Proċedura : 2016/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0317/2016

Testi mressqa :

A8-0317/2016

Dibattiti :

PV 22/11/2016 - 12
CRE 22/11/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2016 - 10.5
CRE 23/11/2016 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0440

RAPPORT     
PDF 756kWORD 64k
3.11.2016
PE 582.127v01-00 A8-0317/2016

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)

(2016/2067(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur għal opinjoni: Ioan Mircea Paşcu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)

(2016/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42(6) u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti;

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (13026/14), b'mod partikolari l-partijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 36, 42(2), 42(3) u 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015 u tas-27 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni(1), u tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża fl-Ewropa(2), tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja(3), tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - f'dinja dejjem aktar konnessa, kontestata u kumplessa(4), u tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi - impenn tal-UE man-NU u mal-Unjoni Afrikana(5),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-VP/RGħ Federica Mogherini fis-27 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu (JOIN(2016)0018) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tad-19 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'appoġġ għas-sigurtà u l-iżvilupp (JOIN(2015)0017) u l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (COM(2016)0447),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar elementi għal qafas strateġiku għall-UE kollha biex tiġi appoġġata r-riforma tas-settur tas-sigurtà (JOIN(2016)0031),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjattaforma ta' Missjoni ta' Appoġġ tat-18 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra "l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna mġedda għall-Unjoni Ewropea" għall-perjodu 2015-2020 u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-15-16 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2016 bit-titolu "Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina" (COM(2016)0230),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni dwar l-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-kunflitti u l-kriżijiet esterni (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża(6), wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2013 dwar "L-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur"; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qafas ta' Politika għaċ-Ċiberdifiża tal-UE tat-18 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 bit-titolu "Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva" (COM(2016)0410),

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Tekniku bejn il-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters (il-NCIRC) u l-Iskwadra ta' Rispons tal-Unjonji Ewropea għal Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-EU), iffirmat fl-10 ta' Frar 2016, li jiffaċilita aktar kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar l-inċidenti ċibernetiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ffirmata fit-8 ta' Lulju 2016 fil-kuntest tas-Summit ta' Varsavja 2016 tan-NATO (dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana),

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tas-Summit ta' Varsavja maħruġ mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'Varsavja fit-8-9 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0317/2016),

Il-kuntest strateġiku

1.  Jinnota li l-ambjent ta' sigurtà tal-UE mar għall-agħar b'mod konsiderevoli, qiegħed isir aktar fluwidu, aktar kumpless, aktar perikoluż u inqas prevedibbli; jinnota li t-theddidiet huma kemm konvenzjonali, kif ukoll ibridi, iġġenerati kemm minn atturi Statali, kif ukoll minn dawk mhux Statali, li ġejjin min-Nofsinhar u mil-Lvant, u li jaffettwaw lill-Istati Membri b'mod differenti;

2.   Ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija profondament interkonnessa, u jinnota li dawn jirreaġixxu għat-theddid u r-riskji komuni b'mod frammentat u mhux ikkoordinat, u b'hekk jikkumplikaw, u spiss ixekklu, approċċ aktar komuni; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni huwa wieħed mill-vulnerabbiltajiet tal-azzjoni tal-Unjoni; Jinnota li l-Ewropa m'għandhiex ir-reżiljenza meħtieġa biex tittratta b'mod effettiv it-theddid ibridu, li spiss għandu dimensjoni transfruntiera;

3.  Iqis li l-Ewropa issa trid tirreaġixxi għal serje ta' kriżijiet dejjem aktar kumplessi: fl-Afrika tal-Punent, fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani, fl-Ukraina tal-Lvant u fil-Kawkasu; iqis li l-UE għandha tintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-reġjun, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali; jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta tindirizza bidliet strutturali fix-xena tas-sigurtà internazzjonali u sfidi li jinkludu kunflitti interstatali, kollass tal-istati u attakki ċibernetiċi, kif ukoll l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tal-bidla fil-klima;

4.   Jinnota bi tħassib li t-terroriżmu li qed isir minn organizzazzjonijiet Iżlamiċi radikali u minn individwi qiegħed ipoġġi lill-Ewropa fil-mira fuq skala mingħajr preċedent, li jqiegħed l-istil ta' ħajja Ewropew taħt pressjoni; jenfasizza li, konsegwentement, is-sigurtà tal-individwu issa saret prijorità, li tnaqqas id-distinzjoni tradizzjonali bejn id-dimensjonijiet esterni u interni tagħha;

5.   Jistieden lill-UE tadatta għal dawn l-isfidi għas-sigurtà, b'mod partikolari bl-użu aktar effiċjenti tal-għodod eżistenti tal-PSDK, b'koerenza ma' strumenti esterni u interni oħra; jitlob għal koperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, speċjalment fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

6.  Jitlob li jkun hemm politika komprensiva ta' prevenzjoni bbażata fuq programmi ta' deradikalizzazzjoni; jinnota l-ħtieġa fundamentali li nkunu aktar attivi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-propaganda terroristika, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiġi indirizzata d-distribuzzjoni tal-kontenut online ta' natura estremista u tippromwovi kooperazzjoni ġudizzjarja aktar attiva bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali, inkluż il-Eurojust, fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu fl-Istati Membri kollha;

7.  Jinnota li għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn il-fruntieri fl-Ewropa ġew mibdula bil-forza; jenfasizza l-impatt detrimentali ta' okkupazzjoni militari fuq is-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; itenni li kwalunkwe bidla tal-fruntieri fl-Ukrajna li ssir bil-forza mhijiex konsistenti mal-prinċipji tal-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jenfasizza li skont l-Ewrobarometru 85.1, ippubblikat f'Ġunju 2016, madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li jkun hemm impenn akbar tal-UE fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża;

9.  Huwa tal-fehma li politika estera u ta' sigurtà Ewropea aktar unifikata u, għalhekk aktar effettiva, fil- tista' tagħti kontribut deċiżiv biex titnaqqas l-intensità tal-ġlied armat fl-Iraq u s-Sirja, u biex jiġi eliminat lil awtoproklamat l-Istat Iżlamiku;

Verżjoni riveduta u aktar b'saħħitha tal-PSDK

10.   Huwa konvint b'ċertezza li, b'riżultat ta' dan, reviżjoni bir-reqqa u sostanzjali tal-PSDK hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għas-sigurtà tal-Unjoni, għall-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali, u sabiex tafferma l-awtonomija strateġika tal-UE; ifakkar li l-ebda pajjiż ma jista' jiffaċċja waħdu l-isfidi attwali tas-sigurtà;

11.   Jemmen li reviżjoni b'suċċess tal-PSDK ser ikollha tintegra bis-sħiħ lill-Istati Membri tal-UE fil-proċess mill-bidu nett sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' staġnar fil-futur; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej, u jinnota l-inizjattivi attwali, li għandhom jiġu segwiti bi proposti konkreti fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru dwar id-Difiża; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-UE biex jinvestu b'mod xieraq fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

12.  Jenfasizza li stabbiliment ta' struttura ta' kooperazzjoni permanenti (l-Artikolu 42(6) tat-TUE) se tagħmilha possibbli li tiġi żviluppata struttura għall-awtodifiża jew struttura permanenti għall-awtodifiża li tista' ssaħħaħ l-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

13.  Jenfasizza li, minħabba li l-Ewropa m'għadhiex f'kontroll sħiħ tas-sigurtà ambjentali tagħha, l-għażla taż-żmien u l-post ta' azzjoni, l-UE, permezz ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll strumenti rilevanti oħra, għandha tkun kapaċi tintervjeni tul l-ispettru sħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u b'hekk tinkludi l-istadji kollha taċ-ċiklu ta' kunflitt, kif ukoll li tipparteċipa bi sħiħ biex l-Ewropa tinżamm sikura u tiġi żgurata s-sigurtà u tad-difiża komuni taż-żona kollha ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex tibda tiżviluppa politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn difiża komuni kif stipulat fl-Artikolu 42.2 tat-TUE; huwa tal-fehma li waħda mill-għanijiet importanti tal-PSDK għandu jkun li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE;

14.  Jilqa' l-pjan direzzjonali futur dwar il-PSDK li se jiġi preżentat mill-VP/RGħ bi skeda ta' żmien konkreta u passi; jemmen li dan il-pjan direzzjonali għandu jikkumplimenta Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-komponent militari tal-PSDK; jappoġġa bil-qawwa li l-Istati Membri jikkoordinaw l-investiment fis-sigurtà u d-difiża, kif ukoll jiżdied l-appoġġ finanzjarju għar-riċerka dwar id-difiża fil-livell tal-UE;

15.   Jenfasizza, bl-istess mod, li l-PSDK għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' difiża kollettiva u l-finanzjament effiċjenti u li għandha tiġi implimentata f'koordinazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u b'komplementarjetà sħiħa man-NATO; iqis li l-UE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilħqu l-miri ta' kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' 2 % tal-PDG, kif affermat mill-ġdid fis-Summits ta' Wales u ta' Varsavja;

16.  Ifakkar li l-kunflitti u l-kriżijiet fl-Ewropa u fil-madwar qed iseħħu kemm fl-ispazju fiżiku kif ukoll dak ċibernetiku, u jenfasizza li ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża għalhekk għandhom jiġu integrati bħala l-elementi ewlenin tal-PSDK u integrati b'mod sħiħ fil-politiki interni u esterni tal-UE;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni min-naħa tal-VP/RGħ ta' Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) bħala neċessarja u żvilupp pożittiv f'qafas istituzzjonali li fih se joperaw u jiżviluppaw il-PESK u s-PSDK; jiddispjaċih mill-involviment baxx tal-Istati Membri fit-tħejjija tal-EUGS;

18.   Jenfasizza li l-impenn qawwi, is-sjieda u l-appoġġ min-naħa tal-Istati Membri u tal-parlamenti nazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi rilevanti kollha tal-UE, huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-politika tal-EUGS fil-livell ta' ambizzjoni, prijoritajiet u approċċ komprensiv fil-forma ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma attwali tal-VP/RGħ fil-proċess ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-fatt li jridu jiġu allokati riżorsi xierqa għall-implimentazzjoni tal-EUGS u għal PSDK aktar robusta u effettiva;

19.   Iqis l-iżvilupp ta' strateġija settorjali bħala segwitu għall-EUGS, li għandu jiġu miftiehem u ppreżentat mill-Kunsill Ewropew, li għandu jispeċifika ulterjorment il-livell ta' ambizzjoni ċivili u militari, il-kompiti, il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-kapaċità; itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-iżvilupp ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà Ewropea u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprepara dan id-dokument mingħajr dewmien; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-pjan ta' implimentazzjoni propost dwar is-sigurtà u d-difiża ma laħqitx l-aspettattivi parlamentari u dawk tal-pubbliku; itenni l-indiviżibilità tas-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

20.   Jinnota l-Patt dwar is-Sigurtà Ewropea, propost mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u ta' Franza, u jappoġġa inter alia l-idea ta' analiżi komuni tal-ambjent strateġiku Ewropew, li l-valutazzjoni tat-theddid issir attività komuni perjodika, u b'hekk jinkiseb rispett reċiproku għat-tħassib ta' xulxin u l-appoġġ għal kapaċitajiet u azzjoni komuni; jilqa' wkoll l-inizjattivi reċenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-iżvilupp tal-PSDK; jinnota b'dispjaċir, madankollu, in-nuqqas ta' awtovalutazzjoni tal-inattività tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-impenji Ewropej preċedenti fil-qasam tad-difiża;

21.  Josserva li, għal dan l-għan, il-kooperazzjoni ma' attivitajiet simili tan-NATO hija meħtieġa; jenfasizza li impenn serju, u skambji ulterjuri u aktar effiċjenti ta' intelligence u ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri huma indispensabbli;

22.  Jinnota li, peress li s-sigurtà interna u esterna qed isiru dejjem aktar integrati u li d-distinzjoni bejn spazji fiżiċi u dawk ċibernetiċi qed isiru dejjem aktar diffiċli biex tiddefinixxi, l-integrazzjoni tal-inventarji rispettivi tagħhom qed issir meħtieġ, li tagħti s-setgħa lill-UE li taġixxi tul l-ispettru sħiħ ta' strumenti, sal-livell tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

Il-PSDK u l-approċċ integrat għall-kriżijiet

23.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti tal-UE għal missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK, minn fejn il-persunal operattiv integrat ikun jista' jappoġġa ċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, mill-ewwel kunċett politiku sal-pjanijiet dettaljati; jenfasizza li dan mhux ser ikun replika ta' strutturi tan-NATO, iżda minflok jikkostitwixxi arranġament istituzzjonali meħtieġ biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-ippjanar u tat-twettiq tal-kapaċitajiet tal-PSDK;

24.   Jenfasizza l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, inklużi l-assistenza fil-fruntieri, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ militari tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet navali, għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali;

25.   Jiddispjaċih li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK komplew jitħarbtu minn nuqqasijiet strutturali, li jipperikolaw l-effiċjenza tagħhom; iqis li dawn għandhom ikunu għodod ġenwini u li jistgħu jiġu integrata aħjar fl-EUGS;

26.   Jinnota, f'dan ir-rigward, il-livell ta' ambizzjoni politika stabbilita mill-EUGS favur approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' kunflitt permezz tal-prevenzjoni, tar-riżoluzzjoni u tal-istabilizzazzjoni, kif ukoll tal-impenn biex jiġi evitat diżimpenn prematur; iqis li l-UE għandha tappoġġa b'mod koerenti l-Istati Membri involuti fil-koalizzjoni kontra dawk li jsejħu lilhom infushom l-Istat Iżlamiku permezz tat-twaqqif ta' operazzjoni tal-PSDK, b'fokus fuq taħriġ, fl-Iraq;

27.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-idea ta' missjonijiet tal-PSDK "reġjonalizzati" preżenti fis-Saħel, b'mod partikolari minħabba li jikkorrispondu għar-rieda ta' pajjiżi fis-subreġjun li tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà permezz pjattaforma? tal-G5 tas-Saħel; huwa konvint li dan jista' jirrappreżenta opportunità biex tissaħħaħ l-effiċjenza u r-rilevanza tal-missjonijiet tal-PSDK (EUCAP Sahel Mali u EUCAP Sahel Niger) preżenti fil-post; jemmen bil-qawwa li dan il-kunċett ta' "reġjonalizzazzjoni" għandu jiddependi fuq għarfien fil-post, objettivi definiti u l-mezzi biex dawn jintlaħqu, u m'għandhomx ikunu definiti biss mill-impetu ta' konsiderazzjonijiet politiċi;

28.   Jenfasizza li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-missjonijiet u l-operazzjonijiet futuri għandhom jipprijoritizzaw l-impenn tal-UE f'kunflitti li jaffettwaw direttament is-sigurtà tal-UE jew ta' sħab u reġjuni fejn l-UE għandha r-rwol li tipprovdi s-sigurtà; iqis li d-deċiżjoni biex isir impenn għandu jkun imsejjes fuq analiżi komuni u fehim tal-ambjent strateġiku u fuq l-interessi strateġiċi komuni tal-Istati Membri, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-azzjonijiet ta' alleati oħra u organizzazzjonijiet bħan-NU u n-NATO; iqis li missjonijiet għall-bini tal-kapaċità tal-PSDK għandhom jiġu kkoordinati max-xogħol li jsir mill-Kummissjoni fuq is-settur tas-sigurtà u l-istat tad-dritt;

29.   Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 (li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi) sabiex l-assistenza tal-Unjoni tiġi estiża għal atturi militari f'pajjiżi sħab, u jqis li dan il-kontribut huwa indispensabbli għar-reżiljenza tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-possibilità li, għal darb'oħra, isiru objettivi ta' kunflitt u żoni ta' kenn għal attivitajiet ostili kontra l-UE; jenfasizza li dan għandu jsir f'ċirkostanzi eċċezzjonali, kif deskritt fl-Artikolu 3a tal-proposta msemmija hawn fuq li temenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014, sabiex jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva CBSD biex jitjiebu l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa wkoll li jiġu identifikati strumenti finanzjarji oħra biex tissaħħaħ il-bini tal-kapaċità tal-isħab fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jiżguraw koerenza u koordinazzjoni sħiħa sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati u tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-post;

31.   Jinnota, f'dan ir-rigward, li l-kompiti ta' Petersberg għandhom jiġu riveduti u l-gruppi tattiċi militari għandhom isiru strument militari aktar impjegabbli permezz tal-modularità u ta' finanzjament aktar funzjonali; jinnota li n-nuqqas ta' attitudni kostruttiva fost l-Istati Membri tkompli sservi bħala xkiel politiku u operattiv għall-iskjerament ta' gruppi tattiċi; iħeġġeġ lill-Kunsill jibda t-twaqqif ta' fond ta' tnedija (previst mill-Artikolu 41(3) tat-TUE) bil-għan li jiġu ffinanzjati b'mod urġenti l-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari;

32.   Jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jappoġġaw il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti; jitlob li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-ispejjeż kollha relatati, primarjament, mal-operazzjonijiet ta' reazzjoni rapida u l-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, u mbagħad l-operazzjonijiet militari kollha;

Kollaborazzjoni man-NATO u sħab oħra

33.  Ifakkar li n-NATO u l-UE jikkondividu l-istess interessi strateġiċi u jaffaċċaw l-istess sfidi fil-Lvant u fin-Nofsinhar; jinnota l-importanza tal-klawżola ta' difiża reċiproka, l-Artikolu 42(7), għall-Istati Membri tal-UE, kemm jekk huma membri tan-NATO jew le; jinnota li l-UE għandha tkun tista' tipproteġi l-membri tagħha stess, kemm jekk huma membri tan-NATO jew le, fl-istess livell permezz tal-mezzi tagħha stess; jinnota l-objettiv tal-EUSG li jkun hemm livell xieraq ta' awtonomija strateġika fl-UE u jenfasizza li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikunu komplementari fil-mezzi tagħhom; iqis li l-"awtonomija strateġika" tal-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa għall-promozzjoni tas-sigurtà fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha, kif ukoll issaħħaħ is-sħubija man-NATO u r-relazzjonijiet transatlantiċi;

34.  Iqis li s-sisien għall-kooperazzjoni qariba u effettiva bejn l-UE u n-NATO huma pprovduti mill-komplementarjetà tal-missjonijiet tagħhom u, konsegwentement, mill-inventarji tagħhom tal-istrumenti; jenfasizza li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom jibqgħu kooperattivi u mhux kompetittivi; iqis li l-UE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu l-miri ta' kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' 2 % tal-PDG;

35.   Jenfasizza li n-NATO hija mgħammra bl-aħjar mod għal finijiet ta' dissważjoni u difiża, u hija lesta biex timplimenta d-difiża kollettiva (Artikolu V tat-Trattat ta' Washington) fil-każ ta' aggressjoni kontra wieħed mill-membri tagħha, filwaqt li l-PSDK għandha tiffoka, bħalma hi llum, fuq iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali (Artikolu 42 tat-TUE) u li l-UE għandha mezzi addizzjonali biex jittrattaw l-isfidi għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, inkluż is-sovverżjoni, li mhumiex koperti mill-Artikolu V; itenni li l-"klawżola ta' solidarjetà" fl-Artikolu 222 tat-TFUE għandu l-għan li jiżgura protezzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-popolazzjoni ċivili f'każ ta' attakk terroristiku;

36.   Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata bejn l-UE u n-NATO f'Varsavja u jappoġġa bis-sħiħ kollaborazzjoni fl-oqsma msemmija fih; jinnota li d-dikjarazzjoni tiddeskrivi l-prattiki informali stabbiliti sew minflok il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tinġieb għal livell ġdid; jenfasizza l-ħtieġa partikolari li tiġi approfondita u kkumplentata ulterjorment il-kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċità fir-rigward tat-theddid ibridu, dak ċibernetiku u r-riċerka; jilqa' l-għan iddikjarat tal-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava biex id-Dikjarazzjoni Konġunta tibda tiġi implimentata immedjatament;

37.  Jappoġġa bis-sħiħ aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża ma' sħab istituzzjonali oħra, inkluż in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE, kif ukoll is-sħab bilaterali strateġiċi, b'mod partikolari l-Istati Uniti, f'oqsma bħat-theddid ibridu, is-sigurtà marittima, ir-reazzjoni rapida, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà ċibernetika;

Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża

38.   Iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża aktar b'saħħitha ssaħħaħ l-indipendenza teknoloġika u l-awtonomija strateġika tal-UE; huwa konvint li t-titjib tal-istatus tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà fil-viċinat tal-Ewropa jeħtieġ kapaċitajiet suffiċjenti u industrija tad-difiża kompetittiva, effiċjenti u trasparenti li tiżgura katina ta' provvista sostenibbli; jinnota li s-settur tad-difiża Ewropew huwa kkaratterizzat minn frammentazzjoni u duplikazzjoni, li jeħtieġ li jiġu eliminati gradwalment permezz ta' proċess ta' proviżjoni ta' inċentivi u premjijiet għall-komponenti nazzjonali kollha, filwaqt li titqies il-perspettiva fit-tul tas-suq tad-difiża integrata;

39.   Jiddispjaċih li l-Qafas ta' Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-tul fil-Qasam tad-Difiża għadu ma ġiex implimentat mill-Istati Membri bl-impenn meħtieġ u li l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni għadha ma wasslitx għal riżultati tanġibbli; jitlob li l-Kunsill jintroduċi dibattiti regolari kull sentejn dwar id-difiża u jipprovdi gwida strateġika u impetu politiku għall-PSDK u għall-kooperazzjoni tad-difiża Ewropea;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ċibernetika u li tiġi żgurata ċ-ċiberreżiljenza tal-missjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ lill-Kunsill jinkorpora d-difiża ċibernetika bħala parti integrali tad-dibattiti tiegħu dwar id-difiża; jemmen li hemm bżonn ta' strateġiji nazzjonali fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u biex jużaw iċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-qasam taċ-Ċiberdifiża Kooperattiva (CCDCOE) tan-NATO;

41.  Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom diffikultà biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet difensivi kompletament operazzjonali, l-aktar minħabba diffikultajiet finanzjarji; jitlob, għaldaqstant, għal iżjed koordinazzjoni u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet;

42.  Jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali biex il-forzi tal-Istati Membri jkunu aktar kompatibbli u integrati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibilità ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża; jinnota li n-natura protezzjonista u magħluqa tas-swieq tad-difiża tal-UE tagħmilha aktar diffiċli biex dan isir;

43.  Ifakkar li bażi industrijali u teknoloġika b'saħħitha tad-difiża Ewropea, li tinkludi faċilitajiet għall-SMEs, hija sies fundamentali tal-PSDK u prerekwiżit għal suq komuni, li se tippermettu lill-UE tibni l-awtonomija strateġika tagħha;

44.  Jinnota b'dispjaċir li l-Istati Membri japplikaw id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, id-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża intra-Unjoni Ewropea f'livelli totalment differenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tapplika n-nota ta' gwida dwar l-Artikolu 346, u tassumi r-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati billi tibda timplimenta proċeduri ta' ksur meta jinkisru d-Direttivi; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-isforzi multinazzjonali fuq in-naħa tad-domanda tal-akkwist militari, u fuq l-industriji Ewropej fuq in-naħa tal-fornitur sabiex isaħħu l-pożizzjonijiet tas-swieq globali permezz ta' koordinazzjoni aħjar u l-konsolidazzjoni industrijali;

45.  Jitħasseb bid-deklin kostanti favur il-finanzjament ta' riċerka fl-Istati Membri kollha, li qed tpoġġi f'riskju l-bażi industrijali u teknoloġika u, konsegwentement, l-awtonomija strateġika tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-armati tagħhom b'tagħmir manifatturat mill-industrija Ewropea tad-difiża, minflok mill-kompetituri industrijali tagħhom;

46.  Huwa konvint li t-tisħiħ tar-rwol tal-EDA fil-koordinazzjoni bbażata fuq il-kapaċità ta' programmi, proġetti u attivitajiet, jibbenefika PSDK effiċjenti; iqis li l-EDA għandha tiġi sostnuta fit-twettiq tal-għanijiet tagħha bis-sħiħ, inkluż b'mod partikolari l-prijoritajiet li ġejjin u r-rwoli fil-kuntest ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (EDAP) u r-Riċerka tad-Difiża Ewropea (EDRP); jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jirrevedu l-organizzazzjoni, il-proċeduri u l-attivitajiet tal-Aġenzija, u jiftħu aktar possibbiltajiet għal kooperazzjoni u integrazzjoni ulterjuri; jistieden lill-Istati Membri jagħtu gwida lill-EDA dwar il-koordinamentta' reviżjoni tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet, skont l-istrateġija tal-EUGS u dik settorjali;

47.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija, min-natura tagħha, qasam ta' politika fejn il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni huma kruċjali, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, mas-sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà, peress li din mhijiex esklussivament responsabbiltà militari; jitlob linji gwida aktar ċari dwar kif il-kapaċitajiet difensivi u offensivi tal-UE għandhom jintużaw u f'liema kuntest; ifakkar li l-Parlament Ewropew talab ripetutament għal reviżjoni mill-qiegħ tar-Regolament tal-UE dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex jiġi evitat softwer u sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw kontra l-infrastruttura diġitali tal-UE jew biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli jaqgħu f'idejn ħżiena; jitlob lill-UE tiddefendi fil-fora internazzjonali, inklużi, iżda mhux limitati għal, il-forums tal-governanza tal-internet, il-prinċipju li l-infrastruttura ewlenija tal-internet għandha tkun żona newtrali fejn il-gvernijiet, li jsegwu l-interessi nazzjonali tagħhom, huma pprojbiti milli jindaħlu;

48.  Jappoġġa lill-Kummissjoni għall-inizjattivi relatati mad-difiża bħalma huma l-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża u l-Politika Industrijali tad-Difiża, li għandhom jibdew wara l-preżentazzjoni ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-Kummissjoni għad-difiża, permezz tar-riċerka, l-ippjanar u l-implimentazzjoni ffokati sew u estensivi; jilqa' l-Azzjoni Preparatorja għar-riċerka relatata mal-PSDK u jitlob għal finanzjament adegwat għall-bqija tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP); jappoġġa l-iżvilupp ta' Programm ta' Riċerka tad-Difiża tal-UE fil-QFP li jmiss (2021-2027);

49.  Jitlob li l-liġi Ewropea tiġi riformata biex tippermetti lill-industriji Ewropej tad-difiża li jibbenefikaw mill-istess għajnuniet statali bħal dawk li jgawdu minnhom industriji tal-Istati Uniti;

°

°         °

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President fil-kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0213.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0215.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0232.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0120.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0249.

(6)

ĠU C 419, 16.12.2015, p. 145.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (2016/2067(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Ioan Mircea Paşcu

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membri tal-Grupp GUE/NGL, Sabine Lösing u Takis Hadjigeorgiou

Ir-rapport jitlob li jkun hemm żieda fil-komponent militari tal-PSDK, aktar investiment fid-difiża u fir-riċerka dwar id-difiża u jippromwovi l-mira tal-kapaċità tan-NATO (minimu ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża).

Aħna kontra r-rapport peress li:

•  iħeġġeġ għal Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża u l-implimentazzjoni tiegħu, jitlob għal industrija Ewropea tad-difiża qawwija u jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-UE li jkun ta' benefiċċju għall-industriji tad-difiża u tas-sigurtà u l-Kumpless Militari Industrijali;

•  jappoġġa l-inizjattiva tas-CSBD li għandha l-għan li tipprovdi aktar riformi fis-settur tas-sigurtà u tħarreġ u tattrezza il-militar b'finanzjament mill-għajnuna għall-iżvilupp militari (fost l-oħrajn, l-istrument ċivili Strument li jikkontribwixxi għall-istabilità u l-paċi);

•  jippromwovi l-estensjoni tal-ambitu tal-mekkaniżmu ATHENA għall-finanzjament ta' missjonijiet militari tal-UE lil hinn mill-kontroll parlamentari/gruppi tattiċi;

•  jinsisti fuq l-iskjerament ta' gruppi tattiċi tal-UE għat-tipi kollha ta' ġestjoni tal-kriżijiet

•  jirrakkomanda kooperazzjoni profonda man-NATO;

Aħna nesiġu:

-  id-diżarm radikali (inkluż CBRN) fil-livell tal-UE u fil-livell dinji;

-  l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE

-  li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali;

-  approċċi strettament ċivili u paċifiċi għas-soluzzjoni tal-kunflitti min-naħa tal-UE, kif ukoll is-separazzjoni tal-lat ċivili u militari;

-  separazzjoni distinta bejn l-UE u n-NATO.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

18

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ryszard Czarnecki, Ana Gomes, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Karoline Graswander-Hainz, Emilian Pavel, Marijana Petir, Ivan Štefanec

Avviż legali