Proċedura : 2016/0089(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0236/2016

Testi mressqa :

A8-0236/2016

Dibattiti :

PV 14/09/2016 - 16
CRE 14/09/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2016 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0354

RAPPORT     *
PDF 793kWORD 374k
18.7.2016
PE 580.522v02-00 A8-0236/2016

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

(COM(2016)0171 – C8-0133/2016 – 2016/0089(NLE))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Ska Keller

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM(2016)0171 – C8-0133/2016 – 2016/0089(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0171),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0133/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0236/2016),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda     1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)  Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra sakemm sa dik id-data, skont l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni ma tkunx għamlet proposta biex tallokahom lil Stati Membri benefiċjarji oħra li qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta' emerġenza kkaraterizzata minn dħul f'daqqa ta' persuni.

(2)  Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja fil-proporzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni (jiġifieri, 12 764 applikant mill-Italja u 41 236 mill-Greċja) lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra sakemm sa dik id-data, skont l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni ma tkunx għamlet proposta biex tallokahom lil Stati Membri benefiċjarji oħra li qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn influss mhux mistenni ta' persuni.

Emenda    2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)  L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha żżomm is-sitwazzjoni rigward dħul massiv ta' migranti fl-Istati Membri taħt rieżami kostanti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif xieraq, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u tal-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni, kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri l-aktar esposti.

imħassar

Emenda    3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)  L-Artikolu 4(1c) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprevedi li 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati. Ir-rilokazzjoni hija definita fl-Artikolu 2(e) ta' dik id-Deċiżjoni bħala t-trasferiment ta' applikant mit-territorju tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni. Rilokazzjoni ma tinkludix ir-risistemazzjoni jew l-ammissjoni ta' persuni li jkollhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali minn pajjiż terz lejn it-territorju ta' Stat Membru.

Emenda     4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b)  Għandu jkun id-dover tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li żżomm is-sitwazzjoni rigward dħul massiv ta' ċittadini minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri taħt rieżami kostanti.

Emenda    5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)  Fis-7 ta' Marzu, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE qablu li jaħdmu abbażi ta' sensiela ta' prinċipji għal ftehim mat-Turkija, inkluż li jirrisistemaw, għal kull Sirjan riammess fit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor mit-Turkija fl-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti. Dawn il-prinċipji komplew jiġu żviluppati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi operazzjonali li jmiss fil-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni li talbet li jittieħdu l-passi meħtieġa biex xi wħud mill-impenji meħuda fl-ambitu tad-deċiżjonijiet ta' rikolazzjoni eżistenti jiġu ttrasferiti lejn l-iskema 1:1, speċjalment il-54 000 post kollu jew parti minnhom li attwalment mhumiex allokati.

(4)  Fis-7 ta' Marzu, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE, permezz ta' dikjarazzjoni, qablu li jaħdmu abbażi ta' sensiela ta' prinċipji għal ftehim mat-Turkija, inkluż li jirrisistemaw, għal kull Sirjan riammess fit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor mit-Turkija fl-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti. Din l-iskema ta' 1:1 għandha tiġi implimentata bl-għan li tipproteġi lis-Sirjani li qed jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni u b'rispett sħiħ għad-dritt li wieħed ifittex asil u l-prinċipju ta' non-refoulement minqux fil-liġi tal-Unjoni, fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u fil-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati.

Emenda    6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)   Huwa mistenni li r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, jew forom oħra ta' ammissjoni legali mit-Turkija skont skemi nazzjonali u multilaterali jtaffu l-pressjoni migratorja fuq l-Istati Membri li huma benefiċjarji tar-rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 billi jipprovdu mezz legali u sikur biex wieħed jidħol fl-Unjoni u billi jiskoraġġixxu d-dħul irregolari. Għalhekk, l-isforzi ta' solidarjetà tal-Istati Membri li jikkonsistu fl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jitqiesu fir-rigward tal-54 000 applikant għal protezzjoni internazzjonali msemmija hawn fuq. In-numru ta' persuni li jiġu ammessi minn Stat Membru b'dan il-mod mit-Turkija għandu jitnaqqas min-numru ta' persuni li għandhom jiġu rilokati fl-Istat Membru skont id-Deċiżjoni 2015/1601 fir-rigward ta' tali 54 000 applikant.

(5)  Huma meħtieġa r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, jew forom oħra ta' ammissjoni legali mit-Turkija taħt skemi nazzjonali u multilaterali fuq skala kbira biex itaffu l-pressjoni migratorja fuq l-Istati Membri billi jipprovdu mezzi legali u sikuri biex wieħed jidħol fl-Unjoni u billi d-dħul irregolari jagħmluh mhux meħtieġ. Għalhekk għandhom jiġu estiżi. Sal-lum, huma biss għadd minimu ta' rifuġjati Sirjani li ġew risistemati fl-Unjoni. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, il-Parlament Ewropew sejjaħ għall-iżvilupp ta' rotot aktar sikuri u legali għall-applikanti għal asil u r-rifuġjati fl-Unjoni, inkluż approċċ leġiżlattiv vinkolanti u mandatorju tal-Unjoni għar-risistemazzjoni, l-istabbiliment ta' programmi ta' ammissjoni umanitarja mill-Istati Membri kollha u użu aktar estensiv ta' viżi umanitarji. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kumplimentari għal skemi ta' rilokazzjoni adottati skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601.

Emenda     7

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)  Il-mekkaniżmi għall-ammissjoni jistgħu jinkludu r-risistematizzazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew mezzi legali oħra għall-ammissjoni ta' persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, bħal programmi ta' viża umanitarja, trasferiment umanitarju, programmi ta' riunifikazzjoni tal-familja, proġetti ta' sponserxipp privat, programmi ta' mobbiltà tax-xogħol, skemi ta' mobbiltà tax-xogħol u oħrajn.

(6)  Il-mekkaniżmi għall-ammissjoni jistgħu jinkludu r-risistematizzazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew mezzi legali oħra għall-ammissjoni ta' persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, bħal programmi ta' viża umanitarja, trasferiment umanitarju, programmi ta' riunifikazzjoni tal-familja, proġetti ta' sponserxipp privat, programmi ta' boroż ta' studju, aċċess għall-edukazzjoni, skemi ta' mobbiltà tax-xogħol u oħrajn.

Emenda    8

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE1a tipprevedi miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja li għandhom jiġu adottati b'konformità mal-obbligu ta' protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f'ħafna strumenti tad-dritt internazzjonali. Riunifikazzjoni tal-familja m'għandhiex tiddependi fuq politiki oħra tal-Unjoni jew miżuri ta' solidarjetà jew emerġenza. Jeħtieġ li tiġi rispettata u promossa mill-Istati Membri fil-każijiet kollha.

 

___________________

 

1a Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja

Emenda    9

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)  L-impenji li l-Istati Membri ħadu bħala parti mill-iskema ta' risistemazzjoni, li kien hemm qbil dwarhom fil-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 m'għandhomx jiġu affettwati minn din id-Deċiżjoni u m'għandhomx jgħoddu biex jiġu ssodisfati l-obbligi skont id-Deċiżjoni 2015/1601. Għalhekk, Stat Membru li jagħżel li jissodisfa l-obbligi skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 permezz tal-ammissjoni ta' Sirjani preżenti fit-Turkija bl-iskema ta' risistematizzazzjoni ma jistax jgħodd dan l-isforz bħala wieħed li jikkostitwixxi parti mill-impenn tiegħu skont l-iskema ta' risistemazzjoni tal-20 ta' Lulju 2015.

(7)  L-impenji li l-Istati Membri ħadu bħala parti mill-iskema ta' risistemazzjoni, li kien hemm qbil dwarhom fil-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 m'għandhomx jiġu affettwati minn din id-Deċiżjoni u m'għandhomx jgħoddu biex jiġu ssodisfati l-obbligi skont id-Deċiżjoni 2015/1601.

Emenda    10

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)   Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw fuq bażi ta' kull xahar lill-Kummissjoni dwar is-Sirjani preżenti fit-Turkija li ġew ammessi fit-territorju tagħhom skont l-alternattiva prevista f'din l-emenda li tispeċifika taħt liema skema, nazzjonali jew multilaterali, il-persuna ġiet ammessa u l-forma ta' ammissjoni legali.

(8)  Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw fuq bażi ta' kull xahar lill-Kummissjoni dwar is-Sirjani preżenti fit-Turkija li ġew ammessi fit-territorju tagħhom, il-forma ta' ammissjoni użata u t-tip ta' skema li taħtha tkun saret.

Emenda    11

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)  Ir-risistemazzjoni m'għandhiex issir għad-detriment ta' rilokazzjoni. It-tnejn huma strumenti importanti ta' solidarjetà. Ir-rilokazzjoni hija forma ta' solidarjetà interna fost l-Istati Membri, filwaqt li r-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja jew tipi oħra ta' ammissjoni huma forma ta' solidarjetà esterna ma' pajjiżi terzi li jilqgħu l-biċċa l-kbira tar-rifuġjati.

Emenda     12

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8b)  Rigward in-numru attwali ta' applikanti għall-asil fil-Greċja, u n-numru dejjem jikber ta' applikanti għall-asil li qed jaslu l-Italja, il-ħtieġa għal postijiet ta' rilokazzjoni ta' emerġenza hija mistennija li tibqa' għolja.

Emenda    13

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8c (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8c)  Skont dejta reċenti tal-UNHCR, 53 859 persuna li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali bħalissa għadhom fil-Greċja, il-biċċa l-kbira minnhom huma Sirjani (45 %), Iraqini (22 %) u Afgani (21 %). Minkejja tnaqqis fl-għadd ta' wasliet, u minħabba n-natura politika tad-dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE dwar il-kooperazzjoni mat-Turkija, m'hemm l-ebda ċertezza dwar jekk huwiex se jkompli t-tnaqqis attwali fil-wasliet ta' persuni li jfittxu l-asil lejn il-Greċja. Min-naħa l-oħra, ir-rifuġjati jistgħu jirrikorru għal rotot ġodda, bħar-rotta tal-Mediterran Ċentrali għall-Italja, fejn il-UNHCR irrappurtat li kien hemm żieda ta' 42.5 % fl-għadd ta' migranti li qed jaslu mil-Libja meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2015. Għaldaqstant, wieħed jista' jistenna li l-bżonn ta' postijiet ta' rilokazzjoni ser jibqa' għoli.

Emenda     14

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8d)  Fil-Komunikazzjoni tagħha "First report on relocation and resettlement" (L-Ewwel Rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni) tas-16 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni indikat li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tippreżenta ħafna nuqqasijiet. It-tweġiba tal-Istati Membri għas-sejħa ġenerali mill-EASO għal 374 espert hija evidentement insuffiċjenti minħabba s-sitwazzjoni kritika li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-Italja u l-Greċja. Minkejja n-numru dejjem jikber ta' minuri mhux akkumpanjati fost l-applikanti għall-asil u r-rifuġjati eliġibbli għal rilokazzjoni, numru limitat ħafna biss minnhom ġew rilokati, minkejja d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar rilokazzjoni li jipprevedu għall-applikanti vulnerabbli biex jiġu pproċessati b'mod prijoritarju. Sal-lum uħud mill-Istati Membri għadhom m'għamlux disponibbli xi postijiet għar-rilokazzjoni. 18-il Stat Membru biss wiegħdu biex jirrilokaw l-applikanti mill-Greċja u 19-il Stat Membru wiegħdu li jagħmlu dan mill-Italja. Fost dawk l-Istati Membri, uħud għamlu biss wegħdiet limitati ħafna fid-dawl tal-allokazzjoni totali tagħhom.

Emenda     15

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8e (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8e)  Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-Italja u l-Greċja dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a u kontra l-Greċja fir-rigward id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1b. Madankollu, ittieħdet azzjoni legali kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2015/1601.

 

_________________

 

1a Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

 

1b Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

Emenda    16

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8f (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8f)  L-Istati Membri ta' rilokazzjoni jeħtieġ li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 bil-ħsieb li jtaffu l-pressjoni fuq Stati Membri li huma l-aktar milquta. L-Istati Membri ta' rilokazzjoni għandhom iżidu malajr u b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex iwieġbu għas-sitwazzjoni umanitarja urġenti fil-Greċja u jipprevjenu d-deterjorament tas-sitwazzjoni fl-Italja. S'issa, l-Istati Membri għamlu biss disponibbli 7 % tal-postijiet ta' rilokazzjoni. Sal-10 ta' Mejju 2016 kienu biss 793 persuna mill-Italja u 2033 persuna mill-Greċja li ġew rilokati b'mod effettiv. Il-Kummissjoni, fl-ewwel rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tas-16 ta' Marzu 2016, indikat li l-Istati Membri jridu jilħqu rata ta' rilokazzjoni ta' kull xahar ta' mill-inqas 5 680 sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' rilokazzjoni fi ħdan l-iskadenza ta' sentejn.

Emenda    17

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8g (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8g)  L-Afgani għandhom ukoll ikunu eliġibbli għar-rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601. Fl-2015, l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati mill-Afgani fl-Unjoni laħaq livell bla preċedent ta' madwar 180 000, li tagħmel lill-Afgani t-tieni l-akbar grupp ta' persuni li jfittxu l-asil lejn l-Unjoni fl-2015. L-akbar għadd minnhom jaslu fil-Greċja. Bosta minnhom huma minuri mhux akkumpanjati. Huma għandhom bżonnijiet ta' protezzjoni speċjali, li l-Greċja, minħabba l-pressjoni qawwija ta' asil li għaddejja bħalissa, ma tistax tissodisfa. Is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fl-Afganistan, b'għadd rekord ta' attakki terroristiċi u vittmi ċivili fl-2015, irriżultat f'żieda sinifikanti fir-rati ta' rikonoxximent ta' Afgani li jfittxu asil fl-Unjoni: minn 43 % fl-2014 għal 66 % fl-2015, skont id-dejta tal-Eurostat.

Emenda    18

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)  Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

(14)  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ immedjatament fid-data wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Emenda    19

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -1 (ġdid)

Deċiżjoni (UE) 2015/1601

Artikolu 3 – paragrafu 2

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

-1.  Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.  Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' applikant li huwa ta' nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [13] ikun, skont id-data trimestrali l-aktar reċenti tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. Fil-każ ta' persuni apolidi, għandu jittieħed kont tal-pajjiż li qabel kien ir-residenza abitwali tagħhom. Aġġornamenti trimestrali għandhom jitqiesu biss fir-rigward ta' applikanti li ma jkunux diġà ġew identifikati bħala applikanti li jistgħu jiġu rilokati skont l-Artikolu 5(3) ta' din id-Deċiżjoni.

2.  Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta' applikanti b'nazzjonalità Sirjana, Iraqija, Eritreana jew Afgana jew għal dawk li huma ta' nazzjonalità li għaliha l-proporzjon ta' deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ikun, skont id-data trimestrali l-aktar reċenti tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. Fil-każ ta' persuni apolidi, għandu jittieħed kont tal-pajjiż li qabel kien ir-residenza abitwali tagħhom. Aġġornamenti trimestrali għandhom jitqiesu biss fir-rigward ta' applikanti li ma jkunux diġà ġew identifikati bħala applikanti li jistgħu jiġu rilokati skont l-Artikolu 5(3) ta' din id-Deċiżjoni".

Emenda    20

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1

Deċiżjoni (UE) 2015/1601

Artikolu 4 – paragrafu 3a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, iddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

imħassar

"3a.   Fir-rigward tar-rilokazzjoni ta' applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-ammissjoni tal-Istati Membri fit-territorju tagħha ta' ċittadini Sirjani preżenti fit-Turkija skont skemi ta' ammissjoni nazzjonali jew multilaterali għal persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, li huma differenti mill-iskema ta' risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015, twassal għal tnaqqis rispettiv tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

 

L-Artikolu 10 japplika mutatis mutandis għal kull ammissjoni legali li twassal għal tnaqqis tal-obbligu ta' rilokazzjoni.

 

L-Istati Membri jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' persuni legalment ammessi għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, fejn jiġi indikat it-tip ta' skema li taħtha saret l-ammissjoni u l-forma ta' ammissjoni legali użata."

 

Emenda    21

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)

Deċiżjoni (UE) 2015/1601

Artikolu 5 – paragrafu 2

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

1a.  Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.  L-Istati Membri għandhom, f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

2.  L-Istati Membri għandhom, f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra. L-Istati Membri għandhom jagħmlu tal-inqas terz mill-postijiet ta' rilokazzjoni tagħhom disponibbli sal-31 ta' Diċembru 2016."

Emenda    22

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1b (ġdid)

Deċiżjoni (UE) 2015/1601

Artikolu 5 – paragrafu 4

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

1b.  Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

4.  Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista' jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta' rilokazzjoni speċifiku, f'konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta' rilokazzjoni jista' jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta' applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.

4.  Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista' jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta' rilokazzjoni speċifiku, f'konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta' rilokazzjoni jista' jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta' applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu. Jekk l-Istat Membru ta' rilokazzjoni ma japprovax ir-rilokazzjoni fi żmien ġimagħtejn, dak l-Istat Membru għandu jitqies li jkun ta l-approvazzjoni tiegħu."

Emenda    23

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1c (ġdid)

Deċiżjoni (UE) 2015/1601

Artikolu 5 – paragrafu 10

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

1c.  Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

10.  Il-proċedura ta' rilokazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru tar-rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ssir inqas minn ġimagħtejn qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn. F'każ bħal dan, il-limitu ta' żmien biex titlesta l-proċedura ta' rilokazzjoni jista' jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta' żmien jista' wkoll jiġi estiż, b'perijodu ulterjuri ta' erba' ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

10.  Il-proċedura ta' rilokazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta' rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2. Il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż għal perijodu ta' erba' ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir."


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

L-istabbiliment ta’ miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

Referenzi

COM(2016)0171 – C8-0133/2016 – 2016/0089(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

6.4.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

11.4.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

11.4.2016

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

BUDG

26.4.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Ska Keller

20.4.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

26.5.2016

12.7.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Gerard Batten, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, Alessandra Mussolini, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Pál Csáky, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Ulrike Lunacek, Salvatore Domenico Pogliese, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Herbert Dorfmann

Data tat-tressiq

18.7.2016


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

39

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Cecilia Wikström, Sophia in 't Veld

GUE/NGL

Martina Anderson, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli

PPE

Michał Boni, Carlos Coelho, Pál Csáky, Rachida Dati, Herbert Dorfmann, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Monika Hohlmeier, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Alessandra Mussolini, Salvatore Domenico Pogliese, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Tomáš Zdechovský

S&D

Francisco Assis, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Sylvie Guillaume, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cécile Kashetu Kyenge, Miltiadis Kyrkos, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Soraya Post, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

Verts/ALE

Ska Keller, Ulrike Lunacek, Judith Sargentini, Bodil Valero

9

-

ECR

Jussi Halla-aho, Monica Macovei, Kazimierz Michał Ujazdowski

EFDD

Gerard Batten, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Harald Vilimsky

NI

Udo Voigt

PPE

Brice Hortefeux

3

0

ECR

Timothy Kirkhope, Helga Stevens

PPE

Kinga Gál

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali