Proċedura : 2015/2181(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0115/2016

Testi mressqa :

A8-0115/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.54
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0190

RAPPORT     
PDF 714kWORD 131k
8.4.2016
PE 569.768v02-00 A8-0115/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2181(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Derek Vaughan

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0079/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0079/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 97 945 077, li jirrappreżenta żieda ta' 4,25 % meta mqabbel mal-2013,

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2014 kienet tammonta għal EUR 86 810 000, li tirrappreżenta żieda ta' 1,53 % meta mqabbel mal-2013,

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jirrikonoxxi, mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), li ġie nnutat titjib konsiderevoli kemm fil-verifiki ex ante, kif ukoll f'dawk ex post tal-infiq iddikjarat mill-pajjiżi li kkooperaw fil-qafas ta' ftehimiet ta' għotja; jirrikonoxxi li f'Ġunju 2013 l-Aġenzija introduċiet sistema ta' kontrolli ex ante aktar komprensiva u bbażata fuq ir-riskji li tinkludi r-rekwiżit li jitressqu dokumenti ġustifikattivi partikolari flimkien mat-talba għall-ħlas finali; jinnota, barra minn hekk, li s-sistema ta' kontrolli ex ante hi kkomplementata b'kontrolli ex post imwettqa fuq il-post tal-benefiċjarji jew fl-għamla ta' rieżami dokumentarju, u li l-ħlasijiet li ma jkunux soġġetti għal kontrolli ex ante jkunu soġġetti għal kontrolli ex post;

2.  Josserva li l-Qorti kkonstatat li d-dokumentazzjoni li tiġġustifika l-infiq iddikjarat minn dawn il-pajjiżi mhijiex dejjem suffiċjenti; jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija ma talbitx iċ-ċertifikati tal-awditjar li, kieku, iżidu assigurazzjoni ulterjuri dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' għotja; jirrikonoxxi li, skont l-Aġenzija, fl-2010 kienu saru ċertifikati bħal dawn; jiddispjaċih li, minkejja laqgħa ta' tgħarrif organizzata għall-benefiċjarji tal-Aġenzija, iċ-ċertifikati tal-awditjar ma nħarġux minn korpi ta' awditjar indipendenti u d-dewmien għall-wasla tad-dikjarazzjoni finali twal ħafna; jistieden lill-Aġenzija teżamina l-possibbiltà ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' awditjar stabbiliti skont il-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond għas-Sigurtà Interna u tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evalwazzjoni ta' din il-kooperazzjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,65 %, li tfisser żieda ta' 0,9 % meta mqabbel mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 68,79 %, li tfisser żieda ta' 4,81 % meta mqabbel mal-2013;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li l-Aġenzija naqqset ir-rata kumplessiva ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati minn 35 % fl-2013 għal 30 % fl-2014; jirrikonoxxi li n-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u r-riskju akbar ta' avvenimenti mhux mistennija jirrappreżentaw sfida partikolari fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit annwali; jinnota li l-livell ta' riporti għat-Titolu II (infiq amministrattiv) kien ta' EUR 4 500 000 (36 %) u kien relatat prinċipalment ma' xiri fi tmiem is-sena assoċjat maċ-ċaqliq lejn il-bini l-ġdid tal-Aġenzija f'Diċembru 2014; jinnota li r-riporti għat-Titolu III (infiq operazzjonali), kienu jammontaw għal EUR 29 200 000 (47 %) u kienu dovuti prinċipalment għan-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u l-approvazzjoni ta' baġit addizzjonali f'Ottubru 2014 li kien jammonta għal EUR 4 200 000;

5.  Jirrimarka li l-infiq operazzjonali tal-Aġenzija jiddependi ħafna mill-preżentazzjoni f'waqtha tat-talbiet għar-rimborż tal-għotjiet min-naħa tal-Istati Membri; jirrikonoxxi li ż-żmien li jgħaddi bejn id-data finali tal-allokazzjoni ta' uffiċjal, inġenju tal-ajru jew bastiment għal operazzjoni konġunta kkoordinata u l-preżentazzjoni tad-dikarazzjoni tvarja, bħala medja, bejn erba' u sitt xhur;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

6.  Jinnota li, minn 1 087 proċedura ta' akkwist fl-2014, hemm informazzjoni pubblika dwar għadd limitat ħafna mill-kuntratti mogħtija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura t-trasparenza u tippubblika l-kuntratti kollha tagħha, kif ukoll il-proċeduri relatati mal-akkwist pubbliku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

7.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija żviluppat u adottat regoli li jirregolaw it-trasparenza u l-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess fi ħdan il-Bord ta' Tmexxija, il-persunal u l-esperti nazzjonali sekondati, b'mod partikolari l-"Kodiċi ta' Mġiba tal-Persunal tal-Frontex", il-"Kodiċi ta' Mġiba għall-persuni kollha li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Frontex", u l-"Kodiċi ta' Mġiba għal operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ikkoordinati mill-Frontex"; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li f'Awwissu 2015 id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija approva l-"Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Frodi" tagħha; jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi tfasslet kemm bl-użu tal-linji gwida għall-aġenziji kif ukoll b'dawk tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

8.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit tagħha d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta' impenn annwali għall-maġġoranza tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha; jinnota li l-curricula vitae (CVs) tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija ġew ippubblikati fuq is-sit tal-Aġenzija; jitlob li jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Bord ta' Tmexxija; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-membri tal-Bord ta' Tmexxija tagħha jqiegħdu għad-dispożizzjoni d-dikjarazzjonijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati;

9.  Jinnota li l-Aġenzija ħolqot abbozz ta' ġabra ta' regoli għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta li mistenni jiġi adottat sa tmiem l-ewwel semestru tal-2016; jistieden lill-Aġenzija tqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar dan; jistieden lill-Aġenzija ma ddewwimx ulterjorment l-adozzjoni ta' dawk ir-regoli u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni finali ta' dawk ir-regoli;

10.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta' interess, pari passu mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin diġà, u tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

11.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għall-miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

12.   Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, fosthom il-Parlament Ewropew, biex jintensifikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

13.  Jitlob li l-Aġenzija tapplika strettament il-miżuri li jirrigwardaw id-diskrezzjoni u l-esklużjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwist pubbliku, b'verifiki tal-preċedenti xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Awditjar intern

14.  Josserva li, fl-2014, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "Ir-Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u l-Komunikazzjoni Esterna fil-Ġestjoni tar-Riżorsi Kollettivi", li wera li l-ġestjoni kumplessiva tar-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-komunikazzjoni esterna kienu effikaċi u effiċjenti fl-appoġġ għall-ġestjoni tar-riżorsi kollettivi; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħadet azzjonijiet ta' titjib waqt li l-awditu kien għadu għaddej u ħejjiet il-pjan ta' azzjoni formali biex tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tar-rakkomandazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS wettaq awditu fil-qasam tar-riżorsi umani li rriżulta f'żewġ rakkomandazzjonijiet immarkati bħala "Importanti ħafna" u żewġ rakkomandazzjonijiet immarkati bħala "Importanti";

Kummenti oħra

15.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi li mhumiex fl-UE u li huma firmatarji tal-"Ftehim ta' Schengen" (l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u n-Norveġja) jeħtieġ jiġi rfinut sabiex jirrifletti aħjar id-dispożizzjonijiet ġuridiċi relatati(13); jirrikonoxxi li l-Aġenzija se teżamina mill-ġdid il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet minn dawk il-pajjiżi u li se tistabbilixxiha f'format ġuridiku xieraq; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu ta' dan ir-rieżami;

16.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Aġenzija min-naħa tar-Renju Unit u l-Irlanda baqgħu stabbli għal ħafna snin minkejja l-firxa konsiderevolment estiża ta' attivitajiet li fihom huma involuti r-Renju Unit u l-Irlanda; jirrikonoxxi li l-Aġenzija indikat li l-"Grupp ta' Ħidma dwar il-baġit u l-kontijiet tal-Bord ta' Tmexxija" tagħha qed jeżamina mill-ġdid din il-kwistjoni u għandu jressaq quddiem il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija rakkomandazzjoni u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' dawk il-kontribuzzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu tar-rieżami;

17.  Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li l-għadd kbir u dejjem jiżdied ta' ftehimiet ta' għotja, kif ukoll id-daqs tal-infiq relatat li jrid jiġi vverifikat u rimborżat mill-Aġenzija, jindika li jista' jintuża mekkaniżmu ta' finanzjament alternattiv aktar effiċjenti u kosteffikaċi għall-finanzjament tal-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija; jinnota, barra minn hekk, li f'dawn l-aħħar snin, il-kumplessità u l-piż amministrattiv tal-mekkaniżmi attwali wasslu biex il-Qorti ma tkunx tista' tiżgura l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet; jinnota wkoll li fl-2015 kien hemm żieda ulterjuri fid-daqs tal-operazzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija u l-kompiti ġodda u speċifiċi li ġiet inkarigata bihom fil-qafas tat-Task Force Reġjonali tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tqis it-tħassib espress hawn fuq matul ir-rieżami u r-riforma tal-mekkaniżmi ta' finanzjament tagħha;

18.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija indikat li waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord ta' Tmexxija tagħha wara l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija tirrigwarda l-iffaċilitar tal-ġestjoni finanzjarja, u jitlob li l-limitazzjoni introdotta bir-regolament kostituttiv tal-Aġenzija tiġi abbandunata permezz ta' riferiment għall-għotjiet; jinnota li r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jwittu t-triq għal ġestjoni finanzjarja aktar effiċjenti u trasparenti;

19.  Jinnota li, meta Stat Membru jalloka uffiċjali u/jew tagħmir tekniku għall-operazzjonijiet ikkoordinati mill-Aġenzija, l-Istat Membru jiffirma Pjan Operattiv imfassal mill-Aġenzija u mill-Istat Membru ospitanti, li jindika b'mod ċar it-termini tal-kooperazzjoni operattiva; ifakkar li ma hemm l-ebda dispożizzjoni stabbilita li tagħti l-libertà lill-Istati Membri parteċipanti li jużaw modi u mezzi differenti biex jintlaħaq objettiv ta' politika partikolari, kif jissuġġerixxi l-istrument ta' għotja, peress li l-Pjan Operattiv jeħtieġ jiġi implimentat skont il-mod miftiehem u mingħajr devjazzjonijiet sakemm ma jiġix emendat; jinnota li l-proposta l-ġdida għall-istabbiliment ta' Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta(14) tmur saħansitra oltre, u tipproponi rwol proattiv għall-operazzjonijiet konġunti u l-attivitajiet ta' ritorn, u dan ma jmurx id f'id mal-karatteristiċi ta' għotja bħala strument finanzjarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan meta tkun qed tipproponi regolamenti kostituttivi fil-ġejjieni;

20.  Jinnota li, minkejja li l-Aġenzija ilha topera mill-2005 u ilha minn dak iż-żmien twettaq l-operazzjonijiet tagħha, kienet qed taħdem biss abbażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti minflok abbażi ta' ftehim komprensiv dwar is-sede bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti, li qatt ma ġie ffirmat; josserva li ftehim bħal dan jippromwovi aktar trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-Aġenzija u l-persunal tagħha joperaw taħthom; ifakkar li r-rekwiżit li jiġi stabbilit ftehim dwar is-sede ġenerali ġie introdott fir-regolament emendat tal-Aġenzija fl-2011(15); jinnota, bi tħassib, li n-negozjati mal-gvern tal-Istat Membru ospitanti għadhom għaddejjin; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-gvern tal-Istat Membru ospitanti jikkonkludu ftehim dwar is-sede malajr kemm jista' jkun; jitlob li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress u l-eżitu ta' dawn in-negozjati;

21.  Jiddikjara li r-rapport annwali tal-Aġenzija jista' jkollu rwol importanti fil-konformità f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

°

°  °

22.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2016](16) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].

19.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2181(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Monica Macovei

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Frontex (l-Aġenzija) jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u li t-tranżazzjonijiet tagħha huma legali u regolari;

2. Jilqa' l-fatt li ġie nnotat titjib konsiderevoli kemm fil-verifikazzjonijiet ex ante, kif ukoll f'dawk ex post tan-nefqa ddikjarata mill-pajjiżi kooperanti taħt ftehimiet ta' għotja;

3.  Jiddispjaċih li l-ebda ċertifikati ta' awditjar ma ntalbu għall-għotjiet li jaqbżu l-limiti minimi speċifikati u li d-dokumentazzjoni tal-ispejjeż mitluba mill-pajjiżi kooperanti mhux dejjem kienet biżżejjed biex isiru l-verifiki tal-pagamenti; jappella biex isir titjib sinifikanti fil-ġestjoni tal-pagamenti u fil-verifiki sabiex tingħata garanzija ulterjuri tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet;

4.  Jirrikonoxxi ż-żieda ta' ftehimiet dwar għotjiet fl-2014; jinnota, madankollu, li huma mistennija aktar żidiet minħabba l-kriżijiet attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u s-sigurtà; jitlob lill-Aġenzija tadotta ppjanar baġitarju realistiku u komprensiv; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' finanzjament aktar adegwat flimkien mal-għotjiet;

5.  Jinnota li, minn 1 087 proċedura tal-akkwist fl-2014, hemm informazzjoni pubblika dwar għadd limitat ħafna mill-kuntratti mogħtija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura t-trasparenza u tippubblika l-kuntratti kollha tagħha, kif ukoll il-proċeduri relatati mal-akkwist pubbliku;

6.. Jieħu nota tat-tweġiba estensiva tal-Aġenzija għar-rapport tal-QEA u l-impenji li saru biex titejjeb il-ġestjoni baġitarja;

7.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tadotta politika u gwida prattika dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u tippubblikahom, skont il-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni f'Diċembru 2013; iħeġġeġ lill-Aġenzija tippubblika direttorju tal-persunal tagħha bil-funzjonijiet tagħhom, apparti l-organigramma; is-CVs kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-interessi għad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Amministrattiv u l-Forum Konsultattiv; jitlob biex jiġu stabbiliti regoli ċari kontra "l-bibien iduru"; ifakkar lill-Aġenzija li jeħtieġ tadotta regoli vinkolanti interni dwar l-informaturi, skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Gerard Batten, Michał Boni, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Gérard Deprez, Anna Hedh, Petr Ježek, Emil Radev, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

(1)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.

(2)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.

(8)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 342.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(11)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

Arranġament bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 243, 16.9.2010, p. 4); Arranġament bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta' dawn l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 188, 20.7.2007, p. 19).

(14)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta (COM(2015)0671 final).

(15)

Artikolu 15a introdott permezz tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1).

(16)

Testi adottati ta' din id-data, P[8_TA(-PROV)(2016)0000].

Avviż legali