Proċedura : 2015/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0217/2016

Testi mressqa :

A8-0217/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 17
CRE 04/07/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.4
CRE 05/07/2016 - 4.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0298

RAPPORT     
PDF 851kWORD 279k
27.6.2016
PE 575.363v02-00 A8-0217/2016

dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Eleonora Forenza

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497)(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10)(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015)(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-dinja (2014)(4),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) – Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-aġenda tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida dwar l-analiżi tal-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi politiċi marbuta mal-kummerċ(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-"Klawżoli tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija fil-ftehimiet internazzjonali" ippubblikat fl-2015 mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015: Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(8),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(9),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli(10),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Sitwazzjoni attwali(11),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbilità Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015)(12),

–  wara li kkunsidra l-istudju "Il-Politika tal-Kummerċ tal-UE: bidla minn ma tħarisx lejn il-ġeneru għal sensittiva għall-ġeneru?" mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Rapport tal-Espert Indipendenti fuq "Il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali demokratiku u ekwitabbli" – Nota mis-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Assemblea Ġenerali tal-5 ta' Awwissu 2015 (A/70/285),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(13),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/292 tan-NU, li fiha l-ilma u s-sanità huma rikonoxxuti speċifikament bħala drittijiet tal-bniedem mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u ġie ddikjarat li l-ilma nadif tajjeb għax-xorb u s-sanità huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet kollha tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Right2Water"(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(16),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-"Gender Mainstreaming in Committees and Delegations of the European Parliament" (L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Kumitati u d-Delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew) ippubblikat fl-2014 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki C tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn huwa ddeċida "li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun li jiġi elaborat strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra ta' kummerċ"(17),

–  wara li kkunsidra SĠP riformata tal-UE stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 978/2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li tkopri l-perjodu 2014-2015" (COM(2016)0029),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida riveduti tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO, il-Qafas tal-Kumitat Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC), l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istandard ISO 26000 dwar il-Gwida għar-Responsabbiltà Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-liġi Franċiża dwar id-"diliġenza dovuta" li tavvanza l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u d-dikjarazzjoni li saret mill-President Juncker fis-Summit tal-G7 tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri", li qiegħed jiġi implimentat bħalissa fl-ambitu tal-inizjattiva tal-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) u l-Patt Globali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0217/2016),

A.  billi l-Parlament ħareġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva fl-2010; billi għadd ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati, filwaqt li oħrajn ma ġewx implimentati;

B.  billi l-Parlament jaġixxi bħala koleġiżlatur fir-rigward ta' miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tas-CCP tal-Unjoni; billi l-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għar-ratifika ta' kull ftehim tal-kummerċ innegozjat mill-Unjoni, billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament hija għalhekk meħtieġa biex jiġi żgurat is-suċċess ta' kwalunkwe inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam tas-CCP;

C.  billi l-kummerċ għandu rwol b'saħħtu fil-promozzjoni ta' opportunitajiet tan-negozju, joħloq il-prosperità u t-tkabbir tal-impjiegi, kif ukoll fit-tmexxija tal-iżvilupp ekonomiku, fil-progress soċjali, fl-istandards ta' għajxien, fil-kwalità tal-ħajja u fit-titjib fit-tul tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-UE tissottolinja l-impenn sod tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli kif affermat mill-ġdid fl-istrateġija tagħha "Kummerċ għal Kulħadd", kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, permezz ta' mezzi bbażati fuq inċentivi bħall-SĠP+ u dispożizzjonijiet ta' aċċess preferenzjali għas-suq f'pajjiżi li huma impenjati biex jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali f'dawk l-oqsma;

E.  billi l-UE għandha l-kapaċità li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għal aktar rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli globali permezz tal-politika kummerċjali tagħha; billi l-Kummissjoni għandha twettaq l-azzjonijiet tagħha billi żżomm f'moħħha dan l-għan; billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment għandhom effett fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-iżvilupp sostenibbli, u għalhekk għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-progress soċjali u ambjentali, li jiggarantixxu li l-istandards Ewropej ma jistgħux jiġu kompromessi, u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli soċjali u ambjentali;

F.  billi l-kummerċ u l-investiment barrani minn impriżi internazzjonali jikkontribwixxu għal aktar impenn lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi fejn joperaw l-impriżi;

G.  billi l-kontribuzzjoni tal-Parlament tista' titkejjel f'termini ta' implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; billi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet trid tiġi mmonitorjata perjodikament biex tiġi żgurata konformità mal-objettivi u l-impenji li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-kummerċ, partikolarment dawk dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi, skont l-Artikolu 208 tat-TFUE, l-UE u l-Istati Membri tagħha attwalment għandhom obbligu legali li jagħmlu l-politiki tagħhom koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp;

I.  billi l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida tal-kummerċ u tal-investiment – "Kummerċ għal Kulħadd" – tirrikonoxxi r-rabta bejn il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali, u tinsisti fuq il-ħtieġa li dawk id-drittijiet u standards ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Unjoni;

J.  billi l-bejjiegħa u l-intrapriżi bl-imnut globali transnazzjonali għandhom responsabbiltà kbira, minħabba mudelli ta' produzzjoni attwali, fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi fil-pajjiżi ta' produzzjoni;

K.  billi d-drittijiet tan-nisa huma parti kostituttiva tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitoli tal-ftehimiet kummerċjali dwar l-iżvilupp sostenibbli; billi l-impatt speċifiku tal-kummerċ u tal-investiment jaffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn is-sessi, u billi l-ftehimiet kummerċjali, ta' tkabbir u ta' żvilupp sostenibbli u inklussiv għandhom jinkludu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż minn perspettiva tal-ġeneru;

L.  billi l-aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tirrikonoxxi l-impatt kruċjali fl-implimentazzjoni tal-miri tagħha billi tkopri numru ta' oqsma politiċi, bħar-regoli ta' oriġini, regolamenti dwar l-ikel, swieq tal-komoditajiet u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

M.  billi l-potenzjal tas-sistema SĠP u SĠP+ sabiex tiġi żgurata r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jitejjeb billi jintrabtu inċentivi ekonomiċi mal-adozzjoni effettiva u l-monitoraġġ kostanti tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol;

N.  billi, wara d-diżastru ta' Rana Plaza, l-UE, f'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Bangladesh u l-ILO, varat il-Patt Dinji għal Titjib fid-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Bangladesh li għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza għall-ħaddiema; billi dawn l-isforzi wasslu għal għarfien pubbliku akbar, kif ukoll għal soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-TSD, bħalma huma l-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladesh;

O.  billi għad ma hemmx qafas regolatorju għall-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' standards soċjali u ambjentali; billi s-settur privat irid jikkontribwixxi, flimkien mas-settur pubbliku, għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-kumpaniji jridu jaġixxu b'mod soċjalment u ambjentalment responsabbli; billi l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jappellaw lill-partijiet biex jimpenjaw ruħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, jikkonformaw ma' standards soċjali u ambjentali u jiżguraw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva; billi dawn il-kapitoli wrew differenzi fil-livell tal-ambizzjoni tagħhom fi ftehimiet kummerċjali suċċessivi tal-UE; billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tipprova tikseb l-ogħla livell ta' ambizzjoni;

P.  billi l-Istrateġija tal-Kummissjoni tal-2015 "Kummerċ għal kulħadd" tagħmel it-TSD prijorità għall-UE; billi, biex din l-istrateġija tagħti spinta adegwata lill-aġenda TSD, il-Kummissjoni issa trid issarraf l-ambizzjoni tagħha li ntlaqgħet tajjeb ħafna f'azzjoni determinata u konkreta;

Q.  billi l-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri" li qiegħed jitwettaq mill-inizjattiva tal-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) u l-Patt Globali tan-NU juri li l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa u fid-dinja huwa kompatibbli ma', u ta' tisħiħ reċiproku għall-prinċipji ta' ġustizzja soċjali, s-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

R.  billi, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

S.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jtenni li l-azzjonijiet esterni tal-UE jridu jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-konformità mal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;

T.  billi r-rabta bejn il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem, fuq naħa, u l-istandards soċjali u ambjentali, fuq in-naħa l-oħra, saret parti integrali mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE; billi l-politiki tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi għandhom ikomplu jiġu integrati permezz ta' politiki oħra tal-UE b'dimensjoni esterna, fosthom il-politika kummerċjali; billi l-UE għandha tuża l-politika kummerċjali biex tkompli fl-għan li jiġu stabbiliti standards globali għoljin fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet ambjentali;

U.  billi l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali ambizzjużi qed jippromwovu u jsaħħu s-sistema globali tal-kummerċ ibbażata fuq regoli; billi kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu kkunsidrati wkoll qabel ma jiġu konklużi n-negozjati kummerċjali f'ambjent b'saħħtu u trasparenti; billi l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-istrumenti rilevanti oħra kollha inkluża l-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, jimmiraw li jrawmu dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-politika kummerċjali;

V.  billi fis-26 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta riżoluzzjoni dwar l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma intergovernattiv bir-responsabbiltà li jniedi proċess li jwassal għall-introduzzjoni ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra fil-qafas tal-liġi internazzjonali;

W.  billi l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin, u l-komunità kummerċjali, filwaqt li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem jista' jkollu wkoll rwol importanti biex jiġu offruti inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u r-responsabilità korporattiva; billi l-UE żvolġiet rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u r-rispett tal-istandards internazzjonali, inklużi l-ġustizzja soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' negozji Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva mhux diskriminatorju huwa rikonoxxut; billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem jżidu l-fehim reċiproku u l-valuri komuni bħall-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

Il-prinċipji ġenerali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw approċċ ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tagħhom, inkluż fil-politika tal-kummerċ, u li jiggarantixxu konformità effettiva ma', inter alia, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW); jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-evalwazzjoni tagħha tal-impatt tal-istrateġija kummerċjali tal-UE, fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sistematikament il-ftehimiet eżistenti ta' kummerċ u ta' investiment sabiex jiġu identifikati l-konsegwenzi tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza akbar fir-rigward tal-iżvilupp, tiżgura valutazzjoni politika effettiva u koordinazzjoni bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-politika kummerċjali, u tistinka biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-dritt tax-xogħol u r-rispett għall-ambjent;

3.  Jistieden lill-UE jkollha rwol attiv fil-kisba tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li jinsabu fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-70 Sessjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri vinkolanti li jiżguraw li l-kumpaniji jħallsu t-taxxi fejn isseħħu l-attivitajiet ekonomiċi u jinħoloq il-valur, jippromwovu rappurtar obbligatorju, pajjiż b'pajjiż, mis-settur privat kif irrakkomandat mill-OECD, u jippromwovu governanza tajba l-aktar fil-qasam tat-taxxa u l-ġbir effettiv tat-taxxi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li din il-kwistjoni tingħata prijorità fl-aġenda fid-djalogu politiku tagħha (fil-livell politiku dwar l-iżvilupp u dwar il-kummerċ) u biex jappoġġaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' skrutinju pubbliku tal-governanza tat-taxxa u l-monitoraġġ ta' każijiet li jikkonċernaw il-frodi fiskali; jemmen li l-politika tat-tassazzjoni ta' negozju għandha titqies bħala parti integrali mis-CSR u li konsegwentement, l-imġiba soċjalment responsabbli ma tħalli l-ebda lok għal strateġiji maħsuba biex jevadu t-taxxa jew jisfruttaw ir-rifuġji fiskali;

5.  Jirrikonoxxi li l-aċċess għal beni komuni bħall-ilma, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni huwa riflessjoni importanti tal-kapaċità ta' pajjiż li jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali;

6.  Jenfasizza li r-rekord tal-UE fuq perjodu twil ta' żmien fl-impenn tagħha għal kwistjonijiet soċjali u ambjentali fil-kuntest tad-diplomazija kummerċjali tagħha diġà jinsab fuq quddiem fost l-atturi prinċipali l-oħra tal-kummerċ dinji; jissottolinja li l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem tas-sħab kummerċjali tagħna jipprovdu bażi solida għal djalogu kontinwu, proċessi kooperattivi u titjib progressiv fit-tul;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' kummerċ u investiment barrani bħala għodda importanti biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, it-tmexxija tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Ifakkar li l-kummerċ u l-investiment dirett barrani jżidu l-prosperità fil-pajjiżi l-fqar; Ifakkar li hemm konnessjoni mhux negliġibbli bejn iktar prosperità u protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema u protezzjoni ambjentali qawwija;

9.  Ifakkar li l-UE hija impenjata fil-promozzjoni koerenti tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi fil-politiki kollha tagħha, inkluża l-politika kummerċjali, u fl-istrumenti ta' finanzjament estern rilevanti kollha tagħha;

10.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-istrateġija kummerċjali tal-UE tkun għodda għall-promozzjoni ta' valuri demokratiċi fil-pajjiżi terzi; jilqa', għaldaqstant, it-tisħiħ ta' ftehimiet kummerċjali u ta' programmi kummerċjali preferenzjali bħala xprun biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, jiġi eliminat ix-xogħol furzat u tat-tfal, u biex jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-ikel u d-drittijiet għas-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u standards għoljin ta' sikurezza u dawk ambjentali, kif ukoll opportunitajiet ekonomiċi għal kulħadd;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali f'livell multilaterali

11.  Jenfasizza kemm huwa importanti li l-UE tibni kooperazzjoni fil-livell multilaterali u għalhekk itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ikollha rwol ewlieni fir-riforma tal-governanza tad-WTO, partikolarment b'rabta mal-ilħiq tal-għanijiet li ġejjin:

(a)  li jissaħħu l-kooperazzjoni effettiva u d-djalogu regolari bejn id-WTO u l-aġenziji relevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikolari billi l-ILO tingħata l-istatus ta' osservaturfi ħdan id-WTO u billi tiġi involuta f'tilwim kummerċjali relatat ma' ksur ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; iqis li l-ILO għandha tkompli tkun involuta f'negozjati dwar ftehimiet kummerċjali bilaterali, multilaterali u plurilaterali;

(b)  li jiġu rriformati l-mekkaniżmi ta' reviżjoni tal-politika kummerċjali tad-WTO biex jinkludu d-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-linji gwida tal-ILO, tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (MEAs), u li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif ta' Kumitat dwar il-Kummerċ u x-Xogħol Deċenti fid-WTO flimkien mal-Kumitat eżistenti dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, kif mitlub fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2010,

(c)  li jiġi vvalutat sa liema punt il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa l-mandat tiegħu kif stabbilit fid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent meħud f'Marrakexx fil-15 ta' April 1994 u l-konklużjonijiet tiegħu dwar x'jeħtieġ li jsir aktar, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u d-WTO, kif oriġinarjament mitlub mill-Parlament,

(d)  li jkun hemm impenn kostruttiv favur il-Grupp ta' Ħidma tan-NU għal proċess tat-Trattat dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem wara l-istudju dwar it-trattament tal-ksur serju mill-kumpanniji tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' rimedju ġudizzjarju li twettaq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi b'mod attiv aktar riformi tad-WTO bil-għan li jiġu definiti regoli multilaterali għall-ġestjoni sostenibbli ta' katini ta' forniment globali b'mod responsabbli, li għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)  ir-rekwiżiti effettivi u infurzabbli tad-diliġenza dovuta u tat-trasparenza fil-katina tal-provvista, fuq il-bażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

(b)  l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, li jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-ħaddiema għal kumitati tas-sikurezza,

(c)  bażi ta' protezzjoni soċjali,

(d)  ir-rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO;

13.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura adottata minn parti fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi jew relatata ma' kwalunkwe waħda mill-prinċipji jew mill-impenji inklużi fl-Artikoli 3 u 4 tal-UNFCCC se jkunu garantiti wkoll billi tiġi pprovduta protezzjoni legalment aktar soda tad-dritt tar-regolamentazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-progress lejn l-iżvilupp ta' skemi li jiddistingwu bejn prodotti skont il-metodi ta' proċess u ta' produzzjoni tagħhom (PPMs) u kriterji ta' sostenibbiltà fil-qafas ta' ftehimiet kummerċjali;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jonoraw l-impenn tagħhom li gradwalment jitneħħew is-sussidji għall-karburanti fossili f'konformità mal-impenn tal-G20;

16.  Jemmen li l-politika kummerċjali tista' tagħti kontribut akbar lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u li l-istrumenti kummerċjali tal-UE għandhom jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u l-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi fl-Ewropa; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim plurilaterali dwar prodotti ekoloġiċi (il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali - EGA) u jitlob li dawn in-negozjati jipproduċu ftehim ambizzjuż u bbilanċjat; jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tan-negozjati tal-EGA, tiżviluppa kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi għall-identifikazzjoni ta' "prodotti ekoloġiċi" u biex tippromwovi metodoloġija kredibbli u trasparenti fin-negozjati tal-EGA; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu kont dovut ta' fatturi li jaffettwaw il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi, bħal politiki ta' kontra d-dumping fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, sistemi ta' proprjetà intellettwali, programmi ta' finanzjament strett u politiki ambjentali nazzjonali li joħolqu d-domanda għal dawn il-prodotti;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali fuq livell bilaterali

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibilità (SIAs) ex ante u ex post għal kwalunkwe ftehim kummerċjali f'konformità mal-"Linji gwida dwar l-analiżi tal-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għal inizjattivi ta' politika relatati mal-kummerċ"; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex:

(a)  tapplika l-linji gwida fl-iżvilupp ta' SIAs għan-negozjati attwali u futuri kollha;

(b)  tirrifletti wkoll f'dawn is-SIAs, il-prinċipji gwida żviluppati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel;

(c)  tieħu kont tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fuq in-nies li huma partikolarment vulnerabbli bħal dawk li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza, jew li jkunu ġeografikament iżolati, foqra jew soċjalment esklużi; jiġbed l-attenzjoni wkoll, f'dan ir-rigward, għall-impenn tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE;

(d)  tiżgura l-involviment xieraq ta' SCOs u tas-sħab soċjali fl-iżvilupp tas-SIAs u biex tinvolvi lill-Parlament f'kull stadju f'dan il-proċess;

(e)  tikkunsidra bis-sħiħ fin-negozjati, il-konklużjonijiet ta' tali valutazzjonijiet;

(f)  tiżgura l-pubblikazzjoni fil-ħin ta' SIAs sabiex tinforma l-pożizzjonijiet ta' negozjar qabel ma jiġu fformulati, biex tinforma lill-pubbliku u tippermetti lir-rappreżentanti eletti sabiex jevalwaw kwalunkwe ftehim propost;

18.  Jitlob bil-qawwa li l-HRIAs u l-valutazzjonijiet tal-impatt dwar is-sostenibbiltà (SIAs) isiru vinkolanti u jibdew fi stadju bikri sabiex il-pożizzjonijiet tan-negozjar jiġu informati anki qabel ma jiġu fformulati;

19.  Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-Ombudsman Ewropew rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi ffinalizzat il-Ftehim mal-Vjetnam qabel il-konklużjoni ta' valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq din il-valutazzjoni mal-ewwel opportunità abbażi tal-metodoloġija l-ġdida sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni informata;

20.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u jfakkar l-importanza li jiġu rrispettati u implimentati klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jdaħħlu tali klawżoli legalment vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha f'konformità mal-approċċ komuni u jitlob il-pubblikazzjoni tal-approċċ komuni tal-Kunsill; jinnota li l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ma ġewx inklużi fil-ftehimiet kollha tal-UE u jitlob li n-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa ma' sħab oħra tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar it-TTIP, jiżguraw l-inklużjoni ta' klawżola vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

21.  Iqis madankollu li l-klawżoli attwali kellhom impatt limitat fuq it-twettiq tal-obbligi u l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw dawn il-bidliet li ġejjin:

(a)  l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ta' salvagwardja kummerċjali biex tiġi ppreżervata l-kapaċità ta' kull parti biex tissodisfa l-obbligi tagħha tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma fejn hija primarjament responsabbli f'każijiet ta' ksur ipprovat tad-dispożizzjonijiet tal-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem,

(b)  monitoraġġ regolari fid-dettall tal-implimentazzjoni ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet ta' kummerċ u ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni regolari ta' rapporti konġunti mill-Kummissjoni u l-EEAS lill-Parlament dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi sħab u permezz tal-istabbiliment ta' kumitat interistituzzjonali,

(c)  jikkunsidraw l-inklużjoni ta' kumitat għad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat segwitu serju u sistematiku ta' kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem relatati mal-Ftehim; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku fin-negozjati biex tiġi żgurata t-trasparenza;

(d)  jiżguraw li l-UE jkollha sistema tar-rimedji legali domestiċi li tippermetti lmenti f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' ftehimiet kummerċjali u ma' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem;

22.  Ifakkar it-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2010 li kull ftehim kummerċjali tal-UE, kemm jekk bilaterali kif ukoll plurilaterali, għandu jinkludi kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) komprensivi, infurzabbli u ambizzjużi; jenfasizza d-disparitajiet murija mill-kapitoli tat-TSD fid-diversi ftehimiet kummerċjali tal-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-ogħla livell ta' konsistenza fin-negozjati kummerċjali kollha u li tintroduċi kapitoli TSD bil-karatteristiċi li ġejjin:

(a)  impenn miż-żewġ partijiet biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv it-tmien Konvenzjonijiet ILO prinċipali u l-erba' Konvenzjonijiet ILO ta' prijorità kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali internazzjonali;

(b)  kopertura tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapitoli TSD minn naħa tas-soluzzjoni tat-tilwim ġenerali, b'kundizzjonijiet indaqs ma' partijiet oħra tal-Ftehim kif mitlub fir-rakkomandazzjonijiet tal-2010 biex tkun żgurata l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;

(c)  il-possibbiltà ta' appell u li wieħed ifittex rimedju permezz ta' proċedura għall-ilmenti għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili;

(d)  miżuri dissważivi effettivi, inkluż fil-forma ta' rimedji monetarji, fil-każ ta' ksur gravi u ppruvat tad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tal-ftehim dwar l-iżvilupp sostenibbli; tali miżuri jistgħu jiġu implimentati permezz ta' tnaqqis temporanju, ta' tnaqqis jew ta' sospensjoni ta' ċerti vantaġġi kummerċjali previsti mill-ftehim, fil-każ ta' ksur aggravat u kontinwu ta' dawn l-istandards, bħala miżura tal-aħħar, u l-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni mas-sħab tagħna tista' tgħin biex ikun hemm rimedju għan-nuqqas ta' konformità ma' ċerti impenji magħmula fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

23.  Itenni t-talba tiegħu għal fora jew gruppi konsultattivi dwar l-iżvilupp sostenibbli li għandhom jitwaqqfu fid-diversi stadji tal-abbozzar, in-negozjati u l-implimentazzjoni ta' ftehim; ifakkar fil-ħtieġa għal Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) kollha biex ikunu kompletament indipendenti u jkollhom aċċess għal riżorsi adegwati; jieħu nota tal-kritika li ta' sikwit ġiet espressa minn ċerti parteċipanti f'DAGs stabbiliti mill-UE taħt ftehimiet kummerċjali eżistenti li d-deliberazzjonijiet tagħhom ma għandhom ebda impatt prattiku u jipproponi li l-Kummissjoni timplimenta l-miżuri li ġejjin:

(a)  li twaqqaf sistema ta' rappurtar li tippermetti lill-Parlament jevalwa l-ħidma tal-gruppi konsultattivi;

(b)  li tirrispondi b'mod sistematiku u b'mod konkret għat-tħassib tad-DAGs tal-UE u li ssegwi l-inizjattivi proposti mill-UE SCOs u s-sħab soċjali f'dan il-qafas;

(c)  li tistabbilixxi dispożizzjonijiet loġistiċi bażiċi fil-kapitoli tat-TSD li jippermettu l-implimentazzjoni effettiva, minħabba li dawn l-aspetti f'xi każijiet irriżultaw li huma ostakli serji, kif ukoll miżuri relatati ta' akkumpanjament bħall-assistenza teknika u l-programmi ta' kooperazzjoni;

24.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u responsabilità għal organizzazzjonijiet lokali fil-formulazzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ internazzjonali u politiki kummerċjali nazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata konsistenza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament b'mod aktar mill-qrib fil-proċess ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali u jitlob lill-Kunsill biex jikkonsulta lill-Parlament dwar kwalunkwe deċiżjoni li tirrevedi jew tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim jekk dan ikun meħtieġ;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali fuq livell unilaterali

26.  Jilqa' id-dħul fis-seħħ tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) (Regolament (UE) Nru 978/2012) fl-1 ta' Jannar 2014 u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport ta' monitoraġġ SĠP għall-perjodu 2014-2015; huwa tal-fehma li l-politika tal-kummerċ għandha tkun mod biex il-pajjiżi sħab tal-UE jiġu inkoraġġuti jadottaw standards soċjali u ambjentali ogħla u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-miżuri korrettivi li ġejjin:

a)  biex tiċċara, jew permezz ta' att delegat jew permezz tar-reviżjoni li ġejja tar-Regolament 978/2012, id-definizzjonijiet ta' "nuqqas serju fl-implimentazzjoni effettiva" ta' konvenzjoni internazzjonali u "ksur serju u sistematiku tal-prinċipji", inklużi f'konvenzjoni internazzjonali,

b)  biex tara l-fehmiet tal-korpi kollha rilevanti ta' monitoraġġ sabiex tiġi vvalutata aħjar il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija fir-Regolament SĠP; b'mod partikolari biex tiffoka l-valutazzjoni tagħha fuq il-fehmiet espressi mill-Kumitat ta' Esperti tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet, fir-rigward kemm tal-għoti kif ukoll tas-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali skont ir-Regolament SĠP;

c)  li jittejjeb, fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-monitoraġġ tal-impenji meħuda mill-pajjiżi benefiċjarji; is-sħab soċjali u s-CSOs għandhom jingħataw rwol formali ta' monitoraġġ SĠP u SĠP+, b'mod partikolari permezz ta' proċedura biex tisma' u tirrispondi t-tħassib indirizzat lill-Kummissjoni;

d)  biex tinkludi wkoll fir-reviżjoni, kif mitlub fl-2010, is-CSR fir-Regolament SĠP sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-korporazzjonijiet transnazzjonali mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u r-regoli ambjentali; e)  biex timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi relatati mal-implimentazzjoni u l-effettività tal-ftehimiet "Everything But Arms (EBA)" u l-arranġamenti SĠP standard, u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew;

27.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex taħdem lejn l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jilqa' l-adozzjoni ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal u jtenni t-talba tiegħu mill-2010 għal proposta bilanċjata u realistika għal leġiżlazzjoni, inklużi miżuri bħall-ittikkettjar ta' prodotti li juru li ma tħaddmux tfal fil-produzzjoni tagħhom, preferenzi kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi li jissodisfaw ċerti standards tax-xogħol u projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni orizzontali għall-prodotti magħmula permezz tat-tħaddim tat-tfal; jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż l-għan tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-ambitu tad-kapitoli TSD ta' ftehimiet ta' kummerċ tal-UE flimkien ma' 6 konvenzjonijiet fundamentali oħra tal-ILO, kif ukoll l-impenn tal-UE fid-diskussjonijiet internazzjonali fil-livell tad-WTO, l-OECD u l-ILO biex javvanzaw id-dimensjoni multilaterali tagħha;

28.  Jikkonferma l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe dispożizzjoni diretta jew indiretta li taffettwa l-kummerċ fis-servizzi relatati mal-enerġija li jippermettu n-newtralità teknoloġika ta' sussidji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu b'mod serju l-fatt li l-livell ta' emissjonijiet tas-CO2 li qed jiżdied mill-kummerċ internazzjonali jimmina l-Istrateġija Ewropea dwar il-Klima, u jenfasizza li l-bidla lejn mudelli ta' produzzjoni u konsum lokali tista' tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

29.  Ifakkar ir-rabta intrinsika bejn it-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni kkawżata minn prodotti illegali u mhux sostenibbli ta' estrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' FLEGT u EUTR, inkluż l-obbligu tal-legalità fil-ktajjen ta' provvista tal-injam;

30.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju dwar il-fattibbiltà għal Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti;

Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR)

31.  Ifakkar it-talba tal-Parlament mill-2010 għall-inklużjoni tas-CSR fil-ftehimiet u d-dispożizzjonijiet kummerċjali kollha tal-UE, għal aktar infurzar, b'mod partikolari l-possibbiltà għall-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet dwar ksur allegat tal-impenji tas-CSR u l-iżvilupp ta' punti ta' kuntatt tal-UE li jibni fuq u jsaħħaħ il-punti ta' kuntatt tal-OECD; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha lejn il-kisba ta' konformità mill-kumpaniji, tul il-katini tal-provvista tagħhom, u b'rispett sħiħ tal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-ILO u tal-istandards tas-CSR rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD aġġornati reċentement għall-Intrapriżi Multinazzjonali, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fl-industriji tal-ħwejjeġ u dawk estrattivi, fejn ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali huma iktar komuni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Patt tas-Sostenibbiltà mnedija mill-Kummissjoni flimkien mal-Bangladesh, l-ILO u l-Istati Uniti wara d-diżastru ta' Rana Plaza fl-2013; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu segwiti l-objettivi tal-Patt ta' Sostenibbiltà biex jittejbu d-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll il-ħtieġa għal immaniġġjar aktar responsabbli tal-katini ta' provvista fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi programmi u miżuri simili ma' sħab kummerċjali oħra tal-UE;

32.  Jemmen li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi biex jaderixxu għad-dikjarazzjoni tal-OECD dwar l-Investiment Internazzjonali u l-Intrapriżi Multinazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li l-Linji Gwida jkunu speċifikament iċċitati fil-ftehimiet ġodda kollha bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u ċ-ċaqliq minn approċċ "passiv" għal wieħed "attiv" fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kondotta tal-impriżi u li tiġi introdotta sistema ta' rappurtar effettiva u infurzabbli li tipprovdi informazzjoni dwar il-katini ta' valur ta' prodott; ifakkar il-pożizzjoni tagħha mill-2010 li titlob lill-kumpaniji jippubblikaw il-bilanċi tagħhom tas-CSR u biex l-impriżi kollha juru diliġenza xierqa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-istrateġija tagħha dwar is-CSR biex tistabbilixxi rekwiżiti aktar b'saħħithom ta' rappurtar u ta' konformità, filwaqt li tiżgura implimentazzjoni aktar effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw il-promozzjoni tas-CSR fil-ftehimiet kummerċjali;

33.  Jistieden lill-UE sabiex twaqqaf pjattaformi ta' djalogu CSR li jġibu flimkien is-soċjetà ċivili, in-negozji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet oħra interessati;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika r-riżultati emerġenti tal-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri" li qiegħed jitwettaq mill-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli u l-Patt Globali tan-NU għal Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi tagħha stess u għad-djalogu tagħha ma' investituri meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali, u biex tappoġġa l-kunċett ta' "Unjoni tas-Swieq Kapitali Sostenibbli" permezz tal-appoġġ tal-kummerċ sostenibbli;

35.  Ifakkar li d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-elementi tax-xogħol tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali huma testi ewlenin fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; jitlob lill-Kummissjoni tkompli fuq l-inizjattivi tal-OECD u tan-NU billi tinkorpora l-istandards internazzjonali ġodda u żviluppati reċentement fil-leġiżlazzjoni tal-UE u biex tippromwovi rakkomandazzjonijiet ta' politika bbilanċjati u komprensivi, inkluża dimensjoni ta' żvilupp qawwija u sostenibbli fuq katini ta' valur globali, fil-laqgħa ta' Lulju 2016 tal-Ministri tal-Kummerċ tal-G20 f'Shanghai;

36.  Ifakkar li l-UE hija l-attur ewlieni fid-dinja f'termini ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar is-CSR; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv imġiba kummerċjali responsabbli fost kumpaniji tal-UE li joperaw barra minn pajjiżhom b'iffukar speċjali fuq l-iżgurar ta' konformità stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom li joħorġu jew mil-liġijiet nazzjonali jew minn kwalunkwe obbligu legali bilaterali jew internazzjonali li l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom huma suġġetti għalihom, mhux l-inqas il-konformità mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jissuġġerixxi wkoll, biex jintlaħaq dan l-għan, li l-Kummissjoni tkun involuta b'mod attiv mal-pajjiżi sħab tagħha fl-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kompetenzi dwar modi u mezzi kif jittejjeb l-ambjent kummerċjali u l-għarfien dwar imġiba kummerċjali responsabbli;

37.  Jinnota li l-aġenda tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) trid tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u tal-pajjiżi sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ta' kummerċ u ta' investiment li jinvolvu l-għoti ta' tikketti, l-għoti ta' aċċess preferenzjali għall-kuntratti pubbliċi tal-UE u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' appoġġ għall-SMEs li se jħeġġu u jippremjaw kumpaniji li jintroduċu strateġiji tas-CSR;

39.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbira l-inklużjoni tar-rappurtar tad-drittijiet tal-bniedem minn negozji kbar fid-Direttiva tal-UE dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jittrasponu d-Direttiva malajr u b'mod effettiv; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Prinċipji Gwida tal-Qafas ta' Rappurtar tan-NU, tar-Riferiment Korporattiv tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-objettiv ta' "rappurtar integrat", u jistieden lill-kumpaniji elenkati kollha tal-UE u l-partijiet interessati tagħhom biex jikkonformaw mal-ispirtu tad-Direttiva fi ħdan l-UE kif ukoll meta jsir kummerċ barra mill-UE;

40.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) dwar trattat internazzjonali li jżomm responsabbli korporazzjonijiet transnazzjonali għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

41.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tikkostitwixxi element kruċjali fil-valutazzjoni tal-Parlament tal-ftehimiet tal-kummerċ innegozjati mill-Kummissjoni; jitlob għal risposta dettaljata u f'waqtha mill-Kummissjoni għall-punti kollha mqajma f'din ir-riżoluzzjoni;

42.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf

(2)

https://www.wto.org/english/news_e/news15_e/mc10_19dec15_e.htm

(3)

http://unfccc.int/resource/docs/2015/cop21/eng/l09r01.pdf

(4)

http://eeas.europa.eu/human_rights/docs/2014-hr-annual-report_en.pdf

(5)

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/july/tradoc_153591.pdf

(6)

Riżoluzzjoni, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 (A/RES/70/1)

http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

(7)

ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.

(8)

ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(9)

http://mneguidelines.oecd.org/text/

(10)

http://www.oecd.org/daf/inv/mne/GuidanceEdition2.pdf

(11)

(SWD(2015)0144) tal-14 ta' Lulju 2015 http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8374

(12)

http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/webdiaepcb2015d3summary_en.pdf

(13)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 101.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2015)0294.

(15)

Testi adottati, P7_TA(2010)0434.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2010)0445.

(17)

A/HRC/RES/26/9: http://www.ihrb.org/pdf/G1408252.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (13.4.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Godelieve Quisthoudt-Rowohl

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida riveduti tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO, il-qafas tal-Kumitat Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC), l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istandard ISO 26000 dwar il-Gwida għar-Responsabbiltà Soċjali,

–  wara li kkunsidra li l-abbozz tal-liġi Franċiża dwar id-'diliġenza dovuta' li javvanza l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u d-dikjarazzjoni li saret mill-President Juncker fis-Summit tal-G7 tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri", li qiegħed jiġi implimentat bhalissa fl-ambitu tal-inizjattiva tal-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) u l-Patt Globali tan-NU,

A.  billi, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

B.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) itenni li l-azzjonijiet esterni tal-UE jridu jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-konformità mal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;

C.  billi r-rabta bejn il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem, fuq naħa, u l-istandards soċjali u ambjentali, fuq in-naħa l-oħra, saret parti integrali mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE; billi l-politiki tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi għandhom ikomplu jiġu integrati permezz ta' politiki oħra tal-UE b'dimensjoni esterna, fosthom il-politika kummerċjali; billi l-UE għandha tuża l-politika kummerċjali biex tkompli fl-għan li jiġu stabbiliti standards globali għoljin fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet ambjentali;

D.  billi l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali ambizzjużi qed jippromwovu u jsaħħu s-sistema globali tal-kummerċ ibbażata fuq regoli; billi kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu kkunsidrati wkoll qabel ma jiġu konklużi n-negozjati kummerċjali f'ambjent b'saħħtu u trasparenti; billi l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-istrumenti rilevanti l-oħra kollha inkluża l-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, jimmiraw li jrawmu dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-politika kummerċjali;

E.  billi fis-26 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta riżoluzzjoni dwar l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma intergovernattiv bir-responsabbiltà li jniedi proċess li jwassal għall-introduzzjoni ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra fil-qafas tal-liġi internazzjonali;

F.  billi l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin, u l-komunità kummerċjali, filwaqt li hija obbligata tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, jista' jkollha wkoll rwol importanti biex jiġu offruti inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u r-responsabilità korporattiva; billi l-UE żvolġiet rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u r-rispett tal-istandards internazzjonali, inklużi l-ġustizzja soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' negozji Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva mhux diskriminatorja huwa rikonoxxut; billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem iżid il-fehim reċiproku u l-valuri komuni bħall-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Ifakkar li l-UE hija impenjata li tippromwovi b'mod koerenti u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi fil-politiki kollha tagħha, inkluża l-politika kummerċjali, u fl-istrumenti ta' finanzjament estern rilevanti kollha tagħha;

2.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-istrateġija kummerċjali tal-UE tkun għodda għall-promozzjoni ta' valuri demokratiċi fil-pajjiżi terzi; jilqa', għaldaqstant, it-tisħiħ tal-ftehimiet kummerċjali u tal-programmi kummerċjali preferenzjali bħala xprun biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, jiġi eliminat ix-xogħol furzat u tat-tfal, u biex jiġu garantiti s-sigurtà tal-ikel u d-drittijiet għas-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u standards għoljin ta' sikurezza u dawk ambjentali, kif ukoll opportunitajiet ekonomiċi għal kulħadd;

3.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida "Kummerċ għal Kulħadd", kif ukoll ir-referenza għar-responsabbiltà soċjali korporattiva li issa qed tiġi inkluża fil-ftehimiet kummerċjali u bilaterali oħrajn kollha tal-UE; jistieden lill-UE tipproponi miżuri ta' segwitu xierqa, bħal mekkaniżmu ta' lmenti, u biex tindirizza nuqqasijiet li jista' jkun hemm fi ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment, kif ukoll taġġorna l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

4.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissodisfa l-impenn tagħha li tinkludi d-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istudji ta' valutazzjonijiet tal-impatt tagħha tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, miżuri ta' implimentazzjoni u ftehimiet kummerċjali; itenni li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom iwasslu għal titjib fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u fil-mekkaniżmi stabbiliti fil-ftehimiet kummerċjali u fil-politiki; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex b'mod sistematiku twettaq tali valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ex post, u biex ittejjeb il-kwalità u l-komprensività; jinsab imħasseb ferm dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, u jtenni l-appoġġ tiegħu għal valutazzjoni komprensiva dwar il-Vjetnam, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, li titwettaq fil-qafas tal-evalwazzjoni ex post ta' dak il-Ftehim u b'segwitu għal valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà mnedija fl-2009; jilqa' l-isforzi ta' koordinament fil-livell internazzjonali, speċjalment mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, bl-għan li jiġu infurzati l-prinċipji internazzjonali maqbula u l-konvenzjonijiet iffirmati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni sistematika ta' klawsoli ta' kundizzjonalità dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha, inklużi fil-ftehimiet kummerċjali, bejn l-UE u pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa għal rieda politika li jiġu nfurzati l-impenji li saru minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-membri kollha tan-NU; jitlob li dawk il-prinċipji u l-istandards ta' responsabbiltà korporattiva internazzjonali oħra jiġu invokati b'mod konsistenti minn rappreżentanti tal-UE fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-UE tappoġġa s-soċjetà ċivili f'pajjiżi terzi fil-kontribut tagħhom għall-valutazzjonijiet tal-impatt;

6.  Jistieden, barra minn dan, lill-Kummissjoni biex, b'mod sistematiku, timmonitorja l-implimentazzjoni tal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi sħab; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-salvagwardji meħtieġa bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-impatti negattivi possibbli ta' ftehimiet kummerċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, u biex tqis l-input provdut minn gruppi konsultattivi domestiċi u kumitati konsultattivi konġunti, kif ukoll biex tistabbilixxi monitoraġġ adegwat, mekkaniżmi ta' lmenti u ta' infurzar biex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-investituri jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Globali tan-NU, il-Linji Gwida riveduti tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO u l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali u fl-istess ħin tinkoraġġixxi, tassisti u tissorvelja l-konformità tas-sħab kummerċjali kollha ma' dawn il-prinċipji internazzjonali; iqis li l-aspett ta' aċċess għal rimedji għandu jissaħħaħ fil-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u fl-istrateġija tal-UE skont il-Prinċipji Gwida; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-Prinċipji u tal-Patt Globali; jilqa' l-ħidma li saret s'issa mill-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv (IGWG), u jħeġġeġ lill-membri kollha tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fin-negozjati; Jilqa' l-istudju dwar it-trattament ta' ksur korporattiv serju tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' rimedju ġudizzjarju li twettaq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Iskema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SĠP) l-ġdida (Regolament (UE) 978/2012) fl-1 ta' Jannar 2014; ifakkar li l-pajjiżi sħab huma meħtieġa li jimplimentaw is-27 konvenzjoni internazzjonali ewlenija dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema elenkati fir-regolament tal-SĠP; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-konvenzjonijiet minn benefiċjarji tal-SĠP+; jitlob li jitkompla d-djalogu mal-pajjiżi SĠP+, billi b'dan il-mod l-UE jista' jkollha l-aktar impatt fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u tkun lesta li tissospendi l-benefiċċji tal-SĠP+ fl-aktar każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

9.  Jilqa' l-inklużjoni ta' rapportar dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-kumpaniji l-kbar fid-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju tal-UE, u jitlob għall-implimentazzjoni rapida tagħha; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal-Linji Gwida tal-OECD bħala mezz ta' tisħiħ tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-kummerċ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' mekkaniżmi ta' trasparenza u ta' kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-pajjiżi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Prinċipji Gwida tal-Qafas ta' Rappurtar tan-NU, ir-Riferiment Korporattiv tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-objettiv ta' "rappurtar integrat", u jistieden lill-partijiet interessati kollha jikkonformaw mad-Direttiva msemmija hawn fuq;

10.  Jenfasizza li l-istrateġija tal-UE "Kummerċ għal Kulħadd" timpenjaha li ssaħħaħ l-inizjattivi ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, u jenfasizza li dan għandu jfisser forom ġodda ta' azzjoni fil-livell tal-UE, inkluż l-ilħuq ta' qbil dwar pjan ġdid ta' azzjoni tas-CSR tal-UE sal-2020;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-riżultati emerġenti tal-"proġett għar-realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri", li qed jiġi implimentat bħalissa fil-qafas tal-Prinċipji ta' Investiment Responsabbli tan-NU u tal-Patt Globali tan-NU, lill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) tal-UE stess, lid-djalogu tagħha ma' investituri, u fl-appoġġ tal-kunċett ta' "unjoni tas-swieq kapitali sostenibbli".

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Jaromír Štětina, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio López-Istúriz White, Tokia Saïfi, György Schöpflin, Igor Šoltes, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Georgios Epitideios, Claudiu Ciprian Tănăsescu


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (11.11.2015)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lola Sánchez Caldentey

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-politiki ta' kummerċ u ta' investiment tal-UE huma interkonnessi mal-politiki dwar il-protezzjoni soċjali, tal-iżvilupp, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ta' politika koerenti għall-iżvilupp fil-politiki esterni kollha u, b'mod speċifiku, tinkludih fit-trattati kollha b'mod konsistenti mal-impenji maqbula fuq livell internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bnidem, ix-xogħol deċenti, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-sostenibbiltà ambjentali;

2.  Ifakkar id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-Dritt għall-Iżvilupp, li jikkonferma d-dritt għall-iżvilupp bħala dritt tal-bniedem inaljenabbli; jistieden lill-UE tirrispetta, fi ħdan il-qafas tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, trattati oħra maqbula fuq livell internazzjonali u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, is-sovranità tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp skont il-prinċipju tal-iżvilupp ta' sjieda demokratika, kif inkorporata fl-aġenda għall-effikaċja tal-iżvilupp; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata d-dinjità tal-persuni u l-obbligi u d-dmirijiet tal-investituri kollha, biex jiġu garantiti l-istandards soċjali, ambjentali u dwar id-drittijiet tal-bniedem maqbula fuq livell internazzjonali, filwaqt li tiġi promossa l-kooperazzjoni effikaċi mal-partijiet kollha involuti fl-iżvilupp;

3.  Jistieden lill-UE tirrikonoxxi r-responsabbiltà komuni iżda differenzjata, tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp filwaqt li tiżgura ekwità meta tindirizza l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' wara l-2030 u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli; ifakkar ir-responsabbiltà tal-UE li tiggarantixxi l-kontribut u s-sjieda tal-pajjiżi sħab għall-iżvilupp tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tat-taxxa u tal-politiki tal-kummerċ u tal-investiment; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati mill-ġdid ir-regoli globali dwar il-kummerċ u l-investiment mal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jinstab bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-kumpaniji u tal-gvernijiet;

4.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti (li hija bbażati fuq konvenzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-ILO) tikkostitwixxi parti essenzjali tal-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli li jistgħu jiġu applikati mill-impriżi kummerċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li d-djalogu soċjali huwa kriterju ewlieni għall-obbligu ta' rendikont tal-impriżi;

5.  Jinnota li l-aġenda tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) trid tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u tal-pajjiżi sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali;

6.  Fi żmien ta' żieda fl-interess fis-settur privat bħala attur tal-iżvilupp, iqis bħala deplorevoli n-nuqqas sinifikanti ta' informazzjoni u trasparenza adegwata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-korporazzjonijiet u l-impatt tagħhom fuq l-istandards soċjali u ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-importanza ta' żieda effettiva fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont tal-korporazzjonijiet u analiżi indipendenti tal-impatt ex-ante qabel l-iffirmar ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali, inkluż ftehimiet kummerċjali; jappella, fl-ambitu tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, għal mekkaniżmu b'saħħtu ta' monitoraġġ u infurzar sabiex jiġi żgurat b'mod effikaċi li l-korporazzjonijiet jirrispettaw l-istandards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu miżuri vinkolanti biex jiżguraw li korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom, u biex jippromwovu rapportar obbligatorju pajjiż b'pajjiż mis-settur privat, u b'hekk jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi;

7.  Ifakkar li l-inklużjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jkun fil-qalba tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; itenni li, fi żmien meta qiegħed jiżdied l-użu ta' finanzjament imħallat bħala għodda tal-UE għall-iżvilupp, ir-rispett u l-implimentazzjoni ta' linji gwida u prinċipji rikonoxxuti fuq livell internazzjonali dwar l-imġiba tal-impriżi u l-istrumenti tal-obbligu ta' rendikont tagħhom (jiġifieri konvenzjonijiet u standards tal-ILO, inkluża d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-linji gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, il-Patt Globali tan-NU u l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem) għandhom ikunu kundizzjonijiet ewlenin għall-għoti ta' appoġġ għas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

8.  Jiddeplora l-fatt li minkejja l-approvazzjoni unanima tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2011, l-għadd ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' attività ta' negozju qiegħed ikompli jikber; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rapport dwar l-istat tal-implimentazzjoni dwar il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad ma hemmx qafas regolatorju għall-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, li jippermetti lil ċerti Stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jappella biex jitwaqqaf qafas regolatorju obbligatorju u infurzabbli li jirregola l-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali; jiddispjaċih li l-klawsoli attwali dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ftehimiet oħra ta' sħubija ekonomika ħafna drabi ma jiġux rispettati; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun aktar impenjata li tippromwovi klawsoli vinkolanti u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u ambjentali fin-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi inizjattivi obbligatorji u infurzabbli għat-tħaffir fil-minjieri, il-qtugħ tas-siġar u l-kisba tal-materja prima b'mod responsabbli, li jistgħu jinkludu skemi privati marbuta mas-sostenibbiltà tul il-katina tal-provvista, u tintensifika l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tal-proċessi fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali u soċjali, sabiex ittejjeb it-tagħrif mogħti lill-konsumaturi u tiżgura b'mod effikaċi l-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji;

11.  Jitlob lill-UE ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Komprensiv tal-UNCTAD għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex tiżgura investimenti responsabbli u trasparenti, b'tali mod li ma tippreġudikaw l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp u d-dinjità tal-persuni, filwaqt li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ix-xogħol deċenti, id-drittijiet tat-trade unions, il-ħarsien ambjentali, il-protezzjoni soċjali, l-aċċess universali għal prodotti u servizzi pubbliċi ta' kwalità (b'attenzjoni partikolari għas-saħħa pubblika u l-kopertura tas-saħħa universali), il-protezzjoni soċjali, l-aċċess universali għall-mediċini, u s-sikurezza alimentari u tal-prodotti;

12.  F'kuntest li fih standards, prinċipji u mekkaniżmi eżistenti għal rimedju dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem huma frammentati fid-dritt internazzjonali, jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles u fi ftehimiet ta' sħubija ekonomika, kif ukoll kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli; iqis li dawn il-klawsoli jwittu t-triq għal kooperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha; ifakkar ir-responsabbiltà tal-Istati li jiżguraw ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi ftit li xejn sar progress fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Programm tan-NU għall-Ambjent dwar trattat internazzjonali li jżommu korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur ta' standards ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig, Joachim Zeller

1


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (21.3.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tiziana Beghin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jitlob li l-osservanza tat-tmien standards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, tal-erba' Konvenzjonijiet ta' Prijorità tal-ILO għall-pajjiżi industrijalizzati u tal-liġi rilevanti tal-UE tiġi inkluża permezz ta' klawsola soċjali fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali kollha tal-UE, u li dawn l-istandards jiġu applikati; iqis li huwa neċessarju li l-intrapriżi jingħataw inċentivi biex jimpenjaw ruħhom favur ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u jieħdu miżuri proattivi biex jidentifikaw u jipprevjenu kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ambjentali, il-korruzzjoni jew l-evażjoni fiskali, anke fis-sussidjarji u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; jirrimarka l-importanza li jiġu osservati l-istandards minimi tax-xogħol f'pajjiżi terzi u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, bl-involviment tas-sħab soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata mhux biss ir-ratifika, iżda wkoll l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards, li tirrikjedi persunal adegwat fl-ispettorati tax-xogħol f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO;

2.  Ifakkar li d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-elementi tax-xogħol tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, huma testi fundamentali marbuta mar-responsabbiltà soċjali korporattiva, u jenfasizza li d-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi (DĠ Impjiegi) tal-Kummissjoni jrid ikompli jkollu rwol mexxej fil-koordinazzjoni konġunta tal-politika tal-UE dwar is-CSR;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-istrateġija mġedda tal-UE għall-perjodu 2011-2014 fil-qasam tas-CSR, filwaqt li tikkunsidra b'mod xieraq it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika;

4.  Ifakkar fl-interrelazzjoni bejn l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-politika ta' żvilupp fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u r-rwol importanti li l-UE għandu jkollha fil-promozzjoni ta' dawn id-drittijiet u standards, partikolarment fil-politika ta' kummerċ barrani u l-ftehimiet relatati;

5.  Jenfasizza li s-CSR għandha tradizzjoni Ewropea twila u li n-negozji soċjalment responsabbli llum ta' eżempju;

6.  Jenfasizza, li minbarra l-impatt tagħha fuq livell globali, is-CSR għandha impatt fuq il-livell lokali u dak reġjonali, u li dan l-impatt għandu jiġi rikonoxxut u mrawwem;

7.  Jemmen li l-politika tat-tassazzjoni ta' negozju għandha titqies bħala parti integrali mis-CSR u li l-imġiba soċjalment responsabbli ma tħalli l-ebda lok għal strateġiji maħsuba biex jevadu t-taxxa jew jisfruttaw ir-rifuġji fiskali;

8.  Jitlob li l-ILO tkun involuta fil-ħidma tad-WTO billi tingħata l-istatus ta' osservatur fid-WTO kif ukoll id-dritt li titkellem fil-konferenzi ministerjali tad-WTO; iqis li l-ILO għandha wkoll tkun involuta f'negozjati dwar ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali; jitlob li c-CSR tiġi kkunsidrata kif xieraq fil-politika kummerċjali fil-livell multilaterali, fi ħdan il-fora internazzjonali li jrawmu s-CSR, speċjalment l-OECD u l-ILO, kif ukoll fi ħdan id-WTO;

9.  Iqis li l-kooperazzjoni eqreb fil-livell multilaterali se tippromwovi l-kisba ta' koordinazzjoni ġenwina bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali, li pereżempju, se tippermetti lill-ILO li twettaq rapporti tal-esperti indipendenti, sabiex id-dispożizzjonijiet tax-xogħol u tax-xogħol deċenti jiġu kkunsidrati kif xieraq fl-attivitajiet tad-WTO, bl-għan li ma jiġix ipperikolat l-iżvilupp soċjali;

10.  Jitlob li jissaħħaħ il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fi ftehimiet bilaterali u multilaterali permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar li jkun miftuħ għas-sħab soċjali, u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' responsabbiltà fil-każ ta' nonkonformità; jemmen li tali proċedura għandu jkollha konsegwenzi fil-każ li jiġi rreġistrat ksur tar-regoli tal-iżvilupp sostenibbli jew ksur ta' ċerti dispożizzjonijiet u standards tax-xogħol;

11.  Jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali li jmiss tal-UE ma' pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jingħataw aktar prominenza bħala parti mill-aġenda dwar ix-xogħol deċenti; jitlob l-appoġġ tekniku tal-UE għall-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li dawn ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ;

12.  Iqis li l-implimentazzjoni aktar effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem hija essenzjali bħala mezz biex jiġu rispettati l-istandards fundamentali tax-xogħol, soċjali u ambjentali fuq il-postijiet tax-xogħol;

13.  Jindika l-ħtieġa li fis-CSR jiġu inklużi oqsma ġodda bħall-organizzazzjoni tax-xogħol, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja; jenfasizza li s-CSR għandha tkopri, pereżempju, il-kwalità tax-xogħol, il-paga ugwali, il-prospetti għall-karriera u l-promozzjoni ta' proġetti innovattivi sabiex tgħin fil-bidla lejn ekonomija sostenibbli;

14.  Jemmen li l-politika soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem teħtieġ tiġi promossa permezz tad-diversi attivitajiet tal-UE, anke permezz ta' ftehimiet bilaterali; jinnota wkoll li l-ebda politika tal-UE ma għandha tfixkel il-politiki implimentati minn stati li huma parti mill-ftehimiet bilaterali dwar l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet individwali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiċi u l-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem jitwettqu qabel in-negozjati, u li jiġu applikati monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi ex post; ifakkar li klawsoli sospensivi eżistenti fil-ftehimiet bilaterali għandhom jiġu attivati f'każijiet fejn jiġi żvelat ksur serju tal-objettivi u/jew tal-istandards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem miftiehma;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta u tippromwovi, fil-ftehimiet kummerċjali kollha nnegozjati ma' pajjiżi mhux tal-UE, standards soċjali għolja f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li tiddefinixxi l-objettivi ewlenin biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol dinjituż, stabbli u paċifiku u jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-sħab soċjali fil-promozzjoni ta' din l-aġenda sabiex jiġu promossi impjiegi ta' kwalità u xogħlijiet deċenti b'mod aktar effettiv, biex jiġi żgurat rikonoxximent u rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, tiġi estiża l-protezzjoni soċjali u jiġi promoss id-djalogu soċjali; jistieden ukoll lin-negozji tal-UE jirrispettaw dawn l-objettivi fundamentali kemm fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll fin-negozjati ma' atturi mhux mill-UE;

16.  Jenfasizza li l-istrateġija Ewropea "Kummerċ għal Kulħadd" timpenja lill-UE sabiex "issaħħaħ l-inizjattivi tar-responsabbiltà soċjali korporattiva", u tenfasizza li dan għandu jfisser azzjoni ġdida fil-livell tal-UE, inkluża l-adozzjoni, sal-2020, ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE dwar is-CSR u mekkaniżmu fil-ftehimiet kummerċjali ġodda kollha li mhux sempliċiment jagħmlu referenza għas-CSR, in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem iżda jintroduċi mekkaniżmu ta' segwitu u ta' implimentazzjoni f'kull każ;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod proattiv u kostruttiv mal-OECD u l-ILO biex tiżviluppa approċċ globali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-ilbis;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali ġodda, bħal pereżempju l-ftehimiet mal-Awstralja u New Zealand, tistabbilixxi standards ġodda fuq bażi bilaterali għal ftehimiet kummerċjali demokratiċi, trasparenti u ġusti li jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala stadji importanti f'politika kummerċjali globali ġdida;

19.  Ifakkar li d-Djalogu Soċjali Ewropew jipprovdi opportunità integrali għas-sħab soċjali biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-CSR, u jħeġġeġ in-negozjar ta' ftehimiet qafas ġodda f'setturi partikolari biex jiġu avvanzati l-miri tas-CSR;

20.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw bħala prijorità r-rekord u l-impenn ippruvat ta' negozju lejn kondotta sostenibbli u etika fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kontraenti jużaw dawn il-kriterji f'konformità mad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku;

21.  Jenfasizza li s-CSR jista' jkollha rwol importanti fl-iżgurar tat-tkabbir ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli u tal-istandards tax-xogħol, u fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, speċjalment jekk tkun tinkludi standards ta' trasparenza adegwati u mekkaniżmi ta' responsabbiltà affidabbli; jissuġġerixxi li l-impriżi jinżammew aktar responsabbli f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija ġdida dwar is-CSR li tistabbilixxi rekwiżiti ta' rappurtar u ta' konformità aktar b'saħħithom, filwaqt li tiżgura implimentazzjoni aktar effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw il-promozzjoni tas-CSR fil-ftehimiet kummerċjali;

22.  Ikompli jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprojbixxi kull xorta ta' importazzjoni tal-UE ta' prodotti u servizzi li jużaw forom moderni ta' skjavitù jew xogħol furzat, speċjalment ta' gruppi vulnerabbli, jew li jiksru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ kostruttiv lill-intraprendituri li jieħdu impenn fil-kuntest tas-CSR, trawwem sħubiji sostenibbli tas-CSR madwar id-dinja kollha, pereżempju permezz tal-medjazzjoni attiva, u tieħu miżuri eżekuttivi biex tikkoordina dan ix-xogħol;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq inċentivi u tippromwovi l-użu tas-CSR, li trid tikkumplimenta l-liġijiet tax-xogħol u dawk ambjentali mingħajr ma qatt tissostitwixxihom;

25.  Jilqa' r-rwol tad-DĠ Impjiegi u tal-Kummissjoni fil-konvokazzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Istati Membri dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u jitlob li jkun hemm aktar djalogu u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri sabiex tiġi promossa l-istrateġija tal-UE dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-elementi tax-xogħol fir-rekwiżiti ta' rappurtar dwar l-impatti soċjali għan-negozji l-kbar inkorporati fid-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju(1); jistieden lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva malajr u b'mod effettiv; jistieden lill-kumpaniji elenkati kollha tal-UE u l-partijiet interessati tagħhom biex jikkonformaw mal-ispirtu tad-Direttiva, sabiex tiġi segwita ekonomija soċjalment aktar ġusta u sostenibbli;

27.  Jinnota l-attenzjoni dejjem tikber li qed tingħata lill-promozzjoni ta' prattiki tajbin ta' impjieg permezz tal-katini tal-provvista globali wara l-kollass tal-fabbrika Rana Plaza, l-introduzzjoni ta' abbozz ta' liġi Franċiża dwar "diliġenza dovuta" u d-dikjarazzjoni tal-President Juncker fis-Summit tal-G7 favur "azzjoni urġenti" biex titjieb ir-responsabbiltà fil-katini tal-provvista globali;

28.  Ifakkar fil-falliment kontinwu tal-UE fl-indirizzar tal-lakuna fil-ġustizzja marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem rigward "l-aċċess għar-rimedju" f'każijiet estremi meta jkun hemm telf massiv ta' ħajja tal-ħaddiema, bħat-traġedja ta' Bhopal; jitlob li jitressqu dispożizzjonijiet biex jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati Ewropej f'tali każijiet, meta rimedji insuffiċjenti jkunu disponibbli fil-pajjiżi terzi kkonċernati;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, speċjalment id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja tagħha, sabiex tressaq proposti biex tiffaċilita iktar l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati tal-UE għall-każijiet l-aktar estremi u xokkanti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tax-xogħol min-naħa ta' negozji bbażati fl-Ewropa, jew mis-sussidjarji, mis-sottokuntratturi jew mis-sħab kummerċjali tagħhom, kif rakkomandat mir-Rappreżentat Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Thomas Händel, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Morten Løkkegaard, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Lynn Boylan, Karima Delli, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Ivo Vajgl

(1)

Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (3.12.2015)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva

(2015/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Malin Björk

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi ftehimiet kummerċjali u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ jistgħu jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanza strutturali bejn is-sessi fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' xogħol, is-servizzi, ir-riżorsi, jew fl-introjtu, il-pożizzjoni tagħhom bħala konsumaturi, ir-rappreżentanza tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet, il-preżenza tagħhom f'pożizzjonijiet ta' ħiliet baxxi, u f'termini ta' regoli soċjali differenti applikabbli għall-irġiel u għan-nisa;

B.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv strateġiku hija essenzjali biex jinkisbu l-objettivi ġenerali tal-UE; billi l-Istrateġija attwali tal-UE għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015) tipprevedi li l-UE se tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tagħha tal-kummerċ bħala parti minn qafas usa' ta' żvilupp sostenibbli;

C.  billi kwalunkwe miżura li ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, l-istabilità tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-assigurazzjoni tal-qgħad u l-benefiċċji ta' kontra l-qgħad – bħal-liv imħallas, inkluż il-liv tal-ġenituri, u l-kura tas-saħħa – x'aktarx li tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema nisa, speċjalment dawk li jinsabu f'kundizzjonijiet estremament prekarji;

D.  billi ftehimiet kummerċjali komprensivi u bbilanċjati jista' jkollhom impatt pożittiv fuq ir-rata ta' mpjieg tan-nisa, li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-koeżjoni soċjali; billi, skont l-Artikolu 8 tat-TFUE, id-dimensjoni tal-ġeneru għandha tiġi inkorporata fl-attivitajiet kollha tal-UE, inkluż meta jiġu nnegozjati ftehimiet ta' kummerċ;

E.  billi l-ġeneru ma ssemmiex fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR) fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

F.  billi l-ħames objettiv tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli huwa l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi sal-2030;

G.  billi l-ftehimiet kummerċjali ma għandhom bl-ebda mod idgħajfu l-progress li għamlet l-UE, jew l-Istati Membri tagħha, fl-ugwaljanza bejn is-sessi;

H.  billi t-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti fil-forma ta' drittijiet legali, l-istandards soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u r-regolamenti ambjentali se jwasslu għal "armonizzazzjoni" lejn standards tax-xogħol aktar baxxi, kif ukoll il-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u s-settur tal-benesseri soċjali, li se jkollu impatt negattiv fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

I.  billi l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli u inklużivi iridu assolutament jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet;

J.  billi ma nistgħux nistennew li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ waħedha telimina l-inugwaljanzi bejn is-sessi, u din teħtieġ miżuri speċifiċi mfasslin apposta u riżorsi ekonomiċi sabiex tissorvelja l-impatt fuq in-nisa;

1.  Jitlob l-applikazzjoni vinkolanti tal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tagħha, peress li l-istandards tal-ILO huma partikolarment relevanti biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi minħabba l-prinċipji tagħhom ta' nondiskriminazzjoni fuq bażi ta' sess u ta' ugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll l-impenji internazzjonali għall-ħarsien tal-ambjent fil-ftehimiet tal-kummerċ preferenzjali tal-UE;

2.  Jitlob parteċipazzjoni wiesgħa, kontinwa u trasparenti mhux biss tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u t-trade unions b'mod partikolari, iżda wkoll ta' organizzazzjonijiet tal-ambjent, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp, f'konsultazzjonijiet u negozjati kummerċjali kif ukoll fit-tfassil tal-politika kummerċjali u l-implimentazzjoni relatata; iħeġġeġ lin-nisa u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa biex jipparteċipaw b'mod attiv u jressqu inizjattivi u informazzjoni rilevanti għan-negozjati;

3.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u responsabilità għal organizzazzjonijiet lokali fil-formulazzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ internazzjonali u politiki kummerċjali nazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata konsistenza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

4.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-politika kummerċjali ma tmurx kontra r-regolazzjonijiet domestiċi dwar il-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza pubblika, is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni, is-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

5.  Jinnota l-inklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) fil-lista ta' konvenzjonijiet tal-iskema GSP+, u jitlob li jkun hemm monitoraġġ bir-reqqa dwar ir-rispett tal-benefiċjarji fir-rigward tal-obbligi tagħhom;

6.  Jistieden lill-UE tinkludi sistematikament klawsoli vinkolanti, infurzabbli u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-bniet u tan-nisa, fil-ftehimiet internazzjonali tal-UE, inkluż ftehimiet kummerċjali u ta' investiment li diġà ġew konklużi jew li għad iridu jiġu konklużi;

7.  Itenni l-importanza li tiġi attivata l-klawsola ta' sospensjoni fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-parti kontraenti l-oħra;

8.  Bl-istess mod ifakkar fl-impenn tal-UE lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tagħha u l-importanza li jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod minn bidliet soċjali, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, filwaqt li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni u jitħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa fid-dinja;

9.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-ftehimiet tal-kummerċ huma spiss negozjati mingħajr referenza speċifika għall-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, bħalma huma d-drittijiet għas-saħħa – u d-drittijiet assoċjati, inkluż għas-saħħa riproduttiva – l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-ikel, ix-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u l-ilma;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data u janalizzaw fil-fond l-impatt potenzjali speċifiku fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet, inkluż f'pajjiżi terzi, sabiex tiżdied il-koerenza fost il-politiki differenti iżda marbutin ma' xulxin, bħalma huma l-kummerċ, l-iżvilupp, l-impjiegi, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, abbażi ta' benchmarks ta' ugwaljanza bejn is-sessi u riżorsi, biex twettaq valutazzjonijiet ex ante u ex post tal-impatt ta' ftehimiet kummerċjali fuq in-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala parti minn evalwazzjoni usa' tal-impatt rigward l-iżvilupp tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa ta' data konkreta u affidabbli biex jiġu evalwati l-impatti abbażi tal-ġeneru ta' miżuri u strumenti differenti dwar il-kummerċ, pereżempju TTIP, TISA u CETA; jitlob li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti jiġu evalwati bir-reqqa, b'mod sistematiku u b'mod obbligatorju sabiex jiġi identifikat kull qasam li jista' jkollu effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

12.  Jenfasiza li l-politika tal-UE dwar il-kummerċ għandha tiżgura li l-kapaċità tal-istati li jirregolaw u jħarsu d-drittijiet tan-nisa, kif ukoll l-ambjent, id-drittijiet tal-konsumatur u tal-ħaddiema, ma jiġux imminati, u li l-korporazzjonijiet u l-investituri jinżammu responsabbli lejn il-poplu u l-gvernijiet għall-impatti tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aspetti soċjali, ambjentali u ta' żvilupp;

13.  Jitlob analiżi profonda tal-impatt, minn perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, tal-klima, tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tal-eżitu ta' ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali nnegozjati bejn l-UE u pajjiżi terzi;

14.  Jenfasizza li l-UE, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet kummerċjali, għandha tkun ikkonċernata mhux biss bit-titjib tal-istandards soċjali u ambjentali globali u b'mudell globali tal-kummerċ aktar ġust u ekwu, iżda wkoll bil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

15.  Jiddispjaċih li perspettivi dwar is-sessi sa issa fil-parti l-kbira ġew traskurati ħafna fil-qasam tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR); jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tagħha dwar is-CSR, billi tinkludi klawsoli tas-CSR fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali permezz ta' miżuri inklużivi, p.e. sabiex korporazzjonijiet iżidu r-rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fil-livelli kollha u biex jappoġġjaw it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, u biex jiżguraw kundizzjonijiet u drittijiet adegwati għan-nisa fuq il-post tax-xogħol fil-katina kollha tagħhom ta' provvista, u biex jevitaw li jakkwistaw materjal minn sorsi f'żoni ta' kunflitt fejn teżisti vjolenza mifruxa ħafna bbażata fuq is-sess;

16.  Jinnota li l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ma qisitx biżżejjed id-dimensjoni tas-sessi tal-politika kummerċjali tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-komunikazzjoni tal-15 ta' Ottubru 2015 dwar l-istrateġija ġdida tal-UE għall-kummerċ u l-investiment naqset milli tieħu kont tal-ġeneru;

17.  Jenfasizza li mudelli ta' negozju alternattivi bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, u impriżi soċjali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex imexxu 'l quddiem żvilupp u tkabbir sostenibbli u inklużivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromovu dawn il-mudelli alternattivi madwar l-UE, u fil-politiki dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

3.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

8

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Malin Björk, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Elisabeth Köstinger, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Beatrix von Storch, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Eleonora Forenza, Mariya Gabriel, Julie Girling, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Dubravka Šuica, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Kristina Winberg


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Ska Keller, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Agnes Jongerius, Sander Loones, Bolesław G. Piecha, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Eider Gardiazabal Rubial, Carlos Iturgaiz, Jan Keller, Dominique Martin, Giulia Moi, Jozo Radoš, Dario Tamburrano, Hermann Winkler

Avviż legali