Proċedura : 2015/2341(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0221/2016

Testi mressqa :

A8-0221/2016

Dibattiti :

PV 12/09/2016 - 20
CRE 12/09/2016 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.18
CRE 13/09/2016 - 4.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0337

RAPPORT     
PDF 665kWORD 166k
28.6.2016
PE 578.554v01-00 A8-0221/2016

dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

(2015/2341(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Ignazio Corrao

Rapporteur għal opinjoni (*):

Eider Gardiazabal Rubial, Kumitat għall-Baġits

(*)Proċedura b'kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

(2015/2341(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika), stabbilit fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li ġie organizzat fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni konġunt adottat fis-Summit tal-Belt Valletta,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1), l-emendi suċċessivi tiegħu u l-Anness IC tiegħu (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020) li jikkorrispondi għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020, li jikkostitwixxi l-baġit tal-UE, u l-intestatura baġitarja 4 li tinsab fih (''Ewropa Globali''),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa: nittrasformaw il-ħajjiet tal-bniet u n-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin (1995) u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) (1994) u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0221/2016),

A.  billi l-għan ewlieni tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE (EUTF) għall-Afrika, iffirmat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' 25 Stat Membru tal-UE, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżvizzera, u mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni fit-12 ta' Novembru 2015 mis-sħab Ewropej u Afrikani, huwa li jgħin sabiex titrawwem l-istabbiltà fir-reġjuni u jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni; billi, aktar speċifikament, l-EUTF għandu l-għan jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp;

B.  billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jibqa' l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jafferma mill-ġdid il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja; billi fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida u fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp; billi l-UE u s-sħab tagħha fil-qasam umanitarju għandhom ikunu kapaċi jiżguraw assistenza u protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq ir-rispett għall-prinċipji tan-newtralità, l-imparzjalità, l-umanità u l-indipendenza ta' azzjoni umanitarja, kif stabbilit fid-dritt internazzjonali u b'mod partikolari fid-dritt umanitarju internazzjonali;

C.  billi l-Afrika għadha tesperjenza rati għoljin ħafna ta' tkabbir fil-popolazzjoni u biss tnaqqis kajman fir-rata ta' fertilità, sitwazzjoni li fil-futur qrib se twassal għal żieda qawwija fil-popolazzjoni żagħżugħa fl-età tax-xogħol u ġġib magħha ħafna benefiċċji soċjali u ekonomiċi potenzjali; billi huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jingħataw l-edukazzjoni u l-ħiliet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u li jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi biex jitrawmu l-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp fir-reġjun;

D.  billi l-EUTF huwa maħsub sabiex ikun għodda ta' żvilupp li jiġbor flimkien riżorsi minn donaturi differenti sabiex ikun hemm rispons rapidu, flessibbli, komplementari, trasparenti u kollettiv mill-UE għad-dimensjonijiet differenti ta' sitwazzjoni ta' emerġenza;

E.  billi 1,5 biljun persuna jgħixu f'reġjuni fraġli u milquta minn kunflitti u fi stati fraġli madwar id-dinja, u billi qegħdin jiżdiedu l-ispazji mhux iggvernati bil-konsegwenza li bosta persuni jispiċċaw fil-faqar, f'anarkija, korruzzjoni u vjolenza bla rażan; billi l-EUTF inħoloq sabiex jassisti 23 pajjiż fi tliet reġjuni Afrikani (il-Qarn tal-Afrika; is-Saħel u l-baċir tal-Lag Chad; u l-Afrika ta' Fuq) li fosthom jinkludu wħud mill-aktar pajjiżi fraġli tal-Afrika, huma affettwati mill-migrazzjoni bħala pajjiżi ta' oriġini, tranżitu jew ta' destinazzjoni, jekk mhux it-tlieta li huma, u se jiksbu l-akbar benefiċċju minn din il-forma ta' assistenza finanzjarja tal-UE; billi l-ġirien tal-pajjiżi Afrikani eliġibbli jistgħu jibbenefikaw ukoll, fuq bażi ta' każ b'każ, mill-proġetti EUTF li jkollhom dimensjoni reġjonali, bil-għan li jiġu indirizzati l-flussi migratorji reġjonali u l-isfidi transkonfinali relatati;

F.  billi l-EUTF għandu l-għan li jittratta l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostamenti fil-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u ta' destinazzjoni, permezz ta' ħames setturi prijoritarji, jiġifieri: 1) il-benefiċċji tal-migrazzjoni b'rabta mal-iżvilupp; 2) il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà; 3) il-protezzjoni u l-asil; 3) il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari; u 5) ir-ritorn, ir-riammissjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

G.  billi l-kontribuzzjoni tal-UE tammonta għal EUR 1.8 biljun, filwaqt li l-Kummissjoni tista' tiġbor ukoll fondi addizzjonali mill-Istati Membri tal-UE u donaturi oħrajn għal ammont ekwivalenti; billi l-EUTF għandu jservi biex jikkumplimenta l-għajnuna eżistenti tal-UE lir-reġjuni koperti għall-ammont ta' aktar minn EUR 10 biljuni sal-2020, bil-għan li jappoġġa tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli;

H.  billi fl-2014 inħolqu żewġ EUTFs, jiġifieri l-Fond Fiduċjarju ta' Bekou li kien jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li kellu riżultati pożittivi, kif ukoll il-Fond Madad li jittratta r-rispons għall-kriżi Sirjana;

I.  billi r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) - Ir-Rapport Globali tal-ICPD lil hinn mill-2014, ippubblikat fit-12 ta' Frar 2014, enfasizza li l-protezzjoni tan-nisa u tal-adolexxenti milquta mill-vjolenza trid tkun prijorità fl-aġenda internazzjonali tal-iżvilupp;

J.  billi l-fondi fiduċjarji huma parti minn reazzjoni ad hoc, u għalhekk jiżvelaw l-iskarsezza tar-riżorsi u l-flessibbiltà limitata li jikkaratterizzaw il-qafas finanzjarju tal-UE, iżda huma vitali biex jiżguraw reazzjoni rapida u komprensiva għall-kriżijiet umanitarji, inklużi kriżijiet fit-tul;

K.  billi l-UE ser tkompli bl-isforzi għall-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijiet sussegwenti tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;

Allokazzjoni finanzjarja u l-aspetti baġitarji

1.  Ifakkar li l-allokazzjoni finanzjarja hija kkaratterizzata minn tliet fażijiet ewlenin: il-wegħda, l-impenn u l-azzjoni/il-ħlas; jinnota, madankollu, li hemm bżonn li wieħed jitgħallem minn EUTFs preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt li sal-lum il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri baqgħu baxxi wisq, fejn jammontaw biss għal frazzjoni żgħira tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u għalhekk huma 'l bogħod milli jilħqu l-impenn uffiċjali, hekk kif f'April 2016 kienu jammontaw biss għal EUR 81.71 miljun (jew 4.5 % minn EUR 1.8 biljun ipproġettati); jinsisti li l-wegħdiet u l-impenji jridu jissarrfu f'azzjoni; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li għajnuna effikaċi hija kkaratterizzata minn finanzjament prevedibbli u f'waqtu, u jappella sabiex jitħaffef l-iżborż ta' dan il-finanzjament;

2.  Jilqa' l-intenzjoni li l-fondi jiġu żburżati aktar malajr u b'mod aktar flessibbli f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u li jinġabru flimkien diversi sorsi ta' finanzjament biex il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati tiġi indirizzata fil-ħafna dimensjonijiet tagħha; jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ddevjat l-approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi biex tmexxihom mill-EUTF, billi dan jikkostitwixxi ksur tar-regoli finanzjarji u barra minn hekk iqiegħed f'riskju s-suċċess fit-tul tal-politiki tal-Unjoni; iqis li tali fond għandu jżid il-valur għas-sorsi eżistenti ta' finanzjament; jitlob għalhekk biex jintużaw approprjazzjonijiet ġodda kill fejn possibbli u li tkun żgurata trasparenza sħiħa dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi;

3.  Jinnota li fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-EUTFs huma maħsuba primarjament biex jippermettu rispons rapidu għal kriżi speċifika ta' emerġenza jew ta' wara emerġenza billi jistimulaw il-kontribut tal-Istati Membri tal-UE u donaturi oħra filwaqt li tiżdied il-viżibilità globali tal-isforzi Ewropej; jirrikonoxxi l-valur miżjud li jinġabru flimkien għadd kbir ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell tal-Unjoni flimkien ma' kontribuzzjonijiet sostanzjali mill-istrumenti ta' finanzjament estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-impenn tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira ta' 0.7 % tad-dħul nazzjonali gross (GNI) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw b'mod xieraq l-impenji tagħhom fir-rigward kemm tal-objettiv ta' 0.7 % tal-ODA kif ukoll il-kontribuzzjoni tagħhom għall-EUTF għall-Afrika;

4.  Jenfasizza li l-instabbiltà tal-kontribuzzjonijiet volontarji turi li l-użu ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE mhuwiex għażla vijabbli biex jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu malajr u b'mod effettiv biex tintlaħaq il-kontribuzzjoni tal-Unjoni sabiex l-EUTF ikun jista' jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu aktar milli jiġi pprovdut il-minimu meħtieġ sabiex jinkisbu drittijiet tal-vot fuq il-Bord Strateġiku;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-fondi fiduċjarji jwasslu biex tiġi evitata l-awtorità baġitarja u tiġi mminata l-unità tal-baġit; jinnota li l-fatt li dan l-istrument ad hoc ġie stabbilit juri li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) huwa iżgħar milli suppost; jirrimarka li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jirrappreżentaw 85 % tal-baġit tal-Unjoni; iqis li t-twaqqif tal-EUTF de facto huwa ekwivalenti għal reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP attwali, billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE għandu jibqa' l-eċċezzjoni għaliex jevita lill-awtorità baġitarja u jimmina l-unità baġitarja; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex rappreżentat fuq il-Bord Strateġiku, minkejja l-fatt li fondi sostanzjali ġejjin mill-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-awtorità baġitarja tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Bord Strateġiku;

6.  Jinnota li l-allokazzjoni finanzjarja tal-UE għall-EUTF għall-Afrika tiġi prinċipalment mill-11-il FEŻ; jenfasizza li l-EUTF ġie stabbilit minħabba li l-baġit tal-UE u l-QFP huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa biex jindirizzaw minnufih u b'mod komprensiv id-dimensjonijiet differenti ta' kriżijiet bħal dawn; jitlob lill-UE biex taqbel li ssib soluzzjoni aktar olistika għall-finanzjament ta' emerġenza fil-qafas tar-reviżjoni ta' din is-sena tal-QFP 2014-2020 u r-reviżjoni tal-istrumenti ta'finanzjament estern fl-2016, bil-ħsieb li tiżdied l-effettività u r-reattività tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp disponibbli taħt il-baġit tal-UE;

7.  Jitlob b'mod partikolari, reviżjoni adegwata tal-limitu massimu biex tippermetti l-inklużjoni tal-mekkaniżmi ta' kriżi fil-QFP sabiex terġa' tiġi stabbilita l-unità tal-baġit; iqis li reviżjoni tal-QFP tipprovdi livell akbar ta' ċertezza baġitarja, demokratika u ġuridika; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li jiġu rieżaminati r-regoli finanzjarji bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi baġitarji tal-UE u biex jinkisbu, bħala parti minn approċċ integrat, sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ u kooperazzjoni bilaterali sabiex jiżdied l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp u titwitta t-triq lejn il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, filwaqt li jinżamm il-livell tar-riżorsi kif previst mill-2021; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex ittejjeb l-involviment tal-awtorità baġitarja u tallinja aħjar il-fondi fiduċjarji u mekkaniżmi oħra man-norma baġitarja, b'mod partikolari billi dawn jiġu jidhru fil-baġit tal-Unjoni;

8.  Josserva li l-Parlament, bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, wera responsabbiltà billi qabel li jirrilaxxa fondi ta' emerġenza; jiddeplora l-fatt, madankollu, li bħala riżultat tal-proliferazzjoni tal-istrumenti ta' emerġenza, il-metodu Komunitarju qed jiġi abbandunat; jagħti assigurazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jissalvagwardja l-prinċipji fundamentali tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari l-unità baġitarja u l-kodeċiżjoni; iqis li dak li huwa verament kruċjali hu rieżami tal-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għal kriżijiet fuq skala kbira, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom; jissuġġetta l-approvazzjoni tiegħu ta' proposti futuri dwar strumenti ta' kriżi għall-inkorporazzjoni ta' dawk l-implikazzjonijiet fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-QFP, li huwa ppjanat li jsir qabel tmiem l-2016;

9.  Josserva li nġabar finanzjament ulterjuri minn strumenti finanzjarji oħrajn taħt il-baġit tal-UE, bħall-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), ta' EUR 125 miljun, l-Istrument ta' Finanzjament għall-Għajnuna Umanitarja, ta' EUR 50 miljun, u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) ta' EUR 200 miljun;

10.  Jinnota li mill-kontribuzzjoni totali tal-UE ta' EUR 1.8 biljun, EUR 1 biljun mir-riżerva tal-FEŻ biss huwa riżorsa addizzjonali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament tal-EUTF jista' jiġi implimentat b'detriment għal objettivi oħra tal-iżvilupp; ifakkar li l-għodda EUTF għandha tkun komplementari għal strumenti diġà eżistenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza u rendikont dwar l-użu u l-ammont ta' linji baġitarji attwali li jikkontribwixxu għall-EUTF;

11.  Jenfasizza bil-qawwa li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom ikunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali tal-pajjiż ospitanti, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà; ifakkar li l-finanzjament tal-EUTF għandu jiġi implimentat u evalwat abbażi ta' kriterji tal-ODA, u li l-ispejjeż kollha li ma jaqgħux taħt dan ir-rekwiżit għandhom jiġu ffinanzjati minn sorsi differenti li huma miġbura fil-Fond Fiduċjarju; jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza li jinġabru riżorsi minn sorsi u donaturi diversi u multipli u jfakkar li l-ingranaġġ huwa wieħed mir-raġunijiet ewlenin għall-ħolqien ta' dan l-istrument iddedikat għal tali ħtiġijiet differenti u eteroġenji; jikkundanna kwalunkwe użu ta' fondi tal-FEŻ u tal-ODA għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll ta' kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;

Il-finanzjament tal-pajjiżi l-anqas żviluppati

12.  Jenfasizza li l-użu tal-FEŻ biex jiġi ffinanzjat l-EUTF għall-Afrika jista' jkollu impatt fuq il-pajjiżi Afrikani benefiċjarji tal-għajnuna li mhumiex koperti mill-Fond Fiduċjarju, u b'mod partikolari fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs); iwissi kontra r-riskju li l-għajnuna ma tibqax ikkonċentrata fuq l-aktar pajjiżi fqar, li għandhom l-anqas aċċess għal sorsi oħrajn ta' finanzjament;

13.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, minkejja l-importanza kontinwa tal-ODA għal-LDCs, il-livelli diġà baxxi tal-għajnuna għall-iżvilupp lil-LDCs naqsu għat-tieni sena konsekuttiva fl-2014 u l-proporzjon tal-għajnuna allokata lil dawk il-pajjiżi tinsab fl-aktar livell baxx tagħha f'għaxar snin; jistieden lill-Istati Membri għaldaqstant, biex jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix iddevjata mill-aktar pajjiżi fqar sabiex tkopri l-ispiża tal-kriżijiet attwali;

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali

14.  Iqis li l-EUTF għall-Afrika għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-migranti, it-tisħiħ u t-titjib tas-servizzi pubbliċi lokali (servizzi soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, il-kultura), il-parteċipazzjoni politika u l-governanza, speċjalment permezz ta' proġetti bbażati fuq il-komunità; iqis li l-Fond għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' impjiegi f'setturi lokali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jemmen, f'dan il-qafas, li l-awtoritajiet tal-gvern lokali għandhom jiġu kkonsultati bħala sħab sħaħ sakemm ikun hemm garanziji kompluti ta' effiċjenza u governanza tajba skont il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, u li dawn għandhom ikunu wkoll l-atturi ewlenin responsabbli mis-servizzi pubbliċi mogħtija fil-livell lokali; jemmen li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-komunitajiet tad-dijaspora għandu jkollhom rwol kumplimentari u rwol ċentrali fl-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni u t-titjib fis-servizzi lokali; jitlob proċessi miftuħa u parteċipattivi qabel id-definizzjoni ta' proġetti, bħala kontribut ewlieni tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' żvilupp;

15.  Ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs huma sħab naturali għal politika ta' żvilupp effettiva, u li djalogu kontinwu mal-awtoritajiet nazzjonali u l-komunitajiet lokali huwa essenzjali sabiex jiġu definiti strateġiji u prijoritajiet komuni u jippermetti approċċ ibbażat fuq l-evidenza fl-implimentazzjoni tal-Fond; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u l-NGOs fi stati li ma jurux biżżejjed garanziji ta' governanza tajba u trasparenza; jitlob rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà u sjieda anke f'dan il-qasam ta' azzjoni; jenfasizza li l-entitajiet tal-gvern lokali, is-soċjetà ċivili lokali, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu involuti sew fil-fażijiet ta' ppjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-EUTF; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara u tifformalizza l-proċeduri ta' konsultazzjoni ma' dawn il-partijiet interessati sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fid-diskussjonijiet li għaddejjin fi ħdan il-Kumitati Operazzjonali, bi kriterji ta' eliġibbiltà ċari u trasparenti;

16.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat bilanċ aħjar ta' finanzjament għall-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji u speċjalment għal atturi affidabbli tas-soċjetà ċivili, li għandhom it-tendenza jkunu aktar konxji tad-dgħufijiet tas-soċjetà li għandhom bżonn ta' appoġġ;

17.  Ifakkar fl-importanza li fir-rigward tar-reżiljenza jkun hemm approċċ imfassal madwar il-persuni u l-komunità, u jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti popolari speċifikament immirati biex titjieb il-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi bażiċi kif ukoll taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, is-saħħa u n-nutrizzjoni, is-sigurtà tal-ikel u tas-setturi tal-ilma u tas-sanità, li lkoll huma essenzjali għal aktar inklużività, għoti tas-setgħa u titjib tal-benessri tal-popolazzjonijiet lokali, b'enfasi fuq iż-żgħażagħ, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi, filwaqt li jkunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi aħjar u aktar ekwi u sostenibbli lill-popolazzjoni ġenerali;

Trasparenza u ċarezza biex jintlaħqu aħjar l-objettivi

18.  Jirrikonoxxi l-kumplessità u n-natura multidimensjonali tal-kriżi attwali tar-rifuġjati; iwissi, madankollu, kontra r-riskju serju ta' użu ħażin tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, b'mod partikolari f'pajjiżi milquta minn kunflitti fejn kwistjonijiet b'rabta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib; jenfasizza li l-proġetti koperti mill-EUTF, li nħolqu permezz ta' sorsi li fil-prinċipju huma ddedikati l-aktar għal skopijiet ta' żvilupp, għandu jkollhom objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà f'pajjiżi partikolari għandhom ikunu mfasslin b'tali mod li r-riżultati finali tagħhom ikunu ffukati fuq it-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-istabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet inkarigati direttament bil-ġestjoni tal-Fond Fiduċjarju, li r-riżorsi kollha li ġejjin mill-FEŻ jew fondi oħra għall-iżvilupp għandhom jintużaw esklużivament għal azzjonijiet direttament iddedikati għall-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi espliċitament assigurazzjoni fir-rigward ta' tali użu u tiżgura rappurtar regolari u komprensiv dwar l-użu ta' dawn il-fondi;

20.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE ma jistax jintuża direttament għall-finanzjament ta' operazzjonijiet militari jew tad-difiża (l-Artikolu 41(2) tat-TUE), iżda li m'hemmx esklużjoni espliċita għal operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi b'objettivi tal-iżvilupp; ifakkar barra minn hekk li l-Artikoli 209 u 212 tat-TFUE ma jeskludux espliċitament il-finanzjament tal-bini tal-kapaċità fis-settur tas-sigurtà;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, il-Bord Strateġiku u l-Kumitat Operattiv jiffukaw primarjament fuq il-bini tal-kapaċità, l-istabbiltà u l-paċi, ir-reżiljenza, il-benessri u l-għoti tas-setgħa lill-popolazzjonijiet lokali, il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u taħriġ, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ;

22.  Jenfasizza bil-qawwa li l-għan aħħari tal-politika għall-iżvilupp tal-UE, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jkun it-tnaqqis u l-qerda tal-faqar; jiddeplora f'dan ir-rigward il-fatt li filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-EUTF għandha ssir l-aktar permezz ta' riżorsi mill-ODA, dan il-mekkaniżmu ta' finanzjament mhux se jkun iffukat esklussivament fuq objettivi orjentati lejn l-iżvilupp; jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara, trasparenti u li tista' tiġi kkomunikata fi ħdan l-EUTF bejn il-pakketti ta' finanzjament għall-attivitajiet ta' żvilupp min-naħa, u dawk l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet l-oħrajn kollha min-naħa l-oħra; jenfasizza li t-tnaqqir tal-ODA sabiex jintużaw anqas fondi għall-ġlieda kontra l-faqar estrem jista' jfixkel il-progress sinifikanti li jkun sar fl-iżvilupp internazzjonali u jhedded l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati reċentement;

Koerenza tal-politika tal-UE u l-impenn għad-drittijiet tal-bniedem

23.  Jitlob lill-UE turi koerenza akbar meta taġixxi fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, minn żewġ perspettivi: l-UE u l-Istati Membri għandhom, min-naħa, jaġixxu skont l-impenji tagħhom u, min-naħa l-oħra, juru koerenza ġenerali fil-politiki u l-istrumenti esterni tagħhom għar-reġjun Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispirtu ta' koġestjoni tal-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-AKP; iqis, meta tikkunsidra l-perspettiva aħħarija, li l-EUTF għandu jirrifletti l-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli u l-komplementarjetà bejn il-partijiet interessati kollha tal-iżvilupp, u għandu jevita kwalunkwe kontradizzjoni bejn l-għanijiet ta' żvilupp u l-politiki ta' sigurtà, umanitarji u dwar il-migrazzjoni; jittama li l-pakkett ta' regolamentazzjoni aħjar se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tiegħu;

24.  Ifakkar li r-regoli u l-kriterji li jirregolaw l-għajnuna għall-iżvilupp għall-proġetti ffinanzjati mill-EUTF għandhom ikunu stabbiliti abbażi ta' valuri kondiviżi u interessi komuni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni fis-sigurtà, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'attenzjoni partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-minoranzi u gruppi oħra partikolarment vulnerabbli; jindika li l-UE għandha tħeġġeġ sforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin personali, il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali;

25.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul li tiġi żgurata l-paċi u tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat sistematikament u bir-reqqa l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-EUTF għall-Afrika dwar it-twassil ta' għajnuna umanitarja; jenfasizza li l-EUTF m'għandux jimmina l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq perjodu twil tal-UE; jenfasizza li s-sjieda u komplementarjetà ta' proġetti fuq perjodu qasir u twil għandhom jiġu żgurati, issalvagwardjati u allinjati mal-istrateġiji eżistenti tal-UE reġjonali u nazzjonali għas-Saħel, il-Golf tal-Guinea, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta' Fuq; jenfasizza li hemm bżonn li ssir valutazzjoni komprensiva skont il-pajjiż u s-settur biex ikun hemm allokazzjoni tajba tal-fondi, kif ukoll biex jinħolqu sħubijiet mill-qrib ma' firxa wiesgħa ta' atturi tas-soċjetà ċivili; jilqa' l-komponent ta' riċerka integrat fl-EUTF bħala opportunità potenzjali biex jinħolqu opportunitajiet ta' żvilupp u sinerġiji bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati;

Objettivi u segwitu

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku kif qed jintużaw il-fondi tal-EUTF u kif jiġu allokati, u żżid is-setgħa ta' skrutinju tal-Parlament fuq l-EUTF; jistieden b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkomunikaw fuq bażi regolari l-azzjonijiet speċifiċi meħuda kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Afrikani meta jintużaw dawn il-fondi u r-riżultati miksuba;

27.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni fost l-atturi kollha involuti fil-ġestjoni tal-EUTF (u b'mod partikolari bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u d-dipartiment tagħha għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), u n-nuqqas ta' linji gwida ċari dwar kif jista' jkun żgurat finanzjament; jiddeplora n-nuqqas ta' ċarezza u trasparenza rigward il-kriterji ta' finanzjament u l-volum ta' fondi disponibbli għas-soċjetà ċivili taħt l-EUTF; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-EUTF b'mod ġenerali, fl-interessi tal-ippjanar ulterjuri ta' Fondi Fiduċjarji oħra addizzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jkunu konsistenti u koordinati mal-Programmi ta' Żvilupp Reġjonali (PŻR), sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat li l-enfasi prinċipali tkun fuq l-iżvilupp, u mhux fuq il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà għad-detriment ta' migranti; jistieden lill-Kummissjoni, għall-istess raġuni kif ukoll sabiex jiġi massimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali, tkompli bi djalogu effettiv man-NU fil-kuntest tal-EUTF; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha bil-għan li jkun hemm valutazzjoni tal-impatt aktar sistematika tal-politiki tagħha u l-finanzjament, inkluż l-EUTF, speċjalment rigward l-effetti tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex tintegra r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet fil-politiki tagħha u l-ipprogrammar;

28.  Jenfasizza n-nuqqas ta' involviment tal-Parlament sa issa fl-istabbiliment tal-EUTF, u jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi garantita, permezz ta' rappurtar dettaljat u regolari mill-Kummissjoni, l-iskrutinju tal-Parlament dwar kif qed jiġi implimentat il-Fond;

29.  Jemmen li, fid-dawl tal-flessibbiltà straordinarja u r-rapidità xierqa għal Fond Fiduċjarju, għandu jsir rappurtar perjodiku lill-Parlament tal-anqas darba kull sitt xhur; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa għal monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar tal-prestazzjoni trasparenti;

30.  Jemmen li t-trasparenza, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà fir-rigward tal-proġetti żviluppati fil-qafas tal-EUTF huma tal-akbar importanza għall-komunikazzjoni tar-riżultati u għall-involviment u s-sensibilizzazzjoni tal-atturi privati Ewropej, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal involviment aktar wiesa' u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni mill-Istati Membri;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid, is-sostituzzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini, u l-impenji finanzjarji tal-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-bniedem;

32.  Ifakkar li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jiffukaw primarjament fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, u dan billi l-għan ewlieni tagħhom ikun li jinvestigaw u jsolvu l-kawżi reali ta' faqar fil-pajjiżi ta' oriġini, bħal pereżempju s-serq u l-isfruttament tar-riżorsi umani u naturali minn kumpaniji multinazzjonali, il-ħtif tal-art, l-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE għal gvernijiet korrotti u awtokratiċi, il-kummerċ fl-armi u l-konsegwenzi negattivi ta' ħlas ta' dejn estern; jenfasizza li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jaħdmu biex jgħinu fil-ħolqien tal-paċi u l-istabbiltà u jrawmu l-iżvilupp ekonomiku, f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja, billi jaħdmu biex jiżguraw ħajjiet b'saħħithom għan-nies ta' kull età, jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jagħtu s-setgħa lin-nisa u t-tfajliet kollha, u jiżguraw edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dividend demografiku f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli Nri 3, 4 u 5, billi jżidu l-ħidma fuq il-promozzjoni u l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni permezz ta' mezzi legali, f'konformità mal-Mira Nru 7 tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 10 (Niffaċilitaw migrazzjoni f'ordni, sikura, regolari u responsabbli u l-mobilità tal-persuni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki ta' migrazzjoni ppjanati u ġestiti tajjeb), billi jsaħħu l-protezzjoni tal-migranti u l-persuni li qed ifittxu l-asil u partikolarment tal-gruppi vulnerabbli, billi jiġġieldu b'mod aktar effettiv l-isfruttament u t-traffikar tal-migranti, u billi ssir ħidma aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi sabiex titjieb il-kooperazzjoni dwar inċentivi għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti, inklużi l-migranti, b'ħiliet għolja, ir-ritorn volontarju u r-riammissjoni, b'mod li jtejjeb l-opportunitajiet tagħhom;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li l-instabilità u n-nuqqas ta' sigurtà fiżika għandhom huma kawżi prominenti ta' spostament furzat, u għalhekk jappoġġa approċċ sensittiv għall-kunflitt fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond li jipprijoritizza l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-istat, il-governanza tajba u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt; jemmen li l-EUTF huwa opportunità kbira għall-UE, li jippermettilha ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu politiku tagħha mas-sħab Afrikani tagħha, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni effettiva ta' ftehimiet ta' ritorn u ta' riammissjoni, u biex tibni fuq strateġiji komuni għall-ġestjoni ta' flussi migratorji; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-UE u s-sħab Afrikani tagħha, f'konformità mal-konklużjonijiet tas-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015; iqis, madankollu, li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tintuża biex jitwaqqfu l-flussi ta' migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil, u li l-proġetti li jaqgħu taħt l-EUTF m'għandhomx iservu bħala skuża biex jipprevjenu t-tluq jew l-issikkar tal-fruntieri bejn il-pajjiżi, filwaqt li jiġu injorati l-fatturi li jwasslu biex in-nies jaħarbu minn djarhom; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt li l-EUTF jista' jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem, jekk il-kontroll tal-flussi migratorji jinvolvi kooperazzjoni ma' pajjiżi li jwettqu ksur sistematiku u/jew serju tad-drittijiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ it-trasparenza tal-Fond, u jissottolinja li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati se jkunu essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Fond jaqdi l-iskop tiegħu, jiġifieri li jgħin lil dawk fil-bżonn u mhux li jiffinanzja lill-gvernijiet li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jittejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

34.  Jenfasizza li huwa importanti li nifhmu l-kawżi u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni internazzjonali mill-perspettiva tal-ġeneru, inkluż il-proċess involut ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-mekkaniżmi li jwasslu għall-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet, bħala rifuġjati u migranti, huma partikolarment vulnerabbli meta jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn is-sikurezza tagħhom ma tistax tiġi żgurata u fejn dawn jistgħu jkunu suġġetti għal vjolenza jew sfruttament sesswali; jenfasizza li l-EUTF għandu jikkontribwixxi għall-protezzjoni, l-appoġġ u/jew l-assistenza fir-rigward ta' migranti vulnerabbli, rifuġjati u vittmi tat-traffikar, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u t-tfal;

35.  Jinnota li l-EUTF għall-Afrika nħoloq b'segwitu għas-Summit tal-Belt Valletta tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Afrikani u Ewropej dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li segwew dan is-summit, notevolment fil-qasam tal-iżvilupp, il-ġlieda kontra t-traffikanti u l-iffirmar ta' ftehimiet ta' ritorn, riammissjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Kunsill jagħti l-mandati meħtieġa lill-Kummissjoni biex tikkonkludi tali ftehimiet mal-pajjiżi li jikkonċernahom l-EUTF;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE u lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan.

(1)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (26.4.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

(2015/2341(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Eider Gardiazabal Rubial

(*)  Proċedura b'kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

L-aspetti baġitarji tal-Fond Fiduċjarju għall-Afrika

1.  Jilqa' l-intenzjoni li l-fondi jiġu żburżati aktar malajr u b'mod aktar flessibbli f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u li jinġabru flimkien diversi sorsi ta' finanzjament biex il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati tiġi indirizzata fil-ħafna dimensjonijiet tagħha; jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ddevjat l-approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi biex tmexxihom permezz tal-fond fiduċjarju, peress li dan huwa ksur tar-regoli finanzjarji u barra minn hekk iqiegħed f'riskju s-suċċess fit-tul tal-politiki tal-Unjoni; iqis li tali fond għandu jżid il-valur għas-sorsi eżistenti ta' finanzjament; jappella, għaldaqstant, sabiex kull fejn possibbli jintużaw approprjazzjonijiet ġodda u li tkun żgurata trasparenza sħiħa dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut bilanċ aħjar ta' finanzjament għal gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji u speċjalment għal atturi affidabbli tas-soċjetà ċivili, li għandhom it-tendenza jkunu aktar konxji tan-nuqqasijiet tas-soċjetà li għandhom bżonn ta' appoġġ;

3.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud li jinġabru flimkien għadd kbir ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell tal-Unjoni flimkien ma' kontribuzzjonijiet sostanzjali mill-istrumenti ta' finanzjament estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jiddeplora l-fatt li l-wegħdiet finanzjarji li saru mill-Istati Membri sa issa jammontaw biss għal porzjon żgħir tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, li jammonta għal EUR 81.71 miljun biss f'April 2016 (4.5 % tal-EUR 1.8 biljun ipproġettati); jenfasizza li l-instabbiltà tal-kontribuzzjonijiet volontarji turi li l-użu ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE mhuwiex għażla vijabbli biex jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu malajr u b'mod effettiv il-kontribuzzjoni tal-Unjoni sabiex il-fond fiduċjarju jkun jista' jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu aktar milli jiġi pprovdut il-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb id-dritt tal-vot fuq il-Bord Strateġiku;

4.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji huma parti minn reazzjoni ad hoc li turi li l-baġit tal-Unjoni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa għal approċċ komprensiv u rapidu għal kriżijiet ewlenin; jiddeplora l-fatt li dawn iwasslu biex tiġi evitata l-awtorità baġitarja u tiġi mminata l-unità tal-baġit; jinnota li l-fatt li dan l-istrument ad hoc ġie stabbilit juri li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 huwa iżgħar milli suppost; jirrimarka li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jirrappreżentaw 85 % tal-baġit tal-Unjoni; iqis li t-twaqqif ta' dan il-fond fiduċjarju huwa de facto ekwivalenti għal reviżjoni tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE għandu jibqa' l-eċċezzjoni għaliex jevita lill-awtorità baġitarja u jimmina l-unità baġitarja; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex rappreżentat fuq il-Bord Strateġiku, minkejja l-fatt li fondi sostanzjali ġejjin mill-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-awtorità baġitarja tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Bord Strateġiku;

5.  Jemmen bis-sħiħ li fir-rieżami/reviżjoni tal-QFP għandu jkun hemm approċċ aktar olistiku għall-finanzjament ta' emerġenza; jitlob, b'mod partikolari, reviżjoni adegwata tal-limitu massimu biex tippermetti l-inklużjoni tal-mekkaniżmi ta' kriżi fil-QFP sabiex terġa' tiġi stabbilita l-unità tal-baġit; iqis li reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tipprovdi livell akbar ta' ċertezza baġitarja, demokratika u ġuridika; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li jiġu rieżaminati r-regoli finanzjarji bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi tal-UE u biex jinkisbu, bħala parti minn approċċ integrat, sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ u kooperazzjoni bilaterali sabiex jiżdied l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp u titwitta t-triq lejn il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, filwaqt li jinżamm il-livell attwali ta' riżorsi, previst mill-2021; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex ittejjeb l-involviment tal-awtorità baġitarja u tallinja aħjar il-fondi fiduċjarji u mekkaniżmi oħra man-norma baġitarja, b'mod partikolari billi dawn isiru jidhru fil-baġit tal-Unjoni;

6.  Josserva li l-Parlament, bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, wera responsabbiltà billi qabel li jirrilaxxa fondi ta' emerġenza; jiddeplora, madankollu, il-fatt li, bħala riżultat tal-proliferazzjoni tal-istrumenti ta' emerġenza, il-metodu Komunitarju qed jiġi abbandunat; jagħti assigurazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jissalvagwardja l-prinċipji fundamentali tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari l-unità baġitarja u l-kodeċiżjoni; iqis li dak li huwa verament kruċjali hu rieżami tal-kapaċità tal-Unjoni biex tirrispondi għal kriżijiet fuq skala kbira, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom; jissuġġetta l-approvazzjoni tiegħu ta' proposti futuri għall-inkorporazzjoni ta' dawk l-implikazzjonijiet fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li huwa ppjanat li jsir qabel tmiem l-2016;

7.  Jinnota li l-Fond Fiduċjarju għall-Afrika nħoloq fis-Summit tal-Belt Valletta tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Afrikani u Ewropej dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li segwew dan is-summit, notevolment fil-qasam tal-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u l-iffirmar ta' ftehimiet ta' ritorn, riammissjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Kunsill jagħti l-mandati meħtieġa lill-Kummissjoni biex tikkonkludi tali ftehimiet mal-pajjiżi kkonċernati mill-Fond Fiduċjarju.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Jens Gieseke


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Maria Noichl


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Charles Goerens, Paavo Väyrynen

ECR

Nirj Deva, Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská,

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Doru-Claudian Frunzulică, Norbert Neuser, Maria Noichl, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira

0

-

-

-

4

0

ENF

Louis Aliot

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey

Verts/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali