Proċedura : 2015/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0285/2016

Testi mressqa :

A8-0285/2016

Dibattiti :

PV 27/10/2016 - 6
CRE 27/10/2016 - 6

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0427

RAPPORT     
PDF 693kWORD 80k
10.10.2016
PE 580.547v02-00 A8-0285/2016

dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali

(2015/2226(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Eric Andrieu

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali

(2015/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0285/2016),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi f'żoni rurali: it-tnaqqis tad-diskrepanza fl-impjiegi (COM(2006)0857),

A.  billi ż-żoni rurali jirrappreżentaw aktar minn 77 % tat-territorju tal-UE u billi ħafna impjiegi f'dawn l-oqsma – proporzjon għoli minnhom li ma jistgħux jirrilokaw – jiddependu fuq l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari;

B.  billi, meqjusa flimkien, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari jirrappreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, 15-il miljun negozju u 46 miljun impjieg;

C.  billi, f'ħafna pajjiżi Ewropej matul l-aħħar ftit deċennji, in-numru ta' bdiewa f'żoni rurali naqas drastikament, kif ukoll naqas l-introjtu tal-bdiewa u ta' ħaddiema agrikoli oħra, u l-impjiegi agrikoli f'dawk iż-żoni komplew jonqsu; billi bejn l-2005 u l-2014 kien hemm tnaqqis ta' kważi kwart (-23,6 %) fl-input tax-xogħol agrikolu fl-UE-28(1)a;

D.  billi, minkejja li l-agrikoltura għadha l-forma ewlenija ta' użu tal-art fl-Ewropa, illum timpjega biss proporzjon żgħir tal-ħaddiema fiż-żoni rurali; billi d-diversifikazzjoni tal-użu tal-art f'żoni rurali, li tgħaqqad il-funzjoni ekonomika produttiva mal-funzjonijiet ta' akkomodazzjoni residenzjali u l-użu rikreattiv u ta' ħarsien u konservazzjoni tan-natura, hija sfida konsiderevoli f'termini ta' żvilupp u impjieg fid-diversi reġjuni rurali tal-Unjoni; billi, minkejja li t-tnaqqis tal-popolazzjoni treġġa' lura f'xi reġjuni f'dawn l-aħħar snin flimkien ma' influss ta' persuni li jixtiequ jgħixu fil-kampanja, li ġġeneraw, fil-parti l-kbira tal-każijiet, effett ta' periurbanizzazzjoni, hemm ukoll tendenza lejn tnaqqis f'reġjuni ħafna anqas prosperużi fejn il-periferiċità hija problema u l-appoġġ għall-iżvilupp u l-impjiegi huwa aktar diffiċli;

E.  billi ħafna żoni rurali jiffaċċjaw sensiela ta' sfidi bħal dħul baxx, tkabbir demografiku negattiv, nuqqas ta' impjiegi u rata għolja ta' qgħad, żvilupp bil-mod fis-settur terzjarju, nuqqas ta' kapaċità ta' proċessar għall-prodotti tal-ikel, livell baxx ta' ħiliet u kapital limitat;

F.  billi aktar minn disgħa minn kull għaxar persuni Ewropej iqisu li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur tagħhom;

G.  billi hemm dħul relattivament baxx għal kull unità tax-xogħol għal attivitajiet agrikoli u dan huwa punt ta' tħassib;

H.  billi l-kriżi ekonomika laqtet l-inħawi kollha tal-Ewropa, iżda l-ebda naħa ma ntlaqtet aktar miż-żoni rurali; billi tali żoni esperjenzaw qerda mingħajr preċedent b'riżultat tal-politiki ta' awsterità;

I.  billi, minkejja l-kriżi ekonomika attwali, l-Unjoni Ewropea għamlet l-impjiegi, b'mod partikolari permezz tal-FEIS, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha, u billi, f'dan ir-rigward, il-PAK għandha ssir aktar effettiva u l-leġittimità tagħha għandha tiġi affermata mill-ġdid bħala waħda mill-għodod prinċipali tal-azzjoni tal-UE mmirati lejn iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività fiż-żoni rurali, l-aktar fis-settur tal-biedja; billi, f'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi evalwat sa liema punt il-PAK għandha impatt fuq il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi f'żoni rurali;

J.  billi huwa ta' importanza kruċjali li jinżammu ż-żewġ pilastri tal-PAK, billi l-Pilastru I jipprevjeni l-emigrazzjoni ta' industriji agrikoli żgħar u tal-familja mis-settur u jżomm l-impjiegi fis-settur agrikolu, filwaqt li l-fondi tal-Pilastru II jiżguraw il-ħolqien tal-impjiegi f'oqsma oħra bħat-turiżmu, l-ipproċessar tal-ikel u setturi relatati oħra;

K.  billi l-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja għadd ta' sfidi relatati mal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà, l-ambjent, il-bijodiversità, is-sostenibilità, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u huwa vitali li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-soċjetà u l-agrikoltura, jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi biex jingħelbu dawn l-isfidi biex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur u jiġu fformulati mill-ġdid l-objettivi ta' politika ġenwinament pubblika li hija fl-interess ta' kulħadd, minħabba li dan huwa wieħed mill-iktar aspetti importanti tal-integrazzjoni Ewropea;

L.  billi, għal żmien twil wisq, ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni biex tinbidel il-prijorità tal-agrikoltura biex issir ibbażata mill-ġdid fuq it-territorju, u għaldaqstant tqiegħed il-produzzjoni u l-impjiegi f'oqsma speċifiċi, u billi għandna d-dmir li nappoġġjaw il-biedja bħala attività ewlenija mwettqa minn irġiel u nisa fl-inħawi fejn jgħixu, sabiex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkunu dinamiċi u jkollhom ħafna impjiegi; billi dan l-iffokar mill-ġdid se jwassal ukoll għal bilanċ tajjeb bejn l-iżvilupp rurali u urban;

M.  billi hemm rwol dejjem jikber għall-agrikultura urbana u periurbana u interess fiha u mudell ta' konsum li qed jinbidel u li jikkombina diversi fatturi, inkluż impatt minimu fuq l-ambjent, produzzjoni lokali ta' kwalità għolja u rikonoxximent tal-valur tax-xogħol magħmul minn produtturi żgħar u reġjonali;

N.  billi l-bażi tal-aħħar riforma tal-PAK ippermettiet li l-għajnuna tiġi orjentata mill-ġdid u mqassma b'mod aktar ġust fost l-Istati Membri u fis-setturi agrikoli varji u affermat mill-ġdid ir-rwol tal-PAK f'termini ekonomiċi u soċjali bħala fattur stabilizzanti għall-azjendi agrikoli u r-reġjuni rurali;

O.  billi, għalkemm l-istudji wrew li l-pagamenti diretti permezz tal-Pilastru 1 mhumiex qed joħolqu l-impjiegi direttament, dawn jaqdu rwol essenzjali biex jinżammu l-impjiegi u l-bdiewa fuq l-art; billi, jekk dan l-appoġġ politiku jiġi rtirat, 30 % tal-bdiewa Ewropej se jkunu furzati jwaqqfu l-attivitajiet u joħorġu mis-settur agrikolu; billi dawn il-pagamenti jżommu l-bdiewa żgħar u ż-żoni rurali ħajjin;

P.  billi appoġġ fil-forma ta' pagamenti diretti għall-bdiewa f'żoni periferali fuq art żvantaġġata jew marġinali huwa essenzjali mhux biss biex jiġi żgurat li dawn il-bdiewa jibqgħu jaħdmu l-art u jaqilgħu għajxien deċenti, iżda wkoll biex jiġi żgurat li din l-art tiġi protetta u jkollha rwol biex tattira t-turiżmu f'dawn iż-żoni;

Q.  billi l-objettiv primarju tal-Pilastru I tal-PAK riformata huwa s-sigurtà tal-provvista tal-ikel li tgħin biex jinżammu l-impjiegi eżistenti fl-agrikoltura u hemm rekwiżit li jiżgura distribuzzjoni aktar ġusta ta' pagamenti tal-Pilastru I biex jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv ta' dan l-appoġġ;

R.  billi l-esperjenza prattika turi li tipi oħra ta' żvilupp agrikolu huma possibbli, jipprovdu riżultati aħjar f'termini tal-kwalità tal-ikel u l-prestazzjoni agronomika, ambjentali u soċjoekonomika, li huwa importanti li tiġi appoġġjata u promossa d-diversità tas-sistemi agrikoli u li azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju li huma ġeneralment aktar diversifikati, innovattivi u flessibbli ħafna, spiss ikunu organizzati tajjeb f'termini ta' formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi u kooperattivi u huma aktar inklinati li jkunu reżiljenti u li jadattaw ruħhom b'mod aktar faċli għall-effetti ta' kriżi, jibbenefikaw lill-komunitajiet li jinsabu fihom, u b'hekk jappoġġjaw l-ekonomija rurali, li hija essenzjali għall-iżvilupp tal-agrikoltura Ewropea;

S.  billi l-kriżi attwali turi li, fil-qafas ta' PAK orjentata lejn is-suq, huwa essenzjali li tinżamm organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u biex jinħarġu għodod regolatorji ġodda adatti biex jiżguraw l-istabilità tal-prezzijiet u jsostnu l-impjiegi u d-dħul agrikoli;

T.  billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni stess dwar l-effetti tat-TTIP tinnota li żoni predominantement rurali ffukati fuq attivitajiet speċifiċi u b'alternattivi limitati huma aktar vulnerabbli; billi ż-żoni rurali u l-impjiegi rurali huma mhedda miċ-ċaqliq lil hinn minn mudelli tradizzjonali tal-biedja li dan il-ftehim se jġib;

U.  billi l-bdiewa Ewropej joperaw f'suq dejjem aktar globali u għalhekk iġarrbu l-esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet aktar minn setturi oħra; billi l-ftehimiet kummerċjali li qed jiġu nnegozjati bħalissa, bħal pereżempju s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) u l-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Mercosur, joħolqu theddida għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jappoġġjaw l-għajxien mill-agrikoltura;

V.  billi s-sistema ta' ħlasijiet li attwalment teżisti fil-katina tal-provvista tal-ikel ma tiggarantixxix distribuzzjoni sostenibbli tal-valur miżjud u ta' spiss tiddetermina li d-dħul tal-produtturi primarji lanqas biss ikunu suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż tagħhom;

W.  billi, meta mqabbla ma' żoni urbani, iż-żoni rurali huma ġeneralment ikkaratterizzati minn livelli statistikament ogħla ta' qgħad u dħul tar-residenti aktar baxx b'mod sinifikanti, kif ukoll infrastruttura inqas attraenti u inqas aċċess għas-servizzi peress li l-ispejjeż biex jiġu pprovduti huma sinifikanti minħabba densità tal-popolazzjoni u aċċessibilità aktar baxxi;

X.  billi l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali għandu jiddaħħal fil-qafas ta' politika sostenibbli mfassla għal territorji speċifiċi u li tinvolvi ż-żamma u l-iżvilupp ta' attivitajiet agrikoli u attivitajiet marbuta indirettament mas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, kif ukoll attivitajiet rurali, li joħolqu rabtiet bejn il-partijiet interessati differenti kemm soċjalment kif ukoll f'termini ta' solidarjetà u titjib ambjentali;

Y.  billi l-futur taż-żoni rurali ma jiddependix esklużivament fuq l-iżvilupp tas-settur agrikolu, iżda huwa wkoll marbut mad-diversifikazzjoni u l-manutenzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi oħrajn, bħal ngħidu aħna l-forestrija, l-artiġjanat u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni integrata, it-turiżmu rurali, il-provvediment ta' servizzi ta' rikreazzjoni, edukattivi u sportivi (eż. irkib taż-żwiemel) u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u tal-impriżi agrikoli (inkluż l-iskart) biex tiġi prodotta enerġija rinnovabbli jew materjali organiċi u prodotti bbażati fuq il-proċessi ekoloġiċi; billi jinħtieġu politiki lokali integrati u deċentralizzati marbuta ma' aspetti soċjoekonomiċi u l-identità u l-kultura rurali u territorjali ġenwina, sabiex ikun hemm sinerġiji u bini b'mod konġunt fuq ir-riżorsi rurali permezz ta' approċċi kollettivi u transsettorjali, inkluż l-użu ta' fondi oħra tal-UE biex jistimolaw l-iżvilupp rurali u l-impjiegi, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm l-infrastruttura rurali;

Z.  billi, għal dan l-għan, huwa importanti ħafna li jiġi enfasizzat il-fatt li bosta impjiegi huma dipendenti fuq il-post u l-agrikoltura speċifika għall-attività li tinkludi l-forestrija, ma jistgħux jiġu rilokati u jinvolvu s-servizzi tal-ikel u mhux tal-ikel, bħal pereżempju l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ u tal-ilma;

AA.  billi l-istruttura attwali tal-PAK għenet biex tiżgura li proporzjon sinifikanti ta' benefiċjarji ta' pagamenti diretti tal-PAK issa jirċievu dawn il-pagamenti mingħajr ma jwettqu attivitajiet agrikoli, iżda sempliċiment minħabba l-fatt li huma sidien ta' art agrikola;

AB.  billi għandu jingħata appoġġ b'mod partikolari lill-azjendi agrikoli żgħar tal-familja, jiġifieri lill-bdiewa individwali li, waħidhom jew flimkien ma' oħrajn, imexxu l-azjendi agrikoli tagħhom b'mod responsabbli, b'mod indipendenti u effettiv u li huma kapaċi jittrattaw kwalunkwe problema billi jadattaw id-deċiżjonijiet ta' produzzjoni tagħhom u/jew il-metodi ta' produzzjoni tagħhom kif ukoll bid-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom sabiex jindirizzaw il-bidla strutturali kontinwa fis-settur agrikolu;

AC.  billi l-potenzjal tan-nisa li jaħdmu u/jew li jmexxu negozju f'żoni agrikoli u rurali għandu jiġi analizzat, irreġistrat u promoss fil-politiki kollha tal-UE u ma għandhom jiġu penalizzati mill-ebda waħda minnhom minħabba li dan se jwitti t-triq biex in-nisa jsiru "muturi" tal-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk jgħinu lis-settur kollu biex joħroġ mill-kriżi; billi n-nisa għandhom jiġu involuti fi pjanijiet ta' żvilupp tas-settur fil-livell lokali u reġjonali sabiex dan tal-aħħar ikun jista' jibbenefika mill-ħtiġijiet, l-esperjenzi u l-viżjonijiet tagħhom, u n-nisa, għaldaqstant għandu jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jieħdu sehem attiv fit-tfassil tagħhom;

AD.  billi fl-2010, 7,5 % biss tal-bdiewa kienu taħt l-età ta' 35 sena u aktar minn 4,5 miljun minn dawk li jmexxu l-ażjendi agrikoli huma ta' 'l fuq minn 65 sena u l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 taħt il-PAK il-ġdid jinkludu dispożizzjonijiet li jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali ġdid fl-agrikoltura;

AE.  billi, f'ħafna Stati Membri, in-nisa fiz-zoni rurali għandhom aċċess limitat għall-impjiegi fil-biedja jew f'setturi oħra tas-suq tax-xogħol u jġarrbu diskrepanza fil-pagi usa' milli f'oqsma oħra, iżda huma għandhom rwol importanti ħafna fl-iżvilupp u l-fibra soċjali taż-żoni rurali, b'mod partikolari fl-azjendi agrikoli impenjati f'diversifikazzjoni (billi joffru agrituriżmu, prodotti ta' kwalità għolja, attivitajiet edukattivi, sportivi u ta' rikreazzjoni u servizzi oħra); billi l-intraprenditorija femminili tista' tirrappreżenta pilastru importanti f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-iżvilupp sostenibbli f'żoni rurali; billi aċċess inugwali għall-art huwa fattur li jillimita l-opportunitajiet għan-nisa biex jiżviluppaw negozju fis-settur agrikolu; billi bħala medja, 29 % tal-azjendi agrikoli fl-Ewropa huma mmexxija min-nisa;

AF.  billi n-numru ta' varjetajiet tal-għelejjel imkabbra b'mod industrijali huwa żgħir u l-varjetajiet lokali u l-mezzi biex jaqilgħu l-għixien tagħhom ġew sostitwiti minn mezzi industrijali; billi r-razez u l-varjetajiet lokali għandhom rwol fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u ż-żamma ta' għajxien tan-nies fir-reġjuni u l-produzzjoni lokali;

AG.  billi l-ambjent rurali jeħtieġ li jsir aktar attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ immirat lejn l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fil-professjoni u fit-teknoloġiji;

AH.  billi l-qafas universali pprovdut mis-sistemi tal-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) ġie żviluppat mill-FAO;

AI.  billi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jipprovdi assistenza fuq terminu medju fl-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi f'żoni rurali għall-komunitajiet emarġinati; billi l-FAEŻR jista' jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tar-rifuġjati u jintuża għal azzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u ta' ksib tal-ħiliet fis-setturi differenti ta' attività f'żoni rurali;

Fil-qafas tal-PAK attwali

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħtu lill-bdiewa żgħażagħ prospetti fit-tul sabiex jindirizzaw id-depopolazzjoni rurali, jimplimentaw strateġija komprensiva ta' tiġdid ġenerazzjonali u, għal dan l-għan, biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet kollha pprovduti taħt il-PAK il-ġdida għall-appoġġ ta' bdiewa żgħażagħ u parteċipanti ġodda fil-biedja, inkluż minn barra l-familja, partikolarment il-miżuri skont il-Pilastru I u l-Pilastru II għall-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ, u wkoll biex jiffaċilitaw id-dħul ta' parteċipanti ġodda fil-biedja ta' età 'l fuq minn 40 sena fl-istabbiliment tagħhom u fl-intraprenditorija; jinnota wkoll li tali miżuri għandhom ikunu kkomplementati bid-dispożizzjonijiet u kompatibbli magħhom taħt politiki nazzjonali (dwar l-użu tal-art, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, eċċ.), inkluż appoġġ skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

2.  Jinnota li l-maġġoranza kbira ta' pagamenti diretti tal-PAK qed imorru għand l-aktar azjendi agrikoli sinjuri, bi 13 % biss tal-benefiċjarji li rċevew 74 % tan-nefqa tal-pagamenti diretti tal-PAK fl-2014; jemmen li dan ma jikkontribwixxix għall-ħolqien tal-impjiegi fil-biedja peress li azjendi agrikoli żgħar jirrikjedu aktar xogħol u 53 % tal-ħaddiema fl-azjendi agrikoli jaħdmu f'azjendi agrikoli kklassifikati bħala ta' daqs ekonomiku żgħir; jitlob li jkun hemm tqassim aħjar tal-ħlasijiet tal-PAK lejn bdiewa żgħar;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari billi jsir użu akbar tal-pagament ridistributtiv; jistedinhom barra minn hekk biex jagħmlu arranġamenti li jiffavorixxu n-negozji li huma organizzati b'mod effiċjenti u dawk li jużaw l-istrument legali ta' raggruppament ta' impriżi;

4.  Iqis li l-PAK għandu jagħti aktar attenzjoni lit-territorji bi żvantaġġi ġeografiċi (bħal pereżempju ż-żoni muntanjużi, it-territorji extra-Ewropej, iż-żoni l-aktar periferiċi u żoni naturali sensittivi) peress li l-preservazzjoni tal-biedja hija mezz essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali li jiffoka fuq l-impjiegi; iżid, madankollu, li l-PAK trid tqis ukoll id-dinamiċi ġodda tal-espansjoni urbana u tappoġġja ż-żoni periferiċi ta' din l-espansjoni waqt li jkunu qed jiffaċċjaw ir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi partikolari tagħhom;

5.  Jirrimarka li l-Istati Membri użaw b'mod estensiv il-possibilità tal-għoti ta' għajnuna akkoppjata, li, permezz tal-iżvilupp ta' produzzjoni u tal-faċilitazzjoni biex tibqa' f'post speċifiku, tiżgura l-impjiegi f'żoni żvantaġġjati, u jistieden lill-Istati Membri jżidu l-proporzjon ta' tali għajnuna għall-bdiewa attivi, biex dan isir aktar flessibbli u biex jallokaw aktar minnu għall-produzzjoni ta' aktar proteini tal-pjanti fl-UE, li attwalment tiddependi fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għall-provvista ta' dan il-prodott bażiku; jissuġġerixxi barra minn hekk li l-livell ta' pagamenti akkoppjati jistgħu jiġu aġġustati skont il-livell ta' impjiegi dipendenti fuq għelejjel partikolari, li jipprovdu aktar appoġġ għal prodotti li jeħtieġu l-akbar grupp ta' ħaddiema;

6.  Jirrimarka li, fil-perjodu tal-ipprogrammar attwali u f'konformità mal-programm tal-iżvilupp rurali, hemm dispożizzjoni għal għajnuna mmirata għall-kultivazzjoni ta' varjetajiet lokali u t-trobbija ta' razez lokali u b'hekk tippromwovi l-impjiegi reġjonali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi li permezz tagħhom gruppi u organizzazzjonijiet ta' produtturi u bdiewa li jkabbru u jrawmu varjetajiet u razez lokali jistgħu jingħataw l-għajnuna;

7.  Jirrimarka li hemm bżonn li tiġi implimentata d-dimensjoni ambjentali tal-għajnuna diretta, u li din għandha tkun parti integrali fl-iżgurar li l-azjendi ambjentali jkunu sostenibbli u vijabbli u jgħinu biex iżommu u joħolqu impjiegi ġodda b'mod partikolari fil-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-agrituriżmu u l-ġestjoni tal-kampanja, pereżempju permezz ta' residenzi fil-kampanja u residenzi storiċi; iħeġġeġ lill-UE tiżgura s-simplifikazzjoni u li r-regolamenti ambjentali jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod sempliċi, li jinftiehem u mingħajr problemi; jinnota li d-dimensjoni ambjentali m'għandhiex twassal għal tnaqqis jew abbandun tal-produzzjoni agrikola li hija partikolarment sensittiva f'żoni muntanjużi u periferiċi;

8.  Iqis li, minħabba r-rata ta' mortalità għolja fost in-naħal tal-għasel f'diversi pajjiżi tal-UE u r-rwol essenzjali li, bħala dakkara, għandhom fis-sigurtà tal-ikel u l-ekonomija ta' ħafna setturi tal-pjanti, l-Unjoni għandha tagħti appoġġ akbar lil dan is-settur billi tadotta strateġija ġenwina Ewropea ta' ripopolazzjoni tan-naħal; iżid li dan ma jeħtiġx investiment kbir iżda joħloq ħafna impjiegi, kemm permezz ta' attivitajiet ta' diversifikazzjoni f'azjendi agrikoli eżistenti kif ukoll bl-istabbiliment ta' azjendi agrikoli ġodda speċjalizzati, li, skont l-opinjoni tal-esperti, ikun jeħtieġ 200 doqqajs biex ikun vijabbli u li l-għan primarju tagħhom ikun it-trawwim ta' ferħiet u rġejjen ta' razez magħżula u, sussegwentement, li jiġi prodott l-għasel, li tiegħu l-UE għandha nuqqas serju; jinnota li tali approċċ, li hu bbażat fuq diversi strateġiji Ewropej dwar l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huwa kompletament konformi mar-rieda ta' orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika agrikola komuni u l-iżvilupp ta' biedja aktar sostenibbli;

9.  Jinnota li biex jinżammu l-impjiegi fl-azjendi agrikoli, is-settur tal-biedja għandu jirrikorri għal għodod tal-immaniġġjar tar-riskju ġodda u jżid l-użu ta’ għodod bħal organizzazzjonijiet tal-produtturi taħt l-OKS unika u fil-Pilastru II sabiex tirreaġixxi aħjar għall-volatilità u d-domandi tas-suq globali; huwa tal-fehma li l-miżuri tas-suq u l-miżuri ta' kriżi eċċezzjonali u mmaniġġjar tar-riskju previsti taħt l-OKS unika u fil-Pilastru II iridu jiġu implimentati aktar malajr u b'mod aktar proattiv, b'appoġġ baġitarju tal-UE adattat kif meħtieġ għas-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u reġjuni oħra li jiffaċċjaw sfidi għall-kompetittività b'tali mod li jillimitaw l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-prezzijiet fuq l-introjtu tal-produtturi; jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kriżi eċċezzjonali għadha ma laħqitx l-objettivi tagħha u għandha tagħti attenzjoni akbar lill-infrastruttura eżistenti u lill-kapaċitajiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kriżijiet riċenti, biex tiżviluppa sistemi ta' intervent aktar rapidi u effettivi li jistgħu jevitaw l-aktar effetti negattivi;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' miżuri eċċezzjonali previsti fl-Artikoli 219 sa 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

11.  Hu tal-fehma li, sabiex jaqdu l-funzjoni tagħhom ta' xibka ta' sikurezza, il-prezzijiet ta' intervent għandhom jiġu aġġustati regolarment skont ix-xejriet tal-prezzijiet nett sabiex ikollhom impatt dirett fuq l-introjtu tal-produtturi u l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll fuq l-impjiegi; jitlob lill-UE tistabbilixxi għodod ta' prevenzjoni fuq l-istess linji tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib fis-setturi ewlenin kollha għall-monitoraġġ tas-swieq, li jgħinu jiggwidaw il-produzzjoni u jiżguraw rispons għall-kriżijiet permezz ta' għodod ta' ġestjoni tas-suq flessibbli u reattivi li jiġu attivati meta jkun meħtieġ;

12.  Jirrikonoxxi li ktajjen tal-provvista qosra li jorbtu lill-bdiewa mal-produtturi lokali jistgħu jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi rurali u jenfasizza li l-iskemi tal-kwalità, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-biedja organika jirrappreżentaw opportunità biex jiġi żviluppat is-settur agroalimentari u potenzjalment jinħolqu impjiegi b'bażi rurali, u għalhekk għandhom mhux biss jiġu protetti imma anke żviluppati sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u biex jiġu ppreservati il-kultura u l-identità reġjonali; jissottolinja l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għal swieq usa' għal dawn il-prodotti, u għall-introduzzjoni ta' miżuri ta' kwalità, ta' promozzjoni u ta' protezzjoni biex itejbu l-kummerċjalizzazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fi prodotti tat-turiżmu ġenerali ta' żona ġeografika partikolari; ifakkar, fid-dawl tal-proposti leġiżlattivi taħt diskussjoni, li dawn l-impatti ekonomiċi pożittivi huma bbażati fuq il-fiduċja tal-konsumatur u li m'għandhomx ikunu ppreġudikati minn bidliet li jistgħu jitqiesu bħala li jnaqqsu l-kwalità; jenfasizza barra minn hekk li l-proċessi biex jintlaħqu dawn l-istandards ta' kwalità jistgħu jkunu onerużi u għandhom jiġu simplifikati;

13.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar estensiv tal-oqsma ta' prijorità 6 tat-Tieni Pilastru dwar il-preservazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi u tat-trasferiment tal-għarfien u miżuri ta' taħriġ vokazzjonali u kontinwu (li jinkludu apprendistati u taħriġ fuq il-post tax-xogħol u taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema f'azjendi agrikoli), sabiex ikunu jistgħu jiġu allokati mill-ġdid biex iwettqu attivitajiet rurali oħrajn, kif ukoll miżuri ta' assistenza ta' konsulenza u għall-immaniġġjar sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-azjendi agrikoli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ għat-taħriġ biex jgħinu lill-bdiewa u lill-ħaddiema agrikoli u rurali jsiru aktar versatili u kapaċi jiddiversifikaw l-attivitajiet u l-inizjattivi tagħhom u biex isaħħu l-innovazzjoni;

14.  Jinnota li l-programmi attwali ta' żvilupp rurali huma ħafna inqas iffukati fuq proġetti soċjali li jiddefendu l-impjiegi minn dawk tal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (2007-2013), minħabba l-miżuri magħżula mill-Istati Membri fil-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom u minħabba l-ammont iżgħar ta' finanzjament allokat għal miżuri relatati mal-impjieg; għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri jerġgħu jikkunsidraw l-għażliet tagħhom u jitlob li jkun hemm flessibilità akbar fl-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali;

15.  Iqis li, minħabba li l-livell ta' kumplessità ta' programmi ta' żvilupp rurali jnaqqas b'mod sinifikanti l-użu tal-fondi tal-FAEŻR u jaġixxi bħala brejk fuq proġetti li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi, huwa meħtieġ li tiġi simplifikata l-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali, li jiġu adottati approċċi aktar koerenti, fuq l-istess linji tal-multifondi, u biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jitwaqqfu milli jimponu kontrolli amministrattivi u finanzjarji onerużi żżejjed;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirreklamaw aħjar il-potenzjal tat-tieni pilastru tal-PAK għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet f'żoni rurali (eż. l-agrituriżmu, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli);

17.  Jinnota li l-fattur ta' riskju inerenti fl-innovazzjoni huwa meqjus b'mod insuffiċjenti kemm fil-politika nazzjonali kif ukoll tal-UE, fatt li jaġixxi bħala ostaklu għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-ħafna partijiet interessati li ma għandhomx biżżejjed saħħa finanzjarja biex jikkompletaw proġetti innovattivi;

18.   Jenfasizza li l-iżvilupp rurali u l-ħolqien tal-impjiegi jimxu id f'id u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jimmassimizzaw il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari mal-isfidi u l-opportunitajiet taż-żoni tagħhom, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pilastru 2 u jiġu rispettati l-prijoritajiet tal-PAK, inklużi l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku; ifakkar fil-possibilità ta' ffukar tal-iżvilupp rurali u tal-programmi operattivi fuq il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi rurali u fuq it-titjib tas-servizzi rurali u jistieden lill-Kummissjoni tgħinhom biex jilħqu dan l-objettiv; jenfasizza l-adattament ta' mudelli tal-ekonomija kollaborattiva f'żoni rurali, bl-għan li tingħata spinta lill-impjiegi, u b'hekk l-attivitajiet agrikoli jkomplu jsiru aktar effiċjenti u jitnaqqsu l-ispejjeż;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw intrapriżi u kooperattivi fl-ekonomija soċjali, inkluża l-agrikoltura soċjali(2), sabiex jitrawmu l-integrazzjoni soċjali u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jinnota l-azzjonijiet imwettqa taħt l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut magħmul mill-ekonomija soċjali għall-iżvilupp rurali, pereżempju permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali;

20.  Jenfasizza li azzjoni li tappoġġja l-iżvilupp demografiku u n-natura orjentata lejn il-familji taż-żoni rurali diġà hija objettiv tal-PAK u għandha tingħata aktar prominenza sabiex tappoġġja lill-familji u tagħmilha aktar faċli biex jikkombinaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, anki b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi miżuri u politiki attivi li jenfasizzaw ir-rwol pożittiv tal-migrazzjoni, biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u titrawwem il-koeżjoni soċjali f'żoni rurali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu politiki li jippromwovu ż-żoni rurali billi jiżviluppaw it-turiżmu, li, jekk ikunu strutturati kif jixraq u appoġġjati b'inċentivi, jistgħu jixprunaw it-tkabbir kulturali, soċjali u ekonomiku ta' żoni li għandhom riżorsi naturali, kulturali, tal-pajsaġġ, u tal-agroalimentazzjoni sostanzjali; jenfasizza li l-iżvilupp turistiku ta' żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-biedja (biex tinkludi attivitajiet edukattivi, kulturali u rikreattivi) jikkostitwixxi wkoll inċentiv biex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jieħdu kontroll ta' kampanji, fi spirtu ta' inizjattiva u intraprenditorija mmirat lejn l-innovazzjoni u lejn il-promozzjoni ta' prodotti tradizzjonali;

23.  Jenfasizza li, bl-għajnuna tal-FAEŻR u ta' fondi Ewropej oħra, l-istabbiliment ta' sinerġiji bejn oqsma differenti ta' politika se jkun essenzjali biex tintlaqa' l-isfida tal-ħolqien ta' impjiegi f'żoni rurali u biex jiġi garantit li l-agrikoltura tkun rikonoxxuta mill-ġdid bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp territorjali; jinnota li l-fondi tal-Pilastru 2 jistgħu jintużaw bħala għodda finanzjarja dinamika li toħloq aktar sinerġiji ma' sorsi u programmi alternattivi ta' finanzjament, tagħmilhom aċċessibbli għal żoni rurali sabiex tiżdied il-konnettività, il-kompetittività u d-diversifikazzjoni ekonomika u għall-appoġġ tal-intraprenditorija, billi titiqies il-preservazzjoni tal-kultura u l-identità rurali;

24.  Jenfasizza li qed titqiegħed pressjoni dejjem akbar fuq l-impriżi żgħar u mmexxija mis-sidien minħabba x-xiri ta' art agrikola minn investituri; jenfasizza li l-preservazzjoni taż-żona miżrugħa u l-aċċess għall-art huma essenzjali għall-ħolqien u l-estensjoni ta' azjendi agrikoli u vitali għall-preservazzjoni tal-impjiegi fiż-żoni rurali; jirrimarka li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ ta' Novembru 2015 wera li d-disponibilità tal-art għax-xiri u l-kiri hija fost l-aktar problemi serji li jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ u l-parteċipanti ġodda fil-biedja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw strumenti biex jagħmlu possibbli l-aċċess għall-artijiet f'żoni rurali b'livell għoli ta' qgħad permezz ta', pereżempju, l-użu u l-ġestjoni parteċipattivi ta' art agrikola f'konformità mal-prattiki nazzjonali, jew l-istabbiliment ta' sistemi ta' ġestjoni u li jipprovdu informazzjoni dwar l-art mhux utilizzata jew art li tista' tintuża għall-agrikoltura, li s-servizzi tagħhom ikunu jistgħu jintużaw bħala dritt preferenzjali mill-bdiewa żgħażagħ u nisa;

25.  Iqis li huwa importanti li l-programmi ta’ żvilupp rurali jaħdmu aktar biex itejbu r-relazzjonijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni u jinħolqu opportunitajiet għan-negozji li joperaw f’żoni rurali li huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ dawn iż-żoni u għall-ħolqien tal-impjiegi; huwa tal-fehma li l-irħula għandhom rwol importanti fir-relazzjonijiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali billi jipprovdu aċċess għal servizzi bażiċi għal residenti fiż-żoni rurali tal-inħawi, u li l-Istati Membri għandhom għalhekk jippromwovu s-servizzi fl-irħula bħala parti mill-politiki territorjali tagħhom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta’ riforma fuq perijodu ta’ żmien medju tal-Politika Agrikola Komuni li se tkun reazzjoni għax-xenarju attwali tal-kriżi estiża u l-impatt serju fuq l-impjiegi, b’mod partikolari f’żoni rurali, ser tnaqqas il-burokrazija żejda u l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa Ewropej, u se tinkludi miżuri ta’ ekoloġizzazzjoni li, mill-perspettiva ambjentali, huma aktar effettivi, ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu, u fl-istess ħin aktar faċli biex jiġu implimentati mill-bdiewa;

27.  Jitlob l-istabbiliment ta’ regoli vinkolanti dwar ħlasijiet ġusti fil-katina tal-provvista alimentari bejn il-produtturi tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-proċessuri biex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu sehem xieraq tal-valur miżjud li huwa suffiċjenti biex jippermettilhom li jipprattikaw biedja sostenibbli;

28.  Jenfasizza li s-settur tal-forestrija, li attwalment huwa assi mhux użat biżżejjed fl-Ewropa, huwa sors ewlieni ta’ impjiegi li għandhom jiġu promossi aħjar fid-diversi forom tiegħu fl-industrija tal-injam; iżid li l-UE attwalment qed tbati minn nuqqas serju fil-provvista tal-injam li jeħtieġ investiment fl-infrastruttura neċessarju għall-iżvilupp ta’ dan is-settur;

29.  Jenfasizza li l-aċċess għall-art huwa prerekwiżit essenzjali għall-istabbiliment u l-estensjoni ta’ impriża agrikola; jirrimarka li l-aċċess għall-art huwa l-akbar problema li jħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jiftħu intrapriża agrikola;

Il-futur tal-PAK wara l-2020

30.  Jenfasizza li l-proċeduri tal-PAK għandhom ikunu ssimplifikati u għandhom jinżammu biżżejjed fondi, tal-inqas fil-livell attwali li jirriflettu valur miżjud Ewropew sinifikanti tal-politika, sabiex ikollhom rwol effettiv fuq terminu twil fit-trawwim tal-impjiegi bħala parti minn settur Ewropew tal-biedja u l-forestrija diversifikat, bil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-attraenza taż-żoni rurali; jenfasizza li l-politika tal-iżvilupp rurali - li tippermetti azzjoni aktar diretta u aktar effettiva biex titnaqqas l-esklużjoni soċjali fost l-abitanti rurali u tingħata spinta lill-impjiegi u d-dinamiżmu taż-żoni rurali - għandha tissaħħaħ progressivament, mingħajr ma jiddgħajjef l-appoġġ tal-ewwel pilastru, li għandu jiġi organizzat mill-ġdid biex jiżgura, fost affarijiet oħra, li s-swieq jiffunzjonaw aħjar u juru stabilità akbar, li hija kruċjali biex jissalvagwardjaw id-dħul agrikolu, il-mudell Ewropew tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel u li jiżguraw li ż-żoni rurali jżommu l-attraenza tagħhom (b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja) meta mqabbla ma’ żoni urbani;

31.  Jenfasizza li fi ħdan il-PAK għandha tingħata importanza kbira lil strumenti mmirati lejn il-modernizzazzjoni u l-investiment, li jiggarantixxu l-kompetittività ta’ setturi ekonomiċi li jinsabu f’żoni rurali (inklużi l-industriji agroalimentari, tal-enerġija, tal-ipproċessar u tas-servizzi u s-settur soċjali) b’mod sostenibbli, b’konformità mar-regoli ambjentali, biex b’hekk ikun żgurat li l-impjiegi jkunu jistgħu jinżammu; jindika li dawk l-istrumenti se jagħmluha possibbli wkoll li jkomplu jnaqqsu d-distakk bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

32.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tat-turiżmu bħala sors ta' introjtu għall-bdiewa (eż. btajjel f’azjendi agrikoli); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu programmi li jappoġġjaw l-investiment u l-intraprenditorija; iqis li huwa importanti li jiġu appoġġjati l-azjendi agrikoli kkonċernati permezz ta’ kampanji tat-turiżmu;

33.  Jieħu nota tal-miżuri ta' simplifikazzjoni tal-PAK li ġew implimentati sal-lum, iżda jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u timplimenta miżuri biex tintroduċi proporzjonalità u flessibilità fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-PAK u ż-żieda tal-produttività fl-azjendi agrikoli;

34.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm limitu għal dak li jista’ jinkiseb taħt il-PAK peress li l-għan ewlieni tagħha huwa s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, u l-fatt li l-indirizzar b’mod effettiv tal-isfidi numerużi li jaffettwaw il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi fiż-żoni rurali jeħtieġ approċċ trans-politiku usa’, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta politika li tappoġġja mudell agrikolu Ewropew kompetittiv u sostenibbli bbażat fuq mudell ta’ biedja mmexxi mill-familja, diversifikat u multifunzjonali li jkollu bħala prijorità ż-żamma ta’ impjiegi bbażati fit-territorju u mħallsa tajjeb, b’enfasi partikolari fuq it-territorji li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-TFUE u - fil-produzzjoni tal-ikel u tal-prodotti mhux alimentari - l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll is-sikurezza alimentari sabiex tiġi protetta s-saħħa;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ta’ regolamentazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-art sabiex jgħinuhom jiksbu għarfien aħjar tas-swieq tal-art u jwaqqfu l-fenomenu mifrux tal-konċentrazzjoni tal-ħtif tal-art u tal-apparat tal-produzzjoni;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħeġġeġ l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jiftħu swieq ġodda kif ukoll li jintroduċu programmi ta’ prodotti operazzjonali u kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni, sabiex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-prodotti tal-katina tal-ikel Ewropea;

38.  Hu tal-fehma li l-PAK għandha tqis il-biedja Ewropea fil-forom kollha tagħha u ż-żoni rurali kollha, inklużi dawk l-aktar żvantaġġati u l-iktar vulnerabbli fosthom (bħaż-żoni muntanjużi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda), sabiex jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi kollha; jemmen li dan jinvolvi wkoll li art li titħalla mistrieħa jew abbandunata terġa’ tibda tintuża;

39.  Jinnota li d-diversifikazzjoni tal-agrikoltura u s-swieq ‘niċċa’ reġjonali żżid u tiżgura l-impjiegi fiż-żoni rurali; jitlob għal inizjattivi għall-appoġġ tad-diversifikazzjoni tal-azjendi agrikoli (eż. il-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti agrikoli) u tal-ekonomija rurali b’mod ġenerali (eż. billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn xogħol agrikolu għal oqsma oħra ta’ impjieg);

40.  Huwa tal-fehma li l-fondi taħt il-PAK futura għandhom jipprovdu aktar appoġġ sabiex inaqqsu t-telf ta’ farms żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji miġbura f’organizzazzjonijiet tal-produtturi, li, minħabba li huma ġeneralment aktar diversifikati, ekonomiċi u awtonomi, kif ukoll li jiġu trasferiti iktar faċilment, huma aktar effettivi f’termini ta’ ħolqien ta’ valur miżjud u impjiegi bbażati fit-territorju u bħala pilastru ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tagħhom, u jkomplu japplikaw ukoll appoġġ speċifiku għal territorji affettwati minn restrizzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

41.  Jindika li l-pagamenti diretti tal-PAK għandhom jiġu allokati biss lil persuni li l-qasam ewlieni ta’ attività tagħhom huwa l-agrikoltura;

42.  Jirrimarka li, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, it-tfittxija għal soluzzjonijiet ta’ impjieg fil-każ li l-ekonomija tiċkien, jiġi kompromess min-nuqqas ta’ interkonnettività, u, minħabba l-importanza tal-agrikoltura f’dawn ir-reġjuni, huwa tal-fehma li l-fondi taħt il-PAK futura għandhom japplikaw diskriminazzjoni pożittiva għal dawn it-territorji li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fit-TFUE, peress li dan ikollu effett multiplikatur f’termini ta’ promozzjoni ta’ attivitajiet relatati oħra, bħall-industrija agrikola, it-turiżmu, il-protezzjoni tan-natura, il-produzzjoni tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari, b’mod li jikkumplimenta strateġija b’diversi fondi; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tikkunsidra l-fatturi ta’ differenzjazzjoni pożittiva identifikati għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li tista’ sservi ta’ laboratorju għal soluzzjonijiet innovattivi oriġinali fl-agrikoltura li jistgħu jiġu applikati għal kuntesti inqas estremi u iktar komprensivi oħrajn, marbuta mal-istruttura tal-azjendi agrikoli, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima u l-bijodiversità karatteristika;

43.  Iqis li l-biedja fi grupp għandha tiġi promossa u appoġġjata finanzjarjament, peress li tnaqqas l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-mekkanizzazzjoni, u tippromwovi s-solidarjetà bejn il-bdiewa u t-trasferiment tal-innovazzjoni, l-għarfien u l-aħjar prattika, filwaqt li toħloq dinamiżmu favorevoli għall-iżvilupp u l-impjiegi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistimula d-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-azjendi agrikoli żgħar, anki fir-rigward tal-biedja soċjali u tal-agrikoltura ffukata fuq is-servizzi;

45.  Jenfasizza li huwa importanti li l-PAK tipprovdi aktar appoġġ għall-effetti pożittivi li l-agrikoltura tipprovdi f’termini ta’ impjiegi u l-ambjent, u li għandha tipprovdi appoġġ aktar effettiv għall-biedja organika u bijodinamika u l-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli l-oħra kollha, inklużi l-biedja integrata u l-agroforestrija fil-kuntest tal-agroekoloġija, li jwassal għal simplifikazzjoni tar-regolamenti attwali u l-adozzjoni ta’ regolamenti li jistgħu jiġu implimentati b’mod sempliċi, li jinftiehem u mingħajr problemi; jemmen li l-valuri ta’ dawn l-effetti pożittivi f’termini ta’ impjiegi u l-ambjent huma ta’ interess għas-soċjetà b’mod ġenerali u huma element li għandu jiġi inkluż fid-dħul tal-azjendi agrikoli;

46.  Ifakkar fl-eżempju pożittiv tad-“distretti organiċi”, jiġifieri żoni fejn, permezz ta’ sett koordinat ta’ miżuri, prodotti tal-biedja lokali u t-trobbija tal-bhejjem prodotti minn metodi organiċi u l-operaturi ekonomiċi kollha li jiddependu fuqhom (l-ikel agrikolu, l-impriżi gastronomiċi u turistiċi) jiġu promossi, strument li diġà wera li jista’ jżid id-dħul lokali u jgħin il-protezzjoni tal-art permezz tal-konservazzjoni tal-pajsaġġi rurali u tal-prodotti tradizzjonali;

47.  Jenfasizza l-potenzjal ta' biedja u sistemi tal-ikel sostenibbli, b'mod speċjali l-biedja organika, kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità u l-infrastruttura rurali, bil-ħsieb li jiġu ppreservati u jinħolqu impjiegi deċenti fil-biedja u f'ekonomiji rurali prosperi;

48.  Iqis li l-kisba mill-ġdid tal-kontroll tas-suq Ewropew għandha tibqa’ l-azzjoni prinċipali primarja tal-PAK futura, qabel wieħed idur lejn is-swieq barra l-UE u mingħajr ma jiġu injorati; f’dan ir-rigward, iqis li l-ftehimiet kummerċjali bħat-TTIP, is-CETA u l-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur jistgħu jkunu ta’ theddida reali u sinifikanti għall-agrikoltura Ewropea u s-swieq tax-xogħol; jemmen li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles m’għandhomx iwasslu għal kompetizzjoni inġusta li taffettwa l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, u m’għandhomx jipperikolaw lill-ekonomiji lokali u lill-impjiegi jew ix-xogħol kontra politiki mmirati lejn it-tħeġġiġ tal-produzzjoni lokali u l-appoġġ għall-għajxien agrikolu;

49.  Huwa tal-fehma li, sabiex tittejjeb l-organizzazzjoni attwalment inadegwata tas-settur tal-frott u l-ħaxix, l-appoġġ tal-UE għal proġetti li jinsabu fost l-assoċjazzjonijiet il-ġodda tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix għandu jerġa’ jiġi kif kien;

50.  Jenfasizza li, f’kuntest ta’ inċertezza kbira rigward il-futur tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli baxxi u volatili, l-UE trid tikseb l-għanijiet tat-Trattat tal-PAK, billi tagħmel iktar biex tikkoreġi l-effetti erratiċi tas-swieq fejn ikunu qegħdin ifallu, u biex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur agrikolu billi jiġu stabbiliti xbieki ta’ sikurezza effettivi u sistemi ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet sabiex jinħoloq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, kif ukoll jinħolqu għodod għall-ġestjoni tar-riskji bbażati fuq sistemi ġodda u innovattivi u li jinvolvu lill-bdiewa nfushom fil-finanzjament, bl-użu, pereżempju, tal-għajnuna kontroċiklika, biex b’hekk il-bdiewa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet iktar ġusti; iqis li s-sehem ta’ finanzjament għal miżuri biex jiġu stabbilizzati s-swieq agrikoli għandu jiżdied u, b’mod partikolari, li l-PAK trid issaħħaħ ukoll skemi tal-assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-bdiewa mid-diversi riskji tal-klima, tas-saħħa u dawk ekonomiċi; jemmen li fid-dawl tar-riskji assoċjati mat-tisħin globali, l-UE trid tagħmel dak kollu li tista’ biex issaħħaħ ir-rwol pożittiv li l-agrikoltura jista’ jkollha, permezz ta’ miżuri li jinkludu l-agronomija u ġestjoni aħjar tal-ħamrija għal qbid imtejjeb tal-karbonju, u li huwa importanti li jiġi pprovdut appoġġ tekniku u finanzjarju lill-bdiewa biex gradwalment ikunu jistgħu jbiddlu l-prattiki tagħhom u biex ikunu innovattivi;

51.  Jenfasizza barra minn hekk li l-pagamenti diretti għandhom jibqgħu strument tal-PAK wara l-2020, biex jappoġġjaw u jistabbilizzaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli, u biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-konformità ma' standards għolja tal-UE (fir-rigward tal-metodi ta' produzzjoni, u rekwiżiti ambjentali b'mod partikolari), u biex isostnu l-produzzjoni agrikola f'dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; jirrimarka li l-pagamenti diretti għalhekk għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw li l-biedja tkun ekonomikament stabbli, kif ukoll jiggarantixxu s-sigurtà alimentari u ambjentali; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li huwa importanti li r-rati ta' pagament dirett isiru ugwali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq uniku tal-UE, kif ukoll għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi agrikoli fil-livell tal-UE;

52.  Huwa tal-fehma li, peress li hemm differenzi sinifikanti fil-livelli ta’ kooperazzjoni bejn il-bdiewa fi Stati Membri individwali u peress li nuqqas ta’ kooperazzjoni jaffettwa b’mod negattiv l-abilità tal-bdiewa li jirreżistu sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-pressjonijiet tas-suq, il-PAK għandha tippromwovi b’mod komprensiv l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn il-bdiewa, b’mod partikolari fis-setturi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar;

53.  Jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, skont it-tieni pilastru tal-PAK, lis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP); jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil Orizzont 2020 u biex jiġi żgurat aċċess aħjar mill-bdiewa għall-għażliet ta’ finanzjament tal-BEI, l-appoġġ għall-mudelli agrikoli u tal-forestrija innovattivi u sostenibbli għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi tal-ikel u dawk mhux alimentari (l-enerġija rinnovabbli, il-bijoekonomija, it-turiżmu rurali, u l-prospetti ġodda għall-bdiewa għall-forniment ta’ materja prima fl-era industrijali wara ż-żejt), u l-iżvilupp tar-riżorsi ta’ kull żona rurali;

54.  Jesprimi it-twemmin sħiħ tiegħu li se jkun meħtieġ anki fil-futur li jiġi promoss it-taħriġ vokazzjonali kontinwu għall-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli u li jiġi żgurat li jinxterdu l-għarfien xjentifiku u l-innovazzjonijiet, b’hekk tkun żgurata l-adattabilità għall-ambjent li qed jinbidel u jsir aktar faċli biex wieħed jieħu sehem f’attività ekonomika;

55.  Hu tal-fehma li l-approċċi minn isfel għal fuq għall-iżvilupp lokali bħal LEADER/CLLD urew li huma effettivi f’termini tal-għadd ta’ impjiegi maħluqa u tal-livell baxx ta’ nfiq pubbliku għal kull impjieg maħluq, u li għaldaqstant għandhom jiġu msaħħa, promossi u implimentati aktar fl-Istati Membri kollha permezz ta’ approċċi ta’ finanzjament minn diversi sorsi u billi jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza b’mod partikolari r-rwol tal-mexxejja tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali (GAL) biex jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ servizz għal inizjattivi li għandhom l-għan li jixprunaw proġetti li jippromwovu l-impjiegi; jitlob li l-GALs ikollhom l-usa' awtonomija possibbli sabiex tiġi massimizzata l-effettività tagħhom; iżid li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-involviment validu tas-sħab soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta mudelli ta’ prattika tajba fir-rigward ta’ proġetti transnazzjonali ta’ LEADER II;

56.  Jinnota li diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tal-ipprogrammar u finanzjament nazzjonali u tal-UE rilevanti hija ostaklu għall-iżvilupp tal-ekonomija rurali;

57.  Jappella biex l-investiment mogħti taħt il-politika ta’ żvilupp rurali, bħala appoġġ għall-impjiegi fiż-żoni rurali, jingħata prijorità b’fokus fuq l-impjiegi, il-bidliet fil-qgħad, l-effiċjenza tan-negozji li jirċievu l-għajnuna, u l-ħolqien ta’ inċentivi għar-reklutaġġ tal-impjegati, u jirrakkomanda li l-programmi għall-iżvilupp rurali jinkludu t-tisħiħ tal-mikrofinanzjament, għax dan huwa partikolarment utli biex jgħinu lill-intrapriżi agrikoli u mhux agrikoli jibdew;

58.  Jenfasizza li l-importanza tat-tieni pilastru għall-ħolqien tal-impjiegi jista’ jittejjeb billi jippermettu ħafna aktar flessibilità skont il-ħtiġijiet speċifiċi għar-reġjun;

59.  Huwa tal-fehma li, fil-ġejjieni, hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati s-sistemi tal-ikel ta’ kwalità għolja, ibbażat fit-territorju li jfornu l-prodotti tal-ikel mhux maħduma jew ipproċessati billi jiġu promossi r-responsabilità individwali u l-involviment tal-partijiet interessati - jew miġbura flimkien bħala produtturi, proċessuri, distributuri u konsumaturi jew bħala komunitajiet ta’ produtturi u konsumaturi, jew inkella billi jinġabru l-operaturi ekonomiċi kollha fis-settur agroalimentari u dak tat-turiżmu alimentari - f’attivitajiet kwalitattivi u dawk relatati mal-kuntratt imfassla biex jiżguraw provvisti tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel, kif ukoll dħul ġust, sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jaqilgħu għajxien deċenti u jżommu l-impjiegi fl-azjendi agrikoli tagħhom; jinnota li tali sistemi tal-ikel jistgħu, b’mod partikolari, iżda mhux biss, jieħdu l-forma ta’ ktajjen tal-provvista qosra u/jew swieq lokali; huwa tal-fehma li aktar riżorsi tal-UE għandhom, fil-futur, ikunu ddedikati għall-iżvilupp u t-tħaddim ta’ ċerti sistemi tal-kwalità tal-ikel, u l-iżvilupp ulterjuri ta’ gastromoija Ewropea magħrufa globalment; iqis li hu essenzjali għal dan l-għan li jiġu adattati aħjar il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, sabiex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jippromwovu l-produzzjoni lokali;

60.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal aktar appoġġ għall-agrikoltura u għall-ħolqien ta’ impjiegi agrikoli f’żoni żvantaġġati u f’żoni fuq il-fruntieri esterni tal-UE;

61.  Iqis li sħubijiet bejn diversi partijiet interessati li jinvolvu bdiewa u partijiet interessati rurali oħra għandhom jiġu promossi peress li jippermettu l-iżvilupp ta’ ħafna attivitajiet li joħolqu impjieg dirett u indirett, bħal pereżempju l-istrutturazzjoni ta’ ktajjen alimentari u mhux alimentari lokali u l-implimentazzjoni ta’ diversi servizzi (it-turiżmu rurali, iż-żamma ta’ spazji privati u pubbliċi, eċċ);

62.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu inċentiv lill-bdiewa, permezz tal-PAK u politiki oħra, biex jiddiversifikaw is-sorsi ta’ dħul tagħhom, u b’hekk jipproteġu lilhom infushom mit-tnaqqis fir-ritmu tas-suq; iqis li tali diversifikazzjoni tista’ tinkludi l-ekoturiżmu, l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli bħal dik mir-riħ u mix-xemx, iż-żieda tal-valur tal-prodotti agrikoli permezz tal-ipproċessar, u l-ħwienet tal-azjendi agrikoli;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi aktar appoġġ għal kooperattivi lokali biex jgħinuhom jerġgħu jiksbu kontroll fuq il-prezzijiet u l-prodotti tagħhom;

64.  Jinnota li s-settur tat-turiżmu joffri opportunitajiet sinifikanti sabiex jiġu ġġenerati dħul u impjiegi diretti u indotti fiż-żoni agrikoli u rurali, li jippermettu li jittejjeb il-wirt storiku, kulturali, gastronomiku, tal-pajsaġġ u ambjentali ta’ kull reġjun; jinnota, barra minn hekk, li l-attraenza ta’ reġjun għat-turisti hija bbażata mhux biss fuq l-istorja tiegħu, iżda wkoll dejjem iktar fuq il-prodotti tal-ikel, il-pajsaġġi u l-ambjent tiegħu; jemmen li, minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, is-settur tat-turiżmu għandu jingħata aktar appoġġ mill-politika tal-iżvilupp rurali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistabbilixxi definizzjonijiet għal xi jfisser li wieħed ikun produttur lokali, sabiex tħeġġeġ dan it-tip ta’ produzzjoni;

66.  Jenfasizza li l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta’ investiment għall-ħolqien sinifikanti ta’ impjiegi pubbliċi u privati, bl-appoġġ mill-ħolqien ta’ professjonijiet ġodda, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi rurali jinżammu u jkunu ppreservati u li l-kwalità ta’ ekosistemi degradati tkun irrestawrata, biex jiġu indirizzati l-għargħar u n-nirien b’mod aktar effettiv, u biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ilma, il-ħamrija u l-kwalità tal-arja u l-bijodiversità; jinnota li filwaqt li dan ċertament jinvolvi kooperazzjoni bejn l-agrikoltura u partijiet interessati rurali oħra, joffri opportunitajiet ġodda għad-diversifikazzjoni fid-dħul fl-agrikoltura;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt soċjali tal-kriżi agrikola attwali, b'mod partikolari f'termini ta' telf ta' impjiegi, speċjalment f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jqisu kif il-kompetittività tal-biedja tista’ tittejjeb sabiex is-settur jista’ joħloq l-impjiegi u jiġġenera valur miżjud li jinqasam b’mod ġust fl-industrija agrikola u dik agroalimentari, billi tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u tiġi minimizzata l-ħsara kkawżata minn dumping soċjali u minn kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u atipiċi, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lil ċerti gruppi; jinnota li ħafna membri tal-familja fl-azjendi agrikoli ma għandhomx status soċjali jew rikonoxximent legali jew mhumiex koperti minn skema ta’ ħarsien soċjali; jenfasizza li n-negozji agrikoli jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjiegi u mal-leġiżlazzjoni soċjali; iqis li kwalunkwe introduzzjoni ta' kundizzjonalitajiet addizzjonali għal pagamenti tal-ewwel pilastru tal-PAK iżidu konsiderevolment il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u jillimitaw il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jappella għal rwol aktar b’saħħtu għas-sħab soċjali flimkien ma’ awtoritajiet ta’ ġestjoni, u jistieden lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu u jiggarantixxu d-drittijiet soċjali tal-bdiewa, jiżguraw li l-ħaddiema kollha fl-agrikoltura, part-time jew full-time, huma koperti minn sistemi ta’ protezzjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa u tas-sikurezza jiġu allokati riżorsi biex ixerrdu l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-azjendi agrikoli;

68.  Jinnota li l-agrikoltura hija waħda mill-iktar professjonijiet perikolużi, b’riskji partikolari ta’ korriment jew ta’ mewt minn makkinarju u bhejjem (kien hemm 194 fatalità fl-Irlanda biss f’dawn l-aħħar għaxar snin); jitlob li jkun hemm liġijiet nazzjonali xierqa li jeliminaw riskji kbar, u skemi ta’ kumpens adegwati għal inċidenti li jbiddlu ħajjet in-nies;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-indikaturi proposti mill-FAO fil-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tagħha, b'mod partikolari dawk immirati lejn l-impjiegi u l-benesseri soċjali;

70.  Ifakkar li l-bidwi Ewropew medju għandu biss 12-il ettaru ta' art u li 70 % tal-azjendi agrikoli għandhom erja tas-superfiċje ta' anqas minn ħames ettari; jinnota li minħabba d-daqs u l-istruttura tagħhom, l-azjendi agrikoli mhux dejjem jifilħu jħallsu għal impjegati full-time jew ħaddiema bi kwalifiki għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jimplimentaw miżuri li jħeġġu gruppi ta' min iħaddem;

71.  Iqis indispensabbli li tiġi żgurata l-preżenza tas-servizzi pubbliċi u privati biex tiġi żgurata l-attraenza taż-żoni rurali u jippermettu ż-żamma u l-iżvilupp tal-impjiegi f’dawn il-postijiet; iqis li n-nies f’żoni rurali għandhom id-dritt għall-aċċess ugwali għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità bħalma huma l-edukazzjoni u dawk soċjali u tal-kura tas-saħħa; iqis li huwa essenzjali li kulħadd - il-gvern lokali, il-gvern reġjonali (fejn jeżisti) u s-settur privat lokali - għandu jaħdem flimkien biex jippromwovu l-investiment u jiżguraw li żoni rurali u remoti jkollhom infrastruttura essenzjali bħalma huma konnessjonijiet tat-trasport pubbliku u privat, provvista tal-enerġija sikura u affidabbli u t-teknoloġija tal-broadband veloċi, kif ukoll skemi ta’ finanzjament u self għall-intraprendituri rurali, il-mikrointrapriżi u l-SMEs, li mingħajrhom l-intrapriżi rurali u l-familji jkunu fi żvantaġġ permanenti u l-migrazzjoni lejn iż-żoni urbani se tkompli;

72.  Huwa tal-fehma, fir-rigward tal-epidemiji tal-annimali reċenti - bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer li laqat lill-Istati Baltiċi u lill-Polonja, u l-influwenza tat-tjur li laqtet lil Franza - u l-iskandli reċenti dwar is-sikurezza tal-ikel, bħat-tfqigħa tal-E. coli tal-2011, l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel tal-2013, u l-iskandlu tal-għasel falz attwali - li hemm bżonn ta' żieda sinifikanti fl-ammont minfuq fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għalf - kif stipulat fit-tielet intestatura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, peress li EUR 1.93 biljun allokati għall-perjodu attwali ta’ seba’ snin huma kompletament inadegwati;

73.  Jenfasizza li l-bdiewa jaffaċċjaw, fuq skala kbira, l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-PAK u li dawn l-ispejjeż ivarjaw b’mod sostanzjali fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż amministrattiv billi jnaqqsu l-burokrazija żejda u jissimplifikaw il-PAK, kif ukoll jiżguraw it-traspożizzjoni effettiva tagħha;

74.  Jenfasizza li l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll il-kontinwità ta’ dawn is-servizzi, huma prerekwiżiti għal ambjent favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni li jgħixu f’żoni rurali;

75.  Iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jintalbu joħolqu servizzi ta’ estensjoni u s-servizzi biex jassistu l-ġestjoni tal-azjendi agrikoli f’żoni rurali, bl-għan li jimmodernizzaw l-agrikoltura Ewropea u jwaqqfu metodi tradizzjonali li m’għadhomx jintużaw;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-ugwaljanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-kompatibilità tax-xogħol mal-ħajja privata f’żoni rurali, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagi u d-drittijiet soċjali u tal-pensjoni, il-promozzjoni ta’ kwalifiki ġodda u joffru prospetti u opportunitajiet għan-nisa f’impjiegi agrikoli u mhux agrikoli, f’konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni fil-politiki u l-programmi tal-UE; jitlobhom ukoll biex jisfruttaw aħjar l-opportunitajiet għal pjattaformi ta’ informazzjoni onlajn immirata, azzjoni u għajnuna għall-bdiewa nisa ġodda u dawk stabbiliti f’żoni rurali, b’mod partikolari fil-qafas tal-FAEŻR u Fondi oħra tal-UE li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ proġetti, u jgħinu biex jinżammu l-infrastruttura u s-servizzi essenzjali li huma importanti fil-ħajja rurali ta’ kuljum, u b’hekk jgħinu biex jillimitaw l-eżodu ta’ nisa minn zoni rurali; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, ta’ strateġiji sostenibbli biex jinżammu, jiġu mħeġġa u appoġġjati netwerks u organizzazzjonijiet tan-nisa u r-rwol tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żoni agrikoli u dawk rurali; jitlob, barra minn hekk, għal aċċess aktar faċli għall-edukazzjoni, il-finanzi u l-informazzjoni li jiffaċilitaw l-inizjattivi intraprenditorjali tan-nisa (eż. permezz tan-negozju elettroniku), is-sjieda ta’ negozji rurali u l-iżvilupp;

77.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet biex jimmonitorjaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi, jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat u jissorveljaw l-osservanza tal-benesseri soċjali u standards tas-sikurezza li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema migranti, inklużi ħaddiema staġjonali nisa, migranti nisa u rifuġjati nisa; jitlob li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li n-nisa jkunu jistgħu jieħdu sehem f'kull livell tal-proċess;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għal finanzjament adegwat ta' programm speċifiku tal-UE f'forma ta' "Garanzija Ewropea għal Nisa minn Żoni Rurali", fuq il-mudell tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ;

79.  Jindika li l-ammont ta' art għall-biedja fl-UE qed jonqos kull sena; jenfasizza li huwa kruċjali li l-art tal-biedja tinżamm, sabiex jiġu garantiti l-impjiegi f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess imtejjeb għall-art f'żoni b'livelli għolja ta' qgħad rurali, u jitlob, f'dan ir-rigward, li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li l-bdiewa żgħażagħ nisa jkollhom aċċess għal kreditu u jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-art;

80.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa jirrappreżentaw 45 % tal-forza tax-xogħol fl-azjendi agrikoli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-definizzjoni ta' “azjenda agrikola tal-familja”, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tan-nisa għat-taħriġ u l-konsulenza professjonali, kif ukoll għall-kapital u l-benefiċċji;

81.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali taħt il-programm LEADER, kif ukoll li jiżguraw il-parteċipazzjoni bbilanċjata skont is-sessi fil-bordijiet amministrattivi tagħhom;

82.  Jistieden lill-atturi reġjonali li jibbenefikaw minn finanzjament mit-tieni pilastru, biex jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni maħsuba biex jenfasizzaw in-newtralità bejn is-sessi fix-xogħlijiet kollha u tingħeleb id-distribuzzjoni tradizzjonali persistenti tar-rwoli fil-biedja;

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

a Eurostat, 2016.

(2)

cf: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.nat-opinions.25458


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ( 26.5.2016)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar " Il-PAK kif tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali?"

(2015/2226(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Paloma López Bermejo

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi ż-żoni rurali jirrappreżentaw aktar minn 77 % tat-territorju tal-UE u billi ħafna impjiegi f'dawn iż-żoni huma marbuta mal-agrikoltura u mal-industrija agroalimentari;

B.  billi, meqjusa flimkien, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari jirrappreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, 15-il miljun negozju u 46 miljun impjieg;

C.  billi l-qafas universali pprovdut mis-sistemi tal-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) ġie żviluppat mill-FAO;

D.  billi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jipprovdi assistenza fuq terminu medju fl-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi f'żoni rurali għall-komunitajiet emarġinati; billi l-FAEŻR jista' jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tar-rifuġjati u jintuża għal azzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u ta' ksib tal-ħiliet fis-setturi differenti ta' attività f'żoni rurali;

E.  billi l-potenzjal tan-nisa li jaħdmu u/jew li jmexxu negozju f'żoni agrikoli u rurali għandu jiġi analizzat, irreġistrat u promoss fil-politiki kollha tal-UE, ma għandhom jiġu penalizzati mill-ebda waħda minnhom minħabba li dan se jwitti t-triq biex in-nisa jsiru "muturi" tal-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk jgħinu lis-settur kollu biex joħroġ mill-kriżi; billi n-nisa għandhom ikunu involuti fi pjanijiet ta' żvilupp tas-settur fil-livell lokali u reġjonali sabiex dan tal-aħħar ikun jista' jibbenefika mill-ħtiġijiet, l-esperjenzi u l-viżjonijiet tagħhom, u n-nisa, għaldaqstant għandu jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex ikollhom sehem attiv fit-tfassil tagħhom;

F.  billi l-bidliet demografiċi bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-flussi migratorji jistgħu jkunu fattur importanti fl-iżvilupp ta' żoni rurali muntanjużi jew żoni rurali żvantaġġati, li huma soġġetti għal depopolazzjoni u tixjiħ tal-popolazzjoni;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-agrikoltura u s-settur agroalimentari għall-koeżjoni soċjali u territorjali minħabba r-rwol tiegħu fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ż-żamma ta' komunitajiet rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm il-baġit tal-PAK u li jissaħħaħ ir-rwol soċjali u ekonomiku tagħha, b'enfasi partikolari fuq il-biedja fuq mikroskala u fuq skala żgħira, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali; jenfasizza li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-PAK għandha tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali f'żoni rurali, għal kondizzjonijiet deċenti tal-għajxien u tax-xogħol u għal prospetti tajbin għall-futur;

2.  Jappoġġja l-iżvilupp komprensiv ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għall-protezzjoni tal-karatteristiċi reġjonali speċifiċi u tad-diversità kulturali, peress li dawn jirrappreżentaw sors kruċjali ta' impjiegi ġodda ta' kwalità għolja f'komunitajiet rurali;

3.  Jappoġġja approċċ koordinat bejn it-tieni pilastru tal-PAK u fondi oħra tal-UE sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom u jiġu evitati l-ineffiċjenzi jew id-duplikazzjoni; jenfasizza s-sinerġiji mal-Fond Soċjali Ewropew, li ma jipprovdix appoġġ finanzjarju dirett lill-bdiewa iżda jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja t-taħriġ u l-adattament għal bidliet fil-biedja u fl-ekonomija rurali, kif ukoll l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar; jissottolinja li hu importanti li jiġu involuti l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u l-atturi relevanti l-oħra tal-Komunità, fil-ġestjoni u t-tfassil ta' politiki rurali u tat-titjib tat-tħejjija tal-amministrazzjonijiet li jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta mal-fondi Ewropej;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni territorjali fl-UE, li għandha tiġi garantita permezz ta' politiki ta' żvilupp ekonomiku li jkunu adattati għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żoni rurali; jenfasizza l-konnessjoni qawwija bejn is-sistemi rurali, il-komunitajiet u l-muniċipalitajiet żgħar, u jitlob sinerġija aħjar bejn l-istrumenti tal-Politika ta' Koeżjoni u l-PAK; jenfasizza l-importanza ta' ITI u CLLD f'dan ir-rigward; iqis li r-riterritorjalizzazzjoni(1), fejn ir-rabtiet eżistenti bejn l-impjieg u l-agrikoltura u territorju partikolari tradizzjonalment eżistew, għandha tiġi appoġġjata sabiex jinżammu żoni rurali dinamiċi u jinġiebu lura l-impjiegi;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jfornu adegwatament il-Programm LEADER, minħabba s-suċċess rikonoxxut tiegħu fil-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali;

6.  Jemmen li PAK orjentata lejn is-suq twassal għall-volatilità tal-prezzijiet u kompetizzjoni żejda, li għandhom effett negattiv fuq l-introjtu u l-impjiegi fiż-żoni rurali, kif evidenzjat mis-sitwazzjoni ta' kriżi fis-settur tal-ħalib wara l-abolizzjoni tas-sistema tal-kwoti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu prezzijiet li jikkunsidraw ix-xogħol magħmul mill-produtturi sabiex huma u l-impjegati tagħhom ikollhom livell ta' għajxien deċenti, anke permezz ta' miżuri għall-provvista; jikkondividi t-tħassib dwar l-impatt negattiv potenzjali fuq ix-xogħol agrikolu tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles li qed jiġu nnegozjati bħalissa, bħal pereżempju s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-agrikoltura; jinnota li l-istandards għoljin tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, li huma fundamentali biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi tal-UE, m'għandhomx jiġu kompromessi jew innegozjati 'l barra permezz ta' ftehimiet kummerċjali;

7.  Jitlob kumpens adegwat għal dawk is-setturi u l-pajjiżi li kienu diġà f'riskju wara l-embargo Russu jew bħala riżultat ta' ftehimiet attwali ta' kummerċ ħieles, bħal dawk mat-Tuneżija u l-Marokk;

8.  Jistieden lil kull Stat Membru, fil-kuntest attwali li l-karatteristiċi ewlenin tiegħu jinkludu l-embargo Russu, it-tnaqqis fid-domanda, it-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib, il-waqgħa tal-prezzijiet, iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, iż-żieda fil-kompetizzjoni u l-isfidi ambjentali, biex jikkunsidra kif il-kompetittività tal-biedja tiegħu tista' tittejjeb ħalli s-settur jista' joħloq l-impjiegi u jiġġenera valur miżjud li jinqasam b'mod ġust fis-settur tal-agrikoltura u l-industrija agroalimentari, partikolarment fil-każ tal-produzzjoni artiġjanali u fuq skala żgħira; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, li jinżammu l-azjendi agrikoli fuq l-art, filwaqt li jkun rikonoxxut il-karattru multifunzjonali tagħhom, li jippermettilhom, apparti l-funzjoni ewlenija tagħhom tal-produzzjoni ta' materja prima agrikola, li jwettqu diversi funzjonijiet importanti oħra, bħall-ħarsien tal-ambjent, il-kontribut għall-vitalità taż-żoni rurali u l-bilanċ ta' żvilupp reġjonali;

9.  Jenfasizza li l-iżvilupp ekonomiku f'żoni rurali għandu wkoll jitqies fil-kuntest tal-iżvilupp soċjali u l-iżvilupp demografiku tagħhom, u għandu jiġi kkunsidrat li tittieħed azzjoni li tappoġġja lill-familji u li tagħmilha aktar faċli biex tiġi kkombinata l-ħajja tal-familja u dik professjonali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għall-biedja u għas-sistemi tal-ikel sostenibbli, inkluża l-biedja organika, kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità, sabiex jiġu ppreservati u jinħolqu impjiegi deċenti fil-biedja u fl-ekonomiji rurali prosperi, filwaqt li nimxu lejn sostenibilità akbar u tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi;

11.  Jenfasizza li l-biedja Ewropea bħalissa qed tiffaċċja kriżi mingħajr preċedent, li qed tfaqqar lill-bdiewa, u dan qed joħloq riskji ta' fallimenti u jwassal għal għadd dejjem akbar ta' suwiċidji; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt soċjali ta' din il-kriżi, b'mod partikolari f'termini ta' telf ta' impjiegi, speċjalment f'żoni rurali;

12.  Jitlob li jkunu msaħħa l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, billi dawn għandhom rwol essenzjali fis-salvagwardja tal-interessi tal-bdiewa u l-azjendi agrikoli tal-familja fuq skala żgħira b'mod partikolari, u jitlob għaldaqstant li dawn jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv fl-appoġġ soċjali għal dawk li jaħdmu fis-settur;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw intrapriżi soċjali u kooperattivi tal-ekonomija soċjali, inkluża l-agrikoltura soċjali(2), sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jinnota l-azzjonijiet imwettqa taħt l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni ittejjeb il-kontribut magħmul mill-ekonomija soċjali għall-iżvilupp rurali, pereżempju permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali;

14.  Iħeġġeġ sabiex tittieħed azzjoni li ttemm il-prattiki abbużivi ta' gruppi kbar ta' distribuzzjoni tal-ikel fil-katina tal-provvista, sabiex ikun garantit prezz ġust għall-bdiewa li jissalvagwardja l-potenzjal tal-ħolqien tax-xogħol li għandha l-biedja f'żoni rurali;

15.  Jinsab imħasseb ukoll li fil-preżent l-ewwel pilastru tal-PAK jiffavorixxi produtturi agrikoli kbar, u dan iwassal għal konċentrazzjoni estrema tas-suq u għal nuqqas ta' inċentivi għall-impjiegi fis-setturi rispettivi; għaldaqstant jitlob li jsiru riformi urġenti f'dan ir-rigward;

16.  Jitlob li l-ewwel pilastru tal-PAK ikun b'saħħtu u jippromwovi produzzjoni sostenibbli, impjiegi ta' kwalità, rziezet bi profitt u introjtu deċenti, u jappella wkoll għar-rispett tal-ftehimiet kollettivi rilevanti u l-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol mingħajr ma jitpoġġew piżijiet ġodda fuq il-bdiewa;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva msemmija hawn fuq u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rapport dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tagħha sa Settembru 2019; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' sistemi ta' kiri illegali fl-UE permezz ta' investigazzjonijiet, stħarriġiet u data statistika, speċjalment f'dawk ir-reġjuni Ewropej fejn ix-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament tax-xogħol tal-biedja huma aktar mifruxa; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ strumenti effikaċi, inklużi spezzjonijiet u kontrolli adegwati, sabiex jiġi garantit xogħol deċenti u kundizzjonijiet ta' għajxien għal ħaddiema staġjonali fir-reġjuni tal-UE kollha, speċjalment fejn dan il-fenomenu huwa aktar prevalenti, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-impjieg, l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja b'mod ġenerali;

18.  Jilqa' l-miżuri ta' semplifikazzjoni tal-PAK li ġew implimentati sal-lum, iżda jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u timplimenta miżuri biex tintroduċi proporzjonalità u flessibilità fir-rigward tal-piż amministrattiv tal-PAK; iqis li dan hu ta' benefiċċju għall-bdiewa u għall-funzjonament tajjeb tal-PAK b'mod ġenerali;

19.  Jenfasizza li azzjoni li tappoġġja l-iżvilupp demografiku u n-natura favur il-familja ta' żoni rurali diġà hija għan tal-PAK u li din għandha tingħata aktar prominenza, anki b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-indikaturi proposti mill-FAO fil-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tagħha, b'mod partikolari dawk immirati lejn l-impjiegi u l-benesseri soċjali;

21.  Jenfasizza li n-negozji agrikoli jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjiegi u mal-leġiżlazzjoni soċjali; iqis li kwalunkwe introduzzjoni ta' kundizzjonalitajiet addizzjonali għal pagamenti tal-ewwel pilastru tal-PAK iżidu konsiderevolment il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u jillimitaw il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

22.  Jitlob rwol aktar b'saħħtu għas-sħab soċjali flimkien mal-awtoritajiet ta' ġestjoni u, fejn xieraq, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika agrikola komuni sabiex jinħolqu impjiegi ta' kwalità, tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet tax-xogħol, jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, jiġu żgurati standards għoljin ta' saħħa u sikurezza u titrawwem l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema rurali kollha, inklużi r-rifuġjati, il-ħaddiema migranti u staġjonali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi miżuri u politiki attivi li jenfasizzaw ir-rwol pożittiv tal-migrazzjoni, biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u titrawwem il-koeżjoni soċjali f'żoni rurali;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ vokazzjonali ta' kwalità li jinkludi taħriġ permezz ta' apprendistati u l-ksib ta' ħiliet, inklużi ħiliet fl-ICT, minn bdiewa u ħaddiema agrikoli, partikolarment għal żgħażagħ li jidħlu fil-forza tax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jadattaw għall-bidliet fl-agrikoltura u fis-settur agroalimentari f'ambjent globali li qed jinbidel filwaqt li tiġi garantita produzzjoni ta' ikel suffiċjenti u ta' kwalità għolja;

25.  Jenfasizza li aċċess għal infrastrutturi tal-ICT u l-introduzzjoni ta' kopertura tal-broadband f'żoni rurali, kif ukoll taħriġ fil-ħiliet diġitali, huma essenzjali biex jimmodernizzaw l-azjendi agrikoli u jtejbu t-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema tas-settur agrikolu u tal-bdiewa, kif ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi u negozji fiż-żoni rurali;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp diġitali f'żoni rurali bħala element ewlieni fil-ħolqien ta' aktar impjiegi sostenibbli, kif ukoll il-ħtieġa ta' kunċett ta' "villaġġi diġitali" li jmur lil hinn ħafna minn infrastruttura broadband per se;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-programm Erasmus+ fost il-bdiewa żgħażagħ f'taħriġ, inkluż il-komponent tal-apprendistati tiegħu, sabiex iħeġġuhom jiksbu aktar ħiliet tekniċi u lingwistiċi barra mill-pajjiż;

28.  Jenfasizza l-benefiċċji speċifiċi ta' tagħlim u apprendistati bbażati fuq ix-xogħol f'żoni rurali li ta' spiss ikollhom rati ta' qgħad għoljin u fejn l-aċċess għaċ-ċentri ta' taħriġ huwa limitat;

29.  Ifakkar li l-ispazju ta' art agrikola qed jonqos kull sena fl-Ewropa; jenfasizza li l-preservazzjoni taż-żona kkultivata hija vitali biex jinżammu l-impjiegi f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw strumenti addizzjonali biex jagħmlu possibbli l-aċċess għal artijiet f'żoni rurali b'livell għoli ta' qgħad, mhux biss, pereżempju, permezz tas-sjieda, iżda wkoll permezz ta' użu parteċipattiv u ġestjoni ta' art agrikola, skont il-prattiċi nazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li t-titjib tal-aċċess għall-art permezz ta' strumenti bħal banek tal-art, l-irkupru ta' għelieqi abbandunati, it-twaqqif ta' kooperattivi soċjali, sussidji pubbliċi u aċċess imtejjeb għall-kreditu se jikkontribwixxu għal impjieg agrikolu, partikolarment għaż-żgħażagħ u n-nisa; ifakkar in-natura essenzjali ta' miżuri li jippermettu t-trasferiment minn ġenerazzjoni għal oħra u s-sistemazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ;

30.  Ifakkar li l-bidwi Ewropew medju għandu biss 12-il ettaru ta' art u li 70 % tal-azjendi agrikoli għandhom erja tas-superfiċje ta' anqas minn ħames ettari; jinnota li minħabba d-daqs u l-istruttura, l-azjendi agrikoli mhux dejjem jifilħu jħallsu għal impjegati full-time jew ħaddiema bi kwalifiki għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jimplimentaw miżuri li jħeġġu gruppi ta' min iħaddem;

31.  Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' azjendi agrikoli, minħabba li spiss ikollhom valur importanti tal-wirt;

32.  Jemmen li l-biedja, u speċjalment il-biedja tal-familja, hi l-aktar influwenza unika importanti fil-preservazzjoni tat-tessut ekonomiku u soċjali ta' żoni rurali; f'dan ir-rigward jemmen li l-biedja tal-familja tista' ssir aktar sostenibbli billi jinħolqu inċentivi għall-konsolidazzjoni ta' azjendi eżistenti u b'hekk jiżdiedu l-impjiegi konsegwenti f'żoni lokali;

33.  Jieħu nota tal-kontribut essenzjali tan-nisa għall-ekonomija rurali; jinsab imħasseb dwar il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa f'impjieg rurali u agrikolu, fejn jikkostitwixxu 45 % tal-ħaddiema anki jekk dawn jirrappreżentaw 50 % tal-popolazzjoni; jirrimarka li n-nisa huma affettwati b'mod sproporzjonat minn kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji u mhux standard; jenfasizza li s-sitwazzjoni hija terġa' aktar serja f'termini ta' aċċess għal proprjetà agrikola, peress li 29 % tal-art biss hija proprjetà tan-nisa(3); iħeġġeġ l-indirizzar tad-disparità bejn is-sessi f'żoni rurali sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa u l-aċċess għall-art; jinnota li, f'żoni rurali, id-disparità fil-pagi bejn is-sessi hija ta' aktar minn 10 % ogħla milli f'żoni oħrajn; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm enfasi fuq is-sessi fil-politiki agrikoli u rurali tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' statistiċi aġġornati dwar is-sjieda tal-azjendi agrikoli u tal-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;

34.  Jitlob id-difiża tad-dritt għal servizzi pubbliċi bħal skejjel u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa f'żoni rurali u komunitajiet muntanjużi żgħar sabiex jibqgħu dinamiċi u attraenti, biex l-impjiegi eżistenti jinżammu waqt li jinħolqu oħrajn ġodda, u biex tintemm il-problema tad-depopolazzjoni f'żoni rurali billi n-nies jiġu inkoraġġiti jibqgħu u jissetiljaw; jinnota li soluzzjonijiet innovattivi, bħal pjattaformi multimodali, li jiffaċilitaw aċċess rapidu u effikaċi għal servizzi għall-popolazzjonijiet rurali, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi; jappoġġja l-iżvilupp ta' skemi ta' dħul minimu fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat introjtu deċenti għall-abitanti ta' żoni rurali u sabiex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali f'kull Stat Membru, minħabba r-rata għolja ta' faqar u esklużjoni soċjali f'żoni rurali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

7

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Tiziana Beghin, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Javi López, Morten Løkkegaard, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Maria Arena, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Rosa Estaràs Ferragut, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Joachim Schuster, Csaba Sógor, Helga Stevens, Ivo Vajgl, Tom Vandenkendelaere, Gabriele Zimmer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernando Ruas

(1)

cf: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+COMPARL+PE-580.547+02+NOT+XML+V0//MT

(2)

cf: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.nat-opinions.25458

(3)

1 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/536466/IPOL_STU%282015%29536466_EN.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (12.7.2016)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali

(2015/2226(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Elisabeth Köstinger

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi f'ħafna Stati Membri l-aċċess tan-nisa miż-żoni rurali għas-suq tax-xogħol huwa limitat, u l-possibilitajiet tagħhom li jiżviluppaw negozju fis-settur agrikolu huma relattivament baxxi;

B.  billi n-nisa jirrappreżentaw ftit inqas minn 50 % tat-total tal-popolazzjoni li taħdem fiż-żoni rurali tal-UE, u madwar 45 % tat-total tal-popolazzjoni ekonomikament attiva fl-2011(1); billi bħala medja, 29 %(2) tal-azjendi agrikoli fl-Ewropa huma mmexxija min-nisa u billi l-intraprenditorija femminili hija pilastru importanti f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-iżvilupp sostenibbli f'żoni rurali;

C.  billi l-kriżi ekonomika laqtet lill-Unjoni Ewropea kollha, waqt li ż-żoni rurali b'mod speċjali qed jesperjenzaw livelli diżastrużi ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari;

D.  billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa f'żoni rurali hija 10 % aktar minn żoni oħra, u billi jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lit-tħejjija ta' statistiki aġġornati dwar in-nisa propretarji tal-art, u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa f'żoni rurali;

E.  billi l-proporzjon ta' nisa detenturi ta' azjendi agrikoli li jaċċessaw l-għajnuna tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali huwa aktar baxx mis-sehem ta' azjendi agrikoli operati min-nisa fl-UE(3);

F.  billi l-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa jeħtieġ jiġi applikat b'mod konsistenti fil-PAK, u billi approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri jrid jiġi applikat mhux biss fil-PAK, iżda wkoll fil-politiki ta' koeżjoni f'żoni rurali;

G.  billi, fiż-żoni predominantement rurali tal-UE, 61 % biss tan-nisa ta' bejn l-20 u l-64 sena kienu impjegati fl-2009(4);

H.  billi l-eżodu kostanti tan-nisa miż-żoni rurali għandu impatt negattiv mhux biss fuq l-infrastruttura soċjali, pereżempju minħabba t-telf ta' ħafna nisa li jipparteċipaw f'attivitajiet volontarji, iżda wkoll fuq is-suq tax-xogħol, u billi dan l-eżodu jista' jitwaqqaf biss jekk jinħoloq qafas fejn in-nisa jistgħu jiksbu l-għanijiet personali u professjonali tagħhom f'żoni rurali;

I.  billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni huma wieħed mill-prinċipji applikabbli għall-Fondi SIE, fosthom il-FAEŻR;

1.  Jinnota li n-nisa rurali mhumiex grupp omoġenju u li r-rwol, il-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor; iqis, għalhekk, li l-miżuri meħuda biex jittejbu l-opportunitajiet tagħhom fil-ħajja u l-prospetti ta' impjieg tagħhom għandhom ikun varjati; jenfasizza, madankollu, l-inugwaljanza fl-aċċess tan-nisa għal sjieda tal-art agrikola; jinnota li n-nisa fl-azjendi agrikoli sikwit huma biss qraba tas-sidien, u n-nisa huma kklassifikati bħala l-konjuġi tad-detenturi, li jikkorrispondu għal 80.1 % tat-total ta' konjuġi fl-2007(5) u għalhekk ħafna drabi ma jkollhom ebda dħul tagħhom stess, b'tali mod li l-indipendenza ekonomika tagħhom sikwit mhix iggarantita;

2.  Jiddeplora d-differenzi bejn is-sessi f'żoni rurali u jappella biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa jittejbu u biex l-aċċess tagħhom għall-art ikun faċilitat;

3.  Huwa tal-fehma li l-bdiewa nisa għandhom rwol importanti għas-sopravivenza ta' azjendi agrikoli żgħar bi prospetti għall-futur, u li għalhekk jeħtieġ li jingħata aktar appoġġ lill-potenzjal innovattiv tagħhom permezz ta' għajnuna għal miżuri ta' diversifikazzjoni bħall-kummerċjalizzazzjoni diretta, btajjel f'azjendi agrikoli, servizzi soċjali u servizzi ta' ndukrar; jenfasizza l-importanza tal-kunċett tad-diversifikazzjoni tal-azjendi agrikoli, inkluża l-firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi ambjentali, ekonomiċi u kulturali, peress li dawn jistgħu joħolqu lok assoċjat għal dħul supplimentari għan-nisa fl-azjendi agrikoli u fl-istess ħin jiffaċilitaw sostanzjalment il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-irġiel u n-nisa;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjali fuq l-agrikoltura Ewropea ta' ftehimiet li qed jiġu nnegozjati attwalment, bħal pereżempju s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv mal-Kanada (CETA) u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Mercosur;

5.  Jinnota li l-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneri hija objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha, għaldaqstant, tkun parti mill-PAK; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-indikaturi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK biex jiġi identifikat ix-xogħol "inviżibbli" tan-nisa u biex fejn ikun possibbli, l-indikaturi jiġu maqsuma skont il-ġeneru; jenfasizza l-bżonn li jiġu identifikati miri u objettivi bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri, li jiġu promossi prospetti sostenibbli tal-karriera u opportunitajiet ta' xogħol bi ħlas għan-nisa fl-agrikoltura u tittejjeb l-effiċjenza ekonomika;

6.  Jenfasizza l-proporzjon għoli ta' persuni li jaħdmu għal rashom f'żoni rurali b'nuqqas ta' protezzjoni soċjali xierqa u l-proporzjon għoli ta' xogħol "inviżibbli", li jolqot b'mod partikolari lin-nisa; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u r-reġjuni b'setgħat leġiżlattivi biex itejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tal-pagi, id-drittijiet tas-sjieda u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u biex jiżguraw sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw b'mod aktar effiċjenti l-opportunitajiet ta' għajnuna għall-bdiewa nisa u għan-nisa f'żoni rurali li jistgħu jiġu implimentati fl-ambitu tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u biex jappoġġaw il-miżuri ta' semplifikazzjoni rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet immirati ġodda li jappoġġaw u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol f'żoni rurali, u lill-Istati Membri biex jinkludu fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom subprogrammi speċifiċi biex jappoġġaw l-intraprenditorija tan-nisa, strateġiji biex jinħolqu impjiegi għan-nisa li jiżguraw id-drittijiet tal-pensjoni, politiki biex jippromwovu r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-fora politiċi, ekonomiċi u soċjali fis-settur agrikolu, u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs f'żoni rurali;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet biex jimmonitorjaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi, jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat u jissorveljaw l-osservanza tal-benesseri soċjali u standards tas-sikurezza li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema migranti, inklużi ħaddiema staġonali nisa, migranti nisa u rifuġjati nisa; jitlob li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li n-nisa jistgħu jieħdu sehem f'kull livell tal-proċess;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għal finanzjament adegwat ta' programm speċifiku tal-UE f'forma ta' "Garanzija Ewropea għal Nisa minn Żoni Rurali", fuq il-mudell tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ;

10.  Jindika li l-ammont ta' art għall-biedja fl-UE qed jonqos kull sena; jenfasizza li huwa vitali li l-art tal-biedja tinżamm, sabiex jiġu garantiti l-impjiegi f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess imtejjeb għall-art f'żoni b'livelli għolja ta' qgħad rurali; jitlob, f'dan ir-rigward, li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li l-bdiewa żgħażagħ nisa jkollhom aċċess għal kreditu u jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-art;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa jirrappreżentaw 45 % tal-forza tax-xogħol fl-azjendi agrikoli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-definizzjoni ta' azjenda agrikola tal-familja, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għat-taħriġ u konsulenza professjonali, kif ukoll għall-kapital u l-benefiċċji;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-ibbaġitjar skont is-sessi għall-għajnuna finanzjarja taħt l-ewwel u t-tieni pilastri tal-PAK;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, itejbu l-kundizzjonijiet għan-nisa f'żoni rurali, u jipprovdu mhux biss materjal ta' informazzjoni adegwat rigward il-possibiltajiet ta' appoġġ immirat b'mod speċifiku lejn il-bdiewa nisa u n-nisa f'żoni rurali, iżda wkoll l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kreditu, kif ukoll jippromwovu t-twaqqif ta' assoċjazzjonijiet u l-għoti ta' firxa wiesgħa ta' pariri dwar id-diversifikazzjoni professjonali, biex in-nisa kkonċernati jiġu mħeġġa jistabbilixxu l-proġetti tagħhom fil-prattika fiż-żoni rurali; jinnota, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-materjal ta' informazzjoni jkun disponibbli wkoll fuq pjattaformi online sabiex jingħata aċċess flessibbli għall-informazzjoni dwar għotjiet għan-nisa f'żoni rurali; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' informazzjoni mfassla għan-nisa dwar ir-regoli u r-rekwiżiti għall-ħolqien u l-ġestjoni ta' kumpaniji jista' jkollha impatt pożittiv peress li tista' tagħti lin-nisa l-fiduċja meħtieġa biex jibdew in-negozji tagħhom;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali taħt il-programm Leader, kif ukoll li jiżguraw il-parteċipazzjoni bbilanċjata skont is-sessi fil-bordijiet amministrattivi tagħhom.

15.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri għall-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u kwalifiki ġodda għall-bdiewa nisa u n-nisa f'żoni rurali, anke permezz tal-promozzjoni ta' aċċess aħjar għal taħriġ post-universitarju u korsijiet speċjalizzati għall-intraprendituri u l-produtturi agrikoli, biex b'hekk ikun jista' jiġi garantit l-impjieg fit-tul f'żoni rurali u b'hekk ikun jista' jiġi faċilitat l-adattament għal bidliet fil-biedja u fil-produzzjoni tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tagħti kunsiderazzjoni xierqa, fir-rigward tal-miżuri ta' għajnuna taħt it-tieni pilastru tal-PAK, lill-promozzjoni tat-taħriġ u l-konsulenza għan-nisa fl-azjendi agrikoli, inkluż taħriġ speċifiku biex itejjeb il-ħiliet u l-kompetittività tan-nisa fl-agrikoltura u biex jiffaċilita l-opportunitajiet tagħhom ta' impjieg formali; jenfasizza l-importanza li n-nisa jingħataw pariri u appoġġ li jippermettulhom jiżviluppaw attivitajiet tal-biedja innovattivi f'żoni rurali, inklużi impriżi tal-produzzjoni agrikola primarja;

16.  Jenfasizza - inter alia b'referenza għax-xogħol part-time u t-telexogħol - l-importanza tal-iżvilupp diġitali f'żoni rurali u l-iżvilupp ta' approċċ olistiku (ir-"raħal diġitali"), u f'dan il-kuntest jappella li jkun hemm użu akbar mill-programmi taħt it-tieni pilastru biex isir aktar faċli li persuna tibda taħdem għal rasha; jenfasizza li t-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità tal-infrastruttura essenzjali, bħalma huma s-sistemi ta' trasport, provvista sikura tal-enerġija, teknoloġija tal-broadband affidabbli u veloċi, li jistgħu jagħmluha possibbli li nisa b'ħafna kwalifiki jaħdmu f'żoni rurali (pereżempju permezz tan-negozju elettroniku) u istituzzjonijiet u servizzi ta' kuljum f'żoni rurali, huwa essenzjali biex jippermetti lin-nisa u l-irġiel jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċi mobbli għall-iżvilupp rurali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministrazzjoni lokali u reġjonali;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-bdiewa nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet; jirrimarka li n-nisa jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunitajiet tagħhom u tal-azjendi agrikoli;

18.  Jenfasizza li ż-żoni rurali madwar l-Ewropa huma suxxettibbli għal popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, densità baxxa tal-popolazzjoni u, f'xi żoni, depopolazzjoni; jitlob li jiġu applikati miżuri addizzjonali biex jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fiż-żoni rurali li joffru raġunijiet lin-nisa u lill-familji tagħhom biex jibqgħu u biex ikollhom ħajja b'suċċess hemmhekk;

19.  Jistieden lill-atturi reġjonali li jibbenefikaw minn finanzjament mit-tieni pilastru, biex jimplimentaw programmi ta' qawmien ta' kuxjenza maħsuba biex jenfasizzaw in-newtralità bejn il-ġeneri fix-xogħlijiet kollha u tingħeleb id-distribuzzjoni tradizzjonali persistenti tar-rwoli fil-biedja;

20.  Jiġbed l-attenzjoni fuq id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa nisa fir-rigward tal-ksib ta' finanzjament; jinnota li aċċess aqwa għall-kapital għall-investiment hu kruċjali biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tan-nisa f'żoni rurali u jingħata appoġġ lill-intrapriżi femminili, u jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu, jappoġġjaw u jipprovdu aċċess lill-bdiewa nisa għal sorsi ta' finanzjament u taħriġ speċifiku li jista' jiffaċilita dan l-aċċess;

21.  Jinsab konxju tal-isfidi speċjali fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-ħajja privata u tax-xogħol fl-azjendi agrikoli, u l-importanza tas-sitwazzjoni tal-ġenituri u ambjent tax-xogħol favur il-familja fl-azjendi agrikoli tal-familja; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi dawn is-servizzi jnaqqsu l-piż fuq in-nisa li normalment iqattgħu aktar ħin mill-irġiel jieħdu ħsieb it-tfal u dipendenti oħrajn; jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jimplimentaw politiki li jipproteġu, itejbu u jippromwovu infrastruttura, faċilitajiet u servizzi ta' kwalità tajba, aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq għall-ħajja ta' kuljum fiż-żoni rurali;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu s-sigurtà soċjali u l-miżuri ta' rikonoxximent legali għall-bdiewa nisa sabiex jiżguraw li dawn igawdu l-istess drittijiet bħall-irġiel, għaliex spiss jaħdmu sigħat twal għan-negozju tal-familja mingħajr sigurtà soċjali jew kopertura legali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u jiġu mħeġġa u appoġġati l-inizjattivi imprenditorjali, l-assoċjazzjonijiet, il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali, li se jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u jistimulaw l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol; jindika, barra minn hekk, l-importanza li jiġu żviluppati ċentri u netwerks ta' informazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa f'żoni rurali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ildikó Gáll-Pelcz, Arne Gericke, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Marc Tarabella, Monika Vana, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Jens Nilsson

(1)

Eurostat (2013). Eurostat regional yearbook 2013. Focus on rural development.

(2)

Studju 'International Day of Rural Women' 2015, Dipartiment Tematiku C, Parlament Ewropew.

(3)

Dower, J. (2015). ‘The role of funding under the Common Agricultural Policy for rural women’. EPRS, International Day of Rural Women 2015.

(4)

Kummissjoni Ewropea (2011), ‘Agriculture and Rural Development. EU Agricultural Economic Briefs. Rural Areas and the Europe 2020 Strategy – Employment’, Brief No 5 – November 2011.

(5)

Kummissjoni Ewropea (2012), ‘Agricultural Economic Briefs. Women in EU agriculture and rural areas: hard work, low profile’, Brief No 7 – June 2012.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Nicola Caputo, Matt Carthy, Albert Deß, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Esther Herranz García, Jan Huitema, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Urszula Krupa, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Jean-Paul Denanot, Jens Gieseke, Maria Heubuch, Norbert Lins, Stanislav Polčák, Sofia Ribeiro, Vladimir Urutchev, Miguel Viegas

Avviż legali