Proċedura : 2015/2155(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0135/2016

Testi mressqa :

A8-0135/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.14
CRE 28/04/2016 - 4.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0150

RAPPORT     
PDF 954kWORD 297k
12.4.2016
PE 571.616v01-00 A8-0135/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew

(2015/2155(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Markus Pieper

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew

(2015/2155(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0200/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(5) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tas-27 ta' April 2005 dwar ir-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar ir-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94, l-Artikolu 98(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8–0135/2016),

A.  billi l-President adotta l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2014 fit-8 ta' Lulju 2015;

B.  billi s-Segretarju Ġenerali, bħala l-uffiċjal awtorizzanti b'delega ewlieni, iċċertifika, fit-18 ta' Settembru 2015, l-assigurazzjoni raġonevoli tiegħu li r-riżorsi assenjati għall-baġit tal-Parlament intużaw għall-iskop maħsub tagħhom u bi qbil mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

C.  billi l-Artikolu 166(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jirrikjedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni tieħu l-passi kollha xierqa sabiex taġixxi fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Parlament;

1.  Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew

(2015/2155(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94, l-Artikolu 98(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8–0135/2016),

A.  billi fiċ-ċertifikazzjoni tiegħu tal-kontijiet finali tal-2014, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Parlament iddikjara l-assigurazzjoni raġonevoli tiegħu li l-kontijiet jippreżentaw stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Parlament fl-aspetti materjali kollha, u li l-ebda kwistjoni li tirrikjedi riserva ma tressqet għall-attenzjoni tiegħu,

B.  billi, permezz tal-awditu tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-awditu ma identifika l-ebda dgħufija sinifikanti fis-sistemi magħżula u r-rapporti ta' attività annwali tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet,

C.  billi, bi qbil mal-proċedura tas-soltu, intbagħat kwestjonarju lill-amministrazzjoni tal-Parlament u t-tweġibiet waslu għand il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u ġew diskussi minnu fil-preżenza tal-Viċi President responsabbli għall-Baġit, tas-Segretarju Ġenerali u tal-Awditur Intern,

D.  billi dejjem hemm lok għal titjib f'termini ta' kwalità, effiċjenza u effikaċja fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u hemm bżonn ta' skrutinju biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni u t-tmexxija politika tal-Parlament jagħtu rendikont ta' għemilhom liċ-ċittadini tal-Unjoni,

Il-kontijiet tal-Parlament Ewropew

1.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet finali tal-Parlament għall-2014 ammontaw għal EUR 1 755 631 742, jew 20,13 % fl-ambitu tal-intestatura V tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) allokati għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-2014 fit-totalità tagħhom u jirrappreżentaw żieda ta' 0,3 % fuq il-baġit għall-2013 (EUR 1 750 463 939);

2.  Jinnota li d-dħul totali li tniżżel fil-kontijiet sal-31 ta' Diċembru 2014 kien ta' EUR 174 436 852 (2013: EUR 158 117 371), inklużi EUR 26 979 032 minn dħul assenjat (2013: EUR 25 991 783);

3.  Ifakkar li fl-2014 erba' kapitoli rrappreżentaw 72 % tat-total tal-impenji: il-Kapitolu 10 (Membri tal-istituzzjoni), il-Kapitolu 12 (Uffiċjali u persunal temporanju), il-Kapitolu 20 (Bini u nefqiet relatati) u l-Kapitolu 42 (Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari);

4.  Jieħu nota taċ-ċifri li abbażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2014, speċifikament:

(a) Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2014:

1 755 631 742

riporti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2013:

734 000

riporti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2013:

277 774 604

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat għall-2014:

26 979 032

riporti li jikkorrispondu għal dħul assenjat mill-2013:

106 934 452

Total:

2 168 053 830

(b) Użu tal-approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2014 (EUR)

impenji:

2 138 652 789

pagamenti li saru:

1 742 390 229

approprjazzjonijiet riportati awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

383 988 975

approprjazzjonijiet riportati mhux awtomatikament:

0

approprjazzjonijiet ikkanċellati:

39 918 558

(c) Dħul tal-baġit (EUR)

miġbur fl-2014:

174 436 852

(d) Karta tal-bilanċ totali fil-31 ta' Diċembru 2014 (EUR)

1 476 824 398

5.  Jinnota li, b'kollox, ġew trasferiti EUR 71 500 000 minn intestaturi b'approprazzjonijiet provviżorji u minn sorsi oħra, sabiex jgħinu fil-finanzjament għal pagamenti tal-kera annwali tal-bini Konrad Adenauer f'Lussemburgu u l-estensjoni u l-modernizzazzjoni tiegħu; jirrimarka li dan jammonta għal 4 % tal-approprjazzjonijiet finali għall-2014;

L-opinjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għall-2014 u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi

6.  Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri twettaq valutazzjoni speċifika tan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor bħala grupp ta' politiki uniku għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, inkluż il-Parlament Ewropew u li, b'mod ġenerali, l-evidenza mill-awditjar tindika li l-infiq għall-amministrazzjoni mhuwiex affettwat minn livell ta' żball materjali; jieħu nota tal-fatt li l-verifiki tat-tranżazzjonijiet jindikaw li l-livell stmat ta' żball għall-intestatura 5 tal-QFP dwar l-amministrazzjoni huwa ta' 0,5 % (li jirrappreżenta tnaqqis mill-1 % fl-2013);

7.  Ifakkar li l-awditu involva eżami ta' kampjun ta' 129 tranżazzjoni ta' pagament, inklużi 92 pagament ta' salarji u pensjonijiet, allowances relatati u spejjeż oħra għall-persunal, 14-il pagament fir-rigward ta' kuntratti relatati ma' bini u 23 pagament marbuta ma' nefqa oħra (enerġija, komunikazzjoni, teknoloġija tal-informazzjoni, eċċ.); jenfasizza li mill-129 tranżazzjoni awditjata, 20 (jew 15,5 %) kienu milquta minn żball; jieħu nota li għal 12-il żball kwantifikabbli, il-livell stmat ta' żball huwa ta' 0,5 %;

8.  Jissottolinja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex il-Parlament Ewropew isaħħaħ il-verifiki tiegħu fuq l-ispejjeż rimborżati mill-partiti politiċi Ewropej lill-organizzazzjonijiet affiljati tagħhom, jiżviluppa regoli xierqa għall-partiti politiċi Ewropej dwar l-akkwist pubbliku, u jissorvelja l-applikazzjoni tagħhom permezz ta' verifiki xierqa u gwida aħjar; jinsisti fuq trasparenza totali rigward in-nefqa min-naħa tal-partiti politiċi Ewropej u li l-kumitat kompetenti jeżamina u jiddiskuti din l-informazzjoni fid-dettall fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza ordinarja;

Ir-rapport annwali tal-awditur intern

9.  Jinnota li, waqt il-laqgħa tal-kumitat kompetenti mal-awditur intern li saret fil-25 ta' Jannar 2016, l-awditur intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu ffirmat fis-16 ta' Lulju 2015, li fih iddikjara li, fl-2014, huwa wettaq dan ix-xogħol ta' awditjar fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament:

-  segwitu trasversali għall-azzjonijiet pendenti mir-rapporti ta' awditjar intern - fażijiet I u II ta' xogħlu fl-2014;

-  inkarigu konsultattiv dwar il-proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll interni fid-Direttorat għas-Sostenn għad-Demokrazija (DĠ EXPO);

-  rieżami perjodiku tal-proġett tal-Bini Konrad Adenauer - ara "Fażi 2: stima, rappurtar u kontroll tal-ispejjeż tal-proġett tar-rapport";

-  awditjar tal-pagi u l-allowances tranżitorji tal-Membri;

-  awditjar tal-proċess tal-għotjiet fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM);

-  awditjar tas-sistemi ta' informazzjoni tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet tal-IT - ara "Inkarigu 1 - l-ewwel rapport: ottimizzazzjoni tar-riżorsi u kontinwità tal-IT";

-  awditjar tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu, fir-rigward tas-servizzi ta' interpretazzjoni,

10.  Jenfasizza li fl-awditjar tiegħu dwar il-proċess tal-għotjiet, l-awditur intern ikkonkluda li hemm lok sinifikanti għal titjib ta' ċerti proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll, biex b'hekk tingħata aktar assigurazzjoni li l-programm tal-għotjiet jilħaq l-objettivi tiegħu billi:

-  jiġi żgurat li l-programm tal-għotjiet pluriennali jkun allinjat kompletament u jappoġġa bis-sħiħ l-objettivi fit-tul tal-istrateġija tal-istituzzjoni għall-komunikazzjoni;

-  jiġi żgurat li l-valur miżjud tal-programm huwa mkejjel bi strumenti u indikaturi tal-prestazzjoni xierqa;

-  jiġu konklużi ftehimiet ma' għadd aktar limitat ta' sħab strateġiċi li jkunu kapaċi li jipproponu pjan ta' azzjoni li jkun ikopri l-perjodu kollu tal-ftehim ta' sħubija;

-  titjieb l-evalwazzjoni tal-proġetti proposti billi tiġi definita metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tagħhom mill-kumitati tal-evalwazzjoni kollha;

-  titjieb l-evalwazzjoni finanzjarja u operattiva tal-proġetti mlestija fl-istadju finali tal-pagament, jiġifieri li l-azzjonijiet twettqu f'konformità mal-objettivi inizjali tagħhom;

Awditjar tal-Qafas ta' Kontroll Intern tal-Parlament

11.  Josserva li fi tmiem l-2014, wara progress sostanzjali, erba' azzjonijiet biss baqgħu ma tlestewx mill-452 azzjoni ta' qafas ta' kontroll intern li kien hemm qbil dwarhom inizjalment; jistieden lill-awditur intern iżomm lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit informat dwar il-progress miksub fir-rigward ta' dawk l-azzjonijiet li għad baqa';

Segwitu għar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza 2013

12.  Jieħu nota tat-tweġibiet bil-miktub għar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013(9), mogħtija lill-Kumitat tiegħu għall-Kontroll tal-Baġit fil-15 ta' Ottubru 2015; jilqa' l-preżentazzjoni tas-Segretarju Ġenerali dwar id-diversi mistoqsijiet u talbiet magħmula mill-Parlament fl-imsemmija riżoluzzjoni u l-iskambju ta' fehmiet mal-Membri li segwa;

13.  Josserva li kien hemm inkonsistenza bejn id-dati tal-preżentazzjoni tal-abbozz ta' rapport għall-kwittanza tal-Parlament u l-ambitu għat-tressiq ta' mistoqsijiet addizzjonali indirizzati lis-Segretarju Ġenerali; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jagħti tweġibiet qabel il-votazzjoni fi ħdan il-kumitat għall-mistoqsijiet ippreżentati mir-rapporteur;

14.  Josserva li s-Segretarju Ġenerali ma weġibx il-mistoqsijiet addizzjonali tal-Membri sakemm kien għad fadal anqas minn 24 siegħa qabel l-iskadenza għat-tressiq tal-emendi; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jtejjeb din is-sitwazzjoni;

15.  Jikkonstata t-tweġiba tas-Segretarju Ġenerali dwar l-aċċessibbiltà tal-applikazzjoni ePetitions għall-Membri u għall-pubbliku ġenerali; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jinforma lill-Parlament bl-eżitu tal-konsultazzjoni tas-Servizz Legali u jivvaluta kemm se tiġi tiswa, f'termini tekniċi u baġitarji, l-espansjoni tal-aċċessibbiltà tal-applikazzjoni;

16.  Ifakkar li s-servizzi tal-kantins għandhom l-għan li jipprovdu servizzi ta' ristoranti rapidi lill-Membri u lill-persunal; jinsab imħasseb bl-ispazju limitat tal-kantins fil-perjodi meta jikkonkorru ħafna nies, partikolarment matul il-ġimgħat tal-plenarja fi Strasburgu; jilqa' pożittivament id-disponibbiltà tal-ispazju estern il-ġdid li se jtaffi, parzjalment, din is-sitwazzjoni meta t-temp ikun jippermetti; jistieden lill-amministrazzjoni tkompli ttejjeb il-kantin ta' Strasburgu billi tagħmel użu aktar effiċjenti tal-ispazju disponibbli kollu;

17.  Jinnota li l-Parlament beda japplika "kuntratti ta' prezz fiss" għas-servizzi tal-forniment tal-ikel; jirrimarka li l-mezzi baġitarji meħtieġa għas-servizzi tal-forniment tal-ikel kienu pjuttost limitati, u jammontaw biss għal 0,23 % tal-baġit annwali; jistenna li l-prezzijiet fiċ-ċentri tal-forniment tal-ikel fil-Parlament jibqgħu stabbli wara ż-żidiet ripetuti u konsiderevoli fil-prezzijiet tal-menujiet offruti;

18.  Josserva l-fatt li l-kuntratti l-ġodda għal attivitajiet ta' forniment tal-ikel fi Brussell, li ġew konklużi fl-2015, m'għadhomx jipprevedu esklużività għal fornitur tal-ikel wieħed; jistenna li ċ-ċentri ż-żgħar tal-forniment tal-ikel ippjanati fi Brussell joperaw b'tali mod u manjiera li jinkludu lill-SMEs u jippromwovu d-diversità fost il-fornituri tal-ikel, bil-għan li jiġi żgurat servizz ta' kwalità bi prezzijiet raġonevoli;

19.  Jinnota bi tħassib li, minħabba l-fatt li l-livelli tal-prezzijiet żdiedu, dan wassal għal prezzijiet sfavorevoli inġustifikati, speċjalment għall-assistenti, it-trainees u l-viżitaturi; jenfasizza li ż-żidiet ifissru li l-prezzijiet fil-Parlament bħalissa huma prattikament ekwivalenti għal dawk tar-ristoranti u tal-barijiet tal-madwar; jinnota bi tħassib, madankollu, li filwaqt li l-prezzijiet għolew, il-kwalità tal-ikel naqset notevolment;

20.  Iqis li bosta ġimgħat riservati għall-attivitajiet esterni kif ukoll tas-sessjoni plenarja jirrappreżentaw perjodi li matulhom il-faċilitajiet tar-ristoranti u tal-kantins ma jkunux qed jintużaw kompletament; jissuġġerixxi li l-ftehimiet mal-fornituri tal-ikel iqisu l-għażla li l-persunal ta' dawn is-servizzi jiġi impjegat band'oħra matul il-ġimgħat meta mhux il-kantins u l-kaffetteriji kollha huma miftuħin;

21.  Jistieden lill-amministrazzjoni tevalwa u tipproponi skema ta' prezzijiet li tgħaqqad ir-regoli l-ġodda filwaqt li tiżgura l-possibbiltà ta' skontijiet għat-trainees, b'xelta ta' menù bi prezzijiet raġonevoli;

22.  Hu diżappuntat li l-amministrazzjoni mhijiex fil-qagħda li tipprovdi data dwar l-għadd varjabbli ta' ikliet servuti matul il-jiem u l-ġimgħat parlamentari differenti; jistaqsi kif jista' jiġi eżerċitat xi kontroll fuq il-fornituri kuntrattwali jekk informazzjoni bażika bħal din mhijiex disponibbli; jistieden lill-amministrazzjoni tqiegħed il-kuntratt ta' forniment tal-ikel li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Settembru 2015 għad-dispożizzjoni tal-kumitat kompetenti u tforni d-dettalji tal-ikliet servuti;

23.  Jenfasizza li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri adottat fil-11 ta' Lulju 2014 jiddikjara li potenzjalment, kieku l-Parlament jiċċentralizza l-attivitajiet tiegħu, jiffranka madwar EUR 114-il miljun fis-sena; itenni l-appell tiegħu lill-Parlament u lill-Kunsill biex jieħdu ħsieb il-bżonn ta' pjan direzzjonali għal sede unika, kif jiddikjara l-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet preċedenti, bil-għan li jiffranka r-riżorsi fit-terminu twil;

Kwittanza għas-sena finanzjarja 2014

24.  Jirrikonoxxi l-kwalità tal-iskambju ta' fehmiet bejn il-Viċi President responsabbli għall-baġit, is-Segretarju Ġenerali u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-preżenza tal-Membru tal-Qorti tal-Awdituri u l-Awditur Intern, fl-4 ta' Frar 2016; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà tas-Segretarju Ġenerali u jappella għal żieda fil-frekwenza tal-opportunitajiet ta' dibattitu miegħu fi ħdan il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar materji b'impatt fuq il-baġit tal-Parlament;

25.  Josserva l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u mal-Kumitat tar-Reġjuni li sar fil-5 ta' Frar 2014; jitlob li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati speċifiċi dwar il-funzjonament tas-servizzi kondiviżi mit-tliet istituzzjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-ftehim trid tkun ibbilanċjata u ta' ġid għat-tliet istituzzjonijiet b'mod indaqs; jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-ftehim għandha tkun inkluża valutazzjoni ta' kull istituzzjoni dwar l-impatt li l-ftehim qiegħed iħalli f'termini ta' riżorsi umani, sinerġiji, valur miżjud u sustanza, u jforni analiżi fid-dettall tar-riżorsi ffrankati u/jew taż-żieda fin-nefqa baġitarja li jirriżultaw mill-ftehim, b'attenzjoni partikolari għall-kapitoli li jittrattaw il-persunal; jitlob li jkompli jiġi informat dwar is-segwitu mogħti lill-ftehim;

26.  Ifakkar li massimu ta' 80 uffiċjali mill-KESE u mill-Kumitat tar-Reġjuni (mis-servizz ta' traduzzjoni u mill-assistenti) se jkunu trasferiti fil-Parlament skont dan il-ftehim, u se jaħdmu għas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) il-ġdid; huwa tal-fehma li tali trasferiment għandu jippermetti li l-produttività interna tal-Parlament tiżdied b'inqas mezzi baġitarji ddedikati lill-esternalizzazzjoni ta' studji, valutazzjonijiet jew evalwazzjonijiet; jinnota bi tħassib li, sal-lum, 25 uffiċjal mill-KESE u 24 uffiċjal mill-Kumitat tar-Reġjuni ġew trasferiti fl-EPRS, fil-parti l-kbira tagħhom kienu viċin ħafna l-età tal-irtirar, bir-riżultat li l-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni se jiffrankaw riżorsi sinifikanti fil-kapitoli dwar il-persunal filwaqt li l-baġit tal-Parlament se jiżdied konsiderevolment kemm fi żmien qasir (salarji) kif ukoll fit-tul (pensjonijiet);

27.  Jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-fornituri ta' servizzi fil-homepage ta' kull Membru, flimkien mad-dettalji tal-assistenti parlamentari akkreditati u tal-assistenti lokali impjegati mill-Membri;

28.  Jiddeplora t-trasferiment tar-responsabbiltajiet mill-amministrazzjoni għall-uffiċċji tal-Membri; jappella għal rieżami minn u dwar l-amministrazzjoni li tivverifika liema obbligi (pereżempju r-responsabbiltà ta' assigurazzjoni għat-trainees) jistgħu jingħataw lura lill-amministrazzjoni;

29.  Jisħaq fuq il-bżonn li xogħol il-korpi deċiżjonali interni tal-Parlament, partikolarment il-Bureau, isir aktar trasparenti u aċċessibbli; jappella għall-pubblikazzjoni tal-aġendi u tal-minuti tal-laqgħat fl-Internet u biex dawn jintbagħtu lill-Membri sistematikament u fi żmien utli;

30.  Jirrimarka li l-piż amministrattiv għall-uffiċċji tal-Membri żdied ukoll f'termini ġenerali u jitlob razzjonalizzazzjoni tal-formoli li għandhom jintużaw għall-proċeduri parlamentari interni, bħar-reklutaġġ ta' assistenti ġodda;

31.  Jinnota li wara dewmien konsiderevoli, r-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew adottati u daħlu fis-seħħ f'Jannar 2016; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' protezzjoni mogħtija lill-informaturi u jistieden lill-Parlament jiżgura li drittijiethom jiġu difiżi bis-sħiħ; jistieden lill-Bureau testendi r-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta lill-assistenti parlamentari akkreditati u jappella biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti tiġi applikata għall-assistenti lokali;

32.  Jitlob kjarifika marbuta mal-forma tal-kooperazzjoni uffiċjali u mhux mal-OLAF għal dak li għandu x'jaqsam mal-kontijiet tal-Membri; jissenjala li almenu f'każ wieħed l-informazzjoni għaddiet għand terzi; iqis dan bħala ksur tal-indipendenza tal-mandati tal-Membri;

33.  Jinnota li kien diffiċli li wieħed jiddistingwi kompletament l-attivitajiet politiċi tal-President mit-tħejjija tiegħu bħala "Spitzenkandidat" biex imexxi lill-Partit Soċjalista Ewropew fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; iqis li ma saritx distinzjoni inekwivoka bejn iż-żewġ rwoli; jappella għal segregazzjoni ċara tal-funzjonijiet tal-uffiċjali fil-kariga mill-kandidaturi għall-kampanji elettorali Ewropej; jiddispjaċih bl-użu indirett, tal-anqas, tal-persunal tal-Parlament sabiex jgħin fil-preparamenti għall-kampanja u jappella għal azzjoni bil-għan li tiżgura li dan ma jerġax jiġri fil-ġejjieni; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-President ittrasforma l-profil Twitter tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew fil-profil personali tiegħu u użah matul il-kampanja;

34.  Jinkariga lill-EPRS iwettaq analiżi komparattiva tal-qafas ġuridiku li jirregola l-kompatibbiltajiet tal-kandidati li joħorġu għall-kampanji elettorali fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn kif ukoll fl-Istati Membri (elezzjoni ta' Prim Ministru, ta' Segretarju Ġenerali, ta' Kanċillier, eċċ.);

35.  Jilqa' l-fatt li, bi tweġiba għall-kwestjonarju dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2014, ingħatat lista li telenka l-missjonijiet li l-President wettaq fl-ewwel sitt xhur matul is-sena tal-elezzjoni; jixtieq jitlob informazzjoni addizzjonali dwar it-trasport użat mill-President minn Brussell għal dawn il-laqgħat u jekk ġewx mikrija wkoll titjiriet privati;

36.  Jinnota li fil-perjodu bejn it-22 ta' Jannar u t-18 ta' April, il-missjonijiet internazzjonali uffiċjali li wettaq il-President kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ma' gvernijiet u rappreżentanzi uffiċjali affiljati ma' partiti u organizzazzjonijiet soċjalisti; jappella għal aktar informazzjoni f'dan ir-rigward;

37.  Jitlob aktar informazzjoni dwar il-kampanji ta' kull "Spitzenkandidat", b'mod partikolari jekk dawn kinux akkumpanjati minn uffiċjali u minn persunal statutorju ieħor mhux bil-leave waqt il-kampanja elettorali; jilqa' pożittivament l-informazzjoni komplementari mogħtija mill-Parlament u jitlob l-istess livell ta' trasparenza mill-kandidati l-oħra;

38.  Ifakkar ir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu għas-sena finanzjarja 2012(10), li fiha saret talba għal informazzjoni dettaljata "dwar kif il-President, bħala persunaġġ politiku newtrali, żamm id-dmirijiet tal-kariga tiegħu separati mill-preparazzjonijiet biex imexxi l-lista tas-Soċjalisti u tad-Demokratiċi fl-elezzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-persunal fil-kabinett tiegħu u fl-uffiċċji ta' informazzjoni tal-Parlament u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar" (para. 51);

Allowance għan-nefqa ġenerali

39.  Ifakkar li l-allowance għan-nefqa ġenerali hija maħsuba biex tkopri n-nefqa fl-Istat Membru tal-elezzjoni, bħal pereżempju l-kera tal-uffiċċji tal-Membri, tagħmir, fornituri, dokumentazzjoni jew organizzazzjoni loġistika ta' avvenimenti; jieħu nota li sistema komprensiva ta' kontroll tal-allowance tal-mandat parlamentari tal-Membru kieku tirrappreżenta minn 40 sa 75 post amministrattiv ġdid, li jmur kontra l-iskema ta' tnaqqis tal-persunal;

40.  Jappoġġa l-ħtieġa għal aktar trasparenza fir-rigward tal-allowance għan-nefqa ġenerali; iħeġġeġ lill-Bureau jirrevedi l-lista ta' spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-allowance għan-nefqa ġenerali;

41.  Itenni l-appell għal aktar trasparenza rigward l-allowance għan-nefqa ġenerali għall-Membri; jistieden lill-Bureau jaħdem fuq definizzjoni ta' regoli aktar preċiżi fir-rigward tal-obbligu ta' rendikont tan-nefqa awtorizzata fl-ambitu ta' dan l-allowance, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż addizzjonali u piż amministrattiv għall-Membri;

Il-ġestjoni tal-iskema ta' sussidju għall-gruppi ta' viżitaturi

42.  Jilqa' favorevolment titjib fl-allinjament tas-sussidji tal-Parlament għall-gruppi ta' viżitaturi mal-ispejjeż reali inkorsi f'dan ir-rigward; jinsab inkwetat ferm, madankollu, li din hija l-unika azzjoni kritika identifikata mil-awditur intern tal-Parlament;

43.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament għall-gruppi ta' viżitaturi fl-2014, fil-maġġor parti għadu qed jitħallas bi flus kontanti: nefqa ta' EUR 24 593 928,16 fl-2013 tħallset b'dan il-mod: 73,14 % bi flus kontanti u 26,86 % permezz ta' trasferiment bankarju, filwaqt li nefqa ta' EUR 22 281 749,46 fl-2014 tħallset b'dan il-mod: 71,15 % bi flus kontanti u 28,85 % permezz ta' trasferiment bankarju;

44.  Jieħu nota tas-sejba tal-Qorti tal-Awdituri fl-analiżi panoramika tagħha tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni, jiġifieri li l-prattika li jsiru pagamenti bi flus kontanti għar-rimborż tal-ispejjeż lill-gruppi ta' viżitaturi tqajjem "tħassib b'riskju għoli"; jitlob għalhekk li l-pagamenti bi flus kontanti jiġu limitati kemm jista' jkun meta jsir rimborż tal-ispejjeż għall-gruppi ta' viżitaturi; jindika r-riskju għoli għar-reputazzjoni tal-Parlament u r-riskju sinifikanti għas-sigurtà involuti meta jsiru pagamenti għall-gruppi ta' viżitaturi bi flus kontanti; jirrikonoxxi t-tħassib prattiku u jitlob li ssir valutazzjoni ta' metodi alternattivi u effiċjenti għall-pagamenti qabel l-adozzjoni ta' regoli ġodda dwar l-akkoljenza tal-gruppi ta' viżitaturi;

Ir-reġistru ta' trasparenza u l-kunflitti ta' interess

45.  Japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta' konsultazzjoni pubblika fir-rigward tar-reviżjoni tar-reġistru ta' trasparenza attwali tal-Kummissjoni u tal-Parlament u l-estensjoni tagħha għall-Kunsill; jitlob li immedjatament wara l-konsultazzjoni pubblika jitwaqqaf grupp ta' ħidma interistituzzjonali bil-għan li jipprepara l-proposti dwar ir-reviżjoni tar-reġistru, il-kodiċi ta' kondotta li jmur miegħu kif ukoll il-funzjonament tiegħu;

46.  Jappella barra minn hekk għal rapport mill-amministrazzjoni tal-Parlament dwar liema ex diriġenti, uffiċjali kapijiet eżekuttivi, diretturi u membri ta' bordijiet f'diversi NGOs Ewropej rilevanti issa huma Membri tal-Parlament;

47.  Jitlob rapport mill-amministrazzjoni tal-Parlament dwar l-użu tal-istabbilimenti tal-Parlament min-naħa tal-gruppi ta' interess u tal-organizzazzjonijiet esterni l-oħra; jistieden lill-Bureau jeżamina l-kompatibbiltà ta' dawn l-avvenimenti max-xogħol parlamentari filwaqt li jiżgura li l-Parlament jibqa' istituzzjoni miftuħa għall-iskambju mas-soċjetà ċivili u għad-dibattitu pubbliku;

48.  Ifakkar fl-obbligu tal-Membri li jinformaw minnufih lill-amministrazzjoni b'kull bidla fid-dikjarazzjonijiet ta' interessi tagħhom; jiddispjaċih li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-Membri eletti fl-2014 ittellgħu fis-sit web tal-Parlament tard ħafna;

49.  Jemmen b'konvinzjoni li l-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta' Mġiba għall-Membri għandu jiġi riformulat biex jinkludi projbizzjoni ċara għall-Membri li jkollhom impjiegi addizzjonali jew xogħol remunerat ieħor;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni u d-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni

50.  Josserva li l-ispejjeż tad-delegazzjonijiet, tal-assemblej parlamentari konġunti, tad-delegazzjonijiet ad hoc u tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali barra mill-Unjoni fl-2014 ġew limitati minn EUR 5 794 360 (2013) għal EUR 1 351 212 (2014) b'segwitu għall-osservazzjonijiet li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija qabel għas-sena finanzjarja 2013 u bħala r-riżultat ta' tnaqqis fil-vjaġġi uffiċjali matul il-bidla minn leġislatura għall-oħra, meta ma saret l-ebda żjara ta' delegazzjoni għal bosta xhur; jikkritika l-fatt, madankollu, li xi missjonijiet tal-Parlament qamu flejjes kbar, speċjalment għal dak li jirrigwarda destinazzjonijiet imbiegħda; jistenna li tali spejjeż tingħatalhom spjegazzjoni ulterjuri u jitnaqqsu fil-futur qrib u jappella li d-dettalji dwar kemm qamet flus kull missjoni jiġu ppubblikati fir-rapport ta' attività annwali;

51.  Jemmen għandu jkun hemm riflessjoni dwar il-mod kif l-istrumenti tal-IT, bħall-vidjokonferenzi, jistgħu jintużaw biex jitnaqqas in-numru ta' żjarat tad-delegazzjonijiet;

52.  Jagħmel appell għall-iżvilupp tas-siti web tad-delegazzjonijiet interparlamentari u biex dawn jiġu mgħammra urġentement b'kontenut; jikkunsidra wkoll li hi xi ħaġa essenzjali li, jekk il-baġit ikun jippermetti, il-laqgħat pubbliċi tad-delegazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi f'xandira diretta fuq l-Internet, kif isir għal-laqgħat tal-kumitati parlamentari;

Id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari

53.  Ifakkar li s-servizz ta' riċerka għall-Membri l-ġdid beda bil-għan li jipprovdi kapaċità ta' riċerka ddedikata għall-Membri individwali permezz ta' pubblikazzjonijiet ta' informazzjoni dwar il-politiki prinċipali kollha; jindika li fl-ewwel sena sħiħa ta' attività, is-servizz ta' riċerka ġġenera aktar minn 450 pubblikazzjoni, wieġeb 1 675 talba għal riċerka mill-Membri u ttratta 745 talba simili minn klijenti oħra tal-Parlament; jinnota li din il-faċilità tagħti aċċess għal ammont kbir ta' informazzjoni rilevanti li għandha tnaqqas b'mod sinifikanti li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern, u li dan jirrappreżenta ffrankar konsiderevoli; jitlob li kull tgħarrif dwar temi f'oqsma prinċipali jiġi tradott bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri;

54.  Jitlob definizzjoni aktar ċara tal-kompiti tad-diversi oqsma ta' servizz (is-servizz ta' riċerka, il-valutazzjoni tal-impatt) u li dawn l-oqsma ta' responsabbiltà jiġu mgħarrfa lill-Membri;

55.  Jitlob li l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ex Ante tejjeb il-viżibbiltà tagħha fir-rigward tas-servizzi eċċellenti li l-unità tista' tipprovdi lill-Membri u r-regoli tal-ingaġġ tagħhom permezz tal-posta elettronika; jinkoraġġixxi t-tkomplija ta' sessjonijiet ta' taħriġ għall-konsulenti u l-assistenti tal-Membri; jitlob titjib sostanzjali fir-riżorsi tal-persunal disponibbli f'dan il-qasam, peress li dan se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex il-Parlament ikun jista' jipparteċipa bħala sieħeb ugwali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

56.  Jilqa' pożittivament il-fatt li sal-lum ma kien hemm l-ebda lment dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt unilaterali u jistieden lill-unità tkompli tiggarantixxi n-newtralità f'dan ir-rigward;

57.  Iħeġġeġ lid-DĠ EPRS jiddifferenzja ulterjorment il-pubblikazzjonijiet tiegħu mill-pożizzjonijiet uffiċjali tal-Parlament bil-għan li jkun evitat taħwid fil-pubbliku u fil-mezzi ta' komunikazzjoni; japprezza l-introduzzjoni taċ-ċaħda f'kull pubblikazzjoni; jistieden lid-DĠ EPRS jagħmel din iċ-ċaħda aktar viżibbli u mhux biss fil-qoxra ta' wara, u jdaħħal elementi addizzjonali li jippermettu li ssir distinzjoni faċli mill-pożizzjonijiet uffiċjali adottati mill-Parlament;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni

58.  Jinnota li l-għodda elettronika rċeviet żewġ għotjiet (EUR 149 172 fl-2012 u EUR 350 000 fl-2013) għall-kofinanzjament ta' proġetti speċifiċi marbutin mal-elezzjonijiet Ewropej; jitlob li ssir valutazzjoni tal-valur miżjud ta' dawn il-proġetti;

59.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' riżultati reali mill-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Parlament, meta jiġi kkunsidrat il-perċentwal dejjem aktar baxx ta' nies li joħorġu jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej, kif ukoll dwar in-nuqqas ġenerali ta' għarfien fi ħdan is-soċjetà tar-rwol tal-Parlament u tal-attivitajiet tiegħu;

60.  Jikkritika l-preżentazzjoni ta' data statistika dwar l-ispjegazzjonijiet tal-vot, l-interventi fil-plenarja, il-mistoqsijiet parlamentari, il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, il-mistoqsijiet bil-miktub lill-President tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fis-sit web tal-Parlament, li tidher li hija maħsuba biex turi liema Membri tal-Parlament suppost huma "attivi" fuq pjattaformi bħal MEPRanking; jistieden lill-Parlament jieqaf jipprovdi numri mhux ittrattati f'forma statistika u biex jikkunsidra kriterji aktar xierqa biex jidentifika Membru bħala ''attiv'';

61.  Jinnota li d-DĠ COMM qiegħed isemma' ħafna leħnu meta jappella għal tnaqqis fl-infiq u li ssir aktar enfasi fuq l-effiċjenza; jappella għal enfasi akbar fuq l-użu effikaċi aktar milli l-użu għali ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT); jinnota li minkejja l-ammonti kbar ta' flus li ntefqu fuq is-sit web tal-Parlament, dan għadu kumpless, diffiċli biex tużah u ma jiġġenerax il-viżibbiltà mixtieqa; jissuġġerixxi rieżami tal-istrateġija tal-marketing; jenfasizza li sit web trasparenti u aċċessibbli huwa fundamentali għall-involviment taċ-ċittadini;

62.  Jitlob magna tat-tiftix tas-sit web tal-Parlament ġdida u effiċjenti li tipprovdi kemm ottimizzazzjoni b'saħħitha tal-magna tat-tiftix u paġna tar-riżultati tal-magna tat-tiftix kompletament komprensiva, flimkien ma' sforz iddedikat għat-titjib fl-aċċess għas-sit web, permezz ta' rikonoxximent imtejjeb tal-kliem ewlieni użat għat-tiftix; jirrakkomanda kooperazzjoni interistituzzjonali intensa biex jiġu kkollegati l-bażijiet ta' data tas-siti web kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinnota li dan se jiżgura iktar trasparenza tal-attivitajiet tal-Unjoni għaċ-ċittadini kollha;

Dar l-Istorja Ewropea

63.  Baqa' ddiżappuntat meta sar jaf li x-xogħlijiet fil-Bini Eastman, li se jospita Dar l-Istorja Ewropea, komplew jakkumulaw dewmien; jappella għal pjan ta' komunikazzjoni/proġetti ta' promozzjoni u sit web/pjan ta' marketing li jispjegaw fid-dettall kif Dar l-Istorja Ewropea se tikiseb il-livell ta' impatt mixtieq;

64.  Ifakkar li x-xogħlijiet kellhom jitlestew sa tmiem l-2014; jistenna li l-baġit totali li ntlaħaq qbil dwaru inizjalment għall-kostruzzjoni tal-proġett jiġi rrispettat, minkejja d-dewmien, u li l-ewwel wirja tiftaħ fl-aħħar tal-2016;

65.  Jappella għal separazzjoni stretta mill-kontenut tal-informazzjoni pprovduta fil-Parlamentarium li diġà jeżisti; iwissi mill-ġdid dwar ir-riskju ta' spejjeż sussegwenti għolja żżejjed, li ma jkunu bl-ebda mod proporzjonati mal-ikkummissjonar tal-faċilità;

Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew

66.  Jilqa' l-fatt li l-Parlamentarium huwa wieħed mill-attrazzjonijiet turistiċi li l-aktar jirċievi viżitaturi fi Brussell u li laqa' 340 500 viżitatur fl-2014 (fl-2013 kienu 337 000); jisħaq fuq l-importanza li l-awtoritajiet Belġjani jiġu informati dwar dawn iċ-ċifri u l-benefiċċji li jġibu magħhom;

67.  Jinsab imħasseb li l-linja baġitarja għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew żdiedet b'24 % fuq dik tas-sena ta' qabel, meta mqabbla maż-żieda fl-għadd ta' viżitaturi li kienet biss ta' 1 %;

68.  Jirrakkomanda li l-Istat Membru fejn jiġu stabbiliti l-faċilitajiet tal-Parlamentarium jiffinanzja parzjalment l-istabbiliment u l-ispejjeż operattivi tagħhom;

Il-Premju LUX

69.  Jikkritika l-ispiża totali għall-Premju LUX, li laħqet EUR 585 311 fl-2014 (2013: EUR 448 000; 2012: EUR 434 421); jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li r-riżultati ta' stħarriġ tal-għarfien dwar il-premju LUX u l-impatt tiegħu, li ntalbu fir-rapport ta' kwittanza tal-2013, għadhom mhumiex disponibbli; jappella biex ir-riżultati ta' dan l-istudju jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sa nofs Mejju 2016 u biex issir preżentazzjoni uffiċjali tar-riżultati lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu;

70.  Jappella sabiex jiġi kkunsidrat b'attenzjoni jekk, abbażi tal-istudju tal-impatt tal-Premju LUX, hix vallapena n-nefqa għat-tkomplija tal-Premju LUX;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal

71.  Jieħu nota li, fl-2014, ġew irreklutati 309 uffiċjali u aġenti temporanji oħra fi ħdan is-Segretarjat u 8 aġenti temporanji fil-gruppi politiċi; jieħu nota li, sal-31 ta' Diċembru 2014, b'kollox, 6 040 uffiċjal u aġent temporanju kienu impjegati fil-Parlament (5 295 fis-Segretarjat u 745 fil-gruppi politiċi); jisħaq fuq il-fatt li, għall-2013, dawn iċ-ċifri kienu rispettivament: 6 105 (totali), 5 308 (Segretarjat) u 797 (gruppi politiċi);

72.  Jitlob li r-rekwiżiti ta' kwalifiki għall-persunal ikunu aktar ċari, b'mod partikolari fir-rigward ta' funzjonijiet sensittivi bħal, pereżempju, fis-segretarjati tal-kumitati jew id-dipartiment għal studji tal-impatt ex ante; jitlob li jiġu eżaminati mill-ġdid ir-rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tan-newtralità ideoloġika u politika tal-persunal; jitlob li l-Parlament jiġi ppreżentat bil-kriterji għall-għażla tal-persunal;

73.  Jindika li, fl-2014, il-Parlament irrekluta 114-il ex membru tal-persunal interim għas-sessjonijiet plenarji ta' Strasburgu bħala aġenti kuntrattwali; jissottolinja li, minnha nnifisha, is-sentenza ta' qorti Franċiża rigward dawn l-"intérimaires" ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni li dawn jiġu rreklutati skont ir-regolamenti tal-persunal;

74.  Jisħaq fuq il-fatt li, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-2014 tar-regolamenti tal-persunal u l-QFP attwali, sal-1 ta' Jannar 2014 kienu tħassru 67 post (66 permanenti u 1 temporanju) mill-pjan ta' stabbiliment sabiex jinkiseb it-tnaqqis ta' 5 % fl-għadd ta' postijiet matul il-perjodu mill-2013 sal-2017, bl-esklużjoni tal-gruppi politiċi;

75.  Jindika li ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol minn 37,5 għal 40 siegħa fil-ġimgħa skont ir-reviżjoni tar-regolamenti tal-persunal hi ekwivalenti għal aktar minn 350 post żejjed u li virtwalment tikkumpensa għat-tnaqqis fl-għadd tal-persunal ta' 5 % fuq diversi snin li ntlaħaq qbil dwaru bħala parti mir-riforma tar-regolamenti tal-persunal; jappella lill-Parlament biex jippreżenta rapport trasparenti b'indikazzjonijiet annwali tat-tnaqqis ippjanat fil-postijiet u biex, meta jagħmel dan, iqis iż-żieda fil-ħin tax-xogħol;

76.  Jinnota li l-proporzjon ta' uffiċjali nisa għadu għoli ħafna u żdied għal 59,2 % fi tmiem l-2014, meta imqabbel ma' dak ta' 58,8 % fi tmiem l-2013; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' parità fl-amministrazzjoni, fejn 30 % biss mill-kapijiet ta' unità, 34 % biss mid-diretturi u 18,2 % biss mid-diretturi ġenerali huma nisa; jappella biex jiġi introdott programm għall-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari fir-rigward tal-postijiet maniġerjali, bil-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli; ifakkar li 1 mit-8 diretturi u 9 mill-31 kap ta' unità li ġew irreklutati fl-2014 kienu nisa; hu tal-opinjoni li l-proċedura ta' reklutaġġ għandha tkun ibbilanċjata; itenni l-appell tiegħu għall-ħtieġa li n-nisa jiġu rrappreżentati b'mod aktar ibbilanċjat fil-postijiet maniġerjali superjuri;

77.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Parlament għadu ma ppubblikax informazzjoni fuq bażi annwali dwar l-uffiċjali superjuri li telqu mill-amministrazzjoni tal-Parlament, kif ukoll lista tal-każijiet potenzjali ta' kunflitti ta' interess li ġew indirizzati, kif rikjest mill-Artikolu 16(4) tar-regolamenti tal-persunal;

78.  Jieħu nota tal-fatt li fi tmiem l-2014 kien hemm 1 686 (2013: 1763) assistent parlamentari akkreditat jaħdmu mal-Parlament u 4 453 assistent lokali kellhom kuntratt ta' impjieg ma' Membru;

79.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-għadd ta' assistenti lokali impjegati jvarja ħafna bejn Membru u ieħor, varjazzjoni ta' bejn 0 u 46 fl-2014 b'kuntrast mal-varjazzjoni bejn 0 u 43 li kien hemm fl-2013; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li 91 Membru impjegaw aktar minn 10 assistenti fl-2014 b'kuntrast ma' 84 fl-2013;

80.  Jilqa' l-fatt li, fis-26 ta' Ottubru 2015, il-Bureau adotta ġabra ġdida ta' regoli għall-ġestjoni tal-allowances għal assistenza parlamentari, b'mod li saħħaħ ir-rekwiżiti għar-rimborż tal-kuntratti tal-assistenti lokali, speċifikament billi tiġi allokata mill-anqas 25 % tal-allowance għal assistenza parlamentari biex tkopri n-nefqa fuq l-assistenti akkreditati;

81.  Jinnota li, fi tmiem l-2014, l-assistenti parlamentari akkreditati kienu jikkostitwixxu 26,7 % mill-persunal tal-Parlament; ifakkar li l-kuntratti ta' madwar 1 700 assistent parlamentari akkreditat impjegati matul is-seba' leġiżlatura waslu fi tmiemhom f'Lulju 2014 u li, qabel tmiem l-2014, tfasslet operazzjoni importanti li twettqet mid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal għar-reklutaġġ ta' 1 686 assistent parlamentari akkreditat biex jaħdmu mal-Membri matul it-tmien leġiżlatura;

82.  Jenfasizza li l-allowances għas-sussistenza li jirċievu l-assistenti parlamentari akkreditati li jivvjaġġaw lejn Strasburgu huma mill-inqas 21 % aktar baxxi minn dawk li jirċievi persunal ieħor; jiddeplora l-fatt li l-Bureau ma weġibx għat-talba li għamel il-Parlament fil-paragrafu 74 tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015; jappella għal darba oħra lill-Bureau biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkorreġi din l-inugwaljanza u biex l-allowances tal-assistenti parlamentari akkreditati iġibhom konformi ma' dawk ta' persunal ieħor;

83.  Jiddeplora l-fatt li l-Bureau ma rnexxielu jieħu l-ebda azzjoni bi tweġiba għall-paragrafu 71 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta' April 2015; jappella lill-Bureau biex, b'urġenza, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-kompożizzjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol li hu responsabbli għall-assistenti parlamentari akkreditati tkun ibbilanċjata u li l-kumitat ikun jinkludi mill-inqas żewġ rappreżentanti tal-assistenti parlamentari akkreditati;

84.  Jinnota b'sodisfazzjon il-miżuri li ttieħdu biex tiġi organizzata l-ġestjoni tal-kuntratti tal-assistenti parlamentari akkreditati fil-prospettiva tal-bidu tal-leġiżlatura l-ġdida, u b'mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tal-applikazzjoni APA People; jikkunsidra li, madankollu, missu ġie assenjat aktar persunal amministrattiv għar-reklutaġġ tal-assistenti parlamentari akkreditati f'ċerti oqsma biex jiġu żgurati aktar ħeffa u effiċjenza; jindika li r-riżorsi umani u dawk tekniċi ma kinux biżżejjed biex jiġu evitati dewmien fl-iffirmar tal-kuntratti għal xi assistenti, interruzzjoni ta' kuntratti, kif ukoll dewmien fil-kalkolu tal-ispejjeż u ta' allowances oħra u għaldaqstant fil-ħlas tas-salarji; jirrikonoxxi madankollu li l-proċess tjieb b'mod sinifikanti meta mqabbel ma' dak tal-2009, filwaqt li jinnota wkoll li jeħtieġ li l-Parlament jirsisti fl-isforzi tiegħu biex iżid il-ħeffa u l-effiċjenza tal-proċeduri ta' reklutaġġ tiegħu;

85.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex jeżaminaw u jsolvu l-problemi li jirriżultaw minn amministrazzjoni ħażina possibbli mill-istituzzjoni fir-rigward tal-assistenti parlamentari akkreditati, bħal pereżempju dewmien fl-iffirmar tal-kuntratti fil-bidu tal-leġiżlatura, interruzzjoni ta' kuntratti, l-implikazzjonijiet ta' elezzjonijiet bikrin għall-Parlament Ewropew fuq il-perjodi minimi ta' ħlas tal-kontribuzzjonijiet, eċċ., u biex ir-rappreżentanti tal-assistenti parlamentari akkreditati jiġu involuti fit-tfittxija għal soluzzjonijiet;

86.  Jinnota l-progress li sar fl-adattament tal-korsijiet ta' taħriġ għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-assistenti parlamentari akkreditati; jikkunsidra madankollu, li hu essenzjali li jsir progress ulterjuri f'din id-direzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' taħriġ speċifiku, orarji mfassla speċifikament u l-korsijiet tal-lingwi intensivi, li jiġu organizzati biss fi żminijiet meta l-biċċa l-kbira tal-assistenti parlamentari akkreditati jkollhom jieħdu l-leave annwali tagħhom; jappella biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-assistenti parlamentari akkreditati fir-rigward taż-żmien meta jiġu ppjanati l-attivitajiet organizzati biex iżidu l-benesseri fuq il-post tax-xogħol (mindfulness), il-konferenzi ta' nofsinhar, eċċ;

87.  Jitlob biex, f'ġieħ it-trasparenza, ir-rapport annwali tal-Parlament ikopri l-attivitajiet organizzati u ffinanzjati mill-Kumitat tal-Persunal mill-baġit tal-istituzzjoni, fejn jiġu speċifikati t-tipi ta' attività, l-ispejjeż li saru u l-konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

88.  Jitlob li jingħata s-sejbiet tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni APA People għar-reklutaġġ tal-assistenti parlamentari akkreditati li ġiet introdotta fil-bidu tal-leġiżlatura attwali;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika

89.  Jenfasizza li l-istrateġija immobiljari l-ġdida fuq żmien medju se tinvolvi sforzi biex jinstab bini ġdid li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Parlament fi ħdan perimetru stabbilit qrib il-binjiet ewlenin; jisħaq fuq il-fatt li l-ippjanar pluriennali għal xogħlijiet ta' rinnovament għandu jiġi bbażat fuq previżjonijiet realistiċi u dettaljati kemm fir-rigward tal-parametri finanzjarji tagħhom u kemm fir-rigward tal-kalendarji għalihom; ifakkar li l-Parlament huwa s-sid ta' 81 % mis-superfiċji kollha li jokkupa u li hemm bżonn li l-ħtiġijiet baġitarji jiġu protetti fil-konfront tal-ispejjeż għar-rinnovament ta' binjiet li qed jiqdiemu f'waħda mill-isfidi ewlenin li se jiffaċċja l-Parlament fis-snin li ġejjin;

90.  Jindika li, fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, il-Parlament jokkupa bini b'superfiċje totali ta' 1,1 miljun m2; jikkunsidra li hu tal-ogħla importanza li jiġu stabbiliti miżuri li jiżguraw li l-binjiet tal-Parlament jibqgħu sostenibbli fid-dawl tal-ispejjeż ta' manutenzjoni li qegħdin dejjem jogħlew;

91.  Jinsisti fuq prudenza assoluta qabel ma jimpenja ruħu għal akkwisti jew kirjiet ġodda u fuq il-ħtieġa li jkun hemm monitoraġġ u aġġustament regolari tal-pjan strateġiku dwar l-akkomodazzjoni; jikkunsidra li l-kunċetti fil-qafas ta' eżekuzzjoni strateġika għandhom jipprovdu wkoll l-opportunità għall-Parlament li jnaqqas il-ħtieġa għal binjiet ġodda, peress li jġiegħel lill-organizzazzjoni tiffoka aktar fuq ir-riżultati u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persunal; jindika li teknoloġiji u prattiki faċilment disponibbli, bħat-telexogħol, jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal użu iktar effiċjenti tal-ħin u għal Parlament li jirrispetta aktar l-ambjent;

92.  Jinnota li, minn Ġunju 2014, madwar 1 000 membru tal-persunal mid-DĠ IPOL, id-DĠ EXPO u d-DĠ EPRS bdew jaħdmu fil-bini Square de Meeûs; ifakkar li dan iċ-ċaqliq kien l-ewwel fażi kruċjali fil-proċess biex aktar spazju jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri fil-binjiet ewlenin tal-Parlament; jixtieq li jinżamm informat dwar il-passi li jmiss jieħu l-Parlament, b'kalendarju konkret għal meta se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-uffiċċji addizzjonali;

93.  Jappella lill-amministrazzjoni biex torganizza faċilitajiet fil-binjiet ewlenin tal-Parlament għall-persunal li jaħdem fil-bini Square De Meeûs, inkluża sala fejn il-Membri jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti b'restrizzjoni tal-aċċess;

94.  Jiddispjaċih li għadu ma kienx possibbli li jkun hemm ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni rigward il-ġestjoni konġunta ta' Djar l-Ewropa; iħeġġeġ liż-żewġ istituzzjonijiet isibu ftehim reċiprokament aċċettabbli li jistabbilixxi qafas għax-xiri jew il-kiri ta' proprjetà u jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi u finanzjarji għall-ġestjoni ta' kuljum ta' Djar l-Ewropa; jappella biex, jekk ikun hemm bżonn, tintervjeni l-ġerarkija politika;

95.  Iqis li r-rinnovament tal-bini Paul-Henri Spaak, inkluża estensjoni tal-binja u espansjoni tal-swali għas-seminars għall-viżitaturi u l-ispazji għall-uffiċċji għall-Membri tal-Parlament missu ilu li sar; jappoġġa l-ippjanar tal-amministrazzjoni, iżda jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li jsir abbażi tal-għadd attwali ta' Membri attwali u mhux fuq l-għadd f'każ ta' tkabbir possibbli - u mhux realistiku - tal-Unjoni;

96.  Jeżiġi ppjanar konkret u previżjonijiet tal-ispejjeż għax-xogħlijiet ta' rinnovament; iħeġġeġ favur aktar trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-Membri individwali fid-deċiżjonijiet li jkollhom influwenza deċiżiva fuq l-aspetti amministrattivi u finanzjarji tal-istituzzjoni; iqis li l-informazzjoni mogħtija u l-ftehimiet minn qabel konklużi fil-livell tal-Konferenza tal-Presidenti u tal-Bureau huma insuffiċjenti; jitlob li d-dokumenti strateġiċi kollha dwar l-organizzazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Parlament jitqassmu lill-Membri kollha tiegħu;

97.  Jinsab imħasseb dwar il-proposta biex is-servizz tax-xufiera jiġi internalizzat u dwar l-ispejjeż addizzjonali li se jirriżultaw, li se jwasslu għal żieda ta' aktar minn 50 % fl-2017 meta mqabbla mal-2016;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni u l-Konferenzi u d-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

98.  Jinnota li l-kalkolu li għamel il-Parlament juri li l-ammont medju ta' sigħat fil-ġimgħa li l-interpreti interni qattgħu fil-kabini tagħhom jagħtu servizzi ta' interpretazzjoni fl-2014 kien ta' 10,7 sigħat fil-ġimgħa; jinnota madankollu li s-sigħat li jqattgħu fil-kabini jirrappreżentaw biss parti mill-ħidma tal-interpreti, li jridu wkoll iħejju l-laqgħat, jitgħallmu l-lingwi u jmantnu l-livell lingwistiku tagħhom, jibqgħu disponibbli għal li jista' jkun jiġi bżonnhom il-Parlament, kif ukoll jieħdu taħriġ dwar suġġetti speċifiċi u taħriġ speċjalizzat ieħor; jappella lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi indikaturi li jkejlu l-attivitajiet kollha li jwettqu l-interpreti; jiddeplora l-varjazzjoni fit-twettiq tal-kompiti ta' interpretazzjoni minn interpreti individwali ta' bejn 6 u 16-il siegħa fil-ġimgħa bħala medja annwali, li twassal biex mhux l-interpreti kollha jkollhom l-istess ammont ta' xogħol; jirrikonoxxi li, minħabba l-elezzjonijiet, l-2014 ma kinitx sena tipika fir-rigward tal-volum ta' attività parlamentari;

99.  Jinnota bi tħassib li, fl-2014, 75 % tal-persunal tas-servizz ta' interpretazzjoni Portugiż, 59 % tal-persunal tas-servizz ta' interpretazzjoni Franċiż u 57 % tal-persunal tas-servizz ta' interpretazzjoni Spanjol kienu fil-gradi salarjali AD/11/12/13 u li, bħala medja, dan iwassal biex il-pagi fis-siegħa għall-interpretazzjoni jkunu għolja ħafna meta mqabbla mal-ħidma li ssir minn ħaddiema esterni;

100.   Jinnota bi tħassib li l-metodu ta' kalkolu fir-rigward tal-istatistika ma ġiex iċċarat u jappella lill-amministrazzjoni biex tikkomunika aħjar il-proċessi tagħha lir-rappreżentanti rilevanti tal-interpreti;

101.   Jappella lill-amministrazzjoni biex teskludi l-leave u l-leave għal mard meta tikkalkula l-għadd medju ta' sigħat li l-interpreti jqattgħu fil-kabina;

102.   Itenni l-importanza tal-multilingwiżmu għal-leġittimità demokratika tal-istituzzjoni; jilqa' l-fatt li, bħala riżultat tal-politika dwar multilingwiżmu li jagħmel użu aktar effiċjenti mir-riżorsi li adottat il-Bureau fl-2011 u tar-riformi organizzattivi sussegwenti, ġew iffrankati riżorsi min-nefqa fuq il-linji baġitarji ddedikati għall-interpretazzjoni; jitlob li l-kundizzjonijiet ta' xogħol jinkludu salvagwardji maħsuba biex jipproteġu kemm il-kwalità tal-interpretazzjoni, kif ukoll is-saħħa tal-interpreti, filwaqt li jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet li jirriżultaw minn bidliet fl-andament tal-ħidma parlamentari u minn użu effiċjenti tar-riżorsi; jappella lis-Segretarju Ġenerali biex ikompli bl-isforzi tiegħu f'ħidma mill-qrib mal-interpreti;

103.   Jinsisti li, fil-forniment ta' servizz ta' interpretazzjoni, għadu possibbli li jinkisbu żidiet kbar fl-effiċjenza, b'mod speċjali billi tissaħħaħ l-effiċjenza ta' servizz li bħalissa mxekkel minn regoli li ilhom fis-seħħ mill-2005 u li m'għadhomx kompatibbli mal-andament attwali tal-laqgħat tal-istituzzjoni; jitlob li jsir eżami dwar jekk iż-żidiet fl-effiċjenza jistgħux jinkisbu wkoll fl-unitajiet ta' appoġġ amministrattiv tad-DĠ INTE;

104.   Jitlob li jsir rieżami biex jiġi evalwat jekk, anke waqt il-ġranet tax-xogħol ewlenin, hux iggarantit għadd xieraq ta' interpreti interni;

105.   Jappella lid-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni u l-Konferenzi biex jieħu l-miżuri maniġerjali kollha meħtieġa biex itejjeb l-għodda informatika u l-appoġġ tekniku għall-interpreti b'mod li jiġu jikkorrispondu ma' dawk tal-Kummissjoni, biex iżid il-produttività f'termini tal-kompiti ta' interpretazzjoni, biex jallinja mill-ġdid l-ammont ta' xogħol ta' interpretazzjoni li jkollhom jagħmlu l-interpreti individwali, biex jiżgura li interpreti interni jkunu preżenti u disponibbli waqt il-ġranet tax-xogħol ewlenin tal-Parlament, filwaqt li jirrispetta kompletament id-drittijiet soċjali tagħhom; jitlob finalment lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta kunċett ġdid bl-għan li jkun hemm użu effiċjenti u kosteffikaċi tal-persunal, u dan il-kunċett għandu wkoll jiġi bbażat fuq ftehim mal-interpreti;

106.   Hu tal-fehma li titjib fil-forniment tas-servizzi ta' interpretazzjoni, b'mod partikolari flimkien mal-Kummissjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni istituzzjonali, kieku jgħin biex jiżgura li dawn is-servizzi jintużaw b'mod iktar effiċjenti;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi

L-aġenzija tal-ivvjaġġar

107.   Jilqa' l-fatt li l-istruzzjonijiet tad-DĠ FINS lill-aġenzija tal-ivvjaġġar biex tfittex l-aħjar prezzijiet qed jiġu implimentati b'mod effikaċi; jinkoraġġixxi ulterjorment lill-aġenzija tal-ivvjaġġar biex tikkumpara b'mod aktar intensiv u tipprova tilħaq ftehimiet mal-linji tal-ajru ewlenin għal aktar flessibbiltà u prezzijiet aktar ekonomiċi filwaqt li tiżgura l-possibilità li l-arranġamenti għal vjaġġi jistgħu jiġu mmodifikati jew jitħassru; jappella lill-aġenzija tal-ivvjaġġar biex tfittex attivament biljetti anqas għaljin meta tagħmel ir-riżervazzjonijiet u biex, b'mod ġenerali, toffri prezzijiet aktar kompetittivi waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-linji tal-ajru kollha; jappella lid-DĠ FINS biex ifassal stħarriġ fost l-utenti dwar il-livell ta' sodisfazzjon bis-servizz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar sabiex jidentifika l-oqsma ta' titjib ulterjuri;

108.   Jieħu nota tad-diffikultajiet biex jiġu ġestiti t-talbiet għal arranġamenti għal vjaġġi ta' istituzzjoni bid-daqs u d-dmirijiet tal-Parlament u l-partikolaritajiet (flessibbiltà, kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta) inerenti għan-natura ta' xogħlu;

109.   Jappella lid-DĠ FINS biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ SAFE u d-DĠ COMM, jivvaluta mill-ġdid il-pjanijiet ta' kontinġenza għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza biex jindirizza aħjar it-theddid ġdid għas-sigurtà, b'mod partikolari għall-missjonijiet bejn is-siti differenti tal-istituzzjoni;

Fond pensjonistiku volontarju

110.   Jinnota li l-fond pensjonistiku volontarju żied id-defiċit attwarju stmat tiegħu, li jiġi kkalkolat abbażi tal-assi tal-fond, għal EUR 270,3 miljun fi tmiem l-2014 (fl-2013: EUR 207,9 miljun); jisħaq fuq il-fatt li dan iqajjem tħassib dwar it-tberbiq prematur tal-kapital tal-fond;

111.   Jindika li l-obbligazzjonijiet futuri ipproġettati tal-fond huma mifruxin fuq bosta deċennji; jappella lill-Bureau biex jikkunsidra alternattivi biex itejjeb il-likwidità tal-fond;

112.  Jappella biex ir-riżultati tal-valutazzjoni esterna mitluba mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 jiġu pprovduti mingħajr dewmien ulterjuri; iqis li l-bord tal-fond pensjonistiku volontarju hu prinċipalment responsabbli għal-livell tad-defiċit tal-fond; jappella biex ikun hemm kunċett uniku għall-fond pensjonistiku privat, b'mod li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet ta' dan il-fond; jappella lill-Bureau biex ifassal proposta għal pjan ta' azzjoni komprensiv biex jindirizza r-responsabbiltajiet tal-Parlament immedjatament wara li jirċievi l-valutazzjoni esterna; iqis li hemm bżonn li jitnaqqsu l-benefiċċji għall-irtirar għall-membri parteċipanti tal-fond;

113.   Jappella lill-Bureau biex, malajr kemm jista' jkun, jagħmel valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-fond pensjonistiku;

L-assistenza parlamentari

114.   Jilqa' r-regoli ġodda u aktar stretti li japplikaw għall-assistenti lokali u l-fornituri ta' servizzi; jinnota li wħud mill-punti tar-regoli l-ġodda għadhom vagi u huma sors ta' interpretazzjoni żbaljata; jappella għal kjarifika ulterjuri ta' dawn il-punti, speċjalment fir-rigward tal-attivitajiet sekondarji tal-assistenti lokali u l-fornituri ta' servizzi; jisħaq fuq il-fatt li ż-żewġ gruppi għandhom ikunu taħt skrutinju strett ħafna;

115.   Jilqa' l-ħolqien tal-portal elettroniku għall-Membri; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi għodda kosteffiċjenti u effikaċi għal rieżami tal-finanzi bi qbil mal-politika li qed isegwi l-Parlament biex jimminimizza l-użu tal-karti; jappella lid-DĠ FINS biex jippromwovi b'mod attiv l-użu tal-portal fost il-Membri kollha tal-PE;

Id-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku

116.   Jinnota li l-politika tal-Parlament dwar is-sigurtà tal-informazzjoni tirrikjedi strateġija kkoordinata u armonizzata dwar is-sigurtà korporattiva;

117.   Jappella għal sistemi għas-sigurtà tal-informazzjoni aktar b'saħħithom biex jipproteġu l-informazzjoni minn aċċess mhux awtorizzat filwaqt li jiżguraw l-iżvelar, kif ukoll jipproteġuha milli titħarbat, tiġi mmodifikata jew tinqered, b'mod li jiġu pprovduti l-integrità, il-kunfidenzjalità u d-disponibbiltà;

118.   Jinnota li l-awditu estern tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni twettaq minn parti terza indipendenti kif rikjest matul il-kwittanza tal-2013; jinnota wkoll li l-objettiv ta' dan l-awditu kien il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Parlament u ta' kemm is-sistemi tiegħu huma potenzjalment esposti għat-theddid ċibernetiku, bil-ħsieb li jiġi żviluppat pjan ta' titjib għas-sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni li jinkludi pjan direzzjonali ssuġġerit biex isaħħaħ il-livell tas-sigurtà globali tal-Parlament; jappella biex jiġi adottat regolament dwar iċ-ċibersigurtà li jiggarantixxi li l-Parlament ikun jista' jipproteġi s-sistemi ta' informazzjoni tiegħu b'mod effikaċi u jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà tal-Membri kontra attakki ċibernetiċi;

119.   Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-valutazzjoni tal-organizzazzjoni, il-maturità u l-kapaċitajiet ta' sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Parlament, li saret skont l-istandards ISO 27002:2013 u l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali, uriet li l-livell ta' maturità tas-sigurtà organizzattiva hu relattivament dgħajjef;

120.   Jappella biex regolarment isiru simulazzjonijiet ta' kriżi għas-sistemi ta' sigurtà tal-Parlament fil-qasam tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

121.   Jinnota li l-Bureau adotta politika dwar is-sistemi ta' sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Settembru 2015; jisħaq fuq l-urġenza li tiġi implimentata politika dwar is-sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni li tkun konsiderevolment aktar robusta, bi qbil mal-pjan direzzjonali tal-Parlament għal strateġija globali dwar is-sigurtà tal-informazzjoni;

122.   Jikkritika l-fatt li l-profil Twitter uffiċjali tal-''President tal-Parlament Ewropew'' inbidel f'mezz ta' kampanja personali li jwassal għas-sit web ta' partit;

Id-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni

123.   Jieħu nota tal-fatt li l-internalizzazzjoni tas-servizzi ta' sigurtà tlestiet f'Diċembru 2014 fi Brussell u fl-1 ta' Lulju 2015 fi Strasburgu, b'segwitu għall-adozzjoni ta' kunċett tas-sigurtà globali; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba l-kuntest reċenti fil-qasam tas-sigurtà, għandhom jiddaħħlu miżuri ulterjuri fil-qasam tas-sigurtà u għandha ssir reviżjoni urġenti tal-kunċett tas-sigurtà globali kif ġie adottat mill-Bureau fl-2011;

124.   Jesprimi tħassib fir-rigward tal-approċċi differenti li ħadu l-awtoritajiet ta' Brussell u Strasburgu għas-sigurtà tal-bini parlamentari; jikkunsidra li ħidma mill-qrib mal-awtoritajiet Belġjani, Franċiżi u Lussemburgiżi hi indispensabbli biex jitqawwa l-perimetru ta' sigurtà madwar il-bini tal-Parlament;

125.   Jappella biex isir tgħarbil effikaċi tal-membri kollha tal-persunal fil-qasam tas-sigurtà bil-ħsieb li jiġi żgurat li jkollhom id-dispożizzjoni biex jikkompletaw il-kompiti tagħhom kemm f'termini ta' affidabbiltà u kemm f'termini ta' kompetenza professjonali;

126.   Jinsisti biex it-tisħiħ tas-sigurtà tal-bini tal-Parlament u d-dwarijiet immedjati tiegħu jingħata l-ogħla prijorità; jikkunsidra li hemm bżonn jiġi żgurat tagħmir u kundizzjonijiet ta' xogħol xierqa għall-persunal fil-qasam tas-sigurtà fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali f'dal-qasam;

127.   Jappella biex issir reviżjoni tal-miżuri għas-sigurtà tal-bini u biex ikun hemm aktar kontroll fl-entrati tal-parkeġġi tal-Parlament permezz ta' sistema għar-rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi tal-karozzi; jirrikjedi l-implimentazzjoni ta' punt ta' kontroll estern ċentrali biex jikkontrolla lill-fornituri esterni kollha li jidħlu fil-bini tal-Parlament;

128.   Ifakkar fl-inċidenti ta' serq li seħħew f'uffiċċji ta' Membri tal-PE; jappella lid-DĠ INLO u lid-DĠ SAFE biex jiżguraw aktar sigurtà u trasparenza fir-rigward tal-kuntratturi u l-persunal ta' manutenzjoni li jkollhom aċċess għall-uffiċċji;

129.   Jikkunsidra li hu fundamentali li jkun hemm tgħarbil robust qabel xi ħadd jiġi impjegat, proċeduri vinkolanti li jirregolaw it-tluq tal-persunal, strutturi xierqa għall-ġestjoni tas-sigurtà u taħriġ adegwat dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet;

130.   Ifakkar fl-inċident li seħħ fis-7 ta' Ottubru 2014 bl-involviment ta' dimostranti Kurdi; jappella biex issir valutazzjoni komprensiva u kunfidenzjali tas-servizzi ta' sigurtà tal-Parlament; jilqa' l-fatt li, bħala pass inizjali, ġie stabbilit grupp ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-istat Belġjan biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; jappella għal kooperazzjoni ulterjuri mas-servizzi ta' sigurtà nazzjonali u internazzjonali;

131.   Jinsisti li hemm bżonn ta' livelli ta' kooperazzjoni akbar bejn id-DĠ SAFE u d-DĠ ITEC, bil-ħsieb li jiżguraw il-livell xieraq ta' protezzjoni għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-Parlament;

Parlament li jirrispetta l-ambjent

132.   Jilqa' s-sejbiet inkoraġġanti tal-awditjar li sar fl-2013 u l-2014 mill-Qorti tal-Awdituri, li ddikjarat li, mill-14-il istituzzjoni Ewropea li awditjat, il-Parlament kellu l-aktar strateġija ambizzjuża biex inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju;

133.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-vidjokonferenzi u t-telexogħol jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-ħin jintuża b'mod aktar effiċjenti f'Parlament li jirrispetta aktar l-ambjent, u fl-istess ħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u tal-vjaġġi;

L-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-EMAS

134.   Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex ifassal pjan biex inaqqas l-għadd ta' bagolli disponibbli għall-vjaġġi parlamentari; jissuġġerixxi li tiġi introdotta "sistema ta' bagolli fuq talba" jew "sistema għall-kondiviżjoni tal-bagolli", biex b'hekk jiġu jiswew anqas f'termini finanzjarji u tal-impronta tal-karbonju;

135.   Jilqa' l-miżuri addizzjonali bħala kumpens għall-emissjonijiet li ma jistgħux jiġu evitati; jappella lill-Parlament biex jiżviluppa politiki ulterjuri ta' kumpens għall-emissjonijiet ta' CO2, bħall-possibbltà li jsir kumpens għall-assistenti parlamentari akkreditati;

Il-gruppi politiċi (partita baġitarja 4 0 0)

136.  Jinnota li, fl-2014, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 0, attribwita lill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati, intużaw kif ġej:

Grupp

L-ewwel semestru tal-2014

L-aħħar semestru tal-2014

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati*

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss (2015)

PPE

11 147

7 813

11 311

101 %

7 649

8 772

7 744

6 485

74 %

9 960

S&D

7 956

4 619

8 415

106 %

4 160

7 663

4 194

6 435

84 %

5422

ECR

2 128

1 053

2 731

128 %

450

2 886

457

1 745

60 %

1598

ALDE

3 401

1 759

3 644

107 %

1 516

2 813

1 531

1 847

66 %

2498

GUE/NGL

1 374

417

1 519

111 %

272

2 153

272

1 170

54 %

1255

Verts/ALE

2 211

1 388

2 689

122 %

911

2 081

912

1 707

82 %

2 146

EFDD

1 229

1 137

1 544

126 %

822

2 002

827

1 164

58 %

1287

Membri mhux affiljati

753

441

715

95 %

92

1 238

92

566

46 %

533

Total

30 200

18 626

32 567

 

15 872

29 608

16 030

21 118

 

29 442

*  l-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR

Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

137.  Jinnota li, fl-2014, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 2 intużaw kif ġej(11):

Partit

Taqsira

Riżorsi proprji*

Għotja tal-PE

Dħul totali(12)

Għotja tal-PE bħala % tan-nefqa eleġibbli (massimu 85 %)

Bilanċ favorevoli mid-dħul (trasferiment għar-riżervi) jew telf

Partit Popolari Ewropew

PPE

2.126

9.327

13.605

85%

345

Partit Soċjalista Ewropew

PSE

1.083

5.297

7.864

85%

78

Partit tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

ALDE

759

2.813

3.582

85%

173

Partit tal-Ħodor Ewropej

PĦE

575

1.918

2.493

84%

50

Alleanza tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej

AKRE

373

1.943

2.376

85%

0

Partit tax-Xellug Ewropew

XE

282

1.219

1.501

85%

54

Partit Demokratiku Ewropew

PDE

123

565

730

85%

13

Demokratiċi tal-UE

DUE

49

274

340

85%

0

Alleanza Ħielsa Ewropea

ALE

126

526

708

85%

0

Moviment Politiku Kristjan Ewropew

MPKE

73

388

475

85%

4

Alleanza Ewropea għal-Libertà

AEL

93

521

614

84%

-3

Alleanza Ewropea tal-Movimenti Nazzjonali

AEMN

117

363

480

85%

37

Moviment għal Ewropa ta' Libertajiet u Demokrazija

MELD

124

635

941

85%

5

Total

 

5.903

25.789

35.709

85%

756

(*)  l-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR

 

138.  Jinnota li, fl-2014, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 3 ntużaw kif ġej(13):

Fondazzjoni

Taqsira

Affiljata mal-partit

Riżorsi proprji*

Għotja tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tan-nefqa eleġibbli (massimu 85 %)

Ċentru għall-Istudji Ewropej Wilfried Martens

ĊSEWM

EPP

831

4.203

5.034

85%

Fondazzjoni għall-Istudji Progressivi Ewropej

FEPS

PSE

636

3.087

3.723

85%

Forum Liberali Ewropew

FLE

ALDE

169

941

1.110

85%

Fondazzjoni Ħadra Ewropea

FĦE

PĦE

174

914

1.088

85%

Nittrasformaw l-Ewropa

NE

XE

111

587

698

85%

Istitut tad-Demokratiċi Ewropej

IDE

PDE

43

265

308

85%

Ċentru Maurits Coppieters

ĊMC

ALE

48

216

264

85%

Direzzjoni Ġdida – Fondazzjoni għar-Riforma Ewropea

AKRE

195

915

1.110

85%

 

 

 

 

 

 

 

Fondazzjoni Ewropea għal-Libertà

FEL

AEL

45

244

289

85%

Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Interstatali Ewropea

OKIE

DUE

21

135

156

85%

Fondazzjoni Politika Kristjana għall-Ewropa

FPNE

MPKE

37

187

224

85%

Fondazzjoni għal Ewropa ta' Libertajiet u Demokrazija

FELD

MELD

62

271

333

85%

Identitajiet u Tradizzjonijiet Ewropej

ITE

AEMN

42

174

216

85%

Total

 

 

2.414

12.139

14.553

85%

(*)  l-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR

 

-

2.229

11.325

13.554

85%

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Benedek Jávor, Andrey Novakov, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Luke Ming Flanagan, Arne Gericke, Siôn Simon, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Claudiu Ciprian Tănăsescu

(1)

  ĠU L 51, 20.2.2014.

(2)

  ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.

(3)

  ĠU C 247, 28.7.2015, p. 1.

(4)

  ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.

(5)

  ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.

(6)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(7)

  PE 349.540/Bur/ann/fin.

(8)

  PE 422.541/Bur.

(9)

  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 3).

(10)

  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tad-16 ta' April 2014 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (ĠU L 266, 5.9.2014, p. 3).

(11)

  Sors: PV BUR. 20.10.2014 (PE 538.295/BUR) u PV BUR. 20.10.2014 (PE 538.297/BUR) punt 12

(12)

 

(13)

  Sors: PV BUR. 20.10.2014 (PE 538.295/BUR) u PV BUR. 20.10.2014 (PE 538.297/BUR) punt 12

Avviż legali - Politika tal-privatezza