Proċedura : 2015/2347(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0282/2016

Testi mressqa :

A8-0282/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 21
CRE 24/10/2016 - 21

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0408

RAPPORT     
PDF 805kWORD 67k
6.10.2016
PE 578.757v02-00 A8-0282/2016

dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

(2015/2347(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Tomasz Piotr Poreba

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

(2015/2347(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar il-mobilità urbana sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE(3),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 170 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu ''is-Sikurezza Stradali fl-Unjoni Ewropea'', ippubblikat mill-Kummissjoni f'Marzu 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri tad-Danubju tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rijabilitazzjoni u l-manutenzjoni effikaċi tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma tad-Danubju u t-tributarji navigabbli tagħha(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Łańcut tat-3 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport fil-Karpazji u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp ta' Via Carpatia(8),

–  wara li kkunsidra l-"Proċess ta' Berlin" u l-Konferenza tal-Istati tal-Balkani tal-Punent tal-2014, is-Summit ta' Vjenna tal-2015 u l-Konferenza ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (SEC(2010)1489),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (SWD(2015)0177),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0282/2016),

A.  billi l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport għandhom impatt qawwi fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-koeżjoni territorjali tal-UE u r-reġjuni tagħha; billi l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huma parti essenzjali mis-suq uniku Ewropew li għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fl-UE kollha, u l-mezzi kollha tat-trasport, mingħajr eċċezzjoni, għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività, l-intermodalità u t-tranżizzjoni ekoloġika sabiex jaqdu aħjar l-iżvilupp tas-suq uniku;

B.  billi t-titjib tal-konnettività u tal-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa mezz biex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku mixtieq ta' reġjuni mal-fruntieri;

C.  billi l-infrastruttura tat-trasport f'ħafna mir-reġjuni tal-partijiet ċentrali u tal-Lvant tal-UE baqgħet sottożviluppata meta mqabbla ma' dik ta' reġjuni oħra Ewropej, u billi l-infrastruttura tat-trasport żviluppata ħażin fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant teżisti flimkien mal-aktar netwerks densi u żviluppati fid-dinja, fiċ-ċentru tal-Ewropa; billi ċ-ċittadini jistennew li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-UE, ser jaħdmu flimkien biex itejbuha;

D.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) kienu s-sors ewlieni ta' investimenti fit-trasport pubbliku fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tikkostitwixxi strument ta' finanzjament importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun bħala parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T; billi n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jista' jwassal għal assorbiment baxx tal-fondi tal-UE u għalhekk l-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, bħal f'partijiet oħra tal-UE, mhux dejjem immassimizzaw l-użu tagħhom ta' finanzjament mill-UE għal raġunijiet varji, inkluż nuqqas ta' preparazzjoni u effiċjenza; billi l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika għandhom ikunu mobilizzati sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' aktar proġetti tajba u jiġu appoġġati l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

E.  billi l-intensifikazzjoni tal-ħidma fuq proġetti importanti bħall-Via Carpatia u Rail Baltica, kif ukoll l-iżvilupp tal-kurituri tan-netwerk ewlieni Orjent/Lvant tal-Mediterran u Baltiku-Adrijatiku, il-Kuritur Adrijatiku-Joniku u TRACECA, se jipprovdu stimolu importanti għat-titjib tal-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport f'din il-parti tal-UE; billi bl-għoti ta' appoġġ għat-titjib tal-komunikazzjoni bejn pajjiżi terzi ġirien tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluż fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u l-infrastruttura ferrovjarja, l-Istati Membri tal-UE se jgħinu biex jitjiebu r-rabtiet bejn l-Unjoni Ewropea, pajjiżi u reġjuni ġirien, u l-Asja;

F.  billi l-konnessjonijiet tat-trasport transfruntier żviluppati tajjeb huma essenzjali għall-kompetittività reġjonali u biex titrawwem l-espansjoni ta' SMEs f'żoni tal-fruntiera u, fir-rigward tat-trasport pubbliku b'mod partikolari, biex jappoġġaw l-inklużjoni soċjali ta' popolazzjonijiet vulnerabbli ekonomikament; billi konnessjonijiet tajba tat-trasport, b'mod partikolari konnessjonijiet bil-ferrovija, li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali għadhom nieqsa f'bosta Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi konnessjonijiet ineffiċjenti bejn il-mezzi differenti tat-trasport u n-nuqqas ta' faċilitajiet ta' netwerks bejn it-trasport bażiku u dak ġenerali jfissru li hemm nuqqas ta' interoperabilità bejn il-mezzi differenti tat-trasport, filwaqt li tali interoperabilità mhux biss tnaqqas il-prezzijiet tat-trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija u ttejjeb il-flessibilità tas-servizzi tat-trasport, iżda tgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tħassib ekoloġiku u soċjali;

G.  billi ċerti żoni ġeografiċi koperti mill-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP) għandhom problemi soċjali u ekonomiċi kbar minħabba l-pożizzjoni marġinali meta mqabbla mal-Kuritur Skandinavu-Mediterranju, fil-medda tul l-awtostrada Brenner;

H.  billi t-titjib ikkoordinat tal-infrastruttura tat-trasport jista' jkollu impatti pożittivi fuq l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport;

Aspetti orizzontali

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura għat-trasport lejn, minn u ġewwa ż-żoni ċentrali u dawk tal-Lvant tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-ekonomija u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli; itenni l-objettivi TEN-T ta' bini ta' konnessjonijiet nieqsa, eliminazzjoni ta' konġestjonijiet u żgurar ta' konnessjonijiet mingħajr xkiel għat-trasport fuq distanza twila u reġjonali, b'mod partikolari f'reġjuni transfruntiera, għall-passiġġieri u għall-merkanzija; iqis li l-użu tal-fondi tal-UE għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-investiment għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030 fir-reġjun; jinnota li minbarra li toħloq infrastruttura ġdida, l-UE jeħtieġ tinvesti biex timmodernizza u tikkompleta l-infrastruttura tat-trasport attwali;

2.  Jenfasizza l-bżonn, bħala kwistjoni ta' prijorità u sabiex tiġi bbilanċjata mill-ġdid il-kompetizzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport, li jiġi stabbilit Fond Ewropew ġdid li jikkollega direttament liċ-ċentru portwarju ta' Venezja mal-Grigal tal-Ewropa, billi jissaħħaħ it-TEN-T attwali;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat tal-proġetti min-naħa u fost l-Istati Membri, u li jittieħed kont kemm jista' jkun tal-pjanijiet nazzjonali prinċipali tat-trasport u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi kandidati, waqt li jitwettqu valutazzjonijiet realistiċi tal-bżonnijiet tat-trasport, skont il-White Paper tal-UE dwar it-trasport u billi tiġi inkluża analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati; jinnota li l-kundizzjonalità ex ante għall-abbozzar ta' pjanijiet ġenerali għat-trasport għenet lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-investimenti ta' trasport tagħhom; iqis li s-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw u jipprevedu segwitu ta' dawn il-pjanijiet ewlenin sabiex jiġi żgurat li dawn il-pjanijiet jikkonformaw ukoll mal-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE;

4.  Jirrakkomanda bil-qawwa l-użu aħjar ta' politiki u strumenti eżistenti għal kooperazzjoni reġjonali, bħall-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC), Interreg u b'mod partikolari r-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), biex jissaħħaħ it-trasport transfruntier bejn ir-reġjuni u jitneħħew il-konġestjonijiet;

5.  Iqis li l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, bħal dawk diġà stabbiliti għar-reġjuni tal-Baltiku, id-Danubju u l-Adrijatiku-Jonju u strateġija futura possibbli għar-Reġjun tal-Karpazji u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, joffru qafas ta' governanza innovattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika tat-trasport li ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tat-trasport imtejba;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tlestija tal-pjanijiet ta' ħidma inizjali tal-kurituri ewlenin TEN-T tal-2015 u l-adozzjoni ta' mapep ġodda fejn ikompli jiġi estiż in-netwerk TEN-T għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza li l-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni għandha wkoll tħeġġeġ l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, b'mod partikolari għal konnessjonijiet li għandhom rilevanza transfruntiera u jaffettwaw il-konsolidazzjoni tal-kurituri; jenfasizza l-importanza tan-nodi urbani u r-rwol tagħhom fit-titjib tal-flussi tat-trasport, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;

7.  Jenfasizza li d-differenzi f'termini ta' żviluppi infrastrutturali u kwalità tal-infrastruttura bejn ir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-kumplament tal-Ewropa jistgħu jitnaqqsu permezz ta' strateġija ċara, konkreta u integrata madwar l-UE;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha fis-sens tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport sal-2020, li fiha adottat pjan ta' implimentazzjoni ta' 40 miżura speċifika dwar l-iżvilupp ta' sistema Ewropea tat-trasport kompetittiva u sostenibbli; ifakkar li waħda mill-għanijiet fit-tul tagħha hija li 30 % tat-trasport bit-triq 'il fuq minn 300 km jiġi trasferit għat-trasport bil-ferrovija jew għat-trasport fuq l-ilma sal-2030, u aktar minn 50 % sal-2050, biex b'hekk jitnaqqas b'mod sinifikanti t-traffiku fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

9.  Iqis li l-iżvilupp ta' ċentri tat-trasport huwa element kruċjali biex ikun hemm konnessjoni bejn it-trasport fuq distanza twila, reġjonali u urban, u b'hekk jiġu promossi l-effiċjenza, l-intermodalità u l-iżvilupp tan-negozju reġjonali, b'kont meħud ukoll tal-opportunitajiet vasti li d-diġitalizzazzjoni tista' tipprovdi biex titjieb il-prestazzjoni tal-katina loġistika kollha kemm hi, inkluż li d-data ssir disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha (skambju ta' data) għall-iżvilupp ta' servizzi u prattiki ġodda;

10.  Jenfasizza li l-kostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-toroq fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet taċ-ċiklisti, fejn xieraq; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' infrastruttura taċ-ċikliżmu fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li se jżidu s-sikurezza, inaqqsu l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku, u jtejbu l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-persuni fl-UE; jenfasizza li netwerks taċ-ċikliżmu EuroVelo, b'mod partikolari r-Rotta Nru 13 (Rotta tal-Purtiera tal-Ħadid), ir-Rotta tal-Ewropa tal-Lvant u r-Rotta Atlantiku-Baħar l-Iswed, flimkien ma' konnessjonijiet ferrovjarji, joffru potenzjal interessanti għal SMEs relatati mat-turiżmu fil-makroreġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u għalhekk għandhom jiġu promossi;

11.  Jirrimarka li t-titjib tal-koerenza tal-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE tal-Punent, Ċentrali u tal-Lvant jeħtieġ investimenti kbar; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali, speċjalment fir-rigward tar-realizzazzjoni tal-parti ewlenija tan-netwerk TEN-T; ifakkar, madankollu, li l-koordinazzjoni meħtieġa fil-livell Ewropew għandha tqis l-isfidi speċifiċi fl-Istati Membri kif ukoll id-differenzi fl-ekonomiji tagħhom, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-kwalità tal-infrastruttura, kif ukoll il-bidla demografika; jenfasizza l-potenzjal ta' impjiegi f'settur ferrovjarju li jiffunzjona aħjar; jitlob li jitneħħa kull xkiel arbitrarju għall-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi, u jinsisti li l-pajjiżi għandhom joqogħdu lura milli jintroduċu ostakli bħal dawn;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw sinerġiji u komplementarjetà reċiproka tal-finanzjament taħt is-CEF, il-fondi tal-SIE, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-istrumenti tal-BEI u tal-BERŻ fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport fil-parti tal-UE ċentrali u tal-Lvant, sabiex jitjiebu b'mod sinifikanti l-użu tagħhom u d-diversifikazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal skambju u tixrid ta' esperjenza u għarfien għat-tħejjija u l-użu tal-proġetti meta dawn jiġu ffinanzjati permezz ta' strumenti differenti (l-hekk imsejħa "fund blending"); ifakkar fl-importanza tal-użu tal-mezzi tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-ħin biex javvanzaw proġetti kummerċjalment vijabbli bbażati fuq is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-BEI u liċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom mal-promoturi tal-proġetti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant sabiex jiġi żgurat li l-FEIS jintuża għal proġetti ta' infrastruttura ta' kwalità f'mezzi ta' trasport innovattivi u sostenibbli; jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għall-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' kull tip; jinnota li, s'issa, il-biċċa l-kbira tal-proġetti ta' infrastruttura ppjanati biex jiġu ffinanzjati mill-FEIS jinsabu fl-Ewropa tal-Punent; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, b'rabta mal-FEIS, tħeġġeġ lill-investituri jappoġġaw pjattaformi ta' proġetti iffokati fuq proġetti ta' infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jenfasizza l-importanza li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għandha fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport f'pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li l-kwalità tagħhom spiss għadha ferm lura minn dik tan-netwerks tat-trasport fl-Ewropa tal-Punent, u fid-dawl ta' dan, jitlob li jiġu garantiti r-riżorsi u livell ta' finanzjament meħtieġa fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

13.  Ifakkar li EUR 11 305 500 000 ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jintefqu fis-settur tat-trasport fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni; jenfasizza li l-użu ta' dan il-finanzjament kollu, disponibbli immedjatament, għandu jingħata prijorità, speċjalment fil-kuntest tar-rata ta' assorbiment attwali, pjuttost milli l-parteċipazzjoni għall-investiment minn terzi jekk dan l-investiment ikun motivat minn kunsiderazzjonijiet politiċi aktar milli minn interessi kummerċjali;

14.  Jistieden l-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jiżguraw livell għoli ta' trasparenza u skrutinju mill-qrib fir-rigward tal-użu tal-fondi ta-UE u jippubblikaw id-dettalji tal-allokazzjoni tagħhom mill-aktar fis;

15.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-possibilitajiet li joffru proġetti ta' sħubija pubblika-privata mħallta, billi tinħoloq rabta bejn is-sorsi ta' finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura mill-għotjiet tal-UE (sa 85 % tal-ispejjeż totali eliġibbli), il-finanzjament pubbliku fil-forma ta' kofinanzjament li l-benefiċjarju huwa meħtieġ jipprovdi u l-flus minn intrapriża privata; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-fondi tal-UE u r-riżorsi baġitarji huma fattur li jżid l-affidabilità tal-investimenti, peress li jitnaqqas ir-riskju għas-settur privat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-istess ħin, is-settur privat jibbenefika minn kuntratti stabbli u fuq perjodu ta' żmien twil li mhumiex dipendenti fuq ċaqliq ekonomiku, politiku u baġitarju fi ħdan il-pajjiżi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jagħmlu użu mis-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat, fejn xieraq, li jistgħu jkunu mod vantaġġjuż ta' investiment fl-infrastruttura, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali kumplessi li jeħtieġu nfiq estensiv u li jiġġeneraw livell baxx ta' ritorn, fuq naħa waħda, u xewqa li tiġi garantita l-provvista effikaċi ta' servizz pubbliku ta' kwalità għolja, min-naħa l-oħra; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant b'assistenza teknika, fid-dawl tal-fatt li xi wħud minn dawn il-pajjiżi ftit għandhom esperjenza ta' ħidma ma' strumenti finanzjarji u ta' involviment tas-settur privat fi proġetti kbar; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni ma' amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tippreżenta ħarsa ġenerali regolari tal-proġetti tat-trasport bl-ammonti korrispondenti kofinanzjati minn fondi differenti tal-UE;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw u jottimizzaw il-proċeduri ta' akkwist, joħorġu linji gwida għal sħubija pubblika-privata, jiżguraw qafas xieraq ta' għajnuna mill-Istat u jissimplifikaw il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' proġetti tat-trasport, b'mod partikolari proġetti transfruntiera;

17.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw għall-iżvilupp ta' konnessjonijiet nieqsa fiż-żoni mal-fruntieri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u fil-konsolidazzjoni tal-infrastruttura eżistenti, sabiex ikun żgurat aċċess sħiħ għas-suq uniku u bil-għan li jiġi promoss aktar it-tkabbir ekonomiku; jenfasizza f'dan ir-rigward li, peress li t-trasport huwa essenzjali għall-iżvilupp reġjonali, infrastruttura lokali adegwata u ffinanzjata sew hija rekwiżit bażiku u inevitabbli sabiex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

18.  Ifakkar li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw ukoll biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-korpi intermedji u tal-benefiċjarji, peress li n-nuqqas tagħhom jista' jdgħajjef l-appoġġ tal-UE għal investimenti fit-trasport fir-reġjun; jinnota li l-mekkaniżmu ta' assistenza JASPERS, b'mod partikolari, irriżulta utli f'dan ir-rwol s'issa u jista', għalhekk, apparti minn sempliċiment jitkompla, jitqies ukoll fil-kuntest ta' ambjent istituzzjonali aktar permanenti; jirrimarka li l-għajnuna teknika offruta miċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti għandha tgħin lill-promoturi tal-proġetti pubbliċi u privati biex joħolqu sensiela stabbli ta' proġetti perfezzjonati u strutturati sew sabiex jibbenefikaw mill-istrumenti finanzjarji fit-tul; ifakkar li l-koordinaturi Ewropej għall-kurituri tan-netwerk prinċipali għandhom mandat politiku, iżda li m'għandhomx biżżejjed kapaċitajiet amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jissimplifikaw il-ġestjoni pubblika ta' dawn ir-riżorsi sabiex tiġi evitata burokrazija żejda;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jikkooperaw aktar u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar il-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-promozzjoni ta' strumenti finanzjarji u l-inventarju bikri ta' proġetti potenzjali, u jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni fuq bażi regolari dwar dan; jenfasizza li kwalunkwe miżura li tikkonċerna proġetti intiżi biex itejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura għandha titqies bħala kwistjoni tal-akbar urġenza;

20.  Jinkoraġġixxi lir-reġjuni u lill-Istati Membri jadottaw jew isegwu miżuri li huma intiżi li jistabbilixxu mezzi ta' trasport aktar favur l-ambjent; jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi SIE għall-proġetti intiżi biex jiġġeneraw domanda għal trasport pubbliku aktar sostenibbli, pereżempju permezz ta' sistema simplifikata għal ħruġ ta' biljetti transfruntiera u investiment f'sistemi ta' punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettroniċi;

21.  Jenfasizza li għandha tingħata l-istess attenzjoni lill-kurituri ta' trasport Lvant-Punent u Tramuntana-Nofsinhar fi ħdan in-netwerk Ewropew tat-TEN-T, li jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi parteċipanti permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi f'SMEs, negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, kummerċ, xjenza, riċerka u teknoloġija, kif ukoll biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport; jenfasizza l-importanza tal-multimodalità u tal-innovazzjoni tat-trasport għall-iżvilupp tal-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent, u jappoġġa l-integrazzjoni ta' passaġġi fuq l-ilma interni fil-katina multimodali tal-loġistika, minħabba li l-konnessjoni bejn il-modi kollha tat-trasport se tiżgura l-iżvilupp ekonomiku taż-żona u tnaqqas ukoll il-konġestjonijiet fis-sistema tat-trasport;

22.  Jikkunsidra bħala prijorità l-iżvilupp soċjoekonomiku fil-parti tal-Lvant tal-EUSALP biex titlesta l-awtostrada Taljana A27, bi ħruġ fl-Awstrija, u t-titjib tan-netwerk tat-toroq Taljani u Awstrijaċi f'din iż-żona ġeografika, permezz ta' xogħlijiet anċillari xierqa;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tan-netwerk tat-TEN-T għall-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li applikaw għall-adeżjoni fin-netwerk tat-TEN-T u l-kooperazzjoni dwar konnessjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna, il-Moldova u pajjiżi ġirien oħra, inklużi dawk li huma parti mill-kuritur TRACECA; jenfasizza l-importanza li jiġu adattati l-kriterji finanzjarji sabiex il-pajjiżi kandidati u dawk fil-fażi ta' adeżjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji tal-UE fuq skala usa', speċjalment għal proġetti transfruntiera; jenfasizza li l-investimenti, b'mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, u miżuri għall-ottimizzazzjoni tat-traffiku, għandhom jiġu kkoordinati fil-livell reġjonali biex jikkontribwixxu għall-estensjoni tan-netwerk ewlieni fir-reġjun;

24.  Jemmen li t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u tal-konnettività fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-UE huma għodda importanti biex jissaħħu l-istabilità, l-iżvilupp ekonomiku, il-kooperazzjoni reġjonali u s-sigurtà fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni u fil-Balkani tal-Punent u biex tiżdied il-konverġenza 'l fuq fil-kundizzjonijiet tat-trasport fis-suq intern; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-passaġġ Orjent/Mediterran tal-Lvant;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa assoluta ta' preservazzjoni taż-żona Schengen għal sistema tat-trasport effiċjenti u kosteffikaċi fl-UE bbażata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, servizzi u persuni minn naħa għal oħra ta' fruntieri interni miftuħa; ifakkar li, f'Ġunju 2011, il-Kummissjoni kienet diġà ħeġġet lill-Istati Membri kollha jieħdu d-deċiżjoni u jkabbru ż-żona ta' Schengen sabiex tinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija;

26.   Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu fl-UE; jenfasizza li netwerk tat-trasport Ewropew imkabbar u effiċjenti huwa element importanti għas-settur tat-turiżmu, li jgħin biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għat-turisti; huwa tal-fehma li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom potenzjal enormi f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp tas-settur tagħhom tat-turiżmu, li jista' jiġi sfruttat aħjar billi jkun hemm aktar żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport;

27.  Jirrimarka l-aspetti ekonomiċi u ambjentali favorevoli tas-sinerġiji ta' interkonnessjoni ta' modi differenti ta' trasport biex isir użu aħjar mill-vantaġġi inerenti ta' kull wieħed minnhom;

28.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' trasport kombinat fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jeħtieġ li jittejbu l-karatteristiċi ta' kurituri ferrovjarji tal-merkanzija u tiġi appoġġata l-kostruzzjoni ta' terminals intermodali li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

29.  Jara potenzjal enormi fi proġetti ta' infrastruttura internazzjonali bħar-Rotta tal-Ħarir Ġdida fir-rigward tal-għajnuna biex l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tagħmel użu aħjar mill-potenzjal tal-ekonomija globali; huwa tal-fehma li minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tista' ssir ċentru importanti tal-loġistika u l-komunikazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja;

30.  Jenfasizza li ż-żieda tal-aċċessibilità tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-investiment meħtieġ sabiex isir dan għandhom jipprovdu impetu għall-iżvilupp ta' intrapriżi u negozji lokali; jirrimarka li proċeduri ta' sejħiet għall-offerti u l-implimentazzjoni ta' proġetti għandhom ikunu favorevoli għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lill-problema ta' kuntratturi u sottokuntratturi ewlenin involuti fi proġetti li jagħmlu użu minn kooperazzjoni żleali, li l-vittmi tagħha huma ħafna drabi l-ħaddiema bl-aktar livell baxx ta' ħiliet;

31.  Isostni li jeħtieġ li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu f'reġjuni b'popolazzjoni baxxa jew b'aċċess diffiċli, bħal pereżempju ż-żoni muntanjużi, fl-ippjanar ta' soluzzjonijiet infrastrutturali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; isostni li n-nuqqas ta' aċċess għat-trasport jista' jwassal għall-esklużjoni soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-ħtiġijiet ta' dawk li jużaw rotot ta' trasport lokali; jenfasizza li l-profitabilità tal-konnessjonijiet tat-trasport ma tistax tkun l-uniku kriterju fl-evalwazzjoni tal-utilità tagħhom;

Trasport bit-triq

32.  Ifakkar li l-iżvilupp ta' toroq transfruntiera huwa essenzjali biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet u l-intrapriżi fir-reġjuni tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jimmodernizzaw it-toroq, ikomplu jiżviluppa konnessjonijiet nieqsa, jibnu postijiet tal-parkeġġ sikuri u aċċessibbli u jssaħħu l-konnettività reġjonali u lokali għan-netwerk tat-TEN-T, billi għaqda man-netwerk tat-TEN-T hija bażi importanti għat-tkabbir ekonomiku ta' ċentri reġjonali;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati sistemi ta' tariffi stradali ġusti fl-UE; jirrimarka li ċerti flessibiltajiet għandhom jinżammu għal Stati Membri, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, meta jiġu stabbiliti dawn is-sistemi filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabilità teknika f'livell xieraq; isostni li dawn is-sistemi għandhom ikunu mfassla f'kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju u dawk li jużaw it-toroq kummerċjalment, u li dawn tal-aħħar m'għandhomx ikunu meħtieġa jħallsu ħlas addizzjonali jew ħlas sproporzjonat li jwassal biex l-attivitajiet tan-negozju tagħhom ikunu inqas profittabbli;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għat-titjib tan-netwerk tal-infrastruttura tat-toroq tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, li jibda fl-Estonja, u jgħaddi mil-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija u jispiċċa fil-Greċja; iqis li tali sforzi għandhom jibnu fuq l-ippjanar fit-tul li diġà sar fil-kuntest tal-proġett Via Carpatia, li dwaru rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati ffirmaw dikjarazzjoni f'Varsavja fit-3 ta' Marzu 2016 dwar aktar kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kuritur u aġġornament tar-rotta; huwa tal-fehma li, bil-bini tal-Via Carpatia, reġjuni periferiċi tal-UE se jkollhom l-opportunità ta' żvilupp mgħaġġel u se jkunu kapaċi jlaħħqu aktar malajr ma' żoni aktar żviluppati tal-UE; jindika li l-kostruzzjoni tar-rotta se tistimula l-investiment u t-tkabbir tan-negozju, u ttejjeb is-sigurtà għall-UE inġenerali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kunflitt armat fl-Ukrajna; jemmen li l-possibilità li l-Kuritur Renu-Danubju jinfetaħ għat-Tramuntana tal-UE permezz tal-Via Carpatia għandha tiġi sfruttata, u jemmen li l-Via Carpatia għandha tirċievi allokazzjoni baġitarja adegwata; jitlob għalhekk biex il-proġett "Via Carpatia" jiġi inkorporat fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T sabiex jiġi żgurat finanzjament xieraq min-naħa tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu wkoll finanzjament għal dan il-proġett permezz ta' kull strument finanzjarju possibbli, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

35.  Itenni li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq għandha impatt dirett fuq is-sikurezza fit-toroq; iqis, għalhekk, li s-sikurezza fit-toroq għandha tiġi vvalutata wkoll meta tinbena l-infrastruttura tat-toroq; huwa mħasseb li l-imwiet fit-toroq u l-għadd ta' persuni midruba b'mod gravi jibqgħu relattivament għoljin f'bosta Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jissottolinja li l-miżuri biex itejbu s-sigurtà fit-toroq għandhom jiġu promossi aktar fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE; iqis li għandu jkun ipprovdut finanzjament adegwat għal proġetti ta' riabilitazzjoni tal-infrastruttura fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

36.  Jenfasizza li s-sigurtà u s-sostenibilità tas-settur tat-trasport huma prijoritajiet ewlenin fl-iżvilupp tal-infrastruttura; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jinkoraġġixxu d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni fil-mezzi kollha tat-trasport; jitlob biex proġetti ta' investiment tal-infrastruttura ikunu jinkludu soluzzjonijiet tat-trasport li jnaqqsu r-riskju ta' mewt jew korriment serju f'inċidenti tat-traffiku, u biex jitqiesu l-bżonnijiet tan-nies li jgħixu qrib rotot b'volum kbir ta' traffiku;

Trasport ferrovjarju

37.  Jenfasizza l-prijorità ta' bini, immodernizzar u żamma tal-linji ferrovjarji għal tkabbir koerenti u sostenibbli tat-trasport ferrovjarju u koeżjoni fil-partijiet Ċentrali u fil-Lvant tal-UE; jenfasizza li l-ferroviji għandhom rwol importanti biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima, it-tniġġis tal-arja u l-inċidenti fit-toroq, u jistenna li sforzi bħal dawn ikollhom impatti pożittivi fuq l-iżvilupp industrijali, il-loġistika tal-merkanzija, is-servizzi pubbliċi ta' kwalità u mobilità affidabbli tal-passiġġieri; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli transfruntiera u nazzjonali u jespandu l-kapaċitajiet operazzjonali bl-għan li tintlaħaq il-miri b'rabta ma' bidla modali tal-2030 u l-2050 stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar it-trasport;

38.  Jenfasizza li wħud mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom netwerk ferrovjarju sinifikanti, li madankollu jeħtieġ urġentement modernizzazzjoni tal-infrastruttura bil-għan li jitwaqqaf id-deterjorament ulterjuri li minħabba fih in-netwerk ferrovjarju jaf jieqaf jopera; jikkritika n-nuqqas ta' investiment f'linji ferrovjarji transfruntiera u l-livell baxx ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri f'ħafna żoni tal-fruntiera; jistieden lill-Istati Membri (jerġgħu) jistabbilixxu l-konnessjonijiet nieqsa u jneħħu l-ostakli; jissuġġerixxi li n-netwerk ferrovjarju għandu jiġi analizzat, bl-użu tal-metodoloġija ta' ppjanar tan-netwerk komprensiv u ewlieni tat-TEN-T, biex jiġu identifikati opportunitajiet potenzjali oħra ta' konnessjonijiet nieqsa, partikolarment konnessjonijiet transfruntiera, kemm bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma' ġirien mhux Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva biex tagħlaq dawn il-lakuni u jtejbu l-integrazzjoni territorjali u l-koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti sostenn finanzjarju effikaċi għall-isforzi kollha ta' dan it-tip;

39.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fil-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T; jemmen li implimentazzjoni sħiħa u mgħaġġla tal-ERTMS għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE sabiex tinħoloq Żona Ferrovjarja Ewropea kompletament interoperabbli, funzjonanti, effiċjenti u attraenti li tkun kapaċi tikkompeti ma' modi oħra ta' trasport;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw regoli ċari, strateġiji ta' żvilupp fit-tul għat-trasport ferrovjarju u jneħħu l-ostakli għal proġetti ferrovjarji implimentati bl-użu tal-finanzjament tal-UE;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fit-titjib tal-kwalità tal-ferroviji sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli u attraenti fl-oqsma ta' trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija u biex jiżdied is-sehem modali, skont l-għan Nru 3 dwar il-bidla lejn modi oħra kif ifformulat fil-White Paper tal-UE dwar it-Trasport;

42.  Jinnota nuqqas ta' konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija lejn u mill-portijiet; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-ajruporti fl-Ewropa tal-Lvant jinsabu qrib l-infrastruttura ferrovjarja u li l-integrazzjoni għadha teknikament possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ aktar integrazzjoni ta' konnessjonijiet tat-trasport multimodali (triq-ferrovija-ajruport) fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-investiment fil-vetturi ferrovjarji f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, peress li dan jagħmilha possibbli li jinġieb lura l-potenzjal tal-ferrovija fis-sistemi tat-trasport pubbliku ta' dawk il-pajjiżi;

44.  Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju Ewropew m'għandux jispiċċa bis-sempliċi kostruzzjoni tan-netwerk iżda għandu jinkludi miżuri ta' manutenzjoni sabiex ikunu kosteffikaċi fuq medda twila ta' żmien; iqis li proporzjon sinifikanti ta' mezzi finanzjarji għandu jiġi dedikat għal dawn il-miżuri minħabba l-importanza tal-attivitajiet ta' manutenzjoni;

45.  Jenfasizza l-benefiċċji komuni tal-konnessjoni Rail Baltica bħala wieħed mill-proġetti prijoritarji fil-Kuritur Baħar tat-Tramuntana-Baħar Baltiku, u l-importanza strateġika sinifikanti tiegħu għall-Istati Membri kollha involuti, kif ukoll għar-reġjun kollu mill-Finlandja (bil-possibilità ta' "estensjoni tal-Botnija"), għall-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Ġermanja, in-Netherlands u n-Nofsinhar tal-Ewropa; jilqa' l-progress li sar fil-kostruzzjoni u t-tħejjija tal-proġett "Rail Baltica" u jenfasizza li kooperazzjoni tajba fost il-partijiet ikkonċernati u l-pajjiżi involuti hija kruċjali biex il-proġett jimxi 'l quddiem mingħajr aktar dewmien u passi lura, u biex jiġi evitat kull riskju ta' nuqqas ta' impenn ta' riżorsi finanzjarji allokati għal dan il-proġett; jenfasizza li jekk ma jiġux rispettati r-regoli tal-Kummissjoni Ewropea, il-kofinanzjament tal-UE ta' madwar 85 % se jintilef u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament futuri qatt mhuma se jkunu favorevoli daqs kemm huma issa; iħeġġeġ lill-pajjiżi involuti jirrikonoxxu u jsaħħu r-rwol tal-RB Rail Joint Venture bħala l-aħjar korp għall-ġestjoni ta' proġetti transnazzjonali fuq skala bħal din, jissottomettu applikazzjonijiet konġunti għal finanzjament mill-UE, jipproċedu kemm bl-akkwist pubbliku nazzjonali u konġunt, jikkoordinaw il-ħidma fuq il-proġett u, fl-aħħar nett, juru li huma kapaċi jikkooperaw;

46.   Fid-dawl tas-sehem staġnat tal-ferroviji Ewropej fis-swieq tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Shift2Rail, b'mod speċjali fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-effiċjenza; huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm investiment fit-titjib tal-kwalità tat-trasport ferrovjarju fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija; jilqa' inizjattivi internazzjonali komuni meħuda mill-Istati Membri fir-reġjun bl-għan li jiżviluppaw u jimmodernizzaw l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-ħolqien tal-kuritur ferrovjarju ġdid tal-merkanzija Nru 11, l-hekk imsejjaħ Kuritur Ambra, li jgħaqqad iċ-ċentri kummerċjali u industrijali fil-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u s-Slovenja permezz ta' azzjoni konġunta fl-allokazzjoni tal-kapaċità tat-traffiku għal ferroviji internazzjonali tal-merkanzija; jirrimarka li proġetti bħal dawn jippromwovu l-ferrovija bħala mezz tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija, itejbu l-kompetittività tat-trasport ferrovjarju u jiżguraw użu aħjar tal-kapaċità eżistenti tat-traffiku internazzjonali tal-merkanzija;

47.  Jinnota li hemm diversi sorsi ta' finanzjament disponibbli għas-settur ferrovjarju minn diversi programmi tal-UE; jemmen li l-adozzjoni u l-użu effikaċi ta' dawn is-sorsi ta' finanzjament huma essenzjali minħabba l-fatt li l-limitazzjonijiet finanzjarji jqiegħdu restrizzjonijiet severi fuq l-ammont ta' flus pubbliċi li l-gvernijiet nazzjonali jkunu jistgħu jinvestu fil-ferroviji;

48.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-supplimenti li normalment jintużaw fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fit-trasport ta' passiġġieri bil-ferrovija reġjonali transfruntier, li ta' spiss jiġu imposti minn kumpaniji ferrovjarji bħala parti min-nollijiet tal-ferrovija internazzjonali, li jirriżultaw fi tnaqqis tal-attraenza tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera;

49.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huma interkonnessi man-netwerk ferrovjarju b'veloċità kbira fl-Ewropa tal-Punent sabiex tiżdied il-kompetittività tas-settur tat-trasport ferrovjarju u jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku f'dak ir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu proġetti transfruntiera għal konnessjonijiet ferrovjarji b'veloċità għolja tul il-kurituri tan-netwerk tat-TEN-T;

50.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu appoġġati proġetti u investiment konġunt ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, biex b'hekk titwitta t-triq lejn l-isfruttament tal-potenzjal komplimentari tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju li ġew immodernizzati bl-użu tal-finanzjament tal-UE, pereżempju, b'rabtiet bejn l-UE u pajjiżi fl-Asja;

Passaġġi fuq l-ilma interni

51.  Jenfasizza l-importanza tat-trasport fuq l-ilmijiet interni bħala mezz kosteffikaċi u sostenibbli għat-trasport multimodali u għal-loġistika fl-UE kollha; iqis li huwa neċessarju, għalhekk, li tiġi modernizzata l-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija, u sabiex tittejjeb l-interoperabilità ma' modi oħra ta' trasport;

52.  Jinnota li l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandha potenzjal ta' żvilupp sinifikanti fir-rigward tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ix-xmajjar u l-portijiet tal-baħar tagħha; iqis li dan il-potenzjal jista' jiġi sfruttat biss jekk fl-istess ħin jiġi rrispettat b'mod xieraq l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, il-bijodiversità u l-ilma, u jqis li jekk jitqiegħed aktar enfasi fuq l-użu ta' portijiet u ferroviji, dan jista' jgħin biex jappoġġa l-għan għat-tisħiħ tat-trasport multimodali fir-reġjun;

53.  Jilqa' l-ħolqien tal-programm NAIADES, kif ukoll it-tkomplija tiegħu ma' NAIADES II sal-2020, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm strateġija Ewropea u Pjan ta' Azzjoni għal passaġġi fuq l-ilma interni;

54.  Jemmen li l-isfruttament tal-multimodalità f'portijiet ta' passaġġi tal-ilma interni huwa kruċjali għall-potenzjal ekonomiku tagħhom; jenfasizza r-rwol ta' aċċess għall-aħħar mil u konnessjonijiet ferrovjarji xierqa b'infrastruttura ferrovjarja interkonnessa f'terminali tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ċentri tat-trasport f'żoni ta' qbid tal-port biex jattiraw l-utenti;

55.  Jenfasizza r-rwol tax-Xmara Danubju bħala passaġġ fuq l-ilma ewlieni tat-trasport fil-makroreġjun tad-Danubju; jinnota li l-potenzjal tar-reġjun għal trasport fuq passaġġi tal-ilma interni għandu jintuża ulterjorment u għalhekk ifakkar ukoll fil-ħtieġa għall-Istati Membri li jżommu l-operabilità ta' passaġġi fuq l-ilma interni li huma taħt ir-responsabilità tagħhom; jistieden lill-istati li jinsabu max-xatt biex jiżguraw in-navigabilità kontinwa tad-Danubju u jimplimentaw il-pjan ġenerali tagħhom ta' rijabilitazzjoni u manutenzjoni tal-kanali navigabbli approvat fl-2014, filwaqt li fl-istess ħin jieħdu kont tal-aspetti ambjentali u jagħtu attenzjoni speċjali biex iħarsu l-ħabitats naturali, l-ambjent, il-bijodiversità u l-ilma, u b'hekk jikkonservaw u jippromwovu l-SMEs fil-qasam tal-agrikoltura, is-sajd u t-turiżmu sostenibbli; jenfasizza li r-rabtiet bejn l-Oder, l-Elbe u d-Danubju jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni u ta' trasport tar-reġjun kollu fuq l-assi Tramuntana-Nofsinhar, li jista' jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi u l-iżvilupp tal-SMEs;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi mtejba u miksuba navigabilità tal-klassi IV ta' infrastrutturi oħra ta' passaġġi tal-ilma interni, b'mod partikolari it-taqsimiet tax-xmara fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T; jenfasizza li titjib importanti tax-xmara Elbe huwa meħtieġ biex jippermetti navigabilità sħiħa, li hija essenzjali għall-Kuritur Orjent-Mediterran tal-Lvant; jenfasizza l-ħtieġa li x-Xmara Oder tittejjeb għal navigabilità tal-klassi IV; jenfasizza wkoll l-importanza tal-kanali internazzjonali E40 u E70 fir-rigward tat-titjib tal-integrazzjoni ta' pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant f'rotot pan-Ewropej ta' trasport fuq l-art; jenfasizza li l-iżvilupp ta' konnessjonijiet multimodali tajbin bejn dawk il-passaġġi fuq l-ilma u l-kurituri tat-TEN-T Ewlieni Baltiku-Adrijatiku ikun spinta sinifikanti għall-potenzjal ta' investiment fir-reġjuni tal-Lvant fl-UE;

Portijiet marittimi u ajruporti

57.  Jenfasizza l-potenzjal għal aktar żvilupp ta' portijiet marittimi attraenti fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Adrijatiku fil-kuntest tal-kunċett ta' 'Awtostradi tal-Baħar'; jenfasizza l-importanza tal-espansjoni tal-kapaċitajiet fis-settur tal-enerġija inklużi l-fjuwils sostenibbli għat-tbaħħir, u l-iżgurar ta' konnessjonijiet effiċjenti tal-ferrovija għall-inħawi ta' ġewwa tal-portijiet;

58.  Jirrimarka li l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar l-Iswed m'għandux jiġi mxekkel minn infrastruttura oħra ta' taħt il-baħar; jinsab imħasseb li attivitajiet dwar proġetti bħal dak ta' North Stream jistgħu jimminaw u jostakolaw l-investiment fir-reġjun, b'mod partikolari fir-Reġjun Baltiku; jinsisti li kwalunkwe pipelines taħt il-baħar għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-pixka fl-entraturi għall-portijiet;

59.  Iqis li l-portijiet marittimi u l-ajruporti jaqdu aħjar l-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant jekk ikunu ċentri f'sistema tat-trasport multimodali integrat b'interkonnessjoni ma' infrastruttura ferrovjarja b'livell għoli ta' prestazzjoni;

60.  Jenfasizza li l-portijiet tat-Tramuntana tal-Adrijatiku għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta' koordinazzjoni reġjonali għall-promozzjoni komuni tal-flussi tat-traffiku għall-kummerċ marittimu fit-Tramuntana tal-Adrijatiku u biex jintegraw bis-sħiħ il-portijiet Taljani ma' dawk tas-Slovenja (Koper) u tal-Kroazja (Rijeka); jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tinkludi l-port ta' Rijeka fil-kuritur Baltiku-Adrijatiku sabiex tippermetti konnessjoni sħiħa tat-trasport ta' portijiet tal-baħar fit-Tramuntana tal-Adrijatiku lejn l-Ewropa Ċentrali u l-Baħar Baltiku;

61.  Ifakkar li l-Kummissjoni identifikat il-kwistjoni ta' lakuni fil-konnettività fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa li ġiet żviluppata reċentement; jinnota, madankollu, li s-soluzzjonijiet proposti huma ta' potenzjal limitat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja konnettività bl-ajru fi ħdan l-UE, speċjalment fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u tiżviluppa aktar proposti mmirati biex jitnaqqsu d-distakki fl-aċċess għas-servizzi tat-trasport bl-ajru; jemmen li l-konnessjonijiet bl-ajru f'din il-parti tal-UE jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati billi l-konnettività tal-UE13 hija 7.5 darbiet inqas minn dik tal-UE15(9); jinsab imħasseb dwar il-fatt li filwaqt li l-infrastruttura tal-ajruporti fir-reġjun tgħaddi minn modernizzazzjoni kostanti, il-maġġoranza vasta ta' rotot tal-ajru ġodda huma orjentati biss lejn il-Punent; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk il-leġiżlazzjoni relevanti hijiex adattata għall-għan tagħha, u, jekk meħtieġ, tipproponi inizjattivi ġodda biex tiggarantixxi biżżejjed konnettività bejn iż-żoni periferiċi u ċ-ċentru tal-Ewropa;

62.  Jenfasizza li r-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandu numru inqas ta' konnessjonijiet bl-ajru, li huma ta' kwalità inferjuri meta mqabbla ma' dawk ta' reġjuni fil-punent tal-UE; jirrimarka li dawn il-lakuni fil-konnettività ġew identifikati permezz ta' analiżi indipendenti mwettqa fuq talba tal-Kummissjoni;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-konnettività bl-ajru fi u bejn l-Istati Membri u tistabbilixxi miżuri biex jitjiebu s-servizzi tat-trasport bl-ajru f'dak li jirrigwarda l-kwalità tas-servizz għall-konsumaturi;

64.  Jinnota l-potenzjal enormi li l-ajruporti ta' daqs żgħir u medju għandhom fir-rigward tal-aċċessibilità tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, speċjalment għal vjaġġaturi fuq negozju u turisti; itenni li f'dawn l-aħħar snin ħafna ajruporti reġjonali ġew mibnija u modernizzati fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, imma li l-potenzjal tagħhom mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed minħabba nuqqas ta' konnessjonijiet bejn dawn l-ajruporti u r-rotot ewlenin tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-ajruporti jintużaw b'mod aktar effikaċi permezz tal-bini ta' konnessjonijiet ġodda bit-triq u bil-ferrovija;

65.  Jirrikonoxxi r-rwoli differenti ta' ajruporti reġjonali u lokali fl-iżvilupp tar-reġjuni ċentrali u tal-Lvant tal-UE biex jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku, il-kummerċ, il-kompetittività, il-mobilità inklużiva u t-turiżmu, kif ukoll aċċess mingħajr ostakli għal persuni b'diżabilità u b'mobilità mnaqqsa; jisħaq li l-ajruporti reġjonali jagħtu kontribut biex tiżdied l-attraenza tar-reġjuni tagħhom; isostni li għal kwalunkwe faċilità ġdida, id-domanda tat-traffiku u l-potenzjal tiegħu għandhom jiġu evalwati sewwa u l-użu tal-fondi tal-UE għandu jkun limitat strettament għal proġetti ekonomikament vijabbli u sostenibbli; jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet eżistenti għandu jingħata kif xieraq; huwa tal-fehma li r-rwol tal-ajruporti reġjonali se jiżdied jekk ikollhom infrastruttura moderna u netwerk ta' konnessjonijiet tat-trasport (speċjalment konnessjonijiet ferrovjarji) li jaqblu sew mar-reġjun u mal-pajjiż, li jagħmluha possibbli li wieħed jasal l-ajruport malajr minn diversi partijiet ta' bliet u rħula fil-viċin; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' ajruporti reġjonali u lokali eżistenti u ġodda li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, inkluż fis-settur tat-turiżmu, f'reġjuni mhux żviluppati u iżolati permezz tat-titjib tal-aċċessibilità u l-konnettività, jekk dawn ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għall-investiment u l-kompetittività, biex b'hekk jiġi aċċellerat l-iżvilupp soċjoekonomiku; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-iżvilupp ta' netwerk ta' ajruporti fil-livell reġjonali sabiex tiġi żgurata konnettività aħjar bejn u fi ħdan l-Istati Membri;

°

°  °

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0310.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0423.

(3)

ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(5)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(6)

http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/vademecum_2015.pdf

(7)

http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/news/2014-12-04-danube-ministrial-meeting/conclusions.pdf

(8)

http://mib.gov.pl/files/0/1796967/deklaracjalancucka.pdf

(9)

  SWD(2015) 261 Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa".


NOTA SPJEGATTIVA

Konnessjonijiet tat-trasport ta' kwalità għolja huma fundamentali għal attivitajiet ekonomiċi fl-Ewropa u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Netwerks tat-trasport faċilment aċċessibbli u konnessi sew li jkopru d-dimensjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u transfruntiera tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija huma fil-qalba tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u bejn l-Istati Membri fl-UE.

Fil-livell tal-UE, in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) għandu l-għan li jiżviluppa netwerk ta' trasport multimodali integrat madwar l-UE, billi jippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabiltà ta' netwerks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal dan in-netwerk. Mal-linji gwida tat-TEN-T u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) stabbiliti fl-2013, il-pilastri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-infrastruttura tat-trasport għas-snin sa nofs is-snin 2020 issa huma stabbiliti tajjeb. L-Istati Membri u l-UE se jkollhom jirraggruppaw ir-riżorsi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' proġetti biex ilestu n-netwerk ewlieni strateġiku sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050.

Għan – Ir-rapporteur jemmen li dan huwa l-aħjar żmien biex il-Parlament Ewropew iżomm il-momentum ta' dan il-proċess il-ġdid tat-TEN-T u jindirizza ulterjorment l-isfidi miftuħa dwar l-aċċessibilità u l-konnettività tal-infrastruttura tat-trasport fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tal-UE, li tlaqqa' flimkien l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, ir-Rumanija u l-Bulgarija.

Sfond – L-infrastruttura tat-trasport fl-Istati Membri ta' din il-parti tal-UE żgur li għaddiet minn proċess ta' modernizzazzjoni u titjib sostanzjali, b'għajnuna kostanti mill-UE, mill-perjodu ta' qabel l-adeżjoni s'issa. Għal raġunijiet storiċi u ġeografiċi, l-enfasi tpoġġiet fuq proġetti li jerġgħu jibnu l-konnessjonijiet lejn u minn pajjiżi tal-Punent tal-UE. Dan huwa wkoll il-ħsieb wara l-orjentazzjoni primarjament mil-Lvant għall-Punent tal-ħames kurituri tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T li jgħaddu minn Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, jiġifieri l-kurituri Baltiku-Baħar tat-Tramuntana, Baħar Baltiku-Adrijatiku, tal-Mediterran, Renu-Danubju u Orjent-Lvant-Mediterran.

Minkejja dan il-progress, għad hemm lakuni gravi fl-aċċessibilità u l-konnettività tal-infrastruttura tat-trasport f'kull parti tal-UE Ċentrali u tal-Lvant. Dawn il-lakuni għandhom jingħelbu biex jinżammu tkabbir ekonomiku u opportunitajiet tal-impjieg għaċ-ċittadini u n-negozji bl-iżjed mod wiesa' possibbli. Dan huwa partikolarment urġenti f'żoni aktar rurali u f'reġjuni tal-fruntiera (Lvant) li inkella se jkomplu jitilfu l-popolazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, iż-żamma ta' rabtiet ta' trasport vijabbli għandha titqies ukoll bħala fattur dejjem aktar importanti fit-tisħiħ tal-istabilità u s-sigurtà fil-fruntiera tal-Lvant tal-UE u tal-Balkani tal-Punent.

Azzjonijiet ta' politika – F'dan il-kuntest, huwa ċar li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom l-ewwel nett jiffokaw fuq il-ħolqien ta' konnessjonijiet nieqsa, jeliminaw il-punti ta' konġestjoni u jiżguraw konnessjonijiet mingħajr xkiel għall-passiġġieri u l-merkanzija, u b'hekk jilħqu l-objettivi TEN-T. Iżda dawn l-isforzi fuq it-tlestija tal-kurituri ewlenin għandhom jistimulaw ukoll l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, li jgħaqqad mar-reġjuni ġirien, speċjalment fir-reġjuni mal-fruntieri, u b'hekk jinkiseb il-konsolidament ta' kurituri tan-netwerk.

Spinta ulterjuri tidher neċessarja biex tittejjeb il-konnettività transfruntiera f'direzzjoni mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bejn l-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u anke biex tittejjeb l-aċċessibilità għall-oqsma kbar li jinsabu f'reġjuni tal-Lvant tagħhom. Tali żviluppi jgħinu r-reġjuni rispettivi biex ikunu konnessi man-netwerk TEN-T u joħolqu perspettivi ġodda għal impjiegi u negozji f'dawk ir-reġjuni. Il-proġett Rail Baltica diġà rrikonoxxa dan il-bżonn fil-ġibda tal-Grigal tal-kuritur bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw dan il-bżonn, u jibnu fuq ix-xogħol li sar diġà taħt il-proġett Via Carpatia u jisfruttaw ukoll il-possibilità li jinfetaħ il-kuritur Renu-Danubju fit-Tramuntana tal-UE.

Kooperazzjoni u riżorsi ta' investiment – Billi t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport għadu jeħtieġ investimenti kbar, huwa essenzjali li l-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-Kummissjoni jintensifikaw ulterjorment il-koordinazzjoni sħiħa fl-istadji kollha tal-politika tat-trasport u l-ippjanar ta' proġetti. Huwa wkoll essenzjali li jiġu sfruttati s-sinerġiji kollha ta' finanzjament bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), is-CEF u r-riżorsi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). L-istess japplika għall-użu f'waqtu tal-mezzi tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) previsti għal futur fuq medda ta' żmien iqsar.

Il-kooperazzjoni taħt l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, bl-użu ta' mekkaniżmu innovattiv ta' governanza, tista' tgħin biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' politika tat-trasport li ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom. B'mod partikolari, l-esperjenzi akkwistati taħt l-istrateġiji tal-Baħar Baltiku, tad-Danubju u tal-Adrijatiku-Jonju jistgħu wkoll jiġu inklużi fi strateġija futura possibbli għar-Reġjun tal-Karpazji.

Kwistjonijiet speċifiċi – Ir-rapport jista' wkoll jipprovdi kontribut għall-indirizzar ta' kwistjonijiet partikolari fl-iżvilupp ta' modi differenti ta' trasport tal-art, tal-ilma u tal-ajru fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-UE, inkluża inter alia l-promozzjoni tal-intermodalità permezz ta' ċentri u fil-portijiet u l-ħtieġa għal stabbiliment mill-ġdid ta' konnessjonijiet ferrovjarji transkonfinali tal-passiġġieri. Għandu jkun rikonoxxut ukoll li l-potenzjal tar-reġjun għal trasport fuq passaġġi tal-ilma interni għandu jintuża iktar, speċjalment tul ix-Xmara Danubju, u li l-Istati Membri jeħtieġ li jintensifikaw l-isforzi biex jiżguraw navigabilità kontinwa għal dan l-għan. Hemm ukoll potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp ulterjuri ta' trasport bil-baħar lejn il-portijiet marittimi fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed, mhux l'inqas fis-settur tal-enerġija. Hawnhekk wieħed għandu joqgħod attent li kull infrastruttura ta' taħt il-baħar ma tfixkilx l-iżvilupp tal-portijiet u tirrispetta r-rekwiżiti tal-pixka fl-entraturi għall-portijiet. Hemm ukoll il-ħtieġa li jkun żgurat li ajruporti reġjonali u lokali, li jistgħu jkunu faċilitaturi importanti għall-kummerċ, il-mobilità u t-turiżmu, huma żviluppati b'mod realistiku.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (21.4.2016)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu;

dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

(2015/2347(INI))

Rapporteur: Joachim Zeller

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-introduzzjoni ta' objettivi tematiċi għenet biex tinkoraġġixxi l-Istati Membri jiffokaw il-politiki ta' investiment tagħhom fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura ta' trasport tagħhom; huwa tal-fehma li l-kundizzjonalità ex-ante għall-abbozzar ta' pjanijiet ġenerali għat-trasport għenet lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-investimenti ta' trasport tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni li fl-istadju tal-approvazzjoni u l-Istati Membri fil-fażi ta' pjanar tal-infrastruttura tat-trasport, jiżguraw li l-pjanijiet ġenerali tat-trasport u l-investimenti tal-FSIE fis-settur tat-trasport ikunu allinjati aħjar mal-White Paper tal-Unjoni dwar it-Trasport f'dak li jirrigwarda l-miri ewlenin; iqis li s-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw u jipprovdu segwitu għal dawn il-pjanijiet ġenerali, b'mod partikolari biex jiffurmaw parti minn strateġija globali għall-mobbiltà sostenibbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jiżguraw il-koordinazzjoni u s-sinerġija bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u r-riżorsi tal-BEI u l-BERŻ fl-implimetazzjoni ta' proġetti intiżi li jtejbu il-konnessjoni u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura ta' trasport fir-reġjun; ifakkar li EUR 11 305 500 000 ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jintefqu fis-settur tat-trasport fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni; jenfasizza li l-użu ta' dan il-finanzjament kollu, disponibbli immedjatament, għandu jingħata prijorità, speċjalment fil-kuntest tar-rata ta' assorbiment attwali, pjutost milli l-parteċipazzjoni għall-investiment minn terzi jekk dan l-investiment ikun motivat minn kunsiderazzjonijiet politiċi aktar milli minn interessi kummerċjali; iħeġġeġ l-użu tal-potenzjal ta' investimenti privati Ewropej fis-settur ferrovjarju, peress li dan jista' jikkontribwixxi għal żieda fir-rati ta' assorbiment u jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tat-trasport;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikorru għal użu aktar effiċjenti ta' għotjiet ikkombinati ma' strumenti finanzjarji għal proġetti kbar li jiġġeneraw dħul fil-qafas tal-FSIE;

4.  Jistieden l-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jiżguraw livell għoli ta' trasparenza u skrutinju mill-qrib fir-rigward tal-użu ta' dawk il-fondi u jippubblikaw id-dettalji tal-allokazzjoni tagħhom mill-aktar fis;

5.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw għall-iżvilupp ta' konnessjonijiet nieqsa fiż-żoni mal-fruntieri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u fil-konsolidazzjoni tal-infrastruttura eżistenti, sabiex ikun żgurat aċċess sħiħ għas-suq uniku u sabiex jiġi promoss aktar it-tkabbir ekonomiku; jenfasizza f'dan ir-rigward li, peress li t-trasport huwa essenzjali għall-iżvilupp reġjonali, infrastruttura lokali adegwata u ffinanzjata sew hija rekwiżit bażiku u inevitabbli sabiex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; ifakkar li għandha tingħata prijorità lill-proġetti transfruntieri li jirrigwardaw mhux biss in-netwerks trans-Ewropej (TENs) prinċipali fir-reġjun, iżda wkoll il-konnessjonijiet neqsin, sabiex jitneħħew il-konġestjonijiet eżistenti, kif ukoll lill-investiment biex tinħoloq rabta bejn il-mezzi differenti ta' trasport b'mod aktar effettiv; jappella, f'dan il-kuntest, għal sforzi kontinwi biex jiġu introdotti standards komuni fl-infrastruttura, b'mod partikolari fir-rigward tal-ferroviji, sabiex jinkiseb aktar malajr l-objettiv ta' effiċjenza u interoperabbiltà fuq livell Ewropew, u jinsisti fuq użu akbar tal-mezzi tat-trasport mħallta u l-interkonnessjoni tagħhom, b'mod partikolari fit-trasport tal-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw u jottimizzaw il-proċeduri ta' akkwist, joħorġu linji gwida għal sħubija pubblika-privata, jiżguraw qafas xieraq ta' għajnuna mill-istat u jissimplifikaw il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' proġetti tat-trasport, b'mod partikolari proġetti transfruntieri;

7.  Jenfasizza li hemm bżonn li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-kurituri tat-trasport Tramuntana-Nofsinhar, bħar-rotta ta' Via Carpathia, inter alia bl-għan li jkunu konnessi l-Ewropa tat-Tramuntana u tax-Xlokk, u li dan jista' jipprevjeni ż-żieda ulterjuri tad-differenzi reġjonali; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li testendi l-kurituri tat-TEN-T għall-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent, biex b'hekk jitnaqqsu n-nuqqasijiet fl-infrastruttura tagħhom u jitneħħew il-konġestjonijiet transfruntiera ma' Stati Membri oħra, kif ukoll ostakoli oħra, marbuta mal-espansjoni eventwali taż-żona ta' Schengen; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan il-mudell ta' suċċess fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ukoll; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-immodernizzar u t-tagħmir tal-infrastruttura ferrovjarja/netwerk biex jingħelbu tali ostakoli potenzjali għall-benefiċċju tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kollha kemm hi; jinnota li l-isforzi kollha msemmija hawn fuq jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi parteċipanti permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-impjiegi fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-promozzjoni tal-iskambji kummerċjali, u l-għoti ta' appoġġ għax-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġiji innovattivi;

8.  Jinkoraġġixxi lir-reġjuni u lill-Istati Membri jadottaw jew isegwu miżuri li huma intiżi li jistabbilixxu mezzi ta' trasport aktar favur l-ambjent; jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi SIE għall-proġetti intiżi biex jiġġeneraw domanda għal trasport pubbliku aktar sostenibbli, pereżempju permezz ta' sistema simplifikata għal ħruġ ta' biljetti transfruntieri u investiment f'sistemi ta' punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettroniċi;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ l-investiment fit-titjib tal-kwalità tal-ferroviji sabiex isiru aktar attraenti kemm għall-passiġġieri kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija u jiżdied l-użu tagħhom;

10.  Jinnota li l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandha potenzjal ta' żvilupp sinifikanti fir-rigward tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ix-xmajjar u l-portijiet tal-baħar tagħha; iqis li dan il-potenzjal jista' jiġi sfruttat biss jekk jiġi rrispettat b'mod xieraq l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, il-bijodiversità u l-ilma, u jqis li jekk jitqiegħed aktar enfasi fuq l-użu ta' portijiet u ferroviji, dan jista' jgħin biex jappoġġja l-għan għat-tisħiħ tat-trasport multimodali fir-reġjun; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li huwa importanti u neċessarju li tiġi sfruttata l-kapaċità tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-kuritur ta' Rhine-Main-Danube u li n-netwerk ferrovjarju jiġi konness mal-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana Baltiku, peress li din hija rotta prinċipali li tikkollega l-Ewropa tal-Lvant ma' tal-Punent, kif ukoll il-konnessjonijiet bejn l-Oder, l-Eber u d-Danubju, peress li dan jista' jżid il-kapaċitajiet ta' trasport u ta' komunikazzjoni tar-reġjun kollu fuq l-assi tat-Tramuntana-Nofsinhar;

11.  Jinnota li t-titjib fil-konnettività u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa mezz biex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku mixtieq ta' reġjuni mal-fruntieri;

12.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha fis-sens tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport sal-2020, li fiha adottat pjan ta' implimentazzjoni ta' 40 miżuri speċifiċi dwar l-iżvilupp ta' sistema Ewropea tat-trasport kompetittiva u sostenibbli; ifakkar li waħda mill-għanijiet fit-tul tagħha hija li 30% tat-trasport bit-triq 'l fuq minn 300 km jiġi trasferit għat-trasport bil-ferrovija jew għat-trasport fuq l-ilma sal-2030, u aktar minn 50 % sal-2050, biex b'hekk jitnaqqas b'mod sinifikanti t-traffiku fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

13.  Jirrakkomanda bil-qawwa l-użu aħjar tal-politiki u l-istrumenti eżistenti għal kooperazzjoni reġjonali, bħall-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC), Interreg u b'mod partikolari r-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), biex jiġu abbozzati u implimentati proġetti intiżi sabiex isaħħu t-trasport transfruntier bejn ir-reġjuni u jitneħħew il-konġestjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw dawn is-soluzzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, li jħaffu t-tlestija tal-kostruzzjoni ta' kollegamenti ta' netwerks ferrovjarji fir-reġjuni mal-fruntieri, jiżguraw li l-użu tal-fondi tal-UE huwa konformi mal-għanijiet globali, inkluż it-titjib fis-settur ferrovjarju, l-interkonnettività u l-interoperabbiltà, u jinvolvu partijiet interessati lokali jew oħra bħala parti minn proċess trasparenti; jirrakkomanda l-użu ta' strateġiji makroreġjonali bħal dawk tad-Danubju, il-Baħar Baltiku, l-Adrijatiku u l-Jonju, u r-reġjuni tal-Alpi, biex jiġu promossi l-proġetti ta' infrastruttura transnazzjonali u l-preparazzjonijiet għal strateġiji potenzjali makroreġjonali ġodda fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, bħal dik dwar ir-reġjun Karpazju;

14.  Ifakkar li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw ukoll biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-korpi intermedji u tal-benefiċjarji, peress li n-nuqqas tagħhom jista' jdgħajjef l-appoġġ tal-UE għal investimenti fit-trasport fir-reġjun; jinnota li l-mekkaniżmu ta' assistenza JASPERS, b'mod partikolari, irriżulta utli f'dan ir-rwol s'issa u jista', għalhekk, apparti minn sempliċiment jitkompla, jitqies ukoll fil-kuntest ta' ambjent istituzzjonali aktar permanenti; jirrimarka li l-għajnuna teknika offruta miċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti għandha tgħin lill-promoturi tal-proġetti pubbliċi u privati biex joħolqu sensiela stabbli ta' proġetti perfezzjonati u strutturati sew sabiex jibbenefikaw mill-istrumenti finanzjarji fit-tul; ifakkar li l-koordinaturi Ewropej għall-kurituri tan-netwerk prinċipali għandhom mandat politiku, iżda li m'għandhomx biżżejjed kapaċitajiet amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jissimplifikaw il-ġestjoni pubblika ta' dawn ir-riżorsi sabiex tiġi evitata burokrazija żejda;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jikkooperaw aktar u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha dwar il-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-promozzjoni ta' strumenti finanzjarji u l-inventarju bikri ta' proġetti potenzjali, u jipprovdu lill-Parlament Ewropew b'informazzjoni fuq bażi regolari dwar dan; jenfasizza li kwalunkwe miżura li tikkonċerna proġetti intiżi biex itejbu l-konnettività u l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura għandha titqies bħala kwistjoni tal-akbar urġenza;

16.  Jissottolinja li l-isforzi kollha fil-qasam tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom iseħħu f'qafas ta' approċċ orjentat lejn il-prestazzjoni u r-riżultati u b'tali mod li jinstabu soluzzjonijiet kosteffiċjenti li jqisu l-ambjent u li tiġi preservata l-infrastruttura eżistenti, peress li dan ir-reġjun ikun se jibbenefika speċifikament jekk il-finanzjament imsemmi hawn fuq ikun koordinat kif suppost, anki għal dak li jikkonċerna l-ħarsien tal-interessi strateġiċi tal-UE;

17.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata sistema tat-trasport bl-ajru iktar regolari u li tiffunzjona aħjar, li tikkollega l-Istati Membri periferiċi iżgħar ma' bliet akbar u aktar ċentrali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi attwali tat-trasport bl-ajru ma jaħdmux sew peress li l-konnessjonijiet ġeneralment mhumiex frekwenti u jieħdu ħafna ħin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Salvatore Cicu, Viorica Dăncilă, Andor Deli, Ivana Maletić, Maurice Ponga, Davor Škrlec


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Deirdre Clune, Michael Cramer, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Țapardel, Pavel Telička, Peter van Dalen, Wim van de Camp

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Werner Kuhn, Davor Škrlec, Patricija Šulin, Matthijs van Miltenburg, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Avviż legali