Proċedura : 2016/2009(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0345/2016

Testi mressqa :

A8-0345/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 15
CRE 12/12/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2016 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0485

RAPPORT     
PDF 1015kWORD 113k
24.11.2016
PE 585.807v02-00 A8-0345/2016

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015

(2016/2009(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: József Nagy

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015

(2016/2009(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 ("il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra t-trattati tan-NU dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li ġiet adottata fi New York fit-13 ta' Diċembru 2006 u ratifikata mill-UE nhar it-23 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Finali adottati f'Ottubru 2015 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal: Nru 6 (2005) dwar it-trattament tat-tfal mhux akkumpanjati u mifruda barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom, Nru 7 (2005) dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-ewwel snin tat-tfulija, Nru 9 (2006) dwar id-drittijiet tat-tfal b'diżabilità, Nru 10 (2007) dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni, Nru 12 (2009) dwar id-dritt tat-tfal li jiġu mismugħa, Nru 13 (2011) dwar id-dritt tat-tfal għall-ħelsien minn kull forma ta' vjolenza u Nru 14 (2013) dwar id-dritt tat-tfal li l-aħjar interessi tagħhom jittieħdu bħala kunsiderazzjoni ewlenija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(1) u tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"(2), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 għaliha dwar l-Istatus ta' Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1990 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u tal-Isfruttament jew il-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u Linji Gwida Rakkomandati mill-OHCHR dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fuq il-Fruntieri Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Lulju 2014 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, il-kumpens u l-garanziji tan-nonrikorrenza,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Reġjonali tal-Pjan Internazzjonali ta' Madrid   ta' Azzjoni fuq it-Tixjiħ, 2002,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji relatati mal-Istatus tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-"Prinċipji ta' Pariġi"), annessi mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 48/134,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 1985 (2014) – Is-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Karta dwar l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva(10) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni li saret bejn Lulju u Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(13),

–  wara li kkunsidra d-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-Protezzjoni ta' Data li ġie adottat f'Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, u d-Direttiva dwar il-Proċeduri ta' Asil,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011-2020 adottat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-5-6 ta' Ġunju 2014 dwar politika dwar l-integrazzjoni tal-immigranti fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar opportunitajiet għal dħul indaqs għan-nisa u l-irġiel: intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel:

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-grupp ta' tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI, adottati fis-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru intitolat "Id-Diskriminazzjoni fl-UE fl-2015",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014)0158) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill bit-titolu "L-iżgurar tar-rispett għall-Istat tad-Dritt",

–  wara li kkunsidra l-Lista ta' Azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi" (COM(2016)0377),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020, speċifikament il-miri tagħha dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD/l-Unjoni Ewropea intitolata "Indikaturi ta' Integrazzjoni tal-Immigrazzjoni 2015 – Issetilljar",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni" (COM(2013)0083), u r-rakkomandazzjoni tagħha dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu "L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv", (COM(2013)0322),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016 (COM(2012)0286), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki,

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020 (COM(2011)0173) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Passi 'l quddiem fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom" (COM(2013)0454),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2016)0265) u d-dokumenti ta' ħidma mehmuża miegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek (COM(2013)0269),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi fl-Istati Membri ta' integrazzjoni tar-Rom" (COM(2016)0424),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni (COM(2014)0038) maħruġ mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li qed jikkontribwixxu għall-Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar "Il-pluraliżmu tal-media u d-demokrazija" tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni rigward l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-aħħar waħda, jiġifieri dik tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2013-2014)(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-migrazzjoni, b'mod partikolari dik l-aktar riċenti datata t-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni f'Ewropa akbar(19),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(20),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom – anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent min-naħa tal-UE tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: Regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(24),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/8/2014/AN dwar il-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2013 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) rigward l-abbozz ta' ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, u l-ġurisprudenza tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, li għalihom il-Karta hija wieħed mid-dokumenti ta' referenza fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, b'mod partikolari l-Kawżi C-83/14, C-360/10, C-70/10, C-390/12, C-199/12, C-200/12, C-201/12, C-404/15, C-659/15 u C-362/14,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Manwal tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-liġi Ewropea li tittratta d-Drittijiet tat-Tfal (2015),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal – Perspettivi u esperjenzi ta' professjonisti rigward il-parteċipazzjoni tat-tfal fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili u kriminali f'10 Stati Membri tal-UE (2015),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza kontra t-tfal b'diżabilità: il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-programmi fl-UE (2015),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE (2013) tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, għar-rapport tagħha bl-isem "Being Trans in the European Union ­ Comparative analysis of the EU LGBT survey data" (Xi jfisser tkun transesswali fl-Unjoni Ewropea - analiżi komparattiva tad-data tal-istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE) (2014) u d-dokument ta' fokus tagħha dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali ta' persuni intersesswali (2015),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha",

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-Antisemitiżmu – ħarsa ġenerali lejn id-data disponibbli fl-Unjoni Ewropea 2004-2015,

–  wara li kkunsidra l-analiżi legali komparattiva tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ EU-MIDIS mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali u l-istħarriġ dwar ir-Rom,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u r-rapport tiegħu tal-2015 intitolat "Reconciliation of work, family and private life in the European Union: Policy review" (Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata fl-Unjoni Ewropea: Rieżami tal-politika),

–  wara li kkunsidra lill-Istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar l-identifikazzjoni u l-immappjar tad-data u r-riżorsi eżistenti dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa fl-UE",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sitwazzjoni tal-2016 tal-Europol dwar it-traffikar ta' bnedmin fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat tal-2015 dwar it-traffikar tal-bnedmin,

–  wara li kkunsidra l-istudji tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) dwar il-ħin tax-xogħol u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'perspettiva tul il-ħajja (2013) u dwar il-kura tat-tfal u ta' persuni dipendenti: l-effett fuq il-karrieri tal-ħaddiema żgħażagħ (2013) u dwar ix-xogħol u l-kura: miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku (2015),

–  wara li kkunsidra l-istudju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 bit-titolu "Gender equality in employment and occupation – Directive 2006/54/EC, European Implementation Assessment" (L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fix-xogħol – id-Direttiva 2006/54/KE, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability" (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tas-Sessi u d-Diżabilità),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tas-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0345/2016),

A.   billi huwa essenzjali li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali kollha; billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret parti integrali mit-Trattati; u billi qiegħed iseħħ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, kif jidher fir-rapporti tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Kunsill tal-Ewropa u n-NU, u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

B.   billi l-Unjoni Ewropea hija komunità bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

C.   billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija liberali Ewropea u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE li joriġinaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kollha, u billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-obbligi fundamentali stabbiliti fit-Trattati u fid-dritt internazzjonali;

D.   billi biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-lum, l-UE u l-Istati Membri għandhom iħarsu u jinfurzaw dawn il-valuri f'kull azzjoni li jieħdu; billi l-mod li bih l-istat tad-dritt jiġi implimentat fil-livell nazzjonali jaqdi rwol ewlieni fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fir-rigward tal-Istati Membri u tas-sistemi ġuridiċi tagħhom; billi skont l-Artikolu 17 tat-Trattat UE, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

E.  billi l-istituzzjonijiet tal-UE diġà bdew proċeduri biex tingħeleb 'l hekk imsejħa "dilemma ta' Copenhagen"; billi l-iżviluppi riċenti wrew li l-istrumenti u l-proċessi biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-prinċipji u l-valuri tat-Trattati għandhom jiġu riveduti u integrati, u li għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu effettiv biex jingħalqu l-lakuni li fadal u biex jiżgura li l-prinċipji u l-valuri tat-Trattat jitħarsu madwar l-Unjoni ; billi dan il-mekkaniżmu għandu jkun ibbażat fuq provi, u għandu jkun oġġettiv, mhux diskriminatorju u għandu jivvaluta fl-istess livell, b'rispett għall-prinċipji ta' sussidjarjetà, neċessità u proporzjonalità, li jkun japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u għandu jkun ibbażat fuq approċċ gradat, inkluż kemm aspett preventiv kif ukoll wieħed korrettiv;

F.   billi l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha biex tirrispetta l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, kif ukoll id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni kif minquxa fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

G.  billi l-migrazzjoni hija parti mill-preżent u mill-futur tal-UE u waħda mill-ikbar sfidi ta' żminijietna, peress li tappella għar-responsabilitajiet umanitarji internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll bħala opportunità għal raġunijiet demografiċi, u teħtieġ soluzzjoni li tħares 'il quddiem, kemm f'termini ta' ġestjoni ta' kriżi fuq perjodu ta' żmien qasir u medju kif ukoll ta' politiki fit-tul għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

H.  billi d-dritt għal asil huwa garantit mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (Konvenzjoni ta' Ġinevra) tal-1951 u mill-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967, kif ukoll mill-Karta;

I.   billi bejn Settembru u Diċembru 2015 il-Kummissjoni adottat 48 deċiżjoni ta' ksur kontra Stati Membri talli naqsu milli jittrasponu u jimplimentaw għalkollox is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;

J.   billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, mill-inqas 3 771 ruħ mietu jew għebu fl-2015 waqt li kienu qed jippruvaw jaslu f'post sikur fl-Ewropa, u b'hekk l-għadd totali ta' persuni mejta u li għebu tul dawn l-aħħar 20 sena kien ta' aktar minn 30 000;

K.   billi l-atti ta' terroriżmu jikkostitwixxu wieħed mill-aktar ksur serju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi hu meħtieġ li jkun hemm fis-seħħ għodod adegwati li jipproteġu liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE u li jirrispondu b'mod inekwivoku u jiġġieldu tali ksur fil-qafas tal-istat tad-dritt;

L.   billi l-qtil ta' tmien ġurnalisti fl-uffiċċji tar-rivista satirika "Charlie Hebdo" fis-7 ta' Jannar 2015 irrappreżenta tentattiv ta' attakk kontra l-libertà tal-media, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti fl-UE;

M.   billi huwa essenzjali li fil-miżuri kollha meħuda mill-Istati Membri u mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili jiġu rispettati, inkluż ir-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust, għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; ifakkar li s-sorveljanza demokratika effettiva tal-miżuri ta' sigurtà hija essenzjali; billi s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej għandha tippreserva d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; billi, tassew, dawn iż-żewġ prinċipji huma żewġ naħat tal-istess munita;

N.   billi kull limitazzjoni għad-drittijiet u għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta huma soġġetti għall-prinċipju ta' proporzjonalità u neċessità f'konformità mal-Artikolu 52 tal-Karta;

O.   billi l-kompetenzi tal-Istati Membri jridu jiġu rrispettati rigward is-servizzi ta' intelligence f'konformità mal-Artikolu 72 tat-TFUE;

P.   billi d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha jiddikjara li l-Istati Membri m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri, meta jipprovdu servizzi ta' trażmissjoni, ħżin u hosting, li jimmonitorjaw l-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali biex ikunu attivament imfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali;

Q.  billi, skont il-Kummissjoni, 75 miljun persuna jisfaw vittmi tal-kriminalità madwar l-UE kull sena,

R.   billi t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, li spiss jitwettaq fi ħdan il-qafas tal-kriminalità organizzata, li jirrappreżenta theddida serja għad-dinjità tal-bniedem, jikkostitwixxi wieħed mill-agħar tipi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet u huwa espliċitament projbit mill-Karta;

S.  billi t-traffikar għall-iskop ta' sfruttament sesswali għadu jikkostitwixxi l-aktar forma mifruxa; billi 76 % tal-vittmi rreġistrati fl-UE huma nisa; billi 70 % tal-vittmi identifikati tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE huma ċittadini tal-UE;

T.  billi d-Direttiva 2011/36/UE tintroduċi dispożizzjonijiet komuni, waqt li tqis il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta' reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom;

U.   billi t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali huma żewġ fenomeni differenti ħafna, iżda, f'xi każijiet, jista' jkun hemm rabta bejniethom;

V.  billi d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda motivati minn razziżmu jew ksenofobija, jew minn preġudizzji kontra r-reliġjon jew it-twemmin, l-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru persuna, jheddu l-valuri ċentrali tal-UE u l-Istati Membri tagħha; billi hemm żieda fid-diskors ta' mibegħda fost il-forzi politiċi u ksenofobija li qed tikber u preġudizzji oħra f'setturi importanti tal-popolazzjoni, inkluż permezz tal-internet; billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija hija kruċjali biex jiġi żgurat ir-rispett għall-valuri Ewropej tat-tolleranza, id-diversità u r-rispett reċiproku;

W.  billi l-persuni jaf ikunu esposti għal diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali; billi l-politiki mmirati lejn bażi waħda ta' diskriminazzjoni għandhom jagħtu attenzjoni lis-sitwazzjoni ta' gruppi speċifiċi li hemm probabilità li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla li tista' tkun ibbażata, fost affarijiet oħra, fuq l-età, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru jew id-diżabilità;

X.   billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE, u kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru hija pprojbita;

Y.   billi l-vjolenza fuq in-nisa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali li jolqot il-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew ta' residenza; billi l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru jżidu r-riskju tal-vjolenza u forom oħra ta' sfruttament u jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja;

Z.  billi, skont l-informazzjoni mill-istħarriġ "Violence against Women" tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, waħda minn kull tliet nisa fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali mill-età ta' 15-il sena, filwaqt li waħda minn kull għaxra kienet vittma ta' xi forma ta' vjolenza sesswali u waħda minn kull għoxrin ġiet stuprata minn dik l-età;

AA.   billi l-vjolenza sessista u l-vjolenza fuq in-nisa għadhom ta' spiss jiġu ttollerati "fis-silenzju" f'ħafna postijiet, u ħafna drabi ma jiġux irrappurtati lill-pulizija minħabba n-nuqqas ta' fiduċja tal-vittmi fl-awtoritajiet; billi huwa meħtieġ approċċ ta' tolleranza żero;

AB.  billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma kompetenza tal-Istati Membri; billi, madankollu, l-UE tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

AC.  billi huwa neċessarju li jiġi ggarantit aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika u ġeografika, u s-sitwazzjoni tad-diżabilità tan-nisa;

AD.  billi t-tfal huma l-futur tas-soċjetà tagħna u aħna responsabbli għall-preżent tagħhom; billi l-edukazzjoni hija waħda mill-aħjar modi biex jingħataw valuri bħalma huma l-paċi, it-tolleranza, il-koeżistenza, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u r-rispett tad-dinjità tal-bniedem permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali f'konformità mal-Artikolu 14 tal-Karta;

AE.  billi l-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal, is-servizzi ta' informazzjoni u għodod simili huma utli bħala mekkaniżmi ta' sensibilizzazzjoni, riferiment għal konsulenti u rappurtar għal każijiet relatati mal-ksur tad-drittijiet tat-tfal;

AF.  billi x-xandir dirett ta' abbuż sesswali tat-tfal m'għadux tendenza emerġenti ġdida, iżda realtà stabbilita; billi t-tfal huma f'riskju ta' ħsara permezz ta' grooming u solleċitazzjoni fuq l-internet għal finijiet sesswali, li fl-aktar każijiet serji jista' jwassal għal koerċiżżjoni sesswali u forom jew abbużi oħra, u mhux qed issir azzjoni biżżejjed għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' programmi edukattivi, u lanqas biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-pedofilija,

AG.   billi d-dritt tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data personali huwa partikolarment importanti fir-rigward tat-tfal, li jirrappreżentaw l-aktar parti indifiża tas-soċjetà;

AH.  billi, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, it-tfal mhux akkumpanjati jew separati m'għandhomx, bħala regola ġenerali, jiġu detenuti, u t-tqegħid tagħhom f'ambjent sikur li jipprovdi l-protezzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni kollha meħtieġa għandu jkun żgurat;

AI.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa wieħed mill-prinċipji sisien tal-UE; billi l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi jeħtieġ li tissaħħaħ; billi, fid-dawl taż-żieda fil-populiżmu u l-estremiżmu, il-koeżistenza mal-minoranzi u r-rispett tagħhom għandhom jiġu promossi; billi l-minoranzi jikkontribwixxu għar-rikkezza u d-diversità tal-Ewropa; billi l-kriżi tal-migrazzjoni wasslet għal nuqqas ta’ fiduċja u mibegħda li qed tiżdied fil-konfront tal-komunitajiet ta' minoranzi fl-Ewropa;

AJ.   billi r-Rapport tal-2016 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar id-Dirritijiet Fundamentali sab li d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu għadhom qed joħolqu sfidi għall-integrazzjoni effettiva tar-Rom; billi, skont l-istħarriġ tal-2015 tal-Ewrobarometru dwar id-diskriminazzjoni, l-oriġini etnika hija kkunsidrata bħala l-aktar raġuni prevalenti ta' diskriminazzjoni;

AK.  billi l-persuni Rom fl-Ewropa, individwalment jew bħala grupp, jiffaċċaw l-anti-Żingariżmu, il-preġudizzju sistematiku, ir-razziżmu, l-intolleranza, l-ostilità, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum; billi s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-iskejjel għadha problema persistenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri; billi d-diskriminazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol ma tippermettilhomx li jtejbu l-abilità tagħhom li jaħarbu miċ-ċirku vizzjuż tal-faqar;

AL.  billi l-importanza tad-drittijiet soċjali fundamentali hija rikonoxxuta fl-Artikoli 8, 9, 10, 19 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess kif inhi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u b'hekk hu enfasizzat il-fatt li dawn id-drittijiet, u partikolarment id-drittijiet tat-trade unions, id-dritt tal-istrajk, id-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt ta' għaqda, iridu jingħataw l-istess salvagwardji bħad-drittijiet fundamentali l-oħra rikonoxxuti mill-Karta;

AM.  billi huma biss 27 % tal-Ewropej li huma familjari man-numru tat-telefon ta' emerġenza uniku Ewropew 112, u mhux kulħadd għandu aċċess għalih;

AN.   billi l-Istati Membri kollha huma obbligati jipproteġu kull persuna, inklużi l-persuni LGBTI, minn kull tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza; billi kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għandu jiġi kkundannat;.

AO.   billi, skont riċerka fil-post tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-u l-istereotipi u l-attitudnijiet soċjali negattivi prevalenti jirrappreżentaw ostaklu ewlieni biex jiġu indirizzata d-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI;

AP.   billi, skont l-istudju tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-persuni trans li wieġbu indikaw l-ogħla livell ta' diskriminazzjoni, vjolenza u fastidju fost is-sottogruppi tal-persuni LGBTI;

Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità

1.  Itenni li d-dinjità tal-bniedem hija l-bażi invjolabbli tad-drittijiet fundamentali kollha, li m'għandha tkun soġġetta għal ebda strumentalizzazzjoni, u li għandha tkun irrispettata u protetta fl-inizjattivi kollha tal-UE; jitlob sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE dwar id-dinjità inerenti tal-persuni kollha sabiex tinkiseb soċjetà aktar umana u ġusta;

2.   Jikkundanna l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza fl-UE fuq il-bnedmin kollha, peress li tikkostitwixxi ksur dirett tad-dinjità tal-bniedem;

3.   Itenni t-talba tiegħu għar-rispett tad-dinjità fi tmiem il-ħajja; jissottolinja li l-piena tal-mewt tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE;

4.   Jenfasizza li l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali hija obbligu tat-Trattat skont l-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE; jinnota li dan isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u jistenna li l-ostakli legali għall-adeżjoni jiġu eliminati malajr kemm jista' jkun;

Stat tad-dritt

5.   Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali huma universali, indiviżibbli u dejjem komplementari, u li għalhekk irid jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet ta' kulħadd f'soċjetà għanja u diversa; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu implimentati bis-sħiħ, kemm fl-UE kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kull meta Stat Membru jikser il-Karta fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

6.   Ifakkar li fir-relazzjonijiet tagħha mad-dinja fuq skala usa', l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet fir-relazzjonijiet esterni, kif ukoll fil-politiki interni b'konsegwenzi esterni;

7.   Ifakkar li huwa essenzjali li jiġi ggarantit li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE jiġu rispettati bis-sħiħ, kemm fil-leġiżlazzjoni Ewropea kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll fil-politiki pubbliċi u l-implimentazzjoni tagħhom; jemmen li sabiex jiġi ssalvagwardjat l-istat tad-dritt, l-atturi rilevanti kollha fil-livell nazzjonali jeħtieġ li jintensifikaw l-isforz tagħhom biex huwa jinżamm u jissaħħaħ; jinnota li ġudikatura effiċjenti, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-istat tad-dritt;

8.   Jinnota li l-iskambji regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE, u fost l-Istati Membri nfushom, ibbażati fuq kriterji oġġettivi u valutazzjonijiet kuntestwali, jistgħu jtaffu jew jipprevjenu kwalunkwe problema dwar l-istat tad-dritt fil-ġejjieni; itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment ta' Patt tal-Unjoni dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali, li għandu jikkonsisti f'rapport annwali b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż; iqis li dan ir-rapport għandu jitfassal permezz ta' varjetà ta' sorsi, inkluża l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kunsill tal-Ewropa jew rapporti tan-NU, u għandu jinkorpora u jikkumplementa strumenti eżistenti, bħal pereżempju t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, u jisostitwixxi l-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għar-Rumanija u l-Bulgarija;

9.   Jilqa' l-fatt li l-Kunsill jorganizza regolarment dibattiti dwar l-istat tad-dritt; Iqis li l-Patt tal-Unjoni jenħtieġ li jinkorpora l-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni u d-Djalogu dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kunsill fi strument uniku tal-Unjoni, u li l-Kunsill jenħtieġ li jsawwar id-dibattitu tiegħu abbażi tar-rapport annwali b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż;

10.   Ifakkar li d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu inklużi bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi kollha;

11.   Jenfasizza li l-libertà ta' moviment u ta' residenza taċ-ċittadini Ewropej u tal-familji tagħhom, kif stabbilit fit-Trattati u garantit mid-Direttiva dwar il-Libertà ta' Moviment hija wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej;

12.   Jirrikonoxxi li n-newtralità tal-Istat hija essenzjali għall-protezzjoni tal-libertà ta' ħsieb, ta' kuxjenza u ta' reliġjon, billi jiġi ggarantit trattament ugwali tar-reliġjonijiet kollha u t-twemmin kollu, u l-libertà ta' kull persuna li tipprattika r-reliġjon tal-għażla tagħha u li tibdel ir-reliġjon jew it-twemmin;

13.   Ifakkar li l-libertà ta' espressjoni, ta' informazzjoni u tal-media hija fundamentali biex jiġu żgurati d-demokrazija u l-istat tad-dritt; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza, il-pressjoni u t-theddid kontra ġurnalisti u l-media; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jistipulaw kwalunkwe miżura li tillimita l-libertà tal-media, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq skala ikbar, tul il-proċess ta' negozjati ta' adeżjoni, fuq il-konformità anki fir-rigward ta' dawn id-drittijiet fundamentali;

14.   Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jeżaminaw il-possibilità li tiġi stabbilita skema ta' protezzjoni u jipprovdu salvagwardji għas-sorsi tal-ġurnalisti;

15.   Jesprimi tħassib dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet f'xi Stati Membri, li spiss huma kkaratterizzati minn iffullar u trattament ħażin; jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-ħabsin iridu jiġu ggarantiti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tas-sistema ġudizzjarja tal-ħabs u dik kriminali fuq it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward, u biex tiffaċilita skambju tal-aħjar prattiki bejn awtoritajiet nazzjonali differenti dwar mudelli differenti ta' garanzija ta' relazzjoni bejn il-ġenituri li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs u uliedhom;

16.   Itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-użu ta' tekniki ta' interrogazzjoni msaħħa, li huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali u li jiksru, fost l-oħrajn, id-drittijiet tal-libertà, is-sigurtà, it-trattament dinjituż, il-libertà mit-tortura, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-proċess ġust, il-konsulenza legali u l-protezzjoni ugwali skont il-liġi;

17.  Itenni l-appell tiegħu biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għal ksur fuq skala wiesgħa tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fil-kuntest tat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, permezz ta' investigazzjonijiet miftuħa u trasparenti;

18.   Jenfasizza li l-korruzzjoni hija theddida serja għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jiġġieldu l-korruzzjoni sistematika, jiżviluppaw strumenti effettivi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-sanzjonijiet tagħha, jimmonitorjaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali, u biex jippromwovu t-trasparenza;

19.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija kontra l-korruzzjoni li tkun ikkumplementata minn strumenti effettivi; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni; iħeġġiġhom isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden, għal dan il-għan, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u b'hekk jipprovdu garanziji adegwati ta' indipendenza u effiċjenza;

Migrazzjoni, integrazzjoni u inklużjoni soċjali

Integrazzjoni u inklużjoni soċjali

20.   Iqis li l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali tal-migranti u r-rifuġjati mogħtija protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà ospitanti huma parti minn proċess dinamiku u multidimensjonali (li jinvolvi drittijiet u obbligi) fejn ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE jrid ikun parti integrali, kif irid ikun ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta' dawk ikkonċernati; jemmen li dan jirrappreżenta sfida u opportunità li tirrikjedi sforzi kkoordinati u l-assunzjoni ta' responsabilitajiet, kemm min-naħa tar-rifuġjati u l-migranti kif ukoll mill-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom u l-komunitajiet ospitanti, li kollha għandhom rwol importanti;

21.   Jistieden lill-Istati Membri japplikaw politika ta' integrazzjoni kemm jista' jkun malajr u b'riżorsi adegwati ddedikati, u biex jifformulawhom b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet nazzjonali, gvernijiet lokali, l-iskejjel u l-NGOs, kif ukoll mal-komunitajiet tal-migranti u r-rifuġjati; iħeġġeġ skambju akbar tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-integrazzjoni; jitlob li jitfasslu programmi edukattivi li jqisu l-aspetti reġjonali u lokali tal-komunitajiet ikkonċernati;

22.   Iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa wieħed mill-pedamenti għall-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati; jenfasizza l-fatt li l-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' nondiskriminazzjoni u ta' opportunitajiet indaqs għandhom jeħtiġilhom jiġu żgurati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika u l-miżuri ta' inklużjoni soċjali u integrazzjoni;

23.   Itenni li t-tolleranza interkulturali u interreliġjuża jeħtieġ li tiġi promossa permezz ta' sforzi kostanti u djalogu estensiv li jinvolvi l-atturi kollha fis-soċjetà, u fil-livelli kollha ta' governanza;

24.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu li jżommu l-familji flimkien, u dan jgħin il-prospetti ta' integrazzjoni fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja; jissottolinja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu kull sforz biex jegħlbu l-ostakli legali u prattiċi biex jaslu għal deċiżjonijiet b'aktar ħeffa dwar din il-kwistjoni;

Migranti u rifuġjati

25.   Jinnota bi tħassib l-inċidenti fir-rigward tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-rifuġjati fil-fruntieri esterni tal-UE, u jtenni li l-bnedmin kollha huma intitolati li jgawdu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; ifakkar fid-dritt fundamentali li persuna titlob asil; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiddedikaw riżorsi biżżejjed biex joħolqu rotot sikuri u legali għall-persuni li jfittxu asil biex jimminaw il-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' traffikar u tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' persuni, kif ukoll biex jeħilsu lil bosta persuni mir-riskju li jaqbdu rotot perikolużi; ifakkar li s-salvataġġ tal-ħajjiet huwa att ta' solidarjetà ma' dawk fir-riskju, iżda li huwa wkoll obbligu legali; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw id-dritt internazzjonali u tal-UE, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta jwettqu azzjonijiet ta' gwardji tal-fruntieri u l-proċeduri tal-asil; jirrimarka li persuni fiżiċi jew l-NGOs li ġenwinament jgħinu lil persuni f'diffikultà ma għandhomx jissograw piena talli jipprovdu tali assistenza;

26.  Jilqa' l-fatt li r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li ġie adottat reċentement (EBCG) jipprevedi mandat speċifiku biex l-Aġenzija EBCG tappoġġja l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll biex tiżgura s-salvagwardji dwar id-drittijiet fundamentali stabbiliti f'dan ir-Regolament; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ adegwat għall-professjonisti fil-qasam tal-asil (bħal dawk li jagħmlu interrogazzjoni u l-interpreti) sabiex jiġu identifikati l-gruppi vulnerabbli mill-aktar fis possibbli, u biex it-talbiet għall-asil jiġu pproċessati b'mod konformi mad-Direttiva dwar Kwalifiki għall-Asil u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' akkoljenza li ma jċaħħdux il-persuni mid-drittijiet fundamentali tagħhom għal standard ta' għajxien dinjituż u għas-saħħa fiżika u mentali, u li jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali eżistenti u l-leġiżlazzjoni dwar l-asil, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-gruppi l-aktar vulnerabbli; ifakkar li kemm id-dritt internazzjonali kif ukoll il-Karta jeżiġu li l-Istati Membri jeżaminaw alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-identifikazzjoni effettiva u bikrija ta' persuni bi bżonnijiet speċjali li jfittxu asil, l-aċċess immedjat tagħhom għal kundizzjonijiet ta' akkoljenza adattati u l-għoti ta' garanziji proċedurali; ifakkar li d-dritt ta' aċċess effettiv għall-proċeduri hija parti integrali tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, anki fi proċeduri kriminali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tingħata informazzjoni u tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tad-detenzjoni tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fl-Istati Membri;

28.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament 862/2007 sabiex jinkludi data statistika differenzjata skont il-ġeneri dwar l-operazzjoni tal-faċilitajiet ta' detenzjoni, sabiex wieħed jifhem aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil u jirreaġġixi għalihom aħjar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki komprensivi biex itemmu l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li n-nisa rifuġjati u n-nisa li jfittxu asil jiġu protetti u jkollhom aċċess għall-ġustizzja; jenfasizza li n-nisa migranti jistgħu jiffaċċaw diskriminazzjoni doppja fiċ-ċentri ta' detenzjoni jew ta' akkoljenza, u jeħtieġ li jkollhom aċċess għal provvisti tal-iġjene femminili, privatezza u kura tas-saħħa;

29.  Jesprimi tħassib dwar rapporti ta' ġestjoni tal-fondi għall-akkoljenza tal-migranti infiltrata mill-kriminalità organizzata, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu ta' dawn il-fondi, u tiżgura li kwalunkwe irregolarità tiġi investigata u dawk responsabbli jitressqu l-qorti;

30.   Jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jinċitaw il-biża' u l-mibegħda fost iċ-ċittadini tagħhom lejn il-migranti u l-persuni li jfittxu asil biex isir gwadann politiku; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji pożittivi bil-għan li jgħinu liċ-ċittadini jaffrontaw l-integrazzjoni b'mod aħjar;

31.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma rnexxilhiex issegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar il-persuni mingħajr dar u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għal persuni mingħajr dar, u b'mod partikolari l-paragrafi 10 u 11 tagħha; jenfasizza li l-raġunijiet għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għadhom validi;

Libertà u sigurtà

32.   Jilqa' l-inizjattivi u l-azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil qasam tas-sigurtà bejn l-Istati Membri u li jiġi stabbilit rispons effettiv tal-UE għat-theddid tat-terroriżmu u t-theddid għas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea, u jappoġġja bis-sħiħ miżuri biex titwitta t-triq lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ ma' xulxin, u biex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u mal-Europol u aġenziji Ewropej rilevanti oħra; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-miżuri eżistenti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

33.   Jenfasizza li kwalunkwe sistema ta' sorveljanza indiskriminata tal-massa tikkostitwixxi interferenza serja fid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva fl-Istati Membri relatata ma' kapaċitajiet ta' korpi ta' intelligence jenħtieġ li dejjem tkun konformi mal-Karta u l-prinċipju ta' proporzjonalità u neċessità u, filwaqt li jirrikonoxxi l-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-konformità ta' tali żviluppi leġiżlattivi mat-Trattati, peress li dawn potenzjalment iqajmu kwistjonijiet legali importanti;

34.   Jenfasizza li Stat Membru, kull meta jieħu miżuri f’sitwazzjoni ta' emerġenza, jenħtieġ li dejjem jikkonforma mat-Trattati u l-KEDB; jirrimarka li kwalunkwe deroga għandha tkun limitata għal dak li s-sitwazzjoni tirrikjedi strettament u trid tkun konsistenti mal-obbligi tal-Istat Membru inkwistjoni skont id-dritt internazzjonali;

35.   Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom u l-mekkaniżmi ta' sorveljanza fil-qasam tas-servizzi ta' intelligence ikunu konformi mal-Karta u mal-KEDB;

36.   Jitlob li l-aġenziji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, inklużi dawk fil-livell lokali u reġjonali, ikunu involuti f'dawn l-isforzi u biex jiżguraw li dawn jirċievu t-taħriġ u l-informazzjoni meħtieġa għal xogħolhom; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-ostilità fir-rigward tal-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir minn movimenti politiċi, reliġjużi u terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-ġurnalisti u lill-mezzi tax-xandir bi protezzjoni adegwata, u biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa, billi jużaw il-mezzi legali għad-dispożizzjoni tagħhom, kontra l-attakki fuq il-ġurnalisti;

37.   Jenfasizza li t-trattament xieraq tal-vittmi, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, huwa essenzjali biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm politiki u mekkaniżmi b'saħħithom biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-vittmi, inkluż permezz tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (2012/29/UE), biex jiġi żgurat li l-persuni li jisfaw vittmi tal-kriminalità fl-UE jibbenefikaw minn sett minimu ta' drittijiet;

38.   Jemmen li politika komprensiva ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ ċittadini tal-Unjoni minn organizzazzjonijiet terroristiċi tista' tkun ta' suċċess jekk tkun akkumpanjata minn proċessi ta' deradikalizzazzjoni proattivi u fit-tul fl-isfera ġudizzjarja, permezz ta' miżuri ta' edukazzjoni u integrazzjoni u ta' djalogu interkulturali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji dwar l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali li jindirizzaw ukoll id-diskriminazzjoni li xxekkel l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni.

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, li jridu jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-valuri Ewropej, it-tolleranza u l-komunità, mingħajr stigmatizzazzjoni, u jistieden ukoll lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward;

40.  Jikkunsidra l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni bħala parti minn strateġija għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u biex tiffavorixxi d-deradikalizzazzjoni tal-persuni li jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet estremisti; ifakkar li l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet reliġjużi fl-Unjoni Ewropea jistgħu joħolqu kundizzjonijiet fertili biex individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet estremisti li jistgħu jkunu vjolenti;

41.   Jemmen li għandha tiġi stabbilita sistema Ewropea ta' twissija bikrija u rispons biex jiġu identifikati gruppi li huma f'riskju għoli ta' radikalizzazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar, permezz tal-edukazzjoni, għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi fl-internet bil-għan li jiġu miġġielda l-ideat u l-attivitajiet ta' gruppi radikali, u jinkorporaw din id-dimensjoni f'lezzjonijiet l-iskejjel dwar il-prevenzjoni tar-riskji li jeżistu fl-internet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex jgħinu lill-familji ta' dawk li jinsabu f'riskju; jitlob li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jinbnew narrattivi biex ikunu miġġielda l-estremiżmu vjolenti, ir-radikalizzazzjoni u d-diskors li jħajjar lin-nies jorganizzaw u jwettqu attakki terroristiċi fl-Ewropa; jenfasizza li hija meħtieġa kooperazzjoni transfruntiera aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u Ewropej bil-ħsieb li jittejbu l-iskambji ta' informazzjoni sabiex n-netwerks terroristiċi jiġu miġġielda b'mod aktar effiċjenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-istrumenti ta' kooperazzjoni eżistenti sal-punt massimu possibbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni ta' persuni fir-riskju, b'mod partikolari fil-ħabsijiet;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw l-istandards li jiggarantixxu li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT) u tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jiġu implimentati fil-kuntest kemm tad-detenzjoni qabel il-proċess kif ukoll tal-piena kriminali.

43.   Itenni r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni ta' test tal-proporzjonalità u l-eċċezzjoni għad-drittijiet fundamentali;

Traffikar ta' persuni

44.  Jistieden lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom rigward in-netwerks ta' traffikar u tal-faċilitaturi kriminali u biex jikkooperaw b'mod iktar intensiv ma' xulxin, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lir-reati kontra t-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut taħriġ għas-servizzi li jingħataw lill-vittmi jew lill-vittmi potenzjali tat-traffikar, bil-għan li jkunu jistgħu jidentifikaw il-persuni kkonċernati b'mod aktar effettiv u jingħatalhom sostenn xieraq, permezz ta' taħriġ li jiffoka fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ħtiġijiet ta' persuni f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli;

45.  Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin juri li t-teknoloġiji l-ġodda jippermettu lill-gruppi ta' kriminalità organizzata jkollhom aċċess għal grupp kbir ta' vittmi potenzjali fuq skala ħafna akbar minn qatt qabel, minħabba li ħafna vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment għal sfruttament sesswali u tax-xogħol, jiġu reklutati mill-internet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħala għodda ta' reklutaġġ l-aktar ta' nisa u bniet, bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

46.  Jenfasizza li l-vulnerabilità tat-tfal tagħmilhom mira preferuta għat-traffikanti, u li l-identifikazzjoni u l-verifikazzjoni tal-identità ta' tfal li huma vittmi tat-traffikar hija problema li qed tikber; ifakkar li xi Stati Membri jikkunsidraw it-traffikar tat-tfal bħala forma separata ta' sfruttament waqt li oħrajn jinkludu l-vittmi tfal mal-adulti, u dan qed ixekkel il-possibilità li tinħoloq stampa ta' intelligence komprensiva u li jiġu definiti l-aħjar reazzjonijiet investigattivi fil-livell tal-UE; jitlob, għalhekk, li jinħolqu għodda li jgħinu biex jinżamm rekord ta' dawn it-tfal fuq il-bażi ta' definizzjoni komuni ta' dan il-fenomenu tal-kriminalità, u miżuri xierqa u mmirati biex it-tfal jiġu akkkumpanjati fil-proċess;

47.  Jinnota li l-ħatra ta' gwardjani għat-tfal mhux akkumpanjati hija garanzija importanti li tiżgura l-aħjar interessi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu f'livelli ċentrali, reġjonali u lokali, biex isaħħu s-sistemi ta' tutela għat-tfal neqsin mill-kura tal-ġenituri u t-tfal mhux akkumpanjati, u biex jistabbilixxu dawn is-sistemi skont il-Manwal ta' Tutela għat-tfal neqsin mill-kura tal-ġenituri; jinnota li, waqt l-implimentazzjoni tas-sistema, jeħtieġ li ssir enfasi speċjali fuq il-persuni li jkunu qed jakkumpanjaw lit-tfal u, fid-dawl tal-aħjar interessi tat-tfal, fuq il-fatt li t-tfal ma jiġux separati mill-familja jew mill-akkumpanjament mhux formali;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi ugwali biex jidentifikaw, jipproteġu u jassistu lill-vittmi tal-forom kollha ta' sfruttament, billi jinkludu b'mod attiv is-sħab soċjali, is-settur privat, it-trade unions u s-soċjetà ċivili, u jiggarantixxu r-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' protezzjoni għall-vittmi fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u korrett id-Direttiva tal-UE kontra t-traffikar, partikolarment l-Artikolu 8 tagħha, li jitlob li l-vittmi ma jiġux kriminalizzati, kif ukoll id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-iskambji tal-aħjar prattiki, bl-appoġġ tal-koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar tal-UE u fil-qafas tan-Netwerk tal-UE tar-Rapporteurs Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti dwar it-traffikar tal-bnedmin;

49.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; jenfasizza li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-aġenziji rilevanti tal-UE, bħall-Europol, għandhom ikunu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jippermettu l-prosekuzzjoni ta' dawk li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom jindirizzaw il-lat tad-domanda tat-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin;

50.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda effettiva fil-prevenzjoni tat-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin, u jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali, jimplimentaw programmi edukattivi ta' prevenzjoni fil-kurrikuli nazzjonali u biex jippromwovu u jintegraw il-programmi ta' prevenzjoni u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni;

51.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni u l-evitar tal-konsum ta' oġġetti u servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar tal-bniedem; jenfasizza li miżuri bħal dawn għandhom jiġu inkorporati fl-istrateġija Ewropea għall-ġlieda kontra din il-pjaga, u fiha għandhom jiġu involuti wkoll il-kumpaniji;

52.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu t-traffikar tal-bnedmin għar-rahan bi prattiki tat-tortura bħala sura ta' traffikar tal-bnedmin; iqis li s-sopravissuti ttrawmatizzati b'mod sever għandhom jiġu rikonoxxuti bħala vittmi ta' forma ta' traffikar tal-bnedmin suġġetta għall-prosekuzzjoni u li dawn għandhom jirċievu protezzjoni, kura u appoġġ(25);

Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ksenofobija, u r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda

53.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fir-razziżmu u l-ksenofobija fil-forma ta' Afrofobija u anti-Żingariżmu, anti-Semitiżmu, Iżlamofobija u sentimenti antimigranti; jistieden lill-Istati Membri jħarsu l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu d-diskriminazzjoni multipla fil-politiki tal-ugwaljanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ħidma dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki, u biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija u forom oħra ta' intolleranza, bl-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili u l-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti, pereżempju l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali;

54.  Jilqa' l-eżitu tal-Kollokju dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-ħatra ta' Koordinaturi dwar l-anti-Semitiżmu u l-anti-Iżlam; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw u jsaħħu r-reazzjonijiet tal-politika biex tiġi indirizzata l-mibegħda anti-Semitika u anti-Musulmana, inkluża l-implimentazzjoni immedjata tal-azzjonijiet prinċipali indentifikati fil-Kollokju;

55.  Jiddispjaċih li l-proposta għal Direttiva dwar it-Trattament Ugwali tal-2008 għadha pendenti għall-approvazzjoni mill-Kunsill; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel progress konkret fuq l-aġenda kontra d-diskriminazzjoni;

56.   Jikkundanna l-inċidenti ta' reati u diskors ta' mibegħda mmotivati mir-razziżmu, mill-ksenofobija, mill-intolleranza reliġjuża, jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-istatus ta' minoranza ta' persuna, li jseħħu ta' kuljum fl-UE; jiddeplora l-livelli dejjem jiżdiedu ta' diskorsi ta' mibegħda minn ġewwa ċerti istituzzjonijiet, partiti politiċi u l-media; jistieden lill-UE tagħti l-eżempju billi topponi d-diskors ta' mibegħda fl-istituzzjonijiet.

57.  Huwa mħasseb dwar il-preżenza dejjem tiżdied tad-diskors ta' mibegħda fl-internet; jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu proċedura sempliċi li tippermetti lill-membri tal-pubbliku jirrappurtaw il-preżenza ta' kontenut ta' mibegħda fl-internet; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi ta' Kondotta dwar azzjonijiet kontra d-diskors ta' mibegħda illegali fl-internet, u jinkoraġġixxi l-adeżjoni ma' dan u sforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili; ifakkar li l-miżuri meħuda f'dan ir-rigward ma għandhomx imorru kontra l-prinċipji fundamentali li jirrigwardaw il-libertà tal-espressjoni, inkluż b'mod partikolari l-libertà tal-istampa;

58.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rappurtar tar-reati ta' mibegħda mill-vittmi minħabba nuqqas ta' salvagwardji u n-nuqqas tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u sabiex jiksbu l-kundanna ta' reati ta' mibegħda fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu għodod u mekkaniżmi għar-rappurtar ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, u biex jiżguraw li kwalunkwe każ ta' allegazzjoni ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda jiġi investigat, jitressaq il-qorti u jiġi ġġudikat skont id-dritt nazzjonali u, meta rilevanti, f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija, l-obbligi Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB, filwaqt li tiġi żgurata l-libertà ta' espressjoni u informazzjoni kif ukoll ta' privatezza u protezzjoni tad-data;

59.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għadd ta' Stati Membri għadhom ma ttrasponewx id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, u jistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħmlu dan, u biex jimplimentawha, kif ukoll id-Direttiva 2012/29/UE dwar il-vittmi tal-kriminalità, b'mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja t-traspożizzjoni ta' dawn l-istrumenti u tniedi proċeduri ta' ksur jekk ikun meħtieġ; jinnota li xi Stati Membri estendew il-protezzjoni mogħtija lill-vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra, bħall-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, meta implimentaw id-Deċiżjoni Qafas; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda djalogu ma' dawk l-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tkoprix motivazzjonijiet ta' mibegħda omofobika, bil-għan li jimlew il-lakuni leġiżlattivi li fadal;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji, u għall-aġenziji rilevanti tal-UE, bil-għan tal-prevenzjoni u l-indirizzar tal-prattiki diskriminatorji u r-reati ta' mibegħda; jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati l-għodda u l-ħiliet prattiċi li jkollhom bżonn biex jidentifikaw u jittrattaw offiżi koperti mid-Deċiżjoni Qafas, u jinteraġixxu u jikkomunikaw mal-vittmi;

61.  Jirrikonoxxi li, fin-nuqqas ta' data komparabbli u diżaggregata dwar l-ugwaljanza miġbura mill-Istati Membri, il-firxa sħiħa tal-inugwaljanza fl-UE tibqa' mhux magħrufa; iqis li l-ġbir ta' tali data mill-Istati Membri bħala essenzjali għat-tfassil ta' politiki sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħrfu l-ħtieġa ta' data affidabbli u komparabbli dwar l-ugwaljanza li tista' tipprovdi miżuri dwar id-diskriminazzjoni, diżaggregata skont ir-raġunijiet ta' diskriminazzjoni, sabiex tinforma lil min ifassal il-politiki; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jiddefinixxu prinċipji konsistenti għall-ġbir ta' data dwar l-ugwaljanza, ibbażati fuq l-awtoidentifikazzjoni, l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni tal-komunitajiet rilevanti;

62.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex isaħħu r-rwol tal-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni interkulturali fil-kurrikula nazzjonali bħala għodda għall-prevenzjoni tar-razziżmu u l-forom l-oħra kollha ta' intolleranza, u jitlob il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet; iqis li edukazzjoni sħiħa dwar id-drittijiet tal-bniedem trid tinkludi wkoll, b'mod adegwat, edukazzjoni dwar inġustizzji tal-passat fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, dwar ir-razziżmu istituzzjonali u dwar l-importanza tal-memorja;

63.  Iqis li huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha jikkooperaw ma' investigazzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali jew internazzjonali li jipprovaw jiċċaraw ir-responsabilitajiet fir-rigward ta' delitti kontra l-umanità kommessi fl-Unjoni minn reġimi totalitarji, u li jipprovaw jaċċertaw il-verità u l-ġustizzja u jiżguraw ir-rimedju għall-vittmi ta' dawn id-delitti; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu t-taħriġ neċessarju għall-persuni legali li jaħdmu f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni attwali f'tali proċessi bil-għan li titrawwem kommemorazzjoni demokratika fl-Istati Membri kollha; iwissi li n-nuqqas li wieħed jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali dwar il-kommemorazzjoni demokratika u l-prinċipji ta' ġurisdizzjoni universali huwa ksur tal-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt;

Drittijiet tan-nisa u vjolenza fuq in-nisa

64.   Jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ma ntlaħqitx, li f'ħafna oqsma mhu qed isir ebda titjib, u li d-drittijiet fundamentali tan-nisa qed ikomplu jinkisru; jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħall-vjolenza domestika, il-qtil għall-unur, iż-żwieġ furzat, it-traffikar u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; iqis li dawn il-prattiki qatt ma jistgħu jiġu ġġustifikati u għandhom jiġu kriminalizzati u kkastigati, u li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-iskambji ta' prattiki tajba u tal-ġbir u l-komparabilità aħjar tad-data dwar il-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, inkluż dwar diskriminazzjoni multipla; iqis li dawk kollha li jgħixu fl-Ewropa, irrispettivament mill-oriġini kulturali u t-tradizzjoni tagħhom, jeħtiġilhom jirrispettaw il-liġi u d-drittijiet u d-dinjità tan-nisa;

65.   Jiddispjaċih li n-nisa u l-bniet ma jgawdux l-istess protezzjoni mill-vjolenza fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li għad hemm bżonn kbir ta' titjib biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-UE tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul wara t-tnedija tal-proċedura mill-Kummissjoni f'Marzu 2016; ifakkar lill-Istati Membri li l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerahomx milli jiffirmaw, jirratifikaw u jinfurzaw il-Konvenzjoni, u jħeġġiġhom jagħmlu dan; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti u jżommu l-kwistjoni ta' vjolenza fuq in-nisa fost il-prijoritajiet fl-aġenda, peress li l-vjolenza sessista m'għandhiex tiġi ttollerata; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta att legali li jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

66.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jmexxu aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati biex jipprevjenu l-vjolenza u jħeġġu lin-nisa jirrappurtaw ir-reati; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jimponu pieni adegwati u deterrenti fuq dawk li jiksru l-liġi, u jipproteġu lill-vittmi kollha tal-vjolenza, u d-drittijiet tagħhom, mingħajr dewmien u b'attenzjoni speċjali għall-gruppi vulnerabbli, skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni biex tiġi żgurata protezzjoni u għajnuna xierqa lin-nisa u l-bniet vittmi ta' vjolenza, kif ukoll id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin bil-għan li jipproteġu lin-nisa u l-bniet mit-traffikar, il-vjolenza u l-isfruttament sesswali; jisħaq fuq il-punt li l-vittmi tal-vjolenza sessista għandhom jirċievu trattament u appoġġ adegwati, f'konformità mar-regoli interni u l-obbligi internazzjonali;

67.   Jisħaq fuq il-fatt li sabiex il-vjolenza sessista tiġi miġġielda b'mod effikaċi, jeħtieġ li tinbidel l-attitudni fil-konfront tan-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jiġġieldu kontra l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru li jirriproduċu u jsaħħu r-rwoli tal-ġenerifl-oqsma ewlenin li fihom dawn l-istereotipi jiġu pperpetwati; jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki tal-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru fl-iskejjel; jistieden lill-Istati Membri biex lill-pulizija, il-persunal ġudizzjarju u lill-imħallfin jipprovdulhom taħriġ ta' sensibilità u kwalunkwe forma oħra ta' taħriġ speċjalizzat li jeħtieġu sabiex jindirizzaw b'mod adegwat il-kwistjoni tal-vjolenza sessista sabiex jiġu evitati trawma u rivittimizzazzjoni ulterjuri matul il-proċedimenti kriminali; jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-awtoritajiet jidentifikaw, b'mod effikaċi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza sessista u jipprovdulhom servizzi ta' protezzjoni speċjali, f'konformità mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

68.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lill-vittmi ta' vjolenza sessita b'numru adegwat ta' postijiet ta' kenn u appoġġ immirat u integrat, inkluż appoġġ u konsulenza f'każ ta' trawma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-vittmi ta' vjolenza sessita f'kull mod possibbli;

69.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità li huma vittmi ta' vjolenza domestika, peress li dawn spiss ma jkunux jistgħu jaħarbu minn relazzjonijiet abbużivi;

70.   Jinsab imħasseb serjament dwar il-persistenza tal-prattiki tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), li hija forma serja ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien ta' dawk kollha kkonċernati u biex fil-politiki tagħhom kontra l-MĠF jiffokaw fuq il-prevenzjoni; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jikkooperaw bis-sħiħ ma' xulxin bil-għan li jtejbu l-ġbir tad-data dwar il-fenomenu u l-fehim tiegħu, sabiex jottimizzaw ir-riżultati tal-isforzi tagħhom ħalli jipproteġu lin-nisa u t-tfal bniet minn tali mutilazzjoni;

71.   Jikkundanna bil-qawwa l-atti frekwenti ta' intimidazzjoni u stupru li jitwettqu f'postijiet pubbliċi fl-Ewropa, u jqis li kull mara u tifla għandha tħossha protetta minn kwalunkwe forma ta' fastidju sesswali fi kwalunkwe post pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li dawn l-atti jiġu sanzjonati kif xieraq, li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja u li tingħata protezzjoni lill-vittmi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu lir-rifuġjati nisa u u lin-nisa li jfittxu asil li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza waqt li jkunu qed jivvjaġġaw;

72.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol; jiddispjaċih li n-nisa għadhom ibatu minn kundizzjonijiet tax-xogħol diskriminatorji; jenfasizza r-rappreżentanza baxxa tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija, l-intraprenditorija u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, u jenfasizza li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi diskriminazzjoni inaċċettabbli; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex iżżid ir-rappreżentanza tan-nisa fl-isferi politiċi u ekonomiċi, ittejjeb il-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa u tindirizza l-inugwaljanza bejn is-sessi fil-mezzi tax-xandir billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki;

73.   Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tista' tinkiseb biss permezz ta' ridistribuzzjoni ġusta tax-xogħol imħallas u mhux imħallas; jirrikonoxxi li r-rispett għad-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-bniet jista' jiġi ggarantit permezz tat-tisħiħ ulterjuri tal-pożizzjoni tagħhom fil-qasam ekonomiku, politiku u soċjali kif ukoll permezz ta' aktar rappreżentanza u inklużjoni; jinnota li, f'dawn l-aħħar snin, tfaċċaw xi movimenti kontra l-ugwaljanza bejn is-sessi li jisfidaw il-kisbiet eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

74.   Ifakkar li l-faqar fost l-anzjani huwa ta' tħassib partikolari fil-każ tan-nisa, minħabba d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri li għadha teżisti u d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri li tirriżulta minnha; jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki xierqa biex jappoġġjaw lin-nisa anzjani u jeliminaw il-kawżi strutturali tad-differenzi bejn il-kumpensi tan-nisa u l-irġiel; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost in-nisa;

75.   Josserva li l-ħaddiema domestiċi huma fil-biċċa l-kbira nisa, u jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċess ta' ratifika u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi, wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/51/UE u bħala strument ewlieni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;

76.   Jistieden lill-Kummissjoni tapplika miżuri biex tieħu ħsieb il-ħtiġijiet tal-ommijiet u l-missirijiet fir-rigward tat-tipi ta' liv, b'mod partikolari l-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-indukraturi; jitlob li tittieħed azzjoni konkreta biex jissaħħu aktar id-drittijiet tal-liv tal-ġenituri; jieħu nota tal-proposta għall-introduzzjoni tal-liv tal-indukraturi, kif previst fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji li jaħdmu; jistenna li tittieħed azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni wara l-irtirar tal-Proposta dwar il-Liv tal-Maternità;

77.  Jenfasizza r-riskji involuti fl-użu potenzjali tal-internet u tal-media soċjali u tipi oħra ta' teknoloġija sabiex jiġu kkontrollati, mhedda u umiljati n-nisa, u jisħaq fuq l-importanza tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod aktar effikaċi, biex tintroduċi l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni kollha proposta, fosthom permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi bbażati fuq il-ġeneru bħala parti minn valutazzjoni ta' konformità mad-drittijiet fundamentali, u bħala kriterju integrat fid-djalogi ma', fost oħrajn, pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni;

79.   Jirrikonoxxi li s-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija marbuta ma' bosta drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-ħelsien mit-tortura, id-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; jissottolinja li l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa u l-bniet kollha, mingħajr koerċizzjoni, diskriminazzjoni u vjolenza; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-punt li l-persuni kollha b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom fuq bażi ugwali mal-oħrajn;

80.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt fundamentali għal aċċess għal kura tas-saħħa preventiva; jinsisti fuq ir-rwol tal-Unjoni fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-aqwa prattiki b'rabta ma' din il-kwistjoni, inkluż fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, peress li s-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem essenzjali biex wieħed ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tal-bniedem tiegħu l-oħra. ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki interni u dawk esterni relatati mad-drittijiet tal-bniedem huma ta' importanza kbira;

81.   Jirrikonoxxi li ċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva li kapaċi jsalvaw il-ħajja ta' dak li jkun, inklużi s-servizzi ta' abort biex tissalva ħajja, tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

82.   Jikkundanna kwalunkwe forma ta' maternità surrogata għal skopijiet kummerċjali;

Tfal

83.  Jinnota bi tħassib li r-rati tal-faqar għadhom għoljin fl-UE, u li l-għadd ta' tfal li jgħixu fil-faqar qed jiżdied; itenni li l-investiment fuq il-benesseri tat-tfal, u biex dawn jitneħħew mill-faqar, mhuwiex biss obbligu morali, iżda wkoll prijorità soċjali u ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jniedu programmi speċifikament immirati lejn il-benesseri u l-iżvilupp b'saħħtu tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal permezz tal-implimentazzjoni effikaċi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" permezz ta' strateġiji integrati li jappoġġjaw l-aċċess għal riżorsi adegwati, li jippermettu aċċess għal servizzi ta' kwalità għall-but ta' kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri ulterjuri biex tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni; jitlob l-istabbiliment ta' linji politiċi u programmi mmirati lejn il-ġlieda kontra l-faqar fl-edukazzjoni li qed jiżdied fost il-minorenni, sabiex tinkiseb l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tnedija ta' Garanzija għat-Tfal kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal;

84.   Jikkundanna kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni kontra t-tfal, u jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tagħha dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021), li tiffoka wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra t-tfal b'diżabilità, it-tfal milquta mill-migrazzjoni, it-tfal Rom u t-tfal LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konġunta biex jeqirdu d-diskriminazzjoni kontra t-tfal; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex b'mod espliċitu jikkunsidraw lit-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni, bħall-istrateġija Ewropea dwar id-diżabilità, il-qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; itenni l-importanza li jiġi protett u promoss l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni dinjituża u l-edukazzjoni għat-tfal Rom;

85.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex il-kampanji ta' edukazzjoni pubblika u sensibilizzazzjoni jwettquhom b'mod li jiġbdu l-attenzjoni lejn id-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u jippromwovu relazzjonijiet pożittivi u mhux vjolenti mat-tfal;

86.  Jikkundanna b'mod ċar kull forma ta' vittimizzazzjoni vjolenti u abużiva tat-tfal fil-livelli kollha, mid-djar għall-iskejjel, mill-postijiet pubbliċi u għaċ-ċentri ta' detenzjoni tal-minorenni; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jgħinu lit-tfal u jipproteġuhom minn kull forma ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inklużi l-abbuż fiżiku u sesswali, l-isfruttament sesswali, it-tħaddim tat-tfal, iż-żwiġijiet sfurzati, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u r-reklutaġġ ta' suldati tfal; jisħaq fuq l-importanza li jiddaħħlu dispożizzjonijiet formali li jipprojbixxu u jissanzjonaw is-swat fuq it-tfal, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ it-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri dwar kif l-aħjar jiġi indirizzat il-bullying fl-iskejjel, filwaqt li jqisu l-gruppi vulnerabbli tat-tfal;

87.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema ta' protezzjoni tat-tfal f'diversi stadji li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali ta' kull tifel u tifla bbażati fuq l-aħjar interessi tagħhom; jenfasizza li din is-sistema m'għandhiex tkun maħsuba biex tippenalizza l-ġenituri u l-indukraturi, iżda biex tibgħat messaġġ ċar li l-forom kollha ta' vjolenza fiżika u emozzjonali fuq it-tfal huma inaċċettabbli u punibbli bil-liġi, u li s-separazzjoni tat-tfal mill-familja għandha tkun l-aħħar alternattiva; ifakkar li l-kura għat-tfal ipprovduta mill-istat hija dejjem aktar għalja minn appoġġ adegwat u mmirat sew għall-familji li jgħixu fil-faqar; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta Strateġija Ewropea ġdida għad-Drittijiet tat-Tfal;

88.  Jitlob sistemi ta' ġustizzja għall-minorenni mmirati lejn it-tfal li fihom it-tfal jifhmu d-drittijiet u r-rwol tagħhom meta jkunu involuti bħala vittmi, xhieda jew dawk li allegatament ikunu wettqu delitt; jitlob li jiġu adottati miżuri speċjali kemm fil-proċedimenti kriminali kif ukoll fil-proċedimenti ċivili bil-għan li t-tfal jiġu protetti minn stress, intimidazzjoni u vittimizzazzjoni ripetuta bla bżonn, filwaqt li titqies id-Direttiva 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal mixlija jew akkużati fi proċedimenti kriminali;

89.  Jitlob li l-hotline ta' emerġenza 116 ikun aċċessibbli 24/7 fl-UE kollha għat-tfal, u li jintużaw iċ-chatlines anonimizzati fl-internet, peress li dawn huma ħafna aktar konvenjenti għal tfal f'diffikultà u għandhom jiġu stabbiliti bħala sistema unifikata fl-UE bl-użu ta' lingwi uffiċjali u minoritarji; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw in-numru Ewropew komuni 116111 iddedikat għal helplines tat-tfal billi jsaħħu l-kapaċitajiet tal-hotlines u ċ-chatlines u n-netwerks Ewropej, u billi jallokaw biżżejjed fondi;

90.  Jenfasizza li l-protezzjoni tat-tfal għandha tissaħħaħ fid-dinja diġitali fid-dawl ta' numru dejjem akbar ta' każijiet ta' sfruttament sesswali fejn dawk li jkunu qed iwettqu r-reat jagħmlu użu mill-internet biex jagħmlu kuntatt, u jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat f'dan ir-rigward, filwaqt li jitlob lis-settur privat b'mod partikolari biex jerfa' l-parti ta' responsabilità tiegħu, iżomm lura mir-reklamar aggressiv immirat lejn it-tfal u jipproteġihom minn reklamar qarrieqi; iħeġġeġ lil dawk involuti jsegwu l-eżempji tajbin ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni u lment fil-media soċjali online u biex jimplimentawhom fl-UE kollha; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li t-tfal għandhom ikunu infurmati sew dwar ir-riskji potenzjali relatati mal-internet, b'mod partikolari meta jipprovdu d-data personali online, pereżempju permezz ta' kampanji u programmi ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel; jisħaq fuq il-fatt li t-tfassil online ta' profili tat-tfal għandu jiġi pprojbit; jappoġġja l-isforzi biex jiġi żgurat eżitu ambizzjuż u effikaċi tar-riforma tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, b'referenza partikolari għall-protezzjoni tat-tfal fl-ambjent diġitali; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-bullying ċibernetiku;

91.  Jappella għal pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal online u offline fl-ispazju ċibernetiku, u jfakkar li fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jagħtu attenzjoni speċjali lir-reati kontra t-tfal; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija bejn l-Istati Membri, l-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, u b'mod partikolari l-isfruttament sesswali tat-tfal;

92. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, biex jinvestu f'teknoloġiji ġodda ħalli jiġġieldu r-reati fid-dark web u d-deep web; jisħaq fuq il-punt li l-Eurojust u l-Europol għandhom jingħataw riżorsi adegwati sabiex itejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi, jiġġieldu kontra n-netwerks organizzati ta' dawk li jabbużaw sesswalment minn oħrajn u jaċċelleraw is-sejba, l-analiżi u l-indikazzjoni ta' materjal ta' abbuż tat-tfal online u offline;

93.  Jemmen li l-politiki tal-inklużjoni għandu jkollhom enfasi aktar qawwija fuq it-tfal peress li t-tfal huma r-rabtiet ta' fehim komuni bejn il-kulturi u s-soċjetajiet;

94.  Ifakkar li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, minn tal-anqas 15 % tal-vittmi rreġistrati kienu tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata b'rispons għat-tħabbira tal-Europol li minn tal-anqas 10 000 tifel u tifla rifuġjati u migranti mhux akkumpanjati ġew irrappurtati nieqsa fl-UE fl-2015; jistieden lill-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE jżidu l-kooperazzjoni transfruntiera, l-iskambji tal-informazzjoni u l-investigazzjonijiet konġunti tagħhom bil-għan li jiġġieldu t-traffikar tat-tfal u l-kriminalità organizzata transfruntiera, l-abbuż sesswali u forom oħra ta' sfruttament, u biex jipproteġu lit-tfal; jistieden lill-Istati Membri u lill-aġenziji Ewropej jħaffu l-ħatra ta' gwardjani kwalifikati għat-tfal mhux akkumpanjati u jiżguraw li dejjem jitqies l-aħjar interess tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jirreġistraw u jidentifikaw lit-tfal b'mod li jinftiehem mit-tfal, u jipprevjenu l-għajbien tagħhom billi jagħmlu mezz li dawn jiddaħħlu f'sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal; jirrakkomanda li l-għodod eżistenti għal tfal irrapurtati nieqsa jiġu msaħħa, inklużi l-hotlines Ewropej għat-tfal nieqsa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenza esperta tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tat-tfal u l-protezzjoni ta' nies vulnerabbli fis-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni, partikolarment fil-hotspots; ifakkar li d-drittijiet tat-tfal, u l-aħjar interess tat-tfal, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati u evalwati fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UE, inklużi dawk marbuta mal-migrazzjoni u l-asil;

95.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-programmi li jiffokaw fuq il-prevenzjoni tal-fenomenu tal-abbandun bikri tal-iskola min-naħa taż-żgħażagħ, u jħeġġiġhom ukoll jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

Drittijiet tal-minoranzi

96. Jenfasizza l-fatt li l-minoranzi li ilhom sekli sħaħ jgħixu flimkien mal-kulturi ta' maġġoranza fl-Ewropa, jew viċin tagħhom, għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-UE; jemmen li s-soluzzjoni għal din il-problema hija marbuta mal-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards minimi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, u li tiġi pprovduta edukazzjoni dwar id-diversità kulturali u t-tolleranza, peress li l-ħarsien tal-wirt kulturali jagħti valur miżjud lid-diversità;

97.   Jenfasizza li l-komunitajiet minoritarji għandhom ħtiġijiet speċifiċi u li l-ugwaljanza sħiħa tagħhom għandha tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali; Jisħaq fuq il-punt li huwa essenzjali li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi jiġu rispettati u promossi;

98.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li dawn il-gruppi jħabbtu wiċċhom ma' ostakli meta jiġu biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-proprjetà, l-aċċess għall-ġustizzja u servizzi pubbliċi oħra, u għall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, kif ukoll id-drittijiet kulturali tagħhom, li kollha jaf jiġu limitati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jipprevjenu l-ostakli amministrattivi u finanzjarji li jistgħu jxekklu d-diversità lingwistika fil-livell Ewropew u nazzjonali;

99.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi standard ta' politika għall-protezzjoni tal-minoranzi, peress li l-protezzjoni ta' dawn il-gruppi hija parti mill-kriterji ta' Copenhagen, kemm għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistema legali tagħhom tiggarantixxi li l-persuni li jappartjenu għal minoranza ma jiġux diskriminati, u li jieħdu u jimplimentaw miżuri ta' protezzjoni mmirati abbażi tan-normi internazzjonali relevanti;

100.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-aħjar prattika u japplikaw soluzzjonijiet ipprovati u eżaminati biex jindirizzaw il-problemi tal-minoranzi fl-Unjoni Ewropea kollha; Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE fil-protezzjoni tal-minoranzi, u jqis li r-riorganizzazzjoni amministrattiva m'għandhiex ikollha konsegwenzi negattivi għalihom;

101.   Jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tkompli tirrapporta dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza għal minoranza u tkompli tiġbor id-data f'dan ir-rigward;

102.   Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġu implimentati l-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-OSKE;

103.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw bir-reqqa l-perspettiva tad-drittijiet tal-minoranzi, biex jiżguraw id-dritt għall-użu ta' lingwa ta' minoranza u jħarsu d-diversità lingwistika fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pjan tagħha biex tippromwovi t-tagħlim u l-użu tal-lingwi reġjonali, bħala mod potenzjali biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bejn il-lingwi fl-UE;

104.  Jistieden lill-UE timplimenta r-riżoluzzjoni 1985 tal-APKE (2014) dwar is-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali fl-Ewropa, filwaqt li tirrispetta għalkollox il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li l-helplines uffiċjali u kwalunkwe hotlines ta' emerġenza li jitħaddmu fl-Istati Membri għandhom ikunu aċċessibbli mhux biss fil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż, iżda wkoll fil-lingwi minoritarji u l-lingwi ewlenin tal-UE permezz ta' ridirezzjoni tat-telefonati;

Drittijiet tal-persuni b'diżabilità

105.   Jilqa' l-osservazzjonijiet finali dwar il-progress tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala opportunità biex tagħti eżempju pożittiv billi tiżgura implimentazzjoni effikaċi u bir-reqqa mill-aktar fis possibbli;

106.   Jisħaq fuq il-punt li l-persuni b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom fuq bażi ugwali ma' oħrajn, inklużi d-drittijiet għal dinjità indiskutibbli, is-saħħa u l-familja, għajxien indipendenti, awtonomija u integrazzjoni soċjali sħiħa, aċċess għall-ġustizzja, il-prodotti u s-servizzi kif ukoll id-drittijiet għall-votazzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur, f'konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni kollha b'diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jinnota li fejn tidħol id-diżabilità għadu ma ġiex approvat bis-sħiħ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u dan jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilità fl-UE, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi biex jallinjaw l-oqfsa ġuridiċi tagħhom mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u biex jinkludu b'mod effikaċi l-persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

107.   Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji li jipprovdu aċċess effikaċi għas-suq tax-xogħol għal persuni li jgħixu b'diżabilità; jiddispjaċih għall-fatt li xi fondi tal-UE disponibbli għall-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità għadhom mhumiex jintuzaw bis-sħiħ għal dak il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-użu tal-fondi u tieħu azzjoni fejn meħtieġ;

108.  Ifakkar li l-persuni b'diżabilità intellettwali u psikosoċjali jħabbtu wiċċhom ma' xkiel partikolari għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jsaħħu l-isforzi biex jippromwovu l-awtonomija u l-inklużjoni tagħhom fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor;

109.  Jinnota li n-nisa u t-tfal b'diżabilità jesperjenzaw sproporzjonatament varjetà ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom meta ma jingħatawx aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa jew meta jitqiegħdu f'istituzzjonijiet li jkunu 'l bogħod mill-familji u l-komunitajiet tagħhom, u li jinsabu f'riskju akbar li jsiru vittmi ta' vjolenza, abbuż sesswali, sfruttament u forom oħra ta' trattament ħażin u abbuż; jenfasizza l-ħtieġa għal politika ta' azzjoni komprensiva u sensittiva għad-differenza bejn is-sessi min-naħa tal-UE u l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal, flimkien mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

110.   Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw servizzi ta' appoġġ għat-tfal b'diżabilità, u l-familji tagħhom fil-komunitajiet lokali, bil-għan li jippromwovu d-deistituzzjonalizzazzjoni u jiżguraw sistema edukattiva inklużiva għalihom;

111.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-hotline ta' emerġenza 112 ikun għalkollox aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u jqajmu kuxjenza dwar dan permezz tal-kampanji;

112.   Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, iżidu l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-oqfsa ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità bil-għan li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u sabiex tkun garantita l-indipendenza tagħhom billi jiġi żgurat li l-kompożizzjoni u l-operazzjoni tagħhom jikkunsidraw il-Prinċipji ta' Pariġi dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

113. Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiżguraw parteċipazzjoni ġenwina u libertà ta' espressjoni għall-persuni b'diżabilità fil-ħajja pubblika; jinnota li tali sforzi għandhom ikunu appoġġjati billi jingħataw sottotitoli, interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, dokumenti miktuba bil-Braille u formati li jinqraw faċilment; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet aċċessibbli għar-rifuġjati b'diżabilità; jisħaq fuq ir-riskji partikolari li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-rifuġjati, il-migranti u l-persuni li jfittxu asil b'diżabilità, li m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni f'formati aċċessibbli, u li jaf jinżammu f'detenzjoni f'kundizzjonijiet li ma jipprovdux appoġġ xieraq jew akkomodazzjoni raġonevoli;

Persuni anzjani

114.   Jinnota li t-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huma kwistjonijiet importanti li jistgħu jissaħħu permezz ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, peress li jirrappreżenta waħda mill-aktar trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali profondi li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-pajjiżi żviluppati; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-anzjani biex ikunu aktar preżenti u attivi fis-suq tax-xogħol permezz ta' inizjattivi soċjali u ekonomiċi biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali, u jistedinhom ukoll jiggarantixxu lill-anzjani aċċess faċli għas-servizzi tas-saħħa;

115. Jisħaq fuq il-punt li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija mifruxa ħafna fis-soċjetajiet tal-lum u spiss hija kkombinata ma' forom oħra ta' diskriminazzjoni, bħad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' razza jew etniċità, reliġjon, diżabilità, saħħa jew kundizzjonijiet soċjali, identità tal-ġeneru jew orjentazzjoni sesswali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet immirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni anzjani fil-ħajja tal-komunità bil-għan li jiġi miġġieled l-iżolament tagħhom;

116.   Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolu ruħhom b'mod attiv fil-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ u biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu d-drittijiet ta' persuni akbar fl-età.

Drittijiet tar-Rom

117.  Ifakkar li l-persuni li jappartjenu għall-minoranza Rom huma intitolati għal-libertà tal-moviment, u jħeġġeġ lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jissalvagwardjaw lil din il-minoranza u ma jippjanawx politiki ta' insedjament ibbażati fuq raġunijiet etniċi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-persuni li jappartjenu għall-minoranza Rom huma soġġetti b'mod sproporzjonat għal tkeċċijiet furzati f'bosta Stati Membri;

118.  Jiddispjaċih li n-nies Rom għadhom qed iħabbtu wiċċhom mal-anti-Żingariżmu u razziżmu sistematiku u istituzzjonali, u jfakkar li d-diskriminazzjoni tan-nies Rom fl-oqsma tax-xogħol, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għall-ġustizzja jew kwalunkwe dominju ieħor hija inaċċettabbli u dannuża għas-soċjetà tal-UE; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, fid-dawl tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tal-2015, jimplimentaw bis-sħiħ u rapidament l-istrateġiji nazzjonali tagħhom fir-rigward tan-nies Rom, u jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni razzjali kontra n-nies Rom f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u jiġġieldu l-anti-Żingariżmu f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija;

119.  Ifakkar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li tiddikjara li l-prinċipju ta' trattament ugwali li tirreferi għalih id-Direttiva 2000/43/KE japplika għal persuni li, għalkemm huma stess mhumiex tar-razza jew grupp etniku kkonċernati, xorta jbatu minn trattament anqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari għal waħda minn dawn ir-raġunijiet;

120.  Jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-monitoraġġ ta' prattiki ta' diskriminazzjoni fl-oqsma kollha, speċjalment l-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, u tara li l-programmi kollha jiġu implimentati b'mod li jnaqqas id-distakk bejn il-popolazzjoni Rom u l-popolazzjoni mhux Rom; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li jippromwovu jew jippermettu diskriminazzjoni u segregazzjoni istituzzjonalizzati;

121.  Jikkundanna l-prattika ta' segregazzjoni ta' tfal Rom fl-iskejjel, li aktar tard fil-ħajja taffettwa b'mod negattiv ħafna l-perspettivi li dawn it-tfal ikollhom tal-ħajja; jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tikkontesta din il-prattika permezz ta' proċeduri ta' ksur, u jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri effikaċi biex jeliminaw is-segregazzjoni skolari u joħorġu bi pjanijiet għal miżuri ta' integrazzjoni għat-tfal Rom;

122.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, bil-għan li jippromwovu l-inklużjoni tal-komunitajiet Rom u foqra, biex isaħħu l-istrateġiji tagħhom billi jżiduhom proporzjonalment u jwessgħuhom ħalli jilħqu 80 miljun ċittadin; jitlob ukoll li jissaħħu t-Task Force għar-Rom u l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Kummissjoni, għall-iżvilupp ta' punti ta' kuntatt reġjonali u lokali u Pjattaformi Reġjonali għar-Rom, u li jiġi żviluppat forum ta' politika online f'kooperazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea għar-Rom; jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tkompli bil-ġbir ta' data dwar is-sitwazzjoni tar-Rom u tiżviluppa u tipproponi "dashboard" ta' indikaturi ta' inklużjoni tar-Rom li bis-saħħa tagħhom ikun jista' jiġi segwit il-progress f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri biex it-2 ta' Awwissu jiddedikawh għall-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Olokawst tar-Rom;

Drittijiet tal-persuni LGBTI

123.  Jikkundanna kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal aġenda li tiżgura drittijiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, u tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-persuni LGBTI; jilqa', f'dan ir-rigward, il-lista ta' azzjonijiet li tħejjiet mill-Kummissjoni biex isir progress fil-qasam tal-ugwaljanza għall-persuni LGBTI, inkluża l-kampanja ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu miġġielda l-istereotipi u tittejjeb l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet ta' persuni LGBTI; jinnota li r-riċerka fuq il-post tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali turi li l-uffiċjali pubbliċi jqisu li d-dritt u l-politika tal-UE jikkostitwixxu forza mexxejja li tappoġġja l-isforzi nazzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTI;

124.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-persuni LGBTI jesperjenzaw bullying u intimidazzjoni li jibdew fl-iskejjel, u jbatu minn diskriminazzjoni f'aspetti differenti ta' ħajjithom, inkluż fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-omofobija fl-isport, iż-żgħażagħ LGBTI u l-bullying fl-iskejjel; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw lit-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem fl-isforzi tagħhom biex jadottaw politiki ta' diversità u ta' nondiskriminazzjoni b'enfasi fuq il-persuni LGBTI;

125.  Ifakkar fil-ġurisprudenza tal-QEDB dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI; jilqa' l-fatt li għadd dejjem jikber ta' Stati Membri diġà ħadu miżuri li jikkontribwixxu għall-promozzjoni u l-protezzjoni b'mod aktar effikaċi d-drittijiet tal-persuni LGBTI, u adottaw proċeduri legali ġodda għar-rikonoxximent tal-ġeneru fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ta' dawn il-persuni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tagħha jiġbru data dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni LGBTI, u jħeġġiġhom jikkondividu l-aħjar prattiki mal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw lill-persuni LGBTI bis-sħiħ dwar id-drittijiet tagħhom u jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; jikkundanna l-prattiki mediċi li jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuni trans u intersesswali;

126.  Iqis li huwa aktar probabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI jiġu mħarsa jekk dawn ikollhom aċċess għall-istituzzjonijiet legali, bħall-koabitazzjoni, is-sħubija reġistrata u ż-żwieġ; jilqa' l-fatt li, attwalment, 18-il Stat Membru joffru dawn l-għażliet, u jistieden lill-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw li jagħmlu dan;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-effetti u ċ-ċirkolazzjoni libera tad-dokumenti kollha tal-istatus ċivili tal-individwi, il-koppji u l-familji kollha fl-UE (inklużi dawk id-dokumenti kollha dwar iż-żwieġ u s-sħubijiet reġistrati, it-tibdil tas-sess legali u ċ-ċertifikati ta' adozzjoni u twelid), inkluż ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru, bil-għan li jitnaqqsu l-ostakli legali u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

Ċittadinanza

128.   Jinnota ż-żieda fl-Ewroxettiċiżmu, u fl-espressjoni ta' opinjonijiet politiċi vjolenti, bi tħassib kbir, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, speċjalment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fi kwistjonijiet tal-UE, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jleħħnu t-tħassib tagħhom u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom permezz ta' mezzi demokratiċi;

129.  Iqis li jeħtieġ li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u li tiġi promossa l-governanza elettronika fl-UE kollha, u jitlob li tissaħħaħ l-effikaċja ta' mekkaniżmi bħalma huma l-inizjattiva taċ-ċittadini;

130.  Iħeġġeġ l-iżvilupp tal-konsultazzjonijiet elettroniċi bħala għodda għall-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini, li tippermetti l-ġbir ta' informazzjoni dwar l-aspettattivi tagħhom mill-gvern u l-amministrazzjoni pubblika; iqis li jeħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli proċedurali u lingwistiċi li jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni ċivika taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha ta' governanza; jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza, mhux biss fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, iżda wkoll fil-monitoraġġ ta' kif jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mas-servizzi pprovduti mill-istituzzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss il-forniment ta' tali servizzi permezz ta' media diġitali aċċessibbli; itenni l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar il-Karta;

131. Jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż il-volontarjat u x-xogħol taż-żgħażagħ, jaqdu rwol ċentrali fil-parteċipazzjoni soċjali u ċivika, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, jappoġġjaw u jippromwovu l-ħidma tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jirrispettaw il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni bħala parti mill-Karta;

132. Jemmen li l-edukazzjoni ċivika u d-djalogu interkulturali jtejbu l-fehim taċ-ċittadini dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni soċjali u politika, filwaqt li l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem iżżid l-għarfien tagħhom dwar id-drittijiet tagħhom stess u tgħallimhom ir-rispett tad-drittijiet tal-oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali, inkluż il-kontribut tal-UE għall-iżvilupp ta' qafas għad-drittijiet fundamentali, u jimplimentaw il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet imsemmija hawn fuq;

133.   Jinnota bi tħassib li għad hemm il-ħtieġa li jsiru sforzi sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jsibu l-aħjar politiki, inklużi l-attivazzjoni tal-impjiegi u l-aċċess għal servizzi u edukazzjoni ta' kwalità għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki soċjali u tal-impjiegi tagħhom ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tad-daqs u l-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi;

Drittijiet diġitali

134.   Ifakkar li kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu, inkluż id-dritt ta' aċċess għad-data li tinġabar dwaru, u d-dritt li jitlob biex din id-data tiġi rrettifikata jenfasizza d-dritt li kulħadd għandu biex jiddetermina kif tiġi ttrattata d-data personali tiegħu, b'mod partikolari d-dritt esklużiv biex jiddetermina l-użu u t-tixrid tad-data personali tiegħu; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jippermettu lil kull ċittadin jikseb indikazzjoni ta' kontenut potenzjalment dannuż għad-dinjità jew ir-reputazzjoni tiegħu/tagħha, b'rispett tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza relevanti; josserva li, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku speċifiku, kulħadd għandu d-dritt li jiddeċiedi liema data tista' tkun disponibbli, id-dritt li d-data personali titħassar, kif ukoll id-dritt li tkun minsija, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE;

135.  Jinsab imħasseb li ċ-ċittadini mhumiex konxji għalkollox mid-drittijiet tagħhom u tal-mezzi ta' rimedju legali disponibbli għalihom; iqis li huwa essenzjali li l-pubbliku, b'mod partikolari t-tfal, ikun familjari mal-importanza tal-protezzjoni tad-data personali fiċ-ċiberspazju, u r-riskji potenzjali li huwa espost għalih, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u ż-żieda tal-attakki ċibernetiċi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-litteriżmu tal-mezzi l-ġodda tax-xandir u biex dan jagħmluh komponent integrali mill-kurrikuli skolastiċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-bullying ċibernetiku, b'mod partikolari meta dan jolqot gruppi speċifiċi ta' tfal;

136.   Josserva li l-persuni kollha għandhom id-dritt li jesprimu u jxerrdu l-opinjonijiet tagħhom b'mod liberu fl-internet, f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza relevanti; jisħaq fuq il-punt li ħadd m'għandu jkun żvantaġġat talli ma jagħmilx użu mis-servizzi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, u teżamina mill-ġdid id-Direttiva, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali;

137.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqies l-impatt li ċertu teknoloġiji ġodda, bħal pereżempju d-drones, jista' jkollhom fuq id-drittijiet fundamentali u, b'mod partikolari, fuq id-dritt għall-privatezza; jenfasizza wkoll l-isfida li jikkostitwixxu l-implikazzjonijiet tal-użu mifrux tal-internet fuq id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, il-ġlieda kontra l-intimidazzjoni fl-internet jew it-traffikar tal-bnedmin, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-isfruttament sesswali u fuq il-post tax-xogħol;

138.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

  Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(2)

  Testi adottati, P7_TA(2014)0105.

(3)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(4)

ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.

(5)

ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

(6)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55

(7)

ĠU L 395, 2.12.2000, p. 16.

(8)

ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(9)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(10)

ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(11)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(12)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(13)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(14)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0594.

(15)

  Testi adottati, P7_TA(2014)0062.

(16)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0387.

(17)

  Testi adottati, P8_TA(2015)0286.

(18)

  Testi adottati, P8_TA(2016)0102.

(19)

  ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 405.

(20)

  Testi adottati, P8_TA(2014)0070.

(21)

  Testi adottati, P7_TA(2013)0350.

(22)

Testi adottati, P8_TA(2015)0095.

(23)

Testi adottati, P7_TA(2013)0203.

(24)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(25)

Dan it-tip ġdid ta' traffikar diġà ġie introdott bir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea (Testi adottati: P8_TA(2016)0090).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (9.11.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015

(2016/2009(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li "[id-dinjità] tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi" huma l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE, kif dikjarat fl-Artikolu 2 tat-TUE; jissottolinja li huwa tal-akbar importanza li jiġi żgurat, imsaħħaħ u promoss ir-rispett sħiħ ta' dawn il-valuri, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u indiviżibbli;

2.  Jemmen li l-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu bażi tajba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TFUE u għall-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

3.  Jinnota l-obbligu stabbilit fit-Trattati ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB); jissottolinja l-fatt li t-Trattati jirrikonoxxu d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, u peress li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

4.  Jenfasizza li f'każ ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt, għandu jingħata bidu għal proċeduri skont l-Artikolu 7 u l-Qafas tal-Istat tad-Dritt biex jiġu pprovduti rimedji; iqis li hu importanti li jiġi stabbilit kunsens ġenerali ġdid bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-rispett tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, sabiex jiġi żgurat ir-rispett fost iċ-ċittadini Ewropej u ssir prevenzjoni ta' kwalunkwe mminar ta' dawn il-valuri; kwalunkwe kontestazzjoni tal-istat tad-dritt hija limitu estrem li pajjiż demokratiku ma jistax u ma jeħtiġlux jaqbeż;

5.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali matul il-proċess leġiżlattiv kollu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol sinifikanti ta' valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi, kif ukoll ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; ifakkar li implimentazzjoni effettiva u preċiża tal-liġi tal-UE hija kruċjali biex jitħarsu l-valuri tal-Unjoni u li din il-protezzjoni hija essenzjali għall-kredibilità tal-UE kollha kemm hi;

6.  Jinnota li l-iskop ta' politiki ta' sigurtà u ta' ġustizzja huwa li jipproteġu l-libertà u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni u t-tfassil ta' politika f'dan il-qasam iridu jkunu konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

7.  Iqis li għandhom isiru aktar sforzi lejn implimentazzjoni konsistenti u uniformi tal-Karta, inkluż permezz ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni fost il-prattikanti u l-pubbliku ġenerali, sabiex jiggarantixxu li l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej jiġu rispettati u promossi, u jenfasizza li jenħtieġ li l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu minn ta' quddiem f'din il-ħidma; jirrimarka li għandhom isiru sforzi sinifikanti biex titjieb il-protezzjoni tal-libertajiet tal-espressjoni, ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni u tal-midja ħielsa, kif ukoll biex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-ġudikatura;

8.  Japprova l-attivazzjoni mill-Kummissjoni, għall-ewwel darba, tal-Qafas ġdid tal-Istat tad-Dritt; jirrakkomanda evalwazzjoni bir-reqqa tal-funzjonament u r-riżultati tiegħu bil-ħsieb li tittejjeb l-effikaċja tiegħu;

9.  Jinnota l-ewwel żewġ djalogi dwar l-Istat tad-Dritt, li nżammu mill-Kunsill; jistenna b'interess l-evalwazzjoni mistennija ta' dan il-mekkaniżmu, li jenħtieġ li jimmira lejn titjib fir-rilevanza tiegħu kif ukoll il-kumplimentarjetà tiegħu ma' strumenti oħra tal-istat tad-dritt tal-UE;

10.  Jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex tingħata l-mandat biex tipproduċi rapport ta' kull sentejn dwar sa liema punt iċ-ċittadini l-aktar fil-bżonn fl-Ewropa għandhom aċċess għad-drittijiet fundamentali kollha, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jenfasizza li l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u tal-Istati Membri; itenni b'enfasi qawwija t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, wara l-Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, biex tidentifika l-passi 'l quddiem neċessarji għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB, f'konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(2) tat-TUE.

12.  Jissottolinja li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-TUE hija mekkaniżmu ta' miżura estrema li bilkemm jista' jintuża bil-potenzjal kollu tiegħu minħabba r-rekwiżit ta' unanimità fil-Kunsill Ewropew; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, lejn ir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu komprensiv tal-Unjoni biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jirrakkomanda li l-Patt tal-Unjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt DRF tal-UE) jenħtieġ li jinkludi elementi preventivi u korrettivi, u jiġbed l-attenzjoni lejn il-proposta li jitfassal rapport annwali tad-DRF bl-użu ta' varjetà ta' sorsi, li jenħtieġ li jikkostitwixxi bażi għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' kwalunkwe ksur tal-valuri tal-Unjoni;

13.  Jitlob dibattitu estensiv dwar il-kompiti u l-attivitajiet tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali; jenfasizza l-importanza tax-xogħol tal-Aġenzija fl-għoti ta' tagħrif espert lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE, u jirrikonoxxi l-kontribut kbir tagħha biex tiżdied il-kuxjenza dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, György Schöpflin, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Ashley Fox, Charles Goerens, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jérôme Lavrilleux, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Gabriel Mato, Wim van de Camp


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (7.9.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2015)

(2016/2009(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jordi Sebastià

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

A.  billi r-riunifikazzjoni tal-familji, għalkemm hija dritt bażiku tal-bniedem, attwalment qed tiġi differita u saħansitra miksura b'mod sistematiku, u billi n-nisa u t-tfal huma l-ewwel vittmi taċ-ċaħda jew id-differiment ta' dan id-dritt;

B.  billi l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru; billi l-UE hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha;

C.  billi n-nisa Rom spiss jaffrontaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali abbażi tal-ġeneru u l-oriġini etnika u għandhom aċċess limitat għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, billi d-diskriminazzjoni tista' sseħħ fi ħdan soċjetà integrata f'kuntest ta' razziżmu dejjem jikber kontra r-Rom, iżda wkoll fi ħdan il-komunitajiet tan-nisa stess minħabba l-ġeneru tagħhom;

D.  billi l-vjolenza kontra n-nisa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali li jolqot il-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż tal' oriġini jew ta' residenza; billi l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-istereotipi sessisti jżidu r-riskju tal-vjolenza u forom oħra ta' sfruttament u jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja;

E.  billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' bosta forom ta' diskriminazzjoni fl-UE u għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-oqsma kollha marbuta mat-teħid ta' deċiżjonijiet;

F.  billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet fundamentali, id-dinjità tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tad-dritt u d-demokrazija; billi t-traffikar għall-iskop tal-isfruttament sesswali għadu jikkostitwixxi l-aktar forma mifruxa; billi 76 % tal-vittmi rreġistrati fl-UE huma nisa;

G.  billi l-Istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li l-persuni leżbjani, bisesswali u transġeneru jħabbtu wiċċhom ma' riskju sproporzjonat ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom;

H.  billi l-ġeneru fih nnifsu ma joħloqx vulnerabilità, u hemm ħafna fatturi kontributorji li jistgħu joħolqu sitwazzjoni ta' vulnerabilità, inklużi l-faqar, l-esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni multipla;

I.  billi l-aktar stimi reċenti mill-Eurostat juru li n-nisa fl-UE jaqilgħu paga medja ta' 16 % inqas mill-irġiel;

J.  billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma msejsa fuq id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u huma elementi essenzjali tad-dinjità tal-bniedem(1);

1.  Jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ma ntlaħqitx, li f'ħafna oqsma mhu qed isir ebda titjib u li qed ikompli jsir ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa; jisħaq fuq il-fatt li n-nisa għadhom qed ibatu minn diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali, kif jidher ċar mir-rappreżentanza baxxa tagħhom fix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija, l-intraprenditorija u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku, u mid-differenzi persistenti fil-pagi u l-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa, anki b'riferiment għan-nisa li jgħixu f'żoni rurali; Jinnota li d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' rappreżentanza jwasslu għal aktar stereotipi tal-ġeneru, esklużjoni soċjali u ekonomika u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

2.  Jissottolinja l-bżonn ta' ġlieda kontra r-razziżmu fil-konfront tar-Rom f'kull livell u b'kull mezz, u jisħaq fuq il-fatt li tali fenomenu huwa forma ta' razziżmu partikolarment persistenti, vjolenti, rikorrenti u komuni; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra r-razziżmu fil-konfront tar-Rom u jappoġġaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa Rom bħala parti mill-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li jippromwovu l-aħjar prattiki;

3.  Jitlob li jiġu provduti statistika u indikaturi dwar id-diskriminazzjoni multipla, li spiss tinħeba wara d-diskriminazzjoni "klassika" (bħal dik ibbażata fuq il-faqar u r-razza); ifakkar li f'każijiet fejn jeżisti riskju ta' diskriminazzjoni jeżisti wkoll riskju saħansitra akbar li din tkun ibbażata fuq il-ġeneru; jitlob lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tippubblika rapport dwar dan is-suġġett;

4.  Jiddispjaċih li n-nisa għadhom ibatu minn kundizzjonijiet diskriminatorji fejn jidħol l-impjieg, inklużi forom ta' impjieg mhux standard; jenfasizza li nisa li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut huma partikolarment esposti kemm għal sigħat ta' xogħol estiżi kif ukoll għar-riskju li jiċċaħħdu mid-dritt tagħhom bħala ħaddiema li jkollhom ġurnata ta' mistrieħ fil-ġimgħa;

5.  Jinsab imħasseb minħabba l-fatt li, f'dawn l-aħħar snin, xi movimenti kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għamlu avvanz fl-opinjoni pubblika f'għadd ta' Stati Membri; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-movimenti jikkostitwixxu sfida għall-kisbiet eżistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għandhom l-għan li jimblokkaw il-liġijiet u l-politiki li jipproteġu l-persuni LGBTI minn reati ta' mibegħda u diskriminazzjoni;

6.  Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' adozzjoni ta' strateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2020, u, b'tennija tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-16 ta' Ġunju 2016, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istatus tal-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2019 billi taddottah fil-forma ta' komunikazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tqawwi l-isforzi tagħha biex iżżid ir-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-oqsma tal-politika u l-ekonomija, billi ssegwi approċċ doppju li jikkombina l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u miżuri mmirati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta' data komprensiva, komparabbli, affidabbli u aġġornata regolarment dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

9.  Jikkundanna kwalunkwe forma ta' maternità surrogata, peress li din tinjora d-drittijiet tan-nisa kollha;

10.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali Ewropew billi jinkludu listi bbilanċjati mil-lat ta' rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa fir-reviżjoni li jmiss tal-liġi elettorali Ewropea;

11.  Jiddispjaċih li l-proposta tal-2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati għadha mblokkata, u jistieden lill-Kunsill biex finalment jadotta pożizzjoni komuni dwar din il-proposta;

12.  Jissottolinja li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, li bħalissa tinsab f'medja ta' 16 % fl-UE, tikkostitwixxi diskriminazzjoni inaċċettabbli u tmur kontra t-Trattati tal-UE (l-Artikolu 157 tat-TFUE); itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom bil-għan li tiġi eliminata d-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa; jinnota li l-miżuri maħsubin biex iżidu t-trasparenza f'termini ta' pagi huma fundamentali biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fil-pagi;

13.  Iqis li hemm ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata definizzjoni fil-livell tal-UE ta' xogħol ta' valur ugwali, b'kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, sabiex jiġi żgurat li fatturi bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-responsabilità konferita lill-ħaddiema u r-rekwiżiti fiżiċi jew mentali għall-impjieg ikkonċernat ikunu meqjusa;

14.  Jitlob li ssir implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, u li din tiġi riveduta b'rekwiżit obbligatorju biex il-kumpaniji jfasslu miżuri jew pjanijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

15.  Jinnota li n-nisa huma kkonċentrati b'mod sproporzjonat, u ħafna drabi involontarjament, f'xogħol prekarju, u li dan jinkludi livelli għolja ta' xogħol part-time, xogħol b'paga baxxa u kuntratti b'terminu fiss u kuntratti ta' żero sigħat; jinnota li x-xogħol part-time jikkontribwixxi għar-riskju tal-faqar; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tista' tinkiseb biss permezz ta' ridistribuzzjoni ġusta kemm ta' xogħol imħallas u mhux imħallas kif ukoll ta' responsabilitajiet tax-xogħol, tal-familja u ta' indukrar;

16.  Jisħaq fuq l-eżistenza fiż-żoni rurali ta' proporzjon għoli ta' persuni li jaħdmu għal rashom u li m'għandhomx protezzjoni soċjali xierqa, kif ukoll il-proporzjon għoli ta' xogħol "inviżibbli", li jaffettwa lin-nisa b'mod partikolari; jistieden, għaldasqtant, lill-Istati Membri u lir-reġjuni b'setgħat leġiżlattivi biex itejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tal-pagi, id-drittijiet tas-sjieda u t-teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll biex jiżguraw l-għoti ta' sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali;

17.  Jissottolinja r-rwol kruċjali ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost in-nisa, peress li n-nisa huma aktar dipendenti minn tali servizzi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq azzjoni leġiżlattiva komprensiva u globali biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ommijiet u l-missirijiet fir-rigward tat-tipi ta' liv, jiġifieri l-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u ta' persuni li jieħdu ħsieb persuni dipendenti, b'mod partikolari biex tgħin lill-irġiel jaqdu rwol attiv bħala missirijiet, tippremetti distribuzzjoni aktar ġusta tar-responsabilitajiet tal-familja u b'hekk toffri opportunitajiet indaqs lin-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

19.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira d-direttiva dwar il-liv tal-maternità, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida dwar id-dritt obbligatorju għal-liv tal-paternità mħallas;

20.  Jissottolinja l-fatt li proporzjon żgħir biss ta' rġiel jużaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri; jitlob, għaldaqstant, li tittieħed azzjoni konkreta sabiex isir progress lejn drittijiet tal-liv tal-ġenituri li jkunu kemm jista' jkun individwali u mhux trasferibbli;

21.  Jilqa' l-proposta għall-introduzzjoni tal-liv tal-indukraturi, kif previst fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tinkludi din id-dispożizzjoni;

22.  Jilqa' l-proposta ta' adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jistieden lill-UE tirratifika din il-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli sabiex tiżgura l-protezzjoni kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni ta' dawn il-forom ta' vjolenza; ifakkar lill-Istati Membri li s-sħubija fl-UE ma teżentahomx milli jiffirmaw, jirratifikaw u jinfurzaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jħeġġiġhom jagħmlu dan; jissottolinja li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar għodda komprensiva u moderna disponibbli għall-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-ġbir ta' data b'rabta mal-vjolenza kontra n-nisa, u jiddeplora l-fatt li s'issa rratifikawha biss 14-il Stat Membru;

23.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, bħalma huma l-qtil għall-unur, iż-żwieġ furzat, it-traffikar, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; iqis li dawn il-prattiki qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati u għandhom jiġu kkriminalizzati u kkastigati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jiġġieldu dawn il-prattiki fl-UE u fid-dinja kollha; jisħaq li l-vjolenza kontra n-nisa hija forma ta' abbuż sistematiku tad-drittijiet fundamentali u li madwar 62 miljun mara fl-UE sfaw vittmi ta' vjolenza;

24.  Iqis li dawk kollha li jgħixu fl-Ewropa għandhom jirrispettaw il-liġi u d-drittijiet u d-dinjità tan-nisa;

25.  Jiddeplora l-atti ta' fastidju u stupru f'postijiet pubbliċi fl-Ewropa u l-livell għoli ta' impunità u nuqqas ta' ġustizzja għall-vittmi, u jqis li n-nisa u l-bniet kollha għandhom iħossuhom protetti minn kull forma ta' fastidju sesswali fi kwalunkwe post pubbliku fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra l-fastidju sesswali tan-nisa u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tali atti jiġu sanzjonati kif xieraq, li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja u li tingħata protezzjoni xierqa lill-vittmi;

26.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-mezzi u l-għodod neċessarji għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-isfruttament sesswali;

27.  Jisħaq fuq il-fatt li biex il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru tiġi miġġielda b'mod effikaċi, jeħtieġ li tinbidel l-attitudni fil-konfront tan-nisa u l-bniet; iqis li dawn spiss huma rappreżentati fi rwoli subordinati u li l-vjolenza kontrihom ħafna drabi tiġi tollerata jew minimizzata; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jiġġieldu kontra l-istereotipi bbażati fuq il-ġeneru u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet;

28.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u biex tippreżenta strateġija komprensiva dwar is-suġġett, inkluż li dawk li jkunu ġarrbu l-vjolenza jkollhom aċċess żgurat għall-ġustizzja;

29.  Jilqa' l-momentum dejjem jikber madwar l-UE tal-moviment favur l-eradikazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; jinnota li, gradwalment, l-Istati Membri qed jagħmlu bidliet pożittivi fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom sabiex jikkriminalizzaw kemm it-twettiq tal-mutilazzjoni ġenitali femminili kif ukoll it-tbegħid ta' tifla jew tfajla mill-UE lejn pajjiż terz bl-iskop tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom tipproteġi l-bniet u n-nisa mill-mutilazzjoni ġenitali femminili;

30.  Jirrikonoxxi li l-età medja tad-dħul fil-prostituzzjoni hija bejn it-13 u l-14-il sena, u li l-isfruttament sesswali jikkostitwixxi kwistjoni marbuta ħafna mal-ġeneru u huwa forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li tmur kontra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala prinċipju fundamentali;

31.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-ġenituri fil-kuntest ta' qafas edukattiv għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw liġijiet u politiki li jolqtu direttament lill-awturi ta' reati, sabiex inaqqsu d-domanda għall-isfruttament sesswali filwaqt li jiddekriminalizzaw lill-individwi li jipprostitwixxu ruħhom u jipprovdulhom appoġġ, inklużi servizzi soċjali ta' kwalità għolja, kif ukoll assistenza legali u psikoloġika għal dawk li jixtiequ joħorġu mill-prostituzzjoni;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, biex b'hekk jiġu żgurati protezzjoni u assistenza xierqa għal nisa u bniet vittmi ta' vjolenza;

34.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill għadu m'adottax il-proposta għal direttiva tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jilqa' l-prijoritizzazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Kummissjoni Ewropea; itenni l-pożizzjoni tiegħu rigward id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali u t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

35.  Jikkundanna l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra persuni LGBTI; jappella għal aktar azzjoni biex jiġi mħeġġeġ it-tisħiħ tad-dritt kriminali u l-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE bil-għan li jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi li għadhom jeżistu fir-rigward tal-pieni relatati ma' reati omofobiċi, bifobiċi u transfobiċi mmotivati mill-mibegħda;

36.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll l-użu tal-ICT u l-internet għat-traffikar tan-nisa u tat-tfal, speċjalment għall-isfruttament sesswali u tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jimpedixxu u jindirizzaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħala strument ta' reklutaġġ, l-aktar ta' nisa u bniet, bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll ta' fastidju ċibernetiku u ta' cyberstalking;

37.  Jinnota r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali, kif ukoll id-dokument tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni intersesswali; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' persuni intersesswali;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom li jfittxu, jirċievu u jipprovdu informazzjoni relatata mas-sesswalità, inklużi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, b'mod xieraq għall-età u b'mod sensittiv għall-ġeneru;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru kif ukoll azzjonijiet rigward id-drittijiet tal-bniet u tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-identitajiet tal-ġeneru u r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tas-sistemi edukattivi; jitlob ukoll li jkun hemm edukazzjoni fir-rigward tal-paċi u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u kontra r-razziżmu kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien fl-iskejjel minn stadju bikri;

40.  Itenni li l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, għandhom ikunu ggarantiti għal kull mara fl-UE, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw l-abort u s-servizzi ta' kura relatati mal-abort; jissottolinja li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-bniet kollha jridu jiġu rispettati, inkluż id-dritt tagħhom għal ġisimhom u għas-sesswalità tagħhom u d-dritt tagħhom li jkunu ħielsa mill-koerċizzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza;

41.  Jilqa' l-isforzi kollha li saru biex il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tiġi implimentata bis-sħiħ; ifakkar li n-nisa u l-bniet b'diżabilità huma partikolarment esposti għad-diskriminazzjoni u għalhekk ma jitħallewx igawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħal ħaddieħor;

42.  Iħeġġeġ lill-kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew jinvestigaw il-kwistjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni intersesswali fl-UE u jressqu rapport fuq inizjattiva proprja;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jipproteġu lin-nisa u lill-persuni LGBTI mill-fastidju fuq il-post tax-xogħol;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra t-trattament inġust tan-nisa u l-immaġnijiet ta' inugwaljanza bejn is-sessi fl-industrija tal-mezzi tax-xandir billi tibda skambju tal-aħjar prattiki li jippermettu lill-kumpaniji tal-mezzi tax-xandir japplikaw approċċ ta' ugwaljanza bejn is-sessi fix-xandir u r-reklamar;

45.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha ħalli jiżguraw illi l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet li huma migranti, rifuġjati jew persuni li jfittxu asil, kif ukoll rifuġjati u persuni li jfittxu asil LGBTI, tinkludi l-għoti ta' pariri legali, aċċess għall-kura tas-saħħa, spazji sikuri għan-nisa u t-tfal, faċilitajiet sanitarji separati u t-tgawdija tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, inkluż aċċess għal abort sikur;

46.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati nisa u bniet li qed jgħixu f'kundizzjonijiet improvviżati fl-UE u mal-fruntieri tagħha, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni ta' aktar minn 10 000 minorenni mhux akkumpanjat li għebu wara li daħlu fl-UE; josserva li n-nisa u t-tfajliet jirrappreżentaw l-akbar grupp u grupp partikolarment vulnerabbli fil-flussi migratorji u li jeħtieġ li ssir valutazzjoni speċifika u bir-reqqa tal-ħtiġijiet tagħhom tul il-proċeduri ta' asil u akkoljenza; itenni, f'dan ir-rigward, li dawn in-nies għandhom jingħataw approċċi, programmi u miżuri speċifiċi;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinfetħu rotot ta' asil legali u sikuri, sabiex jiġu evitati n-netwerks ta' traffikar kif ukoll sabiex in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jfittxu kenn mingħajr ma jissugraw ħajjithom;

48.  Itenni d-dritt fundamentali tan-nisa kollha li jkollhom aċċess għal sistemi ta' kura tas-saħħa pubblika, b'mod partikolari kura tas-saħħa primarja, ġinekoloġika u ostettrika kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

49.  Jinnota li 70 % tal-vittmi identifikati ta' traffikar tal-bnedmin fl-UE huma ċittadini tal-UE, u li l-maġġoranza tal-vittmi rappurtati huma nisa ċittadini tal-UE mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant(2); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, bil-għan li jipproteġu lin-nisa u lill-bniet mit-traffikar, il-vjolenza u l-isfruttament sesswali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom jindirizzaw it-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin mil-lat tad-domanda;

50.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nisa u l-bniet migranti mingħajr dokumenti għandhom ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali bażiċi tagħhom, u li għandhom jiġu żviluppati mezzi għall-migrazzjoni legali;

51.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u l-persuni li jfittxu asil li qed jiddaħħlu illegalment fl-UE, fejn in-nisa u t-tfal qed iħabbtu wiċċhom ma' riskji akbar ta' vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru; ifakkar li n-nisa u t-tfal jaf jiġu mġiegħla joffru s-sess għall-protezzjoni jew sostenn bażiku, sabiex jissopravivu, u li dan f'xi każijiet iseħħ minħabba lakuni fl-assistenza, nuqqasijiet fis-sistemi ta' reġistrazzjoni, is-separazzjoni tal-familji jew nuqqas ta' mezzi sikuri u legali ta' dħul fl-UE, kif ukoll nuqqas ta' miżuri ta' suċċess kontra t-traffikanti; jissottolinja li n-nisa u t-tfal involuti fis-sess għas-sopravivenza mhumiex meqjusa bħala vittmi ta' traffikar u, għaldaqstant, ma jistgħux jirċievu l-assistenza meħtieġa;

52.  Josserva li l-ħaddiema domestiċi huma fil-biċċa l-kbira nisa, u jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċess ta' ratifika u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi, insegwitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/51/UE u bħala strument ewlieni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;

53.  Jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għad-detenzjoni tar-rifuġjati, inkluża d-detenzjoni ta' nisa tqal, tfal u ommijiet li jreddgħu;

54.  Jitlob li jissaħħaħ id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familji fl-UE kollha, kif ukoll li tittejjeb l-implimentazzjoni tiegħu, bl-użu ta' proċessi aktar rapidi u anqas għaljin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proċeduri għar-riunifikazzjoni tal-familji jkunu jinkludu d-drittijiet individwali tan-nisa u l-bniet li jkunu qed jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-UE, b'mod li tiġi ggarantita l-indipendenza tagħhom fejn jidħol l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni jew ix-xogħol;

55.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' data dwar in-nisa u t-tfal Rom li jinsabu f'riskju li jiġu traffikati għal xogħol jew servizzi furzati, inkluż it-talb għall-karità; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar in-nisa u t-tfal Rom rikonoxxuti bħala vittmi tat-traffikar, inklużi ċifri dwar kemm minnhom irċevew għajnuna għall-vittmi u f'liema pajjiżi;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika, bil-għan li jkun hemm promozzjoni aktar effikaċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll f'kull leġiżlazzjoni proposta, inklużi valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq il-ġeneru bħala parti minn valutazzjoni ta' konformità mad-drittijiet fundamentali u bħala kriterju integrat fi djalogu, fost oħrajn, ma' pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta' bbaġitjar li tqis il-ġeneru bħala għodda li tiżgura li d-deċiżjonijiet baġitarji jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u jindirizzaw l-impatti differenzjati;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi pilastru tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istrateġija Ewropa 2020, u tiżgura inklużjoni akbar tal-perspettiva tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Semestru Ewropew, u dan billi tintroduċi d-dimensjoni tal-ġeneru fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u fil-proċess ta' formulazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż;

59.  Jirrikonoxxi li l-adozzjoni ta' miżuri ta' awsterità u attenzjoni eċċessiva fuq il-konsolidazzjoni fiskali min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha, introdotti bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika, żiedu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa, speċjalment fil-każ tan-nisa u gruppi oħra soċjalment żvantaġġati, u li dawn l-impatti għandhom jitqiesu fir-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi għall-pajjiż;

60.  Jiddispjaċih li l-livelli ta' diskriminazzjoni bejn is-sessi għadhom għoljin, anki f'oqsma oħra apparti l-impjieg;

61.  Jirrikonoxxi li r-rispett għad-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-bniet jista' jiġi ggarantit tassew biss permezz tat-tisħiħ ulterjuri tal-pożizzjoni tagħhom u tar-rappreżentanza u l-inklużjoni fil-qasam ekonomiku, politiku u soċjali;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa li politiki mmirati jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tan-nisa vulnerabbli li huma membri ta' gruppi speċifiċi, bħan-nisa rifuġjati u li jfittxu asil, nisa Rom, nisa minn minoranzi etniċi, nisa anzjani jew nisa b'diżabilità;

63.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jintroduċu indikaturi speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE, fis-sistema ta' monitoraġġ u salvagwardja tal-mekkaniżmu futur tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

64.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jaħdmu b'mod attiv fl-oqsma tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-immappjar tal-pagi u t-tqassim ġust tal-liv tal-ġenituri; jinnota li l-vulnerabilità soċjali u l-inklużjoni soċjali dgħajfa ġejjin mill-fatt li anqas nisa milli rġiel għandhom impjieg, u aktar nisa milli rġiel jaħdmu part-time;

65.  Jistieden lill-UE tadotta approċċ li, bis-saħħa tiegħu, id-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-ambjent iservu ta' gwida għall-kummerċ u l-investiment transnazzjonali u nazzjonali, u mhux bil-kontra;

66.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konġunta biex iżidu l-għarfien tal-forom ta' protezzjoni li diġà jeżistu u jiżguraw implimentazzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

5.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Angelika Mlinar, Margot Parker, Marijana Petir, Jordi Sebastià, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Eck, Eleonora Forenza, Arne Gericke, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvia-Yvonne Kaufmann, Olle Ludvigsson, Georgi Pirinski, Josep-Maria Terricabras, Claudiu Ciprian Tănăsescu

(1)

Programm ta' Azzjoni tal-ICPD § 7.2 and 7.3.

(2)

Europol, Rapport tas-Sitwazzjoni: Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (Frar 2016).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (12.10.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015

(2016/2009(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jude Kirton-Darling

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament iservu bħala strument importanti għaċ-ċittadini biex jirrappurtaw allegat ksur tad-drittijiet fundamentali li jaf ikunu għaddew minnu fl-Istati Membri fejn jirrisjedu;

B.  billi l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala element ewlieni vinkolanti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona ġġenerat aspettattivi kbar ta' livell għoli ta' protezzjoni soċjali u ċivika fost iċ-ċittadini tal-UE;

C.  billi kważi mitt petizzjoni li rċieva l-Parlament fl-2015 kienu jikkonċernaw direttament allegat ksur tad-drittijiet fundamentali msemmija fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi tul l-ipproċessar tal-petizzjonijiet jaf joħorġu wkoll aktar problemi b'rabta mal-protezzjoni effikaċi permezz tal-Karta;

D.  billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali mhux dejjem iseħħ b'mod dirett, iżda, f'ċerti każijiet, huwa wkoll ikkawżat kuntestwalment mid-degradazzjoni ambjentali; billi l-Artikolu 37 tal-Karta jipprevedi d-dritt għall-ħarsien ambjentali; billi proporzjon sinifikanti ta' petizzjonijiet li rċieva l-Parlament jittrattaw attakki reali jew potenzjali kontra l-ambjent;

E.  billi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew fl-istat ta' residenza huwa rikonoxxut fl-Artikoli 39 u 40 tal-Karta; billi l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu m'għandux jostakola dan id-dritt;

F.  billi l-Artikolu 34 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt fundamentali għas-sigurtà soċjali u għall-assistenza soċjali; billi kopertura universali u ta' kwalità tas-saħħa pubblika hija pilastru essenzjali tas-sigurtà soċjali; billi akkomodazzjoni soċjali li tiżgura għajxien deċenti taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu; billi l-aċċess għal provvista ta' enerġija bi prezz aċċessibbli hu parti essenzjali għal ħajja dinjituża;

G.  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

H.  billi għadha teżisti disparità bejn is-sessi f'dak li jikkonċerna t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi fil-ħajja ta' kuljum tal-irġiel u n-nisa tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-taqsimiet "Ugwaljanza" u "Solidarjetà" tal-Karta;

I.  billi l-Artikolu 24 tal-Karta jistabbilixxi d-drittijiet fundamentali tat-tfal; billi fl-2015 waslu mijiet ta' petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' kustodja tat-tfal, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn kellhom implikazzjonijiet transfruntiera; billi biex il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati b'mod aktar effikaċi twaqqaf grupp ta' ħidma speċifiku;

J.  billi r-rapport konġunt tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ rigward il-Frontex irrikonoxxa l-isforzi tal-Frontex fit-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u talab lill-Aġenzija tittratta l-ilmenti individwali dwar ksur tad-drittijiet fundamentali waqt l-operazzjonijiet tagħha; billi dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, twaqqif ta' sistema ta' rappurtar tal-inċidenti u tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta; billi l-obbligu ta' rispett u salvagwardja tad-drittijiet fundamentali japplika għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE;

K.  billi l-interpretazzjoni limitata attwali tal-Artikolu 51 tal-Karta tirrappreżenta ostakolu reali għall-effikaċja tad-dispożizzjonijiet preċedenti tagħha, li jistgħu ma jissodisfawx l-aspettattivi u eventwalment iwasslu għal diżinteress dejjem akbar fost iċ-ċittadini; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu reċentement organizza seduta ta' smigħ speċifika biex jiddibatti dwar il-ħtieġa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta;

L.  billi l-Unjoni ma tistax tippermetti li jiġu mrażżna jew ipperikolati d-drittijiet ċivili fundamentali bħal-libertà ta' informazzjoni, u lanqas tittollera abbuż tal-poter u razziżmu istituzzjonali u l-ksenofobija fi ħdan il-fruntieri tagħha, kif enfasizzat minn xi petizzjonijiet;

1.  Iqis li ċ-ċittadini jistennew li l-Karta tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni u mill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE; jinnota li n-nuqqas ta' protezzjoni u sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont il-Karta jistgħu jaggravaw id-diżillużjoni taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; jinnota li l-pubbliku ġenerali għandu ħakma limitata tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar biex jippromwovu l-għarfien dwar il-Karta, b'mod partikolari l-Artikolu 51 tagħha, permezz ta' kampanji mmirati li jagħmlu użu kemm mill-mezzi ta' xandir tradizzjonali kif ukoll dawk online, u dwar il-proċedura għall-ksib ta' rimedju f'każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tkun viġilanti fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Karta min-naħa tal-Istati Membri; iqis li għandha titqies l-estensjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 lil hinn mill-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni u li r-rilevanza ta' dan l-Artikolu għandha tiġi vvalutata mill-ġdid fir-reviżjoni tat-Trattat li jmiss;

2.  Iqis li riforma ġenwina tal-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u tal-operat reali tal-istrument tista' tikkontribwixxi ħafna biex tittejjeb l-immaġni tal-Unjoni;

3.  Jinsab konvint li l-miżuri ta' awsterità wasslu għal deterjorament kontinwu tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE li jikkawża, fost l-oħrajn, rati allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, żieda kbira fl-għadd ta' ħaddiema foqra u livelli ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali; jitlob li jitwaqqfu minnufih il-miżuri kollha ta' awsterità u jħeġġeġ kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha jipprovdu politiki mmirati bil-għan li jiżguraw impjiegi u miżuri ta' protezzjoni soċjali ta' kwalità għolja u deċenti, li jiffukaw primarjament fuq iċ-ċittadini li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

4.  Jinnota ż-żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw il-kriżi ekonomika u soċjali fl-Ewropa, li wasslet għal bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali;

5.  Jisħaq fuq il-punt li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, inklużi l-aġenziji u l-korpi kollha tagħha, u l-Istati Membri huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

6.  Josserva li, minkejja li l-libertà ta' moviment u ta' residenza huma drittijiet fundamentali mogħtija liċ-ċittadini fis-suq intern u previsti mill-Karta, ħafna ċittadini għadhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi biex jeżerċitaw bis-sħiħ dawn id-drittijiet, li jinkludu l-portabilità tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u d-dokumenti tal-istat ċivili; jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, f'konformità mal-Karta, sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu aċċess universali għal kura tas-saħħa ta' kwalità (inklużi l-mediċini u t-trattamenti), għall-ġustizzja, l-edukazzjoni, l-assistenza soċjali u l-assistenza fil-qasam tal-abitazzjoni;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni soċjali u politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jappoġġaw dawn id-drittijiet b'mod attiv, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 66/130 tad-19 ta' Diċembru 2011 dwar in-nisa u l-parteċipazzjoni politika;

8.  Jenfasizza d-dritt tal-persuni b'diżabilità li jgawdu minn miżuri maħsuba biex jagħtuhom garanzija ta' indipendenza, integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali u parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità, kif stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Karta; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom biex jiżguraw li dawn id-drittijiet, b'mod partikolari dawk minquxa fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u t-Trattat ta' Marrakech – qed jiġu rispettati, applikati u ssorveljati sew u b'mod trasparenti; huwa tal-fehma li l-fondi tal-UE m'għandhomx jiġu allokati għal proġetti li jiksru dawn id-drittijiet fundamentali, pereżempju proġetti li jissegregaw lill-persuni b'diżabilità mill-Komunità;

9.  Jistieden lill-UE tirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u twettaq, mill-aktar fis possibbli, rieżami effikaċi trasversali u komprensiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni sħiħa tagħha mad-dispożizzjonijiet minquxa fil-Konvenzjoni, b'mod li jwassal għal proċess verament demokratiku u parteċipattiv bl-għan li jkun żgurat involviment dirett u sħiħ tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilità;

10.  Jenfasizza l-fatt li, fl-Osservazzjonijiet Konklużivi tiegħu dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità osserva b'mod kritiku li l-miżuri ta' awsterità adottati mill-UE u l-Istati Membri tagħha aggravaw l-istandard tal-għajxien tal-persuni b'diżabilità u mminaw it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali;

11.  Jissottolinja li d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jfittxu asil li jiġu f'kuntatt mal-Frontex għandhom jiġu rispettati u li dawn il-persuni għandhom jiġu offruti rikors sħiħ biex jiddefendu dawn id-drittijiet permezz ta' mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti stabbilit; jilqa' l-inklużjoni ta' mekkaniżmu indipendenti għat-tressiq tal-ilmenti fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta bil-għan li jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha ta' dik l-Aġenzija;

12.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew li wasslet għall-istabbiliment ta' dan il-mekkaniżmu u l-ħidma kontinwa tagħha biex tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. jilqa' l-inkjesta tagħha dwar jekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hix qed tiġi rrispettata meta l-Istati Membri jonfqu l-flus tal-Fond ta' Koeżjoni tal-UE fuq proġetti li jistituzzjonalizzaw lill-persuni b'diżabilità flok ma jintegrawhom fis-soċjetà;

13.  Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni mill-UE u l-Istati Membri ta' komunitajiet etniċi, nazzjonali, lingwistiċi u reliġjużi indiġeni u ta' lingwi f'periklu;

14.  Jiddeplora l-każijiet kollha ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari u jindirizzaw b'mod effikaċi d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi u l-migranti, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-mezzi tax-xandir, li spiss jiġu ddenunzjati fil-petizzjonijiet u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħar-Reporters mingħajr fruntieri; jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa sabiex titjieb is-sitwazzjoni eżistenti fis-settur tal-mezzi tax-xandir bl-għan li jkunu żgurati għalkollox il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li d-diversità kulturali u lingwistika hija karatteristika distintiva tal-Unjoni Ewropea u li d-drittijiet tal-minoranzi kulturali u lingwistiċi huma mħarsa mill-Karta; jitlob li l-proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni, indipendentement minn reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, tiġi żblokkata fil-Kunsill;

15.  Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali u tal-UE, taċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi fl-UE, u jistedinhom ukoll jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-ksur tad-drittijiet fundamentali fiċ-ċentri ta' akkoljenza u detenzjoni tal-migranti;

16.  Jenfasizza l-fatt li f'ċerti Stati Membri, il-mekkaniżmi ta' ġestjoni u finanzjament li attwalment jintużaw miċ-ċentri ta' akkoljenza għall-migranti jistgħu jwasslu għal ksur gravi tal-liġi, korruzzjoni, abbużi u ksur tad-drittijiet fundamentali;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni taġixxi mingħajr eżitazzjoni u tagħmel użu sħiħ mis-setgħat u l-prerogattivi tagħha sabiex tissanzjona lil dawk l-Istati Membri li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, jew li jwettqu forom ta' abbuż ta' poter bħar-razziżmu u l-ksenofobija;

18.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jirrispettaw konsistentement il-prinċipju tas-solidarjetà u jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jaqsmu r-responsabilitajiet sabiex jiżguraw protezzjoni sħiħa tal-ħajjiet tal-migranti u r-rifuġjati u biex jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, b'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' non-refoulement u d-drittijiet fundamentali;

19.  Jinnota r-rikorrenza frekwenti tal-petizzjonijiet dwar problemi li jiltaqgħu magħhom residenti legali minn pajjiżi terzi miżżewġin ma' ċittadini tal-UE u residenti permanenti li mhumiex ċittadini tal-UE, partikolarment persuni apolidi, huma u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

20.  Iqis li l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li ddgħajjef il-klima tal-investiment fl-enerġija rinnovabbli ma tikkostitwixxix biss, f'ċerti każijiet, attakk kontra s-sigurtà legali, kif juru wħud mill-petizzjonijiet li waslu, iżda tista' titqies ukoll bħala ksur tal-Karta meta dawk responsabbli jonqsu milli jittrasponu jew jimplimentaw leġiżlazzjoni relatata mal-istrateġija tal-Unjoni rigward l-enerġija u l-klima;

21.  Jenfasizza l-problemi li jirriżultaw minn nuqqas ta' rikonoxximent ta' dokumenti uffiċjali fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari ċ-ċertifikati taż-żwieġ u tal-adozzjoni, u li jagħmluha impossibbli li jiġu garantiti "l-aħjar interessi tat-tfal";

22.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tilwim transfruntier rigward il-kustodja, l-adozzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-ġenituri u d-drittijiet tal-ġenituri li jkollhom aċċess għal uliedhom, kif imsemmi wkoll fl-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara dwar il-kunċett ta' "l-aħjar interessi tat-tfal" fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Brussell IIa; iqis li d-disparitajiet li jeżistu fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-kustodja u tar-responsabbiltà tal-ġenituri jagħmluha impossibbli li jiġu ggarantiti "l-aħjar interessi tat-tfal" u d-dritt tat-tfal li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri;

23.  Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida mmirata lejn il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u jilqa' l-inizjattivi preċedenti li ttieħdu f'kull livell amministrattiv bil-għan li jiġi żgurat aċċess universali għall-enerġija; iqis li t-teħid ta' miżuri speċifiċi biex tkun żgurata enerġija bi prezz li jintlaħaq f'kull dar jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sigurtà soċjali u tal-assistenza soċjali previsti fl-Artikolu 34 tal-Karta; jikkritika deċiżjonijiet li jaf jipprevjenu l-ħarsien ta' dan id-dritt biss minħabba tilwim bejn l-awtoritajiet kompetenti;

24.  Jiddispjaċih li l-faqar fost it-tfal jinsab f'livell għoli ħafna u li t-tfal għadhom f'riskju ogħla ta' faqar mill-adulti; Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' strateġija olistika bil-għan li jindirizzaw b'suċċess il-kawżi fundamentali tal-faqar tat-tfal;

25.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta;

26.  Jilqa' l-progress li sar fil-qasam tad-drittijiet tal-LGBTI fl-2015; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontinwa fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-limiti fuq il-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni tal-persuni LGBTI; jinnota li d-diskriminazzjoni kontra familji LGBTI jeħtieġ tiġi indirizzata minnufih u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-istatus legali tagħhom, u b'hekk jiġi żgurat il-moviment liberu tagħhom fl-UE kollha;

27.  Jisħaq fuq il-punt li għadd kbir ta' persuni apolidi m'għandhomx dritt għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, filwaqt li s-siġġijiet huma allokati bi spejjeż tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga din il-kwistjoni;

28.  Jinnota l-ksur tad-drittijiet fundamentali ta' persuni intersesswali fl-Unjoni Ewropea, li jgawdu intitolament limitat biss, anki għall-identità tagħhom stess;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali bl-aktar mod effikaċi possibbli, b'mod partikolari f'każijiet fejn iċ-ċittadini jitilfu d-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet nazzjonali meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u r-residenza, kif ukoll meta dawn ma jitħallewx jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali jew jiġu pprojbiti milli jissieħbu f'partit politiku.

30.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 46(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Partijiet Għolja Kontraenti ħadu mingħajr riżervi impenn solenni u vinkolanti taħt l-istat tad-dritt li "jirrispettaw is-sentenza finali tal-qorti fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih". jiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni u n-nuqqas ta' rieda politika f'ċerti ċirkostanzi biex jiġu implimentati ċerti sentenzi tal-Qorti; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri aktar qawwija f'każijiet ta' nuqqas jew dewmien kontinwu tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi;

31.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni u lill-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u biex jikkonformaw mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih dwar l-iżvilupp żejjed li qed isseħħ f'partijiet mill-UE u li qed jagħmel ħsara lill-ambjent u l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u r-residenti li jgħixu fiż-żoni milquta;

32.  Jenfasizza d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba; jistieden lill-Istati Membri jservu ta' eżempju billi jiżguraw, fost affarijiet oħra, li l-proċessi amministrattivi tagħhom ikunu miftuħa, affidabbli, ġusti, trasparenti u proporzjonati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Margrete Auken, Heinz K. Becker, Soledad Cabezón Ruiz, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Goddyn, Rikke Karlsson, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Notis Marias, Edouard Martin, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Gabriele Preuß, Laurenţiu Rebega, Sofia Sakorafa, Yana Toom, Ángela Vallina, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Iturgaiz, Urszula Krupa, Miltiadis Kyrkos, Josep-Maria Terricabras, Axel Voss


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

4

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Frank Engel, Tanja Fajon, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ska Keller, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lynn Boylan, Verónica Lope Fontagné, Mylène Troszczynski, Tom Vandenkendelaere, Rainer Wieland


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Sophia in 't Veld

ECR

Monica Macovei

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Malin Björk, Lynn Boylan, Barbara Spinelli

PPE

Heinz K. Becker, Michał Boni, Frank Engel, Mariya Gabriel, Monika Hohlmeier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, József Nagy, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Tom Vandenkendelaere, Rainer Wieland, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

Verts/ALE

Ska Keller, Judith Sargentini, Bodil Valero

4

-

EFDD

Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Mylène Troszczynski, Harald Vilimsky

4

0

ECR

Daniel Dalton, Jussi Halla-aho, Helga Stevens, Branislav Škripek

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali