Proċedura : 2016/2050(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0181/2016

Testi mressqa :

A8-0181/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0230

RAPPORT     
PDF 670kWORD 133k
24.5.2016
PE 580.770v02-00 A8-0181/2016

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa)

(COM(2016)0210 – C8-0149/2016 – 2016/2050(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Liadh Ní Riada

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa)

(COM(2016)0210 – C8-0149/2016 – 2016/2050(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0210 – C8-0149/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħames applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG marbuta mas-settur tal-bejgħ bl-imnut,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0181/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; billi l-FEG imur għall-benefiċċju tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn impriżi żgħar u ta' daqs medju u minn kumpaniji multinazzjonali, indipendentement mill-politiki jew mill-interessi li mmotivaw id-deċiżjoni li jagħlqu, partikolarment ta' dawn tal-aħħar; billi r-Regolament dwar il-FEG u l-politika kummerċjali tal-Unjoni għandhom ikomplu jikkonċentraw fuq il-mod kif jiġu salvagwardjati l-impjiegi, il-produzzjoni u l-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema fil-bżonn għandha tkun dinamika u tkun disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-Greċja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li saru fis-settur ekonomiku klassifikat taħt id-Diviżjoni 47 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) (EL12) u tat-Tessalja (Θεσσαλία) (EL14), u billi 557 ħaddiem imkeċċi, kif anki 543 żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena minn dawn l-istess reġjuni huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri; billi l-ħaddiema ssensjati b'segwitu għall-falliment u għall-għeluq ta' Supermarket Larissa ABEE;

D.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 468 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 10 780 000;

2.  Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja se jkollha fil-mira 557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, li minnhom 194 huma rġiel u 363 huma nisa;

3.  Ifakkar li madwar 543 żagħżugħ(a) oħra taħt l-età ta' 30 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ fl-istess reġjun jaf jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati, bħal gwida għax-xogħol fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, fis-26 ta' Novembru 2015, sa ma tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fl-14 ta' April 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fil-15 ta' April 2015;

5.  Jinnota li minbarra l-557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 543 żagħżugħ(a) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena mill-istess reġjuni mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri u jirċievu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG; jinnota li t-talba tal-awtoritajiet Griegi biex jinkludu lin-NEETs f'dawn il-miżuri hija minħabba n-nuqqas ta' impjiegi fir-reġjun meta mqabbel man-numru għoli ta' persuni li qed ifittxu xogħol, b'73,5 % tal-persuni qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn 12-il xahar fit-Tessalja (Θεσσαλία) (Eurostat);

6.  Josserva li minħabba r-reċessjoni gravi tal-ekonomija Griega segwita minn tnaqqis fil-konsum tal-familji u l-kapaċità tal-akkwist, il-volumi tan-negozju bl-imnut tal-ikel, xorb u tabakk kienu aktar minn 30 % inqas fl-2015 mill-volumi tal-bidu tal-kriżi tal-2008; josserva li l-bejgħ ta' Supermarket Larissa segwa l-istess xejra 'l isfel;

7.  Jinnota, għaldaqstant, li Supermarket Larissa, kooperattiva ta' ħwienet żgħar tal-merċa mwaqqfa fl-1986 bi 42 ħanut u 600 ħaddiem, ma setax jegħleb it-telf u kellu jagħlaq il-ħwienet tiegħu matul it-tieni trimestru tal-2014; jirrimarka li l-miżuri ta' awsterità, partikolarment it-tnaqqis fil-pagi (-30 %), in-negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, is-sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ma setgħux jipprevjenu dan kollu; josserva li din is-sitwazzjoni hija wkoll dovuta għat-tnaqqis drastiku tas-self lill-impriżi, f'kuntest li fih it-tnaqqis kwantitattiv (quantitative easing) tal-BĊE ma rnexxilux jagħti spinta ġdida lis-self; josserva li dan il-każ huwa konsegwenza drammatika tal-pressjoni kostanti eżerċitata mill-kredituri fuq il-Greċja u tal-politika ta' awsterità Ewropea;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet Griegi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-26 ta' Frar 2016, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu strettament limitati għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett totali ta' miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li tali azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' attivitajiet ta' taħriġ;

10.  Jinnota li għalkemm il-kooperattiva applikat xi miżuri ta' awsterità bħal tnaqqis fil-pagi, negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ipproponiet prodotti irħas u naqqset l-ispejjeż operattivi, din kellha tibda tagħlaq il-ħwienet tagħha wieħed wara l-ieħor;

11.  Jinnota li l-miżuri ppjanati mill-Greċja għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs huma inklużi fil-kategoriji li ġejjin: gwida okkupazzjonali; taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali; kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; benefiċċju għall-parteċipazzjoni u benefiċċju għat-taħriġ; benefiċċju għall-mobilità;

12.  Jinnota l-ammont pjuttost għoli (EUR 15 000) li l-ħaddiema jew in-NEETs li se jistabbilixxu n-negozju tagħhom għandhom jirċievu bħala parti mill-grupp ta' servizzi personalizzati; jinnota, fl-istess ħin, li għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja ġejjin minn kuntest imprenditorjali, fatt li jżid il-probabbiltajiet ta' suċċess tagħhom f'dan is-settur;

13.  Jinnota l-possibbiltà li xi impriżi ġodda se jieħdu l-forma ta' kooperattivi soċjali u jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi biex isaħħu s-settur tal-ekonomija soċjali fil-Greċja;

14.  Josserva l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni biex tilħaq lin-NEETs li jistgħu jkunu eleġibbli fl-ambitu ta' dawn il-miżuri; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li n-NEETs jingħataw għajnuna b'mod permanenti u sostenibbli;

15.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie stabbilit permezz ta' konsultazzjonijiet ulterjuri mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji u tas-sħab soċjali;

16.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat se jissodisfa kemm il-bżonnijiet tal-ħaddiema kif ukoll tal-ambjent kummerċjali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom prospetti ta' tkabbir, u għalhekk li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

19.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0112.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari tal-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Greċja ppreżentat applikazzjoni FEG/2015/011 GR/Supermarket Larissa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji f'Supermarket Larissa ABEE fil-Greċja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Skont l-Artikolu 6 (2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Greċja ddeċidiet li tipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil żgħażagħ li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 6 468 000 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Greċja.

(6)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 6 468 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni]*.

(4)Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni Supermarket Larissa u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-14 ta' April 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Greċja għall-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw s-sensja f'Supermarket Larissa ABEE li jopera fid-Diviżjoni 47 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS(4) 2 tal-Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) (EL12) u tat-Tessalja (Θεσσαλία) (EL14).

Din hija l-ħames applikazzjoni li trid tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2016 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 6 468 000 mill-FEG għall-Greċja. Tikkonċerna 557 ħaddiem li ngħataw is-sensja u sa 543 żagħżugħ(a) fil-mira li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs).

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-10 ta' Diċembru 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Griegi affermaw li r-raġunijiet li kkaġunaw dawn is-sensji huma l-falliment u l-għeluq tal-kooperattiva tal-ħwienet tal-merċa Supermarket Larissa, li rriżultaw mill-waqgħa tal-kapaċità ta' akkwist tal-familji Griegi u mit-tnaqqis drastiku tas-self lill-impriżi u lill-individwi.

Is-servizzi personalizzati li se jiġu proposti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u liż-żgħażagħ NEETs kkonċernati minn din l-applikazzjoni jikkonsistu f'ħames tipi ta' miżuri: gwida okkupazzjonali, (ii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (iii) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (iv) benefiċċju għall-parteċipazzjoni u benefiċċju għat-taħriġ, (v) benefiċċju għall-mobilità; Waħda mill-miżuri ta' gwida okkupazzjoni tikkonsisti mit-tnedija tal-kampanji ta' informazzjoni mmirati speċifikament lejn iż-żgħażagħ NEETs in vista li jiġi definit il-grupp benefiċjarju.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux l-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Griegi pprovdew il-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward ta' dan li ġej:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sorsi ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa l-Programm ta' Investiment Pubbliku Nazzjonali.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 6 468 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

CO/jb D(2016)19124

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa mill-Greċja (COM(2016)210 final)

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG fi ħdan l-istess Kumitat eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija msejsa fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tikkonċerna 557 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Supermarket Larissa ABEE fil-Greċja, li jopera fid-Diviżjoni 47 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) u tat-Tessalja (Θεσσαλία), fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn it-3 ta' Mejju 2015 u t-3 ta' Settembru 2015;

B)  Billi sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, il-Greċja targumenta li l-ekonomija Griega kienet f'reċessjoni profonda għal sitt snin konsekuttivi (mill-2008 sal-2013), mill-2008, il-PDG tal-Greċja naqas b'25,7 %, il-konsum pubbliku naqas b'21 % filwaqt li l-qgħad żdied b'madwar 19 % (ELSTAT); billi, sabiex jindirizza l-kwistjoni tal-ħlasijiet lura tad-dejn barrani, mill-2008, il-Gvern Grieg żied ir-rati tat-taxxa, irrazjonalizza n-nefqa pubblika u naqqas is-salarji tal-ħaddiema tas-settur pubbliku u l-pagi tas-settur privat tnaqqsu wkoll f'tentattiv li tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Griega; billi effett immedjat tal-introjtu mnaqqas kien tnaqqis fil-konsum, li laqat b'mod qawwi s-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fih jopera Supermarket Larissa;

C)  Billi l-ħaddiema sfaw issensjati wara l-falliment u l-għeluq ta' Supermarket Larissa ABEE;

D)  Billi aktar minn nofs il-ħaddiema (65,2 %) fil-mira tal-miżuri huma nisa u 34,8 % huma rġiel; billi l-maġġoranza kbira (86 %) tal-ħaddiema huma ta' età bejn it-30 u l-54 sena.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Griega:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti, u li għalhekk il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 468 000 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 10 780 000;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, fis-26 ta' Novembru 2015, sa ma tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fl-14 ta' April 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fil-15 ta' April 2015;

3.  Jinnota li minbarra l-557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 543 żagħżugħ(a) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena mill-istess reġjuni mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri u jirċievu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG; jinnota li t-talba tal-awtoritajiet Griegi biex jinkludu lin-NEETs f'dawn il-miżuri hija minħabba n-nuqqas ta' impjiegi fir-reġjun meta mqabbel man-numru għoli ta' persuni li qed ifittxu xogħol, b'73,5 % tal-persuni qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn 12-il xahar fit-Tessalja (Eurostat);

4.  Josserva li minħabba r-reċessjoni gravi tal-ekonomija Griega segwita minn tnaqqis fil-konsum tal-familji u l-kapaċità tal-akkwist, il-volumi tan-negozju bl-imnut tal-ikel, xorb u tabakk kienu aktar minn 30 % inqas fl-2015 mill-volumi tal-bidu tal-kriżi tal-2008; josserva li l-bejgħ f'Supermarket Larissa segwa l-istess xejra 'l isfel;

5.  Jinnota li, f'dan l-ambjent ekonomiku, Supermarket Larissa, kooperattiva ta' ħwienet żgħar tal-merċa, minkejja l-miżuri ta' awsterità meħuda bħat-tnaqqis fil-pagi, in-negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, offerta ta' prodotti irħas, tnaqqis fl-ispejjeż tal-operat, ma setax jegħleb it-telf tiegħu u kellu jagħlaq il-ħwienet tiegħu fl-2014, segwit mill-għeluq tal-impriża u s-sensji sussegwenti fl-2015, meta l-qorti ddeċidiet fuq it-talba ta' falliment;

6.  Jinnota li l-miżuri ppjanati mill-Greċja għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs huma inklużi fil-kategoriji li ġejjin: gwida okkupazzjonali; taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali; kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; benefiċċju għall-parteċipazzjoni u benefiċċju għat-taħriġ; benefiċċju għall-mobilità;

7.  Josserva l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni biex tilħaq lin-NEETs li jistgħu jkunu eleġibbli fl-ambitu ta' dawn il-miżuri; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li n-NEETs jingħataw għajnuna b'mod permanenti u sostenibbli;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat se jilħaq kemm il-bżonnijiet tal-ħaddiema u l-ambjent kummerċjali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom prospetti ta' tkabbir, u għalhekk li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

10.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie stabbilit permezz ta' konsultazzjonijiet ulterjuri mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji u tas-sħab soċjali;

11.  Jinnota l-ammont pjuttost għoli (EUR 15 000) li l-ħaddiema jew in-NEETs li se jistabbilixxu n-negozju tagħhom għandhom jirċievu bħala parti mill-grupp ta' servizzi personalizzati; jinnota, fl-istess ħin, li għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja ġejjin minn kuntest imprenditorjali, fatt li jżid il-probabbiltajiet ta' suċċess tagħhom f'dan is-settur;

12.  Jinnota t-tendenza possibbli li xi impriżi ġodda se jieħdu l-forma ta' kooperattivi soċjali u jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi biex isaħħu s-settur tal-ekonomija soċjali fil-Greċja;

13.  Jinnota li l-miżuri ta' sostenn għall-introjtu se jkunu limitati strettament għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett ġenerali tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament; jinnota wkoll li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

14.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

15.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Onor. Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li rapport dwar din il-proposta se jiġi adottat fil-Kumitat għall-Baġits fit-23 ta' Mejju 2016:

-  COM(2016)0210 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 6 468 000 għal 557 ħaddiem (422 impjegat u 135 ħaddiem-proprjetarju) li ngħataw is-sensja minn Supermarket Larissa ABEE. Din l-impriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi). Is-sensji li ngħataw minn Supermarket Larissa jinsabu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2: Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) (EL12) u Tessalja (Θεσσαλία) (EL14).

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Georgios Kyrtsos, Andrej Plenković, Ivan Štefanec, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Rainer Wieland

Avviż legali