Proċedura : 2016/0126(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0354/2016

Testi mressqa :

A8-0354/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 14
CRE 30/11/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.10
CRE 01/12/2016 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0465

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 747kWORD 62k
28.11.2016
PE 592.131v02-00 A8-0354/2016

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

(08523/2016 – C8-0329/2016 – 2016/0126(NLE))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Jan Philipp Albrecht

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 ANNESS: ITTRA MINGĦAND IL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

(08523/2016 – C8-0329/2016 – 2016/0126(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08523/2016),

–  wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (08557/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 16 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0329/2016),

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0354/2016),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.


ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

1. Wara sejħiet mill-Parlament Ewropew, fit-3 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (minn hawn 'il quddiem il-"Ftehim Komprensiv"). Fit-28 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni fetħet negozjati mad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti. Matul in-negozjati, il-Parlament ġie infurmat regolarment skont l-Artikolu 218(10) TFUE, u r-Rapporteur ħareġ serje ta' dokumenti ta' ħidma sabiex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet fil-Kumitat LIBE.

2. It-test tal-ftehim inbeda fit-8 ta' Settembru 2015. Wara l-adozzjoni mill-Kungress Amerikan tal-Att ta' Rimedju Ġudizzjarju (Judicial Redress Act) fl-24 ta' Frar 2016, fit-18 ta' Lulju 2016, il-Kunsill iddeċieda li jitlob lill-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, u ippreżenta t-talba lill-Parlament fit-12 ta' Lulju 2016.

3. L-iskop tal-Ftehim huwa li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali meta data personali tiġi trasferita lil awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti għal dawn l-iskopijiet.

Ambitu tal-ftehim

4. Ir-rapporteur iqis li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-"Ftehim Komprensiv" ma jipprovdix bażi legali għal trasferimenti ta' data personali. Din il-bażi legali għat-trasferimenti tad-data għandha tinsab fi ftehimiet eżistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti jew ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jew liġijiet nazzjonali li jipprovdu għal skambji ta' data personali (eż., il-ftehimiet internazzjonali dwar il-PNR, it-TFTP jew l-MLA). Il-Ftehim Komprensiv jissupplementa l-protezzjonijiet u s-salvagwadrji ta' dawn il-ftehimiet, u jsaħħaħ u jarmonizza d-drittijiet tas-suġġett tad-data. Kif is-Servizz Legali tal-Parlament fl-opinjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2015 madankollu qajjem xi kwistjonijiet li jistgħu jeħtieġu aktar kjarifika, ir-Rapporteur jirreferi għad-dikjarazzjoni li saret mill-Kummissjoni(1) fil-kuntest tal-proċedura ta' approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Waħda mill-kjarifiki tikkonċerna l-aħħar parti mis-sentenza tal-Artikolu 5(3) (“l-ebda awtorizzazzjoni oħra [għat-trasferimenti tad-data] għandha tkun meħtieġa”). Din il-klawżola ma tipprovdix għal deċiżjoni ta' adegwatezza de facto, iżda sempliċement tiddikjara li l-ebda bażi legali oħra għajr il-ftehim rispettiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) m'għandha tkun meħtieġa, li diġà huwa l-każ. Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li l-preżunzjoni ta' konformità ma' regoli ta' trasferiment internazzjonali applikabbli mhijiex awtomatika, iżda waħda kwalifikata, li tista' tiġi miċħuda u li ma taffettwax is-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data.

5. Skont l-Artikolu 3 tiegħu, il-Ftehim għandu japplika għat-trasferimenti ta' data personali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE jew tal-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu. Ikopri kull trasferiment ta' data bejn dawn l-awtoritajiet, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tas-suġġett tad-data kkonċernat. Ikopri wkoll data personali ttrasferita minn entitajiet privati fit-territorju ta' parti waħda lill-awtoritajiet kompetenti tal-parti l-oħra għal dawn il-finijiet, abbażi ta' ftehim internazzjonali.

6. Il-Ftehim ma jkoprix l-iskambju ta' data bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali, peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Lanqas ma jkopri trasferimenti trans-Atlantiċi bejn entitajiet privati (eż. taħt klawżoli kuntrattwali jew it-Tarka tal-Privatezza UE-US) u lanqas l-aċċess sussegwenti fl-Istati Uniti għal din id-data personali minn awtorità tal-infurzar tal-liġi jew awtorità tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.

7. Il-Ftehim jipprovdi wkoll li kull Parti se timplimenta d-dispożizzjonijiet tiegħu mingħajr ebda diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn iċ-ċittadini tagħha stess u dawk tal-Parti kontraenti l-oħra. Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ssaħħaħ dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim, bħal dawk li jipprovdu għas-salvagwardji tas-suġġetti tad-data (jiġifieri l-aċċess, ir-rettifika, ir-rimedji amministrattivi) peress li tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw, fil-prinċipju, minn trattament ugwali mill-Istati Uniti fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-ftehim. (l-Artikolu 4).

Elementi ewlenin tal-Ftehim Komprensiv

8. Il-Ftehim fih dispożizzjonijiet li jistipulaw il-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-data, jiġifieri:

9. Limitazzjoni tal-iskop u tal-użu tad-data personali ttrasferita (Artikolu 6). L-informazzjoni personali għandha tiġi pproċessata għall-finijiet speċifiċi awtorizzati mill-bażi legali għat-trasferiment. L-ipproċessar ulterjuri mill-istess awtoritajiet amministrattivi, regolatorji jew tal-infurzar tal-liġi jew oħrajn, huwa permess sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-fini inizjali tat-trasferiment. L-awtorità trasferenti tista' timponi kundizzjonijiet addizzjonali għat-trasferiment u l-ipproċessar sussegwenti sa fejn il-qafas legali applikabbli jippermetti dan.

10. Il-kwalità u l-integrità tad-data (l-Artikolu 8) u l-perjodi ta' żamma (l-Artikolu 12). L-informazzjoni personali għandha tinżamm b'tali preċiżjoni, rilevanza, puntwalità u kompletezza skont il-bżonn u l-adegwatezza għall-ipproċessar leġittimu. Barra minn hekk, l-ipproċessar għandu jkun suġġett għal perjodi ta' żamma speċifiċi sabiex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix ipproċessata aktar milli meħtieġ. Il-perjodu ta' żamma għandu jinsab fil-bażi legali li tirregola l-ipproċessar. Il-Partijiet għandhom jippubblikaw jew jagħmlu disponibbli tali perjodi.

11. Ir-regoli dwar trasferimenti ulterjuri, kemm lejn l-awtoritajiet domestiċi tal-parti kontraenti (eż. il-pulizija Franċiża taqsam informazzjoni mal-pulizija Ġermaniża, li tkun irċeviet mill-FBI tal-Istati Uniti) u lejn awtoritajiet ta' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali mhux marbuta bil-Ftehim (l-Artikolu 7). F'dan il-każ, huwa meħtieġ il-kunsens minn qabel tal-awtorità ta' infurzar tal-liġi li oriġinarjament kienet tittrasferixxi d-data.

12. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali minbarra fir-rigward ta' każijiet, investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet (bil-massa) speċifiċi, il-Ftehim Komprensiv jipprevedi li kwalunkwe ftehim speċifiku li jippermetti “trasferiment bil-massa” ta' data personali trid tkompli tispeċifika l-istandards u l-kondizzjonijiet li taħthom dan l-ipproċessar fi bil-massa jista' jseħħ, b'mod partikolari, f'dak li jikkonċerna l-ipproċessar ta' data sensittiva, it-trasferimenti ulterjuri u l-perjodi ta' żamma ta' data. Tali trasferiment ta' data bil-massa, b'mod partikolari dawk ta' data sensittiva, jista' joħloq dubji dwar il-kompatibbiltà ma' tal-qafas għall-protezzjoni tad-data tal-UE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, peress li l-Ftehim Komprensiv ma jikkostitwixxix bażi legali għal tali trasferimenti bil-massa, din il-kwistjoni trid tiġi ċċarata fil-kuntest tal-ftehimiet ta' trasferiment rispettivi. Għaldaqstant, fl-2014 il-Parlament iddeċieda li jitlob opinjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-Ftehim PNR UE-Kanada mal-Karta. Il-każ għadu pendenti.

13. Il-Ftehim jistabbilixxi wkoll id-drittijiet tal-individwi (l-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir) u d-drittijiet għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju. Dawn id-drittijiet kollha jiġu eżerċitati skont il-liġi tal-pajjiż li fih huma invokati (inklużi d-derogi).

14. Wieħed mill-elementi l-ġodda tal-Ftehim Komprensiv huwa li se jippermetti liċ-ċittadini ta' kull Parti tfittex rimedju ġudizzjarju għal i) ir-rifjut ta' aċċess, ii) iċ-ċaħda għal rettifika jew iii) l-iżvelar illegali mill-awtoritajiet tal-Parti l-oħra. Dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati skont il-liġi tal-Istat li fih huma invokati. Sabiex jingħeleb in-nuqqas ta' drittijiet għal persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti adotta l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju fl-24 ta' Frar 2016. Dan l-Att se jestendi liċ-ċittadini tal-“pajjiżi koperti” (eż. l-Istati Membri) xi raġuni għal rimedju ġudizzjarju pprovduti taħt l-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti ta-1974. Madankollu, dawn id-drittijiet ma jingħatawx lil dawk li mhumiex ċittadini tal-UE li d-data tagħhom ġiet trasferita lill-Istati Uniti. Din id-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini mhux tal-UE stabbilita mill-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju tal-Istati Uniti qajjmet mistoqsijiet. Madankollu, il-Kummissjoni ċċarat li mezzi ta' rimedju ġudizzjarju oħra fl-Istati Uniti huma disponibbli għal suġġetti tat-trasferiment ta' data kollha tal-UE għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post tar-residenza tagħhom.

15. Fir-rigward tal-eżenzjonijiet possibbli skont it-Taqsima 552a(j)(2) tal-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti, id-drittijiet tas-suġġett tad-data mogħtija mill-Ftehim Komprensiv huma fformulati b'mod inkondizzjonat u għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma jistgħux jinvokaw l-eżenzjonijiet tal-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti għal bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi biex jirrifjutaw l-għoti ta' rimedju ġudizzjarju effettiv liċ-ċittadini tal-UE, kif inhu l-każ bħalissa għal bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi bħal għad-data tal-PNR jew it-TFTP. Din hija wkoll l-interpretazzjoni legali tal-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tagħha.

16. Il-Ftehim Komprensiv jipprevedi li l-Partijiet għandu jkollhom awtorità ta' sorveljanza pubblika waħda jew aktar li jeżerċitaw funzjonijiet u setgħat indipendenti ta' sorveljanza, inkluż rieżami, investigazzjoni u intervent, fejn xieraq fuq l-inizjattiva tagħhom; ikollhom is-setgħa li jaċċettaw u li jaġixxu dwar ilmenti li jkunu saru minn individwi b'rabta mal-miżuri li jimplimentaw il-Ftehim Komprensiv; ikollhom is-setgħa li jirreferu ksur tal-liġi marbut mal-Ftehim Komprensiv għall-prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja, meta jkun xieraq. Il-qafas tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jipprevedi awtoritajiet indipendenti esterni mill-entità taħt superviżjoni sabiex ikun żgurat li jibqgħu indipendenti minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta. Il-Ftehim Komprensiv jirrikjedi li l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat ta' sorveljanza indipendenti.

17. Fl-aħħar nett, il-Ftehim Komprensiv se jkun suġġett għal rieżamijiet konġunti perjodiċi, u l-ewwel wieħed isir mhux aktar tard minn tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Komprensiv u minn hemm' il quddiem fuq bażi regolari, u l-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet rispettivi għandha tinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Is-sejbiet tar-rieżamijiet konġunti jkunu disponibbli għall-pubbliku.

18. Ir-rapporteur jikkonkludi li l-ftehim jikkostitwixxi progress kbir għall-protezzjoni tad-data personali meta tiġi ttrasferita bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-kuntest tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi. Forsi mhuwiex l-aħjar ftehim li seta' ġie previst, iżda huwa ċertament l-aħjar wieħed possibbli fis-sitwazzjoni attwali. Barra minn hekk, il-ftehim ma jillimitax jew ma jiksirx id-drittijiet tas-suġġett tad-data, peress li ma jikkostitwixxi l-ebda bażi legali għal kwalunkwe trasferiment tad-data. Sempliċement iżid drittijiet u protezzjonijiet ġodda mal-oqfsa eżistenti għal trasferimenti ta' data fil-kuntest ta' kooperazzjoni tal-UE u l-Istati Uniti fl-infurzar tal-liġi.

19. Għalhekk, ir-rapporteur jirrakkomanda lill-Membri tal-Kumitat Parlamentari għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dan ir-rapport u li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

(1)

[ir-referenza għandha tiġi inkluża ladarba d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tkun disponibbli]


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (9.11.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

(08523/2016) – C8-0329/2016 – 2016/0126(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Angel Dzhambazki

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Fit-2 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali [2016/0126 (NLE) - COM (2016)237 final), magħruf ukoll bħala l-"Ftehim Komprensiv".

Il-proposta ġiet sottomessa lill-Kunsill wara li l-Kungress tal-Istati Uniti kien adotta l-Att dwar ir-Rimedji Ġudizzjarji tal-2015. Skont dan l-Att, id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti huwa awtorizzat jinnomina pajjiżi barranin jew organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li ċ-ċittadin naturali tagħhom se jkun jista' mbagħad iġib azzjonijiet ċivili kontra ċerti aġenziji tal-Gvern tal-Istati Uniti għal skopijiet ta' aċċess għal jew emenda tad-data fil-pussess ta' dawn l-aġenziji jew rimedju għal żvelar illegali ta' rekords trasferiti minn pajjiż barrani lejn l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

Fit-18 ta' Lulju 2016, il-Kunsill iddeċieda li jitlob lill-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim imsemmi hawn fuq.

Ir-Rapporteur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali biex jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim għar-raġunijiet li ġejjin.

(a) Il-Ftehim previst huwa bbażat fuq il-bażi ġuridika korretta

L-Artikolu 16 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi ġuridika korretta għall-proposta.

L-Artikolu 16(1) tat-TFUE jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha u l-paragrafu (2) tal-istess Artikolu jipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, is-setgħa li jistabbilixxu regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. L-Artikolu 218(6)(a) jiddikjara li l-Kunsill għandu jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament biex jikkonkludi ftehim internazzjonali, inter alia, meta l-ftehim ikopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

L-għan tal-ftehim huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, fosthom it-terroriżmu (Artikolu 1).

Il-ftehim previst huwa prinċipalment maħsub biex jistabbilixxi sett wiesa' ta' protezzjonijiet u salvagwardji, li se japplika għat-trasferimenti ta' data personali għal skopijiet ta' infurzar tad-dritt kriminali bejn l-Istati Uniti, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra. F'dan ir-rigward, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni (Artikolu 4); limitazzjonijiet fuq l-użu tad-data (Artikolu 6); awtorizzazzjoni bil-quddiem għal trasferimenti ulterjuri (Artikolu 7); proċeduri biex tiġi żgurata l-kwalità u l-integrità tal-informazzjoni personali (Artikolu 8); informazzjoni f'każ ta' ksur tas-sigurtà tad-data (Artikolu 9); notifika ta' inċident ta' sigurtà tal-informazzjoni (Artikolu 10); żamma ta' rekords (Artikolu 11); perjodi taż-żamma (Artikolu 12); kategoriji speċjali ta' informazzjoni personali (Artikolu 13); miżuri biex tiġi promossa r-responsabilità għal ipproċessar ta' informazzjoni personali (Artikolu 14); dritt għal aċċess u rettifika (Artikoli 16 u 17); rimedju amministrattiv u ġudizzjarju f'każ ta' ċaħda ta' aċċess għal jew rettifika ta' data personali jew żvelar illegali ta' data personali (Artikoli 18 u 19); u mekkaniżmi ta' sorveljanza u kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza (Artikoli 21 u 22).

Ta' min wieħed jinnota f'dan ir-rigward li l-Artikolu 1 tal-ftehim propost jispeċifika li l-ftehim ma jistax ikun il-bażi ġuridika għal kwalunkwe trasferiment ta' informazzjoni personali u li bażi ġuridika separata għandha dejjem tkun meħtieġa.

(b) Il-ftehim ippjanat jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tad-dritt fundamentali għad-data personali u jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali

Il-ħafna salvagwardji u garanziji li għalihom saret referenza hawn fuq, jekk ikunu implimentati kif xieraq, huma adegwati biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif minqux fl-Artikolu 16 tat-TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u biex ikun hemm konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. F'dan ir-rigward, huwa utli li wieħed jinnota li, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Shrems (C-362/14, EU:C:2015:650), il-ftehim ippjanat jeħtieġ li l-Partijiet jipprevedu fil-kuntest tal-qafas ġuridiku applikabbli l-possibilità li ċ-ċittadini tagħhom jitolbu stħarriġ ġudizzjarju dwar ċaħda ta' aċċess jew ta' emenda ta' rekords jew żvelar illegali intenzjonali ta' informazzjoni (Artikolu 19). Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet li se jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim, u fin-negozjati ta' ftehimiet futuri fuq il-bażi ta' liema trasferimenti ta' informazzjoni personali se jsiru, għandhom iqisu kif xieraq u jfittxu gwida, fejn xieraq fis-sentenza msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Schrems, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kawża Digital Rights Ireland et al. (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238), u, ovvjament, fil-ġurisprudenza futura tal-Qorti, inkluża l-opinjoni imminenti tagħha dwar il-ftehim previst bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.

Il-Ftehim previst joħloq qafas għall-protezzjoni tad-data personali li jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali. Il-ftehim ser jissupplimenta, fejn meħtieġ, is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data fi ftehimiet eżistenti u futuri ta' trasferiment ta' data jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw tali trasferimenti (Artikolu 5). Dan jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni preżenti li fiha informazzjoni personali tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti abbażi ta' strumenti legali li ġeneralment ma jinkludu ebda dispożizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data jew inkella jinkludu biss dispożizzjonijiet dgħajfa. Barra minn hekk, il-ftehim jipprevedi xenarju bażi għal ftehimiet futuri li jipprevedu trasferimenti ta' data personali b'rabta ma' attivitajiet ta' infurzar tad-dritt kriminali bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri tagħha, billi l-livell ta' protezzjoni ma jistax ikun inqas minn dak stabbilit fih. Barra minn hekk, dan il-ftehim jistabbilixxi preċedent importanti għal ftehimiet simili ma' sħab internazzjonali oħra.

Għandu jiġi nnutat ukoll li l-ftehim jobbliga lill-Partijiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-ftehim, inkluż, b'mod partikolari, l-obbligi rispettivi tagħhom rigward l-aċċess, ir-rettifika u r-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għal individwi, qabel ma jkun jista' jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data hija ugwalment protettiva (Artikolu 5). Il-ftehim jobbliga lill-Partijiet iwettqu rieżamijiet konġunti perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri stabbiliti għall-implimentazzjoni tiegħu u tal-effikaċja tagħhom, li l-ewwel waħda minnhom għandha ssir mhux aktar tard minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim. Il-ftehim jipprevedi b'mod ċar li s-sejbiet tar-rieżami konġunt għandhom ikunu magħmula pubbliċi (Artikolu 23). Ir-rapporteur iqis li l-Parlament għandu jiġi infurmat fil-waqt dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont din id-dispożizzjoni u dwar is-sejbiet tar-rieżami konġunt sabiex ikun jista' jieħu kwalunkwe azzjoni li jqis xierqa fi żmien debitu.

(c) Il-ftehim ippjanat ser itejjeb il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-Istati Uniti

Dan il-ftehim ser ikollu impatt sinifikanti fuq il-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha mal-Istati Uniti. Bl-istabbiliment ta' qafas komuni u komprensiv ta' regoli u garanziji dwar il-protezzjoni tad-data, dan il-ftehim għandu jippermetti li l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-awtoritajiet tal-infurzar tad-dritt kriminali tal-Istati Uniti, min-naħa l-oħra, jikkooperaw ma' xulxin b'mod aktar effikaċi. Il-ftehim se jiffaċilita wkoll il-konklużjoni ta' ftehimiet futuri dwar it-trasferiment tad-data mal-Istati Uniti fis-settur tal-infurzar tad-dritt kriminali, peress li salvagwardji tal-protezzjoni tad-data se jkunu ġew miftiehma u għalhekk mhux se jkollhom jiġu nnegozjati mill-ġdid kull darba. Finalment, l-istabbiliment ta' standards komuni f'dan il-qasam ta' kooperazzjoni jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-flussi trans-Atlantiċi tad-data.

*******

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali b'rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

Referenzi

08523/2016 – C8-0329/2016 – COM(2016)02372016/0126(NLE)

Kumitat responsabbli

 

LIBE

 

 

 

 

Opinjoni mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

12.9.2016

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Angel Dzhambazki

11.7.2016

Data tal-adozzjoni

8.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Mary Honeyball, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Stefano Maullu, Virginie Rozière


ANNESS: ITTRA MINGĦAND IL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

Ref: D(2016)51448

Claude Moraes

President

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Għażiż Sur President,

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (2016/0126(NLE)) ġiet riferita lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni tiegħu fit-12 ta' Settembru 2016.

Waqt il-laqgħa tagħhom fis-27 ta' Ottubru 2016, il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) iddeċidew li kellha tingħata lill-Kumitat u lir-rapporteur tiegħek, f'forma ta' ittra, opinjoni tal-Kumitat AFET dwar il-Ftehim imsemmi hawn fuq. Fil-kapaċità tiegħi bħala President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, għandi l-pjaċir nibgħatlek din l-opinjoni.

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-inizjalar ta' dan il-Ftehim, ħames snin wara li l-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ tali negozjati fit-3 ta' Diċembru 2010, irnexxa, speċjalment fil-kuntest attwali tal-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Is-sempliċi fatt li l-partijiet se jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-data, huwa pożittiv immens biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jappoġġja b'mod partikolari t-titjib sostanzjali fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija lid-data personali kollha tas-suġġetti tad-data tal-UE meta tiġi skambjata mal-Istati Uniti għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi kriminali. Dan il-Kumitat jilqa' wkoll il-fatt li ċ-ċittadini Ewropej se jibbenefikaw minn trattament ugwali bħal taċ-ċittadini tal-Istati Uniti fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim (ara l-Artikolu 4).

Madankollu, nixtieq nenfasizza li trid tintwera kawtela estrema fir-rigward tal-garanzija għal livell għoli ta' sigurtà tad-data personali skambjata mill-partijiet (ara l-Artikolu 9). Barra minn hekk, ikollhom jiġu definiti ulterjorment l-azzjonijiet xierqa li jista' jkun li jittieħdu biex jittaffa d-dannu kkawżat minn inċidenti (ara l-Artikolu 10), filwaqt li wieħed iqis il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data tal-UE u b'rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Il-fatt li dan il-Ftehim jiddisponi li l-partijiet għandhom jistabbilixxu awtoritajiet ta' sorveljanza sabiex jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tiegħu, jimmonitorjaw l-ilmenti taċ-ċittadini u jirreferu l-każijiet ta' ksur lill-prosekuzzjoni, huwa wkoll pożittiv ħafna. Nixtieq nissottolinja li l-azzjonijiet ta' dawn l-awtoritajiet se jkunu utli ħafna għall-eżamijiet konġunti perjodiċi.

Għalhekk, nixtieq nesprimi l-messaġġ li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin hija li jappoġġa l-approvazzjoni għall-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

Dejjem tiegħek,

Elmar Brok

Kopja:  Jan Philipp Albrecht, Rapporteur


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

Referenzi

08523/2016 – C8-0329/2016 – COM(2016)02372016/0126(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

19.7.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

12.9.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

12.9.2016

JURI

12.9.2016

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

27.10.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Jan Philipp Albrecht

12.9.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

8.11.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

24.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

4

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Caterina Chinnici, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Branislav Škripek, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janice Atkinson, Kostas Chrysogonos, Anna Maria Corazza Bildt, Miriam Dalli, Daniel Dalton, Maria Grapini, Petra Kammerevert, Jeroen Lenaers, Nuno Melo, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Salvatore Domenico Pogliese, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agnieszka Kozłowska-Rajewicz

Data tat-tressiq

28.11.2016


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ECR

Daniel Dalton, Jussi Halla-aho, Monica Macovei, Helga Stevens, Branislav Škripek

EFDD

Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana

PPE

Heinz K. Becker, Anna Maria Corazza Bildt, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Mariya Gabriel, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Nuno Melo, Roberta Metsola, József Nagy, Salvatore Domenico Pogliese, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Soraya Post, Josef Weidenholzer

Verts/ALE

Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero

4

-

ALDE

Angelika Mlinar

GUE/NGL

Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli

6

0

ALDE

Morten Helveg Petersen, Sophia in 't Veld, Cecilia Wikström

ENF

Janice Atkinson, Harald Vilimsky

S&D

Petra Kammerevert

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali