Proċedura : 2015/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0100/2016

Testi mressqa :

A8-0100/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.34
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0170

RAPPORT     
PDF 704kWORD 119k
7.4.2016
PE 569.748v02-00 A8-0100/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2168(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Derek Vaughan

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġiba tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0066/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0066/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 52 573 071, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta' 6,70 % meta mqabbel mal-2013; billi 76,81 % tal-baġit tal-Aġenzija jinsilet mill-baġit tal-Unjoni; billi ż-żieda hija fil-biċċa l-kbira relatata mal-infiq operattiv għal azzjonijiet strateġiċi;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li fl-2014 l-Aġenzija nediet sejħa għall-forniment ta' servizzi ta' konsulenza dwar l-IT u s-Sistemi ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS) għall-implimentazzjoni tal-komponent ta' Aċċess għad-Data ta' Referenza (RDA), u biex jingħata appoġġ lill-Aġenzija f'attivitajiet oħrajn relatati mal-programm Copernicus; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-hekk imsejħa "nuqqasijiet magħrufa" – aspett importanti tas-sejħa għall-offerti – ma ġewx definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jirrikonoxxi, iżda, ir-risposta tal-Aġenzija li "n-nuqqasijiet magħrufa" ġew deskritti fit-taqsima 6.3.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,19 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,19 %;

Impenji u riporti

3.  Jirrikonoxxi li l-awditu annwali tal-Qorti ma sab xejn partikolari fir-rigward tal-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati fl-2014; jinnota li, għalkemm il-livell totali ta' riporti mill-2014 għall-2015 huwa ogħla minn dak tas-sena ta' qabel, 69,36 % ta' dan l-ammont jirreferi għall-pagament finali tal-kontribuzzjoni tal-2014 għaċ-Ċentri Tematiċi Ewropej (ETC) li, skont il-ftehimiet, kellha titħallas wara l-preżentazzjoni tar-raba' rapport ta' progress trimestrali fl-2015;

Trasferimenti

4.  Jinnota li fl-2014 b'kollox saru 24 trasferiment; jinnota li dawn it-trasferimenti kienu taħt il-limitu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena murija fuq il-linja baġitarja li minnha jsir it-trasferiment u kienu jammontaw għal EUR 268 128 (0,64 % tal-approprjazzjonijiet totali); jinnota li 40 % tat-trasferimenti saru fuq approprjazzjonijiet differenzjati u għalhekk mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-10 %;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

5.  Jinnota li l-Aġenzija naqqset l-ammont ta' persunal b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja(13), u dan wassal għat-tnaqqis ta' tliet pożizzjonijiet temporanji għas-sena 2014; jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed issibha dejjem aktar diffiċli taġġusta l-istruttura organizzattiva tagħha – biex tagħmel it-tnaqqis li hemm bżonn fl-ammont ta' persunal – mingħajr ma dan ikollu effett negattiv fuq il-kapaċità tagħha li twettaq il-punti prinċipali tal-programm ta' ħidma pluriennali tagħha, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis addizzjonali antiċipat fil-persunal lil hinn mil-limitu stipulat fil-Ftehim Interistituzzjonali; jinnota li skont l-aħħar evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija l-ispejjeż amministrattivi tagħha huma aktar baxxi minn dawk ta' aġenziji simili;

6.  Jitlob li l-Aġenzija tapplika strettament il-miżuri li jirrigwardaw id-diskrezzjoni u l-esklużjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

7.  Jinnota li f'Novembru 2014 il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija adotta l-istrateġija tagħha kontra l-frodi, bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni xierqa fi kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess u li jiġu żviluppati attivitajiet bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi, speċjalment permezz tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li, bi qbil mal-"Metodoloġija u gwida għal strateġiji kontra l-frodi għall-aġenziji deċentralizzati tal-UE" tal-OLAF, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju ta' frodi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha bbażata fuq il-probabbiltà ta' frodi u l-impatt li dan jista' jkollu;

8.  Jitlob li l-Aġenzija timplimenta l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal billi kull sena tippubblika l-informazzjoni dwar l-uffiċjali għolja li jkunu telqu mis-servizz, kif ukoll lista ta' kunflitti ta' interess;

9.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta' interess, pari passu mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin diġà, u tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

10.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, fosthom il-Parlament Ewropew, biex itejbu l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

11.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għall-miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

12.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit tagħha d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha, li żdiedu mas-CVs li diġà kienu ġew ippubblikati; jinnota li s-CVs tal-membri tal-Bord li qablu li jipprovduhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija;

Kontrolli interni

13.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija bdiet timplimenta politika ġdida ta' kontrolli ex ante u ex post għall-għotjiet; jinnota li, meta sar l-awditu tal-Qorti, il-proċeduri ta' verifika kienu għadhom ma ġewx dokumentati; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li meta f'Mejju 2014 bdiet timplimenta l-politika l-ġdida dwar il-kontrolli, hija tat prijorità lil-linji gwida għall-benefiċjarji fir-rigward tat-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-ispejjeż; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li dawn il-linji gwida tfasslu u tqassmu lill-uffiċjali tar-riżorsi inkarigati mill-verifiki ex ante tal-għotjiet u huma applikabbli mis-sena finanzjarja 2016 'il quddiem;

14.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, id-dgħufijiet identifikati fil-verifiki ex ante u ex post tal-Aġenzija; jirrimarka li f'każ partikolari kien hemm dokumenti li ntalbu u ma ngħatawx, u f'każ ieħor idaħħlet nefqa li ma kinitx eliġibbli iżda l-ammont sħiħ mitlub xorta ġie approvat; jirrikonoxxi r-risposta tal-Aġenzija li, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti, hija bdiet tirkupra l-ammont inkwistjoni mingħand il-benefiċjarju kkonċernat fit-tieni każ; jirrikonoxxi li l-Aġenzija se tiddokumenta b'mod rigoruż kwalunkwe każ ta' inosservanza tal-kontrolli jew ta' devjazzjonijiet mill-politiki u l-proċedura stabbiliti li jista' jkun hemm fil-futur;

15.  Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li għalkemm il-verifiki ex ante u ex post huma kompiti inkompatibbli, l-awditur intern kien involut fit-tnejn; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li se tiġi żviluppata strateġija formali dwar il-verifika ex post li tiżgura kompatibbiltà mal-kompiti tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-awditur intern tal-Aġenzija se jwettaq kontrolli ex post biss, biex b'hekk jiġu koperti kemm il-verifiki fuq il-post kif ukoll l-effikaċja tal-proċess ta' verifika ex ante tal-Aġenzija; jistenna li l-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress magħmul fir-rigward tal-miżuri implimentati f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-kontrolli ex-ante u ex-post;

Awditu intern

16.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq awditu fuq il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni, inkluż il-komponent tal-IT, li beda fl-2014 u tlesta fl-2015; jistenna b'interess ir-riżultati tal-verifika li se jiġu ppreżentati fir-Rapport Annwali tal-Aġenzija għall-2015;

17.  Jinnota li, minħabba tibdil fir-regolament finanzjarju tal-Aġenzija, il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija ddefinixxa u approva Karta ġdida għall-eżerċizzju ta' awditjar intern; jinnota li l-Bord tat-Tmexxija huwa d-destinatarju l-ġdid tar-rapporti tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC), u li l-Bord tat-Tmexxija se jkun ukoll qed japprova l-pjan ta' ħidma annwali u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-IAC;

Kummenti oħra

18.  Jinnota li l-Aġenzija kkonludiet ftehim dwar servizzi ta' backup fl-IT, inklużi servizzi tal-email, ma' fornitur ta' servizzi ta' cloud computing permezz ta' kuntratt interistituzzjonali pprovdut mill-Kummissjoni; jinnota li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma jiddefinixxux b'mod adegwat il-lokalizzazzjoni tad-data tal-Aġenzija, li jfisser li hemm riskju li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li l-Aġenzija hija suġġetta għalihom, ma jkunux garantiti, u li l-fornitur tas-servizz ma jirrispettax bis-sħiħ il-garanziji ta' privatezza mogħtija mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li wara li rċeviet kjarifiki u garanziji mingħand il-fornitur tas-servizz, hija tqis li r-riskji residwi identifikati huma aċċettabbli u huma indirizzati b'mod adegwat permezz tal-klawsoli kuntrattwali miftiehma; jinnota li l-Aġenzija, madankollu, se tagħmel verifiki perjodiċi tal-implimentazzjoni tal-kuntratt bil-għan li tivvaluta r-riskji mill-ġdid u, jekk tinħass il-ħtieġa, tadotta miżuri xierqa u azzjonijiet korrettivi;

°

°  °

19.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2016](14) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].).

22.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2168(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Giovanni La Via

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li fl-2014 l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") kellha għad-dispożizzjoni tagħha ammont ta' EUR 52 500 000, li EUR 36 437 517 (69,4 %) minnhom kienu ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea; jinnota wkoll li dan l-ammont jirrappreżenta 0,025 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni;

2.  Jinnota li sal-aħħar tal-2014 kienu mtlew 130 minn 135 kariga, u li l-Aġenzija impjegat 74 aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat; jinnota li r-rata ta' okkupazzjoni żdiedet ftit meta mqabbla mal-2013, u li l-proporzjon ta' aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati naqas meta mqabbel mal-2013; jinnota li l-Aġenzija qed tiddedika 72 % tar-riżorsi umani tagħha għal attivitajiet operattivi u jħeġġeġ lill-Aġenzija tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

3.  Jirrikonoxxi l-osservazzjoni dwar il-kontrolli ex ante u ex post li reġgħet għamlet il-Qorti tal-Awdituri din is-sena, b'mod partikolari fir-rigward tad-dgħufijiet innutati, anke din is-sena, fit-tranżazzjonijiet ta' għotja awditjati; ifakkar, b'mod partikolari, li s-sistema ta' kontrolli ex ante ilha s-suġġett ta' diskussjonijiet bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Aġenzija sa mill-2012; iħeġġeġ lill-Aġenzija ssaħħaħ aktar l-isforzi fir-rigward tal-miżuri ta' kontroll;

4.  Jinnota li, fl-2014, l-Aġenzija nediet sejħa għall-offerti, b'valur ta' EUR 1,7 miljun, biex jiġu fornuti servizzi ta' konsulenza dwar l-IT u s-Sistemi ta' Informazzjoni Ġeografika għall-implimentazzjoni tal-komponent ta' Aċċess għad-Data ta' Referenza, u biex jingħata appoġġ lill-Aġenzija f'attivitajiet oħrajn relatati mal-programm Copernicus; jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-hekk imsejħa "nuqqasijiet magħrufa" – aspett importanti tas-sejħa għall-offerti – ma ġew definiti mkien fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u li speċifikazzjonijiet aktar ċari fis-sejħa għall-offerti kienu jikkontribwixxu għal proċedura tal-akkwist aktar effikaċi u kompetittiva, u jistieden lill-Aġenzija tabbozza speċifikazzjonijiet ċari f'sejħiet għall-offerti oħra fil-futur;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ħabbret li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

6.  Jitlob lill-korp responsabbli tal-Aġenzija jimplimenta l-istrateġija kontra l-frodi mill-aktar fis possibbli;

7.  Jirrakkomanda, abbażi tal-fatti disponibbli, l-għoti tal-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

10

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Herbert Dorfmann, Christofer Fjellner, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Karol Karski, Andrey Kovatchev, Merja Kyllönen, Marijana Petir, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Bart Staes, Mihai Ţurcanu, Tom Vandenkendelaere, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

(1)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.

(2)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.

(8)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(11)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.13, p. 1).

(14)

Testi adottati ta' din id-data, P[8_TA(-PROV)(2016)0000].

Avviż legali