurtà tal-enerġija se jkollha fl-iżvilupp intern tal-UE u fir-relazzjonijiet tagħha mas-sħab lokali, reġjonali u internazzjonali; jitlob implimentazzjoni malajr u sħiħa tal-ħames pilastri tal-Unjoni tal-Enerġija; jemmen li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tagħti lill-Kummissjoni prerogattiva li tagħmilha ta' konegozjatur u kofirmatarju fil-kuntratti kollha fuq il-provvisti tal-enerġija minn pajjiżi terzi u fuq il-produzzjoni tal-enerġija f'pajjiżi terzi;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' rieda politika fl-Istati Membri biex juru aktar flessibbiltà fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-PSDK bil-għan li jinħoloq momentum ġenwin f'dan il-qasam; jappoġġja t-twaqqif ta' Kunsill tal-Ministri tad-Difiża, kif ukoll laqgħat regolari tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri li jixtiequ, jistabbilixxu Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fid-Difiża (PESCO); jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jingħelbu l-limitazzjonijiet strutturali relatati b'mod partikolari mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet (ċivili u militari) u l-finanzjament komuni; jemmen li l-użu ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fid-Difiża u tal-Artikolu 44 tat-TUE jirrappreżentaw il-metodi istituzzjonali l-aktar adattati biex din il-politika komuni titmexxa 'l quddiem b'mod realistiku;

27.   Jappoġġja l-prinċipju li l-Istati Membri tal-UE għandhom jintrabtu li jużaw mill-inqas 2 % tal-PDG tagħhom għan-nefqa tad-difiża sal-2024 bil-għan li jiksbu l-kapaċitajiet ċivili u militari meħtieġa u adegwati biex jimplimentaw l-objettivi tal-PESK/PSDK, filwaqt li jsaħħu l-ekonomiji ta' skala permezz tal-kożvilupp u l-kooperazzjoni u jnaqqsu d-disparitajiet ta' bejn l-Istati Membri;

28.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-atturi globali u reġjonali dwar it-theddidiet u l-isfidi globali huwa meħtieġ bil-għan li tinkiseb ordni globali bbażata fuq ir-regoli; jemmen li t-tixrik fuq kwistjonijiet settorjali speċifiċi ma' atturi reġjonali interessati jippermetti li l-valuri Ewropej jiġu kondiviżi u jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-iżvilupp; ifakkar li t-theddid globali ħafna drabi jkollu kawżi lokali u li, bħala riżultat, is-soluzzjoni tagħhom tirrikjedi l-involviment tal-atturi lokali; Jinnota li l-istabbiliment ta' relazzjonijiet aktar mill-qrib ma' atturi mhux statali, gvernijiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili huwa kruċjali wkoll biex jiġi żgurat approċċ komprensiv għal-isfidi globali bħalma huma t-tibdil fil-klima u t-terroriżmu, u li l-mod kif l-UE tibni u tiddefinixxi s-sħubijiet jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jissaħħaħ is-sens ta' sjieda tas-sħab u jkomli jiġi inkorporat approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati;

29.   Jemmen li l-kooperazzjoni ma' atturi globali u reġjonali ewlenin – stati, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet – għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji fundamentali u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, u l-objettivi u l-interessi komuni identifikati, filwaqt li jitqiesu l-piż strateġiku tagħhom u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-indirizzar tat-theddidiet u l-isfidi globali; iqis li l-proġetti ta' konnettività strateġika jistgħu jaqdu rwol vitali fil-bini ta' relazzjonijiet b'saħħithom u stabbli mas-sħab ewlenin tal-Ewropa;

30.  Jitlob kooperazzjoni intensifikata mas-setgħat u l-oqfsa reġjonali bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji sostenibbli dwar il-paċi, is-sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u għal appoġġ imsaħħaħ għall-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni severa minħabba kriżijiet reġjonali, inkluża kooperazzjoni fil-bini ta' istituzzjonijiet reżiljenti u stabbli u soċjetà inklużiva biex jiġu aġevolati l-ftehimiet kummerċjali u settorjali għall-promozzjoni tas-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità, u jiġu segwiti strateġiji reġjonali komprensivi;

31.  Jiddeplora l-fatt li r-reġimi awtokratiċi u ripressivi qed ikollhom suċċess dejjem ikbar fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jdgħajfu jew ixekklu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili attiva; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tindirizza din ix-xejra globali negattiva fil-kuntest tal-Istrateġija Globali;

32.  Jirrimarka li l-prosperità tal-Unjoni hija determinata mill-kapaċità tagħha li tibqa' innovattiva u kompetittiva u tapprofitta ruħha minn ekonomija globali li timxi b'pass mgħaġġel. iqis li l-UE jeħtiġilha tuża l-għodod ta' politika kollha tagħha b'mod koerenti sabiex toħloq kundizzjonijiet esterni favorevoli għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea. iqis li l-UE għandha tkun attur impenjat u attiv, li jippromwovi l-kummerċ ħieles u ġust u l-investiment, kanali kummerċjali sikuri u żieda fl-aċċess għas-suq fid-dinja kollha, u li jissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja globali billi jippromwovi standards għolja ta' regolamentazzjoni u governanza;

33.  Jinnota li, bil-għan li tilħaq l-objettivi ta' hawn fuq, l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' NU riformata u tpoġġi lilha nfisha f'pożizzjoni li tinfluwenza u tiddirieġi l-azzjoni fil-fora globali dwar il-governanza ta' dawk l-oqsma fejn jiżvolġu l-interessi strateġiċi u ta' sigurtà tal-UE, u għandha tapprofondixxi s-sħubijiet tagħha ma' atturi globali u reġjonali oħra, tagħti ħajja ġdida lis-sħubijiet strateġiċi tagħha u tittrasformathom f'għodod effikaċi ta' politika, inklużi s-sħubiji tagħha ma' atturi mhux statali; iqis li l-UE għandha wkoll issaħħaħ id-diplomazija Ewropea, issaħħaħ il-kapaċitajiet operazzjonali tagħha għall-prevenzjoni tal-kunflitt, tappoġġja d-demokrazija u l-paċi, tiġġestjona l-kriżijiet u tibni l-alleanzi permezz tal-medjazzjoni u d-djalogu, u tippromwovi u tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u n-NU u bejn l-UE u l-UA fl-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi; jenfasizza li l-approċċi għas-soluzzjoni tal-kunflitti għandhom ikunu inkorporati kemm jista' jkun f'soluzzjonijiet miftiehma b'mod multilaterali, b'rispett debitu għad-dimensjonijiet multipli li tali interventi jeħtieġ li jkopru fl-oqsma taż-żamma u l-infurzar tal-paċi, l-iżvilupp sostenibbli, l-indirizzar b'mod determinat tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol kruċjali li l-Unjoni taqdi fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, u jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom li jallokaw 0.7 % tal-PDG tagħhom għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp; jistieden lill-UE trawwem approċċ aktar pragmatiku fir-rigward tal-għajnuna billi tinkoraġġixxi l-użu ta' appoġġ baġitarju; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jilħqu l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

35.  Jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà, u s-sigurtà mhijiex possibbli mingħajr l-iżvilupp; jirrimarka li l-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha, għaldaqstant, tkun parti essenzjali mill-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà;

36.  Jilqa' l-għan tal-Istrateġija Globali l-ġdida tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà li tkun waħda komprensiva, issaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni u ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri; ifakkar fl-obbligu tat-Trattat li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) u li tiġi evitata kwalunkwe kontradizzjoni bejn il-politiki tal-iżvilupp u dawk mhux tal-iżvilupp li għandhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jikkonsolidaw sistemi ta' koordinazzjoni bejn il-ministeri rispettivi tagħhom u fost il-Kulleġġ tal-Kummissarji kollu kemm hu, rispettivament, u jkomplu jinvolvu aktar lill-parlamenti nazzjonali fl-aġenda tal-PCD, u jitlob li l-UE ssaħħaħ mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għall-identifikar tal-implikazzjonijiet potenzjali tal-politiki fuq l-objettivi ta' żvilupp, billi tintegra aspetti tal-iżvilupp fl-inizjattivi ta' politika mill-bidu nett u tintroduċi kejl aktar sistematiku tal-impatti u tal-progress fir-rigward tal-PCD; jitlob, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' rimedji effikaċi għall-vittmi f'każijiet fejn il-ġurisdizzjoni domestika turi b'mod ċar li ma tkunx kapaċi tittratta l-politiki implimentati minn kwalunkwe entità barranija;

37.  Jilqa' l-fatt li r-rabta bejn il-paċi u l-iżvilupp ġiet riflessa kif dovut fl-Aġenda l-ġdida 2030 u, bħala riżultat, ġie introdott l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità, inter alia, lill-attivitajiet relatati mat-twettiq tal-SDG 16 (id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija) u jiżguraw li dawn ikunu fost is-setturi fokali tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) fi ħdan l-iprogrammar ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

38.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp bħala kontribut importanti għal strateġija globali tal-UE aġġornata u koerenti; jenfasizza li tali reviżjoni għandha tqis l-isfidi globali l-ġodda, tindirizza l-implimentazzjoni min-naħa tal-UE tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u ttenni l-valuri fundamentali bħalma huma r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-bniet, in-nisa u l-persuni b'diżabilità, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt, iżda wkoll il-prinċipji ewlenin tal-effikaċja tal-iżvilupp bħalma huma s-sjieda tal-istrateġiji tal-iżvilupp mill-pajjiżi sħab, l-obbligu ta' rendikont imsaħħaħ fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-pajjiżi sħab, u d-differenzjar ibbażat fuq il-ħtiġijiet, iżda wkoll kriterji ta' prestazzjoni bbażati fuq l-objettivi ta' żvilupp; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha kollha biex issaħħaħ il-komplementarjetà bejn l-atturi kollha tal-iżvilupp bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-politika Ewropea tal-iżvilupp u b'hekk titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal 2030;

39.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fl-insostenibbiltà tad-dejn kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-prinċipju ta' responsabbiltà komuni ta' min jissellef u ta' min jislef, u b'mod effikaċi issegwi u tippromwovi l-prinċipji tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) dwar it-teħid u l-għoti ta' self responsabbli fl-oqsma ta' politika tagħha kollha; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-ħidma tan-NU favur mekkaniżmu internazzjonali ta' ristrutturazzjoni tad-dejn sovran;

40.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad ma hemmx qafas regolatorju dwar il-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, li jippermetti lil ċerti stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU fuq trattat internazzjonali li jżomm il-korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

41.  Jappoġġja l-idea li tiġi definita mill-ġdid ir-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku permezz tat-tisħiħ ta' politika ta' sħab indaqs, filwaqt li jiġi rrispettat l-ispazju ta' politika demokratiku tal-gvernijiet ta' pajjiżi sovrani biex jieħdu deċiżjonijiet ta' politika għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet tagħhom u jtejbu l-prinċipju ta' governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem bħala elementi essenzjali ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou u billi, b'mod effikaċi, jissaħħu r-rabtiet bejn l-objettivi ta' żvilupp tal-UE dwar il-kummerċ, is-sigurtà, it-tibdil fil-klima u l-politiki tal-migrazzjoni għar-rinforz reċiproku; jitlob l-introduzzjoni ta' setgħat ta' skrutinju formali fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti taħt l-Artikolu 295 tat-Trattat ta' Lisbona; jitlob li jkun hemm sħubija UE-AKP ta' wara l-2020 li tkun ambizzjuża u ġusta u bbażata fuq il-prinċipji tas-sjieda u tar-rispett reċiproku bejn is-sħab bi drittijiet u obbligi indaqs u li tiffoka aħjar fuq l-isfidi u l-interessi komuni u li tkun adattata aħjar biex tagħmel bidla vera fir-rieda taż-żewġ partijiet u l-isfidi li jiffaċċjaw; jitlob li l-Unjoni Ewropea tippromwovi strumenti għall-kummerċ mal-pajjiżi AKP, b'mod partikolari l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE), sabiex tagħmel bidla reali fis-sigurtà u l-prosperità taż-żewġ partijiet;

42.  Jenfasizza li l-UE teħtieġ tkompli u tirrinforza l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u r-reżiljenza fil-viċinat tagħha u f'reġjuni li huma kritiċi għall-interessi tal-UE; Ifakkar li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma l-fornituri ewlenin tal-impjiegi u li l-iffaċilitar tal-ħidma tagħhom huwa għalhekk kruċjali biex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku;

43.  Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu rabta ċara bejn l-Istrateġija Globali tal-UE u l-istruttura u l-prijoritajiet tal-baġit tal-UE, inkluż it-tisħiħ tar-riżorsi proprji, jallokaw ir-riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha u jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-baġits eżistenti permezz ta' kooperazzjoni aħjar u azzjoni koordinata fl-oqsma tad-diplomazija, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-enerġija u d-difiża;

•  L-involviment – tal-UE, il-parlamenti nazzjonali u ċ-ċittadini Ewropej

44.  Jenfasizza li l-Istrateġija Globali għandha tiġi riveduta kull ħames snin, f'sinkronija mal-Parlament Ewropew il-ġdid u l-Kummissjoni l-ġdida, li tippermetti l-verifika ta' jekk l-objettivi u l-prijoritajiet tagħha għadhomx jikkorrispondu mat-theddidiet u l-ambjent ta' sigurtà u biex tippermetti lill-VP/RGħ il-ġdida timpenja ruħha f'reviżjoni;

45.  Jenfasizza li l-azzjonijiet tal-UE huma suġġetti għal sorveljanza mill-Parlament; jenfasizza li l-Parlament għandu jaqdi rwol ewlieni fil-monitoraġġ dettaljat regolari tal-azzjoni esterna tal-istituzzjonijiet tal-UE u jqis li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jkunu involuti aktar mill-qrib f'dan l-eżerċizzju ta' monitoraġġ; ifakkar li l-Parlament huwa sieħeb ewlieni tar-RGħ/VP fit-tiswir tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-indirizzar tal-isfidi attwali, inkluż permezz tal-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-politika barranija tal-UE; jitlob li r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija jitressqu lill-Parlament;

46.  Hu tal-fehma li l-Parlament għandu jaqdi r-rwol sħiħ tiegħu fi ħdan l-isforzi tal-UE biex tipprevjeni l-kunflitti;

47.  Jenfasizza l-importanza li fil-proċess jiġu involuti b'mod attiv il-parlamenti nazzjonali permezz ta' skrutinju aktar bir-reqqa konġunt mal-Parlament Ewropew waqt is-sessjonijiet tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-PESK/PSDK;

48.  Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk li jfasslu l-politiki Ewropej biex jinteraġixxu maċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, l-industrija, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-ħtieġa u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-istabbiliment ta' qafas aktar b'saħħtu għas-sigurtà tal-Ewropa.

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa (2015/2272(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Sandra Kalniete

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-MPE tal-Grupp GUE/NGL Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Takis Hadjigeorgiou, Javier Couso Permuy

Ir-rapport irid li l-UE "tfassal ir-regoli", jitlob b'insistenza l-użu tal-għodod ta' politika kollha għall-promozzjoni tal-kummerċ ħieles, żieda fl-aċċess għas-suq u li tittieħed azzjoni dwar is-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija/tal-materja prima. Huwa favur il-militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE, l-awtonomija strateġika tal-UE u kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO, jappoġġja l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) u l-mira tan-NATO li jintefaq minimu ta' 2 % tal-PDG għan-nefqa tad-difiża. Ir-rapport jenfasizza l-fużjoni tas-sigurtà interna u dik esterna u s-subordinazzjoni tal-kummerċ, l-iżvilupp, il-politika tal-enerġija taħt il-PESK/PSDK.

Aħna noġġezzjonaw għar-rapport peress li:

•  ma jirriflettix ir-rwol negattiv/li qed jikber tal-UE rigward il-kunflitti attwali (il-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant);

•  jappoġġja l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), li tapprofondixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u aktar integrazzjoni militari permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), jitlob b'insistenza mandat imsaħħaħ + aktar riżorsi għall-EDA;

•  jitlob li tiżdied in-nefqa tar-riċerka militari/tad-difiża fil-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea u s-suq tad-difiża tal-UE li jfisser appoġġ massiv għall-Kumpless Industrijali Militari;

•  jitlob li jissaħħaħ il-pilastru Ewropew tan-NATO u li l-Membri tal-UE jonoraw l-impenji tagħhom tan-NATO, jappoġġja l-gruppi ta' Battalja tal-UE, il-Forza ta' Reazzjoni tan-NATO u l-ikkombinar tagħhom kif ukoll unitajiet militari multinazzjonali raggruppati b'mod komuni permanentement;

•  jiffavorixxi intelligence Ewropea u kwartieri ġenerali militari tal-UE.

Aħna nesiġu:

-  id-diżarm totali (inkluż dak nukleari) fil-livell tal-UE u fil-livell globali;

-  li ma jsir l-ebda finanzjament (għar-riċerka) militari mill-baġit tal-UE

-  li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;

-  approċċi strettament ċivili u paċifiċi għas-soluzzjonijiet tal-kunflitti;

-  separazzjoni tal-UE minn man-NATO u x-xoljiment tan-NATO.

22.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-UE f'ambjent globali li qed jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa

(2015/2272(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Brian Hayes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà, u s-sigurtà mhijiex possibbli mingħajr l-iżvilupp; jindika li l-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha, għaldaqstant, tkun parti essenzjali mill-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà;

2.  Jilqa' l-għan tal-Istrateġija Globali l-ġdida tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà li tkun waħda komprensiva, li ssaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni u li ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri; ifakkar fl-obbligu tat-Trattat li l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) jiġi rrispettat u li tiġi evitata kwalunkwe kontradizzjoni bejn il-politiki għall-iżvilupp u dawk mhux għall-iżvilupp li għandhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jikkonsolidaw sistemi ta' koordinazzjoni bejn il-ministeri rispettivi tagħhom u fil-kulleġġ tal-Kummissarji kollu kemm hu, rispettivament, u jinvolvu iktar lill-parlamenti nazzjonali fl-aġenda tal-PCD, u jistieden lill-UE tirrinforza mekkaniżmu ta' koordinazzjoni biex jiġu identifikati l-implikazzjonijiet potenzjali tal-politiki fuq l-objettivi ta' żvilupp, biex l-aspetti relatati mal-iżvilupp jiġu integrati fl-inizjattivi ta' politika sa mill-bidu nett u biex jiġi introdott kejl iktar sistematiku tal-impatt u tal-progress fir-rigward tal-PCD; jitlob, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' rimedji effikaċi għall-vittmi f'każijiet fejn il-ġurisdizzjoni nazzjonali turi b'mod ċar li mhijiex kapaċi tittratta l-politiki implimentati minn kwalunkwe entità barranija;

3.  Jilqa' l-fatt li r-rabta bejn il-paċi u l-iżvilupp ġiet riflessa kif xieraq fl-Aġenda l-ġdida 2030 u, bħala riżultat, ġie introdott l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità, inter alia, lill-attivitajiet relatati mat-twettiq tal-SDG 16 (id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija) u jiżguraw li dawn ikunu fost is-setturi fokali tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) fl-iprogrammar tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

4.  Jissottolinja li t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli – b'mod partikolari dawk li jippromwovu l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tal-esklużjoni soċjali, l-indirizzar tal-qgħad u l-ostakoli għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kollha, u t-titjib tas-saħħa u tal-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa – jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-isfidi reċenti relatati mal-migrazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrumenti taż-żamma tal-paċi u li jiġu iżviluppati mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi u flessibbli, bħal pereżempju mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament apposta barra l-istrumenti eżistenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rwol ta' tmexxija tagħha fid-difiża tal-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp bħala kontribut importanti għal strateġija globali tal-UE aġġornata u koerenti; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis l-isfidi globali l-ġodda, tindirizza l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u ttenni valuri fundamentali bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli bħalma huma l-bniet, in-nisa u l-persuni b'diżabilità, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt, iżda wkoll il-prinċipji ewlenin tal-effikaċja tal-iżvilupp bħas-sjieda tal-istrateġiji tal-iżvilupp mill-pajjiżi sħab, responsabbiltà msaħħa fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-pajjiżi sħab, u differenzjazzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet, iżda wkoll kriterji ta' prestazzjoni bbażati fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex issaħħaħ il-komplementarjetà bejn l-atturi kollha tal-iżvilupp sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u b'hekk titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għall-2030;

6.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fid-dejn insostenibbli kemm f'pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-prinċipju ta' responsabbiltà komuni ta' min jislef u min jissellef, u ssegwi u tippromwovi b'mod effikaċi l-prinċipji tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) dwar l-għoti u t-teħid ta' self responsabbli fl-oqsma ta' politika kollha tagħha; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-ħidma tan-NU favur mekkaniżmu internazzjonali għar-ristrutturazzjoni tad-dejn sovran;

7.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad ma hemmx qafas regolatorju għall-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, nuqqas li jippermetti lil ċerti Stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU dwar trattat internazzjonali li jżomm il-korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

8.  Jappoġġja l-idea li r-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku tiġi definita mill-ġdid permezz tat-tisħiħ ta' politika ta' sħab indaqs, filwaqt li jiġi rispettat l-ispazju politiku demokratiku tal-gvernijiet ta' pajjiżi sovrani biex jieħdu deċiżjonijiet ta' politika għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet tagħhom u li jisaħħaħ il-prinċipju li l-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem jiffurmaw elementi essenzjali ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou, u billi, b'mod effikaċi, jissaħħu r-rabtiet bejn l-objettivi ta' żvilupp tal-UE dwar il-kummerċ, is-sigurtà, il-bidla fil-klima u l-politiki ta' migrazzjoni sabiex jirrinforzaw lil xulxin; jitlob l-introduzzjoni ta' setgħat ta' skrutinju formali fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-Trattat ta' Lisbona; jitlob li jkun hemm sħubija UE-AKP ta' wara l-2020 li tkun ambizzjuża u ġusta u bbażata fuq il-prinċipji ta' sjieda u rispett reċiproku bejn is-sħab li tinkudi drittijiet u obbligi indaqs u li tiffoka aħjar fuq l-isfidi u l-interessi komuni u li tkun iktar adatta biex iġġib bidla ġenwina skont ix-xewqat taż-żewġ partijiet u l-isfidi li jiffaċċjaw; jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-istrumenti għall-kummerċ mal-pajjiżi AKP, b'mod partikolari l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE), sabiex issir bidla ġenwina fis-sigurtà u l-prosperità taż-żewġ partijiet;

9.  Jemmen li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'fora internazzjonali, bħan-NU, sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni iktar ġusta tal-interessi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Fernando López Aguilar, Jan Zahradil, Joachim Zeller

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

FL/UR

EXPO-COM-INTA D(2016)4465

Is-Sur Elmar Brok

President tal-Kumitat AFET

Membru tal-Parlament Ewropew

Suġġett: Rapport fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat AFET dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa L-iżgurar tal-konsistenza bejn l-Istrateġija ta' Sigurtà Globali tal-UE u l-Politika tal-Kummerċ tal-UE

Onorevoli President,

F'Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew talab lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) biex tħejji Strateġija Globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà. Din l-Istrateġija Globali tal-UE għandha tipprovdi gwida strateġika għall-UE biex tirreaġixxu għall-bidliet drammatiċi fl-affarijiet globali, li seħħew mindu ġiet adottata l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fl-2003. B'dan il-għan, ir-RGħ/VP Mogherini varat perjodu ta' riflessjoni strateġika, li għandu jwassal għall-adozzjoni ta' Strateġija ta' Sigurtà Globali ġdid tal-UE sa Ġunju 2016.

F'Settembru 2015, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), li int tippresiedi, iddeċida li jikkontribwixxi għal din ir-riflessjoni billi jaħdem fuq rapport fuq inizjattiva proprja dwar din il-kwistjoni bl-isem ta' "L-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa" (rapporteur: Sandra Kalniete (PPE, LV)), awtorizzat mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati fit-22 ta' Ottubru 2015. Peress li dan ir-rapport jikkonċerna l-ewwel u qabel kollox kwistjonijiet ta' sigurtà li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat AFET (jew is-Sottokumitati rilevanti tiegħu), il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) iddeċieda li ma jagħtix opinjoni għal dan ir-rapport.

It-Trattat ta' Lisbona jisħaq fl-Artikolu 21 tiegħu li l-UE għandha "tiżgura l-konsistenza fl-attivitajiet esterni kollha tagħha fil-kuntest tal-politika tagħha ta' relazzjonijiet barranin, sigurtà, ekonomija u żvilupp". Il-Kumitat INTA huwa konxju bis-sħiħ tal-importanza li jiġi żgurat approċċ koordinat b'saħħtu tal-oqsma differenti ta' azzjonijiet esterni tal-UE, li permezz tiegħu kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kumitati tagħna hija vitali biex il-Parlament Ewropew jikkontribwixxu għat-tfassil ta' approċċ komprensiv ta' politika barranija tal-UE.

Huwa ovvju li hemm interkonnessjonijiet b'saħħithom bejn Strateġija ta' Sigurtà tal-UE futura – li taqa' prinċipalment fi ħdan il-kompetenzi tal-Kumitat AFET (inklużi s-Sottokumitati rilevanti tiegħu) – u l-politika kummerċjali tal-UE, li taqa', l-ewwel u qabel kollox, taħt il-kompetenzi tal-Kumitat INTA. Mhux biss id-dinja nbidlet b'mod drammatiku mill-2003 'l hawn, iżda r-relazzjonijiet barranin tal-UE ukoll evolvew b'mod konsiderevoli minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat ta' Lisbona mhux biss saħħaħ is-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-Politika Kummerċjali tal-UE, iżda kabbarlu wkoll l-ambitu tiegħu, l-aktar bl-inklużjoni tal-investiment dirett barrani, u b'hekk jaġevola aktar il-Politika Kummerċjali tal-UE biex ikollha impatt fuq ir-relazzjonijiet barranin tagħna. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Politika Kummerċjali tal-UE qed ikunu dejjem aktar konxji tal-impatt tagħha fuq kwistjonijiet ta' sigurtà globali kif rifless, pereżempju, fl-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal kulħadd – lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"(6), li, b'mod partikolari, tenfasizza r-rwol li l-Politika Kummerċjali tal-UE tista' taqdi biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba. Inizjattivi kummerċjali riċenti – bħal pereżempju l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija(7) – juru li l-politika kummerċjali tista' tintuża f'ċerti ċirkostanzi biex jiġu appoġġjati l-objettivi tal-Politika ta' Sigurtà tal-UE, filwaqt li Strateġija ta' Sigurtà ġdida tal-UE għandha l-potenzjal li twittu t-triq għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi ulterjuri u tiftaħ opportunitajiet ġodda biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħna.

Għalhekk, il-Politika Barranija u ta' Sigurtà tal-UE, li għaliha jikkontribwixxi l-Kumitat AFET permezz tal-ħidma Parlamentari tiegħu, kif ukoll il-Politika Kummerċjali tal-UE, li għaliha l-Kumitat INTA jaġixxi bħala koleġiżlaturi u li huwa jsawwar permezz tal-ħidma Parlamentari tiegħu, għandhom jitmexxew b'manjiera li ssaħħaħ b'mod reċiproku u b'mod konxju tas-sinerġiji potenzjali. Bħala President tal-Kumitat INTA, inħeġġeġ lill-Kumitat AFET ikun konxju ta' dan l-element waqt il-ħidma tiegħu fuq ir-rapport tal-Kumitat AFET filwaqt li jikkontribwixxi għar-riflessjonijiet dwar l-"Istrateġija Globali tal-UE".

Ninsab ħerqan li nkomplu l-kooperazzjoni tagħna biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-politiki esterni tal-UE li biha qed niżviluppaw aktar sinerġiji bejn iż-żewġ oqsma ta' politika, li għalihom huma responsabbli l-Kumitati rispettivi tagħna.

Dejjem tiegħek,

Bernd LANGE

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

14

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Neena Gill, Ana Gomes, András Gyürk, Takis Hadjigeorgiou, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Jean-Luc Schaffhauser, Igor Šoltes, Paavo Väyrynen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilian Pavel, Judith Sargentini

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0213.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0019.

(3)

ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0472.

(6)

Adottata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2001.

(7)

Din il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea ġiet approvata (b'emendi) mill-Kumitat INTA fil-25 ta' Jannar 2016.

Avviż legali