Proċedura : 2015/0112(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0277/2016

Testi mressqa :

A8-0277/2016

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 18
CRE 01/02/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0014

RAPPORT     ***I
PDF 798kWORD 83k
29.9.2016
PE 585.819v01-00 A8-0277/2016

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 19/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 20/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

(COM(2015)0220 – C8-0131/2015 – 2015/0112(COD))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Marielle de Sarnez

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 19/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 20/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

(COM(2015)0220 – C8-0131/2015 – 2015/0112(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0220),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0131/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0277/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)  Hemm bżonn li t-twettiq u l-użu ta' studji tal-impatt jsiru sistematiċi qabel jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali internazzjonali, jew kwalunkwe estensjoni ta' ftehim biex jinkludi Stati ġodda, li jkun se jkollhom impatt dirett fuq l-ekonomiji u l-produzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

(Ara: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)0642 - Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012)0287 - Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv)

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 4b (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b)  L-Ekwador, wieħed mill-produtturi u fornituri ewlenin ta' banana għall-Unjoni, flimkien mal-Kolombja, hu fil-proċess li jaderixxi mal-ftehim. Ikun xieraq għaldaqstant li l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni attwali għall-banana jiġi estiż għall-Ekwador. Madankollu, intwera li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni attwali għall-banana mhuwiex effikaċi. Fil-fatt, l-esperjenza turi li l-mekkaniżmu nieqes mill-flessibbiltà, u dan ixekkel l-effikaċja tiegħu. Għal tliet snin konsekuttivi, inqabeż il-volum ta' importazzjoni li jikkostitwixxi l-limitu minimu ta' skattament għall-Perù, mingħajr ma ttieħdet kwalunkwe miżura. Għaldaqstant, ikun xieraq li jsir tibdil biex jiġi żgurat li l-proċedura applikabbli ssir aktar rapida u tiġi ssemplifikata b'mod li jittejjeb il-fluss ta' informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'mod partikolari billi tiġi inkluża twissija bikrija meta jinqabeż it-80 % tal-volumi ta' skattament u billi jiġi stabbilit osservatorju tal-prezzijiet.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 1 – punt h

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

2a.   Fl-Artikolu 1, il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

h)  "perjodu ta' tranżizzjoni" tfisser għaxar snin mid-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim, għal prodott li dwaru l-iskedi ta' tneħħija tat-tariffi għal oġġetti li joriġinaw fil-Kolombja u fil-Perù, kif stipulat fis-Sottotaqsimiet 1 u 2 tat-Taqsima B tal-Appendiċi 1 (Tneħħija ta' Dazji Doganali) tal-Anness I tal-ftehim (l-"Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi") tipprevedi perjodu ta' tneħħija tat-tariffi ta' inqas minn għaxar snin, jew il-perjodu ta' tneħħija tat-tariffi u tliet snin miżjuda miegħu għal prodotti li dwarhom l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tipprevedi perjodu ta' tneħħija ta' tariffi ta' 10 snin jew iżjed.

"h)  "perjodu ta' tranżizzjoni" tfisser għaxar snin mid-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim, għal prodott li dwaru l-iskedi ta' tneħħija tat-tariffi għal oġġetti li joriġinaw fil-Kolombja, fl-Ekwador u fil-Perù, kif stipulat fis-Sottotaqsimiet 1 u 2 tat-Taqsima B tal-Appendiċi 1 (Tneħħija ta' Dazji Doganali) tal-Anness I tal-ftehim (l-"Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi") tipprevedi perjodu ta' tneħħija tat-tariffi ta' inqas minn għaxar snin, jew il-perjodu ta' tneħħija tat-tariffi u tliet snin miżjuda miegħu għal prodotti li dwarhom l-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tipprevedi perjodu ta' tneħħija ta' tariffi ta' 10 snin jew iżjed. L-applikazzjoni ta' dan il-perjodu għall-Ekwador tibda mill-adeżjoni tiegħu għall-Ftehim. "

Emenda    4

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4a (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 15 – paragrafu 2

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

4a.  Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.   Volum ta' importazzjoni annwali ta' skattament huwa stabbilit għall-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tieni u t-tielet kolonni tat-tabella fl-Anness. Ladarba l-volum ta' skattament jew għall-Kolombja jew għall-Perù jintlaħaq matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 14(4), tadotta att ta' implimentazzjoni li permezz tiegħu tista' jew tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti ta' oriġini korrispondenti matul l-istess sena għal mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja jew inkella tiddetermina li tali sospensjoni mhijiex applikabbli

"2.   Volum ta' importazzjoni annwali ta' skattament huwa stabbilit għall-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tieni, it-tielet u r-raba' kolonni tat-tabella fl-Anness. Ladarba l-volum ta' skattament jew għall-Kolombja, l-Ekwador jew għall-Perù jintlaħaq matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 14(4), tadotta att ta' implimentazzjoni li permezz tiegħu tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti ta' oriġini korrispondenti matul l-istess sena għal mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja."

(http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32013R0019)

Ġustifikazzjoni

Il-PE u l-Kunsill għandhom bżonn ta' informazzjoni kull xahar dwar l-importazzjonijiet u r-rikavat fis-settur tal-banana f'analiżi tal-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet qabel jintlaħaq il-limitu minimu. Il-Ftehim bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù jiddisponi li: "ladarba dan il-volum ta' bidu jintlaħaq [...], l-Parti UE tista' tissospendi temporanjament id-dazju preferenzjali applikabbli" (Anness I, Appendiċi 1, Taqsima A). Fi kliem ieħor, il-mekkaniżmu jista' jiskatta awtomatikament ladarba jintlaħaq il-volum speċifikat.

Emenda    5

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4b (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 15 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

4b.  Fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"2a.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati dwar l-andament tal-importazzjonijiet tal-banana li joriġinaw mill-Kolombja, l-Ekwador jew il-Perù, u dwar l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-Unjoni u fuq il-produtturi Ewropej. Għal dan il-għan, għandha twettaq analiżi annwali, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru ta' kull sena, li tkun tkopri l-aħħar disa' xhur tas-sena li tkun għaddiet u għandha tikkomunikaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

Din l-analiżi għandha tippermetti li jiġu evalwati r-riskji ta' destabbilizzazzjoni eventwali tas-suq u li jiġi antiċipat l-andament tal-importazzjonijiet fuq il-bqija tas-sena kalendarja. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha miġbura matul is-sena li tkun għaddiet, b'mod partikolari, il-volumi ta' produzzjoni Ewropej, il-volumi importati, il-prezz tal-bejgħ fuq is-suq Ewropew tal-banana, b'riferiment partikolari għall-pajjiżi produtturi tal-banana, u l-prezzijiet applikati barra mill-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa l-effetti fuq il-produtturi Ewropej, b'mod speċjali fuq il-livell ta' impjieg u d-dħul tagħhom.

 

Meta l-volumi tal-importazzjonijiet jilħqu t-80 % tal-limitu minimu biex jiskatta l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni indikat fl-anness għal dan ir-Regolament, għal pajjiż wieħed jew diversi pajjiżi firmatarji tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tallerta formalment bil-miktub lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u tipprovdilhom analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet fuq is-suq Ewropew tal-banana. »

Emenda    6

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4c (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 15 – paragrafu 3

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

4c.  Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 3 huwa mħassar.

"3.   Meta tiddeċiedi liema miżuri għandhom japplikaw skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana. Dak l-eżami għandu jinkludi fatturi bħal: l-effett tal-importazzjonijiet fuq il-livell ta' prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra, l-istabilità ġenerali tas-suq tal-Unjoni.

 

(http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32013R0019&qid=1472813829241&from=MT)

Emenda    7

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4d (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 15 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

4d  Fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"3a.   Sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni aktar preċiża tal-importazzjonijiet u tal-qagħda tas-suq Ewropew tal-banana, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa għodda statistika preċiża li tqis l-andament tal-volum u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-banana, inkluż fuq perjodi mensili u b'riferiment partikolari għall-pajjiżi produtturi fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tagħha fuq l-internet u taġġorna kull tliet xhur id-data relattiva għall-andament tal-prezzijiet tal-banana mhux misjura fuq is-suq Ewropew tal-banana. Il-Kummissjoni tista' torganizza laqgħat ta' segwitu ad hoc li jieħdu sehem fihom l-Istati Membri u l-partijiet firmatarji. »

Emenda    8

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4e (ġdid)

Regolament (UE) Nru 19/2013

Artikolu 15 – paragrafu 7a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

4e.  Fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"7a.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana qabel l-1 ta' Jannar 2019. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-andament tal-importazzjonijiet tal-banana u l-effett tagħhom fuq is-suq u l-produtturi tal-Unjoni. Jekk ir-rapport jidentifika deterjorament gravi jew theddida ta' deterjorament gravi tal-qagħda tas-suq tal-banana tal-Unjoni u/jew tal-produtturi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tipprevedi li tieħu l-miżuri xierqa, inklużi miżuri kumpensatorji ta' akkumpanjament. »

Emenda    9

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1a (ġdid)

Regolament (UE) Nru 20/2013

Artikolu 15 – paragrafu 2

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

1a.  Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.  Volum ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar huwa stabbilit għall-importazzjonijiet ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tabella fl-Anness. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkien mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness II (Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Ladarba jintlaħaq il-volum tal-iskattar għal pajjiż tal-Amerika Ċentrali matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 14(4), tadotta att ta' implimentazzjoni li permezz tiegħu tista' jew tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti ta' oriġini korrispondenti matul l-istess sena għal mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja jew tiddetermina li tali sospensjoni mhijiex xierqa.

"2.  Volum ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar huwa stabbilit għall-importazzjonijiet ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 1, kif indikat fit-tabella fl-Anness. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkien mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness II (Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Ladarba jintlaħaq il-volum tal-iskattar għal pajjiż tal-Amerika Ċentrali matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 14(4), tadotta att ta' implimentazzjoni li permezz tiegħu tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali li jiġi applikat għall-prodotti ta' oriġini korrispondenti matul l-istess sena għal mhux aktar minn tliet xhur u li ma jaqbiżx tmiem is-sena kalendarja."

(http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32013R0020)

Ġustifikazzjoni

Il-PE u l-Kunsill għandhom bżonn ta' informazzjoni kull xahar dwar l-importazzjonijiet u r-rikavat fis-settur tal-banana f'analiżi tal-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet qabel jintlaħaq il-limitu minimu. Il-Ftehim bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali jiddisponi li: "Ladarba dan il-volum ta' skattar jiġi milħuq matul sena kalendarja, il-Parti tal-UE tista' tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali". Fi kliem ieħor, il-mekkaniżmu jista' jiskatta awtomatikament ladarba jintlaħaq il-volum speċifikat.

Emenda    10

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1b (ġdid)

Regolament (UE) Nru 20/2013

Artikolu 15 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1b.  Fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"2a.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati dwar l-andament tal-importazzjonijiet tal-banana li joriġinaw mill-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama, u dwar l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-Unjoni u fuq il-produtturi Ewropej. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi annwali, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru ta' kull sena, li tkun tkopri l-aħħar disa' xhur tas-sena li tkun għaddiet u għandha tikkomunikaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

Din l-analiżi għandha tippermetti li jiġu evalwati r-riskji ta' destabbilizzazzjoni eventwali tas-suq u li jiġi antiċipat l-andament tal-importazzjonijiet fuq il-bqija tas-sena kalendarja. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha miġbura matul is-sena li tkun għaddiet, b'mod partikolari, il-volumi ta' produzzjoni Ewropej, il-volumi importati, il-prezz tal-bejgħ fuq is-suq Ewropew tal-banana, b'riferiment partikolari għall-pajjiżi produtturi tal-banana, u l-prezzijiet applikati barra mill-Ewropa. Għandha wkoll tevalwa l-effetti fuq il-produtturi Ewropej, b'mod speċjali fuq il-livell ta' impjieg u d-dħul tagħhom.

 

Meta l-volumi tal-importazzjonijiet jilħqu t-80 % tal-limitu minimu biex jiskatta l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni indikat fl-anness għal dan ir-Regolament, għal pajjiż wieħed jew diversi pajjiżi firmatarji tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tallerta formalment bil-miktub lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u tipprovdilhom analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet fuq is-suq Ewropew tal-banana. »

Emenda    11

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1c (ġdid)

Regolament (UE) Nru 20/2013

Artikolu 15 – paragrafu 3

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

1c.   Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 3 huwa mħassar.

3.   Meta tiddeċiedi liema miżuri għandhom japplikaw skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana. Dak l-eżami għandu jinkludi fatturi bħal: l-effett tal-importazzjonijiet fuq il-livell ta' prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra, l-istabilità ġenerali tas-suq tal-Unjoni.

 

(http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32013R0020)

Emenda    12

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1d (ġdid)

Regolament (UE) Nru 20/2013

Artikolu 15 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1d.  Fl-Artikolu 15, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"3a.   Sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni aktar preċiża tal-importazzjonijiet u tal-qagħda tas-suq Ewropew tal-banana, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa għodda statistika preċiża li tqis l-andament tal-volum u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-banana, inkluż fuq perjodi mensili u b'riferiment partikolari għall-pajjiżi produtturi fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tagħha fuq l-internet u taġġorna kull tliet xhur id-data relattiva għall-andament tal-prezzijiet tal-banana mhux misjura fuq is-suq Ewropew tal-banana. Il-Kummissjoni tista' torganizza laqgħat ta' segwitu ad hoc li jieħdu sehem fihom l-Istati Membri u l-partijiet firmatarji. »

Emenda    13

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1e (ġdid)

Regolament (UE) Nru 20/2013

Artikolu 15 – paragrafu 7a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1e.  Fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"7a. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana qabel l-1 ta' Jannar 2019. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-andament tal-importazzjonijiet tal-banana u l-effett tagħhom fuq is-suq u l-produtturi tal-Unjoni. Jekk ir-rapport jidentifika deterjorament gravi jew theddida ta' deterjorament gravi tal-qagħda tas-suq tal-banana tal-Unjoni u/jew tal-produtturi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tipprevedi li tieħu l-miżuri xierqa, inklużi miżuri kumpensatorji ta' akkumpanjament. »


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u r-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (1). Għaldaqstant jaqblu dwar li ġej:

–  Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapportalu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni, mill-Kolombja, mill-Ekwador jew mill-Perú, tal-impenji tagħhom fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

–  Jekk il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex tinbeda investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa jekk humiex sodisfatti l-kondizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 għal inizjazzjoni ex officio. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi għandha tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-inizjazzjoni ta' tali investigazzjoni.

–  Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, tivvaluta s-sitwazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-banana kif previst fl-Artikolu 15(7a) ta' dan ir-Regolament. Jekk jinstab li kien hemm deterjorament gravi jew theddida ta' deterjorament gravi tas-suq jew tal-qagħda tal-produtturi Ewropej, jistgħu jiġu previsti miżuri adegwati, fil-forma ta' estensjoni għall-mekkaniżmu bil-qbil tal-partijiet firmatarji għall-Ftehim jew bħala miżuri kompensatorji. Il-Kummissjoni għandha tkompli twettaq analiżi annwali tal-qagħda tas-suq u tal-produtturi Ewropej wara l-2020 li, jekk ikun hemm bżonn, tista' twassal għal miżuri ta' appoġġ.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u r-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama min-naħa l-oħra (1). Għaldaqstant jaqblu dwar li ġej:

–  Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tirrapportalu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni, mill-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama, tal-impenji tagħhom fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

–  Jekk il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex tinbeda investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa jekk humiex sodisfatti l-kondizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 għal inizjazzjoni ex officio. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi għandha tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-inizjazzjoni ta' tali investigazzjoni.

–  Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, tivvaluta s-sitwazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-banana kif previst fl-Artikolu 15(7a) ta' dan ir-Regolament. Jekk jinstab li kien hemm deterjorament gravi jew theddida ta' deterjorament gravi tas-suq jew tal-qagħda tal-produtturi Ewropej, jistgħu jiġu previsti miżuri adegwati, fil-forma ta' estensjoni għall-mekkaniżmu bil-qbil tal-partijiet firmatarji għall-Ftehim jew bħala miżuri kompensatorji. Il-Kummissjoni għandha tkompli twettaq analiżi annwali tal-qagħda tas-suq u tal-produtturi Ewropej wara l-2020 li, jekk ikun hemm bżonn, tista' twassal għal miżuri ta' appoġġ.


NOTA SPJEGATTIVA

1. L-istat tas-suq tal-banana fl-Unjoni Ewropea.

1.1 Il-konsum:

Il-banana hija l-frotta l-aktar ikkunsmata fid-dinja. L-Unjoni Ewropea hija s-suq ewlieni għaliha, u tirrappreżenta madwar terz tal-esportazzjonijiet dinjija. Fl-2015, kienu kkunsmati fl-Unjoni 5,8 miljun tunnellata, u f'dawn l-aħħar snin id-domanda żdiedet. L-Ewropej jimportaw prinċipalment mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u tal-Amerika Latina. L-Ekwador huwa l-akbar pajjiż esportatur lejn l-Unjoni, b'1 360 811-il tunnellata ta' banana esportata fl-2015. Hu segwit mill-Kolombja (1 314 955 tunnellata fl-2015) u l-Costa Rica (947 749 tunnellata fl-2015). B'kollox, l-UE timporta 5,2 miljun tunnellata banana, li minnhom 1,1 miljun tunnellata ħielsa mid-dazju għall-pajjiżi AKP. Dawn l-importazzjonijiet jirrappreżentaw 88,7 % tal-banana kkunsmata fl-Ewropa. Is-sehem mis-suq li jifdal, jiġifieri 11,4 % tal-konsum Ewropew tal-banana, jiġi mill-produtturi Ewropej. Maż-żmien dan is-sehem naqas u ilu 12,6 % għal dawn l-aħħar tliet snin. Dan it-tnaqqis gawdew minnu biss il-pajjiżi 'mhux AKP', peress li s-sehem tal-banana mill-pajjiżi AKP bħala parti mill-importazzjonijiet Ewropej, fl-istess żmien, naqas b'1,2 %.

1.2 Il-produzzjoni:

Għas-sena 2015, il-produtturi Ewropej tal-banana fornew 669 673 tunnellata lis-suq intern bil-produzzjoni tagħhom esklużivament iddestinata għal dan is-suq. Hemm ħames pajjiżi Ewropej li jipproduċu l-banana: Spanja, li hija l-akbar produttur u tirrappreżenta nofs il-produzzjoni Ewropea (381 827 tunnellata fl-2015); Franza, li hija t-tieni l-akbar produttur (263 022 tunnellata fl-2015); u l-Portugall, li huwa t-tielet l-akbar produttur (18 645 tunnellata fl-2015). Il-produzzjoni ta' dawn it-tliet pajjiżi tinsab esklużivament fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom: il-Gżejjer Kanarji għal Spanja, Guadeloupe u Martinique għal Franza, Madejra u l-Azores għall-Portugall. Ċipru u l-Greċja huma ż-żewġ pajjiżi produtturi Ewropej l-oħra, imma l-livelli ta' produzzjoni tagħhom huma aktar baxxi.

F'dawn it-territorji insulari, il-katina tal-produzzjoni tal-banana għandha rwol ekonomiku importanti ħafna. 37 000 impjieg jiddependu fuqha direttament jew indirettament, u dan jagħmilha waħda mill-attivitajiet ewlenin ta' dawn ir-reġjuni. Dan is-settur jiggarantixxi l-vijabbiltà tas-servizzi ta' trasport marittimu, li jippermettu l-provvista regolari ta' dawn ir-reġjuni mill-Ewropa kontinentali u jtaffu l-għoli tal-ħajja insulari. Barra minn hekk, is-settur huwa eżemplari f'termini ta' sostenibbiltà. Il-produtturi Ewropej jirrispettaw standards soċjali, sanitarji u ambjentali li huma fost l-aktar stretti fid-dinja. Fl-Antilli Franċiżi, dawk responsabbli mis-settur investew fit-taħriġ vokazzjonali biex jippromwovu l-aħjar prattiki fl-oqsma tal-agrikoltura sostenibbli, ir-riċerka u l-iżvilupp.

2. Il-protezzjoni tal-banana, prodott agrikolu "sensittiv" fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali.

2.1 L-iżvilupp tas-suq Ewropew:

Is-suq Ewropew tal-banana infetaħ progressivament għall-kompetizzjoni mill-produtturi ta' pajjiżi terzi. Fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, adottata fi Frar 1993, l-Unjoni ddeċidiet li tagħti aċċess bla dazju għall-produtturi tal-banana mill-pajjiżi AKP. Iżda din il-preferenza kummerċjali, meqjusa bħala waħda diskriminatorja fir-rigward tad-dritt tad-WTO, ġiet ikkontestata minn diversi pajjiżi tal-Amerika Latina u mill-Istati Uniti. B'segwitu għal deċiżjoni li nqatgħet mid-WTO, l-Unjoni kellha taċċetta li annwalment tnaqqas it-tariffa sar-rata ta' EUR 114/tunnellata għall-banana li toriġina mill-pajjiżi 'mhux AKP' minn issa sal-2017, fil-qafas tal-Ftehim ta' Ġinevra tal-2009.

B'mod parallel, l-Unjoni kkonkludiet, f'Diċembru 2012, ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Kolombja u l-Perù, u ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali, li kienu jipprevedu t-tnaqqis gradwali tat-tariffi doganali fuq il-banana sar-rata ta' EUR 75/tunnellata minn issa sal-1 ta' Jannar 2020. Anke l-Ekwador, li se jsir parti għall-ftehim mal-Kolombja u l-Perù ladarba jiġi rratifikat mill-partijiet, se jibbenefika minn dan it-tnaqqis.

Dawn il-preferenzi tariffarji mogħtija lill-pajjiżi kompetituri tal-Unjoni fis-suq tal-banana kellhom il-konsegwenza li kabbru l-importazzjonijiet. Dawn żdiedu bi 3 % fl-2015, b'6 % fl-2014 u b'5 % fl-2013.

2.2 L-istrumenti Ewropej ta' protezzjoni tal-banana fil-qafas tal-Ftehim:

Din iż-żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali, minħabba t-tnaqqis fit-tariffi doganali għall-banana mill-pajjiżi mhux AKP, wasslet lill-Kummissjoni biex tinkludi l-banana fil-lista tal-prodotti agrikoli "sensittivi" tal-Unjoni u biex tipproteġiha permezz ta' strumenti kummerċjali. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Kolombja u l-Perù, li magħhom se jingħaqad l-Ekwador, kif ukoll il-ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali, fihom żewġ mekkaniżmi ta' protezzjoni li jwaqqfu importazzjonijiet massivi minn wieħed jew aktar minn dawn il-pajjiżi milli jiżbilanċjaw is-suq Ewropew u jagħmlu ħsara lill-produtturi tal-Unjoni. Ir-Regolamenti 19/2013 u 20/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill huma l-istrument ġuridiku li jispeċifika l-funzjonament tal-mekkaniżmi, sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' assoċjazzjoni. L-emenda proposta mill-Kummissjoni tikkunsidra l-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim flimkien mal-Kolombja u l-Perù.

L-ewwel wieħed miż-żewġ strumenti huwa klawsola ta' salvagwardja bilaterali, fis-seħħ matul l-ewwel għaxar snin ta' applikazzjoni tal-Ftehim. Din tippermetti li tiġi stabbilizzata t-tneħħija tat-tariffi jew li jiżdiedu d-dazji f'każ ta' żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador jew l-Amerika Ċentrali li jkunu ta' natura li jistgħu jikkawżaw dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni. L-adeżjoni sussegwenti tal-Ekwador tfisser li dik il-klawsola se tkun qed tapplika fil-pajjiż f'fażi aktar tard milli fil-Kolombja u l-Perù, imma xorta l-perjodu ta' applikazzjoni se jkun ta' għaxar snin għal kull wieħed mit-tliet sħab kummerċjali.

It-tieni strument huwa mekkaniżmu msejjaħ "ta' stabbilizzazzjoni". L-għan tiegħu huwa identiku għal dak tal-klawsola, ħlief li l-attivazzjoni tiegħu ma tirrikjedix il-ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni biex jiġi determinat kienx hemm ħsara. Dan il-mekkaniżmu jista' jiġi attivat wara li jinqabeż limitu minimu ta' volum ta' banana importata fl-Unjoni, li kull sena jiġi stabbilit f'livell ġdid għall-partijiet għall-Ftehim. Dan jagħmel l-użu tiegħu aktar faċli, minħabba li l-Kummissjoni hija obbligata li tirreaġixxi f'każ li jinqabeż il-limitu minimu. Hi tista' tattiva l-mekkaniżmu direttament wara li teżamina l-effett jekk jinqabeż dan il-limitu fuq is-suq Ewropew. Fil-prattika l-Kummissjoni qatt ma attivat dan il-mekkaniżmu minkejja li, għal tliet snin, mill-2013 sal-2015, il-limitu nqabeż mill-Perù u fl-2015 mill-Gwatemala. F'dawk il-każijiet qieset li ma kienx ġie destabilizzat is-suq Ewropew, u ma kienx iġġustifikat rikors għall-mekkaniżmu. Bħall-klawsola ta' salvagwardja, il-mekkaniżmu hu temporanju u għandu jieqaf japplika fl-1 ta' Jannar 2020.

3. Garanzija ta' protezzjoni aħjar għall-produtturi Ewropej.

3.1 Iż-żieda tat-trasparenza:

L-emenda għar-Regolament għandha tiżgura protezzjoni effikaċi għall-produtturi Ewropej. Għandha tippermetti li jiġu previsti aħjar iż-żidiet fl-importazzjonijiet tal-banana lejn l-Unjoni, u li tkun tista' tittieħed azzjoni aħjar bil-quddiem u jkun hemm reazzjonijiet aħjar.

Għalhekk ir-rapporteur qed tipproponi li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament u lill-Kunsill informati kontinwament dwar l-andament tal-importazzjonijiet tal-banana lejn is-suq tal-Unjoni, biex ikunu jistgħu jiġu antiċipati r-riskji jekk jinqabeż il-limitu. Għalhekk, f'każ ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet minn xi pajjiż partikolari li twassal għar-riskju li jintlaħaq il-limitu minimu ta' skattament tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tallerta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Tali allerta għandha ssir bil-miktub.

Barra minn hekk, il-databażijiet "Eurostat" li tuża l-Kummissjoni biex tivvaluta l-andament tal-banana fis-suq Ewropew għandhom jiġu mtejba u armonizzati, sabiex jippermettu evalwazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tixtieq li l-Kummissjoni, tikkunsidra li żżomm l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni lil hinn mill-2020 sabiex tipproteġi lill-produtturi Ewropej minn żidiet fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan jista' jsir fil-qafas ta' dikjarazzjoni konġunta mal-Parlament, li l-Kunsill jkollu l-possibbiltà li jingħaqad magħha. Jekk il-partijiet ma jagħtux il-kunsens tagħhom għal din l-estensjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra miżuri korrettivi.

3.2 Iż-żamma ta' standards stretti fl-industrija tal-banana Ewropea:

L-importanza tal-industrija tal-banana għall-iżvilupp ekonomiku ta' ħafna reġjuni ultraperiferiċi Ewropej, u l-isforzi li saru mis-settur biex il-produzzjoni tal-banana ssir kemm jista' jkun sostenibbli għandhom iħeġġuna biex inħarsu dan is-settur u niżguraw li l-ftehimiet internazzjonali ffirmati ma jippreżentawx theddida għal din il-produzzjoni.

L-istandards għoljin li l-Unjoni timponi fuq il-produtturi tagħha fil-qasam soċjali u ambjentali huma valur miżjud għall-produtturi tagħna.

Il-politika kummerċjali tagħna għandha għalhekk tikkontribwixxi biex jinżamm il-livell għoli tal-istandards Ewropej u timmira biex jiġu osservati standards ekwivalenti fil-livell globali, u mhux biex jitnaqqas il-livell tal-istandards għal kulħadd.

Għaldaqstant, il-protezzjoni adegwata u effikaċi tal-banana bħala prodott Ewropew "sensittiv", hi essenzjali.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Il-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra

Referenzi

COM(2015)0220 – C8-0131/2015 – 2015/0112(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

26.5.2015

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

8.6.2015

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

8.6.2015

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AGRI

17.6.2015

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Marielle de Sarnez

15.6.2015

 

 

 

Eżami fil-kumitat

30.11.2015

31.8.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Reimer Böge, José Bové, Edouard Ferrand, Gabriel Mato, Frédérique Ries, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Werner Kuhn, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Milan Zver

Data tat-tressiq

29.9.2016

Avviż legali