Proċedura : 2016/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0299/2016

Testi mressqa :

A8-0299/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.26
CRE 01/12/2016 - 6.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0481

RAPPORT     
PDF 517kWORD 49k
17.10.2016
PE 584.146v02-00 A8-0299/2016

dwar l-applikazzjoni tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea

(2016/2011(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Kostas Chrysogonos

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea

(2016/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea u dwar miżuri maħsuba biex jissimplifikaw u jaċċeleraw il-litigazzjoni dwar talbiet żgħar (COM(2002)0746),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta' Ottubru 2012 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea (COM(2015)0495),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar il-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea mwettqa mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0299/2016),

A.  billi l-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha li jirrieżamina l-operat tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006;

B.  billi r-rapport huwa kważi sentejn tard u ma jinkludix valutazzjoni tal-impatt estiża u aġġornata għal kull Stat Membru kif meħtieġ, li tqis id-dispożizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri kollha u l-interoperabilità tagħhom, iżda jinkludi biss tabella statistika li mhijiex kompleta b'informazzjoni li ħafna minnha tmur lura għall-2012; billi l-Ordni ta' Ħlas Ewroprea hija proċedura fakultattiva li tista' tintuża f'każijiet transfruntiera bħala alternattiva għal ordnijiet ta' ħlas nazzjonali;

C.  billi din il-proċedura nħolqot biex ikun jista' jitħaffef u jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' ammonti li jirriżultaw minn djun li huma ċerti, ta' ammont fiss u dovuti, u mhux ikkontestati mill-konvenut, b'mod li ma jinvolvix spejjeż kbar; u billi skont l-istatistika, il-proċedura tidher li qed tiffunzjona b'mod sodifaċenti fil-biċċa l-kbira, iżda l-potenzjal tagħha għadu 'l bogħod milli jiġi sfruttat kompletament, u billi skont l-istatistika, peress li prinċipalment tintuża fi Stati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi proċedura nazzjonali simili;

D.  billi l-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea taqa' taħt il-kategorija ta' miżuri fil-qasam ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transfruntiera u li jkunu meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

E.  billi pagamenti li jsiru tard huma kawża ewlenija ta' insolvenza, li thedded is-sopravivenza tan-negozji, b'mod partikolari dawk ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u twassal għat-telf ta' għadd konsiderevoli ta' impjiegi;

F.  billi għandhom jittieħdu miżuri konkreti, inkluż kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati, sabiex iċ-ċittadini, in-negozji, il-professjonisti legali u partijiet oħra rilevanti jiġu infurmati dwar id-disponibilità, it-tħaddim, l-applikazzjoni u l-vantaġġi ta' din il-proċedura;

G.  billi f'ċerti Stati Membri li fihom il-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea mhijiex applikata f'konformità mar-Regolament attwali, l-ordnijiet għandhom jinħarġu aktar malajr, u fi kwalunkwe każ għandha tiġi rispettata l-iskadenza ta' 30 jum stabbilita mir-Regolament, filwaqt li jitqies li l-ordnijiet jistgħu jiġu infurzati biss meta l-pretensjonijiet mhumiex ikkontestati;

H.  billi jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-sistema e-Codex biex tippermetti s-sottomissjoni online tal-applikazzjonijiet, permezz ta' aktar miżuri li għandhom fil-mira l-użu aktar effiċjenti ta' din il-proċedura;

I.  billi aktar Stati Membri għandhom isegwu l-eżempju ta' Franza, tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, ta' Ċipru u tal-Iżvezja u jippermettu lir-rikorrenti jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom f'lingwi addizzjonali, u b'mod ġenerali jieħdu miżuri ta' appoġġ sabiex jimminizzaw il-marġni ta' żball li jirriżulta mill-użu ta' lingwa barranija;

J.  billi n-natura ssimplifikata tal-proċedura ma tfissirx li tista' tiġi użata b'mod ħażin biex jiġu infurzati klawżoli kuntrattwali inġusti, peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jirrikjedi li l-qorti teżamina jekk it-talba hijiex fondata, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, u b'hekk tiġi żgurata l-kompatibilità tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett; billi, barra minn hekk, il-partijiet rilevanti kollha għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-proċeduri;

K.  billi l-formoli standard jeħtieġu reviżjoni u rieżami perjodiku futur sabiex tiġi aġġornata l-lista tal-Istati Membri u l-muniti, u biex ikun hemm provvedimenti aħjar għall-ħlas ta' imgħax fuq it-talbiet, inkluż deskrizzjoni xierqa tal-imgħax li għandu jiġi rkuprat;

L.  billi l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura u r-rieżami eċċezzjonali tal-ordnijiet;

1.  Jilqa' t-tħaddim b'suċċess tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea fl-Istati Membri kollha, proċedura applikabbli fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali relatati ma' talbiet mhux ikkontestati, li l-għan prinċipali tagħha huwa li tissimplifika u tħaffef il-proċedura għar-rikonoxximent transfruntier u l-infurzar tad-drittijiet tal-kredituri fl-UE;

2.  Jiddeplora d-dewmien sinifikanti ta' kważi sentejn fit-tressiq tar-rapport tal-Kummissjoni li jirrieżamina l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006;

3.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt estiża għal kull Stat Membru fir-rapport tal-Kummissjoni, kif mitlub mill-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006; jiddeplora n-nuqqas ta' data aġġornata f'dan ir-rapport dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tat-tħaddim u l-implimentazzjoni tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tippreżenta valutazzjoni tal-impatt estiża, aġġornata u dettaljata;

4.  Jiddispjaċih, bl-istess mod, li l-użu tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; jenfasizza f'dan ir-rigward li, minkejja l-proċedura simplifikata moderna li toffri l-leġiżlazzjoni tal-UE, id-differenzi fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri u x-xewqa li jagħżlu leġiżlazzjoni nazzjonali aktar milli l-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea qed jonqsu milli jkabbru r-riżultati tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, u ċ-ċittadini Ewropej għaldaqstant ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'livell transfruntier, u dan joħloq riskju ta' tnaqqis ta' fiduċja fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

5.  Jirrimarka li l-membri tal-pubbliku li l-aktar li jagħmlu użu ta' spiss mill-proċedura u li huma l-aktar infurmati dwarha, jinsabu fi Stati Membri bi strumenti simili fil-livell nazzjonali;

6.  Iqis li jeħtieġ li jittieħdu miżuri prattiċi biex iċ-ċittadini, in-negozji, il-professjonisti legali u l-partijiet rilevanti l-oħra kollha jiġu infurmati dwar id-disponibilità, it-tħaddim, l-applikazzjoni u l-vantaġġi tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea f'każijiet transfruntiera; jenfasizza, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' assistenza għall-membri tal-pubbliku, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex jitjieb l-użu, il-fehim u l-għarfien tagħhom dwar l-eżistenza ta' strumenti legali fir-rigward tal-infurzar tat-talbiet fil-livell transfruntier skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'data preċiża, komprensiva u aġġornata għal skopijiet ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effikaċi;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistinkaw biex joħorġu ordnijiet fi żmien 30 jum, u jaċċettaw applikazzjonijiet f'lingwi barranin fejn possibbli, filwaqt li jitqies li rekwiżiti ta' traduzzjoni għandhom impatt negattiv fuq l-ispejjeż u ż-żmien tal-ipproċessar tal-proċedura;

9.  Jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma li qiegħda ssir biex fil-futur issir possibbli s-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet għal Ordni ta' Ħlas Ewropew; jistieden, għalhekk, lill-Kumissjoni f'dan ir-rigward, biex tinkoraġġixxi l-użu tal-proġett pilota e-CODEX u biex testendih għall-Istati Membri kollha, wara studju tal-Kummissjoni dwar il-fattibilità ta' applikazzjonijiet elettroniċi għal Ordnijiet ta' Ħlas Ewropej;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta forom standard aġġornati kif meħtieġ, biex tagħmel provvediment aħjar inter alia, għal deskrizzjoni xierqa tal-imgħax li għandu jitħallas fuq it-talbiet;

11.  Iqis li rieżami futur tar-Regolament għandu jkollu l-għan li jneħħi ċerti eċċezzjonijiet għall-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura u li jirrevedi d-dispożizzjonijiet dwar ir-rieżami ta' Ordnijiet ta' Ħlas Ewropej;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 283, 16.10.2012, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

L-għan tal-proċedura

L-għan tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea huwa li jippermetti l-irkupru iktar faċli ta' ammonti fi proċedimenti transfruntiera. Il-proċedura hija fakultattiva, fis-sens li hija disponibbli f'każijiet transfruntiera bħala alternattiva għal diversi proċeduri nazzjonali ekwivalenti. Fi ftit kliem, din il-proċedura tippermetti li l-kredituri jiksbu faċilment ordni għall-irkupru ta' talbiet ċivili u kummerċjali mhux ikkontestati. Applikazzjoni għaliha tista' ssir permezz ta' korrispondenza jew, ta' spiss, b'mod elettroniku, ma teħtieġx l-assistenza ta' avukat, u hija eżekutorja fi Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta' formalitajiet addizzjonali.

L-Ordni ta' Ħlas Ewropea tinħareġ awtomatikament, abbażi tal-applikazzjoni biss, iżda d-debitur jista' jagħmel dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni fi żmien 30 jum. F'każ ta' tali oġġezzjoni, l-ordni tiġi terminata, u jistgħu jinbdew proċedimenti kontenzjużi fil-qrati.

L-użu tal-proċedura

Il-Kummissjoni tindika li kull sena jsiru madwar 12 000 applikazzjoni għal Ordnijiet ta' Ħlas Ewropej. L-użu tal-proċedura jidher li huwa l-aktar komuni f'pajjiżi li għandhom fis-seħħ proċeduri nazzjonali simili, li jfisser li l-udjenza fil-mira se tkun aktar familjari mal-kunċett. Xi Stati Membri għandhom rata ta' użu baxxa ħafna, u dan jissuġġerixxi li jista' jsir iktar biex in-negozji u l-professjonisti legali jiġu infurmati dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din il-proċedura.

Implimentazzjoni prattika

Bosta elementi huma essenzjali għall-użu effikaċi tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea. L-ewwel nett, l-ordni jeħtieġ li tiġi mogħtija malajr, peress li m'għandu jsir l-ebda eżami dettaljat tat-talba. Ir-Regolament jipprovdi li ordnijiet għandhom jinħarġu fi żmien 30 jum. Madankollu, jidher li, filwaqt li xi Stati Membri jagħtu ordnijiet f'dak il-perjodu ta' żmien, oħrajn jieħdu konsiderevolment aktar żmien, u f'ċerti każijiet aktar minn sitt xhur. Dan mhuwiex aċċettabbli.

It-tieni, għandu jkun possibbli li l-formoli rilevanti jiġu sottomessi online. Bħalissa huwa possibbli li jimtlew il-formoli online, li diġà jnaqqas in-numru ta' żbalji u ommissjonijiet fil-formoli. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-għadd ta' talbiet għal korrezzjoni jew rettifika tal-applikazzjonijiet. Jista' jsir aktar f'dan il-qasam, b'mod partikolari permezz tas-sistema e-CODEX, sabiex il-formoli jistgħu effettivament jiġu sottomessi online.

Fit-tielet lok, peress li din hija proċedura transfruntiera, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw applikazzjonijiet li huma f'lingwi differenti minn tagħhom fejn possibbli. Franza sservi bħala eżempju f'dan ir-rigward, peress li l-applikazzjonijiet huma aċċettati f'ħames lingwi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra, iżda, applikazzjonijiet f'lingwi barranin mhumiex aċċettati.

Kwistjonijiet legali

Qamu għadd ta' kwistjonijiet legali matul l-applikazzjoni tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea. L-ewwel nett, ma kienx hemm dispożizzjoni espliċita biżżejjed fir-Regolament oriġinali dwar l-imgħax li għandu jitħallas fuq it-talba prinċipali. Is-sitwazzjoni ġiet iċċarata mill-ġurisprudenza: huwa possibbli li tintuża l-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea biex jintalab imgħax dovut fil-ġejjieni, sad-data tal-ħlas effettiv(1). Madankollu, il-formoli jistgħu jagħmlu din it-talba aktar faċli billi jiġu kkjarifikati t-taqsimiet rilevanti.

It-tieni, jidher li l-awtomatiċità sħiħa tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea, bħal dik ta' proċeduri nazzjonali komparabbli, fil-prattika mhijiex dejjem kompatibbli mal-ħarsien tal-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk il-qorti m'għandhiex normalment teżamina s-sitwazzjoni ġuridika sottostanti l-ordni ta' ħlas, l-effettività tad-dritt dwar il-ħarsien tal-konsumatur tirrikjedi li l-qorti tal-inqas tqis jekk il-klawżola kuntrattwali li permezz tagħha negozju qed jitlob għall-ħlas hijiex ġusta għall-konsumatur(2). Jekk hija inġusta, l-ordni ta' ħlas ma għandhiex tinħareġ. Dan huwa kompatibbli mar-Regolament, peress li huwa jiddisponi li l-qorti għandha teżamina jekk it-talba tidhirx fondata.

Oġġezzjoni u rieżami

Meta l-konvenut joġġezzjona għall-applikazzjoni, il-proċedura ma tistax titkompla. Skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti, il-każ jista' jew jaqa', jitkompla fi proċedimenti ġudizzjarji ordinarji jew, wara r-reviżjoni tal-2015, jitkompla skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Ir-rata ta' oġġezzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, apparentement skont jekk proċeduri bħal dawn humiex magħrufa fid-dritt nazzjonali. F'pajjiżi fejn teżisti tali proċedura nazzjonali, ir-rata ta' oġġezzjoni hija pjuttost baxxa, filwaqt li f'xi oħrajn, ir-rata ta' oġġezzjoni taqbeż il-50 %.

Fid-dawl tan-natura tal-Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea, rieżami huwa possibbli biss f'każijiet eċċezzjonali, pereżempju fejn id-dritt tad-difiża ma ġiex rispettat. Fl-2015 ġie kkunsidrat jekk jiġux emendati d-dispożizzjonijiet dwar ir-rieżami eċċezzjonali, iżda t-test s'issa għadu ma nbidilx. Kjarifika, madankollu, hija mixtieqa.

Bidliet possibbli għall-proċedura

Ir-rapporteur iqis li l-Kummissjoni għandha tadotta verżjonijiet ġodda ta' ċerti formoli standard sabiex jitqiesu d-diversi bidliet li seħħew matul is-snin, kif ukoll biex titjieb iċ-ċarezza tat-taqsimiet dwar il-ħlas ta' imgħax. Fir-rigward tar-Regolament innifsu, ir-rapporteur ma jara l-ebda ħtieġa immedjata ta' tibdil, iżda jikkunsidra jekk xi restrizzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura jistgħux jitneħħew fid-dawl tal-progress li sar skont id-dritt tal-familja tal-UE. Jeħtieġ ukoll issir aktar ħidma dwar l-applikazzjonijiet għal rieżami tal-Ordnijiet ta' Ħlas Ewropej.

(1)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża C-215/11, Iwona Szyrocka vs SiGer Technologie GmbH, ECLI:EU:C:2012:794, punt 53.

(2)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta' Ġunju 2012 fil-Kawża C-618/10, Banco Español de Crédito SA vs Joaquín Calderón Camino, ECLI:EU:C:2012:349, punt 57.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Constance Le Grip, Virginie Rozière

Avviż legali