Proċedura : 2015/2156(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0101/2016

Testi mressqa :

A8-0101/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0151

RAPPORT     
PDF 695kWORD 122k
7.4.2016
PE 571.517v02-00 A8-0101/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2015/2156(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0201/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0101/2016),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0101/2016),

A.  billi t-trasparenza u l-iskrutinju ġenerali tal-kontijiet pubbliċi huma prinċipji demokratiċi ġenerali li japplikaw ukoll għall-Unjoni;

B.  billi l-proċedura ta' kwittanza hija parti mill-kunċett ta' demokrazija rappreżentattiva;

C.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament Ewropew għandu r-responsabbiltà esklussiva li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-baġit tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi skont l-Artikolu 319(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa u tal-operat tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju;

F.  billi, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha awtonomija amministrattiva, u skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom;

G.  billi mingħajr l-informazzjoni meħtieġa, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

H.  billi esperti legali u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni fis-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill li saret fis-27 ta' Settembru 2012;

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhomx żbalji materjali;

2.  Jieħu nota tal-fatt li, fir-rapport annwali tagħha għall-2014, il-Qorti tal-Awdituri osservat li għadd żgħir ta' żbalji relatati mal-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal u xi dgħufijiet fil-ġestjoni ta' allowances tal-familja nstabu fir-rigward tas-suġġetti awditjati għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

3.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill itejbu l-ġestjoni tad-dgħufijiet identifikati u jikkoreġu l-iżbalji osservati mill-Qorti;

4.  Jinnota li fl-2014, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 534 200 000 (EUR 535 511 300 fl-2013), b'implimentazzjoni ta' 91,3 %; jinnota żieda fir-rata ta' użu fl-2014;

5.  Jieħu nota tat-tnaqqis ta' EUR 1,3 miljun (-0,2 %) fil-baġit tal-Kunsill għall-2014;

6.  Jibqa' mħasseb dwar rata għolja ta' nfiq inqas li tkopri kważi l-kategoriji kollha; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jitjieb l-ippjanar baġitarju;

7.  Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2014 għall-2015, b'mod partikolari dawk relatati mal-proprjetà, impjant u tagħmir; jemmen bis-sħiħ li x-xejra ripetuta ta' approprjazzjonijiet riportati tmur kontra l-prinċipji tal-annwalità u tal-ġestjoni finanzjarja tajba tar-Regolament Finanzjarju;

8.  Iqis li trasferimenti kbar min-naħa tal-Kunsill fi ħdan il-linji baġitarji jistgħu jiġu evitati permezz ta' programmar baġitarju aħjar;

9.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandu jkun separat bl-għan li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u titjieb ir-responsabbiltà taż-żewġ istituzzjonijiet;

10.  Jinsisti li l-Kunsill jeħtieġ li jinżamm politikament responsabbli u jkun trasparenti, bħalma huma l-istituzzjonijiet l-oħra; jistieden lill-Kunsill jidħol fir-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni;

11.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill biex jibagħtu lill-Parlament ir-rapport annwali tal-attività tagħhom b'analiżi komprensiva tar-riżorsi umani kollha disponibbli għaż-żewġ istituzzjonijiet, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess, iċ-ċittadinanza u t-taħriġ professjonali;

12.  Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni jista' jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà politika u l-integrità; jappella lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni jinkludu kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapporti annwali tagħhom;

13.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill għadu ma adottax kodiċi ta' kondotta; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni għandhom jaqblu dwar kodiċi komuni ta' kondotta, peress li dan huwa indispensabbli għat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità ta' dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea li għad ma għandhomx kodiċi ta' kondotta sabiex jiżviluppaw tali dokument mill-aktar fis possibbli;

14.  Jistieden lill-Kunsill jimplimenta r-regoli interni dwar żvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien;

15.  Jappella sabiex dikjarazzjoni ċara tal-interessi finanzjarji tal-Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tiġi ppubblikata fuq l-internet;

16.  Jinnota bi tħassib li ma hemmx regoli dwar l-integrità, dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess u informazzjoni bijografika fir-rigward tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-membri tal-kabinett tiegħu; jinnota wkoll li ma hemmx regoli komuni dwar l-integrità fir-rigward tar-rappreżentanti nazzjonali fil-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jintroduċi miżuri li jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jirrapporta dwar dan lill-awtorità ta' kwittanza;

17.  Jilqa' l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jiddetermina l-emolumenti ta' detenturi ta' karigi pubbliċi għolja tal-Unjoni u l-iffrankar tal-ispejjeż ippjanat skont dan ir-regolament;

18.  Jistieden lill-Kunsill jiżviluppa linji gwida dettaljati kontra l-korruzzjoni u politiki indipendenti fi ħdan l-istrutturi tiegħu;

19.  Jinnota bi tħassib li hemm nuqqas inkwetanti ta' trasparenza fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv, tan-negozjati, tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u tal-laqgħat fi ħdan il-Kunsill; iħeġġeġ lill-Kunsill jiddivulga d-dokumenti rilevanti u jdaħħal fis-seħħ sistema ċara ta' rapportar li tippermetti lill-pubbliku jsegwi l-proċeduri leġiżlattivi b'mod miftuħ u trasparenti;

20.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' trasparenza fit-trilogi u fil-laqgħat ta' konċiljazzjoni; jistieden lill-Kunsill jżid b'mod sistematiku t-trasparenza u l-integrità fir-rigward tan-negozjati;

21.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba permezz tal-kumitat tal-ftehim interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Kunsill ipprovda data skont din il-metodoloġija;

22.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi finanzjarji ewlenin tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għall-2014 ma ntlaħaqx – it-tlestija tal-bini Europa sa tmiem l-2015; jiddispjaċih dwar id-dewmien u jitlob li jiġi infurmat dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-posponiment;

23.  Itenni l-appell tiegħu li l-politika dwar il-bini tal-istituzzjoni tinhemeż mar-rapport annwali ta' attività tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif xieraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

Raġunijiet għad-differiment tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza

24.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u kompletament responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-fondi fdati lilu billi jieħu sehem b'mod sħiħ u in buona fede fil-proċedura annwali ta' kwittanza, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni tirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill permezz ta' ftehim ta' ħidma; jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li nqalgħu fil-proċeduri ta' kwittanza sal-ġurnata tal-lum; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kapaċità għal djalogu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex tinstab soluzzjoni kemm jista' jkun malajr li se tippermetti konformità mal-mandat tat-Trattat u responsabbiltà lejn iċ-ċittadini;

25.  Jinnota li l-proċedura ta' għoti ta' kwittanza separata lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika li ilha stabbilita, u li żviluppat sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxi fi ħdan l-Unjoni; jissottolinja li dan jiggarantixxi b'mod effikaċi d-dritt u d-dmir tal-Parlament li jagħmel skrutinju tal-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu;

26.   Jinnota wkoll li fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-TFUE u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti;

27.   Jenfasizza li l-Kummissjoni fl-ittra tagħha ssostni wkoll li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

28.  Ifakkar li kull istituzzjoni, kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandha l-awtonomija li timplimenta t-taqsima tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju; jafferma li, skont il-prassi u l-interpretazzjoni tar-regoli attwali, u sabiex tinżamm it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxi tal-Unjoni, il-Parlament jagħti l-kwittanza lil kull istituzzjoni fuq bażi individwali;

29.  Jissottolinja s-setgħa tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE u l-Artikolu 55 u l-Artikoli 164 sal-167 tar-Regolament Finanzjarju; iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma bażi legali suffiċjenti biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-Parlament li jieħu deċiżjoni separata ta' kwittanza fir-rigward tal-Kunsill, minbarra d-dritt tiegħu li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni; jafferma li l-għoti jew in-nuqqas ta' għoti ta' kwittanza huwa dritt u dmir li l-Parlament għandu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

30.  Jenfasizza li mill-2009 l-Kunsill irrifjuta li jikkoopera mal-proċedura ta' kwittanza kif implimentata mill-Parlament, billi naqas milli jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa, milli jwieġeb għal mistoqsijiet bil-miktub u milli jattendi seduti ta' smigħ u dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu stess, u li għalhekk, bħala riżultat, aktar minn EUR 3 biljun f'fondi pubbliċi ntefqu mingħajr skrutinju xieraq; iqis li dan huwa sinjal negattiv mibgħut liċ-ċittadini tal-Unjoni;

31.  Itenni li mingħajr il-kooperazzjoni tal-Kunsill, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

32.  Huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi nuqqas serju ta' rispett tal-obbligi stabbiliti mit-Trattati, b'mod partikolari l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, u li għandha tinstab soluzzjoni malajr sabiex ikun jista' jsir skrutinju tal-baġit kollu tal-Unjoni; f'dan ir-rgward, jirreferi wkoll għall-Artikolu 15 tat-TFUE, li jipprevedi li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu trasparenti;

33.  Itenni li l-kontroll baġitarju effikaċi huwa possibbli biss li jiġi implimentat jekk ikun hemm kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li l-elementi ewlenin tiegħu għandhom jinkludu laqgħat formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, jitwieġbu mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-kumitat abbażi ta' kwestjonarju bil-miktub u jiġu sottomessi dokumenti li jservu bħala materjal ta' sfond għall-kontrolli baġitarji, meta jiġi hekk mitlub;

34.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet tiegħu; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' problemi biex jirċievi tweġibiet mill-Kunsill;

35.  Jieħu nota tal-ittra mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bi tweġiba għall-istedina tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit biex jattendi għal skambju ta' fehmiet fil-11 ta' Jannar 2016; jinnota li l-ittra la twieġeb għall-istedina u lanqas għall-kwestjonarju bil-miktub mibgħut lis-Segretarju Ġenerali fil-25 ta' Novembru 2015 b'mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament, iżda sempliċiment ittenni l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni finanzjarja li diġà ġiet espressa fil-passat;

36.  Jemmen li l-proċedura ta' kwittanza hija strument importanti ta' responsabbiltà demokratika lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

37.  Jitlob lill-Kunsill biex jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew bl-għan li jiġi żgurat li dan tal-aħħar ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; jemmen li dan jirriżulta f'obbligu tal-Kunsill li jagħti l-informazzjoni mitluba;

38.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li mhux l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jirrispettaw l-istess standards dwar it-trasparenza u jemmen li l-Kunsill għandu jagħmel titjib f'dan ir-rigward;

39.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li sadattant, is-sitwazzjoni tista' titjieb permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tat-Trattati, reviżjoni tat-Trattati tista' fl-aħħar mill-aħħar tkun meħtieġa biex il-proċedura ta' kwittanza ssir aktar ċara, fis-sens li l-Parlament jingħata l-kompitu espliċitu li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha b'mod individwali;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda r-Regolament Finanzjarju biex tikkjarifika l-objettivi tal-proċedura ta' kwittanza u tiddefenixxi b'mod ċar sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' ottemperanza tar-regolamenti; jenfasizza li dan għandu jsir sabiex l-istituzzjonijiet Ewropej jinżammu responsabbli bl-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni; jenfasizza li ma għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni.

23.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2015/2156(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Durand

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-trasparenza u l-iskrutinju ġenerali tal-kontijiet pubbliċi huma prinċipji demokratiċi ġenerali li japplikaw ukoll għall-UE;

B.  billi l-proċedura ta' kwittanza hija parti mill-kunċett ta' demokrazija rappreżentattiva;

C.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu r-responsabilità esklussiva li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-baġit tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni;

E.    billi skont l-Artikolu 319(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa jew l-operat tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju;

F.  billi esperti legali u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni fis-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament Ewropew dwar id-Dritt tal-Parlament li jagħti Kwittanza lill-Kunsill li saret fis-27 ta' Settembru 2012;

G.  billi, skont l-Artikolu 335 TFUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha awtonomija amministrattiva, u skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) (ir-Regolament Finanzjarju), l-istituzzjonijiet huma individwalment responsabbli għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom;

H.  billi mingħajr l-informazzjoni meħtieġa, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

1.   Jinnota li l-proċedura ta' għoti ta' kwittanza separata lill-istituzzjonijiet u l-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika li ilha stabbilita, u li żviluppat sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u r-responsabilità demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxi fi ħdan l-Unjoni; jissottolinja li dan għandu jiggarantixxi b'mod effettiv id-dritt u d-dmir tiegħu li jagħmel skrutinju tal-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu;

2.   Jinnota wkoll li fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-TFUE u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti;

3.   Jenfasizza li l-Kummissjoni fl-ittra tagħha ssostni wkoll li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

4.  Jenfasizza li mill-2009 l-Kunsill irrifjuta li jikkoopera mal-proċedura ta' kwittanza kif implimentata mill-Parlament, billi naqas milli jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa, milli jwieġeb għal mistoqsijiet bil-miktub u milli jattendi seduti ta' smigħ u dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu stess, u li għalhekk, bħala riżultat, aktar minn EUR 3 biljun f'fondi pubbliċi ntefqu mingħajr skrutinju xieraq;

5.   Jiddispjaċih dwar il-kooperazzjoni fqira dwar l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-baġit bejn il-Parlament u l-Kunsill fl-aħħar snin u jqis dan bħala sinjal negattiv mibgħut liċ-ċittadini tal-Unjoni;

6.  Huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi nuqqas serju ta' rispett tal-obbligi stabbiliti mit-Trattati, b'mod partikolari l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, u li għandha tinstab soluzzjoni malajr sabiex ikun jista' jsir skrutinju tal-baġit kollu tal-Unjoni; f'dan ir-rgward, jirreferi wkoll għall-Artikolu 15 TFUE li jistipula li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu trasparenti;

7.   Jitlob li l-Kunsill ikun trasparenti u kompletament responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni billi jieħu sehem fil-proċedura annwali ta' kwittanza, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

8.   Jitlob li jitqiesu flimkien l-Artikolu 319(1) TFUE mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, u l-Artikoli 55, 165, 166 tar-Regolament Finanzjarju bħala bażi legali suffiċjenti biex jiġi eżerċitat id-dritt impliċitu tal-Parlament li jieħu deċiżjoni ta' kwittanza separata rigward il-Kunsill minbarra d-dritt espliċitu tiegħu li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni;

9.  Jitlob lill-Kunsill biex jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew bl-għan li jiġi żgurat li dan tal-aħħar ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; ; jemmen li dan jirriżulta f'obbligu tal-Kunsill li jagħti l-informazzjoni mitluba;

10.   Ifakkar lill-Kunsill fil-fehmiet tal-Kummissjoni, espressi fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni fl-implimentazzjoni tat-taqsima tagħha stess tal-baġit;

11.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li sadattant, is-sitwazzjoni tista' tittejjeb permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tat-Trattati, reviżjoni tat-Trattati tista' fl-aħħar mill-aħħar tkun meħtieġa biex il-proċedura ta' kwittanza ssir aktar ċara, fis-sens li l-Parlament jingħata l-kompitu espliċitu li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha individwalment.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Richard Corbett, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Tapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Sylvie Goulard, Viviane Reding, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Teresa Jiménez-Becerril Barrio

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

(1)

ĠU L 51, 20.02.2014.

(2)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.

(4)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(6)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1);

Avviż legali