Proċedura : 2016/0184(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0280/2016

Testi mressqa :

A8-0280/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2016 - 7.1
CRE 04/10/2016 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0363

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 594kWORD 54k
3.10.2016
PE 585.745v01-00 A8-0280/2016

dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

(12256/2016 – C8-0401/2016 – 2016/0184(NLE))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Giovanni La Via

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

(12256/2016 – C8-0401/2016 – 2016/0184(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12256/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0401/2016),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC), li saret f'Pariġi, Franza f'Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li takkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" (COM(2016(0110),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra t-tressiq fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea lill-UNFCCC tal-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0280/2016),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.


ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Sfond

Il-Ftehim ta' Pariġi huwa kisba ta' sinifikat storiku għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-multilateraliżmu. Jirrappreżenta ftehim ambizzjuż, bilanċjat, ġust u vinkolanti fid-dritt. L-adozzjoni tal-Ftehim u t-tħabbiriet kumulattivi sa tmiem il-COP21 ta' Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) minn 187 Parti kienu bidla deċiżiva lejn azzjoni globali komprensiva u kollettiva, u, meta jiġu implimentati, sejrin jaċċelleraw b'mod definittiv u irriversibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali reżiljenti għat-tibdil fil-klima u klimatikament newtrali. Din l-azzjoni globali għandha l-għan li tqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż. Il-Ftehim jirrikonoxxi li quċċata globali ta' emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra għandha tintlaħaq kemm jista' jkun malajr u n-newtralità klimatika għandha tinkiseb fit-tieni nofs ta' dan is-seklu. Il-Ftehim ta' Pariġi jinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:

- Jistabbilixxi mira fit-tul li d-dinja tinġieb fit-triq it-tajba biex tillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali – u jagħmel kull sforz biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5°C; Il-mira ambizzjuża ta' 1.5°C inqablet biex tixpruna ambizzjoni akbar, u biex tenfasizza l-preokkupazzjonijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli li diġà qed iġarrbu l-impatti tat-tibdil fil-klima.

- Jibgħat sinjal ċar lill-partijiet ikkonċernati kollha, lill-investituri, lin-negozji, lis-soċjetà ċivili u lil dawk li jfasslu l-politika, li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa hija waħda permanenti u li r-riżorsi jridu jinbidlu mill-fjuwils fossili; b'189 pjan nazzjonali dwar il-klima li jkopru madwar 98 % tal-emissjonijiet kollha, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima issa verament sar sforz globali. Bis-saħħa ta' Pariġi, minn azzjoni minn ftit qed ngħaddu għal azzjoni minn kulħadd.

- Jipprovdi mekkaniżmu dinamiku biex jindirizza u jsaħħaħ l-ambizzjoni maż-żmien. Mill-2023, il-Partijiet se jiltaqgħu kull ħames snin biex jiġbdu "bilanċ globali" ħalli jqisu l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, fl-adattament u fl-apoġġ li jkun ingħata u ġie riċevut, fid-dawl tal-miri fit-tul tal-Ftehim.

- Il-Partijiet għandhom obbligu vinkolanti fid-dritt li jsegwu miżuri nazzjonali ta' mitigazzjoni, bil-għan li jilħqu l-objettivi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

- Jistabbilixxi qafas mtejjeb ta' trasparenza u akkontabilità, inklużi s-sottomissjoni kull sentejn mill-Partijiet kollha tal-inventarji tal-gass b'effett ta' serra u l-informazzjoni meħtieġa biex il-progress tagħhom ikun jista' jiġi segwit, rieżami minn esperti tekniċi, kunsiderazzjoni faċilitattiva u multilaterali tal-progress tal-Partijiet u mekkaniżmu li jiffaċilita u jippromwovi l-konformità.

- Jipprovdi pakkett ambizzjuż ta' solidarjetà b'dispożizzjonijiet adegwati dwar il-finanzjament kontra t-tibdil fil-klima u dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet marbuta mal-adattament u t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Sabiex jippromwovi azzjoni individwali u kollettiva dwar l-adattament, għall-ewwel darba, il-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi mira globali bil-għan li jtejjeb il-kapaċità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jnaqqas il-vulnerabbiltà għall-klima. Mil-lat internazzjonali, il-Ftehim iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn il-Partijiet biex jikkondividu l-għarfien xjentifiku dwar l-adattament kif ukoll informazzjoni dwar il-prattiki u l-politiki.

Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur jilqa' l-abbozz ta' proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u jemmen li dan jipprovdi l-bażi meħtieġa għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE u l-Istati Membri tagħha. L-UE u l-Istati Membri tagħha esprimew l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b'mod konġunt taħt il-Ftehim ta' Pariġi ,u dan huwa rifless fl-Artikolu 4(18) tal-Ftehim ta' Pariġi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma, għalhekk, responsabbli b'mod konġunt sabiex jippreparaw, jikkomunikaw u jżommu kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali (NDCs) li biħsiebhom jilħqu u biex isegwu miżuri ta' mitigazzjoni domestiċi. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni u l-Kunsill, f'isem l-Unjoni Ewropea u t-28 Stat Membru kollha, iffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta' livell għoli li saret fi New York fit-22 ta' April 2016.

Il-Ftehim ta' Pariġi se jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha tal-inqas 55 parti kontraenti għall-Konvenzjoni, li b'kollox jikkostitwixxu għal tal-anqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU. Sad-29 ta' Ġunju 2016, 178 Stat kienu ffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi, u 19-il Stat kienu ddepożitaw l-istrumenti għar-ratifika tiegħu, li b'kollox huma responsabbli għal 0.18 % tat-total globali tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra. Hemm dejjem aktar momentum internazzjonali biex il-Ftehim ta' Pariġi jkun jista' jidħol fis-seħħ fl-2016. Eżempju ta' dan hija d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 f'Ise-Shima, fil-Ġappun, fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016, li tappella lill-Partijiet kollha jistinkaw sabiex il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fl-2016.

Ir-rapporteur jemmen li huwa inkonċepibbli li l-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ mingħajr l-UE bħala firmatarja, meta wieħed iqis ir-rwol ta' tmexxija tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ir-rwol tagħha fil-Protokoll ta' Kjoto, u l-isforzi kontinwi tagħha lejn trattat universali sussegwenti. Għal din ir-raġuni, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri individwali jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkompletaw il-proċess ta' ratifika tal-UE u nazzjonali tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016.

L-UE u l-Istati Membri tagħha kienu l-ewwel ekonomiji maġġuri li kkomunikaw il-kontribut maħsub determinat (INDC) tagħhom fil-livell nazzjonali fis-6 ta' Marzu 2015, b'mod li jirrifletti l-qafas ta' politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014. L-UE stabbiliet mira ambizzjuża ta' tnaqqis intern tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra b'tal-inqas 40 % sal-2030. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà impenjaw ruħhom li jilħqu din il-mira, li tikkonċerna l-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perjodu 2020-2030. Ir-rapporteur għalhekk jemmen li l-proċess ta' ratifika tal-UE jeħtieġ jiġi sseparat mill-azzjonijiet leġiżlattivi attwali u futuri bil-għan li tiġi implimentata l-mira ta' tal-anqas 40 % ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra.

Konklużjoni

Ir-rapporteur iqis li d-deċiżjoni ta' ratifika dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi adottata taħt l-UNFCCC se tibgħat sinjal qawwi u tenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-isforzi kontinwi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi se tagħti kontribut kruċjali għall-isforzi globali biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur iqis id-dħul fis-seħħ formali tal-Ftehim ta' Pariġi bħala prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk jistieden lill-Kunsill jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiffinalizza l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi, flimkien mal-proċessi ta' ratifika nazzjonali paralleli fl-Istati Membri, mill-aktar fis, sabiex il-proċess ta' ratifika tal-UE jiġi ffinalizzat u l-istrumenti ta' ratifika jiġu ddepożitati man-NU qabel tmiem l-2016.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Rapporteur jissuġġerixxi li l-Kumitat responsabbli u l-Parlament Ewropew jagħtu l-kunsens tagħhom għall-abbozz ta' proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill mingħajr dewmien.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Referenzi

12256/2016 – C8-0401/2016 – COM(2016)03952016/0184(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

30.9.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

 

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Giovanni La Via

15.6.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

1.9.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

3.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Eleonora Evi, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, György Hölvényi, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Giovanni La Via, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mark Demesmaeker, Linnéa Engström, Fredrick Federley, Eleonora Forenza, Elena Gentile, Esther Herranz García, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Joëlle Mélin, Sirpa Pietikäinen, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Bart Staes, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, José Bové, Jude Kirton-Darling, Olle Ludvigsson, Igor Šoltes

Data tat-tressiq

3.10.2016

Avviż legali