Proċedura : 2015/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0220/2016

Testi mressqa :

A8-0220/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 17
CRE 04/07/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0299

RAPPORT     
PDF 961kWORD 437k
27.6.2016
PE 576.919v02-00 A8-0220/2016

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Tiziana Beghin

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO(1),

   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tat-8 ta' Lulju 2015 u tat-3 ta' Frar 2016, rispettivament;

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'',

  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fl-2015,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE(2),

  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar Strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi(3),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibilità tal-Bangladexx(4),

  Wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-Arranġamenti Kummerċjali Preferenzjali huma ġestiti b'mod xieraq?",

  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

  wara li kkunsidra r-Regolament tal-UE dwar l-injam maħsud illegalment, id-Direttiva tal-UE dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju, il-proposta tal-KE għal Regolament dwar il-minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti, il-klawżola dwar it-trasparenza tal-katini ta' provvista li tinsab fl-Att tar-Renju Unit dwar l-iskjavitù moderna u l-liġi Franċiża dwar id-dover ta' diliġenza,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020(5),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020(6),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(7),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(8),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(9),

  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar 2013, il-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Kummerċ tal-21 ta' Novembru 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-27 ta' Novembru 2015,

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali għar-rapport dwar it-trasparenza, ir-responsabilità u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE,

  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakech li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 24.2 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet,   wara li kkunsidra l-prinċipju ta' politika ta' koerenza għall-iżvilupp kif stipulat fit-TFUE,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali(A8-0220/2016),

A.  billi l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu iżda mezz biex jinkisbu l-prosperità u l-ugwaljanza, jiġu promossi l-opportunitajiet tan-negozju, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, il-progress soċjali u l-fehim kulturali u jiżdiedu l-impjiegi u l-istandards ta' għajxien mingħajr ma tiżdied in-nefqa pubblika;

B.  billi ma jistax ikun hemm protezzjoni mingħajr ftehimiet kummerċjali, u ebda ftehim kummerċjali mingħajr protezzjoni;

C.  billi l-politika kummerċjali komuni (CCP) għaddiet minn bidla profonda mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009; billi l-kummerċ ma joperax b'mod iżolat, iżda huwa pjuttost marbut ma' ħafna politiki oħra u jiddependi fuqhom; billi n-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali u ta' investiment għandhom imorru lil hinn minn sempliċement it-tnaqqis tat-tariffi, peress li hemm sfidi kumplessi attwali fi kwistjonijiet regolatorji u l-konverġenza fuq l-istandards internazzjonali;

D.  billi – mingħajr ma jiġi kkontestat il-kontribut tal-kummerċ ħieles għat-tkabbir ekonomiku – ma kienx hemm dibattitu serju fl-Unjoni Ewropea dwar l-ispejjeż ta' politiki ta' kummerċ ħieles (bħall-aġġustamenti fil-livell tal-industrija: għeluq ta' impriżi, telf ta' impjiegi fl-industrija tal-manifattura, trasferiment ta' industriji sħaħ lejn pajjiżi terzi, u żieda fl-importazzjonijiet) u l-analiżi globali tal-ispiża/benefiċċju tal-politiki ta' kummerċ ħieles; billi n-nuqqas ta' tali dibattitu onest wassal lil diversi partijiet interessati biex iqiegħdu fid-dubju l-loġika u d-direzzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE u l-politiki tal-UE b'mod ġenerali, u billi dibattitu onest jevita dan ir-riżultat sfortunat;

E.  billi l-kapaċità żejda dinjija f'setturi ewlenin tal-industrija u l-iżbilanċ riżultanti fil-kummerċ bdew ixejnu l-fiduċja li l-kumpaniji tal-UE u l-industriji għandhom fis-saħħa tal-politika kummerċjali tal-UE;

F.  billi, fi żminijiet ta' tkabbir ekonomiku baxx, il-kontribut tal-kummerċ barrani għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea huwa ta' importanza kruċjali fil-kisba ta' riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu, u għall-kontribut ta' impjiegi diċenti u tkabbir ekonomiku sostenibbli u ugwaljanza fl-Ewropa u lil hinn;

G.  billi l-politika kummerċjali ta' ġenerazzjoni ġdida għandha tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-trasparenza u l-parteċipazzjoni, l-istat soċjali u l-impjiegi, għandha tindirizza l-aspettattivi tan-negozji fl-ekonomija globali u interkonnessa, il-ġlieda kontra l-faqar, u l-ħtieġa li tiġi ggarantita distribuzzjoni aktar ekwa tal-qligħ mill-kummerċ u tindirizza kwistjonijiet ġodda, bħal pereżempju l-kummerċ diġitali u r-rwol ewlieni tal-SMEs;

H.  billi negozjati kummerċjali attwali ġabu l-politika kummerċjali tal-UE għall-attenzjoni tal-pubbliku, u billi aktar u aktar ċittadini huma interessati fil-politika kummerċjali u inkwetati li r-regolamenti u l-istandards Ewropej u nazzjonali jistgħu jiġu mhedda mis-CCP;

I.  billi l-Kummissjoni għamlet wegħda ċara li ebda ftehim kummerċjali mhu se jbaxxi l-livelli ta' protezzjoni regolatorja, u li kwalunkwe bidla f'termini ta' livelli ta' protezzjoni tista' ssir biss biex dawn jitjiebu u li d-dritt għar-regolamentazzjoni dejjem se jiġi protett;

J.  billi qed jitressqu dubji miċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-SMEs tal-UE dwar jekk l-assoċjazzjonijiet kbar tal-industrija jirrappreżentawx verament l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, tal-kumpaniji tal-UE u b'mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea;

K.  billi l-kooperazzjoni regolatorja fil-ftehimiet kummerċjali trid tiżgura l-ogħla livell ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza bi qbil mal-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE;

L.  billi t-trasparenza teħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jivverifikaw li l-pożizzjonijiet ippreżentati mill-industriji tal-UE jirriflettu effettivament l-opinjonijiet tal-industrija tal-UE;

M.  billi l-politika kummerċjali u tal-industrija tal-UE għandha tissaħħaħ, u dan mhux biss billi jiġu żgurati riżultati tajba f'termini ta' impjiegi u ħolqien tal-ġid għaċ-ċittadini u n-negozji, iżda wkoll billi jissaħħu d-drittijiet ambjentali u soċjali u jiġi ggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza, impenn u responsabilità, billi jinżamm djalogu kostanti man-negozji, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, il-partijiet interessati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u billi jiġu stabbiliti linji gwida ċari fin-negozjati;

N.  billi r-regoli tal-oriġini jiddeterminaw il-portata reali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, peress li dawn jiddeterminaw liema oġġetti tassew jibbenefikaw minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles, iżda spiss jitħallew barra fid-dibattiti pubbliċi dwar il-politika tal-kummerċ u s'issa għadhom ma ġewx analizzati mill-Parlament;

O.  billi, fil-politika tagħha dwar il-kummerċ u n-negozjati kummerċjali li hija twettaq, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu kont tas-sensittività ta' ċerti setturi f'termini ta' ftuħ tas-suq, b'mod partikolari s-settur agrikolu;

P.  billi, abbażi tal-previżjonijiet, sal-2050 l-UE-28 se tirrappreżenta 15 % biss tal-PDG dinji, meta mqabbel ma' 23.7 % fl-2013, u billi, mill-2015, 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji huwa ġġenerat barra l-UE u billi r-rata ta' tkabbir tal-ekonomiji emerġenti qed tonqos b'mod konsiderevoli;

Q.  billi attwalment l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, u tikkontrolla terz tal-kummerċ dinji, u billi sal-2020 huwa previst li dan se jinżel għal madwar 26 %;

R.  billi l-ftehimiet kummerċjali u n-negozjati futuri għandhom iqisu u jkunu konsistenti mal-pożizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA);

S.  billi huwa ċar li ċ-ċentru tal-ħolqien tal-ġid qed jersaq lejn il-Lvant, lejn ir-reġjun Asja-Paċifiku, filwaqt li ċ-Ċina, li diġà qabżet lill-Ġappun u probabbilment ser taqbeż lill-Istati Uniti biex issir l-akbar ekonomija tad-dinja fl-2025; billi dan jindika li l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp qed ilaħħqu mal-grupp ta' pajjiżi industrijalizzati u se jilħqu l-istadju ta' ekonomiji maturi;

T.  billi fatturi varjabbli oħra bħalma huma t-tibdil demografiku se jkollhom ukoll impatt negattiv fuq il-pożizzjoni tal-UE fix-xena tal-kummerċ dinji; billi s-sehem tal-UE mill-popolazzjoni tad-dinja huwa mistenni li jonqos minn 7,1 % fl-2013 għal 5,3 % fl-2060;

U.  billi ġie stmat li l-flussi transkonfinali ta' kapital, prodotti, servizzi u data żiedu USD 7.8 triljun għall-ekonomija globali fl-2014, u l-valur miżjud tal-flussi ta' data biss kopra USD 2.8 triljun ta' dak it-total, u għahekk huwa aktar minn USD 2.7 triljun stmat għall-kummerċ fil-prodotti;

Adattament aktar rapidu għax-xejriet kummerċjali globali li qed jinbidlu malajr

1.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni "Kummerċ għal kulħadd – lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" u, b'mod partikolari, l-approċċ ġdid ta' elementi bħalma huma l-ġestjoni responsabbli tal-katini ta' provvista, is-suq diġitali dinji, il-kummerċ fi prodotti u servizzi diġitali, il-kummerċ ġust u etiku, u l-kost soċjali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe politika kummerċjali futura trid tiġġieled kull forma ta' protezzjoniżmu, inkluż it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli nontariffarji għall-kummerċ, u tiżgura aċċess ġdid għas-suq, speċjalment għall-SMEs; ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tkun imwettqa kif suppost biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli; jiddeplora d-dewmien tal-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija ġdida, peress li l-Parlament kien talab li sas-sajf tal-2012 tiġi ppreżentata strateġija kummerċjali riveduta għaż-żmien medju u twil;

2.  Jemmen bis-saħħa li, filwaqt li s-servizzi jammontaw għal madwar 70 % tal-PDG fl-UE, u ser jipprovdu 90 % tal-impjiegi futuri, is-settur tal-manifattura tal-UE huwa komponent vitali għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa u, għalhekk, l-istrateġija għandha tiffoka aktar fuq ir-rwol tas-settur tal-manifattura tas-CCP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab kummerċjali biex tiżgura li s-swieq tagħhom ikunu aktar miftuħin għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari fit-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-akkwist pubbliku, hekk kif il-kumpaniji barranin kbar tagħhom għadhom jibbenefikaw minn aċċess wiesa' għas-suq intern tal-UE;

3.  Jirrikonoxxi li l-politika kummerċjali tal-UE hija ta' importanza ġeopolitika u ekonomika enormi għall-Ewropa biex tifforma l-globalizzazzjoni, issaħħaħ l-istandards internazzjonali u żżid l-aċċess għas-swieq barranin; jinnota li r-regoli internazzjonali se jkunu ffissati minn oħrajn, jekk ma naġixxux issa; jenfasizza li, fid-dawl tal-istatus tal-UE bħala l-akbar ekonomija fid-dinja, il-kummerċ sostenibbli u responsabbli huwa l-aktar għodda ta' politika qawwija li l-Unjoni għandha kemm biex tappoġġja l-interessi, l-investiment u n-negozju Ewropej kif ukoll biex tippromwovi l-valuri Ewropej barra mill-Unjoni, filwaqt li trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-investiment u toħloq impjiegi fi ħdanha stess; jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb is-sinerġiji bejn il-kummerċ u l-politiki tas-suq intern u jirrakkomanda li dawn il-politiki jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jilqa' l-wegħda tal-Kummissjoni li l-ebda ftehim kummerċjali mhu se jdgħajjef il-kisbiet tal-istandards Ewropej għall-ħarsien tal-konsumatur, inkluż fil-kuntest tar-rivoluzzjoni diġitali; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament se jkompli jikkontrolla mill-qrib li n-negozjati li għaddejjin bħalissa jirrispettaw din il-wegħda;

5.  Jisħaq fuq ir-rabta bejn is-suq uniku u l-politika kummerċjali tal-UE, li għandhom ikunu kompatibbli bis-sħiħ ma' xulxin u mal-politiki u l-valuri ġenerali tal-Unjoni; jemmen li kummerċ dinji miftuħ, responsabbli u ħieles, imsejjes fuq regoli globali effikaċi, trasparenti u b'saħħithom, huwa essenzjali biex is-suq uniku jkun jista' jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu billi jiffunzjona, jikber u jistinka għall-benefiċċju reċiproku taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u ta' daqs medju; ifakkar li l-ftuħ tal-kummerċ iwassal għal produttività akbar, iħeġġeġ żieda fil-kompetittività esterna mkabbra u diġà jappoġġja kważi wieħed minn seba' impjiegi fis-suq uniku minbarra li jġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-konsumatur;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment l-istrateġija kummerċjali u ta' investiment tagħha u tippreżenta pubblikament kull sentejn rapport ta' implimentazzjoni dettaljat lill-Parlament mill-2017, sabiex jiġi żgurat li twettaq il-wegħdiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dawn ir-rapporti l-progress tan-negozjati kummerċjali attwali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali attwali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha sabiex il-ftehimiet ta' kummerċ negozjati jkunu jistgħu jiġu preżentati lill-Parlament fi żmien iqsar, u b'hekk dawn ikunu jistgħu jiġu applikati proviżorjament jew jidħlu fis-seħħ aktar malajr;

Politika kummerċjali trasparenti u l-għoti ta' vuċi akbar liċ-ċittadini

8.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza u l-ftuħ fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali, u jappoġġja l-inizjattiva għat-trasparenza tal-Kummissjoni fir-rigward tat-TTIP; jirrikonoxxi li, wara għadd ta' talbiet mill-Parlament, il-Kummissjoni tejbet it-trasparenza tan-negozjati billi pprovdiet lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali aċċess għal dokumenti kklassifikati ta' negozjar u billi pprovdiet aktar informazzjoni lill-partijiet interessati; ifakkar li l-aċċess usa' għall-informazzjoni klassifikata mill-Membri tal-Parlament fin-negozjati dwar it-TTIP saħħaħ l-iskrutinju parlamentari, u b'hekk ippermetta lill-Parlament jassumi r-responsabilità tiegħu fil-qafas tas-CCP saħansitra aħjar; jitlob, għalhekk, li l-inizjattiva ta' trasparenza tal-Kummissjoni titwessa' biex tinkludi trasparenza sħiħa, il-possibilità ta' skrutinju pubbliku għal kull negozjati kummerċjali attwali u futuri, u biex jiġu kkonsultati l-pajjiżi sħab ħalli jinkoraġġixxu l-ogħla standards ta' trasparenza, biex ikun żgurat li dan ikun proċess reċiproku fejn il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE ma tiġix kompromessa u li jintlaħaq ftehim dwar livell ta' trasparenza mixtieq fl-ambitu tan-negozjati tal-eżerċizzji ta' stħarriġ; jenfasizza li trasparenza sinifikanti tista' ssaħħaħ l-appoġġ globali għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

9.  Jistieden lill-Kunsill jippubblika l-mandati ta' negozjar adottati qabel u dawk futuri fit-totalità tagħhom mingħajr dewmien;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm involviment b'saħħtu u bbilanċjat tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet u kampanji ta' komunikazzjoni online pubbliċi xierqa, sabiex jittejjeb il-kontenut tal-politika kummerċjali tal-UE u din tiġi orjentata lejn id-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità tagħha;

11.   Jenfasizza li, fil-kuntest ta' dan id-dibattitu dwar l-ambitu tan-negozjati kummerċjali, il-kooperazzjoni regolatorja għandha żżomm il-funzjoni primarja tar-regolamenti biex taqdi l-interess pubbliku; jenfasizza li l-kooperazzjoni msaħħa bejn ir-regolaturi għandha tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment permezz tal-identifikazzjoni tal-ostakli tekniċi mhux meħtieġa fuq il-kummerċ u l-piżijiet u l-formalitajiet amministrattivi duplikati jew obsoleti, li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-SMEs, filwaqt li ma tikkompromettix il-proċeduri tekniċi marbuta mal-istandards u r-regolamenti fundamentali, tippreserva l-istandards Ewropej dwar is-saħħa, is-sikurezza, il-konsumatur, ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali u d-diversità kulturali, u tipproteġi b'mod sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-awtonomija regolatorja tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; ifakkar li l-mekkaniżmi korrispondenti jridu jkunu bbażati fuq tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni u titjib tal-adozzjoni tal-istandards tekniċi internazzjonali, u jwasslu għal aktar konverġenza, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jdgħajfu jew jiddeferixxu l-proċeduri deċiżjonali demokratikament leġittimi ta' kull sieħeb kummerċjali; iħeġġeġ l-użu u l-ħolqien ta' standards tekniċi internazzjonali ulterjuri bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt, u l-isforzi kollha mmirati biex jiżguraw l-involviment sħiħ tas-sħab kummerċjali tagħna fil-korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni; ma jemminx, madankollu, li n-nuqqas ta' standard internazzjonali komuni għandu jimpedixxi r-rikonoxximent reċiproku ta' ekwivalenza, fejn xieraq, jew sforzi lejn standards trans-Atlantiċi komuni;

12.  Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jitħarsu l-interessi kummerċjali tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet mal-industrija dwar inizjattivi ta' kummerċ, tiżgura li l-assoċjazzjonijiet Ewropej verament jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tal-UE billi jirriflettu l-interessi ġenwini tal-industriji nazzjonali; jenfasizza li, fejn possibbli, id-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiġu ppubblikati, peress li t-trasparenza hija kruċjali biex jinkiseb l-appoġġ pubbliku għas-CCP; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2015, b'mod partikolari rigward l-aċċess għad-dokumenti għan-negozjati kollha;

Koerenza akbar bejn l-objettivi kummerċjali tal-UE u aspetti oħra tal-politika esterna tagħha fil-qasam tal-kummerċ għall-iżvilupp

13.   Ifakkar li s-CCP għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 21 tat-TUE u 208 tat-TFUE, u għandhom jippromwovu l-valuri sostnuti mill-UE, kif definit fl-Artikolu 2 tat-TUE; ifakkar li jeħtieġ tkun żgurata l-konsistenza bejn il-politiki esterni u dawk interni b'dimensjoni esterna; jenfasizza li l-UE għandha obbligu legali li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li huma s-sħab kummerċjali tagħha; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha r-responsabilità li tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex tipprevedi, tipprevjeni u tindirizza kwalunkwe impatt negattiv ikkawżat mis-CCP tagħha billi twettaq regolarment valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibilità, u konsegwentement tirrevedi l-ftehimiet kummerċjali kif meħtieġ; ifakkar li kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq biss, jekk ikun allinjat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), jista' jnaqqas l-inugwaljanza u jrawwem l-iżvilupp; ifakkar li l-SDGs jinkludu diversi miri relatati mal-kummerċ f'għadd ta' oqsma ta' politika, li fosthom waħda mill-aktar konkreti hi ż-żieda fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp bl-għan li s-sehem tal-esportazzjonijiet globali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati jirdoppja sal-2020;

14.  Jilqa' t-tnaqqis kbir, mill-1990 'l hawn, fl-għadd ta' persuni li jgħixu fil-faqar assolut, kif definiti mill-Bank Dinji; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi kkatalizzat l-investiment privat u pubbliku fil-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jiġu provduti oqfsa istituzzjonali u infrastrutturali li jippermettulhom li jieħdu aktar vantaġġ mill-benefiċċji offruti mill-kummerċ, u biex jgħinuhom jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jintegraw f'katini ta' valur mondjali, li jippermettilhom jispeċjalizzaw fi prodotti b'valur miżjud ogħla;

15.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u soċjali u s-sostenibilità ambjentali madwar id-dinja permezz tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tagħha, iżda jitlob li jsiru sforzi determinati biex jiġu implimentati u applikati bis-sħiħ il-kapitoli korrispondenti fil-prattika; jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-UE għandha responsabilità speċjali fir-rigward tal-impatt tal-politiki kummerċjali tagħha fuq il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati;

16.  Iqis il-migrazzjoni bħala waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-UE fis-seklu 21; jenfasizza li l-garanzija ta' koerenza fil-politika tal-UE fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-migrazzjoni; jiddispjaċih li dan ma ġiex rifless biżżejjed fl-istrateġija "Kummerċ għal kulħadd";

17.  Iqis li l-objettiv ta' żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) – b'mod partikolari għal pajjiżi sħab li jkunu għaddejjin minn kriżi ekonomika – għandu jkun, qabel kollox, titjib tanġibbli u sostenibbli tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' persuni ordinarji;

18.  Jenfasizza li dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-impenji dwar id-drittijiet tax-xogħol ibbażati fuq il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva (CSR), inklużi l-prinċipji tal-OECD għal kumpaniji multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom ikun vinkolanti u jridu jagħmlu parti sostanzjali mill-ftehimiet ta' kummerċ tal-UE permezz ta' impenji infurzabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE; iqis li, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli jsiru vinkolanti, jeħtieġ li jiġi implimentat "approċċ fi tliet stadji", li jkun jipprevedi konsultazzjonijiet fil-livell governattiv, gruppi konsultattivi nazzjonali u bordijiet ta' esperti li jinvolvu l-ILO, u, bħala l-aħħar rikors, id-dispożizzjoni ġenerali dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tal-ftehim li jintuża għall-indirizzar tat-tilwim bil-possibilità ta' sanzjonijiet finanzjarji; jirrimarka li l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali ma jkunux limitati għall-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, iżda jridu jkunu effettivi fl-oqsma kollha tal-ftehimiet kummerċjali;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmi effettivi ta' salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali; jappella, fl-istess ħin, għall-inklużjoni ta' mekkaniżmu ta' infurzar effettiv għad-drittijiet tax-xogħol u tal-ambjent li għalih il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem ma tapplikax; jitlob għal mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Parlament ikun jista' jitlob lill-Kummissjoni tibda investigazzjoni dwar ksur minn parti terza tal-obbligi tagħha skont klawsola tal-elementi essenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċess strutturat u mhux politiċizzat li jipprevedi li l-konsultazzjonijiet ma' sħab dwar suspett ta' ksur tal-obbligi previsti fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jitniedu abbażi ta' kriterji ċari;

20.  Jenfasizza l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) u l-possibilità li jintużaw mezzi aktar avvanzati sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

21.  Itenni l-importanza tar-rispett tar-regoli Ewropej u internazzjonali dwar il-kummerċ fl-armi, partikolarment it-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; jisħaq fuq il-fatt li l-politika kummerċjali tal-UE hija strument ta' diplomazija ekonomika li jista' wkoll jagħti kontribut għall-indirizzar tal-kawżi sottostanti tat-terroriżmu; jissottolinja l-fatt li l-leġiżlazzjoni effikaċi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet hija wkoll aspett fundamentali tal-politika kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' prodotti b'użu doppju bil-għan li ssegwi l-għanijiet strateġiċi u l-valuri universali tal-UE;

22.  Ifakkar li l-ILO tistma li, madwar id-dinja, hemm 865 miljun mara li, jekk ikunu sostnuti aħjar, jistgħu jikkontribwixxu b'mod aktar qawwi għat-tkabbir ekonomiku; jinnota li l-impriżi b'sidien nisa jirrappreżentaw lieva li mhix użata biżżejjed biex tingħata spinta lill-kompetittività, jitħaffef in-negozju u jiġi sostnut it-tkabbir; jiddikjara li l-politika kummerċjali jista' jkollha impatti differenti f'termini tal-ġeneru fid-diversi setturi tal-ekonomija u li hija meħtieġa aktar data dwar is-sess u l-kummerċ; jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax id-dimensjoni tas-sessi tal-ftehimiet kummerċjali fil-komunikazzjoni tagħha dwar "Kummerċ għal kulħadd"; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex tuża n-negozjati tal-kummerċ bħala għodda biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar id-dinja, kif ukoll biex tiżgura li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u jiġu protetti kontra l-effetti negattivi tagħha; jemmen li, għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-perspettiva tal-ġeneru tiddaħħal, b'mod orizzontali, fil-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ, u li għandha timmonitorja l-impatt tal-ġeneru tal-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira tal-Kummissjoni li bi ħsiebha twettaq reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), li se tivvaluta, b'mod partikolari, il-possibilità li jiġu estiżi l-preferenzi għal servizzi ta' din is-sistema; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-SĠP, inklużi l-iskemi tal-EBA u l-GSP+, huma għodod li jippermettu li jiġu sostnuti l-valuri fundamentali u li hemm bżonn li jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod effikaċi;

Katini ta' valur mondjali (GVCs) trasparenti li jirrispettaw il-valuri u l-istandards fundamentali mad-dinja kollha

24.  Jirrikonoxxi li l-internazzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-produzzjoni dinjija kkontribwiet għal opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u għal triq li toħroġ mill-faqar lil mijiet ta' miljuni ta' persuni bbażata fuq l-impjieg; ifakkar li, skont l-ILO, madwar 780 miljun nisa u rġiel attivi mhumiex qed jaqilgħu biżżejjed biex joħorġu mill-faqar; jenfasizza li l-espansjoni ta' katini ta' valur mondjali (GVCs) ħolqot opportunitajiet ta' xogħol, iżda li l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet tax-xogħol eżistenti u l-istandards ta' sikurezza fuq ix-xogħol – introdotti sabiex jipproteġu l-ħaddiema minn sigħat ta' xogħol twal iżżejjed u kundizzjonijiet inaċċettabbli – fil-pajjiżi ta' oriġini tibqa' kwistjoni urġenti; jinnota li l-GVCs inkoraġġixxu wkoll ċerti fornituri biex jinjoraw il-liġijiet tax-xogħol, jallokaw mill-ġdid l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom' il barra mill-UE, iqabbdu ħaddiema f'kundizzjonijiet perikolużi u inaċċettabbli, jitolbu sigħat ta' xogħol twal iżżejjed u jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet fundamentali tagħhom; ifakkar li dawn il-prattiki joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li huma konformi mal-liġijiet tax-xogħol u mal-istandards internazzjonali tax-xogħol u dawk ambjentali u għall-gvernijiet li jixtiequ jtejbu l-pagi u l-istandards ta' għajxien; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt taż-żieda tal-GVCs u tippreżenta proposti konkreti biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO u l-OECD; jenfasizza li l-integrazzjoni akbar tal-UE fil-GVCs għandha ssegwi żewġ prinċipji: is-salvagwardja tal-mudell soċjali u regolatorju Ewropew u l-iżgurar u l-ħolqien ta' tkabbir ekwu u sostenibbli u impjiegi diċenti fl-UE u għas-sħab tagħha; jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni tal-katini ta' valur iżżid il-kontenut tal-importazzjonijiet kemm tal-produzzjoni nazzjonali kif ukoll tal-esportazzjonijiet, u b'hekk tiżdied b'mod sostanzjali l-ispiża ta' miżuri protezzjonisti;

25.  Jemmen li l-politika kummerċjali trid tiżgura proċess trasparenti ta' produzzjoni matul il-katina ta' valur kollha, kif ukoll konformità mal-istandards fundamentali ambjentali, soċjali u ta' sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi dwar l-istandards ta' diliġenza dovuta għall-ktajjen ta' provvista li jmorru lil hinn mill-obbligi attwali mhux vinkolanti; jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni li taħdem mill-qrib mal-ILO u l-OECD biex tiżviluppa approċċ globali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment fis-settur tal-ħwejjeġ; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u vvalutati opportunitajiet settorjali jew ġeografiċi ġodda biex jinħolqu aktar inizjattivi responsabbli tal-katina tal-provvista; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni dwar is-CSR;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tavvanza l-qafas komprensiv għall-politika ta' investiment għall-iżvilupp sostenibbli tal-UNCTAD;

27.  Jitlob li l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-assistenza teknika jkunu ffukati fuq l-għoti tas-setgħa lill-produtturi fqar, l-impriżi mikro u żgħar, il-kooperattivi u n-nisa kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex jiżdiedu l-benefiċċji tagħhom riżultanti mis-swieq lokali u reġjonali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa leġiżlazzjoni intiża li tipprojbixxi l-importazzjonijiet ta' merkanzija prodotti permezz ta' kwalunkwe forma moderna ta' xogħol furzat jew skjavitù u, fl-istess ħin, issaħħaħ il-kontrolli bbażati fuq prinċipji etiċi fir-rigward tal-importazzjoni u l-ktajjen ta' provvista;

29.  Jenfasizza li protezzjoni aħjar tal-ispettru kollu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u infurzar aktar effikaċi huma ta' importanza fundamentali għall-integrazzjoni ulterjuri fil-GVCs;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jagħmlu użu sħiħ u effettiv mill-flessibilitajiet mibnija fil-Ftehim TRIPS, rikonoxxuti u kkonfermati mid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata fl-14 ta' Novembru 2001, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jipprovdu aċċess għal mediċini essenzjali bi prezzijiet għal but ta' kulħadd fil-qafas tal-programmi nazzjonali tagħhom għas-saħħa pubblika; ifakkar lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jissodisfa l-impenji tad-Dikjarazzjoni ta' Doha billi jiżgura li l-Kummissjoni tiggarantixxi b'mod espliċitu l-aċċess għall-mediċina meta tinnegozja d-dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika fil-qafas ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali futuri ma' pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, jew meta l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp ikunu se jipproċedu għall-adeżjoni mad-WTO; jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-talba ta' estensjoni għal proprjetà intellettwali farmaċewtika mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS tad-WTO li din tingħata għal 17-il sena biss;

31.  Jilqa' l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-kummerċ ġust fil-komunikazzjoni "Kummerċ għal kulħadd", u jitlob lill-Kummissjoni li tesegwixxi bi prijorità l-impenji tagħha li tuża l-istruttura eżistenti għall-implimentazzjoni tal-FTAs biex tippromwovi l-kummerċ ġust, biex tippromwovi skemi ta' kummerċ ġust għall-produtturi żgħar f'pajjiżi terzi permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE u biex tiżviluppa attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fl-UE, bħal pereżempju "Belt tal-UE għall-Kummerċ Ġust u Etiku";

32.  Jemmen li t-teknoloġiji l-ġodda u l-internet jipprovdu għodda ġdida għat-traċċabilità tal-prodotti fil-katina tal-provvista;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tas-servizzi bankarji fl-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-UE tappoġġja azzjoni biex issaħħaħ l-aċċess għas-servizzi bankarji fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp;

34.  Jilqa' l-aħbar tal-Kummissjoni li għandha l-intenzjoni li timmodernizza r-regoli tal-oriġini, peress li dawn ir-regoli jikkostitwixxu ostaklu dejjem akbar għall-kummerċ meta x-xejriet tal-kummerċ huma ddominati minn katini ta' valur mondjali; jenfasizza li l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini għandha tkun prijorità fl-FTAs kollha li tinnegozja l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, taħdem għall-flessibilità tar-regoli tal-oriġini, inklużi rekwiżiti mhux daqstant eżiġenti marbuta mal-valur miżjud u bidla tas-sottokodiċi fis-sistema armonizzata;

Sabiex il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u s-segwitu tal-ftehimiet eżistenti jsiru prijorità ewlenija għall-politika kummerċjali tal-UE

35.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal sħubija msaħħa mal-Parlament u l-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun involut u infurmat bis-sħiħ, fi żmien debitu, fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż permezz ta' konsultazzjoni sistematika mal-Parlament qabel l-abbozzar ta' mandati ta' negozjar; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-Parlament dwar l-attivitajiet tagħha li jikkonċernaw l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni ma titlobx l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehimiet kummerċjali, inklużi l-kapitoli kummerċjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni, qabel ma l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu; ifakkar li dan jista' jdgħajjef serjament id-drittijiet tal-Parlament u joħloq inċertezza legali potenzjali fir-rigward tal-firmatarji l-oħra tal-ftehim u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati; ifakkar u jilqa' l-impenji tal-Kummissarju għall-Kummerċ f'dan ir-rigward, iżda jirrakkomanda bil-qawwa li dan l-arranġament jiġi formalizzat fil-ftehim interistituzzjonali l-ġdid;

37.  Jikkunsidra li, fil-każ ta' ftehimiet imħallta, il-prattika li diġà ġiet ittestjata, fejn ftehim jiġi applikat b'mod proviżorju biss wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens waqt l-istennija tar-ratifika tal-parlamenti nazzjonali, tkun l-aħjar bilanċ bejn is-sorveljanza demokratika u l-effiċjenza;

38.  Jinsisti li l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u s-segwitu tal-ftehimiet eżistenti għandhom isiru prijorità ewlenija tas-CCP; jistieden lill-Kummissjoni terġa' talloka riżorsi adegwati sabiex jippermettu lid-DĠ Kummerċ jimmonitorja aħjar il-ftehimiet kummerċjali li jeħtieġu jiġu implimentati fid-dawl tal-aġenda dejjem akbar ta' negozjati; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi indikaturi speċifiċi, biex tiżgura l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u tippreżenta, pubblikament u regolarment, rapport sostanzjali u ddettaljat dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament li jindika, pereżempju, il-prestazzjoni tal-industriji tal-UE u l-impatt tal-ftehimiet fuq setturi differenti u l-ishma tas-suq rispettivi tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità u l-preċiżjoni taż-żewġ valutazzjonijiet ex ante u ex post ibbażati fuq metodoloġija riveduta; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ppreżentata dejjem valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva tas-sostenibilità għall-inizjattivi fil-qasam tal-politika kummerċjali, b'mod partikolari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni reċenti tal-Ombudsman dwar l-ilment 1409/201/JN dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam; jenfasizza li l-valutazzjonijiet għandhom tal-inqas jinkludu: is-setturi ekonomiċi sensittivi; id-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u ambjentali; u l-agrikoltura u l-produzzjonijiet lokali f'reġjuni ultraperiferiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' valutazzjonijiet interim u ex post u dwar il-kwalità baxxa ta' dawk li saru, kif muri fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 02/2014; jinsisti li l-evalwazzjonijiet interim u ex post ta' kwalità ogħla għandhom jitwettqu fir-rigward ta' kull ftehim kummerċjali sabiex dawk li jfasslu l-politika, il-partijiet interessati u l-kontribwenti tat-taxxa Ewropej ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-ftehimiet kummerċjali kisbux ir-riżultati maħsuba; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali li ġew konklużi b'enfasi speċjali fuq l-SMEs, il-ħolqien ta' impjiegi diċenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inkluż f'pajjiżi sħab, u biex tressaq miżuri addizzjonali biex tiżgura li l-pajjiżi l-anqas żviluppati jibbenefikaw mill-politiki kummerċjali tagħna;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament dwar il-prattika ta' pprezzar doppju u prattiki oħra li jikkawżaw distorzjoni fil-prezzijiet tas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, b'fokus speċjali fuq ir-riżorsi tal-enerġija, li jindika l-impatt ekonomiku ta' tali prattiki fuq l-ekonomija tal-UE u l-passi li l-Kummissjoni ħadet – fuq livell bilaterali, multilaterali u tad-WTO – biex telimina dawn il-prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tabolixxi l-prattika ta' pprezzar doppju u prattiki oħra li jikkawżaw distorsjoni fil-prezzijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mas-sħab kummerċjali kollha tagħha;

It-tkabbir tal-kummerċ dinji permezz ta' approċċ multilaterali fi ħdan id-WTO

41.  Jenfasizza li s-sistema ta' kummerċ multilaterali inkorporata fid-WTO għadha l-aħjar għażla biex tiġi garantita sistema miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li tqis u tibbilanċja l-bosta interessi varji tal-membri tagħha; itenni li l-Parlament jippromwovi b'saħħa l-aġenda multilaterali; jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li se jikkontribwixxi biex jissimplifika u jimmodernizza l-proċeduri doganali f'ħafna pajjiżi, li jagħmluha aktar faċli, imbagħad, għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jintegraw fis-sistema kummerċjali dinjija; jitlob l-implimentazzjoni rapida u korretta tal-ftehim mill-partijiet kollha;

42.  Jinnota li nkiseb titjib limitat fl-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Nairobi fl-2015; jirrikonoxxi d-differenzi fost il-membri tad-WTO dwar kif jipproċedu fir-rigward taċ-Ċiklu ta' Doha, inkluża l-ħtieġa għall-kunsiderazzjoni ta' approċċi ġodda biex jiġu solvuti kwistjonijiet pendenti fir-rigward tal-interessi differenti fi ħdan il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u l-LDCs, filwaqt li jirrikonoxxi responsabilità akbar għall-ekonomiji emerġenti bl-għan li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha; jilqa' l-impenn tal-UE għall-mira ta' EUR 400 miljun f'finanzjament fuq medda ta' ħames snin bħala appoġġ għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp, speċjalment l-LDCs, fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jinnota l-interess li qed juru xi wħud mill-membri tad-WTO biex jibdew jindirizzaw oqsma ta' negozjati ġodda, bħal – iżda mhux biss – l-investiment, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni u l-kummerċ diġitali; jemmen li l-eżitu tal-Konferenza Ministerjali ta' Nairobi jipprovdi opportunità biex tingħata ħajja ġdida lill-funzjoni ta' negozjar tad-WTO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva fir-riforma u t-tisħiħ tad-WTO, anki billi ssaħħaħ il-koordinazzjoni mal-ILO u ma' aġenziji tan-NU oħrajn relatati mal-ambjent – u mad-drittijiet tal-bniedem – sabiex tiġi żgurata inklużività, effikaċja, trasparenza u responsabilità akbar; ifakkar ir-rwol kruċjali tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) fil-bini ta' kapaċità u assistenza teknika relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u fl-LDCs; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom biex tiżdied l-AfT, biex il-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sehem akbar tal-valur miżjud fi ktajjen ta' valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' kummerċ ġust u etiku fir-reviżjoni li jmiss tal-Istrateġija AfT;

43.  Iqis negozjati plurilaterali, preferibbilment fi ħdan id-WTO (bħall-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA), il-Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali (EGA), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)), jikkostitwixxu biss it-tieni l-aħjar għażla, li toffri opportunità biex terġa' tingħata l-ħajja lill-progress fil-livell tad-WTO, iżda dan għandu jsir biss billi jinżamm bieb miftuħ sabiex Membri tad-WTO interessati jkunu jistgħu jingħaqdu; jemmen bis-sħiħ li, kemm jista' jkun, ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu ta' ambizzjoni suffiċjenti biex jiġu applikati abbażi tan-nazzjon l-aktar favorit fost il-membri kollha tad-WTO, u għandhom jaġixxu bħala elementi bażiċi għal ftehimiet multilaterali futuri; jenfasizza li l-politika kummerċjali għandha tintuża wkoll bħala għodda biex tiżdied il-kompetittività ta' prodotti ta' benefiċċju għall-ambjent, kemm rigward l-użu tagħhom kif ukoll il-metodi ta' produzzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-multilateralizzazzjoni tal-inizjattiva tal-"prodotti ekoloġiċi" u tal-kunsiderazzjoni dwar jekk il-ftehimiet kummerċjali jistgħux jipprovdu preferenzi privileġġati għall-prodotti ambjentali ġenwini; jissottolinja li t-TiSA jista' jkun opportunità biex terġa' tingħata l-ħajja lill-progress fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi fil-livell tad-WTO;

44.  Jitlob azzjoni qawwija u effettiva tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO bl-għan li tittejjeb it-trasparenza tal-organizzazzjoni, u biex tissaħħaħ u tiġi garantita l-leġittimità demokratika tal-kummerċ globali; iħeġġeġ lid-WTO biex tagħmel użu sħiħ mill-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, li tiżgura li l-membri parlamentari jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex iwettqu r-rwol superviżorju tagħhom b'mod effikaċi u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-politiki kummerċjali;

Approċċ imfassal apposta fl-għażla tan-negozjati futuri dwar l-FTA

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka, b'mod ibbilanċjat u bir-rispett dovut għar-reċiproċità u l-benefiċċji reċiproċi, dwar il-konklużjoni tan-negozjati kummerċjali li għaddejjin, u jistedinha tevalwa l-impatt akkumulat li jista' jkun hemm, b'mod partikolari għal dawk il-prodotti sensittivi milqutin minn kwoti jew mil-liberalizzazzjoni taħt in-negozjati li għaddejjin jew il-ftehimiet ta' kummerċ li diġà ġew konklużi; jitlob li l-impatti attwali u potenzjali tal-ftehimiet kummerċjali konklużi jiġu valutati u komunikati b'mod aħjar qabel ma jiġu mnedija negozjati ġodda għal FTA, bl-intenzjoni li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħarsien ta' setturi sensittivi tal-agrikoltura u l-promozzjoni tal-interessi offensivi tal-Unjoni inerenti għaliha bħala waħda mill-akbar esportaturi tal-prodotti agroalimentari, fost l-oħrajn billi jiġu previsti perjodi ta' tranżizzjoni u kwoti xierqa għal, u fi ftit każijiet l-esklużjoni ta', l-aktar prodotti sensittivi; ifakkar lill-Kummissjoni twettaq eżerċizzji ta' identifikazzjoni bikrija u valutazzjonijiet tal-impatt ex ante sostenibbli, imparzjali u mingħajr preġudizzju, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Unjoni qabel l-abbozzar ta' mandati ta' negozjar;

46.  Jemmen li huwa essenzjali li, l-ewwel u qabel kollox, jiġi żgurat li n-negozjati kummerċjali li jkunu ġew konklużi b'suċċess jiġu ratifikati malajr kemm jista' jkun; jitlob, b'mod partikolari, il-konklużjoni ta' ftehimiet mal-Kanada u Singapore biex jiġi żgurat il-ftuħ ta' żewġ swieq kbar li se jkunu vitali għall-interessi futuri tan-negozji tal-UE; jitlob dibattitu infurmat madwar l-UE matul id-diskussjonijiet politiċi waqt il-votazzjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-leġiżlaturi nazzjonali;

47.  Jissottolinja l-importanza kbira li fin-negozjati kummerċjali kollha tal-UE jiġu mfittxija interessi sensittivi u offensivi bħall-promozzjoni tal-investiment, it-tneħħija tal-ostakli nontariffarji mhux meħtieġa għall-kummerċ, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u d-drittijiet tal-ħaddiema, it-titjib tal-aċċess għall-akkwist pubbliku (b'mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet attwali dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u tal-FTA bejn l-UE u l-Ġappun), filwaqt li jiġu żgurati impjiegi deċenti u ta' kwalità, l-integrazzjoni tal-SMEs fil-katini ta' valur globali, l-esklużjoni ta' servizzi pubbliċi u awdjoviżivi, u l-garanzija legali tad-dritt ta' regolamentazzjoni waqt negozjati għal FTA bħala parti minn pakketti komprensivi u bilanċjati ambizzjużi;

48.  Jinsisti li n-negozjati kummerċjali jsegwu strateġija ta' kummerċ reġjonali mfassla individwalment u li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-integrazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fl-Asja, l-Afrika u l-Amerka Latina, li ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala reġjuni li, mingħajr ma jiddgħajjef ir-rwol ċentrali tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti, huma kruċjali għall-interessi ekonomiċi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex minnufih tibda negozjati dwar ftehim ta' investiment mat-Tajwan; ifakkar li l-UE u l-Amerka Latina huma alleati naturali, b'popolazzjoni kkombinata ta' biljun persuna, li jiġġeneraw kwart tal-PNG globali; jirrimarka li l-potenzjal ta' din is-sħubija mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed; jilqa' l-fatt li l-istrateġija kummerċjali u ta' investiment il-ġdida tal-Kummissjoni tpoġġi enfasi importanti fuq l-Amerka Latina; jistieden lill-Kummissjoni tieħu vantaġġ mill-momentum attwali ta' negozjati kummerċjali mal-Mercosur biex jintlaħaq ftehim komprensiv, bilanċjat u ambizzjuż; jappoġġja l-modernizzazzjoni tal-ftehimiet mal-Messiku u ċ-Ċilì; jitlob biex jingħata aktar impetu lin-negozjati tal-FTAs kemm mal-Awstralja kif ukoll ma' New Zealand, u jfakkar fl-importanza li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Indja, minħabba l-potenzjal enormi ta' dan is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tagħti spinta lin-negozjati mal-Malasja, u biex tibda negozjati mal-Indoneżja mill-aktar fis possibbli wara li jintemmu d-diskussjonijiet preparatorji għal Sħubija Ekonomika Komprensiva;

49.  Jissottolinja li, fil-kuntest tal-isfidi attwali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-qafas ta' wara l-Ftehim ta' Kotonou, filwaqt li tiġi enfasizzata r-rabta tiegħu ma' klawsoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, lill-appoġġ għall-ħolqien ta' Żona Kontinentali ta' Kummerċ Ħieles fl-Afrika, bħala spinta ta' stabilità, integrazzjoni reġjonali, tkabbir lokali, impjiegi u innovazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li l-UE tiggarantixxi l-istabilità fil-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u jitlob integrazzjoni kummerċjali u ekonomika akbar, li tikseb, f'dan ir-rigward, implimentazzjoni sħiħa, rapida u xierqa tad-DCFTAs mal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova, u progress konkret mat-Tuneżija, il-Marokk u l-Ġordan;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod sħiħ lin-negozji nazzjonali fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali, anke permezz ta' konsultazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali, b'mod parallel ma' konsultazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet ġeneriċi tal-UE u biex takkumpanja t-test tal-ftehim kummerċjali nnegozjat b'lista li tindika b'mod ċar ir-riżultat tan-negozjati għas-setturi differenti u r-raġunijiet għall-għażliet imwettqa mill-Kummissjoni;

Oppożizzjoni għall-għoti tal-Istatus Ekonomiku tas-Suq (SES - Market Economy Status) liċ-Ċina u l-bżonn ta' strumenti effikaċi għad-difiża tal-kummerċ (TDIs)

51.  Jenfasizza li miżuri ta' liberalizzazzjoni ulterjuri – li jaf iwasslu għal prattiki kummerċjali inġusti u għal kompetizzjoni bejn pajjiżi dwar kull tip ta' ostaklu nontariffarju (ONT), id-drittijiet tal-ħaddiema u standards ambjentali u ta' saħħa pubblika – jeħtieġu li l-UE tkun kapaċi tirreaġixxi b'mod aktar effikaċi għall-prattiki kummerċjali inġusti u tiżgura kundizzjonijiet ugwali; jissottolinja li l-istrumenti ta' difiża kummerċjali għandhom jibqgħu element indispensabbli tal-istrateġija kummerċjali tal-UE u jippermettu aktar kompetittività billi jerġgħu jiġu stabbiliti, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta; ifakkar li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE għad-difiża tal-kummerċ tmur lura għall-1995; jenfasizza li s-sistema ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni jeħtieġ li tiġi modernizzata b'mod urġenti mingħajr ma tiddgħajjef; jirrimarka li d-dritt ta' difiża tal-kummerċ tal-UE għandu jkun aktar effettiv, aktar aċċessibbli għall-SMEs u adattat għall-isfidi u t-tendenzi ta' kummerċ tal-lum, li l-investigazzjonijiet iridu jkunu iqsar u li t-trasparenza u l-prevedibilità għandhom jiżdiedu; jiddispjaċih li l-proposta ta' modernizzazzjoni tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali hija mblukkata fil-Kunsill, li ma kienx f'pożizzjoni li jagħti riżultati dwar din il-leġiżlazzjoni essenzjali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-modernizzazzjoni tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali fil-komunikazzjoni tagħha "Kummerċ għal Kulħadd"; jistieden b'urġenza lill-Kunsill jissupera l-istaġnar fil-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju abbażi tal-pożizzjoni tal-Parlament, speċjalment minħabba li ċ-Ċina issa qiegħda titlob ir-rikonoxximent tal-istatus ta' ekonomija tas-suq;

52.  Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, f'liema sħubija l-kummerċ ħieles u ġust u l-investiment għandhom rwol importanti; huwa konvint li, sakemm iċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji meħtieġa biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, l-UE għandha tuża metodoloġija mhux standard fl-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi fid-determinazzjoni tal-komparabilità tal-prezzijiet, bi qbil ma' u b'effett sħiħ ta' dawk il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina li jipprovdu spazju għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta f'konformità ma' dan il-prinċipju, u jfakkar fil-ħtieġa li tikkoordina mill-qrib ma' sħab oħra tad-WTO dwar din il-kwistjoni;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tieħu l-ebda miżura f'dan ir-rigward, mingħajr ma qabel issir valutazzjoni tal-impatt profonda u komprensiva li tindirizza l-effetti kollha possibbli u l-konsegwenzi fuq l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-oqsma kollha tal-UE, kif ukoll l-effetti u l-konsegwenzi possibbli fuq l-ambjent u fuq it-tkabbir;

Koerenza akbar bejn il-politiki kummerċjali u industrijali tal-UE u l-ħarsien aħjar tad-dritt ta' proprjetà intellettwali (IPR)

54.  Iqis li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-industriji Ewropej b'mod komprensiv, u li s-settur tal-manifattura tal-UE jitqiegħed wisq drabi wara s-settur tas-servizzi; jenfasizza li l-politika tal-kummerċ għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea, tipprovdi aċċess għal swieq ġodda u emerġenti u tiffaċilita l-konverġenza 'l fuq tal-istandards ta' ċertifikazzjoni filwaqt li titnaqqas iċ-ċertifikazzjoni doppja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u industrijali tal-UE u tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea b'referenza partikolari għall-istrateġija ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid;

55.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li r-regoli tal-oriġini (RtO) għandhom fid-determinazzjoni ta' liema industriji jibbenefikaw jew jitilfu mill-FTAs tal-UE; filwaqt li jirrikonoxxi li r-regoli tal-oriġini s'issa ma ġewx analizzati mill-Parlament, jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport li jidentifika l-bidliet li għamlet tul dawn l-aħħar għaxar snin, fuq livell ta' NM b'4 ċifri, għall-pożizzjoni awtomatika tal-FTAs dwar ir-regoli tal-oriġini, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għal kwalunkwe bidliet li saru;

56.  Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta' infurzar effettiv tal-IPRs ipoġġi f'riskju s-sopravvivenza ta' setturi sħaħ tal-industrija Ewropea; jenfasizza li l-falsifikazzjoni tar-riżultati twassal għal telf ta' impjiegi u timmina l-innovazzjoni; itenni li protezzjoni xierqa tal-IPRs u l-infurzar effettiv tagħhom huma fundamentali għall-ekonomija dinjija; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li żżid il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-IP fl-FTAs u fid-WTO u li taħdem mas-sħab tagħha biex tikkumbatti l-frodi; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-għan tagħha li tipproteġi l-ispettru sħiħ ta' IPRs, inkluż fir-rigward tal-privattivi, il-marki kummerċjali, id-drittijiet tal-awtur, id-disinni, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-immarkar tal-oriġini u l-prodotti farmaċewtiċi;

Il-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għall-fornituri tas-servizzi mill-UE bħala element essenzjali tal-istrateġija kummerċjali tal-UE

57.  Ifakkar li l-UE għandha rwol ewlieni fis-settur tas-servizzi; jenfasizza li l-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għandu jkun element essenzjali tal-istrateġija tal-kummerċ internazzjonali tal-UE; jenfasizza li l-inklużjoni tas-servizzi fil-ftehimiet kummerċjali hija ta' importanza kbira, peress li tagħti opportunitajiet lill-kumpaniji Ewropej u l-ħaddiema domestiċi, filwaqt li teskludi, f'konformità mal-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll 26, is-servizzi attwali u futuri ta' interess ġenerali kif ukoll is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim u irrispettivament minn jekk humiex iffinanzjati mis-settur pubbliku jew minn dak privat; jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi u tinkludi r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fil-ftehimiet kummerċjali, u b'hekk jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej; jitlob speċifikament li tingħata kunsiderazzjoni għall-inkorporazzjoni ta' ċerti benefiċċji tad-Direttiva tal-ICT fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bi skambju għal tali rikonoxximenti;

58.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-moviment temporanju ta' professjonisti sar essenzjali biex jiżdied in-negozju internazzjonalment u biex jibqa' interess offensiv tal-UE; jenfasizza li l-kapitolu dwar il-mobilità tal-ħaddiema għandu jiġi inkluż fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE; ifakkar, madankollu, li jeħtieġ li l-impenji tal-Modalità 4 japplikaw biss għall-moviment ta' professjonisti bi kwalifiki għoljin (bħal persuni b'lawrja universitarja masters jew ekwivalenti jew f'pożizzjoni maniġerjali superjuri) għal skop speċifiku, għal perjodu limitat u f'kundizzjonijiet preċiżi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni domestika tal-pajjiż fejn jitwettaq is-servizz, u b'kuntratt li jirrispetta din il-leġiżlazzjoni domestika skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, filwaqt li jkun żgurat li xejn mhu se jipprevjeni lill-UE u lill-Istati Membri tagħha milli jżommu u jtejbu l-istandards tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi;

59.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-politika kummerċjali biex tindirizza forom ġodda ta' protezzjoniżmu diġitali u li tistabbilixxi regoli għall-kummerċ elettroniku u flussi transkonfinali tad-data skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali; jemmen li jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex tinħoloq klima favorevoli għall-kummerċ elettroniku u l-intraprenditorija fl-UE billi jitnaqqsu l-monopolji u l-abbużi minn pożizzjonijiet ta' monopolju fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, il-prattiki ta' imblukkar ġeografiku u s-soluzzjonijiet ta' rimedju konkreti; jenfasizza li l-iżgurar ta' kooperazzjoni regolatorja, it-tnaqqis tal-frodi online, ir-rikonoxximent reċiproku u l-armonizzazzjoni tal-istandards fis-settur tal-kummerċ diġitali, huwa vitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq mudell ġdid għall-kapitoli tal-kummerċ elettroniku, li jeżenta għalkollox il-qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tad-data attwali u dawk futuri fin-negozjati kummerċjali kollha, bl-għan li jiżgura l-iskambju ta' data b'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-ħarsien tad-data fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini tas-suġġett tad-data; jappella għal aktar kooperazzjoni bejn min jinforza, speċjalment dwar prattiċi kummerċjali inġusti mwettqa online;

In-natura fundamentali tal-ekonomija diġitali għall-kummerċ globali futur

60.  Jinnota l-importanza futura u li qed tikber tal-ekonomija diġitali, mhux biss fl-Ewropa, iżda mad-dinja kollha, b'madwar 3,3 biljun utent tal-internet fid-dinja kollha, li jikkostitwixxu 40 % tal-popolazzjoni dinjija; jemmen li x-xejriet bħall-cloud computing, is-servizzi tal-internet mobbli, il-grilji intelliġenti u l-midja soċjali qegħdin iwasslu għal pajsaġġ tan-negozju trasformat b'mod radikali; jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tibqa' aġġornata skont it-tendenzi teknoloġiċi u diġitali;

61.  Jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mas-sħab tad-WTO, mhux biss tistabbilixxi grupp ta' ħidma dwar il-kummerċ diġitali fid-WTO, li għandu jeżamina fid-dettall ix-xerqien tal-qafas attwali għall-kummerċ elettroniku, waqt li tħares lejn rakkomandazzjonijiet, kjarifiki u aġġustamenti speċifiċi, iżda tqis ukoll li jiġi stabbilit qafas ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, li jibni fuq l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

Appoġġ għall-Kummissjoni fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni

62.    Huwa konxju mill-fatt li l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji fil-ftehimiet kummerċjali qajmet tħassib dwar l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni bħala wieħed mill-akbar ostakli nontariffarji f'pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; iqis li l-impenji bbażati fuq standards internazzjonali, obbligi ta' rappurtar għal kull pajjiż u skambju awtomatiku ta' informazzjoni għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet internazzjonali xierqa biex ikunu l-bażi ta' liberalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi finanzjarji;

63.  Iqis li r-rabta bejn ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment u trattati dwar it-tassazzjoni doppja huma serjament nieqsa mill-istudju u jistieden lill-Kummissjoni tistudja bir-reqqa kwalunkwe effetti li tali għodod jista' jkollhom fuq xulxin u fuq koerenza ta' politika usa' fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;

Politika tal-kummerċ progressiva li tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs

64.  Jenfasizza li politika kummerċjali progressiva għandha tagħti aktar attenzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi tal-mikroimpriżi u tal-SMEs u tiżgura li huma jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar li sehem żgħir biss tal-SMEs Ewropej huma kapaċi jidentifikaw u jisfruttaw l-opportunitajiet li joffru l-globalizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jinnota li 13 % biss tal-SMEs Ewropej huma attivi internazzjonalment barra mill-UE filwaqt li jammontaw għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE; jappoġġja inizjattivi biex jiffaċilita l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej, u għalhekk jinsisti fuq il-vantaġġi ta' kapitolu dwar l-SMEs f'kull FTA futur; jemmen li jeħtieġ li jiġu esplorati modi ġodda ta' kif l-SMEs jistgħu jiġu assistiti aħjar fil-bejgħ tagħhom ta' oġġetti u servizzi barra minn pajjiżhom; jenfasizza li l-SMEs jeħtieġu għajnuna aktar speċifika, li tibda fl-Istati Membri, aċċess faċilitat għal informazzjoni online faċli għall-utent dwar miżuri ta' kummerċ, u gwidi speċifiċi u ċari dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji offruti minn kull ftehim kummerċjali konkluż fil-passat jew fil-futur mill-UE;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-SMEs orizzontalment fil-kapitoli kollha tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż, iżda mhux biss, permezz tal-ħolqien ta' punti uniċi ta' dħul online fejn l-SMEs ikunu jistgħu jitgħallmu dwar ir-regolamentazzjoni rilevanti, li hija ta' rilevanza partikolarment kruċjali għall-fornituri tas-servizzi transfruntiera f'termini ta' liċenzjar u rekwiżiti amministrattivi oħra; jirrimarka li, fejn ikun xieraq, dawn l-għodod għandhom ikopru wkoll opportunitajiet ġodda għall-aċċess għas-suq għall-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward ta' sejħiet għall-offerti ta' valur baxx; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tan-negozju għall-SMEs permezz ta' semplifikazzjoni tal-proċeduri tad-dwana, it-tnaqqis tal-ostakli nontariffarji u piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u s-simplifikar tar-regoli ta' oriġini; jemmen li hemm rwol għall-SMEs biex jgħinu lill-Kummissjoni tfassal dawn l-għodod biex jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm djalogu mill-qrib ma' rappreżentanti tal-SMEs fl-istadji kollha tan-negozjati kummerċjali;

66.  Jenfasizza li aċċess aktar rapidu għall-SMEs Ewropej għal proċeduri antidumping huwa fundamentali biex huma jitħarsu minn prattiki kummerċjali inġusti; jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma tal-qafas multilaterali tad-WTO sabiex l-SMEs jiġu involuti aħjar u sabiex ikun żgurat li jkun hemm soluzzjoni aktar rapida tat-tilwim;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u ttejjeb l-għodod eżistenti b'rabta mas-sussidjarjetà, in-nonduplikazzjoni u l-kumplimentarjetà fir-rigward ta' programmi tal-Istati Membri rispettivi u l-valur miżjud Ewropew qabel ma tiżviluppa strumenti ulterjuri li jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni indipendenti tal-programmi kollha eżistenti lill-Parlament;

Investiment

68.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija tal-UE u l-ħtieġa li n-negozji tal-UE jitħarsu meta jinvestu fi swieq terzi; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni rigward is-Sistema l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment; jenfasizza l-ħtieġa ta' dibattitu ulterjuri mal-partijiet interessati u mal-Parlament dwar Sistema ta' Qorti tal-Investiment; jenfasizza li s-sistema jeħtieġ tkun konformi mal-ordinament ġuridiku tal-UE, b'mod partikolari s-setgħa tal-qrati tal-UE, u, b'mod aktar speċifiku, ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jikkondividi l-ambizzjoni li jistabbilixxi, fuq perjodu ta' żmien medju, soluzzjoni multilaterali għal tilwim rigward investimenti; jiddispjaċih li l-proposta għal Sistema ta' Qorti tal-Investiment ma tinkludix dispożizzjoni dwar l-obbligu tal-investituri;

69.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas komprensiv għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UNCTAD bl-għan li jistimulaw investimenti aktar responsabbli, trasparenti u b'aktar obbligu ta' rendikont;

70.  Jinnota l-ħtieġa, fil-"Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" tal-Kummissjoni, li tingħata spinta lill-investiment fl-UE, u biex jitqiesu strateġiji kummerċjali bħala mezz essenzjali sabiex jinkiseb dan l-għan; Jiddispjaċih li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa nieqes minn dimensjoni esterna; jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra biss il-ħolqien ta' fergħa esterna wara analiżi bir-reqqa tal-prestazzjoni tal-Fond u eżami tal-utilità tiegħu, minħabba l-eżistenza ta' self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-azzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jenfasizza li fondi bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u impjiegi deċenti, inaqqsu l-faqar u jtaffu l-kawżi primarji tal-migrazzjoni;

71.   Ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ li jkunu involuti fondi pubbliċi, jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp (DFIs) u s-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) biex jitkejlu u jiġu mmonitorjati b'mod effikaċi l-flussi tal-flus, is-sostenibilità tad-dejn u l-valur miżjud għall-iżvilupp sostenibbli tal-proġetti tagħhom;

Kummerċ u Agrikoltura

72.   Jenfasizza li l-istandards għoljin tal-Ewropa rigward l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-kundizzjonijiet soċjali huma ta' importanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari f'termini ta' moralità pubblika u għażliet informati tal-konsumatur, u huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jippromwovu kompetizzjoni ġusta biex tiżgura li l-bdiewa tal-UE jibbenefikaw bis-sħiħ minn konċessjonijiet tariffarji u ma jkunux ekonomikament żvantaġġati meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi garantit li l-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-annimali jkunu protetti billi jiġu ppreżervati l-prinċipju prekawzjonarju, l-agrikoltura sostenibbli u livell għoli ta' traċċabilità u tikkettar tal-prodotti u billi jiġi żgurat li l-importazzjonijiet kollha jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli tal-UE; jinnota differenzjal wiesa' tal-istandards tal-benesseri tal-annimali fuq livell internazzjonali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi regolata l-esportazzjoni tal-annimali tal-irziezet ħajjin skont id-Dritt eżistenti tal-UE u l-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

73.  Iqis li l-ftuħ ta' swieq ġodda għall-produzzjoni agrikola tal-UE, bħal prodotti tal-ħalib, laħam u annimali ħajjin, frott u ħaxix, huwa importanti fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-biedja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati swieq ġodda b'potenzjal għoli ta' xiri;

74.  Iqis meħtieġ li jissaħħaħ il-valur miżjud tal-biedja u li jitniedu kampanji ta' promozzjoni bl-għan li jinfetħu swieq ġodda; jenfasizza fuq kollox li huwa essenzjali li jissaħħu l-iskemi ta' kwalità fil-livell tal-UE, peress li dawn jiżguraw l-aħjar immaġni possibbli tal-marka għall-prodotti tal-UE fis-suq dinji, u b'hekk jirriżultaw f'benefiċċji indiretti għall-biedja Ewropea kollha kemm hi;

75.   Jenfasizza l-ħtieġa ta' kontrolli aktar stretti fuq l-importazzjoni fil-fruntieri u ta' spezzjonijiet aktar stretti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni f'pajjiżi li jesportaw lejn l-UE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni;

76.   Jenfasizza l-importanza tal-progress fir-rigward tal-ostakli sanitarji, fitosanitarji u ostakli nontariffarji oħra għall-kummerċ agrikolu, fin-negozjati kollha ta' kummerċ ħieles, speċjalment rigward il-punti li mhumiex negozjabbli stabbiliti mill-UE li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi;

77.   Ifakkar fl-importanza tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-promozzjoni ta' prodotti agroalimentari tradizzjonali Ewropej, li jħarsuhom minn prattiki dannużi ta' free-riding, li jiggarantixxu d-drittijiet u l-għażliet konxji tal-konsumaturi u jiġu salvagwardati l-produtturi rurali u l-bdiewa, b'aċċenn partikolari għall-SMEs; jinnota li l-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-indikaturi ġeografiċi f'pajjiżi terzi huma potenzjalment ta' valur kbir għas-settur agroalimentari tal-UE kollu, u jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali kollha għandhom jinkludu miżuri ta' protezzjoni u azzjonijiet biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni;

Aċċess aħjar għall-kuntratti pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi Ewropej

78.  Jitlob li jitneħħew l-iżbilanċi attwali rigward il-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi għal ftuħ tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku ambizzjuż u aktar reċiproku, filwaqt li tiġi garantita l-esklużjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u tiżgura li l-Istati jibqgħu liberi li jadottaw l-istandards soċjali u ambjentali, bħalma huma l-kriterji tal-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi, għall-proċeduri ta' akkwist; jemmen li l-politiki ta' akkwist pubbliku għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni 94 tal-ILO; jenfasizza li l-operaturi ekonomiċi Ewropej, kemm il-kumpaniji korporattivi kif ukoll l-SMEs, jeħtieġu aċċess aħjar għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi terzi permezz ta' strumenti bħalma huma l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-eliminazzjoni tal-livell attwali ta' asimmetriji; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE tikkostitwixxi wieħed mill-aktar swieq miftuħa ta' akkwist pubbliku fost il-membri kollha tad-WTO;

79.  Jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku, li hu għodda importanti biex jiġi żgurat ambjent ekwu dwar l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi, u jiddispjaċih ħafna li l-gvernijiet tal-Istati Membri baqgħu jżommu mal-proposta oriġinali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikseb reċiproċità pożittiva fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku mas-sħab kummerċjali ewlenin;

Aċċess ugwali għar-riżorsi għal kompetizzjoni ġusta fis-suq globali

80.  Jenfasizza li r-riżorsi naturali huma limitati u għandhom jintużaw b'mod li jkun ekonomikament u ambjentalment sostenibbli, filwaqt li tingħata prijorità lir-riċiklaġġ; jirrikonoxxi d-dipendenza kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment tal-LDCs fuq ir-riżorsi naturali; ifakkar li l-politika kummerċjali Ewropea jeħtieġ li tippromwovi strateġija konsistenti, sostenibbli, komprensiva u transpolitika rigward il-materja prima, kif diġà spjegat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

81.  Jenfasizza l-ħtieġa li nimxu lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka f'attivitajiet ta' enerġija, żvilupp u innovazzjoni mmirata lejn id-diversifikazzjoni tal-fornituri, ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija, l-identifikazzjoni ta' sħab kummerċjali ġodda tal-enerġija u l-ħolqien ta' kompetizzjoni akbar, u t-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi tal-enerġija; jenfasizza li l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija huma kruċjali biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi kemm dispożizzjonijiet fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles, bl-għan li jinbnew sħubijiet tal-enerġija sostenibbli u t-titjib tal-kooperazzjoni teknoloġika, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u s-salvagwardji, kif ukoll li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju sabiex jintlaħqu l-objettivi deskritti fil-COP21.

Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-fawna u l-flora selvaġġi u l-prodotti tagħhom

82.  Għadu mħasseb ħafna dwar iż-żieda riċenti fil-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u l-kummerċ illegali anċillari tagħha, li mhux biss qed ikollha impatt devastanti fuq il-bijodiversità u l-għadd ta' speċijiet, iżda hija ta' periklu ċar u attwali għall-għajxien u l-ekonomiji lokali, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-impenn tal-UE biex jiġi eliminat il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi bħala parti mir-reazzjoni tal-UE għall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 tan-NU, b'mod partikolari l-Għan għal Żvilupp Sostenibbli Nru. 15, li jinnota l-bżonn mhux biss li jiġi żgurat tmiem il-kaċċa illegali u t-traffikar ta' speċijiet protetti ta' flora u fawna, iżda wkoll li jiġu indirizzati kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi; jistenna, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, wara perjodu ta' riflessjoni li jinkludi konsultazzjoni mal-Parlament u mal-Istati Membri, tikkunsidra kif l-aħjar jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ Illegali tal-Ħajja Selvaġġa fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE;

Kooperazzjoni doganali aħjar u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-fruntieri tal-UE

83.  Jenfasizza li proċeduri doganali aħjar, armonizzati u aktar effiċjenti fl-Ewropa u lil hinn minnha jiffaċilitaw il-kummerċ u jissodisfaw ir-rekwiżiti rispettivi ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, u jgħinu biex jevitaw il-falsifikazzjoni u l-oġġetti illegali u falsifikati milli jidħlu fis-suq uniku, u dan idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tal-UE u jesponi l-konsumaturi tal-UE b'mod serju; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jwaqqfu servizz doganali unifikat tal-UE għall-implimentazzjoni aktar effikaċi tar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali kollu tal-UE;

84.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, fin-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali, għandha tfittex li tikkonvinċi s-sħab kummerċjali biex jadottaw punt uniku ta' servizz għall-konformità tad-dwana u tal-fruntieri, jekk ikun meħtieġ akkumpanjat minn Fondi tal-Għajnuna għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet għall-Kummerċ, kif ikun xieraq;

85.  Jenfasizza li komunikazzjoni xierqa u koordinazzjoni b'saħħitha huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-tneħħija tat-tariffi tkun akkumpanjata minn miżuri tekniċi, istituzzjonali u politiċi xierqa li jiżguraw is-sigurtà kontinwa tal-kummerċ;

86.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni doganali fl-UE u barra minnha; jiddispjaċih li bħalissa ftit li xejn hemm data pubblika disponibbli; jirrimarka li jkun utli li, fuq bażi kontinwa, nifhmu xi prestazzjoni qed ikollhom id-dwana u aġenziji oħrajn tal-fruntieri fl-UE kif ukoll fost is-sħab kummerċjali, bil-ħsieb li jsir skambju tal-aqwa prattiki u koordinament tal-interessi speċifiċi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej – b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO;

87.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu dibattitu miftuħ dwar it-trasferiment possibbli ta' awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE;

L-għoti ta' benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi

88.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet kummerċjali għandhom il-potenzjal li jkunu fil-biċċa l-kbira tagħhom ta' benefiċċju għall-konsumaturi, b'mod partikolari billi tiżdied il-kompetizzjoni biex b'hekk jitbaxxew il-prezzijiet, u tingħata għażla akbar u spinta lill-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, sabiex ikun sfruttat dan il-potenzjal, tagħfas ħafna fin-negozjati kollha għal limitazzjoni ta' prattiki ta' imblukkar ġeografiku, it-tnaqqis tat-tariffi tar-roaming internazzjonali, u għal tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri;

89.  Jappella għal miżuri li jappoġġjaw lill-konsumatur fil-kuntest tal-kummerċ transfruntier fil-prodotti u s-servizzi ma' pajjiżi terzi, pereżempju fil-forma ta' help desks online li jipprovdu informazzjoni jew pariri b'rabta ma' każijiet ta' tilwim;

90.  Jinsisti li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-karatteristiċi tal-prodotti li jitqiegħu fis-suq;

Kummerċ għal Kulħadd: politiki ta' appoġġ fil-politiki kummerċjali u ta' investiment miftuħa meħtieġa biex jiġi massimizzat il-qligħ u minimizzat it-telf

91.  Jikkondividi l-fehma tal-OECD li "kummerċ ħieles u ġust" u politiki ta' investiment jeħtieġu firxa ta' strateġiji politiċi effettivi sabiex jiġi massimizzat il-qligħ u minimizzat it-telf ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-UE u tal-popolazzjonijiet u l-ekonomiji tal-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu ħafna aktar biex jikkumplimentaw il-ftuħ tal-kummerċ permezz ta' firxa ta' miżuri ta' appoġġ sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli – bħal fl-oqsma ta' investimenti u servizzi pubbliċi, edukazzjoni u saħħa, politiki attivi fis-suq tax-xogħol, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp tal-infrastruttura u regoli adegwati li jiggarantixxu protezzjoni soċjali u ambjentali;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu analiżi bir-reqqa, ex ante u ex post fuq bażi ta' settur b'settur u l-valutazzjonijiet tal-impatt reġjonali tal-ftehimiet kummerċjali u ta' fajls leġiżlattivi rilevanti, li jantiċipaw l-impatti negattivi possibbli fuq is-suq tax-xogħol fi ħdan l-UE, u jsibu modi aktar sofistikati ta' introduzzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex jerġgħu jiġu żviluppati industriji u reġjuni żvantaġġati, bl-għan li tinkiseb distribuzzjoni aktar ekwa u jiġi żgurat qligħ mill-kummerċ b'bażi wiesgħa; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew, jistgħu jaqdu rwol straordinarju; jirrimarka li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jista' wkoll ikun strument importanti, jekk jiġi riformat u ffurmat b'mod li jkun hemm fondi biżżejjed biex tingħata għajnuna lil kumpaniji u produtturi tal-UE milquta minn sanzjonijiet vis-à-vis pajjiżi terzi, u assistenza lill-impjegati ta' SMEs milquta direttament mill-effett tal-globalizzazzjoni;

°

°  °

93.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-UNCTAD u lid-WTO.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0415.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0250.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0219.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0175.

(5)

ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 87.

(6)

ĠU C 188E, 28.6.2012, p. 42.

(7)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 94.

(8)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 31.

(9)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 101.


NOTA SPJEGATTIVA

In-negozjati kummerċjali bħall-ACTA, it-TTIP, is-CETA u t-TiSA wasslu biex l-attenzjoni tal-pubbliku tiffoka fuq il-politika kummerċjali Ewropea. Ħafna ċittadini tal-UE jassoċjaw il-globalizzazzjoni ma' telf ta' impjiegi u huma mħassba li r-regolamentazzjoni u l-istandards Ewropej jistgħu possibilment jiddgħajfu minħabba l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-Unjoni. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-kummerċ barrani għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea huwa ta' importanza fundamentali.

Illum, l-UE hija l-aktar ekonomija sinjura fid-dinja kollha. Madankollu, l-importanza ekonomika tal-UE se tonqos: sal-2050, l-UE-28 se jirrappreżentaw biss 15 % tal-PDG dinji, li jfisser tnaqqis mit-23,7 % fl-2013. Iċ-ċentru tal-ħolqien tar-rikkezza qed jersaq lejn il-Lvant, lejn ir-Reġjun tal-Asja-Paċifiku u l-iżvilupp demografiku wkoll se jkollu impatt negattiv fuq il-pożizzjoni tal-UE fix-xena tal-kummerċ dinji.

Għaldaqstant, strateġija kummerċjali u ta' investiment effettiva, komprensiva u li tħares 'il quddiem hija ta' importanza vitali għall-Unjoni Ewropea.

Fl-14 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni pproponiet strateġija kummerċjali u ta' investiment ġdida għall-Unjoni Ewropea, intitolata "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"; Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni adottat strateġija kummerċjali u ta' investiment ġdida, kif kien diġà talab il-Parlament fl-2011 fir-riżoluzzjoni tiegħu "dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020", li hija strateġija futura, li tħares 'il quddiem, u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment li tqis l-isfidi ġodda tal-UE. Ir-rapporteur jiddispjaċiha li l-istrateġija m'għandhiex enfasi importanti fuq is-settur tal-manifattura u fuq l-isfidi kummerċjali biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni.

Billi l-attenzjoni tal-pubbliku għall-ftehimiet kummerċjali żdiedet u aktar ċittadini qed ikunu mħassba fir-rigward tal-globalizzazzjoni, ir-rapporteur tenfasizza l-importanza li l-politika kummerċjali fis-seklu 21 jeħtieġ li twieġeb għat-tħassib tan-nies. Neħtieġu aktar trasparenza, impenn u responsabbiltà lejn il-partijiet interessati kollha involuti. Barra minn hekk, ir-rapporteur tixtieq tfakkar li l-aċċess għal ċerta informazzjoni ssaħħaħ l-iskrutinju tal-Parlament u, għalhekk, tistieden lill-Kummissjoni testendi l-Inizjattiva ta' Trasparenza għan-negozjati futuri kollha kif ukoll titlob lill-Kunsill jippubblika l-mandati kollha ta' negozjar.

Fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd" tagħha, il-Kummissjoni qed tiffissa l-objettiv ċar li żżid malajr il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tintegra aktar lill-UE fil-katini ta' valur globali. Għaldaqstant, huwa ta' importanza fundamentali għar-rapporteur li s-sistema ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni teħtieġ li tiġi mmodernizzata b'mod urġenti, speċjalment minħabba li ċ-Ċina qed titlob b'saħħa r-rikonoxximent tal-iStatus Ekonomiku tas-Suq (SES).

Minħabba l-isfidi esterni li qed tiffaċċja l-UE fis-seklu 21 (bħall-migrazzjoni), għar-rapporteur il-koerenza bejn l-objettivi kummerċjali tal-Unjoni u aspetti oħra tal-politika esterna tagħha hija prijorità. Neħtieġu li nsawru ftehimiet kummerċjali u ta' investiment b'tali mod li jkunu mezzi b'saħħithom li jsaħħu l-iżvilupp sostenibbli, jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali madwar id-dinja.

Billi x-xena kummerċjali globali qed tinbidel malajr, ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment l-istrateġija kummerċjali u tippreżenta rapport ta' implimentazzjoni annwali dettaljati sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jivverifikaw jekk il-Kummissjoni hijiex tagħti riżultati għall-wegħdiet magħmula.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (18.4.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tokia Saïfi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd - Lejn politika ta' kummerċ u investiment aktar responsabbli" u jissottolinja r-rwol fundamentali tal-kummerċ għall-paċi, għat-tkabbir sostenibbli, għall-iżvilupp u għall-impjiegi; jirrikonoxxi għaldaqstant ir-responsabilità dejjem akbar tal-UE biex tikkontribwixxi ħalli dawn l-għanijiet jintlaħqu fir-relazzjonijiet esterni u fil-qasam tal-kummerċ globali tagħha;

2.  Ifakkar fil-bżonn ta' konsistenza fil-politiki esterni tal-UE u mal-politiki l-oħrajn b'dimensjoni esterna, ngħidu aħna l-politiki fil-qasam tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-agrikoltura, tal-ambjent, tal-enerġija u tal-migrazzjoni, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tar-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE); jisħaq fuq il-fatt li l-politika kummerċjali tal-UE, kif ukoll il-ftehimiet fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment huma parti integrali tal-politika esterna tal-UE u jagħmel appell, f'dan ir-rigward, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jadottaw Strateġija globali tal-UE dwar il-kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà; jissottolinja f'dan il-kuntest ir-rwol ta' koordinament ċentrali tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tad-delegazzjonijiet tal-UE preżenti fil-pajjiżi terzi li jistgħu jiżvolġu rwol ta' aġevolazzjoni importanti fil-post, bil-għan li jkun promoss ir-rispett tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jesprimu ruħhom b'leħen wieħed;

3.  Ifakkar li l-politika kummerċjali tikkontribwixxi għar-rispett u għall-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif definiti fl-Artikolu 2 tat-TUE, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-solidarjetà, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-dinjità umana kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet soċjali; iqis li d-difiża ta' tali valuri tkun tippermetti li jieqfu l-prattiki ħżiena, u li l-politika kummerċjali tkun effikaċi jekk l-atturi kollha tal-kummerċ dinji jirrispettaw l-istess regoli, anki dawk dwar l-akkwist pubbliku; jissottolinja l-bżonn li l-politika kummerċjali tal-UE tkun konsistenti mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u tikkontribixxi għalihom, fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħabbret l-inklużjoni fil-ftehimiet kummerċjali ta' strumenti li jippermettu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u se tibqa' għassa tal-miżuri proposti;

4.  Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE jmissu jkun fihom klawsoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jippermettu lill-UE tinforza u tippromwovi l-valuri universali fil-pajjiżi terzi; josserva li hemm bżonn ta' rieda politika biex ikun possibbli li dawn il-klawsoli effettivament jintużaw u biex il-pajjiżi terzi jżommu l-impenji li jkunu ħadu; jappella għal titjib fil-konsultazzjoni tal-Parlament fil-fażijiet inizjali tal-proċess tan-negozjati dwar il-ftehimiet fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment, għal implimentazzjoni effettiva tal-klawsoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem u għal rappurtar lill-Parlament dwar l-aspetti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem tal-ftehimiet;

5.  Jissottolinja li s-sistemi SPĠ, SPĠ+ u "Kollox ħlief Armi" (EBA) jistgħu jkunu strumenti essenzjali li jippermettu r-rispett ta' dawn il-valuri u jinsisti fuq l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom u tal-monitoraġġ tagħhom; jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport biennali tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tas-SĠP+ u d-djalogu preċedenti dwar dan ir-rapport mal-Parlament qabel ma ġie ppubblikat;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politika kummerċjali tal-UE hija strument ta' diplomazija ekonomika li jista' wkoll jagħti kontribut għall-indirizzar tal-kawżi profondi tat-terroriżmu;

7.  Jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm kummerċ sostenibbli u responsabbli; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-kapitoli relatati mal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali li tkun tippermetti l-istabbiliment ta' standards soċjali u ambjentali rigorużi matul il-katina tal-provvista, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti u, partikolarment f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jistieden lill-Kummissjoni tqis aktar dawn il-kwistjonijiet hija u twettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post ta' tali ftehimiet;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħabbret diversi inizjattivi favur il-kummerċ ġust u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tipproponi tali miżuri fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-negozjati kummerċjali ma għandhomx jissarrfu fl-illaxkar tal-istandards Ewropej u jridu jħarsu liċ-ċittadini Ewropej u jissalvagwardjaw lill-għażliet soċjali tagħna kif ukoll id-dritt għal regolamentazzjoni; jevidenzja l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali u l-politika kummerċjali tal-UE huma strument fundamentali biex tissaħħaħ is-sistema kummerċjali dinjija bbażata fuq ir-regoli, li maż-żmien qiegħda tkun dejjem aktar suġġetta għal pressjonijiet; josserva li dan huwa speċjalment kruċjali għall-UE, fid-dawl tal-ekonomija tagħha li tiddependi immensament mill-kummerċ; jissottolinja l-fatt li l-UE għandha bżonn timmira lejn l-iffissar ta' standards globali għoljin permezz tal-politika kummerċjali tagħha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-ftehimiet kummerċjali billi żżid l-involviment tal-Parlament, tal-partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili b'mod trasparenti u taċċerta li l-vantaġġi tal-ftehimiet konklużi jinħassu effettivament mill-partijiet kollha; jisħaq fuq l-importanza li titqiegħed aktar enfasi fuq il-konformità reċiproka tal-ftehimiet u fuq l-implimentazzjoni ta' dawn tal-aħħar; jappella b'mod partikolari lill-Kummissjoni biex tiżgura l-impenji fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali relatati max-xogħol;

11.  Ifakkar li n-negozjati kummerċjali fil-livell multilaterali, it-tisħiħ tal-arkitettura kummerċjali multilaterali u l-involviment mad-WTO, għadhom prijorità tal-UE li hi stess tinsab ukoll f'negozjati fil-livell bilaterali fi spirtu ambizzjuż ta' reċiproċità u ta' benefiċċji għal kull parti; jilqa' favorevolment il-ksib ta' ftehim matul il-Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' Nairobi, fl-ambitu taċ-Ċiklu ta' Doha; jiddispjaċih bin-nuqqas ta' kamp ta' applikazzjoni u ta' ambizzjoni iżda jissottolinja l-possibilità li nimxu lil hinn mill-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp, u bil-possibilità li d-WTO tirrifletti aktar is-sitwazzjoni ekonomika globali attwali u l-piż ekonomiku tal-pajjiżi membri rispettivi tagħha; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji kummerċjali speċifiċi magħmula apposta għal ċerti reġjuni, partikolarment l-Asja, fid-dawl tal-konklużjoni reċenti tas-Sħubija Trans-Paċifika;

12.  Itenni l-importanza tar-rispett tar-regoli Ewropej u internazzjonali dwar il-kummerċ fl-armi, partikolarment it-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi;

13.  Jissottolinja l-fatt li l-leġiżlazzjoni effikaċi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet hija wkoll aspett fundamentali tal-politika kummerċjali tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni taġġorna l-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet b'użu doppju bil-għan li ssegwi l-għanijiet strateġiċi u l-valuri universali tal-UE;

14.  Ifakkar fil-bżonn li l-UE tiżgura l-istabilità fil-viċinat tagħha u jagħmel appell għal aktar integrazzjoni ekonomika bejn il-ġirien tagħha tal-Lvant u tal-Mediterran, partikolarment billi jitrawmu r-relazzjonijiet kummerċjali;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-isforzi tagħha fil-qasam tal-komunikazzjoni, tat-trasparenza u tal-aċċess għad-dokumenti tan-negozjati, kif ukoll ittejjeb il-koordinament u l-iskambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissarji u d-Direttorati Ġenerali, is-SEAE, il-Kunsill, il-Parlament kif ukoll il-konsultazzjoni mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li t-titjib fl-aċċess għad-dokumenti relatati man-negozjati tat-TTIP għandu jingħata wkoll għad-dokumenti relatati man-negozjati kollha li għaddejjin marbuta mal-ftehimiet kummerċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

3

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio López-Istúriz White, Tokia Saïfi, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, György Schöpflin, Igor Šoltes, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Claudiu Ciprian Tănăsescu


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (16.3.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jan Zahradil

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-kummerċ miftuħ irid ikun xprun għall-integrazzjoni reġjonali u t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġid u l-ħolqien ta' impjiegi; ifakkar li l-pajjiżi l-aktar integrati fl-ekonomija dinjija huma wkoll fost l-aktar għonja u li l-kummerċ għen biex mijiet ta' miljuni ta' persuni joħorġu mill-faqar; jirrikonoxxi, madankollu, li mhux il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kollha gawdew minn tali bidliet pożittivi u li l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) b'mod partikolari għadhom marġinalizzati fil-kummerċ globali; jilqa', f'dan il-kuntest, l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni li jinvolvi l-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bħala ingranaġġ biex jiġu promossi valuri bħalma huma l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ ġust u etiku u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fit-tul;

2.  Ifakkar li huwa biss il-kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq, jekk ikun allinjat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jista' jkollu l-potenzjal għall-iżvilupp;

3.  Jilqa', b'mod partikolari, il-wegħda tal-Kummissjoni li ebda ftehim kummerċjali qatt mhu se jbaxxi l-livelli ta' protezzjoni regolatorja, li kwalunkwe bidla f'termini ta' livelli ta' protezzjoni tista' ssir biss biex dawn jitjiebu u li d-dritt għar-regolamentazzjoni dejjem se jiġi protett;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-infurzabbiltà vinkolanti tal-SDGs u tinkludi kapitoli komprensivi dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha;

5.  Jenfasizza li l-importanza tal-kontribut potenzjali tal-politika kummerċjali għall-iżvilupp sostenibbli reċentement ġiet affermata mill-ġdid fid-dokument ta' eżitu tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; ifakkar li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jinkludu diversi miri relatati mal-kummerċ f'għadd ta' oqsma ta' politika, li fosthom waħda mill-aktar konkreti hi ż-żieda fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-għan li jirdoppja s-sehem tal-LDCs fl-esportazzjonijiet globali sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex isaħħu l-ekonomiji tas-suq tagħhom;

6.  Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tafferma mill-ġdid il-prinċipju ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp, u timmira lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, fosthom billi ssaħħaħ l-inizjattivi ta' responsabbiltà soċjali korporattiva u ta' diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista, u b'hekk tikkontribwixxi għall-SDGsu għat-tkabbir inklużiv fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' wkoll l-impenn li ssir analiżi fil-fond tal-effetti potenzjali fuq l-LDCs ta' ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd" ma tagħmel ebda referenza għall-Ftehim ta' Cotonou, li jiskadi fl-2020; jistieden lill-UE timpenja ruħha fi proċess wiesa' ta' konsultazzjoni u ta' djalogu, inkluż mal-pajjiżi tal-AKP, dwar il-qafas ta' wara Cotonou;

7.  Jemmen li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

8.  Jirrikonoxxi li l-politika tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE trid twieġeb għat-tħassib tal-konsumaturi billi ssaħħaħ l-inizjattivi ta' responsabbiltà soċjali korporattiva u ta' diliġenza dovuta tul il-katina tal-produzzjoni; iħeġġeġ, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimxu lil hinn mill-approċċ volontarju u mhux vinkolanti eżistenti u minflok jaħdmu biex tiddaħħal diliġenza dovuta obbligatorja;

9.  Jilqa' l-impenn imġedded favur il-multilateraliżmu inklużiv u l-progress li sar waqt il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Nairobi, b'mod partikolari fil-qasam tal-agrikoltura (eż. l-eliminazzjoni ta' sussidji fuq l-esportazzjonijiet agrikoli li għandhom l-effett ta' distorsjoni kummerċjali u l-progress dwar l-aċċess għas-suq għall-LDCs); jilqa', f'dan il-kuntest, l-impenn tal-UE għal EUR 400 miljun f'finanzjament fuq medda ta' aktar minn 5 snin immirat biex jappoġġa u jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment l-LDCs, fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jissottolinja wkoll il-ħtieġa li ċ-Ċiklu ta' Doha jiġi mżewwaq permezz tal-aġenda dwar il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ diġitali, sabiex l-avvanzi teknoloġiċi jiġu kondiviżi aktar malajr u b'aktar ugwaljanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw filwaqt li jgħinuhom jegħlbu n-nuqqas ta' infrastrutturi, speċjalment f'żoni rurali mbiegħda;

10.  Jagħraf id-diversità dejjem tiżdied fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema ta' kummerċ multilaterali u l-benefiċċji rispettivi tagħha; jappella għal reġimi speċifiċi partikolari għall-LDCs, li s-sehem tagħhom fil-kummerċ globali hu wieħed marġinali; jilqa', għaldaqstant, ir-reviżjoni tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP);

11.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) fil-bini tal-kapaċità b'rabta mal-kummerċ, fl-assistenza teknika, fil-politiki ta' appoġġ kummerċjali u fl-integrazzjoni reġjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom biex iżidu l-appoġġ tal-AfT lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-LDCs b'mod partikolari, bl-għan li jiġu appoġġati l-impriżi mikro u żgħar lokali, id-diversifikazzjoni fil-produzzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-iżvilupp tal-kapaċità ta' produzzjoni domestika, it-trasport u infrastrutturi oħrajn, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-kooperattivi fir-reviżjoni li jmiss tal-istrateġija tal-AfT tagħha; jinnota, madankollu, li mingħajr sforzi serji mill-pajjiżi direttament ikkonċernati u titjib sinifikanti fil-governanza, il-kummerċ ma jistax – b'mod iżolat – jgħin lill-pajjiżi jegħlbu l-limitazzjonijiet tal-iżvilupp; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li wieħed jiffoka fuq it-twettiq tal-miri skont l-Għan 16 tal-SDGs, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza tajba u l-fiskalità; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kummerċ ġust u etiku fir-reviżjoni li jmiss tal-istrateġija tal-AfT tagħha, kif imħabbar fil-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd";

12.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tas-servizzi bankarji fl-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-UE tappoġġa azzjoni biex issaħħaħ l-aċċess għas-servizzi bankarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.  Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) jistgħu jservu ta' strument ewlieni għall-iżvilupp sabiex bl-għajnuna tagħhom jittaffa l-faqar u jikkontribwixxu għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-tul, kif ukoll għal aktar integrazzjoni ekonomika reġjonali; jistieden lill-UE tistabbilixxi strutturi speċifiċi ta' monitoraġġ fil-FSE ddedikati għall-iżvilupp sostenibbli u għad-drittijiet tal-bniedem li jiżguraw l-involviment xieraq u trasparenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tat-trejdjunjins; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi l-iffirmar tal-FSE finali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli robusti u komprensivi dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jiġu implimentati u infurzati b'mod effikaċi, fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE;

14.  Ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ li jkunu involuti fondi pubbliċi, jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp (DFIs) u s-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) biex jitkejlu u jiġu mmonitorjati b'mod effikaċi l-flussi tal-flus, is-sostenibbiltà tad-dejn u l-valur miżjud għall-iżvilupp sostenibbli tal-proġetti tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-politika kummerċjali, b'mod partikolari b'relazzjoni mas-saħħa pubblika; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jagħmlu użu effikaċi mill-flessibilitajiet inklużi fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (il-Ftehim TRIPS) u rikonoxxuti mid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata fl-14 ta' Novembru 2001, sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti mediċini essenzjali bi prezzijiet raġonevoli fi ħdan il-programmi nazzjonali tas-saħħa pubblika tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi trasparenza sħiħa tal-kontenut tal-programmi ta' assistenza tagħha relatati mal-proprjetà intellettwali għall-pajjiżi b'introjtu baxx jew medju u tiżgura li l-assistenza parallela dwar il-proprjetà intellettwali ma xxekkilx il-proġetti ta' żvilupp l-oħra relatati mas-saħħa;

16.  Jenfasizza li skont l-Għan 16 tal-SDGs huwa ta' importanza fondamentali li jitrawmu strutturi ta' governanza tajba madwar id-dinja sabiex jinħoloq aċċess ġust għall-ġustizzja għal kulħadd u jinbnew istituzzjonijiet effikaċi u responsabbli fil-livelli kollha; jissottolinja li l-ftehimiet kummerċjali u l-investiment dirett barrani jistgħu jkunu strumenti deċiżivi fl-istabbiliment ta' inċentivi xierqa li jiżguraw il-kisba ta' dan l-objettiv; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-korruzzjoni hija ostaklu nontariffarju maġġuri fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet ta' kummerċ futuri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri ġodda mmirati biex isaħħu s-sigurtà ġuridika tal-investimenti;

17.  Jenfasizza li sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' kummerċ u ta' investiment, huwa meħtieġ li jkomplu jiġu appoġġati r-riformi tal-mobilizzazzjoni tad-dħul nazzjonali (DRM) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala għajnuna biex dawn itejbu l-kapaċità tagħhom li jżidu d-dħul u biex jindirizzaw l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta' sostenn għat-tfassil ta' sistemi tat-taxxa effiċjenti, effikaċi, ġusti u trasparenti skont il-prinċipji ta' governanza tajba;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Komprensiv għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) biex jiġu stimolati investimenti aktar responsabbli u trasparenti u b'aktar obbligu ta' rendikont.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

6

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Nicolas Bay, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Fernando López Aguilar, Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig, Jan Zahradil, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Rivasi, Estefanía Torres Martínez


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (26.5.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2015(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Joachim Schuster

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' d-direzzjoni ġenerali tal-istrateġija kummerċjali għall-ġejjieni ppreżentata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Ottubru 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Kummerċ għal kulħadd. Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"(1), u b'mod partikolari l-fokus tagħha fuq approċċ ibbażat fuq il-valuri li jimmira lejn is-salvagwardja tal-mudell soċjali u regolatorju Ewropew internament u bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u programmi ta' preferenza bħala lievi sabiex tippromwovi, madwar id-dinja, il-valuri Ewropej bħall-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ ġust u etiku u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twessa' u timmodernizza l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE ma' pajjiżi mhux tal-UE f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq il-valuri, minħabba li l-esportazzjonijiet tal-UE jipprovdu madwar 31 miljun impjieg fl-Unjoni jew, fi kliem ieħor, wieħed minn kull seba' impjiegi fl-UE jiddependi fuq l-esportazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tassumi rwol ta' tmexxija globali għall-UE fl-iżvilupp ta' kultura ta' ftehim ta' kummerċ ġust ġdida; jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet ambizzjużi, ibbilanċjati u komprensivi li jindirizzaw l-ostakli żejda tas-suq li ilhom hemm, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, iċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi;

2.  Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni għandhom iqisu r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, li jibqgħu validi għan-negozjati kummerċjali tal-ġejjieni, b'mod partikolari fir-rigward tal-esklużjoni tas-Servizzi ta' Interess Ġenerali u tas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (li jinkludu, iżda mhux limitati għall-ilma, is-saħħa, is-servizzi soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-edukazzjoni) u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. itenni li l-kwalità, id-disponibilità, l-affordabilità u l-aċċessibilità ta' dawn is-servizzi u l-aċċess nondiskriminatorju u ugwali għalihom ma jistgħux jiġu kompromessi mill-ftehimiet kummerċjali;

3.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha f'dibattitu demokratiku ġenwin mal-Parlament u għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili b'mod aktar estiż sabiex ittejjeb iċ-ċarezza, tistabbilixxi l-qafas għall-mandat ta' negozjar għall-ftehimiet kummerċjali kollha u tiggarantixxi t-trasparenza tiegħu; jappella għal negozjati trasparenti u sabiex il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili Ewropej ikollhom is-setgħa jikkontribwixxu għall-proċess ta' negozjati b'mod sinifikattiv;

4.  Iqis li n-negozjati dwar liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa għal kooperazzjoni madwar l-UE kollha kemm hi biex jinżammu l-kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-liġijiet rilevanti dwar ix-xogħol u l-kwistjonijiet soċjali u l-ftehimiet kollettivi eżistenti fl-UE;

5.  Jinkoraġġixxi n-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali fuq livell multilaterali aktar milli bilaterali;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal mekkaniżmu effikaċi għall-ħarsien tal-investiment Ewropew f'pajjiżi barranin; jitlob li jkun hemm valutazzjoni biex tevalwa l-qafas eżistenti biex ikunu żgurati l-effiċjenza u l-implimentazzjoni korretta;

7.  Jinsisti, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet reċentement miftiehem mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, li l-Kummissjoni trid tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt, inklużi l-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS), isiru matul in-negozjati kummerċjali sabiex jivvalutaw l-impatti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni filwaqt li tiddistingwi l-impatti fuq setturi, reġjuni u pajjiżi differenti; jappella għall-pubblikazzjoni ta' projezzjonijiet statistiċi sabiex jiġi żgurat li kull ftehim jikkontribwixxi b'mod ġust u b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali, u tippermetti l-evalwazzjoni ex ante u ex post; jitlob li s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà; ifakkar li l-istrateġija kummerċjali tal-ġejjieni trid tirrispetta wkoll l-istrutturi tal-produzzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'każijiet fejn il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità tindika li dawn jistgħu jiġu pperikolati b'konsegwenza tal-ftehimiet kummerċjali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ispejjeż ta' aġġustament possibbli fis-suq tax-xogħol tal-UE jitpattew b'intervent f'waqtu min-naħa tagħha bħala appoġġ lis-setturi, ir-reġjuni jew l-Istati Membri milquta; iqis li dan l-appoġġ jista' jingħata permezz tal-fondi tal-UE, inkluż b'adattament tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) b'baġit adegwat;

9.  Jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni li tuża l-FEG biex ittaffi l-impatti negattivi li jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali mhijiex sodisfaċenti, minħabba l-kapaċità finanzjarja baxxa tal-fond u n-nuqqas ta' kompetenza tiegħu biex jipprevjeni u jiġġieled l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni;

10.  Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu estiżi l-prerogattivi tal-FEG u b'hekk jiġi pprovdut mekkaniżmu għall-antiċipazzjoni tar-riskji u l-adattament tal-istrutturi tal-produzzjoni settorjali, reġjonali u nazzjonali f'każijiet fejn il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità tindika li dawn jistgħu jiġu pperikolati b'konsegwenza tal-ftehimiet kummerċjali;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fil-każ ta' fornituri ta' servizzi ta' pajjiżi terzi sħab kummerċjali li jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE, billi jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jibbenefikaw mill-istess drittijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti tagħhom u li l-prinċipju tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni jkun rispettat; iqis li dan huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli fil-leġiżlazzjoni jew ftehimiet fil-pajjiż tal-oriġini; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet soċjali u tax-xogħol fuq livell tal-Unjoni u nazzjonali, kif ukoll il-ftehimiet kollettivi, għandhom jiġu ggarantiti;

12.  Jappella għal salvagwardji li, bħala kwistjoni ta' prinċipju, jiżguraw li taħt ebda ċirkustanza l-ftehimiet kummerċjali mhuma se jwasslu għad-dgħufija, l-evitar jew l-invalidazzjoni tal-istandards tal-Istati Membri jew tal-UE fl-oqsma li ġejjin: id-drittijiet tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol inklużi l-pagi, is-sigurtà soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ professjonali, il-kwalifiki professjonali, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-pensjonanti, id-djalogu soċjali, in-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dritt għal azzjoni industrijali ma jkunx imminat minn kumpaniji li jużaw ħaddiema minn pajjiżi terzi waqt in-negozjati dwar ftehimiet kollettivi u waqt tilwimiet dwar ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards tax-xogħol jiġu esklużi mill-kunċetti ta' ostakoli nontariffarji u ostakoli tekniċi; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-akbar trasparenza u sabiex tkun viġilanti fuq l-iżgurar ta' involviment ibbilanċjat min-naħa tal-partijiet interessati fil-korpi tal-kooperazzjoni regolatorja, u tiżgura wkoll li l-kooperazzjoni regolatorja ma tirrestrinġix id-dritt tal-gvernijiet u l-Parlament Ewropew li jilleġiżlaw fl-interess pubbliku u ma twassalx għal biża' regolatorja jew sabiex jiddgħajfu l-istandards tax-xogħol, inklużi l-istandards dwar is-saħħa u s-sikurezza;

13.  Jinnota l-livelli għolja ta' mobilità esterna mill-Istati Membri tal-UE ta' professjonisti b'ħiliet għolja; jemmen li l-politiki kummerċjali għandhom jibqgħu kawti fir-rigward tal-mobilità tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji tal-Modalità 4 tal-GATS japplikaw biss għall-moviment ta' professjonisti b'ħiliet għoljin, bħal persuni li jkollhom grad ta' Masters minn università jew istituzzjoni ekwivalenti, jew li jkunu impjegati f'xi rwol maniġerjali għoli, għal skop speċifiku, għal perjodu limitat u b'kundizzjonijiet preċiżi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni domestika tal-pajjiż fejn qed jitwettaq is-servizz u b'kuntratt li jirrispetta tali leġiżlazzjoni domestika; jissottolinja l-importanza li tiġi mmonitorjata l-kategorija tal-Modalità 4 tal-GATS tal-fornituri ta' servizz sabiex jiġi evitat l-abbuż u l-isfruttament ta' ħaddiema ta' pajjiżi terzi; jitlob, f'kull każ, li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu klawsoli li jżommu l-obbligu ġuridiku tal-fornituri ta' servizz barranin li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-UE u tal-Istati Membri;

14.  Jitlob li l-Kumitat tal-Parlament responsabbli għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jiġi infurmat mingħajr dewmien, sabiex ikun hemm opportunità ta' diskussjoni u teħid ta' deċiżjonijiet, f'każ li xi dispożizzjoni tal-ftehim kummerċjali tkun b'tali mod li tipperikola l-istandards fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 12, jew tkun f'kunflitt magħhom;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-ftehimiet kummerċjali riċenti tal-UE jinkludu kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli; jistenna li l-UE jkollha rwol ewlieni sabiex jintlaħaq l-objettiv li l-partijiet kollha għandhom jirratifikaw, jimplimentaw u jinfurzaw it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi aktar dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol, b'mod partikolari l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO li timmira li ttejjeb il-livelli ta' protezzjoni tax-xogħol; jenfasizza li l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali m'għandhomx ikunu limitati għall-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, iżda għandhom jiġu inklużi wkoll f'kapitoli oħra ta' ftehimiet kummerċjali, bħal dawk li jikkonċernaw l-investiment, il-kummerċ fis-servizzi, il-kooperazzjoni regolatorja u l-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol u l-konformità magħhom ikunu soġġetti għal proċess effikaċi ta' monitoraġġ, li jinvolvi lis-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; iqis li t-tilwin li jinqala' rigward dispożizzjonijiet tax-xogħol għandu jkun soġġett għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluża l-possibilità li jiġu imposti miżuri ta' deterrent, u b'kunsiderazzjoni xierqa mill-korpi superviżorji tal-ILO kif ukoll referenza għall-ġurisdizzjoni tal-ILO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi, l-ewwel nett, klawsola ta' reviżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lil waħda mill-partijiet toħroġ mill-ftehim jew sabiex tissospendi jew treġġa' lura l-impenji, b'mod partikolari f'każ ta' ksur tal-istandards soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u, it-tieni, klawsola ta' salvagwardja soċjali li tiżgura l-prevenzjoni tat-tneħħija tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol;

16.  Jemmen li, b'attenzjoni partikolari għaż-żamma ta' standards soċjali għoljin fil-kummerċ internazzjonali, iridu jiġu żviluppati ċentri ta' medjazzjoni internazzjonali xierqa u extraġudizzjarji soġġetti għall-prinċipji ta' trasparenza u skrutinju demokratiku;

17.  Jirrakkomanda li l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs), li l-kompiti tagħhom jinkludu li jindirizzaw il-ksur tal-klawsoli soċjali skont il-ftehimiet kummerċjali u n-nuqqasijiet fir-rispett tal-liġi tax-xogħol u tal-istandards soċjali, għandhom jirċievu finanzjament suffiċjenti biex ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effettiv u għandu jkollhom sħubija li tiżgura rappreżentanza bilanċjata ta' organizzazzjonijiet tax-xogħol u kummerċjali kif ukoll organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, li l-laqgħat konġunti tad-DAGs miż-żewġ naħat tal-ftehim kummerċjali għandhom jiġu istituzzjonalizzati, u li kull DAG għandu jkollu s-segretarjat tiegħu stess, u li d-DAGs għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw midja aktar avvanzata sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja tal-ispettorati tax-xogħol u dawk soċjali tal-Istati Membri, li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Pjattaforma Ewropea kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat, li jiżdiedu r-riżorsi tal-ispettorati fejn meħtieġ sabiex jista' jkun hemm kontroll effettiv tal-istandards tax-xogħol f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, li jiġi żgurat li l-liġi tax-xogħol tkun applikata, li tiġi ggarantita protezzjoni essenzjali għall-ħaddiema fl-eżerċizzju tal-professjonijiet tagħhom, u li jiġu evitati jew limitati l-infrazzjonijiet kollha kull fejn hu possibbli f'dan il-qasam;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' produzzjoni globali u li dawn ikunu sostenibbli u trasparenti; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi miżuri ta' natura volontarja fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni, fejn xieraq u fattibbli, biex tittejjeb id-diliġenza dovuta fil-katina tal-produzzjoni globali; jinnota, madankollu, li l-SMEs jistgħu jkunu eżentati mill-inizjattivi tas-CSR obbligtorji; huwa tal-fehma li s-CSR teħtieġ politika tat-tassazzjoni ġusta u għalhekk hija inkompatibbli ma' strateġiji kontra l-evażjoni tat-taxxa;

20.  Jenfasizza li l-istrumenti ta' difiża kummerċjali jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-forom kollha ta' kompetizzjoni mhux ġusta; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, konsegwentement, biex jiżblukkaw ir-riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali, mingħajr ma jddgħajfuhom, sabiex jagħmluhom aktar rapidi, aktar effikaċi u aktar aċċessibbli għall-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe tibdil fil-liġi tal-UE dwar l-antidumping iżomm il-kapaċità tal-Unjoni li tieħu azzjoni f'waqtha, meħtieġa u effikaċi biex tindirizza prattiki tas-suq kontra l-kompetittività mis-sħab kummerċjali tagħha u tiżgura li l-kumpaniji tal-UE jkomplu joperaw f'kuntest ekwu globali; jinnota li ċ-Ċina ma tissodisfax, għal issa, il-ħames kriterji tekniċi tal-UE għad-definizzjoni ta' ekonomija tas-suq, u għalhekk huwa kontra li ċ-Ċina tingħata l-istatus ta' ekonomija tas-suq (MES), minħabba l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-prattiki ta' kompetizzjoni żleali min-naħa taċ-Ċina;

21.  Jiddeplora l-fatt li 13 % biss tal-SMEs Ewropej joperaw internazzjonalment barra mill-UE u jirrimarka li ħafna SMEs qed jinżammu milli jagħmlu dan minħabba ostakli mhux tariffarji; jistenna li ostakli partikolari li jiffaċċjaw l-SMEs jiġu kkunsidrati fin-negozjati ta' ftehimiet ġodda, sabiex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ftehimiet kummerċjali ġodda;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni ex ante bejn is-servizzi differenti tagħha li jieħdu ħsieb il-kummerċ u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-gvernijiet ikollhom l-opportunità li jadottaw politiki dwar l-akkwist responsabbli mil-lat soċjali u ambjentali; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist ma għandhomx iżommu lill-gvernijiet milli jindirizzaw il-bżonnijiet tas-soċjetà u dawk ambjentali u li l-ftehimiet m'għandhomx jillimitaw l-abilità li jsiru talbiet soċjali, kif iddikjarat fid-direttivi l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku; jemmen, barra minn hekk, li l-politiki dwar l-akkwist pubbliku għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni 94 tal-ILO dwar il-klawsoli tax-xogħol fil-kuntratti pubbliċi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu biss impenji ferm limitati fir-rigward ta' dispożizzjonijiet futuri dwar is-servizzi pprovduti b'mod diġitali jew b'mezzi elettroniċi, sabiex ma ddgħajjifx l-istandards għoljin tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jeżistu fl-UE fil-kuntest ta' ekonomija dejjem aktar diġitalizzata.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Tiziana Beghin, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Javi López, Morten Løkkegaard, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Maria Arena, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Rosa Estaràs Ferragut, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Joachim Schuster, Csaba Sógor, Helga Stevens, Ivo Vajgl, Tom Vandenkendelaere, Gabriele Zimmer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernando Ruas

(1)

COM(2015)0497


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (7.4.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Theresa Griffin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"; jinnota li 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji matul l-10-15-il sena li ġejjin se jiġi minn barra l-UE u li l-ekonomiji emerġenti l-kbar ser ikollhom rwol ewlieni f'dan; iqis li l-kummerċ u l-investiment f'oġġetti u servizzi huma ta' importanza kritika biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku tal-UE permezz tal-ftuħ ta' swieq ġodda għall-esportazzjoni għall-industrija tal-UE, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u tkabbir sostenibbli u ekoloġiku u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-Ewropa jkollha strateġija soda li tħares 'il quddiem, li tibni fuq politika industrijali koerenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-aġenda diġitali;

2.  Jenfasizza li l-politiki ta' kummerċ u ta' investiment irid ikollhom l-għan li jiftħu aċċess ġdid għas-suq għan-negozji tal-UE sabiex jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja b'kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, u li dawn il-politiki għandhom jitfasslu b'tali mod li jkunu f'konformità ma' strateġija ta' reindustrijalizzazzjoni bbażata fuq il-kompetizzjoni ġusta u r-reċiproċità u jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għall-industriji tal-UE;

3.  Jinnota l-importanza li qed tiżdied tas-servizzi fil-kummerċ internazzjonali u tal-interkonnessjonijiet aktar b'saħħithom bejn is-servizzi, il-manifattura u l-investiment dirett barrani hekk kif il-ktajjen ta' valur mondjali qed isiru dejjem aktar sinifikanti; jemmen li din l-interkonnettività trid titqies fin-negozjati kummerċjali kollha sabiex l-industrija Ewropea tgawdi l-benefiċċji sħaħ;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-SMEs u n-negozji ġodda għall-kummerċ u l-investiment, b'mod parallel mal-importanza industrijali strateġika tagħhom, peress li hemm aktar minn 600 000 SME li huma impenjati f'kummerċ barra mill-UE, li jammonta għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE, li jimpjega aktar minn 6 miljun persuna u li jirrappreżenta l-maġġor parti tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza l-importanza ta' perjodi ta' tranżizzjoni li jippermettu l-industrija u l-SMEs jadattaw għall-impatti ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali ġodda; jitlob li ftehimiet kummerċjali futuri sistematikament jiddedikaw kapitoli speċifiċi għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni faċli għall-utent dwar opportunitajiet kummerċjali għall-SMEs u tipprovdilhom appoġġ biex jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet inkluż permezz tal-fondi strutturali tal-UE;

5.  Ifakkar li l-politika tal-kummerċ hi għodda li tippromovi żvilupp sostenibbli, inkluż billi tippromovi standards għolja ambjentjali, soċjali u tax-xogħol kif definit mill-Konvenzjonijiet tal-ILO, li għandhom ikunu inkorporati fil-ftehimiet ta' kummerċ kollha, u li l-applikazzjoni adegwata tagħhom għandha tkun sorveljata mill-qrib; jilqa' s-sejħa tal-Kummissjoni li tippromovi kapitolu dwar żvilupp sostenibbli ambizzjuż u innovattiv fil-ftehimiet ta' kummerċ u investiment kollha;

6.  Jenfasizza l-importanza li jinżammu l-istandards għoljin f'termini ta' leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-istandards ambjentali fl-industrija u l-manifattura fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali jikkonsolidaw dawn l-istandards u jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tiżgura l-konformità mal-istandards Ewropej fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi;

8.  Jenfasizza r-rwol ta' tmexxija tal-UE f'azzjoni klimatika u jikkunsidraha kruċjali li tinżamm l-ambizzjoni f'dan ir-rigward; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jiġu inklużi salvagwardji fil-ftehimiet kummerċjali li jimpedixxu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju peress li ċ-ċaqliq ta' proċessi effiċjenti tal-UE għal sistemi anqas sostenibbli jista' jwassal għal żieda f'emissjonijiet globali ġenerali, li jistgħu jkunu kontroproduttiv biex jintlaħqu l-objettivi deskritti fil-COP21;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sħab kummerċjali tal-UE ma jitħallewx jinvolvu ruħhom fi prattiki mhux kompetittivi, inklużi dumping soċjali jew ambjentali, b'mod partikolari d-dumping ta' prodotti rħas fl-Ewropa, miżuri protezzjonisti u dikriminatorji li jpoġġu l-istardards tal-UE f'riskju u jiddistabilizzaw l-industrija Ewropea, u l-ħtieġa li l-UE tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiddefendi ruħha minn prattiki kummerċjali inġusti; jinsab imħasseb, f'dan il-kuntest, dwar il-possibbiltà li ċ-Ċina tingħata l-istatus ta' ekonomija tas-suq (SES), u jitlob lill-Kummissjoni għal valutazzjoni tal-impatt detteljata u komprensiva li tevalwa x-xenarji possibbli fil-kuntest tas-SES għaċ-Ċina, b'attenzjoni speċjali għall-effetti tiegħu fuq is-setturi tal-manifattura tal-UE, il-konsumaturi, il-politiki ta' investiment u l-kompetittività, inkluż fir-rigward tal-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-Programm ta' Ħidma tagħha, l-iżvilupp ta' għodda leġiżlattiva effikaċi aġġornata li tippermetti lill-UE timpedixxi dawn il-prattiki, li qed jaffettwaw b'mod qawwi l-irkupru industrijali tagħna u l-kapaċità tagħna li ninvestu, ninnovaw u nikkompetu;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora b'mod rapidu fis-setturi industrijali kruċjali, bħall-azzar u ċ-ċeramika, biex iħaffu, bħala kwistjoni ta' prijorità, ir-riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-UE mibdija fl-2013 sabiex itejbu r-reattività u l-effikaċja tagħhom u biex jindirizzaw il-kompetizzjoni inġusta; jenfasizza li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar din ir-riforma fil-5 ta' Frar 2014 (2013/0103(COD)), li fiha sejjaħ b'mod partikolari biex jitqassar il-ħin ta' investigazzjonijiet antidumping, f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO;

11.  Ifakkar li l-kisba tal-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina fil-kondizzjonijiet attwali, jagħmilha aktar diffiċli biex jitnedew proċeduri antidumping kontra l-esportazzjonijiet Ċiniżi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-iżvilupp tal-politiki kummerċjali u ta' investiment tagħha, biex tevita d-delokalizzazzjoni ta' faċilitajiet ta' manifattura Ewropej għal barra l-UE, sabiex jinżammu l-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE;

13.  Iqis li l-Kummissjoni, meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles, għandha tiżgura li prattiki li jikkawżaw distorzjoni, bħalma huma l-mekkaniżmi ta' pprezzar doppju u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-materja prima, ikunu pprojbiti;

14.  Jirrimarka li fil-każ tal-industriji kollha tal-metalli bażiċi li huma strateġiċi għall-ekonomija tagħna, teżisti sitwazzjoni ta' kompetizzjoni globali; iqis urġenti li l-Kummissjoni tieħu s-suq dinji bħala s-suq ta' referenza u ma tillimitax l-investigazzjonijiet tagħha biss għas-suq intern fid-definizzjoni tagħha ta' suq rilevanti;

15.  Jinnota l-ħtieġa, fil-"Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" tal-Kummissjoni, li tingħata spinta lill-investiment fl-UE, u biex jitqiesu strateġiji kummerċjali bħala mezz essenzjali sabiex jinkiseb dan l-għan;

16.  Jemmen li l-politiki dwar il-kummerċ u l-investiment li jħarsu 'l quddiem għandhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tas-suq tat-telekomunikazzjoni, id-drittijiet tal-awtur u l-ekonomija diġitali fl-Ewropa u jistgħu jġibu benefiċċji ċari għall-konsumaturi u n-negozji tal-UE, inklużi l-SMEs; jenfasizza li Suq Uniku Diġitali huwa kruċjali biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE; jenfasizza li għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi f'termini ta' reċiproċità fir-rigward tal-aċċess għas-swieq u li l-atturi tas-suq mhux tal-UE jridu jikkonformaw ma' standards tal-industrija u tal-konsumaturi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli eżistenti għall-kummerċ fl-ekonomija diġitali, fi flussi transkonfinali tad-data, fil-ħżin tad-data u l-protezzjoni tad-data u tal-konsumatur fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri, sabiex tiżgura li l-ekonomija diġitali tista' tkompli tadatta u tikber għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni Ewropea tal-protezzjoni tad-data ma tiġix affettwata mill-ftehimiet ta' kummerċ attwali u futuri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dritt li tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-proprjetà intellettwali jkun imħares fi ftehimiet kummerċjali futuri, b'mod partikolari fil-qasam tat-trasferiment tat-teknoloġija;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-korpi tar-riċerka Ewropej jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv ma' sħab potenzjali barra mill-UE bl-għan li jiġi ottimizzat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u biex jiġi evitat l-eżodu ta' mħuħ; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fir-riċerka;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi globali biex ikomplu jiżviluppaw teknoloġiji tal-enerġija nadifa bl-għan li ssir tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali fl-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-enerġija;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromovi d-diversifikazzjoni tal-fornituri, ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija permezz tal-identifikazzjoni ta' sħab kummerċjali ġodda tal-enerġija u permezz tal-kooperazzjoni reġjonali, biex b'hekk tinħoloq aktar kompetizzjoni u jitnaqqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi tal-enerġija Ewropej; jenfasizza li l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija huma kruċjali biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni; jenfasizza l-importanza li jkunu inklużi dispożizzjonijiet fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles biex jinbnew sħubijiet tal-enerġija sostenibbli kif ukoll tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknoloġika speċjalment fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija; jirrakkomanda li ftehimiet kummerċjali ġodda għandhom jinkludu kapitolu dwar l-enerġija u l-materja prima;

21.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE għal gass naturali likwifikat (LNG) u għall-ħażna tal-gass; iqis li l-iżviluppi globali riċenti tas-suq tal-gass naturali jirrappreżentaw opportunità enormi għall-Ewropa biex iżżid is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u toħloq suq aktar kompetittiv; jitlob it-tlestija rapida tal-proġetti ta' interess komuni (PCI) biex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ l-infrastruttura korretta sabiex jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet akbar ta' kummerċ tal-gass;

22.  Jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim "dinamiku" dwar il-prodotti ekoloġiċi li bħalissa qed jiġi negozjat, filwaqt li jiżgura li l-ftehim ikun jista' jinfetaħ aktar tard għal aktar sħab tad-WTO biex jingħaqdu u fil-ġejjieni jinkludi servizzi ekoloġiċi, biex b'hekk jippromovi l-industrija tat-teknoloġija ekoloġika Ewropea, jgħin biex jintlaħqu l-miri dwar il-klima u l-enerġija maqbula fil-Ftehim dwar il-klima f'Pariġi 2015 u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ugwaljanza ta' persuni suwed, Asjatiċi u ta' minoranza etnika (BAME) fl-iżvilupp ta' politiki ta' kummerċ u investiment.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, David Borrelli, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Philippe De Backer, Fredrick Federley, Theresa Griffin, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Nadine Morano, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Michał Boni, Eugen Freund, Françoise Grossetête, Benedek Jávor, Jude Kirton-Darling, Werner Langen, Svetoslav Hristov Malinov, Marian-Jean Marinescu, Marisa Matias, Sorin Moisă, Clare Moody, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Maria Spyraki, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Momchil Nekov, Jana Žitňanská


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (2.5.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dita Charanzová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497);

2.  Jisħaq fuq ir-rabta bejn is-suq uniku u l-politika kummerċjali tal-UE, li għandhom ikunu kompatibbli bis-sħiħ ma' xulxin u mal-politiki u l-valuri ġenerali tal-Unjoni; jemmen li kummerċ dinji miftuħ, responsabbli u ħieles, imsejjes fuq regoli globali effikaċi, trasparenti u b'saħħithom, huwa essenzjali biex is-suq uniku jkun jista' jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu billi jiffunzjona, jikber u jistinka għall-benefiċċju reċiproku taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

3.  Jenfasizza li, minħabba l-istatus tal-UE bħala l-akbar ekonomija fid-dinja, il-kummerċ sostenibbli u responsabbli huwa l-aktar għodda ta' politika qawwija li l-Unjoni għandha kemm biex tappoġġa l-investiment, in-negozju u l-interessi Ewropej u kemm biex tippromwovi l-valuri Ewropej barra mill-Unjoni, filwaqt li trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-investiment u toħloq impjiegi fi ħdanha stess; jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb is-sinerġiji bejn il-kummerċ u l-politiki tas-suq intern u jirrakkomanda li dawn il-politiki jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Ifakkar li l-ftuħ tal-kummerċ iwassal għal produttività akbar, iħeġġeġ żieda fil-kompetittività esterna mkabbra u diġà jappoġġa kważi wieħed minn seba' impjiegi fis-suq uniku minbarra li jġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-konsumatur;

5.  Iqis li, fil-kuntest ekonomiku u kummerċjali attwali, żmien il-miżuri ta' protezzjoniżmu għadda u f'xi każijiet dawn saru saħansitra awtodistruttivi peress li l-prodotti u s-servizzi Ewropej huma parti minn ktajjen ta' valur globali; iqis, madankollu, li s-sistema attwali ta' difiża kummerċjali fl-UE trid tiġi aġġornata biex tipprovdi risposta xierqa għall-imġiba inġusta li taffettwa n-negozju internazzjonali f'dinja globalizzata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-ktajjen ta' valur transkonfinali tal-prodotti u s-servizzi billi jtejbu l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna u t-tkabbir ekonomiku permezz tat-tnaqqis tal-ostakoli kummerċjali mhux ġustifikati;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha jsegwu l-istess regoli; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex iżżomm sod kontra l-kompetizzjoni inġusta u n-nuqqas ta' konformità kemm mal-prinċipji tad-WTO kif ukoll mal-impenji li ħadu s-sħab kummerċjali tagħha;

7.  Iqis li l-parteċipazzjoni tal-SMEs Ewropej fil-ktajjen ta' valur globali hija marbuta direttament mal-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni; jitlob, fid-dawl ta' dan, li l-Kummissjoni tieħu aktar miżuri biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għal swieq terzi;

8.  Jilqa' l-kummenti tal-istrateġija dwar ir-rwol li l-investiment dirett barrani jiżvolġi fl-Istati Membri u fis-suq uniku, u jappoġġa l-isforzi kollha maħsuba biex jinkoraġġixxu aktar investimenti diretti barranin fl-Ewropa;

9.  Filwaqt li jirrikonoxxi li l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 15-20 % tal-PDG globali, jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jittieħed approċċ olistiku u ambizzjuż għall-akkwist pubbliku, speċjalment fi ħdan it-TTIP, fejn 32 % biss tas-suq tal-Istati Uniti bħalissa huwa miftuħ għan-negozju tal-UE; jinnota li l-UE diġà fetħet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha fil-wisa', iżda l-kumpaniji Ewropej għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet barra mill-Ewropa u ma' nuqqas ta' reċiproċità; jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex taħdem ħalli ttejjeb sostanzjalment l-aċċess reċiproku u trasparenti għas-suq għall-kumpaniji Ewropej barra mill-Ewropa filwaqt li żżomm aċċess miftuħ għas-suq uniku; jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni dwar l-Istrument ta' Akkwist Internazzjonali (IPI);

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-direttivi l-ġodda fil-qasam tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjonijiet jiġu osservati fin-negozjati kummerċjali kollha, b'mod partikolari rigward id-definizzjoni tal-kooperazzjoni pubblika-pubblika, l-esklużjonijiet, l-aċċess tal-SMEs u l-użu tal-kriterji tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (MEAT); jitlob li jkun hemm tranżizzjoni aktar mgħaġġla lejn l-akkwist elettroniku sabiex l-aċċess għall-akkwist pubbliku jiġi ffaċilitat għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs;

11.  Jemmen li l-obbligu li min iressaq ilment fil-kuntest ta' investigazzjoni jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu u juri bil-provi li l-miżuri kkonċernati huma fl-interess ġenerali tal-Komunità huwa konformi ma' prinċipji legali u loġiċi sodi;

12.  Jilqa' l-wegħda tal-Kummissjoni li l-ebda ftehim kummerċjali mhu se jdgħajjef il-kisbiet magħmula mill-istandards Ewropej għall-ħarsien tal-konsumatur, inkluż fil-kuntest tar-rivoluzzjoni diġitali; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament se jkompli jikkontrolla mill-qrib li n-negozjati li għaddejjin bħalissa jirrispettaw din il-wegħda;

13.  Jappella għal miżuri li jappoġġaw lill-konsumatur fil-kuntest tal-kummerċ transkonfinali fil-prodotti u s-servizzi ma' pajjiżi terzi, pereżempju fil-forma ta' help desks online li jipprovdu informazzjoni jew pariri b'rabta ma' każijiet ta' tilwim;

14.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-politika kummerċjali tista' tirnexxi biss jekk l-Ewropa tkompli tiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakoli għat-tlestija tas-suq uniku, fuq l-indirizzar tal-frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni, fuq it-tnaqqis tal-burokrazija u fuq il-promozzjoni ta' aktar kompetizzjoni fis-suq uniku, partikolarment fis-settur tas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar kif jistgħu jitneħħew l-ostakoli mhux tariffarji fis-suq uniku sabiex jiġi żgurat kummerċ ħieles kemm ġewwa kif ukoll barra mill-fruntieri tal-Unjoni; jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni li tagħmel l-inizjattivi kummerċjali sinifikanti kollha soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt kompluti u jinkoraġġixxi wkoll it-twettiq ta' evalwazzjonijiet ex post; jappoġġa żieda fit-trasparenza reċiproka u titjib fil-proċessi regolatorji fi ħdan il-ftehimiet kummerċjali mingħajr ma jkun hemm ksur tad-dritt nazzjonali għar-regolamentazzjoni;

15.  Jieħu nota tan-negozjati dwar Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u jissottolinja l-fatt li, peress li s-servizzi diġà jirrappreżentaw 70 % tal-GDP u tal-impjiegi tal-UE, il-fornituri tas-servizzi jeħtiġilhom jingħataw aċċess akbar għas-swieq lil hinn mill-Ewropa; jappella biex il-progress fin-negozjati dwar it-TiSA jkun konsistenti mal-pożizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tqis l-interessi tal-Istati Membri differenti, hija u tinnegozja l-iskedi ta' impenji fit-TiSA u t-TTIP; jilqa', fl-istess ħin, l-impenn li l-gvernijiet ma jkunux meħtieġa jibdlu l-mod kif jirregolaw jew jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi;

16.  Jieħu nota tan-negozjati tat-TTIP u jenfasizza li huwa ta' importanza politika kbira li dawn jiġu konklużi b'suċċess; jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rapport tal-Parlament u, b'mod partikolari, l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu; jappella biex in-negozjati jiġu kkompletati malajr kemm jista' jkun, filwaqt li xorta jwasslu għal ftehim ambizzjuż, komprensiv u bilanċjat; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni akbar fuq il-kontropartijiet Amerikani tagħha sabiex dawn jagħmlu proposti u jieħdu impenji bil-għan li n-negozjati jimxu 'l quddiem;

17.  Jirrikonoxxi li t-trasparenza fil-politika kummerċjali hija importanti għall-fiduċja tal-konsumaturi f'regolamentazzjoni aħjar u fil-leġittimità tal-politika kummerċjali tal-UE barra mill-Unjoni; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni żżomm l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza fin-negozjati kummerċjali, inkluż permezz tal-aċċess għat-testi ta' negozjar u permezz ta' konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili matul dawn il-proċessi;

18.  Jappella għal aktar kooperazzjoni regolatorja internazzjonali, speċjalment mal-Istati Uniti u mal-Ġappun;

19.  Jilqa' l-enfasi li saret fuq is-Suq Uniku Diġitali bħala parti mis-suq diġitali globali u fuq il-prevenzjoni tal-iżvilupp ta' ostakoli ġodda għall-kummerċ fi prodotti u servizzi diġitali u l-kummerċ elettroniku; jappoġġa l-miżuri kollha maħsuba biex iżidu l-fluss liberu tad-data, dment li r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jiġu osservati, u l-isforzi kollha biex jinkiseb titjib fil-faċilitazzjoni tal-kummerċ online f'livell multilaterali u, b'mod parallel, mad-WTO; jissottolinja l-importanza li r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jiġu rispettati; jaqbel bis-sħiħ mal-istqarrija li l-kooperazzjoni regolatorja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-armonizzazzjoni tal-istandards huma l-aħjar għodod biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ekonomija diġitali;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għal-livell għoli tal-kompetittività esterna tal-fornituri Ewropej ta' servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, fin-negozjati kummerċjali, kemm il-liberalizzazzjoni gradwali u reċiproka tas-servizzi kif ukoll politika ta' aktar trasparenza u prevedibbiltà tar-regoli u r-regolamenti, sabiex iċ-ċittadini u l-intraprendituri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun jista' jkollhom aċċess għal firxa usa' ta' servizzi, li xi wħud minnhom jistgħu jiġu pprovduti minn fornituri Ewropej ta' servizzi li huma kompetittivi ħafna;

21.  Jappella biex isiru negozjati – fi ħdan il-ftehimiet kummerċjali jew b'mod parallel għalihom – dwar mobbiltà akbar għall-professjonisti, il-ħaddiema u l-istudenti, u dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali miżuri jkunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi, partikolarment fl-Artikolu 16 tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu u jekk din hijiex taħdem fil-prattika;

22.  Iħeġġeġ l-użu u l-ħolqien ta' standards tekniċi internazzjonali ulterjuri bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt, u l-isforzi kollha mmirati biex jiżguraw l-involviment sħiħ tas-sħab kummerċjali tagħna fil-korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni; ma jemminx, madankollu, li n-nuqqas ta' standard internazzjonali komuni għandu jimpedixxi r-rikonoxximent reċiproku ta' ekwivalenza, fejn xieraq, jew sforzi lejn standards trans-Atlantiċi komuni;

23.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn sistema ta' kontroll doganali diġitizzata, flimkien ma' kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri imkarigati mid-dwana u mis-sorveljanza tas-suq, sabiex jitħaffu t-trasferimenti tal-merkanzija u jiġi indirizzat l-iffalsifikar fil-ktajjen ta' forniment globali filwaqt li jiġi żgurati l-kontroll tal-kwalità u l-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward ta' prodotti u servizzi importati; jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni intiża biex issaħħaħ il-kooperazzjoni doganali internazzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien għall-prevenzjoni tad-dħul fl-UE ta' merkanzija li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fost is-sħab kummerċjali kollha;

24.  Jisħaq fuq l-importanza li l-innovazzjoni u l-kwalità jiġu promossi bħala valur miżjud tal-prodotti Ewropej; jinnota li r-rikonoxximent tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-ftehimiet kummerċjali għandu jkun prijorità;

25.  Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni mmirati lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tal-kummerċ internazzjonali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw bis-serjetà l-idea li jitwaqqaf servizz doganali unifikat tal-UE għal implimentazzjoni aktar effikaċi tar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali kollu tal-UE;

27.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE ma tistax tkun limitata għall-ftuħ ta' negozjati ġodda, iżda trid tiżgura wkoll l-implimentazzjoni adegwata tal-ftehimiet innegozjati u trid tiġġieled iż-żieda ta' ostakoli mhux tariffarji ġodda u mhux ġustifikati bejn l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha, li jillimitaw l-aċċess effettiv tal-kumpaniji għas-swieq barranin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Edward Czesak, Julia Reda, Dariusz Rosati, Lambert van Nistelrooij, Sabine Verheyen, Kerstin Westphal


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (7.6.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

(2015/2105(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Esther Herranz García

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Hu tal-fehma li l-politika agrikola komuni ilha pilastru tal-politika Ewropea mill-introduzzjoni tagħha fl-1962; ifakkar li, mit-twaqqif tal-PAK, l-UE insistiet dwar "il-preferenza Komunitarja", li tikkonsisti f'li tingħata prijorità lill-prodotti li ġejjin mill-Istati Membri;

2.  Jirrimarka li l-politika agrikola komuni tal-UE tmur kontra l-politiki agrikoli ewlenin fil-bqija tad-dinja, fejn l-appoġġ lill-bdiewa huwa direttament marbut mal-prezzijiet jew il-volum tal-produzzjoni u huwa ta' natura antiċiklika; hu tal-fehma li hu importanti f'dawn iċ-ċirkustanzi li jiġu negozjati ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-qasam tal-agrikoltura li ma jfixklux l-istabbiltà tas-settur agrikolu u rurali Ewropew;

3.  Jenfasizza li l-kummerċ agrikolu u s-settur agroalimentari jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari f'żoni rurali, u jissottolinja li l-investiment fis-settur u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE bħala attur ewlieni fis-suq globali huma essenzjali għall-ġejjieni tal-biedja fl-Unjoni;

4.  Huwa konxju mill-fatt li l-bdiewa tal-UE ser jiffaċċjaw sfidi kbar fil-ġejjieni, u jqis li din hija r-raġuni għaliex qafas komuni Ewropew stabbli li jappoġġja lill-bdiewa tal-UE permezz tal-PAK huwa indispensabbli sabiex jitħeġġeġ l-investiment u tingħata spinta lit-tkabbir fis-settur agroalimentari;

5.  Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tirreferi għall-industrija agroalimentari bħala settur li fih l-opportunitajiet għall-esportazzjoni huma ta' importanza kruċjali u li dan is-settur għandu jiġi promoss b'mod attiv permezz ta' strateġija tal-Unjoni ġdida għall-kummerċ u l-investiment;

6.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata aktar koerenza bejn il-miżuri proposti fil-qafas tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Unjoni u dawk adottati fil-kuntest tal-PAK, sabiex jigi garantit introjtu adegwat għall-bdiewa u jinżamm mudell ta' produzzjoni Ewropew li jirrispetta l-ambjent, l-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-bilanċ reġjonali; ifakkar fil-bżonn, kif diġà ġie ssottolinjat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar it-TTIP, li tiġi ggarantita l-vijabbiltà ekonomika u soċjali tal-mudell agrikolu Ewropew;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd" naqset milli tirrikonoxxi b'mod espliċitu n-natura multifunzjonali u l-partikolaritajiet tas-settur tal-biedja, bħala element prinċipali li għandu jitqies fl-iżvilupp tal-politika kummerċjali tal-UE;

8.  Iqis li l-ftuħ ta' swieq ġodda għall-produzzjoni agrikola tal-UE, bħal prodotti tal-ħalib, laħam u annimali ħajjin, frott u ħaxix, huwa importanti fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-biedja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati swieq ġodda b'potenzjal għoli ta' xiri;

9.  Jinkoraġġixxi n-negozjar u l-approvazzjoni tal-ftehimiet bilaterali jew multilaterali esklużivament ma' pajjiżi terzi li huma bbilanċjati u li x'aktarx jipprovdu salvagwardji speċjali għal setturi sensittivi u protezzjoni adegwata għall-produtturi agrikoli Ewropej kollha; jappoġġja bil-qawwa l-esklużjoni ta' setturi li jistgħu jiġu affettwati serjament;

10.  Huwa tal-opinjoni li t-traċċabbiltà tal-prodotti agrikoli u regoli tal-oriġini effikaċi għandhom jiġu difiżi fin-negozjati tal-FTA, u b'hekk tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn dawk ir-regoli jiġu mminati minn ftehimiet oħrajn konklużi bejn is-sħab tal-FTA tal-UE u pajjiżi terzi oħra; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex teskludi prodotti agrikoli sensittivi minn kull tip ta' kumulu tar-regoli tal-oriġini; ifakkar lill-Kummissjoni li l-għan tan-negozjati tal-FTA huwa l-faċilitazzjoni tal-kummerċ ta' prodotti li verament ġejjin mill-UE u ta' prodotti tas-sħab tal-FTA tal-UE;

11.  Iqis li jeħtieġ li jitqiesu l-iżvantaġġi speċifiċi tal-bdiewa żgħar u ż-żoni vulnerabbli; jemmen li l-UE għandha żżomm il-marka kummerċjali b'saħħitha tagħha ta' produzzjoni ta' kwalità għolja; huwa favur djalogu komprensiv mal-partijiet interessati fis-settur agroalimentari Ewropew qabel ma jitniedu negozjati ġodda għall-kummerċ ħieles;

12.  Iqis li l-FTA li ser jiġi konkluż mal-Kanada u dawk li bħalissa qed jiġu nnegozjati mal-Istati Uniti u l-Mercosur jew dawk previsti mal-Awstralja u New Zealand ser jiftħu s-suq tal-UE għall-produtturi agrikoli l-iktar kompetittivi fid-dinja u għal dawk li għandhom l-akbar potenzjal fil-qasam tal-esportazzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiddefendi prodotti agrikoli sensittivi b'mod xieraq;

13.  Ifakkar li l-Istati Uniti għadha l-akbar suq għall-esportazzjoni agrikola tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozjati dwar it-TTIP iwasslu għal ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment li jkun ambizzjuż, globali, ibbilanċjat u ta' livell għoli u li jippromovi tkabbir sostenibbli u inklużiv, kif ukoll żieda fil-flussi kummerċjali għas-settur agrikolu tal-UE;

14.  Iqis neċessarju li jissaħħaħ il-valur miżjud tal-biedja u li jitniedu kampanji ta' promozzjoni bl-għan li jinfetħu swieq ġodda; jenfasizza fuq kollox li huwa essenzjali li jissaħħu l-iskemi ta' kwalità fil-livell tal-UE, peress li dawn jiżguraw l-aħjar immaġni tal-marka għall-prodotti tal-UE fis-suq dinji, u b'hekk jirriżultaw f'benefiċċji indiretti għall-biedja Ewropea kollha kemm hi;

15.  Iqis li huwa essenzjali, madankollu, li tiġi inkoraġġuta d-domanda interna għal dak li jikkonċerna l-konsum ta' frott u ħaxix b'mod partikolari, peress li 24 mit-28 Stat Membru jikkonsmaw inqas mill-porzjon ta' kuljum ta' 400 grammi rakkomandata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

16.  Jilqa' l-valutazzjoni realistika tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas persistenti ta' progress fir-rigward tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA); jemmen li, anke jekk in-negozjati multilaterali huma indispensabbli, id-DDA kjarament ma ssodisfatx l-aspettativi tas-settur agroalimentari Ewropew, minkejja l-konċessjonijiet unilaterali mill-UE bħal dawk magħmula fl-10 Konferenza Ministerjali f'Nairobi; jitlob, għaldaqstant, li l-UE tiddefinixxi strateġija ġdida u aktar effikaċi għan-negozjati multilaterali fi ħdan id-WTO;

17.  Jissottolinja l-importanza ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni (AA)/Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna għas-settur agrikolu tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u rapida ta' dawn il-ftehimiet;

18.  Jemmen li, fit-twettiq tan-negozjati kummerċjali li jaffettwaw direttament l-interessi agrikoli Ewropej, għandu jiġi rikonoxxut li l-Kummissarju responsabbli għall-agrikoltura jaqdi rwol ewlieni għal dak li jikkonċerna l-aspetti agrikoli kollha; iqis li, fir-rigward tal-funzjonament ta' kolleġġjalità fil-Kummissjoni, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali jekk tali Kummissarju jqis li din tmur kontra l-interessi fundamentali tal-agrikoltura tal-UE;

19.  Jenfasizza li l-agrikoltura tikkostitwixxi kwistjoni politika strateġika ħafna, li s-sigurtà tal-ikel u l-istil ta' ħajja tal-Ewropej kollha jiddependu fuq l-agrikoltura, u l-istrateġija kummerċjali tal-UE għandha tkun koerenti mal-għanijiet tal-PAK kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE; jopponi, għaldaqstant, in-negozjati kollha li jistgħu jipperikolaw l-isforzi magħmula fil-qasam tal-investiment tas-settur agroalimentari Ewropew jew li fil-qafas tagħhom l-agrikoltura Ewropea titqies mhux essenzjali u li tista' tintuża bħala vantaġġ fin-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tieqaf tpoġġi l-interessi tal-industrija u s-servizzi qabel dawk tal-agrikoltura;

20.  Jiddeplora, barra minn hekk, sitwazzjonijiet fejn il-bdiewa jesperjenzaw il-konsegwenzi ta' kunflitti politiċi li l-kawża tagħhom ma tkunx l-agrikoltura;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddidiet marbuta mal-effett kumulattiv ta' konċessjonijiet tariffarji, kemm jekk jirriżultaw minn negozjati multilaterali jew bilaterali kif ukoll jekk jirriżultaw minn skemi awtonomi bħall-GSP ; jirrimarka li 71 % tal-importazzjonijiet agroalimentari kollha tal-UE diġà jidħlu bla dazju;

22.  Iqis li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jinkludu klawżoli ta' salvagwardja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jiġu attivati minn mekkaniżmi simplifikati u flessibbli;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun prudenti ħafna fit-tħejjija jew ir-reviżjoni ta' offerti għall-aċċess tas-suq f'negozjati kummerċjali, u tistabbilixxi strateġija biex jiġu protetti setturi sensittivi; jitlob li tali offerti jiġu sistematikament ibbażati fuq valutazzjoni indipendenti u eżawrjenti tal-impatt li konċessjonijiet kummerċjali ġodda favur pajjiżi terzi ser ikollhom fuq is-settur agrikolu tal-UE;

24.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt individwali għal kull proposta ġdida għal ftehim kummerċjali, fosthom analiżi tal-effetti fuq swieq lokali u reġjonali; jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt fuq l-effett kumulattiv tad-diversi kwoti ta' prodotti sensittivi diġà mogħtija lil sħabna (li qed jiġu nnegozjati jew ippjanati), kif imwiegħed mill-Kummissjoni fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd fil-11 ta' April 2016;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-konstatazzjonijiet tagħha lill-Parlament fi żmien utli u tistenna l-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma taċċetta jew tipproponi kwalunkwe offerta kummerċjali, u temenda jew tirtira l-offerti kummerċjali diġà fuq il-mejda jew fil-fażi ta' tħejjija f'każ li valutazzjoni tal-effetti tagħhom tirrileva konsegwenzi avversi għall-prodotti sensittivi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-ftuħ tal-UE għas-suq dinji tal-prodotti agrikoli;

26.  Jenfasizza li l-industrija agroalimentari tal-UE hija settur effiċjenti tal-ekonomija tal-Unjoni, u hija magħrufa għall-kwalità, id-diversità u l-innovazzjoni fil-produzzjoni u tagħti kontribut vitali għas-sigurtà tal-ikel;

27.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' impriżi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, kemm fin-negozjar tal-ftehimiet kif ukoll fl-analiżi tal-impatt tagħhom;

28.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament informazzjoni doganali ċara u affidabbli fir-rigward tal-prodotti li jidħlu fl-Unjoni, u li dawn il-prodotti għandhom jiġu mmonitorjati;

29.  Jenfasizza li l-istandards għoljin tal-Ewropa fir-rigward tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, il-benessri tal-annimali u l-kundizzjonijiet soċjali, li jirriflettu l-valuri soċjali tagħna u huma mitluba mill-konsumaturi Ewropej, iqiegħdu lill-bdiewa tal-UE fi żvantaġġ ekonomiku fir-rigward tal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi terzi meta jitqiesu l-mudelli ta' produzzjoni, id-daqs tal-istrutturi tal-produzzjoni u standards ġeneralment aktar baxxi ta' dawn tal-aħħar; huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta bejn is-sħab kummerċjali differenti sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn konċessjonijiet tariffarji mingħajr ma jiġu esposti għal kompetizzjoni inġusta.

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi garantit li l-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent ikunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' reċiproċità u taż-żamma tal-valuri fundamentali bħall-prinċipju prekawzjonarju, l-agrikoltura sostenibbli u livell għoli ta' traċċabbiltà u l-ittikkettar tal-prodotti; jinnota differenzjal wiesgħa fl-istandards tal-benessri tal-annimali fuq livell internazzjonali, u jikkundanna l-użu tad-denominatur komuni minimu fi ftehimiet kummerċjali;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kontrolli aktar stretti fuq l-importazzjoni u għal spezzjonijiet aktar stretti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni f'pajjiżi li jesportaw lejn l-UE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni;

32.  Jinnota li l-livell baxx ta' protezzjoni tal-benessri tal-annimali f'bosta sħab kummerċjali avvanzati tal-UE, bħal fil-każ tal-Istati Uniti, li ma għandhiex leġiżlazzjoni federali għall-protezzjoni tal-annimali fl-azjendi agrikoli qabel il-qtil; jitlob li l-Kummissjoni tinkludi l-benessri tal-annimali bħala tħassib għall-kummerċ fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali attwali u futuri kollha, bl-obbligu li kull importazzjoni ta' prodotti tal-annimali minn pajjiżi żviluppati tkun konformi mal-liġijiet tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, u l-importazzjonijiet minn pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp ikunu jissodisfaw standards ekwivalenti;

33.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari fin-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi lrigward l-użu tal-pestiċidi, b'mod partikolari l-approċċi differenti fl-użu tagħhom, peress li l-istandards relatati mal-użu tal-pestiċidi huma ferm ogħla fl-UE milli f'pajjiżi terzi;

34.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li fin-negozjar tal-ftehimiet ma' pajjiżi terzi ma jiġux inklużi dispożizzjonijiet li jistgħu jnaqqsu jew idgħajfu l-garanziji attwalment provduti mill-Unjoni lill-konsumaturi fir-rigward tal-industrija agroalimentari, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu ta' prodotti dderivati minn OMĠ jew klonazzjoni;

35.  Jitlob biex l-importazzjonijiet agrikoli fl-UE jiġu permessi biss jekk il-prodotti importati jilħqu l-istandards Ewropej tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-benessri tal-annimali u tal-protezzjoni ambjentali kif ukoll l-istandards soċjali minimi;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' kwalunkwe prodott agrikolu mibjugħ lill-pubbliku bi prezz inferjuri għall-kost reali ta' produzzjoni tiegħu, u b'hekk jiġi evitat kull tip ta' dumping soċjali, ekonomiku u ambjentali;

37.  Jinsisti li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-karatteristiċi tal-prodotti li jitqiegħu fis-suq;

38.  Peress li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti joffru l-agrikoltura Ewropea wieħed mill-akbar vantaġġi kompetittivi u peress li l-prodotti minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll japplikaw biex jiġu protetti mill-iskema tal-UE tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli żżomm pożizzjoni soda f'dan ir-rigward fin-negozjati kollha li għaddejjin bħalissa, inklużi n-negozjati dwar it-TTIP; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe ftehim li ma jkunx iħares l-indikazzjonijiet ġeografiċi ma għandux jiġi ffirmat;

39.  Jiddispjaċih li fil-qafas tan-negozjati kummerċjali li ġew dan l-aħħar konklużi jew li għadhom għaddejjin bħalissa, hemm biss lista qasira ta' indikazzjonijiet ġeografiċi li hija protetta minn sħab kummerċjali tagħna; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tistabbilixxi regoli li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha tal-UE fis-swieq ta' pajjiżi terzi li magħhom għaddejjin in-negozjati, flimkien ma' miżuri ta' implimentazzjoni adegwati;

40.  Jinnota li l-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-indikaturi ġeografiċi f'pajjiżi terzi huma potenzjalment ta' valur kbir għas-settur agroalimentari tal-UE kollu, u jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali kollha għandhom jinkludu miżuri ta' protezzjoni u azzjonijiet biex tiġi miġġielda l-kontrafazzjoni;

41.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li fil-qafas tal-ftehim kummerċjali mal-Kanada, numru kbir ta' denominazzjonijiet protetti fuq livell Ewropew ġew ikkunsidrati bħala ġeneriċi jew semi-ġeneriċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi sostenn matul in-negozjati kummerċjali lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma daħħlux l-arranġamenti għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, bl-għan li jinħolqu sistemi effikaċi li jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-progress fir-rigward tal-ostakli sanitarji, fitosanitarji u ostakoli mhux tariffarji oħra għall-kummerċ agrikolu, fin-negozjati kollha ta' kummerċ ħieles, speċjalment rigward il-punti li mhumiex negozjabbli stabbiliti mill-UE li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi;

43.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jintużaw biex jibdlu l-leġiżlazzjoni tal-UE;

44.  Jenfasizza li, fil-kuntest tat-TTIP u negozjati attwali oħra dwar kwistjonijiet regolatorji, il-kooperazzjoni regolatorja internazzjonali usa' fil-qasam agrikolu għandha tissaħħaħ u għandha jkollha wkoll effetti pożittivi għall-pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp;

45.  Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi l-innovazzjoni biex ittejjeb il-produttività u b'hekk tkun tista' tiġi indirizzata l-problema ta' popolazzjoni globali li kulma jmur qed tikber, billi tappoġġja inizjattivi li jindirizzaw kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u billi tgħin lill-bdiewa jadattaw għal kull tip ta' sfida ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

6.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Bas Belder, Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Jean-Paul Denanot, Michela Giuffrida, Manolis Kefalogiannis, Norbert Lins, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Tibor Szanyi, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Ska Keller, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Agnes Jongerius, Sander Loones, Bolesław G. Piecha, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Eider Gardiazabal Rubial, Jan Keller, Dominique Martin, Giulia Moi, Jozo Radoš, Dario Tamburrano, Hermann Winkler

Avviż legali