Proċedura : 2015/2174(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0102/2016

Testi mressqa :

A8-0102/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.42
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0178

RAPPORT     
PDF 711kWORD 122k
7.4.2016
PE 569.756v02-00 A8-0102/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2174(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Derek Vaughan

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0072/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0102/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0072/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0102/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0102/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 52 403 276, somma li tirrappreżenta tnaqqis ta' 9,37 % meta mqabbla mal-2013;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.  Japprezza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri m'għamlet l-ebda kumment dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-2014; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija lestiet inventarju fiżiku tat-tagħmir amministrattiv u jistieden lill-Aġenżija tħaffef il-ħidma tagħha biex itejjeb il-proċeduri kontabilistiċi u l-informazzjoni fir-rigward ta' spejjeż għall-assi intanġibbli ġġenerati internament;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 94,78 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 93,77 %;

Impenji u riporti

3.  Jirrikonoxxi li, skont l-awditu annwali tal-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll skont ir-rapport ta' attività annwali tal-Aġenzija, ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni partikolari fir-rigward tal-livell ta' riporti fl-2014; josserva li mis-sena finanzjarja 2013 ġew riportati EUR 5 178 491; jinnota b'sodisfazzjon li ġew ikkanċellati 3,80 % biss tar-riporti tal-2013;

4.  Jiddispjaċih, l-aktar fil-kuntest tal-qafas legali l-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, li l-eżekuzzjoni tal-impenji fl-2014 kienet inqas mill-mira tal-Kummissjoni ta' 95 %, u minħabba f'hekk il-Kummissjoni qed timponi sanzjoni fuq l-Abbozz ta' Baġit 2016; jistieden lill-Aġenzija tiddikjara r-raġunijiet għalfejn ma rnexxilhiex tilħaq il-mira ta' 95 %; iħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit u tnaqqas dan il-livell sal-limiti massimi stabbiliti mill-Kummissjoni;

Trasferimenti

5.  Jinnota li skont ir-rapport tal-attività annwali tal-Aġenzija, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2014 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji tal-Aġenzija; jinnota li t-trasferimenti kollha tal-Aġenzija għall-2014 kienu 10 % anqas mill-approporjazzjonijiet għas-sena finanzjarja fil-linja baġitarja, meta jsir trasferiment minn titolu għal ieħor;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

6.  Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija nediet 82 proċedura ta' akkwist fis-sena finanzjarja 2014, bi 15-il proċedura nnegozjata speċjali u b'67 proċedura nnegozjata miftuħa u b'valur baxx; jinnota, barra minn hekk, li l-ammont imħallas għall-kuntratti ta' akkwist iffirmati fl-2014 kien ta' EUR 3 432 061;

7.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fi tmiem is-sena, l-Aġenzija kellha 210 pożizzjoni fil-pjan ta' stabbiliment tagħha, li minnhom 198 kienu okkupati, 30 pożizzjoni ppjanati fil-baġit għal persunal kuntrattwali li minnhom 29 kienu okkupati, kif ukoll 18-il pożizzjoni għall-esperti nazzjonali sekondati li minnhom 15-il pożizzjoni kienu okkupati; ikkonstata li, biex tilqa' għat-tnaqqis tal-persunal u għall-prijoritajiet tax-xogħol li qed jevolvu, l-Aġenzija naqqset bi tlieta l-għadd ta' pożizzjonijiet tagħha relatati ma' funzjonijiet ġenerali; jifhem mill-Aġenzija li, biex tirreaġixxi b'mod aktar effikaċi għaż-żieda fl-ammont ta' xogħol, biex tidentifika l-għarfien espert disponibbli fil-preżent fl-Aġenzija u biex tagħti appoġġ lil politika ta' mobbiltà interna, l-Aġenzija ħolqot Databażi tal-Kapital Uman bħala għodda ta' appoġġ għall-ġestjoni interna;

8.  Jinnota r-riżultati tal-ewwel eżerċizzju għall-istabbiliment ta' parametri riferenzjarji dwar impjiegi fl-Aġenzija, li wrew li 20,3 % tal-impjiegi kienu ddedikati għall-appoġġ u l-koordinazzjoni amministrattivi, 70,8 % għall-kompiti operattivi u 6,6 % għall-kompiti ta' kontroll u finanzjarji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

9.  Jifhem mill-Aġenzija li l-Bord Amministrattiv emenda r-regoli ta' proċedura tiegħu; jinnota li dawn ir-regoli emendati jirriflettu l-bżonn li l-membri tal-Bord Amministrattiv u s-sostituti tagħhom jipprovdu s-CVs tagħhom għal pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Aġenzija, flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta' impenn u ta' kunfidenzjalità ffirmati minnhom; jinnota li l-pubblikazzjoni ta' dawn is-CVs kienet mistennija qabel Ottubru 2015; jinnota, barra minn hekk, li s-CVs tad-Direttur Eżekuttiv u l-maniġment superjuri tal-Aġenzija diġà ġew ippubblikati fuq is-sit web tagħha;

10.  Jinnota li l-istrateġija tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi, li ġiet żviluppata bi qbil totali mal-linji gwida pprovduti mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, ġiet adottata f'Novembru 2015; jifhem li għad fadal numru ta' azzjonijiet addizzjonali x'jiġu implimentati matul il-perjodu 2015-2016; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus ta' implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet;

11.  Jilqa' l-fatt li skont stħarriġ tal-partijiet interessati mniedi mill-Aġenzija fl-2014, il-perċezzjoni tal-Aġenzija hi li din għandha livell għoli ta' professjonalità u li hi mgħammra b'għarfien tekniku ta' livell għoli għat-twettiq tal-missjoni tagħha; jinnota bi tħassib li fl-imsemmi stħarriġ it-trasparenza tidher li hija punt dgħajjef, u jistieden lill-Aġenzija taħdem sabiex ittejjeb din il-perċezzjoni tal-partijiet interessati;

Prestazzjoni

12.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija qiegħda tiżviluppa objettivi u pjanijiet ta' azzjoni fuq żmien medju li jtejbu l-prestazzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi stabbiliti fl-istrateġija fuq 5 snin, adottata mill-Bord Amministrattiv fl-2013; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perjodu 2014-2020, f'kuntrast ċar mal-mandat ġuridiku l-ġdid tal-Aġenzija stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 100/2013, jista' jimponi adattament tal-istrateġija tal-Aġenzija minħabba restrizzjonijiet finanzjarji;

Kontrolli interni

13.  Jinnota li wieħed mill-elementi ewlenin tas-sistema ta' kontroll intern tal-Aġenzija huwa l-kontroll u r-reġistrazzjoni ta' eċċezzjonijiet għal regolamenti, politiki, regoli u proċeduri stabbiliti; josserva li total ta' 11 minn dawn l-eċċezzjonijiet ġew irreġistrati matul l-2014, li minnhom disgħa kienu ex-ante u tnejn kienu ex-post; jifhem mill-Aġenzija li ttieħdu azzjonijiet korrettivi fejn meħtieġ jew ingħataw kjarifiki sabiex jiġi evitat li sitwazzjonijiet simili jerġgħu jseħħu fil-futur;

Awditjar intern

14.  Jinnota li, fl-2014, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "L-Elementi Fundamentali tal-Assigurazzjoni" fl-Aġenzija; jinnota li, skont l-IAS, is-sistema ta' kontroll intern imdaħħla fis-seħħ mill-maniġment tal-Aġenzija tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi operattivi stabbiliti fir-rapport annwali u fil-proċess tal-bini ta' assigurazzjoni sottostanti;

15.  Josserva li, meta twettaq l-awditu, ma kien hemm l-ebda proċess formalizzat u dokumentat għall-abbozzar tar-rapport annwali, u dan wassal għar-riskju li xi atturi involuti fil-proċess setgħu ma kinux kompletament konxji mir-responsabbiltajiet tagħhom; jikkonstata li, wara l-awditu, l-Aġenzija stabbiliet pjan ta' azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha li ħarġu mir-rapport tal-awditjar, u li sussegwentement ġie approvat mill-IAS; jinnota li l-Aġenzija eżaminat mill-ġdid u ddokumentat il-proċess ta' abbozzar tar-rapport annwali sabiex tipprovdi linji gwida ċari kif ukoll definizzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' abbozzar, ivvalutar u approvazzjoni tar-rapport annwali;

Kummenti oħra

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija fittxet b'mod attiv sinerġiji potenzjali ma' aġenziji oħra; jinnota b'mod partikolari li l-Aġenzija qed tikkondividi l-Faċilità ta' Kontinwità Operattiva f'Madrid mal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd; jinnota li l-Aġenzija, minħabba l-prossimità ġeografika tagħha, żviluppat kooperazzjoni mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga fl-oqsma tar-riżorsi umani, l-infrastruttura u l-ICT;

17.  Jitlob lill-Aġenzija ttejjeb il-proċeduri u l-prattiki tagħha li huma mmirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tikkontribwixxi attivament għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

18.  Jenfasizza l-kontribut tal-Aġenzija għas-sigurtà marittima, il-prevenzjoni ta' tniġġis minn bastimenti fl-Ewropa, u l-assistenza li tat lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali u tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li, filwaqt li żdiedu l-kompetenzi tagħha għal sett ġdid ta' kompiti prinċipali u ġew introdotti kompiti anċillari ġodda li kellhom jitwettqu mill-Aġenzija b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tar-regolament bażiku tagħha emendat fi Frar 2013 (ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà), it-tnaqqis baġitarju u tal-persunal sar applikabbli fl-2014; jilqa' u jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni min-naħa tal-Aġenzija ma' aġenziji oħra Ewropej fir-rigward tal-kriżi tar-refuġjati u jafferma mill-ġdid l-ħtieġa li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani li jippermettulha twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi, inkluż meta tittratta attivitajiet ta' importanza kritika li jmorru lil hinn mill-mandat tagħha, jiġifieri l-kontribut fil-forma tal-għarfien speċjalizzat u appoġġ operattiv, permezz tal-persunal tagħha, għall-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati;

19.  Jenfasizza li l-għarfien speċjalizzat u l-kapaċitajiet interni tal-Aġenzija jagħtuha l-opportunità li tespandi l-azzjoni u s-servizzi tagħha fuq skala aktar globali, u b'hekk tikkontribwixxi biex testendi l-ambitu tal-oqsfa regolatorji u l-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali tal-Unjoni;

°

°  °

20.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2016](13) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].).

17.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2174(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Inés Ayala Sender

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ċċertifikat ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jinnota li l-baġit annwali tal-Aġenzija għas-sena 2014, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni r-riporti, kien ta' EUR 52,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 52,07 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, u li r-rati ta' implimentazzjoni kienu ta' 94,78 % u 95,52 % rispettivament;

3.  Jiddispjaċih, l-aktar fil-kuntest tal-qafas legali l-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), li l-eżekuzzjoni tal-impenji fl-2014 kienet inqas mill-mira tal-Kummissjoni ta' 95 %, li tirriżulta f'sanzjoni applikata mill-Kummissjoni fuq l-Abbozz ta' Baġit 2016; jistieden lill-Aġenzija tiddikjara r-raġunijiet għan-nuqqas li tilħaq il-mira ta' 95 %; iħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit u tnaqqas dan il-livell sal-limiti stabbiliti mill-Kummissjoni;

4.  Jenfasizza l-kontribut tal-Aġenzija għas-sigurtà marittima, il-prevenzjoni ta' tniġġis minn bastimenti fl-Ewropa, u l-assistenza li tat lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali u tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li, filwaqt li żdiedu l-kompetenzi tagħha għal sett ġdid ta' kompiti prinċipali u ġew introdotti kompiti anċillari ġodda li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija, wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament bażiku tagħha emendat fi Frar 2013 (ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà), it-tnaqqis baġitarju u tal-persunal sar applikabbli fl-2014; jilqa' u jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni min-naħa tal-Aġenzija ma' Aġenziji oħra Ewropej fir-rigward tal-kriżi tar-refuġjati u jafferma mill-ġdid l-ħtieġa li l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani li jippermettulha twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi, inkluż meta tittratta attivitajiet ta' importanza kritika li jmorru lil hinn mill-mandat tagħha, jiġifieri l-kontribut b'għarfien speċjalizzat, appoġġ operattiv u persunal tal-Aġenzija għall-kriżi tar-refuġjati;

5.  Jinnota r-riżultati tal-ewwel eżerċizzju ta' benchmarking dwar karigi fl-Aġenzija, b'20,3 % tal-karigi ddedikati għall-appoġġ amministrattiv u l-koordinazzjoni, 70,8 % għall-kompiti operattivi u 6,6 % għall-kompiti finanzjarji u ta' kontroll;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija qiegħda tiżviluppa objettivi u pjanijiet ta' azzjoni fuq medda ta' żmien medju li jtejbu l-prestazzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi stabbiliti fl-istrateġija fuq 5 snin, adottata mill-Bord Amministrattiv fl-2013; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-perjodu 2014-2020, f'kuntrast ċar mal-mandat ġuridiku l-ġdid tal-EMSA stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 100/2013, jista' jimponi adattament tal-istrateġija tal-Aġenzija minħabba restrizzjonijiet finanzjarji;

7.  Jenfasizza li l-għarfien u l-kapaċitajiet interni tal-Aġenzija jagħtuha l-opportunità li tespandi l-azzjoni u l-għoti ta' servizz tagħha fuq skala aktar globali, u b'hekk tikkontribwixxi biex iżżid l-ambitu tal-oqsfa regolatorji u l-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali tal-Unjoni;

8.  Jiddeplora n-nuqqas kontinwu li titlesta l-azzjoni korrettiva meħtieġa fid-dawl tal-kumment tal-Qorti tal-Awdituri fl-2012 dwar il-proċeduri kontabilistiċi u informazzjoni relatata ma' assi intanġibbli ġġenerati internament; jistieden lill-Aġenzija tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas u tieħu l-passi kollha xierqa biex tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza;

9.  Jilqa' l-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Aġenzija ta' CVs qosra tad-Direttur Eżekuttiv u tal-maniġment superjuri; jiddispjaċih, madankollu, li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord Amministrattiv, tad-Direttur Eżekuttiv u tal-maniġment superjuri, kif ukoll is-CVs tal-membri tal-Bord Amministrattiv ma sarux disponibbli għall-pubbliku kif mitlub mill-Parlament u rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri;

10.  Jilqa' l-fatt li skont stħarriġ tal-partijiet interessati mniedi mill-EMSA fl-2014, l-Aġenzija hija meqjusa li għandha livell għoli ta' professjonalità u mgħammra b'għarfien tekniku ta' livell għoli għat-twettiq tal-missjoni tagħha; jinnota bi tħassib li fl-imsemmi stħarriġ it-trasparenza tidher li hija punt dgħajjef, u jistieden lill-Aġenzija taħdem sabiex ittejjeb din il-perċezzjoni tal-partijiet interessati;

11.  Japprezza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri m'għamlet l-ebda kumment dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-2014; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija lestiet inventarju fiżiku tat-tagħmir amministrattiv u jistieden lill-Aġenżija tħaffef il-ħidma tagħha biex itejjeb il-proċeduri kontabilistiċi u l-informazzjoni fir-rigward ta' spejjeż għall-assi intanġibbli ġġenerati internament;

12.  Jipproponi li l-Parlament jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Janusz Zemke, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Karoline Graswander-Hainz, Olga Sehnalová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriel Mato

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

(1)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 216.

(2)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 216.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 216.

(8)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 216.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(11)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

Testi adottati ta' din id-data, P[8_TA(-PROV)(2016)0000].

Avviż legali