Proċedura : 2015/2161(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2016

Testi mressqa :

A8-0121/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0157

RAPPORT     
PDF 653kWORD 91k
8.4.2016
PE 571.512v02-00 A8-0121/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2015/2161(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

EMENDI
 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2015/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0206/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0121/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2015/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0121/2016),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tal-elementi awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew ("l-Ombudsman");

2.  Jenfasizza l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 marbuta man-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u li fl-2014 kien jammonta għal EUR 9 857 002 (EUR 9 731 371 fl-2013), b'EUR 7 977 702 allokati għat-Titolu I (nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 346 800 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, tagħmir u nefqa mixxellanja tal-operat) u EUR 532 500 għat-Titolu 3 (nefqa li tirriżulta minn funzjonijiet speċjali li jsiru mill-istituzzjoni);

4.  Jieħu nota tal-fatt li, mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 97,87 % (98,20 % fl-2013) u ġew imħallsa 93,96 % (91,82 % fl-2013) b'rata ta' użu ta' 97,87 % (98,20 % fl-2013); jinnota tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2014;

5.  Jinnota żieda partikolari fl-impenji fl-2014 fir-rigward tal-Membri tal-istituzzjoni; jitlob lill-Ombudsman tagħti deskrizzjoni komprensiva ta' dawn l-ammonti fir-rapport ta' segwitu li jmiss għall-kwittanza;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'konformità mal-Istrateġija lejn l-2019, l-Ombudsman segwiet inkjesti fuq inizjattiva proprja, billi ħadet approċċ aktar sistematiku u sistemiku lejn kwistjonijiet kumplessi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha; iqis li dan huwa għodda effikaċi; jitlob lill-Ombudsman tinforma regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-impatt tal-inkjesti;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' kariga ġdida magħrufa bħala "koordinatur ta' inkjesta fuq inizjattiva proprja"; iqis li dan huwa pass lejn xogħol aktar effiċjenti tal-istituzzjoni; jistieden lill-Ombudsman tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-prestazzjoni, l-impatt u l-effikaċja ta' din il-kariga;

8.  Jitlob lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex josserva il-prinċipju ta' trasparenza, b'mod partikolari rigward l-identifikazzjoni u l-assenjazzjoni ta' linji ċari ta' responsabbiltà, u jiżgura li s-sit web tal-Ombudsman ikun aġġornat regolarment u li jirrifletti b'mod preċiż l-organigramma tal-istituzzjoni;

9.  Jinnota li l-Istrateġija lejn l-2019 tintroduċi indikaturi ġodda ewlenin ta' prestazzjoni, b'miri speċifiċi ħafna; jifhem mit-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li uħud mill-miri ma ntlaħqux; jirrimarka f'dan ir-rigward li l-Ombudsman ġabet punteġġ iktar baxx f'termini tal-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 12 u 18-il xahar u aktar minn hekk fil-proporzjon ta' każijiet li fihom id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità tittieħed fi żmien xahar; iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżviluppa strateġija li tindirizza l-mitigazzjoni ta' kwalunkwe nuqqas potenzjali u biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżvilupp;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proporzjon ta' inkjesti magħluqa għal dawk li għadhom għaddejjin fi tmiem l-eżerċizzju preċedenti laħaq l-ogħla livell li qatt kien hemm (1,4 inkjesti magħluqa għal kull waħda kontinwa, meta mqabbla mal-mira ta' 1,1); jisħaq li fl-2014, il-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 12 u 18-il xahar naqas; jirrikonoxxi l-osservazzjoni tal-Ombudsman li l-istrateġija l-ġdida, inkluż it-twettiq ta' inkjesti fuq inizjattiva proprja, kellha impatt fuq l-għadd ta' każijiet magħluqa;

11.  Jisħaq li l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman għadu għoli ħafna, speċjalment minn ċittadini ta' xi Stati Membri bħal Spanja u l-Polonja, li bla dubju joħloq ħafna frustrazzjoni fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'mod ġenerali u tal-Ombudsman b'mod partikolari; jistieden lill-Ombudsman, għaldaqstant, ittejjeb il-politika tagħha fir-rigward tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u toħloq rabtiet aktar b'saħħithom għal kooperazzjoni regolari u mingħajr xkiel man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali biex tirrimedja din il-problema;

12.  Jinnota mit-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li l-livell ta' sodisfazzjon fost il-persunal tal-Ombudsman kien iktar baxx minn dak immirat; jirrimarka mill-Ombudsman li din is-sitwazzjoni kienet prinċipalment relatata ma' bidliet kruċjali fl-istituzzjoni u minn dakinhar ġiet solvuta permezz ta' għadd ta' miżuri; jistieden lill-Ombudsman tkompli tiżgura livell għoli ta' sodisfazzjon tal-persunal;

13.  Jilqa' r-rapport annwali tal-attività li huwa strutturat tajjeb, ċar u faċli biex jinqara, ippreżentat mill-Ombudsman; jilqa' l-istrateġija intensifikata tal-komunikazzjoni esterna u l-preżenza aktar qawwija tagħha fuq il-midja soċjali;

14.  Jistenna li l-Ombudsman tkompli tistinka għall-konsistenza fir-rapport annwali tal-attività u li dan ir-rapport tagħmlu kompletament komprensiv, peress li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha;

15.  Jinnota l-għadd kbir ta' missjonijiet tal-persunal tal-Ombudsman bejn Brussell u Strasburgu – 212 b'kollox, li jammontaw għal EUR 126 000 flimkien ma' madwar EUR 60 000 f'ħin tax-xogħol mitluf waqt l-ivvjaġġar; jistieden lill-Ombudsman tnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' missjonijiet u tagħmel użu massimu ta' vidjokonferenzi u mezzi tekniċi oħra relatati, kif qed jagħmlu istituzzjonijiet oħra, sabiex jiġi evitat l-ivvjaġġar u jitnaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti; ifakkar lill-Ombudsman, barra minn hekk, dwar l-impatt ambjentali tal-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati minn dan l-ivvjaġġar u li għalhekk huwa importanti li l-Ombudsman tassumi r-responsabbiltajiet tagħha f'dan ir-rigward u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li tkun għamlet;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-politika ta' reklutaġġ tal-Ombudsman, li involviet l-użu dirett ta' proċeduri ta' emerġenza biex jiġu impjegati dawk li kienu apprendisti b' kuntratti qosra; jiddeplora l-fatt li tliet membri tal-persunal temporanju ġew reklutati fl-2014 mingħajr ma għaddew mill-proċedura ta' għażla; jistieden lill-Ombudsman iġġib f'konformità, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-kriterji tal-għażla tal-persunal tagħha mal-istandards ta' kwalità ta' trasparenza, ta' oġġettività u ta' opportunitajiet indaqs tas-servizz ċivili Ewropew;

17.  Jilqa' l-progress li sar mill-Ombudsman fl-2015 dwar il-bilanċ bejn is-sessi; jenfasizza, madankollu, li d-data disponibbli għall-2014 għadha turi disparitajiet kbar, b'mod partikolari fil-karigi AST (21/9) u l-pożizzjonijiet maniġerjali (9/2), u jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti objettivi fuq medda ta' żmien medju li jiksbu l-bilanċ meħtieġ, u li tkompli l-ħidma b'mod attiv f'din id-direzzjoni;

18.  Jitlob lill-Ombudsman, bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza akbar, biex tinkludi tabella tar-riżorsi umani kollha mqassmin skont in-nazzjonalità, is-sess u l-grad fir-rapport annwali tal-attività tagħha; jistieden lill-Ombudsman twieġeb id-domandi mqajma mill-Parlament u mill-istituzzjonijiet l-oħra dwar il-pensjonijiet;

19.  Iġedded is-sejħa tiegħu li saret is-sena l-oħra, għall-Ombudsman biex tiddikjara, fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2015, ir-rata tas-servizzi ta' interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati għall-2014;

20.  Jilqa' l-iffrankar fuq il-linji baġitarji għat-traduzzjoni u l-pubblikazzjonijiet;

21.  Itenni t-talbiet tiegħu sabiex, fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, l-Ombudsman tinkludi, f'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett ta' investigazzjoni;

22.  Jieħu nota tal-kalkoli tal-Ombudsman fir-rigward ta' ffrankar potenzjali ta' EUR 195 000 jekk l-istituzzjoni jkollha biss sede waħda; iqis li s-sede tal-Ombudsman hija marbuta mas-sede tal-Parlament u għalhekk iqis li jeħtieġ li l-Ombudsman tiġi inkluża fi kwalunkwe dibattitu dwar iċ-ċentralizzazzjoni tas-sede tal-Parlament; jisħaq li din iċ-ċentralizzazzjoni għandha tkun promossa b'mod attiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

(1)

ĠU L 51, 20.02.2014.

(2)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.

(4)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

Avviż legali