RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
15.11.2016 - (09785/2016 – C8-0422/2016 – 2016/0096(NLE)) - ***
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Mariya Gabriel
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
(COM(2016)0189 – C8-0000/2016 – 2016/0096(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (09785/2016),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (09783/2016),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0422/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0336/2016),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Solomon.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Qafas tar-relazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon huma regolati permezz tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, imsejjaħ il-"Ftehim ta' Cotonou".
Fil-qafas tal-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] permezz tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2], il-Gżejjer Solomon ġew trasferiti lejn l-Anness II, li jistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-obbligu ta' viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 – fil-forma emendata tiegħu – japplika fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.
Wara l-adozzjoni tal-imsemmi Regolament fl-20 ta' Mejju 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni, fid-9 ta' Ottubru 2014, li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon. In-negozjati nfetħu fid-19 ta' Novembru 2014. Waqt dik il-laqgħa, l-abbozz sħiħ tat-test ġie rieżaminat, u ntlaħaq ftehim fuq l-aspetti kollha fi skambji ulterjuri. Il-ftehim ġie inizjalat fi Brussell min-negozjaturi ewlenin nhar it-13 ta' Novembru 2015. Fl-24 ta' Ġunju 2016 il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar l-iffirmar ta' ftehim għall-eżenzjoni mill-viża għal żjara qasira. Il-ftehim ġie ffirmat fis-7 ta' Ottubru 2016 fi Brussell. Minn dik id-data 'l quddiem, il-ftehim applika fuq bażi proviżorja, fl-istennija tal-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill iddeċieda fit-18 ta' Ottubru li jitlob lill-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
Il-ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Solomon meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta' persuni (detenturi ta' passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jivvjaġġaw għal skopijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-iskop tat-twettiq ta' attività bi ħlas.
**
Ġustifikazzjoni tar-Rapporteur
Dan il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża għas-soġġorni qosra jikkostitwixxi suċċess fl-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Solomon – filwaqt li jagħti sinifikat politiku qawwi fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou – kif ukoll mezz supplementari għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali u biex jiġi intensifikat id-djalogu politiku dwar diversi kwistjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Ir-Rapporteur tinnota li l-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża jista' jkollu effetti pożittivi billi jissimplifika l-kundizzjonijiet ta' vjaġġar għall-intraprendituri, filwaqt li jiffaċilita l-investimenti u jagħti spinta lit-turiżmu. L-ekonomija tal-Gżejjer Solomon hija bbażata essenzjalment fuq l-agrikoltura, li tammonta għal 50 % tal-PDG tagħhom, u s-servizzi, li jirrappreżentaw kważi 40 % tal-PDG tagħhom. Il-prijorità ewlenija tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea fil-Gżejjer Solomon sa mis-snin 1990 kienet l-iżvilupp rurali sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi umani.
Filwaqt li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Gżejjer Solomon huma limitati ħafna, dawn għandhom potenzjal għall-iżvilupp. Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja Ftehim ta' Sħubija Ekonomika komprensiv ma' erbatax-il pajjiż tar-reġjun tal-Paċifiku, fosthom il-Gżejjer Solomon. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur tenfasizza li l-ftehim għall-eżenzjoni mill-viża jirriafferma l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ is-sħubija ma' dan il-pajjiż.
Politikament, il-Gżejjer Solomon huwa monarkija kostituzzjonali fi ħdan il-Commonwealth mill-1978. L-Unjoni Ewropea għandha s-sħubija tagħha mas-soċjetà ċivili fil-Gżejjer Solomon rigward id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali ta' Żvilupp u djalogu politiku msaħħaħ. Id-djalogu politiku tal-Unjoni Ewropea mal-Gżejjer Solomon jiffoka fuq il-protezzjoni tal-ambjent vulnerabbli tagħhom, speċjalment b'rabta mat-tibdil fil-klima fuq naħa u mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet dwar il-ġeneri fuq in-naħa l-oħra. F'dan il-kuntest, il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża jirrappreżenta pass sinifikanti lejn djalogu politiku mtejjeb u aktar regolari.
Fir-rigward tal-mobilità, l-informazzjoni disponibbli turi li l-fiduċja fl-applikanti għall-viża hija qawwija u r-rata ta' ċaħdiet ta' viża hija waħda baxxa ħafna. Fl-2014 u l-2015, l-ebda ċittadin tal-Gżejjer Solomon ma ġie arrestat għal preżenza illegali fl-Unjoni Ewropea u l-ebda ċaħda ta' dħul fil-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjonijiet ta' ritorn ma ttieħdu fir-rigward taċ-ċittadini tal-Gżejjer Solomon. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda applikazzjoni għal ażil minn ċittadini tal-Gżejjer Solomon. F'dan il-kuntest, il-pajjiż ma jirrappreżenta l-ebda theddida la f'dik li hi migrazzjoni irregolari u lanqas f'dawk li huma sigurtà u ordni pubbliku.
Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur tenfasizza l-impatt mhux negliġibbli li l-eżenzjoni mill-viża se jkollha fuq it-tqarrib bejn il-popli Ewropej u tal-Paċifiku. Il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża jippermetti liċ-ċittadini mhux biss li jgawdu bis-sħiħ mis-sħubija AKP-UE, iżda wkoll li jipparteċipaw fiha billi jivvjaġġaw bi prezz ekonomiku u prattiku mnaqqas.
F'dan il-kuntest ir-Rapporteur tfaħħar ir-rwol tal-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, li kkontribwew bil-kbir għall-konklużjoni ta' dan il-ftehim li, barra minn hekk, se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
**
Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-ftehim
Fir-rigward tal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-ftehim, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni tosserva kwalunkwe żvilupp li jista' jseħħ f'dak li jirrigwarda l-kriterji li inizjalment wasslu għat-trasferiment mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament Nru 509/2014. Dawn il-kriterji jinkludu mhux biss l-immigrazzjoni klandestina, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, iżda wkoll ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi terzi kkonċernati inklużi, b'mod partikolari, kunsiderazzjonijiet marbuta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.
Barra minn hekk, ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Gżejjer Solomon jiżguraw ir-reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża li għandha tippermetti l-ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.
Ir-rapporteur tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-Kumitat Konġunt għall-Ġestjoni tal-Ftehim (l-Artikolu 6), l-Unjoni Ewropea hija rappreżentata biss mill-Kummissjoni. Bħala istituzzjoni direttament eletta miċ-ċittadini Ewropej u li tiddefendi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jiġi involut fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt. Ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew terġa' tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kompożizzjoni tal-kumitati konġunti ta' ġestjoni għall-ftehimiet futuri.
Bl-istess mod, ir-rapporteur tesprimi tħassib dwar il-prattika tal-iffirmar tal-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom qabel l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ir-rapporteur tirrimarka li din il-prattika għandha t-tendenza li tnaqqas il-marġini ta' manuvrar tal-Parlament Ewropew u hija għalhekk problematika peress li l-Parlament ma jiġix informat dwarhom waqt il-progress tan-negozjati bilaterali.
**
Dispożizzjonijiet speċifiċi
Fil-premessi tal-ftehim konkluż titqies is-sitwazzjoni partikolari tar-Renju Unit u tal-Irlanda. Għalhekk ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jipparteċipaw fil-ftehim konkluż u mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tiegħu.
L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen qed tiġi wkoll evokata f'dikjarazzjoni konġunta annessa mal-ftehim. Id-dikjarazzjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir f'termini simili ta' dawk ta' dan il-ftehim, malajr kemm jista' jkun, mal-Gżejjer Solomon.
Il-ftehim fih dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni territorjali tiegħu: rigward Franza u n-Netherlands, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim japplikaw biss għat-territorji Ewropej ta' dawn iż-żewġ Stati Membri.
**
Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur tirrakkomanda lill-Membri tal-Kumitat Parlamentari għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dan ir-rapport u li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
- [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
- [2] Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67).
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Gżejjer Solomon dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir |
||||
Referenzi |
09785/2016 – C8-0422/2016 – COM(2016)0189 – 2016/0096(NLE) |
||||
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
18.10.2016 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 24.10.2016 |
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET 24.10.2016 |
|
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
AFET 24.5.2016 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Mariya Gabriel 23.5.2016 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
26.5.2016 |
12.10.2016 |
8.11.2016 |
|
|
Data tal-adozzjoni |
8.11.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Gerard Batten, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Sophia in ‘t Veld, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Vilija Blinkevičiūtė, Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Miriam Dalli, Daniel Dalton, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Jeroen Lenaers, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Axel Voss |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Maria Noichl |
||||
Data tat-tressiq |
15.11.2016 |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
44 |
+ |
|
ALDE |
Nathalie Griesbeck, Cecilia Wikström, Sophia in 't Veld |
|
ECR |
Daniel Dalton, Jussi Halla-aho, Helga Stevens |
|
GUE/NGL |
Martina Anderson, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst |
|
PPE |
Michał Boni, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Rachida Dati, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský |
|
S&D |
Vilija Blinkevičiūtė, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Tanja Fajon, Ana Gomes, Miltiadis Kyrkos, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Maria Noichl, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer |
|
VERTS/ALE |
Ska Keller, Ulrike Lunacek, Judith Sargentini, Bodil Valero |
|
4 |
- |
|
EFDD |
Gerard Batten, Kristina Winberg, Beatrix von Storch |
|
NI |
Udo Voigt |
|
|
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet