Proċedura : 2015/2353(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0224/2016

Testi mressqa :

A8-0224/2016

Dibattiti :

PV 05/07/2016 - 9
CRE 05/07/2016 - 9

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.9
CRE 06/07/2016 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0309

RAPPORT     
PDF 1154kWORD 523k
30.6.2016
PE 580.444v02-00 A8-0224/2016

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Jan Olbrycht, Isabelle Thomas

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 bit-titolu "Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-QFP 2014-2020(8) u dwar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu " Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"(13),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta interistituzzjonali mehmuża mal-QFP dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trapsort u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0224/2016),

A.  billi l-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP) ġie adottat għall-ewwel darba skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona, skont liema l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jadotta b'mod unanimu r-regolament tal-QFP wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;

B.  billi l-QFP attwali, li kien hemm qbil dwaru fl-2013, jirrifletti l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-mument tal-adozzjoni; billi fis-snin li ġejjin l-UE se tkompli taffaċċja sfidi, li ma kinux previsti meta l-QFP kien approvat; billi l-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE immultiplikaw ruħhom, filwaqt li l-QFP baqa' ma nbidilx;

C.  billi, sabiex tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-QFP il-ġdid u biex tingħata l-opportunità lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-Parlament elett ġdid li jiġu kkonfermati u vvalutati mill-ġdid il-prijoritajiet politiċi u baġitarji tal-UE billi jiġi aġġustat b'mod xieraq il-QFP, klawżola ta' reviżjoni post-elettorali ġiet mitluba mill-Parlament;

D.  billi l-ftehim dwar il-QFP 2014-2020 kien ir-riżultat ta' proċess twil u diffiċli ta' negozjati li saru f'kuntest soċjali, ekonomiku u finanzjarju diffiċli ħafna; billi bħala konsegwenza l-livell ġenerali tal-QFP ġie effettivament imnaqqas meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti;

E.  billi, iffaċċjat politikament bl-impossibilità li jinbidlu l-figuri ġenerali tal-QFP deċiżi mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament innegozja b'suċċess l-inklużjoni ta' artikolu speċifiku fir-regolament dwar il-QFP b'rabta mar-rieżami/reviżjoni obbligatorja u komprensiv tal-QFP, l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda u mtejba dwar il-flessibilità, u l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji;

Qafas legali u kamp ta' applikazzjoni ta' rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu

1.  Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami komprensiv tal-funzjonament tal-QFP qabel l-aħħar tal-2016, li jieħu kont bis-sħiħ tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien kif ukoll tal-aħħar tbassir makroekonomiku, u dan ir-rieżami għandu, skont kif ikun xieraq, jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP;

2.  Iqis, f'dan ir-rigward, li filwaqt li rieżami għandu l-għan li jeżamina u jivvaluta l-funzjonament tal-QFP meta mqabbel mal-implimentazzjoni tiegħu, kundizzjonijiet ekonomiċi ġodda u żviluppi ġodda oħrajn, u jista' jżomm fis-seħħ l-istatus quo leġiżlattiv, reviżjoni timplika modifika tar-regolament dwar il-QFP, li jinkludu wkoll (minbarra d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi) il-limiti massimi tal-QFP, abbażi tar-rispett dovut lejn l-Artikolu 312 tat-TFUE u l-limitazzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni tal-QFP stipulati fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP; ifakkar li dan l-artikolu jistipula li l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel ma għandhomx jitnaqqsu permezz ta' reviżjoni; jenfasizza li ebda limitazzjonijiet oħra għar-reviżjoni tal-QFP ma ġew stabbiliti, għaldaqstant reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-QFP hija possibbli; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Artikolu 323 tat-TFUE jirrikjedi li l-mezzi finanzjarji biex jiġu ssodisfati l-obbligi legali tal-Unjoni fir-rigward tal-partijiet terzi qed jiġu żgurati;

3.  Ifakkar li l-Artikolu 311 tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq il-politika tagħha; iqis, għalhekk, li jekk ir-rieżami jasal għal konklużjonijiet li l-limiti massimi attwali huma baxxi wisq, għandu jkun rekwiżit primarju tal-liġi li jiżdiedu l-limiti massimi;

4.  Jenfasizza li l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-QFP jipprevedi l-possibilità ta' reviżjoni tal-QFP fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti; jindika l-kobor tal-kriżijiet li affettwaw l-Unjoni sa mill-adozzjoni tal-QFP attwali fl-2013;

5.  Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-rapport huwa li janalizza l-aspetti purament baġitarji tal-funzjonament tal-QFP u li mhux ser jolqot il-bażijiet legali tal-leġiżlazzjoni settorjali; jinnota, madankollu, li ħafna politiki u programmi tal-UE jbassru r-rekwiżiti tagħhom ta' rieżami/reviżjoni, li huma primarjament skedati għall-2017;

I. Rieżami tal-QFP – valutazzjoni tal-ewwel snin tiegħu

6.  Iqis li rieżami tal-QFP fl-2016 għandu jikkunsidra numru ta' kriżijiet serji u inizjattivi politiċi ġodda, flimkien mal-konsegwenzi baġitarji rispettivi tagħhom, li ma kinux antiċipati fil-mument tal-adozzjoni tal-QFP; jinnota, fost l-oħrajn, il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati, l-emerġenzi esterni, il-kwistjonijiet ta' sigurtà interna, il-kriżi fl-agrikultura, il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-kriżi tal-pagamenti fil-baġit tal-UE, il-livell għoli persistenti ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll il-faqar u l-esklużjoni soċjali; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni lejn il-ftehim internazzjonali reċenti dwar it-tibdil fil-klima u l-pressjoni dejjem tikber fuq l-iżvilupp tal-politika; josserva li, sabiex jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet urġenti addizzjonali, ir-rikors bla preċedenti għall-mekkaniżmi ta' flessibilità tal-QFP u l-istrumenti speċjali ġie kkunsidrat neċessarju, billi l-limiti massimi tal-QFP kienu stretti wisq f'xi intestaturi; iqis li, matul l-aħħar sentejn, il-QFP ġie essenzjalment imbuttat sal-limiti tiegħu;

7.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun ekwivalenti għall-prijoritajiet politiċi u strateġiċi tal-UE u jiżgura bilanċ bejn il-prijoritajiet fuq medda twila ta' żmien u l-isfidi ġodda; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni li jrid ikollu l-baġit tal-UE fil-kisba tal-Istrateġija Ewropa 2020 maqbula b'mod konġunt, li jirrappreżenta l-orjentazzjoni prinċipali tagħha u prijorità ġenerali; jemmen, għalhekk, li r-rieżami tal-QFP għandu jinkludi analiżi kwalitattiva ta' jekk u sa liema punt l-objettivi stabbiliti f'din l-istrateġija ġew milħuqa; jinsisti li din il-valutazzjoni tkun ikkombinata ma' previżjoni dwar jekk ir-riżorsi finanzjarji allokati b'appoġġ għal din l-istrateġija għas-snin li fadal tal-QFP attwali humiex se jkunu biżżejjed biex jippermettu l-implimentazzjoni b'suċċess tiegħu;

A. Avvenimenti u sfidi ewlenin

Il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati

8.  Jenfasizza li l-kunflitti fis-Sirja, il-Lvant Nofsani u bosta reġjuni fl-Afrika kellhom konsegwenzi umanitarji u migratorji fuq skala mingħajr preċedenti; ifakkar li l-UE ġiet milquta direttament, b'aktar minn miljun rifuġjat li waslu fl-Ewropa fl-2015 biss u aktar huma mistennija jaslu fis-snin li ġejjin; ifakkar li din il-kriżi wasslet għal rispons finanzjarju ikbar min-naħa tal-UE u għalhekk kellha impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-UE, b'mod partikolari fuq l-intestaturi 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u 4 (Ewropa Globali);

9.  Ifakkar li matul l-2015 il-miżuri addizzjonali approvati f'konformità mal-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni kellhom impatt baġitarju immedjat, kif rifless b'mod partikolari fl-emendi tal-baġits  5 u 7/2015; ifakkar barra minn hekk li l-utilizzazzjoni ta' EUR 1506 miljun addizzjonali fil-baġit tal-UE tal-2016 bil-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità ġiet approvata sabiex jingħataw riżorsi addizzjonali għall-miżuri ta' migrazzjoni jew miżuri relatati mar-rifuġjati skont l-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza), bħal żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), kif ukoll riżorsi għat-tliet aġenziji relatati mal-migrazzjoni, jiġifieri l-Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Europol;

10.  Jinnota li d-deċiżjonijiet baġitarji msemmija hawn fuq eżawrew kompletament il-marġini żgħir disponibbli taħt din l-intestatura u wasslu għal reviżjoni de facto tal-limiti massimi tal-Intestatura 3; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-proposti ġodda tal-Kummissjoni li huma mistennija li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE, b'mod partikolari r-riformulazzjoni tar-Regolament "Dublin III", b'impatt baġitarju totali ta' EUR 1829 miljun għall-bqija tal-perjodu tal-QFP, il-proposta għall-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, b'baġit ġenerali ta' EUR 1212 miljun għall-bqija tal-perjodu tal-QFP, u l-mekkaniżmu l-ġdid ta' appoġġ għall-emerġenzi, b'impatt minimu stmat ta' EUR 700 miljun fil-perjodu bejn l-2016 u l-2018; jenfasizza li s-sitwazzjoni tant hi kritika li l-approprjazzjonijiet addizzjonali awtorizzati għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) f'Novembru 2015 kellhom jitnaqqsu f'Marzu 2016 sabiex jiġu ffinanzjati ħtiġijiet saħansitra aktar urġenti, bħall-ħtieġa li tiġi pprovduta għajnuna umanitarja fl-UE, indirizzata mill-mekkaniżmu ġdid ta' appoġġ għall-emerġenzi msemmi hawn fuq;

11.  Jemmen li s-soluzzjoni tal-kriżi Ewropea tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati teħtieġ approċċ Ewropew ibbażat fuq is-solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-baġit tal-UE għandu jappoġġja lill-Istati Membri biex jitnaqqas il-piż tal-ispejjeż marbut mar-riċeviment ta' rifuġjati peress li dan se jnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits ta' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw influss partikolarment għoli ta' rifuġjati; jenfasizza li dan l-approċċ se joħloq sinerġiji, u barra minn hekk huwa effiċjenti u kosteffettiv għall-Istati Membri kollha;

12.  Jenfasizza li mezzi baġitarji sinifikanti, iżda madanakollu insuffiċjenti, ġew skjerati biex jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin tal-kriżi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-programmi speċifiċi tal-UE taħt l-Intestatura 4; ifakkar fil-miżuri meħuda, bħar-riallokazzjonijiet favur l-azzjonijiet ta' migrazzjoni jew relatati mar-rifuġjati għal EUR 170 miljun matul l-2015, kif ukoll l-approvazzjoni fl-2016 ta' EUR 130 miljun addizzjonali taħt l-Intestatura 4 għall-attivitajiet ta' migrazzjoni/relatati mar-rifuġjati, flimkien ma' tqassim mill-ġdid ta' EUR 430 miljun taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat; ifakkar, barra minn hekk, li sabiex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati l-Kummissjoni għamlet diversi proposti addizzjonali li kellhom impatt fuq il-baġit tal-UE, bħal dawk għall-istabbiliment ta' fondi fiduċjarji tal-UE (il-Fond Fiduċjarju Madad u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, b'impatt baġitarju inizjali stmat għal EUR 570 miljun u EUR 405 miljun rispettivament), kif ukoll il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li minnha EUR 1 biljun għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-UE, mingħajr ma jingħadd finanzjament ulterjuri possibbli; jenfasizza li pressjoni ulterjuri fuq il-baġit tal-Unjoni se tiġi kkawżata minn azzjonijiet ippjanati oħrajn imħabbra mill-Kummissjoni bħall-"wegħda ta' Londra" jew minn avvenimenti bħas-summit bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016; jenfasizza li mezzi finanzjarji addizzjonali għandhom jippermettu wkoll l-inklużjoni tal-migranti l-aktar vulnerabbli, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTI; huwa mħasseb, madankollu, li minħabba d-daqs tal-problemi li l-UE qed tiffaċċja jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet ulterjuri;

13.  Jikkonkludi li l-kobor tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati kif ukoll l-impatt finanzjarju tal-miżuri mibdija mill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni ma setgħux jiġu mbassra fiż-żmien tal-konklużjoni tal-QFP 2014-2020; jenfasizza l-fatt li minħabba n-nuqqas ta' riżorsi suffiċjenti l-UE kellha tistabbilixxi strumenti "satelliti" ad hoc, iffinanzjati b'mod konġunt mill-Istati Membri u mill-baġit tal-UE, bħall-fondi fiduċjarji tal-UE (il-Fond Fiduċjarju Madad u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika) u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; ifakkar li nuqqas ta' strateġija baġitarja globali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati wasslet biex il-Parlament qed jibqa' lura fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-użu tal-fondi tal-UE; jenfasizza li l-multiplikazzjoni ta' dawn l-istrumenti toħloq problema ta' responsabilità u kontroll demokratiku fl-UE, li jeħtieġ li tiġi indirizzata; barra minn hekk, jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu bil-bosta milli jipproduċu l-kontribuzzjonijiet mistennija minnhom għall-fondi fiduċjarji, u b'hekk ipperikolaw is-suċċess ta' dawk il-fondi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex b'mod immedjat jissodisfaw l-impenji tagħhom u r-responsabilitajiet tagħhom;

Livell baxx ta' investiment

14.  Ifakkar li, minn meta bdiet il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja, l-UE sofriet minn livelli baxxi u insuffiċjenti ta' investiment; jinnota b'mod partikolari li fl-2014 l-investiment totali kien 15 % inqas mil-livell tal-2007, li jikkorrispondi għal tnaqqis fl-investimenti għal EUR 430 biljun; iqis li investiment dgħajjef inaqqas l-irkupru ekonomiku u għandu riperkussjonijiet diretti fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

15.  Jenfasizza li, b'rispons għal din il-problema urġenti, il-Kummissjoni l-ġdida fl-2014 ipproponiet pjan ta' investiment għall-Ewropa u l-istabbiliment tal-FEIS, bl-għan li jiġu mobilizzati EUR 315 biljun f'investiment ġdid fl-ekonomija reali; itenni l-impenn qawwi tiegħu fir-rigward tal-FEIS li mistenni jagħti stimolu qawwi u mmirat lis-setturi ekonomiċi li jwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi; josserva li għadd ta' proġetti diġà ġew approvati u qed jiġu implimentati; jinnota li l-garanzija mogħtija mill-Unjoni għall-FEIS hija koperta minn Fond ta' Garanzija ta' EUR 8 biljun kostitwit fil-baġit tal-UE;

16.  Ifakkar li, sabiex jinkiseb dan il-finanzjament ulterjuri, l-allokazzjoni finanzjarja għal żewġ programmi sinifikanti tal-UE, Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tnaqqset b'EUR 2.2 biljun u EUR 2.8 biljun rispettivament, filwaqt li t-EUR 3 biljuni li għad fadal huma koperti minn marġnijiet tal-QFP mhux allokati; jenfasizza l-impenn tal-Parlament matul in-negozjati tal-FEIS biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq dawn iż-żewġ programmi, li l-pakketti finanzjarji tagħhom, li ġew deċiżi biss fl-2013, sofrew tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni diġà matul in-negozjati dwar il-QFP 2014–2020;

17.  Jiddispjaċih li l-parti tal-baġit tal-UE ddedikata għar-riċerka u l-innovazzjoni spiss kienet l-ewwel li ntlaqtet minn kwalunkwe tnaqqis tal-baġit; jinnota li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni jiġġeneraw valur miżjud tal-UE, u jenfasizza r-rwol ewlieni ta' dawk il-programmi fl-appoġġ lill-kompetittività u, b'hekk, għall-iżgurar ta' tkabbir futur u l-prosperità fit-tul tal-Unjoni;

18.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP, fl-2014-2015 ġie implimentat forniment minn qabel tar-riżorsi għall-Orizzont 2020 (EUR 200 miljun għall-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-azzjonijiet Marie Curie) u l-COSME (EUR 50 miljun) sabiex jikkumpensaw parzjalment għat-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet bejn l-2013 u l-2014; jinnota li dan il-forniment minn qabel ma jbiddilx il-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programmi, u jwassal għal inqas approprjazzjonijiet rispettivament għat-tieni nofs tal-QFP; jenfasizza, madankollu, li l-forniment minn qabel għall-Orizzont 2020 u l-COSME ġie assorbit bis-sħiħ, u b'hekk tiġi ppruvata l-prestazzjoni b'saħħitha ta' dawn il-programmi u l-kapaċità tagħhom li jiġu assorbiti aktar;

19.  Jinnota wkoll bi tħassib kbir li r-rata ta' suċċess għall-Orizzont 2020 naqset għal livell ta' 13 % mill-20-22 % li kien igawdi minnha l-predeċessur tiegħu (FP7) fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti; jiddispjaċih mill-fatt li b'riżultat ta' dan, inqas proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jirċievu finanzjament mill-UE; jinnota, bl-istess mod, ir-rifjut ta' ħafna applikazzjonijiet ta' kwalità għolja relatati mas-CEF minħabba fondi baġitarji mhux suffiċjenti;

Qgħad fost iż-żgħażagħ

20.  Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' kunsidervolment għoli u jirrappreżenta waħda mill-aktar problemi urġenti u serji li qed tiffaċċja l-UE bħalissa; jenfasizza li 4,4 miljun żagħżugħ taħt il-25 sena kienu bla xogħol fl-Unjoni fi Frar 2016 u dan jikkorrispondi għal proporzjon ta' aktar minn 40 % f'bosta Stati Membri u jilħaq il-quċċata ta' aktar minn 60 % f'bosta reġjuni jew żoni tal-UE; jissottolinja li r-rata ta' impjieg fl-UE hija tferm taħt il-mira tal-Ewropa 2020; konsegwentement jenfasizza li hemm wisq żgħażagħ li huma f'riskju ta' esklużjoni soċjali u li għandhom jittieħdu aktar azzjonijiet speċifiċi dwar l-inklużjoni ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-volum ta' riżorsi umani mħarrġa sewwa u bi kwalifiki għolja għandu impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-Ewropa, il-kapaċità innovattiva u l-produttività, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura; jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-importanza ta' strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018 tal-UE;

21.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-ġlieda kontra l-qgħad, speċjalment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jiġbed l-attenzjoni għall-indikazzjoni tal-Kummissjoni li l-ħatra ta' awtoritajiet ta' implimentazzjoni kkostitwiet sfida ewlenija għall-flussi finanzjarji tal-programm; jenfasizza wkoll li minkejja d-dewmien inizjali ta' din il-ħatra u tal-implimentazzjoni tal-YEI, iċ-ċifri attwali jindikaw kapaċità ta' assorbiment sħiħa (parzjalment permezz ta' żieda sinifikanti fir-rata ta' prefinanzjament ta' dan il-programm); jinnota li evalwazzjoni ta' din l-inizjattiva ser tiġi konkluża dalwaqt mill-Kummissjoni, u jistenna li jiġu introdotti l-aġġustamenti meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tagħha; iqis li l-proposta għal programm ta' appoġġ għal riformi strutturali tista' tagħti kontribut siewi għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri f'dan il-kuntest; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-prestazzjoni tal-YEI minn partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

22.  Huwa partikolarment imħasseb bin-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI mill-2016, minħabba li l-pakkett oriġinali kollu tagħha ġie allokat minn qabel fl-2014-2015 (l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP); jenfasizza li fl-appoġġ ta' dawn il-fornimenti minn qabel il-Parlament qatt ma kellu l-intenzjoni li l-inizjattiva tiġi terminata wara biss sentejn ta' finanzjamenti u li mekkaniżmi oħrajn tal-QFP, bħall-Marġni Globali għall-Impenji (GMC), iddaħħlu fis-seħħ bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tagħha; ifakkar, madankollu, li l-GMC diġà ġie mobilizzat biss għall-finanzjament tal-FEIS; jinnota wkoll il-fornimenti minn qabel tal-approprjazzjonijiet, abbażi tal-istess artikolu, għall-Erasmus + (EUR 150 miljun), billi dan huwa programm ieħor tal-UE li jagħmel kontribuzzjoni ewlenija għat-titjib tal-impjegabilità taż-żgħażagħ, li ġiet implimentata bis-sħiħ fl-ewwel sentejn ta' dan il-perjodu; ifakkar li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), Garanzija għaż-Żgħażagħ effiċjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea se tiswa EUR 21 biljun fuq bażi annwali għall-pajjiżi taż-żona tal-euro;

Is-sigurtà interna

23.  Ifakkar l-attakki terroristi riċenti fi Franza u l-Belġju u l-livelli ikbar ta' theddid fl-Istati Membri l-oħrajn, li jitolbu azzjoni u mezzi aktar koordinati u msaħħa fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-Unjoni diġà għandha l-Fond għas-Sigurtà Interna bħala strument xieraq u għandha bosta aġenziji li joperaw f'dan il-qasam u li qed ijiffaċċjaw dejjem aktar pressjoni; jikkunsidra li aktar azzjoni Ewropea, u għalhekk iktar finanzjament, humaa meħtieġa f'dan il-qasam biex jingħata rispons adegwat għal din it-theddida; jisħaq fuq il-fatt li aktar kooperazzjoni f'dan il-qasam teħtieġ tisħiħ tal-persunal tal-aġenziji rilevanti, fatt li jista' jkompli jżid il-pressjoni fuq il-baġit tal-UE, u jfakkar fit-tisħiħ limitat tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Europol iffinanzjat mir-riallokazzjoni mill-Fond għas-Sigurtà Interna;

24.  Jenfasizza li minħabba l-azzjonijiet u l-proposti leġiżlattivi attwali mmirati biex ikabbru l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-Eurojust ukoll se jkollu bżonn żieda progressiva ta' riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali, li se jkollu impatt fuq il-baġit tal-UE;

Kriżijiet fis-settur agrikolu

25.  Jenfasizza li l-limiti stretti stabbiliti għall-PAK sal-2020 jinvolvu marġnijiet ħafna aktar baxxi minn dawk li kien hemm fil-QFP preċedenti, filwaqt li s-settur qiegħed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi; ifakkar li din il-politika hija kruċjali għas-sitwazzjoni tad-dħul ta' ħafna bdiewa, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi, u jindika rata annwali għolja ta' assorbiment ta' kważi 100 %; ifakkar fil-bosta kriżijiet li ffaċċjaw il-bdiewa Ewropej sa mill-bidu tal-QFP attwali, b'mod partikolari fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, fs-setturi tal-laħam tal-majjal, taċ-ċanga u tal-frott u l-ħaxix, u l-effetti negattivi fit-tul fuq il-bdiewa Ewropej li ġejjin mit-telf ikkawżat mill-embargo Russu fuq il-prodotti agrikoli; jinnota t-tneħħija tal-kwoti taz-zokkor fl-2017 u l-effett possibbli tagħha fuq is-settur taz-zokkor, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ħtiġijiet partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda; jenfasizza l-impatt baġitarju tal-miżuri ta' emerġenza li ttieħdu b'rispons għal dawn il-kriżijiet, li jinvolvu EUR 500 miljun fil-baġit tal-2016 u EUR 300 miljun fl-2015, u li kienu ffinanzjati mill-marġnijiet tal-Intestatura 2; jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis f'dan il-qasam jipperikola l-koeżjoni territorjali fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni rurali; huwa, barra minn hekk, kontra kwalunkwe ċaqliq lejn ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola, li toħloq distorsjoni fis-suq u kompetizzjoni inġusta għall-bdiewa;

Sfidi ambjentali

26.  Huwa preokkupat li l-mira ta' infiq ta' mill-anqas 20 % tal-baġit tal-UE (taħt il-QFP attwali) fuq azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima għadha ma ntlaħqitx u li, skont il-metodoloġija ta' integrazzjoni, madwar 12.7 % biss tal-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq din il-kawża; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament sinifikanti għall-azzjoni dwar il-klima, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li se tkompli tiżdied minħabba l-effetti tat-tisħin globali attwali; jinnota, b'mod partikolari, il-ftehim COP 21 dwar il-klima li ntlaħaq fl-aħħar Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f'Pariġi fl-2015;

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

27.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-Unjoni rigward l-investiment li timmira li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni kollha Ewropej u, b'hekk, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza r-rwol importanti tagħha fit-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b'mod partikolari permezz ta' allokazzjoni ċara ta' riżorsi għal azzjonijiet marbutin mal-klima u l-objettivi soċjali, speċjalment għall-ġlieda kontra ż-żieda tal-faqar, inkluż il-faqar tat-tfal, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, u biex jiġu stimulati l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri msemmija hawn fuq; iqis, barra minn hekk, li, filwaqt li jiġu rrispettati l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel, il-fondi strutturali jistgħu jagħtu wkoll kontribut prezzjuż għal sfidi li jinqalgħu, bħalma huma l-konsegwenzi tal-kriżi tar-rifuġjati;

Il-pressjoni dejjem ikbar fuq il-politiki dwar l-iżvilupp u l-viċinat

28.  Jinnota l-pressjoni 'l fuq fuq il-bżonnijiet globali għall-għajnuna umanitarja u għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri li jirriżultaw mill-effetti ta' kunflitti u gwerer; jinnota l-ftehim Addis Ababa, fejn il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet affermaw l-impenn politiku b'saħħtu tagħhom għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u huwa konxju mill-ħtieġa ta' nefqa f'dan ir-rigward; ifakkar t-tiġdid reċenti mill-UE tal-impenn kollettiv tagħha li żżid l-għajnuna uffiċjali tagħha għall-iżvilupp (ODA) għal 0.7 % tal-ING tagħha u biex talloka mill-inqas 20 % tal-ODA tagħha għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni; huwa ferm kontra kull użu ta' għajnuna għall-iżvilupp għal għanijiet mhux relatati mal-iżvilupp;

29.  Ifakkar li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Viċinat tal-Lvant hija wkoll fraġli; jenfasizza r-rwol importanti tal-baġit tal-UE biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll dak tal-Lvant tal-UE fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi permezz ta' appoġġ lill-pajjiżi li bħalissa qed jimplimentaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, sabiex jiġu avvanzati r-riformi u jiġi żgurat l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi;

Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP bħala opportunità biex isir progress sinifikanti f'integrazzjoni aktar effettiva tal-integrazzjoni tal-ġeneru fil-QFP u fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-Dikjarazzjoni Konġunta mehmuża mal-QFP f'dan ir-rigward;

Pagamenti pendenti

31.  Ifakkar fiż-żieda fil-pagamenti pendenti tal-kontijiet mhux imħallsa tal-QFP preċedenti (2007-2013), li żdiedu minn livell "normali" ta' EUR 5 biljun fl-aħħar tal-2010 għal livelli bla preċedent ta' EUR 11-il biljun fl-aħħar tal-2011, EUR 16-il biljun fl-aħħar tal-2012, u EUR 23.4 biljun fl-aħħar tal-2013; iwissi li dawn il-pagamenti pendenti kellhom riperkussjonijiet fuq il-QFP attwali (2014-2020), u laħqu massimu mingħajr preċedenti ta' EUR 24.7 biljun fl-aħħar tal-2014; jenfasizza li, fuq talba insistenti tal-Parlament, intlaħaq qbil dwar pjan ta' pagamenti bl-għan li jitnaqqsu l-pagamenti pendenti ta' talbiet għall-pagamenti relatati mal-politika ta' koeżjoni għall-2007-2013 għal livell "normali" ta' EUR 2 biljuni sal-aħħar tal-2016; jindika li tal-inqas EUR 8.2 biljun f'kontijiet mhux imħallsa ġew identifikati fl-aħħar tal-2015 għall-2007-2013 fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, figura li mistennija tinżel taħt l-EUR 2 biljuni sal-aħħar tal-2016; jinnota li dan it-tnaqqis jipprovdi sempliċiment serħan temporanju peress li huwa biss ir-riżultat ta' sottomissjonijiet għal talbiet pagabbli għall-progammi 2007-2013 u 2014-2020 li kienu inqas milli ġie mħabbar; jiddispjaċih li ma ttieħdet ebda azzjoni biex jiġu indirizzati l-"pagamenti pendenti moħbija" identifikati f'intestaturi oħrajn; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk ma tittieħed l-ebda miżura konkreta, is-sitwazzjoni tal-2012-2014 hija mistennija li terġa' tokkorri fi tmiem il-QFP attwali;

32.  Jiddispjaċih li l-konsegwenzi ta' din il-kriżi ta' pagamenti kienu severi, hekk kif affettwaw il-benefiċjarji tal-baġit tal-UE bħall-istudenti, l-universitajiet, l-SMEs, ir-riċerkaturi, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u entitajiet rilevanti oħra; ifakkar, b'mod partikolari, fin-nuqqas drammatiku ta' pagamenti fil-qasam tal-operazzjonijiet umanitarji fl-2014, li affettwaw b'mod negattiv l-operazzjonijiet ta' salvataġġ tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni kellha tuża "miżuri ta' mitigazzjoni" bħat-tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament u l-posponiment ta' sejħiet għal proposti/sejħiet għal offerti u kuntratti relatati; ifakkar li kien hemm tnaqqis artifiċjali fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda 2014-2020 minħabba n-nuqqas ġenerali ta' pagamenti, eżempju minnhom huwa dewmien artifiċjali relatat ma' sejħiet għal proposti tal-valur ta' EUR 1 biljun taħt l-Orizzont 2020 fl-2014, li kellu l-għan li jiżgura li l-ħlasijiet ikollhom isiru fl-2015 minflok fl-2014; jenfasizza, barra minn hekk, li l-penali għall-ħlasijiet tard ġew imposti fuq il-baġit tal-UE, u laħqu madwar EUR 3 miljun kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015;

B. Użu sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità tal-QFP

33.  Jenfasizza li, sabiex jiġu żgurati l-approprjazzjonijiet addizzjonali li kienu meħtieġa bħala rispons għall-kriżijiet jew biex jiffinanzjaw prijoritajiet politiċi ġodda mill-2014, l-awtorità baġitarja approvat mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità u l-istrumenti speċjali inklużi fir-regolament dwar il-QFP, wara li jkunu ġew eżawriti l-marġnijiet disponibbli kollha; ifakkar li bosta minn dawn id-dispożizzjonijiet irriżultaw direttament minn proposti tal-Parlament Ewropew, li kklaassifikaw is-sejħa għall-flessibilità massima possibbli bħala waħda mit-talbiet ewlenin fin-negozjati tal-QFP;

34.  Jinnota, b'mod partikolari, li l-istrumenti speċjali ġew mobilizzati biex tiġi ttrattata l-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni (l-ammont sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità ġie eżawrit fl-2016 - EUR 1 530 miljun; Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fl-2016 - EUR 150 miljun), il-problema tan-nuqqasijiet fil-pagamenti (Marġni ta' Kontinġenza attivat fl-2015 - EUR 3.16 biljun), u l-finanzjament tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS (użu sħiħ tal-Marġni Globali għall-Impenji 2014 - EUR 543 miljun); ifakkar li d-deċiżjoni biex tiġi jiġi mobilizzat il-Marġni ta' Kontinġenza f'pagamenti huwa marbut ma' nuqqas fil-limiti massimi tal-ħlasijiet għas-snin 2018 sa 2020;

35.  Jantiċipa li kwalunkwe ħtiġijiet ulterjuri li jirriżultaw b'rabta mal-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati fl-2016, inkluż il-ħlas parzjali ta' EUR 200 miljun għall-istrument il-ġdid sabiex jipprovdi appoġġ għall-emerġenzi fi ħdan l-Unjoni, għandhom jirriżultaw fil-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza kemm jista' jkun malajr; ifakkar li ebda marġini ulterjuri mhuwa disponibbli taħt l-Intestatura 3, filwaqt li l-Istrument ta' Flessibilità diġà ntuża kollu għal din is-sena; jissuġġerixxi li għandhom jiġu investigati aktar opportunitajiet ta' flessibilità għal sfidi emerġenti;

36.  Ifakkar li l-flessibilità leġiżlattiva, kif minquxa fil-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII), tippermetti żieda fil-pakkett ġenerali tal-programmi adottati mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tilħaq sa madwar 10 % fuq perjodu ta' seba' snin; jinnota li "ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u fuq żmien twil" jippermettu lill-awtorità baġitarja tmur saħansitra aktar lil hinn mill-pakkett oriġinali; jilqa' l-fatt li din id-dispożizzjoni diġà ntużat biex tippermetti lill-Unjoni tirrispondi għal avvenimenti mhux previsti billi żżid b'mod konsiderevoli l-allokazzjonijiet annwali oriġinali tal-programmi bħall-AMIF;

II. Reviżjoni tal-QFP ta' nofs it-terminu – rekwiżit imperattiv

37.  Huwa konvint, abbażi tal-analiżi msemmija hawn fuq, li r-rieżami tal-funzjonament tal-QFP attwali jinvolvi l-konklużjoni li reviżjoni ġenwina ta' nofs it-terminu tal-QFP kif prevista fir-Regolament dwar il-QFP hija assolutament indispensabbli jekk l-Unjoni għandha tikkonfronta b'mod effettiv numru ta' sfidi filwaqt li tissodisfa l-objettivi politiċi tagħha; ifakkar li t-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 tibqa' l-prijorità ewlenija li għandha tiġi appoġġjata mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jkun mogħni b'riżorsi adegwati sabiex jiżgura b'mod effettiv l-investimenti li jwasslu għal tkabbir u impjiegi, tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tiġi promossa s-solidarjetà;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-preparazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha, tieħu f'kunsiderazzjoni t-talbiet li ġejjin tal-Parlament fir-rigward tal-bidliet għar-Regolament dwar il-QFP, fir-rigward kemm tal-figuri kif ukoll tal-bosta dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-QFP li għandhom diġà jkunu applikabbli għall-QFP attwali;

39.  Jenfasizza li żewġ proposti leġiżlattivi b'implikazzjonijiet baġitarji importanti, jiġifieri l-estensjoni tal-FEIS u l-istabbiliment ta' Pjan ta' Investiment Estern, huma mistennija fil-Ħarifa tal-2016; jistenna li l-informazzjoni kollha relatata mal-finanzjament ta' dawn iż-żewġ proposti tkun disponibbli mill-aktar fis possibbli, sabiex tiġi kkunsidrata kif xieraq matul in-negozjati dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; itenni l-pożizzjoni prinċipali tiegħu li inizjattivi politiċi ġodda m'għandhomx jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-UE;

40.  Jenfasizza li l-modifiki maqbula matul il-laqgħa ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien u jkunu diġà integrati fil-baġit tal-UE 2017; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar ir-reviżjoni tar-Regolament QFP, malajr kemm jista' jkun, sabiex ikunu jistgħu jsiru negozjati paralleli dwar ir-reviżjoni tal-QFP u l-baġit tal-UE 2017 u ftehim f'waqtu f'dan ir-rigward;

41.  Jieħu nota tal-eżitu tar-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni rilevanti kollha dwar implikazzjonijiet baġitarji possibbli li jirriżultaw minn dan ir-referendum, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati imminenti bejn ir-Renju Unit u l-UE;

A. It-talbiet tal-Parlament għat-tieni nofs tal-QFP

Ċifri tal-QFP (impenji)

42.  Huwa konvint li, filwaqt li jikkonferma l-kunċett ta' appoġġ politiku u finanzjarju fuq skala kbira għall-FEIS, il-baġit tal-UE m'għandux jiffinanzja inizjattivi ġodda għad-detriment tal-programmi u politiki eżistenti tal-Unjoni; għandu l-intenzjoni jissodisfa l-impenji tiegħu għat-tpaċija bis-sħiħ tat-tnaqqis relatat mal-FEIS li jaffettwa l-inizjattiva Orizzont 2020 u s-CEF, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom kif maqbul sentejn ilu biss, u biex jippermetti lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha ta' riċerka u innovazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-livell ta' finanzjament tal-programmi l-oħra fis-Subintestatura 1a ("Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi") m'għandux ikun affettwat minn dan il-kumpens, minħabba l-kontribut inkontestabbli tagħhom lit-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività; jemmen li l-marġnijiet fis-Subintestatura 1a mhumiex suffiċjenti biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet, għalhekk jitlob għal żieda fil-limitu massimu f'din is-Subintestatura;

43.  Jappoġġa bis-sħiħ it-tkomplija tal-YEI, bħala mezz għall-iżgurar ta' rispons urġenti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, wara l-aġġustamenti meħtieġa li rriżultaw mill-evalwazzjoni li qed issir bħalissa; jikkunsidra li dan jista' jinkiseb biss bl-għoti ta' mill-inqas l-istess livell f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI sa tmiem il-QFP attwali bħal dak allokat annwalment lill-programm matul l-ewwel sentejn ta' dan il-perjodu (EUR 6 biljun mogħtija minn qabel fl-2014-2015), skont l-eżitu tal-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni; jinnota li dan għandu jinvolvi reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tas-Subintestatura 1b ("Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali"), billi mhuwa disponibbli ebda marġini;

44.  Huwa tal-opinjoni soda li l-allokazzjoni baġitarja globali u l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel għall-PAK, inklużi l-approprjazzjonijiet ta' pagament dirett, jibqgħu l-istess matul ir-reviżjoni tal-QFP; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li l-allokazzjoni għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ma titnaqqasx, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tar-riforma riċenti tal-Politika Komuni tas-Sajd;

45.  Jikkunsidra li l-kobor tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, ikkawżata minn kunflitti u mit-tibdil fil-klima, juri li fis-snin li ġejjin jistgħu jiżdiedu f'dan ir-rigward ħtiġijiet addizzjonali, b'konsegwenzi baġitarji sinifikanti taħt l-Intestatura 3 ("Sigurtà u Ċittadinanza"); jissottolinja, barra minn hekk, li taħt l-istess Intestatura, se jinħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali biex tiġi apoġġata azzjoni msaħħa fil-livell tal-UE għas-sigurtà interna fl-UE u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mill-aktar fis possibbli projezzjoni aġġornata tal-baġit meħtieġ sa tmiem il-QFP attwali, biex jingħelbu l-isfidi kollha f'dawn l-oqsma;

46.  Għalhekk, huwa tal-opinjoni soda li, anke bil-mobilizzazzjoni tal-marġnijiet żgħar disponibbli taħt l-Intestatura 3 u d-dispożizzjonijiet ta' flessibilità eżistenti, ir-riżorsi disponibbli mhux se jkunu suffiċjenti biex jiġu ttrattati l-ħtiġijiet ikbar taħt din l-intestatura; jappella, għaldaqstant, għal tisħiħ sinifikanti għall-AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll għall-aġenziji tal-Unjoni (Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), Europol, Eurojust u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)) li assumew responsabbiltajiet ġodda li joperaw fil-qasam, kif ukoll inizjattivi oħra li jistgħu jittieħdu; iqis li tinħtieġ reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi taħt l-Intestatura 3;

47.  Jistenna li azzjoni koordinata bħala rispons effettiv għad-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, partikolarment l-istabbilizzazzjoni politika tal-Viċinat Ewropew u tal-Afrika sub-Saħarjana, kif ukoll it-trattament tal-kawżi umanitarji u ekonomiċi tal-migrazzjoni, tintensifika matul is-snin li ġejjin, u tkun akkumpanjata b'aktar talbiet għal finanzjament taħt l-Intestatura 4 ("Ewropa Globali"); jissottolinja li tali talbiet għal finanzjament addizzjonali m'għandhomx jiġu implimentati għad-detriment tal-azzjoni esterna eżistenti tal-UE, fosthom fil-politika tal-iżvilupp tagħha; jappella, għalhekk, għal reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi taħt l-Intestatura 4;

Ċifri tal-QFP (pagamenti)

48.  Iqis li, bħala kwistjoni ta' prijorità, hija meħtieġa azzjoni biex jiġi evitat li sseħħ kriżi ġdida tal-pagamenti lejn it-tmiem tal-QFP attwali; jemmen bis-sħiħ li għandu jsir kull sforz sabiex jiġi evitat l-akkumulu ta' arretrati fil-kontijiet mhux imħallsa bħal dak li ġie osservat matul il-perjodu preċedenti; jenfasizza madankollu li, fl-istess żmien li l-ħtiġijiet ta' pagament għandhom jilħqu l-quċċata tagħhom normali, diġà tista' tiġi antiċipata pressjoni sinifikanti fuq pagamenti fit-tieni nofs tal-QFP; iqis li l-pressjoni addizzjonali hija dovuta, inter alia, għat-tpaċija tal-Marġini ta' Kontinġenza mal-limiti massimi diġà stretti għall-2018-2020, għad-dewmien konsiderevoli fil-varar tal-programmi l-ġodda taħt ġestjoni konġunta, inkluża l-YEI, il-profil tal-pagamenti tal-FEIS, u l-pagamenti addizzjonali li jikkorrispondu għaż-żidiet riċenti f'impenji b'rabta mal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

49.  Ifakkar li l-approprjazzjonijiet ta' pagament huma l-konsegwenza regolari ta' impenji fil-passat; jistenna, għalhekk, li r-rinforzi ġodda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn jiġu akkumpanjati minn żieda korrispondenti fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, inkluża reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-pagamenti; iqis, barra minn hekk, li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP jipprovdu/tipprovdi opportunità eċċellenti biex jiġu kkunsidrati l-implimentazzjoni tal-pagamenti u l-previżjonijiet aġġornati għall-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sal-aħħar tal-QFP attwali; jemmen li pjan ta' pagament konġunt għall-2016-2020 għandu jkun vinkolanti, u għandu jiġi żviluppat u maqbul bejn it-tliet istituzzjonijiet; jinsisti li tali pjan ta' pagament ġdid għandu jkun ibbażat fuq ġestjoni finanzjarja soda u jipprovdi strateġija ċara biex tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta' pagament fl-intestaturi kollha sa tmiem il-QFP attwali, u biex ma jkunx hemm "xogħol b'lura moħbi" kkawżat minn tnaqqis artifiċjali fl-implimentazzjoni ta' ċerti programmi pluriennali u miżuri oħra ta' mitigazzjoni, bħat-tnaqqis ta' rati ta' prefinanzjament;

50.  Huwa determinat li jsolvi b'mod inekwivokabbli l-kwistjoni tal-baġitjar tal-pagamenti tal-istrumenti speċjali tal-QFP; ifakkar fil-kunflitt mhux solvut tal-interpretazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament minn naħa waħda, u l-Kunsill min-naħa l-oħra, li kien fuq quddiem nett fin-negozjati baġitarji fis-snin riċenti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu minn żmien twil li l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jirriżultaw mill-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jiġu magħduda separatament mil-limiti massimi annwali tal-pagamenti tal-QFP;

Kundizzjonalità biex ikun żgurat id-dritt fundamentali tal-UE

51.  Jinsisti li l-pajjiżi kollha għandhom jassumu sehem sħiħ tar-responsabilitajiet fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati u d-Deċiżjoni dwar il-mekkaniżmu ta' riallokazzjoni dedikat; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmu finanzjarju bonus-malus fir-rigward tat-twettiq jew le mill-Istati Membri tal-impenji tagħhom skont il-miżuri adottati mill-UE; isostni li kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja li tkun ġejja minn sanzjoni fuq Stat Membru li ma jirrispettax dawn il-miżuri għandha tmur lura fil-baġit tal-UE bħala dħul addizzjonali;

Dħul straordinarju

52.  Jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe surplus li jirriżulta mis-sottoimplimentazzjoni tal-baġit tal-UE jew minn penali imposti fuq il-kumpaniji għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għandu jiġi inkluż fil-baġit bħala dħul żejjed fil-baġit tal-UE, b'ebda aġġustament korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING; iqis li din il-miżura tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex ittaffi l-problema tal-pagamenti tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi adatti f'dan ir-rigward;

53.  Huwa konvint li d-diżimpenji fl-intestaturi kollha, li jirriżultaw min-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali tal-azzjonijiet li għalihom kienu allokati, għandhom jerġgħu jkunu disponibbli fil-baġit tal-UE u għandhom jiġu mobilizzati mill-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jemmen bil-qawwa li, fid-dawl tar-restrizzjonijiet attwali li jaffettwaw il-baġit tal-UE u l-ħtiġijiet addizzjonali ta' finanzjament li qed tiffaċċja l-Unjoni, din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għal diżimpenji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013, inkluż l-għeluq tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi adatti f'dan ir-rigward;

Dispożizzjonijiet ta' flessibilità u strumenti speċjali

54.  Jenfasizza li s-sempliċi frekwenza u livell ta' mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali tal-QFP matul is-sentejn li għaddew juru mingħajr ebda dubju l-valur tad-dispożizzjonijiet tal-flessibilità u l-mekkaniżmi minquxa fir-Regolament dwar il-QFP; jenfasizza l-pożizzjoni minn żmien twil tal-Parlament li l-flessibilità għandha tippermetti l-użu massimu tal-limiti massimi globali tal-QFP għall-impenji u l-pagamenti;

55.  Jemmen, għalhekk, li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament dwar il-QFP għandha tipprevedi t-tneħħija ta' numru ta' restrizzjonijiet u limitazzjonijiet li ġew imposti mill-Kunsill fuq id-dispożizzjonijiet ta' flessibilità fi żmien l-adozzjoni tal-QFP; jikkunsidra, b'mod partikolari, li kwalunkwe restrizzjoni fuq ir-riport tal-approprjazzjonijiet u l-marġnijiet mhux użati, jew bl-istabbiliment ta' limiti massimi annwali (Marġini Globali għall-Pagamenti) jew bl-impożizzjoni ta' limiti ta' żmien (Marġini Globali għall-Impenji) għandha tiġi revokata; jemmen li, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji attwali f'bosta intestaturi, l-ebda skop speċifiku ma għandu jiġi definit fir-rigward tal-utilizzazzjoni tar-riżorsi skont il-Marġini Globali għall-Impenji;

56.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-mobilizzazzjoni tal-ammont sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità fl-2016; jinnota li dan l-istrument jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata biċ-ċar li ma tistax tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limitu massimu ta' intestatura waħda jew aktar u mhijiex marbuta ma' politika tal-UE speċifika; iqis, għalhekk, li jipprovdi flessibilità ġenwina fil-baġit tal-UE, speċjalment fil-każ ta' kriżi kbira; jitlob, għalhekk, iż-żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tiegħu sa allokazzjoni annwali ta' EUR 2 biljun, u jindika li dan l-ammont huwa inkluż fil-baġit biss fil-każ ta' deċiżjoni tal-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument; ifakkar li l-Istrument ta' Flessibilità mhuwiex marbut ma' qasam ta' politika speċjali u jista' jiġi mobilizzat għal kwalunkwe skop li jiġi kkunsidrat neċessarju;

57.  Jindika r-rwol tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fil-provvista ta' rispons rapidu għall-ħtiġijiet ta' għajnuna speċifiċi ta' pajjiżi terzi għal avvenimenti mhux previsti, u jenfasizza l-importanza partikolari tiegħu fil-kuntest attwali; jitlob iż-żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tiegħu sa allokazzjoni annwali ta' EUR 1 biljun;

58.  Jinnota r-regoli differenti fis-seħħ fir-rigward tat-tul taż-żmien għar-riport tal-approprjazzjonijiet mhux użati għall-istrumenti speċjali tal-QFP, jiġifieri l-Istrument ta' Flessibilità, ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni; jitlob l-armonizzazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni tar-regola ġenerali N+3 għal dawn l-istrumenti;

59.  Jagħti attenzjoni partikolari lill-Marġini ta' Kontinġenza bħala l-aħħar strument għal rispons f'każ ta' ċirkustanzi mhux previsti; jenfasizza li, skont il-Kummissjoni, dan huwa l-uniku strument speċjali li jista' jiġi mobilizzat biss għall-approprjazzjonijiet ta' pagament, u b'hekk jevita kriżi ta' pagamenti fil-baġit tal-UE, bħal fl-2014; jiddeplora l-fatt li, kuntrarju għall-perjodu preċedenti, it-tpaċija obbligatorja tal-approprjazzjonijiet hija stipulata fir-Regolament dwar il-QFP; huwa tal-opinjoni soda li dan ir-rekwiżit joħloq sitwazzjoni insostenibbli li effettivament tbaxxi l-ammonti annwali fir-rigward tal-limiti massimi tal-QFP fl-aħħar snin ta' dan il-perjodu u b'hekk tinħoloq pressjoni addizzjonali fuq il-baġit tal-UE; jenfasizza li l-Marġini ta' Kontinġenza huwa, fi kwalunkwe każ, l-aħħar strument, li l-mobilizzazzjoni tiegħu hija maqbula b'mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; jitlob, għalhekk, li r-regola għat-tpaċija obbligatorja tiġi revokata immedjatament b'effett retroattiv, kif ukoll għal reviżjoni 'l fuq tal-ammont annwali massimu għal 0.05 % tal-ING tal-UE;

Segwitu tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-tibdil ambjentali

60.  Jinnota li l-ftehim COP 21 li ntlaħaq f'Pariġi huwa ftehim universali, dinamiku u differenzjat bl-għan li tiġi affrontata l-isfida tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont dan il-ftehim, jeħtieġ li jiġi allokat finanzjament tal-UE sabiex tiġi appoġġata azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li kwalunkwe finanzjament għall-miżuri possibbli li joriġinaw mill-COP 21 għandu jkun addizzjonali għall-infiq attwali fuq l-azzjonijiet dwar il-klima, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija ta' implimentazzjoni tagħha u l-ewwel evalwazzjoni tal-impatt possibbli tal-ftehim COP 21 fuq il-baġit tal-UE fi żmien debitu għar-reviżjoni; jissottolinja, barra minn hekk, li r-reviżjoni tal-QFP toħloq opportunità eċċellenti biex jiġi żgurat li l-mira ta' 20 % ta' nfiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima tintlaħaq u biex tiġi prevista żieda possibbli ta' dan is-soll f'konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE meħuda waqt il-COP 21; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mekkaniżmu ta' mainstreaming tal-azzjoni klimatika jkun kompletament operattiv u li l-metodu attwali ta' traċċar ta' tali nfiq jittejjeb; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE hija impenjata wkoll li timplimenta l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u jissottolinja li għandha tiddedika biżżejjed riżorsi biex tissodisfa l-impenji tagħha f'dak ir-rigward;

Simplifikazzjoni

61.  Jemmen li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu jipprovdu opportunità eċċellenti għall-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-ewwel darba tal-funzjonament tal-politiki u l-programmi konċernati tal-UE, kif ukoll it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità u tal-istrumenti speċjali tal-QFP, u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi li tidentifika n-nuqqasijiet tas-sistema ta' implimentazzjoni attwali; jagħti attenzjoni partikolari għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-proċess ta' implimentazzjoni tal-elementi l-ġodda introdotti fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali, bħal kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni; iqis li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandhom jevalwaw ukoll il-prestazzjoni tal-fondi allokati bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti biex tindirizza n-nuqqasijiet possibbli u biex ittejjeb u tirrazzjonalizza l-ambjent tal-implimentazzjoni għas-snin li jifdal tal-QFP attwali, sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji skarsi u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji;

62.  Jenfasizza li huwa importanti li jintwera l-valur miżjud tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u jappoġġa l-fatt li l-kultura ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati tkun fil-qofol tal-infiq tal-UE; jenfasizza li l-valutazzjoni tal-prestazzjoni u relatata mal-output għandha ssir, meta jkun xieraq, prinċipju essenzjali, u jisħaq fuq fuq l-applikabilità partikolari ta' tali prinċipju għal programmi ffukati fuq l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattiva tal-UE "Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati", li għad trid tiġi żviluppata aktar, u jistenna r-riżultati tal-ħidma tal-grupp ta' ħidma ta' esperti interistituzzjonali dwar il-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni; iqis li dan l-approċċ jista' jkun mezz biex tingħata spinta lill-prestazzjoni tal-programmi bi prestazzjoni baxxa; jenfasizza, madankollu, li nuqqasijiet tekniċi jew ta' programmazzjoni ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis fil-baġit tal-UE jew l-abbandun tal-prijoritajiet politiċi, u li nfiq aħjar waħdu mhux se jsolvi l-problema tan-nuqqas ta' mezzi finanzjarji biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u li qed jikbru; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament, bħala waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja, irid jiġi inkluż fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-Kummissjoni f'dak ir-rigward;

Strumenti finanzjarji

63.  Jirrikonoxxi r-rwol ikbar tal-istrumenti finanzjarji fil-baġit tal-Unjoni bħala forma kumplimentari ta' finanzjament meta mqabbel mas-sussidji u l-għotjiet; jirrikonoxxi l-potenzjal ta' dawn l-istrumenti f'termini ta' żieda fl-impatt finanzjarju, u għalhekk politiku, tal-baġit tal-Unjoni; jissottolinja, madankollu, li ma jaqbilx mal-bidla minn finanzjament tradizzjonali għal strumenti aktar innovattivi fl-oqsma kollha tal-politika, billi mhux il-politiki kollha huma orjentati għas-suq; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jipprovdu mod alternattiv u komplementari ta' finanzjament u m'għandhomx jintużaw għal proġetti li jistgħu biss jibbenefikaw mill-użu ta' għotjiet, li huma partikolarment importanti għal reġjuni anqas żviluppati;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu, twettaq analiżi fil-fond dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jenfasizza li meta jiġi vvalutat strument finanzjarju, id-dimensjoni ta' lieva ma tistax tkun l-uniku kriterju ta' evalwazzjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kriterji ta' "addizzjonalità" u l-valutazzjoni tal-kontribut biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-UE;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika l-oqsma kollha tal-politika tal-UE fejn l-għotjiet jistgħu jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji u tirrifletti dwar bilanċ xieraq bejn it-tnejn; huwa tal-opinjoni soda li l-possibilità ta' kombinazzjoni ta' diversi riżorsi tal-UE taħt regoli ta' ġestjoni armonizzati tgħin l-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn is-sorsi ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE; jissottolinja li l-użu ikbar tal-istrumenti finanzjarji m'għandux iwassal għal tnaqqis fil-baġit tal-Unjoni; ifakkar fit-talbiet ripetuti tiegħu għal aktar trasparenza u skrutinju demokratiku fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit tal-Unjoni;

B. Kunsiderazzjonijiet tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020

66.  Ifakkar li skont l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali qabel l-1 ta' Jannar 2018; jenfasizza, għalhekk, li għadd ta' elementi ewlenin għall-QFP li jmiss għandhom diġà jiġu diskussi fil-qafas tar-rieżami/reviżjoni li jmiss;

67.  Iqis li l-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati għandhom jinkludu aġġustamenti għall-perjodu tal-QFP, riforma bir-reqqa tas-sistema ta' riżorsi proprji, enfasi ikbar fuq l-unità tal-baġit, u aktar flessibilità baġitarja; huwa konvint, barra minn hekk, li l-modalitajiet tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li jiġu rieżaminati sabiex tiġi żgurata l-leġittimità demokratika u l-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

68.  Ifakkar fil-prinċipji baġitarji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja soda u t-trasparenza, li għandhom jiġu rispettati fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

69.  Jissottolinja li element essenzjali tad-diffikultajiet biex jintlaħaq ftehim dwar qafas finanzjarju pluriennali bejn l-Istati Membri huwa l-importanza primarja li jagħtu lill-bilanċi netti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni mhuwiex sempliċi logħba fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra iżda, minflok, jagħti spinta lill-konverġenza u l-espressjoni ta' politiki komuni li joħolqu valur miżjud kollettiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jibdlu l-perċezzjoni tagħhom tal-baġit tal-Unjoni u l-approċċ għalih, sabiex jistabbilixxu d-daqs tal-baġit abbażi ta' valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet finanzjarji li ġejjin mill-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni, l-objettivi politiċi tagħha stabbiliti fil-programmi u l-politiki tagħha kif ukoll fl-impenji internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li r-riżultat ma jkunx staġnar ieħor li jkompli jbiegħed ulterjorment lill-Unjoni miċ-ċittadini tagħha; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-iffrankar li sar fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri bħala riżultat ta' azzjoni politika ffinanzjata fil-livell tal-UE;

70.  Jindika l-imperattiv politiku li tiġi stabbilita proċedura ta' teħid tad-deċiżjonijiet li tiggarantixxi d-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, fil-livell tal-UE jew f'dak nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-Kunsill Ewropew;

Tul ta' żmien

71.  Ifakkar li, skont il-premessa 3 tar-Regolament dwar il-QFP, it-tliet istituzzjonijiet qablu li jeżaminaw b'mod konġunt il-kwistjoni tal-aktar tul ta' żmien xieraq fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni; itenni l-pożizzjoni tiegħu li t-tul ta' żmien tal-QFP għandu jiġi allinjat maċ-ċiklu politiku tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni, u b'hekk l-elezzjonijiet Ewropej isiru forum għal dibattitu dwar il-prijoritajiet futuri tal-infiq;

72.  Jissottolinja, madankollu li, speċjalment għall-programmi taħt ġestjoni kondiviża fil-qasam tal-politika dwar il-koeżjoni u l-iżvilupp rurali, il-prevedibilità fuq żmien twil hija essenzjali, minħabba l-ħin meħtieġ biex jintlaħaq ftehim fuq il-leġiżlazzjoni settorjali u l-programmi operazzjonali fil-livell nazzjonali u reġjonali;

73.  Jemmen li, minħabba l-ambjent politiku li qed jinbidel malajr u bl-għan li tiġi żgurata flessibilità akbar, xi elementi tal-QFP għandu jintlaħaq qbil dwarhom għal 5 snin filwaqt li oħrajn, b'mod partikolari dawk relatati mal-programmi li jeħtieġu programmazzjoni fit-tul u/jew politiki li jipprevedu proċeduri kumplessi għall-istabbiliment ta' sistemi ta' implimentazzjoni, bħall-politika ta' koeżjni jew l-iżvilupp rurali, għandu jintlaħaq qbil dwarhom għal perjodu ta' 5+5 snin b'reviżjoni obbligatorja ta' nofs it-terminu;

Riforma tas-sistemi ta' riżorsi proprji

74.  Jissottolinja l-ħtieġa għal riforma sħiħa tas-sistema tar-riżorsi proprji, bis-sempliċità, il-ġustizzja u t-trasparenza bħala prinċipji ta' gwida; għalhekk qed jistenna rapport finali ambizzjuż mill-Grupp ta' Livell Ġħoli dwar ir-Riżorsi Proprji sal-aħħar tal-2016, kif ukoll pakkett leġiżlattiv ugwalment ambizzjuż dwar ir-riżorsi proprji sa mill-2021 u mill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2017;

75.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-ING għall-baġit tal-Unjoni sabiex jinbidel l-approċċ ta' "juste retour" tal-Istati Membri; jissottolinja li dan għandu jnaqqas il-piż fuq il-finanzi nazzjonali u b'hekk jagħmel disponibbli r-riżorsi kkonċernati għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; ifakkar li l-VAT attwali fuq ir-riżorsi proprji hija kumplessa żżejjed u fl-essenza tagħha hija t-tieni kontribuzzjoni għall-ING, u għalhekk jitlob li din ir-riżorsa proprja tiġi riformata sostanzjalment jew revokata kompletament; iqis li huwa meħtieġ, madankollu, li l-kontribuzzjonijiet tal-ING jinżammu bħala element tal-baġit, minħabba l-ħtieġa għall-funzjoni tagħhom bħala kontribuzzjoni ta' bilanċ;

76.  Jitlob l-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida jew bosta riżorsi proprji ġodda, idealment b'rabta ċara mal-politiki Ewropej li joħolqu valur miżjud; jinnota li għadd kbir ta' riżorsi proprji ġodda possibbli diġà ġew diskussi mill-Grupp ta' Livell Għoli, bħal VAT riformata, Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, qligħ mill-ħruġ ta' munita tal-BĊE, riforma tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet u t-tassazzjoni tal-karbonju, it-tassazzjoni tat-trasport, it-tassazzjoni korporattiva, it-tassazzjoni tal-elettriku jew diġitali; jistenna b'ħerqa r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli, sabiex jipproċedi u jħejji l-pożizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward; jitlob, f'dan il-kuntest, biex jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta' rifużjoni;

Unità tal-baġit

77.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tal-unità tal-baġit, u jfakkar li skont l-Artikolu 310(1) tat-TFUE, l-entrati kollha ta' dħul u spiża tal-Unjoni għandhom jintwerew fil-baġit; huwa mħasseb dwar il-bidla riċenti mill-metodu tal-Komunità għat-teħid tad-deċiżjonijiet intergovernattiv kif osservat, sa mill-2014, fl-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju Bêkou għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Fond Fiduċjarju Reġjonali Madad bħala rispons għall-kriżi fis-Sirja, u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika tal-UE, kif ukoll il-Faċilità tar-Rifuġjati għat-Turkija; jenfasizza li din il-forma ta' finanzjament tinvolvi riallokazzjoni ta' fondi taħt il-programmi finanzjarji pluriennali eżistenti nnegozjati u miftiehema bejn it-tliet istituzzjonijiet; jenfasizza li dan jipperikola r-responsabilità demokratika, peress li l-Parlament ġie eskluż mill-istabbiliment ta' dawk il-fondi;

78.  Jissottolinja li skont it-Trattat, il-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu l-baġit tal-Unjoni fuq bażi ndaqs maż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; iqis, barra minn hekk, li kontroll parlamentari sħiħ fuq in-nefqa kollha huwa element essenzjali tal-infiq kollu tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżerva l-unità tal-baġit u tikkunsidraha bħala prinċipju ta' gwida fil-proposta ta' inizjattivi ta' politika ġodda;

79.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu sa minn żmien twil li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandu jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni, sa mill-2021, filwaqt li jiġi żgurat il-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u operazzjonijiet relatati mas-sigurtà;

80.  Jenfasizza li kwalunkwe integrazzjoni futura tal-FEŻ jew ta' tali strumenti ad hoc fil-baġit tal-UE titlob li l-pakketti finanzjarji rispettivi tagħhom jiżdiedu fuq il-limiti massimi tal-QFP, li għandhom jiġu riveduti kif xieraq, sabiex ma jkunx ipperikolat il-finanzjament ta' politiki u programmi oħra tal-UE;

Flessibilità mtejba

81.  Jenfasizza li l-istruttura riġida tal-baġit tal-Unjoni ċċaħħad lill-awtorità baġitarja mill-possibilità li tirreaġixxi b'mod adegwat għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu; jappella, għalhekk, għal flessibilità akbar fil-QFP li jmiss, b'mod partikolari permezz ta' aktar flessibilità bejn l-intestaturi fil-forma ta' flessibilità ta' marġnijiet mhux minfuqa u bejn is-snin bl-għan li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-limitu massimu tal-QFP;

82.  Jissottolinja li minbarra l-kapaċità għal reazzjoni flessibbli għal ċirkustanzi dejjem jinbidlu mingħajr preġudizzju għall-programmazzjoni maqbula, hemm ukoll il-ħtieġa li l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet li qed jiżviluppaw, bħall-kriżi attwali tal-migrazzjoni; jappella, għalhekk, biex minbarra l-istrumenti speċjali eżistenti tal-QFP, tiġi stabbilita riżerva ta' kriżi permanenti tal-UE fi ħdan il-baġit tal-Unjoni sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet ad hoc bħall-istabbiliment ta' fondi fiduċjarji; jenfasizza li tali mekkaniżmu, li hu maħsub bħala reazzjoni għall-kriżijiet u għal sitwazzjonijiet mhux previsti, għandu, min-natura tiegħu stess, jopera bħala strument speċjali ġdid tal-QFP u jiġu magħdud apparti l-limiti massimi tal-QFP;

Proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet

83.  Ifakkar fil-pożizzjoni kritika tal-Parlament fir-rigward tal-mod kif tmexxiet il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP 2014-2020; ifakkar li l-adozzjoni tar-regolament teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament; jenfasizza, għalhekk, li l-Parlament jeħtieġ li jkun involut bis-sħiħ fin-negozjati rilevanti sa mill-bidu nett; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jifformalizzaw il-modalitajiet għall-proċedura li jmiss tal-QFP bi qbil milħuq fi żmien ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, li għandhom jieħdu kont tan-nuqqasijiet tan-negozjati preċedenti u jissalvagwardjaw bis-sħiħ ir-rwol u l-prerogattivi tal-Parlament kif stabbilit fit-Trattati; iqis li dawn il-modalitajiet għandhom eventwalment jitniżżlu fl-FII, kif huwa l-każ għall-proċedura baġitarja annwali;

84.  Iqis li r-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tar-Regolament QFP jirrappreżenta xkiel reali fil-proċess; jappella, f'dak ir-rigward, lill-Kunsill Ewropew biex jattiva l-klawsola "passerelle" fl-Artikolu 312(2) TFUE sabiex ir-Regolament QFP jkun jista' jiġi adottat permezz ta' maġġoranza kwalifikata; ifakkar, barra minn hekk, li l-klawsola "passerelle" ġenerali tal-Artikolu 48(7) TUE tista' tiġi implimentata wkoll, sabiex tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jenfasizza li bidla lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni tar-Regolament QFP għandha tikkonforma mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-adozzjoni ta' kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE kif ukoll tal-proċedura annwali ta' adozzjoni tal-baġit tal-UE;

85.  Ifakkar li t-Trattat ma jagħtix lill-Kunsill Ewropew id-dritt li jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; itenni, f'dan il-kuntest, l-oġġezzjoni qawwija tiegħu kontra l-interferenza tal-Kunsill Ewropew fil-leġiżlazzjoni matul l-aħħar negozjati dwar il-QFP; jitlob b'insistenza lill-Kunsill Ewropew li jillimita ruħu għall-kompiti tiegħu kif definiti mit-Trattat, u li jastjeni milli jantiċipa bidliet ta' politika li għandhom jiġu deċiżi taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u b'hekk jirrispetta l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament taħt il-kodeċiżjoni;

86.  Jinsisti li l-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni tal-QFP li jmiss għandu jkun konkluż sa tmiem l-2018, wara negozjati sostanzjali bejn il-Parlament u l-Kunsill; jenfasizza li ftehim QFP f'waqtu jippermetti l-adozzjoni rapida tar-regolamenti settorjali kollha, u jippermetti li l-programmi l-ġodda jibdew mingħajr dewmien fl-1 ta' Jannar 2021; jenfasizza l-importanza li l-parlamenti nazzjonali u ċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati aħjar dwar l-isfidi tal-QFP li jmiss permezz tal-organizzazzjoni, meta jkun xieraq, ta' konferenza interistituzzjonali, interparlamentari;

°

°  °

87.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kkonċernati l-oħra, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

25.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-UE qed tiffaċċja għadd mingħajr preċedent ta' kriżijiet fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu, b'mod partikolari l-kriżi tar-rifuġjati, theddid għas-sigurtà u kunflitti armati, li qed jheddu l-valuri fundamentali u jeħtieġu solidarjetà u azzjoni esterna komuni msaħħa; ifakkar fil-bżonn ta' solidarjetà fir-rigward tal-għadd dejjem jikber ta' diżastri naturali; jissottolinja l-fatt li dawn ma kinux previsti fiż-żmien meta l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 ġie konkluż; ifakkar li t-total intiż għall-Intestatura 4 tnaqqas b'madwar 16% meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li jdgħajjef b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-UE li tirrispondi għal dawn l-isfidi l-ġodda u tissodisfa l-impenji politiċi tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal reviżjoni biex jiżdiedu l-limiti massimi tal-approprjazzjonijiet ta' impenn taħt din l-intestatura ħalli jkun hemm aktar finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora approċċ baġitarju bbażat fuq il-prestazzjoni, filwaqt li żżomm f'moħħha l-ispeċifiċità tal-azzjonijiet esterni;

2.  Jenfasizza li l-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati huwa prijorità ewlenija, iżda jenfasizza li dan m'għandux iseħħ a skapitu ta' politiki f'oqsma oħra, inklużi dawk li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul u l-kawżi profondi tal-kriżi attwali; huwa konvint li r-rispons għall-emerġenza umanitarja għandu jimxi b'mod parallel mal-proċessi ta' żvilupp u mal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; il-ħolqien ta' ambjenti stabbli u siguri li fihom l-iżvilupp huwa possibbli, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prijoritajiet l-oħra kollha tal-politika barranija tal-UE;

3.  Iqis li l-mekkaniżmi ta' flessibbiltà attwali huma insuffiċjenti f'termini ta' volum u flessibbiltà biex ikun hemm rispons adegwat għas-sitwazzjoni l-ġdida; ifakkar li, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' riżorsi, il-Kummissjoni stabbilixxiet numru ta' strumenti ad hoc, inklużi Fondi Fiduċjarji għas-Sirja, l-Afrika u r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom li jżidu r-rispons finanzjarju tal-UE, iżda jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-kontroll demokratiku fil-ġestjoni ta' dawn l-istrumenti finanzjarji, u juri dispjaċir għan-nuqqas ta' rispett min-naħa tal-Istati tal-impenji ta' finanzjament tagħhom; jitlob bil-qawwa li l-Parlament Ewropew jeżerċita s-sorveljanza tiegħu fuq il-governanza tal-fondi fiduċjarji;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riforma tal-mekkaniżmi ta' flessibbiltà fl-ambitu tal-QFP, inkluż l-istabbiliment ta' riżerva permanenti tal-UE għal kriżi li tippermetti l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali fejn meħtieġa permezz ta' proċeduri flessibbli li jippermettu rispons rapidu għal sitwazzjonijiet urġenti u volatili; jenfasizza li kwalunkwe finanzjament ta' emerġenza, intiż biex jirrispondi għal kriżijiet u sitwazzjonijiet mhux previsti, għandu, min-natura tiegħu stess, ikun kopert minn strumenti speċjali u ma jiġix ikkalkulat barra mil-limiti massimi tal-QFP; jemmen li l-possibbiltà ta' trasferiment ta' fondi mhux allokati bejn l-intestaturi żżid il-kapaċità ta' rispons għal sfidi li qed jevolvu, u tippermetti wkoll l-użu massimu tal-limiti massimi tal-QFP; jinnota li l-fondi attwali għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti; jenfasizza l-importanza ta' riservi għal għajnuna ta' emerġenza u li jinżammu fondi suffiċjenti għal dak l-iskop;

5.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-QFP rivedut ikun kapaċi jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-istrumenti ta' finanzjament estern wara r-rieżami ta' nofs it-term tagħhom fl-2017 u jappella għal aktar koerenza u koordinazzjoni taż-żewġ proċessi ta' rieżami fil-ġejjieni;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-QFP li jmiss maċ-ċikli politiċi tal-Kummissjoni u tal-Parlament sabiex jittejbu r-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza tal-baġit pluriennali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Marek Jurek, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Serrão Santos, Renate Weber

30.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Paul Rübig

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-ewwel snin tal-QFP il-ġdid kienu kkaratterizzati minn ħafna każijiet ta' nuqqas ta' pagamenti fil-baġit b’implikazzjonijiet negattivi fuq l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni esterni; jitlob li jkun hemm livell adegwat ta’ pagament fl-Intestatura 4 li għandu jiġi pprovdut sabiex sabiex jiġi evitat li din il-problema tirrepeti ruħha;

2.  Jinnota l-iskala kbira tal-ħtiġijiet globali għall-għajnuna umanitarja u għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, għat-tħejjija f'każ ta' diżastri jew epidemiji u għall-bini ta' reżiljenza f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota, barra minn hekk, il-pressjoni fuq dawn il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-effetti ta’ kunflitti u gwerer, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, governanza ħażina u korruzzjoni, provvista fqira ta’ servizzi soċjali bażiċi, inklużi sistemi dgħajfa tas-saħħa, in-nuqqas ta’ kopertura tas-saħħa universali u l-investimenti fl-innovazzjoni fis-saħħa, inugwaljanza ekonomika u soċjali dejjem akbar, kif ukoll it-tibdil fil-klima u kompetizzjoni għal riżorsi skarsi; iqis li hemm bżonn li tissaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u r-rappurtar tar-riżorsi għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, kif ukoll il-mezzi finanzjarji għal din l-għajnuna, b’approvazzjoni rapida mill-awtorità baġitarja, kull meta jkun meħtieġ, speċjalment b’kont meħud tal-Aġenda 2030 li għadha kif ġiet stabbilita, u bl-għan li jiġu ssodisfati l-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD); huwa konvint li dan iservi wkoll l-interessi tal-UE għax jevita pressjonijiet migratorji futuri;

3.  Jinnota li l-infiq relatat ma’ spejjeż għar-refuġjati fil-pajjiżi donaturi, għalkemm parzjalment koperti mill-Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp tal-OECD (DAC), id-definizzjoni ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ma tikkontribwixxix għal żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lanqas għall-ġlieda kontra l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; jinnota żieda fir-rappurtar ta' spejjeż għar-refuġjati fil-pajjiżi donaturi, f’xi Stati Membri, bħala ODA; itenni li azzjonijiet effettivi ta’ għajnuna umanitarja u programmi ta’ żvilupp għandhom ifittxu li jiġġieldu kontra l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u m’għandhomx isiru a skapitu tal-finanzjament tal-iżvilupp tal-UE u politiki f’oqsma oħra;

4.  Ifakkar li l-kriżi tal-migranti u tar-refuġjati għandha impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-UE u ser tkompli titlob tweġiba dinamika fis-snin li ġejjin; jappoġġja l-użu sħiħ tar-riżorsi disponibbli taħt l-Intestaturi 3 u 4 tal-baġit tal-UE għall-2014-2016; jitlob, f’dan ir-rigward, għal żieda xierqa fil-limiti massimi sabiex tiġi indirizzata kif suppost il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati;

5.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal infiq biex jintlaħqu l-aspetti kollha tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16; jemmen li l-promozzjoni tal-paċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-edukazzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-paċi u s-sigurtà, it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza, u fuq tul ta' żmien twil għall-qerda tal-faqar; jiċħad kwalunkwe użu tal-għajnuna għall-iżvilupp għal għanijiet mhux ta’ żvilupp, li huma stipulati b’mod ċar fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); jenfasizza li l-finanzjament ikkonċernat, li ma jikkostitwixxix ODA, irid jiġi minn strumenti oħra għajr l-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) jew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jew kwalunkwe mekkaniżmu ieħor li jibbenefika biss minn dawn l-istrumenti, bħalma hu l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed infiq relatat mas-saħħa minħabba l-epidemiji emerġenti; ifakkar fil-ħtieġa ta' sistemi tas-saħħa effettivi u komprensivi b’mediċini affordabbli sabiex jitwassal SDG 3; iħeġġeġ użu aħjar għall-programmi kollha tal-QFP, bħall-programmi Orizzont 2020, DCI, FEŻ jew il-Programm Saħħa għat-Tkabbir biex jiġu ttrattati l-isfidi għas-saħħa globali li jistgħu faċilment jaffettwaw l-Ewropa nnifisha;

7.  Jenfasizza li l-fondi fiduċjarji ġew stabbiliti minħabba li l-baġit tal-UE m’għandux ir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa għal rispons rapidu u komprensiv għal kriżijiet ewlenin; jitlob għal soluzzjoni vijabbli li tippermetti l-iskrutinju sħiħ tal-awtorità baġitarja bl-għan li ttejjeb l-unità tal-baġit u r-rispett għall-prinċipju tas-sjieda demokratika;

8.  Ifakkar li l-UE għamlet impenji b’saħħithom dwar l-effikaċja tal-għajnuna, b’mod partikolari l-prinċipju tas-sjieda demokratika ta’ programmi ta’ żvilupp minn min jirċievi l-għajnuna u l-allinjament tal-għajnuna mill-UE mal-prijoritajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li dan il-prinċipju għandu jiġi rrispettat fir-reazzjoni tal-UE għall-migrazzjoni, pereżempju fit-twaqqif tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika li nħoloq speċifikament sabiex jiġu evitati l-proċeduri tal-FEŻ itwal li jirrispettaw il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta dwar il-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika permezz ta’ mezzi oħra;

9.  Jinnota, barra minn hekk, li t-tħeġġiġ ta' żviluppi bħal dawk fil-Myanmar/Burma u l-Kolombja jeħtieġu reazzjonijiet adegwati u fondi min-naħa tal-UE;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riżorsi adegwati biex jintlaħqu l-SDGs, filwaqt li jirrikonoxxi li l-ODA kollettiva tal-UE kienet tirrappreżenta 0.47 % tad-DNG tal-UE fl-2015; jiddeplora n-nuqqas tal-UE li twettaq l-impenn ta' 0.7 % ODA/DNG għall-2015; ifakkar fit-tiġdid reċenti tal-UE fir-rigward tal-impenn kollettiv tagħha li żżid l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp għal 0.7 % tad-DNG tagħha; jirrimarka li dan jeħtieġ żidiet sostanzjali, u jenfasizza li r-rieżami tal-QFP għandu jieħu kont ta' dan; jistieden lill-Istati Membri jadottaw pjan ċar dwar it-twettiq tal-impenn tagħhom li jikkontribwixxu 0.7 % tad-DNG tagħhom lill-ODA;

11.  Ifakkar li finanzjament prevedibbli u f’waqtu għall-għajnuna umanitarja huwa appoġġjat l-aħjar meta ma jkunx hemm differenza bejn il-pagamenti u l-impenji u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta li tipprevedi ekwivalenza sistematika bejn il-pagamenti u l-impenji għal azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ma jibqgħux jgħollu l-valur tal-għajnuna artifiċjalment u biex prodotti ta' għajnuna minfuħin artifiċjalment jiġu esklużi mir-rappurtar tal-ODA (pereżempju l-ispejjeż tar-refuġjati, l-ispejjeż attribwibbli għall-istudenti, l-għajnuna marbuta, imgħax fuq is-self u l-ħelsien mid-dejn);

13.  Jappoġġja l-finanzjament tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinsisti dwar il-bżonn li l-impenn tal-pajjiżi żviluppati jiġi rispettat sabiex din l-assistenza ma timminax l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp li mhix relatata mal-klima; jinsisti dwar il-mobilizzazzjoni ta' fondi addizzjonali għal ħtiġijiet addizzjonali;

14.  Jitlob għal evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programmi ta’ żvilupp tal-QFP ibbażati fuq il-prestazzjoni tagħhom meta mqabbla mal-miri u l-għanijiet stabbiliti, il-kapaċità ta’ assorbiment u l-valur miżjud tal-UE, b’kont meħud tal-implimentazzjoni tal-qafas attwali, u l-impenji li saru sadanittant bħalma huma l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; jirrakkomanda li impenji li mhumiex implimentati biżżejjed, jekk ikun hemm bżonn, ikollhom biżżejjed riżorsi bil-baġit neċessarju;

15.  Ifakkar l-impenn tal-UE li talloka tal-anqas 20 % tal-ODA tagħha għal servizzi soċjali bażiċi, b’enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni; jemmen li t-tgawdija tal-aqwa stat ta’ saħħa possibbli hu dritt fundamentali tal-bniedem u l-aċċess universali għall-kura u l-kopertura tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, huwa strument b’saħħtu li jiffaċilita l-iżvilupp u huwa fundamentali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, it-titjib fin-nutrizzjoni u l-eżiti edukattivi; jenfasizza għaldaqstant il-ħtieġa għal infiq relatat mas-saħħa fil-kuntest ta' epidemiji li qed jiżviluppaw b'mod rapidu u fid-dawl tal-bżonn ta' investimenti komprensivi biex jinħolqu sistemi tas-saħħa reżiljenti u jkun garantit aċċess li jlaħħaq miegħu kulħadd għal mediċini essenzjali f'ħafna pajjiżi bi dħul baxx u medju, sabiex tkun rispettata l-Aġenda 2030.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Maria Heubuch, György Hölvényi, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Carolina Punset, Paul Rübig, Adam Szejnfeld, Patrizia Toia, Jan Zahradil

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew

25.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Reimer Böge

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja l-fatt li l-politika kummerċjali tal-UE, billi tippromwovi s-swieq miftuħa fi spirtu ta' reċiproċità b'mod li trawwem it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp, tikkontribwixxi għall-istabilità u l-prosperità kemm tal-UE kif ukoll ta' pajjiżi terzi; jappella għal finanzjament adegwat li jippermetti li l-Kummissjoni timplimenta l-aġenda ambizzjuża tagħha ddelinjata fl-istrateġija tagħha "Kummerċ għal kulħadd";

2.  Jinnota li l-konklużjoni ta' kull ftehim ta' kummerċ ħieles ġdid tfisser telf ta' dħul sostanzjali għas-sehem tar-riżorsi proprji fil-baġit tal-Unjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tipprovdi stimi preċiżi tat-telf ta' dħul mistenni li jirriżulta minn kull ftehim ta' kummerċ ħieles li attwalment qed jiġi nnegozjat u tindika b'mod ċar x'ristrutturar baġitarju għandu jsir bħala tpaċija għall-ammonti mitlufa; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti dwar il-kontribut mistenni mingħand il-kummerċ internazzjonali fir-rigward tar-ristrutturar tal-baġit u r-riżorsi proprji tal-Unjoni;

3.  Jemmen li l-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati żvelat nuqqasijiet sinifikanti fil-konsistenza tal-azzjoni tal-UE fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u fl-Afrika sub-Saħarjana; jappella lill-Kummissjoni biex taħtaf l-opportunità li toffri r-reviżjoni tal-QFP sabiex tniedi riforma fundamentali tal-istrateġija politika fir-rigward tas-sħab tal-UE bl-għan li żżid il-koerenza tal-politiki dwar l-iżvilupp u tindirizza l-kawżi tal-migrazzjoni b'mod effikaċi; jissottolinja li l-finanzjament tal-programmi għall-mitigazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati m'għandux jitnaqqas mill-infiq għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA);

4.  Jisħaq fuq il-fatt li r-rwol essenzjali tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju għall-ekonomija tal-UE għandu jiġi rifless fi strateġija komprensiva u konsistenti li tipprovdi lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju Ewropej b'ambjent li jiffavorixxi n-negozju u jrawwem l-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment internazzjonali tagħhom; jappella lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tiżviluppa manwali speċifiċi u ċari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li joffri kull ftehim kummerċjali konkluż mill-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-effikaċja u l-effiċjenza tad-diversi inizjattivi taħt l-Istrument ta' Sħubija li jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, fir-rigward ta' inizjattivi mis-settur privat u mill-Istati Membri, kif ukoll ta' strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE għall-appoġġ tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju bħal COSME, bil-ħsieb li tiżgura l-komplementarjetà u valur miżjud fil-livell Ewropew;

5.  Jinnota l-użu dejjem jiżdied ta' garanziji u strumenti finanzjarji barra mill-ambitu tal-baġit tal-UE bħala reazzjoni għal kriżijiet multipli minkejja r-restrizzjonijiet baġitarji; jiddeplora t-tnaqqis varju li sar fl-Intestatura 4 sabiex jingħata finanzjament għall-Fondi Fiduċjarji għas-Sirja u l-Afrika li għadhom kif inħolqu u għall-Faċilità għat-Turkija; jinsisti li tali strumenti ta' finanzjament iridu jaderixxu mal-kriterji stabbiliti għall-effikaċja tal-għajnuna, bħalma huma s-sjieda u l-allinjamenti, iridu jibqgħu eċċezzjoni u eventwalment għandhom jiġu inklużi fil-baġit, biex b'hekk tiġi żgurata r-responsabilità demokratika;

6.  Ifakkar li l-livell ta' impenji pendenti (RAL) taħt l-Intestatura IV, b'segwitu għal żieda kostanti mill-2010 'l hawn, fl-2015 laħaq livell bla preċedenti; jissottolinja li jeħtieġ li jkun disponibbli taħt l-Intestatura IV livell suffiċjenti ta' pagamenti fir-rigward tal-impenji sabiex fil-ġejjieni ma jerġax ikun hemm livell insostenibbli ta' RAL; jappella lill-Kunsill biex jirrevedi u jgħolli l-limitu massimu għall-pagamenti b'mod li ma tkunx tista' sseħħ kriżi ġdida fil-qasam tal-pagamenti lejn tmiem il-QFP attwali; jenfasizza li għandu jkun hemm prevenzjoni effikaċi ta' kwalunkwe telf mill-approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli minħabba l-limiti massimi stretti ħafna tal-QFP; jitlob, għalhekk, li l-approprjazzjonijiet ta' impenn li jiġu kkanċellati minħabba implimentazzjoni parzjali jew nuqqas ta' implimentazzjoni jerġgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-baġit tal-UE għall-finijiet deċiżi mill-Parlament u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja;

7.  Jikkunsidra li l-Fond Ewropew ta' Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni hu mekkaniżmu effiċjenti u effikaċi ta' proviżjonament għar-riskji relatati mal-operazzjonijiet ta' self tal-UE f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ biex jitqiegħed għad-dispożizzjoni aktar self bħala appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika fir-reġjuni l-aktar milquta mill-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati bħala għajnuna biex tiġi affrontata l-migrazzjoni; jappella, b'mod partikolari, biex l-esperjenza fl-isfera tal-kummerċ ġust talimenta dan l-approċċ u biex l-istrutturi u l-prinċipji rilevanti jissaħħu b'mod sostnut;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li s-sostenn siewi taħt il-mekkaniżmu ta' Assistenza Makrofinanzjarja tal-UE lill-pajjiżi sħab li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi gravi jrid jiġi rifless fil-baġit tal-UE;

9.  Jappella biex jingħataw riżorsi suffiċjenti taħt l-Intestatura V sabiex ikunu jistgħu jitwettqu valutazzjonijiet ex ante, interim u ex post tal-ftehimiet kummerċjali u jittejbu l-kwalità u l-effikaċja tagħhom billi tiġi eżaminata mill-ġdid il-metodoloġija użata u biex jiġi żgurat li l-obbligi tal-UE u s-sħab kummerċjali tagħha jiġu implimentati u infurzati kompletament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Edouard Ferrand, Sander Loones, Georg Mayer, Lola Sánchez Caldentey, Judith Sargentini, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde

31.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Georgi Pirinski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li r-reviżjoni postelettorali tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) hija vitali u trid tindirizza l-isfidi politiċi u l-prijoritajiet attwali u ġodda li qed jiffaċċjaw l-UE u l-Istati Membri, bħal-livelli għolja ta' faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad, l-inugwaljanza u l-isfida tar-rifuġjati, sabiex tiżgura li l-UE tilħaq il-miri tagħha skont l-istrateġija Ewropa 2020; jissottolinja li r-riallokazzjoni ta' fondi għall-emerġenzi mhijiex soluzzjoni sostenibbli; jinsisti li għandhom jinżammu l-impenji attwali f'termini ta' riżorsi biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni u biex tintlaħaq koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar; jitlob li l-limiti massimi speċifiċi relatati mal-impjiegi u l-politika soċjali tal-QFP għandhom jiġu riveduti 'l fuq u l-flessibbiltà tal-QFP għandha tiżdied sabiex ikun jista jsir rispons għal ċirkostanzi soċjali mhux previsti;

2.  Jinnota li l-limiti massimi tal-QFP attwali nqabżu, u dan jipperikola l-vijabilità tiegħu għat-tieni nofs taċ-ċiklu tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq reviżjoni ġenwina ta' nofs it-terminu tal-limiti massimi tal-QFP u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-QFP, u biex tqis sew ir-riżultati tar-reviżjoni sabiex l-UE tingħata qafas baġitarju vijabbli li jippermettilha tikseb l-għanijiet primarji tagħha u tikkonkludi b'suċċess il-proġetti l-kbar li għandha;

3.  Jissottolinja li r-rata ta' impjieg fl-UE bħalissa hija ta' 69.2 %, li hija ferm taħt il-mira tal-Ewropa 2020, li l-qgħad għadu għoli b'mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema akbar fl-età u l-gruppi żvantaġġati u li iktar minn 12-il miljun persuna fl-Ewropa qiegħda fit-tul, u dawn jirrappreżentaw 5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata reċentement fil-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul(14), li wriet għal darb'oħra l-ħtieġa ta' politiki tal-Unjoni b'saħħithom u riżorsi ferm aktar adegwati; jitlob għal investiment pubbliku u privat Ewropew f'ħiliet u f'ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, inklużi impjiegi ħodor u impjiegi fl-ekonomija soċjali u fis-settur soċjali, tas-saħħa u tal-kura, li jinkisbu bid-delimitazzjoni u t-tisħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

4.  Jinnota li l-pakkett kollu allokat għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ġie antiċipat fl-2014–2015 u li ċ-ċifri disponibbli jindikaw li sal-lum il-fondi ġew assorbiti kompletament; jinsisti fuq il-kontinwazzjoni tal-YEI, li l-prestazzjoni tagħha għandha tkun analizzata u valutata kif rikjest mid-Dikjarazzjoni Konġunta li tifforma parti mill-ftehim tal-baġit għall-2016 u filwaqt li jkun ikkunsidrat ir-rapport mill-Qorti tal-Awdituri li hu mistenni li jitlesta fil-bidu tal-2017; jinsisti li l-korrezzjonijiet meħtieġa għandhom isiru bl-għan li jtejbu l-implimentazzjoni tal-YEI, sabiex ikun żgurat li l-effiċjenza u l-effikaċja ta' dawn l-investimenti jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm; jitlob li jiġu pprovduti r-riżorsi għal din l-inizjattiva tal-anqas sal-2020;

5.  Jirrimarka li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hi prijorità ewlenija u jistieden lill-Istati Membri jippromovu l-intraprenditorija u l-apprendistat ta' kwalità fost iż-żgħażagħ bħala mekkaniżmi li jinkoraġġixxu l-ħolqien tal-impjiegi u l-aċċess immedjat għall-impjieg, filwaqt li jiżguraw protezzjoni partikolari għall-impjieg u kopertura adegwata ta' sigurtà soċjali; isostni li l-approprjazzjonijiet meħtieġa għandhom ikunu mgħoddija bil-għan li jħeġġu l-mobilità fost l-apprendisti, li għalhekk għandhom ikunu intitolati li jibbenefikaw minn finanzjament mill-Erasmus bl-istess mod bħall-istudenti;

6.  Jinnota li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-EURES u l-pjattaforma Ewropea għall-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat se jużaw ir-riżorsi tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u jinsisti li, fil-baġit tal-UE, jiġi garantit ammont suffiċjenti ta' finanzjament għal dan il-programm mingħajr ma jiġu pperikolati r-rwoli assenjati lill-komponenti Progress u Mikrofinanzjament u l-assi tal-intraprenditorija soċjali tal-EaSI; jitlob li tinżamm l-allokazzjoni attwali ta' 61 % għall-assi Progress, jiġifieri għall-proġetti u għall-appoġġ għan-netwerks fil-livell tal-Unjoni li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u li jiġġieldu l-faqar;

7.  Jenfasizza li r-riżorsi tal-FSE u tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw iż-żieda fl-inugwaljanza u l-faqar, l-agħar konsegwenzi tal-kriżi ekonomika fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-esklużjoni minn dan is-suq taż-żgħażagħ u ta' dawk qiegħda fit-tul, kif ukoll il-fluss bla preċedenti ta' rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-politika soċjali u b'hekk issaħħaħ il-politika ta' koeżjoni sabiex tgħin lir-rifuġjati jintegraw fis-soċjetà u jidħlu fis-suq tax-xogħol filwaqt li tfittex li tikseb l-għanijiet tal-UE li jippromwovu l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi żieda, kif meħtieġ, fl-allokazzjoni tal-FSE fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP; jinsisti biex ma jkunx hemm tnaqqis fil-pakketti nazzjonali għal miżuri tal-FSE u biex annwalment jiġi pprovdut biżżejjed fluss tal-flus għal pagamenti mill-baġit tal-UE;

8.  Jirrimarka li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-mira tal-faqar ta' Ewropa 2020, u dan jenfasizza l-fatt li l-politiki f'dan il-qasam fallew, b'mod partikolari għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jitlob għal valutazzjonijiet tal-impatt u l-analiżi tal-valur tal-flus li għandhom jitwettqu sabiex jinstabu r-raġunijiet għal dan il-falliment; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li 24,4 % tal-persuni fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, u li l-għadd tagħhom żdied b'ħames miljun mill-2008; jitlob, għalhekk, li tiżdied l-għajnuna finanzjarja għall-miżuri tal-politika soċjali, sabiex jitħeġġeġ l-investiment soċjali, inkluż f'servizzi soċjali ta' kwalità u fl-ekonomija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi sehem minimu ta' 25 % tal-FSE għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u sabiex tissorvelja mill-qrib li dan is-sehem allokat jintuża effettivament għal dan il-għan;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problema enormi tal-faqar fost it-tfal fl-Ewropa, li qed tolqot aktar minn 20 miljun tifel u tifla (27,8 % fl-UE-28 u kważi 50 % f'ċerti Stati Membri) li qed jgħixu f'familji li ta' kuljum ibatu minn nuqqas ta' introjtu u ta' servizzi bażiċi, bħal provvisti ta' ikel, dar fejn joqogħdu, edukazzjoni u kura tas-saħħa; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu Garanzija għat-Tfal li tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki eżistenti għat-taffija tal-faqar u biex jiżguraw li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki, u sabiex jgħinu lill-ġenituri joħorġu mill-esklużjoni soċjali u l-qgħad permezz ta' interventi mmirati, bħat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet;

10.  Huwa tal-fehma li l-ammont massimu annwali disponibbli għall-mobilizzazzjoni permezz tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jibqa' mill-anqas ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011) peress li dan l-istrument, minkejja l-fatt li s'issa ma ntużax biżżejjed, għandu potenzjal kbir biex jappoġġja lill-ħaddiema milquta minn bidliet strutturali ekonomiċi kbar;

11.  Jenfasizza li s-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn il-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha, speċjalment bejn l-FSE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u strumenti oħra tal-UE, għandhom il-potenzjal li jtejbu l-effikaċja ta' dawn l-istrumenti, u għandhom jiġu żviluppati aktar;

12.  Ifakkar li l-baġit tal-UE parzjalment huwa baġit ta' investiment b'effett qawwi ta' lieva u jista' jirrappreżenta għodda b'saħħitha biex jiżdiedu l-investimenti strateġiċi b'valur miżjud Ewropew b'mod konsistenti ma' approċċ immirat lejn tkabbir sostenibbli u inklużiv u impjiegi ta' kwalità u li joħloq konverġenza soċjali 'l fuq; jissuġġerixxi li r-reviżjoni tal-QFP għandha tikkunsidra l-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fuq programmi eżistenti, b'kunsiderazzjoni tal-importanza ta' dawk il-programmi għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi b'mod partikolari, filwaqt li jkun meqjus li l-FEIS għandu rwol essenzjali x'jaqdi biex ikun rivitalizzat l-investiment fl-Ewropa;

13.  Isostni li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa ta' importanza kruċjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u għall-ħolqien tal-impjiegi; jinnota, madankollu, li skont l-aktar ċifri riċenti tal-Eurostat, l-investiment fir-R&Ż jammonta għal 2,03 % biss tal-PDG tal-UE, li huwa ferm taħt il-mira tal-Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, issib mezz li jikkumpensa b'mod sħiħ it-tnaqqis li bih ġie ffinanzjat il-FEIS għad-detriment tal-baġit ta' Orizzont 2020;

14.  Isostni li l-politika agrikola komuni (PAK) tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi, speċjalment f'żoni rurali, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li impjieg wieħed fis-settur agrikolu jiġġenera seba' impjiegi x'imkien ieħor; jappella biex l-ammonti mdaħħla taħt l-intestatura 2 tal-QFP jibqgħu l-istess, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-PAK hija ta' importanza vitali għall-impjiegi; jirrimarka li l-PAK mhux biss tgħin biex tnaqqas il-volatilità tad-dħul tal-azjendi agrikoli, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi, iżda wkoll tgħin lill-bdiewa, inklużi ż-żgħażagħ, biex jidħlu fil-qasam tal-biedja u jiżviluppaw l-azjendi agrikoli tagħhom b'mod profittabbli, prosperu, u li jkunu sors ta' impjieg dirett u indirett;

15.  B'kunsiderazzjoni tal-fatt li 13.1 % tal-PDG tal-UE 27 intefqu għas-salvataġġ tal-banek filwaqt li l-baġit tal-UE baqa' inqas minn 1 %, jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti tar-riżorsi kollha neċessarji biex jingħelbu b'suċċess l-isfidi enormi li qed tiffaċċja l-UE bħalissa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Rosa D’Amato, Rosa Estaràs Ferragut, Tania González Peñas, Richard Howitt, Dieter-Lebrecht Koch, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Evelyn Regner, Joachim Schuster, Michaela Šojdrová, Helga Stevens, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Jens Geier, Sylvie Goddyn, Andrej Plenković, Jasenko Selimovic

27.4.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Francesc Gambús

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea tikseb il-miri tal-politika tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020 u tkun fit-triq it-tajba biex tikseb bl-aktar mod effiċjenti l-għanijiet stabbiliti fil-COP21 f'Pariġi u l-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050; jissottolinja li l-bidla tal-ekonomija Ewropea f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju se tkun waħda mill-isfidi ewlenin li l-Unjoni Ewropea se jkollha tiffaċċja fis-snin li ġejjin; jinnota wkoll li skont il-Ftehim ta' Pariġi, jeħtieġ li l-finanzjament tal-UE jiġi allokat għall-appoġġ tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fir-rieżami/reviżjoni tal-QFP;

2.  Jinnota li mill-inqas 20 % tal-QFP għall-2014-2020 għandhom jintefqu fuq l-azzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima, u jinnota li l-metodoloġija ta' integrazzjoni tal-Kummissjoni kkalkolat li 12.7 % tal-baġit 2014 intefqu fuq it-tibdil fil-klima u li 12.5 % ġew allokati għal dan l-għan fl-abbozz tal-baġit 2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi ċifri definittivi għall-baġit 2015 kif ġie implimentat, u wkoll għall-infiq prospettiv fuq l-azzjoni klimatika meħtieġ għas-snin li fadal tal-QFP attwali sabiex tintlaħaq il-mira ta' 20 % li hija neċessarja biex tiggarantixxi li jinkisbu l-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi; jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-mekkaniżmu ta' integrazzjoni tal-azzjoni klimatika jkun kompletament operattiv; jenfasizza li żieda fir-rata attwali ta' 20 % tista' titqies bħala għodda newtrali għall-baġit li jgħin lill-Ewropa tinbidel f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni la jinkludu sussidji li huma ta' ħsara għall-klima jew li jintrappolaw l-infrastrutturi li jużaw il-karburanti fossili, jew li jappoġġaw attivitajiet li jikkawżaw dannu lill-ekosistemi u l-bijodiversità, u lanqas sussidji favur il-karburanti fossili; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tintroduċi metodu effettiv ta' traċċar tal-infiq fuq il-bijodiversità fil-baġit tal-Unjoni;

4.  Jenfasizza li r-rieżami tal-QFP m'għandux jintuża mill-Istati Membri biex jitfgħu fuq il-baġit tal-UE r-responsabilitajiet tagħhom li jirriżultaw mill-għan konġunt ta' Pariġi ta' USD 100 biljun fis-sena bħala appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jinnota li r-regolament ta' implimentazzjoni għall-istrateġija Orizzont 2020 stabbilixxa mira tal-azzjoni klimatika ogħla minn dik tal-baġit ġenerali tal-UE; jemmen li sabiex in-nefqa marbuta mal-klima taqbeż il-35 % tal-baġit ġenerali tal-Orizzont 2020, hemm bżonn ta' traċċar iktar preċiż u komplut tal-azzjoni klimatika fi ħdan l-Orizzont 2020, kif ukoll enfażi ikbar fuq il-partijiet tal-Orizzont 2020 li potenzjalment huma rilevanti għall-klima, iżda li s'issa ma wasslux għal azzjoni klimatika sinifikanti;

6.  Iqis li, minħabba li l-valur miżjud tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-ambjent Ewropew irid jiġi żgurat, il-QFP għandu jirrikonoxxi dan il-valur billi jalloka biżżejjed riżorsi fil-baġits li ġejjin sabiex tiġi ppreservata din il-bijodiversità, l-iktar, iżda mhux biss, fiż-żoni rurali;

7.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-impenji attwali tal-UE biex jintemmu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-Ewropa sal-2020, irridu niżguraw li l-infiq ġenerali tal-UE ma jkollu l-ebda impatt negattiv fuq il-bijodiversità u jkun jappoġġa l-kisba tal-miri tagħna tal-bijodiversità;

8.  Iqis li l-QFP għandu jipprovdi baġit u finanzjament adegwati għan-netwerk Natura 2000, b'mod partikolari permezz tal-programm LIFE li għandu l-għan li jippromwovi l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali, enerġetiċi u klimatiċi u l-integrazzjoni tagħhom f'politiki oħra u fil-prassi tal-Istati Membri; jinnota bi tħassib it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 għall-programm LIFE, prinċipalment minħabba l-posponiment ta' ċerti proġetti b'konsegwenza tas-sitwazzjoni ekonomika u d-dewmien fl-iżborżamenti għall-istrument finanzjarju tal-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi Kontroll tal-Idoneità tal-PAK kemm jista' jkun malajr, abbażi tal-ħames mistoqsijiet tal-kontroll tal-idoneità: il-valur miżjud tal-UE, ir-relevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza politika;

10.  Iqis li l-finanzjament tal-PAK irid jiġi allinjat sabiex jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali tal-Unjoni, li huma, fost l-oħrajn, il-kwalità tal-arja, l-ilma, il-bijodiversità u l-miri politiċi klimatiċi;

11.  Iqis il-programm Saħħa għat-Tkabbir għall-perjodu 2014-2020 bħala strument ewlieni u, f’dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li jinżamm il-baġit tiegħu;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-objettivi tal-programm Orizzont 2020 humiex qed jintlaħqu wara r-riallokazzjoni tal-fondi lill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, u biex għall-inqas il-pakkett baġitarju tal-programm jerġa' jiġi kif kien;

13.  Jinnota li t-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ċirkolari se tistimula l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi u se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, u għalhekk jitlob appoġġ finanzjarju adegwat għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari;

14.  Iqis li r-reviżjoni tal-QFP għandha tipprevedi l-fatt li s-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel se jkunu sfidi fis-snin li ġejjin minħabba ż-żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-prevalenza li qed tiżdied tal-mard tal-pjanti fl-UE; din id-dispożizzjoni tista' tintuża biex jiġu indirizzati x-xejriet ta' malnutrizzjoni fl-Istati Membri u wkoll biex jissaħħu l-kwalità tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel billi jitjiebu l-effettività, l-effiċjenza u l-affidabilità tal-kontrolli uffiċjali bħala għodda vitali sabiex jinżamm livell għoli ta' sikurezza għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina tal-ikel, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent.

15.  Iqis li r-reviżjoni tal-QFP għandha tqis iż-żieda fl-għadd u fil-gravità tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, billi jiġu allokati iktar riżorsi fl-istrument tal-protezzjoni ċivili u billi dawn ir-riżorsi jitħallew jintużaw b'mod iktar flessibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Soledad Cabezón Ruiz, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Nicola Caputo, Fredrick Federley, Giorgos Grammatikakis, Merja Kyllönen, Gesine Meissner, Marijana Petir, Gabriele Preuß, Jasenko Selimovic, Kay Swinburne, Keith Taylor, Mihai Ţurcanu, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet

24.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Janusz Lewandowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami komprensiv tal-funzjonament tal-QFP attwali, segwit minn reviżjoni leġiżlattiva;

2.  Jenfasizza li, skont it-Trattat, il-Parlament u l-Kunsill jikkostitwixxu ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; jitlob, għalhekk, li jkun hemm l-involviment sħiħ tal-Parlament fir-rieżami ta' nofs it-terminu u fir-reviżjoni tar-Regolament QFP;

3.  Jirrimarka li, filwaqt li r-Regolament QFP baqa', fil-biċċa l-kbira tiegħu, mingħajr tibdil minn meta ġie adottat, il-kundizzjonijiet qafas għall-implimentazzjoni tiegħu nbidlu; jenfasizza l-fatt li, wara rieżami ġenwin, proposta leġiżlattiva għandha tindirizza dawn l-isfidi; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-istrumenti l-ġodda, bħall-FEIS, li twaqqfu minn mindu ġie adottat ir-Regolament QFP, għandhom ikunu inkorporati kif xieraq fil-baġit tal-UE mingħajr ebda impatt finanzjarju negattiv fuq il-programmi maqbula;

4.  Jinnota l-impatt konsiderevoli fuq terminu twil tal-FEIS fuq il-baġit tal-UE; jemmen li l-FEIS jinvesti fi proġetti differenti minn dawk indirizzati minn Orizzont 2020 (H2020) u mis-CEF u għalhekk ma jikkumpensax kompletament il-linji baġitarji affettwati mill-H2020 u s-CEF; jenfasizza, għalhekk, li jekk l-UE trid tilħaq il-miri tagħha fir-riċerka u fl-innovazzjoni, il-livell maqbul b'mod unanimu tal-finanzjament ta' dawn il-programmi jeħtieġ jiġi restawrat kompletament matul ir-reviżjoni tal-QFP, u jrid jinżamm il-bilanċ ġust bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji; ifakkar, f'dan ir-rigward, li s-CEF fil-qasam tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni hija essenzjali għall-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Unjoni Diġitali; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament mis-CEF għall-kisba tal-mira ta' 10 % jew aktar ta' interkonnettività tal-elettriku;

5.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' H2020 u COSME wasslet għal rati ta' assorbiment għoljin ħafna u li dan wassal għal rata ta' suċċess baxxa ħafna f'H2020 li tiskoraġġixxi applikanti potenzjali milli jressqu l-proġetti tagħhom;

6.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament tal-proġett tal-ITER sabiex il-fużjoni tiġi pproġettata bħala sors ta' enerġija sostenibbli kredibbli u element futur tat-taħlita tal-enerġija, u dan ikompli jattira l-industrija u l-SMEs kif ukoll iċ-ċentri ta' riċerka;

7.  Jemmen li l-prijoritajiet politiċi ġodda ma jridux jiġu proposti akkost tal-programmi maqbula tal-QFP attwali, b'mod partikolari H2020, CEF, COSME, Galileo u Copernicus, jew tal-allokazzjonijiet finanzjarji nazzjonali allokati minn qabel; jenfasizza li fil-perjodu li jifdal tal-QFP kwalunkwe prijorità ġdida għandha tiġi appoġġjata permezz ta' finanzjament ġdid;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-finanzjament diġà allokat fil-QFP 2014-2020 biex tkun ikkompletata b'mod rapidu u sħiħ l-operazzjoni tal-infrastruttura ta' Galileo, EGNOS u Copernicus kif ukoll biex jingħata appoġġ għall-applikazzjonijiet tal-GNSS downstream u upstream u l-attivitajiet ta' osservazzjoni tad-dinja; itenni r-rwol importanti li H2020 jista' jkollu biex l-UE tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha f'termini ta' teknoloġiji spazjali kritiċi; f'dak ir-rigward, ifakkar li l-parti marbuta mal-ispazju ta' H2020 taqa' fil-prijorità "Tmexxija industrijali", u b'mod partikolari fl-objettiv speċifiku ta' "Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali";

9.  Jappella biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-massimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-programmi FEIS, FSIE, H2020, COSME u CEF;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jistabbilixxu l-flessibbiltà massima possibbli biex l-approprjazzjonijiet annwali mhux użati jiġu diretti lejn il-programmi taħt l-Intestatura 1a, bħal H2020, COSME u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

11.  Jinnota li l-programmi tal-Unjoni kkontribwew sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fl-UE u b'mod speċjali għal dawk li joperaw fi Stati Membri affettwati minn kriżi finanzjarja severa u persistenti; iqis barra minn hekk li għandhom jiġu allokati aktar riżorsi għall-programm, għal numru akbar ta' SMEs u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet differenti tal-SMEs b'mod aktar adegwat; jitlob b'mod partikolari l-estensjoni sinifikanti tal-istrument tal-SMEs taħt H2020 sabiex jintlaħaq tal-anqas l-ammont legalment impenjat taħt ir-Regolament Orizzont 2020; jenfasizza li l-aċċess għall-finanzi jibqa' sfida għal ħafna SMEs, speċjalment fir-rigward ta' finanzjament ta' riskju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza akbar għall-finanzjament tal-SMEs, inklużi ħarsa ġenerali u kontroll baġitarju aktar ċari, kif ukoll biex tiżgura approċċ ġenwin minn isfel għal fuq għall-implimentazzjoni tiegħu;

12.  Ifakkar fil-kapaċità unika tal-Unjoni biex tinbeda kollaborazzjoni internazzjonali u jiġu mmobilizzati l-finanzi pubbliċi dwar kwistjonijiet transkonfinali; jenfasizza li l-finanzjament tal-Unjoni jista' jiskatta u jservi ta' katalist għal azzjonijiet li l-Istati Membri mhumiex kapaċi jwettqu waħedhom u jista' joħloq sinerġiji u kumplimentarjetajiet mal-attivitajiet tal-Istati Membri;

13.  Jemmen li objettivi ambizzjużi fil-politika tal-enerġija sostenibbli, fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fil-politika tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jistgħu jipprovdu benefiċċji kosteffiċjenti għall-industrija Ewropea u għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi; jitlob biex ir-riżorsi pubbliċi u privati tal-UE u tal-Istati Membri jiġu allokati għall-investimenti f'dawk is-setturi prijoritarji; jemmen li għandhom jitrawmu sinerġiji ulterjuri bejn H2020 u inizjattivi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) biex jiggarantixxu sfruttament aħjar tar-R&Ż u biex jappoġġjaw il-konverġenza ekonomika reġjonali;

14.  Jitlob għal evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programmi QFP abbażi tal-prestazzjoni tagħhom meta mqabbla mal-miri u l-objettivi stipulati, tal-kapaċità ta' assorbiment u tal-valur miżjud tal-UE, kif ukoll tal-prijoritajiet politiċi emerġenti ġodda inkwantu punt ewlieni fil-ġestjoni tal-infiq tal-UE, b'kont meħud tal-arretrati li għadhom jeżistu u tal-implimentazzjoni tardiva tal-qafas attwali; jissottolinja wkoll li r-reviżjoni postelettorali hija opportunità għal titjib fil-QFP li tinkludi riformi fl-applikazzjoni, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-kontroll tal-fondi; jitlob, abbażi ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni li tiffoka inter alia fuq ġestjoni finanzjarja soda, li l-approprjazzjonijiet li huma allokati għall-programmi li ma ġewx implimentati b'mod xieraq jiġu allokati mill-ġdid għal programmi li qed jiffunzjonaw sew;

15.  Iqis li l-istrumenti baġitarji kollha tal-UE li jappoġġjaw l-investimenti u l-innovazzjoni għandhom jitħarsu u żviluppati aktar, u li ma għandux għalfejn jiġi ffavorit wieħed jew aktar minn dawn l-istrumenti għad-detriment tal-oħrajn; jinnota r-rwol essenzjali tal-baġit tal-UE biex jipprovdi inċentiv għall-infiq tal-ġejjieni u biex jappoġġja l-koeżjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki fi ħdan l-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

5

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, David Borrelli, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Jaromír Kohlíček, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Csaba Molnár, Dan Nica, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Jens Geier, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Vladimír Maňka, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Anne Sander, Maria Spyraki, Indrek Tarand, Pavel Telička, Anneleen Van Bossuyt

27.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014–2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marian-Jean Marinescu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-irkupru totali ta' fondi allokati mill-ġdid mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa lejn il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 (QFP); jinsisti li l-prijoritajiet magħżula u l-finanzjament indikat jiġu rispettati fil-futur u li sal-2020 ma jsir ebda tnaqqis ieħor tal-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew ta' strumenti oħra għal proġetti għat-trasport;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni li tipprovdi malajr kemm jista' jkun lill-Parlament b'valutazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-FEIS fis-settur tat-trasport u t-turiżmu;

3.  Hu tal-fehma li, bl-għan li tinstab l-aħjar deċiżjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, rapport dwar il-livell ta' implimentazzjoni u ta' użu tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni fi proġetti ta' turiżmu u trasport u infrastruttura li jispeċifikaw liema kontribut għandu jingħata għall-iżvilupp tan-netwerk ewlieni, tal-kurituri u tan-netwerk komprensiv;

4.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza vitali li l-proġetti identifikati fil-Pjanijiet ta' Ħidma tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T jingħataw finanzjament adegwat mill-UE; jenfasizza li dan jirrikjedi wkoll li tissaħħaħ il-kopertura tal-oqsma relatati mal-politika tat-trasport bħalma huma l-multimodalità u l-loġistiki effiċjenti, il-modernizzazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport, l-interoperabilità, is-sikurezza u l-aċċessibilità stradali, is-sistemi intelliġenti ta' trasport, is-sinerġiji ma' setturi oħra, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-mobilità urbana u t-tagħmir li juża kombustibbli nadif għal finijiet ta' żvilupp sostenibbli u ta' integrazzjoni aħjar tan-nodi urbani;

5.  Jenfasizza li għall-aħħar sejħiet għal proposti taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ippubblikati fl-2014 u fl-2015, in-numru ta' applikazzjonijiet kien tliet darbiet aktar minn dak previst u li dan juri b'mod ċar sensiela sinifikanti ħafna ta' proġetti b'valur miżjud qawwi għall-UE li jistgħu jassorbu riżorsi addizzjonali (lil hinn mill-irkupru ta' fondi riallokati); jinsab imħasseb dwar il-fatt li kważi ma għadx hemm fondi disponibbli għal proġetti ġodda fil-bqija tal-erba' snin tal-QFP; ifakkar fl-allokazzjoni oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qabel id-deċiżjoni finali tal-QFP; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibilità li żżid il-pakkett totali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, inkluża żieda fil-pakkett ta' koeżjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

6.  Jenfasizza li l-FEIS jagħti kontribut siewi għall-finanzjament tal-proġetti TEN-T, iżda li dan ma jistax jissostitwixxi l-għotjiet, li għadhom sors essenzjali u meħtieġ ta' finanzjament; jenfasizza, b'mod partikolari, li l-għotjiet jistgħu jiġu kkombinati flimkien ma' strumenti finanzjarji innovattivi u l-FEIS sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' proġetti addizzjonali, partikolarment proġetti infrastrutturali kbar li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi fost ir-reġjuni u jikkatalizzaw il-finanzjament privat (taħlit); jistieden lill-Kummissjoni tħejji katalgu li jkun fih proġetti ta' suċċess sabiex ittejjeb l-għarfien fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

7.  Jinnota li l-infrastrutturi tat-trasport huma s-sinsla tas-Suq Uniku u huma fundamentali għal-libertà ta' moviment tal-persuni, oġġetti u servizzi; jenfasizza l-importanza li l-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiġu allinjati aktar sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni aktar effettiva tar-regoli tas-suq uniku diġitali fis-settur tat-trasport; jenfasizza li l-allokazzjoni tal-baġit għan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport għandha ssir ukoll fil-livell xieraq fil-QFP ta' wara l-2020 sabiex jinkiseb l-objettiv tat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030 u tan-netwerk komprensiv TEN-T sal-2050;

8.  Jenfasizza d-defiċit sostanzjali u permanenti tal-investiment fl-Ewropa, partikolarment fl-infrastrutturi ewlenin tat-trasport, u jisħaq li dawn ir-riskji jgħajfu l-kompetittività tal-UE kollha kemm hi; jinnota li l-investiment ma għandux jikkonċerna biss il-ħolqien tal-infrastruttura iżda wkoll il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tagħha;

9.   Jenfasizza wkoll li finanzjament adegwat mill-UE għall-infrastruttura tat-trasport huwa rekwiżit fundamentali għall-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali; jirrikonoxxi l-importanza tal-Fond ta' Koeżjoni għat-titjib tal-infrastruttura u tal-konnettività fl-Ewropa sabiex jingħalaq id-distakk fl-infrastruttura bejn ir-reġjuni; jinsisti għalhekk li jiġi pprovdut finanzjament adegwat għal dan il-Fond fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali kif ukoll għal wara l-2020;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għat-trasport sabiex jiffaċilitaw l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar; jitlob li l-istrumenti kollha tal-UE relatati mat-trasport jiġu koordinati aħjar sabiex jiġi żgurat li l-akbar numru possibbli ta' proġetti ewlin tat-TEN-T jitlestew fil-ħin u li l-iffrankar eventwali jintuża biex jiġu appoġġjati proġetti maturi li qed jistennew li jitwettqu; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex turi impenn qawwi biex ittejjeb it-trasparenza tal-iskemi ta' finanzjament f'termini tal-preċiżjoni tal-istimi tal-ispejjeż, il-konformità tas-sostenibilità ambjentali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-monitoraġġ adegwat u kostanti tal-iskemi ta' finanzjament tal-UE;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fi proġetti b'baġits iżgħar u b'vantaġġi konsiderevoli għat-terminu qasir, bħat-tneħħija tal-konnessjonijiet nieqsa fil-linji ferrovjarji reġjonali transfrutieri abbandunati u żarmati u l-modernizzazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport;

12.  Iqis li huwa neċessarju li jiġi permess it-trasferiment tal-bilanċi favorevoli u tal-impenji mhux minfuqa minn sena għal sena oħra, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti xierqa f'dan ir-rigward, u talloka mill-ġdid il-fondi għall-aktar proġetti adatti, maturi u ekonomikament u ambjentalment sostenibbli; jenfasizza li għandha tkun prevista flessibilità massima sabiex isir użu massimu tal-impenji fil-QFP;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta talloka l-fondi tal-UE għall-infrastruttura tat-trasport, tqis ir-4 pakkett ferrovjarju li ġie approvat riċentement u biex tagħmel dak kollu li tista' biex tiffaċilita l-implimentazzjoni rapida tiegħu f'oqsma bħalma huma l-interoperabilità, is-sikurezza, it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u l-libertà ta' moviment; jistieden lill-Kummissjoni tqis ukoll d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-pakkett dwar l-avjazzjoni u dwar il-portijiet u dwar il-pakkett li jmiss dwar it-trasport stradali;

14.  Jinnota li, permezz ta' diversi forom ta' appoġġ finanzjarju (għotjiet, strumenti finanzjarji), il-baġit tal-UE kellu sehem deċiżiv fit-tnedija jew fit-tnedija mill-ġdid ta' bosta proġetti fis-settur tat-trasport; jemmen li kwalunkwe reviżjoni tal-QFP trid issa tipprijoritizza s-settur tat-trasport;

15.  Jissottolinja l-importanza strateġika tal-Ajru Uniku Ewropew bħala l-istrument ewlieni li jiżgura s-sikurezza, il-prestazzjoni ambjentali, il-kompetittività u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-allokazzjoni tal-ammonti meħtieġa u previsti għall-varar tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR);

16.  Jappoġġja, barra minn hekk, l-irkupru totali ta' fondi allokati mill-ġdid mill-Orizzont 2020 lejn il-FEIS; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li żżid il-fondi allokati għas-SESAR u għall-Impriżi Konġunti Clean Sky, b'kunsiderazzjoni tar-riżultati tajbin tal-impriżi konġunti u tal-kontribut tagħhom għall-politiki tal-UE dwar it-trasport u t-tibdil fil-klima;

17.  Jissottolinja l-importanza kritika tal-informazzjoni preċiża ħafna u affidabbli dwar il-pożizzjoni u l-ħin provduta mill-programmi emblematiċi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS u għal aktar sikurezza u użu effiċjenti tal-avjazzjoni, it-trasport stradali, ferrovjarju u marittimu, partikolarment għas-sistemi intelliġenti ta' trasport u ta' ġestjoni tat-traffiku bħall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), is-sistema pan-Ewropea tas-sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura (eCall), il-vetturi konnessi/awtonomi u l-ġestjoni intelliġenti ta' flottot u merkanzija; jappella lill-Kummissjoni tiggarantixxi il-fondi diġà allokati fil-QFP 2014–2020 għat-tlestija u t-tħaddim rapidi u kompluti tal-infrastruttura Galileo u EGNOS kif ukoll għall-appoġġ ta' applikazzjonijiet downstream u upstream fil-baġits għall-programmi Ewropej GNSS u għall-Orizzont 2020; itenni f'dan ir-rigward l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi servizzi GNSS mingħajr interruzzjoni, issaħħaħ ir-reżistenza tal-ekonomija Ewropea u timmassimizza l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi permezz tat-trawwim tal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet;

18.  Ifakkar lill-Kummissjon u lill-Istati Membri dwar il-potenzjal qawwi tal-proġetti orizzontali, kif ukoll is-sinerġiji bejn in-networks trans-Ewropej tat-Trasport, l-Enerġija u t-Telekomunikazzjonijiet;

19.  Jinnota li hemm bżonn li jiġu żviluppati u promossi modi ta' trasportazzjoni aktar ekoloġiċi bħall-ferroviji; jitlob, għalhekk, li inizjattivi bħax-Shift2Rail jiġu appoġġjati aktar;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni xierqa (transfruntiera) u ssaħħaħ il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE (id-Danubju, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju), bl-għan li ssaħħaħ il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali u biex tassisti u tappoġġja lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' proġetti infrastrutturali prijoritarji li se jġibu valur miżjud reġjonali u Ewropew;

21.  Ifakkar li minn Jannar 2017 'l quddiem l-ammonti mhux użati mill-fondi trasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jkunu jistgħu jintużaw mill-Istati Membri kollha tal-koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti xierqa sabiex ittawwal il-perjodu tal-użu ta' dawn il-mezzi finanzjarji mill-Istati Membri ta' koeżjoni sal-31 ta' Diċembru 2017; jistieden lill-Kummissjoni talloka l-ammonti mhux użati sa tmiem l-2017 għal proġetti għal konnessjonijiet transfruntieri bejn ir-reġjuni li qed jiżviluppaw jew lejhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-assistenza teknika provduta mill-Kummissjoni;

22.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi adottat approċċ usa' u aktar komprensiv għall-kriterji għall-proġetti eliġibbli li japplikaw għal finanzjament mill-UE, li jiġi provdut aċċess aħjar għall-finanzjament għall-proġetti li jdaħħlu servizzi ġodda ta' trasport u varar aħjar tad-data; jenfasizza speċjalment il-ħtieġa li l-fondi tal-UE jiġu kanalizzati lejn l-introduzzjoni ta' servizzi diġitali tat-trasport u sistemi intelliġenti ta' trasport, li qed jikkontribwixxu għall-bidla lejn sistema ta' trasport aktar sostenibbli u qed jottimizzaw l-użu tal-kapaċitajiet eżistenti;

23.  Ifakkar fl-importanza li fl-Unjoni jiġi żgurat l-ogħla livell ta' sikurezza, sigurtà u interoperabilità fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li l-allokazzjonijiet baġitarji tal-aġenziji tal-EU jikkonsistu mhux biss minn nefqa amministrattiva waħedha, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-kisba tal-objettivi tal-UE, filwaqt li għandhom l-għan li jagħmlu tfaddil fil-livell nazzjonali u li l-baġits tagħhom għandu jkollhom mezzi xierqa u biżżejjed biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

24.  Jenfasizza li t-turiżmu sostenibbli huwa qasam ewlieni ta' tkabbir potenzjali tal-iżvilupp ekonomiku Ewropew u mutur ta' ammont sostanzjali ta' impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ; iqis li għandhom jiġu allokati fondi baġitarji xierqa u miżjuda biex tiġi żviluppata politika Ewropea ġenwina għat-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u fuq ir-rispett tal-wirt naturali, kulturali, storiku u industrijali. jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn il-proġetti fil-qasam tat-turiżmu u tal-infrastruttura; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li ddaħħal intestatura speċifika fil-programm qafas ġejjieni;

25.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-kapital uman għall-iżvilupp tas-servizzi tat-turiżmu u jenfasizza r-rwol li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jaqdi f'dan il-qasam; jissottolinja r-redditi eċċellenti fuq l-investiment fit-turiżmu u l-kontribut tiegħu għall-koeżjoni soċjali, speċjalment fiż-żoni rurali.

26.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm finanzjament adegwat għall-Politika Marittima Integrata (IMP) bħala inizjattiva emblemika tal-UE f'governanza intersettorjali u transfruntiera;

27.  Iqis li l-istrumenti baġitarji kollha tal-UE li jappoġġjaw l-investiment u l-innovazzjoni għandhom jinżammu u jiġu żviluppati aktar, u li ma hemm l-ebda ħtieġa li wieħed minn dawn l-istrumenti jiġi favorit għad-detriment tal-oħrajn; jinnota r-rwol essenzjali tal-baġit tal-UE biex jipprovdi inċentiv għall-infiq futur u biex jappoġġja l-koeżjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki fl-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Țapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Knut Fleckenstein, Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Curzio Maltese, Jozo Radoš, Ulrike Rodust, Davor Škrlec, Evžen Tošenovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatrix von Storch

25.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Constanze Krehl

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Ewropea huwa l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni stabbilita fuq perjodu ta' żmien hija l-politika ewlenija ta' investiment tal-Unjoni u għodda biex jitnaqqsu d-disparitajiet ta' bejn ir-reġjuni kollha tal-UE u biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, u li għandha rwol importanti fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; iqis li kwalunkwe strument tal-Unjoni għandu jagħti prova tal-kontribut tiegħu lejn l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE; jitlob li ssir enfasi fuq il-valutazzjoni tal-eżiti, ir-riżultati, il-prestazzjoni, is-sinerġiji u l-valur miżjud;

2.  Jinnota li r-rieżami/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jqis/għandha tqis l-isfidi politiċi ġodda li l-UE qed tiffaċċja; jenfasizza l-ħtieġa tal-effikaċja u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati li għandu jkollha l-politika ta' koeżjoni u jinnota li l-mekkaniżmi ta' inċentivi f'dan ir-rigward, bħalma hu l-ibbaġitjar imsejjes fuq il-prestazzjoni, diġà ġew introdotti fl-QFP attwali; ifakkar li – minħabba d-dewmien biex isir il-ftehim dwar il-QFP u konsegwentement l-adozzjoni tard tal-pakkett leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni (2014-2020) kif ukoll tal-Programmi Operattivi – il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) huma fi stadju bikri ta' implimentazzjoni fl-2016 u li fiż-żmien tar-rieżami/reviżjoni tal-QFP evidenza limitata biss hija disponibbli dwar ir-riżultati; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-possibilitajiet offruti fil-Qafas Strateġiku Komuni tal-Anness I tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) (UE) Nru 1303/2013; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tikkomunika lill-Parlament l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, u tippromwovi b'mod aktar effettiv il-fondi disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni; jemmen li huma meħtieġa attivitajiet ta' tħejjija bikrija għall-politiki tal-UE ffinanzjati mill-QFP bl-għan li l-implimentazzjoni tinbeda fil-bidu nett tal-QFP li jmiss;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmassimizzaw is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet, jiżguraw koordinazzjoni aħjar, konsistenza u titjib bejn il-ħames Fondi SIE u l-istrumenti u l-politiki l-oħra tal-UE (inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)), li huwa element importanti biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-baġit tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jqisu kif xieraq l-opportunitajiet għal sinerġiji tal-iffinanzjar mill-Fondi SIE u l-FEIS, u b'hekk jiżdiedu l-effett ta' lieva tal-investimenti u l-impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-politika ta' koeżjoni u l-ħtieġa ta' evalwazzjoni mmirata tal-effetti territorjali ta' strumenti relatati bħall-FEIS u Orizzont 2020;

4.  Ifakkar li l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020 ma jistgħux jitnaqqsu permezz ta' rieżami/reviżjoni tal-QFP; jitlob li l-proċess tar-rieżami/reviżjoni tal-QFP jiġu konklużi fil-ħin, mhux aktar tard mill-2018, li ssir reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-QFP u reviżjoni leġiżlattiva tar-Regolament QFP msemmi hawn fuq, mingħajr preġudizzju għall-aġġustament tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013;

5.  Ifakkar li fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni tal-QFP is-simplifikazzjoni hija enfasizzata bħala kwistjoni kruċjali minħabba l-fatt li l-piż amministrattiv huwa kwistjoni trasversali; itenni, għalhekk, il-pożizzjoni soda tiegħu dwar l-importanza li jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-Fondi SIE; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni fil-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jibdew jintroduċu proposti ta' simplifikazzjoni rilevanti tal-Grupp ta' Livell Għoli sa mill-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew f'dan il-Grupp ta' Livell Għoli, u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-suġġett "Lejn simplifikazzjoni u orjentazzjoni tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020"; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-kontroll;

6.  Jenfasizza li l-għotjiet huma forma effettiva u prijoritizzata ta' appoġġ f'bosta oqsma ta' intervent pubbliku u għall-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji (FIs) għandhom jintużaw b'mod komplementari, wara valutazzjoni xierqa ex ante, jekk huma aktar effettivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-FIs bħala mekkaniżmi flessibbli li għandhom jiġu applikati flimkien mal-għotjiet, sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u tal-baġit tal-UE, meta jitqies li l-effett multiplikatur f'termini ta' impatt u ta' lieva jista' jkun ħafna akbar, peress li hemm ir-riskju li l-opportunitajiet jistgħu jintilfu minħabba f'FIs mfassla b'mod dgħajjef, li jwassal għal użu inqas u impatt iżgħar; jenfasizza li hija meħtieġa aktar evidenza sabiex wieħed jifhem kif tali FIs jistgħu jintużaw b'mod effettiv fil-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa meħtieġ li jissaħħu aktar ir-responsabilità u t-trasparenza tal-FIs u jitlob li jkun hemm użu aktar simplifikat tagħotjiet u ta' FIs fil-ġejjieni, filwaqt li jenfasizza li regoli ċari dwar l-FIs biex tiġi megħjuna s-simplifikazzjoni tal-proċess ta' tħejjija u implimentazzjoni għall-maniġers tal-fondi u l-benefiċjarji finali huma ċentrali biex jiżdied l-użu tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-isforzi straordinarji li jagħmlu l-Istati Membri u r-reġjuni biex jipprovdu kundizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa u jintegraw lill-persuni li jfittxu asil u lil migranti oħra, u tesplora l-possibilità, f'konformità mal-limiti massimi tal-infiq stabbiliti fil-QFP, li tingħata assistenza u flessibbiltà addizzjonali fi ħdan il-Fondi SIE biex jiġu appoġġjati dawn l-Istati Membri u reġjuni, inklużi dawk li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-UE, meta tkun qed tirrieżamina l-funzjonament tal-QFP, mingħajr ma jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet ta' impenn jew ta' pagament taħt l-intestatura 1b u mingħajr preġudizzju għall-aġġustamenti tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom/EU) Nru 1311/2013;

8.  Jinnota li l-QFP 2014-2020 kellu jassorbi l-ammont pendenti anormali ta' pagamenti li kienu akkumulaw mill-2011 'il hawn u li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni qed tinżamm wieqfa; jinnota li l-evitar ta' pagamenti pendenti fil-futur huwa kruċjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u biex jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-benefiċjarji, peress li l-pagamenti pendenti eżistenti jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-UE; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE se tinfluwenza b'mod pożittiv il-kwistjoni tal-pagamenti pendenti; jitlob li jkun hemm diskussjoni fuq skala wiesgħa dwar l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda flimkien mal-proċess ta' rieżami/reviżjoni tal-QFP;

9.  Jinnota l-fatt li perjodu ta' seba' snin tal-qafas finanzjarju pluriennali ta prova tal-valur tiegħu fl-imgħoddi u jista' jkun vantaġġjuż, billi jipprovdi sors stabbli ta' finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod partikolari; jispeċifika li matul il-proċess ta' rieżami/reviżjoni, it-tliet istituzzjonijiet għandhom b'mod konġunt jikkunsidraw x'inhu l-aktar tul ta' perjodu xieraq tal-qafas finanzjarju li jmiss, speċjalment fil-każ ta' programmi taħt ġestjoni kondiviża; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' valutazzjoni bir-reqqa tat-tul tal-perjodu ta' programmazzjoni, ukoll bil-ħsieb li jiġi allinjat maċ-ċikli politiċi tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni; iħeġġeġ, għalhekk, fil-każ tal-politika ta' koeżjoni li jiġi żgurat jew perjodu ta' programmazzjoni ta' mill-inqas seba' snin jew perjodu ta' programmazzjoni ta' 5 + 5 b'reviżjoni ċara ta' nofs it-term tal-politika;

10.  Jenfasizza, fid-dawl tat-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020, li l-implimentazzjoni tal-QFP attwali diġà wriet bil-provi li hija ta' sfida u l-awtorità baġitarja diġà kellha tirrikorri għal livelli ta' flessibilità massimi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tislet it-tagħlimiet konkreti dwar kif il-baġit tal-UE jeħtieġ li jintefaq; jenfasizza li politika ta' koeżjoni ffinanzjata tajjeb għall-appoġġ tal-iżvilupp reġjonali u s-solidarjetà fl-UE se tibqa' tkun fid-domanda; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza li jinżamm ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni wara s-sena 2020 bħala l-politika prinċipali ta' investiment tal-UE b'livell adegwat ta' finanzjament;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbed konklużjonijiet dwar il-limitazzjonijiet tal-kriterju tal-allokazzjoni attwali għad-determinazzjoni tal-appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni bbażata fuq il-PDG per capita biss;

12.  Iqis li r-rieżami/reviżjoni tal-QFP huwa/hija opportunità tajba biex wieħed jittratta r-rabta fundamentali ta' bejn il-politika ta' koeżjoni u l-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tal-eżiti u l-ftehimiet tal-Konferenza COP21; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċelerata u mtejba l-effikaċja tal-infiq fuq il-klima filwaqt li jenfasizza l-potenzjal enormi tal-politika ta' koeżjoni sabiex tingħata spinta lill-isforzi tal-UE għall-protezzjoni tal-klima;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġeġ it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja u l-governanza tajba; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali/lokali hija prekundizzjoni ewlenija għall- prestazzjoni f'waqtha u b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni; ifakkar ukoll li r-riżerva tal-prestazzjoni hija intrinsikament marbuta ma' politika ta' koeżjoni orjentata lejn ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tavvanza l-allokazzjoni tar-riserva ta' prestazzjoni matul il-perjodu attwali għal programmi li jkunu kisbu l-istadji importanti stabbiliti għall-2018.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Sophie Montel, Dimitrios Papadimoulis, Tonino Picula, Maurice Ponga, Branislav Škripek, Davor Škrlec, Hannu Takkula, Damiano Zoffoli, Milan Zver

22.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Peter Jahr

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li l-politika agrikola komuni (PAK) ilha politika komuni tal-UE għal għexieren ta' snin, li jfisser li l-infiq marbut mal-agrikoltura jammonta għal perċentwal kbir mill-baġit totali tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-infiq fuq l-agrikoltura naqas b'mod konsiderevoli f'termini relattivi matul l-aħħar tletin sena minn 75 % għal 38 % bħalissa, f'konformità mar-riformi suċċessivi tal-PAK li huma orjentati lejn is-suq; jenfasizza, għaldaqstant, li kull ċittadin tal-UE jikkontribwixxi biss 32 ċenteżmu kull jum għall-PAK u li din il-politika għandha rata baxxa ta' żbalji f'dak li jikkonċerna l-irregolaritajiet fl-infiq; jenfasizza li l-ikel, bħall-ilma, se jkun prodott bażiku strateġiku fil-ġejjieni u li l-Ewropa għaldaqstant se teħtieġ il-PAK u baġit agrikolu b'saħħtu aktar minn qatt qabel;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li l-PAK, permezz tal-Pilastru 1 u 2, tipprovdi appoġġ kostanti għall-introjtu lill-bdiewa li jipprovdi appoġġ għall-produzzjoni agrikola, għall-programmi ambjentali u għall-attività ekonomika fiż-żoni rurali u għall-prevenzjoni tad-depopolazzjoni rurali; jinnota, f'dan il-kuntest, li mill-inqas d-daqs attwali tal-baġit huwa essenzjali biex iżomm l-istruttura tal-PAK b'żewġ pilastri sabiex il-bdiewa jiġu kkumpensati u appoġġjati fis-setturi agrikoli kollha u sabiex tintlaħaq il-mira importanti tal-innovazzjoni filwaqt li jiġu mħarsa u jinħolqu l-impjiegi u jiżdied l-introjtu tal-bdiewa; jenfasizza li sabiex tinkiseb politika ta' żvilupp rurali koerenti u effettiva, huwa essenzjali li l-iżvilupp rurali jibqa' parti mill-PAK u li għandu jkun iffinanzjat sew sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà fit-tul taż-żoni rurali;

3.  Jirrimarka li, li kieku l-politiki kollha fl-UE, fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, kellhom jiġu ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, kieku s-sehem tal-PAK jirrappreżenta biss 1 %, li jidher li huwa pjuttost raġonevoli għal politika li tipprovdi l-ikel lil aktar minn 500 miljun ċittadin, tappoġġja s-sostenibbiltà ambjentali u toħloq l-impjiegi; iqis li l-PAK hija l-aqwa u l-irħas politika ta' sigurtà tal-Unjoni, peress li tiżgura provvista suffiċjenti tal-ikel, trawwem il-koeżjoni territorjali u tipprevjeni d-depopolazzjoni rurali;

4.  Jenfasizza li l-PAK, li tirrappreżenta inqas minn 1 % tan-nefqa pubblika totali tal-UE, għandha tinżamm tal-inqas fil-livelli attwali sal-2020 sabiex jiġi żgurat li s-settur agrikolu jkun ekonomikament sostenibbli, jissodisfa d-domanda li dejjem qiegħda tikber tal-ikel u jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi f'żoni rurali tal-UE;

5.  Jirrikonoxxi li l-proporzjon apparentement kbir tal-baġit tal-UE allokat lill-agrikoltura jista' jwassal biex il-pubbliku jkollu ideat żbaljati dwar il-politika, meta fir-realtà s-sussidji agrikoli jikkostitwixxu ammonti negliġibbli meta mqabbla mal-PDG totali tal-Istati Membri, iżda għandhom impatt sinifikanti biex jiżguraw il-kontinwità fil-biedja u s-sigurtà tal-introjtu għall-bdiewa u huma ta' benefiċċju għall-ekonomija rurali usa'; jenfasizza li r-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-PAK iridu jiġu ssimplifikati sabiex l-appoġġ finanzjarju għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali jkun jista' jiġi assorbit aħjar;

6.  Jiddikjara b'mod ċar li, permezz ta' bosta riformi politiċi, l-infiq tal-PAK tnaqqas u sar aktar immirat u orjentat lejn is-suq u ddedikat biex itejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jindirizza firxa dejjem akbar ta' sfidi, inklużi l-kwistjonijiet ambjentali u t-tibdil fil-klima, l-introduzzjoni ta' "miżuri ekoloġiċi" u jiżgura l-vijabbiltà ekonomika taż-żoni rurali; jenfasizza, madankollu, li għandha ssir analiżi fid-dettall biex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà ekonomika tas-settur agrikolu billi jiġi ssalvagwardjat l-introjtu, u għandhom jiġu proposti strumenti ġodda sabiex jiġġieldu kontra l-volatilità tal-prezzijiet;

7.  Jinsisti li l-ammont attwali fl-Intestatura 2, kif previst mill-QFP attwali, għandu minn tal-inqas jibqa' fl-istess livell; jirreferi, f'dan il-kuntest, għall-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP, li jiddikjara b'mod ċar li l-pakketti nazzjonali allokati ma jistgħux jitnaqqsu permezz ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu; iqis, barra minn hekk, li politiki oħra tal-Unjoni jeħtieġ li jkollhom il-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' tonora l-obbligi ġuridiċi tagħha f'konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali korrispondenti; iqis li huwa inaċċettabbli li l-fondi mwarrba għall-politika agrikola jiġu riallokati sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas ta' fondi f'politiki jew fi programmi oħra; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni, tesplora l-possibbiltà li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn l-irtirar ta' prodotti agrikoli mis-suq u d-distribuzzjoni tal-għajnuna alimentari lill-aktar ċittadini fil-bżonn u lir-rifuġjati permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

8.  Jinsisti wkoll li l-ammonti għall-pagamenti diretti fl-Intestatura 2 għandhom jitħallew kif inhuma; jirrimarka li dan huwa kruċjali għas-sitwazzjoni tal-introjtu ta' bosta bdiewa, b'mod partikolari matul il-kriżi li qiegħda taffettwa bosta oqsma agrikoli, u li r-rata ta' assorbiment għal kull sena hija ta' kważi 100 %;

9.  Jirrimarka li l-liberalizzazzjoni tas-settur tal-ħalib thedded il-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi li tirrikjedi ħafna flus; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa programmi li jappoġġjaw faċilitajiet ta' pproċessar, partikorament f'żoni muntanjużi, sabiex dan il-ħalib ikun jista' jintuża għall-produzzjoni ta' prodotti finali ta' kwalità għolja u b'hekk jiġġenera valur miżjud li huwa assolutament essenzjali għall-produtturi tal-ħalib;

10.  Jinnota li, f'dawn l-aħħar snin, il-volatilità tal-prezzijiet marbuta mad-deterjorament tal-kundizzjonijiet tas-suq f'bosta setturi agrikoli żdiedet b'mod sinifikanti, li wasslet għal volatilità severa fl-introjtu, li trid tiġi ġestita b'mod organizzat u effiċjenti, speċjalment minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni; jirrimarka li l-PAK attwali ma pprovdietx biżżejjed mezzi ġenwini sabiex tiġi indirizzata l-instabbiltà tas-swieq agrikoli u tal-introjtu tal-biedja; jenfasizza, għalhekk, li s-sitwazzjoni attwali wasslet għall-ħtieġa li jiġu stabbiliti malajr miżuri tas-suq u miżuri eċċezzjonali f'każ ta' kriżi previsti taħt l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) unika, u li jiġi żgurat li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi baġitarji biex jittrattaw kriżijiet fis-suq, b'mod partikolari dawk li jaffettwaw lis-setturi tal-ħalib, tal-laħam tal-majjal, tal-frott u l-ħxejjex u dak tat-tjur; jenfasizza li waħda mill-kawżi ewlenin ta' din il-kriżi, l-embargo Russu, kien ikkawżat minn deċiżjonijiet meħuda lil hinn mill-industrija; iżid, f'dan ir-rigward, li minħabba t-tnaqqis li sar fil-baġit tal-PAK matul l-aħħar negozjati dwar il-QFP, il-pagamenti diretti mill-ewwel pilastru tal-PAK bħalissa mhumiex biżżejjed biex inaqqsu l-volatilità tal-introjtu li qegħdin jesperjenzaw il-bdiewa; jemmen li huwa essenzjali li jinħoloq spazju għal manuvrar taħt il-baġit 2016, u li l-awtoritajiet pubbliċi u l-professjonisti fil-qasam tal-agrikoltura għandhom jikkunsidraw b'mod rapidu u effiċjenti li jintroduċu l-ftit miżuri tas-suq adottati mill-Kunsill Agrikoltura fl-14 ta' Marzu 2016; jirrimarka li l-kriżi attwali għandha twassal lill-Kummissjoni biex tagħmel rieżami ta' ċerti strumenti ta' ġestjoni tas-suq u ta' ġestjoni tal-kriżi, filwaqt li tiggarantixxi li jkun hemm biżżejjed riżorsi baġitarji disponibbli; jinsisti wkoll li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP jalloka fondi biex jindirizzaw b'mod suffiċjenti t-tħassib dwar is-sikurezza tal-ikel u dwar is-saħħa tal-annimali fi żminijiet ta' kriżi;

11.  Jinnota li l-bdiewa jipproduċu l-ikel li l-bqija tal-popolazzjonijiet tagħna jeħtieġu u li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-introjtu tal-bdiewa huwa taħt il-medja, fatt li għandu impatt negattiv fuq l-istandards tal-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom u li jattira inqas żgħażagħ lejn din il-professjoni; jinnota li l-bdiewa huma magħfusa minħabba li min-naħa waħda l-ispejjeż tal-input dejjem jogħlew(15) u min-naħa l-oħra l-prezzijiet għall-prodotti tagħhom mhumiex remunerattivi(16); iqis għaldaqstant li l-input u l-ispejjeż tal-produzzjoni għandhom jiġu indirizzati fil-qafas tal-PAK billi tiġi mħeġġa aktar awtonomija;

12.  Jenfasizza li l-limiti stabbiliti għall-PAK sal-2020 jinvolvu marġnijiet ħafna aktar baxxi minn dawk li kien hemm fil-QFP preċedenti, filwaqt li s-settur qiegħed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe użu tal-marġni għandu jsir esklużivament biex jindirizza l-ħtiġijiet tas-settur agrikolu, fid-dawl tal-fatt li l-ippjanar fit-tul u s-sigurtà tal-investiment huma essenzjali għall-bdiewa tal-UE; jirrimarka li s-settur agrikolu kien l-aktar milqut mill-embargo Russu, b'effetti indiretti serji fuq is-swieq, u li dan is-settur m'għandux ikun l-uniku wieħed li jġorr il-piż ta' deċiżjonijiet politiċi, kif inhu l-każ bħalissa; jitlob li ssir valutazzjoni dwar l-impatt tal-embargo Russu fuq is-settur agrikolu tal-UE li twassal għal negozjati mar-Russja bl-għan li jintemm l-embargo;

13.  Iwissi li l-marġni attwali fi ħdan il-baġit għall-agrikoltura jaf ma jkunx biżżejjed, minħabba l-volatilità tas-suq, riskji veterinarji u fitosanitarji u avvenimenti mhux previsti oħra li jagħmlu dejjem aktar pressjoni fuq il-baġit sal-punt li l-marġni huwa mistenni li jiġi eżawrit kollu sal-aħħar ta' dan il-perjodu ta' ppjanar; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-fondi għal miżuri fitosanitarji huma taħt l-Intestatura 3 tal-QFP attwali; jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis jew riallokazzjoni ta' din il-linja baġitarja tista' tkun ta' theddida għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa fl-UE;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-instabbiltà attwali tas-swieq agrikoli u l-volatilità għolja tal-prezzijiet juru l-ħtieġa li jinżammu s-sussidji agrikoli, peress li jippermettu li l-fallimenti tas-suq jiġu ġestiti u kkontrollati b'mod aktar effikaċi; jirrikonoxxi f'dan il-kuntest li żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fil-bejgħ ta' prodotti f'dawn l-aħħar snin ma ġewx trasferiti f'benefiċċji għall-bdiewa; jinsisti li hemm bżonn ta' appoġġ konkret sabiex jindirizza n-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu għall-bdiewa u t-tnaqqis fl-introjtu agrikolu; ifakkar ukoll li l-konsumaturi Ewropej mhumiex lesti jħallsu għall-ikel tagħhom bi prezz li jkun bla dubju ogħla kieku s-settur agrikolu ma kienx qiegħed jirċievi appoġġ pubbliku; jinnota, madankollu, li l-pagamenti diretti li ma jirriflettux ir-realtà tal-produzzjoni agrikola u l-eliminazzjoni progressiva tal-metodi ta' ġestjoni tal-provvista wrew li huma limitati;

15.  Jinnota li kwalunkwe prijorità ġdida għas-settur agrikolu li tirriżulta waqt il-qafas finanzjarju attwali tista' tiġi ffinanzjata biss permezz ta' riżorsi ġodda; jenfasizza, għaldaqstant, iż-żieda fil-ħtieġa li jiġu żgurati marġnijiet suffiċjenti taħt l-Intestatura 2 sabiex ikun hemm lok għall-prijoritajiet tal-Parlament;

16.  Josserva li l-objettivi tal-PAK baqgħu kif kienu fi ħdan it-Trattat ta' Lisbona, jiġifieri li tiżdied il-produttività agrikola, li jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, jiġu stabbilizzati s-swieq, tiġi ggarantita d-disponibbiltà tal-provvisti u jiġi żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; jinnota, madankollu, li r-riformi suċċessivi tal-PAK assenjaw kompiti ġodda lill-agrikoltura f'dak li jikkonċerna l-kwalità tal-prodotti, il-ħarsien tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, is-saħħa tal-konsumatur, il-kwistjonijiet tal-użu tal-art u l-modalitajiet ta' produzzjoni u produttività li wasslu għal żieda sinifikanti fl-ispiża għall-bdiewa u l-produtturi; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-impatt tal-PAK fuq l-istrateġiji ġenerali tal-UE (UE 2020 u l-Għanijiet tal-Klima u tal-Enerġija) iridu jiġu analizzati sabiex ikunu jistgħu jinstabu konklużjonijiet għall-perjodu wara l-2020; jenfasizza li l-objettivi stabbiliti bħala parti mill-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-UE jridu jiġu kkunsidrati wkoll fil-politika agrikola tal-UE;

17.  Jinsab konvint li PAK b'saħħitha għall-UE, kemm fir-rigward tal-kontenut kif ukoll tal-finanzjament, hija ta' importanza kbira biex jinkisbu dawn l-objettivi, u fl-istess ħin jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi u katini tal-ikel trasparenti fi ħdan is-suq intern, kif ukoll żoni rurali vijabbli; iqis, barra minn hekk, li ż-żieda fir-reżiljenza u t-titjib fil-qasam tal-impjieg u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali għandhom jingħataw prijorità sabiex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni rurali u tiġi promossa l-vijabbiltà; iqis li għall-Pilastru II, wara l-2020, se nkunu għadna neħtieġu l-istrumenti bħala appoġġ għall-modernizzazzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur agroalimentari u jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni fl-iżvilupp tal-agrikoltura u ż-żoni rurali;

18.  Jenfasizza li l-produzzjoni agrikola għandha valur miżjud kbir, fil-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità tajba kif ukoll fil-forniment ta' prodotti u servizzi mhux tal-ikel, peress li din tibgħat il-materja prima għas-settur tal-manifattura, li huwa importanti biex is-settur agrikolu tal-UE jibqa' kompetittiv u b'hekk jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni u għall-iżvilupp reġjonali ekwilibrat tal-UE; jirrimarka li huwa għalhekk meħtieġ li jinżamm u, fejn meħtieġ, jiżdied l-appoġġ għas-settur agrikolu u għaż-żoni rurali, sabiex jingħata inċentiv għall-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola u sabiex jintlaħqu d-domandi tas-soċjetà għall-ikel, bl-għan li tiġi miġġielda l-volatilità u jiġi stimulat l-impjieg fis-settur, kif ukoll sabiex jintlaħqu l-objettivi mhux agrikoli tal-UE; jenfasizza li l-PAK, aktar minn politiki oħra tal-UE, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi f'żoni rurali u li l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja jżidu l-ġibda għall-ħajja rurali meta mqabbla maż-żoni urbani; ifakkar li, f'termini statistiċi, il-bdiewa jipprovdu seba' impjiegi addizzjonali f'setturi relatati u territorji rurali; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-PAK tibqa' tiffoka fuq l-għoti ta' appoġġ lil negozji agrikoli fuq skala żgħira u mmexxija mill-familji bħala l-element fundamentali tal-produzzjoni agrikola fl-UE u tal-ħajja fiż-żoni rurali tal-UE u li tikseb progress reali rigward dak l-għan tal-politika; jissottolinja kemm huwa essenzjali li jinżammu miżuri speċifiċi fil-qafas tal-PAK lejn żoni li jbatu minn żvantaġġi naturali serji u permanenti, partikolarment ir-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni ultraperiferiċi u żvantaġġi speċifiċi oħra;

19.  Jisħaq fuq il-fatt li s-suċċess tal-PAK u l-aċċettazzjoni tagħha tiddependi wkoll fuq tnaqqis ulterjuri fil-burokrazija mhux neċessarja u l-limitazzjoni tal-ispejjeż amministrattivi regolatorji għal livell aċċettabbli u maniġġabbli; jappella għal implimentazzjoni prattika tal-PAK kif ukoll aċċelerazzjoni fis-simplifikazzjoni tal-PAK, li għandhom għaldaqstant ikollhom prijorità, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħeffa tal-pagamenti minn awtoritajiet nazzjonali nominati, filwaqt li xorta waħda jinkisbu l-objettivi tal-politika li kienu maħsuba u meħtieġa mis-soċjetà;

20.  Jemmen li l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020 għandha tiżvolġi wkoll rwol importanti fl-appoġġ tal-iżvilupp taż-żoni rurali fir-rigward tal-infrastruttura teknika, is-suq tax-xogħol, l-iżvilupp ta' negozji u servizzi bażiċi, li tagħti nifs ġdid lill-postijiet f'żoni rurali u lill-investiment marbut mal-infrastruttura tal-ilma u tad-dranġġ;

21.  Jopponi bil-qawwa kwalunkwe nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki agrikoli; jinnota li l-implimentazzjoni mhux ugwali tal-PAK u d-differenzi fil-livelli ta' pagament fl-Istati Membri wasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni ugwali madwar l-Unjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni peress li din tiġġenera tfaddil għall-kontribwenti Ewropej; jinsab imħasseb dwar it-tendenza ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid fir-reazzjonijiet tal-pubbliku għall-kriżijiet agrikoli, b'mod partikolari l-mobilizzazzjoni tal-pagamenti mmirati minflok l-azzjonijiet reali Ewropej; jafferma li biex il-PAK tkun ta' suċċess u ż-żoni rurali tal-Unjoni ma jkunu nieqsa minn xejn, huwa importanti li t-tieni pilastru jiffunzjona sew u jkun iffinanzjat tajjeb; jinnota d-differenzi fost l-Istati Membri kemm rigward il-ħtieġa tagħhom għall-iżvilupp rurali kif ukoll il-finanzjament tiegħu;

22.  Josserva li minħabba li l-PAK qiegħda tħabbat wiċċha ma' għadd dejjem akbar ta' sfidi, bħas-sigurtà tal-ikel u l-ġlieda kontra l-volatilità tal-prezzijiet, jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji xierqa; jitlob, għaldaqstant, li l-għodod vitali flessibbli jsiru disponibbli għall-bdiewa bl-għan li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, f'każ li jkun hemm bżonn; jitlob ukoll li jittieħdu miżuri adegwati ta' kumpens bħala rispons għal avvenimenti mhux previsti u fallimenti tas-suq li jirriżultaw minn deċiżjonijiet politiċi; jirrimarka s-sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tas-swieq agrikoli u sfidi ġodda u li qegħdin jiżdiedu li qiegħda taffaċċja l-agrikoltura Ewropea; iwissi kontra l-konsegwenzi tal-kriżi attwali fis-swieq agrikoli, u l-pożizzjoni tal-bdiewa li qiegħda tiddgħajjef fil-katina alimentari u fin-negozjati kummerċjali attwali u futuri; jemmen, barra minn hekk, li l-adozzjoni ta' miri għat-tnaqqis ambizzjużi żżejjed marbuta mal-pakkett dwar l-enerġija u l-klima u d-Direttiva NEC se twassal għal aktar spejjeż tal-produzzjoni agrikola;

23.  Jenfasizza, fir-rigward tal-perjodu wara l-2020, li, b'rabta mal-iżvilupp ulterjuri tal-PAK, il-miżuri ta' politika u l-objettivi konkreti tagħhom l-ewwel għandhom jiġu definiti, qabel ma jkunu jistgħu jiġu allokati r-riżorsi baġitarji meħtieġa; jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' fond Ewropew ta' assigurazzjoni agrikola li jista' jiġi mobilizzat fi żminijiet ta' kriżi, pereżempju, sabiex inaqqas il-volumi tal-produzzjoni biex tkun żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet għall-bdiewa għall-materja prima prodotta fl-Ewropa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

6.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

6

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Bas Belder, Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Jean-Paul Denanot, Michela Giuffrida, Manolis Kefalogiannis, Norbert Lins, Annie Schreijer-Pierik, Tibor Szanyi, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg

2.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-impenji pendenti ("reste à liquider" - RAL) huma prodott sekondarju inevitabbli tal-programmazzjoni pluriennali u l-approprjazzjonijiet differenzjati u ta' riġidità eċċessiva tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li ma tippermettix riallokazzjonijiet ta' finanzjament bejn l-intestaturi u għandha marġini ta' flessibilità limitat; jinnota li l-impenji pendenti kienu sostanzjalment ogħla minn dawk mistennija fi tmiem il-qafas finanzjarju għall-2007-2013, u jenfasizza li d-distakki attwali bejn l-impenji u l-pagamenti inevitabilment se jwasslu għal diffikultajiet ġodda għall-programmi li għaddejjin bħalissa u li dan għandu jiġi riżolt b'mod strutturali, u mhux billi kull sena jsir rikors għal abbozz ta' baġits emendatorji;

2.  Josserva li r-reviżjoni tal-QFP hija punt ewlieni fil-ġestjoni tan-nefqa tal-Unjoni billi tiżgura li l-programmi ta' investiment tal-Unjoni jibqgħu effiċjenti; jinsisti fuq semplifikazzjoni radikali tal-formoli u l-kriterji ta' applikazzjoni, tar-rapportar u tar-rimborż, b'mod partikolari għall-proġetti fuq skala żgħira, kemm fil-programm Erasmus+ kif ukoll fil-programmi Ewropa Kreattiva u Ewropa għaċ-Ċittadini;

3.  Josserva li r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej għandhom jiġu mifhuma bħala żewġ elementi interkonnessi tal-istess proċess; jistieden, għalhekk, lill-istituzzjonijiet jagħmlu rieżami tal-funzjonament ta' dak il-proċess, fejn hemm rekwiżiti li huma ostakolu għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi u politiċi tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-deċentralizzazzjoni fil-għoti tal-finanzjament fil-qafas tat-taqsima Żgħażagħ ta' Erasmus+.

4.  Jitlob li titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), proposta mill-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 bħala rispons għall-problema persistenti ta' livelli għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, wara l-valutazzjoni sħiħa tal-prestazzjoni tagħha li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tippreżenta fl-ewwel nofs tal-2016, u jitlob li jsiru proposti ta' aġġustamenti sussegwenti biex jiġu megħluba l-ostakoli eżistenti fl-implimentazzjoni sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali;

5.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq l-investimenti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-industriji kulturali u kreattivi fi ħdan il-FEIS; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi minimizzat l-impatt tat-tnaqqis fuq il-programmi Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi rispettivi tagħhom u biex jiġu sfruttati għalkollox l-addizzjonalità u s-sinerġiji potenzjali bejn dawn it-tliet strumenti, bil-ħsieb li jiġi stabbilit mill-ġdid it-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, ibbażat fuq l-innovazzjoni u l-impjiegi ta' kwalità;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-programmi ġodda li jaqgħu taħt il-perjodu tal-QFP 2014-2020 qed idumu aktar milli kien ippjanat biex jibdew minħabba li l-bażijiet ġuridiċi u l-programmi operattivi qed idumu ma jiġu approvati, kif ukoll minħabba n-nuqqasijiet fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014; jinnota li, minkejja l-aċċelerazzjoni tal-proċessi matul is-sena 2014 kollha, il-problema ta' kuntratti mhux finalizzati u ta' fatturi mhux imħallsa għadha tippersisti, u qed issir waħda strutturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-responsabilità tal-Istati Membri, li huma marbuta li jirrispettaw id-deċiżjonijiet li ħadu huma stess bħala awtoritajiet baġitarji flimkien mal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kif il-programmi importanti li jfittxu li jinvestu fl-edukazzjoni, il-ħiliet u l-industriji kulturali u kreattivi tal-UE, u li jinvestu fil-kapital uman – Erasmus+, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini – se jirnexxilhom jilħqu ritmu tajjeb; jilqa' l-varar, għalkemm tard, ta' mekkaniżmu ta' garanzija għall-programm Ewropa Kreattiva, li hu strument importanti ta' finanzjament għall-SMEs u għall-organizzazzjonijiet attivi fis-setturi kulturali u kreattivi; jenfasizza li dawn l-esperjenzi għandhom ikunu rieżaminati bħala parti mill-QFP li jmiss;

7.  Iqis li l-uniku mod kif il-programm Erasmus+ jilħaq ir-ritmu tajjeb tiegħu hu billi jinkludi n-numru dejjem akbar ta' proġetti iżgħar li jippermettu t-tixrid usa' tal-programm fl-iskejjel jew għaż-żgħażagħ, żieda tal-mobbiltà tal-ETV, u għaldaqstant effiċjenza aqwa fit-twettiq tal-għanijiet edukattivi, soċjali u umanitarji tiegħu; jilqa' għalhekk l-isforzi kollha li saru mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u l-aġenziji nazzjonali biex tittejjeb mhux biss it-trasparenza finanzjarja tagħhom iżda s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-mexxejja tal-proġetti;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżorsi prattikament ineżistenti disponibbli fi ħdan l-intestatura 3 tal-QFP attwali ("Sigurtà u Ċittadinanza") u jitlob li l-laqgħa li jmiss tagħtih ir-riżorsi meħtieġa u flessibilità biżżejjed biex ikun jista' jindirizza l-isfidi importanti li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom f'dan il-qasam;

9.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni tal-istrument tal-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja tal-programm Ewropa Kreattiva li hu mdewwem b'aktar minn ftit xhur; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-NGOs kulturali u l-assoċjazzjonijiet kulturali ż-żgħar mhux ser ikunu eliġibbli għal dan l-istrument, u l-SMEs kulturali u kreattivi biss se jkunu jistgħu jipparteċipaw; jirrakkomanda analiżi bir-reqqa tal-esperjenzi miksuba matul il-proċess kollu bil-għan li jiġu aċċertati r-rilevanza u s-sostenibilità tal-istrument bħala żieda mal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME);

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jeżaminaw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom dwar il-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", l-uniku programm li jinvolvi liċ-ċittadini kollha direttament, u jipprovdulu baġit addizzjonali sostanzjali li jippermetti implimentazzjoni aħjar tal-għanijiet tal-programm u jevita aktar frustrazzjoni fost il-parteċipanti fis-sejħiet għall-offerti; jiddeplora l-fatt li, wara li sar tnaqqis lil hinn minn kwalunkwe raġuni, il-programm jista' jaċċetta biss perċentwal drastikament baxx ta' proġetti, sitwazzjoni li mhix sostenibbli u li ma tistax tiġi difiża fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fis-sitwazzjoni soċjali u umanitarja preżenti fl-UE;

11.  Jenfasizza, fil-kuntest tal-kriżi ta' migrazzjoni li qed tħabbat wiċċha magħha l-UE, li d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-28 Ministru tal-Edukazzjoni tas-17 ta' Marzu 2015(17) tenfasizza r-rwol tad-djalogu interkulturali u l-isforzi magħquda flimkien tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-indirizzar b'mod determinat tal-emarġinazzjoni, l-intolleranza, ir-razziżmu u r-radikalizzazzjoni, kif ukoll fiż-żamma ta' qafas ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd. jinnota li l-programmi attwali tal-UE fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport huma kkaratterizzati mill-addizzjonalità u s-sinerġiji potenzjali tagħhom fir-rigward tal-politiki ta' integrazzjoni għall-migranti u r-rifuġjati, u għaldaqstant jiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet lejn il-ħtieġa li jkun hemm rispons għall-kriżi tal-migrazzjoni billi jiġu provduti riżorsi addizzjonali kemm fil-programmi taħt ġestjoni diretta kif ukoll fil-Fondi Strutturali, b'żieda ma' linji tal-baġit speċifiċi;

12.  Jissottolinja n-natura dejjiema tal-kriżi tar-rifuġjati li għaddejja minnha l-UE, li għalhekk se teħtieġ riżorsi finanzjarji speċifiċi, adattati u sostenibbli biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni kulturali.

13.  Jinnota li n-nuqqas ta' qbil bejn il-programmazzjoni ta' seba' snin tal-QFP u l-programmazzjoni ta' għaxar snin tal-prijoritajiet politiċi u strateġiċi tal-UE jista' jaffettwa b'mod ħażin il-valutazzjoni konsistenti tar-riżultati miksuba mill-programmi tal-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istituzzjonijiet jikkunsidraw li jemendaw il-perjodu ta' programmazzjoni tal-QFP bil-għan li jallinjawh mal-mandat elettorali, filwaqt li jingħata lok għall-programmazzjoni għall-perjodu fit-tul;

14.  Jenfasizza d-differenza bejn il-proċess ta' rieżami u dak ta' reviżjoni tal-QFP, peress li matul il-proċess ta' dan tal-aħħar għandu jkun possibbli li jiġu modifikati b'mod sostanzjali l-intestaturi sabiex tiġi ggarantita l-leġittimità demokratika tal-ippjanar finanzjarju pluriennali tal-UE; jappoġġa bil-qawwa, għaldaqstant, ix-xogħol tal-grupp interistituzzjonali ta' livell għoli dwar ir-riżorsi proprji, bħala soluzzjoni strutturali għal xi wħud mill-problemi interenti fl-ippjanar pluriennali tal-baġit tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Mary Honeyball, Ilhan Kyuchyuk, Martina Michels

3.6.2016

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Laura Agea

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-emerġenza migratorji mingħajr preċedent, il-limiti massimi attwali tal-QFP 2014-2020 – b’mod partikolari l-intestatura 3 – urew li ma kinux biżżejjed u ma jirriflettux adegwatament it-tisħiħ tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja skont it-Trattat ta’ Lisbona u l-kompiti u l-isfidi tiegħu li dejjem qed jiżdiedu, inkluż li jiġi indirizzat il-fenomenu strutturali tar-rekwiżiti għall-migrazzjoni u s-sigurtà; ifakkar li l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) huwa diġà kważi eżawrit; ifakkar li l-mekkaniżmi ta’ flessibilità disponibbli tal-QFP diġà ġew użati b’mod estensiv, u b’hekk ġiet limitata drastikament il-flessibilità finanzjarja disponibbli fis-snin finanzjarji li ġejjin;

2.  Għalkemm il-mekkaniżmi tal-flessibilità disponibbli tal-QFP diġà ġew użati b’mod estensiv, jitlob li l-Istati Membri l-aktar affettwati jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnhom, b’mod partikolari, mill-"klawżola għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali" kif inkluż fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

3.  Iqis li riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali fil-livell tal-UE li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-isfidi kollha relatati mal-migrazzjoni (salvataġġ, interċettazzjoni, akkoljenza, reġistrazzjoni, kontroll, akkomodazzjoni, trasport, rilokazzjoni, ritorn u integrazzjoni) u biex jindirizzaw l-isfidi umanitarji ġewwa u barra l-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw Sistema Ewropea Komuni tal-Asil ġdida ġenwina, jappoġġjaw ir-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni, jimmaniġġjaw il-fruntieri esterni komuni u jiżguraw is-sigurtà interna fiż-żona Schengen, u jrawmu l-integrazzjoni u jipprevjenu d-diskriminazzjoni (speċjalment tan-nisa), ir-razziżmu u l-ksenofobija;

4.  Iqis li l-baġit tal-UE għandu jappoġġja politiki ffukati fuq l-integrazzjoni aktar milli fuq is-sigurtà; jitlob li, qabel ma jiġu deċiżi allokazzjonijiet ġodda, jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti u l-possibilitajiet ta' sigurtà eżistenti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-iskambju ta' informazjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri;

5.  Jilqa' l-istabbiliment ta' strument intiż biex iforni l-għajnuna umanitarja fi ħdan l-UE, b'mod partikolari biex jindirizza l-fluss ta' mases ta' migranti u rifuġjati; iqajjem dubju, madankollu, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ħolqien ta' dan l-istrument il-ġdid, fid-dawl tan-nuqqas ta' involviment xieraq tal-Parlament; jesprimi tħassib dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffinanzja dan l-istrument permezz tal-intestatura 3 tal-QFP, u b'mod partikolari l-AMIF, li diġa huwa utilizzat bil-kbir u huwa sottofinanzjat; jitlob li l-Kummissjoni tesplora għejun ta' finanzjament alternattivi għal dan l-istrument mill-baġit tal-UE, biex ma jkun hemmx effett negattiv fuq il-miżuri u l-programmi ffinanzjati permezz tal-fond AMIF;

6.  Jilqa' ż-żieda ta' kapitolu ġdid, fi ħdan l-intestatura 3, intiż għall-għajnuna ta' emerġenza fi ħdan l-Unjoni; huwa tal-opinjoni li r-reviżjoni tal-QFP trid tiżgura li l-finanzjament futur ta' dan l-"appoġġ" ikun ogħla mill-valuri massimi, filwaqt li jiggarantixxi l-flessibilità bżonnjuża biex l-allokazzjoni tar-riżorsi tkun adattata skont żviluppi reali u skont bidliet li jsiru fil-prijoritajiet politiċi;

7.  Jitlob biex l-AMIF jiġi rivedut u allokat aktar riżorsi; jenfasizza li l-baġit u l-persunal tal-aġenziji Ewropej li jittrattaw pressjoni migratorja, b’mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u l-Frontex, għandu jiżdied aktar sabiex ikunu jistgħu jipprovdu lill-Istati Membri b’appoġġ reali u jiggarantixxi l-kisba tal-għanijiet tagħhom; jemmen li għandhom jiġu previsti fondi adegwati għal operazzjonijiet ta’ tiftix u ta’ salvataġġ, u jenfasizza li fondi ddedikati għat-tiftix u s-salvataġġ huma attwalment inklużi bi żball f’dan il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF);

8.  Jinnota li dan l-aħħar il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim mat-Turkija dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija ta' sitt biljun euro; jesprimi tħassib dwar l-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-UE għaliex dawn jheddu l-uniċita tiegħu u jevitaw il-proċedura baġitarja li teħtieġ l-involviment u l-iskrutinju tal-Parlament; jenfasizza li l-Parlament ma ġiex ikkonsultat fi kwalunkwe stadju tal-proċess ta’ adozzjoni; huwa mħasseb dwar l-impatt li dan il-ftehim jista’ jkollu fuq il-baġit tal-2017; jenfasizza li dan il-fond, kif ukoll fondi oħra simili, ma għandhomx jappoġġjaw miżuri ripressivi jew kwalunkwe azzjoni li tista’ tikser id-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-użu ta' dawn il-fondi u tirrapporta lura lill-Parlament b'mod regolari; jenfasizza li l-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri għar-refuġjati għandu jingħata flimkien mal-għajnuna għall-iżvilupp regolari u mhux bħala sostitut għaliha;

9.  Jemmen li m'hemm l-ebda rabta diretta bejn il-migrazzjoni u t-terroriżmu fl-Ewropa; jitlob finanzjament ġdid għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan l-UE; iqis li dan jista' jsir billi nippromwovu l-integrazzjoni u niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija; jitlob li l-fondi għal proġetti li għandhom l-għan li jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma jitnaqqsux;

10.  Huwa tal-fehma li l-Fond għas-Sigurtà Interna għandu jkollu riżorsi finanzjarji adegwati biex ikun jista' jwettaq l-objettivi tiegħu, speċjalment fil-qasam tal-kooperazzjoni effettiva u tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza li l-azzjonijiet kollha tiegħu jridu jkunu kompletament konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

11.  Jitlob li jkun hemm baġit akbar għall-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza li jfittex li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet fundamentali u jiġġieled kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-intolleranza li qiegħda tikber fl-Ewropa;

12.  Jistenna li l-flussi migratorji jkomplu minħabba l-instabilità politika u l-kunflitt sostnuti f’ħafna reġjuni u minħabba n-nuqqas ta’ mezzi legali ta’ aċċess għall-UE sew għal min ifittex l-asil kif ukoll għall-migranti; jitlob stima aġġornata tal-ħtiġijiet baġitarji biex ikun hemm rispons għall-isfidi mistennija sa tmiem il-QFP; Jitlob biex ir-rieżami tal-QFP fl-2017 tipprevedi l-ikbar flessibilità tal-QFP ħalli jadatta l-kapaċità tiegħu biex jirreaġixxi għal sitwazzjonijiet mhux previsti fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu; jitlob għal reviżjoni ta’ żieda adegwata tal-intestaturi 3 u 4 u sabiex il-Parlament ikun involut fl-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward kemm ta’ miżuri baġitarji kif ukoll dawk leġiżlattivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

4

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Martina Anderson, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Soraya Post, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Marina Albiol Guzmán, Hugues Bayet, Carlos Coelho, Pál Csáky, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Artis Pabriks, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Salvatore Domenico Pogliese, Jaromír Štětina, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edouard Ferrand, Peter Jahr, Othmar Karas, Ilhan Kyuchyuk, Keith Taylor, Lieve Wierinck

31.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pedro Silva Pereira

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinsisti fuq il-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikanti tal-Parlament Ewropew fid-dibattitu interistituzzjonali dwar ir-rwol, l-istruttura, il-miri, il-prijoritajiet u r-riżultati tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) f'konformità mal-mandat tiegħu kif adottat mill-plenarja;

2.  Jappella għal rieżami komprensiv, estensiva u ġenwin tal-funzjonament tal-QFP, li sussegwentement iwassal għal reviżjoni leġiżlattiva obbligatorja tar-Regolament tal-QFP skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 u tal-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanjah, li jinkludi fih il-mezzi finanzjarji mqiegħda għad-dispożizzjoni skont il-qafas attwali;

3.  Jinnota l-attivazzjoni ta' strumenti speċjali u ta' flessibbiltà sabiex tingħata tweġiba għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn l-emerġenza tal-migrazzjoni u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej kaġun tal-kriżi ekonomika; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li matul ir-reviżjoni tal-QFP jiġu allokati aktar riżorsi lill-intestaturi rilevanti sabiex l-UE tkun tista' tipprovdi reazzjoni iktar strutturata għall-kriżijiet umanitarji u ekonomiċi attwali; jappella għal aktar flessibbiltà sabiex dawn iċ-ċirkostanzi jkunu jistgħu jiġu trattati b'mod adegwat; jenfasizza, madankollu, li fl-indirizzar ta' sfidi ġodda, l-UE m'għandhiex tippreġudika l-allokazzjoni ta' riżorsi għal skopijiet ta' koeżjoni; jissottolinja li kull żieda fil-flessibbiltà għandha timxi id f'id ma' kontroll parlamentari aktar qawwi;

4.  Ifakkar li skont l-Artikolu 311, l-ewwel paragrafu tat-TFUE "L-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha"; f'dan il-kuntest, iqis li l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa minn baġits Ewropej preċedenti, u n-nuqqas ta' mezzi biex jiġu ffaċċjati il-kriżijiet u l-isfidi, kemm attwali kif ukoll li ġejjin, inkluż l-ispostament tar-rifuġjati, il-flussi ta' migrazzjoni, il-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, l-appoġġ għal u l-koordinazzjoni tas-settur tal-enerġija u t-trasport, u l-appoġġ għal miżuri li jikkumbattu t-tibdil fil-klima, juru l-ħtieġa urġenti għal aktar azzjoni u fondi Ewropej;

5.  Iqis li hemm bżonn li ssir riforma tas-sistema ta' finanzjament tal-QFP, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini għall-baġit tal-UE, bħal pereżempju t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u d-dħul mit-taxxa ieħor Ewropej, sabiex nimxu lejn baġit iffinanzjat "kompletament minn riżorsi proprji" kif previst fl-Artikolu 311 tat-TFUE, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu biex jirrifletti dwar din il-kwistjoni, mingħajr ħsara għar-rapport finali mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; iħeġġeġ ukoll lill-Kunsill biex jirrifletti dwar l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali u baġitarja fiż-żona tal-euro; jenfasizza li kull strument ġdid għandu jitqiegħed fi ħdan il-baġit tal-UE, filwaqt li jibqa' barra mil-limiti massimi għall-QFP, u għandu jiġi ffinanzjat minn riżorsi proprji ġenwini;

6.   Jenfasizza l-bżonn ta' unità tal-baġit tal-UE għal raġunijiet ta' responsabbiltà u trasparenza demokratika;

7.  Jitlob li jinżamm dibattitu trasparenti, infurmat sew u konklużiv b'mod konġunt mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aktar tul ta' żmien xieraq tal-oqsfa finanzjarji ta' wara l-2020, l-allinjament tal-perjodu tal-QFP maċ-ċiklu politiku tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 312(1), TFUE, fuq kollox b'kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-konsegwenzi mill-oqfsa għaċ-ċikli ta' programmazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-politiki individwali u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa għal ċerta flessibbiltà u għal mekkaniżmi ta' rieżami, sabiex jinkiseb l-aħjar bilanċ possibbli bejn l-istabbiltà, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà;

8.  Jappella għall-attivazzjoni tal-klawżoli "passerelle" disponibbli fir-rigward kemm tar-regolament tal-QFP, kif stabbilit mill-Artikolu 312(2) TFUE, u kemm tal-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji, kif stipulat mill-Artikolu 48(7) TUE, inkluż il-possibbiltà li ssir bidla minn votazzjoni b'unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata;

9.  Jemmen li r-regolamenti li jimplimentaw il-QFP u l-fondi rispettivi jistgħu jiġu razzjonalizzati u simplifikati aktar, b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Rosa Estaràs Ferragut, Arne Lietz, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Jarosław Wałęsa

25.5.2016

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014–2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni

(2015/2353(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Clare Moody

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-istudju tal-2008 li kellu l-għan li jivvaluta l-fattibilità u l-għażliet tal-introduzzjoni ta' elementi ta' bbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri fil-proċess baġitarju tal-UE u li ġie kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni, ikkonferma li, minkejja l-karatteristiċi uniċi tiegħu, il-baġit tal-UE huwa adatt għal ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri u li l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri jista' jiġi applikat fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju, mill-ippjanar u l-preparazzjoni għall-awditjar u l-evalwazzjoni;

1.  Jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE li hu minqux fit-Trattati u li għandu jiddaħħal fil-politiki kollha tal-UE sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fil-prattika; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi trid issir objettiv politiku fit-titoli tal-baġit, li bl-istess mod l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tiġi rikonoxxuta fit-titoli tal-baġit bħala metodu ta' implimentazzjoni, u li l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri għalhekk irid isir parti integrali mill-proċedura baġitarja fl-istadji kollha tagħha, iżda li l-progress f'dan ir-rigward kien marġinali fir-rigward tal-politiki kollha; jistenna, għalhekk, li l-Kummissjoni tfassal metodoloġija ta' bbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri u li tapplikaha għall-baġit tal-UE; jenfasizza li jinħtieġu riżorsi baġitarji programmati u xierqa għal politiki effettivi dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u sabiex tavvanza l-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP bħala opportunità biex isir progress sinifikanti, fid-dawl tal-aġenda għal 'Baġit biex Jinkisbu Riżultati', u biex jiġu preżentati aktar objettivi li jistgħu jitkejlu u li jkunu realistiċi, inkluża l-evalwazzjoni tar-riżultati s'issa, sabiex il-perspettiva tal-ġeneri tassew tiġi integrata fil-baġit tal-UE għall-bqija ta' dan il-perjodu ta' programmar;

2.  Jilqa' l-enfasi fuq 'Baġit biex Jinkisbu Riżultati' bħala opportunità sabiex in-nefqa baġitarja twassal għal benefiċċji integrati tal-ugwaljanza bejn is-sessi ma' kull euro minfuq; jirrikonoxxi wkoll li l-miżuri ta' simplifikazzjoni fil-'Baġit biex Jinkisbu Riżultati' ma jridux jittieħdu għad-detriment ta' investimenti li jistgħu jġibu bidla pożittiva bil-għan li tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-miri eżistenti relatati mal-ġeneri fl-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri żieda fl-għadd ta' nisa impjegati għal 75 % u pagi indaqs għan-nisa u l-irġiel, l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-parlamenti nazzjonali u numru ugwali ta' nisa u rġiel fil-bordijiet tal-kumpaniji l-kbar, miri li jinsabu kollha 'l bogħod milli nilħquhom; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-prijoritajiet relatati tal-Parlament Ewropew taħt l-Orizzont 2020, li jinkludu l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fir-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li r-rieżami tal-QFP jrid jivvaluta l-progress li sar lejn dawn il-miri u għandu, jekk ikun hemm bżonn, jirrevedi l-miżuri li qed jittieħdu biex jintlaħqu dawn il-miri;

4.  Jenfasizza li, minkejja d-dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-QFP dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, s'issa ma ttieħdet ebda miżura speċifika; jitlob li l-implimentazzjoni ta' din id-dikjarazzjoni fil-proċeduri baġitarji annwali tiġi mmonitorjata b'mod effettiv u li tiġi integrata b'mod iktar effettiv fir-rieżami tal-QFP;

5.  Ifakkar li, skont id-data tal-UNHCR, 55 % mir-refuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil li daħlu fl-UE minn Jannar 2016 'l hawn kienu nisa u tfal; jitlob, peress li n-nisa u l-bniet huma żvantaġġjati b'mod sproporzjonat u jsibu ruħhom f'riskju f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u konflitt, li r-rieżami tal-QFP jagħti ħarsa lejn l-għodod finanzjarji mmirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet, inkluż fir-rigward ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, taħt l-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), ħarsa lejn miżuri mmirati speċifikament lejn l-integrazzjoni ta' nisa u tfal refuġjati u li jfittxu l-asil fil-pajjiż ospitanti tagħhom, inkluż taħriġ flessibbli tal-lingwi, edukazzjoni u indukrar tat-tfal, u ħarsa lejn miżuri li jindirizzaw il-kawżi primarji tal-ispostament oriġinali tagħhom;

6.  Jenfasizza li l-investiment tal-fondi pubbliċi fis-settur tal-indukrar, inklużi indukrar tat-tfal ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli, servizzi ta' indukrar soċjali u servizzi ta' indukrar tal-anzjani u fit-tul, joħloq l-impjiegi, iħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku, irawwem l-ugwaljanza bejn is-sessi u jagħmilha possibbli li aktar nisa jerġgħu lura għal xogħol full-time jew jibdew jaħdmu full-time, peress li n-nisa jqattgħu minn darbtjen sa 10 darbiet aktar ħin mill-irġiel fl-indukrar mingħajr ħlas; jitlob li r-rieżami tal-QFP jintuża sabiex isir investiment f'din l-infrastruttura soċjali fl-Ewropa bħala parti mill-Aġenda għat-Tkabbir u l-Impjiegi u mill-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiġi previst b'mod speċifiku investiment fl-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija tan-nisa; jinnota li din il-forma ta' nfiq rarament titqies bħala forma adegwata ta' investiment meta dawk li jfasslu l-politika jkunu qed ifittxu forom effettivi ta' ħolqien ta' impjiegi fi żminijiet ta' riċessjoni, u li fil-fatt spiss inkunu xhieda tal-oppost, peress li ħafna pajjiżi qed inaqqsu n-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, l-indukrar tat-tfal u s-servizzi ta' indukrar soċjali bħala parti mill-istrateġiji tagħhom ta' tnaqqis tad-defiċit; iqis li huwa ta' dispjaċir li din in-negliġenza ta' infrastruttura soċjali tirrifletti preġudizzju bbażat fuq il-ġeneri fil-ħsieb ekonomiku u tista' tkun ġejja mid-diviżjoni tax-xogħol fuq il-bażi tal-ġeneri u minn segregazzjoni fl-impjiegi fuq il-bażi tal-ġeneri, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu biex tikber id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa; iqis ir-rieżami tal-MFF bħala okkażjoni biex tittieħed azzjoni biex din il-ħaġa tiġi indirizzata;

7.  Itenni li l-programmi Daphne kellhom rwol fundamentali biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa fl-UE, iżda jiddispjaċih dwar il-fatt li dawn m'għadhomx meqjusa bħala qasam ta' nfiq minnhom innifishom; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti u li jkun hemm aktar ċarezza dwar kif dan l-objettiv jista' jinkiseb permezz tal-Programm ta' Drittjiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza. jinsisti fuq l-importanza li l-fondi jilħqu lill-organizzazzjonijiet lokali fil-post sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Matera, Marijana Petir, Pina Picierno, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Beatrix von Storch

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Arne Gericke, Clare Moody

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Ulrike Rodust, Siôn Simon

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Reimer Böge, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Mercedes Bresso, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvia-Yvonne Kaufmann, Fernando Ruas, Bogdan Brunon Wenta

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

  ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.

(3)

  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(4)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(6)

  Testi adottati, P7_TA(2014)0378.

(7)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0599.

(8)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0455.

(9)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0456.

(10)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0304.

(11)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0078.

(12)

  Testi adottati, P7_TA(2012)0360.

(13)

  Testi adottati, P7_TA(2011)0266.

(14)

ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

(15)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar il-katina ta' forniment tal-prodotti agrikoli: struttura u implikazzjonijiet, ĠU C 227E, 6.8.2013, p. 3.

(16)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 22.

(17)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi) tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015,

Avviż legali