RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

24.5.2016 - (COM(2016)0185 – C8-0136/2016– 2016/2043(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Anneli Jäätteenmäki

Proċedura : 2016/2043(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0182/2016
Testi mressqa :
A8-0182/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

(COM(2016)0185 – C8-0136/2016– 2016/2043(BUD)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0185 – C8-0136/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0182/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji mis-settur ekonomiku li huwa kklassifikat fit-Taqsima 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-art u transport permezz ta' sistemi ta' katusi) kif ukoll fit-Taqsima 52 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta' sostenn għat-trasport) madwar Franza kontinentali, u billi 2 123 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri; billi t-talba ssegwi l-likwidazzjoni ġudizzjarja ta' MoryGlobal u hija ta' segwitu għall-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li għalhekk Franza għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 146 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 528 000;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, fid-19 ta' Novembru 2015, sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja, fis-7 ta' April 2016, u li l-valutazzjoni tagħha ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Iqis li s-sensji minn MoryGlobal huma marbuta mat-tnaqqis ġenerali tal-produzzjoni fiżika fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-volum ittrasportat u taqtigħa tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, liema fatturi rriżultaw f'deterjorament kostanti fil-marġnijiet operattivi u sensiela ta' telf għas-settur fi Franza sa mill-2007, segwiti b'mewġa ta' fallimenti, inkluż dak ta' Mory-Ducros u aktar tard ta' MoryGlobal, li impjegat mill-ġdid 2 107 ħaddiem li kienu jaħdmu ma' Mory-Ducros;

4.  Jirrimarka li l-appoġġ mill-FEG għall-2 513 ħaddiem li kien jaħdmu ma' Mory-Ducros, li ġie awtorizzat f'April 2015[4], jammonta għal EUR 6 052 200;

5.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tat-trasport fuq l-art u tat-trasport permezz tal-pipelines kien soġġett għal żewġ applikazzjonijiet oħra għall-FEG: l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, u l-applikazzjoni EGF/2011/001 AT/Nieder- und Oberoesterreich, it-tnejn li huma bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, li jirrigwardaw 2 804 sensja f'dan is-settur; jinnota li bosta miżuri f'dawn iż-żewġ applikazzjonijiet huma simili;

6.  Jinnota l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-23 ta' April 2015, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jilqa' l-fatt li Franza stabbiliet pjan soċjali, li fih il-kumpanija MoryGlobal tipparteċipa wkoll b'mod finanzjarju, qabel ma tikseb il-kontribuzzjoni supplementari mill-FEG; japprezza li l-għajnuna mitluba mill-FEG ma tinkludix miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, jiġifieri l-allowances, iżda hija orjentata lejn miżuri b'valur miżjud reali għar-riintegrazzjoni futura fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

8.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG li għandhom jingħataw jikkonsistu minn pariri u gwida mogħtija minn tim ta' konsulenti esperti, li se jingħataw flimkien mal-pjan soċjali u mal-Contrat de Sécurisation Professionnelle ffinanzjati mill-Istat Franċiż biex jgħinu lill-ħaddiema jerġgħu jsibu impjieg. jinnota li t-tliet kuntratturi li joperaw it-tim ta' konsulenti huma l-istess li qed jipprovdu s-servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jridu jsiru abbażi tar-riżultati miksuba;

9.  Jinnota li kuntratturi (BPI, Sodie u AFPA Transitions) għandhom jassistu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi ġodda, permezz ta' servizzi personalizzati bħal sessjonijiet ta' informazzjoni kollettivi u individwali, tranżizzjoni bejn l-impjiegi u akkumpanjament lejn impjiegi ġodda;

10.  Iqis li l-ħaddiema li għandhom bejn il-55 u l-64 sena jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b'effett possibbli ta' esklużjoni soċjali; iqis, għalhekk, li dawn il-ħaddiema, li jirrappreżentaw aktar minn 19 % tal-benefiċjarji li huma mistennija li jkunu fil-mira tal-azzjonijiet proposti, għandhom esiġenzi speċifiċi meta jiġu pprovduti b'approċċ personalizzat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jinnota li Franza indikat li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u tas-sħab soċjali;

12.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-fatt li Franza tat il-garanziji kollha meħtieġa li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali li flimkien jammontaw għal miżura kombinata li tilqa' għall-isfidi globali sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kif enfasizzat fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2007-2014[5];

13.  Jinnota li l-kuntratturi li jmexxu t-tim ta' konsulenti huma l-istess li qegħdin jipprovdu servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni tal-kosteffikaċja tal-appoġġ li qiegħed jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros, peress li din l-applikazzjoni ssegwi l-applikazzjoni EGF/2014/017FR/Mory-Ducros, u s-servizzi personalizzati huma pprovduti mill-istess kuntratturi;

14.  Iqis is-sensittività speċifika tas-suq tax-xogħol peress li Franza għandha l-ikbar sehem tal-valur miżjud tal-UE28 tas-settur tas-servizzi tat-trasport fuq l-art;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-azzjonijiet proposti ma jirċevux appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

16.  Itenni li l-għajnuna mill-FEG takkumpanja l-mizuri nazzjonali u ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji;

17.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

18.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-annessi tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  Deċiżjoni (UE) 2015/738 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/017 FR/Mory-Ducros ippreżentata minn Franza) (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 47).
  • [5]  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2016/558763/EPRS_IDA(2016)558763_EN.pdf

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari tal-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u li kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni jew bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fid-19 ta' Novembru 2015, Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji mill-MoryGlobal SAS fi Franza. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 5 146 800 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa minn Franza.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 5 146 800 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni]*.

[4]Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [4]    Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni MoryGlobal u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-7 ta' April 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Franza biex tiġi appoġġata r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-MoryGlobal SAS li tinsab fit-Taqsima 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (It-trasport fuq l-art u t-trasport permezz ta' pipelines) kif ukoll fit-Taqsima 52 (Attivitajiet ta' ħażna u appoġġ għat-trasportazzjoni) fi 22 dipartimenti madwar Franza kontinentali.

Din hija r-raba' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2016 u t-tielet waħda fir-rigward tas-settur tat-trasport fuq l-art u tat-trasport permezz tal-pipelines u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 5 146 800 mill-FEG għal Franza. Tikkonċerna 2 132 ħaddiem li ngħataw is-sensja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-19 ta' Novembru 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-14 ta' Jannar 2016. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-avvenimenti li wasslu għas-sensji huma l-falliment u l-għeluq tal-kumpanija. Skont l-estimi tal-Bank ta' Franza, il-fallimenti fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, żdiedu b'35 % fis-sena meta wieħed iqabbel l-2013 mal-2007. Dan huwa meqjus bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, li wasslet biex it-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta' vetturi li jiżnu aktar minn 3,5 tunnellata naqas bi 13,7 % fl-UE u b'21 % fi Franza bejn l-2007 u l-2012 (Eurostat). Dan it-tnaqqis kien konsegwenza tat-tnaqqis ġenerali ta' produzzjoni fiżika fl-Ewropa. Bħala riżultat tat-tnaqqis fil-volum ittrasportat, faqqgħet taqtiegħa tal-prezzijiet fi ħdan is-settur, li ma kinitx iffaċilitata biż-żieda ta' diversi spejjeż (il-petrol, il-pagi, il-materjali), li għalhekk wassal għal deterjorament kostanti fil-marġnijiet ta' operazzjoni u sensiela ta' telf għas-settur fi Franza sa mill-2007.

L-applikazzjoni ssegwi l-applikazzjoni EGF/2014/017/FR/Mory-Ducros li tikkonċerna l-ħaddiema ta' Mory-Ducros li ma marrux mal-MoryGlobal.

Is-servizzi personalizzati li għandhom jingħataw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu minn pariri u gwida minn tim ta' konsulenti esperti minn tliet kuntratturi. L-aġenziji għandhom kuntratt biex kull parteċipant (a) jingħata pjan għall-karriera personalizzat, (b) ikollu biżżejjed offerti ta' impjieg, (c) ikun jista' jikkonsulta ma' esperti ġenerali u/jew esperti speċjalizzati fil-ħolqien tal-intrapriżi, li jkollhom għarfien eċċellenti tas-suq tal-impjiegi fir-reġjun u li jkunu disponibbli u reattivi. L-aġenziji se jipprovdu sessjonijiet ta' taħriġ fil-kompetenzi ġenerali (eż. it-tħejjija tas-CV, it-tħejjija għall-intervista, il-ħiliet tat-tiftix tax-xogħol u l-ħolqien ta' negozju), taħriġ fl-użu tal-internet, fieri tal-impjiegi u laqgħat ma' persuni li jipprovdu x-xogħol jew rappreżentanti tas-settur, u laqgħat ma' istituzzjonijiet tat-taħriġ.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Franċiżi taw il-garanziji kollha meħtieġa rigward dan li ġej:

-  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

-  ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti,

-  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

-  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

-  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Franza nnotifikat lill-Kumissjoni li l-miżuri tal-FEG huma prefinanzjati u kofinanzjati mill-Ministeru għax-Xogħol, l-Impjiegi, it-Taħriġ Vokazzjonali u d-Djalogu Soċjali permezz tal-linja baġitarja għall-akkumpanjament tal-bidla ekonomika u l-iżvilupp tal-impjieg.

III.  Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 5 146 800 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija r-raba' talba għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

CO/jb D(2016)19091

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2015/010 FR/MoryGlobal minn Franza (COM(2016)185 final)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/010 FR/MoryGlobal u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tikkonċerna l-2132 ħaddiem li ngħataw is-sensja f’MoryGlobal SAS fi Franza li topera fid-Diviżjoni 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-art u trasport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet) kif ukoll fid-Diviżjoni 52 ta' NACE Reviżjoni 2 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta' appoġġ għat-trasport) li tinsab f'54 sit fi Franza kontinentali kollha, primarjament fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, li minnhom, il-lokalitajiet bl-ogħla numru ta' sensji huma: Centre (FR24); Ile-de-France (FR10); Rhône-Alpes (FR71); Pays-de-la-Loire (FR51); Lorraine (FR41) u Alsace (FR42), matul il-perjodu ta' referenza mis-27 ta' April 2015 sas-27 ta' Awwissu 2015;

B) Billi sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, Franza targumenta li MoryGlobal kienet attiva fl-oqsma tas-servizzi ta' kurriera, it-trasport tal-merkanzija u l-konsenja, il-ħżin u l-kiri ta' materjali relatati, u kienet tipprovdi dawn is-servizzi kemm fi Franza kif ukoll barra mill-pajjiż u minħabba l-kriżi, bejn l-2007 u l-2012, it-trasport tal-merkanzija bit-triq f'vetturi li jiżnu aktar minn 3,5 tunnellata naqas b'13,7 % fl-UE u b'21 % fi Franza (Eurostat) filwaqt li fl-2014, l-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq baqgħet aktar minn 10 % inqas mill-attività ta' qabel il-kriżi; billi minħabba t-tnaqqis fil-volum biex jiġi ttrasportat faqqgħet gwerra tal-prezzijiet fi ħdan is-settur, li wasslet għal deterjorament kostanti tal-marġni tal-operat segwit minn mewġa ta' fallimenti fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

C) billi t-talba ssegwi l-falliment li wassal għal-likwidazzjoni ġudizzjarja ta' MoryGlobal u hija ta' segwitu għall-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros;

D) billi l-maġġoranza (81,6 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżura huma rġiel u 18,4 % huma nisa; billi 59,5 % tal-ħaddiema għandhom età bejn it-30 u l-54 sena, 21,2 % bejn il-25 u d-29 sena u 19,1 % bejn il-55 u l-64 sena.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Franċiża:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati, u li għalhekk Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 146 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 578 000;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, fid-19 ta' Novembru 2015, sakemm iffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fis-7 ta' April 2016 u nnotifikatha lill-Parlament dakinhar stess;

3. Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'konsulenza u gwida mogħtija minn tim ta' konsulenti esperti, li jiżdiedu mal-pjan soċjali u l-Contrat de Securisation Profesionelle iffinanzjati minn Franza sabiex jappoġġaw lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju ta' ħlasijiet lill-aġenziji b'kuntratt fuq il-bażi tar-riżultati miksuba;

4. Jilqa' l-fatt li l-Istat Franċiż stabbilixxa pjan soċjali, li fih il-kumpanija MoryGlobal tipparteċipa wkoll b'fondi, qabel ma tikseb suppliment mill-FEG; japprezza li l-assistenza mitluba mill-FEG ma tinkludix miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 punt 1(b) tar-Regolament dwar il-FEG, jiġifieri l-allowances, iżda hija orjentata lejn miżuri b'valur miżjud reali għar-riintegrazzjoni futura fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

5. Jinnota li l-kuntratturi li jmexxu t-tim ta' konsulenti huma l-istess bħal dawk li jipprovdu servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni tal-kosteffettività tal-appoġġ kostanti għall-ħaddiema ta' Mory-Ducros li ngħataw is-sensja, peress li din l-applikazzjoni ssegwi l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, u s-servizzi personalizzati huma pprovduti mill-istess kuntratturi;

6. Jinnota li kuntratturi (BPI, Sodie u AFPA Transitions) għandhom jassistu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi ġodda, permezz ta' servizzi personalizzati bħal sessjonijiet ta' informazzjoni kollettivi u individwali, tranżizzjoni bejn l-impjiegi u akkumpanjament lejn impjiegi ġodda;

7. Jinnota li Franza indikat li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u tas-sħab soċjali;

8. Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-azzjonijiet proposti ma jirċievux appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li huma kumplimentari ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

9. Ifakkar l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

10. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-prospettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li rapport dwar din il-proposta se jiġi adottat fil-Kumitat għall-Baġits fit-23 ta' Mejju 2016:

-  COM(2016)0185 hija proposta ta' kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 5 146 800 għal 2 132 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn MoryGlobal SAS. Din l-intrapriża kienet taħdem primarjament fis-settur ekonomiku li hu kklassifikat taħt id-Diviżjoni 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-art u trasport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet) kif ukoll taħt id-Diviżjoni 52 ta' NACE Reviżjoni 2 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta' appoġġ għat-trasport). Is-sensji li ngħataw minn MoryGlobal SAS jinsabu madwar Franza kontinentali kollha. Il-postijiet bin-numru l-aktar elevat ta' sensji jinsabu fir-reġjuni li jidhru hawn taħt fil-livell NUTS 2: Centre (FR24), Île-de-France (FR10), Rhône-Alpes (FR71), Pays-de-la-Loire (FR51), Lorraine (FR41), Alsace (FR42).

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Georgios Kyrtsos, Andrej Plenković, Ivan Štefanec, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Rainer Wieland