Proċedura : 2015/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0144/2016

Testi mressqa :

A8-0144/2016

Dibattiti :

PV 12/05/2016 - 7

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0227

RAPPORT     
PDF 800kWORD 302k
26.4.2016
PE 576.788v02-00 A8-0144/2016

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru

(2015/2118(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Catherine Bearder

Rapporteur għal opinjoni (*):

Malin Björk, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

(*) Associated committee - Rule 54 of the Rules of Procedure

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru

(2015/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 79 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 5 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), b'mod partikolari l-Artikolu 6, li hu intenzjonat biex jiġġieled it-tipi kollha ta' traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005) u Beijing +15 (2010) u l-konferenza ta' rieżami Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, u b'mod partikolari id-definizzjoni ta' traffikar tal-bnedmin internazzjonalment maqbula li tinsab fih, li jissuplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Adozzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tirrikjedi li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'mod sensittiv għall-ġeneru,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat jew obbligatorju, li tiddefinixxi x-xogħol furzat fl-Artikolu 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016" (COM (2012) 0286),

–  wara li kkunsidra dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Mid-term report on the implementation of the EU Strategy towards the Eradication of Trafficking in Human Beings" (Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin) (SWD (2014) 0318),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni tal-Europol: Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (Frar 2016),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat "Traffikar tal-bnedmin", edizzjoni tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2011/36/UE maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fit-traffikar tal-bnedmin, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (A8-0144/2016),

A.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa ksur terribbli tad-drittijiet fundamentali, kif deskritt fl-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u ksur tad-dinjità umana u tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-vittmi, u jikkawża ħsara gravi li sikwit taffettwahom għall-bqija ta' ħajjithom, kif ukoll forma serja ta' kriminalità, fil-biċċa l-kbira organizzata, xprunata mid-domanda u l-profitti għoljin, stmati għal madwar USD 150 biljun fis-sena(11), u li jimmina l-istat tad-dritt; billi d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri jiffaċilitaw ħafna l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata, għad hemm riskju baxx wisq ta' prosekuzzjoni, u s-sanzjonijiet applikati biex jiskoraġġixxu dan ir-reat huma inadegwati meta mqabbla mal-profitti potenzjalment għoljin;

B  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE bħala r-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta' persuni, inkluż l-iskambju jew it-trasferiment tal-kontroll fuq dawk il-persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' ġegħil, ta' ħtif, ta' frodi, ta' qerq, tal-abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabilità jew tal-għoti jew tar-riċeviment ta' ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament; billi l-isfruttament għandu jinkludi, bħala minimu, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluż is-sisija, l-iskjavitù jew prattika simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta' organi;

C.  billi t-traffikar tal-bnedmin jieħu ħafna forom differenti u l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jinsabu f'attivitajiet legali u illegali differenti, inklużi, imma mhux limitati għall-agrikultura, l-ipproċessar tal-ikel, l-industrija tas-sess, ix-xogħol domestiku, il-manifattura, il-kura, it-tindif, industriji oħra (partikolarment l-industriji tas-servizzi), is-sisija, il-kriminalità, iż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali tat-tfal online, l-adozzjonijiet illegali u l-kummerċ ta' organi tal-bniedem;

D.  billi, kif iddikjarat mill-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE – Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (2011), diversi aġenziji tan-NU jfakkru li għandu jiġi rikonoxxut it-traffikar kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, u għandhom jiġu indirizzati s-similaritajiet u d-differenzi fl-esperjenzi tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-vulnerabilitajiet u l-vjolenzi;

E.  billi l-kriżi tar-rifuġjati attwali mmanifestat in-nuqqas ta' għodod xierqa f'livell Ewropew għall-ġlieda konġunta kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod speċjali meta l-għan tiegħu jkun l-isfruttament tan-nisa u t-tfal;

F.  billi strateġija "wieħed tajjeb għal kulħadd" mhix effiċjenti u billi tipi differenti ta' traffikar, bħat-traffikar għall-isfruttament sesswali, it-traffikar għall-isfruttament ta' ħaddiema u t-traffikar tat-tfal, jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri ta' politika speċifiċi u mfassla;

G.  billi d-Direttiva 2011/36/UE (id-Direttiva) għandha tiġi mfaħħra għall-approċċ tagħha ffukat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi, fejn il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma intitolati għal ċerti drittijiet u servizzi skont id-dritt internazzjonali, irrispettivament mill-volontà jew il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali (skont l-Artikolu 11.3 tad-Direttiva);

H.  billi s-servizzi kollha ta' appoġġ għall-vittmi tat-traffikar għandhom isiru verament bla kundizzjoni u jiżguraw li ma jkun hemm ebda vittimizzazzjoni ulterjuri;

I.  billi t-traffikar tal-bnedmin jista', minn naħa waħda, jirriżulta mill-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fuq livell globali u, min-naħa l-oħra, jista' jiġi aggravat ulterjorment mill-inugwaljanza ekonomika, soċjetali u edukattiva bejn in-nisa u l-irġiel;

J.  billi statistiċi reċenti juru li l-maġġoranza tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma nisa; billi l-ġeneru fih nnifsu ma joħloqx vulnerabilità, u hemm ħafna fatturi kontributorji li joħolqu sitwazzjoni ta' vulnerabilità għan-nisa u l-bniet, inklużi l-faqar, l-esklużjoni soċjali, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni;

K.  billi n-nisa u l-bniet jikkostitwixxu 80 % tal-vittmi reġistrati tat-traffikar tal-bnedmin(12), u dan jista' jkun parzjalment attribwit għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa u l-bniet;

L.  billi d-domanda għal nisa, bniet, irġiel u subien fl-industriji tal-prostituzzjoni hija fattur ta' attrazzjoni deċiżiv għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali; u billi d-domanda għal xogħol irħis u l-inkapaċità li jiġu difiżi d-drittijiet tax-xogħol huma fatturi ta' attrazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament ta' ħaddiema;

M.  billi t-tolleranza soċjetali tal-inugwaljanza tal-ġeneri u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni pubblika tal-kwistjonijiet li jinsabu fl-isfond tat-traffikar tal-bnedmin jipperpetwaw l-ambjent permissiv għat-traffikar tal-bnedmin;

N.  billi t-traffikar tan-nisa, l-bniet, l-irġiel u s-subien għall-isfruttament sesswali naqas fil-pajjiżi li kkriminalizzaw id-domanda, inklużi kemm it-tħaddim furzat fil-prostituzzjoni kif ukoll ix-xiri ta' servizzi sesswali;

O.  billi gruppi minoritarji u ta' immigranti bħar-Rom jikkostitwixxu għadd sproporzjonat ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bħala riżultat tal-fatt li jiġu soċjalment u ekonomikament emarġinati;

P.  billi l-aspettattivi u d-diskriminazzjoni tal-ġeneri huma dannużi għal kulħadd, bl-irġiel inqas probabbli li jammettu li jkunu vittmi ta' sfruttament;

Q.  billi l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u tal-gruppi minoritarji tnaqqas il-vulnerabilità tagħhom biex isiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

R.  billi l-identifikazzjoni tal-vittmi tibqa' sfida, u billi, sabiex il-vittmi tat-traffikar jiġu megħjuna u t-traffikanti jitressqu l-qorti u jiġu kkundannati, l-appoġġ u l-protezzjoni lill-vittmi jeħtieġ li jiġu msaħħa, inkluż id-dritt tal-vittma li tgħix u taħdem legalment fl-Istat Membru li l-vittma tkun ġiet ittraffikata fih, kif ukoll li jittejjeb l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u l-kumpens;

S.  billi t-tfal jikkostitwixxu madwar 16 %(13) tal-vittmi reġistrati tat-traffikar tal-bnedmin, u l-bniet ikopru sa 13 %(14) , u billi huma partikolarment vulnerabbli, peress li l-vittmi li jkunu tfal jesperjenzaw ħsara gravi u dejjiema ta' natura fiżika, psikoloġika u emozzjonali;

T.  billi 70 % tal-vittmi identifikati tat-traffikar tal-bnedmin u 70 % tat-traffikanti suspettati fl-UE huma ċittadini tal-UE, u l-aktar vittmi rrapportati bl-iskop ta' sfruttament sesswali huma ċittadini tal-UE ta' ġeneru femminili mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant(15); billi informazzjoni statistika għandha titqies meta jiġu żviluppati sistemi ta' identifikazzjoni sabiex jiġu identifikati aħjar il-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin;

U.  billi l-maġġoranza tal-vittmi reġistrati huma nisa u bniet traffikati bi skopijiet ta' sfruttament sesswali, li flimkien jikkostitwixxu 95 % tal-vittmi traffikati għall-isfruttament sesswali(16) ; billi t-traffikar huwa forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

V.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu kumpless transnazzjonali li jista' jiġi ttrattat b'mod effettiv biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien b'mod koordinat sabiex tiġi evitata għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni mill-gruppi kriminali u mill-individwi, iżda l-enfasi jkun imqiegħed fuq l-identifikazzjoni u l-protezzjoni potenzjali u attwali tal-vittmi b'perspettiva integrata intersezzjonali; billi hemm distinzjoni ċara bejn it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-bnedmin, iżda għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni li jkunu qed ifittxu asil, lir-rifuġjati, lill-migranti u lil gruppi vulnerabbli oħra, speċjalment it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u n-nisa peress li jiffaċċjaw riskji multipli u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament u l-vittimizzazzjoni ulterjuri;

W.  billi t-traffikar tal-bnedmin spiss huwa perċepit li qiegħed jiġi mwettaq biss minn gruppi kriminali organizzati, iżda fil-fatt jista' wkoll ikun qed jitwettaq mill-membri tal-familja, ħbieb, qraba, persuni f'relazzjoni ta' sentimentali u impjegaturi ordinarji tal-vittma;

X.  billi l-maġġoranza (70 %) tat-traffikanti suspettati, mressqa l-qorti u kkundannati huma ta' ġeneru maskili, minkejja li l-perpetraturi ta' ġeneru femminili jikkostitwixxu minoranza mdaqqsa (29 %) u jista' jkollhom rwol sinifikanti fil-proċess tat-traffikar tal-bnedmin(17), speċjalment fil-każ tat-traffikar tat-tfal;

Y.  billi biex kwalunkwe leġiżlazzjoni tkun effikaċi fil-ġlieda kontra t-traffikar, trid tkun akkumpanjata b'tibdil kulturali, minn kultura ta' impunità għal kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tat-traffikar;

Z.  billi l-vittmi sikwit ma jkollhomx l-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom b'mod effikaċi;

AA.  billi t-traffikar tal-bnedmin bħala kunċett huwa differenti mill-iskjavitù u minn diskussjonijiet usa' ta' sfruttament; billi mhux it-tipi kollha ta' sfruttament jikkwalifikaw bħala traffikar tal-bnedmin;

Valutazzjoni ġenerali tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin fl-implimentazzjoni tad-direttiva

1.  Jinnota li t-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri tad-Direttiva 2011/36/UE kellha ssir sas-6 ta' April 2013, u li l-Istati Membri kollha minbarra wieħed innotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni ta' din id-direttiva fil-liġi nazzjonali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw l-infurzar sħiħ u korrett tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu;

3.  Jenfasizza li l-qafas legali u politiku tal-UE jirrikonoxxi li t-traffikar huwa fenomenu speċifiku għall-ġeneru, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi għall-ġeneru(18); ifakkar li l-Artikolu 1 tad-Direttiva jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru għat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li n-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien huma vulnerabbli b'modi differenti, u ta' sikwit huma traffikati għal skopijiet differenti, u għaldaqstant jeħtieġ li miżuri ta' prevenzjoni, għajnuna u appoġġ ikunu speċifiċi għall-ġeneru; jirrimarka, ulterjorment, li l-istrateġija tal-UE tidentifika l-vjolenza kontra n-nisa u l-inugwaljanzi tal-ġeneru fost il-kawżi fundamentali tat-traffikar, u tistabbilixxi ġabra ta' miżuri biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni hija obbligata tippubblika għadd ta' rapporti dwar l-aspetti varji tal-implimentazzjoni tad-direttiva; jesprimi tħassib profond li dawn ir-rapporti se jaslu tard peress li dan jibgħat sinjal inkwetanti dwar il-prijoritajiet tagħhom fl-infurzar; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-obbligi ta' rappurtar u l-kalendarju kif stabbilit fid-direttiva;

5.  Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23, paragrafu 1, tad-Direttiva 2011/36/UE li sa April 2015 tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill b'valutazzjoni tal-punt sa fejn l-Istati Membri adottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva; jissottolinja li dan il-kompitu ta' rapportar ma ġiex komplut saż-żmien stipulat;

6.  Jenfasizza li d-dimensjoni tal-ġeneru trid tiġi mmonitorjata b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja dan waqt il-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

7.  Ifaħħar ix-xogħol tajjeb imwettaq mill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-evidenza dwar aspetti differenti tat-traffikar tal-bnedmin, inkluża r-riċerka dwar id-dimensjoni tal-ġeneru u l-vulnerabilità partikolari tat-tfal; huwa tal-fehma, madankollu, li sabiex tiġi aċċelerata r-reazzjoni tal-UE għat-traffikar tal-bnedmin, il-mandat tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar jista' jiġi estiż;

8.  Jiddispjaċih li l-kapaċitajiet tal-Europol ma jintużawx bis-sħiħ fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri bl-għan li jiżdied il-qsim tal-informazzjoni mal-Europol sabiex ikunu jistgħu jsiru konnessjonijiet bejn investigazzjonijiet fi Stati Membri differenti u tkun tista' tinkiseb stampa ta' intelligence usa' dwar in-netwerks ta' kriminalità organizzata li huma l-aktar ta' theddida u li huma attivi fl-UE;

9.  Jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' paġna web kontra t-traffikar li jkun fiha bażi tad-data tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-UE u kwalunkwe post ieħor, informazzjoni aġġornata dwar l-istrumenti legali u politiċi tal-UE, miżuri kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Istati Membri, il-possibilitajiet ta' finanzjament u inizjattivi tal-UE;

10.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm informazzjoni ċara u konsistenti għall-vittmi u għall-persunal l-aktar espost li jista' jiġi f'kuntatt mal-vittmi, il-forzi ta' sigurtà, l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija u s-servizzi soċjali, inkluża informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta' għajnuna ta' emerġenza, trattament mediku u l-kura tas-saħħa, permessi ta' residenza, drittijiet ta' impjieg, l-aċċess għall-qrati u għal avukat, il-possibilitajiet għat-tiftix ta' rimedju, id-drittijiet speċifiċi tat-tfal, eċċ.;

11.  Jenfasizza li huwa importanti li tingħata attenzjoni akbar lill-intermedjarji tas-suq tax-xogħol, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u l-aġenziji tal-impjiegi, b'mod partikolari f'setturi b'riskju għoli, bħala mezz ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari għall-iskop ta' sfruttament ta' ħaddiema iżda wkoll għal finijiet ta' sfruttament sesswali moħbi wara kuntratti li jagħtu x'wieħed jifhem li jkunu għal servizzi fl-industrija tal-lukandi u tal-forniment tal-ikel u tas-servizzi tal-kura personali;

12.  Jenfasizza li qafas politiku u legali tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin jgħaqqad flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni, filwaqt li jirrikonoxxi li azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, tikkostitwixxi objettiv ċar tal-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza, bl-istess mod, li pajjiżi barra mill-UE huma ta' spiss il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għat-traffikar fl-UE u li t-traffikar bħala attività illegali transkonfinali, hija qasam importanti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi barra mill-Komunità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li, fuq talba tal-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ffurmaw pakkett ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin f'pajjiżi u reġjuni ta' prijorità, kif ukoll lista ta' għodod u strumenti disponibbli għall-UE u l-Istati Membri, inklużi l-politiki esterni li jindirizzaw it-traffikar, u l-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u mas-SEAE fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni;

13.  Iqis li l-persuni li jfittxu asil, ir-rifuġjati u l-migranti huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-traffikar tan-nisa, it-tfal u gruppi vulnerabbli oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw ir-rabta bejn l-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati li qegħdin jaslu u t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni, inkluż fil-"hotspots" biex jiġu identifikati vittmi potenzjali u jużaw kull mezz għall-ġlieda kontra t-traffikanti u l-kuntrabandisti, anki billi jtejbu il-ġbir ta' data u jiżguraw il-konformità ma' standards eżistenti ta' protezzjoni; ifakkar fir-rwol tal-aġenziji u n-netwerks tal-UE fl-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi fil-fruntieri tal-UE u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u f'dan il-kuntest jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni akbar bejn l-Europol, l-Eurojust, l-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi terzi, u permezz tal-użu ta' ECRIS; jitlob aktar riżorsi biex l-aġenziji tal-ĠAI jippermettu l-ħatra ta' uffiċjali tal-aġenzija mħarrġa dwar kwistjonijiet sensittivi għall-ġeneru, speċjalment f'dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw żieda ta' flussi migratorji mħallta; jenfasizza li l-approċċ ġdid ta' "hotspot" deskritt fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni m'għandux ikun limitat għal ipproċessar rapidu u biex isir ix-xogħol b'lura, iżda għandu jinkludi komponent proporzjonat kontra t-traffikar immirat lejn ir-riferiment effikaċi ta' vittmi potenzjali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod kritiku r-reġistrazzjoni tagħhom tar-rifuġjati u s-servizzi u l-istrutturi tal-kura rilevanti peress li dan il-grupp, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati, huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament minn gruppi kriminali u t-traffikar tal-bnedmin sussegwenti;

15.  Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni akbar lis-sitwazzjoni tal-vittmi transġeneri, li sikwit iġarrbu diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni u theddid ta' vjolenza minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom; huwa tal-fehma li l-persuni transġeneri għandhom jitqiesu bħala grupp vulnerabbli, għax b'mod partikolari jinsabu f'riskju li jispiċċaw f'idejn traffikanti li jfittxu li jisfruttaw id-disperazzjoni tagħhom; jemmen li dan il-fattur ta' vulnerabilità għandu jitqies meta l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju individwali, sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tat-traffikar jirċievu protezzjoni u kura xierqa; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-uffiċjali li x'aktarx ikollhom kuntatt mal-vittmi jew mal-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, b'taħriġ adegwat dwar l-ispeċifiċitajiet tal-vittmi transġeneri, sabiex ikunu kapaċi jidentifikawhom b'mod iktar proattiv u jadattaw is-servizzi ta' assistenza biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

Il-perspettiva tal-ġeneru fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin

16.  Jissottolinja li skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom obbligu li jistabbilixxu mekkaniżmi sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u għajnuna u appoġġ lilhom, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ rilevanti; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ ibbażat fuq erba' strateġiji ewlenin: il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u s-sħubija fuq diversi livelli;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impunità, jikkriminalizzaw it-traffikar u jiżguraw li l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti u li s-sanzjonijiet jissaħħu; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti, il-ftehimiet u l-obbligi legali internazzjonali rilevanti kollha li se jagħmlu l-isforz għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem aktar effettiv, koordinat u koerenti, inkluża l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

18.  Jitlob approċċ konsistenti għall-prosekuzzjoni ta' reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jitlob lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom; jitlob, f'dak ir-rigward, li l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni transfruntiera mal-aġenziji rilevanti tal-UE;

19.  Ifakkar li n-nisa u t-tfal jistgħu jiġu mġiegħla jiskambjaw is-sess mal-protezzjoni, sabiex jissopravvivu, bl-għan li javvanzaw tul ir-rotta migratorja tagħhom u għas-sussistenza bażika; jissottolinja li n-nisa u t-tfal involuti f'sess għas-sopravvivenza mhumiex meqjusa bħala vittmi ta' traffikar, u għaldaqstant ma jistgħux jirċievu l-assistenza meħtieġa;

20.  Jenfasizza li, sabiex jiġi evitat it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-persuni, huwa importanti li jinħolqu rotot ta' migrazzjoni legali sikuri għal nisa u tfal (bħal viżi umanitarji); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti wkoll għall-pajjiżi ta' destinazzjoni biex jiżguraw li n-nisa migranti li jkunu ngħataw residenza legali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni jkollhom aċċess għat-tagħlim tal-lingwi u mezzi oħra ta' integrazzjoni soċjali, edukazzjoni u taħriġ b'mod partikolari, bl-għan li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu minn tekniki ta' intervisti tal-vittmi strutturati sewwa sabiex ikun hemm rikostruzzjoni preċiża tal-avvenimenti mingħajr ma, fl-istess ħin, titqiegħed pressjoni psikoloġika fuq il-vittmi li jkunu diġà imbeżżgħa u konfużi;

22.  Jenfasizza li l-isforzi kollha kontra t-traffikar għandhom jibbilanċjaw l-enfasi fuq il-prosekuzzjoni bir-responsabilità tal-protezzjoni tal-vittmi; jinnota li l-appoġġ tal-vittmi għandu rwol importanti fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, peress li vittmi li jkunu appoġġjati sew ikunu aktar kapaċi jirkupraw mit-trawma tal-esperjenza tagħhom u jassistu fil-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, fil-preparazzjoni ta' programmi ta' prevenzjoni u fit-tfassil infurmat ta' politika, kif ukoll biex jevitaw li jerġgħu jiġu traffikati;

23.  Jenfasizza li l-internet għandu rwol ċentrali fil-faċilitazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, biex b'hekk żdiedu aktar sfidi fil-ġlieda kontra din il-forma serja ta' kriminalità organizzata; jikkundanna l-fatt li, kulma jmur l-internet qiegħed jintuża dejjem aktar għar-reklutaġġ tal-vittmi kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE permezz ta' offerti ta' xogħol foloz, b'servizzi ta' reklamar provduti minn vittmi sfruttati, u għall-iskambju ta' informazzjoni fost in-netwerks kriminali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki rispettivi tagħhom kontra t-traffikar iqisu dan, u li l-isforzi tal-infurzar tal-liġi li jindirizzaw iċ-ċiberteknoloġiji jkollhom għarfien espert dwar il-ġeneri meħtieġ għall-prevenzjoni u għall-ġlieda effiċjenti kontra l-forom kollha ta' dan ir-reat, partikolarment dwar it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali; jenfasizza li teknoloġiji ġodda, il-midja soċjali u l-internet għandhom jintużaw ukoll biex jinxterdu prattiki tajba għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex titrawwem sensibilizzazzjoni u biex vittmi potenzjali jiġu mwissija dwar ir-riskji tat-traffikar; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga ulterjorment ir-rwol tal-internet fit-traffikar tal-bnedmin u biex iżżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq;

24.  Jiddispjaċih li l-identifikazzjoni tal-vittmi għadha waħda mill-aktar aspetti diffiċli u mhux kompluti tal-implimentazzjoni, iżda jenfasizza li dan ma jnaqqasx ir-responsabilità tal-Istati Membri biex jipproteġu lil dawn il-persuni vulnerabbli; jenfasizza li minħabba n-natura koerċittiva u qarrieqa tar-reat, huwa possibbli li l-vittmi ma jkunux kapaċi jirrikonoxxu l-vulnerabilità tagħhom stess; jenfasizza li l-fatt li l-azzjonijiet li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikunu mġiegħla jwettqu huma atti kriminali f'xi Stati Membri, f'ċerti każijiet idgħajjef il-fiduċja bejn il-vittmi u l-awtoritajiet; jinnota li d-Direttiva 2011/36/UE tipprojbixxi l-kriminalizzazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikoli 11 sa 17 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'approċċ sensittiv għall-ġeneru (b'mod partikolari billi jżidu n-numru ta' rifuġji għall-vittmi u billi jsaħħu l-programmi għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi fis-soċjetà) u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità biex jiżguraw appoġġ u assistenza xierqa għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż fir-rigward tad-dritt ta' residenza fl-Istat Membru li fih il-vittma tkun ġiet ittraffikata u l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' dan l-istess Stat Membru; jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikun kundizzjonali fuq il-fatt li l-vittmi jressqu lmenti jew jikkooperaw f'investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-protezzjoni tal-vittmi;

25.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-individwi li jaħdmu biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ma għandhom jinżammu responsabbli għall-ebda reat;

26.  Huwa kritiku ħafna tal-fatt li għadu mhuwiex reat kriminali li wieħed juża s-servizzi ta' persuni traffikati madwar l-Istati Membri kollha, iżda jirrikonoxxi d-diffikultà li tiġi ppruvata l-konsapevolezza f'kuntest ġudizzjarju, u jqis li dan ikun pass importanti fir-rikonoxximent tal-gravità ta' dan ir-reat, filwaqt li jiġi żgurat qafas reali għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u biex tinqered il-kultura tal-impunità;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni kriminali qawwija għar-reati tat-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù moderna u l-isfruttament; u jistabbilixxu bħala reat kriminali l-att li wieħed konxjament juża s-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi vittmi tat-traffikar fil-prostituzzjoni, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi s-sisija, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali jew it-teħid ta' organi; jinnota n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għar-reat tat-traffikar fil-livell nazzjonali;

28.  Jinnota li s-sors prinċipali ta' informazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-vittmi hi l-Pulizija, u dan jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti, inkluż taħriġ immirat u speċjalizzat għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll għal bilanċ akbar bejn is-sessi fost il-persunal; jenfasizza l-fatt li r-reġistrazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin permezz ta' ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni f'xi Stati Membri juri nuqqasijiet fis-sistema u fl-għarfien tal-professjonisti involuti; jinsisti li l-Istati Membri tal-UE għandhom japplikaw b'mod effettiv leġiżlazzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza wkoll li, sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni tal-vittmi u jiġi żviluppat fehim ta' mezzi sottili tat-traffikar, is-sistema tal-ġustizzja kriminali għandha tiffoka aktar fuq id-dinamiki ta' sfruttament kif ukoll l-applikazzjoni tal-liġi; jinnota f'dan il-kuntest li skont ir-Regolament (UE) Nru 2015/2219, is-CEPOL għandu jippromwovi fehim u rispett komuni għad-drittijiet fundamentali fl-infurzar tal-liġi, inklużi d-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi;

29.  Jitlob li l-Europol u l-forzi tal-pulizija nazzjonali jingħataw aktar prijorità u riżorsi għall-prosekuzzjoni ta' dawk li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni speċjali għas-sensibilizzazzjoni fost il-forzi tal-pulizija kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin;

30.  Jistieden lill-Europol u lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-reklutanti kemm jekk permezz ta' approċċ proattiv jew abbażi tax-xhieda ta' vittma skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/36/UE; jenfasizza li r-reklutanti jużaw varjetà ta' mezzi, inklużi n-netwerks soċjali u s-siti tal-internet (aġenziji ta' reklutaġġ online); jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-mandat tal-Unità tal-UE ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU), tal-Europol, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Europol fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-importanza tal-iskambju sistematiku ta' data u l-importanza li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-bażijiet ta' data Ewropej użati għal dan l-għan, inklużi l-bażijiet ta' data tal-Europol Focal Point Phoenix u Focal Point Twins; jenfasizza l-ħtieġa li l-gwardji tal-fruntieri u l-gwardji kostali jkollhom aċċess għall-bażijiet ta' data tal-Europol;

32.  Jinnota li l-vittmi jġarrbu l-isfruttament b'modi differenti, u li metodu ta' identifikazzjoni li juża "check list" ta' indikaturi jista' jxekkel l-identifikazzjoni formali u għaldaqstant ikollu impatt fuq l-aċċess tal-vittmi għas-servizzi, għajnuna u protezzjoni;

33.  Jenfasizza li, biex tinkuraġġixxi lill-vittmi tat-traffikar biex jirrappurtaw dawn ir-reati lill-awtoritajiet u b'hekk tiffaċilita l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, il-liġi għandha tiġi emendata biex tagħraf il-vittmi tat-traffikar bħala detenturi tad-drittijiet f'għajnejn il-liġi; huwa tal-fehma li l-vittmi tat-traffikar għandhom ikunu intitolati għal għajnuna u protezzjoni anki jekk il-każ tagħhom jiġi miċħud mill-qrati; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar setgħa lill-ħaddiema soċjali, lill-persunal mediku u lis-servizzi tal-immigrazzjoni sabiex jiddeterminaw x'jikkostitwixxi traffikar u lil min għandha tingħata assistenza u protezzjoni bil-liġi;

34.  Jitlob implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/36/EU, bl-għan li jiġu żgurati n-nonprosekuzzjoni u n-nonapplikazzjoni tas-sanzjonijiet jew il-pieni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza li dan jinkludi n-nonapplikazzjoni ta' sanzjonijiet jew penali għall-persuni li jinsabu fil-prostituzzjoni u li ma jingħatawx pieni għal dħul jew residenza irregolari fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni.

35.  Jinnota bi tħassib l-evidenza ta' xi vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li ġew soġġetti għal arrest u deportazzjoni minflok ma tħallew igawdu d-drittijiet tagħhom u ġew megħjuna biex igawduhom bħala vittmi u jkollhom aċċess għall-għajnuna meħtieġa, kif suppost isir skont id-Direttiva 2004/81/KE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida bbażati fuq l-aħjar prattiki għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tat-tagħrif espert dwar il-ġeneru fl-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw fl-iżvilupp aħjar ta' linji gwida dwar l-identifikazzjoni ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li għandhom jgħinu lis-servizzi konsulari u l-gwardjani tal-fruntiera f'dan il-kompitu;

38.  Jenfasizza l-importanza tat-"traċċar tal-flus" bħala strateġija ewlenija għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tan-netwerks tal-kriminalità organizzata li jagħmlu profitt mit-traffikar tal-bnedmin, u jistieden lill-Europol u l-Eurojust isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol u bejniethom bl-għan li jinvestigaw l-aspetti finanzjarji u l-ħasil tal-flus fil-każijiet tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fl-iffriżar u l-ikkonfiskar tal-assi tal-individwi involuti fit-traffikar, peress li dan jista' jkun mezz effettiv biex jinbidel it-traffikar tal-bnedmin minn negozju "ta' riskju baxx u profitt kbir" għal wieħed "ta' riskju għoli u profitt żgħir"; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jużaw b'mod aktar effiċjenti l-għodod eżistenti kollha disponibbli bħalma huma r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea; jemmen li l-assi kkonfiskati tal-persuni misjuba ħatja ta' reati ta' traffikar għandhom jintużaw biex jappoġġjaw u jikkumpensaw lill-vittmi tat-traffikar; jinnota wkoll li l-fondi enormi miġbura mit-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin jiffinanzjaw tipi oħra ta' kriminalità serja;

39.  Jistieden lill-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) bħall-Eurojust, l-Europol, il-FRA, il-Frontex, is-CEPOL u l-EASO jiżviluppaw programm sostnut ta' titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet rilevanti għat-traffikar; jitlob ċifri dwar il-kompożizzjoni skont il-ġeneru tal-bordijiet maniġerjali tagħhom u tal-persunal, li għandhom jiġu rilaxxati, segwiti minn diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-benefiċċji ta' reklutaġġ u promozzjoni ekwi fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri; jitlob bl-istess mod biex programmi bħal "Female Factor" tal-Europol jinfirxu madwar l-aktar aġenziji tal-ĠAI ddominati mill-irġiel fuq bażi perjodika, u mhux fuq bażi sporadika;

40.  Ifakkar li t-taħriġ tal-professjonisti u l-uffiċjali huwa kruċjali għall-identifikazzjoni bikrija ta' vittmi potenzjali u l-prevenzjoni tar-reati; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod sħiħ l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2011/36/UE u jikkondividu l-aħjar prattiki, b'mod partikolari meta joħolqu programmi ta' taħriġ sensittiv għall-ġeneri għal dawk li jkollhom kuntatt ma' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin f'kapaċità uffiċjali, inklużi uffiċjali tal-pulizija u forzi oħra tas-sigurtà, uffiċjali tal-fruntieri, imħallfin, maġistrati, avukati u awtoritajiet ġudizzjarji oħra, persunal mediku l-aktar espost, ħaddiema soċjali u konsulenti psikoloġiċi; jenfasizza li t-taħriġ għandu jinkludi l-iżvilupp ta' fehim ta' vjolenza u sfruttament ibbażati fuq il-ġeneru, id-detezzjoni tal-vittmi, il-proċess ta' identifikazzjoni formali u assistenza għall-vittmi xierqa u speċifika għall-ġeneru;

41.  Jitlob l-iżvilupp usa' u t-tixrid ta' pubblikazzjonijiet immirati biex itejbu l-għarfien fost il-professjonijiet, bħall-"Handbook for consular and diplomatic staff on how to assist and protect victims of human trafficking" (Manwal għall-persunal konsulari u diplomatiku dwar kif jiġu assistiti u protetti l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin)(19);

42.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet fit-tul bejn l-infurzar tal-liġi, il-fornituri tas-servizzi, il-partijiet interessati varji u l-vittmi sabiex tinbena fiduċja u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-vittmi b'mod sensittiv; jenfasizza li organizzazzjonijiet ta' appoġġ jirrikjedu finanzjament suffiċjenti għall-proġetti, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna organizzazzjonijiet, speċjalment organizzazzjonijiet tan-nisa, jinsabu f'diffikultà minħabba tnaqqis ta' finanzjament;

43.  Jenfasizza li l-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandu jkun immirat lejn l-aktar fornituri xierqa ta' servizzi, abbażi tal-ħtiġijiet tal-vittmi, inklużi rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u għat-tfal, l-għarfien espert tal-fornitur u l-kamp ta' applikazzjoni biex il-fornitur jinvolvi ruħu f'għajnuna u kura wiesgħa u fit-tul;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu b'mod attiv is-sħab soċjali, is-settur privat, it-trade unions u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-NGOs li qed jaħdmu biex jiġġieldu kontra t-traffikar u jagħtu għajnuna lill-vittmi, fl-inizjattivi tagħhom għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment fil-qasam tal-isfruttament tax-xogħol, inkluż fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' vittmi u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni;

45.  Jinnota li minkejja li l-isfruttament sesswali tat-tfal huwa illegali fl-Istati Membri kollha, dan ma jipprevenix it-traffikar tat-tfal għal sfruttament sesswali; Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex jipprevjenu u jiġġieldu l-isfruttament sesswali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, teżamina kif id-domanda għas-servizzi sesswali tixpruna t-traffikar tal-bnedmin, inkluż it-traffikar tat-tfal, u l-aħjar mod biex titnaqqas id-domanda; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu attenzjoni speċjali lill-vittmi tat-traffikar li huma tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati li jiġu minn pajjiżi terzi, u li jipprovdu protezzjoni speċjali lit-tfal fil-proċeduri kriminali, waqt li l-aħjar interessi tal-minorenni jitqiesu tal-akbar importanza f'kull ħin;

46.  Jinnota li l-ġbir tad-data dwar it-traffikar tat-tfal għandu jkun ibbażat fuq definizzjoni komuni ta' dan il-fenomenu kriminali; jinnota bl-istess mod li xi Stati Membri jikkunsidraw lit-traffikar tat-tfal bħala forma separata ta' sfruttament waqt li oħrajn jinkludu l-vittmi tfal mal-adulti, u dan qed ixekkel il-possibilità tal-ħolqien ta' stampa ta' intelligence komprensiva u d-definizzjoni tal-aħjar reazzjonijiet investigattivi fil-livell tal-UE;

47.  Jissottolinja l-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23, paragrafu 2, tad-Direttiva li sal-2016 tressaq rapport li jivvaluta l-impatt ta' liġijiet nazzjonali eżistenti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu konsapevoli tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri; jenfasizza li l-Kummissjoni m'għandhiex tiddependi biss fuq ir-rappurtar ta' Stat Membru, iżda għandha wkoll tivvaluta l-konformità permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili u korpi rilevanti oħra, bħal GRETA u r-rapporti tal-pajjiżi ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tal-OSKE dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Traffikar u l-Forom Kontemporanji ta' Skjavitù;

48.  Jinnota n-nuqqas ta' fehim komuni fost l-Istati Membri dwar x'jikkostitwixxi d-domanda għal sfruttament u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu linji gwida dwar il-piena tal-klijent ibbażati fuq il-mudell Nordiku, filwaqt li jrawmu sensibilizzazzjoni għal kull forma ta' traffikar tal-bnedmin, speċjalment għall-isfruttament sesswali, u jagħmlu viżibbli forom oħra ta' sfruttament bħas-servitù domestika;

49.  Jinnota li żieda fil-vulnerabilità ta' ċerti gruppi ta' nies tqegħedhom f'riskju partikolari li jisfaw vittmi tat-traffikar; jiddeplora, madankollu, il-fatt li t-traffikar iseħħ bħala riżultat ta' domanda għolja għal prodotti u servizzi li jiddependu fuq l-isfruttament tal-bnedmin, li hija forma ta' kriminalità organizzata li tħalli ħafna profitt;

50.  Jenfasizza d-data li tikkonferma l-effett deterrenti li l-kriminalizzazzjoni tax-xiri ta' servizzi sesswali kellu fl-Isvezja; jenfasizza l-effett normattiv ta' dan il-mudell ta' regolamentazzjoni u l-potenzjal tiegħu li jbiddel l-attitudnijiet soċjali sabiex titnaqqas id-domanda ġenerali għas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

51.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva u biex jiżviluppaw strateġiji speċifiċi biex titnaqqas id-domanda għat-traffikar għal sfruttament sesswali, bħal programmi biex wieħed joħroġ miċ-ċirku tal-isfruttament u skemi li jemanċipaw u jipproteġu d-drittijiet ta' persuni fil-prostituzzjoni u jnaqqsu l-vulnerabilità tagħhom għall-isfruttament, u kampanji li jiskoraġġixxu d-domanda għas-servizzi sesswali ta' persuni traffikati, filwaqt li jinnota wkoll li r-regolamentazzjoni tal-prostituzzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina ulterjorment kwalunkwe rabta bejn id-domanda għal servizzi sesswali u t-traffikar tal-bnedmin; jemmen li t-tnaqqis fid-domanda jista' jinkiseb permezz ta' leġiżlazzjoni li tneħħi r-responsabilità kriminali minn fuq dawk li jbigħu is-servizzi sesswali tal-persuni traffikati għal fuq dawk li jixtruhom;

52.  Jitlob li l-UE tagħmel viżibbli u tagħti attenzjoni lill-forom ġodda ta' traffikar u sfruttament tal-bnedmin, inklużi l-isfruttament riproduttiv u t-traffikar tat-trabi tat-twelid;

53.  Jinnota bi tħassib li huma verament ftit l-Istati Membri li ddefinixxew b'mod ċar il-programmi ta' tnaqqis tad-domanda, u li, b'mod ġenerali, dawn kienu ffukati fuq it-traffikar għall-isfruttament sesswali; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' tnaqqis fid-domanda għat-tipi kollha ta' traffikar tal-bnedmin;

54.  Jinnota li ż-żwiġijiet ta' konvenjenza jistgħu jikkwalifikaw bħala traffikar tal-bnedmin taħt ċerti ċirkostanzi jekk ikun hemm element ta' forza jew ta' sfruttament, u li n-nisa u l-bniet huma aktar probabbli li jsiru vittmi;

55.  Jenfasizza li l-isforzi biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, u għandhom jinkludu strateġiji għall-edukazzjoni u programmi għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà u jsiru anqas vulnerabbli għat-traffikar; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet preventivi aktar proattivi bħal kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ imfassal b'mod speċifiku għall-irġiel, workshops immirati ma' gruppi vulnerabbli u attivitajiet ta' edukazzjoni fl-iskejjel, inklużi attivitajiet li jippromwovu l-ugwaljanza, il-ġlieda kontra l-isterjotipi sessisti u l-vjolenza sessista, peress li t-trattament ugwali għandu jkun objettiv tas-soċjetà kollha kemm hi;

56.  Jenfasizza l-effikaċja ta' skemi ta' sensibilizzazzjoni għall-edukazzjoni tal-konsumaturi biex jagħżlu prodotti minn korporazzjonijiet li jiżguraw katina tal-provvista ħielsa mill-iskjavitù, iżda jinnota li dan fih innifsu mhux biżżejjed biex titnaqqas id-domanda għat-traffikar tal-bnedmin;

57.  Jinnota li skont id-Direttiva 2009/52/KE, huwa diġà illegali għal min iħaddem li juża xogħol jew servizzi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li m'għandhomx status ta' residenza legali fl-UE bl-għarfien li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jirrikonoxxi li ċittadini tal-UE li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mhumiex inklużi taħt din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom iċ-ċittadini tal-UE li huma vittmi tat-traffikar jiġu protetti mill-isfruttament tax-xogħol u li jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet rilevanti;

58.  Ifakkar li, skont l-Europol, madwar 10 000 tfal mhux akkumpanjati sparixxew wara l-wasla tagħhom fl-UE fl-2015 u li dawn it-tfal jistgħu jkunu vittmi ta' traffikar u esposti għal kull tip ta' sfruttament u abbuż; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tal-asil u jirreġistraw it-tfal mal-wasla tagħhom sabiex jiżguraw l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-qsim ta' informazzjoni sabiex jipproteġu aħjar lit-tfal migranti fl-Ewropa;

59.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' data dwar in-nisa u t-tfal Rom li jinsabu f'riskju li jiġu traffikati għal xogħol jew servizzi furzati, li jinkludu s-sisija; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar in-nisa u t-tfal Rom rikonoxxuti bħala vittmi tat-traffikar, kemm minnhom irċevew għajnuna għall-vittmi u f'liema pajjiżi;

60.  Jenfasizza li ż-żwieġ furzat jista' jiġi meqjus bħala tip ta' traffikar tal-bnedmin jekk ikun fih element ta' sfruttament tal-vittma u jistieden lill-Istati Membri kollha jinkludu din id-dimensjoni; jenfasizza li l-isfruttament jista' jkun sesswali (vjolazzjoni konjugali, prostituzzjoni furzata jew pornografija furzata) jew ekonomiku (xogħol domestiku furzat jew sisija furzata) u li ż-żwieġ furzat jista' jkun l-għan finali tat-traffikar (il-bejgħ tal-vittma għaż-żwieġ jew l-ikkuntrattar taż-żwieġ b'ġegħil); jenfasizza li huwa diffiċli għall-awtoritajiet biex jidentifikaw dan it-tip ta' traffikar, peress li jsir fil-privat; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' rifuġju xierqa lil dawn il-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

61.  Jinsab imħasseb dwar il-fenomenu dejjem jikber tas-solleċitazzjoni sesswali; jirrimarka li l-vittmi sikwit jinsabu f'sitwazzjoni ta' dipendenza emozzjonali b'riżultat li x-xogħol investigattiv jiġi mxekkel minħabba li mhux faċli jiġu identifikati bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u spiss jirrifjutaw li jixhdu kontra n-nies li jkunu qed jissolleċitawhom sesswalment; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rifuġju speċifiku għal dawn il-vittmi u jiżguraw li s-servizzi tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jirrikonoxxu l-istatus tagħhom ta' vittmi, u dan b'mod partikolari jekk huma minorenni, sabiex jiġi evitat li jiġu stigmatizzati minħabba "imġiba devjanti";

Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-għajnuna u l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi

62.  Jesprimi tħassib li mhux il-vittmi kollha jkunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi faċilment jew li jkunu konxji tagħhom; jenfasizza li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi;

63.  Jinnota li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jeħtieġu servizzi speċjalizzati, inkluż l-aċċess għal akkomodazzjoni sikura fuq perjodu qasir u fit-tul, skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, kura tas-saħħa u konsulenza, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, rimedji legali, kumpens, assistenza għall-ivvjaġġar, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, l-impjieg, l-integrazzjoni (mill-ġdid), medjazzjoni familjari u assistenza għal risistemazzjoni, u li dawn is-servizzi għandhom ikunu individwalizzati ulterjorment każ b'każ, b'kunsiderazzjoni speċifika mogħtija lill-kwistjoni tal-ġeneru;

64.  Jenfasizza li d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin tinvolvi obbligu biex l-Istati Membri jindirizzawha bħala forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-fatt li għandha tingħata aktar attenzjoni għad-dinamika ta' sfruttament u għall-ħsara emozzjonali u psikoloġika fit-tul li tkun assoċjata ma' dan; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, li tinkludi proposta leġiżlattiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa li tinkludi t-traffikar tal-bnedmin;

65.  Jenfasizza x-xogħol siewi mwettaq minn għadd ta' servizzi tal-gvern u tas-soċjetà ċivili bl-identifikazzjoni ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u bl-għoti ta' għajnuna u appoġġ lill-vittmi, minkejja li dan ix-xogħol mhuwiex imwettaq b'mod konsistenti madwar l-Istati Membri jew fir-rigward tat-tipi differenti ta' traffikar tal-bnedmin;

66.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal NGOs indipendenti u rifuġji speċifiċi għall-ġeneru biex jissodisfaw b'mod adegwat il-ħtiġijiet fil-punti kollha tal-perkors tal-vittma fil-pajjiżi ta' destinazzjoni kif ukoll għall-ħidma preventiva fil-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni rilevanti;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu hotlines fejn il-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin ikunu jistgħu jċemplu biex ifittxu assistenza u parir; jinnota li tali hotlines kienu ta' suċċess f'oqsma oħra bħar-radikalizzazzjoni u l-ħtif tat-tfal;

68.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' servizzi speċifiċi għall-ġeneru lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom, li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet li jistgħu ikunu speċifiċi għall-forma ta' traffikar li għaliha jkunu ġew soġġetti; jenfasizza li waqt li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa u bniet, għandu jkun hemm servizzi speċjalizzati għall-vittmi tal-ġeneri kollha;

69.  Jenfasizza li bosta vittmi ta' sfruttament sesswali jiġu ddrogati bl-għan li jinżammu fi stat ta' dipendenza fiżika u psikoloġika; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' appoġġ speċjalizzati għal dawn il-vittmi u jirrikonoxxu dan l-element bħala ċirkostanza aggravanti fir-reazzjoni tagħhom ta' ġustizzja kriminali għat-traffikar tal-bnedmin;

70.  Jenfasizza li l-effett kumulattiv tat-tipi differenti ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru jagħmel lill-persuni LGBTI partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet uniċi tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

71.  Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu b'mod sistematiku d-dritt ta' nisa vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal aċċess għal servizzi ta' abort sikur meta t-tqala tkun riżultat tal-isfruttament tagħhom;

72.  Hu tal-fehma li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2011/36/KE għandu jiġi estiż sabiex jintroduċi għajnuna maħsuba għall-integrazzjoni futura (tagħlim tal-lingwa, familjarizzazzjoni mal-kultura u l-komunità, eċċ.) fejn iċ-ċirkostanzi tal-vittmi jippermettulhom jagħżlu li jieħdu permess ta' residenza;

73.  Jinnota li l-istatus ta' residenza legali irregolari ma teskludix persuna milli tkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin, u li għaldaqstant tali vittmi għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-oħrajn; jistieden lill-Istati Membri ma jħalltux il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin, waqt li jenfasizza l-prinċipju tal-inkondizzjonalità tal-għajnuna stabbilit fid-direttiva;

74.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jiggarantixxu b'mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi u jitlob li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tiġi analizzata fid-dawl tad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29/UE; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna legali mingħajr ħlas, assistenza u rappreżentanza legali, appoġġ psikololġiku u mediku, u informazzjoni dwar id-drittijiet ta' assistenza u kura tas-saħħa, inkluż id-dritt għal abort għal vittmi ta' sfruttament sesswali, għal dawk kollha li jidentifikaw lilhom infushom, jew jissodisfaw għadd xieraq ta' kriterji għall-identifikazzjoni, bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, biex jgħinuhom jaċċedu għad-drittijiet tagħhom, għal kumpens u/jew rimedju legali; jenfasizza li l-awtoidentifikazzjoni qatt ma għandha tkun l-uniku rekwiżit għall-aċċess għad-drittijiet u s-servizzi għall-vittmi;

75.  Jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu l-għajnuna legali għad-dispożizzjoni tal-vittmi tat-traffikar mhux biss fi proċedimenti kriminali, iżda wkoll fi proċedimenti ċivili, tax-xogħol jew tal-immigrazzjoni/l-asil li jkunu involuti fihom;

76.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu ż-żmien itwal meħtieġ biex persuna tirkupra mill-ħsara tat-traffikar għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, meta mqabbel maż-żmien meħtieġ biex persuna tirkupra minn tipi oħra ta' traffikar, biex jiġu deċiżi l-parametri tal-appoġġ tal-vittmi; jitlob li l-miżuri ta' protezzjoni offruti lill-vittmi traffikati għal sfruttament sesswali jiġu estiżi, sabiex titnaqqas il-ħsara, għall-prevenzjoni ta' traffikar mill-ġdid u ta' vittimizzazzjoni sekondarja u biex f'kull każ jipprovdu għall-ħtiġijiet individwali;

Valutazzjoni ta' miżuri oħra sensittivi għall-ġeneru meħuda fl-implimentazzjoni tad-Direttiva

77.  Jenfasizza li kwalunkwe obbligu biex il-vittmi jipparteċipaw fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti jista' jkun ta' dannu; jenfasizza li f'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, tali obbligu m'għandux ikun kundizzjoni għall-aċċess għas-servizzi;

78.  Jissottolinja li l-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin għandhom sistematikament jiġu infurmati dwar il-possibilità li jibbenefikaw minn perjodu ta' rkupru u riflessjoni, u għandhom effettivament jiġu mogħtija tali perjodu; jiddispjaċih li f'xi Stati Membri dawn id-drittijiet ġew trasposti biss f'liġijiet tal-migrazzjoni u għalhekk ma japplikawx għall-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin, iżda biss għal dawk li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari; ifakkar li dawn id-drittijiet għandhom jingħataw lil vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin;

79.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2004/81/KE, l-Istati Membri huma obbligati jippermettu perjodu ta' riflessjoni u rkupru għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri, biex meta jiddeterminaw it-tul ta' dan il-perjodu, iqisu l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex jestendu l-perjodu minimu ta' 30 ġurnata għall-perjodu ta' rkupru u riflessjoni inkluż f'din il-Konvenzjoni għall-vittmi traffikati għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, minħabba l-ħsara sinifikanti u fit-tul ikkawżata minn din il-forma ta' vjolenza;

80.  Jinnota li l-Istrateġija attwali tal-UE lejn l-Eradikazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin se tintemm fi tmiem l-2016, u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-istrateġija attwali u tintroduċi mudell ġdid li jsegwi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jiffoka fuq il-vittmi, jinkludi dimensjoni ċara ta' ġeneru u jinkludi azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward, tindirizza l-prevenzjoni b'mod adegwat u effikaċi, u tkompli tiskoraġġixxi d-domanda li trawwem il-forom kollha ta' traffikar; jitlob li din l-istrateġija tkun integrata u tiġi magħmula koerenti ma' oqsma ta' politika oħra, bl-għan li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri kontra t-traffikar, inkluż, iżda mhux limitat għas-sigurtà, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-migrazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-infurzar tal-liġi;

81.  Ifaħħar dawk l-Istati Membri li stabbilixxew mekkaniżmi nazzjonali ta' rappurtar effettivi u rapporteurs nazzjonali, u jistedinhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkollhom ir-riżorsi adegwati u jkunu indipendenti sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom bl-aħjar mod possibbli;

82.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru, bl-għan li jivvalutaw l-istrateġiji u l-attivitajiet tagħhom u jtejbu l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar, rapporteur nazzjonali indipendenti li jkollu id-dritt legali li jidher quddiem il-parlament nazzjonali u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif l-aħjar jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data aktar dettaljata u aġġornata billi tinġabar informazzjoni statistika affidabbli miġbura mill-atturi ewlenin kollha, billi jiżguraw li d-data hija omoġenja u diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, it-tip ta' sfruttament (f'sottogruppi ta' tipi ta' traffikar tal-bnedmin), il-pajjiż tal-oriġini u tad-destinazzjoni, u bl-inklużjoni ta' persuni traffikati internament, sabiex jiġu identifikati aħjar il-vittmi potenzjali u għall-prevenzjoni tal-kriminalità; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tad-data sabiex jivvalutaw aħjar id-dimensjoni tal-ġeneru u x-xejriet reċenti tat-traffikar tal-bnedmin u jiġġieldu t-traffikar b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li rapporteurs nazzjonali jkollhom rwol aktar sinifikanti fil-koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' ġbir tad-data, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam;

84.  Jinnota li minkejja d-definizzjoni ċara tat-traffikar tal-bnedmin mogħtija fid-Direttiva, għadd ta' definizzjonijiet differenti ġew adottati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar dan u tirraporta dwar xi jfissru fil-prattika dawn id-differenzi fid-definizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva; jenfasizza l-importanza ta' ċarezza kunċettwali sabiex ikun evitat taħlit ma' kwistjonijiet relatati iżda separati;

85.  Jinnota li, b'mod ġenerali, il-partijiet interessati jikkonfermaw li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ma jiġux identifikati; jirrikonoxxi li t-traffikar ta' ċerti gruppi vulnerabbli bħal żgħażagħ, tfal u persuni b'diżabilità u persuni LGBTI (li jkunu bla dar), ġie pjuttost traskurat; jenfasizza l-importanza ta' titjib fil-ġbir tad-data biex jissaħħu l-isforzi ta' identifikazzjoni tal-vittmi fir-rigward ta' dawn il-gruppi u l-iżvilupp tal-aħjar prattika fl-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn il-vittmi;

86.  Jenfasizza li, sabiex jitjiebu l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jivvalutaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri, u jieħdu miżuri leġiżlattivi u oħrajn ulterjuri, jekk ikun meħtieġ;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida standardizzati, inkluża l-protezzjoni tad-data, għall-ġbir tad-data għall-korpi rilevanti, bħall-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni, is-servizzi soċjali, l-awtoritajiet lokali, il-ħabsijiet, l-NGOs u kontributuri oħra;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tingħata prijorità akbar lill-ġlieda kontra t-traffikar fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM (2015)0240), sabiex tiffaċilita l-involviment tal-vittmi fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti, permezz tar-riforma tar-regoli dwar ir-residenza tal-vittmi tat-traffikar;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-abbuż tal-impjieg indipendenti fl-impjieg ta' ħaddiema migranti f'xi Stati Membri tal-UE sabiex jiġu evitati l-istandards lokali tax-xogħol u l-obbligi tal-impjieg, waqt li tirrikonoxxi li l-impjieg indipendenti fittizju ta' sikwit jintuża f'oqsma tax-xogħol tal-migranti l-aktar suxxettibbli għat-traffikar;

90.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin tul rotot magħrufa, bħal mil-Lvant lejn l-UE, permezz tal-użu tal-Istrument għall-Istabilità u r-responsabilità kontinwa li għaddejja tal-pajjiżi kandidati;

91.  Jitlob li l-UE tipprovdi, permezz tal-Eurostat, stimi dwar in-numru ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, reġistrati jew xort' oħra, f'konformità mal-mudell ġenerali segwit minn organizzazzjonijiet bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

92.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-prinċipju ta' non-refoulement fid-direttivi tagħhom kontra t-traffikar, fuq l-eżempju tal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u l-Konvenzjoni dwar it-Traffikar tal-Kunsill tal-Ewropa u skont l-obbligi tal-istati skont id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

93.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu riċerka dwar l-aktar tendenzi u forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin, inkluża l-influwenza li jista' jkollha l-kriżi migratorja attwali fuq it-traffikar tal-bnedmin, bl-għan li l-iżviluppi l-ġodda jiġu indirizzati b'rispons adegwat u mmirat;

94.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproduċi analiżi tar-rabtiet bejn tipi differenti ta' traffikar u r-rotot bejniethom fir-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, billi l-vittmi spiss jiġu sfruttati b'modi differenti fl-istess ħin jew jimxu minn tip ta' traffikar għal ieħor; u li tippromwovi riċerka kontinwa dwar il-kawżi ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur sabiex ladarba jiġi stabbilit, jinkludi setgħat biex jindirizza t-traffikar tal-bnedmin;

96.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, filwaqt li tqis li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija għodda effettiva sabiex tipprevjeni u tiġġieled kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluż it-traffikar, tipproteġi u tgħin lill-vittmi u tippromwovi r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri;

97.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

It-traffikar tal-bnedmin huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem skont l-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll vjolazzjoni tal-integrità personali tal-vittma u reat organizzat serju li jimmina l-istat u l-istat tad-dritt. Ġie indirizzat f'ħafna livelli ta' governanza, b'mod speċjali fl-UE permezz tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li stabbilixxiet qafas legali li jippermetti prosekuzzjonijiet penali aħjar kontra t-traffikanti. B'mod aktar kruċjali, id-Direttiva 2011/36/UE (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva") għandha l-għan li tipproteġi aħjar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u li tnaqqas il-vulnerabilità ta' vittmi potenzjali. Id-Direttiva hija rikonoxxuta b'mod ġenerali bħala att leġiżlattiv komprensiv b'approċċ lejn id-drittijiet tal-bniedem li ta' min jiġi mfaħħar, u li b'mod ċar jenfasizza d-dimensjoni tal-ġeneru fit-traffikar tal-bnedmin.

It-traspożizzjoni tad-Direttiva kellha ssir sas-6 ta' April 2013. 26 Stat Membru, kollha minbarra l-Ġermanja, uffiċjalment innotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni. Id-Danimarka mhix marbuta bil-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar.

Fid-Direttiva, il-Kummissjoni ngħatat għadd ta' obbligi ta' rappurtar. Skont l-Artikolu 23, il-Kummissjoni hija obbligata tirrapporta sas-6 ta' April 2015 dwar il-valutazzjoni tal-miżuri li ħadu l-Istati Membri sabiex jikkonformaw mad-direttiva. Fi ħdan dan ir-rapport, għandu jkun hemm deskrizzjoni tal-istabbiliment bħala reat kriminali tal-użu ta' servizzi li jkunu riżultat ta' sfruttament bil-konsapevolezza li l-persuna tkun vittma ta' traffikar tal-bnedmin. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati sal-aħħar tal-2016. Il-Kummissjoni hija wkoll obbligata tressaq rapport sas-6 ta' April 2016 bil-valutazzjoni tal-impatt tal-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi, akkumpanjata bi proposti adegwati jekk dan ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni naqset milli ssegwi l-kalendarju stabbilit fid-Direttiva.

Id-dimensjoni tal-ġeneru

Minkejja li l-vittmi jinkludu firxa wiesgħa ta' persuni tal-ġeneri, etajiet u sfondi kollha, l-istatistiċi juru b'mod ċar li l-maġġoranza (80 %) tal-vittmi huma nisa u bniet. Il-ġeneru huwa fattur ta' vulnerabilità, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Għan-nisa, il-vulnerabilità tista' tiġi attribwita lill-ostakli fl-aċċess għall-edukazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, l-aċċess inugwali għal opportunitajiet tax-xogħol deċenti, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-qgħad u s-sottoimpjieg, il-feminizzazzjoni tal-faqar u l-migrazzjoni, l-istrateġiji ta' żvilupp insensittivi għall-ġeneru, il-liġijiet u l-politiki ta' migrazzjoni restrittivi u l-kunflitt armat. Dawn l-inugwaljanzi jfissru probabilità inqas li n-nisa potenzjalment iqisu l-esperjenzi tagħhom bħala sfruttament, iżda aktar bħala twettiq tar-rwol tagħhom bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor u bħala fornituri ta' servizzi. Is-soċjalizzazzjoni tal-ġeneru wkoll taffettwa lill-irġiel peress li s-soċjetà tagħtihom x'jifhmu li r-rwol tagħhom huwa li jipprovdu għall-familja, u jirraġunaw li jekk jiġu sfruttati dan juri d-dgħufija tagħhom u jitqies bħala falliment fil-qadi tar-rwol tagħhom ta' "provditur".

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fl-inizjattivi tagħhom kontra t-traffikar, iżda mhuwiex definit b'mod ċar xi jfisser dan l-obbligu fil-prattika. L-Istati Membri ma indikawx b'mod ċar li huma implimentaw dan ir-rekwiżit bis-sħiħ, u vittmi ta' kull ġeneru jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għas-servizzi ta' għajnuna. Għall-vittmi transġeneru hemm kwistjoni saħansitra akbar fejn għandu x'jaqsam mal-forniment ta' servizzi adegwat.

Peress li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa u bniet, huwa importanti li dan ir-rapport jiffoka fuq l-identifikazzjoni, it-trattament u l-protezzjoni tal-vittmi u l-appoġġ li huwa disponibbli għalihom. Minkejja d-Direttiva, vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għadhom mhux qed jiġu identifikati kmieni jew b'mod konsistenti biżżejjed, u għadhom f'diffikultà biex jaċċedu għall-ġustizzja, għas-servizzi u għat-trattament ġust li huma intitolati għalihom skont id-dritt tal-UE.

It-traffikar, definizzjoni

Id-definizzjoni użata fid-Direttiva twessa' l-kwistjoni meta mqabbla mal-istrumenti preċedenti. It-traffikar tal-bnedmin huwa magħmul minn firxa kbira ta' attivitajiet li jinkludu sfruttament sesswali, xogħol furzat, żwiġijiet furzati, servitù domestika, teħid tal-organi, sisija furzata, adozzjonijiet illegali, żwieġ furzat u attivitajiet oħra. Dawn jisfruttaw vittmi differenti b'modi differenti, u għandna nadottaw strateġiji aktar dettaljati kif jixraq. Madankollu, huwa importanti li wieħed jiftakar li hemm grad ta' sovrappożizzjoni bejniethom, f'termini ta' perpetraturi li jkollhom interessi varji u ċ-ċaqliq ta' vittmi bejn forom differenti ta' traffikar. Pereżempju, tifla li inizjalment tiġi traffikata għas-sisija furzata aktar tard tista' ssir vittma ta' sfruttament sesswali.

Huwa wkoll importanti ħafna li jiġi żgurat li ma tingħatax prijorità ta' tip ta' traffikar fuq ieħor. Id-definizzjoni ġuridika ta' traffikar ma tagħmilx distinzjoni bejn il-forom differenti ta' traffikar u tikkwalifikahom kollha bħala reati serji, iżda esperjenza prattika madwar l-UE turi li dan mhuwiex minnu. Pereżempju, it-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema huwa sikwit meqjus reat anqas serju mill-isfruttament sesswali peress li huwa aktar probabbli li jidher bħala xogħol illegali u ksur tar-regolamenti tal-impjieg milli bħala reat. B'mod alternattiv, it-traffikar għall-isfruttament sesswali jiġi maqbud f'diskussjonijiet usa' dwar l-industrija tas-sess (kemm jekk legali jew illegali) u l-iffukar fuq il-vittmi jintilef.

Data

L-istatistiċi ma jagħtux stampa preċiża tas-sitwazzjoni reali peress li hemm għadd sinifikanti ta' vittmi li ma jiġu identifikati qatt. It-traffikar tal-bnedmin huwa reat li b'mod predominanti jaffettwa l-hekk imsejħa "popolazzjonijiet moħbija", hemm sottorappurtar sinifikanti tar-reat b'mod ġenerali u rekord baxx ta' identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-ġeneri kollha.

Id-Direttiva enfasizzat li "l-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa l-ħidma tagħha dwar il-metodoloġiji u l-metodi tal-ġbir tad-data biex tipproduċi statistika kumparabbli dwar it-traffikar tal-bnedmin" u tipprevedi miżuri speċifiċi skont l-Artikolu 19. Ir-rapporteurs nazzjonali stabbiliti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva għandhom jingħataw ir-riżorsi adegwati u jkunu indipendenti sabiex ifornu data tal-aħjar kwalità biex tintuża f'inizjattivi futuri għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

Għadd ta' Stati Membri jagħtu aktar dettall minn oħrajn, iżda l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva għandha tkun ta' għajnuna f'dan. Id-data fil-biċċa l-kbira hija fornuta mill-pulizija, iżda wkoll mill-NGOs, mis-servizzi tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni, mis-servizzi soċjali, mill-awtoritajiet lokali u l-aktar inkwetanti, mill-ħabsijiet u miċ-ċentri ta' detenzjoni.

L-użu ta' definizzjonijiet differenti jwassal għal data li mhijiex komparabbli. Dawn id-differenzi fid-definizzjonijiet ifissru li d-data miġbura tvarja bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, 24 Stat Membru biss kienu kapaċi jipprovdu data speċifika għall-ġeneru. Sabiex jivvalutaw aħjar id-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar, l-Istati Membri għandhom jiġbru data diżaggregata u speċifika skont il-ġeneru.

Prevenzjoni

Il-prevenzjoni hija essenzjali fit-trattament tat-traffikar tal-bnedmin, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex qabel xejn jipprevjenu li persuni jsiru vittmi.

Inizjattivi li jittrattaw l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u li jemanċipaw in-nisa u l-bniet (u l-gruppi emarġinati) inaqqsu l-vulnerabilità tagħhom għat-traffikar. L-iskemi ta' edukazzjoni u emanċipazzjoni jassistu f'dan. Barra minn hekk, kif ġie mitlub preċedentement mill-Parlament, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva biex titratta l-vjolenza kontra n-nisa.

Ħafna Stati Membri għandhom kampanji bl-għan ta' sensibilizzazzjoni għar-riskji tat-traffikar tal-bnedmin fost il-popolazzjoni ġenerali, iżda jeħtieġ li dawn ikunu speċifikament immirati sabiex ikunu effettivi. Pereżempju, għadd ta' Stati Membri għamlu użu minn azzjonijiet preventivi proattivi bħal workshops immirati lejn popolazzjonijiet speċifiċi li huma vulnerabbli għat-traffikar u dawk li jaħdmu magħhom. Azzjoni mmirata fl-iskejjel tista' tgħin il-protezzjoni tal-vittmi li jkunu tfal.

Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' inizjattivi ta' prevenzjoni għandu jinkludi dawk il-partijiet interessati l-aktar rilevanti. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom ifasslu l-inizjattivi ta' prevenzjoni tagħhom mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u mas-superstiti tat-traffikar, b'referenza għall-aħjar prattika.

L-identifikazzjoni tal-vittmi

Skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom obbligu li jistabbilixxu sistemi għad-detezzjoni, identifikazzjoni u għajnuna bikrija għall-vittmi. Madankollu, l-identifikazzjoni tal-vittmi hija indikata b'mod konsistenti bħala kwistjoni fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, u li għandha għadd ta' kawżi differenti. Waqt li hemm għadd ta' inizjattivi u proġetti finanzjati mill-Kummissjoni għall-għajnuna fl-identifikazzjoni tal-vittmi, il-prattika fuq il-post turi lakuna fl-implimentazzjoni li tindika nuqqas ta' rieda politika. Il-konfużjoni tat-traffikar tal-bnedmin ma' kwistjonijiet oħra ta' natura politika ħafna bħall-migrazzjoni jew il-wasla ta' rifuġjati ttellef il-progress li jkun inkiseb u tipperikola ulterjorment il-persuni vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin.

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin jiġu mħarrġa kif jixraq. B'mod ċar dan mhuwiex dak li jiġri b'mod konsistenti madwar l-Istati Membri. Il-programmi ta' taħriġ għandhom jiġu mwessa' aktar biex ikopru professjonisti rilevanti oħra inklużi iżda mhux esklużivi għal uffiċjali tal-pulizija, imħallfin, maġistrati, avukati, persunal mediku l-aktar espost u ħaddiema soċjali. Dan it-taħriġ għandu jkun iffukat fuq id-detezzjoni tal-vittmi, b'referenza speċjali għall-vulnerabilità u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inklużi ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru. Il-proċeduri ta' identifikazzjoni li jserrħu biss fuq "check-list" ta' indikaturi ma jqisux il-varjetà tal-esperjenzi li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikollhom u r-riżultati differenti tagħhom. Approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" huwa simplifikat wisq u jiddiżappunta wħud fost l-aktar vulnerabbli.

Il-Kummissjoni ħarġet għadd ta' pubblikazzjonijiet li huma pubblikament disponibbli sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet fi professjonijiet speċifiċi, bħall-persunal konsulari jew diplomatiku, u dawn għandhom ikunu żviluppati biex jinkludu professjonijiet oħra u jiġu mxerrda b'mod usa'.

Inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali huma wkoll importanti ħafna peress li hemm fehim żbaljat li t-traffikar tal-bnedmin ma jistax jiġri fejn persuna tkun qed tgħix. Sensibilizzazzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin hija rilevanti fil-pajjiżi ta' destinazzjoni daqs kemm hi rilevanti fil-pajjiżi ta' oriġini. Fil-pajjiżi ta' oriġini s-sensibilizzazzjoni tista' tgħin fil-prevenzjoni tat-traffikar, iżda fil-pajjiżi ta' destinazzjoni tista' tgħin fl-identifikazzjoni ta' fejn ikunu spiċċaw il-vittmi.

Għajnuna għall-vittmi

Skont id-Direttiva, persuna għandha tingħata għajnuna u appoġġ malli jkun hemm indikazzjoni li setgħet ġiet traffikata irrispettivament mill-volontà tagħha li tkun xhud. Dawn is-servizzi għandhom iqisu d-dimensjoni tal-ġeneru waqt li jirrikonoxxu li ġeneri differenti (li jesperjenzaw tipi differenti ta' traffikar) ikollhom ħtiġijiet ta' għajnuna differenti.

Skont l-istudju tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin, hemm ħsarat speċifiċi għall-ġeneru għall-vittmi traffikati bi skopijiet ta' sfruttament sesswali meta mqabbla ma' tipi oħra, u għaldaqstant is-servizzi u l-għajnuna offruti lill-vittmi għandhom jirriflettu dan.

Huwa interessanti li studju tal-2014 fl-Awstrija sab li hemm tendenza li vittmi ta' ġeneru maskili jkunu fi żvantaġġ meta mqabblin man-nisa peress li ħafna servizzi għall-vittmi huma mfassla għal vittmi ta' ġeneru femminili tat-traffikar għal sfruttament sesswali. L-istudju sab ukoll li vittmi ta' ġeneru maskili rriżulta li jisfidaw aktar fejn għandu x'jaqsam ma' konformità mar-regoli tal-forniment tas-servizzi.

Irrispettivament mill-ġeneru, is-servizzi għall-vittmi deskritti fid-Direttiva jinkludu akkomodazzjoni, għajnuna materjali, trattament mediku, inkluża għajnuna psikoloġika, konsulenza u informazzjoni, u servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni. Vittmi bi bżonnijiet speċjali għandhom jingħataw għajnuna addizzjonali. Bl-istess mod il-vittmi huma intitolati għal konsulenza u rappreżentanza legali, inkluż għall-iskop ta' talba għall-kumpens. Dan għandu jkun mingħajr ħlas fejn il-vittma m'għandhiex ir-riżorsi finanzjarji. In-natura tat-traffikar tfisser li mhuwiex probabbli li l-vittmi jkollhom ir-riżorsi biex iħallsu għal din it-tip ta' għajnuna, għaldaqstant għandha tkun mingħajr ħlas.

Servizzi xierqa u trattament ġust tal-vittmi jservu wkoll bħala prevenzjoni, peress li l-vittmi li jkunu appoġġjati sew ikunu aktar kapaċi jirkupraw mit-trawma tal-esperjenzi tagħhom u jintegraw ruħhom mill-ġdid fl-ekonomija u fis-soċjetà, jgħinu fil-prosekuzzjonijiet u jqajmu sensibilizzazzjoni mal-pubbliku u ma' dawk li jfasslu l-politika. Barra minn hekk, ikun anqas probabbli li jiġu traffikati mill-ġdid.

11.4.2016

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru

(2015/2118(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Malin Björk

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, Beijing +10 u Beijing +15 u l-konferenza ta' reviżjoni Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

A.  billi matul il-perjodu ta' tliet snin 2010-2012, 69 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin (TB) ġew traffikati għall-isfruttament sesswali, 19 % għax-xogħol furzat, u 12 % għal forom oħra ta' sfruttament bħalma huma t-tneħħija ta' organi jew attivitajiet kriminali; billi n-nisa jammontaw għal 67 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin f'dan il-perjodu, l-irġiel jammontaw għal 17 %, il-bniet għal 13 % u s-subien għal 3 %, inklużi l-persuni transġeneri; billi forom differenti ta' traffikar jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' politika speċifiċi u mfassla apposta;

B.  billi, kif iddikjarat mill-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE – Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (2011), diversi aġenziji tan-NU jfakkru li “għandu jiġi rikonoxxut it-traffikar kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, u għandhom jiġu indirizzati s-similaritajiet u d-differenzi fl-esperjenzi tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-vulnerabbiltajiet u l-vjolenzi”;

C.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa tip modern ta' skjavitù li ma jistax jiġi aċċettat f'soċjetà li hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi t-traffikar tal-bnedmin huwa ta' natura transnazzjonali; billi huwa meħtieġ approċċ Ewropew, kemm fil-monitoraġġ tal-fenonmenu kif ukoll fl-ikkoordinar tat-tweġibiet għalih, biex dan it-tip ta' kriminalità organizzata jiġi indirizzat b'mod determinat u effettiv;

D.  billi d-Direttiva 2011/36/UE tippenalizza l-atti intenzjonati li ġejjin: ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta' persuni, inkluż l-iskambju jew it-trasferiment tal-kontroll fuq dawk il-persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' ġegħil, ta' ħtif, ta' frodi, ta' qerq, ta' abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew ta' għoti jew ta' riċeviment ta' ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament. billi r-rapport fuq inizjattiva proprja li fuqu hija bbażata din l-opinjoni huwa limitat għal analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE;

E.  billi kwalunkwe sforz effettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin jeħtieġ li jindirizza l-kawżi ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin u l-fatturi ta' spinta u ta' attrazzjoni assoċjati, inkluż it-tnaqqis tad-domanda u l-użu ta' servizzi li jinvolvu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

F.  billi d-domanda għal nisa, bniet, irġiel u subien fl-industriji tal-prostituzzjoni hija fattur ta' attrazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali; u billi d-domanda għal xogħol irħis u l-inkapaċità li jiġu difiżi d-drittijiet tax-xogħol huma fatturi ta' attrazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament ta' ħaddiema;

G.  billi hemm kontradizzjonijiet bejn id-Direttivi 2004/81/KE u 2009/52/KE u d-Direttiva 2011/36/UE li jipprevjenu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin milli jkollhom aċċess għal appoġġ u għajnuna xierqa li huma non-kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti legali;

H.  billi l-identifikazzjoni tal-vittmi tibqa' sfida, u billi, sabiex il-vittmi tat-traffikar jiġu megħjuna u t-traffikanti jittellgħu l-qorti u jiġu kkundannati, l-appoġġ u l-protezzjoni lill-vittmi jeħtieġ li jiġu msaħħa inkluż id-dritt tal-vittma li tgħix u taħdem legalment fl-Istat Membru li l-vittma tkun ġiet ittraffikata fih, kif ukoll jittejjeb l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u l-kumpens;

I.  billi l-isfruttament ta' persuni oħra għal spettakli sesswali għandu jiġi kkunsidrat bħala traffikar tal-bnedmin;

J.  billi t-teknoloġiji l-ġodda u l-Internet jistgħu jiffaċilitaw ir-reklutaġġ tal-vittmi u r-reklamar u l-bejgħ ta' servizzi marbuta mat-traffikar tal-bnedmin fuq skala dinjija;

K.  billi sforzi effettivi kontra t-traffikar tal-bnedmin jeħtieġu qafas b'saħħtu għal azzjoni b'perspettiva intersezzjonali integrata fuq il-vittmi li tinkludi pereżempju l-ġeneru u d-diżabilità, u billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk in-nies li jgħixu f'faqar estrem, u lill-gruppi vulnerabbli bħalma huma r-Rom, il-persuni b'diżabilità, il-persuni lesbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema mingħajr dokumenti, dawk li jfittxu l-asil, ir-rifuġjati u t-tfal, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati;

L.  billi n-nisa u t-tfal jistgħu jiġu mġiegħla jiskambjaw is-sess għall-protezzjoni, sabiex jibqgħu ħajjin, bil-għan li javvanzaw tul ir-rotta migratorja tagħhom u għal sussistenza bażika; Is-sess għas-sopravivenza huwa spiss konsegwenza diretta tal-lakuni fl-assistenza, in-nuqqasijiet tas-sistemi ta' reġistrazzjoni, is-separazzjonijiet tal-familja,u n-nuqqas ta' modi ta' dħul sikuri u legali fl-UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-implimentazzjoni tad-Direttiva hija bbażata fuq approċċ integrat, olistiku u tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi fuq l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi;

2.  Jisħaq li l-faċilitazzjoni klandestina tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin huma fenomeni differenti iżda li spiss jeżistu flimkien u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'determinazzjoni b'mod konsistenti; ifakkar fir-rwol tal-aġenziji u n-netwerks tal-UE fl-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi fil-fruntieri tal-UE u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jinsisti għalhekk fuq il-ħtieġa li jkun hemm skambju aħjar tal-aqwa prattiki, taħriġ adegwat għall-persunal tal-infurzar tal-liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin, b'enfasi fuq id-dimensjoni tal-ġeneru u l-ħtiġijiet speċjali tan-nisa, it-tfal u gruppi vulnerabbli oħra traffikati sabiex dawk involuti jifhmu bis-sħiħ il-fenomenu li qed ifittxu li jindirizzaw b'mod determinat u jkunu jafu kif jirrikonoxxuh fi stadju bikri, u kooperazzjoni akbar bejn l-Europol, l-Eurojust, l-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi terzi, u permezz tal-użu ta' sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), bil-għan li tiġi pprevenuta u kkumbattuta kull forma ta' traffikar tal-bnedmin, inkluż l-isfruttament sesswali fl-UE;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw fl-iżviluppar aħjar ta' linji gwida dwar l-identifikazzjoni ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li għandhom jgħinu lis-servizzi konsulari u l-gwardi fil-fruntieri f'dan il-kompitu;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, li naturalment jinkludu t-tfal; itenni li l-Istati Membri għandhom iqisu l-faqar, il-ġeneru, id-diżabilità, it-tqala, l-istat tas-saħħa, l-istatus ta' migrazzjoni u l-fatt ta' appartenenza għal minoranza etnika bħala fatturi meta tkun qed issir il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ta' vittma;

5.  Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni ikbar lis-sitwazzjoni tal-vittmi transġeneri, li spiss jesperjenzaw diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni u theddid ta' vjolenza minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom; huwa tal-opinjoni li l-persuni transġeneri għandhom jitqiesu bħala grupp vulnerabbli, għax jinsabu partikolarment f'riskju li jaqgħu f'idejn it-traffikanti li jfittxu li jisfruttaw id-disprament tagħhom; jemmen li dan il-fattur ta' vulnerabbiltà għandu jitqies meta l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju individwali, sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tat-traffikar jirċievu protezzjoni u kura xierqa; jistieden lill-Istati Membri biex lill-uffiċjali li x'aktarx jidħlu f'kuntatt mal-vittmi jew mal-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin jipprovdulhom taħriġ adegwat dwar l-ispeċifiċitajiet tal-vittmi transġeneri, sabiex ikunu kapaċi jidentifikawhom b'mod iktar proattiv u jadattaw is-servizzi ta' assistenza biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impunità, jikkriminalizzaw it-traffikar u jiżguraw li l-awturi tar-reati jittellgħu l-qorti u li s-sanzjonijiet jissaħħu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti, il-ftehimiet u l-obbligi legali internazzjonali rilevanti kollha li se jagħmlu l-isforz għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem aktar effettiv, koordinat u koerenti, inkluża l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi jiżguraw li l-interventi tagħhom jindirizzaw il-fatturi li jżidu l-vulnerabbiltà għat-traffikar, inklużi l-inugwaljanza, il-faqar u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw l-infurzar sħiħ u korrett tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni kriminali qawwija għad-delitti tat-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù moderna u l-isfruttament; u jistabbilixxu bħala reat kriminali l-att li wieħed konxjament juża s-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi vittmi tat-traffikar fil-prostituzzjoni, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi s-sisija, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali jew it-teħid ta' organi; jinnota n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għad-delitt tat-traffikar fil-livell nazzjonali;

10.  Jitlob li jingħataw aktar prijorità u riżorsi lill-Europol u lill-forzi tal-pulizija nazzjonali biex jittellgħu l-qorti dawk li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni speċjali għas-sensibilizzazzjoni fost il-forzi tal-pulizija kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin;

11.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw miżuri konkreti biex titnaqqas id-domanda għan-nisa, bniet, irġiel, u subien fil-prostituzzjoni bħala strateġija ewlenija biex jiġi pprevjenut u mnaqqas it-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2011/36/UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lura dwar l-eżitu;

12.  Jenfasizza li l-effett kumulattiv tat-tipi differenti ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru jagħmel lill-persuni LGBTI partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet uniċi tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu hotlines (linji diretti) fejn il-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin ikunu jistgħu jċemplu biex ifittxu assistenza u pariri; jinnota li tali hotlines kienu ta' suċċess f'oqsma oħra bħar-radikalizzazzjoni u l-ħtif tat-tfal;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jqegħdu l-għajnuna legali għad-dispożizzjoni tal-vittmi tat-traffikar mhux biss fi proċedimenti kriminali, iżda wkoll fi proċedimenti ċivili, tax-xogħol jew tal-immigrazzjoni/l-asil li jkunu involuti fihom;

15.  Jenfasizza li ż-żwieġ furzat jista' jiġi meqjus bħala sura ta' traffikar tal-bnedmin jekk ikun fih element ta' sfruttament tal-vittma, u jappella lill-Istati Membri kollha jinkludu din id-dimensjoni; jenfasizza li l-isfruttament jista' jkun sesswali (stupru konjugali, prostituzzjoni u pornografija furzati) jew ekonomiku (xogħol domestiku u sisija furzata) u li ż-żwieġ furzat jista' jkun il-għan finali tat-traffikar (il-bejgħ tal-vittma bħala mara miżżewġa jew l-ikkuntrattar taż-żwieġ b'theddid); jenfasizza li huwa diffiċli għall-awtoritajiet biex jidentifikaw dan it-tip ta' traffikar, peress li jsir fil-privat; jitlob lill-Istati Membri biex lil dawn il-vittmi jipprovdulhom servizzi ta' rifuġju xierqa; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-fenomenu dejjem jikber tas-solleċitazzjoni sesswali; jirrimarka li l-vittmi spiss jinsabu f'sitwazzjoni ta' dipendenza emozzjonali b'riżultat li x-xogħol investigattiv jiġi mxekkel minħabba li mhux faċli jiġu identifikati bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u spiss jirrifjutaw li jixhdu kontra l-n-nies li jkunu qed jissolleċitawhom sesswalment; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rifuġju speċifiku għal dawn il-vittmi u jiżguraw li s-servizzi tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jirrikonoxxu l-istatus tagħhom ta' vittmi, u dan b'mod partikolari jekk huma minuri, sabiex jiġi evitat li jiġu stigmatizzati għal "imġiba devjanti";

17.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin tul rotot magħrufa, bħal mil-Lvant lejn l-UE, permezz tal-użu tal-Istrument għall-Istabbiltà u r-responsabbiltà kontinwa li għaddejja tal-pajjiżi kandidati;

18.  Jenfasizza li bosta vittmi ta' sfruttament sesswali jiġu ddrogati bil-għan li jinżammu fi stat ta' dipendenza fiżika u psikoloġika; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' appoġġ speċjalizzati għal dawn il-vittmi u jirrikonoxxu dan l-element bħala ċirkustanza aggravanti fir-reazzjoni tagħhom ta' piena kriminali għat-traffikar tal-bnedmin;

19.  Jitlob li l-Istati Membri u l-UE jiġbru u jiskambjaw informazzjoni affidabbli u dettaljata dwar it-traffikar tal-bnedmin;

20.  Ifakkar li r-Regolament (UE) 2015/2219 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) jiddisponi li s-CEPOL, fl-attivitajiet ta' taħriġ tagħha, għandha tippromwovi l-fehim u r-rispett komuni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi, bħalma huma d-drittijiet tal-vittmi kif ukoll l-appoġġ u l-protezzjoni ta' dawn il-persuni, inkluża s-salvagwardja tad-drittijiet tal-vittmi ta' vjolenzi marbuta mal-ġeneru; jenfasizza l-importanza ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin minħabba l-vulnerabbiltà tal-vittmi, u jitlob lis-CEPOL tqis din id-dimensjoni b'mod sħiħ fl-iżvilupp ta' kull taħriġ fil-ġejjieni;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin billi jrażżnu lil dawk l-individwi li jużaw l-internet u n-netwerks soċjali biex jirreklutaw u jisfruttaw lil individwi;

22.  Jinnota li d-Direttiva 2011/36/UE tipprojbixxi l-kriminalizzazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tan-natura transkonfinali u intra-UE tat-traffikar tal-bnedmin, jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikoli 11 sa 17 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin (b'mod partikolari billi jżidu n-numru ta' rifuġji għall-vittmi u billi jsaħħu l-programmi għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi fis-soċjetà) u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità biex jiżguraw konsistenza u appoġġ u assistenza xierqa, inkluż fir-rigward tad-dritt ta' residenza fl-Istat Membru li fih il-vittma tkun ġiet ittraffikata u l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' dan l-istess Stat Membru; jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikunu kundizzjonali fuq il-fatt li l-vittmi jressqu ilmenti jew li jikkooperaw f'investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-protezzjoni tal-vittmi;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod kritiku r-reġistrazzjoni tagħhom tar-rifuġjati u s-servizzi u l-istrutturi tal-kura rilevanti peress li dan il-grupp, b'mod partikolari l-minuri mhux akkumpanjati, huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament minn gruppi kriminali u sussegwenti għat-traffikar tal-bnedmin;

24.  Ifakkar li, skont l-Europol, madwar 10 000 minuri mhux akkumpanjati sparixxew wara l-wasla tagħhom fl-UE fl-2015 u li dawn it-tfal jistgħu jkunu vittmi ta' traffikar u esposti għal kull tip ta' sfruttament u abbuż; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tal-asil u jirreġistraw lit-tfal mal-wasla tagħhom sabiex jiżguraw l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambju ta' informazzjoni sabiex jipproteġu aħjar lit-tfal migranti fl-Ewropa;

25.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu b'mod effikaċi d-drittijiet tal-vittmi, b'mod partikolari billi jipprovdu aċċess għall-għajnuna legali, assistenza u rappreżentanza legali, appoġġ psikoloġiku u mediku, informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom għall-assistenza u l-kura tas-saħħa, inkluż id-dritt għall-abort għall-vittmi ta' sfruttament sesswali, id-drittijiet tagħhom rigward l-aċċess għall-ġustizzja u għal avukat, u kwalunkwe kumpens possibbli kif ukoll l-aċċess possibbli għal programmi ta' protezzjoni tax-xhieda; jinnota li d-Direttiva 2012/29/UE tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u li l-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE għandha ssir fid-dwal tad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2012/29/UE; jinnota li jistgħu jiġu stabbiliti wkoll miżuri speċjali għall-protezzjoni tal-vittmi minn vittimizzazzjoni u trawma ulterjuri matul l-investigazzjonijiet u l-proċessi ġudizzjarji;

26.  Jisħaq li l-prevenzjoni f'dawk li huma t-teħid ta' miżuri xierqa, bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, biex tiġi skoraġġuta u mnaqqsa d-domanda, kif ukoll kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, inkluż dwar l-iskjavitù moderna, ir-riċerka u l-programmi edukattivi, immirati lejn it-tnaqqis tar-riskju tal-persuni milli jsiru vittmi tat-traffikar, hija ta' importanza kruċjali għall-ġlieda effettiva kontra t-traffikar tal-bnedmin; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jieħdu azzjonijiet immirati biex jiskoraġġixxu d-domanda għat-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni aktar ħorox kontra l-bosta impjegaturi u sidien il-kera li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin billi jkomplu jisfruttaw lill-individwi; jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jsaħħu wkoll il-kooperazzjoni tagħhom mal-ispetturi tax-xogħol, l-ispetturi soċjali, dawk tas-saħħa u dawk tas-sikurezza, kif ukoll mal-ispetturi tas-sajd;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-effettività tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Europol fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-importanza tal-iskambju sistematiku ta' data u l-importanza li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-bażijiet ta' data Ewropej użati għal dan il-għan, inklużi l-bażijiet ta' data tal-Europol Focal Point Phoenix u Focal Point Twins; jenfasizza l-ħtieġa li l-gwardji tal-fruntieri u l-gwardji kostali jkollhom aċċess għall-bażijiet ta' data tal-Europol;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga aktar, fid-dawl tad-Direttiva 2011/36/UE, ir-rwol tal-Internet, tan-netwerks soċjali u tat-teknoloġiji ġodda fit-traffikar tal-bnedmin, inkluż b'mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament sesswali fuq is-siti web pornografiċi u fuq is-siti web li joffru spettakli sesswali online;

29.  Jistieden lill-Europol u lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-reklutanti kemm jekk permezz ta' approċċ proattiv jew abbażi tax-xhieda ta' vittma skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/36/UE; jenfasizza li r-reklutanti jużaw varjetà ta' mezzi, inklużi n-netwerks soċjali u s-siti tal-internet (aġenziji ta' reklutaġġ online); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tespandi l-mandat tal-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) tal-UE, tal-Europol, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sħubija privileġġjata mal-kumpaniji maġġuri tal-Internet u żżomm lill-Parlament Ewropew debitament infurmat;

31.  Jitlob implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/36/EU, bil-għan li jiġu żgurati n-non-prosekuzzjoni u n-non-applikazzjoni tas-sanzjonijiet jew il-pieni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza li dan jinkludi n-non-applikazzjoni ta' sanzjonijiet għall-persuni li jinsabu fil-prostituzzjoni u li ma jingħatawx pieni għal dħul jew residenza irregolari fil-pajjiżi ta' transitu u ta' destinazzjoni;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tas-“segwitu tal-flus” bħala strateġija ewlenija għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tan-netwerks tal-kriminalità organizzata li jagħmlu profitt mit-traffikar tal-bnedmin, u jistieden lill-Europol u l-Eurojust isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol u bejniethom bil-għan li jinvestigaw l-aspetti finanzjarji u l-ħasil tal-flus fil-każijiet tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fl-iffriżar u l-ikkonfiskar tal-assi tal-individwi involuti fit-traffikar, peress li dan jista' jkun mezz effettiv biex jibdlu t-traffikar tal-bnedmin minn negozju "ta' riskju baxx u profitt kbir" għal wieħed "ta' riskju għoli u profitt żgħir"; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jużaw b'mod aktar effiċjenti l-għodda eżistenti kollha disponibbli bħalma huma l-għarfien reċiproku tas-sentenzi tal-qrati, l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew; jemmen li l-assi kkonfiskati tal-persuni misjuba ħatja ta' reati ta' traffikar għandhom jintużaw biex jappoġġjaw u jikkumpensaw lill-vittmi tat-traffikar; jinnota wkoll li l-fondi enormi miġbura mit-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin jiffinanzjaw tipi oħra ta' kriminalità serja;

33.  Iqis li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2011/36/KE għandu jiġi estiż sabiex jintroduċi għajnuniet maħsuba għall-integrazzjoni futura (tagħlim tal-lingwa, familjarizzazzjoni mal-kultura u l-komunità, eċċ.) fejn iċ-ċirkostanzi tal-vittmi jippermettulhom jagħżlu li jieħdu permess ta' residenza;

34.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-Europol u l-Eurojust, inklużi l-iskambju tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra r-reklutaġġ ta' persuni permezz tal-internet għat-traffikar tal-bnedmin;

35  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/KE, kif ukoll l-oqfsa ġuridiċi rilevanti l-oħra kollha dwar it-traffikar tal-bnedmin, mingħajr ebda dewmien; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jittraskuraw l-obbligi tagħhom;

36.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-individwi li jaħdmu biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ma għandhom jinżammu responsabbli għall-ebda reat;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jedukaw liċ-ċittadini tagħhom dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-identifikazzjoni tal-vittmi permezz ta' kampanji ta' informazzjoni; jitlob li l-Istati Membri u l-UE jimmiraw finanzjament għall-NGOs li jappoġġjaw lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif l-approċċi differenti għall-prostituzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jaffettwaw it-traffikar tal-bnedmin;

39.  Jitlob li l-UE tagħmel viżibbli u tagħti attenzjoni lill-forom ġodda ta' traffikar u sfruttament tal-bnedmin, inklużi l-isfruttament riproduttiv u t-traffikar tat-trabi tat-twelid;

40.  Jitlob għal approċċ konsistenti għall-prosekuzzjoni ta' reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jitlob lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom; jitlob, f'dak ir-rigward, li l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni transfruntiera mal-aġenziji rilevanti tal-UE;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-prinċipju tan-non-refoulement fid-direttivi tagħhom ta' kontra t-traffikar, fuq l-eżempju tal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u l-Konvenzjoni dwar it-Traffikar tal-Kunsill tal-Ewropa u skont l-obbligi tal-istati taħt id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

42.  Ifakkar li t-taħriġ tal-professjonisti u l-uffiċjali huwa kruċjali għall-identifikazzjoni bikrija ta' vittmi potenzjali u l-prevenzjoni tar-reati; jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2011/36/UE u jiskambjaw l-aħjar prattiki;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur sabiex jinkludi setgħat, ladarba jiġi stabbilit, biex it-traffikar tal-bnedmin jiġi indirizzat b'mod determinat;

44.  Jitlob li l-UE tipprovdi, permezz tal-Eurostat, stimi dwar in-numru ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, reġistrati jew xort' oħra, f'konformità mal-mudell ġenerali segwit minn organizzazzjonijiet bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

45.  Jitlob kollaborazzjoni iktar b'saħħitha mal-pjattaformi online fuq proġetti mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji li persuna tkun fil-mira u tiġi rreklutata permezz tal-internet u ta' netwerks soċjali;

46.  Iqis li l-migranti huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar, speċjalment it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni, inkluż fil-hotspots, biex jiġu identifikati vittmi potenzjali u fil-ġlieda kontra t-traffikanti u l-kutrabandisti; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu attenzjoni speċjali lill-vittmi tat-traffikar li huma tfal, inklużi minuri mhux akkumpanjati li jiġu minn pajjiżi terzi, u jipprovdu protezzjoni speċjali lit-tfal fil-proċeduri kriminali – l-aħjar interessi tal-minuri għandhom jitqiesu tal-ikbar importanza f'kull ħin (l-Artikoli 13, 14, 15 u 16);

47.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu riċerka dwar l-iktar tendenzi u forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin, inkluża l-influwenza li jista' jkollha fuq t-traffikar tal-bnedmin il-kriżi migratorja attwali, bil-għan li l-iżviluppi l-ġodda jiġu indirizzati b'rispons adegwat u mmirat;

48.  Iqis li modi sikuri u legali ta' dħul fl-UE jnaqqsu l-vulnerabbiltà u t-traffikar tal-bnedmin;

49.  Japprezza l-ħidma tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar, li hu responsabbli mit-titjib tal-koordinazzjoni u l-koerenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-atturi internazzjonali u għall-iżvilupp ta' politiki tal-UE eżistenti u ġodda biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin; huwa tal-fehma, madankollu, li sabiex tiġi aċċelerata r-reazzjoni tal-UE għat-traffikar tal-bnedmin, il-mandat tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar jista' jiġi estiż.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

1

18

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Carlos Coelho, Pál Csáky, Miriam Dalli, Daniel Dalton, Gérard Deprez, Anna Hedh, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Morten Helveg Petersen, Emil Radev, Barbara Spinelli, Jaromír Štětina, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Herbert Dorfmann, José Inácio Faria, Eugen Freund, David McAllister, Marita Ulvskog

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Reid, Marco Zanni

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Reid, Marco Zanni

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0070.

(2)

ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(5)

ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(6)

ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(7)

ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0162.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(11)

Stimi tal-ILO għall-2014, Profits and poverty the economics of forced labour (Profitti u faqar, l-ekonomija tax-xogħol furzat).

(12)

Rapport tal-Eurostat "Trafficking in human beings" (Traffikar tal-bnedmin), edizzjoni tal-2015.

(13)

Idem, rapport tal-Eurostat.

(14)

Idem, rapport tal-Eurostat.

(15)

3 Europol, Rapport tas-Sitwazzjoni: Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (Frar 2016).

(16)

Idem, rapport tal-Eurostat.

(17)

Rapport tal-Eurostat, 2015.

(18)

"Mid-term report on the implementation of the EU strategy towards the eradication of trafficking in human beings" (Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin) SWD(2014) 318 final, paġna 9.

(19)

https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/handbook-consular-and-diplomatic-staff-how-assist-and-protect-victims-human-trafficking_en.

Avviż legali