Proċedura : 2015/2203(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0137/2016

Testi mressqa :

A8-0137/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0149

RAPPORT     
PDF 832kWORD 224k
12.4.2016
PE 571.494v02-00 A8-0137/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2203(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Claudia Schmidt

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2203(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0379 – C8-0248/2015),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2015)0295),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014 (05219/2016 – C8-0036/2016, 05220/2016 – C8-0037/2016, 05223/2016 – C8-0038/2016, 05224/2016 – C8-0039/2016),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2015)0505) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2015)0194 u SWD(2015)0195),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(3) u emendat f'Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea")(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24 ta' Ġunju 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0137/2016),

1.   Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2203(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0379 – C8-0248/2015),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2015)0295),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni(14),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(15) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014 (05219/2016 – C8-0036/2016, 05220/2016 – C8-0037/2016, 05223/2016 – C8-0038/2016, 05224/2016 – C8-0039/2016),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2015)0505) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2015)0194 u SWD(2015)0195),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(16) u emendat f'Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010(17),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea")(18),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE(21),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24 ta' Ġunju 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(22),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE(23),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp(24),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp(25),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(26),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0137/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huma kif jidhru fit-Tabella 2 tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2203(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0137/2016),

A.  billi l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) suċċessivi, iffinanzjati mill-Istati Membri, jikkostitwixxu l-istrumenti ta' kooperazzjoni prinċipali biex titwassal l-għajnuna tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej;

B.  billi l-għan predominanti tal-Ftehim ta' Cotonou jiffoka fuq it-tnaqqis u eventwalment il-qerda tal-faqar sal-2020;

C.  billi s-sostenibbiltà u l-integrazzjoni ekonomika progressiva saru prinċipji fundamentali tal-politika tal-iżvilupp u strumenti fi ħdan is-sħubija ta' Cotonou;

D.  billi l-fatt li l-infiq fl-2014 sar taħt it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ, bl-eżekuzzjoni ta' pagamenti taħt it-8 FEŻ li nfetaħ fl-1995, ixekkel il-livell kumplessiv tat-trasparenza u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet;

E.  billi, f'Diċembru 2013, il-Kunsill adotta faċilità ta' tranżizzjoni biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fondi bejn Jannar 2014 u d-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ b'riżorsi tranżizzjonali li jammontaw għal EUR 1 616 miljun;

  billi l-finanzjament tal-FEŻ huwa ġestit kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), filwaqt li l-Kummissjoni biss għandha obbligu ta' rendikont għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza;

G.  billi l-Unjoni kisbet riżultati tajbin fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-indirizzar tal-sfidi globali u fl-għoti ta' appoġġ għall-iżvilupp f'ħafna partijiet tad-dinja;

H.  billi hemm bżonn definizzjoni mill-ġdid tal-mod kif l-atturi u l-istituzzjonijiet globali jaħdmu flimkien, billi jiġu definiti forom ġodda ta' momentum u modus operandi, b'mod partikolari sabiex jiġu pprovduti riżultati aħjar mill-impenji relatati mal-politiki esterni tal-UE;

I.  billi l-interventi esterni tal-Unjoni jiġu direzzjonati permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jew jimplimentaw il-fondi tal-UE jew jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-Unjoni, inklużi l-isfidi f'termini ta' superviżjoni u governanza;

J.  billi l-ambjent operattiv prevalenti fil-pajjiżi AKP jinkludi esponiment għar-riskji inerenti ta' livell għoli b'instabbiltà politika u kwistjonijiet ta' sigurtà u ambjent istituzzjonali u amministrattiv dgħajjef;

K.  billi l-livell u n-natura tal-impenn tal-Unjoni jridu jkunu differenzjati u kundizzjonali, skont il-progress li jkun jista' jitkejjel f'diversi oqsma bħad-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, l-istat tad-dritt, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

L.  billi djalogu politiku regolari u bir-reqqa huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda akbar min-naħa tas-sħab u l-aġġustament tal-objettivi politiċi;

M.  billi l-appoġġ baġitarju jippreżenta riskji importanti relatati mal-kapaċità tal-pajjiżi sħab biex jużaw il-fondi allokati b'mod xieraq b'impatt potenzjali fuq l-objettivi li dwarhom ikun intlaħaq qbil komuni, u jġorr miegħu ukoll, b'mod partikolari, għadd ta' sfidi relatati mat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u ġestjoni finanzjarja tajba;

N.  billi l-flussi finanzjarji illeċiti li jirriżultaw mill-korruzzjoni, evażjoni tat-taxxa u skemi ta' ħasil tal-flus ixekklu l-isforzi tal-pajjiżi sħab għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku u jdgħajfu l-opportunità tagħhom għat-tkabbir u t-taffija tal-faqar;

O.  billi l-espansjoni tal-viżibbiltà u l-kredibbiltà tal-Unjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni fl-interventi kollha tal-Unjoni huma ta' importanza fundamentali;

P.  billi l-ibbaġitjar tal-FEŻ, li jikkonsisti fl-inkorporazzjoni tiegħu fl-istruttura baġitarja tal-Unjoni, jibqa' prijorità għall-Parlament; billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit ġenerali tippermetti li l-Parlament ikollu sehem fit-twaqqif u l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-FEŻ, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-koerenza politika u l-iskrutinju demokratiku;

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

Implimentazzjoni finanzjarja u tal-proġetti fl-2014

1.  Jirrikonoxxi l-livell baxx tal-impenji fl-2014 b'EUR 621 miljun meta mqabbel mal-livell tas-snin preċedenti, li kien EUR 3 923 miljun fl-2013 u EUR 3 163 miljun għall-2012, u dan hu marbut mad-dħul fis-seħħ tardiv tal-11-il FEŻ u r-riżorsi tranżizzjonali limitati disponibbli taħt il-faċilità ta' tranżizzjoni, i.e. EUR 1 616 miljun; jinnota, barra minn hekk, il-livell għoli ħafna tal-pagamenti b'EUR 3 516 miljun meta mqabbel mal-EUR 2 963 miljun għall-2013 bis-saħħa tal-EUR 595 miljun mill-faċilità ta' tranżizzjoni allokati għall-iżborżi ta' appoġġ baġitarju u l-avvanzi għall-operazzjonijiet taħt il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Somalja;

2.  Jinsab imħasseb ferm li l-estimi tar-rata ta' żball tal-Qorti għan-nefqiet tal-FEŻ żdiedu għal dawn l-aħħar tliet snin konsekuttivi, mill-2012 sal-2014, minn 3,0 % għal 3,8 %; jissottolinja li din ir-rata ta' żball għadha ferm inqas mir-rati ta' żball tan-nefqiet tal-Unjoni ġestiti mill-Istati Membri;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-iżbalji kwantifikabbli qabel ma vvalidat u aċċettat in-nefqa, u dan kieku kien jirriżulta f'rata ta' żball aktar baxxa sa 2,3 punti perċentwali, u dan kieku kien iniżżilha taħt il-livell limitu ta' materjalità ta' 2 %; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji joriġinaw min-nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' akkwist; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-kontrolli ex ante għandhom jitjiebu;

4.  Jilqa' l-isforzi mwettqa minn EuropeAid biex inaqqas il-livell ogħli ta' impenji pendenti (li spiss issirilhom referenza bit-terminu Franċiż reste à liquider) minn EUR 12,5 biljun fil-31 ta' Diċembru 2013 għal EUR 9,7 biljun fil-31 ta' Diċembru 2014, liema sitwazzjoni tfisser tnaqqis ta' 23 %; jindika, madankollu, li hemm bżonn li jsiru aktar sforzi; jinnota wkoll l-isforzi ta' EuropeAid biex inaqqas il-prefinanzjament antik (46 % miksub, b'mira ta' 25 %) u l-impenji antiki li ma jkunux intefqu (51,24 % miksuba, b'mira ta' 25 %) kif ukoll l-għadd ta' kuntratti skaduti miftuħa (15,52 % miksuba, b'mira ta' 15 %) iżda bi progress inqas sodisfaċenti għall-kuntratti skaduti taħt il-FEŻ, fejn 25 % tal-kuntratti kollha tal-FEŻ huma kuntratti skaduti miftuħa b'valur totali aggregat ta' EUR 3,8 biljun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha li tqassar il-perjodu medju ta' implimentazzjoni tal-proġett;

Riskji relatati mar-regolarità

5.  Jieħu nota tad-diversità ta' modi ta' forniment li ntużaw għall-implimentazzjoni tal-FEŻ b'ġestjoni diretta ċentralizzata (li tirrappreżenta 38 % tal-pagamenti li saru fl-2014, li minnhom 22 % jikkonċernaw l-appoġġ baġitarjunċernat) b'ġestjoni indiretta li tirrappreżenta 62 % li jifdal (imqassma kif ġej: 32 % permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, 25 % permezz ta' pajjiżi terzi u 5 % mal-korpi nazzjonali tal-Istati Membri); jirrikonoxxi l-kopertura ġeografika estensiva (79 pajjiż), kif ukoll il-kumplessità tar-regoli ta' implimentazzjoni u l-proċeduri involuti, bħalma huma l-proċessi għas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta' kuntratti;

6.  Jinnota li f'żewġ oqsma ta' appoġġ baġitarju u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u b'mod partikolari l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lill-proġetti b'diversi donaturi tan-Nazzjonijiet Uniti, in-natura tal-istrumenti u l-kundizzjonijiet ta' pagament jillimitaw il-livell tas-suxxettibbiltà għal żbalji tat-tranżazzjonijiet;

Affidabbiltà tal-kontijiet

7.  Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti li l-kontijiet annwali finali tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena 2014 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ sa nhar il-31 ta' Diċembru 2014, u li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi ta' flushom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kif intemmet huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji tal-FEŻ u mar-regoli kontabilistiċi bbażati fuq l-istandards kontabilistiċi għas-settur pubbliku li huma aċċettati fuq livell internazzjonali;

8.  Jinsab profondament imħasseb, kif ġara fis-snin preċedenti, dwar il-fatt li fil-każ tal-pagamenti ta' prefinanzjament ogħla minn EUR 750 000, l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega għadhom ma jikkonformawx sistematikament mar-regola li titlob lill-Kummissjoni tirkupra l-imgħax fuq bażi annwali (EUR 2,5 miljun fl-2014 meta mqabbel ma' EUR 5,7 miljun fl-2013) u li l-ammont ta' dħul mill-imgħax iddivulgat fil-kontijiet huwa parzjalment ibbażat fuq stimi; jappella lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DĠ DEVCO) biex jissorvelja strettament lill-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega; jiddispjaċih ukoll dwar il-fatt li l-imgħax gwadanjat fuq prefinanzjament ta' bejn EUR 250 000 u EUR 750 000 għadu ma ġiex rikonoxxut bħala sors ta' dħul finanzjarju fir-rapporti finanzjarji;

9.  Jinnota li fl-2014 ġew irkuprati EUR 83,3 miljun li jirrappreżentaw 2,3 % tal-ammont totali ta' EUR 3,58 biljun imħallsa għall-FEŻ fl-2014; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li dawn l-irkupri għandhom x'jaqsmu wkoll mat-8, id-9 u l-10 FEŻ u li għaldaqstant din ir-rata ta' rkupru tvarja bil-kbir;

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.  Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti, skont liema d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2014 hu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

11.  Jesprimi tħassib dwar il-valutazzjoni tal-Qorti rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti, li huma materjalment milquta minn żbalji, u dwar il-fatt li ġie vvalutat li s-sistemi superviżorji u ta' kontroll fis-sede ċentrali ta' EuropeAid u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni kienu biss parzjalment effikaċi biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti; jinsab imħasseb dwar ir-riżultati tal-kampjuni li ttieħdu mit-tranżazzjonijiet ta' pagament li wrew li 54 minn 165 pagament (33 %) kienu milquta minn żball;

12.  Jiddispjaċih li, skont l-istima tal-Qorti fir-rapport annwali tagħha, ir-rata tal-iżball l-aktar probabbli għat-tranżazzjonijiet ta' nefqa mit-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ hi ta' 3,8 %, u dan jindika t-tieni żieda konsekuttiva meta mqabbla ma' dawk tal-2013 (3,4 %) u tal-2012 (3 %);

13.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist min-naħa tal-benefiċjarji u n-nuqqas ta' dokumenti ġustifikattivi għan-nefqa għadhom iż-żewġ kawżi prinċipali ta' żbalji li jirrappreżentaw 63 % tal-istima tar-rata ta' żball; jikkunsidra li huwa indispensabbli li tiġi ddedikata attenzjoni konsistenti għall-iżvilupp ta' għarfien intern fil-qasam finanzjarju u ta' kontroll, u jappella sabiex tintwera trasparenza assoluta fir-rigward tal-benefiċjarji u s-sottokuntratturi;

14.  Jiddispjaċih li, minn 133 tranżazzjoni ta' pagament ivverifikati mill-Qorti, 34 kienu milquta minn żbalji kwantifikabbli u li 19 % mill-34 kienu relatati ma' nefqa mhux imġarrba, u dan jista' jkun evidenza ta' attività frodulenti;

15.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-iżbalji kwantifikabbli qabel ma vvalidat u aċċettat in-nefqa, u li l-użu tal-informazzjoni disponibbli kien jirriżulta f'rata ta' żball aktar baxxa b' 2,3 punti perċentwali minn dak li nkiseb realment; jistenna li d-DĠ DEVCO jkun aktar rigoruż fit-tmexxija tas-sistema ta' kontroll kumplessiva tiegħu u fl-użu tiegħu tal-informazzjoni disponibbli;

16.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-istrateġija kontra l-frodi fl-2014 u jitlob li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq il-mekkaniżmi kontra l-frodi u titjib fit-trasparenza tal-finanzjament tal-FEŻ;

Superviżjoni tal-operazzjonijiet u tisħiħ tal-assigurazzjoni ġestjonali

17.  Jinnota li, mill-133 tranżazzjoni ta' pagament relatati ma' proġetti, 52 (jew 39 %) kienu milquta minn żball, u li minnhom 34 (65 %) kienu żbalji kwantifikabbli; jiddeplora l-fatt li 14 minn dawn l-34 tranżazzjoni kienu tranżazzjonijiet finali li għaddew mill-verifiki ex ante kollha; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-prestazzjoni insodisfaċenti u d-dgħufijiet rikorrenti tal-verifiki ex ante;

18.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni regolari għall-kwalità u l-adegwatezza tal-kontrolli ex ante li twettaq, speċjalment minħabba l-volatilità tal-ambjent politiku u operattiv;

19.  Jirrikonoxxi li hu stmat li r-rata tal-iżball residwu għall-2014 hi ta' 2,81 % (EUR 205,7 miljun); jieħu nota tal-fatt li l-Qorti qieset dan il-metodu ta' stima bħala metodoloġija xierqa li tipprovdi informazzjoni utli dwar l-oqsma fejn l-implimentazzjoni tal-kontroll għandha tkompli tissaħħaħ u li tagħti biżżejjed evidenza li r-rata tal-iżball residwu (RER) hi materjali;

20.  Itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li jkun utli li jiġu identifikati b'mod ċar liema bbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet jew liema setturi ta' intervent jippreżentaw l-aktar dgħufijiet u żbalji u l-ogħla livell ta' vulnerabbiltà; jitlob lid-DĠ DEVCO jwettaq l-analiżi meħtieġa sabiex ikun jista' jippreżentaha malajr kemm jista' jkun fir-rapport ta' attività annwali;

21.  Jikunsidra li hemm bżonn li l-ispejjeż għall-kontroll jinżammu f'livell raġonevoli u li l-informazzjoni relatata għall-kosteffikaċja tal-kontrolli tiġi rfinuta, informazzjoni bħal dik rigward l-iżbalji identifikati u kkoreġuti bħala riżultat ta' awditi esterni u l-verifiki tal-Kummissjoni stess, u l-inklużjoni tat-tipi kollha ta' spejjeż diretti jew indikaturi tal-kosteffikaċja tal-kontrolli b'mod li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' saffi ta' kontroll bla bżonn;

22.  Huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, il-bilanċ bejn il-kontroll u r-responsabbiltà għandu jitqies flimkien ma' dak bejn is-sorveljanza u l-attraenza tal-finanzjament tal-Unjoni;

23.  Jilqa' t-tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali biex jitkejlu r-riżultati fir-rigward tal-objettivi strateġiċi ta' żvilupp; jikkunsidra li hu tal-ogħla importanza li l-impatt ta' proġett tul iċ-ċiklu ta' ħajtu jew l-impatt tal-appoġġ baġitarju jiġu segwiti kontinwament u li jiġi żviluppat rappurtar adegwat tar-riżultati tal-proġetti;

24.  Jissottolinja l-importanza li tkompli titjieb il-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja ffinanzjati permezz tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' analiżi profonda, preċiża u globali tal-arranġamenti differenti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar ħalli tiġi evitata kwalunkwe ġestjoni ħażina, nuqqas ta' trasparenza u approprjazzjoni indebita ta' fondi tal-Unjoni;

25.  Jappella b'mod qawwi lill-Kummissjoni, bħalma għamel fis-snin preċedenti, li ssaħħaħ aktar l-obbligu tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni b'persunal mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jagħtu rendikont ta' għemilhom; jemmen li dan għandu jsir flimkien mat-tħejjija tar-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna, li jitfasslu u jiġu ffirmati mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

26.   Jirrimarka li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitfakkru b'mod ċar dwar dmirijiethom u dwar ir-responsabbiltajiet ta' sorveljanza tagħhom fl-assigurazzjoni ġestjonali relatata mal-portafoll ta' operazzjonijiet tad-delegazzjoni tagħhom (il-proċessi ġestjonali fundamentali, il-ġestjoni tal-kontrolli, fehim u valutazzjoni adegwati tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni); jisħaq fuq il-ħtieġa li jinstab bilanċ ċar bejn id-doveri politiċi u ta' ġestjoni;

27.  Jemmen li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jingħataw gwida ċara, fil-linji gwida ġenerali, dwar id-definizzjoni tar-riżervi, il-komponenti tagħhom, l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex tinħareġ riżerva (il-livell tar-riskji finanzjarji u reputazzjonali, id-dgħufijiet operattivi, il-limitazzjonijiet interni u esterni identifikati) u l-impatt relatat fuq il-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' pagament; ifakkar li riżerva għandha tidentifika b'mod ċar il-proċess li jbati minn dgħufijiet rikorrenti jew temporanji u l-funzjonament, l-adegwatezza u l-prestazzjoni tas-sett ta' standards għall-kontroll intern;

28.  Jistieden lil EuropeAid biex, fir-rapport ta' attività annwali tiegħu, jipprovdi deskrizzjoni ġenerali u analiżi sabiex jikseb aktar viżibbiltà rigward dak li jkunu kisbu d-delegazzjonijiet tal-Unjoni u sabiex jiżgura l-kwalità, il-konsistenza u l-omoġeneità fit-tweġibiet ifformulati mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet;

29.  Jemmen li hu importanti li jiġu identifikati tendenzi abbażi tal-informazzjoni ġestjonali u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni b'mod li jiġu aġġustati ċ-ċikli ta' programmazzjoni u tittejjeb il-prestazzjoni settorjali kumplessiva tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni;

30.  Jistieden lil EuropeAid u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega għall-Kummissjoni, bil-għan li jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tagħhom billi jipprovdu rapportar kwalitattiv, komprensiv u eżawrjenti, flimkien ma' informazzjoni preċiża inkluża fir-rapport ta' attività annwali;

Implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid tal-politika tal-iżvilupp u l-isfidi relatati

31.  Jilqa' l-aġenda għall-iżvilupp imġedda u estiża sal-2030, bl-adozzjoni ta' sbatax-il għan għall-iżvilupp sostenibbli b'169 mira assoċjata, li tikkostitwixxi pass reali u komprensiv 'il quddiem għall-politika tal-iżvilupp;

32.  Jappella biex ikun hemm livell ogħla ta' ambizzjoni fl-istrateġija, il-ġestjoni u l-obbligu ta' rendikont tal-fondi tal-FEŻ; jenfasizza li hemm opportunità biex tiġi ottimizzata r-reżiljenza tal-attivitajiet kollha tal-FEŻ billi jissaħħu l-kriterji ta' effiċjenza ekonomika u finanzjarja u billi jiġu identifikati kisbiet fl-effiċjenza u fl-effikaċja, li jiġu riflessi fil-prestazzjoni ġestjonali; jikkunsidra li t-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet hi stadju preliminari effiċjenti biex tiġi żgurata l-effikaċja aħħarija tal-finanzjament tal-Unjoni;

33.  Jissottolinja l-fatt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) hija rekwiżit stabbilit fit-Trattat; jinnota li dan jimplika li n-nefqa fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha għandha tkun konformi mal-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u li l-effetti negattivi jeħtieġ li jkunu evitati u mwaqqfa; jemmen li valutazzjoni tan-nefqa minn perspettiva ta' PCD għaldaqstant għandha ssir element regolari fit-tħejjija, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-awditjar tan-nefqa fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sajd;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u tipperfezzjona l-kollegament bejn l-istrateġija politika u l-koordinament fost id-donaturi għad-diversi strumenti ta' għajnuna li jeżistu, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ baġitarju, l-operazzjonijiet ta' taħlit u l-ġestjoni tal-proġetti; huwa tal-fehma li l-investimenti tas-settur privat u l-flussi ta' kapital privat huma muturi fundamentali lejn żvilupp sostenibbli, flimkien mat-tiswir tal-kapaċità istituzzjonali u sistemi ta' gvernanza sodi sabiex tiżdied it-trasparenza, titnaqqas il-korruzzjoni u titrażżan l-evażjoni tat-taxxa;

35.  Jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr il-paċi u l-paċi mhijiex possibbli mingħajr l-iżvilupp; f'dan ir-rigward, jirrimarka li d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija għandhom jingħataw prijorità fil-qafas tall-politika tal-iżvilupp u li l-attivitajiet relatati mat-twettiq tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 (SDG 16) dwar il-paċi u l-ġustizzja għandhom isiru wieħed mis-setturi fokali tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) fi ħdan il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza, barra minn hekk, li r-rappurtar annwali dwar ir-riżultati fl-ilħuq tal-miri SDG 16 għandu jintalab minn sħab l-Unjoni abbażi ta' indikaturi affidabbli u li ntlaħaq ftehim dwarhom b'mod reċiproku;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib u l-kummenti tal-Parlament dwar l-abbozz tal-PIN u tirrifletti l-konklużjonijiet tal-Parlament fil-PIN finali; jitlob l-introduzzjoni ta' setgħat ta' skrutinju formali fir-rigward tal-FEŻ, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali ta' natura vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-Trattat;

Sorveljanza tal-fondi fiduċjarji u l-faċilitajiet ta' taħlit tal-Unjoni

37.  Jilqa' l-intenzjoni li l-fondi jiġu żburżati aktar malajr u b'mod aktar flessibbli f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u li jinġabru flimkien diversi sorsi ta' finanzjament biex jiġu indirizzati l-ħafna dimensjonijiet ta' kwalunkwe kriżi; jilqa' l-ħolqien ta' fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika u l-allokazzjoni ta' finanzjament tagħha (li tammonta għal EUR 1,8 biljun) bil-għan li jkun hemm reazzjoni komprensiva għall-kriżi tar-rifuġjati u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika;

38.  Jilqa' l-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju tal-UE Bêkou u l-kontribut tiegħu għar-rispons internazzjonali għall-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-Istati Membri jsiru aktar involuti sabiex jiżguraw li dan il-fond isir operattiv b'mod sħiħ;

39.  Jilqa' l-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju tal-UE Madad sabiex jiġu ttrattati l-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja u tal-fond fiduċjarju ta' emerġenza għall-Afrika; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-impenn finanzjarju tagħhom fil-fondi fiduċjarji kollha tal-UE;

40.  Jisħaq li l-Kummissjoni ma għandhiex tiddevja approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi, u jemmen li kwalunkwe trasferiment ta' approprjazzjonijiet permezz tal-fond fiduċjarju m'għandux isir askapitu tal-FEŻ u tal-politiki fuq terminu twil tal-Unjoni;

41.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud li jinġabru flimkien għadd kbir ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell tal-Unjoni flimkien ma' kontribuzzjonijiet sostanzjali mill-istrumenti ta' finanzjament estern u l-FEŻ; iħeġġeġ, madankollu, lill-Istati Membri jilħqu b'mod effikaċi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni aktar milli jipprovdu l-minimu meħtieġ biex jiksbu drittijiet tal-vot;

42.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji huma parti minn reazzjoni ad hoc li turi li l-FEŻ, il-baġit tal-Unjoni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa għal approċċ komprensiv u rapidu għal kriżijiet maġġuri; jiddeplora l-fatt li dawn iwasslu biex tiġi evitata l-awtorità baġitarja u tiġi mminata l-unità tal-baġit;

43.  Jirrikonoxxi l-kollegament strett bejn il-politiki tal-iżvilupp u tal-migrazzjoni, li hu tal-ogħla importanza fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-AKP; jikkunsidra li hemm bżonn, f'dak il-kuntest, li l-Unjoni tagħmel riflessjoni ulterjuri rigward il-koerenza, il-kwalità mqabbla mal-ispejjeż li jsiru u l-aħjar artikolazzjoni tat-tali attivitajiet relatati ma' fondi fiduċjarji fil-konfront tal-politiki u l-istrumenti bilaterali l-oħra li jeżistu fil-qasam tal-iżvilupp;

44.  Jemmen ukoll li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-effikaċja u l-governanza politika tal-fondi fiduċjarji u partikolarment il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, kif ukoll għan-nuqqas ta' garanziji u sorveljanza fuq l-użu finali tal-fondi allokati;

45.  Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmi ta' kontroll suffiċjenti li jiżguraw l-iskrutinju politiku tal-implimentazzjoni baġitarja fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex iżżid l-involviment tal-awtorità baġitarja u tal-awtorità għall-kontroll baġitarju u biex tallinja aħjar il-fondi fiduċjarji u mekkaniżmi oħra man-norma baġitarja, b'mod partikolari billi dawn isiru jidhru fil-baġit tal-Unjoni;

46.  Itenni l-appell tiegħu biex isir rapportar regolari lill-Parlament dwar l-użu tal-faċilitajiet ta' taħlit u r-riżultati, b'mod li l-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħa ta' skrutinju tiegħu, speċifikament rigward il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet ġestjonali u l-valur miżjud;

47.  Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe strument finanzjarju u strument finanzjarju mħallat ġdid għandu jibqa' konformi mal-objettivi predominanti tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni u jiffoka fuq l-oqsma fejn il-valur miżjud u l-impatt strateġiku jkunu l-akbar;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura qafas robust, trasparenti u marbut bl-obbligu ta' rendikont, li jiżgura l-allinjament mal-prinċipji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp u l-għanijiet ta' żvilupp f'kull programm ta' taħlit, u biex tiżgura, barra minn hekk, l-iżvilupp tiegħu kif jirrakkomanda r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 16/2014 intitolat "L-effettività tal-kombinament ta' għotjiet tal-faċilitajiet ta' investiment reġjonali ma' selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ ta' politiki esterni tal-UE";

49.  Jikkunsidra li l-parti l-kbira tal-finanzjament s'issa ġiet mill-baġit tal-Unjoni u l-FEŻ, u li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-fondi fiduċjarji sal-lum kienu relattivament baxxi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbilanċjaw il-baġit tal-Unjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ lejn il-fondi fiduċjarji;

Prestazzjoni tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP ġestita mill-BEI

50.  Ifakkar li l-ammont ta' fondi allokati għall-faċilità ta' investiment mid-disa' u mill-għaxar FEŻ kien ta' EUR 3 185,5 għall-AKP u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej b'riforniment ta' EUR 500 miljun taħt il-11-il FEŻ permezz tal-Pakkett ta' Finanzjament b'Impatt li se jippermettilu jieħu aktar riskji għal saħansitra aktar żvilupp, permezz ta' "investiment b'impatt";

51.  Jilqa' l-ewwel rapport tal-BEI fl-2014 dwar ir-riżultati tal-operazzjonijiet esterni tiegħu u l-użu tal-Qafas ta' Valutazzjoni fuq 3 Pilastri u l-Qafas għat-Tikjil tar-Riżultati mill-BEI għall-valutazzjoni ex ante tar-riżultati mistennija mill-proġetti ta' investiment; jemmen, madankollu, li l-analiżijiet ex ante u ex post għandhom jitjiebu aktar sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-indikaturi ekonomiċi, iżda wkoll il-kriterji ta' protezzjoni ambjentali u żvilupp sostanzjali;

52.  Jistieden lill-BEI jagħti prijorità deċiżiva lill-effett fit-tul tal-investimenti u l-kontribut tagħhom lejn is-sostenibbiltà;

53.  Jinkoraġġixxi lill-BEI jagħti appoġġ ulterjuri lill-iżvilupp tas-settur privat lokali bħala mutur fundamentali tas-sostenibbiltà u appoġġ lill-infrastruttura soċjali u ekonomika bażika ta' interess immedjat għall-benefiċjarji kif ukoll lit-tfittxija għal sħab lokali u reġjonali ġodda fil-qasam speċifiku tal-mikrofinanzjament; jistieden lill-BEI jżid l-addizzjonalità permezz ta' ġustifikazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi;

54.  Jilqa' r-Rapport Speċjali Nru 14/2015, intitolat "Il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP; tipprovdi valur miżjud?" bħala eżempju pożittiv ta' segwitu mill-Qorti għall-proċedura ta' kwittanza tal-2012 u 2013, li matulha l-Parlament talab rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki ta' żvilupp tal-Unjoni u l-objettivi tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI, qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI u dak tal-faċilità ta' investiment;

55.  Jikkunsidra li l-awditu dwar il-Faċilità ta' Investiment għall-AKP bħala eżempju ta' prassi tajba fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskrutinju kollaborattiv bejn il-Parlament u l-Qorti; jemmen li dan ir-rapport ta' awditjar huwa stadju importanti f'dan il-proċess, peress li huwa l-ewwel awditu li wettqet il-Qorti f'dan il-qasam speċifiku; jiddeplora l-fatt li l-faċilità ta' investiment ma taqax fl-ambitu tal-awditu tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni annwali tal-Qorti;

56.  Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-awditu rigward il-koerenza tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP mal-objettivi tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni u l-effett katalitiku tagħha; jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-BEI u l-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-għażla tal-proġetti; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-valur miżjud ipprovdut mill-Faċilità ta' Investiment għall-AKP ma setax jiġi identifikat b'mod aktar preċiż; jistieden, għalhekk, lill-Qorti biex, fir-rapporti speċjali fil-ġejjieni, tagħti eżempji aktar konkreti u tispeċifika wħud mill-proġetti sabiex tispjega aħjar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

57.  Jappella biex issir divulgazzjoni sistematika tal-ftehimiet dwar is-self ta' fondi mislufa tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP u biex jingħata aċċess għad-deċiżjonijiet tal-bord u għad-dokumenti direzzjonali;

58.  Jemmen li hu kruċjali li l-BEI kontinwament jinvesti ħin fil-politika dwar id-diliġenza dovuta flimkien ma' għodda għall-valutazzjoni tar-riżultati sabiex jikseb għarfien aħjar dwar il-profil tal-intermedjarji finanzjari u l-benefiċjarji u anke sabiex jevalwa aħjar l-impatt tal-proġetti fuq il-benefiċjarji finali;

59.  Jemmen li m'għandux ikun hemm flus mill-kontribwenti tal-Unjoni li ma jkunux soġġetti għall-kwittanza tal-Parlament; għaldaqstant, itenni u jemmen bis-sħiħ li l-Faċilità ta' Investiment għall-AKP ġestita mill-BEI f'isem l-Unjoni għandha tkun soġġetta għall-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament, peress li l-faċilità ta' investiment hi ffinanzjata bi flus il-kontribwenti tal-Unjoni;

60.  Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti rigward il-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri kien imġedded fl-2015; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li hi dik li taġġorna l-qasam ta' responsabbiltà tal-Qorti f'dan ir-rigward billi jiġi inkluż kwalunkwe strument finanzjarju ġdid tal-BEI li jinvolvi fondi pubbliċi mill-Unjoni jew mill-FEŻ;

61.  Jinkoraġġixxi lill-Bank jiżviluppa u jadotta l-approċċ komprensiv meħtieġ b'rispons għall-isfidi serji ġġenerati mill-fluss ta' migranti lejn l-Ewropa, inklużi operazzjonijiet imsaħħa fil-pajjiżi ta' oriġini ta' tali flussi, kif ukoll fil-pajjiżi li jikkondividu fruntieri direttament mal-pajjiżi ta' oriġini;

Ġestjoni tal-appoġġ baġitarju

62.  Jinnota li l-pagamenti totali għall-appoġġ baġitarju fl-2014 jirrappreżentaw EUR 794 miljun; josserva wkoll li, mit-32 tranżazzjoni dwar attivitajiet ta' appoġġ baġitarju eżaminati mill-Qorti, tnejn biss kienu milquta minn żbalji kwantifikabbli ta' impatt żgħir;

63.  Ifakkar li l-appoġġ baġitarju, bħala modalità ta' kooperazzjoni bilaterali, jippreżenta riskji fiduċjarji rikorrenti relatati mal-effikaċja tas-sħab u riskju ta' korruzzjoni u frodi; jitlob monitoraġġ mill-qrib u djalogu politiku bir-reqqa bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab fir-rigward tal-objettivi, il-progress li jsir biex jinkisbu r-riżultati miftiehma, l-indikaturi tal-prestazzjoni, kif ukoll analiżi tar-riskji sistemiċi u strateġija għall-mitigazzjoni tar-riskji;

64.  Jemmen li l-attenzjoni għandha tiġi ffokata fuq il-progress fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-trasparenza baġitarja u l-makrokundizzjonalità fil-pajjiżi sħab, sabiex jiġu ottimizzati l-iżvilupp tal-kapaċità u l-monitoraġġ tar-riżultati miksuba;

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

65.  Jinnota li l-pagamenti mill-FEŻ fl-2014 għall-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali kien jammonta għal EUR 908,6 miljun;

66.  Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u tan-NU biex jirrispettaw u jimplimentaw kompletament il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv u l-linji gwida relatati, tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib u tressaq proposti rilevanti f'dak ir-rigward;

67.  Jinkoraġġixxi lin-NU u l-istituzzjonijiet rilevanti tagħha biex ikomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Unjoni permezz tal-iżvilupp kontinwu ta' sistemi eżawrjenti ta' monitoraġġ u rapportar; jisħaq li bosta tipi ta' obbligi ta' rappurtar u ta' kundizzjonijiet ta' pagament minn bosta donaturi internazzjonali jiskattaw effett negattiv fuq l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna; jiddispjaċih li r-rapporti li jsiru lill-Kummissjoni mill-organizzazzjonijiet sħabha fdati bl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta ħafna drabi ma jkunux kompluti jew ma jkunux orjentati biżżejjed lejn ir-riżultati;

68.  Ifakkar li l-kooperazzjoni strutturata bejn l-Unjoni u n-NU hi l-uniku mezz effiċjenti għall-prevenzjoni tal-użu ineffikaċi tal-fondi u d-duplikazzjoni tal-attivitajiet; jirrikonixxi l-fatt li, jekk l-għajnuna tal-Unjoni tingħata permezz tan-NU, l-Unjoni tkun tista' tilħaq dawk ir-reġjuni tad-dinja li forsi ma tkunx tista' tilħaq waħedha;

69.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jinkisbu l-ogħla livelli ta' trasparenza u tal-obbligu istituzzjonali ta' rendikont fil-livelli kollha billi jiġi żgurat l-aċċess għal informazzjoni baġitarja eżawrjenti u tajba li tippermetti l-iskrutinju min-naħa tal-Parlament; jappella biex tissaħħaħ il-politika dwar id-divulgazzjoni fir-rigward tal-intenzjonjiet, il-benefiċjarji u l-finanzjament, bl-għan li jkun hemm amministrazzjoni aħjar ta' flus l-Unjoni;

70.  Jikkunsidra li hu fundamentali li tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-Unjoni, anke fir-rigward tas-sjieda, speċjalment fl-inizjattivi kofinanzjati u b'diversi donaturi, u li tingħata rapidament informazzjoni regolari dwar l-akkomunament ta' fondi biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-fondi tal-Unjoni;

71.  Jemmen li l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati, fid-dawl tal-attenzjoni ffokata fuq il-prestazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għandu jittejjeb permezz tal-introduzzjoni ta' qafas għall-obbligu ta' rendikont dwar ir-riżultati u għat-tikjil tagħhom li jippermetti l-valutazzjoni tas-solidità tal-proġetti f'termini tas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-proġetti f'termini ta' effikaċja u effiċjenza;

72.  Iħeġġeġ bil-qawwa t-tfassil ta' objettivi SMART fil-fażi tal-ippjanar ta' kwalunkwe operazzjoni ffinanzjata mill-UE; jisħaq li hu biss b'dan il-mod li l-evalwazzjonijiet ex post tal-eżiti u tal-impatti miksuba jkunu jistgħu jipprovdu rapport ċar u affidabbli lill-Parlament;

Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

73.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-affidabbiltà insuffiċjenti tas-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (ROM) ta' EuropeAid, minħabba l-livell inadegwat ta' superviżjoni u ta' monitoraġġ tal-evalwazzjoni tal-programmi, u anke dwar il-fatt li EuropeAid ma jistax jiżgura li r-riżorsi umani u finanzjarji jkunu xierqa u jkunu qed jiġu allokati b'mod effiċjenti lid-diversi attivitajiet ta' evalwazzjoni;

74.  Jilqa' r-Rapport Speċjali Nru 18/2014 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat "Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati, tal-EuropeAid"; jistieden lid-DĠ DEVCO biex b'mod urġenti jindirizza d-diversi nuqqasijiet fis-sistemi tiegħu ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ indikati fir-Rapport Speċjali, speċjalment dawk relatati ma' nuqqasijiet serji fis-sistema ta' evalwazzjoni tad-DĠ DEVCO; jenfasizza l-fatt li sistema ta' evalwazzjoni li tiffunzjona ħażin iżżid ir-riskji li jintgħażlu proġetti b'nuqqas ta' kwalità jew li ma jilħqux l-objettivi tagħhom; jinnota u jinsab imħasseb dwar opinjonijiet diverġenti bejn il-Kummissjoni u l-Qorti rigward informazzjoni affidabbli dwar l-effikaċja tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju; jemmen li hemm rabta bejn nuqqas ta' persunal fid-delegazzjonijiet tal-UE u fl-unità tal-evalwazzjoni tad-DĠ DEVCO u l-problemi enfasizzati mill-Qorti; iqis li dan huwa eżempju tal-konsegwenzi detrimentali li t-tnaqqis tal-impjegati jista' jkollu għall-funzjonament effikaċi tal-programmi tal-Unjoni;

75.  Jindika li hu indispensabbli li l-Parlament, bħala l-awtorità għall-kontroll baġitarju, jingħata stampa ċara tal-livell reali sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni;

76.  Ifakkar li għandu jiġi pprovdut feedback estern, oġġettiv u imparzjali dwar ir-rendiment tal-proġetti u l-programmi ta' għajnuna tal-Kummissjoni bħala parti mill-impenn tal-Kummission favur assigurazzjoni tal-kwalità; jikkunsidra li l-eżiti tal-evalwazzjonijiet huma elementi fundamentali tal-proċess politiku u dak ta' rieżami politiku sabiex jiġu aġġustati l-objettivi politiċi strateġiċi u tissaħħaħ il-koerenza kumplessiva mal-politiki l-oħra tal-Unjoni;

77.  Jemmen li l-investiment fl-analiżi u fl-aggregazzjoni tar-riżultati mhux biss jipprovdi stampa kumplessiva tat-tendenzi iżda jippermetti li jinsiltu tagħlimiet li jsaħħu l-effikaċja tal-proċessi ta' evalwazzjoni filwaqt li jiġġeneraw ukoll evidenza aħjar għat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tfassil tal-politiki;

78.  Jikkunsidra li l-kondiviżjoni tal-għarfien permezz tal-mezzi kollha hi kruċjali mhux biss għall-iżvilupp ta' kultura ta' evalwazzjoni iżda wkoll prinċipalment għall-iżvilupp ta' kultura ta' prestazzjoni effikaċi;

79.  Jikkunsidra li t-trasparenza hi meħtieġa b'mod urġenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, bl-użu ta' mezzi elettroniċi, tipprovdi ta' kull sena lill-Parlament lista f'format Excel irranġata skont (a) riċevituri, (b) pajjiżi, (c) organizzazzjonijiet riċevituri, (d) għotjiet anqas minn EUR 1 miljun, (e) għotjiet minn EUR 1 miljun sa EUR 3 miljun, (f) għotjiet minn EUR 3 miljun sa EUR 5 miljuni, (g) għotjiet minn EUR 5 miljun sa EUR 10 miljun, u (h) għotjiet akbar minn EUR 10 miljun;

Appoġġ tal-UE lill-pajjiżi li jipproduċu l-injam taħt il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT

80.  Jikkunsidra li l-inizjattiva FLEGT hi essenzjali biex tittejjeb il-governanza tal-foresti, biex il-foresti jiġu ppreżervati u biex jiġi żgurat l-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari billi jintużaw il-mezzi kollha possibbli, inter alia, il-ftehimiet ta' sħubija volontarji jew id-diliġenza finanzjarja dovuta, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni globali tal-qtugħ illegali ta' siġar u tiġi żgurata l-esportazzjoni tal-injam lejn l-UE;

81.  Jiddeplora, madankollu, in-nuqqasijiet kumulattivi li ġew identifikati fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u l-proġetti tiegħu, li issa jirrikjedu evalwazzjoni bir-reqqa; jemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien, wara li matul l-2003-2013 ġew allokati EUR 300 miljun għal appoġġ relatat mal-FLEGT, biex issir analiżi serja tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-proċess FLEGT biex jitnaqqas il-qtugħ illegali tas-siġar;

82.  Jiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni FLEGT, l-adozzjoni tardiva tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(27) (ir-Regolament tal-Unjoni dwar l-Injam) u d-dewmien tal-Kummissjoni biex tislet tagħlimiet mill-finanzjament kumplessiv għall-FLEGT;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tistruttura mill-ġdid il-finanzjament tal-Unjoni billi titbiegħed minn baġits multipli u tikkunsidra l-użu ta' baġit wieħed, iddefinit b'mod ċar;

84.  Ifakkar li t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-injam permezz ta' sistema ta' liċenzjar operattiva, stabbilita legalment bejn l-Unjoni u l-pajjiżi li jesportaw l-injam, għandha tiġi kkunsidrata bħala objettiv ewlieni rikorrenti, b'mod partikolari fid-dawl tal-korruzzjoni mifruxa, infurzar dgħajjef tal-liġi u valutazzjoni insuffiċjenti tar-riskji u tar-restrizzjonijiet fil-proġetti;

Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli fl-Afrika tal-Lvant mill-Faċilità AKP-UE għall-Enerġija

85.  Jilqa' l-fatt li sar obbligatorju li, sa mit-tieni sejħa għal proposti, titwettaq analiżi preliminari tal-fattibbiltà taħt il-Faċilità għall-Enerġija; jenfasizza li l-istudju preliminari għandu jiġi bbażat fuq xenarji preċiżi u realistiċi u stimi dwar kif il-komunitajiet lokali jistgħu jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-proġett sabiex jittejbu s-sjieda lokali u l-promozzjoni tal-proġett;

86.  Jissottolinja b'mod qawwi l-fatt li l-kollegament bejn il-fattibbiltà tal-proġett u s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tiegħu għandu jiġi stabbilit b'mod aħjar sabiex jiġu żgurati mhux biss l-effiċjenza, il-koerenza u l-viżibbiltà tal-proġetti ta' investiment taħt il-Faċilità għall-Enerġija, iżda anke l-effikaċja u r-riżultati fuq livell aktar estensiv fir-reġjuni kkonċernati;

87.  Jikkunsidra li l-monitoraġġ tal-proġetti, speċjalment dawk li jinsabu f'diffikultà evidenti, u r-riskji assoċjati għandhom isiru b'mod regolari u għandhom jiġu akkumpanjati b'miżuri rapidi li jimmitigaw tali riskji;

88.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-partijiet interessati fuq livell lokali, bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew il-komunitajiet lokali, jiġu involuti matul il-ħajja sħiħa tal-proġetti li jkunu qed jingħataw appoġġ mill-Faċilità għall-Enerġija, mill-fażi tat-tnedija sa dik ta' wara t-tlestija, waqt li jiġi kkunsidrat b'attenzjoni r-rekwiżit biex jitkompla jingħata appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet lokali, u l-ħtieġa li tittejjeb ulterjorment is-sjieda lokali b'mod li l-proġett ikun vijabbli u sostenibbli wara li jiskadi l-perjodu ta' finanzjament;

Appoġġ mill-Unjoni f'Haiti

89.  Ifakkar li l-miżuri għall-"bini tal-istat" huma fil-qalba tal-istrateġija tal-Unjoni dwar l-iżvilupp; huwa tal-fehma li, fi kwalunkwe kriżi ta' dan it-tip, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għas-solidità u l-effikaċja operattiva tal-qafas ta' governanza nazzjonali għall-ġestjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri bħala prerekwiżit għas-suċċess tal-intervent tal-Unjoni;

90.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinformaw lill-Parlament dwar l-iżviluppi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni u l-ksib tal-objettivi tal-programmi f'kuntest suċċessiv għal diżastru;

Appoġġ mill-Unjoni għall-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt

91.  Ifakkar li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija jikkostitwixxi element ta' bażi għas-sħubija bejn l-AKP u l-Unjoni; jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Kummissjoni jtejbu l-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni li japprofondixxu l-effikaċja u r-riżultati u li jħallu impatt fuq il-kultura fil-qasam tal-politiki dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

92.  Jemmen li għandu jkun hemm aktar programmazzjoni u monitoraġġ konġunti bejn is-SEAE u l-Kummissjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem sabiex dawn isiru aktar konformi mal-istrateġiji politiċi u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell lokali;

93.  Jindika f'dan ir-rigward li s-sistemi maħsuba biex ikejlu l-impatt huma pjuttost dgħajfa, u dan hu parzjalment dovut għal oqsfa loġiċi mhux ċari għal proġetti li ma jkollhomx parametri ta' riferiment u objettivi definiti sew; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-rekwiżiti tal-qafas loġiċi għall-proġetti sabiex jiżdiedu r-riżultati u l-valur miżjud tagħhom;

Tiswir ta' sħubija UE-AKP ġdida

94.  Jikkunsidra li l-adozzjoni ta' qafas globali ġdid rigward l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli għandha impatt fuq il-funzjonament kumplessiv tal-FEŻ minħabba li qed jiġu ddefiniti prijoritajiet aktar ċari, u għandha wkoll twassal biex tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri għall-arranġamenti dettaljati ta' finanzjament attwali fid-dawl ta' dan l-aspett extrabaġitarju; huwa tal-fehma li l-FEŻ xorta għadu jista' jikseb impatt akbar abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni koerenti u ta' aktar koerenza ġeografika fi ħdan il-gruppi ta' pajjiżi li qed jaffaċċjaw sfidi simili;

95.  Itenni b'mod qawwi l-appell tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jipproċedu bl-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni bl-iskop li jsaħħu l-iskrutinju demokratiku; jitlob li l-Kummissjoni, speċifikament it-Task Force ta' wara Cotonou, tinforma lill-Parlament dwar il-qagħda attwali tad-diskussjonijiet relatati mas-sostituzzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou wara l-2020 u l-alternattivi possibbli;

Relazzjoni bejn il-FEŻ u l-kriżi tal-migrazzjoni ta' 2014-2016

96.  Jirrikonoxxi li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża biex jitnaqqas il-faqar fl-ifqar pajjiżi tad-dinja u li l-FEŻ s'issa kisbu progress notevoli fil-pajjiżi AKP u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej;

97.  Jinsab serjament imħasseb dwar il-fluss attwali ta' rifuġjati, b'mod partikolari minħabba l-fatt li, għalkemm is-sehem ta' rifuġjati minn gwerer u ta' persuni li qed ifittxu asil hu għoli, is-sehem ta' migranti ekonomiċi qed jikber b'mod kostanti;

98.  Huwa tal-fehma li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tiġi żborżata b'mod ferm aktar effiċjenti u li hemm bżonn li tissodisfa l-kriterji ta' "valur miżjud"; jisħaq fuq il-fatt li dan hu l-uniku mod biex in-nies jiġu pprovduti b'kundizzjonijiet ta' għajxien xierqa u biex tiġi evitata żieda fil-flussi ta' migranti ekonomiċi;

99.  Jisħaq fuq il-fatt li attwalment EUR 9 673 miljun mill-FEŻ attwali u minn dawk kollha ta' qabel għadhom imblukkati f'diversi stadji ta' impenn bħal impenji pendenti (jew RAL, mill-Franċiż reste à liquider), żejjed għal kuntrattar (jew RAC, mill-Franċiż, reste à contracter) u pagamenti pendenti (jew RAP, mill-Franċiż reste à payer); iqis li t-tabella li ġejja tagħti stampa tassew tajba tas-sitwazzjoni:

FEŻ

Somma RAL

Somma RAC

Somma RAP

8

36 291 173

15 067 281

21 223 892

9

754 545 794

298 932 156

455 613 639

10

8 195 173 994

3 072 710 058

5 122 463 936

11

565 263 991

429 067 226

136 196 765

Kofinanzjament

121 744 226

14 408 394

107 335 833

Total

9 673 019 179

3 830 185 114

5 842 834 065

100.  Iqis li hu preokkupanti li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi AKP u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, taħt ir-responsabbiltà tas-SEAE, għandhom l-inkarigu li jissorveljaw 917-il proġett, li minnhom 428 għaddejjin minn dewmien jew għandhom objettivi li huma fil-perikolu li ma jinkisbux; iqis li hi xi ħaġa preokkupanti ħafna li l-valur tal-proġetti affettwati jammonta għal EUR 9 188 miljun;

101.  Jappella biex jintuża l-approċċ li jqis it-tagħlimiet fir-rigward tas-sejbiet mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament u jissottolinja l-fatt li hemm bżonn approċċ aktar immirat lejn l-użu tal-fondi mill-FEŻ; jipproponi, għalhekk, l-idea ta' strateġija ta' żborż aktar flessibbli bi qbil mal-ħtiġijiet tal-Unjoni sabiex tiġi ddominata l-kriżi tal-migrazzjoni;

102.  Huwa tal-opinjoni li kwart mill-fondi tal-11-il FEŻ għandhom jiġu allokati għall-prevenzjoni ta' kriżijiet ta' migrazzjoni u għall-ġestjoni tal-flussi migratorji li diġà jeżistu;

Segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament

103.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali tagħha li jmiss, tinkludi rieżami tas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament.

22.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2203(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Doru-Claudian Frunzulică

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li n-nefqiet tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp spiss iseħħu f'ambjenti ferm diffiċli li jżidu d-diffikultajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proġetti, l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli fuq in-nefqa; l-għajnuna għall-iżvilupp hija għaldaqstant aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn oqsma oħra ta' politika tal-Unjoni;

2.  Jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta' żball għan-nefqiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) żdiedet minn 3,4 għal 3,8 % bejn l-2013 u l-2014; jissottolinja li din ir-rata ta' żball għadha ferm inqas mir-rati ta' żball tan-nefqiet tal-Unjoni ġestiti mill-Istati Membri;

3.  Jirrimarka li l-maġġor parti ta' dawn l-iżbalji tirriżulta minn nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' akkwist u li, skont il-Qorti tal-Awdituri, kontrolli ex ante aħjar tal-proġetti mill-Kummissjoni jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti r-rata tal-iżbalji; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex ittejjeb il-kontrolli ex ante;

4.  Jisħaq li r-Rapporti dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna mid-delegazzjonijiet tal-UE jikkostitwixxu ritratti tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta' għajnuna esterna tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiesu bħala evalwazzjonijiet finali ta' proġetti; iwissi għaldaqstant kontra konklużjonijiet prematuri u preġudikati dwar l-effikaċja ġenerali tal-politika ta' għajnuna tal-Unjoni;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Speċjali Nru 18/2014 tal-Qorti tal-Awdituri dwar Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati, tal-EuropeAid; jistieden lid-DĠ DEVCO biex b'mod urġenti jindirizza d-diversi nuqqasijiet fis-sistemi tiegħu ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ indikati fir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, speċjalment dawk relatati ma' nuqqasijiet serji fis-sistema ta' evalwazzjoni tad-DĠ DEVCO; jenfasizza li sistema ta' evalwazzjoni li tiffunzjona ħażin iżżid ir-riskji li jintgħażlu proġetti b'nuqqas ta' kwalità jew li ma jilħqux l-objettivi tagħhom; jirrimarka u jinsab imħasseb dwar opinjonijiet diverġenti bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri f'dak li jirrigwarda informazzjoni affidabbli dwar l-effikaċja tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju; jemmen li hemm rabta bejn nuqqas ta' persunal fid-delegazzjonijiet tal-UE u fl-unità tal-evalwazzjoni tad-DĠ DEVCO u l-problemi enfasizzati mill-Qorti tal-Awdituri; iqis li dan huwa eżempju tal-konsegwenzi detrimentali li t-tnaqqis tal-impjegati jista' jkollu għall-funzjonament effikaċi tal-programmi tal-Unjoni;

6.  Jilqa' r-Rapport Speċjali Nru 14/2015 dwar il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP; jinsab sodisfatt li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li l-Faċilità ta' Investiment għandha valur miżjud ċar;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-fond fiduċjarju tal-UE Bêkou u l-kontribut tiegħu għar-rispons internazzjonali għall-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-Istati Membri jsiru aktar involuti sabiex jagħmlu dan il-fond operattiv b'mod sħiħ;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-fond fiduċjarju tal-UE Madad biex jiġu ttrattati l-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja u tal-fond fiduċjarju ta' emerġenza għall-Afrika; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-impenn finanzjarju tagħhom fil-fondi fiduċjarji kollha tal-UE;

9.  Jirrikonoxxi l-aspettattivi għoljin fir-rigward tal-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni li għandha tgħin issolvi l-kriżi tar-refuġjati; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-kriżijiet tal-migrazzjoni: l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tal-liġi, il-korruzzjoni, il-faqar u l-ġuħ aktar milli sempliċiment fuq l-iddevjar ta' fondi sostanzjali mill-FEŻ u mill-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni u għal attivitajiet militari li għandhom valur mhux ċar jew dubjuż għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-azzjoni klimatika; jagħraf bis-sħiħ in-natura kumplessa ta' bosta sfidi u l-ħtieġa għal azzjonijiet ta' rispons multidimensjonali u komplementari, u għaldaqstant il-ħtieġa li jiġu ċċarati l-arranġamenti eżistenti ta' finanzjament, jiġu identifikati sorsi komplementari oħra ta' finanzjament u jiġu rispettati l-impenji internazzjonali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali interni eżistenti, sabiex jiġu sodisfatti dawn l-isfidi globali ġodda; jitlob, għalhekk, li jiġu stabbiliti fondi biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima li s-sorsi tagħhom ikunu jinkludu taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u taxxi fuq il-karbonju fuq vjaġġi internazzjonali bl-ajru u bil-baħar;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ħafna mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni hija provduta bħala appoġġ baġitarju; jitlob biex, meta l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-appoġġ baġitarju jiġi pprovdut bħala strument li jippermetti lil kull pajjiż jiddeċiedi l-prijoritajiet tiegħu stess u jkun kompletament responsabbli għall-iżvilupp proprju tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon l-evidenza fir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri li b'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet għall-għażla ta' din il-modalità ta' implimentazzjoni huma rispettati sew mill-Kummissjoni; ifakkar li hu pprovat li l-ODA mogħtija permezz ta' programmi ta' appoġġ baġitarju tati riżultati tajbin fir-rigward tal-prestazzjoni skont il-Prinċipji tal-Effettività tal-Iżvilupp peress li tagħti spinta lis-sjieda mill-pajjiżi sħab u s-sistemi tal-pajjiż; ifakkar li l-appoġġ baġitarju jista' jagħti riżultati reali li jvarjaw minn żidiet fin-nefqa pubblika u estensjoni fl-għoti ta' servizzi għal riżultati mtejba favur il-foqra; ifakkar li l-appoġġ baġitarju huwa effikaċi għaliex, jekk jitwettaq sew, jista' jirrispondi direttament għall-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-pajjiżi benefiċjarji li jużaw is-sistemi u l-indikaturi tal-iżvilupp proprji tagħhom u jista' jgħin isaħħaħ l-istituzzjonijiet governattivi u joħloq it-trasparenza u r-responsabbiltà domestiċi li jnaqqsu l-korruzzjoni;

11.  Jissottolinja l-importanza li tkompli titjieb il-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja ffinanzjati permezz tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal analiżi profonda, preċiża u globali tal-arranġamenti differenti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar ħalli tiġi evitata kwalunkwe ġestjoni ħażina, nuqqas ta' trasparenza u approprjazzjoni indebita ta' fondi tal-Unjoni;

12.  Jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr il-paċi u l-paċi mhijiex possibbli mingħajr l-iżvilupp; f'dan ir-rigward, jirrimarka li d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija għandhom jingħataw prijorità skont il-politika tal-iżvilupp u li l-attivitajiet relatati mat-twettiq tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 (SDG 16) dwar il-paċi u l-ġustizzja għandhom isiru wieħed mis-setturi fokali tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) fi ħdan il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u r-rappurtar annwali dwar ir-riżultati fl-ilħuq tal-miri SDG 16 għandu jintalab minn sħabna abbażi ta' indikaturi affidabbli u li jkun intlaħaq ftehim reċiproku dwarhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib u l-kummenti tal-Parlament dwar l-abbozz tal-PIN u tirrifletti l-konklużjonijiet tal-Parlament fil-PIN finali; jitlob l-introduzzjoni ta' setgħat ta' skrutinju formali fir-rigward tal-FEŻ, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali ta' natura vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-garanzija ta' qafas robust, trasparenti u responsabbli li jiżgura l-allinjament mal-prinċipji dwar l-effettività tal-iżvilupp u l-għanijiet ta' żvilupp f'kull programm ta' taħlit sabiex ikun żgurat barra minn hekk l-iżvilupp tiegħu kif jirrakkomanda r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri "L-effettività tal-kombinament ta' għotjiet tal-faċilitajiet ta' investiment reġjonali ma' selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ ta' politiki esterni tal-UE";

15.  Jissottolinja li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) hija rekwiżit stabbilit fit-Trattat; jirrimarka li dan jimplika li n-nefqa fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha għandha tkun konformi mal-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u li l-effetti negattivi jeħtieġ li jkunu evitati u mwaqqfa; jemmen li valutazzjoni tan-nefqa minn perspettiva ta' PCD għaldaqstant għandha ssir element regolari fit-tħejjija, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-awditjar tan-nefqa fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha, inkluż il-kummerċ, l-agrikoltura u l-politika tas-sajd.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Fernando López Aguilar, Jan Zahradil, Joachim Zeller

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Andrey Novakov, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luke Ming Flanagan, Arne Gericke, Ramón Jáuregui Atondo, Claudiu Ciprian Tănăsescu

(1)

ĠU C 373, 10.11.2015, p. 289.

(2)

ĠU C 379, 13.11.2015, p. 124.

(3)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(4)

ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(5)

ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(6)

ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.

(7)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(8)

ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(9)

ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(10)

ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.

(11)

ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(12)

ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

(13)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.

(14)

ĠU C 373, 10.11.2015, p. 289.

(15)

ĠU C 379, 13.11.2015, p. 124.

(16)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(17)

ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(18)

ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(19)

ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.

(20)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(21)

ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(22)

ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(23)

ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.

(24)

ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.

(25)

ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

(26)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.

(27)

  Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

Avviż legali