Proċedura : 2016/0197(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0296/2016

Testi mressqa :

A8-0296/2016

Dibattiti :

PV 23/11/2016 - 15
CRE 23/11/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0447

RAPPORT     ***I
PDF 712kWORD 60k
17.10.2016
PE 585.790v02-00 A8-0296/2016

dwar il-proposta għal Deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

(COM(2016)0431 – C8-0242/2016 – 2016/0197(COD))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Emmanuel Maurel

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA MINGĦAND IL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

(COM(2016)0431 – C8-0242/2016 – 2016/0197(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0431),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0242/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0296/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 200 miljun disponibbli għall-Ġordan ("l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni"), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġordan u aġenda ta' riforma sostantiva. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

1.  L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 350 miljun disponibbli għall-Ġordan ("l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni"), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġordan u aġenda ta' riforma sostantiva. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

Emenda    2

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tal-Ġordan dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil ("il-Memorandum ta' Qbil"). Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Ġordan, bl-appoġġ tal-FMI.

1.  Il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tal-Ġordan dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jinkludu qafas għas-sodisfar ta' dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil ("il-Memorandum ta' Qbil"). Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Ġordan, bl-appoġġ tal-FMI.

Emenda    3

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.  Fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tħassar temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew it-tħassir.

(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)  

(1)

ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15.


NOTA SPJEGATTIVA

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, il-Ġordan huwa wieħed mill-pajjiżi l-aktar affettwati direttament mill-kriżi Sirjana. Mill-2011, l-ekonomija tiegħu, ibbażata prinċipalment fuq is-servizzi u l-industrija, ġiet affettwata b'mod sinifikanti mit-taqlib reġjonali li ma jaqtax.

It-tnaqqis fit-turiżmu u fl-investiment dirett barrani, l-imblokkar tar-rotot kummerċjali u t-tfixkil ripetut tal-provvista tal-gass naturali mill-Eġittu xekklu t-tkabbir tal-Ġordan u affettwaw b'mod negattiv il-pożizzjoni baġitarja tiegħu. Il-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq ċaħħad lill-prodotti tal-Ġordan mis-swieq tradizzjonali tagħhom; Fl-2015, il-persistenza tal-kunflitti fil-pajjiżi ġirien komplew ifixlu l-kummerċ barrani tal-Ġordan: it-tkabbir naqas (2,4 %) u l-ħtiġijiet ta' finanzjament barrani residwu għall-2016-2017 huma stmati għal madwar USD 3,2 biljun. Fl-ewwel nofs tal-2016, il-qgħad kien f'livell għoli ħafna, b'14,6 % tal-popolazzjoni attiva affettwata (33 % taż-żgħażagħ u 23,7 % tan-nisa).

Minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli, il-Ġordan laqa' għadd kbir ta' persuni spostati. Flimkien mal-Libanu, il-Ġordan huwa l-pajjiż li jilqa' l-aktar rifuġjati b'relazzjoni mad-daqs tal-popolazzjoni tiegħu, u impenja ruħu biex jiffaċilita l-aċċess tas-Sirjani għall-impjieg – 650 000 Sirjan huma uffiċjalment reġistrati bħala rifuġjati, iżda l-awtoritajiet tal-Ġordan saħansitra jsemmu ċ-ċifra ta' 1,4 miljun rifuġjat preżenti fit-territorju tagħhom. B'kollox, l-għadd ta' residenti mhux mill-Ġordan irdoppja fuq perjodu ta' ħames snin. Il-biċċa l-kbira tagħhom ma jgħixux f'kampijiet iżda f'żoni urbani. Dan joħloq pressjoni kbira fuq is-servizzi pubbliċi tal-Ġordan, b'mod partikolari s-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Sa tmiem l-2015, id-dejn tal-Ġordan laħaq 93,4 % tal-PDG tiegħu.

Il-Ġordan jinsab fil-qalba ta' sħubija, reċenti iżda dejjem aktar mill-qrib, mal-Unjoni Ewropea, li hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tiegħu. Wara l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li ġie konkluż fl-1997 u li daħal fis-seħħ fl-2002, fl-2010 il-Ġordan kiseb l-istatus ta' "sieħeb avvanzat" tal-UE. Fl-2011 tnieda l-proċess ta' tħejjija għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA). Fid-dawl tal-kriżi u biex tkopri l-ħtiġijiet tal-pajjiż għal finanzjament barrani residwu, l-Unjoni Ewropea diġà tat lill-Ġordan assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 180 miljun (deċiżjoni ttieħdet fl-2013, il-ħlas sar fl-2015). L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tgħin lill-Ġordan jiffaċċja l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom.

Fil-qafas tal-konferenza l-kbira tad-donaturi li saret f'Londra fl-4 ta' Frar 2016 ("Supporting Syria and the Region"), il-komunità internazzjonali impenjat ruħha li timplimenta pjan globali ġenwin ta' appoġġ għall-Ġordan. B'kollox, il-wegħdiet laħqu l-USD 10 biljun. Minn din is-somma, l-UE impenjat ruħha sa EUR 2,39 biljun, li jinkludu self ta' EUR 200 miljun għall-finijiet tat-tieni operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja, fil-qafas tal-Patt il-ġdid bejn l-UE u l-Ġordan. Dan se jissupplimenta l-għotjiet mogħtija f'konformità mal-istrument Ewropew għall-viċinat u l-programmi ta' appoġġ baġitarju implimentati mill-UE. Jekk il-Ġordan jissodisfa l-kundizzjonijiet demokratiċi (saru żviluppi reċenti bl-introduzzjoni ta' qorti kostituzzjonali u ta' kummissjoni elettorali indipendenti) u dawk makroekonomiċi meħtieġa għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja, l-operazzjoni tkun tista' timxi 'l quddiem.

Fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi li l-Ġordan qiegħed jiffaċċja, l-Unjoni Ewropea għandha turi appoġġ lejn is-sieħeb tagħha, li jħaddem politika ta' akkoljenza ta' rifuġjati li jistħoqqilha kull rispett. Għalhekk, ir-rapporteur jixtieq li l-programm ta' assistenza makrofinanzjarja jkun effettiv mill-aktar fis possibbli, sabiex il-Ġordan ikun jista' jibbenefika minnu b'mod konkret f'dan il-mument deċiżiv. Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex turi flessibbiltà u intelliġenza waqt in-negozjati tal-Memorandum ta' Qbil mal-awtoritajiet tal-Ġordan, u biex, fil-fora internazzjonali rilevanti jew permezz ta' azzjonijiet konkreti, tfittex li ssib soluzzjonijiet li jnaqqsu l-piż tad-dejn tal-Ġordan, li qiegħed dejjem jikber.

Il-Parlament Ewropew jassumi li l-assistenza makrofinanzjarja attwali lill-Ġordan se tiġi implimentata skont il-prattiki tajba applikabbli attwalment għall-istrument ta' assistenza makrofinanzjarja u, b'mod partikolari, li ma tkun imposta fuq il-Ġordan l-ebda skeda ta' żmien speċifika għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġordan.


ANNESS: ITTRA MINGĦAND IL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

Ref.: D (2016)37818

Is-Sur Bernd Lange

President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA)

Suġġett:  Assistenza Makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan - COM(2016)431 final 2016/0197 (COD)

Għażiż Sur Lange,

Kif approvat mill-koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), u sabiex ikun hemm proċess rapidu dwar din il-proposta, għandi l-unur li fil-kapaċità tiegħi bħala l-President tal-Kumitat AFET nippreżentalek, permezz ta' din l-ittra, l-opinjoni tal-Kumitat tagħna dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

Il-Kumitat AFET jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Kif taf, il-Ġordan huwa pajjiż sieħeb importanti għall-UE b'rabtiet ekonomiċi qawwija. Fl-2014, l-UE kienet it-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-Ġordan. Relazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà huma wkoll sinifikanti: minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, il-Ġordan huwa pajjiż strateġiku għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun. Ippermettili nissottolinja r-rwol strateġiku tal-Ġordan fil-koalizzjoni kontra l-ISIS u l-isforzi estiżi tiegħu fl-oqsma tas-sigurtà u tal-intelligence.

Sa mill-bidu tal-kriżi Sirjana fl-2011, il-pajjiż ospita għadd kbir ta' rifuġjati Sirjani (madwar 1,3 miljun), iżda wkoll Iraqini, Libjani u Jemeniti, li żiedu l-pressjoni fuq l-ekonomija, is-servizzi pubbliċi u l-infrastrutturi tiegħu. Il-Ġordan huwa għalhekk partikolarment vulnerabbli għall-instabbiltà attwali li r-reġjun jinsab fiha, kemm f'termini politiċi kif ukoll ekonomiċi. Jeħtieġ li l-Ġordan jibqa' stabbli għall-ġejjieni tar-reġjun, u ħaqqu mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha li se jikkontribwixxu biex tinżamm din l-istabbiltà kruċjali.

Għalhekk, il-Kumitat AFET jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għat-tieni assistenza makrofinanzjarja, u wkoll il-fatt li din tkun parti mill-hekk imsejjaħ Patt bejn l-UE u l-Ġordan. Dan tal-aħħar huwa inizjattiva importanti, li fiha impenji preċiżi għaż-żewġ naħat (inkluża assistenza finanzjarja mill-UE) u li tindirizza, fl-istess ħin, għadd ta' prijoritajiet ta' politika. Il-Kumitat itenni l-bżonn li tiġi stabbilita sħubija aktar b'saħħitha bejn l-UE u l-Ġordan fl-oqsma tal-politika, tas-sigurtà, tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni. F'dan il-kuntest, jilqa' d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Mogherini fl-20 ta' Lulju matul l-Għaxar Kumitat ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan. Barra minn hekk, aħna nilqgħu, b'mod partikolari, il-prekundizzjoni għall-għoti ta' din l-assistenza makrofinanzjarja (kif indikat fil-proposta, paġna 11, paragrafi 19 u 20), li l-Ġordan għandu jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt, kif ukoll jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kumitat AFET huwa tal-fehma li l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għandhom jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-Ġordan sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun. Bħala l-President tal-Kumitat, jiena ntenni l-importanza li jingħata sostenn xieraq lir-Renju Ħaxemita u li jkun hemm aktar djalogu politiku u ekonomiku bejn l-Unjoni u l-Ġordan.

Ninsab fiduċjuż li l-Kumitat INTA se jikkunsidra b'mod xieraq din il-pożizzjoni meta jadotta l-pożizzjoni tiegħu kif ukoll matul in-negozjati mal-Kunsill.

Dejjem tiegħek,

Elmar Brok

CC:  Is-Sinjura Marisa Matias, President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Maxreq

  Is-Sur Emmanuel Maurel, Rapporteur


ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS

D(2016) 40152

Is-Sur Bernd Lange

President

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

                ASP 12G205

Suġġett:   Proposta għal deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

Għażiż Sur President,

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali qiegħed iħejji rapport dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan 2016/0197(COD), għal ammont ta' EUR 200 miljun.

Il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Baġits iddeċieda li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu permezz ta' ittra minflok opinjoni formali.

Waqt missjoni uffiċjali fil-Ġordan f'Mejju 2016, delegazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits tassew kellha l-opportunità li teżamina mhux biss il-pressjoni li ġab miegħu l-influss tar-rifuġjati fuq ir-riżorsi tal-Ġordan, iżda wkoll il-firxa wiesgħa ta' konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji tal-kriżi Sirjana u tal-instabbiltà reġjonali. Il-Membri faħħru r-reżiljenza tal-pajjiż u tal-komunitajiet ospitanti fid-dawl ta' dawn l-isfidi, u enfasizzaw ir-rwol kruċjali li l-Ġordan għandu jkompli jkollu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-rifuġjati u għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun.

Id-delegazzjoni tal-Kumitat BUDG, li mar-ritorn tagħha rrapportat lura lill-kumitat kollu, ħadet nota li l-Unjoni żiedet l-assistenza finanzjarja tagħha għall-Ġordan fil-kuntest tal-kriżi Sirjana, li b'hekk laħqet l-ammont ta' EUR 293,6  miljun impenjati fl-2016. Dan l-appoġġ qiegħed jingħata permezz ta' għadd ta' strumenti u mekkaniżmi, il-biċċa l-kbira permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (EUR 140 miljun fl-2016) iżda wkoll tal-għajnuna umanitarja (EUR 53 miljun), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (EUR 21,8 miljun), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (EUR 13-il miljun), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EUR 0,8 miljun), u l-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Fond Fiduċjarju "Madad" b'reazzjoni għall-kriżi fis-Sirja (EUR 65 miljun). Barra minn hekk, minħabba l-pressjoni diretta fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ġordan, l-ewwel pakkett ta' self ta' assistenza makrofinanzjarja fil-fatt intlaħaq qbil dwaru fl-2013 u tħallas fl-2015.

Id-Delegazzjoni tal-BUDG innotat li l-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni, wiegħdet sforzi finanzjarji ulterjuri waqt il-konferenza "Supporting Syria and the Region" li saret f'Londra fl-4 ta' Frar 2016. Min-naħa tiegħu, il-Ġordan ippreżenta għadd ta' miżuri li huwa lest li jieħu biex jinvolvi aktar tfal fl-edukazzjoni u biex joħloq opportunitajiet ta' xogħol għar-rifuġjati. L-Unjoni, min-naħa tagħha, sussegwentement daħlet f'negozjati ta' "patti" ta' impenji reċiproċi mal-Ġordan.

Ħerqan li ssir valutazzjoni rigoruża tal-ħtiġijiet attwali, il-Kumitat għall-Baġits għalhekk jikkonkludi dan li ġej.

Il-pakkett preżenti ta' assistenza makrofinanzjarja II għandu jiġi adottat malajr bħala parti mill-impenji li ttieħdu waqt il-konferenza f'Londra sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u tal-komunitajiet ospitanti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha turi li hija tista' twettaq malajr u b'mod effiċjenti l-wegħda ta' Londra.

B'mod parallel, l-Unjoni għandha tiżgura li l-Ġordan iwettaq l-impenn tiegħu li jtejjeb l-aċċess tar-rifuġjati għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol. Il-Ġordan għandu wkoll jikkontribwixxi biex tinstab soluzzjoni għar-rifuġjati li bħalissa jinsabu mitluqa fil-fruntiera bejn is-Sirja u l-Ġordan mingħajr assistenza umanitarja adegwata.

Filwaqt li l-awtoritajiet Ġordaniżi talbu għal assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 350 miljun, "il-marġni ta' manuvra fil-baġit tal-UE" ma għandhiex tintuża mill-Kummissjoni bħala waħda mill-ġustifikazzjonijiet biex tnaqqas l-ammont għal EUR 200 miljun. Kompletament konxju tan-nuqqas attwali ta' fondi disponibbli taħt l-intestatura 4 (Ewropa Globali), il-Kumitat għall-Baġits jinnota li proviżjonament ta' 9 % għall-Fond ta' Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni (EUR 6,75 miljun kull sena fuq perjodu ta' sentejn), probabbilment jista' jiġi akkomodat mingħajr ma jaffettwa politiki oħra fl-ippjanar finanzjarju ta' linja baġitarja li, fl-istat attwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, huwa mistenni li tkun ta' aktar minn EUR 220 miljun kull sena fis-snin li ġejjin. F'ambjent li qed jinbidel malajr, il-Kumitat għall-Baġits għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkonferma jew taġġorna l-valutazzjoni tagħha tal-ħtiġijiet residwi tal-pajjiż għal finanzjament barrani qabel il-konklużjoni tal-proċedura leġiżlattiva dwar il-pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja II.

Dejjem tiegħek,

Jean Arthuis


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

Referenzi

COM(2016)0431 – C8-0242/2016 – 2016/0197(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

29.6.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

7.7.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

7.7.2016

BUDG

7.7.2016

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

12.7.2016

BUDG

7.10.2016

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Emmanuel Maurel

13.7.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

31.8.2016

26.9.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Sander Loones, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey

Data tat-tressiq

17.10.2016

Avviż legali