Proċedura : 2016/2047(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0287/2016

Testi mressqa :

A8-0287/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 13
CRE 25/10/2016 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.2
CRE 26/10/2016 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0411

RAPPORT     
PDF 1189kWORD 161k
13.10.2016
PE 589.175v03-00 A8-0287/2016(Parti 1)

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(11900/2016 – C8-0373/2016 – 2016/2047(BUD))

Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni

Kumitat għall-Baġits

Rapporteurs:   Jens Geier (Taqsima III – Kummissjoni)

  Indrek Tarand (Taqsimiet oħra)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (11900/2016 – C8-0373/2016 – 2016/2047(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) (il-FII),

-  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (COM(2016)0603),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, Taqsima III - Il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(7);

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0300),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Settembru 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Settembru 2016 (11900/2016 – C8-0373/2016 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0287/2016),

A.  billi, f'sitwazzjoni ta' riżorsi skarsi, għandha tintrabat aktar importanza mal-ħtieġa li tiġi osservata d-dixxiplina baġitarja u li l-fondi jintużaw b'mod effiċjenti u effikaċi;

B.  billi ikun tajjeb li d-djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE jqanqal kultura orjentata lejn il-prestazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, inklużi żieda tat-trasparenza u tisħiħ tar-responsabilità;

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Jisħaq li l-baġit 2017 għandu jitqies fil-kuntest aktar estensiv tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (il-QFP); jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat bilanċ bejn il-prijoritajiet fuq żmien twil u l-isfidi l-ġodda, u jissottolinja għaldaqstant il-fatt li l-baġit 2017 għandu jkun konformi mal-objettivi tal-Istrateġija UE2020, li jirrappreżentaw l-orjentament ewlieni u l-prijorità predominanti tagħha;

2.  Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li, fil-kuntest attwali partikolari, inizjattivi bħas-sospensjoni tal-Fondi SIE min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, kif previst mill-Artikolu 23(15) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni)(8) mhumiex biss inġusti u sproporzjonati, iżda wkoll politikament insostenibbli;

3.  Jisħaq li l-qari tal-baġit 2017 min-naħa tal-Parlament jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi adottati b'maġġoranza predominanti fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni; 

4.  Jenfasizza li l-paċi u l-istabilità huma l-valuri ewlenin li hemm bżonn iżżomm l-Unjoni; jikkunsidra li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li wera li huwa essenzjali għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq, irid jiġi protett; jissottolinja l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi li jiżguraw appoġġ għar-reġjuni li se jintlaqtu b'mod partikolari fil-każ ta' ħruġ innegozjat mill-Unjoni b'segwitu għat-talba ta'attivazzjoni min-naħa tar-Renju Unit tal-Artikolu 50 tat-Trattat ta' Lisbona, bi qbil mar-rieda li esprimew iċ-ċittadini tiegħu;

5.  Jirrileva l-fatt li l-Unjoni attwalment qed taffaċċja għadd ta' emerġenzi serji u sfidi ġodda, li ma setgħux jitbassru fiż-żmien meta ġie stabbilit il-QFP 2014-2020; jinsab konvint li hemm bżonn jiġu allokati aktar riżorsi finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni, sabiex jiġu affrontati l-isfidi politiċi u b'mod li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi tweġibiet u tirreaġixxi b'mod effikaċi għal dawk il-kriżijiet, bħala kwistjoni tal-akbar urġenza u prijorità; jikkunsidra li hemm bżonn impenn politiku b'saħħtu biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet ġodda fl-2017 u sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni għal dan il-għan;

6.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-baġit 2017 jissodisfa l-ħtiġijiet tal-isfida fil-qasam tal-migrazzjoni u tat-tkabbir ekonomiku bil-mod b'segwitu għall-kriżi ekonomika; jinnota li jkun tajjeb li tingħata spinta lill-finanzjament għar-riċerka u għall-proġetti infrastrutturali, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

7.  Ifakkar li, filwaqt li l-Parlament approva minnufih il-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni filwaqt li jitkompla l-appoġġ għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, huwa dejjem insista li jkun tajjeb li din l-isfida ma tiħux preċedenza fuq il-politiki importanti l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-ħolqien ta' impjiegi diċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-impriżi u tal-ispirtu imprenditorjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota li l-limitu massimu tal-Intestatura 3 huwa wisq insuffiċjenti biex jipprovdi għal finanzjament xieraq għad-dimensjoni interna tal-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, u jinsisti fuq il-bżonn li jiġi adottat approċċ komprensiv u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jorbot il-migrazzjoni mal-iżvilupp u li jiggarantixxi l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti u ta' dawk li qed ifittxu asil, kif ukoll programmi prijoritarji, bħall-programmi kulturali; jisħaq li, sabiex jiġi żgurat il-finanzjament addizzjonali meħtieġ f'dan il-qasam, il-Kummissjoni, fl-Abbozz tal-Baġit 2017 (l-AB), ipproponiet li jsir rikors bla preċedent għall-istrumenti speċjali tal-QFP, inkluż l-użu sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità, kif ukoll il-mobilizzazzjoni sostanzjali tal-Marġni ta' Kontinġenza intenzjonat għal meta ma jifdal l-ebda alternattiva oħra, u dawn ġew aċċettati mill-Kunsill;

8.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li jkun tajjeb li t-talbiet għall-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni ma jkunux ta' ħsara għall-azzjoni esterna eżistenti tal-Unjoni, inkluża l-politika tagħha dwar l-iżvilupp; jirrepeti li t-twaqqif tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija (l-FRT), il-Fondi Fiduċjarji, u kwalunkwe strument ad hoc ta' tip ieħor ma jistax jiġi ffinanzjat permezz ta' tnaqqis għall-istrumenti eżistenti oħra; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-istabbiliment ta' strumenti ad hoc barra l-baġit tal-Unjoni jista' jippreġudika l-unità tal-baġit u jevita l-proċedura baġitarja li tirrikjedi l-involviment u l-iskrutinju min-naħa tal-Parlament Ewropew; jikkontesta b'mod qawwi jekk il-limitu massimu tal-Intestatura 4 (Ewropa Globali) hux suffiċjenti biex jingħata rispons sostenibbli u effikaċi għall-isfidi esterni attwali, inklużi l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni;

9.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li jkun tajjeb li l-baġit tal-Unjoni jsib modi għall-finanzjament ta' inċentivi ġodda li ma jkunux ta' ħsara għall-programmi u l-politiki eżistenti tal-Unjoni, u jappella biex jiġu identifikati mezzi sostenibbli għall-finanzjament ta' inizjattivi ġodda; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Azzjoni Preparatorja għar-riċerka dwar id-difiża, li se tammonta għal EUR 80 miljun għat-tliet snin li ġejjin, se tkun magħfusa taħt il-baġit attwali tal-QFP; jinsab konvint li b'baġit tal-Unjoni li diġà huwa sottofinanzjat, se jkun hemm bżonn ukoll ta' mezzi finanzjarji ulterjuri mill-Istati Membri għall-isforzi addizzjonali għall-operazzjonijiet, l-ispejjeż amministrattivi, l-azzjonijiet preparatorji u l-proġetti pilota relatati mal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni; jikkunsidra li jkun tajjeb li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP attwali jintużaw f'dak ir-rigward mill-Istati Membri; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi kkjarifikat il-finanzjament fuq żmien twil tar-riċerka dwar id-difiża komuni;

10.  Ifakkar li l-Unjoni rratifikat il-ftehim tal-COP 21 u għandha bżonn tiddedika parti mir-riżorsi finanzjarji tagħha biex tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha; jinnota li, skont id-Dikjarazzjoni tal-Estimi għas-sena finanzjarja 2017, huwa mistenni li l-baġit jalloka 19,2 % tan-nefqa għal dan l-għan; jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-Kummissjoni tkompli f'din it-triq sabiex tapplika l-objettiv ta' 20 %, bi qbil mal-impenn tagħha li tintegra l-azzjoni favur il-klima fil-QFP attwali;

11.  Ireġġa' t-tnaqqis kollu li ppropona l-Kunsill għall-AB lura għal li kien; mhux qed jirnexxielu jifhem ir-raġunament wara t-tnaqqis propost u jikkontesta l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li joħloq mill-ġdid marġnijiet artifiċjali f'xi intestaturi, bħas-subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), b'mod partikolari meta jikkunsidra li l-marġnijiet xorta jkunu żgħar wisq għal reazzjoni għaċ-ċirkostanzi jew kriżijiet imprevisti;

12.  Jinnota li, f'dawn l-aħħar ħames snin, il-qari tal-Kunsill qatt ma rnexxielu jbassar l-eżekuzzjoni effettiva tal-baġit tal-Unjoni u li, meta jitqiesu l-baġits emendatorji kollha, kien hemm bżonn ta' ammont konsiderevolment akbar ta' fondi f'kull wieħed mill-baġits finali; jappella għalhekk lill-Kunsill biex jaġġusta l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-kumitat ta' konċiljazzjoni b'mod li l-baġit 2017 jingħata minnufih finanzjament adegwat sa mill-bidu nett;

13.  Iħabbar li, bil-għan li dawn il-ħtiġijiet urġenti jiġu ffinanzjati b'mod adegwat, u wara li kkunsidra l-marġnijiet stretti ħafna tal-QFP fl-2017, il-Parlament se jiffinanzja ż-żidiet fuq l-AB billi jeżawrixxi l-marġnijiet kollha disponibbli u billi jirrikorri aktar għall-Marġni ta' Kontinġenza;

14.  Jikkumpensa kompletament it-tnaqqis kollu relatat mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS) fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u l-Orizzont 2020 għal total ta' EUR 1 240 miljun f'impenji għall-2017 permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda li għandhom jinkisbu permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħata rispons effikaċi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni; iżid għalhekk EUR 1 500 miljun addizzjonali f'approprjazzjonijiet ta' impenn mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex jippermetti t-tkomplija tagħha; jikkunsidra li jkun tajjeb li jiġi deċiż finanzjament addizzjonali xieraq għal dawn il-programmi importanti tal-Unjoni fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

15.  Jistenna li l-Kunsill jikkondividi dan l-approċċ, u li jkun faċli li jintlaħaq ftehim fil-konċiljazzjoni li jippermetti li l-Unjoni taħtaf l-opportunità u tirrispondi b'mod effikaċi għall-isfidi quddiemha;

16.  Jistabbilixxi l-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet għall-2017 għal EUR 161,8 biljun u EUR 136,8 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

17.  Jinnota li, għal darb'oħra, is-subintestatura 1a ntlaqtet b'mod gravi mill-qari tal-Kunsill, bi 52 % tat-tnaqqis kumplessiv f'impenji min-naħa tal-Kunsill jinsab f'din l-intestatura; jikkontesta għalhekk kif il-prijorità politika tal-Kunsill favur l-impjiegi u t-tkabbir hija riflessa f'dan il-qari;

18.  Ma jaqbilx b'mod qawwi ma' dan it-tnaqqis f'intestatura li tissimbolizza l-valur miżjud Ewropew u tipprovdi aktar tkabbir u impjiegi għaċ-ċittadini; jiddeċiedi konsegwentement li jreġġa' t-tnaqqis kollu li għamel il-Kunsill lura għal li kien;

19.  Jiddeċiedi li, sabiex jissodisfa l-impenn li ħa f'Ġunju 2015 li jimminimizza kemm jista' l-impatt baġitarju li l-ħolqien tal-FEIS se jkollu fuq l-Orizzont 2020 u l-FNE fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, ireġġa' lura kompletament għal li kien il-profil oriġinali li kellhom qabel il-FEIS il-linji tal-Orizzont 2020 u tal-FNE li ġew soġġetti għal tnaqqis għall-proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija għall-FEIS; jisħaq fuq l-importanza tal-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni, Orizzont 2020, li jittrasforma ideat tajbin fi prodotti u servizzi, biex b'hekk jistimola lit-tkabbir u lill-impjiegi; jeżiġi approprjazzjonijiet ta' impenn addizzjonali korrispondenti ta' EUR 1 24 biljun aktar mill-AB; jistenna li jintlaħaq ftehim kumplessiv dwar din il-kwistjoni urġenti fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jindika li jkun sew li l-FEIS jittejjeb sabiex isir kompletament effiċjenti u effikaċi, billi jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-addizzjonalità, billi jittejbu l-bilanċi ġeografiċi u settorjali u billi tittejjeb it-trasparenza fil-proċess deċiżjonali;

20.  Jiddeċiedi li, bi qbil mal-prijoritajiet kostanti tiegħu favur it-Tkabbir u l-Impjiegi u wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità ta' assorbiment tagħhom s'issa, jipproponi xi żidiet selettivi fuq il-livell tal-AB għall-programmi COSME, Progress, Marie Curie, Kunsill Ewropew tar-Riċerka, Eures u Erasmus+; jinnota li tali żidiet jistgħu jiġu ffinanzjati fi ħdan il-marġni disponibbli ta' din is-subintestatura;

21.  Iżid, bħala riżultat, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 1a b'EUR 69 367 miljun (esklużi l-FEIS, il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) fuq l-AB;

Subintestatura 1b – Koezjoni ekonomika, soċjali u territorjali

22.  Jissottolinja li madwar terz tal-baġit annwali tal-Unjoni huwa mmirat lejn il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija ta' investiment tal-Unjoni u għodda biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni kollha tal-UE, u li hija tiżvolġi rwol importanti fir-realizzazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; 

23.  Ma japprovax it-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 3 miljun f'impenji u, aktar importanti minn hekk, ta' EUR 199 miljun f'pagamenti taħt is-subintestatura 1b, inkluż fil-linji ta' appoġġ; jappella lill-Kunsill biex jispjega kif dan it-tnaqqis huwa kompatibbli mal-objettiv tiegħu li jiġu previsti "l-approprjazzjonijiet neċessarji li jippermettu l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programmi l-ġodda fir-raba' sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020"; ifakkar li l-livell ta' pagamenti propost mill-Kummissjoni taħt din l-intestatura diġà huwa 23,5 % inqas milli kien fil-baġit 2016; jisħaq, f'dan ir-rigward, li ma jista' jiġi ġġustifikat jew aċċettat l-ebda tnaqqis addizzjonali fil-pagamenti;

24.  Jappella biex issir evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-Unjoni abbażi tar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-impatt, b'mod li jiġi ddeterminat sa liema punt irnexxielhom, fost affarijiet oħra, inaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi, jiżviluppaw ekonomiji reġjonali kompetittivi u diversifikati, u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

25.  Jinsab allarmat bid-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li x'aktarx se jkollu effett detrimentali serju fuq il-ksib tempestiv tar-riżultati fuq il-post, iżda li jirriskja wkoll li jwassal għar-rikostituzzjoni ta' arretrat ġdid ta' kontijiet mhux imħallsa fit-tieni nofs tal-QFP attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jaħtru minnufih l-awtoritajiet li jifdal fl-oqsma tal-ġestjoni, il-pagamenti u ċ-ċertifikazzjoni, u jindirizzaw kull kawża oħra ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi; jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal aktar semplifikazzjoni f'dan il-qasam, u jikkunsidra li jkun tajjeb li, b'urġenza, isir kull sforz possibbli min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-programmi jsiru kompletament operattivi; jappella, konsegwentement, għal aktar sinerġiji u komplementarjetà bejn il-politiki dwar l-investiment pubbliku mill-baġits tal-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni, u dawk immirati sabiex jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli li jikkostitwixxu l-bażi tal-pedament tal-UE;

26.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali b'pakkett finanzjarju ta' EUR 142 800 000, u jissottolinja li jkun tajjeb li dan il-finanzjament jiġi allokat bl-intenzjoni li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

27.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda approprjazzjoni ta' impenn għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2017, b'riżultat tal-fatt li l-approprjazzjonijiet ġew ikkonċentrati lejn il-bidu tal-perjodu fis-snin 2014-2015; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu biex titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jiddeċiedi li, bħala pass inizjali u bi qbil mar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew(9) li jipprevedi l-possibilità ta' tali tkomplija, iżid addizzjonalment EUR 1 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex jipprovdi rispons effikaċi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ, waqt li jislet tagħlimiet mir-riżultati tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ; jinnota li, bi qbil mat-talbiet tal-Parlament, ikun tajjeb li jintlaħaq ftehim kumplessiv dwar il-finanzjament addizzjonali xieraq tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-bqija ta' dan il-perjodu ta' programmazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni imminenti ta' nofs it-terminu tal-QFP; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħiliethom kollha biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fuq il-post, għall-benefiċċju dirett taż-żgħażagħ Ewropej;

28.  Jiddeċiedi li jreġġa' l-AB lura għal li kien kemm fir-rigward tal-impenji kif ukoll fir-rigward tal-pagamenti għal-linji li naqqas il-Kunsill; iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-subintestatura 1b b'EUR 1 500 miljun, u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 500 miljun aktar mill-AB għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u b'EUR 4 miljun għall-impenji u EUR 2 miljun għall-pagamenti għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, biex b'hekk il-limitu massimu attwali għall-impenji qed jinqabeż b'EUR 1 486 798 635;

29.  Jissottolinja li s-subintestatura 1b għandha l-akbar sehem mill-impenji pendenti attwali, li kienu ta' EUR 151 119 fil-bidu ta' Settembru 2016, u li hemm ir-riskju li dan iqiegħed fil-periklu l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda;

30.  Jisħaq fuq il-kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju ta' bbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi; jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-miżuri biex jiġu stabbiliti l-għodda xierqa sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħal strutturi ta' inċentivi li jużaw il-fondi strutturali biex jinkoraġġixxu bbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell nazzjonali.

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali

31.  Jinnota li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet fl-Intestatura 2 b'EUR -179,5 miljun f'impenji u EUR -198 miljun f'pagamenti, fuq il-linji ta' appoġġ amministrattiv, fuq il-linji ta' assistenza teknika operattiva (bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-programm LIFE), fuq il-linji operattivi taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG), li huwa essenzjali biex isostni l-agrikoltura fit-territorji fejn hemm il-ħajja, u fuq l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-akbar tnaqqis fil-pagamenti ġġarrab mill-iżvilupp rurali; jikkunsidra li jkun tajjeb li l-Ittra Emendatorja tibqa' l-bażi għal kwalunkwe reviżjoni affidabbli tal-approprjazzjonijiet għall-FAEG; konsegwentement ireġġa' l-livelli tal-AB lura għal li kienu;

32.  Jantiċipa l-preżentazzjoni tal-Ittra Emendatorja għall-pakkett ta' appoġġ ta' emerġenza, b'mod partikolari għas-settur tal-ħalib, u jiddeċiedi li jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għas-settur agrikolu tal-Unjoni; iżid għalhekk l-approprjazzjonijiet b'EUR 600 miljun fuq l-AB, b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq is-settur tal-prodotti tal-ħalib u l-effetti tal-embargo Russu fuq is-settur tal-ħalib;

33.  Jilqa' l-allokazzjonijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-agrikoltura taħt l-Orizzont 2020, biex jiġu żgurati provvisti suffiċjenti ta' ikel mhux perikoluż u ta' kwalità għolja u ta' prodotti oħra b'bażi fl-agrikoltura organika; jissottolinja l-bżonn li tingħata prijorità lill-proġetti li jinvolvu l-produtturi primarji;

34.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida tinvolvi bidla fil-paradigma tal-ġestjoni tas-sajd kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-sajjieda, u jfakkar, f'dan ir-rigward, id-diffikultajiet li nqalgħu fis-snin finanzjarji preċedenti meta kienu tnaqqsu l-approprjazzjonijiet;

35.  Jiddispjaċih, madankollu, li f'dan il-kuntest u filwaqt li jilqa' ż-żieda ta' EUR 30,9 miljun f'impenji fl-AB għall-programm LIFE, għal darb'oħra din is-sena, il-programm LIFE, b'finanzjament totali ta' EUR 493,7 miljun, jikkostitwixxi biss sehem ta' 0,3 % mill-AB kollu kemm hu;

36.  Jirrileva l-problemi preċedenti li rriżultaw min-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programm LIFE, u li xekklu u dewmu l-implimentazzjoni xierqa tiegħu;

37.  Jiddeċiedi li, bi qbil mal-objettivi tiegħu fl-Istrateġija UE2020 u mal-impenji internazzjonali tiegħu li jindirizza t-tibdil fil-klima, jipproponi żieda għall-programm LIFE+ fuq il-livell tal-AB;

38.  Iżid, għalhekk, l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 619,8 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 611,3 miljun (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), waqt li jħalli marġni ta' EUR 19,4 miljun taħt il-limitu massimu għall-impenji fl-Intestatura 2;

Intestatura 3 – Is-sigurtà u ċ-ċittadinanza

39.  Jissottolinja l-fatt li l-Parlament għadu jpoġġi l-isfida attwali fil-qasam tal-migrazzjoni fuq quddiem nett fl-aġenda tiegħu; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal EUR 1,8 biljun addizzjonali biex tiġi indirizzata l-isfida fil-qasam tal-migrazzjoni fl-Unjoni, aktar mill-ammont li inizjalment kien ipprogrammat għall-2017; jinnota li d-devjazzjoni kbira mill-ipprogrammar oriġinali tiġġustifika aġġustament 'il fuq tal-limiti massimi tal-Intestatura 3; jisħaq li l-Kummissjoni qed tipproponi li fil-biċċa l-kbira tiffinanzja dawn iż-żidiet permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità (għal EUR 530 miljun, biex b'hekk teżawrixxi kompletament il-finanzjament disponibbli għal din is-sena) u l-Marġni ta' Kontinġenza (għal EUR 1 160 miljun); meta jqis il-livell bla preċedenti ta' finanzjament għan-nefqa relatata mal-migrazzjoni (li b'kollox tammonta għal EUR 5,2 biljun fl-2017 fl-Intestaturi 3 u 4 u l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u l-proposti fuq il-mejda għall-applikazzjoni ta' aktar flessibilità, mhux qed jitlob żidiet ulterjuri għall-politiki relatati mal-migrazzjoni; fl-istess ħin, se jirreżisti kwalunkwe tentattiv biex jitnaqqas il-finanzjament għall-azzjonijiet tal-Unjoni f'dan il-qasam;

40.  Itenni li l-flessibilità baġitarja għandha l-limiti tagħha u tista' tkun biss soluzzjoni fil-qasir; jinsab fermament konvint li tweġiba li tħares 'il quddiem u kuraġġuża fil-konfront tal-isfidi fuq żmien twil fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, li qed jinvolvu lill-kontinent kollu kemm hu u li mhu qed juru l-ebda sinjal li jbattu, tkun ta' aġġustament 'il fuq tal-limitu massimu tal-Intestatura 3; jikkunsidra li d-deċiżjonijiet baġitarji kollha li ttieħdu dan l-aħħar biex jiżguraw approprjazzjonijiet ġodda f'dan il-qasam effettivament urew il-bżonn li dan il-limitu massimu jiġi rivedut;

41.  Jilqa', fil-kuntest tal-isfidi attwali fl-oqsma tas-sigurtà u l-migrazzjoni, iż-żieda fil-finanzjament tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (EUR 1,6 biljun) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (EUR 0,7 biljun); jikkunsidra li ż-żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni tkabbar il-bżonn li jiġu żgurati tqassim ġust u trasparenti tal-finanzjament annwali bejn il-programmi u l-objettivi differenti tal-fond u aktar trasparenza fir-rigward ta' kif se jintefqu dawn ir-riżorsi finanzjarji;

42.  Jinnota li, fil-15 ta' Marzu 2016, ġie adottat Strument ġdid għal appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni, b'pakkett indikattiv ta' EUR 700 miljun fuq tliet snin (2016-2018), u dan diġà wassal għal riżultati immedjati fuq il-post fil-forma ta' miżuri għal appoġġ ta' emerġenza b'rispons għall-ħtiġijiet umanitarji ta' għadd kbir ta' rifuġjati u migranti li qed jaslu fl-Istati Membri; itenni, madankollu, il-pożizzjoni tiegħu li fil-ġejjieni jkun tajjeb li jiġi previst qafas ġuridiku u baġitarju aktar sostenibbli b'mod li jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja fl-Unjoni; jinsisti li jkollu djalogu regolari mal-Kummissjoni rigward il-funzjonament u l-finanzjament, fil-preżent u fil-ġejjieni, ta' dan l-Istrument, ibbażat fuq it-trasparenza sħiħa tal-informazzjoni u r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

43.  Jitlob finanzjament għal persunal addizzjonali għal Europol, minħabba ż-żieda fil-livell tat-theddida li qed jaffaċċjaw diversi Stati Membri, l-isfidi simultanji tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-ħtieġa għal rispons Ewropew ikkoordinat, bil-għan li tiġi stabbilita ċellola kontra t-terroriżmu li taħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'risponsi bbażati fuq data mill-intelligence; jikkunsidra li din iż-żieda qed tiġi prevista anke biex ittejjeb il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (b'enfasi speċjali fuq il-minorenni mhux akkumpanjati), il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (persunal ġdid għaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3)) u ssaħħaħ ir-riżorsi umani fil-'hotspots' fl-Italja u l-Greċja; ifakkar li attwalment il-Europol għandu biss 3 membri tal-persunal għad-dispożizzjoni tiegħu biex jassenjahom fi tmien 'hotspots' permanenti u mhux permanenti addizzjonali biss biss fl-Italja waħedha; jikkunsidra li dan in-numru huwa baxx wisq biex il-Europol ikun jista' jissodisfa l-kompiti tiegħu f'termini tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu u kriminalità transkonfinali serja oħra;

44.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja ġdida biex tipprovdi finanzjament għall-vittmi tat-terroriżmu; jappoġġa t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' riżorsi biex jiġu indirizzati l-oqsma ta' bżonn estensivi tal-vittmi, inklużi t-trattamenti fiżiċi, is-servizzi psikosoċjali u l-appoġġ finanzjarju; jemmen li jiġri ta' spiss wisq li l-bżonnijiet tal-vittmi innoċenti tat-terroriżmu jintesew jew jiġu kkunsidrati f'livell sekondarju meta jkunu qed jiġu proposti l-miżuri biex tiġi indirizzata t-theddida tat-terroriżmu;

45.  Jikkundanna t-tnaqqis tal-Kunsill għal bosta programmi fl-oqsma tal-kultura, il-media, iċ-ċittadinanza, id-drittijiet fundamentali u s-saħħa pubblika b'total ta' EUR 24,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jikkunsidra li l-Kunsill qed jibgħat sinjal negattiv meta jnaqqas programmi kulturali sabiex jillibera l-fondi għall-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni; jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dan it-tnaqqis qed jiġi applikat b'mod arbitrarju u mingħajr ma jqis rati eċċellenti ta' implimentazzjoni; huwa tal-opinjoni li hemm ir-riskju li anke t-tnaqqis ta' natura żgħira jippreġudika l-ksib tal-eżiti tal-programmi u l-implimentazzjoni bla xkiel tal-azzjonijiet tal-Unjoni; għalhekk ireġġa' t-tnaqqis kollu lura għal-livell tal-AB ;

46.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għal għadd ta' azzjonijiet taħt il-programmi Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini, li ilhom wisq sottofinanzjati; jemmen b'mod qawwi li dawn il-programmi huma aktar rilevanti minn qatt qabel, f'termini kemm ta' għoti ta' spinta għall-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir kif ukoll għat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni attiva min-naħa taċ-ċittadini fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; mhux qed jirnexxielu jifhem kif il-Kunsill jista' jiġġustifika t-tnaqqis fil-finanzjament għall-impriżi żgħar u medji fis-setturi kulturali u kreattivi, meta l-Faċilità ta' Garanzija għas-Setturi Kulturali u Kreattivi, li l-finanzjament għaliha diġà ġie pospost, għadha kif appena tnediet f'Ġunju 2016 u tikkostitwixxi eżempju eċċellenti ta' soluzzjoni innovattiva għal nuqqas sinifikanti tas-suq billi tibni l-kapaċità u toffri protezzjoni kontra r-riskju tal-kreditu lill-intermedjarji finanzjarji li jagħtu self fis-setturi kulturali u kreattivi;

47.  Jirrileva li l-programmi tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza jippreżentaw valur miżjud Ewropew ċar, kif ukoll addizzjonalitajiet u sinerġiji għall-politiki ta' integrazzjoni għall-migranti u r-rifuġjati; jistieden għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirreaġixxu biż-żidiet xierqa fil-finanzjament ta' programmi ġestiti direttament, bħal Ewropa Kreattiva, kif ukoll fir-rigward tal-linji baġitarji rilevanti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment;

48.  Jinnota li jridu jiġu previsti l-garanziji baġitarji meħtieġa għall-attivitajiet preparatorji għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018;

49.  Ifakkar li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jirrappreżenta pedament għas-solidarjetà tal-Unjoni; jissottolinja li l-Unjoni tiżvolġi "rwol ta' faċilitatur" meta tappoġġa, tikkoordina jew tissupplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni tad-diżastri, kif ukoll fit-tħejjija u fir-rispons għalihom; jilqa' ż-żieda żgħira fl-impenji għal dan il-programm;

50.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja għal Fond tal-UE għat-Tiftix u s-Salvataġġ, intenzjonat biex ikopri l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ imwettqa mill-Istati Membri u kkoordinati fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-Mediterran; huwa tal-opinjoni li l-ħolqien ta' Fond iddedikat jikkostitwixxi soluzzjoni aktar adegwata minn dik taż-żieda kontinwa tal-baġits tal-Frontex jew tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li għadha kif inħolqot;

51.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja biex tappoġġa l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li hija strument li għadu kif inħoloq bl-intenzjoni li jinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni u li japprofondixxi d-demokrazija Ewropea; hu tal-opinjoni li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn kif propost fl-AB huwa baxx wisq; jiddeċiedi li jżid dik il-linja baġitarja;

52.  Jinnota li l-Kummissjoni qed tipproponi ammont ta' EUR 840 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn għal-linja baġitarja separata favur l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li nħolqot is-sena li għaddiet, u jindika l-bżonn ta' finanzjament suffiċjenti biex jippromwovi l-użu ta' dan l-istrument, peress li huwa għodda importanti tad-demokrazija parteċipattiva;

53.  Jilqa' ż-żieda fil-finanzjament għall-komunikazzjoni min-naħa tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, id-Djalogi taċ-Ċittadini u l-azzjonijiet ta' 'Sħubija' biex l-approprjazzjonijiet għall-2017 ġew jammontaw għal EUR 17,036 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 14,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li jikkonċernaw inizjattivi biex joħolqu kuntatt maċ-ċittadini Ewropej, jiksbu l-fiduċja tagħhom u jgħinuhom jifhmu l-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni;

54.  Jissottolinja l-bżonn li s-Segretarjat Komuni tar-Reġistru ta' Trasparenza jingħata l-mezzi amministrattivi u finanzjarji suffiċjenti u adegwati sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, b'segwitu għall-adozzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza;

55.  Jinnota li l-qari tiegħu (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) jissupera l-limitu massimu tal-Intestatura 3 b'EUR 71,28 miljun f'impenji, filwaqt li jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 857,7 miljun; jipproponi li, minħabba n-nuqqas ta' marġni diġà fil-livell tal-AB, dawn iż-żidiet jiġu ffinanzjati taħt il-limitu massimu, filwaqt li simultanjament ikun hemm mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għal għadd ta' partiti ta' nefqa essenzjali relatati mal-migrazzjoni;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

56.  Jinnota li, fid-dawl tal-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, l-azzjoni esterna tal-Unjoni qed taffaċċja dejjem aktar ħtiġijiet għal finanzjament li jissuperaw sew id-daqs attwali tal-Intestatura 4; jikkontesta b'qawwa għalhekk jekk il-limiti massimi tal-Intestatura 4 humiex suffiċjenti biex jipprovdu għal finanzjament xieraq għad-dimensjoni esterna tal-isfidi fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni; jiddeplora l-fatt li, sabiex tiffinanzja inizjattivi ġodda bħall-FRT, il-Kummissjoni fl-AB tagħha għażlet li tnaqqas minn programmi oħra bħall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi, jisħaq li jkun tajjeb li dan ma jsirx b'detriment għall-politiki f'oqsma oħrajn; jiddeċiedi għalhekk li jtaffi sostanzjalment ċaqliqa ta' riżorsi finanzjarji importanti minn żewġ strumenti li, fost affarijiet oħra, jindirizzaw il-kawżi li huma l-għeruq tal-flussi migratorji; ifakkar li l-objettiv primarju tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni jrid jibqa' t-tnaqqis tal-faqar; jiddispjaċih li l-approprjazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja u għat-taqsima għall-Mediterran tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat huma inqas minn dawk li ġew approvati fil-baġit 2016, minkejja r-rilevanza ovvja li għandhom fl-indirizzar tal-għadd kbir ta' sfidi esterni; jiddeplora t-tnaqqis inġustifikat li għamel il-Kunsill;

57.  Jiddeċiedi għalhekk li jreġġa' t-tnaqqis kollu tal-Kunsill fl-Intestatura 4 lura għal li kien; jiddeċiedi wkoll li jreġġa' l-livelli għal-linji tat-taqsima għall-Mediterran tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u għall-għajnuna umanitarja lura għal li kienu fl-2016; jiddeċiedi barra minn hekk li jtaffi t-tnaqqis li għamlet il-Kummissjoni fl-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi; jikkunsidra li huwa essenzjali li jinżamm r-rwol kruċjali tal-Unjoni u l-livell ta' appoġġ finanzjarju fis-sostenn għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Awtorità Palestinjana u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), kif ukoll għal-linji tat-taqsima għas-Sħubija tal-Lvant tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat; jissottolinja l-importanza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

58.  Jiddeċiedi li jżid l-assistenza makrofinanzjarja li tnaqqset b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-livell tal-2016; jemmen li se jkun hemm bżonn ta' livell ta' finanzjament ogħla minn dak propost biex jiġi żgurat li kull talba għal self fil-ġejjieni tkun tista' tiġi akkomodata;

59.  Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-FRT u jipproponi li tiġi kkonċentrata fl-2016 parti mill-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni ppjanata fl-2017 minħabba r-riżultati tajba miksuba fl-implimentazzjoni tagħha u l-marġnijiet estensivi li għad fadal disponibbli fil-baġit 2016; jappella għalhekk għal żieda ta' EUR 400 miljun għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) permezz ta' baġit emendatorju għall-2016 u għal mobilizzazzjoni konsegwenti tal-Marġini ta' Kontinġenza; iqiegħed l-istess ammont f'riżerva fil-baġit 2017, sakemm jintlaħaq ftehim komprensiv dwar finanzjament alternattiv għall-FRT, li kieku jtaffi l-pressjoni mingħajr preċedent li qed iġarrbu l-istrumenti l-oħra ta' finanzjament estern;

60.  Jinnota bi tħassib li, minkejja n-natura topika u d-daqs sinifikanti tagħhom, il-Fondi Fiduċjarji tal-UE, kif ukoll il-FRT, huma virtwalment inviżibbli fil-baġit tal-Unjoni; jappella biex dawn jiġu inkorporati b'mod li jkun aktar trasparenti u li jirrispetta aktar l-unità tal-baġit tal-Unjoni u tal-prerogattivi tal-awtorità baġitarja, u joħloq linji baġitarji ġodda għal dan l-għan; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi evidenza li l-użu tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Fiduċjarji ma jirriżultax fid-devjazzjoni ta' approprjazzjonijiet mill-objettivi skont il-bażijiet ġuridiċi inizjali tagħhom; jinnota li l-objettiv li jitqanqlu kontribuzzjonijiet nazzjonali apparti l-baġit tal-Unjoni s'issa huwa magħruf sew li falla; jirrileva f'dan ir-rigward il-fatt li, fl-appelli ġejjiena għal kontribuzzjoni baġitarja mill-UE għall-Fondi Fiduċjarji, il-Parlament mhux se jagħti l-qbil tiegħu sakemm ma jkunx ġie pprovdut ammont paragunabbli ta' kontribuzzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom malajr kemm jista' jkun;

61.  Jinnota li l-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni, li jkopri s-self li ma jitħallasx lura u l-garanziji fuq self mogħti lil Stati mhux membri jew għal proġetti fi Stati mhux membri, għandu, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar garanziji koperti mill-baġit ġenerali (COM(2016) 576 final), bżonnijiet finanzjarji addizzjonali sabiex jilħaq l-ammont intenzjonat, u dan konsegwentement wassal biex fl-AB iddaħħal proviżjonament ta' EUR 228,04 miljun. jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn ir-rekwiżiti jqiegħdu pressjoni addizzjonali fuq il-limiti massimi tal-Intestatura 4 li diġà huma stretti ħafna;

62.  Jilqa' l-proposti baġitarji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Qafas ġdid ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni u tal-Pjan ta' Investiment Estern; jesprimi t-tħassib tiegħu madankollu rigward il-ħolqien ta' "satelliti" ġodda potenzjali barra mill-baġit tal-Unjoni; itenni l-bżonn li jżomm skrutinju parlamentari sħiħ fuq il-baġit tal-Unjoni; jinsisti b'mod qawwi fuq ir-rispett tal-prinċipju tal-unità tal-baġit; jinsab konvint li jkun tajjeb li l-prijorità l-ġdida ma tiġix iffinanzjata b'detriment għall-proġetti eżistenti tal-Unjoni; jemmen li mobilizzazzjoni ta' flessibilità addizzjonali tkun tajba biex tipprovdi qafas ambizzjuż għall-promozzjoni tal-investiment fl-Afrika u l-Viċinat tal-UE li jkun mgħammar b'approprjazzjonijiet ġodda adegwati;

63.  Itenni t-talba tiegħu li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tiġi ttrasferita, b'mod li jkollu effett baġitarju newtrali, mill-baġit tal-PESK għall-baġit amministrattiv tas-SEAE sabiex l-attivitajiet diplomatiċi tal-Unjoni jiġu kkonsolidati ulterjorment;

64.  Iżid, b'riżultat ta' dan, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 4 b'EUR 497,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u b'EUR 495,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji u inkluż it-trasferiment tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għall-baġit tas-SEAE) aktar minn dak tal-AB;

65.  Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Komunità Turko-Ċiprijotta (+EUR 3 miljun) bl-iskop li jingħataw kontribut deċiżiv għall-kontinwazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, u appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Patrimonju Kulturali, biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

Intestatura 5 - L-amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u ta' sostenn għar-riċerka

66.  Jikkunsidra li t-tnaqqis tal-Kunsill huwa inġustifikat u dannuż, u għaldaqstant ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tan-nefqa amministrattiva kollha tal-Kummissjoni, inklużi n-nefqa amministrattiva u dik ta' sostenn għar-riċerka fl-Intestaturi 1 sa 4;

67.  Jiddeċiedi, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet riċenti u sabiex jikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jżomm 20 % tal-approprjazzjonijiet tal-Allowances Temporanji għall-ex Membri f'riżerva sa meta l-Kummissjoni tinforza Kodiċi ta' Kondotta aktar rigoruż għall-Kummissarji għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u l-fenomenu magħruf bħala "bibien iduru";

68.  Jikkunsidra li l-kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali hija għajn ta' effiċjenza peress li l-għarfien, il-kapaċitajiet u r-riżorsi żviluppati għal istituzzjoni jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn; jitlob għalhekk li tiġi stabbilita sistema li trażżan il-piżijiet amministrattivi sal-minimu meħtieġ, li tiżgura l-kwalità xierqa tas-servizzi, tipprovdi lill-istituzzjoni responsabbli ewlenija bil-mezzi baġitarji neċessarji, u tinċentivizza l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra billi tillimitalhom sehemhom sal-ispejjeż marġinali kkawżati mill-koperazzjoni, u għaldaqstant tallinja d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba fil-livell tal-istituzzjonijiet mal-ġestjoni finanzjarja kumplessivament tajba tal-baġit;

L-aġenziji

69.  Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; jinnota li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji; jikkunsidra, għaldaqstant, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri li jipproponi l-Kunsill kieku jippreġudika l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom;

70.  Jilqa' ż-żieda baġitarja tal-aġenziji tal-ĠAI li huma effiċjenti, speċjalment dawk involuti fil-migrazzjoni u s-sigurtà; jisħaq li dawn l-aġenziji jridu jingħataw biżżejjed riżorsi (inkluż biex jinvestu f'teknoloġiji ġodda) u persunal meta jiġu estiżi l-mandati tagħhom;

71.  Jikkunsidra, fil-kuntest tal-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà u mingħajr ma jinsa l-ħtieġa għal rispons Ewropew ikkoordinat, li wħud minn dawn iż-żidiet mhumiex suffiċjenti, u jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Unità ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

72.  Jisħaq li, filwaqt li jidher li r-riżorsi baġitarji u l-għadd ta' karigi għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huma adegwati għalissa, il-bżonnijiet futuri tal-aġenzija f'termini ta' riżorsi operattivi u persunal se jkollhom jiġu ssorveljati mill-qrib sabiex l-aġenzija ma taqax lura meta mqabbla mar-realtà;

73.  Jisħaq fid-dettall il-ħtieġa għal biżżejjed riżorsi umani u materjali għaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) u l-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet li għadhom kif ġew stabbiliti fi ħdan Europol, inkluż fir-rigward tal-ippjanar operattiv konġunt u l-valutazzjoni tat-theddid b'mod li jissaħħaħ approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità relatata mal-internet, it-terroriżmu u kriminalità serja ta' tip ieħor; jitlob finanzjament addizzjonali għall-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta;

74.  Ifakkar fit-titjib u l-interoperabilità ppjanati tas-sistemi ta' informazzjoni differenti fil-qasam tal-ĠAI mħabbra mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, tas-6 ta' April 2016, dwar il-qafas futur għal sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna; iħeġġeġ biex jiġi previst il-bżonn għar-riżorsi xierqa biex dawk is-soluzzjonijiet tekniċi jiġu implimentati malajr u b'mod effiċjenti;

75.  Jilqa' l-inklużjoni fil-baġit 2017 tar-riżorsi adegwati biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni fuq żmien twil ta' Frontex f'Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u t-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) f'aġenzija vera u proprja għall-asil; jisħaq li, filwaqt li jidher li r-riżorsi għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huma adegwati għalissa, il-bżonnijiet futuri tal-aġenzija f'termini ta' riżorsi operattivi u persunal se jkollhom jiġu ssorveljati mill-qrib sabiex l-aġenzija ma taqax lura meta mqabbla mar-realtà;

76.  Jiddeċiedi barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa li qed tiddeterjora, iż-żieda fl-għadd ta' dawk li qed ifittxu asil, u prinċipalment bl-intenzjoni li jsaħħaħlu l-mandat oltre l-proposta tal-Kummissjoni, li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit 2016 għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil;

77.  Itenni n-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-approċċ tal-Kummissjoni u tal-Kunsill rigward il-kompożizzjoni tal-persunal tal-aġenziji, u għaldaqstant qed jimmodifika għadd sostanzjali ta' pjanijiet ta' stabbiliment; jissottolinja għal darb'oħra li jkun tajjeb li kull aġenzija tnaqqas 5 % tal-karigi fuq 5 snin, kif miftiehem fil-FII, iżda li l-karigi l-ġodda meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti addizzjonali dovuti għall-iżviluppi ta' politiki ġodda u leġiżlazzjoni ġdida mill-2013 'l hawn iridu jiġu akkumpanjati minn riżorsi addizzjonali, u hemm bżonn li jingħaddu apparti l-objettiv tal-FII li jitnaqqas il-persunal; jenfasizza għal darb'oħra għalhekk l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett ta' riżerva għar-riassenjazzjoni ta' persunal fost l-aġenziji, iżda jafferma mill-ġdid id-disponibilità tiegħu li ċerti karigi jiġu lliberati billi jinkisbu gwadanni fl-effiċjenza bejn l-aġenziji permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva jew saħansitra permezz ta' fużjonijiet fejn ikun xieraq, u billi ċerti funzjonijiet jiġu akkomunati mal-Kummissjoni jew ma' aġenzija oħra;

78.  Jisħaq li jista' jiġi ffrankat ammont sostanzjali ta' riżorsi operattivi u ta' persunal kieku l-aġenziji li joperaw minn aktar minn sit wieħed (ENISA, eu-LISA, ERA) jillimitaw ruħhom għal sede waħda biss; huwa tal-opinjoni li tali bidla ssir fattibbli minħabba l-ħtiġijiet operattivi attwali ta' dawk l-aġenziji; jissottolinja l-fatt li, jekk l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tiċċaqlaq minn Londra u tiġi fuża għall-inqas ma' waħda miż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji l-oħra, jista' jiġi ffrankat ammont konsiderevoli mill-ispejjeż taż-żewġ aġenziji; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta f'dan ir-rigward;

Il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

79.  Jiddeċiedi, wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa fir-rigward tar-rata ta' suċċess ta' dawk attwali, u apparti l-inizjattivi diġà koperti mill-bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li jqis kompletament il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentabilità tal-proġetti, li jadotta pakkett ta' kompromess li jikkonsisti minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli u l-limiti massimi għall-PP-AP;

L-istrumenti speċjali

80.  Ifakkar fl-importanza tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza biex ikun hemm rispons rapidu għal rekwiżiti ta' għajnuna speċifika għal pajjiżi terzi minħabba avvenimenti imprevisti, u fl-appell preċedenti tiegħu għal żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tagħha, bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP; jinnota li l-fatt li din ġiet ikkunsmata malajr ħafna fl-2016, b'mod li x'aktarx jeżawrixxi kull possibilità ta' riport, huwa indikazzjoni li dan l-istrument speċjali se jirriżulta insuffiċjenti biex jindirizza l-ħtiġijiet addizzjonali kollha fl-2017; iżid għalhekk l-approprjazzjonijiet tagħha biex tintlaħaq allokazzjoni annwali ta' EUR 1 biljun, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni annwali tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

81.  Ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tar-riżervi għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea b'mod li tiġi ffaċilitata l-mobilizzazzjoni ta' dawn l-istrumenti speċjali;

Il-pagamenti

82.  Ileħħen it-tħassib tiegħu rigward it-tnaqqis importanti li ġarrbu l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-AB 2017 meta mqabbla ma' dawk tal-baġit 2016; jinnota li dan jiżvela dewmien fl-implimentazzjoni li, mhux talli huwa preokkupanti fir-rigward tar-realizzazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, iżda jinvolvi wkoll ir-riskju li jerġa' jiġi akkumulat arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jikkunsidra li jkun tajjeb li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP; jiddispjaċih barra minn hekk rigward it-tnaqqis tal-Kunsill fil-pagamenti, minkejja l-marġnijiet estensivi disponibbli taħt il-limiti massimi;

83.  Jisħaq li, fuq talba tal-Parlament, intlaħaq qbil dwar pjan ta' pagament bl-għan li l-arretrat tat-talbiet pendenti għal pagamenti relatati mal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 jitnaqqas għal livell "normali" ta' EUR 2 biljuni sa tmiem l-2016; jindika li tal-inqas EUR 8,2 biljun f'kontijiet mhux imħallsa ġew identifikati fl-aħħar tal-2015 għall-perjodu 2007-2013 fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, u huwa mistenni li din iċ-ċifra tinżel taħt EUR 2 biljun sa tmiem l-2016; jemmen li jkun tajjeb li pjan ta' pagament konġunt għall-perjodu 2016-2020 ikun vinkolanti, u jiġi żviluppat u miftiehem bejn it-tliet istituzzjonijiet; jinsisti li jkun tajjeb li tali pjan ta' pagament ġdid jiġi bbażat fuq ġestjoni finanzjarja tajba u jiddisponi għal strateġija ċara biex il-bżonnijiet kollha fir-rigward tal-pagamenti fl-intestaturi kollha jiġu ssodisfati sa tmiem il-QFP attwali, u biex jiġi evitat "arretrat moħbi" kkawżat minn tnaqqis artifiċjali fir-rata ta' implimentazzjoni ta' ċerti programmi pluriennali u miżuri oħra ta' mitigazzjoni, bħat-tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament;

84.  Jiddeċiedi li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-pagamenti fuq il-linji kollha li naqqas il-Kunsill u jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji kollha li ġew emendati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni

85.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-Qafas ta' Kontroll Intern Integrat(10), il-Parlament qabel mal-fehma li esprimiet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ma jagħmel l-ebda sens li dak li jkun jipprova jkejjel il-prestazzjoni mingħajr ma jkun ibbaġitja abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni(11), u jappella biex jiġi stabbilit mudell ta' bbaġitjar pubbliku abbażi tal-prestazzjoni fejn kull linja baġitarja tiġi assoċjata ma' objettivi u riżultati mistennija li jitkejlu permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni;

86.  Jilqa' d-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi dwar in-nefqiet operattivi mehmuża mal-AB, peress li huma risposta parzjali għat-talba li saret mill-Parlament rigward l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi; jinnota li tali dikjarazzjonijiet jikkomplementaw il-metodu tas-soltu ta' bbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet b'xi data relatata mal-prestazzjoni;

87.  Jinsisti li, bl-għan li jissemplifikaw l-istrumenti ta' ġestjoni interna tal-Kummissjoni, ikun tajjeb li d-Diretturi Ġenerali ma jiddevjawx mill-objettivi politiċi u l-indikaturi inklużi fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi dwar in-nefqiet operattivi meta jadottaw il-pjanijiet ta' ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività tagħhom, u li l-Kummissjoni tfassal ir-rapport ta' evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 318 tat-TFUE abbażi ta' dan;

Taqsimiet oħra

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

88.  Iżomm il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu għall-2017, kif adottat mill-plenarja fl-14 ta' April 2016, kif inhu f'ammont ta' EUR 1 900 873 000; jinkorpora l-aġġustamenti tekniċi ta' effett baġitarju newtrali biex fil-baġit jiġu riflessi d-deċiżjonijiet riċenti tiegħu, u jirrilaxxa r-riżerva fuq il-linja baġitarja għat-trasport ta' Membri, persuni u oġġetti;

89.  Japprova l-bidliet fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu u l-approprjazzjonijiet baġitarji korrispondenti bħala rispons għall-ħtiġijiet addizzjonali tal-gruppi politiċi; jikkompensa kompletament dawn iż-żidiet billi jnaqqas l-approprjazzjonijiet fir-riżerva ta' kontinġenza u l-linja baġitarja għas-sistemazzjoni fil-bini;

90.  Ifakkar fid-deċiżjoni politika tiegħu li jeżenta lill-gruppi politiċi mill-objettiv li jitnaqqas il-persunal b'5 %, kif issottolinja fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-baġits 2014(12), 2015(13) u 2016(14);

91.  Inaqqas 60 kariga mill-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu(15) għall-2017 (objettiv li jitnaqqas il-persunal b'1 %), bi qbil mal-ftehim tal-14 ta' Novembru 2015 li ntlaħaq mal-Kunsill rigward il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016; ifakkar li l-impatt baġitarju ta' din il-miżura diġà tqies fl-estimi;

92.  Inaqqas 20 kariga ulterjuri mill-pjan ta' stabbiliment tiegħu biex jirrifletti t-tmiem tat-trasferiment ta' karigi previst fil-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni; jisħaq li, peress li dawn il-karigi ma kinux ibbaġitjati, ma hemm bżonn li titnaqqas l-ebda approprjazzjoni min-naħa tal-Parlament;

93.  Jinkoraġġixxi lis-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaħdmu flimkien rigward l-arranġamenti ulterjuri possibbli biex il-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi jiġu kondiviżi bejn it-tliet istituzzjonijiet; jappella lis-Segretarji Ġenerali biex iwettqu wkoll studju dwar jekk jistgħux jinkisbu sinerġiji fil-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi anke bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

94.  Iżomm fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu għall-2017 il-35 kariga ġdida, kif mitlub fl-ABE 3/2016 għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-istituzzjonijiet; jeżenta dawn il-karigi mill-objettiv li jitnaqqas il-persunal b'5 % peress li jikkorrispondu għal attivitajiet ġodda għall-Parlament;

95.  Itenni li l-implimentazzjoni tal-objettiv li jitnaqqas il-persunal m'għandhiex tipperikola l-funzjonament tajjeb tal-Istituzzjoni u l-eżerċizzju mill-Parlament tas-setgħat ewlenin tiegħu, u lanqas ma għandha tvarja l-eċċellenza leġiżlattiva tiegħu jew il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri u l-persunal;

96.  Jikkonkludi, fid-dawl tad-diversi problemi affrontati fil-proċedura baġitarja interna ta' din is-sena, li huwa inevitabbli li l-Kapitolu 9, u l-partijiet rilevanti tal-kapitoli l-oħra tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, se jkollhom jiġu riveduti u aġġornati sabiex ikun jista' jiġi realizzat l-appell li għamel il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, jiġifieri li, "kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tiġi ppreżentata lill-Membri tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits f'kull stadju tal-proċedura b'mod f'waqtu u li jinftiehem u fil-livell meħtieġ ta' dettall u analiżijiet sabiex il-Bureau, il-Kumitat għall-Baġits u l-gruppi politiċi jkunu jistgħu jwettqu deliberazzjonijiet xierqa u jibbażaw id-deċiżjonijiet fuq stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament";

97.  Jirrikjedi, skont il-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, li waqt il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, għall-ewwel darba jintuża l-metodu li permezz tiegħu l-baġit tal-Parlament jiġi stabbilit abbażi tal-bżonnijiet attwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti;

98.  Ifakkar li l-amministrazzjoni impenjat ruħha li tippreżenta ppjanar baġitarju fuq żmien medju u twil, li jinkludi distinzjoni ċara bejn l-investimenti u n-nefqa operattiva relatata mal-funzjonament tal-istituzzjoni, inklużi l-obbligi statutorji vinkolanti; jistenna għalhekk li l-abbozz preliminari tal-estimi għall-2018 jiġi ppreżentat bl-istess format;

99.  Ifakkar li, skont l-istima tar-Rapport Fox-Häfner tal-2013(16), l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma bejn EUR 156 miljun u EUR 204 miljun u huma ekwivalenti għal 10 % tal-baġit tal-Parlament; jinnota li nstab li 78 % tal-missjonijiet kollha li jsiru mill-persunal uffiċjali tal-Parlament huma riżultat dirett tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament; jenfasizza li, skont ir-rapport, huwa stmat ukoll li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; itenni l-perċezzjoni pubblika negattiva li tikkawża din id-dispersjoni, u għaldaqstant, jappella għal pjan direzzjonali lejn sede waħda u tnaqqis fil-linji baġitarji rilevanti;

100.  Jiddispjaċih li, minkejja għadd ta' appelli mill-Kumitat għall-Baġits, l-istrateġija fuq żmien medju u fuq żmien twil rigward il-bini tal-Parlament mhijiex disponibbli biex tiġi ddeliberata b'mod informat fil-kumitat;

Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

101.  Jiddispjaċih li l-Kunsill żied ir-rata ta' tnaqqis standard minn 2,5 % għal 3,8 %, b'mod li tiġi ekwivalenti għal riduzzjoni ta' -EUR 3,4 miljun u tikkontradixxi r-rata estremament għolja ta' karigi okkupati fil-Qorti (98 % fi tmiem l-2015); jaġġusta mill-ġdid għalhekk ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell tal-AB sabiex il-Qorti tkun tista' twettaq il-missjoni tagħha fil-kuntest ta' żieda kontinwa fil-volum ta' kawżi ġudizzjarji;

102.  Jiddeċiedi, barra minn hekk, li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward ta' sitt partiti baġitarji li naqqas il-Kunsill fuq it-Titoli I u II tal-baġit tal-Qorti li kieku jkollhom impatt partikolarment qawwi fuq il-prijoritajiet tal-Qorti fl-oqsma lingwistiċi u tas-sigurtà;

103.  Jesprimi n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu rigward id-dikjarazzjoni unilaterali tal-Kunsill u l-appendiċi relatat dwar it-tnaqqis tal-persunal b'5 % fil-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-AB 2017, skont liema għad hemm bżonn li l-Qorti tnaqqas il-pjan ta' stabbiliment tagħha b'19-il kariga; jissottolinja l-fatt li dawn id-19-il kariga jikkorrispondu għat-12 u s-7 karigi konċessi kif dovut mill-Parlament u mill-Kunsill fil-proċeduri baġitarji tal-2015 u l-2016 rispettivament biex jindirizzaw bżonnijiet addizzjonali, u jinsisti għalhekk li ma jkunx tajjeb li dawn id-19-il kariga jingħataw lura, peress li l-Qorti diġà kisbet kif dovut ir-rekwiżit li tnaqqas il-persunal tagħha b'5 % billi eliminat 98 kariga matul il-perjodu 2013-2017; 

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

104.  Ireġġa' r-rata ta' tnaqqis standard lura għal-livell inizjali tagħha ta' 2,6 %, b'tali mod li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tissodisfa ħtiġijietha fir-rigward tal-pjan ta' stabbiliment;

105.  Ireġġa' lura għal li kienu ħames partiti baġitarji addizzjonali li naqqas il-Kunsill sabiex il-Qorti tal-Awdituri tkun tista' timplimenta l-programm ta' ħidma tagħha u tippreżenta r-Rapporti tal-Awditjar ippjanati;

106.  Ireġġa' l-AB parzjalment lura għal li kien fir-rigward ta' tliet partiti baġitarji bi qbil mal-proposti għall-iffrankar ta' riżorsi identifikati mill-Qorti tal-Awdituri nnifisha;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

107.  Ireġġa' r-rata ta' tnaqqis standard lura għal-livell inizjali tagħha ta' 4,5 %, b'tali mod li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun jista' jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u jaffronta t-tnaqqis kontinwu tal-persunal fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ta' Frar 2014;

108.  Jintegra mill-ġdid it-12-il kariga u l-approprjazzjonijiet relatati li l-Kummissjoni naqqset fl-AB bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq, biex b'hekk jiġi rifless l-għadd ta' karigi li effettivament ġew ittrasferiti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Parlament;

109.  Jiddeċiedi wkoll li jaġġusta l-partita rigward is-servizzi supplimentari għas-servizzi ta' traduzzjoni sal-livell stmat mill-istituzzjoni nnifisha, u b'hekk jikkumpensa parzjalment it-trasferiment ta' 36 kariga mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Parlament bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

110.  Jintegra mill-ġdid it-tmien karigi u l-approprjazzjonijiet relatati li l-Kummissjoni naqqset fl-AB bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq, biex b'hekk jiġi rifless l-għadd ta' karigi li effettivament ġew ittrasferiti mill-Kumitat tar-Reġjuni lill-Parlament;

111.  Jintegra mill-ġdid barra minn hekk l-approprjazzjonijiet li l-Kummissjoni naqqset fl-AB tagħha fir-rigward tal-ispejjeż tal-uffiċċju u l-allowances informatiċi tal-Membri tal-Kumitat lura għal-livell stmat mill-Kumitat sabiex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-ispejjeż tal-uffiċċju u l-allowances informatiċi tal-Membri tal-Kumitat tar-Reġjuni;

112.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis li sar għall-partita baġitarja "Sistemazzjoni fil-bini" mill-Kummissjoni fl-AB tagħha, u jiddeċiedi li jreġġa' l-partita lura għal-livell stmat mill-Kumitat innifsu biex iwieġeb għaż-żieda fil-bżonnijiet fil-qasam tas-sigurtà, iżomm il-bini f'kundizzjoni tajba u f'konformità mal-obbligi legali, u jtejjeb l-effiċjenza enerġetika;

113.  Jintegra mill-ġdid finalment l-approprjazzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-gruppi politiċi, li ġew riveduti 'l isfel mill-Kummissjoni fl-AB, sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-gruppi politiċi tal-Kumitat;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

114.  Jinnota li l-Kunsill naqqas l-AB tal-Ombudsman b'-EUR 195 000; jissottolinja li tali riduzzjoni kieku timponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Ombudsman, u li kieku jkollha impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi liċ-ċittadini Ewropej b'mod effikaċi; ireġġa' għaldaqstant il-linji baġitarji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu biex l-Ombudsman tkun tista' taqdi l-mandat u tonora l-impenji tagħha;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

115.  Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-AB tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data b'-EUR 395 000; jindika li dan jikkuntrasta drastikament mal-kompitu addizzjonali li l-Parlament u l-Kunsill taw lill-istituzzjoni u li kieku jipperikola l-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi lill-istituzzjonijiet Ewropej b'mod effikaċi; ireġġa' għaldaqstant il-linji baġitarji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu biex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun jista' jonora l-obbligi u l-impenji tiegħu;

Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

116.  Ireġġa' l-linji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu;

117.  Jiddeċiedi barra minn hekk li joħloq partita baġitarja għal Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2015, u li jagħti lis-SEAE l-persunal u l-għodda adegwati biex jaffronta l-isfida ta' diżinformazzjoni minn stati terzi u atturi mhux statali;

118.  Jilqa' l-impenji li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħadet bil-miktub biex tindirizza l-iżbilanċi eżistenti fil-kompożizzjoni tal-persunal tas-SEAE f'termini tas-sehem tad-diplomatiċi mill-Istati Membri u l-persunal uffiċjali tal-UE f'ċerti karigi u li tippreżenta rieżami tal-politika tas-SEAE dwar ir-riżorsi umani matul l-2017; jappella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tinforma lill-Parlament dwar il-passi li tkun ħadet sa mhux aktar tard mir-rebbiegħa 2017, qabel tibda l-proċedura baġitarja li jmiss;

o

o o

119.  Jinsab konvint li l-baġit tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi mhux biss il-konsegwenzi iżda anke l-kawżi li huma l-għeruq tal-kriżijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa; huwa tal-fehma, madankollu, li jkun tajjeb li l-avvenimenti imprevisti li d-dimensjoni tagħhom tolqot lill-Unjoni kollha kemm hi jiġu indirizzati billi jiġu akkomunati l-isforzi, u billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mezzi addizzjonali fil-livell tal-Unjoni minflok jiġu kkontestati l-impenji mgħoddija jew nerġgħu lura għall-illużjoni ta' soluzzjonijiet li jkunu purament nazzjonali; jisħaq, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet ta' flessibilità qegħdin hemm biex jippermettu tali rispons konġunt u rapidu, u jkun tajjeb li jintużaw kompletament biex jikkumpensaw għar-restrizzjonijiet stretti tal-limiti massimi tal-QFP;

120.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra ikkonċernati, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)

ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0080.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0132.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0309.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(10)

ĠU C 75, 26.2.2016, p. 100.

(11)

Kontribut minn Kersti Kaljulaid waqt is-seduta ta' smigħ dwar il-qafas ta' kontroll intern integrat organizzata mill-Kumitat CONT fit-22 ta' April 2013.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2013)0437.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2014)0036.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2015)0376.

(15)

Peress li ttieħdet deċiżjoni politika dwar l-esklużjoni tal-gruppi politiċi minn dan il-kalkolu, din ir-riduzzjoni qed tiġi applikata fil-parti tas-Segretarjat Ġenerali tal-pjan ta' stabbiliment.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2013)0498.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (8.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jieħu nota taż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn fl-Intestatura 4, iżda jqis li dan altru li mhuwiex biżżejjed fid-dawl tas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà attwali fil-viċinat tagħna u lil hinn minnu; iħeġġeġ sabiex l-Intestatura 4 tiżdied lil hinn mil-limitu massimu stipulat fil-QFP, bl-użu tal-mekkaniżmi ta' flessibilità eżistenti, billi dan huwa meħtieġ sabiex ikun hemm reazzjoni sostenibbli u effettiva għall-bosta sfidi ta' oriġini esterna li qed tiffaċċja l-UE, inkluża l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

2.  Jieħu nota tal-wegħdiet li għamlet l-UE fil-Konferenza ta' Londra dwar l-għoti ta' appoġġ lis-Sirja u fil-kuntest tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt ta' dawk il-wegħdiet fuq l-istrumenti ta' finanzjament estern u l-baġit għall-għajnuna umanitarja; filwaqt li jappoġġa dawk il-wegħdiet, jenfasizza li t-twettiq tagħhom m'għandux ikun b'detriment għal oqsma oħra ta' prijorità u politiki fuq perjodu twil; jitlob, b'mod partikolari, li jiżdied il-finanzjament tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li għandu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-istabilità fost il-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn it-Tuneżija, li hija storja ta' suċċess tat-tranżizzjoni demokratika fir-reġjun, iżda li tibqa' potenzjalment fraġli; ifakkar li l-ewwel objettiv tal-Politika Ewropea tal-Viċinat huwa t-tkabbir u l-impjiegi, speċjalment għall-gradwati żgħażagħ, u jappella sabiex ikun hemm aktar appoġġ tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-viċinat; iqis li huwa essenzjali li jinżamm ir-rwol ċentrali tal-UE fl-appoġġ għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat aktar appoġġ għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta' riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; ifakkar li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-proċess tat-tkabbir; jinnota li għall-ibbaġittjar tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) intuża approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni;

4.  Jenfasizza li, minħabba l-iżviluppi dinamiċi li qed iseħħu fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja fil-livell dinji, il-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tal-UE jeħtieġ li jissaħħu; jopponi bil-qawwa t-tnaqqis propost għall-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi, u jenfasizza li jkun żball strateġiku jekk jiddgħajjef l-istrument uniku tal-Unjoni għar-rispons, it-tħejjija għall-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti tirrappreżenta żball strateġiku; jenfasizza l-importanza li jingħataw biżżejjed fondi għall-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), biex jiġu ffinanzjati l-missjonijiet ċivili ta' ġestjoni tal-kriżijiet li jikkontribwixxu għall-bini tal-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja;

5.  Jieħu nota tal-proposta għal azzjoni preparatorja għar-riċerka dwar id-difiża, b'segwitu għal proġett pilota mibdi mill-Parlament Ewropew, li tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

6.  Jissottolinja l-importanza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż l-appoġġ tiegħu għall-osservazzjoni elettorali, filwaqt li jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma kruċjali għall-istabilità u l-prosperità fid-dinja; jilqa' ż-żieda fil-finanzjament tal-Istrument, li għandu jissaħħaħ aktar;

7.  Jappella biex isir aktar investiment fil-viżibilità tal-azzjoni esterna tal-UE sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-finanzjament f'dak il-qasam;

8.  Itenni t-talba tiegħu li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tiġi ttrasferita, b'mod newtrali għall-baġit, mill-baġit tal-PESK għall-baġit amministrattiv tas-SEAE sabiex l-attivitajiet diplomatiċi tal-UE jiġu kkonsolidati ulterjorment;

9.  Jenfasizza li l-programmi ta' skambju taż-żgħażagħ huma fost il-miżuri li l-aktar irnexxew biex jiżdiedu l-ħiliet interkulturali u jitrawmu l-fehim u l-konnettività bejn il-popli u l-pajjiżi; jiġbed għalhekk l-attenzjoni partikolarment lejn il-fondi li ta' kull sena jiġu trasferiti lejn il-programm Erasmus + mill-Istrumenti ENI, IPA2 u PI.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

6

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Elmar Brok, James Carver, Aymeric Chauprade, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Neena Gill, Takis Hadjigeorgiou, Liisa Jaakonsaari, Othmar Karas, Javi López, Igor Šoltes, Dubravka Šuica, Eleni Theocharous, Ernest Urtasun, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Ernest Maragall, Marian-Jean Marinescu, Antonio Tajani


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Nirj Deva

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja li l-Aġenda 2030 ambizzjuża u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli, partikolarment l-Għan nru 3 dwar is-saħħa, l-Għan nru 4 dwar l-edukazzjoni u l-Għan nru 5 dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ffirmaw f'Settembru 2015, jirrikjedu li l-għajnuna għall-iżvilupp iffinanzjata mill-baġit tal-UE tinżamm almenu fil-livell previst fil-QFP, filwaqt li tibqa' ffokata fuq l-isforzi fit-tul biex jinqered il-faqar, kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-mekkaniżmi ta' finanzjament u l-linji baġitarji jirriflettu l-impenji kollha meħuda fl-Aġenda 2030; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jerġgħu jimpenjaw ruħhom mill-aktar fis għall-għan ta' 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u jippreżentaw kalendarju għaż-żieda gradwali tal-ODA sa ma jilħaq l-għan ta' 0,7 % sal-2030;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti għal baġit tagħha jkun rifless bis-sħiħ l-impenn li ħadet l-Unjoni biex tikkollabora mas-settur privat u mal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, meta jkun xieraq; jevidenzja għaldaqstant il-potenzjal li jiġu mobilizzati riżorsi ġodda għall-iżvilupp permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati responsabbli mil-lat soċjali, finanzjamenti mħallta u soluzzjonijiet innovattivi oħrajn, fir-rispett tal-effikaċja tal-iżvilupp, tal-prinċipji marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u ta' approċċ orjentat lejn ir-riżultati f'termini ta' ekwità; jistenna bil-ħerqa l-proposti dettaljati dwar it-twaqqif ta' pjan ta' investiment għall-Afrika, li għandu jkun inċentrat fuq il-persuni u jikkonċentra fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-assistenza teknika, l-industrijalizzazzjoni, il-kummerċ u l-opportunitajiet ta' investiment, l-aċċess għall-enerġija u r-rekwiżiti infrastrutturali; jisħaq fuq ir-rwol importanti li l-Parlament jeħtieġ li jiżvolġi fis-sostenn u fil-monitoraġġ ta' dan il-pjan ta' investiment;

4.  Jappella għall-investimenti fil-proġetti li jsaħħu t-taħriġ immirat għall-professjonisti dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u mal-prattiċi dannużi, kif ukoll fi proġetti li jippromwovu l-involviment tal-komunitajiet, fid-dawl tal-fatt li l-2017 se tkun is-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa;

5.  Jinsisti fuq il-fatt li l-prijoritajiet u l-finanzjamenti jridu jirriflettu n-natura transkontinentali tal-kwistjonijiet tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tal-problemi tal-iżvilupp; iqis li l-finanzjamenti għall-proġetti, għaldaqstant, iridu jinvestu fl-impenn koerenti tal-UE biex taħdem fid-diversi kontinenti, bil-għan li l-impenn fid-dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru jissarraf f'azzjonijiet konkreti;

6.  Jenfasizza li minħabba l-gravità allarmanti tal-bżonnijiet umanitarji kkaġunati mill-kriżi Sirjana u minn kunflitti oħrajn mingħajr preċedenti hemm bżonn jiġu sfruttati sal-massimu possibbli tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP) u tal-Istrument ta' Flessibbiltà, filwaqt li jintuża wkoll il-marġni previst fl-ambitu tal-intestatura IV biex tkun indirizzata l-kriżi umanitarja; huwa mħasseb bil-fatt li l-għan tal-mekkaniżmi l-ġodda ta' finanzjament għall-fondi għall-iżvilupp mhuwiex ċar u jiddispjaċih bin-nuqqas ta' involviment min-naħa tal-Parlament Ewropew; ifakkar li huwa ferm kontra l-użu tal-fondi għall-iżvilupp għal għanijiet mhux relatati mal-iżvilupp; jistieden lill-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li torbot is-sigurtà mal-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika tagħha għall-iżvilupp; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-bżonn li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal-linji baġitarji relatati mal-għajnuna umanitarja;

7.  Huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' fondi speċjali jrid jirrispondi b'mod flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u jagħti valur miżjud awtentiku lill-għejun tal-finanzjament eżistenti, u li għal dan il-għan irid ikun mgħammar b'riżorsi finanzjarji ġodda; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu l-wegħdiet tagħhom u jħallsu l-ammonti mħabbra;

8.  Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi indirizzata r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u li jintlaħaq l-Għan nru 16 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp; ifakkar, madankollu, li l-finanzjamenti mhux kompatibbli mal-kriterji tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) iridu jittieħdu minn strumenti differenti mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

9.  Jiddispjaċih bit-tqaċċit li sar, meta mqabbel mal-baġit 2016, lil-linja tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp relatata mal-iżvilupp uman biex ikunu ffinanzjati l-prijoritajiet tal-politika tal-UE; iqis li dan imur kontra l-prinċipji fundamentali tal-effikaċja tal-iżvilupp u jitlob għalhekk li jerġgħu jkunu stabbiliti l-livelli tal-baġit 2016;

10.  Iqis bħala importantissmu l-indirizzar tal-kriżijiet umanitarji fit-tul, kif ukoll il-konċentrazzjoni fuq il-prevenzjoni, l-iżvilupp tar-reżiljenza u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati moltepliċi, bil-għan li jonqos id-distakk fil-finanzjament globali fl-azzjoni umanitarja; iqis li għandhom ikunu eżaminati s-sinerġiji possibbli bejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat, filwaqt li jkunu evitati fl-istess ħin l-interazzjonijiet negattivi, bħala kontributi għall-preparazzjoni, għall-prevenzjoni u għar-riżultati f'termini ta' reżiljenza;

11.  Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex iżżid l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat lokali fil-pajjiżi sħab u jagħmel appell biex l-allokazzjonijiet rispettivi jiddaħħlu mill-aktar fis possibbli fil-baġit għas-sena li jmiss, iżda mhux a skapitu tal-appoġġ ta' atturi oħrajn fil-qasam tal-iżvilupp , bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jevidenzja l-importanza li jitħeġġeġ kuntest li fih l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jistagħnew konformement mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, bis-saħħa tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet leġiżlattivi u ta' stat tad-dritt b'saħħtu, ta' sistemi u regolamentazzjoni sodi fis-settur bankarju, ta' sistemi tat-taxxa effikaċi kif ukoll ta' aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont;

12.  Jinsisti fuq il-fatt li l-baġit għall-iżvilupp għall-2017 irid jirrifletti b'mod aktar koerenti l-attenzjoni li l-Unjoni tagħti lill-istati fraġli, lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, lill-qgħad fost iż-żgħażagħ, u lin-nisa u l-bniet vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' prattiki dannużi, kif ukoll dawk f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt; iqis li, fid-dawl ta' dawn il-bżonnijiet u tal-impenn tal-UE li talloka almenu 20 % tal-ODA tagħha lis-servizzi soċjali bażiċi, speċifikament l-edukazzjoni u s-saħħa, it-tnaqqis tal-linji tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp relatati mal-iżvilupp uman mhuwiex xieraq;

13.  Jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti tal-approprjazzjonijiet iddedikati għal-linji marbuta mal-istrumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-Asja u għal-Lvant Nofsani, partikolarment fid-dawl tat-tensjoni u tal-instabbiltà, f'livell estern kif ukoll intern, li magħhom qegħdin iħabbtu wiċċhom pajjiżi bħall-Bangladesh, il-Pakistan, l-Iraq, il-Jemen, l-Etjopja u s-Somalja;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex joħolqu sistemi pubbliċi tassigurtà soċjali u tas-saħħa li jkunu ta' kwalità, sodi u reżiljenti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi aċċess aħjar għall-mediċini fil-pajjiżi foqra; itenni l-ħtieġa tal-investiment fil-mard ittraskurat; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tagħti segwitu lill-marda mill-virus Ebola;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament ta' adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u ta' azzjonijiet oħrajn dwar it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi terzi vulnerabbli jkun addizzjonali għall-finanzjament ta' azzjonijiet permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; dan il-finanzjament tal-klima għandu jservi biex ikunu onorati l-impenji finanzjarji tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima, iżda għandu jkun addizzjonali għall-finanzjament għall-iżvilupp, u ma għandux jitqies bħala parti minnu;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Manuel dos Santos, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (1.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Reimer Böge

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-Unjoni għandha aġenda għall-kummerċ dejjem aktar ambizzjuża, kif deskritta fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", li ssarfet f'żieda fl-ammont ta' xogħol għad-DĠ Kummerċ; jenfasizza l-bżonn għal sforzi ulterjuri biex jissaħħaħ il-monitoraġġ ex ante, interim u ex post (inkluż mis-soċjetà ċivili) tal-applikazzjoni u r-riperkussjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali li tiffirma l-Unjoni, kif ukoll il-ħtieġa għal komunikazzjoni u disseminazzjoni pubbliċi xierqa ta' informazzjoni dwarhom, biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi tal-Unjoni u tas-sħab kummerċjali tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi l-impatt negattiv tal-ftehimiet ippjanati CETA u TTIP fuq il-livell ta' riżorsi proprji; jenfasizza, madankollu, li l-iffinanzjar għall-inizjattivi Għajnuna għall-Kummerċ għandu jiżdied u għandhom jiġu allokati riżorsi suffiċjenti biex jiġi żgurat li d-DĠ Kummerċ ikollu l-persunal meħtieġ biex iwettaq l-għadd dejjem jikber ta' negozjati u attivitajiet ta' monitoraġġ simultanji;

2.  Jenfasizza l-bżonn urġenti ta' riorganizzazzjoni komprensiva tal-baġit tal-Unjoni u l-istruttura tiegħu fil-kuntest tar-rieżami tal-QFP u fir-rigward tal-aġenda tal-politika kummerċjali, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva fuq dan fil-konfront tal-Kunsill u tal-Parlament;

3.  Jinnota li ċ-ċittadini tal-Unjoni qed jitolbu dejjem aktar li jiġu involuti u impenjati ulterjorment fil-politika kummerċjali tal-Unjoni u li l-Kummissjoni għamlet dan l-interess taċ-ċittadini prijorità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li huwa kruċjali li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex iċ-ċittadini jiġu involuti b'mod attiv fit-tfassil tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, permezz ta' impenn attiv, laqgħat mal-partijiet interessati, inizjattivi ta' komunikazzjoni online u offline u t-traduzzjoni ta' skedi informattivi, testi ta' negozjar u dokumenti ta' pożizzjoni; jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem aktar attiv fl-ispjegar tal-valur miżjud tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, peress li huma stess jifformulaw il-mandati ta' negozjar, u li jallokaw biżżejjed riżorsi għal dan l-għan fil-baġits nazzjonali tagħhom;

4.  Jenfasizza li l-kummerċ internazzjonali jikkostitwixxi għodda importanti fi ħdan il-politika barranija tal-Unjoni li, jekk tiġi sostnuta bil-finanzjament meħtieġ u tiġi implimentata permezz ta' strateġiji politiċi, ekonomiċi, kummerċjali u ta' żvilupp koerenti, tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' tiżvolġi rwol attiv fl-indirizzar tal-kawżi tal-migrazzjoni;

5.  Jenfasizza li l-appoġġ tekniku u l-assistenza ekonomika relatati mal-kummerċ ipprovduti taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) lil sħab qrib tagħna fis-Sħubija tal-Lvant kif ukoll lill-pajjiżi li għaddew mir-Rebbiegħa Għarbija, jikkostitwixxu kontribut importanti għall-istabbiltà f'dawn ir-reġjuni; jesprimi għaldaqstant it-tħassib tiegħu għat-tnaqqis propost fil-finanzjament għall-assi tal-Mediterran kif ukoll fl-assitenza għall-Palestina u l-UNRWA; itenni li fil-pajjiżi sħab, l-għan għandu jkun, l-ewwel u qabel kollox, titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies ordinarji;

6.  Jiddeplora t-tnaqqis sinifikanti propost għall-assistenza makrofinanzjarja meta mqabbla mal-livell eċċezzjonalment għoli tagħha fl-2016, minħabba li bosta pajjiżi sħab għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi serji; jemmen li livell ogħla ta' finanzjament minn dak propost se jkun meħtieġ biex jiġi żgurat li talbiet futuri għal self ikunu jistgħu jiġu akkomodati; jenfasizza li s-self tal-assitenza makrofinanzjarja u l-kundizzjonijiet korrispondenti ta' ħlas lura m'għandhomx joħolqu dipendenza ġdida għall-pajjiżi benefiċjarji;

7.  Jesprimi tħassib dwar l-użu dejjem jiżdied tal-garanziji u ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-Unjoni biex iwieġbu għal kriżijiet multipli, iffinanzjati parzjalment mill-baġit tal-Unjoni permezz ta' tnaqqis mill-programmi taħt l-Intestatura IV; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri ma rnexxilhomx jipprovdu kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu ma' dawk tal-Unjoni li jillimita l-impatt potenzjali tagħhom; jinsisti li dawn l-istrumenti ta' finanzjament iridu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti tal-effettività tal-għajnuna, bħalma huma s-sjieda u l-allinjamenti, u jridu jibqgħu eċċezzjoni, peress li ma jirrikjedux konferma bil-quddiem mill-Parlament Ewropew u għaldaqstant għandhom nuqqas ta' leġittimità demokratika; itenni li dawn l-istrumenti għandhom eventwalment jiġu inklużi fil-baġit tal-Unjoni biex ikun jista' jkun hemm kontroll demokratiku adegwat;

8.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta proposta għal Pjan ta' Investiment Estern bħala parti mill-Qafas ta' Sħubija Ġdid dwar il-Migrazzjoni fil-ħarifa 2016; jemmen li l-Pjan ta' Investiment Estern se joffri opportunitajiet ġodda ta' investiment għan-negozji Ewropej fil-pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw u jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni politika u ekonomika sostenibbli fil-Viċinat Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-proposti li se jiġu ppreżentati mhumiex riflessi fl-abbozz tal-baġit ġenerali 2017; jenfasizza li l-ħolqien tal-fond il-ġdid m'għandux isir għad-detriment tal-programmi li diġà huma sottofinanzjati taħt l-Intestatura IV iżda li jagħmlu użu mill-fondi kif ukoll mill-għarfien espert u l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

9.  Jinnota ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u r-rinfurzar sinifikanti fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Istrument ta' Sħubija; jesprimi tħassib li ċerti proġetti ta' promozzjoni tal-kummerċ implimentati taħt dan l-istrument mhumiex kumplimentari għall-programmi lokali u reġjonali eżistenti iżda joħolqulhom kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u ttejjeb l-għodod eżistenti mmirati lejn il-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fir-rigward tal-koerenza tagħhom ma' strumenti oħra ta' appoġġ tal-SMEs, bħall-COSME, kif ukoll fir-rigward tas-sussidjarjetà, in-nonduplikazzjoni u l-kumplimentarjetà fir-rigward tal-programmi rispettivi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti f'waqthom għar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawn il-programmi bl-għan li jitjiebu l-effiċjenza u l-effettività tagħhom;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Karoline Graswander-Hainz, Yannick Jadot, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Edouard Ferrand, Seán Kelly, Stelios Kouloglou, Gabriel Mato, Georg Mayer, Bolesław G. Piecha, Jarosław Wałęsa


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (28.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Martina Dlabajová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, f'sitwazzjoni ta' riżorsi skarsi, għandha tingħata aktar importanza lill-ħtieġa li tiġi osservata d-dixxiplina baġitarja u li l-fondi jintużaw b'mod effiċjenti u effettiv;

B.  billi l-objettiv prinċipali tal-abbozz tal-baġit 2017 se jkun dak li jiżgura li l-baġit tal-Unjoni jingħata l-mezzi meħtieġa biex iwettaq b'mod sħiħ il-kontribut imsaħħaħ tiegħu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u s-solidarjetà u biex jirreaġixxi għall-isfidi kontinwi u l-iżviluppi ġodda, u l-impatt tagħhom fir-rigward id-dewmien fl-irkupru ekonomiku u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, kif ukoll l-immigrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà;

C.  billi hemm bżonn ta' reviżjoni fundamentali tat-tassazzjoni fil-livell tal-Unjoni u għandhom jiġu stabbiliti riżorsa jew riżorsi proprji ġodda fil-veru sens tal-frażi sabiex jiġu finanzjati l-prijoritajiet tal-Unjoni (Proġetti ta' Investiment, Orizzont 2020, eċċ);

D.  billi d-djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE għandu jistimula kultura orjentata lejn il-prestazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, inklużi aktar trasparenza u responsabbiltà msaħħa;

Dikjarazzjoni tan-nefqa operattiva li takkumpanja l-baġit 2017

1.  Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-Qafas ta' Kontroll Intern Integrat(1), il-Parlament qabel mal-fehma espressa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li ma jagħmilx sens li tipprova tkejjel il-prestazzjoni mingħajr ma jkun sar ibbaġittjar fuq il-bażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni(2), u jappella biex jiġi stabbilit mudell ta' bbaġittjar pubbliku bbażat fuq il-prestazzjoni li fih kull linja tal-baġit tkun akkumpanjata minn objettivi u riżultati li għandhom jitkejlu permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq operazzjonali tal-programmi mehmuża mal-abbozz tal-baġit 2017 peress li dawn iwieġbu parzjalment għat-talba li saret mill-Parlament dwar l-għanijiet, il-miri u l-indikaturi; jinnota li tali dikjarazzjonijiet jikkomplementaw il-metodu normali ta' bbaġitjar ibbażat fuq l-attività b'xi data dwar il-prestazzjoni;

3.  Jinsisti li, bħala fergħa tal-awtorità baġitarja, il-Parlament huwa intitolat li jesprimi opinjonijiet dwar l-għanijiet u l-indikaturi msemmija hawn fuq u l-konformità tagħhom mal-prijoritajiet tal-Unjoni kif stipulati fit-Trattati, u dokumenti strateġiċi bħal Ewropa 2020, u li qabel ma jiġi adottat il-baġit, il-Parlament għandu jeżamina l-valur miżjud Ewropew ta' kull linja baġitarja;

4.  Jinsisti li, bl-għan li jiġu ssimplifikati l-istrumenti tal-ġestjoni interna tal-Kummissjoni, id-Diretturi Ġenerali għandhom jaderixxu mal-għanijiet politiċi u mal-indikaturi li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq operazzjonali tal-programmi meta jadottaw il-pjanijiet ta' ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività u li l-Kummissjoni għandha tfassal ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-Artikolu 318 tat-TFUE tagħha fuq din il-bażi;

5.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-pagamenti, billi l-livelli tal-impenji pendenti għadhom għoljin ħafna u jmorru kontra l-ispirtu tat-Trattati, li jitlob baġit ibbilanċjat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri idaħħlu rigorożità fuq l-għażla tal-prijoritajiet għall-finanzjament u jabbandunaw dawk il-proġetti li m'għandhomx valur miżjud ċar;

Rieżami ta' nofs it-terminu

6.  Huwa tal-opinjoni li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP, li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2016, huwa l-ewwel u l-aqwa opportunità biex jiġu indirizzati b'mod strutturali għadd ta' kriżijiet serji u l-livell għoli ta' impenji pendenti, biex jittieħed kont ta' inizjattivi politiċi ġodda li ma kinux antiċipati fiż-żmien li ġie adottat il-QFP, biex tiġi vvalutata u analizzata l-effikaċja tal-programmi diġà ffinanzjati, u biex jiġi indirizzat il-livell għoli tal-impenji pendenti; Jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet xierqa biex: (i) jiġu aġġornati l-politiki settorjali ffinanzjati mill-Unjoni; (ii) isir progress tanġibbli fil-proċess ta' simplifikazzjoni tal-kontenut u tal-proċedura relatata mal-utilizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; (iii) u biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji huma mmirati sew biex iġibu l-aħjar riżultati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex jiġi rivedut il-QFP sabiex jiġu rranġati l-konsegwenzi baġitarji rispettivi kollha, inklużi, fost l-oħrajn, l-impenji pendenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti komunikazzjoni lill-Parlament fil-ħin għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP bi proposti dwar kif fil-ġejjieni se jiġu rrikonċiljati l-objettivi politiċi fit-tul bħal Ewropa 2020 mal-QFP wara l-2020;

Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri

8.  Jinnota li l-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri kkonfermati u imposti mill-Kummissjoni fuq l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw sistemi b'saħħithom ammontaw għal EUR 3 499 miljun fl-2015, ammont li huwa anqas minn dak tal-2014 (meta kien jammonta għal EUR 4 728 miljun); jitlob lill-Kummissjoni tindika b'mod ċar x'ammonti rkuprati fl-2015 ġew irreġistrati bħala dħul fil-kontijiet tal-Unjoni jew ġew kumpensati, flimkien mal-linja baġitarja minn fejn oriġinaw, u l-punt safejn il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri deċiżi fl-2016 jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti ta' pagament għall-baġit tal-2017;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-irkupri, b'mod partikolari għas-sena li fiha jsir il-pagament, is-sena li fiha jiġi identifikat l-iżball relatat, u s-sena li fiha jidhru l-irkupri jew il-korrezzjonijiet finanzjarji fin-noti tal-kontijiet;

Il-politiki settorjali

10.  Huwa tal-fehma li l-aġġustament tal-politika settorjali fi żmien ir-rieżami ta' nofs it-terminu għandu jitqies bħala pass preliminari għal riforma reali tal-QFP wara l-2020 taħt regoli u prinċipji ġodda li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet mistennija tal-Unjoni fit-tielet deċennju tas-seklu 21; jitlob lill-Kummissjoni taġġusta l-baġit tal-Unjoni f'dak li hu ffokar aktar qawwi fuq il-prijoritajiet bażiċi tal-Unjoni kif aġġornati, inkluż li jinstabu sinerġiji fosthom;

11.  Ifakkar li "Sfidi tas-Soċjetà 6" tal-programm Orizzont 2020 (l-Ewropa f'dinja li qed tinbidel — Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi) u, b'mod partikolari, il-kontribut tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi f'din l-isfida, kienu ta' prijorità għall-Parlament, introdotta minn dan tal-aħħar waqt l-iżvilupp ta' Orizzont 2020; ifakkar fl-importanza ta' dan il-komponent fl-oqsma fejn l-Unjoni qed tiffaċċja sfidi partikolari, bħalma huma l-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar, ir-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu, l-appoġġ għall-migranti, il-governanza ekonomika u monetarja, u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza; jinsab imħasseb, għaldaqstant, li matul il-fażi ta' implimentazzjoni tal-programm, ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi ġew żgradati permezz tat-telf tat-tmexxija ddedikata tagħhom u t-tnaqqis ta' 40 % fl-approprjazzjonijiet ta' impenn tagħhom fi żmien meta kien hemm żieda fil-pakkett globali ta' Orizzont 2020 taħt il-QFP 2014-20202;

12.  Jenfasizza li r-rata ta' suċċess wara l-ewwel 100 sejħa ta' Orizzont 2020 jilħqu l-14 % (meta mqabbla mal-20 % tal-baġit kumplessiv FP7); ifakkar li 20 % biss tal-baġit immirat għall-SMEs ġie allokat (kontribuzzjoni ta' 5 % mill-istrument tal-SMEs), 38 % tal-kandidati li għaddew kienu ġodda u ftit li xejn jimxu mill-1 għat-2 fażi; dan iwassal għall-konklużjoni li t-tieni u t-tielet fażi, li jappoġġaw studju tal-fattibilità biex isiru innovazzjoni reali u għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tagħhom, jitilfu parti mill-potenzjal tagħhom; barra minn dan, ir-rwol tal-SMEs għandu jissaħħaħ;

13.  Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali għadhom lura ħafna meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom tal-Punent u tat-Tramuntana fir-rata ta' suċċess tagħhom u fis-sehem ta' finanzjament; jappella għal aktar assistenza teknika fejn meħtieġa u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jirrakkomanda wkoll sinerġija sempliċi u komprensibbli bejn Orizzont 2020 u l-FSIE/il-FEIS;

14.  Ifakkar li l-baġit tal-Unjoni għandu jservi ta' skattatur importanti fit-tħaffif ta' attivitajiet ta' investiment fuq terminu medju u twil, anke biex jiġġieled kontra l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u problemi soċjali ġodda għalkollox; jinnota li l-baġit tal-Unjoni jista' jagħti appoġġ aktar qawwi lill-investimenti f'oqsma li jikkontribwixxu għal Unjoni aktar koeżiva u anqas vulnerabbli għal xokkijiet esterni, bħalma huma l-proġetti ewlenin fl-enerġija, il-mobilità, it-teknoloġija tal-informatika, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp, li għandhom ukoll aspetti u implikazzjonijiet soċjali li jridu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti;

15.  Jistieden lill-awtorità baġitarja tenfasizza l-isforzi tal-Unjoni biex tipprevjeni u tiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħha; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-assistenza teknika xierqa lill-Istati Membri u tistimola l-iskambju ta' prattiki tajba bħala miżuri ta' prevenzjoni kontra l-irregolaritajiet u l-iżbalji meta jintużaw fondi tal-UE, u jinsab imħasseb, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni pproponiet li jiġu allokati mill-ġdid riżorsi minn din l-assistenza teknika għal attivitajiet ta' natura kompletament differenti;

Simplifikazzjoni u trasparenza

16.  Jenfasizza li l-prattika attwali u riċenti turi ħtieġa kbira li jiġi ssimplifikat ulterjorment il-proċess li bih jintużaw u jiġu aċċessati mill-utenti l-fondi tal-Unjoni; huwa tal-fehma li aktar ma r-regoli jkunu sempliċi u uniformi, anqas ikun hemm potenzjal għal żbalji mhux intenzjonati u ommissjonijiet, u aktar ma jkunu ċari u awtorevoli dawn ir-regoli, anqas ikun hemm spazju għal attivitajiet kriminali u illegali madwar il-proċess; jinnota li aktar ma jkun sempliċi u trasparenti il-proċess, anqas ikun hemm potenzjal għal allokazzjoni u ridistribuzzjoni ħżiena tal-fondi tal-Unjoni;

17.  Is-simplifikazzjoni tal-proċess ta' aċċess għall-finanzjament mill-Unjoni u ż-żieda fit-trasparenza jirriżultaw f'adozzjoni b'effetti viżibbli u pożittivi fl-Istati Membri;

18.  Jinnota li r-regolamentazzjoni żejda u bla bżonn huma ostakli ewlenin għall-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u għall-entitajiet ta' awditjar rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż amministrattiv u l-pressjoni għall-benefiċjarji, eż. permezz ta' strateġija unika ta' awditjar; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-pass kajman li bih qed jiġu adottati s-simplifikazzjonijiet mill-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali f'dan ir-rigward;

19.  Jindika li trasparenza sħiħa tiżgura li l-fondi jintużaw skont ir-regoli; jesprimi tħassib dwar it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħlijiet maġġuri finanzjati mill-UE, speċjalment fejn tidħol data dwar is-sottokuntratturi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistemi li joffru trasparenza akbar, li testendi wkoll għal fondi biex jibdew ikopru pajjiżi barra mill-Unjoni;

Valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni

20.  Jisħaq li huwa kruċjali li tiddaħħal kultura orjentata lejn ir-riżultati fil-qalba tal-infiq tal-Unjoni; jenfasizza li l-valutazzjoni dwar il-prestazzjoni u r-riżultati għandha ssir, fejn xieraq, prinċipju ewlieni; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Baġit iffokat fuq ir-riżultati" bħala l-ewwel pass lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw l-aktar użu effiċjenti ta' riżorsi finanzjarji skarsi, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta' proġett li jiffoka fuq il-kwantità ta' kriterji bħal dawk tal-RAL u l-RAC lejn il-kriterji ta' kwalità bħalma huma r-riżultati, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud;

Strumenti finanzjarji

21.  Jinnota li l-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja (FEI), jekk implimentati b'mod immirat, għal tipoloġija ta' proġetti xierqa u għal għan raġonevoli, jistgħu jservu ta'għodda għall-allokazzjoni effettiva tal-fondi tal-Unjoni bil-potenzjal li jiġu jiffurmaw parti mill-aħjar prattika komuni fl-allokazzjoni tal-infiq tal-baġit fil-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza fl-użu tal-FEI, tirrapporta regolarment dwar l-ingranaġġ, it-telf u r-riskji, u tippreżenta analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-FEI meta mqabbla ma' forom aktar diretti ta' finanzjament tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta sistemi ta' monitoraġġ effikaċi biex tanalizza d-domanda għal strumenti finanzjarji fl-Istati Membri, sabiex tiġi evitata kapitalizzazzjoni żejda, li timpenja fondi mingħajr ma tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, kif identifikat mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 5/2015;

22.  Jinnota bi tħassib li ċ-ċifri ta' implimentazzjoni tal-FEIS juru li l-maġġoranza tal-investimenti huma kkonċentrati fl-aqwa ħames ekonomiji tal-Unjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche, Richard Sulík

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Edouard Ferrand

(1)

  ĠU C 75, 26.2.2016, p. 100.

(2)

  Kontribut minn Kersti Kaljulaid waqt is-seduta dwar il-qafas ta' kontroll intern integrat organizzata mill-kumitat CONT fit-22 ta' April 2013.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047((BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Markus Ferber

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jitlob li l-abbozz ta' baġit għall-2017 jirrifletti u jappoġġja l-prioritajiet imniżżla fis-Semestru Ewropew u, speċifikament it-tnedija mill-ġdid tal-investimenti, b'mod partikolari għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkomplija ta' riformi strutturali sostenibbli biex jiġu mmodernizzati l-ekonomiji Ewropej, it-twettiq ta' politiki fiskali responsabbli, u ż-żieda tal-kompetittività, biex b'hekk jiġu promossi wkoll it-tkabbir u l-kompetittività tal-SMEs;

2.  Jinnota bi tħassib partikolari, f'dan ir-rigward, il-livelli dejjem għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, minkejja li l-Unjoni reġgħet bdiet tirreġistra tkabbir ekonomiku modest;

3.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament mis-settur privat u ta' sorsi ġodda ta' finanzjament f'investimenti kruċjali għall-kompetittività u l-irkupru ekonomiku tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati investimenti ġodda f'konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), b'mod partikolari l-addizzjonalità, is-sostenibbiltà u l-koeżjoni territorjali u soċjali;

4.  Iqis li huwa essenzjali li tingħata spinta lill-investiment pubbliku sabiex tinżamm u tissaħħaħ il-kwalità tas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-pubbliku, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku;

Il-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili fil-qasam tas-servizzi finanzjarji

5.  Jinnota li, wara ħames snin, l-entitajiet li jibbenefikaw minn finanzjament għall-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għadhom dipendenti fuq il-finanzjament tal-UE, fejn l-għotjiet tal-UE jirrappreżentaw b'mod konsistenti aktar minn 50 % tal-baġits rispettivi tagħhom; jenfasizza li dawn l-entitajiet għandhom ikomplu jagħtu prova tal-valur miżjud tagħhom billi jiksbu livell ogħla ta' awtofinanzjament; jinnota li teżisti rata ta' kofinanzjament ogħla minn 50 % għall-finanzjament ta' diversi rappreżentanti mhux industrijali; jirrimarka li l-proposta tal-Kummissjoni li tkompli l-arranġamenti ta' finanzjament għall-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili għandha tiġi adottata qabel tmiem is-sena sabiex il-finanzjament ma jiġix interrott;

6.  Jitlob li jitkompla l-investiment fil-fondi strutturali fir-reġjuni kollha, inkluż fiż-żoni ta' tranżizzjoni, sabiex ma jkunx hemm interruzzjonijiet fl-effetti tal-miżuri u l-isforzi diġà implimentati;

L-ASE u s-superviżjoni

7.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol preżenti u futur tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) fir-rigward tas-superviżjoni finanzjarja u bankarja fil-livell tal-Unjoni, l-unjoni tas-swieq kapitali, il-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja, il-ħolqien ta' ġabra unika ta' regoli fis-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra, u l-valutazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u l-unjoni bankarja; jenfasizza li l-abbozz tal-baġit għall-2017 għandu jipprevedi riżorsi suffiċjenti biex l-ASE jaqdu l-mandat tagħhom; Jenfasizza l-ħtieġa li l-ASE jkunu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom biżżejjed membri tal-persunal biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti assenjati lilhom; jiġbed l-attenzjoni li għandhom jiġu allokati riżorsi suffiċjenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi;

8.  Jirrimarka, madankollu, li fil-każ tal-EBA, għandhom jiġu previsti riżorsi suffiċjenti fil-baġit għall-2017 u f'kull abbozz ta' baġit futur biex titħejja rilokazzjoni 'l bogħod minn Londra, u din ir-rilokazzjoni għandha sseħħ meta r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jtemmu n-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jirtira mill-Unjoni Ewropea;

9.  Jenfasizza li l-ASE jridu jżommu rigorożament mal-kompiti assenjati lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni u m'għandhomx ifittxu li jwessgħu de facto l-mandat tagħhom lil hinn minn dawk il-kompiti;

10.  Jenfasizza li fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji, partikolarment fir-rigward tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT), hemm bżonn urġenti ta' akkumulazzjoni ta' għarfien espert tekniku sabiex ikun hemm kapaċità akbar ta' reazzjoni rapida għall-isfidi li jista' jkun hemm; jappoġġja espressament, għaldaqstant, il-finanzjament ta' task force orizzontali dwar id-DLT;

Kwistjonijiet ta' taxxa u Fiscalis 2020

11.  Jirrimarka li, fid-dawl tar-reviżjonijiet leġiżlattivi fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam fiskali bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, il-bażi legali għall-programm Fiscalis 2020 jista' jkollha bżonn li tiġi riveduta sabiex dawk il-bidliet jiġu riflessi kif xieraq u biex il-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jiġu miġġielda.

12.  Jappoġġja t-tkomplija tal-proġett pilota dwar il-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp programmatiku u l-komunikazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-evażjoni, l-evitar u l-frodi tat-taxxa, li tnieda fl-2016.

13.  Jiddeplora l-fatt li l-Eurostat ma jipprovdix data aġġornata dwar l-indikaturi ta' Ewropa 2020 minkejja d-diversi tfakkiriet tal-Parlament; jikkritika l-fatt li għad hemm marġni sinifikanti ta' titjib li jista' jsir fil-faċilità tal-użu tas-sit web tal-Eurostat; jistieden lill-Eurostat jagħmel titjib f'dan ir-rigward u jiżgura li l-objettivi kollha tal-Programm Statistiku Ewropew fil-fatt jitwettqu.

L-EFRAG

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli r-riforma tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), b'mod partikolari fir-rigward tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħu, u b'hekk issaħħaħ ukoll l-influwenza tal-Unjoni fid-definizzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

7

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Barbara Kappel, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Matt Carthy, David Coburn, Mady Delvaux, Ramón Jáuregui Atondo, Syed Kamall, Thomas Mann, Siegfried Mureşan, Eva Paunova, Joachim Starbatty, Tibor Szanyi, Antonio Tajani, Romana Tomc, Miguel Urbán Crespo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ernest Maragall

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (2.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Giovanni La Via

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u ta' saħħa fl-Unjoni huwa prekundizzjoni għall-prosperità ekonomika, u li s-sigurtà u l-mekkaniżmi tal-ikel u tal-għalf biex jipproteġu kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem huma ta' valur ewlieni għaċ-ċittadini Ewropej kollha, u, għaldaqstant, għall-Parlament Ewropew;

2.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-politiki, il-miżuri u l-proġetti favur l-ambjent u l-klima bħala opportunità biex itejbu s-saħħa pubblika u jippromwovu t-tkabbir;

3.  Jindika l-importanza kruċjali ta' investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni f'diversi oqsma li huma fil-qasam ta' responsabbiltà tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, u jenfasizza li huwa essenzjali li l-abbozz ta' baġit 2017 jirrifletti b'mod xieraq il-prijorità ta' tali investimenti; jindika li t-tkabbir sostenibbli u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fl-Unjoni huma wieħed mill-vantaġġi kompetittivi ewlenin li l-UE għandha fis-swieq globalizzati;

4.  Jirrikonoxxi li parti sostanzjali tal-abbozz ta' baġit għall-2017 (speċjalment l-Intestatura 3) għandha tkun iddedikata għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa, speċjalment biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tas-sigurtà; jirrimarka, madankollu, li l-valur miżjud Ewropew sostanzjali tal-politiki u tal-istrumenti ta' finanzjament li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel għandu jittieħed kont tiegħu mill-awtoritajiet baġitarji meta jiddeċiedu dwar l-abbozz tal-baġit għall-2017 u jħeġġeġ lill-Kunsill, b'mod partikolari, joqgħod lura milli jagħmel xi tnaqqis fir-rigward tal-politiki u l-istrumenti ta' finanzjament fil-mandat ta' dan il-Kumitat li wrew biċ-ċar li għandhom valur miżjud tal-Unjoni;

5.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi milħuq f'Diċembru 2015 u jissottolinja li l-baġit tal-Unjoni għandu jappoġġa t-twettiq tal-għanijiet ta' dan il-Ftehim kif ukoll il-miri fit-tul tal-Unjoni għall-klima; ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jeħtieġ li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u żvilupp reżistenti għall-klima; jenfasizza l-impenn tal-pajjiżi żviluppati biex jimmobilizzaw il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għal pajjiżi li qed jiżviluppaw minn sorsi pubbliċi u privati u jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament prevedibbli, ġdid u addizzjonali kontra t-tibdil fil-klima skont dak il-Ftehim; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni sħiħa dwar il-konsegwenzi tal-Ftehim ta' Pariġi għall-baġit tal-Unjoni fi żmien debitu biex ikun jista' jiġi kkunsidrat għal reviżjoni, u biex tiżviluppa mekkaniżmu ta' finanzjament tal-Unjoni, iddedikat u awtomatiku, li jagħti appoġġ addizzjonali u adegwat lill-Unjoni biex tikkontribwixxi b'mod ġust għall-għan finanzjarju internazzjonali ta' USD 100 biljun għall-klima;

6.  jissottolinja li r-reviżjoni tal-QFP toħloq opportunità eċċellenti biex jiġi żgurat li tintlaħaq il-mira ta' 20 % ta' nfiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima; jinnota li l-integrazzjoni tal-klima fil-metodoloġija tal-Kummissjoni tindika li 19,2 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn totali proposti fl-abbozz tal-baġit għall-2017 huma marbuta mal-klima, meta mqabbla ma' 20,8 % fl-2016; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mekkaniżmu ta' mainstreaming għall-azzjoni klimatika jkun kompletament operattiv u li l-metodu attwali ta' traċċar ta' tali nfiq jittejjeb;

7.  Ifakkar, barra minn hekk, li l-Unjoni hija impenjata wkoll li timplimenta l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u jissottolinja li għandha tiddedika biżżejjed riżorsi biex tissodisfa l-impenji tagħha f'dak ir-rigward; jinnota, f'dan ir-rigward, li 8,2 % tal-approprjazzjonijiet totali ta' impenn proposti fl-abbozz tal-baġit għall-2017 huma ddedikati biex titwaqqaf ix-xejra ta' tnaqqis fil-bijodiversità, meta mqabbla ma' 9 % fl-2016; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjegazzjoni ulterjuri għal dak li jidher li hu tnaqqis kemm fin-nefqa relatata mal-bijodiversità u kif ukoll dik marbuta mal-klima bħala proporzjon tal-baġit totali;

8.  Ifakkar fil-valur miżjud tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-ambjent Ewropew, u jitlob għalhekk li jiġu allokati biżżejjed riżorsi fil-baġit tal-2017 biex tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tal-bijodiversità; ifakkar għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats li jiżguraw livell ta' finanzjament adegwat għall-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa biex l-ispeċijiet u l-ħabitats fis-siti Natura 2000 jerġgħu jinġiebu għal status ta' konservazzjoni favorevoli;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-politiki kollha tal-Unjoni u jqis li t-trasparenza tal-infiq tal-Istati Membri fuq il-protezzjoni tan-natura u l-konservazzjoni tal-bijodiversità hi ugwalment importanti għall-konsistenza u l-koerenza tan-nefqa tal-Unjoni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni ma jinkludux sussidji li jkunu ta' ħsara għall-klima, ma jikkonsolidawx fl-infrastruttura tal-karburanti fossili, bħalma huma s-sussidji fuq il-karburanti fossili, ma jappoġġawx attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità, u li ma jagħmlux ħsara lill-ekosistemi; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tintroduċi metodu effikaċi ta' traċċar tal-infiq fuq il-bijodiversità fil-baġit tal-Unjoni;

LIFE

11.  Ifakkar li LIFE huwa l-istrument finanzjarju tal-UE li jappoġġa l-konservazzjoni ambjentali u naturali u l-proġetti ta' azzjoni klimatika madwar l-Unjoni;

12.  Ifakkar, b'mod partikolari, li l-azzjoni klimatika hija prijorità ewlenija u transsettorjali, kif stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-Aġenda tal-Kummissjoni dwar "l-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku" u jenfasizza li s-sottoprogramm speċifiku għall-azzjoni klimatika taħt il-programm LIFE jappoġġa r-rwol tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni ewlenija (inkluż l-iżvilupp tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet), u jwitti t-triq għal tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju sal-2050; ifakkar li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għandu jkun relatat mal-klima, b'kontribuzzjonijiet minn politiki differenti;

13.  Jiddispjaċih, madankollu f'dan il-kuntest u filwaqt li jilqa' ż-żieda ta' EUR 30,9 miljun f'impenji fl-Abbozz tal-Baġit għall-2017 fil-baġit ta' LIFE, li għal darb'oħra din is-sena, il-programm LIFE, b'finanzjament totali ta' EUR 493,7 miljun, jikkostitwixxi biss sehem ta' 0,3 % mill-abbozz sħiħ tal-Baġit 2017;

14.  Jissottolinja l-problemi preċedenti li rriżultaw min-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programm LIFE, li se jimpedixxu u jtawlu l-implimentazzjoni xierqa tiegħu;

15.  Jilqa' s-sistema ta' rintraċċar fil-livell ta' proġett għall-programm LIFE stabbilita mill-Kummissjoni; jinnota li informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-proġetti ilha tinġabar mill-2015 u se tintuża għall-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u aggregata fil-livell tal-programm; jirrikonoxxi li s-sistema ta' traċċar mistennija li tkun kompletament operazzjonali għat-tieni programm ta' ħidma pluriennali LIFE 2017-2020;

Is-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni ċivili

16.  Jieħu nota tal-EUR 64,5 miljun f'impenji (+3,8 % meta mqabbla mal-2016) u s-EUR 57,7 miljun fi ħlasijiet (-17,8 % meta mqabbla mal-2016) proposti għas-saħħa skont l-abbozz tal-baġit għall-2017; jiddispjaċih li dan jirrappreżenta, bħal fi snin preċedenti, sehem ta' 0,04 % biss f'impenji fl-abbozz tal-baġit għall-2017, u sehem ta' 1,5 % biss tal-Intestatura 3 (f'impenji) u ma jirriflettix bis-sħiħ l-importanza tas-saħħa bħala valur fiha nnifisha u bħala prerekwiżit għall-promozzjoni tat-tkabbir;

17.  Jilqa' l-fatt li azzjoni konġunta dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa għandha tibda fl-2016 u għandha tikkontribwixxi direttament għall-objettiv tal-Kummissjoni li jintlaħaq "suq intern aktar profond u ġust b'bażi industrijali msaħħa"; jirrikonoxxi li, finanzjarjament, din hija l-akbar azzjoni li qatt ġiet kofinanzjata mill-programm tas-saħħa b'EUR 12-il miljun għall-kofinanzjament;

18.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha l-ogħla standards għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja; jieħu nota tal-proposti ta' EUR 256,2 miljun f'impenji (+1,3 % meta mqabbla mal-2016) u EUR 234,5 miljun fi ħlasijiet (-3,1 %) għall-ikel u l-għalf skont l-abbozz tal-baġit għall-2017; jiddispjaċih li dan jirrappreżenta sehem ta' 0,16 % biss f'impenji fl-abbozz tal-baġit għall-2017, u sehem ta' 6 % biss tal-Intestatura 3 u li ma jirriflettix bis-sħiħ l-importanza tas-saħħa tal-ikel u l-għalf fl-Unjoni; jissottolinja li l-attivitajiet marbutin mal-iżgurar ta' kontrolli effikaċi, effiċjenti u affidabbli, kif ukoll il-finanzjament ta' miżuri ta' emerġenza marbuta mas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti sofrew tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 10,4 % u 11,1 % rispettivament, meta mqabbla mal-2016; iqis li dan it-tnaqqis għandu l-potenzjal li jdgħajjef l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-inċidenza ta' mard tal-annimali u tal-pjanti u l-implimentazzjoni ta' kontrolli uffiċjali effettivi fil-qasam;

19.  Ifakkar li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huwa pedament tas-solidarjetà tal-Unjoni; jissottolinja li l-Unjoni għandha "rwol ta' faċilitatur" biex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni tad-diżastri kif ukoll fit-tħejjija u fir-rispons għalihom; jilqa' ż-żieda żgħira fl-impenji għal dan il-programm;

Aġenziji deċentralizzati

20.  Ifakkar fir-rwol prinċipali tal-aġenziji deċentralizzati fit-twettiq ta' kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali li jgħinu b'mod sostanzjali l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħmlu u jimplimentaw il-politiki; ifakkar, barra minn hekk, fil-kompiti importanti ħafna tal-aġenziji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (l-EEA, l-ECHA, l-ECDC, l-EFSA, l-EMA) u l-importanza kbira ta' kooperazzjoni msaħħa bejniethom sabiex iwettqu dawn l-azzjonijiet, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li huwa importanti ħafna li dawn l-aġenziji jirċievu riżorsi umani u finanzjarji adegwati, u jqisu kif xieraq valutazzjoni każ b'każ tal-ħtiġijiet rispettivi għal kull aġenzija; jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar il-fatt li t-tnaqqis tal-persunal tal-EEA (-3 postijiet), l-ECHA (-5 postijiet), l-ECDC (-4 postijiet), l-EFSA (-7 postijiet) u EMA (-6 postijiet), jista' jkollu impatt negattiv fuq il-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li għal aġenziji ffinanzjati bil-ħlasijiet, postijiet tal-organigramma li huma meħtieġa biex jappoġġaw it-twettiq ta' kompiti ffinanzjati mill-miżati għandhom jiġu kkunsidrati separatament, filwaqt li jirrikonoxxu li dawn ikunu mmexxija mid-domanda u ma jpoġġux piż addizzjonali fuq il-baġit tal-Unjoni;

21.  Jinnota, fir-rigward tal-aġenziji li jaqilgħu l-flus permezz tal-miżati, li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni baqgħet stabbli jew qed tonqos; ifakkar li dħul minn miżati mill-industrija jista' jkun suxxettibbli għal ċaqliq fis-suq u li d-dipendenza fuq sorsi oħra ta' dħul għalhekk tintroduċi element ta' imprevedibbiltà fl-istruttura ta' finanzjament tal-aġenziji; jenfasizza kemm id-diffikultà li ssir previżjoni preċiża tal-ammont tal-miżati li jridu jinġabru - li twassal għal nuqqas possibbli meta mqabbla mal-previżjoni ta' dħul minn tariffa u l-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' finanzjament meħtieġ lil dawk l-aġenziji; jitlob li jitqies il-marġini ta' prudenza ta' 5 % fl-istimi tal-ħlasijiet lill-ECHA;

22.  Ifakkar li fid-dawl tal-pubblikazzjoni, fil-15 ta' Ġunju 2016, ta' żewġ abbozzi ta' atti leġiżlattivi, li jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, il-Kummissjoni talbet l-aġenziji rilevanti biex immedjatament jibdew xogħol preparatorju biex iħaffu l-proċess ladarba l-kriterji jkunu fis-seħħ; jenfasizza, għalhekk, li huwa essenzjali li riżorsi umani u finanzjarji adegwati jkunu għad-dispożizzjoni tal-EFSA u tal-ECHA;

23.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li jistgħu jirriżultaw spejjeż mhux ippjanati għall-EMA fl-2017, jew wara, bħala konsegwenza tar-risposta negattiva mogħtija mill-poplu Britanniku fir-referendum ta' Ġunju 2016 dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa' membru tal-Unjoni jew le (l-hekk imsejjaħ Brexit) u għaldaqstant, jidher prudenti li l-EMA tiġi permessa li tuża kwalunkwe rendiment baġitarju pożittiv possibbli tal-2016 fis-snin li ġejjin; jinnota wkoll li l-EMA matul l-2017 jaf ikun jeħtiġilha tfittex l-appoġġ tal-awtorità baġitarja biex tagħmel aktar fondi baġitarji disponibbli sabiex jiġu sodisfatti dawk l-ispejjeż eċċezzjonali;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

24.  Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji huma għodod ta' valur importanti biex jagħtu bidu għal attivitajiet u pjanijiet ġodda; itenni li, fil-passat, diversi ideat tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel ġew implimentati b'suċċess bħala proġetti pilota/azzjonijiet preparatorji; jenfasizza li l-ambitu għal proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji ġodda naqas minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli, u n-nuqqas ta' marġini taħt l-Intestatura 3; iqis, għaldaqstant, li huwa probabbli li dan il-kumitat għandu jagħmel użu kawt minn dawn l-istrumenti fl-2017;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Seb Dance, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Paul Brannen, Caterina Chinnici, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Martin Häusling, Ulrike Müller, Alojz Peterle, Bart Staes, Tom Vandenkendelaere, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson, Gabriel Mato, Anthea McIntyre, Martina Werner


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Liisa Jaakonsaari

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li r-responsabbiltà tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) fil-proċedura tal-baġit tkopri l-linji baġitarji fit-titoli 2 (Suq intern, industrija, intraprenditorija u SMEs), 14 (Tassazzjoni u unjoni doganali) u 33 (Ġustizzja u konsumaturi);

2.  Ifakkar li suq uniku msaħħaħ u li jiffunzjona sew huwa fundamentali biex l-Unjoni tkun kapaċi tassorbi x-xokkijiet; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni jrid jappoġġa t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u għal Suq Uniku Diġitali li jkun inklużiv, aċċessibbli, varjat u kompetittiv;

3.  Jissottolinja l-importanza ta' politika tal-konsumatur b'saħħitha li ssaħħaħ is-sikurezza u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u jadatta d-drittijiet tal-konsumatur għall-bidliet soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi, bħal pereżempju l-big data u l-internet tal-oġġetti, l-ekonomija ċirkolari, l-hekk imsejħa ekonomija kollaborattiva u l-kummerċ elettroniku; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-awtonomizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumatur, kif ukoll is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq fis-suq intern, inkluż is-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza li l-isfidi ġodda għall-politika tal-konsumatur għandhom jiġu indirizzati permezz ta' allokazzjoni baġitarja xierqa;

4.  Jilqa' l-fatt li, fil-proċedura baġitarja tal-2017, il-biċċa l-kbira tal-prijoritajiet ewlenin tal-Kumitat IMCO fl-oqsma tas-suq uniku, l-unjoni doganali u l-ħarsien tal-konsumatur ġew ikkunsidrati kif xieraq b'livelli adegwati ta' approprjazzjonijiet allokati;

5.  Jilqa' l-approprjazzjonijiet għall-Programm COSME, li huwa strument ewlieni għall-appoġġ tal-intraprenditorija u l-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi, bħala prijorità;

6.  Jinsab imħasseb, madankollu, dwar it-tnaqqis fil-linja baġitarja 02 02 02 tal-COSME ("Titjib tal-aċċess għal finanzjament għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-forma ta' ekwità u dejn"), billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex isibu l-finanzjament xieraq; jemmen li qafas finanzjarju effiċjenti, inklużi d-disponibbiltà miżjuda ta' kapital ta' riskju u l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir", se jippromwovi r-riċerka, l-innovazzjoni, l-adozzjoni ta' mudelli ta' negozju bbażati fuq l-ekonomija ċirkolari, u t-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u mikrointrapriżi, u dan min-naħa tiegħu se jgħin biex tiżdied il-kompetittività, jiġi appoġġat it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għan-Netwerk Enterprise Europe fl-2017 sabiex jiġi aġevolat it-tkabbir tal-SMEs u sabiex dawn jiġu megħjuna jegħlbu l-isfidi marbuta mal-aċċess għas-suq uniku kif ukoll għas-suq globali;

8.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi ffinanzjata l-għodda multilingwi għall-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR); jenfasizza li sistemi tal-ODR li jiffunzjonaw tajjeb jistgħu jinkoraġġixxu l-fiduċja tal-konsumatur u jsaħħu l-kummerċ elettroniku transkonfinali;

9.  Jilqa' l-allokazzjoni ta' fondi għall-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali, li tappoġġa l-implimentazzjoni f'waqtha tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-iżvilupp tas-sistemi doganali elettroniċi, li jirriżultaw f'għodod effikaċi għall-ġlieda kontra l-frodi u jiggarantixxu kemm il-ħarsien tal-konsumatur kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta; jiddispjaċih, madankollu, għall-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-allokazzjoni għal-linja baġitarja 14 02 01 "Sostenn għall-funzjonament u l-immodernizzar tal-unjoni doganali", li tista' tqiegħed f'riskju l-finanzjament adegwat għal għodod kruċjali ta' mmodernizzar għall-Unjoni Doganali;

10.  Jappoġġa l-kontinwazzjoni tal-finanzjament tal-Forum tas-Suq Uniku, li huwa strumentali fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet tas-suq aħjar għall-kumpaniji Ewropej, u għandu l-ħsieb li jissorvelja s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jiżgura li din tkun iffinanzjata b'mod xieraq permezz tal-linja baġitarja 02 02 01;

11.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni għas-suq uniku, li tiżgura l-interoperabbiltà tal-prodotti u s-servizzi u ttejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji; jissottolinja li l-istandards għandhom jiġu stabbiliti b'mod orjentat mis-suq, miftuħ u inklużiv, bl-involviment tal-konsumaturi u tal-partijiet interessati, sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati faċilment mill-SMEs; jilqa' l-kontinwazzjoni tal-appoġġ baġitarju fl-2017 li jiggarantixxi s-sostenibbiltà finanzjarja u l-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet ta' standardizzazzjoni mwettqa mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI);

12.  Jirrikonoxxi l-allokazzjoni ta' finanzjament għall-għodod ta' governanza tas-suq intern, inkluż is-SOLVIT; ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni tal-għodod eżistenti għall-SMEs sabiex tiġi ssimplifikata l-espansjoni transkonfinali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar enfasi fuq is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodotti u l-Punti Uniċi ta' Kuntatt; jemmen li jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex ikun żgurat li dawn l-għodod jiffunzjonaw tajjeb flimkien, bil-ħsieb li jitkabbar kemm jista' jkun il-valur miżjud tar-riżorsi allokati; iħeġġeġ l-inizjattiva għal Portal Diġitali Uniku;

13.  Jappella għall-finanzjament ta' proġetti pilota ġodda bit-titolu "Żvilupp dinamiku tal-kummerċ elettroniku transkonfinali permezz ta' soluzzjonijiet effiċjenti ta' twassil tal-pakketti" biex tinġabar informazzjoni dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tat-twassil tal-pakketti, u bit-titolu "Inizjattiva għall-Bini ta' Sensibilizzazzjoni Algoritmika", li għandu l-għan li jżid it-trasparenza algoritmika, irawwem is-sensibilizzazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tad-demokraziji tagħna u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali, u bit-titolu "Applikazzjoni ta' rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-web fl-għodod tal-awtur tal-web u pjattaformi b'mod awtomatiku" (Aċċess għall-Web b'Mod Awtomatiku) maħsub biex jinkoraġġixxi u jappoġġa l-adozzjoni ta' rekwiżiti ta' aċċessibbiltà tal-Istandard Ewropew.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

5.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Lara Comi, Daniel Dalton, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Margot Parker, Eva Paunova, Marcus Pretzell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Birgit Collin-Langen, Filiz Hyusmenova, Emma McClarkin, Julia Reda, Marc Tarabella, Josef Weidenholzer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, Judith Sargentini, Michaela Šojdrová


OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (1.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Isabella De Monte

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-infrastrutturi tat-trasport, inklużi l-infrastrutturi transfruntiera, huma fundamentali għal-libertà ta' moviment ta' persuni, oġġetti u servizzi li fuqhom huwa msejjes is-Suq Uniku, u li din il-libertà ta' moviment hija kemm katalizzatur qawwi għall-integrazzjoni tal-UE, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli fl-UE kif ukoll fattur essenzjali fil-prestazzjoni tal-kummerċ Ewropew u l-industrija, filwaqt li fl-istess ħin jiġu mħarsa l-klima, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja; huwa tal-fehma li l-infrastrutturi tat-trasport għandhom jissodisfaw ċerti kriterji ta' kwalità, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' sikurezza u protezzjoni tal-konsumatur;

2.  Jissottolinja li l-politika tat-trasport tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport, hija waħda mill-politiki l-aktar ambizzjużi u ta' suċċess tal-Unjoni; jinnota li t-TEN-T għandu rwol fundamentali fl-iskambji kummerċjali fi ħdan l-Unjoni u mal-pajjiżi ġirien, u jikkontribwixxi għall-prosperità taċ-ċittadini tagħha; ifakkar, għaldaqstant, fl-importanza ta' finanzjament adegwat għat-tlestija ta' konnessjonijiet nieqsa u transfruntiera, b'mod partikolari konnessjonijiet bil-ferrovija reġjonali abbandunati jew żarmati, u għat-tneħħija ta' punti ta' konġestjoni fit-TEN-T; jenfasizza l-importanza li n-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-Unjoni, inklużi reġjuni remoti, muntanjużi u dawk insulari, u li jiġu solvuti problemi bħan-nuqqas ta' infrastruttura xierqa, aċċessibilità u interoperabilità baxxa bejn il-partijiet ċentrali u tal-Lvant, u l-partijiet tal-Punent tal-Unjoni;

3.  Jiddeplora t-tnaqqis sinifikanti fil-baġit sabiex jitneħħew il-punti ta' konġestjoni, l-interoperabilità ferrovjarja u l-bini ta' kollegamenti neqsin, sistemi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti, u l-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tal-mezzi tat-trasport, u jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza kruċjali li l-baġit għal dawn l-oqsma jerġa' jiġi kif kien;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tinkludi konnessjonijiet ferrovjarji neqsin fis-sejħiet għall-proposti tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi sostenn konsultattiv lill-promoturi tal-proġett u lill-awtoritajiet kompetenti biex tiżgura li huma jressqu proposti ta' kwalità għolja; iqis li l-konnessjonijiet transfruntiera nieqsa li jirrappreżentaw valur miżjud Ewropew sinifikanti f'termini ta' impjiegi, turiżmu u sostenibilità u li jikkollegaw żoni li kienu storikament marbuta bil-ferrovija għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u sorsi ta' finanzjament oħra ad hoc;

5.  Jinnota li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) għadu ma wassalx għar-riżultati mistennija fir-rigward tal-infrastrutturi tat-trasport; jenfasizza, għalhekk, bħala prijorità ewlenija għall-baġit 2017, il-bżonn li l-krediti tas-CEF, li reġgħu ġew allokati biex jinħoloq l-EFSI, jerġgħu jiġu kif kienu; il-fond ta' garanzija; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jiġi żgurat, malajr kemm jista' jkun, baġit suffiċjenti sabiex minnufih jingħata bidu għal sejħa għal proposti, meta wieħed iżomm f'moħħu li l-proġetti CEF huma proġetti fuq perjodu twil mirfuxa fuq bosta snin;

6.  Jilqa' s-suċċess ġenerali tas-CEF u jitlob lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' prijorità, tagħti bidu għat-tielet sejħa għal proposti bil-baġit li fadal għas-CEF, sabiex tippjana ulterjorment l-impenji li fadal;

7.  Jinnota l-applikazzjoni massiva għall-proġetti, li qabżet il-limiti, u l-għadd kbir ta' proġetti ta' kwalità għolja, li ġew miċħuda fl-2015-2014 minħabba baġit insuffiċjenti tal-Unjoni u jinnota li riżorsi addizzjonali minbarra dawk li jirriżultaw mill-irkupru ta' fondi riallokati jistgħu jiġu assorbiti;

8.  Ifakkar li l-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(1) (Ftehim Interistituzzjonali) jipprevedi flessibilità ta' 10 % biex jiżdied il-baġit tas-CEF fil-proċeduri baġitarji annwali; jistieden lill-Kummissjoni żżid, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali, il-pakkett totali tas-CEF, inkluża żieda fil-pakkett ta' koeżjoni tas-CEF;

9.  Jinnota li hemm żewġ oqsma ewlenin tal-politika tat-trasport relatati mill-qrib mal-iżvilupp tal-infrastruttura, jiġifieri l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-promozzjoni tal-Awtostradi tal-Baħar u l-passaġġi fuq ilmijiet interni li għandhom l-għan li jtaffu l-piż minn fuq il-kurituri tat-trasport fuq l-art u li jistgħu jikkostitwixxu l-fergħa tagħhom fuq l-ilmijiet; jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali għas-sostenibilità tat-trasport fl-Unjoni li t-traffiku ta' merkanzija u passiġġieri jiġi trasferit mit-toroq għall-ferroviji u l-mezzi ta' trasport marittimu u tal-ilmijiet interni; jissottolinja, għalhekk, l-importanza kruċjali li l-iżvilupp tal-ERTMS u l-promozzjoni tal-Awtostradi tal-Baħar u l-ilmijiet interni jiġu ffinanzjati b'mod adegwat;

10.  Iqis li l-ottimizzazzjoni tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tal-modi tat-trasport u l-konnessjonijiet intermodali, flimkien mal-iżvilupp ta' kurituri tal-merkanzija, jirrappreżentaw elementi essenzjali biex il-merkanzija tiġi ttrasferita mit-triq għall-ferrovija u biex titjieb is-sostenibilità tal-ferrovija;

11.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-raba' pakkett ferrovjarju; jissottolinja r-rwol akbar li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea jista' jkollha f'termini ta' ċertifikazzjoni u żvilupp tal-infrastruttura u jenfasizza li l-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi baġitarji xierqa għal dak l-għan; jinsisti li hemm bżonn ta' sforzi kontinwi favur ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju u jitlob, f'dan il-kuntest, finanzjament adegwat għall-Impriża Konġunta Shift2Rail, l-introduzzjoni mill-ġdid ta' konnessjonijiet reġjonali transfruntiera u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja;

12.  Jilqa' l-ewwel sejħiet għal proposti għall-inizjattiva konġunta Shift2Rail; jistieden lill-korp governattiv, u lill-Kummissjoni b'mod partikolari, biex jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tagħhom biex jagħmlu tajjeb għaż-żmien mitluf, filwaqt li jistabbilixxu l-inizjattiva u, barra minn hekk, jagħmlu enfasi partikolari fuq is-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ewlenin tal-interoperabilità fin-netwerk ferrovjarju Ewropew;

13.  Jissottolinja li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) jipprevedi t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA); jenfasizza l-importanza li jiġi allokat finanzjament adegwat lill-EASA biex jiġi żgurat suċċess fl-użu ta' dawn ir-responsabilitajiet ġodda;

14.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-EASA diġà naqqset 5 % tal-postijiet tul ħames snin, kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali; iqis, għalhekk, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri propost mill-Kunsill jista' jipperikola l-funzjonament xieraq tal-EASA u jista' jxekkel lill-EASA milli tissodisfa l-kompiti diġà assenjati u dawk li se jiġu assenjati mill-awtorità leġiżlattiva; jenfasizza wkoll li l-postijiet ġodda tal-EASA li huma meħtieġa, minħabba żviluppi ġodda ta' politika u leġiżlazzjoni ġdida, sabiex jitwettqu kompiti addizzjonali ma għandhomx jiġu kkunsidrati barra minn kwalunkwe intenzjoni ta' tnaqqis;

15.  Jenfasizza li l-postijiet tal-EASA (inklużi l-pensjonijiet relatati) li huma kompletament iffinanzjati mill-industrija u għalhekk ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għal tnaqqis fil-persunal, inkluż il-Ftehim lnteristituzzjonali;

16.  Jenfasizza li dan għandu jitħalla fid-diskrezzjoni tal-EASA sabiex jiżdied in-numru ta' postijiet li huma totalment iffinanzjati mill-industrija matul is-sena finanzjarja skont l-ammont ta' xogħol varjabbli, jiġifieri, id-domandi tal-industrija; jenfasizza li, għal dan l-iskop, l-awtorità baġitarja, b'żieda man-numru ta' postijiet iffinanzjati minn tariffi u imposti li diġà huma awtorizzati permezz tal-adozzjoni tal-baġit tal-EASA, għandha tindika wkoll il-perċentwal addizzjonali (sa limitu massima ta' 10 %) ta' postijiet li jistgħu jiġu permessi mill-Bord tat-Tmexxija tal-EASA dwar proposta tal-EASA biex ikun hemm rispons għal evoluzzjoni mhux prevista tad-domanda tas-suq; jenfasizza wkoll li d-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni dokumentata tal-ammont ta' xogħol mhux previst u l-kriterji ta' effiċjenza;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament preċiż għall-implimentazzjoni tal-komponenti tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru (ATM) tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) sabiex jiġi żgurat l-użu tal-funzjonalitajiet tal-ATM li huma meqjusa essenzjali għat-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema tal-ATM tal-Unjoni;

18.  Ifakkar fl-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-rifuġjati u tal-migranti u l-kontribut li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) tista' tagħti lil din is-sitwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni; jinnota li l-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima twessa' biex tittejjeb il-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament adegwat biex jiġi żgurat l-aqwa użu tal-aktar teknoloġija avvanzata, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, f'konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali, u taħriġ tal-persunal;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-miri stabbiliti minn COP 21 fir-rigward tat-trasport sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jenfasizza li għandhom ikunu disponibbli mezzi finanzjarji biex tiġi żgurata bidla modali mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija kif ukoll fuq l-ilma u l-passaġġi tal-ilma interni sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jinvestu fi trasport pubbliku aċċessibbli intelliġenti, sostenibbli u integrat; jirrakkomanda wkoll li tingħata attenzjoni biex jitnaqqas l-istorbju fit-trasport sabiex iċ-ċittadini jingħataw ambjent ta' kwalità għolja; barra minn hekk, jinsisti fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż esterni kkawżati mit-trasport, u b'hekk jitnaqqas il-piż fuq il-baġits pubbliċi futuri;

20.  Jissottolinja li l-ġestjoni effiċjenti tal-loġistika ambjentali mal-firxa tal-mezzi kollha tat-trasport fl-Unjoni tista' tikkontribwixxi bil-kbir għad-dekonġestjoni tat-traffiku u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet CO2; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi d-diġitalizzazzjoni fil-loġistika, bħal inizjattivi ta' cargo-pooling; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Awtostradi tal-Baħar huma elementi ewlenin fil-loġistika u li l-portijiet u l-interkonnessjonijiet tal-art 'il ġewwa mill-kosta huma nodi prinċipali għal skemi tat-trasport multimodali;

21.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tat-teknoloġiji diġitali fl-iżvilupp ta' ġestjoni tat-trasport u l-mobilità sikura, effiċjenti, intermodali u sostenibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kif ukoll l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi, bħalma huma l-mobiltà kondiviża fil-bliet u ż-żoni rurali interkonnessa mat-trasport pubbliku, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, it-turisti u n-negozji kollha tal-Unjoni, inklużi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

22.  Jenfasizza l-importanza li jiġu allokati biżżejjed fondi għal Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) fl-2017 biex jiġu żgurati l-impenji tal-Kummissjoni rigward is-sikurezza u l-effiċjenza fit-trasport bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija u t-trasport marittimu; itenni l-importanza li jkunu pprovduti malajr servizzi mingħajr interruzzjoni ta' Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) għal toroq intelliġenti u vetturi konnessi, flotta u merkanzija u ġestjoni tat-traffiku intelliġenti, bħalma huma l-ATM, l-ERTMS, u eCall;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja għażliet varji għall-finanzjament ta' miżuri li għandhom l-għan li tinkiseb l-aċċessibilità għas-servizzi tat-trasport, il-vetturi, l-infrastruttura u ċ-ċentri ta' konnessjoni intermodali, u miżuri oħra biex tittejjeb l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza tat-toroq u li jistgħu jgħinu biex jinkiseb l-għan li l-imwiet fit-toroq jitnaqqsu bin-nofs sal-2020 u biex jonqsu b'mod sinifikanti l-korrimenti gravi;

25.  Iqis li l-garanzija tas-sigurtà tal-mezzi u l-infrastrutturi tat-trasport hija ta' prijorità kbira u li finanzjament adegwat għandu jiġi ssalvagwardjat għal dan il-għan.

26.  Jitlob l-introduzzjoni ta' linja baġitarja diretta għat-turiżmu fil-baġit tal-Unjoni għall-2017, kif kien il-każ fil-passat, meta titqies l-importanza ta' din l-attività ekonomika għall-SMEs u l-impjiegi ambjentali fl-Ewropa u l-ħtieġa li jsiru aktar attraenti u kompetittivi f'ambjent globali kompetittiv; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura d-disponibilità bil-lingwi kollha tal-Unjoni tal-Gwida dwar il-finanzjament tal-UE 2014-2020 għas-settur tat-turiżmu; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali annwali tal-proġetti tat-Turiżmu kofinanzjati minn fondi differenti tal-Unjoni;

27.  Jitlob li titfassal strateġija komprensiva għall-industrija tat-turiżmu li jkun fiha l-aspetti kollha meħtieġa ta' settur tat-turiżmu innovattiv u kompetittiv, bħal: finanzjament tas-settur, żvilupp professjonali, aċċessibilità, infrastruttura, sistema tal-viża, diġitalizzazzjoni u promozzjoni;

28.  Jissottolinja l-importanza taż-żoni rurali, muntanjużi, insulari, kostali u remoti fl-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu sostenibbli fl-Ewropa; jemmen li għandu jkun hemm disponibbli mezzi għall-promozzjoni tal-kulturi lokali u l-bijodiversità f'dawn ir-reġjuni kif ukoll f'postijiet turistiċi mhux indirizzati mit-turiżmu tal-massa; jemmen li għandhom jiġu żviluppati skemi speċifiċi li jimmiraw lejn il-provvediment ta' aċċess mingħajr xkiel, għall-persuni b'mobilità mnaqqsa jew xi diżabilità oħra, għal faċilitajiet turistiċi fl-Ewropa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Țapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Michael Gahler, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Jozo Radoš, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Urszula Krupa

(1)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)

  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE, (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (8.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Derek Vaughan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrateġija ''Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati''; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika aktar il-finanzjament mill-UE, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, b'bilanċ tajjeb bejn is-simplifikazzjoni u l-kontroll, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE, b'mod partikolari fuq livell reġjonali u lokali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni timplimenta approċċ simplifikat lejn iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, b'enfasi qawwija fuq pagamenti fil-ħin, riżultati li jistgħu jitkejlu u indikaturi aġġornati;

2.  Jitlob li l-abbozz tal-baġit għall-2017 jirrifletti u jappoġġja l-prijoritajiet imniżżla fis-Semestru Ewropew, speċifikament ir-rilanċ ta' investimenti għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, it-trawwim tal-konverġenza, il-ħidma għal riformi strutturali biex jiġu mmodernizzati l-ekonomiji Ewropej u b'hekk isiru aktar kompetittivi, u t-twettiq ta' politiki fiskali li jiżguraw l-investimenti u t-tkabbir sostenibbli;

3.  Jenfasizza li madwar terz tal-baġit annwali tal-Unjoni huwa mmirat lejn il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija ta' investiment tal-Unjoni u għodda biex jitnaqqsu d-disparitajiet ta' bejn ir-reġjuni kollha tal-UE, u li għandha rwol importanti fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

4.  Jinnota bi tħassib li l-Intestatura 1b (Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) tal-abbozz tal-baġit tal-2017 tipprevedi tnaqqis qawwi fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (EUR 37,3 biljun, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 23,5 % meta mqabbel mal-2016); jinnota li fl-istess ħin, l-impenji jammontaw għal EUR 53,6 biljun (żieda ta' 5,4 % meta mqabbla mal-2016); hu tal-fehma li l-ħlasijiet proposti mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-livell ta' pagamenti meħtieġa taħt din l-intestatura; li, għalhekk, dan jipperikola l-implimentazzjoni sħiħa tal-programmi u jista' jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fil-politiki tal-Unjoni;

5.  Jinnota l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' baġit tal-UE tal-2017, maħruġa fit-30 ta' Ġunju 2016 u li tiddikjara li, abbażi ta' użu relattivament baxx ta' ċerti programmi ta' nfiq, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi inqas fatturi fl-2017 milli fl-2016; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni u tikkunsidra r-riskju li dan it-tnaqqis fil-pagamenti joħloq mill-ġdid numru pendenti importanti ta' pagamenti mill-2017 'il quddiem;

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenza li dejjem tiżdied taħt l-Intestatura 1b tal-Abbozz tal-Baġit 2017 bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament: minn EUR 2 biljuni fl-2016 għal EUR 16,3 biljun fl-2017; jenfasizza li, minħabba li r-rata ta' implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mistennija tiżdied fl-2017, huma meħtieġa riżorsi baġitarji suffiċjenti biex ilaħħqu ma' din iż-żieda; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aħħar nomina ta' awtoritajiet għal programmi operattivi tista' ddewwem il-pagamenti fl-2017; jinsab serjament imħasseb li din is-sitwazzjoni tinfluwenza b'mod negattiv il-pagamenti pendenti, b'mod partikolari permezz tal-possibilità ta' akkumulazzjoni ta' fatturi mhux imħallsa matul it-tieni nofs tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

7.  Huwa konvint li d-diżimpenji fl-intestaturi kollha, u b'mod partikolari taħt l-Intestatura 1b, bħala riżultat ta' nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ġustifikat, għandhom jerġgħu jiddaħħlu fil-proċedura baġitarja annwali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti f'dan ir-rigward diġà b'rabta mal-baġit tal-Unjoni għall-2017;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna u tadatta l-pjan ta' ħlas, li ġie stabbilit biex inaqqas u jevita seħħ mill-ġdid ta' ħlasijiet b'lura, b'kont meħud ukoll tal-ħtiġijiet akbar ta' ħlasijiet li jirriżultaw mill-aġġustament tekniku skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020, u li dan jiġi ppreżentat lill-Parlament;

9.  Itenni li l-fondi taħt l-Intestatura 1b jirrappreżentaw l-unika riżorsa ewlenija disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta' sfidi mhux mistennija bħall-kriżi tar-rifuġjati; f'dan il-qafas jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri b'mod effettiv u b'mod aktar flessibbli, fuq talba tagħhom għal modifiki tal-programmi sabiex jiġi provvist livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament u tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn il-Fondi SIE; jinnota, f'dan il-kuntest, l-impatt inugwali li l-kriżi tar-rifuġjati kellha fil-livelli lokali u reġjonali; jissuġġerixxi li r-riżorsi addizzjonali wara l-aġġustament tekniku għandhom jiġu allokati għal żoni b'valur miżjud għoli Ewropew, bħalma huma l-impjieg taż-żgħażagħ u l-investiment sostenibbli, bl-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u li jiġu limitati wkoll id-disparitajiet fi ħdan l-Unjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu evalwazzjonijiet kontinwi tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali u f'każ ta' nuqqas ta' effiċjenza, biex dawn tal-aħħar jiġu modifikati sabiex jiġu ggwidati lejn ġestjoni iktar effettiva u effiċjenti tal-Fondi SIE bl-għan li jintlaħqu l-objettivi previsti;

11.  Ifakkar li skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid, fl-2016, flimkien mal-aġġustament tekniku annwali għas-sena 2017, l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira tal-''Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi'' tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020; jinnota li l-effett tal-aġġustament huwa żieda ta' EUR 4,6 biljun fil-limiti massimi tal-2017–2020 għal impenji taħt l-Intestatura 1b; jenfasizza l-implikazzjonijiet ta' dan l-aġġustament għall-baġit tal-2017;

12.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament mis-settur privat u ta' sorsi ġodda ta' finanzjament għal investimenti li huma kruċjali għall-kompetittività u l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa; jinnota li għandhom jiġu żgurati aktar konsistenza, sinerġija u komplementarjetà bejn il-Fondi SIE, il-FEIS u programmi oħra ffinanzjati mill-Unjoni u nazzjonali, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu stimulati l-investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet biex iżżid il-viżibilità ta' proġetti tal-Fondi SIE u investimenti taħt il-FEIS u programmi oħra ffinanzjati mill-Unjoni;

13.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali b'pakkett finanzjarju ta' EUR 142 800 000 u jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jiġu allokati bl-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

14.  Jenfasizza l-kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-ibbaġitjar skont il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-miżuri biex jiġu stabbiliti għodod xierqa sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħal pereżempju strutturi ta' inċentivi li jużaw il-fondi strutturali biex iħeġġu l-ibbaġitjar skont il-ġeneri fil-livell nazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Czesław Hoc, Karol Karski, Julia Reda, Tatjana Ždanoka


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (1.9.2016)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Peter Jahr

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jieħu nota tas-somma proposta ta' EUR 58,9 biljun f'impenji u jiddeplora dan it-tnaqqis ta' 5,7 % meta mqabbel mal-2016, (bl-impatt tar-riprogrammar newtralizzat), u tas-somma ta' EUR 55,2 biljun f'pagamenti (żieda ta' 0.2 %) taħt l-Abbozz ta' Baġit (AB) 2017 għall-Intestatura 2;

2.  Jiddispjaċih li, minħabba l-limiti massimi imposti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 għall-Intestatura 2, hemm il-probabilità li kategoriji ewlenin ta' nfiq tal-Politika Agrikola Komuni (KAP), inklużi l-iżvilupp rurali, il-pagamenti diretti u l-miżuri tas-suq, se jaraw tnaqqis fl-2017;

3.  Jiddispjaċih b’mod partikolari minħabba t-tnaqqis propost fl-iżvilupp rurali f'impenji u f'pagamenti; jiddeplora t-tnaqqis ta’ 23,1 % f'impenji u dak ta' 4,6 % f’pagamenti; jinnota li l-ammonti ogħla huma minħabba l-ispostament tal-impenji tal-2014 għas-snin baġitarji 2015 u 2016; jenfasizza li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandu valur miżjud għoli għall-ekonomija u għas-servizzi pubbliċi fiż-żoni rurali madwar l-Unjoni, inkluż potenzjal reali biex jinżammu l-impjiegi u jinħolqu oħrajn ġodda;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ appoġġ lill-bdiewa li tħabbar f’Lulju 2016 u jqis dan bħala pass lejn ġestjoni aħjar tal-produzzjoni; jiddispjaċih, madankollu, li s-sehem allokat għall-miżuri fil-livell tal-Unjoni, meta mqabbel mal-ammont allokat għall-pakketti nazzjonali, huwa żgħir wisq meta l-ġestjoni tal-produzzjoni għandha tkun madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ rinazzjonalizzazzjoni u jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; iqis li dawn il-miżuri strutturali għandhom jiġu antiċipati u integrati fil-baġits tas-snin li ġejjin;

5.  Jenfasizza l-objettivi ta' żieda fil-kompetittività u s-sostenibilità tal-agrikoltura tal-Unjoni, u jitlob li jiġu pprovduti r-riżorsi sabiex dawn l-objettivi jintlaħqu; ifakkar fil-potenzjal tal-politika agrikola f'dawk li huma l-ħolqien ta' impjiegi, l-innovazzjoni teknika u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fiż-żoni rurali fejn dawn jippromwovu l-iżvilupp reġjonali;

6.  Jikkundanna t-tnaqqis li qed isir sena wara sena fl-impenn u l-infiq tal-iżvilupp rurali;

7.  Jinnota b’dispjaċir li l-AB 2017 iħalli marġni mhux allokat, imnaqqas b'mod massiv, ta' 0,64 biljun taħt l-Intestatura 2; jinsisti, minkejja kwalunkwe urġenza f’Intestaturi baġitarji oħra, li l-marġni ta’ kontinġenza allokata ta’ 0,65 biljun tibqa' fl-Intestatura 2 biex tindirizza l-kriżi kontinwa fis-swieq agrikoli u kwalunkwe kriżi possibbli li tista' tinqala' fil-ġejjieni u l-volatilità tal-prezzijiet li qed isseħħ ta' spiss; jenfasizza li deċiżjoni ta' politika barranija wasslet għall-embargo Russu, li sussegwentement poġġa lill-bdiewa f'sitwazzjoni fejn spiċċaw iġorru l-piż ta’ dik id-deċiżjoni u skatta l-kriżi; jinsisti għalhekk li l-marġni jibqa’ kollu kemm hu fi ħdan l-Intestatura 2;

8.  Jinnota li l-agrikoltura tal-Unjoni saret dejjem aktar esposta għall-kriżijiet f'dawn l-aħħar snin; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid is-sistema tal-finanzjament ta' kontinġenza u toħloq strument ġdid li jippermetti intervent politiku rapidu f'każ ta' kriżi, mingħajr ma jintlaqtu l-pagamenti diretti annwali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw, tempestivament, il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, b'enfasi partikolari fuq is-settur tal-prodotti tal-ħalib, li għandha effetti negattivi fuq l-introjtu tal-bdiewa, u jirreaġixxu fil-pront u b'mod effikaċi meta jkun meħtieġ, filwaqt li lill-bdiewa jagħtuhom direttament l-għażla li jiġġieldu kontra tali volatilità tal-prezzijiet;

10.  Jenfasizza li huwa indispensabbli li l-fondi allokati għar-riċerka fis-settur agroalimentari, b'mod partikolari mill-baġit ta' Orizzont 2020, jibqgħu kompletament disponibbli bħala tali bil-għan li tiġi stimolata l-innovazzjoni fis-settur agrikolu;

11.  Jiddispjaċih li l-miżuri proposti ma laħqux għalkollox l-objettivi tagħhom; jirrifjuta t-tnaqqis propost għall-intervent fis-swieq agrikoli meta mqabbel mal-2016; jara li hemm il-ħtieġa li l-isforz finanzjarju jibqa' jsir kontinwament għall-ġlieda kontra l-kriżi; jitlob lill-Kummissjoni testendi l-miżuri ta’ emerġenza relatati ma’ kemm id-diffikultajiet ta' bejgħ u kemm il-konsegwenzi tal-embargo Russu; jinsab imħasseb li se jkunu meħtieġa interventi ulterjuri tas-suq; jemmen li l-miżuri u l-interventi kollha għandhom iqisu aktar il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri differenti;

12.  Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien programm ta’ appoġġ bl-objettiv li jnaqqas l-produzzjoni tal-ħalib; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex inaqqsu l-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-ħalib minn Stati Membri differenti; iqis li l-aħjar mod kif ikun hemm ġestjoni effettiva tal-produzzjoni jkun fil-livell tal-Unjoni, biex b’hekk jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

13.  Jinnota l-effetti tal-abolizzjoni tal-kwoti tal-ħalib u huwa tal-fehma li huma meħtieġa miżuri preparatorji biex jiġu evitati żbilanċi fis-suq wara l-abolizzjoni tal-kwoti taz-zokkor f'Settembru 2017;

14.  Jilqa’ l-appoġġ kontinwat għall-iskema tal-ħalib fl-iskejjel ta' EUR 75 miljun fl-AB għall-2017; jirrifjuta t-tnaqqis ta’ EUR 20 miljun lill-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel; itenni kemm iż-żewġ skemi għandhom importanza vitali għall-bdiewa u għall-Istati Membri u jissottolinja l-importanza tagħhom minħabba l-kriżi attwali u l-livelli ta’ malnutrizzjoni tat-tfal fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija fiż-żewġ skemi;

15.  Jinsisti li kwalunkwe dħul għall-baġit tal-UE li jirriżulta minn kwalunkwe dħul assenjat jew ħlasijiet lura ta’ irregolaritajiet mill-agrikoltura fl-2015/2016 jibqa’ fl-Intestatura 2;

16.  Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fil-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi; jopponi t-tnaqqis massiv fl-għajnuna lill-gruppi tal-produtturi għar-rikonoxximent preliminari; jilqa’ l-prolongazzjoni tal-miżuri eċċezzjonali għas-settur tal-frott u l-ħaxix speċjalment fid-dawl tal-kriżi u tal-embargo Russu li laqtu severament lill-produtturi; jitlob li dawk il-miżuri jibqgħu fis-seħħ daqs kemm idum l-embargo Russu u li jiġu mwessgħa sabiex ikopru s-setturi agrikoli kollha u s-setturi kollha tat-trobbija tal-bhejjem affettwati; jirrimarka li s-settur tal-ħalib jeħtieġ attenzjoni partikolari minħabba li l-embargo Russu qed iżid l-inċertezza għall-produtturi billi qed jaggrava l-waqa' tal-prezzijiet li dehret mindu ġiet abolita l-iskema tal-kwoti;

17.  Jilqa’ l-allokazzjonijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-agrikoltura taħt Orizzont 2020, biex jiġu żgurati provvisti suffiċjenti ta’ ikel sikur u ta’ kwalità għolja u prodotti oħra b’bażi bijoloġika; jenfasizza l-ħtieġa li l-proġetti li jinvolvu produtturi primarji jiġu prijoritizzati;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi allokati għar-riserva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu fil-baġit 2017, li sussegwentement jibqgħu mhux minfuqa, jinżammu bla mimsusa fl-Intestatura 2 għas-sena baġitarja ta' wara għall-pagamenti diretti lill-bdiewa kif hemm dispost fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u tekniku għar-rikonverżjoni indirizzat lill-bdiewa li huma l-aktar milquta mill-kriżi attwali;

19.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi biex jikkumpensaw għat-telfiet ekonomiċi li jkunu sofrew il-bdiewa minħabba l-kriżijiet tas-suq jew effetti oħra; itenni l-ħtieġa li l-marġnijiet disponibbli taħt l-Intestatura 2 jintużaw għal dan il-għan;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-approprjazzjonijiet maħsuba biex jiġu miġġielda l-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti, liema approprjazzjonijiet bħalissa jammontaw għal EUR 20 miljun, peress li mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mat-tfaċċar mill-ġdid tal-mard bħall-Xylella fastidiosa u l-influwenza avjarja, u mat-tfaċċar ta' marda tal-infafet fil-ġilda kontaġġjuża, marda infettiva ġdida li taffettwa l-ifrat, li diġà hija preżenti fil-Greċja u fil-Bulgarija u qegħda thedded għadd ta' pajjiżi oħra; jitlob għalhekk li jiġu allokati fondi addizzjonali biex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jkunu sofrew il-bdiewa, minħabba kriżijiet tas-suq u l-kriżijiet sanitarji jew fitosanitarji, jiġifieri l-Xylella fastidiosa, speċjalment fis-settur tat-tkabbir taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa, sabiex jiżdiedu l-miżuri ta’ prevenzjoni fl-Unjoni, sabiex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ din il-marda devastanti u jiġi ristrutturat is-settur u tiġi kkonsolidata r-riċerka xjentifika tal-patoġenu u tal-portatur tagħha; itenni l-ħtieġa li l-marġnijiet disponibbli taħt l-Intestatura 2 jintużaw għal dan il-għan; jinsisti li kumpens għall-eradikazzjoni għandu jkopri wkoll ir-rijabilitazzjoni tal-agroekosistemi inkluża l-ħamrija, kif ukoll l-istabbiliment ta' diversità bijoloġika robusta, b'mod speċjali l-iżgurar tad-diversità ġenetika tal-istokk tal-pjanta jew tal-annimal li idealment tinkludi r-reżistenza jew it-tolleranza għall-marda jew għall-pest; iqis li kwalunkwe għajnuna li tingħata għandha tkun bil-għan li tiżgura agroekosistemi u pajsaġġi bbilanċjati u bijoloġikament diversi li jkunu inqas suxxettibbli għal attakki futuri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu lid-deterjorazzjoni ta' dawk is-swieq;

21.  Ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżid il-fondi għal appoġġ akkoppjat volontarju, billi dan iwassal għal distorsjonijiet fis-suq fost l-Istati Membri f’ċerti swieq agrikoli; ma jaqbilx ukoll mat-tnaqqis fl-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq osservatorji tas-suq għal-laħam u prodotti oħra affetwati mill-volatilità tal-prezzijiet sabiex tistabbilixxi pronjosi u tiġi evitata l-produzzjoni eċċessiva;

23.  Jilqa' l-ftit taż-żieda fil-fondi allokati biex isostnu t-trobbija tan-naħal u jitlob aktar fondi, peress li l-Parlament b'mod konsistenti ħares lejn it-trobbija tan-naħal bħala prijorità għall-futur tal-agrikoltura u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

24.  Jitlob b’insistenza li l-Kummissjoni tissorvelja l-volatilità sinifikanti tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, li għandha effetti negattivi fuq l-introjtu tal-bdiewa, u li meta jkun meħtieġ il-Kummissjoni taġixxi malajr u b’mod effettiv;

25.  Jirrakkomanda li l-objettivi ta' żieda fil-kompetittività u s-sostenibilità tal-agrikoltura Ewropea jiġu appoġġjati, u jitlob li jiġu pprovduti riżorsi sabiex dawk l-objettivi jintlaħqu;

26.  Ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipposponi l-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ baġit tagħha għall-2017 b’aktar minn xahar, minħabba r-referendum tar-Renju Unit, peress li dan jinterrompi severament il-proċedura baġitarja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Urszula Krupa, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marijana Petir, Jens Rohde, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder, Franc Bogovič, Maria Heubuch, Karin Kadenbach, Norbert Lins, Gabriel Mato, Anthea McIntyre, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Tibor Szanyi, Hannu Takkula, Estefanía Torres Martínez, Ramón Luis Valcárcel Siso


OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (1.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Nils Torvalds

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-objettivi tal-PKS jistgħu jintlaħqu b'mod effikaċi biss jekk ikun hemm baġit suffiċjenti; jirrimarka li l-baġit huwa kkonċentrat fit-Taqsima III u fit-Titolu 11, "L-Affarijiet Marittimi u s-Sajd"; jinnota li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) li, meta mqabbel ma' fondi oħra tal-UE, għandu riżorsi limitati għad-dispożizzjoni tiegħu, u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji lil organizzazzjonijiet reġjonali ta' ġestjoni tas-sajd u lil ftehimiet dwar sajd sostenibbli jiffurmaw il-parti l-kbira tal-baġit, u li huwa indispensabli li jitwaqqaf it-tnaqqis kostanti fl-approprjazzjonijiet sostnut minn din il-linja baġitarja biex jiġu garantiti l-aspettattivi dwar l-espansjoni tan-netwerk ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi.

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit tal-Unjoni jirrifletti l-objettivi ta' politika ddikjarati għall-impjiegi, l-intrapriża u l-intraprenditorija; jenfasizza li l-oqsma tas-sajd u tal-affarijiet marittimi huma wkoll sorsi ta' impjieg u ta' tkabbir u li jikkontibwixxu attivament għall-iżvilupp reġjonali u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali.

3.  Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni soċjali u ekonomika tas-sajd għall-komunitajiet lokali u ċerti reġjuni marittimi, kostali u insulari li huma partikolarment dipendenti fuq is-sajd; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinżammu previżjonijiet finanzjarji suffiċjenti ħalli s-setturi tal-flotta kostali, artiġjanali u ta' skala żgħira jkunu jistgħu jiksbu finanzjament.

4.  Jenfasizza li kemm is-sajd u l-affarijiet marittimi għandhom dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali kbira u dawn għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija blu.

5.  Jenfasizza li l-PKS tikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni soċjali fir-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi; jirrimarka li, f'xi każijiet, l-intrapriżi tas-sajd f'dawk ir-reġjuni li huma żvantaġġjati minħabba spejjeż addizzjonali u għalhekk għandhom ikunu partikolarment rikonoxxuti u appoġġjati f'konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bħar-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, fis-sens tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-PKS il-ġdida tirrikjedi bidla fundamentali tal-perspettiva fil-ġestjoni tas-sajd kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-sajjieda u jfakkar, f'dan ir-rigward, fid-diffikultajiet li ġew iffaċċjati fis-snin finanzjarji preċedenti li matulhom l-approprjazzjonijiet kienu tnaqqsu.

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi garantit appoġġ finanzjarju suffiċjenti, mingħajr tnaqqis fl-approprjazzjonijiet biex jiġu kkontrollati l-attivitajiet u l-investiment tas-sajd abbord u fil-portijiet, ħalli tiġi żgurata u ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' żbark.

8.  Jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-politika tal-kontroll tas-sajd tista' tiġi implimentata biss permezz tal-modernizzazzjoni tal-għodod tagħha, u din ma tistax issir mingħajr ma jiżdied il-baġit tagħha.

9.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat finanzjament xieraq u li jinżamm, tal-anqas, il-livell ta' approprjazzjonijiet allokati fis-sena finanzjarja attwali għall-ġbir ta' data, li huwa kompitu ewlieni li jippermetti t-teħid ta' deċiżjonijiet razzjonali u bbażati fuq ix-xjenza dwar kwistjonijiet ta' politika dwar is-sajd.

10.  Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm investiment fl-analiżi u t-tixrid, tul il-katina kollha ta' provvista, ta' għarfien u fehim dwar l-aspetti ekonomiċi tas-sajd u l-akkwakultura, u għalhekk il-finanzjament għandu jiġi ggarantit, fil-linja baġitarja għall-informazzjoni dwar is-suq, għall-approprjazzjonijiet ta' impenn meħtieġa biex ikopru l-estimi ta' pagament previsti.

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-proġetti li jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi (speċjalment permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ), fuq proġetti innovattivi u fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali sabiex jiżdied aktar il-valur tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom – pereżempju, billi jiġu promossi t-tikkettar ta' prodotti u t-turiżmu tas-sajd – u fuq il-protezzjoni u l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistemi marittimi.

12.  Jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, f'dan is-settur, bħala prijorità politika; jenfasizza l-fatt li hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jagħmlu kull sforz biex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-professjonijiet diversi tas-sajd bl-użu tal-għodod kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-Fondi Strutturali.

13.  Jirrimarka li, meta wieħed iqis li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2017 se tikkoinċidi mar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, is-sena finanzjarja 2017 hija l-perjodu xieraq biex jiġi żgurat li l-Unjoni tingħata riżorsi suffiċjenti ħalli tindirizza b'mod effettiv l-azzjonijiet interni u esterni u tikkunsidra l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-PKS.

14.  Itenni li għadd kbir ta' sajd imħallat se jiġi affettwat mill-obbligu ta' żbark għall-iskart mill-1 ta' Jannar 2017, u f'dan ir-rigward jitlob li jkun hemm linja baġitarja speċifika għall-assistenza għar-rispett ta' dan l-obbligu sabiex jiġu delimitati u promossi r-riċerka u l-iżvilupp tas-selettività tat-tagħmir tas-sajd.

15.  Jirrimarka li l-programmi operattivi kollha għas-sajd ġew reċentement adottati mill-Istati Membri, u b'hekk, fis-sena finanzjarja 2017 il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom iħaffu l-azzjonijiet biex tiġi żgurata implimentazzjoni f'waqtha tal-proġetti kkonċernati; iqis li l-baġit tal-Unjoni għandu jipprevedi livell xieraq ta' approprjazzjonijiet ta' pagament u approprjazzjonijiet ta' impenn biex jiġu evitati problemi ta' pagament u tnaqqis finanzjarju għall-azzjonijiet ta' sajd.

16.  Itenni mill-ġdid l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex kull sena tressaq quddiem il-Parlament rapport ta' progress li jkopri l-impenji u l-pagamenti kollha, diviżi skont l-Istat Membru, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-diversi limiti massimi previsti mill-FEMS;

17.  Jistieden lid-DĠ MARE, fl-ambitu tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs), jissorvelja mill-qrib l-għajnuna settorjali, bl-użu ta' tabelli dettaljati, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fil-fajls tal-proġetti.

18.  Jirrimarka li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) tista' taqdi r-rwol tagħha biss jekk tingħata biżżejjed riżorsi tekniċi, ekonomiċi, umani u finanzjarji; jappella lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament suffiċjenti għall-approprjazzjonijiet destinati għall-EFCA sabiex tkun tista' twettaq il-kompiti l-ġodda mogħtija lilha fil-Politika Komuni tas-Sajd riformata u fil-proposta dwar il-pakkett tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu eżentati, mill-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal, il-postijiet kollha tal-aġenziji li qed jittrattaw il-kriżi tal-migrazzjoni.

19.  Jirrakkomanda żieda fil-baġit tal-EFCA ħalli din tkun tista' twettaq il-kompiti l-ġodda meħtieġa fil-qafas tal-proġett tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Alain Cadec, Richard Corbett, Carlos Iturgaiz, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Nicola Caputo, Ole Christensen, Ian Duncan, Czesław Hoc, Cláudia Monteiro de Aguiar, Maria Lidia Senra Rodríguez, Nils Torvalds


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li d-dewmien fil-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit għall-2017 mill-Kummissjoni jfixkel b'mod sinifikanti x-xogħol tal-Parlament; huwa tal-fehma li tali dewmien għandu jiġi evitat fil-futur;

2.   Jinnota ż-żidiet proposti fl-abbozz ta' baġit għall-2017 għall-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Ewropa għaċ-ċittadini; jenfasizza li l-investiment f'dawn l-oqsma ta' politika jista' jikkontribwixxi għall-għan tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għall-għan tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, kif ukoll li jirrappreżenta forma ta' investiment strateġiku fin-nies bħala fattur kritiku għat-tkabbir u l-prosperità, jekk immirat b'mod xieraq;

3.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim li jniedi l-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja tal-Programm Ewropa Kreattiva, li hi wieħed mill-mezzi ewlenin biex jitjieb l-aċċess għal finanzjament ta' self għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv, u wieħed mill-mezzi kruċjali biex tiġi ggarantita remunerazzjoni ġusta neċessarja għall-dawk li jkunu l-moħħ wara l-kreazzjoni; jilqa' l-inizjattiva tal-iskema ta' taħriġ integrat tal-Faċilità ta' Garanzija proposta lill-bankiera u lill-intermedjarji finanzjarji; jirrakkomanda bil-qawwa li l-miżuri kollha meħtieġa jiġu implimentati matul l-2016, b'tali mod li l-Faċilità ta' Garanzija tkun tista' tilħaq ritmu tajjeb kemm jista' jkun malajr;

4.   Jenfasizza li l-programmi tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza jippreżentaw addizzjonalitajiet u sinerġiji b'politiki ta' integrazzjoni għall-migranti u r-refuġjati; jistieden għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirreaġixxu b'żidiet fil-finanzjament ta' programmi ġestiti direttament, bħal Ewropa Kreattiva, kif ukoll fir-rigward tal-linji baġitarji rilevanti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment;

5.   Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kapitolu Żgħażagħ ta' Erasmus+ hu programm emblematiku ta' mobbiltà fit-tagħlim, li jgħammar liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jiffaċċjaw sfidi ġodda; jisħaq fuq il-fatt li dan il-kapitolu għandu jirċievi 10 % tal-baġit globali tal-programm kif indikat fl-att bażiku;

6.   Jinnota, fil-kuntest tal-isfidi l-ġodda tas-soċjetà għall-Ewropa, il-ħtieġa li jissaħħaħ approċċ Ewropew biex jiġu ffaċċjati l-isfidi komuni Ewropej permezz ta' appoġġ għall-proġetti ta' innovazzjoni fuq skala kbira fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ imwettqa min-netwerks tas-Soċjetà Ċivili Ewropea;

7.   Jiddispjaċih li ma ġiet inkluża l-ebda approprjazzjoni ta' impenn addizzjonali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-abbozz tal-baġit għall-2017; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-iskema fl-2017;

8.   Jenfasizza li s-sena 2017 se tkun it-30 anniversarju tal-programm Erasmus; jappella, għaldaqstant, għall-allokazzjoni ta' riżorsi adegwati biex dan il-mument ta' ċelebrazzjoni jintuża ħalli jitħeġġu ulterjorment il-benefiċċji tal-programm għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; jitlob, barra minn hekk, għal parteċipazzjoni kbira ta' partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u oħrajn li jipprovdu l-edukazzjoni, biex jilħqu udjenza Ewropea usa';

9.   Jinnota li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda dispożizzjoni għal marġini għal aktar tisħiħ li permezz tiegħu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-intestatura 3; jinnota li hemm marġini taħt l-intestatura 1a; jenfasizza l-potenzjal tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji bħala strumenti għall-ittestjar ta' azzjonijiet fl-oqsma ta' politika tal-Unjoni u għall-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f'attivitajiet permanenti tal-Unjoni;

10.  Jenfasizza li sistema effettiva għall-politika ta' komunikazzjoni tal-Unjoni għandha ssaħħaħ il-pluralità u l-kredibbiltà tal-media, u tippromwovi djalogu ġenwin maċ-ċittadini, li għandu jiġi appoġġjat b'dispożizzjonijiet xierqa fl-abbozz tal-baġit; ifakkar f'dan il-kuntest fir-rwol pożittiv li jiżvolġu netwerks pan-Ewropej magħmula minn media lokali u nazzjonali bħal Euranet Plus, u jitlob garanzija baġitarja li tiżgura li jitkomplu l-attivitajiet li jkunu għaddejjin u l-finanzjament stabbli;

11.  Jenfasizza, fil-kuntest tal-kriżi li qed tevolvi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, kif ukoll it-theddidiet terroristiċi, ir-rwol tad-diplomazija kulturali; jilqa' l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni intitolata "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali"; jinnota f'dan il-kuntest li jeħtieġ li jiġi allokat finanzjament adegwat biex il-kultura ssir għodda b'saħħitha fis-servizz tal-politika barranija tal-Unjoni u li l-Unjoni ssir attur globali aktar b'saħħtu;

12.  Jinnota li għandhom jiġu previsti l-garanziji baġitarji meħtieġa għal attivitajiet preparatorji għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' riċerka statistika u aċċess għal riżorsi ta' data komparabbli li jippermettu l-monitoraġġ effettiv u l-analiżi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward fil-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għal dan l-għan.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

5.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Jill Evans, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Eider Gardiazabal Rubial, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, Martina Michels, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Raymond Finch


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (2.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Monica Macovei

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota ż-żieda ta' 5.4 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 25.1 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Intestatura III tal-baġit tal-Unjoni meta mqabbel mal-2016; jilqa' l-enfasi fuq l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti fil-baġit tal-2017 bħala risposta effikaċi għall-kriżi tal-migrazzjoni; jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-ġestjoni u l-kontroll effikaċi tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, biex issaħħaħ is-sigurtà ġewwa l-Unjoni u 'l barra minnha, tipprovdi lill-Istati Membri l-appoġġ għall-akkoljenza ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-flussi migratorji fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu; jinnota madankollu li l-EUR 5.2 biljun ippjanati fl-2017 għall-Intestaturi III u IV sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni kif ukoll it-theddida serja għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej mill-kriminalità organizzata serja, it-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità ta' natura kumplessa u transfruntiera jirrappreżentaw anqas minn 3.5 % tal-baġit totali tal-Unjoni, li huwa ftit meta wieħed iqis x'inhu involut f'sens eżistenzjali għall-Unjoni; iqis li l-Unjoni għandha turi solidarjetà ma' dawk fil-bżonn; jemmen li l-preservazzjoni tal-valuri fundamentali tal-Unjoni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jingħataw finanzjament adegwat;

2.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-limiti massimi tal-Intestaturi III u IV fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP mill-Kummissjoni, sabiex tingħata risposta aktar soda, flessibbli u sostenibbli għall-isfidi umanitarji u migratorji attwali mill-2017 'il quddiem; jitlob li ssir simplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri finanzjarji, distribuzzjoni tal-findanzjament b'mod ġust, trasparenti u responsabbli, kif ukoll il-verifika ta' kif jintefqu l-fondi Ewropej;

3.  Jissottolinja li l-isforzi eżistenti tal-Unjoni li jindirizzaw il-flussi ta' rifuġjati u ta' migrazzjoni għandhom ikunu adattati b'mod adegwat għall-bżonnijiet u l-vulnerabilitajiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom għadd dejjem jikber ta' nisa u bniet spostati; jitlob l-allokazzjoni ta' fondi umanitarji biex jiġi żgurat approċċ multisettorjali, inkluża l-implimentazzjoni adegwata tal-istandards minimi applikabbli għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva li jistgħu jsalvaw il-ħajja, il-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza sesswali u sessista (SGBV) u t-taħriġ tal-assistenti soċjali u l-persunal mediku matul ir-rotta Ewropea tar-rifuġjati fl-Intestaturi III u IV;

4.  Jistenna li l-flussi migratorji jissoktaw minħabba l-instabilità politika u l-kunflitti f'ħafna reġjuni; jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija Ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; jappella għal implimentazzjoni rapida tal-proposti, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni b'rispett sħiħ tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

5.  Ifakkar li d-distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-finanzjament bejn l-objettivi differenti tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kienet prijorità għall-Parlament matul in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni ta' dak il-fond; jistieden lill-Kummissjoni żżid in-numru ta' linji baġitarji kif meħtieġ taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni biex tiffaċilita leġġibilità aħjar u trasparenza ta' kif se jintefqu r-riżorsi finanzjarji allokati għall-għanijiet differenti u għaldaqstant għal dawk il-linji baġitarji; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tissepara n-nefqa għat-tisħiħ ta' strateġiji ta' ritorn ġusti min-nefqa għall-migrazzjoni legali u l-promozzjoni ta' integrazzjoni effikaċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-abbozzi tal-baġits futuri kollha kif propost fl-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern għall-baġit 2015 (1);

6.  Jilqa' l-użu tal-istrument tal-flessibilità u l-marġini ta' kontinġenza taħt l-Intestatura 3 għal ammont ta' EUR 1,7 biljun, iżda jinsab imħasseb li fl-2017 m'għadhiex possibbli aktar flessibilità; jinnota li l-azzjonijiet taħt l-Intestatura 4 huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni b'mod parzjali biss; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u lill-Kummissjoni tappoġġa kemm hu possibbli l-implimentazzjoni tal-ftehimiet;

7.  Jilqa' t-twaqqif ta' Ċentru ta' Koordinament ta' Reazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu (EUR 2 miljun) li għandu jegħleb ostakli bħal nuqqas ta' għarfien u l-iżvilupp ta' ħiliet dgħajfa billi jlaqqa' flimkien esperti operazzjonali ewlenin, avukati tal-vittmi u organizzazzjoni minn madwar l-Ewropa biex jidentifikaw il-prijoritajiet u l-kwistjonijiet ewlenin għall-vittmi tat-terroriżmu u jipprovdu appoġġ koordinat għall-vittmi tat-terroriżmu f'livell transfruntier sabiex ikun hemm approċċ orjentat lejn il-vittmi f'infrastrutturi ta' rispons ta' emerġenza;

8.  Jinsab imħasseb li l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-Unjoni jheddu l-uniċità tiegħu u jevitaw il-proċedura baġitarja li teħtieġ l-involviment u l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew;

9.  Jilqa' l-finanzjament tal-AMIF (EUR 1.6 miljun) u tal-ISF (EUR 0.7 biljun); iqis li din iż-żieda tkompli ssaħħaħ il-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-finanzjament annwali bejn il-programmi u l-objettivi differenti tal-fondi; jappoġġa l-finanzjament totali (EUR 3 biljun) għat-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, is-Sistema ta' Dħul u Ħruġ il-ġdida, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u biex jinħoloq strument li jipprovdi assistenza umanitarja ta' emerġenza rapida u effiċjenti fi ħdan l-Unjoni;

10.  Frontex għandha tipprovdi lill-Uffiċjal tagħha għad-Drittijiet Fundamentali r-riżorsi u l-persunal adegwati għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-aġenzija biex tissorvelja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

11.  Jisħaq li filwaqt li r-riżorsi baġitarji u n-numru ta' postijiet għal Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta jidhru li attwalment huma xierqa, il-ħtiġijiet futuri tal-Aġenzija fejn jidħlu r-riżorsi operattivi u l-persunal se jkollhom jiġu sorveljati mill-qrib sabiex l-Aġenzija ma tibqax lura; jissuġġerixxi li jiżdiedu l-gradi ta' postijiet temporanji sabiex tkun issodisfata l-kumplessità tal-kompiti l-ġodda assenjati lill-Aġenzija mir-regolament rivedut;

12.  Jirrikonoxxi li r-riżorsi baġitarji u tal-persunal tal-EASO proposti mill-Kummissjoni qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-aġenzija. Jisħaq fuq l-importanza li dawn ir-riżorsi u l-livelli tal-persunal ma jitnaqqsux u li dawn ir-riżorsi u l-livelli tal-persunal għandhom jiġu riveduti jekk terġa' tinħoloq sitwazzjoni ta' żieda fil-fluss ta' migranti;

13.  Jappoġġa ż-żieda fil-baġit tal-aġenziji effiċjenti tal-ĠAI, speċjalment dawk involuti fil-migrazzjoni u s-sigurtà, u jitlob l-esklużjoni tagħhom mill-mira ta' 5 % ta' tnaqqis tal-persunal tal-Unjoni; jenfasizza li l-aġenziji rilevanti għandu jkollhom biżżejjed riżorsi u persunal meta jkunu estiżi l-mandati tagħhom; jilqa' l-ġlieda taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' aktar riżorsi umani f'dan il-qasam; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi aġġustat b'mod xieraq il-finanzjament bil-għan li jkun appoġġat il-Eurojust ħalli jindirizza ż-żieda ferm kbira tal-ħidma f'oqsma bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, il-kuntrabandu ta' immigranti u forom oħra ta' kriminalità transfruntiera serja; jitlob ġustifikazzjoni aktar dettaljata dwar iż-żieda ta' 92 %, EUR 73 miljun fil-baġit ta' UE-LISA għas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ, l-interoperabilità tas-Sistemi ta' Informazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' Dublin kif ukoll biex jiġi spjegat it-tqassim tal-approprjazzjonijiet bejn il-baġit tal-UE-LISA u l-ISF;

14.  Jisħaq li approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u kriminalità oħra serja b'dimensjoni transfruntiera hija importanti aktar minn qatt qabel; jemmen li jeħtieġ li jiġu allokati iżjed riżorsi għat-taħriġ fil-livell tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u jissottolinja li l-Eurojust u l-Europol għandhom jingħataw ir-riżorsi operattivi xierqa, fosthom għal investimenti f'teknoloġiji ġodda; jenfasizza b'mod speċjali l-ħtieġa li l-Europol ikollha riżorsi operattivi u umani suffiċjenti; iqis li huma meħtieġa karigi addizzjonali sabiex jitjiebu, fost l-oħrajn, l-identifikazzjoni tal-vittmi, jinqerdu n-netwerks organizzati ta' min jabbuża sesswalment u jinstab, jiġi analizzat u kkonsultat aktar malajr materjal ta' abbuż sesswali online u offline;

15.  F'dan il-kuntest jinsab imħasseb ħafna minħabba l-vulnerabilità ta' minuri mhux akkumpanjati, li jkunu jeħtieġu attenzjoni speċjali, kif ukoll ta' tfajliet matul il-kriżi tal-migrazzjoni; jenfasizza l-kundizzjoni diffiċli ta' minuri mhux akkumpanjati f'kampijiet tar-rifuġjati, soġġetti għal abbuż potenzjali u t-traffikar, u jappella għall-ħolqien ta' għodod xierqa, bl-użu ta' fondi ta' emerġenza, sabiex minnufih titjieb is-sitwazzjoni attwali; iqis li huwa importanti li jissaħħaħ il-finanzjament għal-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal bil-għan li jiġi prevenut dan il-fenomenu u jiġu mħarsa t-tfal li għebu;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżorsi addizzjonali ddedikati għall-iżvilupp ta' bażi ta' data Ewropea dwar drogi ġodda taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA); Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fl-ippjanar baġitarju l-EMCDDA jingħata riżorsi suffiċjenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-emenda leġiżlattiva prevista tar-regolament li jwaqqaf l-EMCDDA dwar is-Sistema ta' Twissija Bikrija u l-Valutazzjoni ta' Riskju ta' Sustanzi Psikoattivi Ġodda;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) tiġi pprovduta b'riżorsi suffiċjenti biex tkun tista' twettaq il-kompiti addizzjonali delegati lilha mil-leġiżlazzjoni tal-UE, partikolarment mid-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (NIS) u l-kompiti relatati tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

18.  Jinnota żieda fil-linja baġitarja "Żgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini" u "Promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza", bħala parti mill-"Programm dwar id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza", u jistenna li l-Kummissjoni toħroġ sejħiet ġodda għal proposti, b'mod partikolari biex ikun żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż fl-ambjent diġitali u biex jingħata appoġġ lil atturi lokali li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, pereżempju billi jiġi stabbilit fond għall-organizzazzjonijiet li jippromovu d-demokrazija;

19.  Jemmen li m'hemm l-ebda rabta diretta bejn il-migrazzjoni u t-terroriżmu fl-Ewropa; jitlob finanzjament ġdid għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan l-Unjoni; iqis li dan jista' jsir billi nippromwovu l-integrazzjoni u niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija; jitlob li jkun allokat finanzjament speċifiku li jindirizza ż-żieda fl-omofobija u t-transfobija fl-Istati Membri; jitlob li jiġu appoġġati proġetti mmirati lejn l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-komunitajiet l-aktar ikkonċernati;

20.  Itenni s-sejħa tiegħu għal finanzjament speċifiku li jindirizza l-antisemitiżmu, l-Islamofobija, l-Afrofobija u l-anti-Romiżmu li dejjem qed jikbru fl-Istati Membri; jitlob, b'mod partikolari, li l-Unjoni tappoġġa proġetti intiżi biex jemaniċipaw lin-nisa u l-bniet mill-komunitajiet ikkonċernati, kif propost fl-opinjoni tal-Kumitat LIBE għall-baġit 2016 (2);

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit tal-Unjoni għall-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet allokati għall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

22.  Jitlob it-tisħiħ tal-EMCDDA f'konnessjoni mal-adozzjoni ppjanata tar-regolament dwar sustanzi psikoattivi ġodda b'kompiti addizzjonali għall-Aġenzija;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-"Programm dwar il-Ġustizzja" bil-għan li jiġi żviluppat ulterjorment l-ispazju ġudizzjarju Ewropew u biex titjieb l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Unjoni tappoġġa l-attivitajiet ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini Ewropej kollha, kif ukoll il-promozzjoni u s-sostenn għad-drittijiet tal-vittmi, b'mod partikolari l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

24.  Jitlob li l-fondi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja ma jintrabtux mal-kapaċità tal-pajjiżi sħab u/jew mar-rieda tagħhom li jikkollaboraw fil-kontroll tal-migrazzjoni eż. permezz ta' klawsoli ta' riammissjoni;

25.  Jinsisti li l-proġetti li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tal-migranti u li jagħtu leġittimità lil reġimi dittatorjali m'għandhomx jiġu appoġġati.

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi fi ħdan iż-żewġ Fondi destinati għall-Affarijiet Interni jkunu allokati għal bosta oqsma ta' politika b'mod li jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jipproteġu u jiżguraw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti. Proġetti li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tal-migranti m'għandhomx jiġu appoġġati. Fl-istess ħin, il-finanzjament mill-Unjoni għandu jintuża biex jappoġġa b'mod proattiv approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-migrazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Maria Corazza Bildt, Gérard Deprez, Angelika Mlinar, Emilian Pavel, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski, Daniele Viotti, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Fabio Massimo Castaldo, Daniel Dalton, Jørn Dohrmann, Elisabetta Gardini, Danuta Jazłowiecka, Georg Mayer, Maria Noichl, Keith Taylor, Marco Valli

(1)

§ 12 opinjoni dwar il-baġit tal-PE 2015

(2)

§12 opinjoni dwar il-baġit tal-PE 2016


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: György Schöpflin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li żżid l-approprjazzjonijiet għall-Intestatura 3 b'5,4 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u b'25,1 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-baġit tal-2016; jilqa' l-fatt li din iż-żieda hija ta' EUR 1,8 biljun aktar mill-ammont inizjalment ipprogrammat għas-sena kkonċernata biex tkun indirizzata l-isfida tal-migrazzjoni; jinnota li l-Kummissjoni ma tipprevedi ebda marġni fl-Intestatura 3 u tipproponi li timmobilizza l-Istrument ta' Flessibilità għall-ammont ta' EUR 530 miljun u l-Marġni ta' Kontinġenza għal impenji għall-ammont ta' EUR 1 164,4 miljun sabiex twieġeb għall-kriżi attwali rigward l-asil u l-migrazzjoni;

2.  Jilqa' b'mod partikolari ż-żieda proposta ta' 4,3 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 10,7 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini", meta mqabbla mal-baġit tal-2016, peress li dan il-programm jgħin biex irawwem il-parteċipazzjoni ċivika u demokratika fil-livell tal-Unjoni, biex jimpenja liż-żgħażagħ kif ukoll l-anzjani fl-Unjoni u biex iċ-ċittadini jifhmu l-Unjoni, il-politiki, l-istorja u d-diversità tagħha;

3.  Jinnota li l-Kummissjoni qed tipproponi ammont ta' EUR 840 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn għal-linja baġitarja separata favur l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li nħolqot is-sena li għaddiet, u jirrimarka l-ħtieġa ta' finanzjament suffiċjenti biex jiġi mħeġġeġ l-użu ta' dan l-istrument, peress li din hija għodda importanti ta' demokrazija parteċipattiva;

4.   Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati għodod ulterjuri li jsaħħu l-gvern elettroniku, il-governanza elettronika, il-votazzjoni elettronika u l-parteċipazzjoni elettronika u jippromovu ċ-ċittadinaza diġitali u d-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni billi jiżviluppaw attivitajiet online dwar iċ-'ċittadinanza' li jsaħħu t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, ir-reattività, l-impenn, id-deliberazzjoni, l-inklussività, l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, is-sussidjarjetà u l-koeżjoni soċjali;

5.  Jilqa' ż-żieda fil-finanzjament favur il-komunikazzjoni tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, id-Djalogi taċ-Ċittadini u l-azzjonijiet ta' 'Sħubija' b'approprjazzjonijiet għall-2017 li jammontaw għal EUR 17,036 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 14,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, minħabba li dawn jikkonċernaw inizjattivi li jilħqu liċ-ċittadini Ewropej, jiksbu l-fiduċja tagħhom u jgħinuhom jifhmu l-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-Segretarjat Komuni tar-Reġistru ta' Trasparenza jingħata mezzi amministrattivi u finanzjarji suffiċjenti u adegwati sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, wara l-adozzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

5.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Fabio Massimo Castaldo, Richard Corbett, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Pervenche Berès, Charles Goerens, Jérôme Lavrilleux, Viviane Reding, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Claudiu Ciprian Tănăsescu


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (6.9.2016)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017

(2016/2047(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Viorica Dăncilă

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi skont dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Novembru 2013, il-proċeduri baġitarji annwali għandhom jintegraw elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru; billi l-ibbaġitjar skont il-ġeneri ma ġiex applikat b'mod konsistenti minn ebda istituzzjoni tal-UE;

B.  billi l-programm Daphne kellu rwol fundamentali biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa fl-UE billi jiffinanzja kampanji u proġetti ta' sensibilizzazzjoni li jilħqu lil dawk l-aktar f'riskju, u l-Parlament talab kemm-il darba biex jiġi żgurat li l-profil tal-programm Daphne jinżamm għoli kemm jista' jkun;

C.  billi l-Parlament appella fil-passat għal żieda fin-numru tal-persunal tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex iwettaq il-kompitu addizzjonali ġdid tiegħu bħala Ċentru ta' Monitoraġġ Ewropew dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru;

D.  billi r-reċessjoni ekonomika tal-2008 rat żieda fil-miżuri ta' awsterità li qed jiġu applikati madwar l-Istati Membri f'tentattiv biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija;

1.  Jilqa' l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv ta' politika li jolqot ħafna setturi tal-baġit tal-UE f'fondi u programmi tal-UE; ifakkar li deċiżjonijiet ta' nfiq u dħul għandhom impatt differenti fuq in-nisa milli fuq l-irġiel; jenfasizza, għalhekk, li l-ibbaġitjar skont il-ġeneri huwa għodda ewlenija biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' bbaġitjar skont il-ġeneri, fl-istrateġiji kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali, għall-promozzjoni aktar effettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi allokazzjonijiet baġitarji kwantifikabbli, valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi dwar il-konsegwenzi differenti li d-deċiżjonijet dwar l-infiq għandhom fuq in-nisa u l-irġiel, u indikaturi tar-riżultati sabiex jiġu rettifikati l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa; jitlob l-ogħla livell ta' trasparenza b'rabta mal-fondi allokati għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jitlob li l-aġenda tal-'Baġit biex Jinkisbu Riżultati' tintuża bħala opportunità sabiex l-infiq baġitarju jwassal għall-benefiċċji integrati ta' ugwaljanza bejn is-sessi ma' kull euro minfuq;

3.  Jenfasizza li l-impjiegi, it-tkabbir u l-investimenti jibqgħu il-prijorità ġenerali tal-baġit tal-UE għall-2017; jiġbed l-attenzjoni lejn il-miri eżistenti relatati mal-ġeneri fl-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri żieda fl-għadd ta' nisa impjegati mir-rata attwali ta' biss 63.5 % għal 75 % u pagi indaqs għan-nisa u l-irġiel, l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-parlamenti nazzjonali u numru ugwali ta' nisa u rġiel fil-bordijiet tal-kumpaniji l-kbar, miri li jinsabu kollha 'l bogħod milli nilħquhom;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u li jappoġġa miżuri li jippromwovu u jappoġġaw edukazzjoni ta' kwalità għolja, impjegabilità u ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u l-bniet, biex iżid iċ-ċansijiet tagħhom li jsibu offerti ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistati jew traineeships; jinnota li għandhom jiġu allokati aktar fondi għal nisa u bniet li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom u għall-intraprenditorija;

5.  Jitlob li r-riżorsi jiġu allokati minn fondi tal-Unjoni għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni, servizzi tas-saħħa, b'mod partikolari servizzi tas-saħħa u drittijiet sesswali u riproduttivi, setgħa lill-bniet, u rappreżentanza politika tan-nisa;

6.  Jitlob li l-Baġit 2017 juża l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jiffinanzja faċilitajiet ta' kura ta' kwalità tajba, aċċessibbli u affordabbli f'żoni fejn hemm nuqqas tagħhom biex jintlaħqu l-miri ta' Barċellona u jikkontribwixxi wkoll għar-rikonċiljazzjoni tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja;

7.  Jenfasizza li s-segregazzjoni tal-ġeneri hija waħda mill-akbar kontributuri lejn id-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneri tal-UE (16.1 % fl-2014) u konsegwentement id-differenza fil-pensjoni medja tal-UE (40.2 % fl-2014); jinnota, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu allokati aktar fondi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi fejn huma sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, il-matematika u l-ICT, bħala għodda biex tonqos id-differenza fil-pagi, tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa u tikber il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

8.  Jinnota li l-kriżi finanzjarja wasslet għal tnaqqis fis-servizzi u l-benefiċċji pubbliċi fl-Istati Membri; jinnota li dan it-tnaqqis jaqa' l-iktar fuq in-nisa; jenfasizza ż-żieda fl-inċertezza finanzjarja minħabba forom ta' xogħol mhux standard u kuntratti temporanji, u jinnota li aktar nisa anzjani u ommijiet waħedhom qed jgħixu fil-faqar; jitlob għalhekk li l-baġit tal-2017 jimmobilizza l-FSE fl-Istati Membri kollha billi jinvesti fir-rikonċiljazzjoni tal-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali sabiex jgħin aktar nisa jidħlu jaħdmu u jtejbu s-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom; jitlob li jsir użu koerenti ta' bbaġitjar skont il-ġeneri;

9.  Jinnota li l-baġit tal-2017 jipprova jipprovdi rispons Ewropew effettiv għall-isfida tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu assenjati fondi biex jipprovdu assistenza speċifika lil, u promozzjoni tal-integrazzjoni, jiġi żgurat trattament mediku, inkluż l-aċċess għal abort sikur, għal nisa u bniet vittmi ta' stupru f'kunflitti armati u tiġi sorveljata s-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE, inkluż taħriġ ta' ħiliet, taħriġ flessibbli fil-lingwi, edukazzjoni, saħħa u faċilitajiet ta' kura tat-tfal ta' kwalità tajba li jgħinu lin-nisa rifuġjati jintegraw fil-pajjiżi ospitanti tagħhom; jemmen li, b'mod partikolari, faċilitajiet speċjalizzati għandhom ikunu stabbiliti sabiex jinħolqu żoni adegwati għall-ommijiet u t-tfal, u għandha tingħata attenzjoni speċjali lil nisa u bniet vittmi ta' vjolenza, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

10.  Jiddeplora l-fatt li l-programm Daphne ma għadux meqjus bħala qasam ta' nfiq fih innifsu; jilqa' ż-żieda żgħira fl-allokazzjonijiet ippjanati tal-objettiv speċifiku ta' Daphne fi ħdan il-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza; ifakkar li l-allokazzjonijiet ippjanati ma jilħqux il-livell tal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti; jenfasizza t-talba tiegħu ta' appoġġ finanzjarju u viżibilità suffiċjenti għall-Programm Daphne u biex il-fondi assenjati jintużaw bis-sħiħ u b'mod effettiv; jenfasizza l-importanza li l-fondi tal-Programm Daphne jaslu, b'mod trasparenti, lil organizzazzjonijiet fil-livell lokali fl-Istati Membri b'kompetenza biex jittrattaw mal-vittmi u dawk f'riskju kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni proattivi;

11.  Jappella għal aktar miżuri mmirati b'mod dirett lejn gruppi żvantaġġjati ta' nisa, investiment f'servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u, b'mod speċifiku, garanzija tal-provvediment adegwat ta' servizzi ta' kwalità għolja għall-kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħra, u jappella għal trasparenza baġitarja ġenwina fir-rigward tal-fondi (FSE, PROGRESS, Daphne) allokati għall-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

12.  Jitlob li jiġu adottati strateġiji għall-promozzjoni aktar effikaċi tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat aktar finanzjament għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet;

13.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis propost fin-numru tal-persunal tal-EIGE; itenni t-talba tiegħu li jiġu allokati aktar riżorsi finanzjarji u persunal lill-EIGE sabiex ikun jista' jwettaq il-kompitu addizzjonali ġdid tiegħu ta' Ċentru ta' Monitoraġġ Ewropew dwar il-Vjolenza Bbażata fuq il-Ġeneru, kif mitlub mill-Parlament Ewropew;

14.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis propost fl-għajnuna umanitarja (HUMA) u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), peress li dawn huma importanti b'mod speċjali għan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Mary Honeyball, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Maria Noichl, Margot Parker, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Clare Moody, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilian Pavel


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Afzal Khan, Claudia Țapardel, Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lynn Boylan, Edouard Ferrand

Avviż legali