Proċedura : 2015/2340(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0205/2016

Testi mressqa :

A8-0205/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 18
CRE 04/07/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0300

RAPPORT     
PDF 768kWORD 352k
13.6.2016
PE 575.116v03-00 A8-0205/2016

dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

(2015/2340(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Barbara Lochbihler,

Rapporteurs għal opinjoni (*):

Bodil Valero, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Catherine Bearder, Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(*)   Kumitati assoċjati - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

(2015/2340(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati kollha rilevanti relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (2000) u l-Protokolli tagħha, u b'mod partikolari l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment Nisa u Tfal (2000) u l-Protokoll kontra l-Kuntrabandu ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar jew bl-Ajru (2000),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Familji tagħhom (1990),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-traffikar ta' persuni, speċjalment nisa u tfal, u Rapporteurs Speċjali tan-NU rilevanti oħra, l-Eżami Perjodiku Universali u l-ħidma tal-Organi tal-NU responsabbli mid-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-traffikar ta' persuni, speċjalment nisa u tfal tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (2014),

–  wara li kkunsidra r-rapport globali dwar it-traffikar tal-persuni (2014) mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Mudell tan-NU kontra t-traffikar ta' persuni intiża biex tassisti l-pajjiżi jirrevedu u jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u jadottaw leġislazzjoni ġdida biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin (2009),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida Rakkomandati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u t-Traffikar tal-Bnedmin, ippreżentati lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali bħala addendum għar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) (E/2002/68/Add. 1),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jimplimentaw il-qafas "Protezzjoni, Rispett u Rimedju" tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar id-dritt għal rimedju effettiv għal persuni traffikati,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UNICEF dwar il-Protezzjoni ta' Tfal Vittmi tat-Traffikar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29), il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105) u r-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol Furzat (Miżuri Supplimentari), 2014 (Nru 203),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138) u l-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi, 2011 (Nru 189) dwar xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO dwar: Il-profitti u l-faqar: L-ekonomija tax-xogħol furzat (2014).

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-iffissar ta' standards ta' kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta' tessuti u ċelluli tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (2009) u żewġ rapporti ta' implimentazzjoni (2011 u 2012),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016),

–  wara li kkunsidra Rapport ta' nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin (COM(2014)0635),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja għall-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-qafas għall-attivitajiet tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fir-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-sitwazzjoni magħmul mill-Europol ta' Frar 2016 bit-titolu "Traffikar tal-bnedmin fl-UE",

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (GAMM).

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, adottata fit-13 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-Kunsill (2005),

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (GRETA), li jiddeskrivi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (2014),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar ta' Organi tal-Bnedmin, miftuħa għall-iffirmar sa minn Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dinjità tal-Bniedem fir-rigward tal-Applikazzjoni tal-Bijoloġija u l-Mediċina, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina.

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Istanbul dwar it-Traffikar tal-Organi u t-Turiżmu tat-Trapjant (2008),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tal-OSKE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem waqt ir-Ritorn tal-Persuni Traffikati (2014),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja intergovernattiva (FATF) (2011),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar u l-Assistenza lill-Migranti Vulnerabbli (2012),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-IOM dwar kif jigu indirizzati t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament fi żminijiet ta' kriżi (2015),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ASEAN Kontra t-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment Nisa u Tfal (2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0205/2016),

A.  billi t-traffikar tal-bnedmin (THB), li jifforma parti mill-kriminalità organizzata, jikkostitwixxi wieħed mill-agħar forom ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, peress li l-bnedmin jiġu ridotti għal merkanzija u jikser b'mod profond u dejjiemi d-dinjità, l-integrità u d-drittijiet tal-vittma u jaffettwa familji u komunitajiet sħaħ, u jabbuża wkoll deliberatament sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà bħall-faqar jew l-iżolazzjoni;

B.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa definit min-Nazzjonijiet Uniti (Protokoll ta' Parlermo) bħala att ta' reklutaġġ, trasportazzjoni, trasferiment, ħabi jew ilqugħ ta' persuni, permezz tat-theddid bi jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta' poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew teħid ta' ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament; billi l-isfruttament jinkludi, bħala minimu, il-prostituzzjoni furzata ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali jew riproduttiv, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, inkluża l-skjavitù tat-tfal għal raġunijiet ta' reklutaġġ ta' suldati tfal, servitù jew tneħħija ta' organi; billi din hija prattika odjuża, b'mod partikolari meta t-tfal huma soġġetti għall-agħar forma ta' sfruttament minn bnedmin;

C.  billi l-Artikolu 2(a) tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, jiddefinixxi l-kunċett ta' "bejgħ ta' tfal" bħala "kwalunkwe att jew tranżazzjoni li biha minuri jiġi trasferit minn kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni għal ieħor bi ħlas jew xi kunsiderazzjoni oħra";

D.  billi skont ir-Rapport Globali dwar it-Traffikar tal-Persuni (2014) tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) 70 % tat-total tal-vittmi identifikati huma nisa u bniet; billi n-nisa jirrappreżentaw 79 % tal-persuni identifikati bħala vittmi tal-isfruttament sesswali, li jikkostitwixxi 53 % tal-forom ta' sfruttament identifikati fid-dinja, filwaqt li l-irġiel jirrappreżentaw 83 % tal-persuni identifikati bħala vittmi tax-xogħol furzat, li jikkostitwixxi 40% tal-forom ta' sfruttament identifikati fid-dinja;

E.  billi fatturi kumplessi u interrelatati bħad-diskriminazzjoni sistematika u strutturali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar, l-inugwaljanza, il-korruzzjoni, il-konflitt vjolenti, il-konfiska tal-art, in-nuqqas ta' edukazzjoni, il-qgħad u s-sistemi tal-migrazzjoni tax-xogħol li jiffunzjonaw ħażin iżidu l-vulnerabbiltà ta' persuni għall-isfruttament u l-abbuż minħabba li jisfaw b'inqas għażliet u riżorsi; billi l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016 tidentifika l-vjolenza kontra n-nisa bħala l-kawża ewlenija tat-traffikar;

F.  billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi reat ibbażat fuq il-ġeneru; billi n-nisa u l-bniet jirrappreżentaw ukoll persentaġġ kbir tal-vittmi ta' forom oħra tat-traffikar tal-bnedmin bħall-isfruttament furzat fis-settur tax-xogħol domestiku u l-prestazzjoni ta' kura, il-manifattura, l-ikel, it-tindif u setturi oħra;

G.  billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet kriminali organizzati li tagħmel profitt fid-dinja, flimkien mal-kummerċ illegali tad-drogi u armi; billi, skont l-iktar stimi reċenti tal-ILO, il-profitt illeċitu annwali tax-xogħol furzat, inkluż permezz ta' ħasil tal-flus, huwa ta' madwar USD 150 biljun, fejn 90 % tal-vittmi huma stmati li jiġu sfruttati fl-ekonomija privata u żewġ terzi tal-profitti jirriżultaw minn sfruttament sesswali kummerċjali, li b'hekk huwa l-aktar forma lukrattiva ta' sfruttament;

H.  billi t-traffikar tal-bnedmin għandhu jinftiehem kemm mill-aspett tad-domanda kif ukoll mill-aspett tal-profitt, peress li l-isfruttament tan-nisa speċjalment għal servizzi sesswali huwa ġġenerat mid-domanda għal dawn is-servizzi u l-profitt li qed isir;

I.   billi l-implimentazzjoni inadegwata tal-qafas legali dwar it-traffikar tal-bnedmin f'livell nazzjonali u n-nuqqas ta' qafas legali korrispondenti f'pajjiżi terzi huma wieħed mill-ikbar ostakli għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

J.  billi l-aċċess għall-ġustizzja għal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huwa fl-aħjar każ sempliċiment problematiku u fl-agħar każ miċħud għall-maġġoranza tal-popolazzjoni dinjija; billi f'ħafna pajjiżi anqas minn wieħed fil-mija tar-reati jwasslu għal prosekuzzjoni ta' suċċess; billi l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' ħila jibqgħu problema ewlenija għal organizzazzjonijiet tal-pulizija u l-ġudikatura f'ħafna pajjiżi;

K.  billi, skont l-Europol, il-propagazzjoni tal-aċċess għall-internet madwar id-dinja tippermetti li t-traffikar jiżviluppa aktar u aktar fl-ambjent online; billi dan iħeġġeġ forom ġodda ta' reklutaġġ u ta' sfruttament tal-vittmi;

L.  billi teżisti rabta bejn it-traffikar tal-migranti u t-trafikkar tal-bnedmin; billi l-ktajjen tat-traffikanti tal-bnedmin jirrikorru fost l-oħrajn għall-internet biex jirriklamaw is-servizzi tagħhom fost il-migranti potenzjali;

M.  billi sfortunatament, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu ta' persuni m'humiex fenomenu li se jgħaddi u jista' anke jiżdied aktar fis-snin li ġejjin minħabba li żoni ta' kunflitt, reġimi ripressivi jew sitwazzjonijiet ekonomiċi bla tama madwar id-dinja jikkostitwixxu art fertili għall-attivitajiet kriminali tat-traffikanti tal-bnedmin u l-kuntrabandisti ta' persuni;

N.  billi l-flussi ta' migrazzjoni illegali jżidu r-riskji ta' traffikar għall-fatt li l-migranti f'sitwazzjoni irregolari - kemm minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom u kif ukoll il-klandestinità tagħhom - jinsabu partikolarment f'riskju li jkunu vittmi tat-traffikar; billi fost dawn il-migranti, il-minuri mhux akkumpanjati - li jirrappreżentaw parti kbira tal-migranti li jaslu fl-Ewropa - jikkostitwixxu grupp fil-mira tal-ktajjen tat-traffikar;

O.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa problema globali u reġjonali li mhux dejjem tista' tiġi ttrattata b'mod esklużiv fil-livell nazzjonali;

P.  billi skont l-aħħar Indiċi Globali tal-Iskjavitù, 35,8 miljun persuna huma stmati li nqabdu f'sitwazzjonijiet ta' skjavitù moderna madwar id-dinja, u dan ifisser li t-traffikar tal-bnedmin huwa endemiku fin-natura tiegħu stess u jaffettwa kull parti tad-dinja;

Q.  billi x-xejriet tal-passat u dawk riċenti tat-traffikar tal-bnedmin jieħdu diversi forom u jvarjaw ħafna bejn ir-reġjuni kif ukoll ġewwa s-sottoreġjuni;

R.  billi t-traffikar tal-bnedmin mhuwiex xi fenomenu limitat għall-pajjiżi li huma meqjusa bħala anqas żviluppati iżda jinsab ukoll, f'forma aktar moħbija, fil-pajjiżi żviluppati;

S.  billi skont l-ILO, ir-reġjun Asja-Paċifiku huwa responsabbli għal 56 % tan-numru stmat ta' vittmi tax-xogħol furzat fid-dinja, inkluż l-isfruttament sesswali, u b'hekk jikkostitwixxi bil-bosta l-akbar sehem madwar id-dinja;

T.  billi huwa stmat li 300 000 tifel u tifla huma involuti f'kunflitti armati madwar id-dinja; billi t-traffikar tat-tfal fl-Afrika, għall-iskop tal-użu ta' tfal suldati, huwa l-ogħla fid-dinja;

U.  billi, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani, 95 % tal-vittmi identifikati huma adulti; billi l-pajjiżi fil-Lvant Nofsani huma primarjament pajjiżi ta' destinazzjoni għal ħaddiema migranti fejn l-hekk imsejħa sistema Kafala ta' sponsorizzazzjoni torbot lill-ħaddiema ma' impjegatur speċifiku, u din is-sistema toħloq kundizzjonijiet għal abbuż u sfruttament tax-xogħol, li xi kultant jammontaw għal xogħol furzat;

V.  billi fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE, l-isfruttament sesswali huwa l-kawża prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin rapportati; billi d-diskriminazzjoni u r-razziżmu sistematiċi wasslu biex il-komunitajiet Roma – kemm irġiel u kemm nisa – ikunu partikolarment vulnerabbli għat-traffikar għal diversi skopijiet;

W.  billi s-sitt pajjiżi li fihom l-iskjavitù moderna (terminu assoċjati ma' skjavitù tal-bnedmin) huwa l-aktar prevalenti fost il-popolazzjoni huma mill-Amerika Latina (il-Haiti, is-Suriname, il-Guyana, il-Messiku, il-Kolombja u l-Perù)(2);

X.  billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-Europol u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-vittmi tat-traffikar hija għodda essenzjali fil-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar;

Y.  billi l-UE identifikat għadd ta' pajjiżi u reġjuni ta' prijorità bl-għan li ssaħħaħ u tissemplifika l-kooperazzjoni fir-rigward tal-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

Z.  billi l-Kummissjoni ħatret Koordinatur Kontra t-Traffikar tal-UE fl-2010 għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-koerenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji, l-Istati Membri, il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u l-atturi internazzjonali;

Xejriet dinjin fit-traffikar tal-bnedmin

1.  Jiddenunzja u jiċħad b'mod espliċitu t-traffikar tal-bnedmin, li jirrapreżenta industrija li qed tikber ta' tbatija umana, li taffettwa s-soċjetajiet u l-ekonomiji kollha b'mod profond u dejjiemi;

2.  Jenfasizza li l-fatt li t-traffikar tal-bnedmin huwa forma moderna ta' skjavitù, u reat serju li jikkostitwixxi wieħed mill-agħar tipi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ma jistax jiġi aċċettat f'soċjetajiet li huma bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem inkluż l-ugwaljanza bejn is-sessi; jemmen barra minn hekk li t-traffikar tal-bnedmin, għandu jinftiehem b'mod olistiku, billi jiffoka mhux biss fuq l-isfruttament sesswali, iżda wkoll fuq ix-xogħol furzat, it-traffikar tal-organi, l-elemożina furzata, iż-żwiġijiet furzati, it-tfal suldati u t-traffikar ta' trabi;

3.   Ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hu reat kriminali transnazzjonali ta' natura globali u li kwalunkwe miżura mmirata lejn il-ġlieda kontrih għandha tikkunsidra l-kawżi prinċipali u t-tendenzi globali; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' approċċ konsistenti għad-dimensjonijiet interni u esterni tal-linji ta' politika tal-UE intiżi biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin;

4.   Jirrikonoxxi li t-traffikar tal-bnedmin bħala att kriminali organizzat iseħħ kemm fil-fruntieri esterni kif ukoll fi ħdan il-fruntieri interni u b'hekk hemm bżonn ta' liġijiet interni robusti kontra t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi;

5.  Jiddeplora n-nuqqas persistenti ta' leġiżlazzjoni adegwata biex jiġi kkriminalizzat u miġġieled b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja;

6.   Jiddeplora barra minn hekk id-differenza kbira li teżisti bejn il-leġislazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha, inkluż, minn naħa, aċċess limitat jew ineżistenti għall-ġustizzja għall-vittmi u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' prosekuzzjoni fil-konfront tal-atturi responsabbli;

7.  Jiddeplora, b'mod partikolari, l-fatt li l-identifikazzjoni tal-vittmi tibqa' ferm taħt l-estimi ta' dawk f'sitwazzjonijiet ta' traffikar u li r-rati ta' prosekuzzjoni huma ferm baxxi; jibqa' ferm imħasseb dwar il-fatt li għadd kbir ta' vittmi ta' traffikar jitħallew mingħajr appoġġ u protezzjoni adegwati, u miżuri mmirati lejn ir-rimedjar tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

8.   Ifakkar li l-vittmi tat-traffikar huma sikwit "nies inviżibbli" fil-pajjiż fejn qed jiġu sfruttati, li jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba d-diversità kulturali u lingwistika u li dan kollu jagħmilha aktar diffiċli għalihom biex jirrapportaw ir-reati li tagħhom huma vittmi; jikkundanna l-fatt li dawn id-diffikultajiet huma terġa' aktar severi għal kategoriji ta' vittmi partikolarment vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal;

9.  Jenfasizza li d-domanda għas-servizzi sesswali fil-pajjiżi żviluppati tixpruna t-traffikar tal-bnedmin minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, u b'hekk tqiegħed persuni f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-użu konsapevoli tas-servizzi ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin;

10.  Ifakkar li gruppi organizzati fil-livell internazzjonali, jieħdu lill-vittmi – jew b'mod klandestin jew bil-kunsens tal-vittmi tagħhom, li jiġu mqarrqa b'wegħdiet foloz – f'reġjuni aktar għonja, b'mod partikolari għat-traffikar għal skopijiet sesswali u fuq nett tal-lista hemm pajjiżi Ewropej fejn hemm klijenti aktar sinjuri;

11.   Jikkundanna l-fatt li aktar minn 10 000 minuri refuġjati u migranti mhux akkumpanjati għebu fl-Ewropa skont id-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kap tal-Persunal tal-Europol; jiġbed l-attenzjoni tal-UE u l-Istati Membri għall-fatt li ħafna minn dawk it-tfal ġew imġiegħla jidħlu f'ċirku tat-traffikar għas-sess, l-elemożina, is-suq ta' trapjant tal-organi illeċitu u lukrattiv jew it-traffikar tal-iskjavitù;

12.   Jenfasizza d-distinzjoni kritika li teħtieġ li ssir bejn il-kunċetti ta' traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni; filwaqt li jinnota li l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni jikkostitwixxi wkoll attività ta' netwerks kriminali u ta' kriminalità organizzata u jista' jwassal għal sitwazzjoni ta' traffikar, jenfasizza madankollu li ż-żewġ kunċetti jeħtieġu reazzjonijiet differenti mill-aspett legali u prattiku u jinvolvu obbligi differenti min-naħa tal-Istat; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħarrġu l-persunal inkarigat mill-akkoljenza u l-identifikazzjoni tal-migranti u l-applikanti għall-asil permezz ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi intiżi li jiddistingwu b'mod korrett bejn il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta' tfal li sfaw vittmi tat-traffikar u tfal mhux akkumpanjati li jinsabu f'riskju li jiġu ttraffikati;

13.  Ifakkar li l-migranti jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-kuntrabandu, li jispiċċa mal-wasla tagħhom fid-destinazzjoni tagħhom, għad-differenza tal-vittmi tat-traffikar, li huma sfruttati permezz tal-koerċizzjoni, il-qerq jew l-abbuż, mingħajr il-possibbiltà ta' kunsens; jenfasizza l-fatt li jista' jkun hemm ukoll taħlita tat-tnejn, minħabba r-riskju li l-gruppi kriminali li jittraffikaw ir-rifuġjati u migranti oħra fl-UE jisfurzawhom li jiġu sfruttati bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari l-minuri mhux akkumpanjati u n-nisa li jkunu qed jivvjaġġaw waħedhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex joqogħdu attenti għal din is-sovrapożizzjoni waqt l-attivitajiet tagħhom ta' pulizija, ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u ta' infurzar tal-liġi;

14.   Josserva li l-internet u n-netwerks soċjali kulma jmur qed jintużaw minn netwerks kriminali biex jirreklutaw u jisfruttaw il-vittmi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, għalhekk, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin, jinvestu b'mod suffiċjenti fit-teknoloġija u l-għarfien espert biex jidentifikaw, jintraċċaw u jiġġieldu l-abbuż tal-internet min-netwerks kriminali, kemm biex jiġu reklutati l-vittmi kif ukoll biex joffru servizzi li għandhom l-għan li jisfruttaw il-vittmi;

15.  Jirrikonoxxi l-importanza u r-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fit-traffikar tal-bnedmin, u li filwaqt li t-teknoloġija tintuża biex jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ u l-isfruttament tal-vittmi, tista' tintuża wkoll bħala għodda għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; iqis li aktar riċerka għandha tiffoka fuq ir-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-użu tal-internet fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin u b'mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament sesswali online; jitlob li l-ġlieda kontra t-traffikar online tissaħħaħ mill-Europol fil-qafas tal-IRU (Internet Referral Unit) tal-UE sabiex jiġi identifikat, innotifikat u rtirat il-materjal online relatat mat-traffikar;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tadatta l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi biex tqis l-iżvilupp il-ġdid tat-traffikar permezz tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni u l-Europol iqisu l-possibilitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-korpi Ewropej tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (b'mod partikolari fil-qafas tal-Europol) u dawk tal-pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-mezzi utli kollha ta' kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz tal-internet bil-għan li jinsab u jiġi miġġieled il-kontenut online relatat mat-traffikar; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq;

L-ekonomija tat-traffikar tal-bnedmin

18.   Jikkundanna l-fatt li t-traffikar tal-bnedmin huwa negozju li jħalli ħafna qligħ u li d-dħul minn din l-attività kriminali huwa fil-biċċa l-kbira investit mill-ġdid fl-ekonomija globali u fis-sistema finanzjarja; jikkundanna l-fatt li l-aktar organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali b'saħħithom u strutturati huma involuti fit-traffikar tal-bnedmin u ħolqu netwerk kriminali reali ramifikat b'portata internazzjonali; jistieden lill-istati u l-atturi rilevanti kollha involuti f'dan il-qasam biex jimmiraw li jittrasformaw it-traffikar minn negozju b'"riskju baxx/kumpens għoli" għal wieħed b'"riskju għoli/kumpens baxx";

19.   Huwa tal-fehma li l-investigazzjonijiet finanzjarji, li jintraċċaw, jaqbdu u jirkupraw assi kriminali, u l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar; ifakkar li hemm bżonn aktar data u enfasi aktar b'saħħitha fuq l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus; jiddeplora l-fatt li l-użu tal-miżuri għall-ġbir, l-analiżi u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni finanzjarja b'sostenn ta' investigazzjonijiet kriminali tat-traffikar tal-bnedmin għadu limitat u spiss irendi diffiċli l-integrazzjoni sħiħa tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi biex isibu u jikkonfiskaw ir-rikavat minn dawk l-attivitajiet kriminali; jitlob l-assi kkonfiskati jintużaw biex jappoġġjaw u jikkumpensaw lill-vittmi tat-traffikar;

20.   Jitlob lill-gvernijiet jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tikkontribwixxi għat-traffikar tal-bnedmin u jidentifikaw u jeliminaw l-involviment jew il-kompliċità tas-settur pubbliku fit-traffikar tal-bnedmin, inkluż billi jiżguraw li dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku jitħarrġu sabiex jagħrfu każijiet bħal dawn u jkollhom linji gwida interni biex jgħinuhom jittrattaw każijiet suspettużi;

21.   Ifakkar li l-abbużi relatati mar-reklutaġġ jidhru li jseħħu f'bosta pajjiżi u reġjuni fid-dinja u, irrispettivament mill-pajjiżi li fihom dawn iseħħu, jinnota li abbużi bħal dawn huma marbuta mill-qrib mat-traffikar tal-bnedmin jew permezz ta' aġenziji ta' reklutaġġ li huma direttament involuti fit-traffikar tal-bnedmin permezz ta' prattiki ta' reklutaġġ qarrieqa jew li jinvolvu l-koerċizzjoni jew bil-ħolqien ta' vulnerabbiltajiet għax-xogħol ta' sfruttament billi jitolbu t-tariffi għoljin tar-reklutaġġ, u jrendu l-migranti u l-ħaddiema b'ħiliet baxxi, b'mod partikolari finanzjarjament dipendenti, jew vulnerabbli;

22.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jinvestigaw l-istadji kollha tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż fl-istadju tar-reklutaġġ, itejbu l-iskambju ta' informazzjoni, u jniedu operazzjonijiet proattivi, investigazzjonijiet (finanzjarji) u prosekuzzjonijiet; jistieden lill-Istati kollha jtejbu s-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-aġenziji tar-reklutaġġ;

23.  Iqis li ma jista' jkun hemm ebda kunsens validu f'sitwazzjoni fejn ċittadin ta' pajjiż terz jitneħħa mill-pajjiż tiegħu u jiddaħħal fl-UE (jew meta ċittadin tal-UE jittieħed fi Stat Membru ieħor) għal skopijiet ta' prostituzzjoni, kwalunkwe forma oħra ta' sfruttament sesswali jew xogħol furzat;

24.  Iqis li l-gvernijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu bejn diversi partijiet u sħubijiet biex jiġbru flimkien in-negozji, l-esperti ta' kontra t-traffikar u l-NGO u jwettqu azzjonijiet konġunti kontra t-traffikar tal-bnedmin u jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema tagħhom jiġu rispettati, inklużi d-drittijiet ewlenin tax-xogħol; jistieden lill-gvernijiet jistabbilixxu miżuri ġuridiċi li jiggarantixxu t-trasparenza u t-traċċabbiltà ta' prodotti tal-katina tal-provvista u lill-kumpaniji biex jiddivulgaw l-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-traffikar tal-bnedmin mill-ktajjen tal-provvista tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv ma' kumpaniji nazzjonali u internazzjonali biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom tul il-katina tal-provvista kollha jkunu ħielsa minn sfruttament u jżommuhom responsabbli għat-traffikar tal-bnedmin li jseħħ fi kwalunkwe punt tul il-katina tal-provvista tagħhom, anki għall-kumpaniji affiljati u s-sottokuntratturi;

25.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fin-negozjati tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv Miftuħ dwar it-tfassil ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

Forom differenti ta' sfruttament

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu l-isforzi neċessarji sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat fl-industriji tal-UE barra mill-Unjoni, u fir-rigward ta' pajjiżi terzi, billi japplikaw u jinfurzaw l-istandards tax-xogħol u jappoġġjaw lill-gvernijiet biex jadottaw il-liġijiet tax-xogħol li jipprovdu standards minimi ta' ħarsien għall-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema barranin u jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi jirrispettaw dawn l-istandards; iħeġġeġ lill-gvernijiet jinfurzaw il-liġijiet tax-xogħol, jittrattaw il-ħaddiema b'mod ġust, billi jiggarantixxu l-istess drittijiet għall-ħaddiema kollha irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u jeliminaw l-korruzzjoni; jappella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali biex jissaħħu l-politiki dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema u titfassal u tiġi implimentata regolamentazzjoni aħjar għal dawk li jirreklutaw;

27.  Jitlob żieda fil-konformità fil-livell dinji mal-istandards ambjentali u tax-xogħol ewlenin tal-ILO fl-istadji kollha, inkluż permezz tat-titjib tas-sigurtà soċjali u l-ispezzjonijiet tax-xogħol; jappella wkoll għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-2011 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi, (Nru 189) u t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki għal ħaddiema domestiċi li jaħdmu għall-familji diplomatiċi;

28.  Jenfasizza li r-rabta ċara bejn it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet sesswali u l-prostituzzjoni titlob li jitwaqqfu miżuri li jtemmu d-domanda għall-prostituzzjoni;

29.  Jirrimarka li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-vittmi tal-prostituzzjoni furzata jsibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għal kura psikoloġika u konsegwentement ikollhom jiddependu kważi kompletament fuq l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tal-karità; jappella, għalhekk, biex dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw appoġġ akbar u jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-aċċess għall-kura psikoloġika;

30.  Jenfasizza li ż-żwieġ furzat jista' jiġi perċepit bħala sura ta' traffikar tal-bnedmin jekk ikun fih element ta' sfruttament tal-vittma u jappella lill-Istati Membri kollha jinkludu din id-dimensjoni fid-definizzjoni ta' traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-isfruttament jista' jkun sesswali (stupru konjugali, prostituzzjoni furzata u pornografija) jew ekonomiku (xogħol domestiku u elemożina furzata) u li l-għan finali tat-traffikar jista' jkun iż-żwieġ furzat (il-bejgħ ta' vittma bħala mara miżżewġa jew l-ikkuntrattar taż-żwieġ b'ġegħil); ifakkar fil-karattru transnazzjonali li jista' jikkaratterizza ż-żwieġ furzat; jitlob għalhekk lill-Istati Membri jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-migrazzjoni jkunu ffurmati b'mod adegwat fir-rigward tal-kwistjoni taż-żwieġ furzat li jeżisti fil-kuntest tat-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

31.  Jikkundanna l-prattika tat-traffikar tal-bnedmin għall-maternità surrogata furzata bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tat-tfal; jinnota li d-domanda hija xprunata mill-pajjiżi żviluppati għad-detriment ta' persuni vulnerabbli u foqra, ħafna drabi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-politiki restrittivi tagħhom dwar ir-riproduzzjoni;

32.   Iħeġġeġ li t-tfal, li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, jiġu identifikati bħala tali u l-aħjar interessi, id-drittijiet u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati bħala importanti ferm f'kull ħin; jitlob li jingħataw appoġġ u protezzjoni fil-livell ġuridiku, fiżiku u psikoloġiku u oħrajn kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul u biex jittieħdu miżuri li jiffaċilitaw ir-rijunifikazzjoni tal-familja fejn applikabbli, fl-aħjar interess tat-tfal u b'rispett għad-dinjità u d-drittijiet tagħhom jew li jsiru arranġamenti għal kura adegwata;

33.  Ifakkar li t-traffikar tat-tfal spiss iwassal għal każijiet ta' abbuż sesswali, prostituzzjoni, xogħol furzat, jew it-tneħħija tal-organi u t-traffikar u jenfasizza li l-ebda kunsens possibbli sabiex jitwettqu xogħol jew servizzi, ma għandu jitqies validu għal tfal ittraffikati; jiddeplora l-fatt li t-tfal li jinsabu f'riskju spiss jiġu ttrattati bħala dawk li wettqu l-offiża jew bħala migranti irregolari mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li sistematikament ma jfittxux l-indikaturi tat-traffikar tal-bnedmin biex jidentifikaw lill-vittmi;

34.  Jemmen li huwa essenzjali fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati li jkun hemm identifikazzjoni aħjar u aktar proattiva tat-tfal vittmi tat-traffikar, b'mod partikolari fil-punti ta' qsim mal-fruntieri u fiċ-ċentri ta' akkoljenza, kif ukoll kooperazzjoni multidixxiplinarja aktar b'saħħitha biex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal jitħarsu b'mod effettiv; iqis li huwa neċessarju li tissaħħaħ is-sistema tat-tutela fl-Istati Membri biex it-tfal mhux akkumpanjati u sseparati mill-familja jinżammu milli jaqgħu f'idejn l-organizzazzjonijiet tat-traffikar organizzat;

35.   Jappella għat-tisħiħ ta' sistemi ta' tutela nazzjonali għat-tfal fl-Ewropa, bħala parti mill-istrateġija tal-UE kontra t-traffikar li tirrikonoxxi r-rwol vitali li t-tuturi jaqdu fil-protezzjoni tat-tfal mid-deni;

36.   Iħeġġeġ lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-fenomenu ta' tfal suldati, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għall-gvernijiet fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni u għall-gruppi lokali tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-post, iddaħħal fis-seħħ miżuri biex jipprevjenu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal suldati fil-futur, tappoġġja l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tat-tfal inkluża l-kriminalizzazzjoni ta' reklutaġġ tat-tfal u timmobilizza riżorsi biex tinbena r-reżiljenza u ssaħħaħ l-ambjent protettiv għat-tfal; jistieden lill-UE tħeġġeġ lil pajjiżi terzi biex jirratifikaw u jimplimentaw l-istandards internazzjonali relevanti, inkluż il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati;

37.  Jenfasizza li t-tfal u l-persuni b'diżabbiltà għandhom jitqiesu bħala vittmi vulnerabbli tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-fatt li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jistgħu jiżviluppaw diżabilitajiet minħabba l-abbuż mit-traffikant tagħhom, filwaqt li min-naħa l-oħra, individwu li għandu diżabbiltà jista' jsir il-mira ta' traffikant minħabba dik il-vulnerabbiltà;

38.   Jilqa' l-inklużjoni tal-elemożina furzata bħala forma ta' traffikar tal-bnedmin fis-sens tad-Direttiva 2011/36/UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jħeġġu lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jadottaw u jinfurzaw dispożizzjonijiet legali f'dan ir-rigward; jikkundanna kwalunkwe kriminalizzazzjoni tal-vittmi tal-elemożina sfurzata u jappella għal aċċess għal opportunitajiet ta' xogħol u akkomodazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitwettaq taħriġ għal pulizija u uffiċjali oħra għall-identifikazzjoni u riferiment xieraq sabiex tiġi żgurata assistenza xierqa għall-vittmi ta' elemożina furzata; jissottolinja li ħafna vittmi ġejjin minn ambjent fqir u emarġinat; jappella għal miżuri ta' prevenzjoni intiżi biex inaqqsu l-vulnerabbiltà ta' gruppi f'riskju, billi jibdew bi strutturi bażiċi bħall-edukazzjoni jew l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jżidu n-numru ta' postijiet ta' kenn u ċentri ta' assistenza għall-persuni vulnerabbli;

39.  Jenfasizza li l-Protokoll ta' Palermo tan-NU jeħtieġ il-kriminalizzazzjoni tax-xogħol sfurzat bħala forma ta' traffikar; iħeġġeġ lill-gvernijiet jinfurzaw il-liġi u jiżguraw li dawk li jgawdu minn xogħol ta' skjavitù jiġu kkastigati;

40.  Jinnota l-iżvilupp ta' forma ġdida ta' traffikar tal-bnedmin fejn l-individwi qed jiġu ttraffikati għal rahan bi prattiki ta' tortura severi ħafna; jinnota li din il-forma ġdida ta' merkanżija fil-bnedmin hija karatterizzata mill-estorsjoni, swat u stupru bħala mezz biex jiġi infurzat il-ħlas ta' dejn minn familji u qraba li jirrisjedu ġewwa u barra mill-UE;

41.  Jikkundanna t-traffikar tal-organi, tessuti u ċelloli tal-bniedem, inkluż il-kummerċ illegali ta' ċelloli riproduttivi (bajd, sperma), tessuti u ċelloli fetali u ċelloli staminali adulti u embrijonali;

42.  Jenfasizza li, skont rapport ta' Global Financial Integrity, il-kummerċ tal-organi tal-bniedem huwa fost l-aktar għaxar attivitajiet illegali li jirrendu flus fid-dinja, u jiġġenera profitti ta' bejn USD 600 miljun u USD 1,2 biljun fis-sena u huwa mifrux fuq bosta pajjiżi; jenfasizza wkoll li, skont in-Nazzjonijiet Uniti, nies ta' kull età jistgħu jisfaw vittmi, iżda l-migranti, dawk bla dar u dawk li ma jafux jaqraw huma partikolarment vulnerabbli;

43.  Jenfasizza li l-istaġnar ekonomiku, il-lakuni fil-leġiżlazzjoni u n-nuqqasijiet fl-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, flimkien maż-żieda fil-globalizzazzjoni u t-titjib fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni, joħolqu l-ispazju perfett għall-attività kriminali tat-traffikar illeċitu tal-organi; jirrimarka li n-nuqqas ta' opportunità ekonomika ġġiegħel lin-nies jikkunsidraw għażliet li f'ċirkustanzi oħra jqisuhom perikolużi jew kundannabbli, filwaqt li infurzar tal-liġi inadegwat jippermetti lit-traffikanti joperaw bi ftit li xejn biża' li tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontrihom;

44.  Jenfasizza li x-xiri tal-organi, tessuti u ċelloli tal-bniedem huwa illegali; jinnota li l-persuni ttraffikati għat-tneħħija tal-organi jiffaċċjaw sfidi partikolari, u li l-vittmi sikwit ma jkunux konxji tal-konsegwenzi mediċi fit-tul u debilitanti, tat-tneħħija tal-organi u tan-nuqqas ta' kura wara l-operazzjoni, kif ukoll tal-impatt psikoloġiku tal-operazzjoni; jappella għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni mmirati aħjar biex jgħollu l-profil tal-ħsara assoċjata mal-bejgħ tal-organi, partikolarment fost l-ifqar u l-aktar vulnerabbli, li jistgħu jaraw il-bejgħ ta' organu bħala prezz ġustifikat biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkundanna t-traffikar tal-bnedmin li għandu bħala għan it-tneħħija tal-organi u tadotta attitudni ċara fir-rigward tal-kummerċ illegali ta' organi, tessuti u ċelloli; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi lill-assoċjazzjonijiet u s-soċjetajiet mediċi tat-trapjanti biex jiżviluppaw Kodiċi ta' Kondotta Etika għall-professjonisti tas-saħħa u ċ-ċentri ta' trapjant fir-rigward tal-mod tal-ksib ta' trapjant ta' organi barra mill-pajjiż u fir-rigward tal-proċedura għall-kura ta' wara t-trapjant; jinnota li l-ċittadini mill-aktar komunitajiet foqra fid-dinja huma partikolarment vulnerabbli li jsiru vittmi tat-traffikar illeċitu tal-organi;

46.  Jappella għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar ta' Organi tal-Bniedem; jitlob lill-UE tistieden lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi jieħdu azzjoni legali kontra l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-isptarijiet u l-kliniċi privati li jkunu qed joperaw fis-suq illeċitu u lukrattiv tat-trapjant ta' organi;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu aktar sforzi biex jinvolvu lill-komunità medika bil-għan li jitjiebu l-isforzi għall-ġlieda kontra din il-forma ta' traffikar permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-traffikar u billi jagħtu taħriġ obbligatorju;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni u ta' approċċ multisettorjali u multidixxiplinari fl-indirizzar tal-akkwist illeċitu tal-organi tal-bniedem, inkluż it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' tneħħija tal-organi, li żviluppat fi problema globali; jappella għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni immirati aħjar biex jgħollu l-profil tal-ħsara assoċjata mal-bejgħ tal-organi, biex il-vittmi u dawk potenzjali jkunu mgħarrfa aħjar dwar ir-riskji fiżiċi u psikoloġiċi, partikolarment fost l-ifqar u l-aktar vulnerabbli fir-rigward tal-inugwaljanza u l-faqar, li jistgħu jaraw il-bejgħ ta' organu bħala prezz li ta' min iħallsu biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom ikunu element meħtieġ kemm tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

49.  Jirrimarka dwar l-importanza tar-rwol tat-tobba, l-infermiera, il-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra fil-qasam mediku, li huma uniċi minħabba l-kuntatt professjonali tagħhom mal-vittmi waqt id-detenzjoni tagħhom u jaqdu rwol ewlieni fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fil-preżent, mhuwiex jittieħed vantaġġ minn din l-opportunità biex wieħed jintervjeni; jinnota l-ħtieġa li l-komunità medika titħarreġ sabiex tinduna bis-sinjali tat-traffikar tal-bnedmin u fil-proċeduri ta' rapportar, sabiex tassisti aħjar lill-vittmi, u li jiġu stabbiliti penali ħorox għal kull involviment fit-traffikar illegali tal-organi;

50.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' programmi ta' kunsens preżunt f'diversi pajjiżi jew skemi li permezz tagħhom iċ-ċittadini jingħataw l-għażla li jinkitbu direttament f'reġistru ta' donaturi tal-organi huma u jagħmlu ċerti proċeduri amministrattivi, biex b'hekk titnaqqas id-dipendenza tal-pazjenti fuq is-suq illeċitu, filwaqt li fl-istess ħin jiżdied l-għadd ta' organi disponibbli sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji ta' trapjant u jonqos l-interess fit-turiżmu mediku;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprojbixxu t-"turiżmu tat-trapjanti" billi jadottaw miżuri li jżidu d-disponibbiltà ta' organi miksuba legalment, bl-għan li jsaħħu l-prevenzjoni tal-akkwist illeċitu tal-organi u sabiex jistabbilixxu sistema trasparenti għat-traċċabbiltà tal-organi trapjantati, filwaqt li jiżguraw l-anonimat tad-donaturi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi sħubijiet kollaborattivi bħal Eurotransplant u Scandiatransplant;

52.  Jirrimarka li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, hemm data xjentifika limitata dwar it-traffikar u s-saħħa, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa mentali u psikoloġika; jirrimarka wkoll li l-ħtiġijiet tal-vittmi u s-superstiti sikwit jiġu ssottovalutati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, iwaqqfu sistema ta' monitoraġġ u jxerrdu informazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-traffikar u l-ħtiġijiet tal-vittmi f'termini ta' saħħa, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika;

Id-drittijiet tal-vittmi, inkluż id-dritt għal rimedju

53.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jieħdu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq il-vittma u jqiegħdu lill-vittmi u l-popolazzjonijiet vulnerabbli fiċ-ċentru tal-isforzi kollha fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-prevenzjoni ta' dan u l-protezzjoni tal-vittmi;

54.   Jikkundanna d-differenzi inkwetanti bejn l-obbligi tal-istat u sa liema punt dawn qed jiġu ssodisfati fil-prattika fil-kuntest tad-drittijiet tal-vittmi; jilqa' d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; jittama li d-direttiva ġiet trasposta kif suppost mill-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha kienet is-16 ta' Novembru 2015; jistieden lill-Istati Membri, inklużi pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni, jipprovdu jew jiffaċilitaw l-aċċess għal rimedji li jkunu ġusti, adegwati u xierqa għall-persuni traffikati kollha fit-territorji rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, inklużi dawk li mhumiex ċittadini;

55.  Ifakkar li l-identifikazzjoni rapida u preċiża tal-vittmi hija fundamentali għall-applikazzjoni tad-drittijiet li għalihom huma legalment intitolati; jinsisti li jittieħdu miżuri ta' bini ta' kapaċità fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' vittmi ta' traffikar tal-bnedmin speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-migrazzjoni, is-sigurtà u s-servizzi għall-kontroll tal-fruntieri;

56.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiskambja l-aħjar prattiki mal-pajjiżi terzi, l-ewwel nett, dwar it-taħriġ tal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-għajnuna umanitarja fir-rigward tal-aqwa approċċ li għandhom jadottaw biex javviċinaw il-vittmi, u t-tieni nett, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu determinati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għall-għajnuna u l-protezzjoni;

57.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 82(1) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE jsaħħu l-istatus tal-vittmi tat-traffikar permezz ta' rikonoxximent reċiproku sħiħ tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi, inklużi dawk relatati ma' miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li tfisser li l-istatus ta' vittma, ladarba stabbilit fi Stat Membru, għandu jkun applikabbli fi ħdan l-Unjoni Ewropea kollha u b'hekk il-vittmi (jew l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom) għandhom jiġu megħjuna u assistiti f'każ ta' nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus tagħhom meta jkunu qed jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni;

58.   Jinsisti li r-rispons tal-ġustizzja kriminali għandu jiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi u informazzjoni dwar id-drittijiet legali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom li jiddefendu d-drittijiet tal-vittmi fil-ġurisdizzjoni tagħhom, u jiżguraw appoġġ sħiħ għall-vittmi, anki billi jipprovdu appoġġ psikoloġiku, indipendentement mir-rieda tagħhom li jikkooperaw fi proċedimenti kriminali;

59.  Jafferma li l-vittmi tat-traffikar għandhom id-dritt għal rimedju effettiv, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, ir-rikonoxximent ta' identità ġuridika u ċittadinanza, ir-radd lura ta' proprjetà, kumpens xieraq kif ukoll kura medika u psikoloġika, servizzi legali u soċjali, u appoġġ fit-tul għall-integrazzjoni mill-ġdid, inkluż appoġġ ekonomiku;

60.  Jinnota l-importanza ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa, u għas-saħħa sesswali u riproduttiva, b'mod partikolari għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li jista' jkun li jitqabdu ma' bosta problemi fiżiċi u psikoloġiċi bħala konsegwenza diretta tal-isfruttament tagħhom; jistieden lill-Istati Membri joħolqu servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi ta' wara l-kura li jkunu faċilment aċċessibbli għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

61.  Jistieden lill-Istati Membri li fihom ikun seħħ l-isfruttament tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex joffru trattament mediku adegwat u neċessarju u li jqis il-ġeneru abbażi tal-ħtiġijiet individwali, b'attenzjoni speċjali għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali;

62.   Jinnota li l-persuni b'diżabbiltà jew li jsofru diżabbiltà waqt il-passaġġ tat-traffikar jeħtieġu protezzjoni addizzjonali mill-isfruttament u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza pprovduta lil vittmi identifikati tindirizza kif jixraq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi tat-traffikar jiġu integrati mill-ġdid u li jiġi rispettat id-dritt tagħhom għal protezzjoni; jistieden lill-Istati Membri joħolqu u jsaħħu n-netwerks ta' ċentri li jipprovdu appoġġ u kenn u li jiżguraw l-għoti tas-servizzi, b'lingwa li l-vittma tista' tifhem, u jipprovdulhom aċċess għall-edukazzjoni; jitlob għal sforz kollaborattiv fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u l-għoti ta' assistenza fost NGOs, organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi u aġenziji governattivi mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-vittmi jmorru lura f'pajjiżhom;

64.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jixhdu fil-qorti kontra t-traffikanti tal-bnedmin;

65.  Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-vittmi fi proċedimenti kriminali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti ma jżommux f'detenzjoni lill-persuni traffikati u ma jqiegħduhomx f'riskju li jiġu penalizzati għar-reati mwettqa fil-kuntest tas-sitwazzjoni tagħhom bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari fil-każ ta' prostituzzjoni, kwalunkwe forma oħra ta' sfruttament sesswali u x-xogħol furzat; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju tan-non-kriminalizzazzjoni;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-istrumenti legali li jiffaċilitaw il-possibbiltajiet għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex jikkuntattjaw l-awtoritajiet mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà tagħhom stess u d-drittijiet tagħhom bħala vittma;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien id-Direttiva 2011/36/KE u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, flimkien mal-oqfsa ġuridiċi rilevanti kollha dwar it-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentawha, u biex tippubblika malajr kemm jista' jkun ir-rapport ta' implimentazzjoni li kien mistenni f'April 2015;

68.   Jitlob lill-gvernijiet idaħħlu fis-seħħ salvagwardji bejn l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-ispettorati tax-xogħol, sabiex il-vittmi jitħeġġu jressqu l-ilmenti u jiġi żgurat li jekk każijiet ta' traffikar tal-bnedmin jiġu identifikati m'hemmx biża li l-azzjoni tittieħed mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni kontra l-vittmi;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-att li jintużaw kwalunkwe servizz ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin miċ-ċittadini tagħhom, jekk tali att jitwettaq barra l-Istat Membru u/jew 'l barra mill-UE, inklużi l-prostituzzjoni u forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluża l-elemożina, l-iskjavitù u prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta' organi;

70.  Iqis li l-fatt li persuna tkun rifuġjata, tkun qed tfittex asil, tkun detentura ta' viża umanitarja jew tkun teħtieġ protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies bħala fattur ta' vulnerabbiltà fil-każ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-asil jikkooperaw bil-għan li jgħinu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jressqu applikazzjoni għall-protezzjoni; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin ma għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

71.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jqisu l-ġeneru bl-għan li jtejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fil-proċeduri tal-asil u r-ritorn, li jżommu rekords aktar dettaljati u diżaggregati skont il-ġeneru u jiżguraw li dawn il-vittmi jiġu informati wkoll dwar il-faċilitajiet ta' appoġġ xieraq;

72.   Ifakkar lill-Istati Membri li d-Direttiva 2011/36/UE tapplika bla ħsara għall-prinċipju tan-non-refoulement skont il-Konvenzjoni tal-1951 relatata mal-Istatus ta' Rifuġjati;

73.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-applikanti għall-asil li huma vittmi ta' traffikar l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lil vittmi oħra tat-traffikar;

74.  Jinnota li, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), ir-ritorn tal-migranti u r-rifuġjati jinvolvi riskji ta' sigurtà inerenti fir-rigward ta' traffikar mill-ġdid li għandhom jiġu identifikati, ivvalutati u l-effetti tagħhom mitigati peress li r-risku li jinħoloq għall-migranti ttraffikati mill-isfruttaturi tagħhom spiss jiżdied meta jkun irnexxielhom jaħarbu, jinteraġixxu mal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, jew ikunu taw xhieda fil-qorti(3);

75.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jrendu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin aktar viżibbli għall-pubbliku, b'enfasi partikolari fuq l-ajruporti, l-istazzjonijiet tal-ferrovija, il-karozzi tal-linja, l-iskejjel, l-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol rilevanti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-għarfien fost l-uffiċjali pubbliċi dwar il-linji gwida tal-UE għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u dwar il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-UE għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jħeġġeġ l-użu attiv tiegħu;

76.   Jinkoraġġixxi finanzjament immirat mill-UE għal NGOs lokali biex jidentifikaw u jappoġġjaw lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll biex iqajmu kuxjenza fost il-popolazzjonijiet li huma vulnerabbli għall-isfruttament u t-traffikar tal-bnedmin; jilqa' f'dan il-kuntest ir-rwol tal-mezzi ta' komunikazzjoni li jistgħu jgħinu jqajmu kuxjenza u jagħtu informazzjoni dwar ir-riskji;

Il-kooperazzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell reġjonali u internazzjonali

77.   Jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti ta' kooperazzjoni internazzjonali fuq il-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, u din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi impediment sinifikanti fil-ġlieda effettiva kontra t-traffikar tal-bnedmin; jappella għal koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa u l-iskambju sistematiku tal-informazzjoni biex jiġi investigat u miġġieled it-traffikar tal-bnedmin transnazzjonali billi jiżdiedu l-assistenza finanzjarja u teknika u jissaħħu l-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità transkonfinali fil-livell tal-gvern u dak tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u tal-asil, l-investigaturi kriminali u l-aġenziji ta' appoġġ għall-vittmi, is-soċjetà ċivili u l-aġenziji tan-NU, inkluż dwar kif jiġu identifikati u protetti l-vittmi u li jiġu diskussi modi ta' kif tittratta ma' pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll ta' Palermo tan-NU; jistieden lill-UE tiżviluppa approċċ reġjonali, li tikkonċentra fuq "ir-rotot tat-traffikar" u li toffri risposti li huma adattati għat-tip ta' sfruttament fir-reġjuni differenti; jenfasizza barra minn hekk l-utilità ta' programmi internazzjonali ta' skambju għal professjonisti kontra t-traffikar;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji kompetenti tal-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw taħriġ speċifiku li jqis il-ġeneru għall-persunal li jaħdem f'servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri sabiex jidentifika u jassisti aħjar il-vittmi potenzjali tat-traffikar b'mod partikolari t-traffikar għall-isfruttament sesswali;

79.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-UE ttejjeb il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi – b'mod partikolari l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin – fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari permezz tal-Europol u l-Eurojust, inklużi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, il-parteċipazzjoni fi skwadri ta' investigazzjoni konġunti u l-ġlieda kontra r-reklutaġġ ta' persuni għat-traffikar tal-bnedmin permezz tal-Internet u mezzi diġitali oħra; jenfasizza l-importanza tal-iskambju sistematiku tad-data mill-Istati Membri, u l-input tagħhom fid-databases tal-Europol, il-Focal Point Phoenix u l-Focal Point Twins; iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn l-Europol u l-Interpol fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jfakkar li l-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri flimkien ma' pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Istati Membri jiġbru aktar data komparabbli dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u itejbu l-iskambji tad-data bejniethom u ma' pajjiżi terzi;

80.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu lill-aġenziji responsabbli mill-infurzar tal-liġi u l-aġenziji tal-pulizija tagħhom bil-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex l-aġenziji jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni wkoll minn familji u sorsi oħra, jiskambjaw din l-informazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti u jittrattaw u janalizzaw din l-informazzjoni kif għandu jkun;

81.   Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi ta' tranżitu huma kruċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, peress li l-isfruttament tal-vittmi jkun għadu ma bediex f'din il-fażi; jenfasizza l-importanza li l-uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri jiġu provduti b'taħriġ addizzjonali sabiex itejbu l-ħiliet ta' identifikazzjoni tagħhom;

82.  Jenfasizza l-għadd ta' sfidi marbuta ma' migrazzjoni transkonfinali tal-forza tax-xogħol, b'mod partikolari r-riskju li l-migranti jkunu illegalizzati u mċaħħda mid-drittijiet l-iktar fundamentali tagħhom; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' migrazzjoni transkonfinali tal-forza tax-xogħol fl-UE u fil-livell internazzjonali sabiex tiżdied u tiġi formalizzata l-migrazzjoni regolari tal-ħaddiema;

83.   Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-UE biex jinħolqu kanali formalizzati għall-migrazzjoni transkonfinali tax-xogħol, li għandhom jirċievu aktar attenzjoni, u jappella għal sforzi msaħħa u aktar koerenti f'dan ir-rigward; jissottolinja l-potenzjal ta' migrazzjoni formalizzata tal-forza tax-xogħol bħala mezz ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u biex jiġu salvati l-ħajjiet;

84.   Iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, inkluż billi jiġi żgurat finanzjament adegwat u assistenza koordinata, sabiex jiżdiedu l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-iżvilupp ta' linji ta' politika, l-implimentazzjoni, u biex tiżdied ir-riċerka, anki mal-atturi lokali, billi ssir enfasì b'mod partikolari fuq l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi u l-prosekuzzjoni ta' dawk li wettqu r-reat;

85.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2011/36/UE, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari f'inizjattivi ta' tfassil, ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, programmi ta' riċerka u edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt ta' miżuri kontra t-traffikar; jinnota barra minn hekk li l-NGOs għandhom jassistu wkoll fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija, għall-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NGOs huma protetti minn ritaljazzjonijiet, theddid, u intimidazzjonijiet u saħansitra aktar meta huma eżentati minn prosekuzzjonijiet kriminali meta dawn jassistu lill-vittmi tat-traffikar li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni irregolari;

86.   Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jagħtu attenzjoni partikolari għall-kwistjoni ta' prevenzjoni u ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin f'ambjenti ta' kriżi umanitarja bħal diżastri naturali u kunflitti armati, sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-vittmi għat-traffikanti u netwerks kriminali oħra; jenfasizza li tali protezzjoni għandha tingħata lil dawk kollha intitolati għaliha skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali;

87.  Jenfasizza l-fatt li l-persuni li jkunu obbligati jħallu d-djar abitwali tagħhom minħabba tibdil f'daqqa jew progressiv relatat mal-klima li jaffettwalhom ħajjithom jew il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b'mod negattiv, għandhom riskju kbir li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li dan it-tip ta' mobbiltà tal-bniedem – relatat mat-tibdil fil-klima – għandu dimensjoni ekonomika qawwija li tinkludi t-telf tal-mezzi tal-għajxien u tnaqqis fl-introjtu tal-familji, u għalhekk teżisti theddida diretta li l-persuni kkonċernati jkunu vulnerabbli li jisfaw vittmi tax-xogħol furzat jew ta' skjavitù;

Il-politika tal-UE fuq it-traffikar tal-bnedmin fl-azzjoni esterna tagħha

88.   Jirrikonoxxi u jappoġġja l-ħidma tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar intiż biex tittejjeb il-koordinazzjoni u l-koerenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-Istati Membri ma' pajjiżi terzi u atturi internazzjonali u jħeġġeġ lill-Koordinatur jiżviluppa aktar azzjoni konġunta u miżuri konkreti fost l-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-atturi internazzjonali biex jistabbilixxu kooperazzjoni aktar koerenti u effiċjenti fit-twaqqif ta' sistemi li jidentifikaw, jipproteġu u jagħtu assistenza lill-vittmi tat-traffikar, biex isaħħu l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, u biex iżidu l-prosekuzzjoni tat-traffikanti u jistabbilixxu netwerk kapaċi jindirizza t-tħassib emerġenti;

89.   Iħeġġeġ lill-UE tagħmel l-isforzi meħtieġa fil-livell internazzjonali biex tipprevjeni u trażżan il-kummerċ tal-iskjavi, toħloq, b'mod progressiv u mill-aktar fis possibbli, it-tneħħija sħiħa tal-iskjavitù fil-forom kollha tagħha;

90.   Iqis li huwa essenzjali li l-istrateġiji mmirati lejn il-prevenzjoni ta' traffikar tal-bnedmin jindirizzaw il-fatturi ta' faċilitar u l-kawżi u ċ-ċirkostanzi sottostanti għal dan il-fenomenu u jsegwu approċċ integrat li jgħaqqad flimkien diversi atturi, mandati u perspettivi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell internazzjonali; huwa tal-fehma li l-istrateġiji ta' prevenzjoni għandhom jinkludu azzjonijiet li jindirizzaw faqar, oppressjoni, nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kunflitti armati u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, u għandhom ikunu mmirati lejn it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà ta' vittmi potenzjali, l-iskoraġġiment tat-talba għas-servizzi provduti mill-persuni traffikati, li tista' wkoll titqies bħala waħda mill-kawżi sottostanti, iż-żieda tal-edukazzjoni pubblika u l-qerda tal-korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi; jistieden ukoll lill-istati kollha jimplimentaw b'mod effettiv l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Protokoll ta' Palermo;

91.   Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha, il-ftehimiet u l-obbligi ġuridiċi, inkluża l-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jżidu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin iktar effettiva, ikkoordinata u koerenti; iħeġġeġ lill-UE titlob ir-ratifika tal-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha;

92.   Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE jagħtu attenzjoni partikolari għat-traffikar tal-bnedmin fid-djalogu politiku tal-UE ma' pajjiżi terzi, u anki permezz tal-programmi ta' kooperazzjoni tagħha u fi ħdan fora multilaterali u reġjonali, anki permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi;

93.   Jistieden lill-UE tirrevedi l-programmi ta' assistenza tagħha fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin, trendi l-finanzjament aktar immirat u tagħmel it-traffikar tal-bnedmin ambitu ta' kooperazzjoni fih innifsu; f'dan il-kuntest iħeġġeġ iż-żieda ta' riżorsi għal servizzi li għandhom x'jaqsmu ma' traffikar tal-bnedmin fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid regolarment il-lista tagħha ta' pajjiżi prijoritarji, inklużi l-kriterji tal-għażla, sabiex ikun żgurat li tirrifletti r-realtajiet fuq il-post u biex tagħmilhom aktar flessibbli u adattabbli għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu u t-tendenzi emerġenti;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, meta jsaħħu l-miżuri ġuridiċi kontra t-traffikar tal-bnedmin, iwessgħu wkoll id-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin permezz tal-introduzzjoni ta' referenzi għall-mezzi ġodda ta' traffikar fl-ambitu tagħha;

95.   Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-traffikar fil-Pjan ta' Azzjoni attwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u b'mod konformi mal-Istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin;

96.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' reviżjoni possibbli tal-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew futur bil-għan li tintegra fil-kompetenzi tiegħu, ladarba jiġi stabbilit, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

97.  Jitlob li l-politika tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin issir aktar effikaċi billi tkun integrata b'mod aktar profond fi ħdan l-istrateġiji usa' tal-UE dwar is-sigurtà, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku, iċ-ċibersigurtà, il-migrazzjoni u r-relazzjonijiet esterni;

98.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jsegwu politika koerenti kemm internament kif ukoll esternament billi jqiegħdu, f'konformità mal-valuri fundamentali tal-Unjoni, id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha u jisfruttaw, b'mod partikulari, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, bħala mezz ta' lieva;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jibqgħu fil-qalba tal-politiki ta' żvilupp tal-UE u tas-sħubiji ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri li jqisu l-ġeneru meta jinħolqu politiki ġodda ta' żvilupp u fir-reviżjoni tal-politiki eżistenti;

100.  Jenfasizza li l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u l-bniet tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom li jsiru vittmi, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-azzjoni mmirata tagħha lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet ta' żvilupp kollha u lejn l-iżgurar li din tibqa' flimkien mad-drittijiet tan-nisa fuq l-aġenda matul id-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi;

101.  Jenfasizza l-importanza tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikulari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 5.2 li jitlob l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata, inklużi t-traffikar u l-isfruttament sesswali u tipi oħra ta' sfruttament;

102.   Jistieden lill-UE tagħti appoġġ lill-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom li jżidu l-identifikazzjoni tal-vittmi, l-assistenza lill-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi u l-prosekuzzjonijiet għat-traffikar tal-bnedmin, permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni xierqa, u l-armonizzazzjoni ta' definizzjonijiet ġuridiċi, proċeduri u kooperazzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali;

103.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-infurzar tal-liġi, inklużi dawk ta' aġenziji bħall-Frontex, l-Europol, u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, kif ukoll uffiċjali oħra li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' vittmi jew vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, jingħataw taħriġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jittrattaw każijiet ta' traffikar tal-bnedmin, b'perspettiva intersettorjali integrata, b'enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta' nisa u tfal ittraffikati, u gruppi oħra f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħar-Roma u r-rifuġjati u dwar kif jistgħu jiġu pprovduti inċentivi u protezzjoni sħiħa tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u għal oħrajn biex jirrappurtaw it-traffikanti;

104.  Iqis li l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi għandha ssir kmieni kemm jista' jkun fin-netwerk u li l-isforzi għandhom għalhekk jiġu msaħħa fil-fruntieri biex il-vittmi jiġu identifikati hekk kif jidħlu fl-EU; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu ma' pajjiżi terzi sabiex itejbu l-linji gwida eżistenti li jistgħu jgħinu lis-servizzi konsulari u l-gwardjani tal-fruntiera fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward tal-intervisti fil-fruntieri; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-gwardjani tal-fruntieri u l-gwardjani tal-kosta jkollhom aċċess għall-bażijiet ta' data tal-Europol;

105.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu miġġielda l-forom kollha tat-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni partikolari għad-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin biex b'mod speċifiku jiġu miġġielda ż-żwieġ tat-tfal, l-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet u t-turiżmu sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirduppjaw l-isforzi taħt il-Proċess ta' Kartum billi jżidu aktar proġetti speċifiċi u jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva ta' numru akbar ta' pajjiżi.

106.  Jitlob li l-Kummissjoni, il-Kunsill u s-SEAE, fin-negozjati tagħhom ma' pajjiżi terzi għal ftehimiet internazzjonali, ftehimiet ta' riammissjoni u ftehimiet ta' kooperazzjoni, jenfasizzaw il-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jikkumbattu b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin, iżidu l-prosekuzzjonijiet għal min iwettaq ir-reati u jsaħħu l-protezzjoni għall-vittmi;

107.   Iħeġġeġ lill-UE tiffoka l-isforzi tagħha b'mod effikaċi kemm fuq l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin kif ukoll fuq il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jinvestu fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fost ir-refuġjati u l-migranti u fost il-vittmi ta' ksur u abbuż bħala parti minn operazzjonijiet ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, ikkontrollati minn netwerks kriminali;

108.   Jenfasizza l-ħtieġa ta' ħidma ta' tħejjija u taħriġ għall-missjonijiet internazzjonali tal-pulizija ċivili kif ukoll it-taħriġ tad-diplomatiċi, l-uffiċjali ta' kollegament, l-uffiċjali ta' kooperazzjoni konsulari u ta' żvilupp sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; iqis li t-taħriġ għal dawn il-gruppi huwa neċessarju, għaliex ħafna drabi dawn huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-vittmi tat-traffikar, u li għandha tittieħed azzjoni biex ikun żgurat li dawn l-uffiċjali jkollhom aċċess għal materjal adegwat biex jgħarrfu lill-persuni f'riskju li jkunu saru vittmi tat-traffikar;

109.   Ifakkar li l-introduzzjoni fis-7 ta' Ottubru 2015 tat-tieni fażi tal-EUNAVFOR MED, magħrufa wkoll bħala operazzjoni Sophia, għamlitha possibbli li tittieħed azzjoni konkreta kontra t-traffikar tal-bnedmin peress li din tawtorizza l-imbark, it-tfittxija, il-qbid u d-devjazzjoni, fl-ibħra miftuħa, ta' bastimenti suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni jew ta' traffikar tal-bnedmin; Ifakkar li s'issa, 48 faċilitatur ta' dħul klandestin ta' persuni u traffikant suspettat ġew arrestati u jinsabu f'idejn is-sistema ġuridika Taljana; jistieden lill-UE tkompli u żżid l-operazzjonijiet tagħha fil-Mediterran;

110.   Jitlob lill-UE issib soluzzjonijiet tanġibbli rigward rotot regolari, sikuri u li ma jagħtux lok għal sfruttament lejn l-UE għall-migranti u r-refuġjati; Ifakkar lill-Istati Membri u l-UE li huma għandhom jikkonformaw mad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement, fil-politiki kollha tagħhom u, b'mod partikolari, dawk dwar il-migrazzjoni; ifakkar li għandhom ikunu ggarantiti ritorn sikur u volontarju għal persuni traffikati mill-istat li jirċevihom u l-istat ta' oriġini, u alternattivi ġuridiċi f'każijiet ta' fejn ir-ripatrijazzjoni tista' toħloq riskju għas-sigurtà tagħhom u/jew tal-familji tagħhom; isostni li l-istat li jirċevihom u l-istat ta' oriġini għandhom jiggarantixxu l-kundizzjonijiet neċessarji ta' sigurtà u r-reintegrazzjoni għall-vittmi wara r-ritorn;

111.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tad-dritt fil-qasam tal-asil.

112.   Jistieden lill-UE tippromwovi programmi li jappoġġjaw l-inklużjoni tal-migranti u r-rifuġjati bl-involviment ta' atturi ewlenin minn pajjiżi terzi, u wkoll ta' medjaturi kulturali, biex ikunu ta' għajnuna ħalli jiżdied il-livell ta' għarfien tal-komunitajiet dwar it-traffikar u jagħmluhom aktar reżiljenti għall-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata;

113.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi biex jiġu protetti u jinstabu r-rifuġjati jew il-migranti kollha, partikolarment it-tfal, li għebu wara l-wasla tagħhom fit-territorju Ewropew;

114.  Ifaħħar l-azzjoni tal-Europol b'mod partikolari fil-qafas tal-Focal Point Twins fl-identifikazzjoni ta' persuni li jmorru f'pajjiżi terzi bil-għan li jwettqu abbużi fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Europol billi jiżguraw skambju sistematiku u rapidu ta' data;

115.  Ifakkar li qabel ma tikkonkludi ftehim ta' liberalizzazzjoni ta' viżi, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-riskji li joħloq il-pajjiż terz ikkonċernat b'mod partikolari fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali; jinsisti fuq il-fatt li n-netwerks tat-traffikar jistgħu jużaw ukoll ir-rotot legali ta' migrazzjoni; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tinkludi l-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi rilevanti fir-rigward tat-traffikar fost il-kriterji li jridu jiġu ssodisfati għal kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni ta' viżi;

116.  Jirrimarka li l-UE teħtieġ approċċ leġiżlattiv vinkolanti u mandatorju għar-risistemazzjoni, kif spjegat fl-aġenda tal-Kummissjoni għall-migrazzjoni; jirrimarka li l-ammissjoni umanitarja tista' tintuża biex tikkumplimenta r-risistemazzjoni sabiex tagħti protezzjoni urġenti, ħafna drabi fuq bażi temporanja, lil dawk l-aktar vulnerabbli fejn meħtieġ, pereżempju lill-minuri mhux akkumpanjati jew lir-rifuġjati b'diżabbiltà, jew lil dawk li jeħtieġu evakwazzjoni medika urġenti;

117.   Jistieden lill-UE tikkondividi ma' pajjiżi terzi t-twaqqif ta' sistema standardizzata għall-ġbir ta' data kwalitattiva u kwantitattiva u l-analiżi tat-traffikar tal-bnedmin biex jiġi żviluppat mudell komuni jew għall-inqas komparabbli fl-UE u f'pajjiżi terzi għall-ġbir u l-analiżi ta' data relatata mal-aspetti kollha tat-traffikar tal-bnedmin; jisħaq fuq il-bżonn għal allokazzjoni ta' fondi suffiċjenti għall-ġbir tad-data u r-riċerka dwar it-traffikar tal-bnedmin;

118.  Jinkoraġġixxi lill-UE tiżviluppa strateġija ġdida wara l-2016 kontra t-traffikar b'dimensjoni esterna aktar b'saħħitha u aktar immirata, li tagħti iktar prijorità lis-sħubijiet li qed jiżviluppaw mas-soċjetà ċivili lokali fil-pajjiżi terzi ta' oriġini, ta' transitu u ta' destinazzjoni, il-gvernijiet u s-settur privat u tindirizza l-aspetti finanzjarji u ekonomiċi tat-traffikar;

119.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lid-Delegazzjonijiet tal-UE.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(2)

L-Indiċi Globali tal-Iskjavitù tal-2014

(3)

Ara p.23 tar-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), "Counter Trafficking and Assistance to Vulnerable Migrants Annual Report of Activities 2011" (Rapport Annwali tal-Attivitajiet ta' Kontra t-Traffikar u ta' Assistenza lill-Migranti Vulnerabbli 2011")


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (3.5.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

(2015/2340(INI))

Rapporteur(*): Bodil Valero

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

A.  billi l-flussi ta' migrazzjoni illegali jżidu r-riskji ta' traffikar għall-fatt li l-migranti f'sitwazzjoni irregolari - kemm minħabba l-vulnerabilità tagħhom u kemm il-klandestinità tagħhom - jinsabu partikolarment f'riskju li jkunu vittmi tat-traffikar; billi fost dawn il-migranti, il-minorenni mhux akkumpanjati - li jirrappreżentaw parti kbira tal-migranti li jaslu fl-Ewropa - jikkostitwixxu grupp fil-mira tal-ktajjen tat-traffikar; billi skont l-Europol 10 000 minnhom diġà għabu;

B.  billi, skont l-Europol, il-ġeneralizzazzjoni tal-aċċess għall-internet fid-dinja tippermetti lit-traffikar jiżviluppa aktar u aktar fl-ambjent online; billi dan iħeġġeġ forom ġodda ta' reklutaġġ u ta' sfruttament tal-vittmi;

C.  billi teżisti rabta bejn it-traffikar tal-migranti u t-trafikkar tal-bnedmin; billi l-ktajjen tat-traffikanti jirrikorru fost oħrajn għall-internet biex jirriklamaw is-servizzi tagħhom fost migranti potenzjali;

D.  billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-Europol u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-vittmi tat-traffikar hija għodda essenzjali fil-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar;

E.  billi matul il-perjodu ta’ tliet snin 2010-2012, 69 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin ġew traffikati għall-isfruttament sesswali, 19 % għax-xogħol furzat, u 12 % għal forom oħra ta’ sfruttament bħalma huma t-tneħħija ta’ organi jew attivitajiet kriminali; billi n-nisa jammontaw għal 67 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin f’dan il-perjodu, l-irġiel jammontaw għal 17 %, il-bniet 13 % u s-subien 3 %; billi forom differenti tat-traffikar għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri ta’ politika speċifiċi u mfassla apposta;

1.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien id-Direttiva 2011/36/KE, flimkien mal-oqfsa legali rilevanti kollha dwar it-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw, u biex tippubblika malajr kemm jista’ jkun ir-rapport ta’ implimentazzjoni li kien mistenni f’April 2015;

2.  Jenfasizza li t-traffikar tal-bnedmin huwa tip modern ta’ skjavitù, u reat serju li jikkostitwixxi wieħed mill-agħar tipi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ma jistax jiġi aċċettat f’soċjetajiet li huma bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem inkluż l-ugwaljanza bejn is-sessi; jemmen barra minn hekk li t-traffikar tal-bnedmin, għandu jinftiehem b’mod olistiku, billi jiffoka mhux biss fuq l-isfruttament sesswali, iżda wkoll fuq ix-xogħol furzat, it-traffikar tal-organi, is-sisija furzata, żwiġijiet sfurzati, tfal suldati u traffikar ta’ trabi;

3.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-UE ttejjeb il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi – b'mod partikolari l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin – fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari permezz tal-Europol u l-Eurojust, inklużi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, il-parteċipazzjoni fi skwadri ta' investigazzjoni konġunti u l-ġlieda kontra r-reklutaġġ ta' persuni għat-traffikar tal-bnedmin permezz tal-internet u mezzi diġitali oħra; jenfasizza l-importanza tal-iskambju sistematiku tad-data mill-Istati Membri, u l-input tagħhom fid-databases tal-Europol, il-Focal Point Phoenix u l-Focal Point Twins; iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn l-Europol u l-Interpol fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jfakkar li l-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri flimkien ma’ pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru aktar data komparabbli dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex itejbu l-iskambji tad-data bejniethom u ma’ pajjiżi terzi;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jipprovdu lill-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi u tal-pulizija bil-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex l-aġenziji jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni wkoll minn familji u sorsi oħra, jiskambjaw din l-informazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti u biex jittrattaw u janalizzaw din l-informazzjoni kif għandu jkun;

5.  Jenfasizza li r-rabta ċara bejn it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet sesswali u l-prostituzzjoni titlob li jitwaqqfu miżuri li jtemmu d-domanda għall-prostituzzjoni;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-infurzar tal-liġi, inklużi dawk ta’ aġenziji bħall-Frontex, l-Europol, u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, kif ukoll uffiċjali oħra li jistgħu jiġu f’kuntatt ma' vittmi jew vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, jingħataw taħriġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jittrattaw każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin, b'perspettiva intersettorjali integrata, b’enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta’ nisa u tfal ittraffikati, u gruppi oħra f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħar-Roma u r-rifuġjati u dwar kif jistgħu jiġu pprovduti inċentivi u protezzjoni sħiħa tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u għal oħrajn biex jirrappurtaw it-traffikanti;

7.  Iqis li l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi għandha ssir kmieni kemm jista' jkun fil-katina u li l-isforzi għandhom għalhekk jiġu msaħħa fil-fruntieri biex il-vittmi jiġu identifikati hekk kif jidħlu fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu ma’ pajjiżi terzi sabiex itejbu l-linji gwida eżistenti li jistgħu jgħinu lis-servizzi konsulari u l-gwardjani tal-fruntiera fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-interrogazzjoni fil-fruntieri; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-gwardji tal-fruntieri u l-gwardji tal-kosta jkollhom aċċess għad-databases tal-Europol;

8.  Jistieden lis-SEAE jiskambja l-aħjar prattiki mal-pajjiżi terzi, l-ewwel nett, dwar it-taħriġ tal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-għajnuna umanitarja biex jifhmu kif inhu l-aħjar li javviċinaw il-vittmi, u t-tieni nett, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu determinati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, kif ukoll l-għajnuna u l-protezzjoni speċifiċi għalihom;

9.  Jistieden lill-UE u lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fir-rigward tal-investigazzjoni finanzjarja u l-prosekuzzjoni tal-individwi u n-netwerks kriminali li japprofittaw mit-traffikar tal-bnedmin u l-approċċ hekk imsejjaħ "segwi l-flus" bħala strateġija ewlenija fil-ħidma tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-profitti magħmula mit-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza wkoll li tali profitti jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ forom oħra ta’ attività kriminali serja, bħat-terroriżmu, id-drogi u t-traffikar tal-armi u l-ħasil tal-flus; jenfasizza li l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja tal-Istati Membri għandhom ikunu aktar involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jikkooperaw flimkien għal dak il-għan permezz ta' skambju aħjar tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki; iqis f'dan ir-rigward li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi ta' individwi involuti fit-traffikar peress li din tista' tkun mezz effettiv biex jibdlu t-traffikar tal-bnedmin minn negozju "b'riskju baxx u profitt kbir" għal wieħed "b'riskju għoli u profitt żgħir";

10.  Jitlob li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u s-SEAE, fin-negozjati tagħhom ma' pajjiżi terzi għal ftehimiet internazzjonali, ftehimiet ta' riammissjoni u ftehimiet ta' kooperazzjoni, jenfasizzaw il-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jikkumbattu b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin, iżidu l-prosekuzzjonijiet għal min iwettaq ir-reati u jsaħħu l-protezzjoni għall-vittmi;

11.  Jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' rieżami possibbli tal-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew futur bil-għan li jintegra fil-kompetenzi tiegħu, ladarba jiġi stabbilit, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu bħala reat kriminali l-att li wieħed konxjament juża s-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi vittmi tat-traffikar fil-prostituzzjoni, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi s-sisija, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali jew it-tneħħija ta' organi;

13.  Ifakkar li l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin huma fenomeni differenti, u d-differenza prinċipali hi li l-migranti jkunu taw il-kunsens tagħhom biex jiġu kuntrabandati, sitwazzjoni fejn jispiċċaw jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, għall-kuntrarju tal-vittmi tat-traffikar li jiġu sfruttati permezz tal-ġegħil, il-qerq u l-abbuż, mingħajr l-ebda possibilità ta' kunsens; jenfasizza li jista' jkun hemm ukoll taħlita tat-tnejn, li tinvolvi r-riskju li l-gruppi kriminali li jdaħħlu illegalment lir-rifuġjati u migranti oħra fl-UE jistgħu jisfurzawhom biex jiġu sfruttati bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati u n-nisa li jkunu qed jivvjaġġaw waħedhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex joqogħdu attenti għal din is-sovrapożizzjoni waqt l-attivitajiet tagħhom tal-pulizija, ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi;

14.  Iqis li ma jista’ jkun hemm ebda kunsens validu f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jitneħħa mill-pajjiż tiegħu u jiddaħħal fl-UE (jew meta ċittadin tal-UE jittieħed fi Stat Membru ieħor) għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, kwalunkwe forma oħra ta’ sfruttament sesswali jew xogħol furzat;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 82(1) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE biex isaħħu l-istatus tal-vittmi tat-traffikar permezz ta’ rikonoxximent reċiproku sħiħ tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi, inklużi dawk relatati ma’ miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li tfisser li l-istatus ta’ vittma, ladarba stabbilit fi Stat Membru, għandu jkun applikabbli fi ħdan l-Unjoni Ewropea kollha u b’hekk il-vittmi (jew l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom) għandhom jiġu megħjuna u assistiti f’każ ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istatus tagħhom meta jkunu qed jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni;

16.  Iqis li l-fatt li persuna tkun rifuġjata, tkun qed tfittex asil, tkun tippossedi viża umanitarja jew tkun teħtieġ protezzjoni internazzjonali għandu jitqies bħala fattur ta' vulnerabilità fil-każ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-asil jikkooperaw bil-għan li jgħinu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jressqu applikazzjoni għall-protezzjoni; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin ma għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

17.  Iqajjem il-kwistjoni inkwetanti tad-detenzjoni amministrattiva, li spiss tintuża b'mod sistematiku u abbużiv minn xi Stati Membri, anki meta suppost għandha tintuża bħala l-aħħar soluzzjoni; jenfasizza li l-użu tad-detenzjoni bosta drabi twassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu immedjatament id-detenzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u d-detenzjoni tat-tfal; jitlob għal aktar trasparenza fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali fiċ-ċentri ta' detenzjoni (permezz ta' aċċess aħjar għas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u membri parlamentari); jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar u aktar sistematiku tal-alternattivi li jeżistu għad-detenzjoni, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-vittmi tat-traffikar;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u kif jixraq l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/36/UE; ifakkar li l-vittmi tat-traffikar ma għandhomx jiġu kriminalizzati u miżmuma responsabbli għall-attivitajiet kriminali li ġew imġiegħla jieħdu sehem fihom, b'mod partikolari fil-każ tal-prostituzzjoni, kwalunkwe forma oħra ta' sfruttament sesswali jew xogħol furzat;

19.  Jenfasizza li n-nies traffikati huma l-vittmi tal-kriminalità u għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni u jkunu jistgħu jirċievu permess ta’ residenza irrispettivament mill-volontà tagħhom li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; iqis li huwa essenzjali li, wara li titwettaq valutazzjoni tar-riskju komprensiva dwar il-vijabilità tar-ritorn ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin, li tqis għalkollox il-valutazzjoni tal-vittma stess dwar is-sitwazzjoni, għandu jingħata permess ta' residenza lil dawk il-vittmi u l-familji tagħhom li s-sikurezza tagħhom meta jmorru lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom ma tkunx tista' tiġi garantita; ifakkar, f’dan ir-rigward, li kwalunkwe ritorn għandu dejjem ikun konsistenti mal-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li reviżjoni bħal din għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar permessi ta’ residenza, anki f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, u tul ta' żmien armonizzat tal-UE għal perjodu ta’ riflessjoni;

20.  Jenfasizza li l-vittmi, partikolarment dawk minn pajjiżi terzi, rarament jifhmu l-kultura u l-lingwa tal-pajjiż li jkunu ġew ittraffikati għal ġo fih; jenfasizza li għalhekk huma jesperjenzaw saff ieħor ta' stress psikoloġiku u frustrazzjoni;

21.  Iqis li r-rwol tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bħala xhieda huwa kruċjali għat-tkissir tan-netwerks tat-traffikar u għall-prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ min iwettaq ir-reati; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-vittmi sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtu xhieda mingħajr periklu; jinkoraġġixxi, f’dan ir-rigward, lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jużaw is-soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli li jippermettu lill-vittmi li jagħtu xhieda minn postijiet sikuri;

22.  Jinnota li, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), ir-ritorn tal-migranti u r-rifuġjati jinvolvi riskji ta' sigurtà inerenti fir-rigward ta' traffikar mill-ġdid li għandhom jiġu identifikati, ivvalutati u mitigati peress li r-risku li jinħoloq għall-migranti ttraffikati mill-isfruttaturi tagħhom spiss jiżdied meta jkun irnexxielhom jaħarbu, jinteraġixxu mal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, jew ikunu taw xhieda fil-qorti(1);

23.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-membri tal-familja tagħhom ikollhom aċċess għal għajnuna legali u konsulenza b'xejn, fosthom fi proċedimenti kriminali, ċivili jew ta' migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ speċjali u ffukat tat-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni ta' gruppi li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal rifuġjati, persuni b'diżabilità, Rom u tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati minn pajjiżi terzi.

24.  Ifakkar li t-traffikar tat-tfal spiss iwassal għal każijiet ta’ abbuż sesswali, prostituzzjoni, xogħol furzat, jew it-tneħħija tal-organi u t-traffikar u jenfasizza li l-ebda kunsens possibbli sabiex jitwettqu xogħol jew servizzi, ma għandu jitqies validu għal tfal ittraffikati; jesprimi tħassib dwar l-istima mill-Europol f’Jannar 2016 li tal-inqas 10 000 tifel u tifla refuġjati għebu wara l-wasla tagħhom fl-UE; jiddeplora l-fatt li t-tfal li jinsabu f'riskju spiss jiġu ttrattati bħala dawk li wettqu l-offiża jew bħala migranti irregolari mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li sistematikament ma jfittxux l-indikaturi tat-traffikar tal-bnedmin biex jidentifikaw lill-vittmi;

25.  Jemmen li huwa essenzjali fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati li jkun hemm identifikazzjoni aħjar u aktar proattiva tat-tfal vittmi tat-traffikar, b'mod partikolari fil-punti ta' qsim mal-fruntieri u fiċ-ċentri ta' akkoljenza, kif ukoll kooperazzjoni multidixxiplinarja aktar b'saħħitha biex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal jitħarsu b'mod effettiv; iqis li huwa neċessarju li tissaħħaħ is-sistema tat-tutela fl-Istati Membri biex it-tfal mhux akkumpanjati u sseparati mill-familja jinżammu milli jaqgħu f’idejn l-organizzazzjonijiet tat-traffikar organizzat;

26.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2011/36/UE, "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-ħsieb li jsibu soluzzjoni dejjiema bbażata fuq valutazzjoni individwali tal-aħjar interessi tat-tfal"; jemmen li tista' tinstab soluzzjoni dejjiema permezz tal-integrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà ospitanti tagħhom, jew permezz tal-faċilitazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja bil-għan li t-tfal ikunu jistgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom fi Stat Membru ieħor;

27.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni u d-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin qabel, waqt u wara l-proċedimenti kriminali; jirrakkomanda li, meta l-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni tar-riskju individwali sabiex jiżguraw li l-vittmi jirċievu protezzjoni xierqa, huma għandhom iqisu l-fatturi ta' vulnerabilità, bħalma huma l-ġeneru, it-tqala, il-kundizzjonijiet tas-saħħa, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, u l-istatus tal-vittmi bħala rifuġjati, persuni li qed ifittxu ażil jew persuni li jinsabu fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-politika tagħhom tar-riunifikazzjoni tal-familji għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari fejn dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tagħhom;

28.  Ifakkar li qabel ma tikkonkludi ftehim ta' liberalizzazzjoni ta' viżi, il-Kummissjoni tivvaluta r-riskji li joħloq il-pajjiż terz ikkonċernat b'mod partikolari fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali; jinsisti fuq il-fatt li n-netwerks tat-traffikar jistgħu wkoll jutilizzaw ir-rotot legali ta' migrazzjoni; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tinkludi l-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi relevanti fir-rigward tat-traffikar fost il-kriterji li jridu jiġu ssodisfati għal kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni ta' viżi;

29.  Jirrimarka li l-UE teħtieġ approċċ leġiżlattiv vinkolanti u mandatorju għar-risistemazzjoni, kif spjegat fl-aġenda tal-Kummissjoni għall-migrazzjoni; jirrimarka li l-ammissjoni umanitarja tista' tintuża biex tikkumplimenta r-risistemazzjoni sabiex tagħti protezzjoni urġenti, ħafna drabi fuq bażi temporanja, lil dawk l-aktar vulnerabbli fejn meħtieġ, pereżempju lill-minorenni mhux akkumpanjati jew lir-rifuġjati b'diżabilità, jew lil dawk li jeħtieġu evakwazzjoni medika urġenti;

30.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sistemi ta' protezzjoni u assistenza għall-vittmi sabiex jgħinuhom isibu mod kif joħorġu mill-isfruttament, billi jipprovdu l-ewwel u qabel kollox akkomodazzjoni adegwata, li ma għandhiex tkun kundizzjonali fuq l-istatus ta' residenza tal-vittma, iżda wkoll l-għoti ta' pariri u informazzjoni, appoġġ soċjali, edukattiv u professjonali, programmi ta' reintegrazzjoni, kura terapewtika u psikoloġika, flimkien ma' atturi soċjali u edukattivi;

31.  Jitlob li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli esposti għas-sisija għall-karità furzat, bħalma huma r-Rom, u jqisu dan fil-kuntest nazzjonali tal-istrateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom;

32.  Jenfasizza li t-tfal u l-persuni b'diżabilità għandhom jitqiesu bħala vittmi vulnerabbli tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jistgħu jiżviluppaw diżabilitajiet minħabba l-abbuż minn idejn it-traffikant tagħhom, filwaqt li b'mod alternattiv, individwu li għandu diżabilità jista' jsir il-mira ta' traffikant minħabba dik il-vulnerabilità;

33.  Jirrikonoxxi l-importanza u r-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fit-traffikar tal-bnedmin, u li filwaqt li tintuża t-teknoloġija biex jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ u l-isfruttament tal-vittmi, tintuża wkoll bħala għodda għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; iqis li aktar riċerka għandha tiffoka fuq ir-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-utilizzazzjoni tal-internet fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin u b'mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament sesswali online; jitlob li l-ġlieda kontra t-traffikar online tissaħħaħ mill-Europol fil-qafas tal-IRU (Internet Referral Unit) tal-UE sabiex jiġi identifikat, innotifikat u rtirat il-materjal online relatat mat-traffikar;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tadatta l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi biex tqis l-iżvilupp il-ġdid tat-traffikar permezz tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni u l-Europol iqisu l-possibilitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-korpi Ewropej tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (b'mod partikolari fil-qafas tal-Europol) u dawk tal-pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra wkoll il-mezzi utli kollha ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz tal-internet bil-għan li jinsab u jiġi miġġieled il-kontenut online relatat mat-traffikar; jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat kif dovut;

36.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżommu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, bħala prijorità fir-relazzjonijiet esterni tagħhom u fid-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi r-ratifika sħiħa u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin fl-azzjoni esterna tal-UE;

38.  Jenfasizza li ż-żwieġ furzat jista' jiġi perċepit bħala forma ta' traffikar tal-bnedmin jekk ikun fih element ta' sfruttament tal-vittma, u jappella lill-Istati Membri kollha biex jinkludu din id-dimensjoni fid-definizzjoni ta' traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-isfruttament jista' jkun sesswali (stupru konjugali, prostituzzjoni furzata u pornografija) jew ekonomiku (xogħol domestiku u sisija furzata) u li l-għan finali tat-traffikar jista' jkun iż-żwieġ furzat (il-bejgħ ta' vittma bħala mara miżżewġa jew l-ikkuntrattar taż-żwieġ b'ġegħil); ifakkar fil-karattru transnazzjonali li jista' jikkaratterizza ż-żwieġ furzat; jitlob għalhekk lill-Istati Membri jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-migrazzjoni jkunu mħarrġa b'mod adegwat fir-rigward tal-kwistjoni taż-żwieġ furzat li jeżisti fil-kuntest tat-traffikar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

39.  Jinnota l-iżvilupp ta' forma ġdida ta' traffikar tal-bnedmin fejn l-individwi qed jiġu ttraffikati għal rahan bi prattiki ta' tortura severi ħafna; jinnota li din is-sura ġdida ta' sfruttament tal-bnedmin bħala komodità hija karatterizzata mill-estorsjoni, swat u stupru bħala mezz biex jinfurzaw il-ħlas ta' dejn minn familji u qraba li jirrisjedu ġewwa u barra mill-UE;

40.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu t-traffikar tal-bnedmin għar-rahan bi prattiki tat-tortura bħala sura ta' traffikar tal-bnedmin; iqis li s-sopravissuti ttrawmatizzati b'mod sever għandhom jiġu rikonoxxuti bħala vittmi ta' forma ta' traffikar tal-bnedmin suġġetta għall-prosekuzzjoni u għandhom jirċievu protezzjoni, kura u appoġġ(2);

41.  Iqis li modi sikuri u legali ta' dħul fl-UE jnaqqsu l-vulnerabilità u t-traffikar tal-bnedmin;

42.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2011/36/UE, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jaħdmu mill-qrib magħhom, b’mod partikolari f’inizjattivi ta’ tfassil tal-politika, ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ miżuri kontra t-traffikar; jinnota barra minn hekk li l-NGOs għandhom jassistu wkoll fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, u l-assistenza u l-appoġġ għalihom-; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NGOs huma protetti minn ritaljazzjonijiet, theddid, u intimidazzjonijiet u saħansitra aktar meta huma eżentati minn prosekuzzjonijiet kriminali meta dawn jassistu lill-vittmi tat-traffikar li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa u mmirati ta’ prevenzjoni, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi ta’ riċerka, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju li persuni jisfaw vittmi tat-traffikar; jistieden lill-Istati Membri jedukaw iċ-ċittadini tagħhom dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-identifikazzjoni tal-vittmi permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, inkluż it-tqajjim ta’ kuxjenza dwar l-impatt u l-konsegwenzi tat-turiżmu sesswali u l-isfruttament ta' ħafna nisa u tfal vulnerabbli, li meta jużaw is-sess għas-sopravivenza, iservu l-industrija tat-turiżmu tas-sess;

44.  Ifaħħar l-azzjoni tal-Europol b'mod partikolari fil-qafas tal-Focal Point Twins bil-għan li jiġu identifikati l-persuni li jmorru f'pajjiżi terzi bil-għan li jwettqu abbużi fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Europol billi jiżguraw skambju sistematiku u rapidu ta' data;

45.  Jirrakkomanda lill-komunità internazzjonali tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin f'ambjenti ta' kriżi, bħalma huma d-diżastri ambjentali u l-kunflitti armati, kif ukoll f'pajjiżi fejn id-drittijiet tal-bniedem jinkisru b'mod gravi u fejn in-nies ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jitilqu mill-pajjiż, bil-għan li titnaqqas il-vulnerabilità tal-vittmi fil-konfront tat-traffikanti u ta' netwerks kriminali oħra;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi aħjar għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-aġenziji privati tal-impjieg li jkollhom ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE għall-fini tax-xogħol;

47.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw mas-settur privat u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bil-għan li t-traffikar tal-bnedmin jiġi pprevenut tul il-katina tal-provvista kollha kemm hi, filwaqt li jitqies b'mod partikolari l-każ tat-tħaddim tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa f'dan ir-rigward li tiġi stabbilita, bis-sħiħ u fil-pront, Koalizzjoni Ewropea tan-Negozju kontra t-traffikar tal-bnedmin, kif deskritt fil-qosor fl-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016);

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.04.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Malin Björk, Michał Boni, Ignazio Corrao, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Iliana Iotova, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Beatrix von Storch, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Marek Jurek, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Gilles Lebreton, Jeroen Lenaers, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Salvatore Domenico Pogliese, Barbara Spinelli, Axel Voss.

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Eugen Freund, Jean-François Jalkh, Peter Lundgren

(1)

Ara p.23 tar-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), "Counter Trafficking and Assistance to Vulnerable Migrants Annual Report of Activities 2011" (Rapport Annwali tal-Attivitajiet ta' Kontra t-Traffikar u ta' Assistenza lill-Migranti Vulnerabbli 2011")

(2)

Dan it-tip ġdid ta' traffikar diġà ssemma fir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (28.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

(2015/2340(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Bearder

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-integrità fiżika u huwa reat bbażat fuq il-ġeneru, li jaffettwa n-nisa u l-bniet li huma ttraffikati ħafna għal skopijiet ta' sfruttament sesswali u jirrappreżentaw għadd sproporzjonat ta' vittmi; billi n-nisa u t-tfajliet jirrappreżentaw ukoll persentaġġ kbir tal-vittmi tal-forom l-oħrajn tat-traffikar tal-bnedmin bħall-isfruttament furzat fis-settur tax-xogħol domestiku u l-prestazzjoni ta' kura, il-manifattura, l-ikel, it-tindif u setturi oħra;

B.  billi t-traffikar tal-bnedmin jista' jirriżulta mill-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fuq livell globali u jista' jiġi aggravat ulterjorment mill-inugwaljanza soċjetali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-istrateġija tal-UE tidentifika l-vjolenza kontra n-nisa bħala l-kawża ewlenija tat-traffikar;

C.  billi t-traffikar tal-bnedmin għandhu jinftiehem kemm mill-aspett tad-domanda kif ukoll mill-aspett tal-profitt, peress li l-isfruttament tan-nisa speċjalment għal servizzi sesswali huwa ġġenerat mid-domanda għal dawn is-servizzi u l-profitt li qed isir;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jibqgħu fil-qalba tal-politiki ta' żvilupp tal-UE u tas-sħubiji ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri li jqisu l-ġeneru meta jinħolqu politiki ġodda ta' żvilupp u fir-reviżjoni tal-politiki eżistenti;

2.  Jenfasizza li l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u l-bniet tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom li jsiru vittmi, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-azzjoni mmirata tagħha lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet ta' żvilupp kollha u lejn l-iżgurar li din tibqa' flimkien mad-drittijiet tan-nisa fuq l-aġenda matul id-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi;

3.  Jinnota l-effett normattiv iġġenerat mill-mudell Svediż biex titnaqqas id-domanda u jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' miżuri normattivi simili fl-UE28 u fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

4.  Jenfasizza li d-domanda għal servizzi sesswali fil-pajjiżi żviluppati tixpruna t-traffikar tal-bnedmin minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, u tqiegħed il-persuni f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà, bħalma huma n-nisa u l-bniet, u jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-użu konsapevoli tas-servizzi ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin;

5.  Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jikkriminalizzaw ukoll l-użu ta' kwalunkwe servizzi ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin miċ-ċittadini tagħhom, anki jekk tali att jitwettaq barra l-Istat Membru u/jew barra l-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikulari l-għan 5.2 li jitlob l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata, inkluż it-traffikar u l-isfruttament sesswali u tipi oħra ta' sfruttament;

7.  Jinnota l-importanza ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa, u għas-saħħa sesswali u riproduttiva, b'mod partikolari għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li jista' jkun li jitqabdu ma' bosta problemi fiżiċi u psikoloġiċi bħala konsegwenza diretta tal-isfruttament tagħhom; jistieden lill-Istati Membri joħolqu servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi ta' wara l-kura li jkunu faċilment aċċessibbli għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

8.  Jistieden lill-Istati Membri li jkun fihom seħħ l-isfruttament tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex joffru trattament mediku adegwat u neċessarju u li jqis il-ġeneru abbażi tal-ħtiġijiet individwali, b'attenzjoni speċjali għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jqisu l-ġeneru bl-għan li jtejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fil-proċeduri tal-ażil u r-ritorn, li jżommu rekords aktar dettaljati u diżaggregati skont il-ġeneru u jiżguraw li dawn il-vittmi jiġu informati wkoll dwar il-faċilitajiet ta' appoġġ xieraq;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-istrumenti legali li jiffaċilitaw il-possibbiltajiet għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin biex jikkuntattjaw l-awtoritajiet mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà tagħhom stess u d-drittijiet tagħhom bħala vittma;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji kompetenti tal-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw taħriġ speċifiku li jqis il-ġeneru għall-persunal li jaħdem f'servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri sabiex jidentifika u jassisti aħjar l-vittmi potenzjali tat-traffikar b'mod partikolari t-traffikar għall-isfruttament sesswali;

12.  Jitlob li l-politika tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin issir aktar effikaċi billi tkun integrata b'mod aktar profond fi ħdan l-istrateġiji usa' tal-UE dwar is-sigurtà, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku, iċ-ċibersigurtà, il-migrazzjoni u r-relazzjonijiet esterni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, meta jsaħħu l-miżuri legali kontra t-traffikar tal-bnedmin, iwessgħu wkoll id-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin permezz tal-introduzzjoni ta' mezzi ġodda ta' traffikar fl-ambitu tiegħu; jieħu nota tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament 2015/2229(INI) adottata f'Diċembru 2015 fejn il-maternità surrogata ġiet definita bħala negozjar f'korpi umani u għalhekk ekwivalenti għat-traffikar tal-bnedmin;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, peress li t-traffikar tal-bnedmin jista' jitqies bħala forma serja ta' vjolenza kontra n-nisa.

15.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jixhdu fil-qorti kontra t-traffikanti tal-bnedmin;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu miġġielda l-forom kollha tat-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni partikolari għad-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin biex b'mod speċifiku jiġu miġġielda ż-żwieġ tat-tfal, l-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet u t-turiżmu sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jirduppjaw l-isforzi taħt il-Proċess ta' Kartum billi jżidu aktar proġetti speċifiċi u jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva ta' numru akbar ta' pajjiżi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Reid, Marco Zanni


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (8.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

(2015/2340(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Miroslav Mikolášik

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jafferma li l-UE "tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha" u li l-Karta tipprojbixxi, inter alia, it-tortura u t-trattament inuman jew degradanti, it-traffikar tal-bnedmin u l-iskjavitù;

2.  Jenfasizza li kull sfruttament ta' organi għal skopijiet kummerċjali li jċaħħad l-aċċess ekwu għat-trapjanti jmur kontra l-etika, huwa inkonsistenti mal-aktar valuri bażiċi tal-bniedem u huwa pprojbit skont l-Artikolu 3(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

3.  Ifakkar li gruppi organizzati fil-livell internazzjonali ­– b'mod klandestin jew bil-kunsens tal-vittmi tagħhom, li jiġu mqarrqa b'wegħdiet foloz – jieħdu lill-vittmi f'reġjuni aktar għonja, fejn, fuq nett tal-lista hemm pajjiżi Ewropej fejn hemm klijenti aktar sinjuri, b'mod partikolari għat-traffikar għal skopijiet sesswali;

4.  Jenfasizza li, skont rapport ta' Global Financial Integrity, il-kummerċ tal-organi tal-bniedem huwa fost l-aktar għaxar attivitajiet illegali li jirrendu flus fid-dinja, u jiġġenera profitti ta' bejn USD 600 miljun u USD 1,2 biljun fis-sena u huwa mifrux fuq bosta pajjiżi; jenfasizza wkoll li, skont in-Nazzjonijiet Uniti, nies ta' kull età jistgħu jisfaw vittmi, iżda l-migranti, dawk bla dar u dawk li ma jafux jaqraw huma partikolarment vulnerabbli;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jsegwu politika koerenti kemm internament kif ukoll esternament billi jqiegħdu, f'konformità mal-valuri fundamentali tal-Unjoni, id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha u jisfruttaw, b'mod partikulari, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, bħala mezz ta' lieva;

6.  Jistieden lill-UE tfittex u tippromwovi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mas-sħab statali u mhux statali internazzjonali tagħha, tifformalizza sħubijiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tagħmel dak kollu li tista' biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinament ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li ttejjeb l-identifikazzjoni tal-vittmi, ssaħħaħ il-miżuri għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u tiżgura azzjoni ġudizzjarja effikaċi fil-konfront tat-traffikanti;

7.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-prodotti kollha kkummerċjalizzati fi ħdan it-territorju tal-UE jkunu konformi mal-istandards internazzjonali dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tul il-katina kollha tal-produzzjoni;

8.  Jinnota bi tħassib kbir li, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, madwar 21 miljun persuna madwar id-dinja huma vittmi tal-aktar forom mifruxa tal-iskjavitù moderna, fosthom ix-xogħol furzat, li jiġġenera profitti ta' aktar minn EUR 30 biljun kull sena, it-traffikar tal-organi, u l-isfruttament sesswali furzat, li jolqot 80 % tal-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin; jinnota li l-irġiel mhumiex eċċezzjoni, iżda l-aktar gruppi vulnerabbli, bħalma huma l-anzjani, in-nisa, il-morda, il-persuni b'diżabilità u t-tfal, huma affettwati fuq skala usa', filwaqt li huwa stmat li 5,5 miljun tifel u tifla huma ttraffikati; jirrimarka li, skont stimi konservattivi ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, it-traffikar tat-tfal jiġġenera profitti ta' madwar EUR 7,6 biljun fis-sena;

9.  Jenfasizza l-fatt li l-persuni li jkunu obbligati jħallu d-djar abitwali tagħhom minħabba tibdil f'daqqa jew progressiv relatat mal-klima li jaffettwalhom ħajjithom jew il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b'mod negattiv, għandhom riskju kbir li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li dan it-tip ta' mobilità tal-bniedem – relatat mat-tibdil fil-klima – għandu dimensjoni ekonomika qawwija li tinkludi t-telf tal-mezzi tal-għajxien u tnaqqis fl-introjtu tal-familji, u għalhekk teżisti theddida diretta li l-persuni kkonċernati jkunu vulnerabbli li jisfaw vittmi tax-xogħol furzat jew ta' skjavitù;

10.  Jenfasizza l-importanza u n-natura imminenti tal-kriżi ta' dawk li sfaw migranti minħabba l-klima u l-probabbiltà kbira li dawn jispiċċaw vittmi tat-traffikar tal-persuni; jemmen li għandhom jittieħdu miżuri proattivi u tingħata attenzjoni partikolari lit-traffikar tal-bnedmin f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħalma huma d-diżastri naturali, u lil dawk li jisfaw migranti minħabba l-klima; huwa mħasseb li l-istandards internazzjonali attwali tad-drittijiet tal-bniedem għandhom applikabbiltà limitata għal sitwazzjonijiet ta' ċaqliq ta' persuni minħaba l-klima; jistieden, għaldaqstant, lill-UE tistinka għal definizzjoni internazzjonali u legalment rikonoxxibbli ta' "rifuġjati minħabba l-klima";

11.  Jikkundanna n-negozju illeċitu tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż għal skopijiet ta' tneħħija tal-organi, u kull negozju ta' sfruttament ieħor li jikser id-dritt għall-integrità fiżika u li jikkawża vjolenza; jopponi kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni tal-bnedmin, tal-ġisem tagħhom u ta' partijiet tal-ġisem tagħhom; jenfasizza l-implikazzjonijiet sinifikanti tat-traffikar tal-bnedmin fuq saħħet il-vittmi ta' kull forma ta' sfruttament, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mil-lat mentali; jinnota li l-persuni mill-aktar komunitajiet foqra huma partikolarment vulnerabbli li jsiru vittmi tat-traffikar illeċitu tal-organi;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni u ta' approċċ multisettorjali u multidixxiplinari fl-indirizzar tal-akkwist illeċitu tal-organi tal-bniedem, inkluż it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' tneħħija tal-organi, li żviluppat fi problema globali; jappella għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni immirati aħjar biex jgħollu l-profil tal-ħsara assoċjata mal-bejgħ tal-organi, biex il-vittmi jkunu mgħarrfa aħjar dwar ir-riskji fiżiċi u psikoloġiċi, partikolarment fost l-ifqar u l-aktar vulnerabbli fir-rigward tal-inugwaljanza u l-faqar, li jistgħu jaraw il-bejgħ ta' organu bħala prezz li ta' min iħallsu biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom; jenfasizza li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom ikunu element meħtieġ kemm tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

13.  Jenfasizza li l-istaġnar ekonomiku, il-lakuni fil-leġiżlazzjoni u n-nuqqasijiet fl-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, flimkien maż-żieda fil-globalizzazzjoni u t-titjib fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni, joħolqu l-ispazju perfett għall-attività kriminali tat-traffikar illeċitu tal-organi; jirrimarka li n-nuqqas ta' opportunità ekonomika jġiegħel lin-nies jikkunsidraw għażliet li f'ċirkustanzi oħra jqisuhom perikolużi jew kundannabbli, filwaqt li infurzar tal-liġi inadegwat jippermetti lit-traffikanti joperaw bi ftit li xejn biża' li tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontrihom;

14.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar tal-Organi tal-Bniedem mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi mtejba u mħaffa biex jimplimentaw id-direttivi u l-konvenzjonijiet Ewropej kontra t-traffikar tal-organi, tessuti u ċelloli (OTC) fid-dritt nazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw li dawk responsabbli mit-traffikar tal-OTC jiġu mħarrka b'mod adegwat u sabiex il-persuni li jeħtieġu l-organi jiġu skoraġġiti milli jfittxu organi traffikati;

15.  Jikkundanna t-traffikar illegali tat-tfal għall-adozzjoni minn ġenituri Ewropej li jħallsu ammonti għoljin sabiex ikollhom it-trabi mixtieqa, inkluża l-prattika li jixtru trabi mwielda minn ommijiet surrogati f'pajjiżi terzi;

16.  Jikkundanna l-prattika tat-traffikar tal-bnedmin għall-maternità surrogata furzata bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tat-tfal; jinnota li d-domanda hija misjuqa mill-pajjiżi żviluppati għad-detriment ta' persuni vulnerabbli u foqra, ħafna drabi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-politiki restrittivi tagħhom dwar ir-riproduzzjoni;

17.  Jenfasizza li l-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin għandu jkollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa xierqa; jinnota li l-maġġoranza tal-vittmi identifikati fl-UE huma nisa u tfajliet li jiġu sfruttati għal skopijiet sesswali; jindika l-ħtieġa li jinżamm approċċ iffukat fuq il-vittmi, u jinnota li dan it-tip ta' sfruttament jikkawża ħsara partikolari li teħtieġ livell ogħla ta' servizzi; jirrimarka li l-faqar, id-dikriminazzjoni sesswali u etnika, l-injoranza, id-diżinformazzjoni, il-kriżijiet politiċi u ekonomiċi, il-kunflitti armati u d-diżastri naturali joħolqu art għammiela għat-traffikanti tat-tfal;

18.  Jenfasizza li t-tfal ittraffikati huma sfruttati għal diversi skopijiet, fosthom il-prostituzzjoni, ix-xogħol domestiku u x-xogħol fil-pjantaġġuni, bħala suldati jew awżiljarji ma' gruppi armati, biex iwettqu delitti u biex jittallbu;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema tal-għajbien ta' tfal migranti mhux akkumpanjati wara l-wasla tagħhom fl-Ewropa u l-fatt li l-Europol tikkalkula li l-għadd ta' dawk li bħalissa huma neqsin huwa ta' 10 000; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu biex jeqirdu t-traffikar, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex isibu t-tfal migranti mhux akkumpanjati kollha li għebu wara li ġew irreġistrati mal-wasla tagħhom f'territorju Ewropew u jiżguraw li jingħataw il-protezzjoni, u biex isaħħu l-mekkaniżmi ta' twissija dwar tfal, filwaqt li jfakkar li dawk li l-aktar huma esposti għar-riskji ta' sfruttament, abbuż u vjolenza huma dawk li ma jkollhomx ċertifikat tat-twelid;

20.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom taħt l-awspiċji tal-Interpol u tal-Europol sabiex jindirizzaw b'mod aktar effettiv il-kwistjoni tat-traffikar tal-organi u tal-bnedmin, inkluża n-newtralizzazzjoni tal-attivitajiet fuq l-internet u spezzjonijiet fil-post fejn jista' jkun hemm vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni kontinwa u skambju bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawk responsabbli għat-traffikar tal-organi jiġu mħarrka b'mod adegwat;

21.  Jenfasizza li x-xiri tal-organi, tessuti u ċelloli tal-bniedem huwa illegali; jinnota li l-persuni ttraffikati għat-tneħħija tal-organi jiffaċċjaw sfidi partikolari, u li l-vittmi sikwit ma jkunux konxji tal-konsegwenzi mediċi fit-tul u li jindebolixxu, tat-tneħħija tal-organi u tan-nuqqas ta' kura wara l-operazzjoni, kif ukoll tal-impatt psikoloġiku tal-operazzjoni; jappella għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni mmirati aħjar biex jgħollu l-profil tal-ħsara assoċjata mal-bejgħ tal-organi, partikolarment fost l-ifqar u l-aktar vulnerabbli, li jistgħu jaraw il-bejgħ ta' organu bħala prezz ġustifikat biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom;

22.  Jikkundanna t-traffikar tal-organi, tessuti u ċelloli tal-bniedem, inkluż il-kummerċ illegali ta' ċelloli riproduttivi (bajd, sperma), tessuti u ċelloli fetali u ċelloli staminali adulti u embrijonali;

23.  Jenfasizza li l-vittmi għandhom jirċievu assistenza sħiħa, mhux biss għall-konsegwenzi immedjati u kroniċi fuq is-saħħa, iżda anki għall-effetti fuq il-benessri psikoloġiku tagħhom fit-tul; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, għar-rwol fundamentali tal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet fl-għoti ta' informazzjoni lill-vittmi dwar id-dritt tagħhom ta' aċċess għall-ġustizzja, l-assistenza u l-kura tas-saħħa;

24.  Jirrimarka li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-vittmi tal-prostituzzjoni furzata jsibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għal kura psikoloġika u konsegwentement ikollhom jiddependu kważi kompletament mill-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tal-karità; jappella, għalhekk, biex dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw appoġġ akbar u jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-aċċess għall-kura psikoloġika;

25.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tat-tobba, l-infermiera, il-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra fil-qasam mediku, li huma uniċi fil-kuntatt professjonali tagħhom mal-vittmi waqt id-detenzjoni tagħhom u jaqdu rwol ewlieni fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fil-preżent, mhuwiex jittieħed vantaġġ minn din l-opportunità biex wieħed jintervjeni; jinnota l-ħtieġa li l-komunità medika titħarreġ sabiex tinduna bis-sinjali ta' twissija tat-traffikar tal-bnedmin u fil-proċeduri ta' rapportar, sabiex tassisti aħjar lill-vittmi, u li jiġu stabbiliti penali ħorox għal kull involviment fit-traffikar illegali tal-organi;

26.  Iħeġġeġ sabiex jitwaqqaf programmi ta' kunsens preżunt f'diversi pajjiżi jew skemi li permezz tagħhom iċ-ċittadini jingħataw l-għażla li jinkitbu direttament f'reġistru ta' donaturi tal-organi huma u jagħmlu ċerti proċeduri amministrattivi, biex b'hekk titnaqqas id-dipendenza tal-pazjenti mis-suq illeċitu, filwaqt li fl-istess ħin jiżdied l-għadd ta' organi disponibbli sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji ta' trapjant u jonqos l-interess fit-turiżmu mediku;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu aktar sforzi biex jinvolvu lill-komunità medika bil-għan li jitjiebu l-isforzi għall-ġlieda kontra din il-forma ta' traffikar permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-traffikar u billi jagħtu taħriġ obbligatorju;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprojbixxu t-"turiżmu tat-trapjanti" billi jadottaw miżuri li jżidu d-disponibilità ta' organi miksuba legalment, bl-għan li jsaħħu l-prevenzjoni tal-akkwist illeċitu tal-organi u sabiex jistabbilixxu sistema trasparenti għat-traċċabbiltà tal-organi trapjantati, filwaqt li jiżguraw l-anonimat tad-donaturi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fi sħubijiet kollaborattivi bħal Eurotransplant u Scandiatransplant;

29.  Jirrimarka li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, hemm data xjentifika limitata dwar it-traffikar u s-saħħa, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa mentali u psikoloġika; jirrimarka wkoll li l-ħtiġijiet tal-vittmi u s-superstiti sikwit jiġu ssottovalutati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, iwaqqfu sistema ta' monitoraġġ u jxerrdu informazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-traffikar u l-ħtiġijiet tal-vittmi f'termini ta' saħħa, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tad-dritt fil-qasam tal-asil.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

65

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Mark Demesmaeker, Jan Huitema, Peter Jahr, Merja Kyllönen, Anne-Marie Mineur, Alessandra Mussolini, James Nicholson, Christel Schaldemose, Bart Staes, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Jean-Luc Schaffhauser, Bodil Valero, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Judith Sargentini, Ricardo Serrão Santos, Renate Weber

Avviż legali