Proċedura : 2015/2093(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0234/2016

Testi mressqa :

A8-0234/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 20
CRE 24/10/2016 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0407

RAPPORT     
PDF 585kWORD 159k
18.7.2016
PE 576.833v02-00 A8-0234/2016

Kif narmonizzaw il-kontrolli fuq is-sajd fl-Ewropa

(2015/2093(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Isabelle Thomas

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Kif narmonizzaw il-kontrolli fuq is-sajd fl-Ewropa

(2015/2093(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat UE, li jipprevedi l-ħtieġa għal impenn favur "l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa", inkluża d-dispożizzjoni ta' "livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-ambjent", u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 43 u 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, u b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1010/2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/812 rigward l-obbligu tal-ħatt, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8–0068/2016) (dwar Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd – PECH/8/05354),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (B8–0581/2016) ('It-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut' –PECH/8/05296),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8–0234/2016),

A.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll huwa l-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-forom ta' spezzjoni fil-mudell differenti ta' rapporti tal-ispezzjoni fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 mhumiex armonizzati bejniethom, peress li jużaw ismijiet differenti għall-istess suġġetti, u b'hekk joħolqu diffikultajiet operattivi fit-trasferiment tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet;

C.  billi l-aħħar protokolli ta' skambju ta' data, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-ġurnali ta' abbord elettroniċi, tlestew f'Lulju 2010, u billi l-ġurnali ta' abbord elettroniċi ilhom obbligatorji minn Jannar 2010;

D.  billi hemm inugwaljanza reali, jew jinħass nuqqas ta' ekwità mis-sajjieda, fir-rigward tar-regolarità, il-frekwenza, id-durata, is-severità, ir-reqqa, l-effikaċja u l-metodi tal-kontroll tas-sajd fl-Ewropa, u jenħtieġ trattament ugwali u mhux diskriminatorju;

E.  billi l-isforzi ta' kontroll tas-sajd għandhom neċessarjament jiddependu fuq il-parteċipazzjoni sħiħa u attiva tas-settur tas-sajd;

F.  billi sistema bbażati fuq il-punti tippenalizza lill-bastimenti tas-sajd, u mhux lis-sidien tal-bastimenti, lis-sajjieda jew lil persuni oħra tul il-katina kollha tal-produzzjoni;

G.  billi s-settur tas-sajd huwa attur ewlieni fil-ġestjoni sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani;

H.  billi, indipendentement mill-varjazzjonijiet reġjonali possibbli, jeżistu differenzi sostanzjali fl-applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej fl-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-regolament dwar il-kontroll, u billi kull Stat Membru għandu s-sistema legali distinta tiegħu kif ukoll strutturi amministrattivi u ġudizzjarji differenti, li huma inevitabbilment riflessi fis-sistemi ta' penalitajiet amministrattivi u/jew kriminali għan-nuqqas ta' osservanza tar-regoli tal-PKS u fil-fatt li dawn is-sistemi jwasslu għal diskrepanzi u inġustizzja minn Stat Membru għal ieħor;

I.  billi ġew identifikati riskji fil-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ta' spezzjoni mhux dejjem ikollhom aċċess għal data rilevanti sabiex jispezzjonaw il-bastimenti barranin b'mod effettiv, u billi l-approċċi differenti għall-kontrolli u s-sanzjonijiet joħolqu problemi għall-Istati Membri meta dawn isegwu l-ksur misjub mal-istati tal-bandiera;

J.  billi hemm bżonn ta' kontrolli aktar stretti fuq il-prodotti li jidħlu fl-UE minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u hemm bżonn li jiġi garantit livell ekwivalenti ta' kontroll fuq tali sajd fl-Istati Membri kollha;

K.  billi l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tas-sanzjonijiet korrispondenti hija r-responsabilità tal-Istati Membri;

L.  billi xi Stati Membri m'għandhomx unitajiet speċjalizzati ta' spetturi tas-sajd;

M.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li ġiet stabbilita biex tippromwovi l-ogħla standards ta' kontroll komuni taħt il-politika komuni tas-sajd, taqdi rwol effikaċji fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' kontroll, minkejja r-riżorsi limitati għad-dispożizzjoni tagħha;

N.  billi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jista' jikkontribwixxi għat-titjib u l-modernizzazzjoni tal-kontroll tas-sajd, b'mod partikolari permezz tal-linji baġitarji tiegħu 11–06–62–02 (kontroll u infurzar tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u tal-Politika Marittima Integrata (PMI)) u 11–06–64 (Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd);

O.  billi l-projbizzjoni ta' rimi ta' ħut ġiet implimentata u, fil-prattika, hija ħarxa b'mod inġust għall-operaturi tas-sajd peress li, minkejja li l-operaturi jużaw għodod u strumenti li huma permessi skont il-liġi tal-UE u jużaw kull mezz possibbli biex jevitaw il-qabdiet inċidentali, huma jaf jiġu kkastigati minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-qabdiet jaqbżu l-ammont massimu permess mil-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali;

P.  billi t-tekniki u t-tagħmir użat għas-sajd inbidlu u evolvew, u s-sistemi u t-tekniki użati għall-monitoraġġ jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati sabiex ikunu effiċjenti; ifakkar li l-FEMS jista' jintuża għal dan il-għan;

Q.  billi l-obbligu ta' ħatt huwa kwistjoni ewlenija fir-rigward tal-kontroll, kwistjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari mil-leġiżlatur u l-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll;

R.  billi t-teknoloġiji tat-traċċar mill-bogħod bi ftit spejjeż, bħas-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS), jippermettu kontroll volontarju u jikkontribwixxi biex jiffaċilitatw il-monitoraġġ u s-sigurtà tas-sajjieda;

S.  billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u l-kummerċ tal-qabdiet li jirriżultaw minnu, jikkostitwixxu attività kriminali fuq skala globali;

T.  billi l-irkanti tal-ħut jaqdu rwol vitali fl-industrija tal-frott tal-baħar, u għandhom rwol ċentrali fil-kontroll tal-ħut li jinħatt;

U.  billi l-Istati Membri għandhom sistemi legali differenti, u billi l-evidenza miġbura għandha tkun ammissibbli u li tista' tintuża f'dawn is-sistemi differenti, li huma speċifiċi għal kull Stat Membru li jipprosegwixxi;

V.  billi l-aħjar alleati biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-Kontroll huma sajjieda mħarrġa sew u mħeġġa, li jifhmu l-benefiċċji ta' dawn il-kontrolli u jirrispettawhom b'mod attiv;

I – Diżinċentivi għall-uniformità

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-attivitajiet tas-sajd, sabiex ikun garantit sfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u jinżammu kundizzjonijiet ekwi fost il-flotot tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Kontroll;

2.  Jenfasizza li l-ġlieda ambizzjuża tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat mad-dinja kollha għandha timxi id f'id ma' applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Kontroll fl-ibħra tagħna stess;

3.  Jenfasizza d-diversità tal-kampijiet ta' applikazzjoni tal-kontrolli u d-disparità bejn il-postijiet ta' spezzjoni, u n-natura diskriminatorja tal-kontrolli tas-sajd li tirriżulta, billi xi Stati Membri jorganizzaw kontrolli matul il-katina kollha tal-sajd filwaqt li oħrajn jiffukaw biss fuq ċerti punti tal-katina u jeskludu aspetti relatati mat-trasport tal-qabdiet jew mal-forniment tal-ikel, pereżempju;

4.  Jirrikonoxxi t-titjib sinifikanti fis-sistema ta' kontroll li ġab miegħu r-Regolament dwar il-Kontroll attwali, flimkien mar-regolamentazzjoni dwar sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, f'termini ta' konsolidazzjoni ta' bosta regolamenti preċedenti separati, l-introduzzjoni tal-possibilità li jintużaw teknoloġiji ġodda, passi preliminari lejn l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet, kjarifika tar-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, titjib fit-traċċabilità u avvanzi oħra;

5.  Ifakkar li l-aċċettazzjoni tar-regolamenti min-naħa tas-sajjieda hija influwenzata minn jekk l-effetti ta' implimentazzjoni jitqiesux ġusti, jekk ir-regolamenti imposti jitqiesux li jagħmlu sens u jekk hemmx kompatibilità bejn ir-regolamentazzjoni u x-xejriet u l-prattiki tradizzjonali tas-sajd;

6.  Iqis li hemm bżonn li jiġu ċċarati, ikklassifikati u stabbiliti standards għas-sajd fiż-żoni marittimi differenti;

7.  Jinnota d-diversità fl-organizzazzjoni tal-kontrolli, billi xi Stati Membri jaqsmuhom bejn amministrazzjonijiet differenti waqt li oħrajn iħalluhom f'idejn korp wieħed, u jinnota wkoll id-diversità tal-istrumenti, l-għodda u r-riżorsi umani, loġistiċi u finanzjarji li jintużaw biex jitwettqu tali kontrolli; jinnota wkoll li dawn iċ-ċirkustanzi jagħmluha diffiċli li tiġi żgurata t-trasparenza fil-ġestjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;

8.  Jinnota li l-effettività tal-kontrolli tvarja wkoll minħabba d-diversità immensa taż-żoni tas-sajd fl-UE, li jibdew minn żoni dojoq u limitati, fejn ir-riżorsi tas-sajd huma essenzjalment kondiviżi ma' Stati Membri ġirien, sa żoni remoti u mbiegħda ħafna; iqis li l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, li ż-żoni ekonomiċi esklużivi vasti u eminentement oċeaniċi tagħhom, flimkien mat-tip ta' stokkijiet ta' ħut sfruttati (l-aktar speċijiet tal-baħar fond u ħut pelaġiku migratorju ħafna) u n-nuqqas ta' riżorsi alternattivi, jixirqilhom b'mod ċar miżuri ta' kontroll aktar stretti f'dawk ir-reġjuni, peress li dawn jiddependu ħafna fuq is-sajd u huma vulnerabbli ħafna għall-ħsara estrema kkawżata mill-flotot li hu magħruf li jiksru r-regoli tal-PKS;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u sew ir-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex ikollhom stampa ċara ta' liema partijiet jeħtieġ li jittejbu fir-reviżjoni li jmiss u biex b'hekk jiżguraw Regolament dwar il-Kontroll li jkun funzjonali u applikabbli faċilment għall-ġejjieni wkoll;

10.  Jinnota differenza fl-approċċ bejn il-kontrolli bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontrolli aleatorji fuq l-attività tas-sajd u fuq il-kanali tal-kummerċjalizzazzjoni għall-qabdiet;

11.  Jinnota li l-kumplessità attwali tal-miżuri tekniċi u l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet, possibilment kontradittorji wkoll, li jinkludi diversi derogi u eċċezzjonijiet kif ukoll dispożizzjonijiet mxerrda fuq firxa ta' testi legali differenti, tagħmilha diffiċli mhux biss biex dawn jinftiehmu, iżda wkoll biex jiġu kkontrollati u infurzati;

12.  Ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-kontrolli aleatorji jitwettqu fil-ħin tal-ħatt, filwaqt li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar apparentement juru rata ta' ksur ogħla minn dawk li jitwettqu fuq l-art, peress li dawn huma bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju;

13.  Ifakkar li, minħabba li l-obbligu tal-ħatt għas-sajd jikkostitwixxi bidla fundamentali, ir-Regolament Omnibus ((UE) Nru 812/2015) jipprevedi perjodu ta' adattament ta' sentejn qabel ma l-ksur tal-obbligu tal-ħatt jitqies bħala ksur serju; jitlob li dak il-perjodu jiġi estiż jekk ikun meħtieġ;

14.  Jinnota li l-Istati Membri, u xi kultant anke r-reġjuni, jittrasponu r-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali b'modi differenti minħabba l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet fakultattivi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; jenfasizza d-diffikultajiet fl-infurzar fil-prattika ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li r-regolamenti ma tantx jistgħu jiġu adattati għar-realtà, pereżempju minħabba l-karatteristiċi li jiddefinixxu s-settur tas-sajd (il-flotta, it-tagħmir tas-sajd, iż-żoni tas-sajd u l-ispeċijiet fil-mira), li jvarjaw konsiderevolment bejn baċir tal-baħar, Stat Membru jew żona tas-sajd u ieħor/oħra, jew minħabba l-kontradizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal diversi interpretazzjonijiet differenti mill-ispetturi;

15.  Jinnota li l-livell ta' ksur ivarja minn Stat Membru għal ieħor u li, għall-istess ksur, is-sanzjoni tista' tkun jew ta' natura amministrattiva jew waħda penali; isostni li s-sistema ta' liċenzja tas-sajd ibbażata fuq il-punti, fejn jitnaqqsu punti għal nuqqas ta' osservanza, hija rilevanti bħala strument Ewropew li jista' jipprovdi qafas għas-sanzjonijiet għal ksur serju, iżda li mingħajr l-uniformità neċessarja taggrava sitwazzjoni diġà inugwali li tinvolvi inekwitajiet fost l-operaturi fl-Istati Membri; jitlob li tali differenzi fis-sanzjonijiet jiġu evitati;

16.  Jinnota li n-nuqqas ta' fiduċja u trasparenza bejn l-Istati Membri huwa waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għan-nuqqas ta' kondiviżjoni tad-data fir-rigward tar-regolamentazzjoni; iħeġġeġ li tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni sabiex ikunu żgurati u provduti kundizzjonijiet ugwali għas-sajjieda kollha;

17.  Ifakkar li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tiżgura l-applikazzjoni ta' standards komuni ta' kontroll, spezzjoni u sorveljanza, u tiffaċilita l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri permezz ta' pjanijiet konġunti ta' tnedija; itenni l-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd sabiex jiġu stabbiliti operazzjonijiet konġunti għall-kontroll tas-sajd li jagħmluha possibbli li tittieħed azzjoni koordinata effiċjenti minn bosta awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u mill-aġenziji tal-UE li jwettqu dmirijiet tal-gwardja tal-kosta fil-livell tal-UE; jitlob li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tiddedika aktar riżorsi għal dan il-kompitu;

18.  Iqis li l-implimentazzjoni min-naħa tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ta' "kurrikulu ewlieni" tat-taħriġ għall-ispetturi tas-sajd hija punt ta' tluq essenzjali għall-istandardizzazzjoni tal-proċeduri ta' taħriġ u kontroll u jistieden lill-Istati Membri kollha jużawh; jinnota li l-Istati Membri, jekk mhux b'mod volontarju, m'għandhomx l-istess standards ta' taħriġ, jiġifieri l-kontenut tal-kwalifiki, ir-reklutaġġ u l-objettivi huma differenti;

19.   Jinnota li s-sajjieda jitħarrġu u jiġu infurmati b'mod differenti minn Stat Membru għal ieħor u li ma ġiet applikata l-ebda għodda li tissimplifika l-miri u s-sustanza tar-Regolament dwar il-Kontroll jew li tagħmlu aktar aċċessibbli; huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni twassal għal nuqqas ta' kuxjenza li huwa diżinċentiv kbir għall-applikazzjoni uniformi mixtieqa ta' din il-leġiżlazzjoni; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-implimentazzjoni ta' dawn l-għodda malajr kemm jista' jkun;

20.  Jinnota li anke jekk il-konsumaturi, matul is-snin, saru aktar konxji dwar l-oriġini u l-identifikazzjoni ta' dak li jixtru, bis-saħħa ta' kampanja mifruxa ta' sensibilizzazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-istess konsumaturi ma jistgħux jiksbu informazzjoni xierqa dwar il-prodotti tal-ħut li jservuhom fir-ristoranti, peress li m'hemm l-ebda rekwiżit mandatorju għal din l-aħħar ħolqa fil-katina kummerċjali;

21.  Jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' monitoraġġ u ta' trażmissjoni u komunikazzjoni ta' informazzjoni f'ħin reali huwa essenzjali għat-titjib tas-sorveljanza marittima; jitlob li l-istrumenti użati mill-Istati Membri jsiru teknikament kompatibbli, u li jiġu kondiviżi parzjalment il-bażijiet tad-data relatati mal-kontroll u li d-disparità u t-telf ta' effiċjenza li jirriżultaw jiġu skoraġġuti;

22.  Jinnota li ma saret l-ebda valutazzjoni dwar in-nuqqas ġenwin ta' eżegwibilità ta' ċerti regoli li jirriżulta mil-livelli teknoloġiċi differenti tal-bastimenti, mil-loġistika fil-post u mill-organizzazzjoni tas-settur f'portijiet differenti;

23.  Jenfasizza r-rwol tal-FEMS, b'mod partikolari permezz tal-baġit tiegħu dedikat għall-kontroll tal-objettivi tal-PKS, li jammonta għal EUR 580 miljun għall-perjodu 2014–2020;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq uniku jkun uniformi u li r-rekwiżiti ta' kontroll jiġu osservati b'mod ekwivalenti fl-Istati Membri, b'livell uniformi ta' kwalità fil-kontrolli interni u esterni fl-Istati Membri u bl-ebda varjazzjoni fuq il-bażi tal-fruntiera minn fejn il-prodotti jidħlu fl-UE;

II – Proposti għal titjib

25.  Huwa favur is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll it-tnaqqis fil-piż amministrattiv bil-ħsieb li jinkiseb "leġiżlar aħjar", b'mod partikolari permezz ta' reviżjoni limitata u mmirata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, li hija skedata għall-2017 u mistennija sa mhux aktar tard minn din id-data, filwaqt li jinżammu regoli effettivi li jkunu jistgħu jevitaw, jidentifikaw u jissanzjonaw ksur tal-PKS, u li primarjament jiffokaw fuq implimentazzjoni aħjar tan-normi bejn l-Istati Membri differenti, permezz tar-riċerka dwar, b'mod partikolari, armonizzazzjoni akbar, dment li din is-simplifikazzjoni tkun ibbażata fuq il-qafas ta' kontroll b'saħħtu eżistenti u ma tinvolvix tnaqqis fl-ogħla standards ta' protezzjoni fir-rigward tax-xogħol, l-ambjent, it-trejdjunjins u s-soċjetà;

26.  Iqis li hija meħtieġa sistema ta' kontroll soda u armonizzata għar-reġjonalizzazzjoni prevista fil-PKS il-ġdida; jopponi bil-qawwa li r-Regolament dwar il-Kontroll jiddgħajjef, u jemmen li l-Istati Membri diġà jistgħu jużaw il-flessibilità li jipprovdi l-qafas eżistenti;

27.  Jitlob li l-istituzzjonijiet Ewropej jaħdmu flimkien mas-settur tas-sajd f'din ir-reviżjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-sajd kostali tradizzjonali fuq skala żgħira, li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għandha tfittex li tissalvagwardja u tippromwovi;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru diskussjonijiet mad-diversi awtoritajiet nazzjonali, tar-reġjuni ultraperiferiċi u dawk reġjonali fil-ħolqien jew ir-reviżjoni ta' strumenti legali;

29.  Jiddikjara li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri tkun mezz lejn aktar armonizzazzjoni tal-kontrolli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-grupp ta' esperti dwar l-osservanza tal-obbligi skont is-sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni;

30.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq l-ambjent legali u operattiv qabel ma jiġu implimentati regoli obbligatorji, biex b'hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet paradossali;

31.  Iqis li l-Kummissjoni trid tara li jkun hemm traspożizzjoni uniformi u preċiża u tivverifika l-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, pereżempju billi tistabbilixxi perċentwal minimu ta' konsenji li għandhom jiġu kkontrollati minn kull Stat Membru; jemmen, barra minn hekk, li l-proċeduri ta' kontroll għandhom ikunu trasparenti, imparzjali u standardizzati, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitqiegħdu fuq livell ugwali fir-rigward tal-kontrolli tas-sajjieda tagħhom, u li r-regoli dwar il-kontroll għandhom ikunu aktar sempliċi, u aktar komprensivi u konsistenti;

32.  Jirrakkomanda tisħiħ tal-kontrolli sabiex ma jitħalliex li jiġi importat ħut minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat permezz ta', fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' timijiet nazzjonali ta' intelliġenza magħmula minn spetturi tas-sajd speċjalizzati, li huma l-aħjar nies kwalifikati biex jindividwaw ir-riskji, u l-istabbiliment ta' perċentwal minimu ta' konsenji li għandhom jiġu kkontrollati;

33.  Jemmen li hemm bżonn tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data ta' kwalità tajba fir-rigward tal-obbligu tal-ħatt, sabiex tiġi kkontrollata u vvalutata l-effettività tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt u sabiex il-ġbir tad-data jsir konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-PKS reveduta;

34.  Jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-kontroll tas-sajd tal-baħar rispettivi tagħhom jistabbilixxu timijiet ta' spetturi tas-sajd speċjalizzati; jappoġġja u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni miżjuda bejn l-Istati Membri permezz ta' skambji ta' spetturi, ta' metodi u ta' data dwar il-kontrolli, il-kondiviżjoni tal-analiżijiet tar-riskju u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kwoti ta' bastimenti bil-bandiera;

35.  Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll; jistieden lill-Istati Membri josservaw l-obbligi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin sabiex jiskambjaw il-prattiki tajba u d-data u jagħmlu possibbli l-interoperabilità tas-sistemi ta' kontroll;

36.  Iqis li applikazzjoni uniformi u prevedibbli tat-tipi differenti ta' spezzjonijiet possibbli, permezz ta' definizzjoni sħiħa, armonizzazzjoni u spjegazzjoni ta' dawn l-ispezzjonijiet, għandha tgħin biex ikun hemm il-kundizzjonijiet ekwi neċessarji fost l-attivitajiet tas-sajd tal-UE kollha;

37.  Jinnota li f'ċerti reġjuni il-baċiri jiġu ġestiti b'mod konġunt ma' pajjiżi barra l-UE, u jitlob li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux membri tiġi intensifikata;

38.  Jemmen li l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Kummissjoni jeħtieġ li jaħdmu f'kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib;

39.  Jitlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u lill-istituzzjonijiet ta' taħriġ fl-Istati Membri jimplimentaw kurrikulu Ewropew uniformi ta' taħriġ għall-ispetturi tas-sajd, imsejjes fuq sillabu komuni u regoli standardizzati, u li parti mill-fondi għalih tista' tiġi mill-FEMS;

40.  Jitlob li l-kurrikulu ewlieni tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jiġi tradott u jitqassam b'mod wiesa', pereżempju permezz ta' taħriġ dwar l-applikazzjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali, bl-għajnuna tal-FEMS; jipproponi li dan il-manwal jiġi ssupplimentat b'eżempji ta' prattiki tajba mill-ispetturi;

41.  Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati u ċertifikati l-inizjattivi ta' taħriġ dwar il-kontroll provduti minn partijiet terzi;

42.  Jipproponi li jittejbu t-taħriġ u l-informazzjoni għas-sajjieda, li t-tnejn li huma jistgħu jiġu inkorporati fl-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom u fil-gruppi ta' azzjoni kostali, bil-għan li jitjieb il-fehim tagħhom tal-iskop u l-importanza ġenerali tar-regolamenti u b'hekk tissawwar kultura ta' fehim u osservanza ta' dawn ir-regoli; jirrakkomanda konsultazzjoni effettiva mal-kunsilli konsultattivi għal dan il-għan; jipproponi li jinħolqu bażijiet ta' data onlajn għad-dokumenti u l-informazzjoni relevanti għas-sajd (inkluż dwar is-sistema ta' punti ta' penalità), safejn dan huwa permess mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex ir-regolamenti jkunu aċċessibbli biex jinqraw u jinftiehmu minn kulħadd; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta il-korsijiet ta' taħriġ eżistenti għas-sajjieda futuri fl-Ewropa u biex tinforma dwar il-konklużjonijiet tagħha permezz ta' komunikazzjoni;

43.  Jissuġġerixxi li l-idea ta' reġistru elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (is-'single desk') tiġi eżaminata, flimkien ma' mudelli lesti biex jiġu stampati jew mudelli elettroniċi għall-ispezzjonijiet u għaċ-ċentralizzazzjoni tar-rapporti tal-ispezzjonijiet; jinnota li dan ir-reġistru elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jista' jintuża wkoll għar-riċeviment u ċ-ċentralizzazzjoni ta' ċertifikati tal-qbid maħruġa mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi;

44.  Jipproponi li jittejbu s-sistemi pubbliċi ta' komunikazzjoni użati mill-aġenziji ta' kontroll, u jenfasizza l-importanza li l-ħidma mwettqa u r-riżultati miksuba jitqassmu perjodikament u li tiġi provduta informazzjoni fuq bażi permanenti dwar ir-regoli applikati għar-riżorsi tal-ħut, bħal daqsijiet minimi u għeluq temporali u spazjali;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, b'mod partikolari l-baġit tagħha, il-kompetenzi u r-riżorsi umani tagħha; jissuġġerixxi li jiġu reveduti l-kundizzjonijiet ta' intervent imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u, b'mod partikolari, li l-Aġenzija tingħata d-dritt li tintervjeni fir-rigward tar-riżorsi tas-sajd li jkunu qed jiġu sfruttati żżejjed u dawk li jkunu għadhom ma laħqux r-rendiment massimu sostenibbli;

46.  Jenfasizza l-importanza li jiġu nfurzati u jissaħħu l-kontrolli, speċjalment fl-Istati Membri li s'issa wrew implimentazzjoni dgħajfa tar-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali, jiġu osservati r-regoli tal-PKS u tissaħħaħ il-kwalità tad-data miksuba;

47.  Ifakkar fl-importanza tal-kapaċità li jiġu skambjati data fil-ħin reali, speċjalment matul l-operazzjonijiet ta' kontroll li jsiru mill-Aġenzija flimkien mal-Istati Membri u kkoordinati mill-Aġenzija permezz ta' pjanijiet konġunti ta' tnedija;

48.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-preżenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd qrib l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

49.  Jissuġġerixxi li mill-anqas żewġ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fil-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija, li fih diġà hemm sitt rappreżentanti mill-Kummissjoni u wieħed minn kull Stat Membru, li din ir-rappreżentanza jkollha parità ta' kompożizzjoni (l-istess numru ta' nisa u rġiel) u li dawn jinħatru mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament minn fost il-membri tiegħu;

50.  Jirrakkomanda li jiżdiedu l-kontrolli – pereżempju billi jiġi estiż il-monitoraġġ – sabiex tkun koperta l-katina sħiħa tal-produzzjoni, u li r-responsabilità għall-kontroll fuq il-baħar tiġi assenjata lil korp amministrattiv wieħed, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontrolli, ħaġa li taħli r-riżorsi umani, loġistiċi u finanzjarji u toħloq konfużjoni u pressjoni bla bżonn fuq dawk li joperaw fis-settur tas-sajd; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm kollaborazzjoni formali bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri sabiex il-katina kollha tal-produzzjoni tal-ħut tkun tista' tiġi kkontrollata b'mod effettiv;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddetermina jekk hux xieraq li l-punti ta' penalità jiġu marbuta mal-liċenzji tas-sajd; jenfasizza li b'din is-sistema, il-punti jiġu trasferiti mal-liċenzja meta l-bastiment jinbiegħ, ħaġa li tista' tnaqqas il-valur tal-bastimenti f'xi każijiet u tista' għalhekk timpedixxi l-bejgħ mill-ġdid tagħhom, pereżempju għal sajjieda żgħażagħ li jkunu jixtiequ jibdew fin-negozju;

52.  Jirrakkomanda l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi bil-għan li jinkiseb konsum aktar konxju u responsabbli fir-ristoranti, mingħajr ma jiġi eskluż rekwiżit obbligatorju li min imexxi r-ristoranti jagħtu minimu ta' informazzjoni dwar il-prodotti, filwaqt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw kontroll indirett;

53.  Jipproponi spezzjonijiet komunitarji jew reġjonali awtonomi għall-ilmijiet interni, spezzjonijiet nazzjonali għas-sajd fil-baħar sa 12-il mil nawtiku u spezzjonijiet tal-UE għall-ilmijiet l-oħra kollha;

54.  Huwa tal-fehma li l-kontrolli bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskji għandhom ikunu bbażati fuq lista ta' kriterji minimi trasparenti, speċifiċi u miżurabbli li jiġu definiti fil-livell Ewropew;

55.  Jitlob li s-sanzjonijiet jiġu standardizzati filwaqt li jinżammu f'livell li jkun proporzjonat u nondiskriminatorju u li jaġixxi ta' deterrent; jippreferi sanzjonijiet ekonomiċi, inklużi sospensjonijiet temporanji tal-attività, milli sanzjonijiet penali, iżda jqis ukoll li, kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandha tingħata preferenza għall-inċentivi lis-sajjieda li josservaw ir-regoli tal-PKS sabiex jiġi evitat il-ksur;

56.  Ifakkar li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għas-sanzjonijiet u li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex il-kompetenza legali biex timponi l-istandardizzazzjoni tagħhom permezz tar-Regolament 1224/2009; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, lejn l-importanza tas-sistema ta' punti biex jiġi provdut qafas għas-sanzjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-inizjattiva għal standardizzazzjoni estensiva tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari ta' dawk penali, sabiex jintemmu l-inugwaljanzi li jeżistu bħalissa;

57.  Huwa tal-fehma li s-sistema tal-qabdiet inċidentali fil-verità twassal għal responsabilità oġġettiva u totali għall-operaturi tas-sajd, li jinżammu responsabbli anke jekk dawn ikunu aġixxew b'osservanza sħiħa tal-liġi u bl-akbar diliġenza biex jevitatw il-qabdiet inċidentali;

58.  Jemmen li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea huma inkompatibbli ma' sistema fejn individwu jinżamm responsabbli oġġettivament għal xi ħaġa li huwa ma jkun għamel la b'negliġenza u lanqas b'intenzjoni;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp ta' penalità armonizzata ta' livell minimu applikabbli għal ksur serju u/jew imġiba illegali repetuta;

60.  Jirrakkomanda li jiġu imposti sanzjonijiet eħrex għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

61.  Jitlob li jinħolqu mekkaniżmi li jissotolinjaw l-eżempji tajba sabiex tiżdied l-osservanza;

62.  Iqis li l-interpretazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet, li twassal għal penalità għall-qbiż tal-limitu għall-qabdiet inċidentali mingħajr lanqas ma tqis in-nuqqas ta' negliġenza jew intenzjoni meta wieħed ikun qed jaġixxi b'mod leċitu, b'mod ċar tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minquxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat UE bħala dritt primarju;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida li jistgħu jiġu applikati u mifhuma faċilment sabiex ikun evitat it-trattament inugwali bejn l-Istati Membri, speċjalment meta, billi jirrapportaw il-qabdiet inċidentali b'mod volontarju, l-operaturi tas-sajd ikunu qed juru li huma aġixxew b'bona fede u li l-qabdiet kienu kompletament imprevedibbli;

64.  Hu tal-fehma li l-fatt li l-atturi jingħataw għajnuna biex jinvestu f'teknoloġija u tagħmir moderni u kompatibbli minn Stat Membru għal ieħor u li jistgħu jiġu aġġornati faċilment se jagħmel il-kontrolli aktar ġusti, aktar ibbilanċjati u aktar effiċjenti;

65.   Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' finanzjament biex jiżdied l-użu ta' teknoloġiji li ma jiswewx ħafna flus sabiex ikun possibbli kontroll volontarju u jiżdiedu l-monitoraġġ u s-sikurezza tas-sajjieda, partikolarment fis-sajd artiġjanali fuq skala żgħira;

66.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji elettroniċi (ir-rappurtar elettroniku u s-sistemi ta' monitoraġġ elettroniku) li jirrappreżentaw mezz potenzjalment ekonomiku biex titwessa' l-osservazzjoni tal-attivitajiet fuq il-baħar;

67.  Jiddikjara l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe sistema obbligatorja ta' vidjosorveljanza abbord;

68.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' osservazzjoni tad-dinja, bħas-satelliti Sentinel, ikun ta' benefiċċju fil-kontroll tas-sajd;

69.  Jirrakkomanda li jiġu applikati kontrolli ekwivalenti għall-prodotti importati tas-sajd, għas-sajd mal-kosta u għas-sajd rikreattiv, kif ukoll għall-flotta tas-sajd tal-UE li tistad f'ilmijiet mhux tal-UE u għall-flotot ta' pajjiżi mhux tal-UE li jistadu fl-ilmijiet tal-UE, sabiex jiġi żgurat li s-suq Ewropew kollu jkollu livell ekwivalenti ta' aċċess; jipproponi li l-iskambju tad-data jsir obbligatorju fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

70.  Isostni li l-mezzi baġitarji disponibbli, b'mod partikolari fil-qafas tal-FEMS, għandhom ikunu realistiċi, konsistenti, u suffiċjenti biex jinkisbu l-objettivi tal-kontrolli;

71.  Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-eżistenza kontinwa, notevolment permezz tal-finanzjament mill-FEMS, tal-irkanti tal-ħut li huwa vitali għat-territorji, peress li dan jikkontribwixxi għat-trasparenza u t-traċċabilità, u jiffaċilita l-kontroll tas-sajd;

72.  Jappoġġja l-inklużjoni tal-impatt tas-sajd rikreattiv fil-verżjoni reveduta tar-Regolament dwar il-Kontroll;

73.  Jitlob li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ, trażmissjoni ta' informazzjoni u analiżi ta' data li tkun kompatibbli fl-Unjoni kollha; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-qafas għall-iskambju tad-data u tal-informazzjoni, bi qbil mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza li qafas trasparenti għall-iskambju tad-data u l-informazzjoni huwa kruċjali biex jiġi aċċertat jekk hemmx kundizzjonijiet ekwivalenti;

74.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt għandu jkun akkumpanjat minn livell xieraq ta' flessibilità fir-rigward tal-kontroll tiegħu, peress li l-bidliet fundamentali imposti minn dan l-obbligu fuq is-sajd għandhom jitqiesu, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd għal speċijiet differenti; itenni l-importanza li s-sanzjonijiet u s-sistema tal-punti jiġu applikati progressivament f'każ ta' ksur serju marbut man-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu tal-ħatt, f'konformità mar-Regolament 2015/812 dwar l-obbligu tal-ħatt;

75.  Jisħaq li l-informazzjoni dwar jekk l-Istati Membri hux qed jissanzjonaw tipi differenti ta' ksur, kif qed jagħmlu dan, u jekk is-sanzjonijiet humiex qed jiġu applikati b'mod konsistenti, irrispettivament mill-bandiera tal-bastiment, trid tkun disponibbli għall-partijiet konċernati u għall-pubbliku, filwaqt li trid tiġi rrispettata bis-sħiħ il-privatezza ta' dawk involuti;

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0083.


NOTA SPJEGATTIVA

Ħafna drabi nisimgħu s-sajjieda jiddispjaċihom mill-fatt li l-kontroll tas-sajd huwa ħafna iżjed strett għalihom milli għall-"ġar" tagħhom, kemm jekk dan ikun Stat Membru ieħor jew f'tip ieħor ta' sajd. Is-sajjieda kullimkien jgħidu wkoll li jipprattikaw il-professjoni l-aktar kkontrollata fost il-professjonijiet kollha. Dan is-sens ta' inġustizzja joħloq mistoqsija serja: dik dwar l-uniformità tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u allura l-effikaċja tagħha. Għaliex jekk huwa possibbli li wieħed jissuspetta li r-regoli mhumiex qed jiġu applikati bl-istess rigorożità, hemm il-biża' li se naslu għal sitwazzjoni fejn ir-regola ma tibqax tiġi irrispettata minħabba li mhix l-istess għal kulħadd.

Ftit xhur qabel ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-kontroll tas-sajd, li wieħed kien jittama li ssir wara r-riforma tal-politika komuni tas-sajd (PKS), u bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art, huwa utli li l-Kumitat għas-Sajd jindirizza dan is-suġġett. L-objettiv huwa doppju: li jiġu identifikati n-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-regoli li jwasslu għal dan is-sens ta' inekwità u li jiġu proposti soluzzjonijiet biex titjieb l-armonizzazzjoni tal-kontroll tal-politika komuni tas-sajd, minkejja li hija waħda mill-politiki l-aktar integrati fl-Ewropa.

I. L-approċċ segwit mir-rapporteur

Ir-rapporteur ibbażat ruħha fuq għadd ta' missjonijiet sabiex tiltaqa' u tiskopri realtajiet differenti fil-qasam tal-kontroll tas-sajd u utilizzat id-diversi żjarat biex tagħti sustanza lil dan ir-rapport (f'Vigo fi Spanja, fejn tinsab notevolment l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, f'Kiel fil-Ġermanja, f'Ġenova fl-Italja, f'Ostend fil-Belġju, f'Lorient u f'Etel fil-Brittanja, f'Boulogne-sur-Mer fit-Tramuntana ta' Franza).

Waqt iż-żjarat tagħha, iżda wkoll fi Brussell, ir-rapporteur setgħet tagħmel skambji ma' bosta sajjieda, rappreżentanti tal-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd, kif ukoll kontrolluri nazzjonali u reġjonali.

Ir-rapporteur bdiet ukoll smigħ fil-Kumitat għas-Sajd li għalih ġew mistiedna d-direttur tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, kif ukoll persuni responsabbli mill-kontroll tas-sajd f'diversi Stati Membri: il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Irlanda.

II. Konklużjonijiet prinċipali tar-rapporteur

Dan ir-rapport jagħmilha possibbli li jinġabar għadd ta' sejbiet, kif ukoll li jiġi fformulat għadd ta' rakkomandazzjonijiet.

1. Sejbiet dwar l-ostakli għall-armonizzazzjoni

– Kamp ta' applikazzjoni

Permezz taż-żjarat u l-laqgħat tagħha, ir-rapporteur setgħet tinduna bid-diversità kbira ħafna tal-kampi ta' applikazzjoni ta' kontroll, tal-proċeduri u tal-istrateġiji. Pereżempju, xi Stati Membri jikkontrollaw il-katina kollha tas-sajd permezz ta' korp ta' kontroll uniku, filwaqt li fi bnadi oħra l-korpi huma numerużi, u oħrajn jinkkonċentraw fuq xi partijiet tal-katina tal-provvista tal-prodotti tal-baħar.

– Taħriġ

Kull Stat Membru jistabbilixxi t-taħriġ tiegħu stess tal-kontrolluri tas-sajd, is-sistemi tiegħu ta' referenza ta' taħriġ, l-għarfien meħtieġ u l-metodi ta' reklutaġġ tiegħu.

Barra minn hekk, it-taħriġ tas-sajjieda huwa differenti minn taħriġ għal ieħor u l-kwistjoni tal-kontroll u tas-sanzjonijiet donnha li ma tikkostitwixxix element fis-sistema ta' referenza tal-għarfien għas-sajjieda.

– Proċedura u metodi ta' kontroll

Kull Stat Membru għandu proċeduri ta' kontroll differenti. Minkejja li teżisti formola uniformi biex jiġi reġistrat il-ksur abbord bastiment, il-proċeduri ta' kontrolli jvarjaw. Għalhekk, pereżempju ma teżisti l-ebda sekwenza imposta għat-twettiq ta' kontroll. Il-possibilità ta' kontradizzjonijiet jew inapplikabilità tal-leġiżlazzjoni titħalla għall-evalwazzjoni tal-kontrolluri. Fl-aħħar nett, il-metodi ta' kontroll u l-għodod użati mhumiex neċessarjament l-istess.

Wieħed jinnota wkoll li l-Istati Membri, jew ir-reġjuni, jistgħu jittrasponu l-leġiżlazzjoni b'mod differenti minħabba għadd kbir ta' dispożizzjonijiet fakultattivi fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009; Jissemma' wkoll diversi drabi l-fatt li wħud mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ma jistgħux jiġu implimentati fil-prattika, jew għax ir-regoli mhumiex adatti għar-realtà jew inkella għax jeżistu kontradizzjonijiet, bħal dik fl-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament, ħaġa li tista' twassal għal interpretazzjonijiet differenti min-naħa tal-kontrolluri.

Barra minn hekk, il-metodu tal-kalkolu tar-riskji xi kultant huwa suġġettiv ħafna u mhux trasparenti wisq, u jista' jagħti lok għal mistoqsijiet min-naħa tal-professjonisti dwar ir-raġunijiet li wasslu għal kontrolli ripetuti.

Fl-aħħar nett, l-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd twettaq pjanijiet konġunti ta' tnedija li jippermettu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-Istati. Illum, il-mandat tal-Aġenzija biex twettaq proġetti konġunti huwa limitat għall-mandat ristrett wisq li jagħtuha l-Istati Membri, skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Il-baġit tal-Aġenzija, barra minn hekk, huwa żgħir wisq, u ta' min jinnota li l-PKS u r-Regolament Omnibus ġew adottati mingħajr dikjarazzjoni finanzjarja assoċjata għall-Aġenzija ta' Kontroll.

– Is-sanzjonijiet

Il-proċeduri ġudizzjarji u s-sanzjonijiet huma differenti fl-Unjoni Ewropea kollha: għall-istess ksur, is-sanzjoni tista' tkun ta' natura amministrattiva jew kriminali. Ta' min jinnota li fl-Istati Membri fejn is-sanzjoni hija kriminali, il-preżenza ta' sajjieda flimkien mal-persuni mixlija bi preġudizzju għall-persuni fiżiċi tidher bħala mhux xierqa u paradossali, peress li din is-sitwazzjoni twassal għal sanzjonijiet żgħar ħafna.

Donnu rikonoxxut li s-sanzjoni ekonomika, bħall-projbizzjoni ta' ħruġ fuq il-baħar, hija l-aktar effikaċji.

Il-permess bil-punti introdott fir-Regolament dwar il-kontroll tal-2009 huwa tentattiv ta' armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet għal ksur serju fil-livell Ewropew, permezz ta' sanzjonijiet ekonomiċi. L-implimentazzjoni tiegħu madankollu titlef il-valur minħabba l-interpretazzjoni differenti tal-Istati Membri, ħaġa li tikkawża nuqqas kbir ferm ta' adeżjoni tal-professjonisti, aggravat bit-trasferibilità tal-piena għall-bastimenti u mhux b'mod individwali, xenarju legali ġdid u li jmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet introdotti fil-FEMS jippermettu wkoll ir-rikors għal sanzjonijiet Ewropej.

– L-istrumenti (teknoloġiji u għodod)

L-istrumenti, l-għodod u l-mezzi finanzjarji użati biex jitwettqu l-kontrolli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Sfortunatament, l-inkompatibilità bejn ċerti strumenti jew teknoloġija użati mill-Istati tirriżulta f'telf ta' effikaċja. L-eżempju tad-diversità tat-teknoloġiji tal-ġurnali ta' abbord iqajjem il-kwistjoni tar-rikors għas-sejħiet għall-offerti fil-livell Ewropew. Wieħed jinnota wkoll li ċerti teknoloġiji użati qed jiqdiemu u ftit li xejn huma effikaċji, ħaġa li hija aktar ta' dispjaċir minħabba n-nuqqas ta' baġit allokat għall-modernizzazzjoni tat-teknoloġiji ta' kontroll.

– Il-ġbir ta' data

Il-bażijiet ta' data użati mill-Istati Membri mhux dejjem ikunu suġġetti għal kondiviżjoni, minkejja li din hija meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskji u għall-istrateġija ta' kontroll. Il-kunfidenzjalità ta' ċerti data li tingħata bħala raġuni tmur kontra l-armonizzazzjoni.

Ċerti amministrazzjonijiet ħolqu banek ta' data onlajn aċċessibbli għal kulħadd sabiex jinġabru b'mod partikolari d-data kollha dwar il-qbid, dwar l-irkaptu użat, u dwar il-prezzijiet li jintużaw. Din il-prattika għandha l-vantaġġ doppju li tippermetti li d-data tkun disponibbli meta tkun meħtieġa u li jiġi appoġġjat il-kontroll.

2. Il-proposti tar-rapport

– Armonizzazzjoni tal-kamp

Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti tiġi ssemplifikata, notevolment permezz tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 prevista għall-2017. Ir-Regolament eżistenti huwa tassew kumpless; pereżempju biex wieħed jifhem x'japplika għal pjan multiannwali, wieħed irid iwaħħal flimkien tuzzani ta' artikoli. Barra minn hekk, l-użu tal-forma kundizzjonali għandu jkun ipprojbit.

– Taħriġ

Jidher inevitabbli li jiġi implimentat taħriġ Ewropew għall-kontrolluri u li titħejja sistema unika ta' referenza fil-qasam tal-kontroll. It-taħriġ għas-sajjieda għandu wkoll jissaħħaħ. Dan jista' jiġi promoss u organizzat mill-organizzazzjonijiet professjonali sabiex jitjieb il-fehim tat-tifsira u tal-interess tar-regoli u tal-kontroll sabiex tiżdied il-kultura tal-konformità. Il-ħolqien ta' bażi ta' data onlajn li tagħmel ir-regoli aċċessibbli u li leġibbli għal kulħadd donnu wkoll urġenti, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 stess jimponi l-ħolqien ta' websajts għall-pubbliku li ma jeżistux kullimkien.

Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni mal-kumitati konsultattivi llum teżisti fuq il-karta iżda m'hiex effettiva, notevolment minħabba l-iskadenzi qosra ħafna għall-kumitati biex jirrispondu għall-konsultazzjonijiet. Huwa importanti li dawn il-kumitati jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, għaliex din hija l-garanzija li r-regoli u r-relevanza tagħhom jiġu aċċettati.

– Proċeduri u metodi

Il-proċeduri għandhom jiġu Ewropizzati u r-rwol tal-EFCA għandu jissaħħaħ, billi jiżdiedu il-mezzi tagħha u jitkabbar il-kamp ta' azzjoni tagħha. Illum taħt superviżjoni, wieħed jinnota progress reali kulfejn din tintervjeni permezz ta' pjanijiet konġunti ta' tnedija. Għalhekk ikun utli li din titħalla tintervjeni f'postijiet fejn il-koordinazzjoni tidher l-aktar relevanti, jiġifieri f'kull attività ta' sajd fejn il-qabdiet jikkonċernaw speċijiet taħt ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Fid-dawl tal-kompetenzi strateġiċi qawwija li għandu l-bord ta' amministrazzjoni tagħha, barra minn hekk, huwa inkomprensibbli li l-Parlament Ewropew ma jkunx irrappreżentat u jkun xieraq dan jiġi integrat.

Huwa wkoll importanti li l-proċeduri ta' kontroll ikunu trasparenti u standardizzati. F'dan is-sens, il-kontrolli bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskji għandhom jiġu identifikati u vvalutati b'mod trasparenti, u l-kriterji ta' riskju għandhom jiġu żviluppati fil-livell Ewropew.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-korpi differenti ta' kontroll jikkoordinaw bejniethom sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta' tellieqa għall-kontroll u sabiex jiġu rrazzjonalizzati l-operazzjonijiet.

– Sanzjonijiet

Huwa ta' importanza kbira li s-sanzjonijiet ikunu l-istess għal kulħadd skont il-ksur u li jiddaħħlu miżuri ta' inċentiv. Il-ħolqien ta' funzjoni ta' mħallef speċjalizzat fil-kwistjonijiet marittimi f'kull Stat Membru jkun l-ewwel pass f'dan is-sens.

– Modernizzazzjoni

Il-kontrolli jkunu aktar effettivi jekk il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jinvestu f'teknoloġiji moderni u kompatibbli bejniethom. B'hekk, il-monitoraġġ bis-satellita tal-bastimenti, pereżempju, jippermetti l-identifikazzjoni ta' ksur fuq l-art u l-immirar tal-interventi li għandhom isiru.

F'dan is-sens, il-mezzi baġitarji disponibbli, jiġifieri permezz tal-FEMS, għandhom ikunu koerenti mal-objettivi ta' kontroll u għandhom jippermettu l-inkoraġġiment tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa permezz tal-għodod tiegħu li l-politika ta' kontroll kollha kemm hi tista' tiġi modernizzata. Sfortunatament, il-FEMS, bl-allokazzjoni li għandu bħalissa, huwa insuffiċjenti.

– Data

Kemm fil-ħidma leġiżlattiva kif ukoll sabiex jitwettaq kontroll effikaċi, id-data huma kruċjali. Dawn jippermettu d-definizzjoni tal-istrateġiji, l-ottimizzazzjoni tal-effikaċja u l-immirar aħjar tal-attivitajiet tas-sajd, tal-bastimenti jew tal-prattiki l-aktar f'riskju. Għalhekk, huwa neċessarju li jinġabru data kompatibbli bejn l-Istati u li tiġi żgurata t-trażmissjoni tagħhom fuq l-art.

III. Konklużjoni

Bħala konklużjoni għal dan ir-rapport u taqsira tal-aspettattivi f'termini ta' armonizzazzjoni, ir-rapporteur kellha tittraskrivi mill-ġdid il-kwotazzjoni ta' sajjied: "Il-flotta tista' tassumi regolamentazzjoni aktar restrittiva, iżda ma jistax ikun li din ma tkunx l-istess għal kulħadd.”


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Diane Dodds, Linnéa Engström, João Ferreira, Carlos Iturgaiz, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Ole Christensen, Ian Duncan, Jens Gieseke, Maria Lidia Senra Rodríguez

Avviż legali