Proċedura : 2015/0136(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0190/2016

Testi mressqa :

A8-0190/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0260

RAPPORT INTERIM     
PDF 532kWORD 107k
30.5.2016
PE 580.548v02-00 A8-0190/2016

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

(14112/2015 – C80409/2015 – 2015/0136(NLE))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Pavel Svoboda

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll tal-2010

għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbilità u l-Kumpens għall-Ħsara b’Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta’ Sustanzi Perikolużi u ta’ Ħsara fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

(14112/2015 – C80409/2015 – 2015/0136(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14112/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 81 u l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0409/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabilità u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, tal-1996 ('il-Konvenzjoni HNS 1996'),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS 1996 ('il-Konvenzjoni HNS 2010'),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2015)0305),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri biex, fl-interess tal-Komunità, jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 1996(3),

–  wara li kkunsidra l-"proposal for a Council decision authorizing the Member States to ratify in the interest of the European Community the International Convention on Liability and Compensation for Damage in Connection with the Carriage of Hazardous and Noxious Substances by Sea, 1996" (il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw fl-interess tal-Komunità Ewropea l-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabilità u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi,tal-1996) (il-"Konvenzjoni HNS") (COM(2001)674),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-"riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I")(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni għall-minuti tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru u tat-8 ta' Diċembru 2015(5),

–  wara li kkunsidra d-dokument tat-18 ta' Settembru 2015 tal-industrija tat-tbaħħir li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-approċċ propost mill-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0190/2016),

A.  billi l-għan tal-Konvenzjoni HNS 2010 huwa li tiggarantixxi r-responsabilità u l-ħlas ta' kumpens adegwat, fil-pront u effettiv għat-telf jew ħsara lill-persuni, lill-proprjetà u lill-ambjent li jirriżulta mill-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi bil-baħar permezz tal-Fond Internazzjonali speċjalizzat ta' kumpens għall-HNS;

B.  billi l-prinċipji bażiċi sottostanti għall-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni HNS 2010, huma r-responsabilità stretta ta' sid il-bastiment, l-assigurazzjoni mandatarja li tkopri d-danni lil partijiet terzi, id-dritt ta' rikors dirett ta' persuni li jsofru danni kontra l-assiguratur, il-limitazzjoni tar-responsabilità u, fil-każ taż-żejt u ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi, fond speċjali ta' kumpensi li jħallas għad-danni meta dawn jaqbżu l-limiti tar-responsabilità ta' sid il-bastiment;

C.  billi, għalhekk, minn naħa waħda hi għandha l-għan li tiddisponi għall-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u għall-prinċipji ta' prevenzjoni u prekawzjoni li jfisser li għandha tittieħed azzjoni preventiva fil-każ ta' dannu ambjentali possibbli, u għalhekk taqa' taħt il-politika u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-ambjent, u min-naħa l-oħra għandha l-għan li tirregola kwistjonijiet li jirriżultaw mid-danni kkawżati mit-trasport marittimu, u li tevita u tnaqqas danni bħal dawn, u għalhekk taqa' taħt il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport;

D.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-istati partijiet fuq il-pretensjonijiet imressqa minn persuni li jġarrbu danni koperti mill-konvenzjoni kontra sid il-bastiment jew l-assikuratur tiegħu, jew kontra l-Fond speċjalizzat tal-kumpens għall-HNS, u tinkludi wkoll regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mill-qrati fl-istati partijiet;

E.  billi skont il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2015)0305), il-konklużjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010, għalhekk 'tikkoinċidi mal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I;

F.  billi r-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I tippermetti raġunijiet multipli ta' ġurisdizzjoni, meta fl-istess ħin il-Kapitolu IV tal-Konvenżjoni HNS 2010 jistabbilixxi reġim restrittiv ħafna ta' ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar ir-responsabilità u l-kumpens;

G.  billi minn naħa waħda n-natura speċifika tar-reġim ta' ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni HNS 2010 għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi ta' inċidenti jistgħu jibbenefikaw minn regoli proċedurali ċari u ċertezza legali, u b'hekk twassal għal pretensjonijiet aktar effettivi quddiem il-qrati, u min-naħa l-oħra d-diffikultajiet legali u prattiċi antiċipati li huma involuti fl-applikazzjoni ta' reġim ta' ġurisdizzjoni separat mal-Unjoni meta mqabbel ma' dak li japplika għall-partijiet l-oħra tal-Konvenzjoni HNS 2010, jiġġustifikaw eċċezzjoni għall-applikazzjoni ġenerali tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I;

H.  billi d-Danimarka hija eżentata mill-applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE u ma tiħux sehem fl-adozzjoni tad-deċizjoni proposta tal-Kunsill fir-rigward tal-aspetti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;

I.  billi l-koinċidenza bejn il-Konvenzjoni HNS 2010 u r-regoli tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali sawret il-bażi ġuridika għad-Deċiżjoni 2002/971/KE, peress li l-Protokoll HNS 2010 emenda l-Konvenzjoni HNS 1996, l-effett tal-Konvenzjoni HNS 2010 fuq ir-regoli tal-Unjoni għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni u tar-regoli tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali")(7) li saret parti mill-ordinament ġuridiku tal-UE mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni 2002/971/KE;

J.  billi d-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha danni ambjentali jew theddid imminenti ta' tali danni li huma koperti mill-Konvenzjoni HNS 2010 ladarba din tal-aħħar tidħol fis-seħħ (l-Artikolu 4(2) u l-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali);

K.  billi l-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi responsabilità stretta ta' sid il-bastiment għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ġarr tal-HNS bil-baħar kopert mill-Konvenzjoni, kif ukoll l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tkopri r-responsabilità tiegħu għal danni skont il-Konvenzjoni, li tipprojbixxi għal dak il-għan kwalunkwe pretensjoni oħra li ssir kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni (l-Artikolu 7(4)(5));

L.  billi sakemm l-Istati Membri kollha ma jkunux irratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni HNS 2010 fl-istess limiti ta' żmien, hemm riskju li l-industrija tat-tbaħħir tkun soġġetta għal żewġ reġimi ġuridiċi differenti fl-istess ħin, wieħed tal-Unjoni u ieħor internazzjonali, u dan jista' joħloq ukoll disparità għall-vittmi tat-tniġġis, bħalma huma komunitajiet kostali, is-sajjieda, eċċ. u jkun ukoll kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni HNS 2010;

M.  billi l-Konvenzjonijiet l-oħra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali inklużi fl-Anness IV tad-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali wrew li huma effettivi, peress li rnexxielhom jilħqu bilanċ bejn l-interessi ambjentali u kummerċjali permezz tal-allokazzjoni ċara tar-responsabilità li permezz tagħha normalment ma jkunx hemm inċertezza dwar min hija l-parti responsabbli, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta' assigurazzjoni obbligatorja u mekkaniżmi rapidi ta' kumpens, li mhumiex limitati biss għad-danni ambjentali;

1.    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(i)  Jiżguraw li l-uniformità, l-integrità u l-effettività tar-regoli komuni tal-Unjoni ma jiġux affettwati b'mod negattiv mill-impenji internazzjonali meħuda mir-ratifika tal-Konvenzjoni HNS 2010 jew mill-adeżjoni magħha skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja(8);

(ii)  Jagħtu attenzjoni akbar f'dan ir-rigward lill-koinċidenza tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I u l-Konvenzjoni HNS tal-2010 sa fejn ikunu kkonċernati r-regoli tal-proċedura applikabbli għat-talbiet u l-azzjonijiet skont din il-Konvenzjoni quddiem il-qrati ta' stati partijiet;

(iii)  Jiżguraw li l-possibilità ta' kunflitt bejn id-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali u l-Konvenzjoni HNS 2010 tiġi minimizzata billi jieħdu l-azzjoni kollha xierqa biex jiġi żgurat li l-klawsola ta' esklużività skont l-Artikolu 7(4) u (5) tal-Konvenzjoni HNS 2010, li permezz tagħha ma tista' ssir l-ebda pretensjoni oħra kontra sid il-bastiment ħlief skont din il-Konvenzjoni, tiġi rispettata bis-sħiħ mill-Istati Membri ratifikanti jew aderenti;

(iv)  Jiżguraw li jitnaqqas ir-riskju li jinħoloq u jiġi konsolidat żvantaġġ kompetittiv għall-istati li huma lesti biex jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010, meta mqabbla ma' dawk li possibilment jixtiequ jħallu dan il-proċess għal aktar tard u jibqgħu marbuta bid-Direttiva dwar ir-responsabilità ambjentali biss;

(v)  Jiżguraw it-tneħħija tal-koeżistenza permanenti ta' żewġ reġimi ta' responsabilità marittima – wieħed ibbażat fl-Unjoni u ieħor internazzjonali – li tirriżulta fil-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, barra minn hekk, tikkomprometti l-allokazzjoni ċara tar-responsabilità u tista' twassal għal proċeduri twal u għaljin għad-detriment tal-vittmi u l-industrija tat-tbaħħir;

(vi)  Jiżguraw f'dan ir-rigward li jiġi impost obbligu ċar fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu riżultat konkret, jiġifieri li jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS 2010 fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jikkonkludi li dan ir-rapport interim se jkun possibilità oħra għall-Kunsill u għall-Kummissjoni biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jitlob iktar diskussjonijiet mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 326, 26.10.2002, p. 299.

(2)

Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.

(3)

ĠU L 337, 13.12.2002, p. 55.

(4)

ĠU L 351, 20.12.2012, p.

(5)

Nota punt 13142/15.

(6)

Disponibbli onlajn fuq: http://www.ics-shipping.org/docs/default-source/Submissions/EU/hazardous-and-noxious-substances.pdf.

(7)

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(8)

Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 1993, 2/91, ECLI:EU:C:1993:106, punt 25; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tad-Danimarka, C–467/98, ECLI:EU:C:2002:625, punt 82; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 2006, 1/03, ECLI:EU:C:2006:81, punti 120 u 126; Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament irċieva ittra li talbitu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni mal-Protokoll tal-2010 tal-Konvezjoni HNS fis-17 ta' Diċembru 2015. (1)Fin-nuqqas ta' klawsola tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Intergrazzjoni Ekonomika fit-test tal-Konvenzjoni jew il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu dan il-ftehim internazzjonali f'isem l-Unjoni, wara l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta mill-Kummissjoni (l-Artikolu 218(6)(a) TFUE). Ir-rapporteur jipproponi rapport interim sabiex jaħdem lejn riżultat pożittiv mal-Kunsill u l-Kummissjoni. Ir-rapporteur jemmen li ma jkunx xieraq li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel jiġu żgurati l-uniformità, l-integrità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju fundamentali tal-għoti tal-kompetenzi tal-UE.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1996 dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'konnessjoni mal-Ġarr ta' Sustanzi Perikolużi u Noċivi bil-Baħar hija waħda mill-aħħar Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) li tittratta r-responsabbiltà u l-kumpens għal danni kkawżati mill-ġarr ta' Sustanzi Perikolużi u Noċivi bil-baħar, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG) u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) li għadha ma ġietx ratifikata. Wara l-esperjenza li kisbet b'reġimi internazzjonali simili li jirregolaw ir-responsabbiltà għal danni li jinqalgħu minn attivitajiet oħra ta' tbaħħir, bħall-ġarr taż-żejt mit-tankers, l-OMI adottat dan il-ftehim internazzjonali, kif emendat bil-Protokoll HNS 2010, sabiex jikkumplimenta s-sistema tal-konvenzjonijiet dwar ir-responsabbiltà marittima bi strument speċjalizzat. La l-Konvenzjoni HNS 1996 u lanqas il-Protokoll 2010 tal-Konvenzjoni HNS għadhom ma daħlu fis-seħħ.

Il-Konvenzjoni HNS 2010 tistabbilixxi r-responsabbiltà stretta ta' sid il-bastiment li jġorr l-HNS għal kull dannu li jinqala' minħabba inċident marbut mal-ġarr tal-HNS bil-baħar abbord dak l-istess bastiment. Hemm eċċezzjonijiet limitati għar-responsabbiltà stretta tas-sid, li hija akkoppjata mal-obbligu li s-sid jikkuntratta assikurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra biex ikopri r-responsabbiltà tiegħu għad-danni skont il-Konvenzjoni. Aktar importanti minn hekk, huwa stabbilit fond ta' kumpens speċjalizzat li għandu l-għan li jagħti kumpens lil kull persuna li ġġarrab danni b'konnessjoni mal-ġarr tal-HNS bil-baħar meta tali persuna ma setgħetx tikseb kumpens sħiħ u xieraq għad-danni minn sid il-bastiment u l-assikuratur tiegħu. L-ammont totali ta' kumpens disponibbli huwa ta' 250 miljun unità ta' kont (madwar 310 miljun euro bir-rati tal-kambju monetarji tal-lum), ibbażat fuq sistema elaborata ta' kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Fond HNS minn persuni li jirċievu l-HNS f'kull Stat Parti.

Il-Kapitolu IV tal-Konvenzjoni HNS 2010 jistabbilixxi regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi, u b'hekk il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jikkoinċidi mar-regoli inklużi fir-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I. Fl-evalwazzjoni tad-differenza bejn iż-żewġ reġimi ta' ġurisdizzjoni, joħroġ biċ-ċar li l-Konvenzjoni HNS tinkludi reġim pjuttost restrittiv ta' ġurisdizzjoni, li jikkuntrasta r-raġunijiet multipli ta' ġurisdizzjoni disponibbli taħt ir-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I.

Ir-rapporteur jifhem li fid-dawl tan-natura speċifika ħafna tar-reġim ta' ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni HNS – li tirriżulta minn sforz biex jiġi evitat il-"forum shopping", li jiżgura t-trattament ugwali tar-rikorrenti, filwaqt li jiggarantixxi l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja billi jiġu evitati d-diffikultajiet involuti fl-istabbiliment tal-istess kwistjonijiet, li jinvolvu l-istess esperti, xhieda u konvenuti fi qrati differenti f'diversi ġurisdizzjonijiet – kif ukoll minħabba d-diffikultajiet legali u prattiċi antiċipati fl-applikazzjoni ta' reġim ta' ġurisdizzjoni separat fl-Unjoni, meta mqabbel ma' dak li japplika għal partijiet oħrajn tal-Konvenzjoni HNS, eċċezzjoni għall-applikazzjoni ġenerali tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I hija ġġustifikata.

Ir-rapporteur jifhem ukoll li l-konklużjoni tal-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni NHS se tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens b'rabta mal-inċidenti kkawżati mill-bastimenti li jġorru l-HNS fil-baħar madwar l-UE. Din se tiżgura wkoll id-disponibbiltà ta' fondi suffiċjenti għall-kumpens tal-vittmi ta' tali inċidenti. Għalhekk, ir-rapporteur huwa tal-fehma li reġim internazzjonali, aktar milli soluzzjonijiet reġjonali, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli fuq ir-responsabbiltà u l-kumpens b'konnessjoni mal-inċidenti kkawżati minn bastimenti li jġorru l-HNS fuq il-baħar fl-UE kollha huwa aktar adattat meta wieħed iqis in-natura tat-tbaħħir bħala negozju globali b'impatt transkonfinali.

Fid-dawl tas-sehem sinifikanti li l-merkanzija tal-HNS tirrappreżenta fit-trasport marittimu tal-merkanzija, in-natura globali tan-negozju tat-tbaħħir, kif ukoll l-inċidenti b'impatt transkonfinali li jinvolvu l-merkanzija tal-HNS li dawn jista' jkollhom, ir-rapporteur jemmen li huwa fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi li jkollha reġim ta' responsabbiltà omoġenju applikabbli għad-dannu ambjentali li jseħħ minn merkanzija tal-HNS fuq il-baħar, li jista' jinkiseb biss jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati kif xieraq mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Ir-rapporteur jenfasizza li dan ir-rapport interim ma għandux jitqies bħala impediment għall-istabbiliment ta' reġim ta' responsabbiltà uniformi, iżda bħala sforz biex jiġi żgurat li dan isir bl-aktar mod effettiv u ġust, mingħajr ma jfixkel l-uniformità, l-integrità, l-effettività tar-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni u mingħajr ma tinħoloq disparità eċċessiva għall-vittmi tat-tniġġis (eż. il-komunitajiet tal-kosta, is-sajjieda, eċċ.) u tal-industrija tat-tbaħħir.

Ir-rapporteur, għalhekk, irid jidħol fi djalogu mal-Kunsill u mal-Kummissjoni sabiex jingħata qafas għal politika tal-UE koerenti fil-qasam tar-responsabbiltà u l-kumpens għad-dannu ambjentali kkawżat mill-ġarr tal-HNS fuq il-baħar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Stefano Maullu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Nilsson

(1)

SGS15/14576 dwar id-Deċiżjoni 14112/15.

Avviż legali