Proċedura : 2015/2160(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0132/2016

Testi mressqa :

A8-0132/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0155

RAPPORT     
PDF 684kWORD 106k
8.4.2016
PE 571.513v02-00 A8-0132/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2015/2160(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Monica Macovei

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2015/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0205/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0132/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2015/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0132/2016),

1.  Jinnota li fir-Rapport Annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

2.  Jinnota li l-Qorti, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li fl-2014, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 87 600 000 (EUR 87 373 000 fl-2013), li minnhom EUR 86 300 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn, b'rata ta' użu ta' 98,5 %; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2014;

4.  Jinnota li l-Objettiv 4 tad-Direttorat għall-Amministrazzjoni u l-Finanzi ­ "li jiżgura ambjent ta' kontroll intern effikaċi u jwettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti Finanzjarji" ­ ma ntlaħaqx għal tnejn mit-tliet indikaturi tal-impatt: ir-rata ta' redditu għall-korrezzjoni ta' impenji jew pagamenti legali jew baġitarji taqa' taħt il-mira ta' 4 %, filwaqt li n-numru ta' eċċezzjonijiet finanzjarji żdied b' 6 % fl-2014, minflok naqas bi 3 %;

5.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fin-numru ta' rapporti ta' eċċezzjoni: 87 eċċezzjoni finanzjarja u tliet eċċezzjonijiet amministrattivi; jenfasizza li dawk it-tliet eċċezzjonijiet amministrattivi kienu relatati man-nuqqas ta' konformità ma' proċeduri interni; jinnota li l-erba' derogi li saru fl-2014 (meta mqabblin ma' waħda fl-2013) dwar regoli ta' akkwist / jew ġestjoni tal-kuntratt u li l-parti l-kbira tar-rapporti ta' deroga (58 minn 81) huma relatati ma' nuqqas jew insuffiċjenza ta' impenji legali; jitlob informazzjoni dettaljata dwar kif seħħew dawk id-derogi u dwar l-ammonti involuti; jeħtieġ rapport sħiħ dwar il-miżuri korrettivi meħudin sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fl-aħħar ta' Ġunju 2016;

6.  Jinnota t-13-il trasferiment minn linja baġitarja għal oħra matul is-sena finanzjarja 2014; huwa tal-fehma li t-trasferimenti fir-rigward tal-baġit għall-komunikazzjoni tal-gruppi politiċi u tal-istampar f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea setgħu ġew previsti fil-baġit li ġie inizjalment approvat;

Iffrankar u nefqa amministrattiva

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Kumitat huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

8.  Jinnota, madankollu, li total ta' EUR 8 277 556 fl-2014 intefaq biss fuq l-allowances għall-ivvjaġġar u l-laqgħat tal-Membri u tal-membri supplenti tal-Kumitat flimkien ma' EUR 409 100 f'missjonijiet u spejjeż tal-vjaġġar tal-persunal; iqis li n-numru ta' missjonijiet huwa wieħed estremament għoli (787), hekk kif inhi n-nefqa ġġenerata mill-Membri għal allowances għall-ivvjaġġar u l-laqgħat; iqis li l-missjonijiet li jitwettqu mill-Membri għandhom jiġu deskritti b'mod ċar fir-rapport ta' attività (AAR), bi spejjeż dettaljati u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji; jenfasizza li r-referenza għall-missjonijiet tal-Membri hija vaga, impreċiża u ma tipprovdix ċifri ċari; iħeġġeġ lill-Kumitat biex dejjem jinkludi data dwar il-missjonijiet tal-Membri fl-AAR tiegħu;

9.  Iqis li l-ammont totali ta' EUR 9 594 089 li tħallas mill-Kumitat għal spejjeż ta' kiri (lokaturi esterni) fl-2014 huwa għoli wisq; ifakkar li anke wara li titneħħa l-kontribuzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ("il-KESE") ta' EUR 1 181 382, l-ammont nett imħallas mill-Kumitat baqa' ogħla mil-limitu tas-sehem tal-kontabbiltà ta' dawk il-pagamenti tal-kiri, filwaqt li d-differenza ġiet irreġistrata bħala spejjeż tal-bini (EUR 852 464); jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-obbligi tal-Kumitat jirriżultaw minn tranżazzjonijiet iġġenerati minn binjiet mikrija (95,6 % fl-2014), u li, fi tmiem l-2014, il-pretensjoni tal-kera finanzjarja kienet tammonta għal EUR 65 051 695; jistieden lill-Kumitat jidentifika soluzzjonijiet b'mod konġunt mal-Parlament u l-Kummissjoni, bħall-użu konġunt estensiv ta' bini u kmamar tal-laqgħat u tal-konferenzi, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż;

10.  Jitlob li l-politika immobiljari tal-Kumitat tinhemeż mal-AAR tiegħu, speċjalment billi hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi;

11.  Jinnota l-iffrankar fis-servizzi ta' interpretazzjoni; jiddispjaċih li informazzjoni dettaljata dwar r-rata ta' użu u ta' kanċellazzjoni tas-servizzi ta' interpretazzjoni mhijiex ipprovduta fl-AAR; jitlob li dik id-data tiġi inkluża fl-AAR tal-Kumitat għall-2015;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat inkluda informazzjoni dwar is-servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati fl-AAR għall-2013; iqis b'mod pożittiv li r-rata ta' servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati naqset minn 3,23 % fl-2012 għal 2,51 % fl-2013 u jemmen li din ir-rata tista' tiġi mtejba ulterjorment; jistieden lill-Kumitat jippjana l-laqgħat tiegħu aħjar;

13.  Jinnota ż-żieda fl-użu tal-vidjokonferenzi mill-Kumitat; jiddispjaċih, madankollu, għad-dewmien fl-introduzzjoni ta' faċilitajiet ta' vidjokonferenza portabbli u jitlob li jiġi informat dwar l-iżviluppi fl-AAR tal-Kumitat għall-2015; jieħu nota li, skont il-Kumitat, l-għodda għall-vidjokonferenzi intużat f'dawk il-laqgħat fejn m'hemm l-ebda bżonn ta' interpretazzjoni; iħeġġeġ lill-Kumitat juża t-taħriġ tal-lingwa b'mod effikaċi sabiex jiżgura li jkun hemm bżonn anqas interpretazzjoni u b'hekk il-ħidma tal-istituzzjoni tkun aktar effikaċi u effiċenti; jistieden lill-Kumitat jaġġorna lill-awtorità ta' kwittanza f'dan ir-rigward sa tmiem Ġunju 2016;

14.  Iħeġġeġ użu estensiv ta' vidjokonferenzi u l-għodod relatati kollha sabiex l-ispejjeż jitnaqqsu b'mod sinifikanti; ma jistax jifhem kif numru daqshekk għoli ta' missjonijiet lejn il-Greċja u l-Italja (77 u 125, rispettivament) jissarraf f'valur miżjud għaċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi jew għal ċittadini oħra tal-Unjoni;

Kooperazzjoni u ftehimiet

15.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Karta għall-Governanza f'Diversi Livelli fl-Ewropa fl-2014, imnedija b'impenn li jiġu żviluppati forom ġodda ta' djalogu u sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi kollha fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġu ottimizzati l-politiki pubbliċi u l-infiq pubbliku u tiżdied l-implimentazzjoni tal-politika; jitlob li jiġi infurmat dwar l-istrateġija tal-proġett f'dak ir-rigward u r-riżultati tagħha;

16.  Jinnota li ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE ġie ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bil-għan li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni politika; jinnota li ntlaħaq ftehim ukoll fuq Anness dwar il-kooperazzjoni amministrattiva;

17.  Iqis li għad hemm lok ta' titjib fil-kollaborazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat abbażi tal-ftehim ta' kooperazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-aspetti politiċi; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jeżaminaw jekk jistgħux jinstabu aktar sinerġiji li jtejbu l-produttività fl-oqsma koperti mill-ftehim ta' kooperazzjoni u jitlob li jiġi infurmat dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward; jistieden għall-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet speċifiċi u dettaljati dwar il-funzjonament tas-servizzi kondiviżi mill-Parlament, il-Kumitat u l-KESE;

18.  Jitlob li l-Membri tal-Kumitat jiġu mistħarrġa dwar is-sodisfazzjon tagħhom fir-rigward tas-servizzi pprovduti lilhom mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS); jitlob li jkompli jiġi infurmat dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-ftehim;

19.  Jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu tiġi inkluża analiżi dettaljata għal kull istituzzjoni tal-iffrankar baġitarju u taż-żidiet fl-ispejjez baġitarji li jirriżultaw mill-ftehim ta' kooperazzjoni;

20.  Jinnota li fl-2014 il-Kumitat u l-KESE kellhom pożizzjoni baġitarja pożittiva fil-qafas tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-KESE, il-Kumitat u l-Parlament; jinnota bi tħassib li 36uffiċjal mill-KESE u 24 mill-Kumitat, kollha kemm huma mis-servizzi ta' traduzzjoni u li fil-parti l-kbira tagħhom kienu viċin ħafna tal-età tal-irtirar, ġew trasferiti skont dan il-ftehim, bir-riżultat li ż-żewġ istituzzjonijiet se jwettqu ffrankar sinifikanti fil-kapitoli tal-baġit għall-persunal (salarji u pernsjonijiet) filwaqt li l-ispejjeż tal-Parlament se jiżdiedu b'mod konsiderevoli kemm fi żmien qasir (salarji) u kemm fit-tul (pensjonijiet);

21.  Jieħu nota li l-ftehim bilaterali ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-KESE ġie ffirmat fl-2015; jitlob li jinżamm informat dwar din il-kooperazzjoni bilaterali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta' nofs it-terminu;

22.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

23.  Jiddispjaċih li l-Objettiv 2 tad-Direttorat għat-Traduzzjoni - "it-titjib tal-metodi ta' ħidma u l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji" - ma ntlaħaqx; jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' eżekuzzjoni għal-linja baġitarja 1420 (l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni u l-għodod tat-traduzzjoni); jinnota, b'mod partikolari, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit għal diversi linji ta' traduzzjoni kienet taħt il-medja sew meta mqabbla mas-snin preċedenti;

24.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba permezz tal-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Kumitat ipprovda data skont din il-metodoloġija;

25.  Jinnota n-nuqqas rikorrenti ta' nisa f'karigi għoljin fil-Kumitat; jitlob li jiġi stabbilit pjan favur l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari fir-rigward ta' karigi maniġerjali, bil-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

26.  Jiddispjaċih li anqas minn 35 % tal-maniġers huma nisa filwaqt li aktar minn 60 % tal-persunal hu kompost min-nisa; jenfasizza, għalhekk, li 28 % biss tal-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri huma okkupati min-nisa; jistieden lill-Kumitat jirrimedja din is-sitwazzjoni ta' żbilanċ fir-rigward tan-nisa;

Ġestjoni tal-akkwist u tal-kuntratti

27.  Jenfasizza li l-kumitat tal-awditjar analizza l-prattiki ta' akkwist attwali tal-Kumitat u għamel rakkomandazzjonijiet relatati mat-titjib taċ-ċirkwiti finanzjarji, flimkien ma' 15-il miżura biex jissaħħu s-sistemi ta' kontroll; jitlob informazzjoni dettaljata dwar il-grupp tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-akkwist u l-effikaċja tagħha kif ukoll deskrizzjoni u segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar f'dan ir-rigward sa tmiem Ġunju 2016;

28.  Jiddispjaċih li l-għadd ta' derogi fir-rigward tar-regoli tal-akkwist jew il-ġestjoni tal-kuntratti żdied minn waħda fl-2013 għal 4 fl-2014; jinnota li deroga waħda partikolari ħarġet minn żball proċedurali fi proċedura konġunta bejn il-Kumitat u l-Parlament dwar il-kontinwità tas-servizzi tal-IT; jistieden lill-Kumitat jieħu l-miżuri meħtieġa biex sitwazzjoni bħal din ma tirrepetix ruħha; jitlob lill-Kumitat jindirizza mingħajr dewmien il-kwistjoni kontinwa tar-rapporti kollha ta' eċċezzjoni dovuti għan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju jew mar-regoli ta' proċedura interni; jinnota li n-numru ta' eċċezzjonijiet jirrappreżenta, madankollu, 0,4 % tal-operazzjonijiet konċernati;

Awditu intern

29.  Jinnota li l-kumitat tal-awditjar, li nħoloq fl-2013, iltaqa' darbtejn fl-2014; jinsab imħasseb dwar ir-riżultati tas-segwitu tal-awditu dwar il-prestazzjoni ta' proġetti tal-IT; iqis li l-prestazzjoni ta' proġetti u applikazzjonijiet tal-IT jippreżentaw dgħufija identifikata b'mod ċar, li ftit li xejn ittieħdu miżuri għaliha; jiddispjaċih ħafna li waħda biss mill-15-il rakkomandazzjoni tal-awtorità tal-awditjar ġiet magħluqa; jitlob analiżi tal-impatt ta' dawk il-proġetti tal-IT u l-valur miżjud tagħhom għaċ-ċittadini tal-Unjoni sa tmiem Ġunju 2016;

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li 16 mit-18-il rakkomandazzjoni magħmula mill-awdituri dwar il-prestazzjoni tal-komunikazzjoni esterna bil-miktub issa ngħalqu u, li skont it-tieni rapport ta' segwitu, ir-riskji ta' nuqqas ta' effiċjenza u effikaċja minħabba r-rakkomandazzjonijiet pendenti li fadal huma kkunsidrati baxxi;

31.  Jinnota l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali (fl-2015) tal-awditu dwar l-adegwatezza tas-sistema ta' definizzjoni tad-drittijiet statutorji u jitlob tagħrif supplimentari dwar id-19-il rakkomandazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' sottodelega, it-titjib ta' proċeduri ta' analiżi tar-riskju b'rabta mar-riżultati ta' verifika, id-definizzjoni jew ir-reviżjoni ta' proċeduri u listi ta' kontroll, l-applikazzjoni tal-politika ta' taħriġ u l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ħatriet, trasferimenti u status; iħeġġeġ lill-Kumitat iressaq, sal-aħħar ta' Ġunju 2016, pjan ta' azzjoni mfassal mis-servizz awditjat, li għandu jinkludi dati ta' skadenza dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi meħtieġa;

Regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, kunflitti ta' interess u sitwazzjonijiet ta' "revolving doors"

32.  Jilqa' l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kumitat li tistabbilixxi regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta(6), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016; iqis li ħa wisq żmien biex jimplimenta dawk ir-regoli; jistieden lill-Kumitat biex jippubblikahom u jinforzahom mingħajr aktar dewmien u biex jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fir-rapport ta' attività annwali;

33.   Iqis li hu inaċċettabbli li l-Kumitat ilu jittratta l-istess każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta sa mill-2003 u li, minkejja s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-2013 u tal-2014, u r-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament tad-29 ta' April 2015, għadu ma kkonformax ma dawk is-sentenzi, ma rrikonoxxiex l-azzjoni tar-rikorrent bħala leġittima u ma spiċċax biex jagħlaq il-każ; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isolvi din is-sitwazzjoni mingħajr aktar dewmien u pubblikament jammetti li s-sejbiet tal-informatur kienu korretti, kif indikat mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u korpi oħra tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat jaġġorna lill-Parlament dwar il-progress fir-rigward tal-każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta sa tmiem Ġunju 2016;

34.   Jirrikonoxxi li, skont il-Kumitat, ma seħħet l-ebda sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interessi matul is-sena finanzjarja 2014; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Membri kollha u tal-persunal maniġerjali superjuri u biex jadotta politika interna u regoli ċari dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u sitwazzjonijiet ta' "revolving doors", f'konformità mal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni; jistenna li l-Kumitat jipprovdi dawn is-CVs, dikjarazzjonijiet ta' interess u regoli lill-Parlament sa tmiem Ġunju 2016;

Prestazzjoni globali, ippjanar u ġestjoni strateġika

35.  Jieħu nota tal-isforzi u l-kisbiet tal-Kumitat fl-intensifikazzjoni tal-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu;

36.  Jenfasizza li r-riskji identifikati fl-awditi u fl-analiżijiet tar-riskji li saru, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja u kwistjonijiet operattivi jew organizzattivi, jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr dewmien; jitlob preżentazzjoni dettaljata tal-miżuri ta' mitigazzjoni li qed jipproponi l-Kumitat, u kalendarju ċar għall-implimentazzjoni tagħhom, sa tmiem Ġunju 2016;

37.  Jistieden lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda biex "iħeġġeġ l-involviment" taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal sitwazzjonijiet fejn saru skambji reċiproċi maċ-ċittadini u l-involviment tagħhom seħħ u fejn riżultati diretti - li jistgħu jitkejlu, iffokati u b'impatt viżibbli - ġew miksuba permezz ta' tali parteċipazzjoni;

38.  Jikkonkludi li, filwaqt li l-lista tal-2014 tal-attivitajiet tal-Kumitat li huma ta' appoġġ għall-politiki tal-Unjoni hi waħda pjuttost komprensiva, l-eżitu prattiku tagħhom hu indirizzat b'mod vag u impreċiż; jitlob li ssir analiżi SWAT bir-reqqa tar-riżultati u l-indikaturi SMART tal-objettivi tal-Kumitat, flimkien ma' deskrizzjoni ta' għadd ta' benefiċċji diretti għaċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom jinkisbu bħala riżultat tal-mandat u l-attivitajiet tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

(1)

ĠU L 51, 20.2.2014.

(2)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.

(4)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 508/2015 tal-Kumitat tar-Reġjuni, tas-17 ta' Diċembru 2015, li tistabbilixxi regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta.

Avviż legali