Proċedura : 2016/2017(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0253/2016

Testi mressqa :

A8-0253/2016

Dibattiti :

PV 12/09/2016 - 21
CRE 12/09/2016 - 21

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.19

Testi adottati :

P8_TA(2016)0338

RAPPORT     
PDF 917kWORD 290k
2.8.2016
PE 580.714v02-00 A8-0253/2016

dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol

(2016/2017(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Tatjana Ždanoka, Vilija Blinkevičiūtė

(Laqgħat tal-kumitati assoċjati - Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol

(2016/2017(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 153,(1)(i) u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 9, 23, 24 u 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikoli 2, 4, 16 u 27, dwar id-dritt tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet tal-familja għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali,

  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu(1) (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità),

  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità (COM(2008)0637),

  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva 2011/.../EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE(2) dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari, li biha jitlob, fost oħrajn, perjodu ta' ġimagħtejn liv tal-paternità,

  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(3),

  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC(8),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(9),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-liv tal-maternità(10),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(11),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(12),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(13),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(14),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(15),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015(16),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(17),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada(18),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar Opportunitajiet għal Dħul Indaqs għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet,

  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011-2020 adottat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-i7 ta' Marzu 2011(19),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni 'Pjan direzzjonali: Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol' (Diċembru 2015), kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika u tal-partijiet konċernati,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016: Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess' (COM(2015)0610),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali' (COM(2016)0127),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' u r-rakkomandazzjoni tagħha bit-titolu 'L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ' tal-20 ta' Frar 2013,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja' (COM(2008)0635),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2011 dwar Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada (COM(2011)0066),

  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),

  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'The Strategic engagement for gender equality 2016–2019' (L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi), b'mod partikolari il-Kapitolu 3.1. 'Increasing female labour-market participation and the equal economic independence of women and men' (Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054), u b'mod partikolari l-kapitolu dwar l-indipendenza ekonomika ugwali, p. 10–15,

  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2015' (L-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa 2015), tal-21 ta' Jannar 2016, b'mod partikolari l-Kapitolu 3.2 'Social protection' (Il-protezzjoni soċjali),

  wara li kkunsidra l-istudji tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bit-titolu 'Working time and work-life balance in a life course perspective' (Il-ħinijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'perspettiva tul il-ħajja) (2013), 'Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers' (L-indukrar tat-tfal u l-persuni dipendenti – L-effett fuq il-karrieri ta' ħaddiema żgħażagħ) (2013), u 'Working and caring: Reconciliation measures in times of demographic change' (Naħdmu u nindukraw – Miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku) (2015) u s-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (2016),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol dwar "Working time development in the 21st century" (Ħin tax-xogħol għall-iżvilupp fis-seklu 21) tal-2015,

  wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titolu "Promoting parental and paternity leave among fathers" (Il-promozzjoni tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet),

  wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (EQUINET) bit-titolu "Equality bodies promoting a better work-life balance for all" (Korpi tal-Ugwaljanza li jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u x-xogħol għal kulħadd) tat-8 ta' Lulju 2014,

  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u r-rapport tiegħu tal-2015 bit-titolu "Reconciliation of work, family and private life in the European Union: Policy review" (Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata fl-Unjoni Ewropea: Reviżjoni tal-politika),

  wara li kkunsidra l-istudju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 bit-titolu "Gender equality in employment and occupation – Directive 2006/54/EC, European Implementation Assessment" (L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fix-xogħol – id-Direttiva 2006/54/KE, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea),

  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Maternity, paternity and parental Leave: Data Related to Duration and Compensation Rates in the European Union" (Il-Liv tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri: Data Relatata mad-Durata u r-Rati ta' Kumpens fl-Unjoni Ewropea),

  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Costs and benefits of maternity and paternity leave" (L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-liv tal-maternità u l-paternità),

  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability" (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tas-Sessi u d-Diżabilità),

  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel),

  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Eurocarers 2014, "Enabling Carers to Care" (Nippermettu lill-Indukraturi Jindukraw),

  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għas-saħħa u l-benessri mentali tal-2008 u l-prijorità tiegħu "Mental health in workplace settings" (Is-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol),

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 156 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-Responsabilitajiet tal-Familja (1981) u r-Rakkomandazzjoni 165 tal-ILO dwar il-Ħaddiema li jkollhom Responsabilitajiet Familjari (1981),

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Part-Time tal-1994, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol mid-Dar tal-1996, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Maternità tal-2000 u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-2011,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO dwar "Maternity and paternity at work: law and practice across the world" (2014) ((Il-Maternità u l-Paternità fuq il-post tax-xogħol: leġiżlazzjoni u prattika fid-dinja kollha),

  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-24 ta' Marzu 2016 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa, is-60 sessjoni, b'mod partikolari (e) sa (g),

  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-ILO u l-UNICEF tat-8 ta' Lulju 2013 bit-titolu "Supporting workers with family responsibilities: connecting child development and the decent work agenda" (L-appoġġ tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet tal-familja: nikkollegaw l-iżvilupp tat-tfal u l-aġenda tax-xogħol deċenti),

  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ħajja Aħjar tal-2015 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0253/2016),

A.  billi skont l-aħħar dejta tal-Eurostat, ir-rata tat-twelid fl-UE naqset f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u l-UE qed tiffaċċja sfidi demografiċi bla preċedent(20) li għalihom l-Istati Membri għandhom jirrispondu; billi l-politiki favur il-familji huma importanti sabiex jiskattaw xejriet demografiċi pożittivi, għaliex l-insigurtà tal-impjieg u l-kundizzjonijiet ta' xogħol diffiċli jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ippjanar tal-familja;

B.  billi fl-2014, 5.1 miljun tifel u tifla twieldu fl-UE-28, li jikkorrispondi għal rata ta' twelid ta' 10.1 ; billi, b'paragun, din ir-rata kienet 10.6 fis-sena 2000, 12.8 fl-1985 u 16.4 fl-1970; billi l-UE qed tiffaċċja sfida demografika serja minħabba r-rati tat-twelid li qegħdin dejjem jonqsu f'ħafna mill-Istati Membri, li gradwalment qed jittrasformaw l-Unjoni f'soċjetà ġerontokratika u jirrappreżentaw theddida serja għat-tkabbir u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

C.  billi l-kunċett tradizzjonali tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel u tal-familja nukleari qed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi hekk kif in-numru ta' familji b'ġenitur wieħed, familji bbażati fuq unjoni bejn persuni tal-istess sess, ommijiet adolexxenti, eċċ qed jiżdiedu fl-UE; billi nuqqas ta' rikonoxximent ta' din id-diversità jwassal għal aktar diskriminazzjoni u jolqot b'mod negattiv in-nies li qed jgħixu fl-UE u l-familji tagħhom;

D.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess u jirrikjedu li tiġi żgurata ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-ilħuq ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

E.  billi l-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa punt tat-tluq iżda ċertament mhuwiex ambizzjuż biżżejjed; billi din l-opportunità jeħtieġ tiftaħ proċess ta' riorganizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa, u trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jintlaħqu livelli ogħla ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

F.  billi politiki ta' rikonċiljazzjoni mfassla u implimentati tajjeb għandhom jitqiesu bħala titjib essenzjali tal-ambjent tax-xogħol, li jippermetti kundizzjonijiet ta' xogħol tajba u l-benesseri soċjali u professjonali; billi fl-istess ħin, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jippromwovi t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, il-parteċipazzjoni globali tas-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, jindirizza l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ u tinfluwenza b'mod pożittiv ir-rati tat-twelid fl-UE; billi l-politiki li għandhom jiġu implimentati biex jinkisbu dawn l-objettivi għandhom ikunu moderni, iffokati fuq it-titjib tal-aċċess għan-nisa tas-suq tax-xogħol u qsim indaqs tal-kompiti domestiċi u tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u għandhom ikunu bbażati fuq l-istabbiliment ta' qafas tal-politika koerenti appoġġat minn ftehimiet kollettivi li jippermettu bbilanċjar aħjar bejn l-indukrar, il-ħajja professjonali u dik privata;

G.  billi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiddependi fil-parti l-kbira fuq l-arranġamenti tal-ħin ta' xogħol fuq il-post tax-xogħol; billi tqajmu dubji dwar jekk għadd akbar ta' sigħat ta' xogħol u sigħat ta' xogħol itwal humiex ta' benefiċċju għall-ekonomija f'termini ta' żieda fil-produttività; billi proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema fl-UE għandhom sigħat ta' xogħol atipiċi, fosthom jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi u jagħmlu xogħol bix-xift u xogħol bil-lejl, u kważi nofs il-ħaddiema ħadmu fil-ħin liberu tagħhom fl-2015; billi riċerki reċenti jindikaw li l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol jinbidlu regolarment għal 31 % tal-impjegati, spiss b'avviż fi żmien qasir(21); billi dan jista' jqajjem tħasseb dwar is-saħħa u s-sigurtà, b'żieda għola ta' riskju ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u livell iktar baxx ta' saħħa fuq perjodu ta' żmien twil, u jista' jagħmilha diffiċli biex il-ħaddiema jibbilanċjaw ix-xogħol ma' dmirijiet lejn it-tfal u dipendenti oħrajn; billli xi setturi huma milquta b'mod aktar gravi, bħas-servizzi ta' bejgħ bl-imnut, fejn il-biċċa l-kbira tal-impjegati huma nisa;

H.  billi seklu ilu, fl-1919, l-ILO introduċiet ir-regola ta' tmien sigħat ta' xogħol, tmien sigħat ta' mistrieħ u tmien sigħat biex wieħed iqatta' l-ħin mal-familja u għall-ħin ħieles;

I.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iniedu miżuri speċifiċi li jrawmu tip ġdid ta' organizzazzjoni tax-xogħol, ibbażati fuq mudelli ta' kwalità, adattabbli u effettivi tal- prestazzjoni tal-impjiegi , kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, li jippermettu lill-ħaddiema jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

J.  billi fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 75,9 % fl-UE-28, imqabbla mal-64,3 % għan-nisa(22), minkejja l-fatt li n-nisa għandhom livell ta' edukazzjoni aħjar; billi n-numru ta' nisa fil-forza tax-xogħol hija saħansitra iktar baxxa meta jitqiesu r-rati ta' impjieg f'ekwivalenti ta' full-time, peress li s-sehem ta' impjiegi part-time fost in-nisa huwa kbir ħafna f'xi Stati Membri; billi fl-2013, l-irġiel qattgħu 47 siegħa fil-ġimgħa fuq xogħol imħallas, meta mqabbel ma' 34 siegħa għan-nisa; billi meta ngħoddu flimkienis-sigħat ta' xogħol imħallas u xogħol mhux imħallas fid-dar, in-nisa żgħażagħ bħala medja ħadmu 64 siegħa, meta mqabbel ma' 53 siegħa fil-każ tal-irġiel żgħażagħ(23); billi t-telf fil-PDG per capita li huwa attribwibbli għad-disparitajiet bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol ġie stmat li jilħaq sa 10 % fl-Ewropa;

K.  billi l-politiki soċjali u ta' impjieg attwali, flimkien mal-miżuri ta' awsterità imposti, ixekklu t-tkabbir u l-iżvilupp fl-Ewropa; billi dawn il-politiki jimpedixxu l-kisba ta' rata ta' impjiegi għan-nisa ta' 75 % stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020 (bħalissa hija ta' 63,5 %); billi, fil-kuntest attwali tal-politiki soċjoekonomiċi, ta' impjieg u ta' ugwaljanza fil-livell tal-UE, l-istrateġija Ewropa 2020 hija test skadut u li l-miri stabbiliti qabel qegħdin 'il bogħod ħafna milli jintlaħqu; billi mingħajr politiki proattivi mfassla u implimentati biex jgħinu n-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, speċjalment politiki li jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kwalunkwe mira stabbilita fil-livell tal-UE fil-fatt ma tistax tintlaħaq;

L.  billi s-swieq tax-xogħol Ewropej huma segregati skont il-ġeneru(24); billi l-Kummissjoni irrikonoxxiet dan fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Marzu 2016 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127, Anness I), fejn qalet li "in-nisa għadhom sottorappreżentati fl-impieg, rrappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time u dak b'paga baxxa, u jirċievu pagi fis-siegħa aktar baxxi anke meta jwettqu xogħol ekwivalenti, minkejja li għaddew lill-irġiel fil-ksib edukattiv";

M.  billi l-faqar u l-inugwaljanzi li dejjem qed jikbru marru għall-agħar bil-politiki makroekonomiċi implimentati mill-UE u l-miżuri ta' awsterità imposti b'rispons għall-kriżi ekonomika;

N.  billi l-ġlieda favur il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol hija partikolarment diffiċli għall-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa; billi fit-28 Stat Membru tal-UE mhux inqas minn 34 % tal-ommijiet waħedhom huma f'riskju ta' faqar, u t-tfal li ġejjin minn dawk il-familji huma sproporzjonatament f'riskju ikbar ta' trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra;

O.  billi r-riperkussjonijiet dannużi tal-femminizzazzjoni tal-faqar għandhom l-ikbar impatt fuq it-tfal imrobbija minn ommijiet waħedhom li qed jesperjenzaw diffikultajiet serji biex jibbilanċjaw ir-rwol tagħhom bħala l-unika persuna li ġġib il-flus lejn id-darmar-responsabbiltajiet tagħhom bħala ġenituri;

P.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda wkoll għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi, peress li hi assi ekonomiku ewlieni li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u tnaqqas l-inugwaljanza okkupazzjonali, kif ukoll l-effiċjenza u l-fluwidità fis-suq tax-xogħol; billi d-dħul u d-dħul mill-ġdid tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol iwasslu għal żieda fid-dħul tal-familja, fil-konsum, fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fil-volum ta' taxxi li jinġabru; billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-aċċess u fiż-żamma tal-impjieg, kif ukoll ċaħda tad-drittijiet tax-xogħol minħabba, b'mod partikolari, it-tqala u l-maternità;

Q.  billi d-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel jilħqu s-16.3 %, u billi l-forom atipiċi u inċerti tal-kuntratti tax-xogħol (kuntratti b'żero sigħat, kuntratti b'terminu fiss, xogħol temporanju, xogħlijiet part-time, eċċ) ukoll jolqtu lin-nisa aktar mill-irġiel;

R.  billi l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol għandha konsegwenzi u impatti tul il-ħajja kollha fuq id-drittijiet tan-nisa, bħall-pensjonijiet, kif jixhed id-39 % differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE, li tirrappreżenta aktar mid-doppju tad-differenza ta' 16 % fil-pagi bejn is-sessi ;

S.  billi fost il-kategoriji professjonali differenti, huma partikolarment in-nisa li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri nisa li qed ikollhom diffikultà akbar biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi, spiss ħafna, in-nisa li jkollhom il-ħsieb li jiftħu negozju jkollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu, għaliex l-intermedjarji finanzjarji joqogħdu lura milli jagħtu s-self, minħabba li jqisu li l-imprendituri nisa huma aktar esposti għar-riskju u għandhom inqas probabbiltà li jkabbru n-negozji tagħhom;

T.  billi l-isterjotipi mgħoddija b'mod wiesa' mis-soċjetà iħallu lin-nisa fi rwol subordinat; billi dawn l-isterjotipi jibdew jiżviluppaw matul it-tfulija u huma riflessi fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u jibqgħu għaddejjin fis-suq tax-xogħol; billi n-nisa huma ta' spiss limitati għall-impjiegi "tan-nisa" u ta' spiss mhumiex mitħallsa biżżejjed; billi dawn it-taqsimiet tas-suq tax-xogħol jirriproduċu sterjotipi li jimponu ammont kbir ħafna ta' indukrar li jrid isir prinċipalment minn nisa, u dan iwassal biex in-nisa jqattgħu bejn id-doppju u għaxar darbiet aktar ħin mill-irġiel fuq l-indukrar mhux imħallas(25); billi l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi għandhom implikazzjonijiet negattivi għall-indipendenza u l-prospetti personali, soċjali u ekonomiċi tan-nisa, u jwasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta' nisa li jaħdmu part-time, interruzzjonijiet tal-karriera u riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, partikolarment għall-ommijiet waħedhom, u għalhekk jolqtu l-awtonomija tan-nisa;

U.  billi t-tipi ta' liv relatat mal-familja għadhom ikunu bażi ta' diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, minkejja l-qafas tal-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u dan jolqot b'mod partikolari lin-nisa li jaħdmu bħala indukraturi ewlenin li jużaw il-liv relatat mal-familja;

V.  billi d-differenzi bejn l-għadd ta' irġiel u ta' nisa li jieħdu l-liv tal-ġenituri jixhed diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; billi r-rata ta' missirijiet li jieħdu liv tal-ġenituri fl-Istati Membri għadha baxxa, (10 % biss tal-missirijiet jieħdu għall-inqas jum wieħed ta' liv), u 97 % tan-nisa jużaw il-liv tal-ġenituri li hu disponibbli għaż-żewġ ġenituri; billi d-data disponibbli tikkonferma li t-tipi ta' liv tal-familja li ma jitħallsux jew li jitħallsu b'mod inadegwat jirriżultaw f'rati ta' parteċipazzjoni baxxi; billi l-liv tal-ġenituri li hu parzjalment jew kollu kemm hu mhux trasferibbli u li jkun imħallas sew jappoġġa użu aktar ibbilanċjat miż-żewġ ġenituri, u jgħin biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi huma biss ftit Stati Membri li jħeġġu lill-missirijiet sabiex jagħmlu l-aħjar użu mil-liv tal-paternità jew tal-ġenituri, u dan iwassal biex l-irġiel ikunu mċaħħda mill-opportunità li jipparteċipaw b'mod indaqs fl-indukrar tat-tfal u fil-ħin li jqattgħu magħhom;

W.  billi huwa vitali li jiġu introdotti miżuri għall-promozzjoni tal-aċċess tal-liv min-naħa tal-missirijiet, b'mod partikolari għaliex il-missirijiet li jieħdu l-liv tal-familja jibnu relazzjoni aħjar ma' wliedhom u għandhom aktar probabbiltà li jkollhom rwol attiv fil-kompiti futuri relatati mal-indukrar tat-tfal;

X.  billi l-istudji tal-Eurofound urew aspetti li jinfluwenzaw ir-rati ta' teħid tal-liv tal-ġenituri min-naħa tal-missirijiet, jiġifieri: il-livell ta' kumpens, il-flessibbiltà tas-sistema tal-liv, id-disponibbiltà ta' informazzjoni, id-disponibbiltà u l-flessibbiltà tal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u l-biża' ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol minħabba l-fatt li wieħed jieħu l-liv;

Y.  billi d-disponibbiltà ta', u aċċess għal, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) li jkunu adegwati u ta' kwalità, indukrar għal persuni dipendenti oħra u servizzi soċjali ta' kwalità għolja huma wieħed mill-fatturi prinċipali li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi hemm nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri kura tat-tfal ta' kwalità u aċċessibbli għal-livelli kollha ta' dħul; billi għal 27 % tal-Ewropej, il-kwalità baxxa tal-indukrar tat-tfal tagħmilha diffiċli biex jaċċessaw dawn is-servizzi(26); billi l-kisba ta' servizzi ta' kwalità jfisser investiment f'taħriġ tal-ħaddiema li jindukraw it-tfal(27); billi huma biss 11-il Stat Membru li laħqu l-ewwel mira ta' Barċellona (indukrar tat-tfal disponibbli għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn l-età ta' 3 snin u l-età skolastika obbligatorja) u 10 Stati Membri biss laħqu t-tieni mira (mill-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin)19(28);

Z.  billi l-edukazzjoni u l-indukrar fit-tfulija bikrija u l-esperjenzi tat-tfal bejn u it-twelid u l-età ta' 3 snin għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tagħhom, peress li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin;

Aa.  billi l-politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom ukoll jippermettu lilll-ġenituri jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn uliedhom, filwaqt li jiżguraw il-mezzi finanzjarji, il-ħin u l-appoġġ meħtieġ għall-ommijiet u l-missirijiet;

Ab.  billi l-Ewropa hija kontinent bl-ikbar numru ta' ċittadini anzjani u proċess ta' tixjiħ li se jibqa' għaddej matul id-deċennji li ġejjin; billi ħafna Stati Membri huma nieqsa minn biżżejjed faċilitajiet ta' indukrar għal żmien twil biex jindirizzaw iż-żieda fil-bżonnijiet ta' indukrar u l-istaġnar jew it-tnaqqis fl-indikatur ta' snin ta' ħajja b'livell tajjev ta' saħħa; billi l-biċċa l-kbira tal-impjiegi maħluqa fl-indukrar formali fid-dar lill-qraba anzjani huma mħallsa ħażin u jeħtieġu kwalifiki baxxi(29).

Ac.  billi fl-UE, 80 % tal-bżonnijiet ta' indukrar huma pprovduti minn indukraturi informali; billli madwar 3.3 miljun Ewropew li għandhom bejn 15 u 34 sena kellhom jieqfu mix-xogħol full-time tagħhom minħabba nuqqas ta' faċilitajiet għat-tfal dipendenti jew qraba anzjani;

Ad.  billi l-ICT u t-teknoloġiji emerġenti biddlu l-ambjenti tax-xogħol u tal-impjiegi, il-kulturi organizzattivi u l-istrutturi fis-setturi kollha; billi dawk li jfasslu l-politika jridu jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex jiżguraw li l-istandards soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi jimxu 'l quddiem minflok imorru lura f'dawn iċ-ċirkostanzi l-ġodda;

Ae.  billi l-kombinazzjoni tal-indukrar u x-xogħol imħallas għandha impatt importanti fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol u r-rati ta' impjiegi, b'mod partikolari għan-nisa li matul ħajjithom jista' jkollhom responsabbiltajiet ta' indukrar ta' wlied uliedhom u/jew ta' ġenituri anzjani (30);

Af.  billi f'xi sistemi legali fl-UE ma teżistix l-individwalizzazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u ta' sigurtà soċjali, u n-nisa jingħataw biss drittijiet derivati permezz tar-relazzjoni tagħhom mal-irġiel, inkluż l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-pensjonijiet; billi l-Istati Membri li jimponu d-dipendenza tal-mara miżżewġa/omm qegħdin jimponu diskriminazzjoni diretta kontra n-nisa, u jiċħdu d-drittijiet ta' ċittadinanza sħiħa lin-nisa permezz tal-mod selettiv li bih jitwasslu s-servizzi tal-istat;

Ag.  billi huma meħtieġa politiki mmirati lejn is-suq tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex jitqiesu l-ostakoli intersezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom nisa vulnerabbli bħan-nisa b'diżabilità, nisa żgħażagħ, nisa migranti u refuġjati, nisa minn sfondi ta' minoranza etnika u nisa LGBTI f'termini ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-sigurtà tal-impjiegi;

Ah.  billi l-fatt li l-ħaddiema jingħataw ħin frank għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja mingħajr ma ssir diskriminazzjoni kontrihom, jibbenefika l-benessri tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-ekonomija b'aktar ħiliet u produttività ogħla(31);

Ai.  billi l-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata minnha nnifisha mhux se tipproduċi benefiċċji għall-ħaddiema sakemm ma tiġix akkumpanjata minn politiki biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja, flimkien ma' politiki biex jitrawmu u jiġu promossi, fost l-oħrajn, l-attivitajiet kulturali, rikreattivi u sportivi;

Prinċipji ġenerali

1.  Jirrimarka li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja huwa kunċett wiesa' li jinkludi politiki ġenerali kollha ta' natura leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva immirati lejn il-promozzjoni bilanċ xieraq u proporzjonat bejn id-diversi aspetti ta' ħajjet in-nies; iqis li l-kisba ta' bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jeħtieġ politiki robusti, trasversali, strutturali u komprensivi, inklużi inċentivi u miżuri effikaċi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, l-indukrar u l-ħin imqatta' mal-familja u l-ħbieb, u l-ħin għar-rekreazzjoni u l-iżvilupp personali; jinnota li fuq kollox tenħtieġ bidla kulturali fis-soċjetà, li titratta l-isterjotipi tas-sessi sabiex ix-xogħol u l-kura jinqasmu b'mod iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa;

2.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja jeħtieġ jiġi garantit bħala dritt fundamentali għal kulħadd, fl-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz ta' miżuri li jkunu disponibbli għal kulħadd, li jmorru lil hinn minn ommijiet, missirijiet żgħażagħ u indokraturi; jappella għall-introduzzjoni ta' qafas li jiżgura dan id-dritt bħala l-għan bażiku tas-sistemi soċjali u jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu, kemm fis-settur pubbliku u privat, mudelli tal-benesseri kummerċjali li jirrispettaw id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iqis li dan id-dritt għandu jiġi integrat fl-attivitajiet tal-UE li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq din il-kwistjoni;

3.  Jirrimarka li l-UE qed tiffaċċja bidliet demografiċi bla preċedent: iż-żieda fil-medja tat-tul tal-ħajja, rati iktar baxxi ta' twelid, bidliet fl-istrutturi familjari flimkien ma' forom ġodda ta' bini ta' relazzjonijiet u (ko)abitazzjoni, ġenituri f'età avvanzata u migrazzjoni, li jippreżentaw sfidi ġodda għall-UE; jinsab imħasseb li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kif ukoll it-tnaqqis fil-baġit sussegwenti kellhom impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi meħtieġa għal politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex tiġi ggarantita d-disponibilità u l-aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità bi prezz li jintlaħaq; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki pożittivi u inċentivi għall-appoġġ tat-tiġdid demografiku, iż-żamma tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-promozzjoni tal-benesseri u l-iżvilupp tal-persuni u tas-soċjetà kollha kemm hi;

4.  Jenfasizza li r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE ggravat minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, opportunitajiet ta' impjieg prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol qed iwasslu biex iż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ professjonali, jitilfu l-interess li jkollhom it-tfal bil-għan li jibqgħu attivi f'suq tax-xogħol dejjem aktar kompettitiv; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromwovu ambjenti tax-xogħol favur il-familja, pjanijiet ta' rikonċiljazzjoni, programmi għar-ritorn lura għax-xogħol, kanali ta' komunikazzjoni bejn l-impjegati u min iħaddem, u inċentivi għan-negozji u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari biex jiżguraw li n-nies mhux qed ikunu penalizzati ekonomikament minħabba li jkollhom it-tfal u li l-aspirazzjonijiet leġittimi ta' karriera ma jmorrux kontra l-pjanijiet familjari; jenfasizza barra minn hekk li l-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri jistgħu jiġu applikati effettivament b'benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija jekk jiġu applikati flimkien ma' strumenti oħra ta' politika, inkluż il-forniment ta' ndukrar tat-tfal ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq;

5.  Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni lejn il-politiki dwar il-bilanċ bejn x-xogħol u l-ħajja privata bħala kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi soċjoekonomiċi; jistieden lis-sħab soċjali Ewropej joħorġu bi ftehim dwar pakkett komprensiv ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, biex filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà tippreżenta proposta għal pakkett bħal dan bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 fil-kuntest tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali mħabbar jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim bejn is-sħab soċjali; jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi għandhom jinkludu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala bażi legali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali lejn pilastru tad-drittijiet soċjali, li jwassal għal investiment soċjali reali li jenfasizza primarjament l-investiment fin-nies;

6.  Jilqa' t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tiġbor il-fehmiet u rispons dwar numru ta' prinċipji essenzjali biex jiġu appoġġjati swieq tax-xogħol u sistemi ta' assistenza soċjali li jiffunzjonaw tajjeb u ġusti fiż-żona tal-euro;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw politiki u miżuri li jirrikonoxxu d-diversità li qed tiżdied tar-relazzjonijiet tal-familja, inkluż is-sħubiji ċivili u l-arranġamenti tat-trobbija tat-tfal mill-ġenituri u min-nanniet, kif ukoll id-diversità tas-soċjetà kollha kemm hi, b'mod partikolari biex jiggarantixxu li t-tfal ma jiġux iddiskriminati minħabba l-istatus maritali tal-ġenituri jew il-kostituzzjoni tal-familja tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu dokumenti legali b'mod reċiproku bil-għan li jiġi ggarantit il-moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u jipprovdu miżuri li jappoġġaw lil dawk li huma l-aktar żvantaġġjati jew esklużi minn leġislazzjoni u politiki eżistenti, bħal familji b'ġenitur wieħed, koppji mhux miżżewġin, koppji tal-istess sess, migranti, persuni li jaħdmu għal rashom jew l-hekk imsejħa 'konjuġi ta' għajnuna', u l-familji li membru wieħed jew aktar tagħhom għandhom diżabilità;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jqisu l-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat CRPD tan-NU tal-2015 lill-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-benesseri u l-aħjar interessi tat-tfal ikunu wieħed mill-kunsiderazzjonijiet ewlenin fl-iżvilupp, fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal(32) u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi, bħal Garanzija għat-Tfal, li tqiegħed lit-tfal fil-qalba ta' politiki għat-tnaqqis tal-faqar eżistenti sabiex it-tfal kollha jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti minn pjan integrat Ewropew għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

11.  Iqis li l-faqar fost it-tfal huwa marbut mal-faqar tal-ġenituri, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar u l-Benesseri tat-Tfal u jużaw il-qafas ta' monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi msemmi fiha;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi inkorporat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fl-istrateġiji korporattivi bil-għan li jkun żgurat li kulħadd jiġi appoġġjat fi żminijiet differenti matul il-ħajja tagħhom u jkun jista' jipparteċipa b'mod attiv fis-suq tax-xogħol bi drittijiet tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;

13.  Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ugwaljanza aktar imsaħħa bejn is-sessi huma essenzjali għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-indukraturi nisa u l-ommijiet waħedhom, u għall-kisba tal-għan tal-emanċipazzjoni tan-nisa; jenfasizza li t-trasformazzjoni u l-adattament tas-suq tax-xogħol huma essenzjali għall-emanċipazzjoni ekonomiku tan-nisa sabiex jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u biex jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu sehem aktar ugwali tal-attivitajiet ta' indukraru x-xogħol domestiku, li jiffokaw wkoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-indukrar mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati; iqis li għandha ssir enfasi fuq in-negozji u dawn għandhom jingħataw appoġġ fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jaffettwa b'mod partikolari l-ħaddiema nisa u biex jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja u l-azzjoni legali, inkluż billi jżidu l-ammont ta' informazzjoni offruta dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-assistenza legali, jekk meħtieġa; jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki għat-titjib tal-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament indaqs permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi(33) u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet formali fuq inizjattiva tagħhom stess ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;

16.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' data komprensiva, affidabbli u aġġornata regolarment dwar l-ugwaljanza jagħmilha iżjed diffiċli biex tiġi pprovata l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari diskriminazzjoni indiretta; jappella lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza b'mod sistematiku u jagħmluha disponibbli, bl-involviment tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali u tal-qrati, inkluż bil-ħsieb li ssir analiżi u monitoraġġ ta' din id-data għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tippromwovi aktar dan il-ġbir ta' data permezz ta' Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri, u billi l-Eurostat jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-konsultazzjonijiet li għandhom l-għan li jintegraw id-diżaggregazzjoni tad-data abbażi tar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni fl-indikaturi tal-Istħarriġ Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tikkoopera mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità ta' data diżaggregata skont is-sess b'mod sistematiku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b'mod regolari l-progress miksub f'oqsma kritiċi ta' tħassib kif inhu identifikat fil-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni li għalihom diġà ġew żviluppati indikaturi mill-EIGE, filwaqt li jitqiesu l-eżiti ta' dawn ir-reviżjonijiet fil-valutazzjoni tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE;

18.  Jinnota r-rwol importanti tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/KE, li jikkontribwixxu biex titqajjem kuxjenza u għall-ġbir tad-data, iżommu kuntatt mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn, jindirizzaw in-nuqqas ta' rapportar u jagħmlu l-proċessi tal-ilment aktar aċċessibbli; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol, il-kapaċitajiet u l-indipendenza tal-korpi ta' ugwaljanza, inkluż l-Equinet, fosthom permezz tal-għoti ta' finanzjament adegwat; jitlob b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet previsti fid-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali 2006/54/KE, li tiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja u azzjoni legali;

19.  Iqis li hu meħtieġ li jiġi pprovdut taħriġ xieraq fuq il-leġiżlazzjoni ta' nondiskriminazzjoni fl-impjieg u l-ġurisprudenza għall-impjegati ta' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi ta' infurzar tal-liġi u għall-ispetturi tax-xogħol; jemmen li taħriġ bħal dan huwa wkoll ta' importanza kritika għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u l-forza tal-pulizija;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex flimkien mal-Kummissjoni jiggarantixxu li d-drittijiet għal allokazzjonijiet soċjali mogħtija mill-politiki pubbliċi jkunu ugwali f'termini ta' drittijiet individwali u aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel, sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jgawdi d-drittijiet tiegħu u biex ikunu jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

Li n-nisa u l-irġiel jaqilgħu u jindukraw indaqs

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fix-xogħol imħallas u mhux imħallas u li tiġi promossa l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet u l-ispejjeż tal-indukrar għat-tfal u dipendenti bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali, inkluż billi jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità bi prezz li jintlaħaq; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata;

22.  Jiddeplora l-persistenza tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju fundamentali ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għall-ħaddiema nisa u rġiel stabbilita fl-Artikolu 157 tat-TFUE, li tolqot b'mod partikolarilin-nisa li għandhom u li qed irabbu t-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex issaħħaħ l-istatus tal-impenn strateġiku tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tintegra perspettiva tas-sessi fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiżgura li l-ħidma dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ma ssirx inqas prijorità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta Strateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal wara l-2015, u biex ssegwiha fis-Semestru Ewropew, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-indukrar, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-impjieg mill-ġdid, fl-istess karigajew f'karigaekwivalenti jew simili, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija jew trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala, applikazzjoni għal u/jew teħid ta' liv tal-familja, u perjodu ta' protezzjoni wara r-ritorn tagħhom ħalli jkunu jistgħu jaġġustaw mill-ġdid f'xogħolhom; itenni li tibdil fil-ħinijiet u/jew rutini meta l-impjegat jidħol lura għax-xogħol (inkluża l-ħtieġa li min iħaddem jiġġustifika rifjut) u perjodi ta' taħriġ għandhom jiġu ggarantiti wkoll;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili fil-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament adegwat għal dawn il-politiki, ta' ftehimiet kollettivi u ta' negozjar kollettiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, u ta' riċerka u skambji ta' prattiki tajbin;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissostitwixxu l-mudelli ta' unitajiet domestiċi b'individwalizzazzjoni tat-tassazzjoni u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom drittijiet individwali u jiġi miġġieled l-istatus ta' dipendenza permezz tas-sħab tagħhom jew permezz tal-Istat;

27.  Jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata tal-impjiegi inġenerali ta' 75 % u biex tingħata spinta lill-PDG; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment favur l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi u fil-pożizzjonijiet fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika, jew f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni għolja fis-setturi kollha;

Tipi ta' liv relatati mal-familja u mal-indukrar

28.  Jinnota li l-Kummissjoni rtirat ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità u jitlob li din tressaq proposti ambizzjużi bi standards ta' livell għoli, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jitħallsu kif ukoll koperti minn protezzjoni soċjali matul il-perijodu ta' liv tal-maternità biex jappoġġaw lill-familji u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, isaħħaħ l-indipendenza soċjali u ekonomika tan-nisa u biex ikun evitat li jiġu penalizzati finanzjarjament talli jkollhom it-tfal; jenfasizza li liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

29.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba dwar it-tipi differenti ta' liv fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jinnota li aċċess aħjar għal tipi differenti ta' liv jipprovdi lill-persuni b'perspettiva ta' liv dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u jżid il-parteċipazzjoni fix-xogħol, l-effiċjenza ġenerali u s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol; jinnota li fejn m'hemmx dispożizzjonijiet għal-liv, jew fejn dawk eżistenti huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti, is-sħab soċjali, jista' jkollhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda jew fl-aġġornament ta' dawk attwali għal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri; jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jerġgħu jikkunsidraw politiki tal-liv biex takkomoda r-rwol tan-nanniet li jaħdmu biex jindukraw lin-neputijiet tagħhom;

30.  Jappella lill-Istati Membri jipprovdu sostituzzjoni ta' dħul u protezzjoni soċjali xierqa matul kwalunkwe liv relatat mal-familja jew mal-indukrar sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema bi dħul baxx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' liv, bl-istess kundizzjonijiet, bħall-oħrajn;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri u jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw li joffru estensjoni xierqa tat-tul minimu tal-liv tal-ġenituri b'sostituzzjoni ta' dħul adegwat u bi protezzjoni soċjali minn erbgħa għal mill-inqas sitt xhur u biex tiżdied l-età tat-tfal li għalihom jista' jittieħed il-liv tal-ġenituri; jenfasizza li l-ġenituri għandhom jingħataw il-flessibilità biex jużaw il-liv fi frazzjonijiet differenti jew kollu kemm hu; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw mill-ġdid is-sistemi tagħhom ta' kumpens finanzjarju għal-liv tal-ġenituri bil-għan li jintlaħaq livell adegwat ta' sostituzzjoni tad-dħul li jaġixxi bħala inċentiv u jinkoraġġixxi wkoll lill-irġiel jeżerċitaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri lil hinn minn perjodu ta' żmien minimu ggarantit mid-Direttiva; itenni li l-liv tal-ġenituri għandu jinqasam ugwalment bejn il-ġenituri u li parti sinifikanti għandha tibqa' mhux trasferibbli(34); jenfasizza li ż-żewġ ġenituri għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod rigward id-drittijiet għad-dħul u t-tul ta' żmien tal-liv;

32.  Jinnota żieda fil-vulnerabilità ta' ġenituri li jaħdmu li għandhom tfal b'diżabilità; Jistieden għalhekk, lill-Kummissjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18/UE rigward il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u regoli dettaljati għall-għoti tal-liv tal-ġenituri lil dawk li għandhom it-tfal b'diżabilità jew b'mard inkapaċitanti serju jew fit-tul; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jestendu l-possibbiltà ta' liv tal-ġenituri għal dawn il-ġenituri wara l-età statutorja tat-tfal previst fid-Direttiva u li jingħatalhom aktar liv tal-maternità, tal-paternità (fejn jeżisti) u liv tal-ġenituri;

33.  Jemmen li l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal arranġamenti ta' liv, kif ukoll ir-rwol tal-missirijiet fit-trobbija ta' wliedhom billi jieħdu l-liv, huma essenzjali biex jntlaħaq il-bilanċ bejn is-sessi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-mira ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel fl-Istrateġija Ewropa 2020;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sabiex tagħti lok lill-ġenituri bi tfal jew b'persuni dipendenti oħra jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, inizjattivi b'bażi soda u koerenti dwar:

(1)  direttiva dwar il-liv tal-paternità b'mhux anqas minn ġimagħtejn liv obbligatorju bi ħlas sħiħ;

(2)  direttiva dwar il-liv tal-indukraturi li tissupplementa l-forniment ta' indukrar professjonali, li tippermetti lill-ħaddiema jindukraw persuni dipendenti u toffri lill-indukratur rimunerazzjoni u protezzjoni soċjali xierqa; talbiet għal flessibbiltà xprunati mill-impjegati u biżżejjed inċentivi għall-irġiel sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-liv tal-indukraturi;

(3)  standards minimi applikabbli fl-Istati Membri kollha biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri u tfal adottivi u biex jiġu stabbiliti l-istess drittijiet bħal dawk tal-ġenituri naturali,

jirrikonoxxi li xi Stati Membri diġà ħadu miżuri proattivi dwar il-liv tal-paternità u l-liv tal-indukraturi;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu "care credits" (krediti tal-indukrar) permezz ta' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħala perjodi ekwivalenti għall-akkumulazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni sabiex jiġu protetti dawk li jieqfu għal ftit mill-impjieg biex jipprovdu ndukrar informali u mhux imħallas lil persuna dipendenti jew membru tal-familja u biex jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol ta' dawn l-indukraturigħas-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

Indukrar għal persuni dipendenti

36.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv il-miri ta' Barċellona sal-2020 u japprovaw l-Qafas ta' Kwalità tal-2014 dwar l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal;

37.  Ifakkar li l-investiment f'servizzi soċjali, inkluż l-infrastruttura, jiġġenera ammont ta' impjiegi konsiderevoli, li jwassal ukoll għal dħul addizzjonali sinifikanti għas-settur pubbliku f'taxxi tal-impjieg u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jitlob lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u l-indukrar ta' kwalità fit-tfulija bikrija u servizzi ta' ndukrar għall-anzjani u dipendenti; jistedinhom jiżguraw id-disponibbiltà, prezz li jintlaħaq u aċċess universali għal dawn is-servizzi billi, pereżempju, iżidu n-nefqa pubblika fuq servizzi ta' ndukrar, inklużi skemi għal għajxien indipendenti, u billi jsir użu aħjar mill-fondi tal-UE; jitlob li r-reviżjoni tal-QFP tintuża wkoll biex jiżdied l-investiment fis-servizzi soċjali u fl-infrastruttura, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-FSE, l-FEŻR u l-FEIS; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-għoti ta' aċċess bla ħlas għal servizzi ta' ndukrar għall-familji li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali; jinnota wkoll l-impatt sproporzjonat tan-nuqqas ta' investiment fi strutturi u servizzi pubbliċi tal-indukrar fuq il-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza kbira tagħhom huma nisa;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ix-xogħol li jsir minn nies li jiddedikaw il-ħin u l-ħiliet tagħhom biex jieħdu ħsieb lill-anzjani u persuni dipendenti;

39.  Jenfasizza li l-indukrar ta' tfal b'diżabilità joħloq sfidi partikolari għall-ġenituri li jaħdmu, u dan għandu jkun rikonoxxut mis-soċjetà u appoġġjat mill-politiki pubbliċi u n-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri biex fl-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal ta' qabel l-iskola jagħmlu enfasi mhux biss fuq l-aċċessibbiltà iżda anki fuq il-kwalità ta' dak l-indukrar, b'mod partikolari għal tfal li ġejjin minn ambjent żvantaġġat u tfal b'diżabbilità;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà li gradwalment jagħmlu s-sigħat tal-iskola konformi mas-sigħat tax-xogħol full-time, permezz ta' attivitajiet barra mill-iskola kemm fit-tmiem il-ġurnata tal-iskola kif ukoll fiż-żminijiet ta' vaganzi, sabiex jgħinu lill-ħaddiema jsibu bilanċ reali bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u privata tagħhom, speċjalment b'referenza għan-nisa għaliex huma proprju dawn li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom biex ikunu jistgħu jindukraw lit-tfal tagħhom;

41.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-politiki fiskali bħala lievaqawwija li żżid il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-trawwim tal-impjieg tan-nisa, billi jintroduċu kreditu ta' taxxa għall-indukrar tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħra, ibbażati fuq inċentivi u benefiċċji fiskali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu miri għall-indukrar tal-anzjani, persuni b'diżabilità u persuni dipendenti oħrajn, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ li għandhom ikejlu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u prezz li jintlaħaq; jistieden lill-Eurostat, il-Eurofound u lill-EIGE (għall-Indiċi tal-Ġeneru tiegħu), biex jiġbru data relevanti u jwettqu studji b'appoġġ għal din il-ħidma;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerk ta' servizzi speċjalizzati li jipprovdu l-indukrar ta' persuni anzjani, u b'mod speċifiku biex jibnu netwerks ta' servizzi fid-djar; f'dan is-sens, jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal politiki dwar l-indukrar tal-anzjani biex dan jiġi adattat għal bżonnijiet individwali u, jekk possibbli, biex issir enfasi fuq il-post ta' ndukrar preferut tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem lejn standards kwalitattivi Ewropej għas-servizzi kollha ta' ndukrar, inklużi d-disponibbiltà, l-aċċessibiltà u l-prezz li jintlaħaq tagħhom, li jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-proċess ta' titjieb tal-istandards fil-qasam tal-indukrar; ifakkar l-oqfsa eżistenti bħalma huma l-Qafas Ewropew ta' Kwalità għal Servizzi ta' Ndukrarfit-Tul, li għandha tittieħed ispirazzjoni minnhomt; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki li jippermettu u jakkomodaw id--deistituzzjonalizzazzjoni tal-indukrar fit-tul, fejn ikun possibbli u bl-appoġġ ta' ndukrar ibbażat fil-komunità;

45.  Jirrimarka li element importanti fil-kisba ta' servizzi ta' kwalità huwa l-investiment fil-forza tax-xogħol(35); jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromowovu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u impjieg ta' kwalità għall-indukraturi, fosthom permezz ta' paga diċenti, rikonoxximent tal-istatus ta' indukraturi u l-iżvilupp ta' mogħdijiet ta' taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għall-indukraturi;

Impjiegi ta' kwalità

46.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-livelli għolja ta' ħaddiema foqra fl-Ewropa kollha, b'xi nies li jkollhom jaħdmu aktar u aktar fit-tul, anke li jikkombinaw diversi impjiegi, sabiex jaqilgħu paga li tiggarantixxi l-għajxien; jenfasizza kemm huwa importanti li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata m'għandux jiġi stabbilit bl-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u biż-żieda fin-numru ta' forom mhux standard ta' impjieg; jinnota li n-nisa huma sopra f'forom ta' impjieg mhux standard, u dan iwassal għal insigurtà soċjali u ekonomika; jinnota differenza persistenti fil-pagi fl-Istati Membri kollha bejn il-paga grossa u l-paga netta, u li din mhijiex biss relatata mal-karatteristiċi differenti tal-partijiet ikkonċernati imma wkoll mal-kundizzjonijiet differenti tas-suq; jenfasizza li l-pagi għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tax-xogħol, u li l-għoli tal-ħajja lokali u mhux esklussivament fuq l-istandards kwantitattivi; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw qafas ta' politika għall-pagi b'miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u l-garanzija ta' pagi adegwati għall-ħaddiema kollha, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' pagi minimi fil-livell nazzjonali li jiggarantixxu ħajja dinjituża, skont il-prattiċi nazzjonali; jappella lill-Istati Membri jappoġġaw in-negozjar kollettiv bħala fattur importanti fl-iżvilupp ta' politiki dwar il-paga;

47.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jenfasizza l-fatt li żieda fil-flessibbiltà tista' tirriżulta f'intensifikazzjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol attwalment esperjenzata min-nisa – fil-forma ta' pagi aktar baxxi, forom mhux standard ta' impjieg u responsabbiltà sproporzjonata għal kompiti domestiċi mhux imħallsa – jekk ma jitteħidx minn qabel approċċ ċar dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

48.  Jappella lill-Eurofound jiżiluppa aktar l-attivitajiet tiegħu għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi permezz ta' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, ibbażat fuq il-kunċett ta' impjieg ta' kwalità li jinkludi: qligħ, prospetti, kwalità tal-ħin tax-xogħol, l-użu ta' ħiliet u d-diskrezzjoni, l-ambjent soċjali, ir-riskju fiżiku u l-intensità fuq ix-xogħol; jappella, barra minn hekk, lill-Eurofound biex tiżviluppa r-riċerka tagħha dwar politiki, ftehimiet tas-sħab soċjali u prattiki tal-kumpaniji li jappoġġaw l-impjiegi ta' kwalità(36); jappella lill-Eurofound ikompli jimmonitorja l-okkorenza ta' arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol u jipprovdi analiżi tal-politiki pubbliċi u l-ftehimiet mas-sħab soċjali f'dan il-qasam, inkluża valutazzjoni dwar kif dawn jiġu negozjati u l-appoġġ għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella lill-Eurofound biex tiżviluppa riċerka dwar kif il-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu jistgħu jiġġestixxul-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tagħhom flimkien u kif jistgħu jiġu appoġġjati bl-aħjar mod;

49.  Jenfasizza li, min-naħa waħda, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jrid ikun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jindika, min-naħa l-oħra, id-differenzi fis-sitwazzjoni personali u tal-familja ta' kull ħaddiem u għalhekk iqis li l-impjegati għandhom jingħataw il-possibilità li jużaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli sabiex jadattaw dawn għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li tali flessibbiltà iffokata fuq l-impjegati tista' tippromwovi rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa; jenfasizza li l-impjegati u min iħaddem għandhom responsabbiltà kondiviża biex ifasslu u jaqblu dwar l-aktar arranġamenti xierqa; jappella lill-Kummissjoni tindirizza s-sitwazzjoni fl-Istati Membri dwar "Dritt li jitolbu arranġamenti flessibbli ta' xogħol";

50.  Jappoġġa "smart working" (xogħol intelliġenti) bħala metodu ta' organizzazzjoni ta' xogħol permezz ta' taħlita ta' flessibilità, awtonomija u kollaborazzjoni, li mhux neċessarjament jeħtieġu li l-ħaddiem ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol jew f'post predefinit u li tippermettilhom li jimmaniġġjaw huma stess is-sigħat tax-xogħol tagħhom, filwaqt li tkun żgurata konsistenza ma' massimu ta' sigħat ta' xogħol kuljum u kull ġimgħa stabbiliti mil-liġi u permezz ta' ftehimiet kollettivi; jenfasizza, għalhekk, il-potenzjal ta' ħidma intelliġenti biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari għall-ġenituri li jirritornaw jew li jidħlu fis-suq tax-xogħol wara l-liv tal'-maternità jew tal-ġenituri; jiċħad, madankollu, bidla minn kultura ta' preżenza ta' kultura ta' disponibbiltà permanenti; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, biex meta jiżviluppaw politiki tax-xogħol intelliġenti, biex jiżguraw li dawn ma jimponux piż addizzjonali fuq il-ħaddiem, iżda pjuttost isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jżidu l-benesseri tal-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-kisba ta' riżultati tal-impjiegi biex jiġi evitat l-abbuż ta' dawn il-forom ġodda ta' xogħol; jappella lill-Istati Membri biex jippromwovu l-potenzjal tat-teknoloġija bħad-data diġitali, l-Internet b'veloċità għolja, teknoloġija tal-awdjo u tal-vidjo għal arranġamenti ta' telexogħol;

51.  Jenfasizza li mudelli alternattivi bħall-kooperattivi u l-mutwalitajiet għandhom potenzjal enormi biex imexxu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi u bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali emerġenti tax-"xogħol intelliġenti", minħabba l-livell ogħla ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw l-impatt tal-kooperattivi u l-mudelli kummerċjali alternattivi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment fis-setturi tat-teknoloġija, jistabbilixxu politiki biex jippromwovu u jaqsmu l-mudelli tal-aħjar prattiki;

52.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-ammont ta' xogħol part-time involontarju, b'mod partikolari fost in-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li żżid ir-riskju tagħhom ta' faqar fost il-ħaddiema; jenfasizza li meta ħaddiem jagħżel xogħol part-time, il-kwalità tal-impjieg tiegħu u n-non-diskriminazzjoni kontrih meta mqabbel ma' ħaddiema full-time jridu jiġu garantiti f'konformità mad-Direttiva tax-Xogħol part-time(37), u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għall-applikazzjoni ta' din id-direttiva; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema li jaħdmu part-time, il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw it-twaqqif tax-xogħol u l-ħaddiema b'distakki fil-karriera jew b'perjodi fejn ġew maħduma inqas sigħat ikollhom id-dritt ta' aċċess għal skema ta' pensjoni diċenti mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni;

53.  Huwa mħasseb dwar l-abbuż ta' kuntratti ta' sigħat żero f'xi Stati Membri u l-użu abbużiv ta' kuntratti temporanji, kuntratti involontarji, irregolari, imprevedibbli u t-tul eċċessiv ta' sigħat ta' xogħol u apprendistati ta' kwalità baxxa, li jagħmel bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata impossibbli fuq medda twila ta' żmien; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jitrattaw b'mod urġenti s-sitwazzjoni ta' impjieg prekarju, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

54.  Jirrimarka li sigħat tax-xogħol eċċessivi u irregolari u perjodi ta' serħan inux suffiċjenti, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjiegi u obbligi sproporzjonati ta’ prestazzjoni mitluba, jikkostitwixxu fatturi maġġuri ta' livelli ogħla ta' stress, livell baxx ta' saħħa fiżika u mentali u inċidenti u mard relatati max-xogħol; jirrimarka li l-ħinijiet tax-xogħol flessibbli u prevedibbli jinfluwenzaw b'mod pożittiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata(38); jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw il-ħinijiet tax-xogħol u jiżguraw perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti kollha; ifakkar l-obbligu tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u biex tikkunsidra li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li qed jonqsu milli jikkonformaw magħha; jirrakkomanda, għal dan l-għan, monitoraġġ mill-qrib ta' takeovers u/jew bejgħ ta' kumpaniji bil-għan li tiġi miġġielda t-tendenza li jiddgħajfu d-dispożizzjonijiet dwar is-sigħat tax-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ fil-kuntratti tal-impjieg;

55.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati biex jiffokaw fuq l-organizzazzjoni innovattiva fuq il-post tax-xogħol u biex jibbilanċjaw kemm il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll il-produttività/profittabbiltà tan-negozju; jinnota li r-rabta pożittiva bejn iż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kompetittività tan-negozju, f'termini ta' tnaqqis fl-assenteiżmu, il-marġini tal-potenzjal tal-produzzjoni, il-fatturat, l-attrazzjoni tat-talent, il-lealtà, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' assistenza soċjali, iż-żieda fl-istandard tal-għajxien u l-ħin liberu, ġiet ppruvata b'mod wiesa' mill-aħjar prattiki fl-Ewropa f'numru ta' intrapriżi kbar jew netwerks tal-SMEs;

56.  Jenfasizza li n-nisa u l-persuni LGBTI jiffaċċjaw ostakoli u sorsi ta' stress speċifiċi bbażati fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, inkluż fastidju, esklużjoni, diskriminazzjoni jew sterjotipi tas-sessi, li jħallu impatt negattiv fuq il-benesseri tagħhom fuq ix-xogħol, u li jheddu s-saħħa mentali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu progress fil-karriera tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu aktar passi sabiex jindirizzaw dawn il-kundizzjonijiet avversi billi jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja sensittivi lejn is-sessi, u jaħdmu ma' trejdjunjins u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jibnu u jsaħħu korpi nazzjonali ta' spezzjoni tax-xogħol billi jipprovdulhom il-kundizzjonijiet finanzjarji u r-riżorsi finanzjarji u umani li jagħtuhom preżenza effettiva fil-post u b'hekk ikunu jistgħu jiġġieldu l-insigurtà tal-impjiegi, l-impjieg mhux regolat, u d-diskriminazzjoni fix-xogħol u fil-paga, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

58.  Jappella lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2006/54/KE dwar it-Trattament Ugwali u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva, u tippromwovi fost il-kumpaniji l-implimentazzjoni ta' pjanijiet dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-korpi ta' ugwaljanza fl-assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jiġu indirizzati l-isterjotipiċi tal-ġeneru; jappella lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri leġiżlattivi li jiżguraw il-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol;

59.  Jerġa' jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta l-Proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

60.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni soċjali u r-remunerazzjoni fil-każ ta' liv minħabba mard sabiex ikun permess bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Il-Kwalità tal-ħajja

61.  Jirrimarka li l-"kwalità tal-ħajja" hija kunċett usa' mill-"kundizzjonijiet tal-ħajja" u tirreferi għall-benesseri ġenerali tal-individwi f'soċjetà, billi tidentifika numru ta' dimensjonijiet tal-eżistenza tal-bniedem bħala essenzjali għal ħajja tal-bniedem kompluta(39);

62.  Jenfasizza li l-inugwaljanza fil-qasam tar-rikreazzjoni u l-kondiviżjoni mhux indaqs tar-responsabbiltajiet bejn in-nisa u l-irġiel jista' jkollha impatt fuq l-iżvilupp personali, it-tagħlim ta' ħiliet u lingwi ġodda, l-parteċipazzjoni soċjali, politika, kulturali u l-ħajja komunitarja tan-nisa, u b'mod speċjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa;

63.  Jenfasizza li kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż is-segregazzjoni tal-ġeneri, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi dwar il-ġeneri u livelli għoljin ta' stress fil-ġestjoni tal-ħajja professjonali u dik privata qed jiġu riflessi fir-rata għolja ta' inattività fiżika tan-nisa u għandhom impatt enormi fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom(40); itenni l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi permezz tal-promozzjoni u d-difiża tal-ugwaljanza bejn is-sessi tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni, mill-iskola primarja 'l quddiem; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex iwettqu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll programmi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġġieldu kontra l-isterjotipi;

64.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-iżvilupp personali tal-ħaddiema, inkluż l-importanza li wieħed jibqa' aġġornat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li dejjem jinbidlu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja; jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jipprovdu għal liv għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, inkluż fi Stati Membri terzi; jappella biex iwettqu it-tagħlim kemm ġewwa u barra mix-xogħol, inklużi opportunitajiet ta' studju mħallas, li jkunu aċċessibbli għall-ħaddiema kollha, partikolarment dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet żvantaġġjati, u b'enfasi fuq l-impjieg tan-nisa f'setturi fejn in-nisa huma strutturalment sottorappreżentati;

65.  Jistieden lill-Istati Membri, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jiskambjaw prattiki tajbin dwar inċentivi għall-familji, bħal biljetti tat-trasport pubbliku mingħajr ħlas, skontijiet tal-familja għal attrazzjonijiet kulturali u turistiċi, u skontijiet fuq prodotti jew servizzi relatati mal-edukazzjoni jew it-taħriġ;

66.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi; jappella lill-Istati Membri jippromwovu miżuri immirati biex jistabbilixxu skemi ta' introjtu minimu adegwat f'konformità mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali li jagħmluha possibbli li n-nies kollha jgħixu ħajja dinjituża, li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u li jiżguraw l-indipendenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

67.  Jiddeplora s-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom ħafna nanniet, li suppost huma f'età fejn igawdu l-paċi u jgawdu l-irtirar mistħoqq tagħhom, iżda fil-fatt jinsabu mħabbtin bir-responsabbiltajiet tal-familja peress li jridu jindukraw lil ulied uliedhom għaliex uliedhom ma jistgħux jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja mingħajr l-għajnuna tagħhom;

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(2)

ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 163.

(3)

ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.

(4)

ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.

(5)

ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(6)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(7)

ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(8)

ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0059.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0207.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2013)0375.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2013)0074.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2015)0050.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2015)0351.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2016)0042.

(17)

Testi adottati, P8_TA(2016)0226.

(18)

ĠU C 175 E, 15.6.2011, p. 8.

(19)

it-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, organizzata fi Brussell fis-7 ta' Marzu 2011.

(20)

Eurostat 2015 Demography Report (Rapport tal-Eurostat dwar id-Demografija għall-2015).

(21)

Eurofound (2015). First findings: Sixth European Working Conditions Survey" ( L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)

(22)

http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do

(23)

Eurofound (2013): Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers (L-indukrar tat--tfal u l-persuni dipendenti: L-effetti fuq il-karrieri tal-ħaddiema żgħażagħ).

(24)

Eurofound (2015): First findings: Sixth European Working Conditions Survey" ( L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)

(25)

Data tal-Eurostat għall-2010, Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea, SWD(2016)0054.

(26)

Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja 2012 tal-Eurofound

(27)

Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi - Rieżami sistematiku)

(28)

Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),

(29)

Eurofound (2013), Caring for children and dependants: Effect on carers of young workers (Nindukraw it-tfal u d-dipendenti: L-effetti fuq l-indukraturi tal-ħaddiema żgħażagħ).

(30)

Eurofound report, Sustainable work over the life course: Concept paper (Rapport tal-Eurofound, Xogħol sostenibbli matul il-ħajja: Dokument ta' kunċett - 2015)

(31)

CEDEFOP Research Paper: Training leave Policies and practices in Europe (Liv għat-taħriġ: Politiki u prassi fl-Ewropa), 2010.

(32)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 dwar "L-Investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" (2013/112/UE).

(33)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol P8_TA(2015)0351.

(34)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE P8_TA(2016)0226.

(35)

Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi - Reviżjoni sistematika)

(36)

Rapport tal-Eurofound "Trends in job quality in Europe" (Xejriet fil-kwalità tax-xogħol fl-Ewropa - 2012) u r-rapport tal-Eurofound dwar "Convergence and divergence of job quality in Europe 1995-2010" (Konverġenza u diverġenza tal-kwalità tal-impjiegi fl-Ewropa 1995-2010 (2015)).

(37)

Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC.

(38)

Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound.

(39)

It-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-Eurofound

(40)

L-Istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel).


NOTA SPJEGATTIVA

Tul l-aħħar deċennji, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u dik tal-familja ġiet rikonoxxuta bħala dritt fundamentali. Għalkemm diġà ttieħdu xi inizjattivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, f'dan il-qasam għad irid isir aktar progress sabiex jiġi żgurat bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal kulħadd. Dan mhux biss itejjeb il-benesseri tal-individwu stess imma wkoll huwa ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, anke minħabba l-fatt li persuni b'bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma iktar produttivi fuq ix-xogħol. Dan jeżiġi t-trasformazzjoni tal-ambjent tax-xogħol kif ukoll l-abbandun tal-idea li x-xogħol (imħallas) huwa l-uniku mod utli, u għalhekk prezzjuż, kif persuna tqatta' ħinha. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi inkorporat approċċ tul iċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata biex ikun żgurat li kulħadd jiġi appoġġjat f'mumenti differenti matul il-ħajja tiegħu u jkun jista' jipparteċipa b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali.

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jabbozz dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja biex jiġbed aktar attenzjoni fuq id-dibattitu u biex iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha f'dan il-qasam b'mod ġenerali, iżda wkoll b'mod aktar speċifiku bħala reazzjoni għall-pjan direzzjonali u għall-konsultazzjoni pubblika ppubblikati fl-2015 bit-titolu ‘Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol'. L-għan ta' din l-inizjattiva tal-Kummissjoni hu li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jiġi modernizzat u adatt il-qafas legali u politiku attwali tal-UE għas-suq tax-xogħol tal-lum biex il-ġenituri bit-tfal u/jew qraba oħra dipendenti jkunu jistgħu jkollhom bilanċ aħjar bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, ikun hemm kondiviżjoni aktar tar-responsabilitajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

Fil-fehma tar-rapporteurs, li jilqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-bżonn li jiġi modernizzat il-qafas tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-livell tal-UE huwa ovvju għal diversi raġunijiet ewlenin: is-soċjetà kellha bidliet demografiċi li rriżultaw f'aktar bżonnijiet ta' indukrar, tfaċċaw modi ġodda ta' kif wieħed jaħdem, il-qgħad għadu f'livelli għolja bla preċedent, id-diversità tar-relazzjonijiet tal-familja u tal-arranġamenti tat-trobbija tat-tfal żdiedet, ifl-fatt li wieħed isir ġenitur għad għandu effetti negattiv b'mod impressjonanti fuq ir-rati ta' impjieg tan-nisa u l-qafas attwali tal-UE qed jonqos ħafna milli jindirizza dan l-aspett tant importanti tal-inugwaljanza persistenti bejn is-sessi.

In-nisa dejjem qed ikunu aktar u aktar kwalifikati, anke iktar mill-irġiel f'termini ta' suċċess edukattiv(1), iżda xorta għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, jew huma impjegati f'impjiegi taħt il-livell tal-ħiliet tagħhom. Paga baxxa, konċentrazzjoni ogħla ta' xogħol part-time u aktar interruzzjonijiet fil-karriera minħabba l-indukrar tal-persuni (tfal u/jew qraba dipendenti) b'kollox qed jikkontribwixxu għal riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali għan-nisa kif ukoll differenza kbira fil-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (40 %). Barra minn hekk, id-differenza bejn l-impjiegi tan-nisa u tal-irġiel qed tikkawża livelli ogħla ta' faqar fost it-tfal u l-familji inġenerali, fil-familji fejn ġenitur wieħed biss ikun impjegat. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta' soluzzjonijiet ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jinfluwenza d-deċiżjoni tal-persuni li jitilqu mis-suq tax-xogħol jew li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal u/jew li jkollhom jieħdu ħsieb qarib dipendenti, l-għażla ta' jekk ikollhomx tfal jew meta, jew kemm ikollhom tfal, u dan kollu għandu effett negattiv kontinwu fuq id-demografija tal-Ewropa li ma nistgħux nippermettu li jkollna. Biex nikkonkludu, skont l-estimi, id-differenza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa qed tiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, jew 2.8 % tal-PDG tal-UE(2).

L-għan ta' dan ir-rapport u tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b'mod ġenerali mhux biss li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fi sferi oħra tal-ħajja, iżda wkoll li t-tfal jingħataw il-possibilità li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom billi jiġu provduti b'edukazzjoni bikrija u indukrar ta' kwalità għolja, aċċess għal attivitajiet ta' rikreazzjoni, kulturali u sportivi u ħin mal-ġenituri tagħhom. Politiki xierqa dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jgħinu wkoll biex jiġi żgurat livell ogħla ta' ħajja u sigurtà għal persuni dipendenti oħra, b'mod partikolari l-persuni dipendenti anzjani u dawk b'diżabilità jew mard fit-tul.

Ir-rapporteurs huma mħassba profondament dwar il-fatt li l-miżuri attwalment fis-seħħ fl-Istati Membri mhux dejjem itejbu s-sitwazzjoni, jew saħansitra jiggravawha, billi jikkawżaw effetti negattivi fuq il-benessri tal-popli kollha kif ukoll fuq il-parteċipazzjoni fl-impjieg u l-produttività. Hemm bżonn ta' azzjoni b'saħħitha fuq livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali favur miżuri leġiżlattivi, inkluż dwar tipi differenti ta' liv, flimkien ma' miżuri mhux leġiżlattivi, bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni, mekkaniżmi ta' kontroll u monitoraġġ tas-sitwazzjoni.

Ir-rapporteurs huma konvinti li għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja m'hemm l-ebda soluzzjoni unika li tapplika għal kulħadd, u li għandu jinstab il-bilanċ xieraq għal kull persuna, sabiex jiġu akkomodati l-bżonnijiet personali u familjari tagħhom.

Azzjoni meħtieġa fil-livell tal-UE biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Wasal iż-żmien li l-UE tieħu azzjoni biex tippromwovi konverġenza akbar bejn l-Istati Membri fis-soluzzjonijiet għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dan huwa kruċjali jekk irridu niksbu ugwaljanza ta' vera bejn il-ġeneri, niġġieldu l-faqar fost dawk li jaħdmu, it-tfal u n-nisa, nagħmlu użu aħjar mill-ħiliet tal-persuni u t-talenti tagħhom, u nieħdu azzjoni biex nindirizzaw l-isfidi demografiċi fl-UE. Hemm kemm il-ħtieġa li tiġi modernizzata l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet jew n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni f'ċerti oqsma, kif ukoll li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-politika ta' rikonċiljazzjoni.

Arranġamenti għal liv kondiviż suffiċjenti In-nuqqas ta' arranġamenti ta' liv imħallas għall-missirijiet meta mqabbla mal-ommijiet, jew ta' inċentivi insuffiċjenti biex dawn jintużaw, jappoġġja l-inugwaljanza bejn is-sessi fil-kondiviżjoni tax-xogħol u tal-obbligi tal-indukrar tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel, minflok ma jindirizzahom. Billi n-nisa huma l-utenti ewlenin tal-liv relatat mal-familja, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tiddgħajjef fir-rigward tal-impjegabilità, il-paga jew l-iżvilupp tal-karriera, filwaqt li fl-istess ħin l-irġiel ma jiġux appoġġjati jew imħeġġa jieħdu ħin barra mix-xogħol biex iqattgħuh mal-familja tagħhom u biex jieħdu ħsiebha. Biex jiġi indirizzat dan, dan ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni:

-   tippreżenta proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KE dwar il-ħaddiema tqal (liv tal-maternità), li saret fl-1992 u li ġiet adottata taħt il-kompetenza tal-UE fil-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Id-direttiva attwali tipprevedi 14-il ġimgħa liv tal-maternità mħallas u l-protezzjoni kontra t-tkeċċija. Ir-reviżjoni għandha timmira li ttawwal il-liv tal-maternità mħallas permezz ta' formula differenti ta' ħlas li tippermetti l-akkomodazzjoni ta' ħtiġijiet u tradizzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri differenti;

-   tippreżenta Direttiva dwar il-Liv tal-Paternità sabiex ikun żgurat li l-irġiel jassumu s-sehem tagħhom ta' responsabbiltajiet ta' indukrar, li tipprevedi minimu obbligatorju u mhux trasferibbli ta' liv imħallas għall-missirijiet;

-  tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/18/UE dwar il-Liv tal-Ġenituri,

-  tressaq Direttiva dwar il-Liv tal-Indukraturi, bħala suppliment għall-provvediment ta' indukrar professjonali li wieħed jiflaħ iħallsu u sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jindukraw il-persuni dipendenti.

Matul l-aħħar kriżi, il-miżuri ta' awsterità rriżultaw f'nuqqas ta' servizzi ta' indukrar aċċessibbli, disponibbli u bi prezz li jintlaħaq għat-tfal, għall-qraba anzjani, għall-membri tal-familji b'diżabilità jew għall-persuni b'mard, u dan jitfa' pressjoni fuq in-nies, u b'mod partikolari fuq in-nisa, biex inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom, jagħżlu xogħol part-time u jinterrompu l-karrieri tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar dan jostakola l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-progressjoni fl-impjiegi u l-iżvilupp personali. Għalhekk, huwa neċessarju li jinbidlu l-isterjotipi dwar ir-rwol tan-nisa u dak tal-irġiel u li ssir il-bidla għal soċjetà fejn in-nisa u l-irġiel jaqilgħu ndaqs u jindukraw indaqs.

Il-kriżi kkawżat ukoll żieda fil-ħaddiema foqra fl-Ewropa kollha u persuni li għandhom jaħdmu aktar u aktar fit-tul, anke jikkombinaw diversi impjiegi, sabiex jaqilgħu introjtu diċenti. L-impatt fuq in-nisa kien għola peress li b'mod ġenerali huma jaqilgħu anqas għall-istess xogħol imwettaq mill-irġiel. Għal dawn ir-raġunijiet huwa importanti li jidħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw pagi adegwati għall-ħaddiema kollha, u li tingħalaq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa.

Nifhmu r-rwol tal-arranġamenti tax-xogħol u nippromwovu prattiki tajbin L-arranġamenti differenti ta' xogħol, bħal xogħol mid-dar, ħinjiet flessibbli tax- xogħol jew xogħol part-time qatt ma jistgħux ikunu obbligu għal kulħadd, imma għandhom dejjem jibqgħu għażla għall-ħaddiem ikkonċernat, sabiex dan ma jikkawżax piż żejjed fuq is-sitwazzjoni personali u familjari kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel.

Kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol favorevoli għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jistgħu jinħolqu u ħajja ta' kwalità tista' tinkiseb biss jekk in-nies ikollhom biżżejjed ħin barra mix-xogħol għall-iżvilupp personali, pereżempju permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u għar-rikreazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tintensifika l-azzjonijiet tagħha lejn l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw b'mod xieraq id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu miżuri li jappoġġjaw il-liv għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-pawżi fil-karriera.

(1)

  Fl-2014, 42.3 % tan-nisa (30–34) kellhom edukazzjoni terzjarja jew ogħla meta mqabbla ma' 33.6 % tal-irġiel.

(2)

  Ir-rapport (imminenti) tal-Eurofound bit-titolu ‘The Gender Employment Gap – Challenges and Solutions ‘ (Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi – Sfidi u soluzzjonijiet) jistma l-ispejjeż tal-finanzi pubbliċi (trasferimenti tal-introjtu/benefiċċji) kif ukoll l-introjtu mitluf (eż. qligħ mitluf, taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mitlufa) tad-differenzi fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol

(2016/2017(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteurs: Vilija Blinkevičiūtė, Tatjana Ždanoka

Opinjoni tal-minoranza mressqa mill-MPE Beatrix von Storch tal-EFDD

L-UE tikkunsidra lill-mara primarjament bħala ħaddiem. Skont l-''Aġenda 2020'', 75 % tan-nisa għandhom jiġu integrati fis-suq tax-xogħol formali. Il-libertà tal-għażla hija espressament mhux mixtieqa. L-istess mara (fl-età li fiha jista' jkollha t-tfal), għall-isforzi biex tingħeleb il-kriżi demografika, tiġi meqjusa bħala omm. Għall-istess grupp fil-mira jikkompetu żewġ approċċi politiċi kunfliġġenti. It-tellief huwa l-familja. Fil-fatt, it-Trattat tal-UE jirrikonoxxi biss lill-ħaddiema, iżda mhux lill-missirijiet u l-ommijiet. Minkejja dan, l-UE trid tmexxi l-ħajja tal-familja u tikkontrolla l-valuri u n-normi fi ħdan il-familja. Din il-proċedura ta' rapport tipprovdi bażi ta' leġittimità għall-edukazzjoni mill-ġdid tal-individwi, sabiex ikunu kompletament għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol. Dan kollu ma jittrattax il-familja u l-fatt li wieħed ikun ġenitur, iżda l-kompatibilità mas-suq tax-xogħol għan-nisa kollha. L-UE tiddefinixxi l-istat ta' ġenitur bħala wieħed mill-akbar ostakli għall-impjieg (fuq bażi full-time). Dan nafuh diġà permezz tal-''ABĊ tal-Komuniżmu, § 79, L-edukazzjoni preskolari'' (1920): ''L-edukazzjoni soċjali tagħti lis-soċjetà soċjalista l-possibilità li teduka bl-aħjar mod lill-ġenerazzjoni futura, bl-inqas użu ta' enerġija u mezzi. ... Din iġġib magħha benefiċċji ekonomiċi enormi. ... permezz tal-edukazzjoni soċjali, miljuni ta' ommijiet isiru disponibbli għall-produzzjoni ... Dawn jilliberaw ruħhom mix-xogħol tad-dar li joħnoq l-intellett u mill-għadd infinit ta' kompiti ċkejkna li huma marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal fl-ambjent tad-dar. Dan kollu nirrifjutah jien.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

4

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Daniela Aiuto, Maria Arena, Guillaume Balas, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Anna Maria Corazza Bildt, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Iratxe García Pérez, Elena Gentile, Anna Hedh, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnes Jongerius, Jan Keller, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Javi López, Morten Løkkegaard, Elisabeth Morin-Chartier, Jens Nilsson, Maria Noichl, Emilian Pavel, Marijana Petir, Pina Picierno, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Jutta Steinruck, Yana Toom, Marita Ulvskog, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Rosa D’Amato, Ildikó Gáll-Pelcz, Arne Gericke, Ingeborg Gräßle, Krzysztof Hetman, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Marc Tarabella, Monika Vana, Julie Ward, Gabriele Zimmer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Sławomir Kłosowski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

EPP

Georges Bach, Ingeborg Gräßle, Ildikó Gáll-Pelcz, Krzysztof Hetman, Danuta Jazłowiecka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Constance Le Grip, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Maria Arena, Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Iratxe García Pérez, Elena Gentile, Anna Hedh, Agnes Jongerius, Jan Keller, Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Javi López, Jens Nilsson, Maria Noichl, Emilian Pavel, Pina Picierno, Jutta Steinruck, Marc Tarabella, Marita Ulvskog, Julie Ward

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Yana Toom, Renate Weber

GUE/NGL

Malin Björk, Kostadinka Kuneva, Gabriele Zimmer

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun, Monika Vana, Tatjana Ždanoka

EFDD

Laura Agea, Daniela Aiuto, Rosa D'Amato

4

-

EPP

Anna Maria Corazza Bildt

ALDE

Morten Løkkegaard

EFDD

Beatrix von Storch

NI

Lampros Fountoulis

9

0

EPP

Elisabeth Köstinger, Marijana Petir, Michaela Šojdrová

ECR

Arne Gericke, Czesław Hoc, Sławomir Kłosowski, Jana Žitňanská

ALDE

Martina Dlabajová

GUE/NGL

Ángela Vallina

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali