Proċedura : 2016/2076(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0303/2016

Testi mressqa :

A8-0303/2016

Dibattiti :

PV 23/11/2016 - 18
CRE 23/11/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0454

RAPPORT     
PDF 794kWORD 85k
18.10.2016
PE 582.074v02-00 A8-0303/2016

dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi

(2016/2076(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Catherine Bearder

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi

(2016/2076(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi" (COM(2016)0087),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), implimentata fl-UE permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/451 tas-6 ta' Marzu 2015 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2000 kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Selvaġġa Ewropea u tal-Ħabitats Naturali (Bern Convention),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kriminalità Dinjija marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi tal-2016 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/314 tat-30 ta' Lulju 2015 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2/14 tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent dwar il-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi u fil-prodotti mill-organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konsorzju Internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC), li jinkludi s-CITES, l-Interpol, l-UNODC, il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ffirmata fil-Konferenza ta' Londra tal-2014 dwar il-Kummerċ Illegali tal-Organiżmi Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham tal-2016 dwar il-prevenzjoni tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi fis-settur tat-trasport,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(3), u r-rapport tal-2016 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 605/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta' bastimenti(5) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta' Marzu 2009(6) li jippermetti l-importazzjoni ta' 20 kg ta' prodotti tal-ħut għall-konsum personali,

–  wara li kkunsidra l-importanza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, fil-ġlieda kontra l-qbid u l-bejgħ illegali ta' speċijiet akwatiċi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoos(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi ppubblikat mid-Dipartiment Tematiku għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel f'Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra n-netwerk Natura 2000, li jinvolvi siti importanti ta' tnissil u ta' mistrieħ għal speċijiet rari jew mhedda, u xi tipi ta' ħabitats naturali rari li huma protetti fihom infushom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-proġett ta' riċerka Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Reati Ambjentali (EFFACE) tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Kriminali tal-4 ta' Marzu 2003 intitolat "Illicit trafficking in protected species of wild flora and fauna and illicit access to genetic resources" (Traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti ta' fawna u flora selvaġġa u aċċess illeċitu għar-riżorsi ġenetiċi),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016, dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni ta' rispons rapidu tal-2016 mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Interpol intitolat "The Rise of Environmental Crime" (Iż-Żieda fir-Reati Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0303/2016),

A.  billi t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi huwa reat tal-kriminalità internazzjonali organizzata, li huwa stmat li jiswa madwar EUR 20 biljun kull sena u li żdied madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin, u sar waħda mill-akbar u l-aktar forom ta' profitt tal-kriminalità organizzata transkonfinali; billi t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jiffinanzja u huwa marbut mill-qrib ma' forom oħra ta' kriminalità serja u organizzata;

B.  billi t-telf tal-bijodiversità globali huwa ħaġa serja peress li jikkorrispondi mas-sitt mewġa ta' estinzjoni tal-massa tal-ispeċijiet;

C.  billi l-bijodiversità globali u s-servizzi tal-ekosistema huma mhedda minħabba l-bidliet fl-użu tal-art, l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima; billi, b'mod partikolari, ħafna speċijiet mhedda qed jiffaċċjaw sfidi akbar minn qatt qabel minħabba l-urbanizzazzjoni mgħaġġla, it-telf tal-ħabitats u l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi;

D.  billi t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi għandu impatti negattivi kbar fuq il-bijodiversità, l-ekosistemi eżistenti, il-wirt naturali tal-pajjiżi ta' oriġini, ir-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet;

E.  billi t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi huwa theddida serja u li qed tikber għas-sigurtà globali, għall-istabbiltà politika, l-iżvilupp ekonomiku, l-għajxien lokali u l-istat tad-dritt, u għalhekk jirrikjedi approċċ strateġiku u koordinat tal-UE li jinvolvi lill-atturi kollha kkonċernati;

F.  billi t-twaqqif tat-traffikar fi speċijiet mhedda u ta' flora u fawna u prodotti derivati minnhom huwa essenzjali sabiex jinkisbu l-miri ta' żvilupp sostenibbli tan-NU;

G.  billi s-CITES hija ftehim internazzjonali kbir li jkopri 35 000 speċi ta' annimali u pjanti, li ilu fis-seħħ mill-1975 u ġie ffirmat minn 183 parti (inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE u, minn Lulju 2015, l-UE nnifisha);

H.  billi l-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp għandhom, inter alia, iservu bħala mezz biex itejbu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-benessri tal-annimali u tal-ħarsien tal-ambjent;

I.  billi l-Iskambju ta' Informazzjoni dwar il-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi tal-UE (EU-TWIX) ilu jimmonitorja l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi mill-2005 billi ħoloq bażi ta' data tal-konfiski u mezzi ta' komunikazzjoni bejn l-uffiċjali madwar il-pajjiżi Ewropej;

J.  billi n-nuqqas ta' għarfien u ta' impenn politiku huma ostakli kbar għall-effikaċja tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

K.  billi l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà għall-2015-2020 tidentifika l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi bħala forma ta' reat organizzat li għandu jiġi indirizzat fil-livell tal-UE billi jiġu kkunsidrati aktar sanzjonijiet kriminali fl-UE permezz ta' rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar ir-reati ambjentali;

L.  billi l-Operazzjoni COBRA III li saret f'Mejju 2015 kienet l-ikbar operazzjoni ta' infurzar tal-liġi internazzjonali li qatt ġiet ikkoordinata u kellha fil-mira tagħha l-kummerċ illegali fi speċijiet fil-periklu u rriżultat f'139 arrest u aktar minn 247 konfiska, li kienu jinkludu avorju tal-iljunfanti, pjanti mediċinali, qrejjen tar-rinoċeronti, pangolini, rosewood, fkieren u bosta eżemplari ta' pjanti u annimali oħra;

M.  billi d-domanda għal prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi fi swieq tad-destinazzjoni tippromwovi l-korruzzjoni fil-katina tal-provvista tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi;

N.  billi l-UE hija destinazzjoni sinifikanti tas-suq u rotta ta' tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi iżda wkoll sors ta' traffikar ta' ċerti speċijiet ta' flora u fawna Ewropej fil-periklu;

O.  billi r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Kriminali ta' April 2013, approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU fil-25 ta' Lulju 2013, tħeġġeġ "lill-Istati Membri tagħha biex iqisu t-traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti ta' fawna u flora selvaġġi bħala reat serju meta jkunu involuti gruppi tal-kriminalità organizzata", u b'hekk ipoġġuh fuq l-istess livell bħat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-droga;

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjonijiet koordinati sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, biex jiġu implimentati u infurzati b'mod effikaċi r-regoli eżistenti, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali bejn il-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-aġenziji tal-UE Europol u Eurojust jagħrfu li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija theddida serja u dejjem tikber u jindirizzawha bl-akbar urġenza politika; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċi komprensivi u koordinati fl-oqsma kollha ta' politika, inklużi l-kummerċ, l-iżvilupp, l-affarijiet barranin, it-trasport u t-turiżmu, il-ġustizzja u l-affarijiet interni;

3.  Jenfasizza li l-identifikazzjoni u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani adegwati huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji adegwati fil-baġit tal-UE u fil-baġits nazzjonali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-pjan;

4.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni, iżda jenfasizza n-nuqqasijiet tiegħu fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-ispeċijiet akkwatiċi;

5.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-elementi kollha tal-Pjan ta' Azzjoni sabiex tiġi riflessa l-ħtieġa urġenti li jitwaqqfu l-prattiki illegali u mhux sostenibbli u li jiġi evitat li jkun hemm aktar tnaqqis tal-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ta' kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill aġġornamenti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni u twaqqaf mekkaniżmu dettaljat u kontinwu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex ikejjel il-progress, inklużi l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-protezzjoni tal-ħabitats ta' speċijiet fil-mira u jenfasizza li għandha tkun żgurata protezzjoni akbar għaż-żoni nominati bħala Ekosistemi Vulnerabbli tal-Baħar, Żoni tal-Baħar Ekoloġikament jew Bijoloġikament Sinifikanti u siti tan-netwerk Natura 2000;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi uffiċċju ddedikat għall-Koordinatur kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li jirrifletti l-mudell użat fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, sabiex tiżgura li jkun hemm sforz konġunt bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li ħafna speċijiet akkwatiċi jinsabu wkoll fil-periklu li jiġu estinti, u dan se jaffettwa s-sostenibilità ta' ħafna ekosistemi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar studji xjentifiċi dwar l-adattamenti teknoloġiċi ta' rkapti tas-sajd sabiex tiġi evitata l-qabda aċċessorja, minħabba l-fatt li għadd ta' speċijiet, inklużi l-fkieren, huma mhedda kemm mill-qabda aċċessorja kif ukoll mit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu

10.  Jappella għal serje mmirata u kkoordinata ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni mill-UE, pajjiżi terzi, partijiet interessati u s-soċjetà ċivili bil-għan li titnaqqas id-domanda marbuta mal-kummerċ illegali ta' prodotti tal-ħajja selvaġġa permezz ta' bidla fl-imġiba individwali u kollettiva reali u dejjiema; jagħraf ir-rwol li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom fl-appoġġ tal-Pjan ta' Azzjoni;

11.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi li jippromovu l-iżvilupp ta' għajxien sostenibbli u alternattiv għall-komunitajiet rurali qrib tal-organiżmi selvaġġi, li jżidu l-benefiċċji tal-miżuri ta' konservazzjoni fuq livell lokali, jimminimizzaw il-kunflitti bejn il-bniedem u l-ħajja selvaġġa u jippromwovu l-ħajja selvaġġa bħala dħul ta' valur għall-kommunità; jemmen li dawn l-inizjattivi, meta jittieħdu f'konsultazzjoni mal-komunitajiet ikkonċernati, se jżidu l-appoġġ għall-konservazzjoni u jikkontribwixxu għall-irkupru, il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-popolazzjonijiet tal-organiżmi selvaġġi u l-ħabitats tagħhom;

12.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi għandha tkun element ewlieni tal-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar globali tal-UE u jappella sabiex id-diversi ftehimiet ta' kooperazzjoni nnegozjati ma' pajjiżi terzi jipprevedu azzjonijiet li jippermettu lill-komunitajiet lokali jibbenefikaw direttament meta jimpenjaw ruħhom għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi;

13.  Ifakkar lill-Kummissjoni li t-traffikar illegali tal-ispeċijiet akkwatiċi jaffettwa wkoll lill-iżvilupp ekonomiku tal-komunitajiet kostali u l-adattabilità ambjentali tal-ilmijiet tagħna;

14.  Jistieden lill-UE tindirizza b'urġenza l-korruzzjoni u n-nuqqasijiet tal-miżuri ta' governanza internazzjonali tul il-katina tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom ma' pajjiżi sħab permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u fora oħra biex jindirizzaw il-problema fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-UNCAC u jimplimentawhom b'mod effikaċi; jilqa' l-impenn internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Riżoluzzjoni 69/314 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Lulju 2015;

15.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħataw assistenza, gwida u taħriġ lill-awtoritajiet fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u tad-destinazzjoni dwar l-investigazzjoni, l-infurzar u l-proċeduri legali f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-isforzi jiġu kkoordinati b'mod effiċjenti fost l-aġenziji kollha involuti f'din il-ħidma; jistieden lill-UE tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki u tippermetti li jingħata tagħmir speċjalizzat u kompetenza fejn ikunu meħtieġa;

16.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi tal-20 ta' Ġunju 2016, filwaqt li jagħraf li l-k‏riminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija theddida serja u dejjem tikber għall-bijodiversità u l-ambjent iżda wkoll għas-sigurtà globali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' impenji ċari min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza r-rwol deċiżiv tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni sħiħa u koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni fil-livell nazzjonali u sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fih;

17.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fornituri biex: (i) itejbu l-istat tad-dritt u joħolqu deterrenti effikaċi permezz tat-tisħiħ tal-investigazzjonijiet kriminali, il-prosekuzzjonijiet u l-għoti tas-sentenzi; (ii) jippromulgaw liġijiet aktar b'saħħithom li jittrattaw it-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi bħala "reat serju" li jistħoqqlu l-istess livell ta' attenzjoni u ta' gravità bħal forom oħra ta' kriminalità organizzata transnazzjonali; (iii) jallokaw aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi dwar l-organiżmi selvaġġi, il-kontrolli tal-kummerċ, il-monitoraġġ, id-detezzjoni doganali u s-sekwestri; (iv) jimpenjaw ruħhom għal politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni;

Implimentazzjoni u infurzar aktar effikaċi

18.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi li jistipulaw il-politiki ta' infurzar u sanzjonijiet, u jippubblikaw u jikkondividu l-informazzjoni dwar il-konfiski u l-arresti relatati mar-reati marbuta mal-organiżmi selvaġġi, sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u approċċi armonizzati fost l-Istati Membri; jappoġġja t-twaqqif ta' mekkaniżmu li jipprovdi lill-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' data u informazzjoni dwar is-sekwestri u l-arresti fl-Istati Membri u li jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika;

19.  Jinsisti dwar l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ ta' Organiżmi Selvaġġi;

20.  Jipproponi li l-penali għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, speċjalment f'żoni b'ekosistemi vulnerabbli tal-baħar jew li jaqgħu fin-netwerk Natura 2000, għandhom ikunu severi biżżejjed b'tali mod li jiskoraġġixxu lil trasgressuri potenzjali;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-ġudikaturi nazzjonali jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa u l-għarfien espert xieraq sabiex jiġġieldu l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex iħarrġu u jqajmu l-kuxjenza fost l-aġenziji u l-istituzzjonijiet rilevanti kollha;

22.  Jilqa' l-isforzi tan-Netwerk għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali tal-Unjoni Ewropea (IMPEL), in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), il-Forum tal-Imħallfin għall-Ambjent tal-UE (EUFJE) u n-netwerk tal-uffiċjali tal-pulizija li jiffoka fuq l-indirizzar tar-reati ambjentali (EnviCrimeNet);

23.  Jinnota l-inklużjoni tal-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi fl-Aġenda għas-Sigurtà tal-UE 2015-2020 li tagħraf li l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi jhedded il-bijodiversità fir-reġjuni ta' oriġini, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà reġjonali;

24.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jinvestu d-dħul li jagħmlu mill-multi imposti għat-traffikar fil-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna selvaġġa;

25.  Jitlob bidla radikali fil-ġbir tal-intelligence, fit-tfassil u l-infurzar tal-liġijiet, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra ta' destinazzjoni u ta' tranżitu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-qrib lil dawn l-aspetti ta' ġestjoni u monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

26.  Jenfasizza li sabiex tiġi evitata l-"migrazzjoni" ta' netwerks kriminali marbuta mal-organiżmi selvaġġi, l-armonizzazzjoni ta' linji politiċi u ta' oqfsa legali fir-rigward tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija partikolarment importanti;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn l-aġenziji u għall-kondiviżjoni ta' data funzjonali u f'waqtha bejn l-aġenziji ta' implimentazzjoni u ta' infurzar fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' netwerks strateġiċi ta' infurzar kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri sabiex tali kooperazzjoni tiġi ffaċilitata u mtejba; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu unitajiet kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni fost id-diversi aġenziji;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Europol intelligence u data kontinwi u rilevanti; iħeġġeġ lill-Europol jikkunsidra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) tal-UE li jmiss; jappella għat-twaqqif ta' Unità speċjalizzata kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fi ħdan l-Europol li jkollha setgħat u responsabbiltajiet transnazzjonali u riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti, li tippermetti li l-analiżi u l-informazzjoni jiġu ċentralizzati u li jiġu kkoordinati l-istrateġiji ta' infurzar u l-investigazzjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sistema EU-TWIX bħala għodda ppruvata u li tiffunzjona tajjeb għall-Istati Membri biex jikkondividu d-data u l-informazzjoni, filwaqt li tiżgura impenn finanzjarju fit-tul lejha; jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ, fl-infurzar u fir-rappurtar tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jappella għal kooperazzjoni akbar mill-UE u l-Istati Membri biex jappoġġjaw dawn l-isforzi tal-NGOs;

30.  Jinnota r-rabtiet bejn il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u forom oħra ta' kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus, u l-finanzjament ta' milizzji u gruppi terroristiċi, u jqis il-kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti bħala prijorità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti rilevanti kollha, inkluża l-kooperazzjoni mas-settur finanzjarju, u jissorveljaw u jwettqu riċerka dwar l-effetti tal-prodotti u prattiki finanzjarji emerġenti li huma involuti f'din l-attività;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u jistabbilixxu livelli xierqa ta' sanzjonijiet għar-reati kontra l-organiżmi selvaġġi; huwa mħasseb li xi Stati Membri għadhom ma implimentawx b'mod sħiħ id-Direttiva u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni f'kull Stat Membru, speċjalment f'termini ta' sanzjonijiet, u tipprovdi gwida; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tad-Direttiva 2008/99/KE, b'mod partikolari rigward l-effikaċja tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, fil-limiti ta' żmien stipulati fl-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, kif ukoll tressaq proposta biex tirrevediha kif xieraq; Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi lejn l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet kriminali relatati mat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE fir-rigward ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transkonfinali;

32.  Iqis li d-dimensjoni doganali tal-Pjan ta' Azzjoni għandha tiġi enfasizzata aktar, kemm fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab kif ukoll għall-implimentazzjoni aħjar u aktar effikaċi fi ħdan l-Unjoni; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, ir-rieżami tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas legali attwali tal-UE, u jitlob li dan ir-rieżami jinkludi valutazzjoni tal-proċeduri doganali;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi u jikkonformaw mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) bħala bażi għal azzjoni internazzjonali u assistenza legali reċiproka u bħala pass importanti lejn approċċ komuni għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jiddeplora profondament, f'dan ir-rigward, il-fatt li ħdax-il Stat Membru għadhom ma implimentawx l-UNTOC; jistieden lill-Istati Membri inkwistjoni jimplimentaw il-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli;

34.  Iqis li l-azzjoni kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi tirrikjedi sanzjonijiet konsistenti, effikaċi u dissważivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddefinixxu t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi bħala reat serju skont l-Artikolu 2(b) tal-UNTOC;

35.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' gwida dwar il-prosekuzzjoni u l-kundanni għall-ġudikaturi u l-prosekuturi tal-Istat Membri u l-ħtieġa ta' taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana u tal-infurzar fil-punti tad-dħul fl-UE; iqis il-"Programm Imħallfin Globali" tal-UNEP u s-sħubija "Inizjattiva Dwana Ekoloġika" bħala mudelli li għandhom jiġu segwiti;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji rilevanti tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-iskala tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi online u jibnu l-kapaċità fl-unitajiet tar-reati ambjentali u tad-dwana, il-koordinazzjoni mal-unitajiet taċ-ċiberkriminalità, u l-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiżguraw l-eżistenza ta' mezzi biex tinkiseb l-għajnuna mingħand unitajiet transkonfinali speċjalizzati fiċ-ċiberkriminalità;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom mal-operaturi ta' pjattaformi tal-midja soċjali, magni tat-tiftix u pjattaformi tal-kummerċ elettroniku dwar il-problema tal-kummerċ illegali fuq l-internet f'organiżmi selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri ta' kontroll u jiżviluppaw politiki biex jindirizzaw l-attività potenzjalment illegali fuq l-internet; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-kriminalità online marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-livell tal-UE;

38.  Jistieden lill-aġenziji ta' infurzar tal-UE u tal-Istati Membri jidentifikaw u jimmonitorjaw il-mudelli ta' forom oħra ta' reati serji u organizzati, bħat-traffikar tal-bnedmin, sabiex jgħinu lill-attivitajiet ta' prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet fil-katina tal-provvista fil-każ tal-indirizzar tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, pereżempju konsenji u tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi;

39.  Jilqa' l-fatt li l-UE ħadet sehem f'COP17 għall-ewwel darba bħala parti kontraenti għas-CITES u jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri juru impenn qawwi u jipprovdu appoġġ finanzjarju sostanzjali lis-CITES;

40.  Jilqa' l-proċess ta' riżami espert tal-UNEP li qiegħed ifittex li joħloq definizzjoni rikonoxxuta b'mod universali tar-reati ambjentali; f'dan ir-rigward, jinnota li l-konfini legali bejn it-tipi differenti ta' reati ambjentali xi drabi mhumiex ċari u dan jista' jnaqqas l-opportunitajiet għal prosekuzzjoni u sanzjonijiet effikaċi;

It-tisħiħ tas-sħubija globali

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni fil-katina ta' provvista tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jipprovdulhom assistenza teknika u appoġġ diplomatiku; jemmen li l-UE jeħtieġ li taġixxi fil-livell internazzjonali biex tappoġġja pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-oqfsa leġiżlattivi meħtieġa permezz ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali;

42.  Jenfasizza li l-korruzzjoni mifruxa, id-dgħufijiet istituzzjonali, l-erożjoni tal-istat, il-ġestjoni ħażina u s-sanzjonijiet dgħajfa relatati mal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi huma sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati jekk it-traffikar transnazzjonali tal-organiżmi selvaġġi jrid jiġi miġġieled b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jitnaqqsu l-inċentivi tal-kaċċa illegali billi jtejbu l-opportunitajiet ekonomiċi u jippromwovu l-governanza tajba u l-istat tad-dritt;

43.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-istati kollha kkonċernati jinvestigaw b'mod aktar sistematiku r-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kunflitti reġjonali u t-terroriżmu;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu fond fiduċjarju jew faċilità simili skont l-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju rivedut applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, bil-għan li jiġu salvagwardjati ż-żoni protetti u jiġu miġġielda t-traffikar u l-kaċċa tal-organiżmi selvaġġi, bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi;

45.  Jistieden lill-UE ttejjeb l-appoġġ finanzjarju u tekniku, mogħti permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), immirat biex jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jimplimentaw ir-regolamenti nazzjonali dwar l-annimali selvaġġi b'mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet tas-CITES, b'mod partikolari għal dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni u biex jittieħdu passi legali kontra l-kuntrabandisti;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament fil-qafas tal-Istrument ta' Sħubija għal inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-domanda għal prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi fis-swieq ewlenin, f'konformità mal-Prijorità 1 tal-Pjan ta' Azzjoni; jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-istrutturi ta' monitoraġġ fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jista' jagħti kontribut sinifikanti f'dan ir-rigward;

47.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata, fil-qafas tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, il-kwistjoni delikata tad-domanda dejjem tikber għall-prodotti ta' organiżmi selvaġġi, bħall-avorju tal-iljunfanti, il-qarn tar-rinoċeronti u l-għadam tat-tigri, li tirrappreżenta theddida reali għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati u tal-bijodiversità b'mod ġenerali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli obbligatorji u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet u n-negozjati kummerċjali kollha tal-UE, b'referenza speċifika għat-twaqqif tal-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi fis-setturi ekonomiċi kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi analiżijiet ta' dawn id-dispożizzjonijiet fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza l-implimentazzjoni tas-CITES u miżuri kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fl-iskema kummerċjali GSP+;

49.  Jinnota li l-korruzzjoni hija wieħed mill-fatturi li jippermettu u jikkontribwixxu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi u tal-prodotti tal-ħajja selvaġġa; jilqa' l-impenn li sar fl-istrateġija tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd" li tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi kontra l-korruzzjoni biex jindirizzaw l-effetti diretti u indiretti kemm tal-korruzzjoni kif ukoll tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-ftehimiet ta' kummerċ kollha tal-ġejjieni; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tagħti l-akbar attenzjoni lill-aspetti tal-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

50.  Jistieden lill-UE tesplora, fl-ambitu tal-qafas tad-WTO, il-mod kif ir-reġimi kummerċjali u ambjentali globali jistgħu jappoġġjaw aħjar lil xulxin, speċjalment fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-koerenza bejn id-WTO u l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, kif ukoll fid-dawl tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li jiftaħ opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tad-dwana, tal-fawna selvaġġa u tal-kummerċ, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet ulterjuri għall-kooperazzjoni bejn id-WTO u s-CITES, partikolarment f'termini ta' għoti ta' għajnuna teknika u bini ta' kapaċitajiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ u l-ambjent lill-uffiċjali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

51.  Jenfasizza r-rwol ewlieni ta' kooperazzjoni internazzjonali min-naħa tal-organizzazzjonijiet fil-katina ta' infurzar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-Konsorzju Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC); jilqa' kull tisħiħ ta' dan l-appoġġ inkluż permezz tal-provvista ta' riżorsi finanzjarji u l-għarfien espert tal-ispeċjalisti, sabiex jiġi ffaċilitat il-bini ta' kapaċità, jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni u ta' intelligence, u jiġu appoġġjati l-infurzar u l-konformità; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-indikaturi tal-ICCWC biex tevalwa l-effettività tal-finanzjament mill-UE lil pajjiżi terzi b'appoġġ għall-azzjonijiet kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u sabiex tiġi ffaċilitata valutazzjoni uniformi u kredibbli tal-finanzjament għall-iżvilupp;

52.  Jilqa' l-operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi internazzjonali bħall-Operazzjoni COBRA III li jirriżultaw f'konfiski sinifikanti ta' prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi u l-arresti ta' traffikanti u li jipprovdu aktar viżibbiltà pubblika dwar it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi bħala reat serju organizzat;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-baġit tas-CITES sabiex l-organizzazzjoni tkun tista' tespandi l-attività ta' monitoraġġ u d-denominazzjoni tal-ispeċijiet tagħha; f'dan ir-rigward, jiddispjaċih li sitt Stati Membri għad għandhom ħlasijiet pendenti xi jsiru lis-CITES b'rabta mas-snin bejn l-1992 u l-2015;

54.  Jilqa' wkoll il-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE jagħti kontribut kbir biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli maqbula mill-kapijiet tal-istati waqt summit tan-NU li sar f'Settembru 2015;

L-UE bħala suq ta' destinazzjoni, u punt ta' oriġini u ta' tranżitu

55.  Jinnota li s-CITES, ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-qafas regolatorju IUU tal-UE huma għodod importanti għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-organiżmi selvaġġi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar xieraq u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti u kkoordinati biex jiżguraw implimentazzjoni effikaċi; huwa mħasseb, barra minn hekk, dwar nuqqasijiet fil-qafas regolatorju attwali fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-atturi; jistieden, għalhekk, lill-UE tirrevedi l-qafas leġiżlattiv eżistenti bil-għan li tissupplimentah bi projbizzjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tqegħid fis-suq, it-trasport, l-akkwist u l-pussess ta' organiżmi selvaġġi li jkunu ġew akkwistati jew innegozjati b'mod illegali f'pajjiżi terzi; iqis li tali leġiżlazzjoni tista' tarmonizza l-qafas eżistenti tal-UE u li l-impatt transnazzjonali ta' tali leġiżlazzjoni jista' jkollu rwol kruċjali fit-tnaqqis globali tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li tali leġiżlazzjoni jeħtieġ li tipprovdi trasparenza sħiħa rigward kull projbizzjoni kummerċjali ta' speċijiet ibbażati fuq l-istatus illegali tagħhom f'pajjiż terz sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal dawk involuti fil-kummerċ legali;

56.  Jenfasizza li l-kaċċa għat-trofej ikkontribwiet għal tnaqqis fuq skala kbira tal-ispeċijiet fil-periklu mniżżla fl-Appendiċi I u II tas-CITES u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ prekawzjonarju għall-importazzjoni tat-trofej tal-kaċċa ta' speċijiet protetti skont ir-Regolamenti tal-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi tal-UE, jappoġġjaw aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE li jirregolaw l-importazzjoni tat-trofej tal-kaċċa fl-Istati Membri tal-UE, u li jirrikjedu permessi għall-importazzjoni ta' trofej tal-ispeċijiet kollha mniżżla fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 338/97;

57.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham tal-2016 li fiha l-firmatarji mil-linji tal-ajru, id-ditti ta' bastimenti, l-operaturi tal-port, l-aġenziji doganali, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi u l-istituzzjonijiet ta' benefiċjenza ta' konservazzjoni jimpenjaw ruħhom li jgħollu l-istandards fis-settur tat-trasport b'fokus fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-taħriġ tal-persunal, it-titjib teknoloġiku u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet madwar id-dinja; jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji tad-Dikjarazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu impenji volontarji simili għad-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham f'oqsma oħra b'mod partikolari s-settur finanzjarju u s-settur tal-kummerċ elettroniku;

58.  Jappella għall-projbizzjoni sħiħa u immedjata fuq livell Ewropew tal-kummerċ, l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid fl-UE u lejn destinazzjonijiet barra mill-UE tal-avorju, inkluż l-avorju ta' "qabel il-Konvenzjoni" u tal-qrejjen tar-rinoċeronti; jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu biex jiġi vvalutat il-bżonn ta' restrizzjonijiet simili fir-rigward ta' speċijiet oħrajn mhedda;

59.  Jinnota li r-Regolament tal-UE għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għamel impatt, iżda jinsisti li l-implimentazzjoni għandha tkun aktar robusta bil-għan li tiżgura li l-ħut maqbud illegalment ma jidħolx fis-suq Ewropew; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar konsistenti u effikaċi fil-kontrolli tad-dokumentazzjoni tal-qbid (iċ-ċertifikati tal-qbid) u fil-kontrolli tal-kunsinni (b'mod partikolari minn pajjiżi meqjusa li għandhom riskju għoli) bil-għan li jiżguraw li l-ħut ikun inqabad legalment;

60.  Jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi permezz tal-awtoregolamentazzjoni u permezz tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; iqis essenzjali t-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista għal kummerċ legali u sostenibbli, kemm jekk kummerċjali jew mhux kummerċjali; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fuq livell internazzjonali kif ukoll bejn is-setturi pubbliċi u privati u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-istrumenti ta' kontroll eżistenti, inkluż l-użu ta' mekkaniżmi ta' traċċabilità; iqis li s-settur tat-trasport għandu jkollu rwol ċentrali, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' individwazzjoni ta' twissija bikrija; jinnota r-rwol importanti li jista' jkollhom is-sħubiji pubbliċi-privati f'dan ir-rigward;

61.  Jistieden lill-Istati Membri, minbarra li jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 338/97, jintroduċu monitoraġġ tal-konformità fil-pajjiż permezz ta' kontrolli regolari fuq kummerċjanti u detenturi tal-permessi, bħall-ħwienet tal-pets, dawk li jrabbu jew ikabbru, iċ-ċentri ta' riċerka u n-nurseries, u inkluż monitoraġġ ta' snajja' bħall-moda, l-arti, il-mediċina u l-catering, li jistgħu jużaw partijiet illegali ta' pjanti u annimali;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-konfiska immedjata ta' kwalunkwe eżemplar maqbud u l-kura u r-riallokazzjoni fl-ambjent tagħhom tal-eżemplari ħajjin maqbuda jew ikkonfiskati f'ċentri tas-salvataġġ tal-annimali li jkunu xierqa għall-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida biex tiżgura li ċ-ċentri kollha ta' salvataġġ għall-annimali selvaġġi użati mill-Istati Membri jkunu ta' standard adegwat; jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat taċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali;

63.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-eżemplari ħajjin konfiskati f'konformità mal-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni tal-Konferenza ta' CITES 10.7 (Rev. CoP15); jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull eżemplar ħaj maqbud lil-EU-TWIX u li għandhom jiġu ppubblikati rapporti ta' sommarju annwali, u li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' benessri u ta' sikurezza għat-trattament tal-annimali ħajjin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ finanzjarju adegwat liċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali selvaġġi;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw sistema ta' "lista pożittiva" ta' speċijiet, fejn l-ispeċijiet eżotiċi jiġu vvalutati b'mod objettiv u skont kriterji xjentifiċi għas-sigurtà u l-adattabbiltà tagħhom għall-kummerċ u li jinżammu bħala annimali domestiċi;

°

°  °

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0031.

(2)

ĠU L 75, 19.3.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(4)

ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(5)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 1.

(6)

ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1.

(7)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(8)

ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24.

(9)

ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

(10)

ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


NOTA SPJEGATTIVA

Fil-Jum Dinji tal-Ħajja Selvaġġa fl-2015 is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon qal li kien "wasal iż-żmien li nieħdu bis-serjetà l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi". Kien messaġġ sempliċi iżda determinat li t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi huwa theddida serja u li qed tikber, mhux biss għas-sopravivenza ta' bosta speċijiet ta' flora u fawna, iżda wkoll għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza globali, il-benessri tal-komunitajiet lokali u, l-aktar importanti, għas-sopravivenza tal-ekosistemi tad-dinja.

Il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi sar industrija kriminali li tiswa biljuni ta' euro ddominata minn gruppi kriminali organizzati. Ir-riskju tad-detezzjoni huwa baxx u l-gwadann finanzjarju huwa għoli, fatt li jattira l-gruppi kriminali sabiex jisfruttaw l-organiżmi selvaġġi maqbuda u mneħħija b'mod illegali sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet kriminali tagħhom.

L-isforzi biex jitrażżnu r-reati ambjentali usa' qed isiru partikolarment importanti b'rispons għat-theddid kontra l-paċi u s-sigurtà. Madwar id-dinja, gruppi armati mhux statali, gruppi terroristiċi u oħrajn qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar f'reati ambjentali u jistagħnew fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali minħabba li huma aktar faċli li jiġi sfruttati minn introjti dderivati minn forom oħra ta' sfruttament, pereżempju l-kuntrabandu tad-drogi, tas-sigaretti jew tal-migranti.

L-Unjoni Ewropea hija attur importanti kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, bħala destinazzjoni ewlenija għall-prodotti illegali tal-ħajja selvaġġa, kif ukoll bħala punt ta' tranżitu u sikwit ta' oriġini tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi speċjalment bejn l-Afrika, l-Asja, u l-Amerka Latina, iżda anki fl-UE nnifisha.

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa parti mir-reazzjoni tal-UE għall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 15, li jappella għal azzjoni immedjata biex tintemm il-kaċċa illegali u t-traffikar ta' speċijiet protetti u jiġu indirizzati kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' prodotti illegali mill-organiżmi selvaġġi.

Mill-2016 sal-2020, il-Pjan ta' Azzjoni għandu jsaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-ġlieda globali kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi permezz ta' sett ta' prijoritajiet: il-prevenzjoni, l-infurzar, il-kooperazzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent tal-UE bħala suq ta' destinazzjoni, u punt ta' oriġini u ta' tranżitu għal prodotti mill-organiżmi selvaġġi.

L-ewwel prijorità tal-Pjan ta' Azzjoni huwa li jipprevjeni t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jindirizza l-kawżi prinċipali tiegħu. Pass kruċjali biex jintlaħaq dan ikun li l-UE tnaqqas id-domanda u l-provvista globali ta' prodotti illegali mill-organiżmi selvaġġi bl-użu tal-għodod disponibbli: il-qafas tas-CITES, kampanji ta' sensibilizzazzjoni, l-indirizzar tal-problema serja tal-korruzzjoni fil-katina tal-provvista u li tiġi żviluppata l-kapaċità tal-aġenziji ta' infurzar fil-pajjiżi ta' oriġini, u forzi tal-għassa tal-konservazzjoni li qed jindirizzaw it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fuq il-post.

It-tieni prijorità tal-Pjan ta' Azzjoni huwa li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata marbuta mal-organiżmi selvaġġi. Is-sitwazzjoni bħalissa hi li l-Istati Membri mhumiex qed jipprovdu biżżejjed informazzjoni u data dwar il-konfiski lill-aġenziji tal-infurzar Europol u Eurojust, li jillimita severament il-kapaċità tagħhom li jindirizzaw it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fuq livell transkonfinali. Barra minn hekk is-sanzjonijiet mogħtija lit-traffikanti tal-organiżmi selvaġġi ma jikkorrispondux mal-gravità tar-reat. L-Istati Membri tal-UE għandhom jintroduċu sanzjonijiet fissi u armonizzati għat-traffikanti tal-organiżmi selvaġġi li jinstabu ħatja. L-UE għandha tesplora l-possibbiltà li tintroduċi leġiżlazzjoni biex tipprojbixxi l-importazzjoni, il-kummerċ u l-esportazzjoni mill-ġdid ta' speċijiet li huma protetti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Il-Lacey Act tal-Istati Uniti huwa eżempju ta' tali leġiżlazzjoni. Filwaqt li s-CITES hija strument utli biex tirregola l-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u tipproteġi l-ispeċijiet fil-periklu, hija ma tinkludix l-ispeċijiet kritiċi kollha u lanqas ma hija kapaċi tirreaġixxi malajr biżżejjed għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u għalhekk tagħti lill-kriminali opportunitajiet faċli biex jisfruttaw il-lakuni.

It-tielet prijorità hija li tissaħħaħ is-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, tal-konsum u ta' tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Biex dan isir huwa importanti li jingħata appoġġ politiku u għajnuna teknika lill-pajjiżi ewlenin tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni. Barra minn hekk, l-UE jeħtieġ li tuża s-setgħa ekonomika tagħha biex iddaħħal klawsoli fi ftehimiet kummerċjali attwali u futuri dwar il-bżonn li jiġi indirizzat it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Il-ftehim kummerċjali tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) bejn l-Istati Uniti u ħdax-il pajjiż tax-Xifer tal-Paċifiku kien jinkludi dispożizzjonijiet ambjentali biex jiġġieldu t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; filwaqt li dawn mhumiex perfetti, jagħmlu affermazzjoni politika li l-bijodiversità għandha titqies fit-twettiq ta' relazzjonijiet kummerċjali. Dan għandu jkun mudell li fuqu għandhom jinbnew in-negozjati kummerċjali ġodda tal-UE.

Fl-aħħar nett l-UE nnifisha tikkostitwixxi suq attiv ħafna għall-kummerċ fil-prodotti illegali mill-organiżmi selvaġġi. Mhux biss hija punt ta' tranżitu u suq ta' destinazzjoni għall-kummerċ, iżda hija wkoll sors ta' prodotti illegali mill-organiżmi selvaġġi protetti bil-liġi tal-UE. L-Istati Membri jeħtieġ li jindirizzaw il-kummerċ intern fil-prodotti mill-organiżmi selvaġġi miġbura illegalment u mibjugħa bħala komoditajiet legali, bħal fjuri, għamara u pets eżotiċi. L-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll jikkunsidraw li jaġġornaw u jtejbu ċ-ċentri tal-benessri tal-annimali u tas-salvataġġ tagħhom biex ikunu kapaċi jittrattaw il-varjetà kbira ta' speċijiet ikkonfiskati fil-fruntiera u f'postijiet oħra fl-UE.

Fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà maqsuma tal-Istati Membri tal-UE li jżidu l-isforzi biex jilqgħu din l-isfida u jwaqqfu t-tnaqqis rapidu f'xi wħud mill-aktar speċijiet maħbuba fid-dinja. B'dan il-mod, mhux biss inkunu qed nippreservaw il-bijodiversità għall-ġenerazzjonijiet futuri iżda wkoll inkunu qed intejbu u nsaħħu l-qafas tas-sigurtà tal-UE, intejbu l-ħajjiet tal-komunitajiet lokali, inżidu l-iżvilupp sostenibbli u nsaħħu l-istat tad-dritt.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (12.9.2016)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi

(2016/2076(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Brian Hayes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi 70 % tal-foqra tad-dinja jgħixu f'żoni rurali u jiddependu direttament fuq il-bijodiversità għall-għajxien tagħhom; billi l-protezzjoni tal-bijodiversità hija għalhekk importanti għal għajxien sostenibbli u għall-iżvilupp favur l-iktar foqra; billi għall-kuntrarju, l-involviment ta' komunitajiet lokali jista' jkun kruċjali għas-suċċess ta' tali protezzjoni;

B.  billi, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema madwar id-dinja huma mhedda minħabba tibdil fl-użu tal-art, l-użu mhux sostenibbli ta' riżorsi naturali, u t-tniġġis u t-tibdil fil-klima; billi, b'mod partikolari, ħafna speċijiet fil-periklu jaffaċċjaw sfidi akbar minn qatt qabel minħabba l-urbanizzazzjoni rapida, it-telf tal-ħabitat u l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-UE bħala entità legali f'din is-sistema ta' protezzjoni tal-ispeċijiet tkompli tikkonferma l-pożizzjoni prominenti u responsabbli tal-UE fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà;

D.  billi l-prassi tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-kummerċ illegali marbuta mill-qrib mal-governanza u n-nuqqas ta' sigurtà huma r-raba' l-akbar tip ta' kriminalità internazzjonali f'termini ta' fatturat annwali;

E.  billi l-qofol tal-parti l-kbira tal-kunflitti jinsab l-aktar fl-isfruttament ta' ġid naturali jew fit-traffikar illegali tal-annimali, li jipperikola lill-komunitajiet lokali, lill-bijodiversità u l-flora u l-fawna;

F.  billi l-kunflitti bejn in-nies u l-annimali, li jirriżultaw mit-telf ta' ħabitats u l-ħtiġijiet dejjem akbar tan-nies, jikkostitwixxu theddida maġġuri lis-sopravivenza kontinwa ta' ħafna speċijiet f'partijiet differenti tad-dinja; billi t-telf u d-degradazzjoni tal-foresti huma kkawżati prinċipalment mill-espansjoni tal-art agrikola u l-ħsad intensiv tal-injam, injam għal fjuwil u għal prodotti forestali oħra, kif ukoll minn mergħa eċċessiva; billi l-ispeċijiet selvaġġi li jiġu f'kuntatt mal-bniedem spiss jisfaw maqtula jew maqbuda; billi l-konfrontazzjoni tal-kaċċaturi illegali armati tista' tkun estremament perikoluża;

G.  billi iljunfanti u rinoċeronti jinsabu fil-quċċata tal-lista ta' speċi li qed jinqatlu minn kaċċaturi illegali, li tirrifletti d-domanda dejjem tikber madwar id-dinja għal nejbiet u qrejjen; billi l-kaċċaturi illegali jistgħu jkunu motivati mill-faqar jew sfruttati minn organizzazzjonijiet kriminali li jfittxu li jirreklutaw kaċċaturi b'għarfien lokali;

H.  billi t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi – li jinvolvi kaċċaturi illegali, atturi armati mhux tal-istat f'pajjiżi sors, gruppi ta' kriminalità internazzjonali u għadd ta' atturi f'pajjiżi fejn hemm id-domanda – mhux fenomenu ġdid, iżda l-iskala tagħha, in-natura u l-impatti laħqu livelli ogħla minn qatt qabel għal xi speċijiet;

I.  billi hemm bżonn li jiġi rikonoxxut il-valur intrinsiku tad-diversità bijoloġika u d-diversi kontribuzzjonijiet tagħha għall-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri tal-bniedem, skont l-objettivi spjegati f'Għan 15 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

J.  billi l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija attività kriminali dinjija serja transnazzjonali tal-kriminalità organizzata, b'fatturat annwali ta' mill-inqas USD 19-il biljun, li jagħmilha r-raba' l-ikbar attività illegali fid-dinja; billi l-effetti tagħha fuq il-bijodiversità huma devastanti u billi, minħabba r-rabta mill-qrib tagħha mal-korruzzjoni, qed ikollha impatt negattiv fuq l-istat tad-dritt, b'mod partikulari f'xi reġjuni fl-Afrika, fejn għandha impatt negattiv ħafna fuq il-potenzjal għall-iżvilupp ekonomiku;

K.  billi l-UE għandha rwol importanti fl-indirizzar ta' dan it-traffikar, minħabba li l-Ewropa bħalissa hija kemm suq destinatarju kif ukoll ċentru ta' transitu għat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi lejn reġjuni oħra. billi l-Ewropa hija wkoll reġjun minn fejn jinqabdu ċerti speċijiet għall-kummerċ illegali;

1.  Huwa imħasseb dwar iż-żieda kbira fil-kaċċa u fil-kummerċ illegali fil-fawna u l-flora selvaġġi u l-impatti ħżiena ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jemmen li l-ġlieda kontra l-kaċċa illegali teħtieġ risposta kkoordinata mill-UE u assistenza għal pajjiżi b'kapaċità limitata biex jiġu protetti l-organiżmi selvaġġi; jemmen li l-UE jista' jkollha rwol estiż sabiex jiġu protetti u mantnuti proġetti ta' riżervi ta' organiżmi selvaġġi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Ifakkar li l-bijodiversità u l-ekosistemi reżiljenti jsostnu l-għajxien, itejbu s-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, jagħtu aċċess għall-ilma u għas-saħħa, u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi jkunu protetti sabiex jiġi żgurat li l-għajxien sostenibbli jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar madwar id-dinja;

3.  Jenfasizza li l-istrateġija dwar koerenza tal-politiki tal-UE minquxa fit-Trattati teħtieġ li tieħu kont debitu tal-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi; jenfasizza r-rwol kritiku tal-bijodiversità fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u jappoġġja l-inizjattiva ewlenija B4Life dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità, implimentata b'mod partikolari permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif ukoll l-objettiv 1.2 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi relatat ma' komunitajiet rurali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet rilevanti jkunu konsistenti mal-objettiv fundamentali tat-tnaqqis tal-faqar tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, politiki sostenibbli dwar il-foresti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 15, u li jkollhom impatti pożittivi dwar, b'mod partikolari, is-sigurtà tal-ikel, tal-ħabitats naturali u l-ekosistemi; jistieden lill-UE tippromwovi attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul f'żoni protetti u żoni ta' lqugħ (jiġifieri permezz ta' turiżmu sostenibbli), u biex jissaħħu l-kapaċitajiet lokali kif xieraq;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jisfruttaw l-istrumenti tagħhom ta' kummerċ u ta' żvilupp biex jistabbilixxu programmi dedikati sabiex isaħħu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), u li jiġu pprovduti riżorsi għall-bini tal-kapaċità kontra l-kaċċa illegali u t-traffikar, b'mod partikolari bl-appoġġ, it-tisħiħ u l-espansjoni ta' inizjattivi ta' infurzar bħalma huma l-ASEAN Wildlife Enforcement Network (ASEAN-WEN), il-Horn of Africa Wildlife Enforcement Network (HA-WEN) u l-Lusaka Agreement Task Force (LATF), li għandhom l-għan li jistabbilixxu ċentri reġjonali ta' kompetenza u jipprovdu mudelli għall-kooperazzjoni kontra l-kriminalità relatata mal-organiżmi selvaġġi;

5.  Ifakkar li parti kbira mill-problemi ffaċċjati fl-UE b'rabta mat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi hija kkawżata minn nuqqas ta' implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-atturi rilevanti l-oħra kollha, biex jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi fl-iskeda ta' żmien indikata, skont il-konklużjonijiet dwar dan il-Pjan ta' Azzjoni adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2016;

6.  Iqis li l-ġid tal-popolazzjonijiet tal-Afrika jiddependi ħafna fuq l-organiżmi selvaġġi u li l-faqar rurali huwa element fundamentali ta' kaċċa illegali fuq il-post;

7.  Jemmen li l-NGOs jista' jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ, fl-infurzar u fir-rappurtar tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għall-isforzi tal-NGOs, meta titqies il-kapaċità limitata tal-awtoritajiet pubbliċi lokali f'dawn l-oqsma;

8.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi, li tiffoka l-aktar fuq il-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-pajsaġġi li jsostnu l-popolazzjonijiet ewlenin tal-organiżmi selvaġġi Afrikani, għandha tkunu element ewlieni tal-istrateġiji għar-riduzzjoni tal-faqar tal-UE;

9.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni huwa ddestinat li jfalli jekk ma jkunx iffinanzjat b'mod adegwat; jemmen li r-riżorsi finanzjarji maħsuba biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-pjan għandhom jiġu identifikati fil-baġit tal-UE u ta' kull Stat Membru, u li r-riżorsi umani għandhom ukoll jiġu allokati b'mod ċar;

10.  Hu tal-fehma li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u mal-foresti għandha tingħata l-istess attenzjoni bħalma tingħatha lil kull forma oħra ta' kriminalità organizzata transnazzjonali, u li, konsegwentement, l-infurzar tal-liġi ma għandux jillimita ruħu għall-kaċċaturi illegali, iżda jkollu fil-mira tiegħu wkoll livelli ogħla tal-ġerarkija tal-kriminalità organizzata;

11.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fornituri biex: (i) itejbu l-istat tad-dritt u joħolqu deterrenti effettivi permezz tat-tisħiħ tal-investigazzjonijiet kriminali, il-prosekuzzjonijiet u l-għoti tas-sentenzi; (ii) jippromulgaw liġijiet iktar b'saħħithom li jitrattaw it-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi bħala "reat serju" li jistħoqqlu l-istess livell ta' attenzjoni u ta' gravità bħal forom oħra ta' kriminalità organizzata transnazzjonali; (iii) jallokaw aktar riżorsi fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi dwar l-organiżmi selvaġġi, il-kontrolli tal-kummerċ, il-monitoraġġ u detezzjoni doganali u s-sekwestri; (iv) jimpenjaw ruħhom għal politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni;

12.  Jenfasizza li interventi kollettivi fuq livell globali huma meħtieġa biex tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, inkluża d-dimensjoni finanzjarja tagħha, permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu mnedija kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex titrażżan id-domanda għall-prodotti magħmula mill-organiżmi selvaġġi;

13.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi ta' provvista, ta' tranżitu u ta' domanda li jintensifikaw il-livell tagħhom ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi tul il-katina kollha; jitlob, għal dan il-għan, għal kooperazzjoni akbar bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol), l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC);

14.  Jistieden lill-UE ttejjeb l-appoġġ finanzjarju u tekniku, mogħti permezz tad-DCI u l-EDF, immirat biex jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jimplimentaw ir-regolamenti nazzjonali dwar l-annimali selvaġġi b'mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet tas-CITES, b'mod partikolari għal dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni u biex jittieħdu passi legali kontra l-kuntrabandisti;

15.  Jenfasizza li l-faqar u l-amministrazzjonijiet dgħajfa jippermettu lill-kriminali jikkorrompu lill-uffiċjali tal-awtoritajiet ta' infurzar li mhumiex imħallsin sewwa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ġestiti b'mod responsabbli r-riskji assoċjati mal-ġlieda kontra l-kaċċa illegali u l-kummerċ tal-ispeċijiet selvaġġi – li t-tnejn jagħmlu ħsara lill-ekosistemi u lill-għajxien rurali, inklużi dawk ibbażati fuq l-ekoturiżmu – kif ukoll il-ħtieġa għal sensibilizzazzjoni mmirata fost l-ispeċjalisti dwar il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus; jenfasizza li l-korruzzjoni mifruxa, id-dgħufija istituzzjonali, l-erożjoni statali, il-ġestjoni ħażina u l-penalitajiet dgħajfa relatati mal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi huma sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati jekk it-traffikar transnazzjonali tal-organiżmi selvaġġi jrid jiġi miġġieled b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jitnaqqsu l-inċentivi tal-kaċċa illegali billi jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi u jiġu promossi l-governanza tajba u l-istat tad-dritt, billi tipprovdi taħriġ u appoġġ lill-aġenziji li jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, u billi titqajjem kuxjenza dwar tali kummerċ; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-Istati kollha kkonċernati biex jinvestigaw b'mod aktar sistematiku r-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kunflitti reġjonali jew it-terroriżmu, sakemm ikun hemm ir-riżultati ta' rapport UNODC li jmiss; Jenfasizza li hija meħtieġa strateġija fit-tul kontra l-korruzzjoni, u li għandha tiżdied il-kapaċità biex jiġu investigati b'mod effettiv l-allegazzjonijiet ta' kompliċità fil-livell tal-Gvern; jenfasizza li dan jista', bħala l-aħħar alternattiva, iwassal għal sanzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'livell internazzjonali usa';

16.  Jitlob għal azzjonijiet li jippermettu lill-atturi lokali jibbenefikaw direttament minn protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi u li, b'mod parallel ma' miżuri li jiskoraġġixxu attivitajiet illegali relatati mal-organiżmi selvaġġi, itejbu l-possibilitajiet tagħhom li jiksbu għajxien mingħajr ma jieħdu sehem f'attivitajiet bħal dawn; jitlob, b'mod partikolari, biex tali azzjonijiet jiġu inklużi, bħala prijorità, fid-diversi ftehimiet ta' kummerċ u ta' kooperazzjoni nnegozjati ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' proġetti pilota għal dan il-għan, li għandhom bħala mira, b'mod partikolari, it-taħriġ, u l-appoġġ għall-awtoritajiet doganali lokali u l-korpi tal-forestrija fi ħdan il-qafas ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni;

17.  Jemmen li s-settur privat għandu jiġi mħeġġeġ biex jaġixxi bħala mudell eżemplari, kemm fi ħdan kif ukoll barra t-territorju tal-UE, permezz ta' kodiċi ta' kondotta li tikkundanna l-konsum ta' prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi;

18.  Jitlob l-appoġġ għall-inizjattivi tas-settur privat biex jitrażżan il-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi;

19.  Jitlob, fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE, kooperazzjoni aktar mill-qrib u kostruttiva bejn il-partijiet interessati, fosthom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mas-setturi kummerċjali rilevanti, biex isir użu aktar effettiv ta' strumenti u politiki eżistenti, u biex jissaħħu s-sinerġiji bejniethom, sabiex jiġi żgurat li jkollhom impatt massimu meta wieħed jiġi biex jindirizza t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u globalment;

20.  Jitlob bidla radikali fil-ġbir tal-intelligence, fit-tfassil tal-liġijiet u fl-infurzar tal-liġijiet, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra ta' destinazzjoni u ta' tranżitu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni mill-qrib lil dawn l-aspetti ta' ġestjoni u monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

21.  Jenfasizza li l-inklużjoni ta' kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli f'kull ftehim kummerċjali ġdid għandha tkun obbligatorja; iqis li l-kummerċ legali u sostenibbli jista' jagħti kontributi pożittivi lill-iżvilupp sostenibbli u lill-komunitajiet; jemmen li l-UE għandha taġixxi fil-livell internazzjonali biex tappoġġja pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u għandha tikkontribwixxi għall-evoluzzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni rilevanti, permezz ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali;

22.  Jappella għal tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà internazzjonali, u għal titjib urġenti fil-politika u legali, bil-għan li jitwaqqaf it-traffikar u jtemmu d-domanda għal prodotti marbuta mal-organiżmi selvaġġi u mal-foresti;

23.  Jitlob rapport dettaljat annwali ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni, inkluż mekkaniżmu simili għall-iskeda ta' valutazzjoni użata biex tissorvelja l-progress lejn it-tlestija tan-netwerk Natura 2000;

24.  Jenfasizza li sabiex tiġi evitata l-"migrazzjoni" ta' netwerks kriminali marbuta mal-organiżmi selvaġġi, l-armonizzazzjoni ta' linji politiċi u ta' oqfsa legali fir-rigward ta' kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija partikolarment importanti;

25.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha biex jestendu l-appoġġ għal regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali, biex jingħalqu b'mod definittiv is-swieq domestiċi tal-avorju u biex jinqerdu l-ħażniet kollha tal-avorju.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

31.8.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Manuel dos Santos, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (04.10.2016)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi

(2016/2076(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Emma McClarkin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Pjan ta'Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li se jkollu rwol kruċjali fil-ġlieda kontra ż-żieda allarmanti fil-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi li jħalli ħafna qligħ, li jiddestabilizza l-ekonomiji u l-komunitajiet li jiddependu fuq il-ħajja selvaġġa għall-għajxien tagħhom, u li jhedded il-paċi u s-sigurtà ta' reġjuni fraġli tas-sħab kummerċjali tal-UE billi jsaħħaħ ir-rotot illegali; jissottolinja, b'mod partikolari, li l-UE għadha suq ta' destinazzjoni u rotta ta' tranżitu sinifikanti għall-prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi; jinnota, għalhekk, il-Prijoritajiet 1 u 2 dwar il-prevenzjoni tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli u l-oqfsa legali eżistenti rilevanti;

2.   Iqis li d-dimensjoni doganali tal-Pjan ta' Azzjoni għandha tiġi enfasizzata aktar, kemm fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab kif ukoll għall-implimentazzjoni aħjar u aktar effettiva fi ħdan l-Unjoni; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, ir-rieżami tal-Kummissjoni tal-2016 tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas legali attwali tal-UE, u jitlob li dan ir-rieżami jinkludi valutazzjoni tal-proċeduri doganali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar modi biex ittejjeb l-ordni ġuridiku eżistenti tal-UE, bi qbil mas-sħab globali ewlenin oħrajn bħall-Istati Uniti, bil-għan li tevita l-importazzjoni, il-kummerċ u l-esportazzjoni mill-ġdid ta' speċijiet li għadhom mhumiex inklużi fl-appendiċijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) jew fl-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 338/97, iżda li huma diġà protetti fil-pajjiżi ta' oriġini;

4.  Jenfasizza l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sabiex il-politika kummerċjali komuni tagħti kontribut sinifikanti għall-azzjoni tal-Unjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, bħala għodda kemm biex issostni l-isforzi marbuta direttament mal-pjan ta' azzjoni kif ukoll biex toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, b'mod partikolari billi toħloq possibbiltajiet ta' dħul alternattivi għan-nies li jgħixu fiż-żoni rurali fil-pajjiżi sħab milquta mill-kaċċa illegali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 338/97, tikkunsidra proposti għal limitazzjoni usa' tal-kummerċ fl-avorju u l-qarn tar-rinoċeronti fl-UE, inkluża l-possibilità ta' projbizzjoni totali fuq il-prodotti mill-avorju u l-qarn tar-rinoċeronti, li għandhom jikkonformaw kemm mal-liġijiet tal-UE dwar is-suq intern u mar-regoli tad-WTO;

6.  Jappella għal użu aħjar tar-riżorsi eżistenti, l-użu tal-aktar teknoloġija moderna u taħriġ adegwat għall-awtoritajiet tad-dwana fil-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kooperazzjoni internazzjonali aktar b'saħħitha, aktar sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u li jingħalqu l-lakuni eżistenti, sabiex jiġi miġġieled b'suċċess il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-kummerċ legali u sostenibbli ta' speċijiet selvaġġi; jinnota, f'dan il-kuntest, ir-rabtiet mill-qrib bejn il-kummerċ illegali estensiv, organizzat u li jħalli ħafna qligħ ta' organiżmi selvaġġi u t-terroriżmu internazzjonali, u jappella għal kooperazzjoni kkoordinata tajjeb bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tad-dwana fil-livell globali, waqt li jirrikonoxxi li, filwaqt li jwaqqaf il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, il-Pjan ta' Azzjoni għandu jirrestrinġi realment il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi, u b'hekk jgħin biex issaħħaħ l-istat tad-dritt u jikkontribwixxi għall-istabilità u s-sigurtà tan-nazzjonijiet;

7.  Jappella għall-allokazzjoni ta' riżorsi favur l-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet kritiċi fil-pajjiżi ta' sors, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni, bħat-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni pubblika, l-istabbiliment u l-manteniment ta' ċentri ta' salvataġġ għall-organiżmi selvaġġi, u programmi ta' ekoturiżmu;

8.   Jinnota li l-korruzzjoni hija wieħed mill-fatturi li jagħmlu possibbli u jikkontribwixxu għall-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi u fil-prodotti tal-ħajja selvaġġa illegali; jilqa' l-impenn li sar fl-istrateġija tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd" li tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi kontra l-korruzzjoni biex jindirizzaw l-effetti diretti u indiretti kemm tal-korruzzjoni kif ukoll tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-ftehimiet ta' kummerċ kollha tal-ġejjieni; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti l-akbar attenzjoni lill-aspetti tal-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

9.  Jinnota li l-kummerċ legali fl-organiżmi selvaġġi jista' jikkontribwixxi għall-introjtu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fiż-żoni rurali; jappella għal miżuri li jippromwovu l-kummerċ legali u ambjentalment sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi bħala għodda għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u l-bijodiversità;

10. Jilqa' l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet li jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehim ta' kummerċ ħieles UE-Vjetnam, u jinsisti għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli dwar il-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi f'kull ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE fil-ġejjieni, inklużi, iżda mhux biss, dawk mal-Istati Uniti u l-Ġappun u l-pajjiżi tal-ASEAN, bħala swieq fil-mira; jenfasizza l-importanza li l-impenji tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jkunu infurzabbli, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-analiżi ta' dawn id-dispożizzjonijiet fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha, kif ukoll li tenfasizza r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tas-CITES fil-kuntest tal-iskema GSP+;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament fil-qafas tal-Istrument ta' Sħubija għal inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-domanda għal prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi fis-swieq ewlenin, f'konformità mal-Prijorità 1 tal-Pjan ta' Azzjoni; jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-istruttri ta' monitoraġġ fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jista' jagħti kontribut sinifikanti f'dan ir-rigward;

12.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata, fil-qafas tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, il-kwistjoni delikata tad-domanda dejjem tikber għall-prodotti ta' organiżmi selvaġġi, bħall-avorju tal-iljunfanti, il-qarn tar-rinoċeronti u l-għadam tat-tigri, li tirrapreżenta theddida reali għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati u tal-bijodiversità b'mod ġenerali;

13.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-involviment tas-settur privat fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, meta jitqies ir-rwol u l-impatt tal-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, in-netwerks ta' distribuzzjoni, u l-kumpaniji tat-trasport u tal-kurjers, iżda jenfasizza li trid tinħareġ gwida xierqa lill-atturi tas-settur privat; jilqa' l-approċċi kollaborattivi emerġenti ta' tolleranza żero bejn l-esperti dwar il-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi u l-kumpaniji tal-loġistika; iqis li l-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar kif l-aħjar li tiżgura li l-oqfsa legali rilevanti jistgħu jindirizzaw aħjar ir-riskji relatati mal-kummerċ elettroniku u mar-reklamar kummerċjali online u offline;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi effettivi u effiċjenti ta' tikkettar u traċċabilità, bħala garanzija tal-legalità u s-sostenibilità tal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi;

15.  Jistieden lill-UE tesplora, fl-ambitu tal-qafas tad-WTO, il-mod kif ir-reġimi kummerċjali u ambjentali globali jistgħu jappoġġjaw aħjar lil xulxin, speċjalment fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-koerenza bejn id-WTO u l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, kif ukoll fid-dawl tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li jiftaħ opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tad-dwana, tal-ħajja selvaġġa u tal-kummerċ, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet ulterjuri għall-kooperazzjoni bejn id-WTO u s-CITES, partikolarment f'termini tal-għoti ta' għajnuna teknika u bini ta' kapaċitajiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ u l-ambjent lill-uffiċjali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha mas-sħab tagħha fil-kuntest tas-CITES u f'kuntesti oħrajn sabiex tiżgura t-traċċabilità tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi, billi ħafna trofej tal-kaċċa li jirriżultaw minn attivitajiet deplorevoli ta' kaċċa illegali jħallu s-suq l-iswed u jispiċċaw biex jiddaħħlu fil-flussi kummerċjali legali;

17.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE topponi l-proposta attwali li jitneħħew l-annotazzjonijiet eżistenti fuq l-avorju tal-iljunfanti min-Namibja u ż-Żimbabwe fil-COP17 li jmiss tas-CITES, li biha dawn isiru kummerċjalment negozjabbli, u biex tappoġġja l-proposta li l-iljunfanti Afrikani kollha jiddaħħlu fl-Appendiċi I.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Reimer Böge, José Bové, Edouard Ferrand, Gabriel Mato, Frédérique Ries, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Werner Kuhn, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Milan Zver


OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (11.10.2016)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

(2016/2076(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ricardo Serrão Santos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-pjan ta' azzjoni, iżda jenfasizza n-nuqqasijiet tiegħu fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-ispeċijiet akkwatiċi;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-impenji meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika huwa li tħares il-bijodiversità tal-baħar b'mod ġenerali, fl-ilmijiet tal-UE u fl-ibħra miftuħa; jenfasizza li l-objettiv tal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar għandu jkun segwit permezz ta' varjetà ta' mezzi, inkluża azzjoni għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-monitoraġġ ta' kull għamla ta' traffikar fuq l-ibħra, it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd u l-ġlieda kontra l-kriminalità b'mod ġenerali;

3.  Jinnota li r-Regolament tal-UE għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għamel impatt, iżda jinsisti li l-implimentazzjoni għandha tkun iktar robusta bil-għan li tiżgura li l-ħut maqbud illegalment ma jidħolx fis-suq Ewropew; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE ikunu aktar konsistenti u effettivi fil-kontrolli tad-dokumentazzjoni tal-qbid (iċ-ċertifikati tal-qbid) u fil-kontrolli tal-kunsinni (b'mod partikolari minn pajjiżi meqjusa li għandhom riskju għoli) bil-għan li jiżguraw li l-ħut ikun inqabad legalment;

4.  Ifakkar li l-ispeċijiet ta' fkieren tal-baħar Chelonia mydas, Eretmochelys imbricata u Dermochelys coriacea huma mhedda mit-traffikar illegali, u li minbarra l-qabdiet illegali huma għadhom jinqabdu b'mod aċċessorju f'xi sajd industrijali;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni li t-traffikar illegali tal-ispeċijiet akkwatiċi jaffettwa wkoll lill-iżvilupp ekonomiku tal-komunitajiet kostali u l-adattabilità ambjentali tal-ilmijiet tagħna;

6.  Jinnota li r-Regolament tal-UE għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd (IUU) jista' jkun effettiv biss fuq perjodu ta' żmien twil jekk l-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-frott tal-baħar tkun tista' tiġi kondiviża fost it-28 Stat Membru f'ħin reali, kondiviżjoni li tippermetti li jsiru kontroverifiki, verifiki u fl-aħħar mill-aħħar, li jittieħed approċċ ikkoordinat fl-identifikar u l-imblukkar ta' kunsinni suspettużi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tadotta bażi ta' dejta elettronika tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-frott tal-baħar importati sabiex jiġi pprevenut l-abbuż potenzjali;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali tat-traffikar tal-ispeċijiet tal-baħar, li jirriżulta fit-telf tal-bijodiversità tal-baħar, jipperikola l-ekosistemi u jnaqqas l-għejun ta' dħul għal dawk involuti fis-sajd sostenibbli, u huwa theddida għas-saħħa;

8.  Ifakkar li l-popolazzjonijiet tal-isturjun naqsu b'mod drammatiku minħabba l-qerda tal-ħabitats u l-isfruttament intensiv biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-kavjar; jenfasizza li l-kummerċ tal-kavjar huwa rregolat mill-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u li l-isfruttament ta’ ċerti speċijiet huwa pprojbit;

9.  Ifakkar lill-Kummissjoni li ħafna speċijiet akkwatiċi jinsabu fil-periklu wkoll li jiġu estinti, u dan se jaffettwa s-sostenibilità ta' ħafna ekosistemi;

10.  Ifakkar li l-ħsad tal-qroll li huwa illegali, bħal fil-każ tal-Corallium rubrum fil-Mediterran u l-Atlantiku, jew aċċidentali, bħal fil-każ ta’ dak assoċjat mat-tkarkir tal-qiegħ u s-sajd bil-konz, jikkostitwixxi theddida għall-ħabitats u s-servizzi tal-ekosistemi li huma jsostnu;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kwistjonijiet ta' monitoraġġ ġew meqjusa bħala importanti, iżda jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar preċiża meta tkun qed tirreferi għas-sajd IUU u għall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) b'mod partikolari;

12.  Jappoġġja t-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti kif ukoll l-infurzar ta' leġiżlazzjoni ġdida fil-livell nazzjonali, speċjalment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bil-ħsieb li jkun hemm konformità mar-regolamenti tas-CITES u tal-IUU permezz ta' għajnuna biex jiġu żviluppati programmi, jiġu stabbiliti regolamenti, jitmexxew sessjonijiet ta' ħidma u jiġu assistiti l-isforzi ta' infurzar;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid ikun jinkludi mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-istrateġiji żviluppati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi u tagħti l-attenzjoni dovuta lis-sajd IUU li jsir fl-Ewropa u fil-viċinat immedjat tagħha (bħalma hu s-sajd għall-frieħ tas-sallur u għall-isturjun u l-ħsad tal-qroll), u jitlob li jkun hemm sorveljanza aktar mill-qrib tal-ispeċijiet vulnerabbli tal-baħar u tal-ispeċijiet protetti taħt is-CITES;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd u d-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni jikkooperaw b'mod effettiv biex jiżguraw li l-prodotti tas-sajd IUU ma jiġux importati fl-Unjoni u li l-ftehimiet kummerċjali nnegozjati ma jinkludux speċijiet IUU;

16.  Isostni li jrid jiġi żgurat li l-miżuri skont il-Pjan ta' Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi huma konsistenti mad-dritt tal-UE dwar is-sajd IUU;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-esportazzjoni illegali mill-Ewropa tal-frieħ tas-sallur u tal-isturjun Ewropew użat fit-traffikar tal-kavjar;

18.  Jissuġġerixxi li l-miżuri ta' kontroll tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi jeħtieġ li jissaħħu, b'mod partikolari fir-rigward tat-traffikar illegali ta' speċijiet maħsuba għall-akkwarji u fil-qasam tal-bejgħ online (eż. ix-xiri min-naħa ta' sidien ta' akkwarji);

19.  Jenfasizza l-importanza tal-kontrolli, tat-taħriġ u tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika biex jiġi infurzat il-pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi fis-settur tas-sajd;

20.  Itenni l-ħtieġa li kontinwament isiru r-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tal-irkaptu, sabiex jiġu pprevenuti l-qabdiet aċċessorji u tittaffa l-pressjoni minn fuq l-istokkijiet tal-organiżmi li huma l-mira tat-traffikar;

21.  Jissuġġerixxi li l-permessi tal-importazzjoni għall-organiżmu jew għall-partijiet tal-organiżmi li huma s-suġġett ta' miżuri ta' konservazzjoni jiġu riveduti (skont ir-Regolament 1185/2003 kif emendat bir-Regolament 605/2013);

22.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-esperjenza miksuba fil-ġlieda kontra s-sajd IUU sabiex ittejjeb il-metodi użati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

23.  Jenfasizza l-importanza li tinżamm it-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u li jiġi żgurat li dawn ikunu ttikkettjati b'mod xieraq; Jenfasizza li s-sajd illegali u mhux irrappurtat huwa ta' theddida għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jdgħajjef l-isforzi li jsiru biex jintlaħaq livell ta' ġestjoni aħjar tal-oċeani u titħares il-bijodiversità tal-baħar;

24.  Jinnota li t-tekniki ta' identifikazzjoni bbażati fuq id-DNA jistgħu jipprovdu appoġġ siewi għall-monitoraġġ, iżda wkoll għall-investigazzjonijiet b'mira speċifika għal skopijiet ta' prosekuzzjoni; iqis li l-għodod ibbażati fuq id-DNA huma ideali biex tiġi identifikata l-oriġini tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut, peress li d-DNA jinsab fiċ-ċelloli kollha u jista' jiġi estratt anki mill-bajd tal-ħut;

25.  Jissuġġerixxi li s-sistema ta' ħruġ ta' karti sofor u ħomor lill-pajjiżi terzi li ma jkunux qed jikkooperaw fil-ġlieda kontra s-sajd IUU jista' jkun li tintuża wkoll bħala mekkaniżmu għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sajjieda legali tas-sallur huma unanimi fit-talba tagħhom biex tiġi stabbilita tikketta tal-UE sabiex tiġi ggarantita t-traċċabilità u jiġi żgurat li s-suq tas-sallur ikun wieħed ġust;

27.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm dejta ta' kwalità tajba fis-settur tas-sajd u fluss ta' kwalità tajba bejn l-aġenziji tal-infurzar responsabbli fl-Istati Membri;

28.  Jappella għal regoli u kontrolli aktar stretti fuq is-sajd rikreattiv, li mhuwiex regolat b'mod xieraq fil-livell nazzjonali u jista' jirriżulta f'illi prodotti jinbiegħu fis-suq illeċitu;

29.  Jenfasizza l-importanza tat-traċċabilità fid-determinar tal-oriġini u r-rotot tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi fl-UE sabiex dan jiġi miġġieled aħjar;

30.  Jissuġġerixxi li s-sorveljanza u l-protezzjoni tal-Ekosistemi Marini Vulnerabbli, iż-Żoni b'Sinifikat Ekoloġiku jew Bijoloġiku u n-netwerk Natura 2000 jiżdiedu, abbażi ta' konsultazzjoni kontinwa mal-partijiet kollha kkonċernati, sabiex tiġi megħjuna l-konservazzjoni tal-ispeċijiet li jinsabu taħt pressjoni minħabba t-traffikar illegali;

31.  Jemmen li huwa essenzjali li tiżdied l-azzjoni kontra s-sakkeġġ mifrux tax-xmajjar mill-kriminali, li qed joħorġu b'kuntrabandu kwantitajiet kbar ta' ħut għall-bejgħ fis-swieq Ewropej mingħajr ma tingħata kunsiderazzjoni tal-ispeċijiet maqbuda jew tal-impatt ambjentali tat-isfrattar ikkawżat lill-organiżmi selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw biex il-kontrolli fil-fruntieri jagħmluhom aktar stretti, ħalli jagħmluha possibbli li jinterċettaw kwalunkwe esportazzjoni ta' ħut maħsub għall-bejgħ fis-suq illeċitu, li toħloq theddida mill-akbar, b'mod partikolari għas-saħħa tal-konsumatur;

32.  Jissuġġerixxi li tittieħed azzjoni biex jiġi promoss l-użu ta’ għodod li jiżguraw l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi naturali sensittivi;

33.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jinvestu d-dħul li jagħmlu mill-multi imposti għat-traffikar fil-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna selvaġġa;

34.  Isostni li s-sajd illegali qed jeqred l-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar, billi għandu impatt dirett mil-lat ta' tfaqqir tal-istokkijiet tal-ħut u billi jdgħajjef ir-reġjuni kostali u tal-gżejjer;

35.  Jirrimarka li huwa kkalkulat li s-sajd illegali jilħaq volum ta' 19 % tal-valur iddikjarat tal-qabdiet;

36.  Jappoġġja metodi ta' produzzjoni sostenibbli alternattivi bil-għan li titnaqqas il-pressjoni minn fuq l-organiżmi selvaġġi (eż. l-akkwakultura);

37.  Jinnota r-rwol ewlieni li l-komunitajiet kostali jistgħu jaqdu fil-kontribut għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi, u jappoġġja r-rwol tagħhom fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u fil-prattika ta' attivitajiet li jirrispettaw l-ambjent;

38.  Huwa tal-fehma li waħda mill-aktar għodod b'saħħithom biex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali u mhux sostenibbli ta' organiżmi selvaġġi huwa li l-konsumaturi jiġu konvinti jagħmlu għażliet infurmati meta jiġu biex jixtru prodotti bbażati fuq l-organiżmi selvaġġi; iħeġġeġ il-produzzjoni u x-xiri ta’ prodotti ġejjin mill-organiżmi selvaġġi tal-baħar iċċertifikati li huma sostenibbli;

39.  Iqis li l-inizjattivi ta' sensibilizzar u ta' litteriżmu ambjentali huma essenzjali għall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, u jemmen li s-sistemi edukattivi u l-midja għandhom rwol ewlieni x'jaqdu;

40.  Ifakkar li s-sensibilizzar fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-impatt tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u fir-rigward tal-importanza tat-traċċabilità tal-prodotti huwa essenzjali bil-għan li jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali billi jitnaqqas is-suq tagħhom;

41.  Jiddefendi l-introduzzjoni tar-rikonoxximent madwar l-Ewropa kollha għall-partijiet ikkonċernati li huma partikolarment involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali; jemmen li dan jista' jieħu l-forma ta' premju mogħti lil dawk li huma partikolarment involuti, li xi kultant jissugraw ħajjithom, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fuq l-art, fiż-żoni tal-muntanji jew fil-lagi, fix-xmajjar u fl-ibħra;

42.  Iqis il-"multilateraliżmu effettiv" bħala wieħed mill-pedamenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jirrimarka li l-Kummissjoni tqisu bħala l-aktar mod parteċipattiv, nondiskriminatorju u inklussiv kif tinbena governanza internazzjonali, b'mod partikolari bil-għan li jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-Unjoni taqdi rwol aktar prominenti fil-korpi internazzjonali;

43.  Jipproponi li l-penali għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, speċjalment f'żoni b'ekosistemi vulnerabbli tal-baħar jew li jaqgħu fin-netwerk Natura 2000, għandhom ikunu severi biżżejjed b'tali mod li jiskoraġġixxu lil trasgressuri potenzjali;

44.  Jissuġġerixxi li l-pjan ta’ azzjoni għandu jalloka riżorsi finanzjarji u jiddeskrivi miri kwantifikati, sabiex is-suċċess tal-pjan ikun jista' jiġi ttraċċat fil-ġejjieni fit-tul.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, João Ferreira, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Ruža Tomašić, Peter van Dalen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Cláudia Monteiro de Aguiar, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dariusz Rosati


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (28.9.2016)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi

(2016/2076(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità għandha rwol importanti fit-tfassil tal-liġi ambjentali u tal-politiki ambjentali Ewropej; billi l-protezzjoni ta' speċijiet ta' annimali u pjanti fil-periklu u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali f'dawn l-ispeċijiet huma kwistjonijiet ta' interess globali li jeħtieġu kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet kollha, inklużi dawk tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest ta' kummerċ internazzjonali u nazzjonali dejjem jikber f'dawn l-ispeċijiet (traffikar ta' organiżmi selvaġġi);

B.  billi t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi jiġġenera profitti sinifikanti għall-gruppi kriminali u attwalment għadu fuq quddiem fil-lista ta' attivitajiet ta' kummerċ illegali madwar id-dinja; billi l-Unjoni Ewropea attwalment hi suq ta' destinazzjoni, ċentru għat-traffikar fi tranżitu lejn reġjuni oħra u wkoll reġjun li minnu jinkisbu ċerti speċijiet għall-kummerċ illegali;

C.  billi r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Kriminali ta' April 2013, approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU fil-25 ta' Lulju 2013, tħeġġeġ "lill-Istati Membri tagħha biex iqisu t-traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti ta' fawna u flora selvaġġi bħala reat serju meta jkunu involuti gruppi tal-kriminalità organizzata", u b'hekk ipoġġuh fuq l-istess livell bħat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-droga;

D.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u billi l-UE saret parti għal din il-Konvenzjoni fl-2015;

E.  billi l-parteċipazzjoni tal-UE bħala entità legali f'din is-sistema ta' protezzjoni tal-ispeċijiet tkompli tikkonferma l-pożizzjoni prominenti u responsabbli li ħadet l-UE fil-promozzjoni tas-sostenibilità;

F.  billi d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali tarmonizza d-definizzjonijiet tar-reati ta' kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, u tobbliga lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jipprevedu sanzjonijiet kriminali effikaċi, proporzjonati u dissważivi għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja b'rabta mal-ħarsien tal-ambjent, inklużi speċijiet protetti ta' flora u fawna selvaġġi;

G.  billi l-UE għadha wieħed mill-akbar swieq għall-prodotti lleċiti derivati minn organiżmi selvaġġi u ċentru għat-traffikar fi tranżitu lejn reġjuni oħra (il-valur tal-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi huwa stmat għal madwar USD 22 biljun madwar id-dinja) u billi pjan ta' azzjoni fil-livell Ewropew li jindirizza l-kwistjoni tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi huwa pass essenzjali 'l quddiem; billi dan il-pjan ta' azzjoni tal-UE issa jrid jiġi akkumpanjat minn miżuri komplementari effikaċi, bħat-taħriġ tal-korpi forestali u tad-dwana u l-introduzzjoni ta' pieni effettivi;

H.  billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE juri li l-UE hija lesta tilħaq l-aspettattivi u tonora l-impenji internazzjonali tagħha u li hija qiegħda tgħolli l-livell ta' ambizzjoni tagħha fir-rigward tal-azzjonijiet kontra l-kummerċ illegali fl-annimali u l-pjanti selvaġġi;

I.  billi l-prinċipju tal-effikaċja tal-azzjoni pubblika jirrikjedi li l-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex speċijiet fil-periklu jiġu protetti b'suċċess mit-traffikar illegali; billi dan jista' jinkiseb permezz ta' impenn konġunt min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-forma ta' pjan ta' azzjoni biex isir użu effiċjenti tar-riżorsi u l-aġenziji eżistenti filwaqt li jiġu applikati valutazzjoni esperta eżawrjenti u monitoraġġ fuq attivitajiet illeċiti potenzjali u jiġu implimentati impenji internazzjonali kondiviżi u tiġi rikonoxxuta, fil-livell politiku, l-importanza li tiġi indirizzata l-problema;

J.  billi l-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrikjedi li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jagħżlu l-mezzi biex jiksbu l-għan li jiġu protetti speċijiet ta' annimali u pjanti fil-periklu; billi r-rwol tal-awtoritajiet lokali huwa partikolarment effettiv u meħtieġ f'dan ir-rigward;

K.  billi, minħabba n-natura unikament transfruntiera tar-reati tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, l-Istati Membri u l-UE bħala entità waħda għandhom jaħdmu lejn l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali li diġà huma partijiet għalihom, l-istabbiliment ta' regoli minimi dwar id-definizzjoni u s-sanzjonar ta' tali reati, skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-faċilitazzjoni ta' djalogu strutturat għal kooperazzjoni mtejba b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi pajjiżi terzi u pajjiżi ta' oriġini;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE tal-Kummissjoni kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi u l-fatt li matul l-aħħar deċennju l-UE kienet involuta b'mod attiv fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali f'organiżmi selvaġġi permezz tal-adozzjoni ta' regoli ta' kummerċ stretti bl-għan li ttemm dan it-tip ta' traffikar;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjentali tal-20 ta' Ġunju 2016 b'rabta mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi;

3.  Jilqa' wkoll il-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE jagħti kontribut kbir biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli maqbula mill-kapijiet tal-istati waqt summit tan-NU li sar f'Settembru 2015;

4.  Iqis li jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi komuni tagħhom kontra l-kriminalità ambjentali u t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, issa li l-UE hija parti għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu li issa tipproteġi aktar minn 35 000 speċi ta' annimali u pjanti u li tistabbilixxi kooperazzjoni solida ma' pajjiżi terzi u pajjiżi ta' oriġini; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, lejn il-ħtieġa urġenti li jissaħħew il-miżuri biex jiġġieldu t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u l-kawżi ewlenin tiegħu, u jiġi previst koordinament aħjar ta' tali miżuri, u dan billi jiġu involuti mhux biss il-pajjiżi ta' oriġini, iżda wkoll il-pajjiżi ta' tranżitu u ta' kummerċjalizzazzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-UE tieħu sehem f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, mhux biss f'żoni rurali, iżda wkoll fil-livell globali bl-għan li ċċekken is-suq għall-prodotti llegali derivati minn organiżmi selvaġġi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, b'mod partikolari bejn l-aġenziji ta' infurzar fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, inklużi l-pulizija, id-dwana, l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-korpi tal-foresterija u l-awtoritajiet ta' spezzjoni sanitarja u tal-kummerċ, bl-għan li jiġu implimentati miżuri xierqa fil-post; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu assistenza u gwida legali dwar il-kriminalità relatata mal-organiżmi selvaġġi lill-ġudikatura nazzjonali; jappella, f'dan ir-rigward, biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta' infurzar konġunti mal-Europol u l-Eurojust, filwaqt li jingħata appoġġ iddedikat għal każijiet transfruntiera;

7.  Iqis li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw l-impenji internazzjonali li ħadu sabiex jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar il-kriminalità organizzata jkopru t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u li jkunu jistgħu jiġu imposti l-pieni xierqa għal dan it-tip ta' traffikar. jenfasizza, fl-istess ħin, li jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-infurzar, permezz tal-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, l-assistenza teknika u appoġġ finanzjarju mmirat;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw, f'konformità mar-riżoluzzjoni ta' April 2013 tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Kriminalità, il-Prevenzjoni u l-Ġustizzja Kriminali, li t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi bl-involviment tal-gruppi tal-kriminalità organizzata jiġi definit bħala reat serju skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

9.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-attivitajiet ta' taħriġ huma parti essenzjali tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar ta' organiżmi selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tikkunsidra proġetti ta' taħriġ immirati b'mod partikolari lejn l-awtoritajiet ta' nfurzar imsemmija hawn fuq; jirrakkomanda l-ħolqien ta' sistema ta' monitoraġġ sabiex tiddetermina t-titjib u l-aħjar prattiki mmirati biex itemmu t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u jqis ukoll essenzjali l-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-intensifikazzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni teknika mal-awtoritajiet kompetenti u l-komunitajiet lokali, b'enfasi fuq l-impatti tat-traffikar ta' prodotti derivati mill-fawna u l-flora selvaġġi;

10.  Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi tista' tagħmel progress permezz ta' strumenti ta' liġi mhux vinkolanti ("soft law"); jinnota, madankollu, li tista' tkun meħtieġa azzjoni leġiżlattiva sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u biex jinħolqu regoli vinkolanti suffiċjenti; jissottolinja li l-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi l-obbligi għall-operaturi li jqiegħdu fis-suq prodotti illegali u li tippermetti li jiġi miġġieled b'mod effikaċi t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, diġà teżisti fis-settur speċifiku tal-injam;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi lejn l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet kriminali relatati mat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li jistabbilixxu livelli xierqa ta' sanzjonijiet għar-reati kontra l-organiżmi selvaġġi; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi u li l-Parlament u l-Kunsill jinżammu regolarment infurmati dwar il-progress magħmul sal-31 ta' Lulju 2018 u biex issir il-valutazzjoni ġenerali tiegħu sal-2020;

12.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, biex tibda rieżami ħalli tivvaluta x-xerqin u l-effikaċja tal-politika u l-qafas leġiżlattiv tal-UE biex tindirizza l-kriminalità ambjentali u b'mod partikolari l-kriminalità organizzata b'rabta mal-organiżmi selvaġġi; jilqa', madankollu, l-impenn tal-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress interim magħmul fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni sal-31 ta' Lulju 2018 u sabiex twettaq il-valutazzjoni ġenerali tiegħu sal-2020.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Sajjad Karim, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Evelyn Regner, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Stefano Maullu, Virginie Rozière


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Bolesław G. Piecha, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Paul Brannen, Nicola Caputo, Michel Dantin, Mark Demesmaeker, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Krzysztof Hetman, Gesine Meissner, James Nicholson, Marijana Petir, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Mihai Ţurcanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Danti, Anna Hedh, Marco Zullo

Avviż legali