Proċedura : 2015/2315(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0243/2016

Testi mressqa :

A8-0243/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 18
CRE 24/10/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0405

RAPPORT     
PDF 643kWORD 150k
19.7.2016
PE 578.743v02-00 A8-0243/2016

dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi

(2015/2315(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ignazio Corrao

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi

(2015/2315(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81, 82, 83, 114, 208 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012(1), u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li fiha l-UNHRC ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ inkarigat li jfassal strument ġuridikament vinkolanti f'livell internazzjonali għall-kumpaniji transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(8),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida riveduti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Qafas tal-Kumitat Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC), l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istandard ISO 26000 dwar il-"Gwida għar-Responsabbiltà Soċjali" tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u l-Manwal tal-Użu għall-SMEs Ewropej dwar l-ISO 26000 – Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Artiġjanat, tas-Snajja' u tal-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju għall-Istandardizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-proġett "Realising Long-term Value for Companies and Investors"(9) (Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri), li attwalment qiegħed jiġi implimentat fl-ambitu tal-inizjattiva tan-NU "Prinċipji għall-Investiment Responsabbli" (PRI) u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija rinnovata tal-UE 2011-14(11) u l-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata "Promozzjoni ta' qafas Ewropew għar-responsabbiltà korporattiva soċjali"(12) u d-definizzjoni tar-responsabbiltà korporattiva soċjali li tinsab fiha, kif ukoll il-komunikazzjonijiet tagħha li segwew fl-2006 u fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-obbligi extraterritorjali tal-Istati li jirriżultaw mill-prinċipji ta' Maastricht,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0243/2016),

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u billi l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali (inkluża l-politika kummerċjali tagħha) "għandha tkun gwidata [minn dawn il-]prinċipji";

B.  billi l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem japplikaw għall-Istati kollha u għall-impriżi kummerċjali kollha, kemm transnazzjonali kif ukoll ta' natura oħra, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-post, mis-sjieda u mill-istruttura tagħhom, għad li mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll u ta' sanzjonijiet għadhom jirrappreżentaw sfida fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji gwida fil-livell dinji; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013, il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċjali tal-SMEs li l-politiki fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji għandhom jikkunsidraw sewwa kif ukoll għall-bżonn ta' approċċ flessibbli lejn ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji adattat għall-potenzjal tagħhom;

C.  billi l-Patt Globali tan-NU(13), li jinkludi għaxar prinċipji, jitlob lill-kumpaniji jaċċettaw, jappoġġaw u jattwaw, fi ħdan l-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jieħdu impenn favur tali valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;

D.  billi l-kumpaniji huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali u huma meħtieġa kemm jikkonformaw mal-liġijiet kollha applikabbli u mat-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; billi l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin, u billi l-komunità tan-negozju, filwaqt li għandha l-obbligu li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, jista' jkollha wkoll rwol importanti biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u tar-responsabbiltà korporattiva;

E.  billi, madankollu, dawn l-impriżi kummerċjali jistgħu xi kultant jikkawżaw jew jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew jaffettwaw id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi, il-popolazzjonijiet indiġeni, in-nisa u t-tfal jew jikkontribwixxu għall-problemi ambjentali;

F.  billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommess mill-kumpaniji jikkostitwixxi għajn ta' preokkupazzjoni fil-livell dinji, u billi l-kumpaniji kollha tad-dinja għandhom id-dmir li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li, kontemporanjament, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom dmir primarju li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-kumpaniji li għandhom rabta mal-UE;

G.  billi għadd kbir ta' kumpaniji attivi fil-livell internazzjonali, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, u li joperaw f'pajjiżi terzi, għandhom attivitajiet kummerċjali sostanzjali fl-Ewropa jew għandhom is-sede prinċipali hemmhekk, u/jew jappartjenu għal kumpaniji Ewropej, għandhom assi jew beni fl-Ewropa, jew jikkontrollaw lil kumpaniji oħra fl-Ewropa, jew jirċievu investimenti jew inkella jużaw is-servizzi finanzjarji ta' istituzzjonijiet fl-Ewropa; billi l-globalizzazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija wasslu lill-kumpaniji biex jesternalizzaw l-attivitajiet lill-fornituri lokali jew jużaw fil-katini tal-provvista u tal-produzzjoni tagħhom beni jew servizzi li jkunu ġew prodotti jew fornuti minn kumpaniji oħrajn f'bosta pajjiżi differenti, u għalhekk taħt ġurisdizzjonijiet differenti, b'ordinamenti ġuridiċi differenti, livelli ta' protezzjoni u ta' standards differenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u livelli ta' eżekuzzjoni differenti;

H.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem trid tkun prijorità għall-Istati Membri u għall-Unjoni nnifisha; billi l-UE żvolġiet rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u mar-rispett tal-istandards internazzjonali; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ rimedji effettivi; billi hija neċessarja, fl-ambitu tad-dritt kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, sistema ta' rimedji aktar ġusta u aktar effettiva biex tittratta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommess mill-impriżi kummerċjali;

I.  billi għad hemm nuqqas ta' approċċ olistiku fil-livell dinji tar-responsabbiltà tal-kumpaniji fil-qasam tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi huma bosta l-ostakli li jimpedixxu lill-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-kumpaniji internazzjonali milli jkollhom aċċess għal rimedji ġudizzjarji, fosthom ostakli ta' natura proċedurali relatati mal-ammissibbiltà u mad-divulgazzjoni tal-provi, l-ispejjeż tal-kontenzjoni spiss projbittivi u l-assenza ta' standards ċari fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpaniji involuti fl-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

Kumpaniji u drittijiet tal-bniedem

1.  Josserva li l-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni dejjem jikbru tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini tal-provvista se jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-kumpaniji fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu sitwazzjoni li fiha l-istandards, ir-regoli u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kruċjali biex ikuni evitati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jinsab imħasseb sew bil-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fil-pajjiżi terzi, inkluż bħala r-riżultat ta' deċiżjonijiet li jkunu ħadu d-diriġenti ta' ċerti kumpaniji u impriżi kummerċjali tal-UE, kif ukoll minn individwi, atturi mhux statali u mill-Istati wkoll; ifakkar lill-atturi soċjetarji fir-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet globali tagħhom kollha, indipendentement mill-post fejn jinsabu l-utenti tagħhom u minn jekk l-Istat ospitanti jissodisfax l-obbligi tiegħu stess marbuta mad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Josserva li l-progress rapidu tat-teknoloġija jirrikjedi attenzjoni urġenti u qafas ġuridiku xieraq;

3.  Jerġa' jafferma l-bżonn urġenti ta' azzjoni kontinwa, effikaċi u koerenti fil-livelli kollha, anki fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, bil-għan li jiġu affrontati b'mod effikaċi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mill-kumpaniji internazzjonali meta jidhru, u jiġu affrontati l-problemi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dimensjoni extraterritorjali tal-kumpaniji u tal-imġiba tagħhom, kif ukoll mill-inċertezza relatata ma' min għandu jinżamm responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Kuntest internazzjonali

4.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU u jsostni bis-saħħa l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala dinija; jissottolinja li fi ħdan in-NU ntlaħaq qbil unanimu dwar dawn il-Prinċipji Gwida bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri tal-UE, tal-ILO u tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, inkluż appoġġ għall-kunċett ta' "smart mix" (taħlita intelliġenti) ta' azzjoni volontarja u ta' regolamentazzjoni; jitlob li l-Prinċipji Gwida tan-NU u l-istandards l-oħra ta' responsabbiltà internazzjonali tal-kumpaniji jiġu invokati b'mod konsistenti minn rappreżentanti tal-UE fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jistieden, barra minn hekk, lill-kumpaniji jimplimentaw dawn il-Prinċipji Gwida, anki billi jadottaw politiki relatati mad-diliġenza dovuta u joħolqu salvagwardji ta' ġestjoni tar-riskji, kif ukoll proċeduri li jippermettu rimedji effettivi meta l-attivitajiet tagħhom ikunu kkaġunaw impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem jew ikkontribwew għalih;

5.  Jirrikonoxxi li l-Patt Globali tan-NU, l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabbiltà soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO u l-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali tal-OECD bħala strumenti li jistgħu jimmobilizzaw ir-responsabbiltà fl-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi;

Appelli indirizzati lill-kumpaniji u d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem

6.  Jistieden lill-kumpaniji, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, iwettqu d-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jintegraw il-konklużjonijiet tagħhom fil-politiki u fil-proċeduri interni, billi jqassmu, konsegwentement, ir-riżorsi u r-responsabbiltajiet u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan jirrikjedi l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi; jenfasizza li t-trasparenza u l-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħudin biex ikun evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi huma kruċjali għall-eżerċizzju ta' kontroll demokratiku xieraq u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla abbażi tal-fatti;

7.  Jirrikonoxxi l-importanza enormi tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u jilqa' favorevolment l-użu dejjem aktar mifrux ta' strumenti bbażati fuq ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u l-impenn spontanju min-naħa tal-kumpaniji; jisħaq, madankollu, bil-qawwa fuq il-fatt li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa obbligu morali u ġuridiku għall-kumpaniji u għad-diriġenti tagħhom u għandu jkun integrat f'perspettiva ekonomika fit-tul, ikun xi jkun il-post fejn joperaw u jkun xi jkun id-daqs jew is-settur industrijali tagħhom; jirrikonoxxi li l-obbligi ġuridiċi speċifiċi tal-kumpaniji għandhom ikunu adattati konkretament għad-daqs u għall-kapaċitajiet tagħhom u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex jilħqu l-aħjar protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bis-saħħa tal-aktar miżuri effikaċi u mhux billi sempliċement jgħabbu lill-impriżi b'regoli amministrattivi u burokratiċi formalistiċi żejda;

8.  Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji sabiex jitħalla marġni ta' manuvra għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru u reġjun, u b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-SMEs; jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni attiva tal-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, flimkien ma' korpi internazzjonali oħrajn, biex tintlaħaq konverġenza fundamentali tal-inizjattivi fil-qasam tal-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fit-tul u l-iskambju u l-promozzjoni ta' prattika korporattiva tajba rigward ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, kif ukoll biex il-linji gwida li jinsabu fl-Istandard ISO 26000 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni jiġu promossi ħalli tkun żgurata definizzjoni unika globali, koerenti u trasparenti tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-gwida u għall-koordinament tal-politiki tal-Istati Membri, u b'hekk timminimizza r-riskju ta' spejjeż addizzjonali fuq l-impriżi li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed bħala riżultat ta' dispożizzjonijiet diverġenti;

9.  Itenni li jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, li joperaw prinċipalment fil-livell lokali jew reġjonali f'setturi partikolari; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, inklużi l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, jikkunsidraw sewwa l-ħtiġijiet essenzjali tal-SMEs, bi qbil mal-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir", u jirrikonoxxu l-approċċ informali u intuwittiv tal-SMEs fil-konfront tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji; jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kull miżura li tista' tikkawża piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs, filwaqt li juri l-appoġġ tiegħu favur miżuri li jħallu lill-SMEs jieħdu azzjonijiet konġunti;

10.  Ifakkar li jekk ikun stabbilit li kumpanija tkun ikkaġunat dannu jew tkun ikkontribwiet biex dan jokkorri, hija għandha tassumi r-responsabbiltà morali iżda wkoll ġuridika u jeħtiġilha tipprovdi rimedju effettiv lill-individwi u lill-komunitajiet affettwati jew tipparteċipa f'tali rimedju; josserva li dan jinkludi r-restituzzjoni, ir-riżarċiment, ir-riabilitazzjoni u l-garanziji ta' nonripetizzjoni;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-prassi ta' inkorporazzjoni tar-responsabbiltà fil-konfront tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fir-rekwiżiti kuntrattwali vinkolanti bejn il-kumpaniji u l-klijenti u l-fornituri soċjetarji u privati tagħhom; josserva li tali rekwiżiti jistgħu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiġu eżegwiti bis-saħħa ta' mezzi ġudizzjarji;

Appelli indirizzati lill-Istati Membri u d-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma li nbdiet fit-tħejjija ta' Trattat vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora kull ostruzzjoniżmu f'dan il-proċess u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati;

13.  Ifakkar fir-rwoli differenti iżda komplementari tal-Istati u tal-kumpaniji fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-Istati, huma u jaġixxu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom, għandhom id-dmir li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, inkluż kontra l-abbużi kommessi min-naħa ta' kumpaniji, anki meta dawn tal-aħħar joperaw f'pajjiżi terzi; ifakkar bil-qawwa li, f'każ ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, l-Istati jeħtiġilhom jagħtu aċċess lill-vittmi għal rimedju effettiv; ifakkar li, f'dan il-kuntest, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi terzi, inkluża l-garanzija ta' rimedju effettiv għall-persuni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE ma' tali pajjiżi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu koerenza fil-politiki fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha: fi ħdan id-diversi istituzzjonijiet tal-UE, bejn l-istituzzjonijiet u bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, u b'mod partikolari fir-rigward tal-politika kummerċjali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu b'mod espliċitu dan il-prinċipju fit-trattati kollha ffirmati minnhom, f'konformità mal-impenji internazzjonali meħuda fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; josserva li dan se jirrikjedi kooperazzjoni intensa bejn id-diversi direttorati ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

15.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi u lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha jadottaw, b'urġenza u b'mod kemm jista' jkun wiesa', strumenti vinkolanti ddedikati lill-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-qasam, u jiżguraw li l-obbligi nazzjonali u internazzjonali kollha li joħorġu mir-regoli internazzjonali hawn fuq imsemmija jiġu eżegwiti b'mod sħiħ; jesprimi t-tama li l-isforzi Ewropej fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji jkunu ta' eżempju għal pajjiżi oħra; huwa konvint li l-banek nazzjonali għall-iżvilupp jeħtiġilhom iġibu ruħhom b'mod eżemplari f'dak li huwa r-rispett verifikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri, jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti b'ħeffa u b'sodezza fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom, inkluż billi jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni; jiddepora l-fatt li, minkejja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tal-2011, mhux l-Istati Membri kollha adottaw dikjarazzjonijiet jew politiki marbuta mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji li jsemmu d-drittijiet tal-bniedem jew ippubblikaw il-pjanijiet tagħhom dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-UE tippubblika l-pjan tagħha; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew jirrieżaminaw il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali skont il-gwida mogħtija mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jagħmel appell biex dawn il-pjanijiet ikunu żviluppati fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet ta' riferiment li jidentifikaw lakuni fil-liġijiet, tal-ħolqien ta' mekkaniżmi maħsuba biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-pjanijiet, tal-politiki u tal-prassi u permezz tal-parteċipazzjoni sinifikanti tal-partijiet interessati;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jilleġiferaw b'mod koerenti, olistiku, effikaċi u vinkolanti bil-għan li jaqdu dmirhom li jipprevjenu, jinvestigaw, jissanzjonaw u joffru rimedju għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-kumpaniji li joperaw taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, inkluż il-ksur kommess fil-pajjiżi terzi;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli ċari li jiddefinixxu li l-kumpaniji stabbiliti fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom iridu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem waqt l-operazzjonijiet kollha tagħhom, f'kull pajjiż u kuntest li fih joperaw, u fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, anki barra mill-UE; iqis li l-kumpaniji, skont id-daqs u l-kapaċitajiet tagħhom, inklużi l-banek u l-istituzzjonijiet mutwanti u ta' finanzjament oħrajn attivi fil-pajjiżi terzi, għandhom jiżguraw li jkunu mgħammra b'sistemi ta' valutazzjoni tar-riskji u ta' taffija tal-impatti potenzjalment negattivi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, max-xogħol, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-aspetti relatati mad-diżastri tal-operazzjonijiet u tal-katini tal-valur tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw perjodikament l-adegwatezza ta' tali liġijiet u jimlew kwalunkwe lakuna;

19.  Ifakkar li l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti fil-livell nazzjonali, bħall-klawsola dwar it-trasparenza fil-katini tal-provvista li tinsab fl-Att dwar l-Iskjavitù Moderna tar-Renju Unit u l-abbozz ta' liġi Franċiż dwar id-dmir ta' diliġenza, jirrappreżentaw passi importanti lejn id-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE diġà adottat miżuri f'dan is-sens (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, id-Direttiva tal-UE dwar ir-Rapportar mhux Finanzjarju, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Istati kollha, jieħdu nota ta' dan il-mudell fir-rigward tal-introduzzjoni tad-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jenfasizza li d-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għandha ssegwi l-passi meħtieġa fil-Prinċipji Gwida tan-NU u għandha tkun immexxija minn ċerti prinċipji trasversali dwar l-identifikazzjoni proattiva tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem, it-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni rigorużi u verifikabbli li jipprevjenu jew itaffu dawn ir-riskji, reazzjoni adegwata għall-abbużi magħrufa u t-trasparenza; jenfasizza li l-politiki għandhom iqisu d-daqs tal-kumpaniji u tal-kapaċitajiet li jirriżultaw, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza li l-konsultazzjoni mal-atturi rilevanti għandha tkun żgurata f'kull fażi, kif ukoll id-divulgazzjoni, fost il-partijiet interessati, ta' kull informazzjoni rilevanti speċifika għall-proġetti jew għall-investimenti;

21.  Jistieden lill-Istati kollha, u b'mod partikolari lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità, biex tittieħed azzjoni immedjata, lill-istabbiliment tad-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-impriżi kummerċjali li jappartjenu għall-Istat jew huma kkontrollati mill-Istat u/jew jibbenefikaw minn sostenn sostanzjali u mis-servizzi offruti mill-aġenziji tal-Istat jew mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll għall-impriżi li jfornu beni jew servizzi permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;

22.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitolbu lill-kumpaniji li, fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva attwali, jużaw materji primi li jafu jkunu ġejjin minn żoni ta' kunflitt, biex jagħmlu pubbliċi l-oriġini tagħhom u l-użu li jsir minnhom permezz ta' tikketti tal-prodotti u biex jagħtu informazzjoni kompluta dwar il-kontenut u l-oriġini tal-prodotti billi lill-fornituri tagħhom, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, jitolbuhom jiddivulgaw din id-data; jappella għal appoġġ favur id-diliġenza dovuta obbligatorja fil-qasam tal-l-hekk imsejħa minerali ta' kunflitt għall-importaturi ta' minerali u metalli landa, tantalu, tungstenu u deheb, abbażi tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli; jappella biex jiġi kkunsidrat li d-diliġenza dovuta tal-katini tal-provvista tiġi inkluża f'dan il-proċess;

23.  Jikkonstata b'sodisfazzjon li, b'segwitu għar-reviżjoni tal-Direttiva 2014/95/UE dwar il-Kontabilità fis-seħħ fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar se jkunu meħtieġa, mill-2017, jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-politiki, ir-riskji u r-riżultati fir-rigward tar-rispett tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u ta' kwistjonijiet marbuta; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw totalment id-Direttiva dwar il-Kontabilità riveduta fit-termini stabbiliti, inkluż il-ħolqien ta' mekkaniżmi adegwati u effikaċi li jiżguraw li l-kumpaniji jirrispettaw ir-rekwiżiti fil-qasam tar-rapportar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal gwida ċara għall-kumpaniji dwar ir-rekwiżiti l-ġodda għar-rapportar mhux finanzjarju; jirrakkomanda li dan jinkludi u jelabora l-elementi minimi essenzjali li jridu jiġu divulgati għal fehim eżatt u komprensiv tar-riskji prinċipali u l-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-attivitajiet ta' kumpanija u fil-katina ta' valur mondjali ta' kumpanija;

Aċċess għal rimedji effettivi

24.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, fosthom is-soċjetà ċivili u l-kumpaniji, l-ostakli eżistenti għall-ġustizzja fil-każijiet imressqa quddiem il-qrati tal-Istati Membri dwar l-allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mill-impriżi bbażati fl-UE barra minn pajjiżhom; jinsisti li din il-valutazzjoni għandha tkun immirata biex tidentifika u tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri effikaċi li jneħħu jew inaqqsu dawn l-ostakli;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-provvedimenti kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, biex jiżguraw, bis-saħħa ta' proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi, leġiżlattivi jew ta' mezzi oħrajn xierqa, li fil-preżenza ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li ntlaqtu jkollhom aċċess għal rimedju effettiv, f'każ li kumpanija b'sede fl-Istati kkonċernati tiddetjeni, tidderieġi jew tikkontrolla kumpaniji li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati msemmija jieħdu provvedimenti xierqa biex jeliminaw l-ostakli ġuridiċi, prattiċi u rilevanti oħrajn li jistgħu jċaħħdu l-aċċess għal rimedju u jistabbilixxu l-mezzi proċedurali xierqa biex jippermettu l-aċċess għall-ġustizzja lill-vittmi li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi kemm fi qrati ċivili kif ukoll f'dawk kriminali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati jwarrbu l-personalità ġuridika, li tista' taħbi s-sjieda effettiva ta' ċerti kumpaniji;

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati kollha, b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, isibu tarf il-piżijiet finanzjarji u proċedurali fil-kontenzjoni ċivili; jilqa' pożittivament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE, adottata fil-11 ta'Ġunju 2013(14), u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jikkonformaw magħha; iqis li l-istrument offrut mill-istess rakkomandazzjoni jista' potenzjalment inaqqas l-ispejjeż tal-kontenzjoni għall-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ biex dan it-tip ta' rimedju jkun applikabbli għall-vittmi kollha tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, u jappella għal standards komuni biex l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jitħallew iressqu pretensjonijiet f'isem l-allegati vittmi;

Appelli indirizzati lill-Kummissjoni

27.  Huwa konxju li r-"responsabbiltà tal-kumpaniji" mhijiex kwistjoni għaliha waħedha iżda waħda li tirrigwarda firxa wiesgħa ta' oqsma ġuridiċi u politiċi differenti;

28.  Jilqa' favorevolment l-inizjattivi mhux vinkolanti tas-settur privat rigward il-ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista introdotti mis-servizzi tal-Kummissjoni, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-inizjattivi mhux vinkolanti tas-settur privat fihom innifishom mhumiex biżżejjed; jagħmel appell għal regoli eżegwibbli u vinkolanti urġenti u s-sanzjonijiet relatati kif ukoll mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti;

29.  Jilqa' pożittivament ir-Regolament il-ġdid dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014(15), bħala strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-governanza t-tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma vulnerabbli; japprezza, partikolarment, il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ rigoruż u sistematiku tal-SĠP+ u jappella biex issir enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni effikaċi fil-livell nazzjonali tal-konvenzjonijiet elenkati fil-konvenzjoni;

30.  Jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jissalvagwardaw id-drittijiet tal-bniedem; josserva li l-ftehimiet kummerċjali ġeneralment jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sistema dinjija tal-kummerċ ibbażata fuq ir-regoli u li l-kummerċ u l-valuri jridu javvanzaw pari passu, kif dan l-aħħar affermat il-Kummissjoni fl-istrateġija kummerċjali l-ġdida tagħha intitolata "Il-kummerċ għal kulħadd"; ifakkar fil-bżonn li ssir valutazzjoni tar-riperkussjonijiet possibbli tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem u li, abbażi ta' dan, jiġu inkorporati l-klawsoli u s-salvagwardji kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jtaffu u jittrattaw ir-riskji identifikati tar-riperkussjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji u possibbli biex taġixxi b'mod olistiku u koerenti, u jappella bil-qawwa biex fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ikunu inklużi sistematikament regoli dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jridu jkunu implimentati fil-livell nazzjonali, kif ukoll riferimenti għall-prinċipji u għal-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju, billi t-teknoloġiji prodotti mill-kumpaniji Ewropej għadhom jikkaġunaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

32.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' corpus ta' liġijiet konsistenti li jkun fih regoli li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja, il-kompetenza ġurisdizzjonali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji ċivili u kummerċjali, il-liġi applikabbli lif ukoll l-assistenza ġudizzjarja fis-sitwazzjonijiet transfruntieri li jinvolvu lill-pajjiżi terzi;

33.  Jinkoraġġixxi riflessjoni dwar l-estensjoni tar-regoli dwar il-kompetenza ġurisdizzjonali fl-ambitu tar-Regolament Brussell I(16) għal konvenuti ta' pajjiżi terzi f'azzjonijiet kontra kumpaniji li jkollhom rabta ċara ma' Stat Membru wieħed fost oħrajn – minħabba li jkunu domiċiljati jew ikollhom attivitajiet kummerċjali sostanzjali hemmhekk jew is-sede prinċipali tagħhom tkun tinsab fl-UE – jew kumpaniji li għalihom l-UE tikkostitwixxi suq ta' żbokk essenzjali;

34.  Jagħmel appell biex jitjieb l-aċċess għall-provi permezz ta' proċeduri msaħħa dwar id-divulgazzjoni tal-provi;

35.  Ifakkar li, meta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikun kommess mill-kumpaniji, tali azzjonijiet jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà penali individwali, u jitlob li dawk responsabbli minn tali delitti jitħarrku fil-livell xieraq; jistieden lill-Istati Membri jsibu tarf l-ostakli ġuridiċi, proċedurali u prattiċi li jxekklu lill-awtoritajiet inkarigati mill-prosekuzzjoni milli jinvestigaw u jħarrku lill-kumpaniji Ewropej u/jew lir-rappreżentanti tagħhom involuti fid-delitti marbuta mal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

36.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu skont l-Artikolu 83 tat-TFUE, bil-għan li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet fl-isfera tal-kriminalità partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera li tagħmel parti mill-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi kommess mill-kumpaniji, fid-dawl tan-natura u tal-impatt ta' tali reati u tal-bżonn speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni;

37.  Jenfasizza li l-r-rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-produzzjoni huwa fundamentali u mhuwiex sempliċement kwistjoni ta' għażla għall-konsumatur; jirrakkomanda l-ħolqien, fil-livell tal-UE u fuq bażi volontarja, ta' tikketta li tiċċertifika li prodott ikun "abuse-free" (jiġifieri li jkun sar mingħajr abbużi), bil-għan li tippromwovi aktar sensibilizzazzjoni fost il-produtturi u l-konsumaturi, monitorjata minn korp indipendenti rregolat minn regoli stretti u mgħammar b'setgħat ta' spezzjoni, kompetenti biex jivverifika u jiċċertifika li l-ebda abbuż ma ġie kommess fl-ebda fażi tal-katina tal-produzzjoni tal-prodott rilevanti; jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jippromwovu din it-tikketta "abuse-free"; jirrakkomanda li l-prodotti li jiksbu din it-tikketta "abuse-free" jingħataw vantaġġi;

38.  Jistieden bil-qawwa lill-Kummissjoni tvara fil-livell tal-UE kampanja intiża biex tintroduċi u tippromwovi t-tikketta "abuse-free", biex tħeġġeġ lill-konsumaturi Ewropej jagħżlu l-prodotti u l-kumpaniji li jiksbu din it-tikketta u biex tistieden lill-kumpaniji u lill-impriżi kollha jadottaw l-aħjar prattiki f'dak li huwa rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kwistjonijiet relatati;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrapportaw regolarment dwar il-provvedimenti li jkunu ħadu biex jiggarantixxu l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-attivitajiet tal-impriżi, ir-riżultati miksuba, il-lakuni li jkun għad baqa' fil-protezzjoni u l-azzjonijiet rakkomandati futuri biex dawn il-lakuni jimtlew;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf

(2)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0394.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0049.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0050.

(8)

http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G14/082/52/PDF/G1408252.pdf?OpenElement

(9)

http://www.unpri.org/whatsnew/realising-long-term-value-for-companies-and-investors/

(10)

https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?p=&Ref=CM/Rec(2016)3&Language=lanEnglish&Ver=original&BackColorInternet=DBDCF2&BackColorIntranet=FDC864&BackColorLogged=FDC864&direct=true

(11)

COM(2011)0681.

(12)

COM(2001)0366.

(13)

https://www.unglobalcompact.org/what-is-gc/mission/principles

(14)

ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60.

(15)

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/development/generalised-scheme-of-preferences/

(16)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=URISERV%3Al33054


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Soraya Post, Tokia Saïfi, Igor Šoltes, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Therese Comodini Cachia, Ignazio Corrao, Edouard Ferrand, Liliana Rodrigues

Avviż legali