Proċedura : 2015/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0158/2016

Testi mressqa :

A8-0158/2016

Dibattiti :

PV 06/06/2016 - 16
CRE 06/06/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2016 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0249

RAPPORT     
PDF 594kWORD 162k
28.4.2016
PE 575.014v02-00 A8-0158/2016

dwar l-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi - l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana

(2015/2275(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Geoffrey Van Orden

Rapporteur għal opinjoni(*):

Paavo Väyrynen, Kumitat għall-Iżvilupp

(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi - l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana

(2015/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 41, 42 u 43 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-Kapitoli VI, VII u VIII tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-1 ta' April 2015,"Partnering for peace: moving towards partnership peacekeeping" (Kooperazzjoni għall-paċi: lejn iż-żamma ta' paċi fi sħbuija)(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' April 2015 dwar "It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp - L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet"(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Ġunju 2015 tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fit-28 ta' Settembru 2015 waqt il-Leader's Summit on Peace-Keeping (Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi) mlaqqa' mill-President tal-Istati Uniti, Barack Obama,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti tal-14 ta' Ġunju 2012 "Plan of Action to enhance EU CSDP support to UN peacekeeping"(4) (Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU) u tat-23 ta' Marzu 2015 "Strengthening the UN-EU Strategic Partnership on Peacekeeping and Crisis Management: Priorities 2015-2018' (It-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar iż-żamma tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżi: Prijoritajiet 2015-2018)(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (JAES) li ntlaħaq qbil dwarha waqt it-tieni Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Lisbona bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007(6) u l-Pjan Direzzjonali tal-JAES għall-perjodu 2014-2017 maqbul waqt ir-raba' Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar fi Brussell bejn it-2 u t-3 ta' April 2014(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3 tal-2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar "L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar "L-evalwazzjoni tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika wara għaxar snin: effikaċja u prospetti għall-ġejjieni",

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' Oslo dwar l-użu tal-mezzi militari u tal-protezzjoni ċivili fl-ambitu ta' interventi internazzjonali f'każ ta' diżastri ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4h u 4j tal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0158/2016),

A.  billi l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi (PSOs) huma forma ta' rispons għall-kriżijiet, normalment b'sostenn għal organizzazzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħan-NU jew l-Unjoni Afrikana (UA), b'mandat tan-NU, u maħsuba biex jipprevjenu l-kunflitt armat, jiksbu lura, iżommu jew jsaħħu l-paċi, jinfurzaw il-ftehimiet ta' paċi u jindirizzaw l-emerġenzi u l-isfidi kumplessi maħluqa minn stati dgħajfa jew li qegħdin ifallu; billi l-istabbiltà fil-viċinat tal-Afrika u tal-Ewropa tkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi kollha tagħna;

B.  billi l-għan tal-PSOs huwa li jgħinu sabiex jinħolqu ambjenti stabbli, siguri u aktar prosperi għal perjodu ta' żmien itwal; billi l-governanza tajba, il-ġustizzja, ir-rispett akbar għall-istat tad-dritt, il-protezzjoni taċ-ċivili, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà huma l-prekundizzjonijiet essenzjali għal dan, u l-programmi ta' rikonċiljazzjoni, rikostruzzjoni u ta' żvilupp ekonomiku li jirnexxu jgħinu sabiex jitwasslu paċi u prosperità awtosostenibbli;

C.  billi l-kuntest tas-sigurtà fl-Afrika b'mod partikolari nbidel b'mod drammatiku fl-aħħar deċennju, bil-preżenza ta' gruppi terroristiċi u ta' ribelli fis-Somalja, fin-Niġerja u fir-reġjun tas-Saħel-Saħara, u bl-operazzjonijiet ta' infurzar ta' paċi u operazzjonijiet kontra t-terroriżmu jsiru r-regola minflok l-eċċezzjoni f'ħafna żoni; billi qed jiżdied in-numru ta' stati fraġli u ta' żoni mingħajr gvern, li jħallu ħafna nies milquta mill-faqar, mil-illegalità, mill-korruzzjoni u mill-vjolenza; billi l-konfini porużi fil-kontinent jgħinu biex jixprunaw il-vjolenza, inaqqsu s-sigurtà u jipprovdu opportunitajiet għal attività kriminali;

D.  billi, fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp u ġie introdott l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja;

E.  billi l-organizzazzjonijiet u n-nazzjonijiet mogħnija bit-tagħmir u l-esperjenza xierqa, idealment b'mandat ċar u realistiku tan-NU, għandhom jipprovdu dawk ir-riżorsi militari meħtieġa għal PSO ta' suċċess, sabiex jgħinu ħalli jinħolqu ambjenti siguri sabiex l-organizzazzjonijiet ċivili jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom;

F.  billi n-NU jibqgħu l-organizzazzjoni li tiggarantixxi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għandhom l-aktar qafas komprensiv għal kooperazzjoni multilaterali fil-ġestjoni tal-kriżijiet; billi bħalissa hemm għaddejjin 16-il operazzjoni tan-NU għaż-żamma tal-paċi b'aktar minn 120 000 membru tal-persunal skjerati, aktar minn qatt qabel; billi aktar minn 87 % tal-persunal tan-NU għaż-żamma tal-paċi huma skjerati fi tmien missjonijiet fl-Afrika; billi n-NU huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom;

G.  billi l-UA topera f'limitazzjonijiet differenti minn dawk tan-NU u billi tista' tieħu pożizzjoni, tintervjeni mingħajr stedina u tintervjeni meta ma jkun ġie ffirmat ebda ftehim ta' paċi, filwaqt li tibqa' tirrispetta l-Karta tan-NU; billi minħabba l-għadd ta' kunflitti interstatali u intrastatali fl-Afrika din hija differenza importanti;

H.  billi n-NATO pprovdiet appoġġ lill-UA, inkluż lil AMIS (Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Sudan) fid-Darfur u lil AMISOM (Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja) fis-Somalja, bi ppjanar u b'mezzi strateġiċi ta' rkupru fl-ajru u fuq il-baħar u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);

I.  billi l-kriżijiet fl-Afrika jeħtieġu reazzjoni globali koerenti li tmur lil hinn sempliċement mill-aspetti tas-sigurtà; billi l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp, u billi l-atturi lokali u internazzjonali kollha enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinament mill-qrib bejn il-politika ta' sigurtà u ta' żvilupp; billi hemm bżonn ta' perspettiva fuq terminu twil; billi r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u d-diżarm, id-demobilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ex kombattenti jistgħu jkunu importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ta' stabbiltà u żvilupp; billi l-Uffiċċju ta' Kollegament tan-NU għall-Paċi u s-Sigurtà u l-Missjoni Permanenti tal-Unjoni Afrikana fi Brussell għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-UE, in-NATO u l-ambaxxati nazzjonali;

J.  billi l-mekkaniżmu primarju ta' kooperazzjoni Ewropea mal-UA hi l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), oriġinarjament imwaqqfa fl-2004 u li tipprovdi madwar EUR 1,9 biljun permezz tal-FEŻ iffinanzjat mill-Istati Membri; billi l-FPA kienet stabbilita fl-2003, il-finanzjament tagħha permezz tal-fondi tal-FEŻ kien previst li jkun wieħed provviżorju, iżda 12-il sena wara l-FEŻ għadu s-sors ewlieni ta' finanzjament għall-FPA; billi fl-2007 l-ambitu tal-FPA ġiet estiża sabiex tkopri firxa usa' ta' attivitajiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' attivitajiet ta' stabbilizzazzjoni ta' wara l-kunflitt; billi l-programm ta' azzjoni 2014-2016 jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni esterna u l-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u jintroduċi elementi ġodda sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu; billi l-Artikolu 43 TUE jirreferi għall-hekk imsejħa "kompiti ta' Petersberg Plus", li jkopru kompiti ta' konsulenza u assistenza militari, kompiti ta' prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi, u kompiti ta' forzi ta' ġlied fl-immaniġġar ta' kriżijiet, inklużi l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni wara l-kunflitti; billi fl-2014 aktar minn 90 % tal-baġit ġie allokat għal PSOs, li minnhom 65 % kienu għal persunal tal-AMISOM; billi t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Unjoni Afrikana u tal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali Afrikani hi essenzjali għas-suċċess tal-PSOs u tal-proċessi ta' rikonċiljazzjoni u ta' riabilitazzjoni wara kunflitt;

K.  billi r-rwol tal-UE għandu jitqies fil-kuntest tal-kontributi magħmula lill-PSOs minn għadd kbir ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet; billi, pereżempju, l-Istati Uniti huma l-akbar kontributur finanzjarju tad-dinja għall-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU u tipprovdi appoġġ dirett lill-UA permezz tas-Sħubija Afrikana tiegħu ta' Rispons Rapidu għaż-Żamma tal-Paċi, kif ukoll bejn wieħed u ieħor USD 5 biljun b'sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Mali, fil-Kosta tal-Avorju, fis-Sudan t'Isfel u fis-Somalja; billi dawn is-sorsi ta' finanzjament differenti jiġu koordinati mill-Grupp ta' Msieħba tal-Unjoni Afrikana dwar il-paċi u s-sigurtà; billi ċ-Ċina saret parteċipant attiv fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU u l-Forum ta' Kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika jinkludi l-Kummissjoni tal-UA; billi, wara l-Etjopja, l-Indja, il-Pakistan u l-Bangladesh huma l-akbar fornituri ta' persunal li jaħdmu b'riżq iż-żamma tal-paċi tan-NU;

L.  billi l-pajjiżi Ewropej u l-UE nnifisha huma kontributuri ewlenin għas-sistema tan-NU, partikolarment sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-programmi u l-proġetti tan-NU; billi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit huma l-akbar kontributuri Ewropej għall-baġit tal-PKOs (Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi) tan-NU; billi l-Istati Membri tal-UE, b'madwar 37 % tal-finanzjament, huma kollettivament l-akbar kontributur għall-baġit tan-NU għaż-żamma ta' paċi, u billi bħalissa qed jikkontribwixxu truppi għal disa' missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; billi, barra minn hekk, fl-2014 u fl-2015 l-impenji finanzjarji tal-UE lejn l-UA ammontaw għal EUR 717,9 miljun u l-kontribuzzjonijiet tal-UA bilkemm kienu jlaħħqu EUR 25 miljun; billi l-pajjiżi Ewropej jikkontribwixxu biss madwar 5 % tal-persunal tan-NU għaż-żamma tal-paċi, b' 5 000 truppa minn total ta' madwar 92 000; billi, madankollu, Franza, pereżempju, kull sena tħarreġ 25 000 suldat Afrikan u apparti dan tħaddem aktar minn 4 000 membru tal-persunal f'PKOs Afrikani;

M.  billi l-mini kontra l-persunal kienu ostakolu kbir għar-riabilitazzjoni u l-iżvilupp wara l-kunflitti, mhux l-inqas fl-Afrika, u l-UE nefqet madwar EUR 1,5 biljun fl-aħħar 20 sena fuq proċessi ta' appoġġ għat-tneħħija tal-mini u ta' għajnuna għall-vittmi tal-mini, u b'hekk saret l-akbar donatur f'dan il-qasam;

N.  billi, minbarra r-rwol tal-pajjiżi Ewropej individwali, l-UE għandha kontribut distintiv x'tagħmel lill-PSOs permezz ta' riżorsi finanzjarji u b'azzjonijiet multidimensjonali; billi l-UE qed tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lill-UA u lill-organizzazzjonijiet subreġjonali, b'mod partikolari permezz tal-FPA, u bl-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; billi l-UE qed twettaq azzjonijiet ta' konsulenza u ta' taħriġ fil-qafas tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha, biex b'hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani fil-ġestjoni tal-kriżijiet;

O.  billi il-ħames missjonijiet ċivili tal-UE u l-erba' operazzjonijiet militari tal-UE li għaddejjin bħalissa fl-Afrika ta' spiss jaħdmu flimkien jew f'sekwenza man-NU, l-UA jew mal-azzjonijiet nazzjonali;

P.  billi l-UE hija impenjata sabiex tgħin fit-tisħiħ tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà, b'mod partikolari billi tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);

Q.  billi l-Kunsill Ewropew talab li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet imsieħba, permezz tal-għoti ta' taħriġ, konsulenza, tagħmir u riżorsi, sabiex ikunu jistgħu dejjem aktar jipprevjenu jew jimmaniġġjaw il-kriżijiet waħedhom; billi hemm ħtieġa ċara għal interventi ta' tisħiħ reċiproku fl-oqsma tas-sigurtà u tal-iżvilupp bil-għan li tintlaħaq dan l-għan;

R.  billi l-UE għandha tappoġġa l-azzjonijiet ta' oħrajn li jistgħu jkunu f'qagħda aħjar li jaqdu rwoli partikolari, billi tevita d-duplikazzjoni u tgħin biex tissaħħaħ il-ħidma ta' dawk li huma diġà preżenti fuq il-post, b'mod partikolari l-Istati Membri;

S.  billi l-Artikolu 41(2) TUE jipprojbixxi nfiq mill-baġits għal operazzjonijiet b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, filwaqt li ma jeskludix b'mod espliċitu il-finanzjament mill-UE ta' kompiti militari bħal attivitajiet ta' bini tal-paċi mal-objettivi ta' żvilupp; billi dawn l-ispejjeż komuni huma imposti lill-Istati Membri skont il-mekkaniżmu Athena; billi, filwaqt li l-objettiv primarju tal-politika għall-iżvilupp tal-UE huwa t-tnaqqis tal-faqar, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar, l-Artikoli 209 u 212 tat-TFUE ma jeskludux b'mod espliċitu l-finanzjament tal-bini tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà; billi l-FEŻ u l-FPA, bħala strumenti barra mill-baġit tal-UE, huma rilevanti biex tiġi indirizzata r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-FEŻ jipprevedi li l-programmar jiġi ddisinjat biex jissodisfa l-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), li ġeneralment jeskludu l-ispejjeż relatati mad-drittijiet ta' sigurtà; billi l-UE qed taħdem fuq il-possibbiltà ta' aktar strumenti ddedikati fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet f'Appoġġ għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD);

T.  billi l-ħtiġijiet tal-pajjiżi kkonċernati u tas-sigurtà Ewropea għandhom ikunu l-prinċipji gwida għall-involviment tal-UE;

1.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjonijiet esterni koordinati li jagħmlu użu mill-istrumenti ta' diplomazija, sigurtà u żvilupp biex terġa' tinġieb il-fiduċja u jingħelbu l-isfidi kkawżati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;

2.  Josserva li l-iskjerament ta' missjonijiet multipli awtorizzati min-NU fl-istess żona ta' operazzjonijiet, b'atturi u organizzazzjonijiet reġjonali differenti, qed isir dejjem aktar ir-realtà ta' operazzjonijiet tal-paċi moderni; jissottolinja li l-ġestjoni ta' dawn is-sħubijiet kumplessi, mingħajr duplikazzjoni tax-xogħol jew tal-missjonijiet, hija essenzjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet; f'dan ir-rigward, jappella għall-evalwazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni bikrija u proċeduri msaħħa għal konsultazzjoni dwar il-kriżijiet man-NU u mal-UA, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet oħrajn bħan-NATO u l-OSKE; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż dwar l-ippjanar, it-tmexxija u l-analiżi tal-missjonijiet; jilqa' l-iffinalizzar u l-iffirmar ta' arranġament amministrattiv bejn in-NU u l-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata; jirrikonoxxi l-importanza tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u d-djalogu politiku tal-UE-UA dwar il-paċi u s-sigurtà; jissuġġerixxi li jintlaħaq ftehim bejn l-UA, l-UE u atturi ewlenin oħrajn u n-NU dwar ġabra ta' għanijiet komuni għas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Afrika;

4.  Iħeġġeġ lill-UE, minħabba l-kobor tal-isfidi u l-involviment kumpless ta' organizzazzjonijiet u nazzjonijiet oħrajn, sabiex tfittex tqassim xieraq tax-xogħol u biex tiffoka fuq fejn l-aħjar li tista' żżid il-valur; jinnota li għadd ta' Stati Membri diġà huma involuti f'operazzjonijiet fl-Afrika, u l-UE tista' tiġġenera valur miżjud reali billi tappoġġa aktar dawn l-operazzjonijiet;

5.  Jinnota li, f'ambjent ta' sigurtà dejjem aktar kumpless, il-missjonijiet tan-NU u tal-UA jeħtieġu approċċ komprensiv li taħtu, minbarra l-użu ta' strumenti militari, diplomatiċi u ta' żvilupp, fatturi essenzjali oħrajn ikunu l-għarfien dettaljat tal-ambjent ta' sigurtà, l-iskambji ta' intelligence u informazzjoni u teknoloġiji moderni, l-għarfien tal-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità f'żoni ta' kunflitt u f'żoni ta' wara l-kunflitt, l-użu ta' abilitaturi kritiċi, l-għoti ta' għajnuna umanitarja u r-ristabbiliment tad-djalogu politiku, li l-pajjiżi Ewropej jistgħu jgħinu biex jipprovdu; jinnota l-ħidma li diġà qed titwettaq minn Stati Membri speċifiċi, kif ukoll minn organizzazzjonijiet multinazzjonali oħrajn f'dan il-qasam;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' strumenti oħra tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u, b'mod partikolari, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; ifakkar li l-UE qed tintervjeni fl-Afrika biex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni ta' pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet, partikolarment permezz ta' missjonijiet ta' taħriġ; jissottolinja r-rwol tal-missjonijiet tal-PSDK, kemm ċivili kif ukoll militari, bħala appoġġ għar-riformi fis-settur tas-sigurtà u bħala kontribut għall-istrateġija tal-immaniġġjar tal-kriżijiet internazzjonali;

7.  Jinnota li l-leġittimità perċepita tal-PSO hi fundamentali għas-suċċess tagħha; jemmen għalhekk li l-UA għandha tikkontribwixxi b'forzi militari u ta' sostenn kull fejn ikun possibbli; jinnota li dan huwa importanti wkoll fir-rigward tal-għanijiet ta' awtodixxiplina fuq il-perjodu twil ta' żmien tal-UA;

8.  Jilqa' l-fatt li l-programm ta' azzjoni l-ġdid tal-FPA jindirizza n-nuqqasijiet u jagħmel enfasi aktar qawwija fuq l-istrateġiji tal-ħruġ, il-kondiviżjoni akbar tal-piżijiet mal-pajjiżi Afrikani, l-appoġġ aktar immirat u l-proċeduri mtejba ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

9.  Jilqa' s-Sħubija Strateġika bejn in-NU u l-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, kif ukoll tal-prijoritajiet tagħha għall-perjodu 2015-2018, kif maqbula f'Marzu 2015; jinnota li l-missjonijiet tal-passat u dawk attwali tal-PSDK intiżi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, u jqis r-rwol ewlieni ta' organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet pan-Afrikani u reġjonali, u tal-pajjiżi f'dawn l-oqsma; jappella lill-UE twettaq aktar sforzi biex tiffaċilita il-kontributi tal-Istati Membri; ifakkar li l-UE impenjat ruħha f'attivitajiet ta' maniġġjar ta' kriżijiet fl-Afrika, intiżi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Karta tan-NU; jinnota li 11-il Stat Membru tal-UE biss minn 28 impenjaw ruħhom waqt is-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015, filwaqt li ċ-Ċina wiegħdet forza ta' intervent fil-pront ta' 8 000 u l-Kolombja wiegħdet 5 000 truppa; jappella lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u ta' pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma ta' paċi tan-NU;

10.  Jissottolinja l-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Afrika għall-kriżi u jidentifika r-rwol ewlieni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) f'dan il-qasam; jissottolinja l-kontribut ewlieni tal-UE, permezz tal-FPA u l-finanzjament tal-UA, li jippermetti lill-UA ssaħħaħ il-kapaċità tagħha sabiex tipprovdi rispons kollettiv għall-kriżijiet fil-kontinent; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC), biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-qasam ta' risponsi Afrikani rapidi għall-kriżijiet u biex jikkumplimentaw l-isforzi tal-UA;

11.  Jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' aktar investiment fil-prevenzjoni ta' konflitti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħalma huma r-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża, vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, l-ispostamenti tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima;

12.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-Faċilità għall-Paċi Afrikana fl-iżvilupp ta' sħubija triangolari bejn in-NU, l-UE u l-UA; jemmen li din il-faċilità tipprovdi kemm punt ta' dħul u ta' lieva potenzjali għall-ħolqien ta' sħubija aktar b'saħħitha bejn l-UE u l-UA u wriet li hi indispensabbli biex jippermetti lill-UA, u permezz tagħha lit-tmien Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali (RECs), biex jippjanaw u jimmaniġġjaw l-operazzjonijiet tagħhom; iqis li huwa vitali li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jibqgħu impenjati mill-qrib sabiex il-Faċilità tkun użata bis-sħiħ filwaqt li l-UA turi livelli ogħla ta' effiċjenza u trasparenza fl-użu tal-fondi; hu tal-fehma li l-FPA għandha tiffoka fuq l-appoġġ strutturali aktar milli sempliċement tiffinanzja l-paga tal-forzi Afrikani; jirrikonoxxi li hemm mekkaniżmi ta' finanzjament oħrajn li qegħdin jintużaw, iżda jemmen li minħabba l-enfasi waħdanija tal-Faċilità fuq l-Afrika, kif ukoll l-għanijiet ċari tagħha, dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-PSOs fl-Afrika; iqis li l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) li jaħdmu fuq il-konsolidament tal-paċi fl-Afrika għandhom jingħataw l-opportunità biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, bħala parti minn involviment aktar strateġiku mal-OSĊ dwar il-paċi u s-sigurtà; jibqa' mħasseb dwar il-problemi kontinwi ta' finanzjament u rieda politika min-naħa tal-pajjiżi Afrikani; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2012 li jiddikjaraw li "finanzjament alternattiv għall-finanzjament mill-FEŻ, ser ikollhom jiġu kkunsidrati";

13.  Josserva li l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni militari Ewropea tista' jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-kontribut tal-Ewropa għall-missjonijiet ta' paċi tan-NU;

14.  Jilqa', fid-dawl tal-importanza kbira tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani, it-twettiq b'suċċess tal-eżerċizzju Amani Africa II f'Ottubru 2015, li kien jinvolvi aktar minn 6 000 parteċipant militari, ta' pulizija u ċivili u qed iħares 'il quddiem bil-ħerqa għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) b'25 000 parteċipant mill-aktar fis possibbli fl-2016;

15.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lil membri oħrajn tal-komunità internazzjonali, sabiex jgħinu fit-taħriġ, inkluż fid-dixxiplina, it-tagħmir, fl-appoġġ loġistiku u fl-iżvilupp ta' regoli tal-ingaġġ (RoE), bil-għan li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw lill-Istati Afrikani bis-sħiħ u biex jissoktaw bl-impenn tagħhom b'riżq l-ASF; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, promozzjoni aktar attiva tal-ASF fil-bliet kapitali Afrikani mill-ambaxxati tal-Istati Membri u mid-delegazzjonijiet tal-UE; jemmen li l-ODA għandha titfassal mill-ġdid taħt il-qafas tal-OECD permezz ta' lentijiet ta' tisħiħ ta' paċi; iqis li r-regolament tal-FEŻ għandu jiġi rivedut sabiex jippermetti t-tfassil ta' programmazzjoni li tinkludi l-infiq għall-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja li jkollu motivazzjoni relatati mal-iżvilupp;

16.  Jinnota l-importanza ta' missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għas-sigurtà fl-Afrika, b'mod partikolari b'missjonijiet ta' taħriġ u ta' appoġġ għall-forzi Afrikani, u b'mod speċjali l-EUTM Mali (missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali), il-EUCAP Sahel Mali (Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali) u l-EUCAP Sahel Niger (missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer), il-EUTM Somalja (Missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja) u l-EUCAP Nestor (Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika); jinnota li appoġġ addizzjonali pprovdut minn dawk il-missjonijiet għall-isforzi ta' missjonijiet oħra mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti; jappella lill-UE biex iżżid il-kapaċitajiet ta' dawn il-missjonijiet ta' taħriġ, b'mod partikolari billi tippermetti lis-suldati Afrikani li ġew imħarrġa, jiġu mmonitorjati u wara r-ritorn tagħhom minn żoni tal-operazzjonijiet;

17.  Jinsisti li la l-UE u lanqas l-Istati Membri, fl-appoġġ tagħhom għall-PSOs, ma għandhom jaġixxu f'iżolament iżda għandhom, minflok, iqisu l-kontributi ta' atturi internazzjonali oħrajn, għandhom itejbu il-koordinament magħhom u r-rapidità tar-rispons, kif ukoll jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq ċerti pajjiżi prijoritarji, bl-użu tal-aktar Stati Membri u Stati Afrikani b'esperjenza u adattati bħala nazzjonijiet mexxejja; jissottolinja l-importanza tal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali fl-arkitettura tas-sigurtà Afrikana; jinnota r-rwol li d-delegazzjonijiet tal-UE jista' jkollhom bħala faċilitaturi ta' koordinament fost l-atturi internazzjonali;

18.  Jappoġġa approċċ olistiku mill-UE, li hu l-istrument ewlieni biex jimmobilizza l-potenzjal sħiħ ta' azzjoni tal-UE fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' żamma paċi u fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni, kif ukoll għall-mobilizzazzjoni ta' diversi modi ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-UA;

19.  Jenfasizza li l-assistenza għall-ġestjoni tal-fruntieri għandha tkun prijorità għall-impenn tal-UE fl-Afrika; jinnota li l-konfini porużi huma wieħed mill-fatturi prinċipali wara ż-żieda fit-terroriżmu fl-Afrika;

20.  Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-tisħiħ tal-kapaċità u jingħaqad mal-Kunsill sabiex jappella għall-implimentazzjoni urġenti tagħha; jindika l-potenzjal tal-UE, partikolarment permezz tal-approċċ komprensiv tagħha li jkopri mezzi ċivili u militari, biex jgħinu jsaħħu s-sigurtà f'pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti u biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-imsieħba tagħna, b'mod partikolari r-riċevituri militari, filwaqt li jtenni li s-sigurtà hi prekondizzjoni għall-iżvilupp u d-demokrazija; jiddispjaċih li la l-Kummissjoni Ewropea u lanqas il-Kunsill ma kkondividew mal-Parlament Ewropew il-valutazzjoni tagħhom rigward l-għażliet legali b'appoġġ għall-bini ta' kapaċità; jappella liż-żewġ istituzzjonijiet jinformaw lill-Parlament Ewropew dwar dan fi żmien debitu; jappella lill-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi bażi ġuridika f'konformità mal-objettivi Ewropej oriġinali tal-2013 deskritti fl-inizjattiva "Ippermetti u Ħeġġeġ";

21.  Jindika li l-kontribut tas-Servizz Legali tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015, bl-isem "It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp - Mistoqsijiet Legali", tissuġġerixxi modi u mezzi ta' materjal ta' finanzjament għall-forzi militari tal-pajjiżi Afrikani; jappella lill-Kunsill biex ikompli din id-diskussjoni;

22.  Jilqa' r-rispons pożittiv riċevut minn Franza wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7); jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni mill-ġdid tal-forzi armati Ewropej fl-Afrika;

23.  Jirrikonoxxi li l-problema sikwit ma tkunx in-nuqqas ta' finanzjament iżda pjuttost il-mod kif jintefqu l-fondi u x'riżorsi oħrajn jiġu utilizzati; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-fondi tal-UE għadhom ma ġewx implimentati kompletament; jappella biex isiru rieżamijiet regolari ta' kif qegħdin jintefqu l-fondi mill-gvernijiet nazzjonali permezz tal-UE u n-NU; jemmen li huwa essenzjali li l-fondi jintużaw b'mod effikaċi, minħabba n-natura definita tagħhom u l-iskala tal-problemi li jiġu ffaċċjati; jemmen li r-responsabbiltà hi parti essenzjali ta' dan il-proċess, kif ukoll tgħin biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni endemika fl-Afrika; jinsisti fuq evalwazzjoni trasparenti u aktar bir-reqqa tal-PSOs appoġġati mill-UE; jappoġġa l-inizjattivi bħall-Fond Fiduċjarju Békou li jopera fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li għandu l-għan li jakkomuna r-riżorsi Ewropej relatati mal-iżvilupp, l-għarfien espert u l-kapaċitajiet sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni u l-ineffikaċja ta' azzjoni internazzjonali fil-kuntest ta' rikostruzzjoni tal-pajjiż; jappella għal aktar programmazzjoni konġunta sistematika fost id-diversi strumenti tal-UE;

24.  Jinnota li fil-15 ta' Mejju 2015 ir-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi, iqis li l-UA, in-NU, l-UE u l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw viġilanza qawwija dwar tali materji kriminali u jħeġġeġ l-aktar proċeduri ġudizzjarji rigorużi u dixxiplinarji u biex isir l-ikbar sforz possibbli biex jipprevjenu reati ta' dan it-tip; jirrakkomanda, barra minn hekk, it-taħriġ u l-edukazzjoni xierqa tal-persunal tal-PKO u jemmen li l-ħatra ta' persunal nisa u ta' konsulenti dwar il-ġeneru jista' jgħin biex jingħelbu l-kunċetti kulturali żbaljati u jnaqqsu l-okkorrenza ta' vjolenza sesswali;

25.  Jappella għal sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità mill-UE u n-NU; jemmen li l-programm ta' finanzjament attwali mhuwiex sostenibbli u li għandu jiġi mehmuż mal-FPA sabiex l-UA tiġi mħeġġa żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha lill-PSOs;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kummissjoni tal-UA, lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

(1)

S/2015/229.

(2)

JOIN(2015)17 final.

(3)

A/70/95–S/2015/446.

(4)

Dokument tal-Kunsill 11216/12.

(5)

EEAS(2015)458, dokument tal-Kunsill 7632/15.

(6)

Dokument tal-Kunsill 7204/08.

(7)

Dokument tal-Kunsill 8370/14.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0403.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2010)0439.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi - impenn tal-UE man-NU u mal-Unjoni Afrikana

(2015/2275(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin Rapporteur: Geoffrey Van Orden

Rapport ta' Minoranza imressaq mill-Grupp GUE/NGL, minn Javier Couso Permuy, Sabine Lösing

Ir-rapport għandu l-għan li jżid il-kontribut għal operazzjonijiet ta' appoġġ ta' paċi u ta' kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana. Ir-rapport jitlob li l-Istati Membri tal-UE jżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u tal-pulizija tagħhom għall-missjonijiet tan-NU.

Aħna nirrifjutaw ir-rapport peress li:

-  Jappella lill-UE twettaq sforzi akbar biex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali u għaliex iżomm li s-sigurtà Ewropea għandha tkun il-prinċipju tal-interventi tal-UE;

-  Ma jirrikonoxxix ir-rwol negattiv u ta' destabbilizzazzjoni tal-Punent;

-  Bosta missjonijiet għaż-żamma tal-paċi (militari) qed ikunu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u huma ffinanzjati prinċipalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

-  Ma jqisx li missjonijiet "b'saħħithom" fil-passat ma kinux ta' suċċess f'termini ta' stabbiltà u paċi fit-tul.

Aħna nitolbu bil-qawwa li:

-  Ma jkun hemm l-ebda finanzjament militari jew ta' sigurtà mill-FEŻ;

-  Il-mekkaniżmu responsabbiltà ta' protezzjoni ma għandux jintuża bħala pretest għal intervent militari;

-  It-tmiem immedjat ta' sakkeġġ tar-riżorsi naturali minn kumpaniji multinazzjonali u minn poteri barranin kif ukoll il-ħsarat;

-  Il-ħruġ tan-NATO mill-kontinent Afrikan u l-waqfien tal-fużjoni tal-kapaċitajiet ċivili u militari u tal-kooperazzjoni u l-interventi tal-UE-NATO;

-  Separazzjoni distinta bejn l-UE u n-NATO.

-  L-investigazzjoni indipendenti tal-każijiet kollha ta' stupru u ta' abbuż sesswali mill-brigati tal-Operazzjoni ta' Appoġġ għall-Paċi (PSO) u tal-UE.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (16.3.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi - l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana

(2015/2275(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Paavo Väyrynen

(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li 1,5 miljun ruħ jgħixu f'reġjuni fraġli u milquta minn kunflitti u fi stati fraġli fid-dinja kollha, u li qegħdin jiżdiedu l-ispazji mhux iggvernati bil-konsegwenza li bosta persuni jispiċċaw f'qagħda ta' faqar, illegalità, korruzzjoni u vjolenza bla rażan;

2.  Jissottolinja n-neċessità ta' azzjonijiet esterni koordinati li jagħmlu użu mill-istrumenti ta' diplomazija, sigurtà u żvilupp biex terġa' tinġieb il-fiduċja u jingħelbu l-isfidi kkawżati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;

3.  Jilqa' l-għan li jiġu ċċarati l-limiti tal-involviment tal-UE f'operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi (PSOs) man-Nazzjonijiet Uniti (NU) u mill-Unjoni Afrikana (UA); ifakkar li l-baġit tal-UE ma jistax jintuża biex jiffinanzja operazzjonijiet militari jew ta' difiża b'mod dirett (Artikolu 41(2) tat-TUE); jikkritika l-fatt li bosta missjonijiet (militari) għaż-żamma tal-paċi qegħdin ikunu finanzjati mill-Fond għall-Paċi fl-Afrika (FPA), li jagħti prijorità ċara lis-sigurtà u lill-iskjerament ta' forzi militari u hu prinċipalment finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; ifakkar bil-qawwa li l-objettiv prinċipali tal-politika ta' żvilupp tal-UE (Artikolu 208 tat-TFUE) huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar;

4.  Jiddeplora l-fatt li 11 biss mit-28 Stat Membru ħadu impenn fis-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015;

5.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza fil-PSOs tal-UE; jenfasizza li jekk jinqalgħu lmenti, inkluż fil-qasam finanzjarju, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet sħaħ; jenfasizza li għandhom jiġu mħarrka u kkastigati dawk responsabbli minn delitti li jinvolvu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-isfruttament sesswali, il-vjolenza sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, billi xi każijiet reċenti wrew ukoll l-involviment tal-operaturi tal-UE għaż-żamma tal-paċi; ifakkar fil-bżonn li t-titjib tal-finanzjamenti attwali tal-UE għall-PSOs ma jsirx askaptu ta' fondi oħra, partikolarment tal-fondi ddedikati għall-iżvilupp tal-pajjiżi fejn ikunu qed iseħħu l-PSOs; jissottolinja li l-UA jmissha tieħu aktar responsabilità f'dik li hi s-sigurtà Afrikana, bis-sostenn tal-komunità internazzjonali; f'dan ir-rigward, jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-UA, adottata fil-15 ta' Ġunju 2015, li talloka 25 % tar-riżorsi tagħha lill-baġit tal-UA għall-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi; jenfasizza li għandhom jissaħħu l-mekkaniżmi reġjonali; iqis li l-istrumenti ta' finanzjament u l-programmi reġjonali tal-UE jridu jintużaw b'mod koerenti, bi programmazzjoni konġunta aktar sistematika, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

6.  Jiddispjaċih li l-FPA għadu sal-lum iffinanzjat prinċipalment bis-saħħa tal-FEŻ, filwaqt li diġà fl-2003, meta kien stabbilit il-FPA, kien ċar li l-finanzjamenti tiegħu kellhom ikunu provviżorji; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta fl-okkażjoni tar-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE biex tintegra l-finanzjament tal-FPA fil-baġit tal-UE, jekk possibbli permezz ta' strument ġdid għall-bini ta' kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà; iqis li dan il-metodu ta' finanzjament kieku jsolvi l-problemi attwali relatati mal-eleġibilità ta' xi nefqa tal-FPA;

7.  Jissottolinja l-bżonn li s-SEAE jiżviluppa approċċ ferm aktar effiċjenti u strateġiku fil-konfront tal-aġenziji tan-NU, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lid-delegazzjonijiet tal-UE rilevanti fir-reġjuni instabbli jiżguraw li l-għajnuna tal-UE tkun aktar viżibbli għall-poplu fuq il-post;

8.  Jemmen li l-paċi u s-sigurtà huma prerekwiżiti neċessarji għall-iżvilupp; jissottolinja l-importanza li jiġu affrontati l-kawżi profondi tal-kunflitti, u jappella għal pjan komprensiv biex jissaħħu l-politiki ta' żvilupp sostenibbli bil-għan li jiġi żgurat żvilupp fit-tul; ifakkar fil-bżonn li jingħataw strumenti li bis-saħħa tagħhom isir progress ċar lejn id-demokrazija u l-valuri demokratiċi bħall-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, flimkien ma' ekonomija sostenibbli u soċjetà stabbli; josserva li l-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili u l-attivitajiet ta' konsolidament tal-paċi ma jistgħux ikunu traskurati favur il-paċi u s-sigurtà bħall-azzjonijiet militari u l-ġestjoni tal-kriżijiet fit-terminu qasir; jenfasizza l-bżonn ta' pjan komprensiv dwar iż-żoni ta' kunflitt u l-inħawi ta' madwarhom, bil-ħsieb li ma jitħallewx jitfaċċaw kunflitti ġodda; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir użu sħiħ tas-sistema ta' twissja bikrija;

9.  Jiddispjaċih bil-fatt li pjuttost spiss l-operazzjonijiet ta' "żamma tal-paċi" huma intiżi biss għaż-żamma instabbli ta' sigurtà superfiċjali; iħeġġeġ rikunsiderazzjoni profonda tal-kunċett, tal-istruttura u saħansitra tal-isem ta' dawn l-operazzjonijiet; itenni u jissottolinja bil-qawwa l-bżonn li jitfasslu operazzjonijiet realment intiżi li jaffrontaw l-għeruq fondi tal-gwerra, tal-instabilità u tas-sottożvilupp f'reġjun partikolari u li dawn jiġu mgħammra b'livell għoli ta' reżiljenza;

10.  Jitlob f'dan il-kuntest li s-sostenn mill-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandu jkun karatteristika aktar prominenti fis-sħubijiet kollha, u li għandu jkun integrat impenn strateġiku akbar fil-konfront tal-OSĊ fl-istrumenti u fil-programmi esterni kollha u fl-ambiti kollha tal-kooperazzjoni, partikolarment fil-qafas tal-aġenda għall-paċi u għas-sigurtà; ifakkar li l-Kunsill irrikonoxxa r-rwol essenzjali tal-OSĊ f'dan il-kuntest;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddida li joħolqu ż-żieda fit-terroriżmu fl-Afrika kif ukoll it-tkattir tal-gruppi terroristiċi, bħal Boko Haram; Jissottolinja l-importanza ta' appoġġ favur politika kontra t-terroriżmu effikaċi u sostenibbli fil-pajjżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ qiegħda, li faċilment jiġu reklutati mill-gruppi terroristiċi;

12.  Ifakkar li l-vjolenza sesswali tintuża bħala arma tal-gwerra f'bosta żoni ta' kunflitt; jenfasizza li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli waqt il-kunflitti; jissottolinja l-eżiġenza tagħhom li jkunu protetti, bis-sostenn ta' forzi armati mħarrġa li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Ifakkar li, fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp u li ġie introdott l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja;

14.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ koerenti u komprensiv fil-konfront tal-paċi, tal-istabilità u tal-iżvilupp; jissottolinja bil-qawwa l-bżonn li jiġu affrontati l-kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp fi prospettiva fit-tul, billi jitgħarblu l-kawżi profondi tal-problema, iżda jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv li jintużaw fondi allokati għall-iżvilupp bil-għan li tittieħed azzjoni f'ambiti differenti – anki jekk relatati – bħas-sigurtà u l-paċi;

15.  Ifakkar fl-importanza fundamentali tad-diżarm – b'attenzjoni partikolari lill-ġellieda mhux militari u lit-truppi irregolari – biex jinkisbu l-għanijiet ta' stabilità u żvilupp;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-PSOs jitqiesu bħala proċess uniku li jinkludi l-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-konsolidament tal-paċi u l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti; iqis li l-azzjoni esterna tal-UE f'pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti għandha tkun ikkonċentrata fuq il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-kapaċitajiet bħala sostenn għas-sigurtà u għall-iżvilupp, biex b'hekk tindirizza l-kawżi profondi tal-instabilità; ifakkar fil-ħtieġa ta' sostenn favur ir-riformi fis-settur tas-sigurtà biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet u s-sigurtà tal-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ olistiku għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi min-NU, mill-UA, mill-UE u minn atturi oħrajn;

17.  Jinsisti fuq l-importanza ta' djalogu politiku kostanti bejn l-UE u l-UA dwar l-isfidi fil-qasam tal-paċi u sigurtà u l-mod kif jiġu konsolidati fit-tul ir-riżultati reċenti tal-FPA;

18.  Jissottolinja li għandha titpoġġa enfasi fuq l-isforzi ta' politika f'termini politiċi, umanitarji u ta' żvilupp, sostnuti minn operazzjonijiet ċivili ta' żamma tal-paċi, u li l-appoġġ mill-atturi u mill-kapaċitajiet militari għandu jitqies biss meta ma jkunx fadal alternattivi oħra; jirrakkomanda li ż-żamma tal-paċi militari tkun parti minn approċċ komprensiv usa' li jqis il-korrelazzjoni bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u li għandha tkun koordinata ma' politiki umanitarji u ta' żvilupp, kemm matul l-operazzjonijiet, biex tgħin ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt, kif ukoll wara, biex tagħmel is-soluzzjoni sostenibbli; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt għandhom dejjem ikunu parti kostruttiva tat-tħarriġ tat-truppi; jissottolinja li l-eżiġenzi umanitarji għandhom jiġu sodisfatti fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet tal-bżonnijiet bir-reqqa;

19.  Josserva b'inkwiet kbir u jiddispjaċih bin-numru konsiderevoli ta' każijiet ta' sfruttament sesswali u prostituzzjoni furzata tan-nisa, kif ukoll ta' prostituzzjoni u traffikar tat-tfal, li spiss jipproliferaw matul jew immedjatament wara l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha – partikolarment meta l-UE tkun involuta f'dawn l-operazzjonijiet – jagħmlu kull sforz biex b'urġenza jtemmu dan il-ksur, jipproteġu lill-vittmi, iħarrku lil min hu responsabbli u jqiegħdu lid-drittijiet tal-bniedem fil-qalba ta' kwalunkwe inizjattiva mwettqa fil-qafas tal-operazzjonijiet imsemmija.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Nicolas Bay, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Fernando López Aguilar, Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig, Jan Zahradil, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Rivasi, Estefanía Torres Martínez

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

6

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Sofia Sakorafa, Charles Tannock, László Tőkés, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Marielle de Sarnez, Andrzej Grzyb, András Gyürk, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Norica Nicolai, Soraya Post, Marietje Schaake, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Doru-Claudian Frunzulică, Monika Hohlmeier, Zdzisław Krasnodębski, Marian-Jean Marinescu, Indrek Tarand, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Ivan Štefanec

Avviż legali