Proċedura : 2016/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0196/2016

Testi mressqa :

A8-0196/2016

Dibattiti :

PV 23/06/2016 - 2
CRE 23/06/2016 - 2

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2016 - 8.13
CRE 23/06/2016 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0292

RAPPORT     
PDF 713kWORD 297k
31.5.2016
PE 578.523v01-00 A8-0196/2016

dwar ir-Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli

(2016/2041(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Paloma López Bermejo

Rapporteur għal opinjoni (*):

Marijana Petir, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu XX dwar l-ambjent u t-Titolu XXI dwar l-enerġija,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu IX dwar l-impjiegi u t-Titolu XVIII dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-Protokoll (Nru 28) dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli" (COM(2015)0293) u l-pjanijiet nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 sal-11 ta' Diċembru 2015, kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) Integrat: l-Aċċelerazzjoni tat-Trasformazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija Ewropea" (C(2015)6317),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ" (COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'"Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-KESE dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli bit-titolu "Inbiddlu l-futur tal-enerġija: is-soċjetà ċivili bħala attur ewlieni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija",

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus tal-25 ta' Ġunju 1998 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar "Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0196/2016),

A.  billi l-UE kollha kemm hi qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-2020 f'dak li għandu x'jaqsam mal-enerġija rinnovabbli iżda xi Stati Membri jeħtieġ jintensifikaw l-azzjoni;

B.  billi l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u dan, flimkien ma' avvanzi teknoloġiċi fil-produzzjoni u l-ħżin, għamel lill-enerġija rinnovabbli dejjem aktar kompetittiva fil-konfront tal-ġenerazzjoni konvenzjonali, u dan joffri opportunità unika biex tinħoloq politika Ewropea ġenwina dwar l-enerġija li tkabbar il-kompetittività u tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra; billi t-tranżizzjoni lejn sistema ta' enerġija sostenibbli u li tħares lejn il-ġejjieni jeħtieġ tinkludi sforzi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-aħjar użu mir-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa, l-iżvilupp teknoloġiku u l-infrastruttura intelliġenti; billi, biex jinħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jiġi żgurat ir-rwol suprem tal-UE f'dawn l-oqsma, hemm bżonn qafas regolatorju stabbli fit-tul;

C.  billi, skont l-Artikolu 194 tat-TFUE, il-politika Ewropea dwar l-enerġija jeħtieġ tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-promozzjoni tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi miri vinkolanti nazzjonali u tal-UE, obbligi ta' ppjanar u rappurtar konkreti u miżuri ta' awtorizzazzjoni kienu l-muturi ewlenin taċ-ċertezza tal-investiment u l-espansjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, kif ukoll tal-infrastruttura għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

D.  billi, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi tal-COP 21, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hemm bżonn tiġi adattata biex tkun konformi mal-għan maqbul li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm fil-livell ta' 1.5°C ogħla mil-livelli preindustrijali; billi ekonomija bbażata 100 % fuq sorsi rinnovabbli nistgħu naslu għaliha biss billi nnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħna, inżidu l-effiċjenza enerġetika u nagħtu spinta lir-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli;

E.  billi politiki ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli, flimkien mal-effiċjenza enerġetika, huma mutur ewlieni fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet u n-nefqa globali tal-enerġija esterna tagħha u t-titjib tas-sigurtà tal-enerġija fir-rigward tal-fornituri esterni; billi l-UE timporta aktar minn nofs l-enerġija kollha li tikkonsma, bi spiża ta' aktar minn EUR 1 biljun kuljum, li jammonta għal aktar minn 20 % tal-importazzjonijiet kollha; billi d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet hija partikolarment għolja fil-każ taż-żejt mhux raffinat, il-gass naturali u l-faħam; billi l-ispejjeż iffrankati fuq il-fjuwil importat minħabba ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli jammontaw għal mill-inqas EUR 30 biljun fis-sena;

F.  billi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli jista' jgħin biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sovranità tal-enerġija, jiġi eliminat il-faqar enerġetiku u jitrawmu l-iżvilupp ekonomiku u s-supremazija teknoloġika tal-UE, filwaqt li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw enerġija stabbli, sostenibbli u bi prezz raġonevoli, b'enfasi speċjali fuq dawk l-aktar vulnerabbli; billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw mill-awtoġenerazzjoni u minn provvista ta' enerġija prevedibbli;

G.  billi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għandu jikkoinċidi mal-iżvilupp ta' suq intern tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb; billi l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkun ibbażata fuq tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli u li tħares 'il quddiem, fejn il-pilastri ewlenin ikunu l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura intelliġenti;

H.  billi l-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, li ħafna minnhom huma SMEs, jimpjegaw 1.15 miljun ruħ fl-Ewropa u għandhom sehem ta' 40 % tal-privattivi tad-dinja kollha għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, u dan ipoġġi lill-UE fuq quddiem fix-xena internazzjonali; billi, skont il-Kummissjoni, bejn issa u l-2020 jistgħu jinħolqu 20 miljun impjieg fl-ekonomija ekoloġika, li hija wkoll opportunità kbira għall-ħolqien tal-impjiegi f'żoni rurali; billi l-proġetti tal-SMEs, tal-kooperattivi u tal-individwi għandhom rwol importanti fl-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli;

I.  billi l-Kummissjoni hija impenjata biex l-Ewropa ssir l-aqwa fid-dinja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, li huwa kruċjali għall-politika industrijali; billi ċ-Ċina saret l-aktar pajjiż li jinvesti fl-enerġija rinnovabbli fid-dinja, filwaqt li l-investiment fl-Ewropa naqas b'21 %, minn EUR 54.61 biljun (USD 62 biljun) fl-2014 għal EUR 42.99 biljun (USD 48.8 biljun) fl-2015, l-aktar ċifra baxxa f'disa' snin;

J.  billi l-investiment kontinwu fis-sorsi rinnovabbli jeħtieġ kemm tmexxija u impenn pubbliċi u privati ambizzjużi kif ukoll qafas ta' politika affidabbli li jkun konsistenti mal-impenji tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima u li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, li għandu potenzjal kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

K.  billi objettivi ambizzjużi u realistiċi – parteċipazzjoni pubblika, monitoraġġ u superviżjoni, regoli politiċi ċari u sempliċi u appoġġ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali (li jġib flimkien ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-industrija) u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili – huma ta' importanza fundamentali, u jeħtieġ jissaħħu aktar biex l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli jkun suċċess;

L.  billi r-rispett għad-drittijiet ta' sjieda huwa importanti fil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

M.  billi l-enerġija rinnovabbli toffri opportunità għal demokrazija enerġetika akbar fis-swieq tal-enerġija billi tagħti s-setgħa lill-konsumaturi jipparteċipaw b'mod attiv u fuq bażi ugwali mal-partijiet interessati l-oħra fis-suq tal-enerġija, biex huma nfushom jiġġeneraw, jaħżnu u jbigħu l-enerġija rinnovabbli li jkunu pproduċew huma stess, individwalment jew f'ġestjoni kollettiva, kif ukoll permezz ta' investiment pubbliku u privat, inklużi forom deċentralizzati ta' produzzjoni tal-enerġija mnedija mill-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u tal-bliet; billi l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli għandhom jippermettu kontroll akbar miċ-ċittadini fuq il-konsum tal-enerġija tagħhom u t-tranżizzjoni tal-enerġija u jippromwovu l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fis-sistema tal-enerġija, inkluż permezz ta' skemi ta' investiment;

N.  billi r-riħ lil hinn mill-kosta fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana għandu l-potenzjal li, sal-2030, jiġġenera aktar minn 8 % tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa;

O.  billi ċerti Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huma aktar esposti għal fornitur wieħed ta' fjuwils fossili; billi, minħabba l-enerġiji rinnovabbli, ġew iffrankati EUR 30 biljun fi fjuwils fossili impurtati, u l-konsum ta' gass naturali tnaqqas b'7 %, u b'hekk issaħħew l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, li għadha l-akbar importatur ta' enerġija fid-dinja;

Progress f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli

1.  Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli; iqis, b'rabta mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li t-taħlita attwali ta' miri nazzjonali vinkolanti, Pjanijiet Nazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli u monitoraġġ biennali kienet mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-2020 u tressaq qafas leġiżlattiv ambizzjuż għal wara l-2020; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn qafas regolatorju stabbli fit-tul, inklużi miri tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali u tal-UE li jkunu konsistenti mal-aktar perkors effiċjenti biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni fit-tul fir-rigward tal-klima (2050);

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' pajjiżi (il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit) li, skont l-estimi għall-2014-2020 tar-Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli, jista' jkollhom isaħħu l-politiki u l-għodod tagħhom biex ikun żgurat li jilħqu l-objettivi tagħhom għall-2020, filwaqt li l-kisba tagħhom mhijiex ċerta lanqas fil-każ tal-Ungerija u l-Polonja; jistieden lill-Istati Membri li għadhom lura biex jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jerġgħu lura fit-triq it-tajba; jilqa' l-fatt li xi Stati Membri diġà laħqu jew dalwaqt jilħqu l-miri tagħhom għall-2020, ferm qabel iż-żmien, bħalma huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Awstrija, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja;

3.  Jiddispjaċih li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli ma jressaqx rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi biex jaġġustaw il-politiki u l-għodod tagħhom biex jiġi żgurat li jilħqu l-miri tagħhom għall-2020; jenfasizza li l-aċċess għall-kapital huwa ta' importanza ċentrali, iżda qed jiżdied b'mod sinifikanti d-distakk fil-kost tal-kapital fl-UE-28, li qed jirriżulta f'qasma bejn it-Tramuntana-Punent u l-Lvant-Nofsinhar; jinnota li l-eżistenza ta' varjetà ta' politiki differenti għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tirriskja li twessa' aktar id-distakk fil-kompetittività fost il-pajjiżi tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu finanzjarju tal-UE bil-għan li jitnaqqas ir-riskju għoli tal-kostijiet tal-kapital ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

4.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu identifikati u skambjati l-aħjar prattiki f'termini ta' politiki nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u li ssir promozzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tagħhom fil-qafas ta' mudell Ewropew aktar konverġenti, li jiffavorixxi kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ tal-progress u tappoġġja attivament l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; jenfasizza l-importanza li l-enerġiji rinnovabbli jiġu vvalutati fuq il-kompetittività, is-sostenibbiltà, il-kosteffettività u l-kontribut tagħhom għall-objettivi marbuta mat-tibdil fil-klima;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-pjanijiet nazzjonali u l-obbligi ta' rappurtar fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri u jemmen li dawn l-obbligi għandhom jinżammu fil-perjodu ta' wara l-2020; jirrikonoxxi li l-għażla tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri tibqa' kompetenza nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 194 tat-TFUE, u kull Stat Membru jippromwovi l-iżvilupp tal-forom ta' enerġija rinnovabbli tiegħu, u għaldaqstant it-taħlitiet tal-enerġija jibqgħu diversifikati ħafna;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' proċeduri amministrattivi sempliċi, aċċessibbli, effiċjenti u għall-but ta' kulħadd;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi evalwazzjoni tal-impatt tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet, speċjalment il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi, fir-rapporti futuri dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' proposta leġiżlattiva tal-UE dwar ir-regoli tas-suq tal-enerġija, peress li suq aktar integrat huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, u biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-industrija;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' skemi stabbli u kosteffikaċi ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli għall-investiment fit-tul li jibqgħu reattivi u adattabbli fl-immedjat u li jkunu mfassla skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi nazzjonali, u li jippermettu t-tneħħija gradwali tas-sussidji għal teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli maturi; jilqa' l-fatt li għadd ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli malajr qed isiru kost-kompetittivi fil-konfront ta' forom konvenzjonali ta' ġenerazzjoni; jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija tiddependi fuq it-trasparenza, il-konsistenza u l-kontinwità tal-oqfsa ġuridiċi, finanzjarji u regolatorji bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri; jiddeplora l-bidliet retroattivi fi skemi ta' appoġġ rinnovabbli li jbiddlu r-redditu fuq l-investimenti li jkunu diġà saru; jistieden lill-Istati Membri jħabbru kwalunkwe aġġustament għall-iskemi ta' appoġġ rinnovabbli u jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati minn ħafna qabel; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà tal-iskemi ta' sostenn nazzjonali mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-implimentazzjoni tagħhom;

10.  Jenfasizza li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; ifakkar fil-mira tal-Parlament ta' 85 % tal-finanzjament għal enerġija li ma tkunx ġejja mill-fjuwils fossili fil-qafas tal-kapitolu dwar l-enerġija ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkomplu jiffaċilitaw l-użu effikaċi tal-iskemi kollha eżistenti ta' finanzjament u jiżguraw aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, u jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tagħha u l-iżvilupp ta' prodotti relatati bil-għan li l-industrija tal-enerġija rinnovabbli tal-UE tkun aktar kompetittiva, u b'hekk jingħata lok għal użu akbar ta' sorsi rinnovabbli u jiġi evitat li d-distakk fil-kompetittività fost il-pajjiżi tal-UE jikber aktar;

11.  Jenfasizza li l-ħżin tal-elettriku jista' jikkontribwixxi biex jipprovdi flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku tal-UE u jibbilanċja l-fluttwazzjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; itenni li d-Direttiva dwar l-Elettriku 2009/72/KE attwali ma ssemmix il-ħżin u jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Elettriku għandha tqis is-servizzi differenti li l-ħżin tal-enerġija jista' jipprovdi; iqis li jekk tiġi ċċarata l-pożizzjoni tal-ħżin l-operaturi tat-trażmissjoni u tal-grilja jkunu jistgħu jinvestu f'servizzi tal-ħżin tal-enerġija;

12.  Jenfasizza li l-iskemi ta' sostenn fil-livelli kollha għandhom ikunu ffukati fuq it-teknoloġiji li għandhom potenzjal kbir biex inaqqsu l-kostijiet tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u/jew iżidu l-użu tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq;

13.  Iqis li l-istrateġija futura dwar ir-R&Ż għandha tiffoka fuq il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u bliet intelliġenti; iqis, barra minn hekk, li l-elettrifikazzjoni tat-trasport, l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi u t-teknoloġiji tal-elettriku mill-vettura għall-grilja jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija u fl-utilizzazzjoni potenzjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

14.  Iqis li l-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri previsti fid-Direttiva 2009/28/KE u l-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, kif ukoll il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni b'rabta mal-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli filwaqt li jingħata appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-importanza tal-konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni, peress li din għandha tikkontribwixxi biex l-investimenti jiġu diretti lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inklużi l-enerġiji rinnovabbli, speċjalment fid-dawl tar-rwol prominenti tal-objettiv tematiku "Appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju fis-setturi kollha"; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti għal dan il-għan filwaqt li jenfasizzaw l-opportunitajiet għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi għall-intrapriżi lokali; ifakkar id-dispożizzjonijiet komuni tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni li jappoġġjaw l-eliġibbiltà ta' proġetti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fid-djar privati, fil-bini pubbliku u fl-intrapriżi, u jemmen li l-integrazzjoni tas-suq reġjonali tal-enerġija rinnovabbli, li tista' tinkiseb permezz ta' finanzjament bħal dan, tkun tirrappreżenta kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni f'dan ir-rigward;

15.  Jenfasizza l-bżonn ta' aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u ta' approċċ integrat lejn l-investiment pubbliku u l-finanzjament f'titjib ta' natura teknika, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti, l-adattament u l-kapaċità tal-grilja, il-kejl intelliġenti, il-ħżin, il-ġestjoni mil-lat tad-domanda, l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni innovattiva tal-enerġija rinnovabbli;

16.  Jenfasizza li l-grilji f'ħafna Stati Membri sempliċement ma jistgħux jirċievu l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli varjabbli; jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-grilji tal-enerġija hija essenzjali biex dawn jakkomodaw bidliet fil-produzzjoni u t-trażmissjoni;

17.  Jitlob b'urġenza sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika, bl-involviment tal-partijiet kollha interessati fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli; jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni li hemm bħalissa dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u jenfasizza l-ħtieġa ta' rapporti biennali aktar dettaljati min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ u l-appoġġ tal-progress fl-enerġiji rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza dwar l-użu tas-setgħa ta' infurzar tagħha;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-involviment min-naħa tal-livelli kollha tal-amministrazzjoni, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet, fl-implimentazzjoni ta' sistema Ewropea tal-enerġija bbażata kompletament fuq mudell ta' produzzjoni, konsum u awtokonsum ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha għall-Patt tas-Sindki, il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti u l-Komunitajiet 100 % RES, li jippermetti l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattika;

19.  Jinnota li kooperazzjoni reġjonali akbar dwar l-enerġija rinnovabbli hija kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

20.  Jilqa' l-fatt li fl-2013 l-użu ta' enerġiji rinnovabbli ppermetta li tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta' madwar 388 miljun tunnellata gross ta' CO2 u wassal għal tnaqqis ta' 116 Mtoe fid-domanda tal-UE għall-fjuwils fossili;

Sorsi ta' enerġija rinnovabbli għall-futur

21.  Jenfasizza li l-miri tar-RES għandhom jiġu ffissati skont il-miri tal-klima maqbula minn 195 pajjiż f'Pariġi, f'Diċembru 2015; jinnota l-proposta tal-Kunsill Ewropew għal mira ta' mill-inqas 27 % ta' enerġija rinnovabbli għall-2030; ifakkar fl-appell tal-Parlament biex jiġu implimentati miri vinkolanti ta' mill-inqas 30 % tal-konsum tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' miri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza meħtieġa mil-lat legali u mil-lat tal-investituri; jemmen li, fid-dawl tal-Ftehim riċenti tal-COP21, tkun rakkomandabbli ambizzjoni ferm ogħla; jinsisti li objettivi ċari u ambizzjużi f'dan ir-rigward jikkostitwixxu għodda li ttejjeb iċ-ċertezza u tiżgura pożizzjoni superjuri għall-UE fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta approċċ aktar ambizzjuż dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 li jżid il-mira tal-UE għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal mill-inqas 30 %, li għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali;

22.  Jenfasizza r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-enerġija rinnovabbli u d-disinn tas-suq biex jinħoloq qafas ġdid li jkun adatt għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, abbażi ta' skemi affidabbli ta' sostenn u parteċipazzjoni sħiħa tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli fis-suq;

23.  Jagħraf li t-tnaqqis fit-taxxa huwa inċentiv b'saħħtu biex issir il-bidla mill-enerġija minn fjuwils fossili għall-enerġija rinnovabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriforma d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li mhux qed iħallu li dawn l-inċentivi jiġu sfruttati bis-sħiħ;

24.  Jenfasizza li l-miri diġà maqbula għall-2020 jeħtieġ jittieħdu bħala l-linja bażi minima fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, sabiex wara l-2020 l-Istati Membri ma jkunux jistgħux jinżlu taħt il-mira nazzjonali tagħhom għall-2020; jenfasizza li l-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 tirrikjedi impenn kollettiv; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom fil-ħin u li l-Kummissjoni teħtieġ kapaċitajiet ta' sorveljanza msaħħa, inkluż lil hinn mill-2020, mogħnija b'għodda xierqa għal monitoraġġ effikaċi u f'waqtu u l-possibbiltà li tintervjeni f'każ ta' miżuri kontroproduċenti; jemmen li monitoraġġ bħal dan ikun possibbli biss jekk il-Kummissjoni tiddetermina parametri referenzjarji nazzjonali għall-Istati Membri li magħhom ikun jista' jitkejjel il-progress tagħhom fl-użu tal-enerġija rinnovabbli;

25.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Ewropa fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet favorevoli u għal perjodu twil għall-atturi kollha tas-suq;

26.  Jenfasizza l-kontribut importanti tal-enerġija rinnovabbli fit-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma fil-COP 21;

27.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-użu ġustifikat ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti tal-istatistika u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jilħqu l-miri tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, li tkun ta' benefiċċju għall-ottimizzazzjoni tas-sistemi kif ukoll għal forniment effiċjenti u ffrankar akbar ta' spejjeż fl-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri aktar inċentivi, informazzjoni, analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u gwida f'dan ir-rigward;

28.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi definita sistema ta' governanza b'saħħitha, robusta u trasparenti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali biex tiġi ddeterminata t-taħlita tal-enerġija, u filwaqt li jingħata lok għal kontroll u skrutinju demokratiku sħaħ tal-politiki tal-enerġija; jappella għal replikazzjoni intensiva tas-sistema attwali ta' suċċess tal-miri nazzjonali vinkolanti, tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli u tar-rapporti biennali; jemmen li dawn għandhom jiġu integrati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li għandha tiżgura monitoraġġ responsabbli, effettiv u trasparenti tal-impenji tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti, sabiex jinbena l-pedament għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea li tiffunzjona tajjeb;

29.  Jirrimarka l-importanza ta' mudelli vinkolanti uniċi għall-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà, it-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-investituri; jemmen li t-trajettorji u l-ippjanar tal-politika għal kull Stat Membru jridu jkomplu jiġu mqassma skont is-settur, it-teknoloġija u s-sors;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tikkodifika f'leġiżlazzjoni prinċipju ta' anterjorità għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli sabiex tipprevjeni bidliet retroattivi għall-mekkaniżmi ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli u tiggarantixxi l-vijabbiltà ekonomika tal-assi eżistenti;

31.  jappella għat-tneħħija ta' ostakli burokratiċi bla bżonn u għal investiment li jippermetti li tintlaħaq il-mira ta' 10 % fl-interkonnessjoni elettrika sal-2020; jenfasizza li ż-żieda fil-kooperazzjoni reġjonali tista' tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż għall-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli kif ukoll tnaqqas l-ispejjeż għall-konsumaturi; ifakkar l-importanza ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni wiesgħa mill-pubbliku, minn stadju bikri, fl-ippjanar ta' proġetti ġodda ta' infrastruttura enerġetika, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali; ifakkar l-importanza ta' konsulenza teknika u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal proġetti ta' ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

32.  Jinnota d-diskrepanza bejn il-ħiliet disponibbli u l-bidliet fid-domandi tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-istrateġiji attivi ta' edukazzjoni/taħriġ u ħiliet huma kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jisħaq fuq l-importanza tas-sħab soċjali, kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, fl-iżvilupp ta' skemi ta' ħiliet u programmi ta' taħriġ;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat fil-livell tal-UE, li għandu jinkiseb fost l-oħrajn billi tiġi applikata l-kundizzjonalità fil-fondi eżistenti – Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – u billi b'mod komprensiv jitneħħa r-riskju fuq l-investimenti sabiex jiġi inċentivizzat użu wiesa' tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità

34.  Jemmen li l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet, il-familji u l-individwi għandhom jiffurmaw is-sinsla tat-tranżizzjoni tal-enerġija u għandhom jingħataw appoġġ attiv sabiex jiġu megħjuna jsiru produtturi u fornituri tal-enerġija fuq livell ugwali ma' atturi oħrajn fis-suq tal-enerġija; f'dan il-kuntest jappella għal definizzjoni komprensiva komuni tal-kunċett ta' "prosumatur" fil-livell tal-UE;

35.  Iqis li huwa ta' importanza kbira li jiġi stabbilit dritt bażiku għall-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum kif ukoll id-dritt li wieħed jaħżen u jbigħ l-elettriku żejjed bi prezz ġust;

36.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom, abbażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jiżviluppaw strateġija tal-Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità u jiddeskrivu fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom kif se jippromwovu proġetti tal-enerġija rinnovabbli u kooperattivi tal-enerġija żgħar u ta' daqs medju u kif se jiffatturizzawhom fil-qafas leġiżlattiv, il-politiki ta' sostenn u l-aċċessibbiltà tas-suq tagħhom;

37.  Jappella għall-introduzzjoni ta' kapitolu ġdid għall-Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli riveduta biex jiġu indirizzati l-ostakli prinċipali tas-suq u dawk amministrattivi u jinħoloq ambjent ta' investiment li jista' jwassal aktar għall-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli;

38.  Jinnota li għad m'hemmx fis-seħħ proċeduri amministrattivi u ta' liċenzjar xierqa għat-teknoloġiji kollha fil-pajjiżi kollha; jitlob lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli amministrattivi u tas-suq għal kapaċità ġdida ta' awtoġenerazzjoni, jissostitwixxu l-proċeduri twal ta' awtorizzazzjoni b'rekwiżit ta' notifika sempliċi u jistabbilixxu punti uniċi ta' servizz effiċjenti għall-permessi ta' proġetti, aċċess għall-grilja u appoġġ b'kompetenza finanzjarja u teknika, kif ukoll jiggarantixxu l-aċċess tal-prosumaturi għal mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni u kontinwità sħaħ – lil hinn mill-2020 – tal-Artikolu 13 (proċeduri amministrattivi) u 16 (aċċess għall-grilji u t-tħaddim tagħhom) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli attwali;

39.  Jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn il-produtturi mikro, żgħar u kbar; jinnota l-ħtieġa li jiġu żviluppati kundizzjonijiet u għodod adatti għall-"prosumaturi" (konsumaturi tal-enerġija attivi, bħall-unitajiet domestiċi, kemm is-sidien kif ukoll il-kerrejja, istituzzjonijiet u negozji żgħar involuti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew waħedhom jew kollettivament permezz ta' kooperattivi, intrapriżi soċjali oħra jew aggregazzjonijiet) biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni enerġetika u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tal-enerġija; jirrakkomanda li jitnaqqsu għal minimu assolut l-ostakli amministrattivi għal kapaċità ġdida ta' awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq u għall-grilji; jissuġġerixxi t-tqassir u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni billi jibda jintalab sempliċi rekwiżit ta' notifika; jissuġġerixxi li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tista' tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jitneħħew l-ostakli u jiġu promossi skemi ta' enerġija tal-komunitajiet/kooperattivi permezz ta' "one-stop shops" li jiittrattaw il-permessi tal-proġetti u jipprovdu l-għarfien espert finanzjarju u tekniku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-eżenzjonijiet de minimis previsti mil-Linji Gwida Ewropej dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Enerġija u l-Ambjent, sabiex il-proġetti żgħar u ta' daqs medju jkomplu jibbenefikaw minn tariffi feed-in dinamiċi, filwaqt li jiġu eżentati minn proċessi ta' rkantar kumplessi;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku minn stadju bikri biex tingħata spinta lil proġetti ta' enerġija rinnovabbli li jirrispettaw l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li, permezz ta' regolamentazzjoni adegwata tas-suq, jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp ta' produzzjoni tal-enerġija ċentralizzata u deċentralizzata sabiex jiġi żgurat li ma ssirx diskriminazzjoni fil-konfront tal-konsumaturi li m'għandhomx il-possibbiltà jsiru "prosumaturi"; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti faċilitajiet tekniċi u amministrattivi għall-ġestjoni kollettiva tal-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza li l-awtoġenerazzjoni u s-sorsi rinnovabbli mhumiex il-kawża ewlenija tal-ispejjeż tal-enerġija Ewropej ogħla;

42.  Jenfasizza li żieda fl-enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha tassisti lill-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha u tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi u kosteffikaċi għall-iffrankar tal-enerġija;

43.  Jenfasizza l-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' approċċ integrat għall-enerġija u l-bżonn li jiġu promossi s-sinerġiji fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ u dawk tat-trasport, kif ukoll bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tivvaluta kif sorsi flessibbli tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jikkomplementaw sorsi tal-enerġija varjabbli u kif dan għandu jkun ikkunsidrat fl-ippjanar tal-enerġija kif ukoll fit-tfassil ta' skemi ta' sostenn;

Elettriku

44.  Jenfasizza li l-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli għandha tiġi integrata fis-sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku fil-livelli kollha, kif ukoll fis-sistemi ta' trażmissjoni tal-elettriku, meta wieħed iqis il-bidliet favur mudell aktar flessibbli u deċentralizzat għal produzzjoni tal-enerġija li tieħu inkunsiderazzjoni s-suq;

45.  Jinnota li forom mhux varjabbli ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, pereżempju l-enerġija idroelettrika, li jistgħu jiġu mobilizzati malajr u li huma ambjentalment responsabbli, joffru mezz kif jappoġġjaw l-integrazzjoni ta' sorsi varjabbli fis-suq;

46.  Jappella għal approċċ integrat għall-politika tal-enerġija li jinkludi l-iżvilupp u r-regolamentazzjoni tal-grilji, il-ġestjoni tad-domanda u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll iż-żieda fis-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat lock-in f'teknoloġiji li mhumiex kompatibbli mad-dekarbonizzazzjoni;

47.  Jinnota li l-integrazzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni ta' elettriku rinnovabbli teħtieġ swieq flessibbli, kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda, u li dan se jeħtieġ il-bini, il-modernizzazzjoni u l-adattament tal-grilji u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' ħżin;

48.  Jenfasizza li l-elettrifikazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll tat-trasport u ta' setturi oħra, hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni rapida u effiċjenti għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

49.  Jenfasizza li sakemm is-sistema tal-elettriku tibqa' inflessibbli, l-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għall-enerġiji rinnovabbli huma meħtieġa għall-promozzjoni tat-titjib tal-grilja u sabiex jitrawwem l-użu tal-ħżin u tar-rispons għad-domanda; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għat-tisħiħ u l-kjarifika tar-regoli dwar l-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għall-enerġija rinnovabbli għall-perjodu ta' wara l-2020; jenfasizza li l-possibbiltà ta' tneħħija gradwali tal-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għandha tiġi evalwata fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-Direttiva RES futura, li mistennija ssir sal-2024;

50.  Jenfasizza li l-aċċess ta' prijorità għall-grilja u r-rilaxx prijoritarju għall-enerġija rinnovabbli fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli attwali għandhom jinżammu u jissaħħew; jappella għal qafas regolatorju għal wara l-2020 li jiżgura kumpens xieraq għat-tnaqqis tal-elettriku rinnovabbli;

51.  Jinnota l-istrateġija tal-Kummissjoni biex jiżdiedu l-mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda; jenfasizza li dan m'għandux joħloq piż addizzjonali jew iżid l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda jistgħu jipprovdu opportunità għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija, filwaqt li jenfasizza li l-parteċipazzjoni f'mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda jew ta' pprezzar dinamiku għandhom dejjem jibqgħu strettament fuq bażi ta' inklużjoni fakultattiva biss;

52.  Jemmen li l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku se jkun element indispensabbli għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' livelli għolja ta' enerġija rinnovabbli, li jgħin fl-ibbilanċjar tal-grilja u jipprovdi mezz għall-ħżin tal-eċċess tal-enerġija rinnovabbli ġġenerata; jappella għal reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti sabiex jitrawwem l-użu ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u jitneħħew l-ostakli eżistenti;

53.  Jenfasizza li l-kwistjoni tal-konġestjonijiet tal-elettriku qed tkompli xxekkel il-fluss ħieles tal-enerġija rinnovabbli milli jaqsam il-fruntieri tal-Istati Membri u qed tkarkar il-progress fir-rigward tal-ħolqien ta' Suq tal-Enerġija Intern reali fl-Unjoni Ewropea;

54.  Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jingħataw is-setgħa u l-inċentivi xierqa biex jipparteċipaw fis-swieq tal-enerġija; jinnota li għandhom jitfasslu prezzijiet dinamiċi u orjentati lejn is-suq, li jinternalizzaw l-ispejjeż soċjali u ambjentali, biex jiġġeneraw rispons xieraq għad-domanda mill-konsumaturi u jattivaw il-produzzjoni neċessarja, kif ukoll jiffaċilitaw il-konsum intelliġenti u effiċjenti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tanalizza aktar l-impatt tagħhom fuq id-diversi gruppi ta' konsumaturi;

55.  Jenfasizza li ċerti konsumaturi għandhom xejriet riġidi ta' konsum u jistgħu jintlaqtu b'mod negattiv minn mekkaniżmi ta' effiċjenza msaħħa bbażati fuq il-prezzijiet; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jkollhom politiki ta' effiċjenza enerġetika li jkunu ffukati fuq il-konsumaturi f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà;

56.  Iqis li għandu jkun hemm qafas regolatorju tal-UE ċar għall-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli u għal komunitajiet/kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli li jqis il-benefiċċji kollha meta jkunu qed jitfasslu l-mekkaniżmi tal-ħlas għall-bejgħ tal-produzzjoni żejda, l-aċċess u l-użu tal-grilja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-awtoproduzzjoni tal-enerġija u l-implimentazzjoni u l-interkonnessjoni tal-grilji lokali tal-enerġija rinnovabbli, biex dawn jikkumplimentaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija; jenfasizza l-fatt li l-"prosumaturi" għandhom jingħataw aċċess għall-grilja tal-enerġija u għas-suq bi prezz ġust u m'għandhomx jiġu penalizzati b'taxxi jew ħlasijiet addizzjonali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inizjattivi li ħadu xi Stati Membri biex joħolqu ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet għall-awtokonsum u l-awtoproduzzjoni;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-tisħin u t-tkessiħ ta' oriġini ġeotermika;

Tisħin u tkessiħ

58.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tisħin u t-tkessiħ, iżda jenfasizza n-nuqqas ta' progress u l-miri baxxi stabbiliti għall-użu ta' sorsi rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ, b'mod partikolari fil-bini; jenfasizza l-potenzjal kbir għal progress kontinwu fl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ; jinnota li s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ jirrappreżenta nofs il-konsum tal-enerġija finali tal-UE u għalhekk għandu rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi tal-UE dwar il-klima u r-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli; jirrikonoxxi l-benefiċċji taż-żieda fl-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jenfasizza ż-żieda fil-flessibbiltà tal-infrastruttura u l-ħżin termali biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli varjabbli billi l-enerġija tinħażen fil-forma ta' sħana, li joffri prospetti eċċellenti dwar l-investiment u jipprovdi opportunitajiet għat-titjib tal-kwalità tal-impjiegi lokali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni regolatorji fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinnovabbli għal wara l-2020;

59.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħin u t-tkessiħ ta' Frar 2016; itenni li l-isforzi fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandhom potenzjal kbir għal żieda fis-sigurtà tal-enerġija (peress li 61 % tal-gass importat fl-Unjoni Ewropea jintuża fil-bini, l-aktar għal skopijiet ta' tisħin), pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' netwerks distrettwali ta' tisħin/tkessiħ, li jikkostitwixxu mezz effiċjenti għall-integrazzjoni tas-sħana sostenibbli fil-bliet fuq skala kbira, għaliex jistgħu simultanjament jagħtu s-sħana miksuba minn firxa ta' sorsi u ma jiddependux intrinsikament fuq xi sors wieħed;

60.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tisħin u t-tkessiħ, li tenfasizza l-ħtieġa tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, li għadhom jirrappreżentaw 75 % tal-fjuwil użat fis-settur, u li dawn jiġu sostitwiti kompletament b'miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, li huwa l-akbar ċans tagħna li nnaqqsu l-użu ta' fjuwils fossili, u b'sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

61.  Jitlob li jkun hemm aktar miżuri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti li fadal tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-għanijiet tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni regolatorji f'dawk is-setturi fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinnovabbli għal wara l-2020;

62.  Jinnota li l-bijomassa hija l-aktar enerġija rinnovabbli użata għat-tisħin llum, u tirrappreżenta madwar 90 % tat-tisħin b'enerġija rinnovabbli; din għandha rwol importanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b'mod partikolari fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija b'mod sostenibbli;

63.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi ffaċilitata tranżizzjoni lejn apparat għat-tisħin li jaħdem b'mod effiċjenti b'enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġi żgurat appoġġ adegwat u informazzjoni u assistenza aħjar għaċ-ċittadini li qegħdin f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni komprensiva u effikaċi ta' tkessiħ b'enerġija rinnovabbli;

65.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġġedded u tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, billi n-netwerks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jistgħu jużaw u jaħżnu l-elettriku mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mbagħad jgħadduh lill-binjiet u lis-siti industrijali, li jsaħħaħ il-livell tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli;

66.  Jenfasizza l-potenzjal tal-gruppi ta' prosumaturi, inklużi unitajiet domestiċi, negozji mikro u żgħar, kooperattivi u awtoritajiet lokali, sabiex jiġu stabbiliti sistemi kollettivi ta' enerġija – pereżempju tisħin distrettwali – li jipprovdu tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli kosteffiċjenti kif ukoll il-ħafna sinerġiji bejn l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

67.  Iqis li s-sinerġiji bejn id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija għandhom jissaħħew sabiex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ;

68.  Jinnota li l-proġetti ta' effiċjenza enerġetika relatati kemm mat-tisħin kif ukoll mat-tkessiħ huma għodod importanti sabiex jiġu żgurati xejriet ta' konsum tal-enerġija stabbli u prevedibbli u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

Trasport

69.  Jinnota li l-mira ta' 10 % ta' sorsi rinnovabbli sal-2020 fis-settur tat-trasport għadha lura b'mod sinifikanti, parzjalment minħabba l-isfidi għal strateġija tal-enerġija rinnovabbli għat-trasport ibbażata fuq il-bijofjuwils; ifakkar li t-trasport huwa l-uniku settur fl-UE fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra żdiedu mill-1990 'l hawn; jirrimarka li l-enerġiji rinnovabbli huma kruċjali għal mobbiltà sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jużaw miżuri sostenibbli għas-settur tat-trasport bħat-tnaqqis fid-domanda, bidla modali lejn modi aktar sostenibbli, effiċjenza aħjar u l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-promozzjoni tal-użu ta' vetturi tal-elettriku fornuti minn enerġija rinnovabbli u ttejjeb il-qafas leġiżlattiv sabiex toffri prospetti għal bijokarburanti b'effiċjenza għolja fil-gassijiet serra, filwaqt li tqis it-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) għall-perjodu ta' wara l-2020;

70.  Jappella sabiex l-użu parzjali tal-PAK jinżamm u jitkabbar sabiex jiġi appoġġjat l-investiment fil-produzzjoni u l-użu ta' enerġija rinnovabbli fis-settur agrikolu;

71.  Jistma li t-trasport jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa u li 94 % tat-trasport jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt; iqis, għalhekk, li sforz lejn użu akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport jeħtieġ ikun ambizzjuż, b'rabta ċara mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ambizzjużi biex taċċelera d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, inkluż permezz ta' fjuwils rinnovabbli, aktar elettrifikazzjoni kif ukoll effiċjenza msaħħa, u żżid l-isforzi biex tippromwovi l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni f'dawn l-oqsma;

73.  Jinnota l-importanza tal-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi fornuti b'elettriku rinnovabbli, bħala punt importanti biex jintlaħqu l-miri tal-2030;

74.  Jistenna l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju 2016 għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandu jiġi promoss użu akbar tal-enerġiji rinnovabbli sabiex jiġi żgurat li t-trasport jikkontribwixxi b'mod attiv biex jintlaħqu l-miri tal-2020;

75.  Jilqa' l-progress magħmul fl-iżvilupp ta' bijofjuwils u magni ġodda mill-proġetti kkompletati fil-qafas tal-Impriża Konġunta "Clean Sky" tal-UE;

76.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-bijofjuwils tal-ġenerazzjoni li jmiss, bl-użu ta' bijomassa jew skart;

77.  Jirrimarka l-ħtieġa ta' titjib fl-ambjent regolatorju u l-kundizzjonijiet fit-tul sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-avjazzjoni u f'dak marittimu;

78.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla modali fis-settur tat-trasport biex takkomoda r-regolamentazzjoni u l-politika tal-mobbiltà sostenibbli, inklużi l-intermodalità, sistemi ta' loġistika sostenibbli, politiki ta' ġestjoni tal-mobbiltà u politiki urbani sostenibbli li jibdlu l-konsum tal-enerġija fit-trasport għal sorsi rinnovabbli u/jew inaqqsu kemm jista' jkun il-konsum globali tal-enerġija, l-inkoraġġiment ta' mudelli ta' vvjaġġar aktar attivi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' Bliet Intelliġenti, u l-appoġġ għal ekomobbiltà urbana u ppjanar urban xieraq; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jippromwovu bidla modali tal-passiġġieri u l-merkanzija mit-trasport fuq it-toroq u bl-ajru għat-trasport bil-ferroviji u bil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tivvaluta l-potenzjal tat-teknoloġiji tat-trolley-truck;

79.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex, bħala mod li bih juru l-impenn qawwi tagħhom lejn l-enerġiji rinnovabbli, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli tagħhom stess biex ikopru d-domanda tal-enerġija tal-binjiet tagħhom; jenfasizza li sa meta jiġu żviluppati dawn il-kapaċitajiet, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jixtru enerġija ekoloġika sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

80.  Jenfasizza li sehem modali akbar tal-mixi, l-użu tar-rota, il-car sharing u l-car pooling, flimkien ma' sistemi tat-trasport pubbliku, huwa kruċjali għat-tnaqqis u l-evitar tad-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

81.  Jenfasizza l-potenzjal tas-sistemi u l-infrastrutturi għar-roti biex titjieb is-sostenibbiltà tat-trasport fiż-żoni urbani;

82.  Jenfasizza l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għal kontribut għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju biż-żieda fl-elettrifikazzjoni tas-sistemi ta' trasport;

Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi

83.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtieġa ta' sinerġija u konsistenza akbar fil-politiki Ewropej, tiffissa kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijoenerġija, filwaqt li tqis valutazzjoni bir-reqqa tal-funzjonament tal-politiki tal-UE diġà eżistenti dwar is-sostenibbiltà u dawk dwar l-ekonomija ċirkolari; ifakkar li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE għandu jintlaħaq permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi proprji, skont l-objettiv li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi;

84.  Iħeġġeġ kawtela fir-rigward tax-xejra li qed tiżdied tal-użu tal-bijomassa forestali bħala sors ewleni ta' enerġija rinnovabbli tal-UE peress li potenzjalment dan jista' jkollu effetti negattivi fuq il-klima u l-ambjent jekk il-bijomassa ma tinkisibx b'mod sostenibbli u ma titqiesx kif xieraq; jinnota li l-impatti klimatiċi tal-bijoenerġija jeħtieġ jiġu kkunsidrati fuq perjodu ta' żmien fit-tul, minħabba l-perjodi twal meħtieġa sabiex il-foresti maħsuda jirkupraw mill-ġdid;

85. Jinnota li l-bijoenerġija diġà tammonta għal 60 % tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u l-użu tagħha mistenni jkompli jikber; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati b'urġenza l-impatti b'effett ta' serra tal-użi differenti tal-bijomassa forestali għall-enerġija, u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta' mitigazzjoni fil-qafas ta' kalendarji rilevanti għall-politika;

86.  Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijofjuwils ma għandhiex tinterferixxi mal-produzzjoni tal-ikel jew tikkomprometti s-sigurtà tal-ikel; jemmen, madankollu, li politiki bbilanċjati li jippromwovu ż-żieda fil-produzzjoni Ewropea tal-materja prima f'uċuħ tar-raba' bħall-qamħ, il-qamħirrum, il-pitrava zokkrija u l-ġirasol jistgħu jinkludu dispożizzjoni għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-ILUC, b'mod li jistgħu jipprovdu lill-bdiewa Ewropej bi fluss ta' dħul sigur, jattiraw l-investiment u l-impjiegi f'żoni rurali u jgħinu biex jiġi indirizzat in-nuqqas kroniku ta' għalf tal-annimali b'ħafna proteini (u mingħajr OĠM), jirrendu lill-Ewropa inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili; jemmen li fil-każijiet ta' provvista eċċessiva fis-suq tal-prodotti agrikoli msemmija, il-produzzjoni ta' bijofjuwils u bijoetanol tirrappreżenta punt ta' ħruġ temporanju li jżomm il-prezzijiet tax-xiri sostenibbli, iħares id-dħul tal-bdiewa waqt kriżijiet, u jservi bħala mekkaniżmu ta' stabbiltà tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm inċentiv biex ir-raba' mhux ikkultivat li ma jkunx qed jintuża għall-produzzjoni tal-ikel jiġi integrat fil-produzzjoni tal-bijoenerġija, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali u Ewropej;

87.  Jemmen li d-demel tal-annimali jista' jkun sors prezzjuż ta' bijogass bl-użu ta' metodi tekniċi ta' pproċessar tad-demel bħall-fermentazzjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza li dan isir alternattiva ekonomikament vijabbli għall-bdiewa;

88.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u għalhekk ir-rwol ewlieni tal-bijomassa forestali bħala materja prima rinnovabbli tal-UE li hi essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija tagħha; jiġbed l-attenzjoni għad-domanda li qed tiżdied għall-bijomassa forestali, li jfisser li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, f'konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-foresti, għandha tkun imsaħħa u promossa saħansitra aktar, peress li dan huwa kruċjali għall-bijodiversità u l-funzjoni ta' ekosistema tal-foresti, inkluż l-assorbiment tas-CO2 mill-atmosfera; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jkun hemm sfruttament bilanċjat tar-riżorsi mkabbra fl-UE kif ukoll dawk importati minn pajjiżi terzi, b'kont meħud taż-żmien twil meħtieġ għar-riġenerazzjoni tal-injam;

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.

(3)

ĠU L 239, 15.9.2015, p. 1.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0359.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0445.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0444.


NOTA SPJEGATTIVA

L-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jirrikjedi approċċ ġdid li jagħmilhom il-pilastru fundamentali tal-mudell enerġetiku tal-Unjoni Ewropea. Għandna r-responsabbiltà fundamentali li niġġieldu t-tibdil fil-klima, li huwa dmir storiku li jeħtieġ naffrontaw. Jeħtieġ ukoll innaqqsu d-dipendenza fuq ir-riżorsi enerġetiċi mill-bqija tad-dinja jekk nixtiequ nirfdu l-mudell ta' produzzjoni tagħna u niġġeneraw impjiegi ta' kwalità, kif ukoll li nkunu fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' teknoloġiji strateġiċi li fuqhom nibbażaw it-tranżizzjoni enerġetika tagħna.

It-tranżizzjoni lejn mudell ta' produzzjoni tal-enerġija sostenibbli hi prijorità soċjali li ma tistax tiġi indirizzata biss mis-suq. Mhux hekk biss, jeħtieġ nifhmu wkoll li r-regolamentazzjoni u l-parteċipazzjoni demokratika huma neċessarji biex jiġu evitati esternalitajiet soċjali u ambjentali serji. Ma nistgħux inħallu lill-oligopolji fis-settur tal-enerġija jiddefinixxu l-ġejjieni tal-enerġija għall-Ewropa.

L-istrument ġuridiku li l-UE adottat biex tilħaq dawn l-objettivi hu d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE). Bl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, l-Ewropa bdiet proċess ta' trasformazzjoni tat-taħlita enerġetika tal-Istati Membri tagħha. Dan l-istrument ġuridiku, b'objettivi vinkolanti u standards ċari ta' superviżjoni u kontroll, ippermetta li jinħoloq qafas favorevoli għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġiji rinnovabbli u kkontribwixxa għat-tkabbir ta' settur varjat u diversifikat. Il-miżuri pubbliċi ta' appoġġ ippermettew li jintlaħqu riżultati importanti f'ħafna Stati Membri, iżda hemm bżonn spinta politika ambizzjuża jekk nixtiequ nilħqu l-objettivi ambizzjużi għall-2020 u s-snin sussegwenti.

Aħna qed nikkritikaw uħud mill-aspetti tal-qafas li writna għall-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. M'hemm l-ebda dubju li l-impenn favur il-bijokarburanti fit-trasport ħalla impatt negattiv qawwi fuq il-produzzjoni tal-ikel, minflok ma qanqal riflessjoni fil-fond dwar in-nuqqas ta' koordinament u ppjanar olistiku fil-loġistika u l-politiki urbani meħtieġa biex dawn isiru verament sostenibbli.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (Ir-regolamentazzjoni tas-settur fil-livell Ewropew għandha ssolvi l-bosta problemi li qed ixekklu l-iżvilupp tas-settur, peress li tippromwovi l-investiment pubbliku, il-kontroll demokratiku u qafas stabbli għall-investiment li jiffaċilitaw il-ġestjoni kollettiva u demokratika tal-enerġija li tiżgura mudell enerġetiku kompletament sovran, effiċjenti u nadif għall-2050.29.4.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapport ta' progress dwar l-enerġija rinnovabbli

(2016/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marijana Petir

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Isostni li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex b'hekk jitwettaq il-Ftehim ta' Pariġi 2015, jiddependi wkoll fuq il-kisba tal-objettivi tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li tinħtieġ politika ta' segwitu b'qafas regolatorju fit-tul li jkun ċar, b'saħħtu u stabbli, inklużi miri vinkolanti dwar sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli li jkunu konsistenti mal-perkors l-aktar effiċjenti lejn l-objettivi fit-tul tal-Unjoni għall-klima (2050); jenfasizza li l-istrateġija tal-enerġija u l-miri tal-enerġija attwali għall-2020 mhux se jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira tal-2050 tad-dekarbonizzazzjoni, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 li jkun aktar ambizzjuż u li jżid il-mira tal-UE għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal tal-anqas 30 %,li għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali;

2.  Jilqa' l-fatt li fl-2013 l-użu ta' enerġiji rinnovabbli ta lok biex tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta' madwar 388 miljun tunnellata gross ta' CO2 u wassal għal tnaqqis fid-domanda tal-UE għall-fjuwils fossili ta' 116 Mtoe;

3.  Huwa tal-fehma li l-Ftehim ta' Pariġi (COP 21) irid ikun akkumpanjat minn pjanijiet nazzjonali tal-emissjonijiet b'impenji ċari u verifikabbli dwar l-emissjonijiet u l-enerġija li jiżguraw l-impenn biex ikun evitat it-tisħin globali ogħla minn 2 gradi;

4.  Jilqa' l-progress lejn il-kisba tal-mira tal-UE, fejn is-sorsi rinnovabbli jkollhom sehem ta' 20 % tal-konsum gross finali tal-enerġija sal-2020, speċjalment fis-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku; jitlob li jkun hemm aktar miżuri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti li fadal tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-għanijiet tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timla l-lakuni regolatorji f'dawk is-setturi fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinovabbli għal wara l-2020;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-tisħin u t-tkessiħ ta' oriġini ġeotermika;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġeneraw enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali f'postijiet ċentralizzati f'żoni urbani u biex jużaw is-sħana residwa disponibbli għat-tisħin distrettwali;

7.  Jilqa' l-progress tal-Istati Membri biex jilħqu l-miri nazzjonali speċifiċi dwar l-enerġija rinnovabbli u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li qed jipprogressaw bil-mod biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-miri tagħhom fiż-żmien dovut; jistenna li l-qafas ta' governanza għall-Unjoni tal-Enerġija post-2020 ikun ambizzjuż, affidabbli, trasparenti, demokratiku u jinkludi kompletament lill-Parlament sabiex ikun żgurat li jinkisbu l-miri ambizzjużi tal-klima u l-enerġija għall-2030 u biex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi u kundizzjonijiet regolatorji stabbli li jrawmu l-fiduċja tal-investituri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jmantnu sistema ta' inċentivi stabbli li tiffaċilita fluss affidabbli ta' investiment u finanzjament fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli;

8.  Iqis li l-progress li sar juri l-merti ta' politika tal-Unjoni dwar l-enerġiji rinnovabbli bbażata fuq miri nazzjonali vinkolanti, kif mitlub ripetutament mill-Parlament Ewropew, li tipprovdi ċ-ċertezza fit-tul għall-industriji u l-investituri li hija meħtieġa għall-investimenti kemm fil-kapaċitajiet ta' ġenerazzjoni kif ukoll fl-infrastruttura tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfittxu li jilħqu miri ogħla minn dawk diġà stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli fid-dawl tal-impenji aktar ambizzjużi meħuda fil-Ftehim ta' Pariġi u bil-ħsieb tal-fatt li, b'mod ġenerali, il-kontributi determinati fil-livell nazzjonali li ġew ippreżentati fit-30 ta' Ottubru 2015 xorta se jwasslu għal żieda fit-tisħin globali ta' 2.70°C sa tmiem is-seklu;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-oqsma kollha enfasizzati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li dwarhom iċ-ċifri perċentwali fir-rigward tal-miri tal-2020 huma ferm anqas mill-progress ġenerali miksub, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva fir-rigward tal-aktar setturi teknoloġiċi kritiċi;

11.  Jappoġġa l-miżuri adottati f'ċerti Stati Membri biex itejbu l-mekkaniżmi ta' appoġġ għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli, li jiddirezzjonaw dawn il-mekkaniżmi aktar lejn l-integrazzjoni progressiva tagħhom fis-suq, iqisu l-perjodu ta' maturità tat-teknoloġiji differenti u jiżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-progress teknoloġiku;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-arranġamenti ta' kooperazzjoni previsti fid-Direttiva dwar l-enerġiji rinnovabbli permezz tat-trasferiment statistiku tal-enerġija żejda prodotta sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom għall-2020 u biex jużaw mudelli tal-enerġija b'enfasi qawwija fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jisħaq fuq il-fatt li kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri tgħin biex jiġi żgurat il-forniment effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli għal punti ewlenin tal-konsum fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi addizzjonali li jiżguraw il-kompetittività akbar ta' dawn l-enerġiji;

13.  Jinnota li kull Stat Membru huwa ħieles li jagħżel is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jkunu jaqblu l-aktar mal-karatteristiċi ġeografiċi u ambjentali tiegħu; ifakkar li l-bijoenerġija se jkollha rwol importanti fid-dekarbonizzazzjoni tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lis-sorsi u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli bl-anqas effetti ta' ħsara fuq l-ambjent u l-bijodiversità, fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa pubblika, bis-saħħa ta' kwalità mtejba tal-arja, filwaqt li jikkapitalizzaw fuq il-vantaġġ mogħti mill-potenzjali lokali u reġjonali speċifiċi biex jiżguraw riżultat pożittiv mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b'kont meħud li l-ilħuq tal-objettivi tal-enerġija rinnovabbli irid ikun kosteffiċjenti; jappella għal miżuri li jiżguraw ippjanar imtejjeb għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-ippjanar spazjali u l-valutazzjoni tal-impatti ambjentali, fir-rispett sħiħ tal-liġijiet Ewropej u nazzjonali u l-funzjonament effiċjenti tas-swieq tal-enerġija;

14.  Jenfasizza li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (inklużi fjuwils alternattivi u enerġija ġeotermali u oċeanika), il-ħażna tagħha u l-iżvilupp tal-prodotti relatati, bil-għan li l-industrija tal-enerġija rinnovabbli tal-UE issir aktar kompetittiva, filwaqt li jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jisfruttaw ukoll mill-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp ta' prodotti; jemmen li, fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020, għandhom jiġu allokati aktar fondi għall-enerġiji rinnovabbli tal-ġenerazzjoni l-ġdida, inklużi dawk li bħalissa mhumiex apprezzati biżżejjed;

15.  Iqis li s-sistemi ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, bħall-awtokonsum, flimkien ma' teknoloġiji ġodda, jista' jkollhom parti sinifikanti fil-kisba ta' miri tal-enerġija rinnovabbli, billi jitqiesu dawn il-benefiċċji kollha meta jkunu qed jitfasslu l-mekkaniżmi ta' ħlas għall-bejgħ ta' enerġija żejda prodotta u l-użu tal-grilja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-awtoproduzzjoni tal-enerġija u l-implimentazzjoni u l-interkonnessjoni tal-grilji lokali tal-enerġija rinnovabbli, biex jikkumplimentaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija; jirrakkomanda parteċipazzjoni akbar tal-konsumaturi, fil-livell taċ-ċittadini u l-intraprendituri, fl-użu lokali ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li jittaffa t-tibdil fil-klima;

16.  Jemmen li l-enerġiji rinnovabbli jwasslu biex il-konsumaturi jkunu aktar konxji tal-konsum tal-enerġija tagħhom, u b'hekk jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv li tinħoloq Unjoni tal-Enerġija ffukata fuq il-konsumatur, u għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-impjiegi, inkluż f'inħawi b'densità baxxa ta' popolazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jitneħħew l-ostakli ekonomiċi, regolatorji u amministrattivi biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jikkontrollaw l-użu tal-enerġija tagħhom, biex jiġu mħeġġa jinvestu f'enerġija deċentralizzata rinnovabbli u biex jitħarsu mill-faqar enerġetiku;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw regolamenti li jkunu kemm jista' jkun simili sabiex iħeġġu l-istallazzjoni ta' sistemi deċentralizzati ta' ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u, speċjalment, biex jippromwovu l-awtokonsum, kemm individwali kif ukoll fil-komunità, permezz tal-istabbiliment ta' sistemi ta' bilanċ nett;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' investiment u kreditu pubbliċi biex jittejbu l-grilji tal-elettriku u biex dawn jiġu adattati biex jirċievu elettriku ġġenerat bl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli distribwiti fuq il-post;

19.  Jenfasizza li l-finanzjament tal-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli involva spejjeż sproporzjonati għall-konsumaturi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jiżviluppaw mezzi ġodda ta' finanzjament ibbażati fuq arranġamenti ta' sejħiet għal offerti u rkantar kompetittivi, u joħolqu ċertezza akbar għall-investituri billi jiżguraw li jiġu esklużi miżuri retrospettivi;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-setturi tat-tisħin, tal-arja kondizzjonata u tat-trasport jiġu dekarbonizzati permezz tal-elettrifikazzjoni ta' dawk is-setturi;

21.  Jenfasizza li terz tal-mira li l-UE ffissat għaliha nnifisha għall-2020 fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli fis-settur tat-trasport jista' jintlaħaq bl-użu tal-bijogass mill-iskart organiku, filwaqt li madwar 2 % tal-mira tal-enerġiji rinnovabbli tista' tinkiseb jekk l-iskart organiku kollu jintbagħat għal diġestjoni anaerobika; għal din ir-raġuni, u għall-promozzjoni ulterjuri tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, fejn l-iskart jitqies bħala riżorsa ġdida, huwa essenzjali li l-ġbir separat tal-iskart isir obbligatorju fl-Istati Membri kollha tal-UE sal-2020;

22.  Jappella sabiex l-użu parzjali tal-PAK jinżamm u jitkabbar sabiex jiġi appoġġat l-investimenti fil-produzzjoni u l-użu ta' enerġija rinnovabbli fis-settur agrikolu;

23.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fl-ilħuq tal-mira tal-UE ta' sehem ta' 10 % tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li dak l-għan jintlaħaq mil-lat li jitbaxxew il-livelli ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija importata; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu din il-mira fiż-żmien dovut; ifakkar li t-trasport huwa l-uniku settur fl-UE fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra żdiedu mill-1990 'l hawn; jirrimarka li l-enerġiji rinnovabbli huma kruċjali għall-kisba ta' mobbiltà sostenibbli; iqis l-elettrifikazzjoni tat-trasport bħala wieħed mill-aktar modi effiċjenti biex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffissa mira ambizzjuża għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport u ttejjeb il-qafasleġiżlattiv, toffri prospetti għall-bijofjuwils leġiżlattiv, toffri prospetti għall-bijofjuwils b'effiċjenza għolja f'termini tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, tqis il-bidla indiretta fl-użu tal-art (ILUC)fil-perjodu wara l-2020 u, billi tipprovdi inċentiv xieraq għall-użu tagħhom, tgħin sabiex tiftaħ l-impjiegi 'ħodor' waqt li tevita l-effetti negattivi tal-ILUC;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-ħtieġa għal sinerġija u konsistenza akbar fil-politiki Ewropej, tiffissa kriterji ta' sostenibilità għall-bijoenerġija, filwaqt li tqis valutazzjoni bir-reqqa tal-funzjonament tal-politiki tal-UE diġà eżistenti dwar is-sostenibbiltà u l-politiki tal-ekonomija ċirkolari; ifakkar li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE għandu jintlaħaq permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi proprji, skont l-għan li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi;

25.  Iħeġġeġ kawtela fir-rigward tax-xejra li qed tiżdied tal-użu tal-bijomassa forestali bħala sors ewleni ta' enerġija rinnovabbli tal-UE peress li potenzjalment dan jista' jkollu effetti negattivi fuq il-klima u l-ambjent jekk il-bijomassa ma tinkisibx b'mod sostenibbli u tiġi kkontabilizzata kif xieraq; jinnota li l-impatti klimatiċi tal-bijoenerġija għandhom jiġu kkunsidrati fuq perjodu ta' żmien fit-tul, minħabba l-perjodi twal meħtieġa sabiex il-foresti maħsuda jirkupraw mill-ġdid;

26. Jinnota li l-bijoenerġija diġà tammonta għal 60 % tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u l-użu tagħha huwa mistenni li jkompli jikber; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu ċċarati b'urġenza l-impatti b'effett ta' serra tal-użi differenti tal-bijomassa forestali għall-enerġija, u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta' mitigazzjoni f'kalendarji ta' żmien rilevanti għall-politika;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal leġiżlazzjoni ġdida dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-klima u tal-enerġija tal-UE, twettaq valutazzjoni tar-rwol ta' benefiċċju tal-foresti Ewropej bħala bjar tal-karbonju; jenfasizza li l-forestrija Ewropea hi bbażata fuq ġestjoni sostenibbli u ppjanar fit-tul, u li l-kriterji u l-indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandhom dejjem japplikaw għas-settur kollu kemm hu, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li ddaħħal kriterji għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti armonizzati fil-livell tal-UE sabiex jinħoloq qafas ta' referenza internazzjonali li jiggwida l-provenjenza tal-bijomassa forestali bħala materja prima għall-enerġija rinnovabbli;

29.  Jenfasizza l-importanza li tinżamm produzzjoni ta' enerġija idroelettrika li tista' tiġi mmobilizzata malajr u li tkun responsabbli mil-lat ambjentali;

30.  Jenfasizza n-nuqqas ta' infrastruttura tat-trażmissjoni transkonfinali tal-enerġija, u għalhekk ifakkar li sabiex l-elettriku minn sorsi rinnovabbli jkun integrat bis-sħiħ, ikun xieraq li tiġi żviluppata infrastruttura tan-netwerk u li jkun hemm għadd suffiċjenti ta' interkonnessjonijiet b'mod kost-effiċjenti; jappella għat-tneħħija tal-ostakoli burokratiċi bla bżonn u għal investiment li jippermetti l-kisba tal-mira ta' 10 % ta' interkonnessjoni elettrika sal-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jittaffew l-ostakli ta' natura mhux finanzjarja u jappella għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi ta' awtorizzazzjoni, tal-għoti tal-permessi u tal-konnessjoni għall-impjanti li jiġġeneraw l-enerġija rinnovabbli;

31.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli għandu jimxi id f'id mal-iżvilupp tal-infrastruttura kollha, inklużi l-infrastrutturi transkonfinali li jipprevjenu l-proċessi ċirkolari mhux ippjanati, peress li n-nuqqas ta' tali infrastruttura jista' jwassal għal tagħbija eċċessiva tan-netwerk u għal qtugħ tal-elettriku; jistieden lill-Istati Membri li jinsabu lura fil-bini ta' tali infrastrutturi biex jikkompletaw il-kostruzzjoni malajr kemm jista' jkun;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kemm l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli fis-swieq fuq livell ekwu mas-sorsi tal-enerġija konvenzjonali, kif ukoll l-adattament tas-swieq għall-enerġiji rinnovabbli;

33.  Jagħraf li t-tnaqqis fit-taxxa huwa inċentiv b'saħħtu biex issir il-qalba mill-enerġija fossili għall-enerġija rinnovabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriforma d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li mhux qed iħallu li dawn l-inċentivi jiġu sfruttati bis-sħiħ;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom stess, filwaqt li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri bil-ħsieb li jitgħallmu mill-aħjar prattiki;

35.  Jiġbed l-attenzjoni li l-mudell il-ġdid għall-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandu jinbena minn isfel għal fuq u jkun ibbażat fuq il-potenzjal tal-Istati Membri individwali, filwaqt li jinkuraġġihom jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi li jkunu disponibbli għalihom mingħajr ma jiġu imposti fuqhom miri minn fuq għal isfel li diffiċli jintlaħqu;

36.  Jappella sabiex tiġi implimentata leġiżlazzjoni aħjar dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali b'rabta mal-proġetti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li tingħata s-setgħa liċ-ċittadini;

37.  Iqis li l-enerġija rinnovabbli hija pedament tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u jenfasizza li l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-oqfsa ta' politika huma rekwiżit ewlieni għall-użu tal-enerġija rinnovabbli; jiddeplora, f'dan ir-rigward, it-tibdil f'salt fl-ambjent ta' politika għall-enerġija rinnovabbli u t-tkomplija tas-sussidji għall-fjuwils fossili;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi u tirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li tħeġġeġ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri bil-għan li jitgħallmu mill-aħjar prattika;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Daciana Octavia Sârbu, Davor Škrlec, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Tom Vandenkendelaere, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Nicola Caputo, Giorgos Grammatikakis, Merja Kyllönen, Gesine Meissner, Marijana Petir, Gabriele Preuß, Jasenko Selimovic, Kay Swinburne, Keith Taylor, Mihai Ţurcanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (21.4.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar ir-rapport dwar il-progress li sar fis-settur tal-enerġija rinnovabbli

(2016/2041/(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Younous Omarjee

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jenfasizza li fil-COP21 ġie enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-bliet u r-reġjuni fit-tranżizzjoni tal-enerġija u l-kontribut tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Unjoni tal-Enerġija;

2.  Iqis, minħabba l-karatteristiċi speċifi tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-potenzjal li jiġu implimentati fuq firxa ta' skali u f'ħafna setturi u sistemi ta' attività, mill-iċken sa l-ikbar, li r-reġjuni Ewropej, il-bliet tagħhom, u ż-żoni urbani, periurbani u rurali tagħhom huma ċ-ċentru tat-trasformazzjoni lejn soċjetajiet nodfa u b’emissjonijiet baxxi ta' carbonju u sustanzi niġġiesa oħra; huwa tal-fehma li sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-livell reġjonali għandhom jiġu sfruttati b’mod aktar effiċjenti; jenfasizza li ż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sservi l-objettiv li tagħmilhom bi prezz li jintlaħaq aktar u li jinħolqu aktar impjiegi fis-settur ekoloġiku;

3.  Ifakkar li d-dipendenza fuq ċerti sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli għandham, minbarra l-impatt fuq il-klima, implikazzjonijiet ġeopolitiċi u ta’ sigurtà innegabbli;

4.  Iqis li l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri taħt id-Direttiva 2009/28/KE u l-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, kif ukoll il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni b’rabta mal-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli filwaqt li jiġu appoġġati l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku; jissottolinja l-importanza tal-konċentrazzjoni tematika fil-politika ta’ koeżjoni, peress li din għandha tikkontribwixxi biex l-investimenti jiġu diretti lejn ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju inklużi enerġiji rinnovabbli, speċjalment fid-dawl tar-rwol prominenti tal-objettiv tematiku "Appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju fis-setturi kollha"; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti għal dan l-għan filwaqt li jenfasizza l-opportunitajiet għal żvilupp lokali tan-negozju u l-ħolqien tal-impjiegi; ifakkar id-dispożizzjonijiet komuni tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni li jappoġġjaw l-eliġibbiltà ta’ proġetti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi djar privati, f'bini pubbliku u fl-intrapriżi, u jemmen li l-integrazzjoni tas-suq reġjonali tal-enerġija rinnovabbli, li tista’ tinkiseb permezz ta’ tali finanzjament, tkun tirrappreżenta kontribut importanti tal-politika ta’ koeżjoni f’dan ir-rigward;

5.  Jenfasizza l-importanza ta’ monitoraġġ mill-qrib u dettaljat tal-użu ta’ fondi tal-UE għal sforzi li jżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika, sabiex tinġabar database li għandha tintuża fil-valutazzjoni ta’ strateġiji futuri, fit-traċċar tal-finanzjament u fil-valutazzjoni tal-effettività tagħha;

6.  Jinnota l-appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni għal tisħin distrettwali, u jilqa’ l-fatt li l-enerġija rinnovabbli qed tintuża dejjem aktar spiss f’dan is-settur bħala alternattiva għall-fjuwils fossili;

7.  Iqis li huwa diżappuntanti li appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li ammonta għal 1.1 % tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, żdied għal 1.4 % biss tal-istess fondi għall-perjodu 2014-2020; jinnota, għalhekk, il-potenzjal għal fondi tal-politika ta’ koeżjoni li jagħmlu aktar biex jgħinu biex jintlaħqu l-miri previsti fid-Direttiva 2009/28/KE;

8.  Jiddispjaċih li f’xi Stati Membri fejn l-isforzi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mid-direttiva għadhom lura, il-mobilizzazzjoni tal-Fondi SIE għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għadha relattivament baxxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri, biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal offrut mill-Fondi SIE, u f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza ta’ ppjanar minn isfel għal fuq ta’ miżuri tal-enerġija sostenibbli u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jinnota li l-ħtiġijiet differenti, ir-riżorsi u l-livelli ta’ żvilupp differenti madwar l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jilħqu l-miri tagħhom, partikolarment permezz tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

10.  Isostni li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif ukoll reġjuni b’interkonnessjonijiet infrastrutturali limitati jew ineżistenti għal sistemi tal-enerġija (“gżejjer tal-enerġija”), jistgħu jistabbilixxu l-objettiv tal-awtosuffiċjenza enerġetika, u jenfasizza li l-għan tas-sigurtà tal-enerġija jista’ jinkiseb permezz ta’ finanzjament kemm tal-FSIE kif ukoll tal-EFSI, b’tali mod li, b’kont meħud tar-riżorsi lokali, il-potenzjal tal-enerġija tar-reġjuni inkwistjoni jista’ jiġi użat;

11.  Jemmen ukoll li għandhom jittieħdu passi biex jinkoraġġixxu, fir-reġjuni kollha tal-UE, l-ogħla livell possibbli ta’ awtoġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli, li jibda b’binjiet pubbliċi, sabiex titjieb l-awtosuffiċjenza globali u b’hekk is-sigurtà tal-enerġija;

12.  Jinkoraġġixxi lill-bliet u r-reġjuni Ewropej biex iżidu l-miżuri li diġà saru jew li huma ppjanati u jagħmlu sforzi addizzjonali biex jiġi żgurat trasport nadif, sostenibbli, sikur, effettiv u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, billi tintuża enerġija minn sorsi rinnovabbli, peress li l-progress li sar għall-objettiv ta’ 10 % tal-enerġija rinnovabbli għadu mhuwiex għal kollox sodisfaċenti; iqis li l-investiment f’sistemi ta’ punt tal-iċċarġjar elettriku, maħsub fuq skala reġjonali, għandu jkun prijorità fil-bliet u r-reġjuni Ewropej kollha, abbażi tal-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tagħhom biex jilħqu l-objettiv ta’ mobilità urbana massima aktar favur l-ambjent; iħeġġeġ il-finanzjament ta’ investiment f’trasport pubbliku li jaħdem bl-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha, kif ukoll l-għoti ta’ inċentivi finanzjarji addizzjonali fuq il-livell lokali u reġjonali, sabiex jiffavorixxi l-interkonnettività ta’ żoni urbani u periurbani, u l-promozzjoni ta’ aktar awtosuffiċjenza, kompetittività, tkabbir ekonomiku, titjib fis-sikurezza tat-toroq u kundizzjonijiet aħjar ta’ impjieg;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, billi twettaq kejl kwantitattiv fir-rigward tal-Fondi ESI mmobilizzati għas-settur tat-trasport (EUR 70 biljun), tkejjel l-impatt reali li l-Fondi għandhom fuq l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħra li jniġġsu u tikseb bidliet modali fis-settur tat-trasport;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Aġenda Urbana tal-UE tinkludi b’mod sħiħ il-miri maqbula mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/28/KE u dawk miftiehma mill-Kunsill għall-2030, li jinkludu rekwiżit ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet bi flessibilità għall-Istati Membri biex huma stess jiddefinixxu t-triqat kosteffettivi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, għall-finijiet tad-direttiva l-ġdida li se tistabbilixxi l-miri li għandhom jintlaħqu sal-2030 skont il-qafas għall-klima u l-enerġija, biex telabora indikaturi nazzjonali tal-valutazzjoni b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, abbażi tal-ispeċifiċitajiet reġjonali tagħhom, bl-għan li jintlaħqu l-miri tal-UE f’dan il-qafas;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-BEI biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom ħalli jippromwovu l-FEIS u l-pjattaformi ta’ investiment rilevanti tal-Opportunità ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni, sabiex jiġu mmobilizzati l-investimenti fl-Istati Membri b’potenzjal għoli ta’ enerġija li tiġġedded.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Salvatore Cicu, Viorica Dăncilă, Andor Deli, Ivana Maletić, Maurice Ponga, Davor Škrlec


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (27.4.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar ir-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli

(2016/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Franc Bogovič

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi huwa stmat li l-importazzjonijiet tal-bijomassa ser jittriplikaw bejn l-2010 u l-2020, u billi madankollu d-domanda tal-UE għal bijomassa solida għall-produzzjoni tal-bijoenerġija ser tintlaħaq l-aktar bl-użu ta' materja prima domestika; billi huwa meħtieġ li nimxu lil hinn minn Ewropa b'żewġ veloċitajiet fil-bijoenerġija, filwaqt li l-iżvilupp tas-settur tal-bijoenerġija għandu jirrispetta l-prinċipju ta' prossimità, sabiex jiżgura l-vijabilità ekonomika tiegħu u l-iżvilupp reġjonali bbilanċjat ta' industrija li fuqha jżommu l-kontroll il-popolazzjonijiet lokali; billi, madankollu, l-użu f'kaskata tar-riżorsi rinnovabbli huwa prinċipju li, jekk ikun infurzat bil-liġi, jista' joħloq interferenza mad-drittijiet ta' proprjetà u jista' jxekkel l-innovazzjoni, speċjalment għall-SMEs; billi f'dawn l-aħħar għaxar snin iż-żona tal-foresti fl-UE kibret bi 2 %, filwaqt li bejn 60 sa 70 % biss ta' tkabbir naturali tal-foresti fl-Unjoni li jinħasad kull sena; billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli li joriġinaw mill-agrikoltura jippermettu li titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija tal-UE, li timporta aktar minn 50 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha, bi spiża ta' EUR 400 biljun, u li b'hekk hi l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja;

B.  billi 79 % tal-bijoetanol ikkunsmat fis-suq tal-UE ġej minn materja prima prodotta fl-UE; billi għandhom isiru sforzi sabiex jinżamm jew jiżdied dan is-sehem; billi materja prima oħra għandha l-potenzjal mhux biss li tkun sors ta' enerġija rinnovabbli imma wkoll bħala għalf għoli fil-proteina li jista' jitkontribwixxi fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq importazzjoni ta' proteini ġenetikament modifikati;

C.  billi l-bijoenerġiji rinnovabbli prodotti b'mod sostenibbli fis-settur agrikolu jikkontribwixxu sew biex l-UE tilħaq miri fondamentali bħalma huma l-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqas tad-dipendenza enerġetika tagħha fuq l-importazzjonijiet ta' enerġija, il-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-introjti fis-settur; billi hu importanti li tiġi modernizzata l-produzzjoni agrikola fl-Ewropa, sabiex jonqsu l-impatti negattivi potenzjali tal-agrikoltura fuq l-ambjent u jingħata kontribut biex ikun hemm użu akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

1.  Jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta' sistemi ta' enerġija deċentralizzati, inter alia l-iżvilupp ta' sorsi fl-azjendi agrikoli u tal-forestrija, fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli inkluż l-iskart agrikolu fejn xieraq, li jista' jkollhom impatt pożittiv sinifikanti f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi ġodda, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ġenerazzjoni ta' sorsi ta' dħul sostenibbli fiż-żoni rurali, kif ukoll l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn iż-żoni; jemmen li dan iħalli impatt pożittiv fuq id-demografija rurali u jista', jekk jiġi amministrat sew, jippreżerva l-pajsaġġ agrikolu, ikun ta' benefiċċju partikolarment f'żoni tal-UE fejn il-kundizzjonijiet tal-biedja huma partikolarment diffiċli u fejn l-introjti huma l-aktar baxxi; Jitlob skambju intensiv tal-aħjar prattiki sabiex ikunu promossi soluzzjonijiet sostenibbli ta' enerġija rinnovabbli, inklużi inċentivi tat-taxxa, għażliet teknoloġiċi u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fil-komunitajiet rurali, kif ukoll jiġu megħjuna l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippjanaw u jimplimentaw l-iskemi ta' assistenza rilevanti; jirrakkomanda l-użu effikaċi tal-Istrateġija Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur agrikolu sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-bijoenerġija tista' tiżvolġi rwol importanti fid-dekarbonizzazzjoni tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi li l-kontribuzzjoni mill-bijoenerġija m'għandhiex tiġi kompromessa; jinnota li l-innovazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni tal-bijoenerġija ser twassal għal użu aktar effiċjenti tal-bijomassa u tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni fuq terminu twil; jirrimarka li l-aspett finanzjarju hu importanti ferm meta l-bdiewa jiġu biex jinvestu fil-bijoenerġiji;

2.  Jenfasizza l-fatt li teżisti firxa wiesgħa ta' riżorsi rinnovabbli, u b'mod partikolari jirrikonoxxi l-valur tal-bijomassa forestali għal skopijiet ta' enerġija biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli fil-qafas 2030 dwar il-klima u l-enerġija, u biex jinfetħu opportunitajiet kummerċjali ġodda; jenfasizza li l-potenzjal tal-iskart fil-ġenerazzjoni tal-enerġija għad irid jiġi sfruttat kompletament; jirrimarka li l-Istati Membri għandhom punti ta' tluq differenti rigward il-possibilitajiet tal-użu tal-bijomassa forestali għal skopijiet tal-enerġija, u li dan għandu wkoll ikun rifless fil-politiki tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema biex tevalwa l-kontribuzzjoni li l-foresti jagħtu bħala bjar tal-karbonju, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mudelli ta' kontabilità għall-karbonju forestali sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ċentrali li jikkonċernaw il-politika dwar il-foresti u l-għażliet maniġerjali u l-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet tal-karbonju u l-assorbiment tal-karbonju, kemm fil-foresti kif ukoll fil-prodotti tal-injam, b'tali mod li jiggarantixxu li l-impatti globali tal-karbonju minn materja prima għall-bijoenerġija jiġu meqjusa kif xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jneħħu l-ostakoli għall-iżvilupp ta' sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti, u jenfasizza l-importanza tas-sostenn għal negozji ġodda bl-introduzzjoni ta' 'grilji intelliġenti' li jippermettu li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-enerġiji rinnovabbli ta' oriġini agrikola, u l-iżvilupp ta' strumenti speċjali li jinċentivaw lill-bdiewa u lill-kooperattivi rurali biex jidħlu fis-suq; jemmen li l-intensifikazzjoni tal-ħolqien ta' msajġar b'rotazzjoni qasira u pjantaġġuni ta' siġar għall-użu industrijali bil-għan li titnaqqas id-domanda għas-siġar mill-foresti kieku tagħti kontribuzzjoni ewlenija biex jiġu preżervati l-foresti indiġeni;

3.  Jemmen li l-promozzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-UE m'għandhiex toħloq ostakli bla bżonn fl-użu ta' sorsi oħra ta' enerġija li jistgħu jtejbu l-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni, bħall-pit;

4.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-programmi qafas tal-UE u nazzjonali għar-riċerka dwar l-enerġiji rinnovabbli sostenibbli għall-agrikoltura u, b'mod partikolari, rigward il-bijofjuwils raffinati u tat-tieni ġenerazzjoni, l-użu sostenibbli tal-bijomassa, il-prodotti sekondarji agrikoli organiċi u l-iżvilupp ta' għelejjel enerġetiċi li jikbru malajr kif ukoll għelejjel b'tul ta' ħajja ta' 'l fuq minn sentejn li jista' jkollhom rendiment ogħla f'termini ta' bijomassa minn dak tal-għelejjel enerġetiċi annwali, kif ukoll l-użu ta' materja prima mingħajr l-effett fuq l-użu tal-art; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-importanza tar-riċerka dwar l-integrazzjoni fil-grilja u l-ħażna tal-enerġiji rinnovabbli mhux ċentralment ġenerati u ta' metodi sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' ġenerazzjoni tal-enerġija minn tipi oħra ta' bijomassa li għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed għall-ġenerazzjoni tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat netwerk Ewropew li jista' jgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-faċilitajiet ta' riċerka dwar il-bijoenerġija mill-agrikoltura billi tingħata l-opportunità li r-riċerkaturi jkollhom aċċess għal faċilitajiet u servizzi sperimentali ta' kwalità għolja madwar l-Ewropa; jappella għal aktar inċentivi li jħaffu l-produzzjoni sostenibbli tal-bijofjuwils, u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' faċilitajiet tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijofjuwils, sabiex ikun jista' jsir użu aktar intensiv ta' diversi wċuħ tar-raba' u ta' residwi agrikoli, bil-kundizzjoni li jiġu kkunsidrati adegwatament l-impatti globali fil-livell tal-karbonju tal-materja prima użata għall-bijoenerġija;

5.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-importanza ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u għalhekk ir-rwol ewlieni tal-bijomassa forestali bħala materja prima rinnovabbli tal-UE li hi essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija tagħha; jiġbed l-attenzjoni għad-domanda li qed tiżdied għall-bijomassa forestali, li jfisser li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, f'konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-foresti, għandha tkun saħansitra aktar imsaħħa u promossa, minħabba li dan huwa kruċjali għall-bijodiversità u l-funzjoni ta' ekosistema tal-foresti, inkluż l-assorbiment tas-CO2 mill-atmosfera; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jkun hemm sfruttament bilanċjat tar-riżorsi imkabbra fl-UE kif ukoll dawk importati minn pajjiżi terzi, b'kont meħud taż-żmien twil meħtieġ għal riġenerazzjoni tal-injam;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-importanza tal-bijoekonomija sostenibbli bbażata fuq il-foresti u tal-injam bħala element mill-materja prima rinnovabbli u kruċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tindirizza aktar fondi tal-UE sabiex tagħti spinta għat-tħawwil ta' msajġar b'rotazzjoni qasira u t-tħawwil ta' siġar għall-użu industrijali fl-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeliminaw ostakoli mhux meħtieġa u jtejbu l-proċeduri amministrattivi eżistenti sabiex jinkoraġġixxu l-investiment fl-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta' faċilitajiet li jużaw il-bijoenerġija, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' 'intraprenditorija ekoloġika' u l-ħolqien ta' 'impjiegi ħodor' fiż-żoni rurali;

8.  Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni u s-sostenn għal kooperattivi lokali tal-enerġija rinnovabbli, li għandhom jingħataw il-ħiliet u l-kapaċità biex jimmaniġġjaw b'mod effiċjenti r-riżorsi rinnovabbli kemm fiż-żoni rurali kif ukoll dawk urbani bil-għan li jiżdied l-appoġġ pubbliku u privat għall-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jiżguraw li l-oqfsa regolatorji tagħhom għall-enerġija rinnovabbli, u b'mod partikolari l-iskemi ta' appoġġ tagħhom, ma jwasslux għal tgħawwiġ bla bżonn fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija u l-kompetittività fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tippreżenta studju dwar kif is-sussidji attwali jaffettwaw il-kuntest tal-investimenti u t-tranżizzjoni lejn l-enerġija sostenibbli fiż-żoni rurali fl-UE; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizjattivi tal-enerġija f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, li permezz tagħhom il-bdiewa u s-sidien jiġu inċentivati joħolqu skemi ta' tisħin distrettwali bl-użu tal-iskart tal-irziezet u l-prodotti sekondarji tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw it-teħid ta' miżuri mmirati sabiex jiffaċilitaw il-bejgħ tal-eċċessi mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bbażata fuq l-agrikoltura;

9.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tat-trasport għaż-żoni rurali tal-UE; jinnota li t-trasport huwa s-settur li ra l-inqas progress fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'ċifra ta' 5,4 % biss għall-enerġija rinnovabbli fl-2013 meta mqabbla mal-mira tal-UE ta' 10 % għall-2020; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-miri kkonċernati fi żmien debitu, u biex jikkunsidraw it-tisħiħ tar-rabta bejn it-trasport u s-swieq tal-elettriku bil-promozzjoni ta' vetturi elettriċi u ta' vetturi ibridi li jiġu ċċarġjati mis-sistema elettrika sabiex jintlaħqu l-għanijiet;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' "distretti tal-agroenerġija lokali" li jikkostitwixxu l-unitajiet ta' riferiment territorjali li jiġbru flimkien il-ħiliet relevanti kollha biex jitnaqqsu l-istadji intermedjarji bejn il-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli mill-agrikoltura u l-kummerċjalizzazzjoni tagħha, u b'hekk jonqsu kemm il-prezzijiet għall-konsumaturi Ewropej kif ukoll id-diffikultajiet ta' distribuzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin ikun promoss is-suq tal-bijoenerġija ta' oriġini agrikola u l-għadd ta' nies impjegati fis-settur;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu wkoll il-profittabilità tal-użu ta' pompi tat-tisħin fis-setturi tal-agrikultura u tal-ipproċessar tal-ikel;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħrfu l-potenzjal mhux sfruttat biżżejjed tal-estrazzjoni ta' enerġija rinnovabbli mill-baħar, kif ukoll il-benefiċċji tal-użu tar-riżorsi mill-baħar fil-produzzjoni tal-bijogass għas-settur agrikolu;

13.  Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijofjuwils ma għandhiex tinterferixxi mal-produzzjoni tal-ikel jew tikkomprometti s-sigurtà tal-ikel; jemmen, madankollu, li politiki bilanċjati li jippromwovu żieda fil-produzzjoni Ewropea tal-uċuħ tar-raba' ta' materja prima bħall-qamħ, il-qamħirrun, il-pitrava zokkrija u l-ġirasol jistgħu jinkludu dispożizzjoni għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies it-tibdil indirett fl-użu tal-art, b'tali mod li l-bdiewa Ewropej ikollhom fluss ta' dħul sigur, jiġu attirati l-investimenti u l-impjiegi fiż-żoni rurali, ikun jista' jiġi indirizzat in-nuqqas kroniku ta' għalf tal-annimali (ħieles minn modifiki ġenetiċi) b'ħafna proteini fl-Ewropa, l-Ewropa ssir anqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, u jagħtu għajnuna lill-UE biex tilħaq il-miri tagħha ta' gassijiet b'effett serra filwaqt li jiġi mminimizzat it-tħassib dwar it-tibdil fl-użu tal-art u fatturi ambjentali oħra; jemmen li fil-każijiet ta' provvista eċċessiva fis-suq tal-prodotti agrikoli msemmija, il-produzzjoni ta' bijofjuwils u bijoetanol tirrappreżenta punt ta' ħruġ temporanju li jżomm il-prezzijiet tax-xiri sostenibbli, iħares id-dħul tal-bdiewa waqt kriżijiet, u jservi ta' mekkaniżmu ta' stabilità tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm inċentiv biex ir-raba' mhux ikkultivat li ma jkunx qed jintuża għall-produzzjoni tal-ikel jiġi integrat fil-produzzjoni tal-bijoenerġija, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali u Ewropej;

14.  Jemmen li d-demel tal-annimali jista' jkun sors prezzjuż ta' bijogass bl-użu ta' metodi tekniċi ta' pproċessar tad-demel bħall-fermentazzjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza li dan isir alternattiva ekonomikament vijabbli għall-bdiewa;

15.  Jipproponi t-twaqqif ta' mekkaniżmu biex tiġi garantita l-istabilità fit-tul ta' prezzijiet tax-xiri għal bdiewa individwali, il-produtturi jew kumpaniji li jfornu l-enerġija prodotta mill-bijomassa lid-distributuri tal-enerġija;

16.  Jinnota l-importanza li jkun hemm il-possibilità ta' kollegament mal-grilja tal-elettriku sabiex il-produtturi rurali tal-enerġija jkunu jistgħu jbiegħu l-enerġija rinnovabbli żejda ġġenerata bi prezz ġust, u b'hekk isir possibbli li l-kumpaniji tal-elettriku jiġu inċentivati jew obbligati jixtru dan l-elettriku l-ewwel.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Jens Rohde, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Franc Bogovič, Jean-Paul Denanot, Jens Gieseke, Ivan Jakovčić, Norbert Lins, Anthea McIntyre, Sofia Ribeiro, Ramón Luis Valcárcel Siso


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

30

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolas Bay, Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, David Borrelli, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Jaromír Kohlíček, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Sergei Stanishev, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Benedek Jávor, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Piernicola Pedicini, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Anne Sander, Indrek Tarand, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton

Avviż legali