Proċedura : 2015/2196(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0097/2016

Testi mressqa :

A8-0097/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.62
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0198

RAPPORT     
PDF 706kWORD 121k
7.4.2016
PE 571.627v01-00 A8-0097/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2196(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

EMENDI
 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0052/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0052/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni ("l-Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena,

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata,

C.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-2014 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji tagħha;

2.  Jinnota li l-istituzzjonijiet u l-korpi jeħtiġilhom jipproduċu kull sena rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriżi Konġunti f'dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; jinnota li tinħtieġ gwida mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

3.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti enfasizza l-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-7 ta' Lulju 2010(13) approvaw EUR 6 600 000 000 (fil-valuri tal-2008) għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta lill-fażi ta' kostruzzjoni tal-Proġett ITER; jinnota li dik iċ-ċifra, li rdoppjat il-kosti inizjali bbaġitjati għal din il-fażi tal-proġett, ma kinitx tinkludi l-EUR 663 000 000 proposti mill-Kummissjoni fl-2010 biex ikopru kontinġenzi potenzjali; jirrikonoxxi li l-Organizzazzjoni ITER stabbiliet Fond ta' Riżerva bl-għan li jipprovdi mekkaniżmu aktar ċar li jikkumpensa lill-aġenziji domestiċi għal bidliet fid-disinn u jipprovdi inċentivi għall-organizzazzjoni interna biex tadotta soluzzjonijiet li jimminimizzaw il-kosti f'tentattiv biex tirrettifika d-dgħufija identifikata mill-Valutazzjoni tal-Ġestjoni tal-ITER tal-2013(14); iqis li ż-żieda notevoli fil-kosti tal-proġett tista' tikkomprometti lill-programmi l-oħrajn li huma wkoll iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u tista' tmur kontra l-prinċipju tal-"valur għall-flus";

4.  Jinnota bi tħassib li l-kumplessità tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jimplikaw li l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett mill-Impriża Konġunta huwa espost għal riskji sinifikanti ta' żieda; josserva li dawn ir-riskji jirriżultaw prinċipalment minn tibdil fl-ambitu tar-riżultati tanġibbli tal-proġett kif ukoll minn dewmien fl-iskeda attwali li kienet meqjusa bħala mhux realistika u li r-rilaxx ta' pjan ġdid ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER, inkluż l-ambitu, l-iskeda u l-kosti ("il-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER"), mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni ITER ("il-Kunsill tal-ITER"), ippjanat għall-Ġunju 2015, ġie pospost sa Novembru 2015 u issa hu skedat għal nofs l-2016; jinnota, barra minn hekk, li fiż-żmien tal-awditu, l-Impriża Konġunta stmat li d-dewmien għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett kien mill-inqas 43 xahar; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta diġà qiegħda tadotta politika stretta dwar dan ta' hawn fuq u qed toqgħod lura milli tipproċedi b'azzjonijiet ta' akkwist sakemm l-ispeċifikazzjonijiet għal kuntratti jkunu stabbli biżżejjed; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta wettqet rieżami tal-iskedi tal-akkwist għas-sistemi kollha biex tiżgura li t-tul tal-attivitajiet ikunu korretti u li l-ħidma ppjanata tkun fattibbli fil-qies tar-riżorsi disponibbli fi ħdan l-organizzazzjoni(15);

5.  Jieħu nota li l-aktar stima reċenti tad-defiċit (kontinġenza negattiva) sal-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni, ikkalkolata mill-Impriża Konġunta f'Novembru 2014, kienet ta' EUR 428 000 000 (valuri tal-2008); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta attwalment qiegħda taħdem fuq stima aktar preċiża u aġġornata permezz ta' miżuri ta' trażżin tal-kosti u li l-kontroll tal-kosti ser ikompli jkun prijorità fuq il-livell globali tal-ġestjoni tal-proġett taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER; jirrimarka li, matul il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li saret fit-22 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni ddikkjarat pubblikament li "ċaħdet" il-proposta tal-pjan ta' azzjoni magħmula mid-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta implimentat sistema ċentrali biex tiġġestixxi d-data tal-ikkostjar sabiex iżżomm kontroll mill-qrib fuq l-evoluzzjoni tal-baġit u tissorvelja d-devjazzjonijiet fil-kosti fuq bażi regolari(16);

6.  Iħeġġeġ lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER biex iressaq pubblikament il-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER; jistenna li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER jevita b'mod ċar kwalunkwe dewmien ulterjuri jew kosti addizzjonali lill-Proġett ITER;

7.  Jistieden lill-Impriża Konġunta biex tipparteċipa b'mod attiv fil-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER, li għandu jinkludi l-iskeda u l-ambitu tal-proġett; jistenna li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati l-osservazzjonijiet kollha rikonoxxuti mill-Qorti.

8.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għadha qed tiżviluppa sistema ċentrali u uniformi biex tintegra d-data operazzjonali kollha u biex tippermetti monitoraġġ u kontroll regolari tal-istimi, il-kosti u d-devjazzjonijiet; jissottolinja l-importanza li tkun implimentata sistema bħal din; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għadha m'aġġornatx il-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta lill-Proġett ITER lil hinn mill-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għandha sistema għalkollox operazzjonali biex tikkontrolla u timmonitorja l-kosti fil-livell tal-arranġamenti ta' akkwist u fil-livell tas-sistema, għalkemm fiż-żmien tal-awditjar ma kienx għad kellha d-data kollha fil-livell 6 (kuntratti); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta stmat il-kosti li jikkonċernaw proġetti fit-timijiet ta' proġetti individwali u mhux b'mod ċentralizzat u uniformi; jinnota li l-Impriża Konġunta tħaddem numru ta' għodod ta' ġestjoni tad-data biex iżżomm u tiġġestixxi d-data operattiva u finanzjarja tagħha, integrati minn sistema ta' rapportar ċentrali, u li x-xogħol jinsab għaddej biex itejjeb is-sistema tagħha għall-ġestjoni ta' data tal-kosti u tad-devjazzjonijiet;

9.  Jaċċerta li, minħabba fl-isfidi li l-Proġett ITER qed jiffaċċja bħalissa, id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER ressaq pjan ta' azzjoni lill-Kunsill tal-ITER b'miżuri speċifiċi biex jindirizzaw ir-restrizzjonijiet prinċipali li bħalissa qed jaffettwaw l-iżvilupp tal-proġett; jinnota, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-Impriża Konġunta, l-aġent direttur il-ġdid ipprepara pjan ta' azzjoni għall-Impriża Konġunta li fil-biċċa l-kbira jappoġġja l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER; jirrikonoxxi li l-aġent direttur tal-Impriża Konġunta ressaq il-pjan ta' azzjoni lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta f'Marzu 2015, meta l-pjan ġie approvat b'mod sħiħ, u li l-pjan ta' azzjoni tal-Impriża Konġunta jikkomplementa l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER f'għadd ta' aspetti u jidentifika aktar titjib fl-operazzjonijiet proprji tal-Impriża Konġunta; josserva li, fiż-żmien tal-awditjar, il-miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni taż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni kienu għadhom qed jiġu stabbiliti; jinnota, barra minn hekk, li minn Marzu 2015, dawk il-pjanijiet ta' azzjoni ġew implimentati u segwiti mill-qrib mill-Organizzazzjoni ITER u mill-Impriża Konġunta, u li huwa mistenni li jġibu titjib;

10.  Jinnota li l-Kunsill tal-ITER approva wkoll skeda ta' ħidma għall-Organizzazzjoni ITER għas-snin 2016 u 2017, flimkien ma' ġabra ta' miri li jridu jintlaħqu f'dawk is-snin; jitlob lill-Impriża Konġunta tressaq dawk il-miri b'aktar dettall lill-awtorità ta' kwittanza;

11.  Jieħu nota li l-baġit finali 2014 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 1 168 800 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 576 600 000; ir-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' dawk ta' pagament kienu ta' 100 % u 88,5 % rispettivament; jinnota, madankollu, li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit inizjali 2014 kienet ta' 73 %;

12.  Josserva li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, 23 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti filwaqt li s-77 % li kien fadal ġew implimentati permezz ta' impenji globali; josserva li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni mil-lat tal-impenji individwali hija spjegata permezz tad-dewmien kumplessiv tal-Proġett ITER u l-bosta talbiet għal bidliet magħmula mill-Organizzazzjoni ITER;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

13.  Jieħu nota li sar progress sinifikanti u l-maġġoranza tas-CVs tal-Bord ta' Tmexxija u tal-membri tal-korpi sussidjajrji tal-Impriża Konġunta ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku tagħha; jinnota, barra minn hekk, li, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Tmexxija, dawk il-membri li jonqsu milli jippubblikaw is-CVs tagħhom ma jkunux jistgħu jaċċedu għas-sistema ta' ġestjoni tad-dokumenti tal-Impriża Konġunta li fiha d-dokumentazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija(17);

Ftehim mal-Istat Ospitanti

14.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta laqgħet l-offerta magħmula mir-Renju ta' Spanja, li ppropona bini ġdid kondiviż ma' istituzzjoni Spanjola; josserva, madankollu, li ma ntlaħaqx ftehim minħabba li, wara li saret analiżi minn arkitett indipendenti estern, instab li l-ispazju disponibbli ma kienx idoneu(18); iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu tan-negozjati reċenti rigward kuntratt ġdid fil-bini ospitanti eżistenti;

Kondizzjonijiet tax-xogħol

15.  Huwa mħasseb ħafna bil-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma adottatx ir-regoli kollha li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal; jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta invokat żewġ miżuri tranżitorji sabiex jiġi evitat vakwu ġuridiku sakemm jiġu adottati formalment ir-regoli ta' implimentazzjoni pendenti għar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota, madankollu, li sar progress f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tirrimedja s-sitwazzjoni b'mod urġenti; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar aktar żviluppi u dwar l-istat ta' implimentazzjoni(19);

Sistemi ta' kontroll intern

16.  Jinnota li fl-2014, il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta ("IAC") wettqet rieżami tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratt u ddeskriviet fil-qosor l-eżistenza ta' fatturi importanti ta' riskju bħat-tfassil immatur ta' xi wħud mill-attivitajiet tal-ITER, l-għadd kbir ta' talbiet għal bidliet tal-proġett, l-iskeda mhux realistika tal-proġett u d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet; josserva li hu diffiċli għall-Impriża Konġunta li tnaqqas xi wħud minn dawn ir-riskji b'mod effikaċi, peress li huma attribwibbli għall-Organizzazzjoni ITER; jinnota, barra minn hekk, li r-rieżami identifika wkoll li kontrolli aktar b'saħħithom u bidliet fil-proċessi huma meħtieġa, b'mod partikolari fil-kontroll tal-ġestjoni u tal-bidliet, fil-ġestjoni finanzjarja tal-kuntratti u fil-ġestjoni ta' nuqqasijiet ta' konformità;

17.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li s-sistema interna għall-ġestjoni tar-riskju korporattiv tal-Impriża Konġunta identifikat għaxar riskji ġodda fl-2014; jinnota li, mit-32 azzjoni identifikati biex jiġu indirizzati s-sitt riskji għoljin ħafna, 13 ġew implimentati, disgħa kienu għaddejjin, waħda ġiet ikkanċellata bħala skaduta, u disgħa ma kienux inbdew fiż-żmien tal-awditjar;

18.  Jaċċerta li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq rieżami limitat dwar il-ġestjoni tal-kuntratti u rrimarka li l-Impriża Konġunta qed tinbidel minn organizzazzjoni prinċipalment orjentata lejn l-akkwist għal organizzazzjoni li prinċipalment tiġġestixxi l-kuntratti; josserva li r-rieżami kkonkluda li l-Impriża Konġunta qed tagħmel progress fl-istabbiliment ta' kontrolli mal-entitajiet kollha sabiex tindirizza r-riskji relatati mal-implimentazzjoni tal-kuntratti; josserva, madankollu, li hija identifikat ukoll ċertu numru ta' oqsma fejn il-kontrolli fis-seħħ mhumiex maturi biżżejjed, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni ta' emendi għal kuntratti u tal-kontinġenzi;

Għotjiet u kuntratti għall-akkwist operazzjonali

19.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-proċeduri nnegozjati kkostitwew 58 % mis-67 proċedura tal-offerti operattivi mnedija fl-2014, u li hemm lok għal titjib tal-proċeduri ta' akkwist;

20.  Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet fir-rapport tal-Qorti li, b'eċċezzjoni waħda, l-Impriża Konġunta naqset milli tipprovdi l-ammont allokat lill-kuntratti differenti mill-baġit limitat għal massimu ta' EUR 6 600 000 000 fiż-żmien tat-tnedija tal-proċedura u ma pprovdietx il-valur għall-istima mat-tlestija (EAC) ta' dawn l-attivitajiet; ifakkar lill-Impriża Konġunta li din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġu kkalkolati d-devjazzjonijiet tal-kosti mil-baġit limitat għal valur massimu; jinnota, barra minn hekk, li f'każ minnhom, id-devjazzjoni tal-valur mogħti tal-kuntratt fuq il-linja bażi tal-kosti kien ta' 29 % u li din id-devjazzjoni ma ġietx irrappurtata fir-rapport tal-kumitat ta' evalwazzjoni; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex tkun trasparenti u tirrispetta b'mod strett il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

21.  Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Qorti jirreferi għal nuqqasijiet li nstabu waqt il-valutazzjoni tal-offerti finanzjarji mill-kumitat għall-evalwazzjoni; josserva li, f'kaz minnhom, la l-għażliet kuntrattwali, li jammontaw għal EUR 32 000 000, u lanqas il-kosti addizzjonali li għandhom jiġġarrbu ma tqiesu fil-valutazzjoni; jinnota li, f'każ ieħor, l-offerti ma tqabblux mal-valur allokat mill-baġit limitat għal valur massimu, jew mal-linja bażi tal-kosti; jirrimarka li r-rapporti tal-kumitat tal-evalwazzjoni ma ddikjarawx l-EAC għal dawn il-kuntratti f'kull proċedura li ġiet rieżaminata;

22.  Jinnota li l-prestazzjoni ta' ċerti proċeduri ta' akkwist kienet affettwata minn dewmien, u li fi proċedura waħda ta' akkwist, l-Impriża Konġunta kellha tinkludi attività mhux prevista u mhux ibbaġitjata fil-programm ta' ħidma tal-2014, li tirriżulta f'kuntratt addizzjonali ta' EUR 2 880 000; josserva, li fi proċedura minnhom ta' akkwist, il-valutazzjoni tal-kriterji tekniċi tal-għoti pprovduta mill-kumitat ta' evalwazzjoni fir-rapport tal-kumitat ta' evalwazzjoni kienet ġenerika wisq u l-kummenti rreġistrati ma kinux dettaljati b'mod suffiċjenti biex jappoġġjaw il-punteġġi mogħtija; jinnota, barra minn hekk, li fi tliet proċeduri ta' akkwist, għalkemm hi ppubblikat l-avviżi korrispondenti dwar kuntratti u wettqet għadd ta' attivitajiet ta' qabel l-akkwist, l-Impriża Konġunta ma rreklamatx il-kuntratti permezz ta' avviż ta' informazzjoni minn qabel sabiex iżżid il-viżibbiltà u l-kompetizzjoni, kif irrakkomandat mill-Vademecum tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku;

Kontroll u monitoraġġ kumplessivi ta' għotjiet u kuntratti ta' akkwist operazzjonali

23.  Jirrikonoxxi li l-pjanijiet ta' azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta, b'rispons għall-awditi interni taċ-ċirkwiti finanzjarji, il-ġestjoni tal-għotjiet u l-kuntratti tal-esperti, ġew implimentati kompletament, jew fil-biċċa l-kbira tagħhom, fiż-żmien tal-awditjar sa Marzu 2015; jinnota, barra minn hekk, li, minn 46 rakkomandazzjoni li għadhom għaddejja, l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta'29 rakkomandazzjoni kienu skadew, rigward il-pjanijiet ta' azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta b'rispons għall-awditi interni mwettqa;

24.  Josserva li l-awditi ex-post dwar l-għotjiet ma kinux konklużi fil-mument meta l-Qorti wettqet l-awditu;

Qafas ġuridiku

25.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex jirriflettu l-bidliet li rriżultaw mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid(20) u mill-qafas tar-regolament finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid(21); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta adottat miżuri u bdiet djalogu mal-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni(22); jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u politika industrijali

26.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta tqis il-miżuri fis-seħħ bħala effiċjenti biex itaffu r-riskji u jżidu l-kompetizzjoni; jinnota li, fir-rigward tal-politika industrijali, l-Impriża Konġunta implimentat 24 mit-32 azzjoni previsti sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2014(23);

27.  Jaċċerta li l-Impriża Konġunta ħadet miżuri rigward drittijiet esklużivi ta' sfruttament fuq proprjetà intellettwali prodotta f'oqsma lil hinn mill-fużjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta kellha l-intenzjoni tiżviluppa definizzjonijiet u metodoloġiji biex jiġu identifikati applikazzjonijiet tal-fużjoni; ifakkar l-importanza kbira ta' din il-kwistjoni; jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward(24).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

(1)

  ĠU C 422, 17.12.2015, p. 33.

(2)

  ĠU C 422, 17.12.2015, p. 34.

(3)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(4)

  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58

(5)

  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72

(6)

  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(7)

  ĠU C 422, 17.12.2015, p. 33.

(8)

  ĠU C 422, 17.12.2015, p. 34.

(9)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(10)

  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58

(11)

  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72

(12)

  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(13)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatus tal-ITER tas-7 ta' Lulju 2010 (ref. 11902/10).

(14)

Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.

(15)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(16)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(17)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(18)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(19)

  ITER AAR - p. 104 & Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(20)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(21)

  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(22)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(23)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

(24)

  Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013

Avviż legali