Proċedura : 2016/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0357/2016

Testi mressqa :

A8-0357/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 16
CRE 12/12/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0486

RAPPORT     
PDF 878kWORD 85k
30.11.2016
PE 583.957v01-00 A8-0357/2016

dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi

(2016/2072(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Christian Ehler, Luigi Morgano

(Laqgħat tal-kumitati assoċjati - Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi

(2016/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa" (COM(2016)0381/2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2013 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa" (COM(2012)0795),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Competitiveness of the European high-end industries" (Il-kompetittività tal-industriji Ewropej ta' livell għoli) (SWD(2012)0286),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bit-titolu "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Boosting the competitiveness of cultural and creative industries for growth and jobs" (Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi) (EASME/COSME/2015/003),

-  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2009 dwar "The impact of culture on creativity" (L-impatt tal-kultura fuq il-kreattività),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "L-industriji kreattivi u kulturali – ass Ewropew fil-kompetizzjoni globali"(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar "Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali: Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar il-kultura bħala katalista għall-kreattività u l-innovazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(16),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD u l-EUIPO tat-18 ta' April 2016 bit-titolu "Trade in Counterfeit and Pirated Goods – Mapping the Economic Impact"(17),

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-UNESCO ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Cultural times: The first global map of cultural and creative industries",

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti tal-Istati Membri tal-UE fir-rapport ta' Novembru 2015 bit-titolu "Towards more efficient financial ecosystems: innovative instruments to facilitate access to finance for the cultural and creative sectors",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167 u 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0357/2016),

A.  billi fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq bit-titolu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE", il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs)(18) għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

B.  billi jenħtieġ li l-UE tagħti spinta lil sorsi ġodda ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u tinvesti fihom; billi, f'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi sfruttat il-potenzjal li għadu ma ntużax biżżejjed fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-industriji kreattivi u kulturali, minħabba l-impatt sinifikanti tagħhom f'oqsma bħall-mudelli kummerċjali ġodda, il-kreattività u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet;

C.   billi s-CCIs għandhom valur intrinsiku u doppju peress li, permezz tar-rabtiet diretti tagħhom mal-artisti u l-kreaturi, iħarsu u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, u jsaħħu l-identitajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jsostnu l-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxu b'mod sostanzjali, b'diversi mudelli ta' ħolqien tal-valur, għall-kreattività, l-investiment, l-innovazzjoni u l-impjieg u jaġixxu bħala xprun tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

D.  billi l-kultura u l-arti Ewropej jirrappreżentaw 3 000 sena ta' wirt kulturali kondiviż, jittrażmettu l-għarfien u l-valuri u jikkontribwixxu għas-salvagwardja ta' evidenza tanġibbli u intanġibbli tad-dinja naturali u dik magħmula mill-bniedem għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur;

E.   billi d-diplomazija kulturali, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku għall-valuri u l-ispeċifiċitajiet, issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali bejn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi, tibni rabtiet bejn is-soċjetajiet permezz tal-kuntatti bejn il-persuni u l-kooperazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi kollha, u tikkontribwixxi għal fehim reċiproku aħjar u għal proġetti komuni, filwaqt li taġixxi bħala xprun tat-tkabbir ekonomiku u soċjali;

F.  billi s-CCIs jikkontribwixxu għas-"setgħa ta' persważjoni" tal-Ewropa fir-rwol tagħhom bħala ambaxxaturi tal-valuri Ewropej – bħall-kultura, il-kreattività, il-kwalità, l-eċċellenza, il-ħila fis-snajja' – fix-xena dinjija;

G.  billi l-industriji kulturali u kreattivi huma fil-qalba ta' ekosistema doppja u delikata bejn gruppi kbar ta' SMEs kompetittivi u innovattivi internazzjonalment, u negozji ġodda, li kostantement iġeddu l-qasam, iħarsu u jippromwovu d-diversità, joħolqu l-impjiegi, iżda xi kultant huma fraġli, b'mod partikolari fl-aċċess tagħhom għas-swieq u l-finanzi;

H.  billi l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa jipprovdu aktar minn 12-il miljun impjieg full-time, li jirrappreżentaw 7,5 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, u b'hekk joħolqu madwar EUR 509 biljun f'valur miżjud għall-PDG (5,3 % tal-GVA totali tal-UE); billi, f'reġjuni speċifiċi, is-CCIs jirrappreżentaw perċentwal ogħla b'mod sinifikanti tal-PDG u jimpjegaw perċentwal ogħla tal-forza tax-xogħol lokali;

I.  billi, skont studju tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, l-industriji intensivi fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) jiġġeneraw aktar minn kwart tal-impjiegi u aktar minn terz tal-attività ekonomika fl-UE;

J.  billi kważi 39 % tal-PDG tal-UE huwa ġġenerat minn industriji intensivi fl-użu tal-IPRs, bl-industriji intensivi fl-użu tat-trademarks jiġġeneraw 34 % tat-total, l-industriji intensivi fl-użu tad-disinn jiġġeneraw 13 %, bl-industriji intensivi fl-użu tal-privattivi jiġġeneraw 14 %, u l-industriji intensivi fl-użu tad-drittijiet tal-awtur jiġġeneraw 4,2 %(19);

K.  billi s-CCIs fl-UE jimpjegaw darbtejn u nofs aktar persuni mill-manifatturi awtomobilistiċi u ħames darbiet aktar mill-industrija kimika;

L.  billi s-CCIs għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' reġjuni vibranti u distinti, li jistgħu jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jistgħu jkunu fattur importanti ta' investiment barrani;

M.  billi l-awturi u l-artisti huma fl-oriġini u s-sors innifsu tas-CCIs;

N.  billi huwa improbabbli li l-impjieg fis-settur kulturali jiġi esportat, peress li huwa marbut ma' kompetenzi kulturali speċifiċi, sikwit reġjonali u storiċi; billi s-CCIs jikkontribwixxu b'mod sinifikanti, u aktar minn kwalunkwe settur ieħor, għall-impjieg taż-żgħażagħ u wrew li huma l-aktar reżiljenti matul il-kriżi ekonomika ta' wara l-2008; billi l-impjiegi fis-CCIs żdiedu madwar l-UE bejn l-2008 u l-2014; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Fond Soċjali Ewropew fil-promozzjoni tal-impjieg u l-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ;

O.  billi s-CCIs għandhom kwalitajiet attraenti minn perspettiva ta' żvilupp lokali: jagħmlu użu minn firxa ta' ħiliet f'sensiela ta' livelli differenti, għandhom it-tendenza li jkunu soċjalment responsabbli u inklużivi u jiġġeneraw esternalitajiet pożittivi fiż-żoni li jkunu stabbiliti fihom; billi l-ftuħ u l-interazzjoni tagħhom ma' attivitajiet oħra joħolqu effetti ta' agglomerazzjoni u ta' raggruppament u għandhom tendenza jiġġeneraw proporzjon għoli tal-valur miżjud totali lokalment;

P.  billi l-flessibbiltà u l-mobbiltà ma jistgħux jiġu diżassoċjati fil-kuntest tal-attività professjonali artistika, u għalhekk huwa importanti li n-natura imprevedibbli u xi kultant prekarja tal-professjoni artistika tiġi kkumpensata b'garanzija ta' protezzjoni soċjali ġenwina;

Q.   billi s-CCIs jinkludu maġġoranza ta' kumpaniji żgħar u mikro u billi l-kumpaniji tas-settur kulturali u kreattiv (CCS) b'inqas minn 10 impjegati jirrappreżentaw aktar minn 95 %(20) tal-forza tax-xogħol;

R.  billi huwa żbaljat meta jintqal li hemm livell ta' riskju ogħla involut fl-investiment fis-CCIs meta mqabbel ma' tipi oħra ta' negozju, u billi dak l-argument huwa bbażat, inter alia, fuq il-fatt li s-CCIs huma intensivi fl-użu tal-IPRs u li hemm diffikultajiet involuti fl-użu ta' beni mhux tanġibbli bħala garanziji għall-finanzjament;

S.  billi huwa dejjem aktar rari għall-artisti kulturali u kreattivi li jkunu f'impjieg permanenti; billi dawn huma, dejjem aktar, persuni li jaħdmu għal rashom, li jalternaw bejn attività ta' min jaħdem għal rasu u ta' impjegat jew huma impenjati f'attività part-time jew irregolari;

T.  billi inizjattivi u industriji bbażati fuq il-kultura għandhom bosta rwoli x'jiżvolġu fl-iżvilupp lokali u reġjonali, fejn tradizzjonalment iżidu l-attraenza tar-reġjuni, jiżguraw l-inklużjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi taż-żoni rurali u iżolati, filwaqt li jippermettu wkoll riġenerazzjoni urbana sostenibbli integrata;

U.  billi s-CCIs għandhom rwol essenzjali fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, huma xprun għat-tkabbir u huma f'pożizzjoni strateġika biex jiskattaw riperkussjonijiet innovattivi f'setturi industrijali oħra, bħat-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut u t-teknoloġiji diġitali;

V.  billi s-CCIs huma xprun għall-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ICT fl-Ewropa; billi t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija toffri possibbiltajiet ġodda għall-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali ġodda u l-espansjoni tas-suq, imma tippreżenta wkoll sfidi għas-setturi tradizzjonali tas-CCIs;

W.  billi l-industriji kreattivi huma fost is-setturi l-aktar intraprenditorjali, peress li jiżviluppaw ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, ix-xogħol f'tim, u l-inġenjożità fl-użu tar-riżorsi;

X.  billi t-turiżmu b'rabta mal-wirt industrijali u l-mużewijiet industrijali jistgħu joffru perspettivi kulturali u ekonomiċi ġodda, fuq kollox għar-reġjuni postindustrijali, u jistgħu jżommu l-għarfien tradizzjonali Ewropew ħaj;

Y.  billi, fost is-sorsi differenti ta' finanzjament tal-UE, Ewropa Kreattiva u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biss isemmu s-CCIs bħala prijorità speċifika;

Z.  billi bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 xi miżuri fis-settur tal-wirt kulturali (b'mod partikolari r-restawr u l-preservazzjoni) u, f'xi każijiet, fis-settur tal-attivitajiet kulturali appoġġjati mill-fondi tal-UE u minn fondi reġjonali addizzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza lokali tagħhom u n-natura mhux ekonomika u l-organizzazzjoni mhux kummerċjali tal-attivitajiet u tal-istituzzjoni kulturali kkonċernati, li jirriżulta f'ostakoli konsiderevoli għall-awtoritajiet reġjonali rilevanti u f'dewmien fl-implimentazzjoni ta' tali miżuri;

AA.  billi, fis-suq konverġenti u globalizzat tal-lum, is-CCIs Ewropej innovattivi u xprunati mir-riċerka huma vitali biex jiġu żgurati d-diversità lingwistika u kulturali, il-pluraliżmu u l-offerta ta' servizzi innovattivi u ta' kwalità għolja;

AB.  billi, minkejja l-fatt li aktar kontenut kulturali u kreattiv qed jiġi aċċessat u kondiviż illum minn qatt qabel, b'mod partikolari dwar servizzi bħall-pjattaformi b'kontenut uploaded mill-utent u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, u li l-ispejjeż tad-distribuzzjoni u tal-produzzjoni naqsu bl-iżviluppi teknoloġiċi, is-settur kulturali u kreattiv ma kellux żieda komparabbli fid-dħul minn din iż-żieda fil-konsum, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fil-katina tal-valur u ta' ċarezza tad-dritt u d-diffikultajiet esperjenzati mis-setturi tradizzjonali fl-adattament għat-trasformazzjoni diġitali;

AC.   billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tieħu l-miżuri xierqa biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' offerti ġuridiċi attraenti u disponibbiltà transfruntiera sabiex jitnaqqas id-distakk tal-valur u jkun żgurat li l-awturi, il-kreaturi, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet jingħataw remunerazzjoni ġusta għal xogħlijiethom;

AD.  billi s-CCIs qed jgħaddu minn modifiki sostanzjali b'riżultat ta' żieda fit-teknoloġiji diġitali li jwasslu għal bidliet fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni artistika u jinfluwenzaw id-dritt tal-proprjetà intellettwali;

AE.  billi s-CCIs għadhom sottovalutati u mhux rikonoxxuti, b'mod partikolari f'termini tal-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-kapital għan-negozji l-ġodda u għall-finanzjament;

AF.  billi l-istudju l-aktar riċenti kkummissjonat mill-Kummissjoni(21) jqis fid-definizzjoni tiegħu tas-CCIs l-industriji ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività; billi l-industriji tal-moda u ta' kwalità superjuri jiddependu minn input kulturali u kreattiv qawwi, jikkontribwixxu għall-ħarsien tas-savoir faire Ewropew li ilu jeżisti s-sekli u huma msejsa fuq wirt u tradizzjonijiet kulturali li ma jistgħux jiġu replikati minn oħrajn; billi jenħtieġ li l-kooperazzjoni tissaħħaħ sabiex jiġu kkunsidrati l-bidliet fl-impjieg u l-ħtieġa ta' ħiliet speċifiċi;

AG.  billi l-istimi nazzjonali tas-CCIs rarament huma komparabbli billi l-Istati Membri għadhom qed jużaw definizzjonijiet differenti tas-CCIs; jinnota li tali definizzjonijiet jinkludu wkoll kategoriji wesgħin ta' CCIs bħas-softwer, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, li huma ta' suċċess kbir kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll bħala eżempji ta' kreattività u intraprenditorija Ewropej;

AH.  billi fl-2013 il-kummerċ internazzjonali f'oġġetti ffalsifikati u pirati ammonta għal sa 2,5 % tal-kummerċ dinji u sa 5 % tal-importazzjonijiet fl-UE, li jirrappreżenta EUR 85 biljun;

AI.  billi fl-ekonomija industrijali, l-investiment kien prinċipalment iffukat fuq oġġetti tanġibbli, li kienu l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir, filwaqt li fl-ekonomija kreattiva tal-lum, l-oġġetti intanġibbli huma l-objettivi ewlenin għall-investiment, is-sorsi ta' valur u l-ixpruni tat-tkabbir; billi jenħtieġ li l-finanzjament tas-CCIs jitqies f'dan il-kuntest;

AJ.  billi, minkejja li l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-infrastruttura diġitali huwa prijorità politika Ewropea, id-disseminazzjoni ta' oġġetti u servizzi kulturali u kreattivi online permezz ta' istituzzjonijiet kulturali għad trid tittejjeb;

AK.  billi s-CCIs jikkontribwixxu għall-ħarsien u t-titjib tal-wirt kulturali, storiku u arkitettoniku immens tal-Ewropa; billi s-CCS huwa importanti għall-iżvilupp tad-diplomazija kulturali, l-industrija tat-turiżmu u l-promozzjoni tal-kulturi nazzjonali u lokali, filwaqt li jmexxi lejn il-progress u l-iżvilupp tal-bliet u r-reġjuni;

Definizzjoni u statistika

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul għas-CCS, u jistieden lill-UE tinkludi l-iżvilupp, il-promozzjoni u l-protezzjoni effettivi u l-finanzjament adegwat tas-CCIs fl-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ġenerali tagħha, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' tkabbir;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-politiki futuri tagħha abbażi tad-definizzjoni tas-CCIs li ġejja: "l-industriji kulturali u kreattivi huma dawk l-industriji li huma bbażati fuq il-valuri kulturali, id-diversità kulturali, il-kreattività individwali u/jew kollettiva, il-ħiliet u t-talent bil-potenzjal li jiġġeneraw l-innovazzjoni, il-ġid u l-impjiegi permezz tal-ħolqien ta' valur soċjali u ekonomiku, b'mod partikolari mill-proprjetà intellettwali; jinkludu s-setturi li ġejjin li jiddependu minn inputs kulturali u kreattivi: l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, is-softwer u l-logħob tal-kompjuter u l-multimedja u l-mużika rrekordjata), il-wirt kulturali, id-disinn, l-industriji u l-moda ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività, il-festivals, il-mużika "live", l-arti tal-ispettaklu, il-kotba u l-pubblikazzjoni (gazzetti u rivisti), ir-radju u l-arti viżiva, u r-reklamar;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni – meta jitqies il-fatt li l-Istati Membri qed jużaw sistemi nazzjonali ta' klassifikazzjoni għall-attivitajiet li jappartjenu għall-industriji kulturali u kreattivi – biex tidentifika indikaturi speċifiċi sabiex timmonitorja u tanalizza l-impatt u d-dinamika kulturali, ekonomiċi u soċjetali tal-politiki u l-proposti regolatorji tagħha relatati mas-CCS, u r-rwol ta' dan is-settur bħala xprun tal-innovazzjoni u t-tkabbir fl-oqsma ta' attività l-oħra kollha fl-UE u fil-pajjiżi terzi konnessi; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tidentifika sorsi ta' data alternattivi bl-għan li tikkomplementa u ttejjeb l-istatistika uffiċjali; jissottolinja li s-CCIs spiss ikollhom mudelli kummerċjali kumplessi li jistgħu jkunu ta' sfida għall-forom tradizzjonali ta' finanzjament u li huwa importanti li jkun żgurat li l-effetti pożittivi tal-investiment pubbliku jiġu mifhuma b'mod aktar ċar u li jiġu pprovduti l-livelli ta' analiżi meħtieġa biex jiġi attirat aktar investiment privat; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tipprevedi sforz ta' koordinament sabiex tiffaċilita s-sinerġiji transnazzjonali bħall-proġetti ta' kooperazzjoni, l-opportunitajiet ta' mobilità u n-negozji konġunti fil-qasam;

4.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi stabbilita data statistika dwar l-industriji kulturali u kreattivi tikkontribwixxi wkoll għad-dibattitu politiku kulturali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Eurostat, fl-isforzi tagħhom biex janalizzaw u jkejlu regolarment l-impatt tal-politiki kulturali fuq is-CCS fl-intier tiegħu, biex jinkludu s-CCS fl-istatistika annwali tagħhom, abbażi ta' analiżi tal-valur u l-effetti konsegwenzjali maħluqa mis-CCIs fl-era diġitali u biex jippubblikaw rapport biennali settorjali dwar l-iżvilupp tas-CCIs fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Eurostat u taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

Kundizzjonijiet qafas u trawwim tal-innovazzjoni

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi skema komprensiva li tnaqqas id-distakk bejn ir-R&Ż, il-produzzjoni Ewropea ta' kontenut kreattiv u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-media u lil hinn minnu; jinnota li tali skema komprensiva trawwem il-produzzjoni ta' servizzi kreattivi u kompetittivi tal-UE, u opportunitajiet kummerċjali u ta' impjieg, u ttejjeb l-aċċess tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda, filwaqt li tippromwovi xenarju Ewropew pluralistiku u diversifikat mibni fuq sinerġiji b'saħħithom bejn is-CCIs u l-innovazzjoni tekonoloġika, biex b'hekk jissaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali Ewropew;

6.  Jenfasizza li t-teknoloġija u l-infrastruttura diġitali jiddependu mill-kontenut ipprovdut mill-kreaturi; jinnota li l-aċċess dirett għal udjenzi globali wassal għal forom ġodda ta' kontenut artistiku u kreattiv; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tivvaluta l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti kollha, tistabbilixxi qafas ġuridiku xieraq, inklużi d-drittijiet tal-awtur, għall-katina tal-valur fl-era diġitali, li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur, jippermetti aktar innovazzjoni, jippromwovi relazzjonijiet kuntrattwali trasparenti u jwassal għall-istabbiliment tad-dritt għal remunerazzjoni ġusta u protezzjoni legali għall-awturi, il-kreaturi u l-partijiet involuti kollha fil-proċess kreattiv u xogħlijiethom, biex b'hekk tiġi żgurata ekonomija diġitali b'saħħitha;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-partijiet jaħdmu flimkien u fuq l-importanza tal-kondiviżjoni kostanti tal-għarfien u l-aħjar prassi bejn l-Istati Membri li jridu jappoġġjaw u jistimulaw l-industrija kreattiva, u jippromwovu l-kreattività u l-produttività fil-livelli kollha;

8.  Iqis li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati hija fil-qalba tad-dħul tas-CCI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-riforma li għaddejja tad-drittijiet tal-awtur, biex toħloq soluzzjonijiet ġuridiċi bilanċjati li jkunu adattati għall-era diġitali, anke fi sħubija mal-industrija u l-gruppi tal-konsumaturi, li jappoġġjaw u jissodisfaw l-interessi tal-SMEs, l-intrapriżi żgħar ħafna u l-mikrointrapriżi, il-kreaturi, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti tad-drittijiet, il-freelancers u l-konsumaturi bl-istess mod sabiex ikun ċar li eżenzjonijiet mir-responsabbiltà jistgħu japplikaw biss għal fornituri ta' servizzi online ġenwinament newtrali u passivi, kif definiti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u fil-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, u mhux għal servizzi li jiżvolġu rwol attiv fid-distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-monetizzar tal-kontenut askapitu tal-kreaturi; iqis, minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-ambjent diġitali, li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-regolaturi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u s-sistema ġudizzjarja fl-UE;

9.  Jenfasizza l-fatt li r-riċerka dwar id-detenturi tad-drittijiet u r-regoli mhux trasparenti dwar id-drittijiet tal-awtur jirrappreżentaw piżijiet amministrattivi li jinvolvu spejjeż kbar u sforzi konsiderevoli, speċjalment għall-SMEs li jaħdmu fuq bażi transfruntiera; jirrakkomanda, għalhekk, li tiġi stabbilita bażi ta' data pan-Ewropea komuni, bl-informazzjoni kollha disponibbli dwar id-detenturi tad-drittijiet għal kull settur sabiex jiġi ffaċilitat l-ikklerjar tad-drittijiet;

10.  Jenfasizza li d-Direttiva 2014/26/UE wasslet għal titjib fis-sistema tal-ikklerjar tad-drittijiet ta' xogħlijiet mużikali fl-ambjent online; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb ukoll il-governanza tajba, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur f'setturi oħra;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-piraterija u l-falsifikazzjoni għadhom preokkupazzjoni serja għas-CCIs kif ukoll għaċ-ċittadini; jenfasizza li dawn l-attivitajiet illeċiti jikkawżaw telf serju ta' introjtu u impjiegi, u jistgħu jirriżultaw fi preokkupazzjonijiet dwar is-sikurezza u s-saħħa li jridu jiġu indirizzati; jilqa' l-involviment tal-industrija biex jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda l-piraterija u l-falsifikazzjoni u jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet illegali;

12.   Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi mmonitorjata u msaħħa l-applikazzjoni tar-regoli ta' infurzar eżistenti madwar l-UE; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet aktar ħorox u l-promozzjoni ta' sistema ta' garanziji fuq it-traċċabilità bħala deterrent għall-falsifikaturi – b'mod partikolari dawk kummerċjali fuq skala kbira – kif ukoll li jiżdiedu d-danni u l-kumpens mogħtija lid-detenturi tad-drittijiet; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jvaraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni, u jidentifikaw ix-xejriet u jindirizzawhom b'mod aktar effettiv, filwaqt li jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi biex jiżguraw li jkun hemm rotot ta' aċċess faċli għall-kontenut legali sabiex tiġi skoraġġita l-piraterija; finalment, jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi diġitali kollha jiġu involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni online;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri effettivi biex tiġġieled kontra l-piraterija online, b'mod partikolari biex tiżgura li s-servizzi online li jospitaw kontenut japplikaw mezzi effettivi sabiex jitneħħa kontenut mhux liċenzjat mis-servizzi tagħhom u jieħdu azzjoni biex, ladarba jitneħħa, dan il-kontenut ma jerġax jitfaċċa;

14.  Iqis li huwa essenzjali li tingħeleb il-mentalità tal-organizzazzjoni f'kompartimenti f'oqsma ta' politika tradizzjonali u li jiġi promoss it-tixrid kulturali u kreattiv;

15.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-isferi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jippromwovu l-kooperazzjoni transsettorjali billi jistabbilixxu "laboratorji għat-tagħlim", ċentri kreattivi, spazji għal ħidma konġunta, programmi ta' netwerking u raggruppamenti u netwerks kulturali u kreattivi f'livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali sabiex titrawwem l-interazzjoni bejn l-intrapriżi mikro, żgħar, medji u kbar u bejn l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-kumpaniji kummerċjali fis-CCS, il-ħila fis-snajja' tradizzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-wirt, is-settur tat-turiżmu, iċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet, l-investituri u dawk li jfasslu l-politika; jitlob, barra minn hekk, għal appoġġ għall-iżvilupp ta' ambjent ġuridiku ta' sostenn u li jiffaċilita l-innovazzjoni għall-ħolqien u l-esperimentazzjoni ta' mudelli kummerċjali, prodotti u servizzi ġodda permezz ta' sħubijiet strateġiċi bejn il-produtturi, id-distributuri u l-promoturi u għal appoġġ għall-attivitajiet ta' inkubaturi tan-negozju;

16.   Iqis li huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-possibbiltà li jħarsu u jiżviluppaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom, u li jagħmlu dan fil-kuntest tal-liġijiet, tal-istandards u tal-ftehimiet eżistenti tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jitlob, għaldaqstant, li l-esklużjoni tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi, inklużi dawk mogħtija online, tkun dikjarata b'mod ċar fil-ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li s-servizzi kulturali u awdjoviżivi jinżammu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta' negozjar għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġenerali, filwaqt li jirrimarka li x-xogħlijiet kulturali u kreattivi għandhom valur doppju u intrinsiku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-ħolqien, it-titjib u l-espansjoni ta' infrastruttura li hija essenzjali biex tappoġġja l-industriji kreattivi fl-Ewropa, b'mod partikolari tiżgura l-espansjoni ta' broadband b'veloċità għolja f'żoni rurali u remoti;

18.  Jirrikonoxxi li ħafna bliet u reġjuni madwar l-Ewropa żviluppaw pjanijiet sostanzjali għas-CCIs lokali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tislet l-aħjar prassi minn dawn l-istrateġiji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bħala opportunità importanti biex tissaħħaħ l-eċċellenza Ewropea fis-CCIs u tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' programmazzjoni u finanzjament xierqa;

20.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jisfrutta l-potenzjal tad-diplomazija kulturali permezz tal-promozzjoni u t-titjib tas-saħħa kompetittiva tas-CCS Ewropew;

Diġitalizzazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi

21.   Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs), li l-maġġoranza tagħhom huma magħmula minn SMEs, joperaw f'ambjent f'evoluzzjoni kontinwa, u għaldaqstant għandhom l-isfida li joħolqu u jsawru mill-ġdid mudelli kummerċjali ġodda sabiex jiġu jiżviluppaw soluzzjonijiet immexxija mis-suq u jattiraw udjenzi ġodda; jenfasizza l-opportunitajiet li ICTs ġodda bħall-big data, il-cloud computing u l-internet tal-oġġetti joffru lill-ekonomija u lis-soċjetà, b'mod speċjali jekk ikunu integrati ma' setturi bħas-CCIs, u b'mod partikolari fir-rigward tat-tqassim, l-isfruttament u l-produzzjoni ta' xogħlijiet kreattivi; jenfasizza, madankollu, li sabiex is-CCIs jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi ta' teknoloġiji ġodda, it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali trid tkun prijorità; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tittejjeb iċ-ċertezza tad-dritt u li jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-pjan ta' "Diġitalizzazzjoni tal-Industrija" u l-qafas ta' infurzar tal-Kummissjoni għandhom iqisu bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi tas-CCIs;

22.  Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex is-CCS jiżviluppa mudelli kummerċjali ġodda; jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lil kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza tad-dritt u rispett għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut;

23.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-konverġenza tal-media joħolqu opportunitajiet ġodda għall-aċċess, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti fondi għad-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;

Kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur kulturali u kreattiv

24.   Jirrimarka li l-impjieg atipiku (kuntratti part-time u b'terminu fiss, xogħol temporanju u impjieg awtonomu ekonomikament dipendenti) ta' ħaddiema kulturali u kreattivi, speċifikament fis-settur tal-media u l-kultura, huwa komuni;

jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità tal-artisti u l-professjonisti fil-qasam tal-kultura u jappoġġja t-talba tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Kummissjoni biex tipprovdi soluzzjoni xierqa biex titjieb il-mobilità fl-UE għall-ħaddiema tas-CCIs u jitħaffu l-proċeduri tal-għoti ta' viżi għal skambji ma' pajjiżi terzi;

25.   Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew jimplimentaw qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-attività artistika kreattiva permezz tal-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta' għadd ta' miżuri koerenti u komprensivi fir-rigward tal-kuntratti, il-mezzi ta' rappreżentanza kollettiva, is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni kontra l-mard, it-taxxa diretta u indiretta u l-konformità mar-regoli Ewropej, sabiex titjieb il-mobilità tal-artisti fl-UE kollha;

26.  Jinnota l-proporzjon għoli ta' nisa fl-industriji kreattivi u b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-ommijiet li jaħdmu għal rashom jew li jirritornaw għax-xogħol ("mompreneurs");

27.  Jirrimarka d-differenza eżistenti bejn il-pagi medji tal-irġiel u n-nisa fl-UE (16,1 % fl-2014) u d-distakk fil-pensjonijiet (40,2 %), u jenfasizza li n-nisa jiffaċċjaw l-istess ostakli fl-industriji kulturali u kreattivi bħal f'setturi ekonomiċi oħra, b'mod partikolari fir-rigward tad-distakk fil-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, l-aċċess għall-finanzi, l-istereotipi, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

Edukazzjoni, ħiliet u taħriġ

28.   Jenfasizza li l-impuls kreattiv jinsab f'kull bniedem u jeħtieġ li l-ħiliet kreattivi jiġu żviluppati minn età bikrija sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għat-tiġdid kontinwu ta' talenti kreattivi; jinnota, madankollu, li dawn il-ħiliet jistgħu jitħeġġu fl-istadji kollha tal-ħajja, b'mod partikolari permezz ta' programmi aċċessibbli ta' tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jrawmu għarfien akbar tas-CCIs fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiżviluppaw it-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku u l-ħiliet diġitali u jtejbu s-sistemi ta' taħriġ, tagħlim u kwalifiki tagħhom, filwaqt li l-istudenti ta' kull età jkunu jistgħu jiksbu taħriġ komprensiv fid-dixxiplini tal-arti kreattivi;

29.   Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' ħiliet trasversali, b'mod partikolari dawk intraprenditorjali, fost il-gradwati fid-dixxiplini kulturali u artistiċi, kif ukoll għan-nuqqas ta' għarfien tagħhom tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u tal-mezzi ta' protezzjoni ta' tali drittijiet; iqis li huwa importanti, għalhekk, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jiġu mħeġġa biex jindirizzaw din id-diskrepanza billi jaġġustaw il-programmi tat-tagħlim, sabiex jipprovdu taħriġ professjonali kontinwu u tiġi integrata aħjar l-edukazzjoni kreattiva u intraprenditorjali u b'hekk jissaħħu l-ħiliet kummerċjali, finanzjarji, ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' ġestjoni tal-imprendituri kreattivi;

30.   Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għall-għalliema biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi taż-żgħażagħ, billi jimmodernizzaw il-proċessi tat-tagħlim u billi jinkludu l-litteriżmu medjatiku, tal-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-għarfien tal-wirt kulturali, il-prattiki u l-espressjonijiet artistiċi, kif ukoll il-ħiliet personali orjentati lejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel, bil-ħsieb li jiskambjaw il-metodi u l-prattiki l-aktar effettivi fir-rigward tal-istimolar tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex b'hekk jgħinu lin-nies japprezzaw il-prodotti u s-servizzi tal-industriji kreattivi;

31.   Ifakkar li s-sħubijiet mal-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal ambjent ta' tagħlim stimolanti u għall-integrazzjoni tal-komunitajiet żvantaġġati u emarġinati, u joffru opportunitajiet għall-persuni li jgħixu fi kwartieri li huma l-aktar fil-bżonn;

32.   Jenfasizza l-potenzjal tas-CCIs rigward l-impjieg taż-żgħażagħ u r-reindustrijalizzazzjoni u b'mod partikolari l-opportunitajiet li qed jiżdiedu fis-settur kulturali u kreattiv maħluqa mill-ambjent diġitali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu s-CCIs fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jipprovdu fondi biex jiffaċilitaw il-karrieri, l-intraprenditorija u t-taħriġ f'dan is-settur billi joħolqu skemi ta' apprendistat, u jiffaċilitaw il-mobilità u l-iskambju permezz ta' programmi ta' mentorship u traineeship; jitlob li jsir użu aktar effettiv mir-riżorsi previsti fl-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ;

33.  Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin li jħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-wirt kulturali hija l-estinzjoni gradwali tal-ħiliet u s-snajja' tradizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-ħarsien tad-diversità tal-wirt, dik kulturali u dik lingwistika, il-ħiliet tradizzjonali u s-savoir faire Ewropew nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jissalvagwardjaw u jippromwovu s-snajja' marbuta mas-CCS, jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-trażmissjoni tal-għarfien u jqiegħdu enfasi akbar fuq it-taħriġ vokazzjonali u forza tax-xogħol b'ħiliet għolja sabiex jattiraw it-talent, inkluża l-eċċellenza tal-ħiliet fis-snajja' fis-settur tal-kostruzzjoni u fix-xogħol ta' konservazzjoni u restawr; jissottolinja, għal dan l-għan, li jridu jitrawmu rabtiet strateġiċi b'saħħithom bejn il-politika kulturali u r-riżorsi soċjali u produttivi;

34.   Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' karriera f'impjiegi ta' artiġjanat u manifattura marbuta mas-CCS permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u politiki li jippromwovu t-trażmissjoni tal-għarfien sabiex jitħarsu l-ħiliet fis-snajja' u l-ħiliet esperti f'dawn is-setturi;

35.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu segwitu lill-inizjattivi ta' Erasmus+ sabiex jippromwovu approċċi transsettorjali bejn oqsma differenti fl-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni professjonali biex jikkombinaw il-programmi biex jinkludu l-arti u l-kultura, ix-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, in-negozju u oqsma rilevanti oħra; jitlob, b'mod partikolari, li jittieħdu passi biex jitnaqqas id-distakk bejn is-suġġetti STEM u ICT u l-arti u d-disinn sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' karrieri tekniċi fl-industriji kreattivi u karrieri kreattivi fis-settur STEM, li huma vitali għat-tkabbir tas-CCS Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati ċ-ċentri ta' eċċellenza u li jiġu promossi l-iskambji fost il-professjonijiet fis-settur, anke f'pajjiżi terzi, u li jiġi attirat u żviluppat it-talent kreattiv;

36.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel artistiċi, il-fornituri tal-ETV, l-universitajiet u n-negozji fis-CCS, anke permezz ta' residenzi tal-artisti f'ambjenti kummerċjali u l-istabbilimenti edukattivi, sabiex jiġi żgurat tlaqqigħ aħjar bejn il-provvista tal-ħiliet u d-domandi tas-suq tax-xogħol u tingħata spinta lill-potenzjal kompetittiv tas-settur; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' trajettorji ta' xogħol u tagħlim bħal skemi ta' edukazzjoni doppja;

37.  Jirrakkomanda t-tfassil u l-adozzjoni ta' politiki bl-għan li jżidu l-livell ta' parteċipazzjoni kulturali fost iċ-ċittadini tal-UE, li f'ħafna Stati Membri għadu baxx b'mod kritiku; jenfasizza li dan iwassal għal benefiċċji kemm f'termini ta' trawwim ta' aktar talenti kreattivi kif ukoll ta' żgurar ta' bażi ta' domanda akbar u aktar b'saħħitha għal prodotti kulturali u kreattivi tal-UE;

38.  Jitlob li jinħoloq "Premju Ewropew għal industriji kulturali u kreattivi" mfassal fuq il-"Premju Franko-Ġermaniż għal Industriji Kulturali u Kreattivi";

39.   Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-innovaturi u l-imprendituri nisa u r-rwol importanti li dawn jista' jkollhom fl-industriji kulturali u kreattivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju u taħriġ adegwati u jenfasizza l-importanza tan-netwerking u tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

40.  Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà ta' programmi ta' mobilità għal "innovaturi żgħażagħ" sabiex jippromwovu l-iskambji u l-innovazzjoni fil-qasam tal-kultura u l-kreazzjoni;

41.  Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività", u jikkondividi l-fehma li "f'ekonomija globali li qed tinbidel b'rata mgħaġġla, ħafna drabi l-ħiliet se jiddeterminaw il-kompetittività u l-kapaċità biex jixprunaw l-innovazzjoni", li "huma fattur ta' attrazzjoni għall-investiment u katalist fiċ-ċirku virtwuż ta' ħolqien ta' impjiegi u tkabbir" u li "huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali"; iqis li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħiliet kreattivi fir-reviżjoni tal-Qafas ta' Kompetenzi Ewlenin u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi bħall-"bonus kulturali" varat mill-Gvern Taljan li joffri ammonta ta' EUR 500 għall-persuni kollha ta' 18-il sena residenti legalment fl-Italja, u li għandhom jintefqu biss fuq "attivitajiet ta' arrikkiment kulturali" bħal mużewijiet, galleriji, siti arkeoloġiċi u ta' wirt storiku, kotba u films;

Finanzjament

43.  Jirrimarka li l-industriji kulturali u kreattivi jibbenefikaw b'mod konsiderevoli mill-finanzjament pubbliku għall-kultura, li jikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għad-diversità kulturali fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex – fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom – ikomplu jallokaw sehem adegwat tal-baġits tagħhom għall-finanzjament pubbliku tal-kultura;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki governattivi b'appoġġ għas-CCS u li jittejbu l-baġits tal-kultura; jirrimarka li l-finanzjament pubbliku sofra tnaqqis qawwi fil-baġit fl-Istati Membri, li huwa theddida serja għax-xogħol kulturali u kreattiv Ewropew;

45.  Jinnota s-suċċess ta' skemi ta' ħelsien mit-taxxa għas-settur kulturali u kreattiv eżistenti f'ċerti Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, għaldaqstant, jintroduċu tali skemi, filwaqt li jikkundannaw arranġamenti speċjali tat-taxxa – magħrufa bħala "deċiżjonijiet tat-taxxa" – li ppermettew lil xi kumpaniji jnaqqsu indebitament il-ħlas tat-taxxa għal-livell minimu;

46.   Jinnota li l-parteċipazzjoni fil-programmi kollha ffinanzjati mill-UE hija miftuħa għas-CCIs, iżda li din il-parteċipazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala inferjuri għall-potenzjal tagħha; jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala l-ewwel pass, toħloq punt uniku ta' kuntatt – eż. sit web – fejn id-Direttorati Ġenerali differenti kkonċernati jistgħu jinteraġixxu mill-qrib sabiex jenfasizzaw opportunitajiet ta' finanzjament differenti għas-CCIs, ixerrdu l-informazzjoni permezz ta' netwerks kulturali u kreattivi pan-Ewropej u organizzazzjonijiet nazzjonali, jiġbru u jippromwovu l-aħjar prattiki, u jżidu l-għarfien fost l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji rigward l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi differenti tas-CCIs billi dan iżid is-sensibilizzazzjoni u l-aċċessibbiltà għall-fondi għas-CCIs;

47.   Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-integrazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi, inkluż il-finanzjament, permezz tal-adozzjoni ta' strateġija globali u trasversali tal-UE; jenfasizza, madankollu, l-importanza li wieħed ikun konxju tan-natura varjata tas-CCIs u, għaldaqstant, tal-ħtiġijiet settorjali speċifiċi tagħhom f'termini ta' finanzjament u ambjenti ta' innovazzjoni, u għalhekk ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni speċifiċi, bħal skema ta' qafas konġunt bejn Orizzont 2020 u Ewropa Kreattiva; jirrikonoxxi l-effett multiplikatur li l-finanzjament tal-UE għandu għas-CCIs, partikolarment f'reġjuni speċifiċi;

48.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom l-intrapriżi soċjali u kooperattivi mingħajr skop ta' qligħ fis-CCIs u, għalhekk, jitlob li tiġi evitata kwalunkwe distinzjoni fil-finanzjament strutturali u soċjali tal-UE li tista' tillimita l-eliġibbiltà ta' dawn l-istrutturi;

49.  Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP u r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-programmi tal-UE jenħtieġ li jitqiesu bħala żewġ elementi interkonnessi tal-istess proċess; jinnota li, b'mod partikolari fil-każ ta' Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE), jenħtieġ li r-rwol u l-impatt tas-CCIs fuq it-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni territorjali jiġu evalwati b'mod speċifiku u jibqgħu jiġu promossi; jenfasizza li jenħtieġ li dan il-proċess jipprovdi bażi solida u koerenti għar-reviżjoni tal-QFP u l-arkitettura futura tal-programm tal-UE wara l-2020;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-Artikolu 167(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi s-CCIs, bħala parti mis-CCS, bħala prijorità orizzontali fl-iskemi u l-programmi ta' finanzjament tal-UE, partikolarment f'Orizzont 2020, l-EaSI u l-FSIE;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejn il-politiki tal-UE, sabiex jintuża b'mod effettiv il-finanzjament disponibbli taħt il-programmi tal-UE – bħal Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, EaSI, Ewropa Kreattiva u COSME – u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) biex tappoġġja aktar proġetti fil-qasam tas-CCIs;

52.  Jirrimarka li għad jista' jsir ħafna aktar sabiex ikun hemm interazzjoni aktar effettiva bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u programmi Ewropej oħra matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, b'referenza speċifika għal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, fil-punti 4.6 u 6.4 tal-Anness 1 għar-"Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni", permezz tal-forniment ta' informazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u permezz ta' implimentazzjoni ferm aktar deċiża fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika u/jew tinterpreta l-parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 651/2014 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat għall-kultura u l-ħarsien tal-wirt kulturali, fid-dawl tal-premessa 72 tar-regolament u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2016, sabiex ċerti miżuri fis-settur tal-wirt kulturali (b'mod partikolari r-restawr u l-ħarsien) u, f'xi każijiet, tal-attivitajiet kulturali appoġġjati mill-fondi tal-UE u minn fondi reġjonali addizzjonali, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat;

54.   Jinnota li l-Faċilità ta' Garanzija fi ħdan Ewropa Kreattiva hija wieħed mill-modi kif tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġi aċċessat il-finanzjament tas-self għal proġetti innovattivi u sostenibbli fis-CCS; ifakkar fid-dewmien fil-varar tal-Faċilità ta' Garanzija; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit ta' Ewropa Kreattiva u tal-Faċilità ta' Garanzija sabiex jiġu appoġġjati b'mod effettiv l-espressjonijiet kulturali u kreattivi Ewropej, jiġu diversifikati l-benefiċjarji tal-finanzjament, jiġi ggarantit l-aċċess ugwali u tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-operaturi kulturali mill-Istati Membri kollha fil-Faċilità ta' Garanzija;

55.   Jinnota li jenħtieġ li l-FSIE jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqasijiet ta' kapital u jimmiraw b'mod tipiku lejn proġetti bi profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġjati minn operazzjonijiet normali tal-BEI(22); jinnota li, sa Settembru 2016, il-finanzjament kien ingħata biss għal ftit proġetti fis-CCS – li jikkonsisti l-iżjed f'SMEs b'livell ogħla ta' riskju – u fis-settur tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, u jenfasizza li jenħtieġ li jsir kull sforz biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-FEIS;

56.  Jitlob lill-BEI jindirizza n-nuqqas ta' finanzjament tal-FSIE lis-CCIs billi jinvestiga interazzjoni possibbli mal-Ewropa Kreattiva u l-Faċilità ta' Garanzija sabiex jipprovdi self adattat għall-iskop għas-CCIs;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEI jappoġġjaw tipi mħallta ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati, sabiex jindirizzaw u jirrimedjaw in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' finanzjament ta' ekwità għas-CCIs;

58.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent tal-investiment u jwessgħu l-firxa ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli għall-mikrointrapriżi u l-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi bi skemi ta' finanzjament ġodda u innovattivi bħall-mikrokreditu, il-kontribuzzjonijiet li jitħallsu lura, il-finanzjament kollettiv, il-finanzjament tal-kapital ta' riskju, il-finanzjament inizjali (seed funding) u l-kapital ta' riskju; jinnota li mudelli differenti ta' finanzjament kollettiv u investiment kollettiv għas-CCIs jistgħu jsiru għodda solida għall-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi u, bħala tali, żieda milqugħa tajjeb għas-sorsi tradizzjonali ta' appoġġ finanzjarju għas-CCIs fl-intier tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw u jippromwovu l-iżvilupp tas-suq tal-finanzjament kollettiv, jinvolvu lill-istituzzjonijiet pubbliċi, jagħmlu użu aħjar mill-possibbiltajiet ta' finanzjament kollettiv istituzzjonali, jikkoordinaw l-approċċi regolatorji differenti, jiżguraw ċarezza xierqa dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE, jiżviluppaw l-aħjar prassi u jtejbu l-qafas regolatorju billi jneħħu l-piżijiet u/jew ifasslu strument regolatorju ġdid, jekk ikun meħtieġ; jirrimarka, madankollu, li dan ma jistax jieħu post il-finanzjament pubbliku u privat sostenibbli għas-CCIs;

59.  Iqis li jeħtieġ li jitjieb ir-rwol li għandhom il-banek ta' investiment pubbliku fis-CCS billi jagħtu lill-SMEs aċċess aħjar għall-kreditu u jgħinu lill-intrapriżi jespandu l-attivitajiet tas-suq u tal-esportazzjoni tagħhom;

60.  Jikkunsidra li sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi fis-CCIs jeħtieġ li tiġi żviluppata l-kompetenza fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-valur tal-assi intanġibbli, li jistgħu jintużaw bħala kollateral; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien fost l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji rigward l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi differenti tas-CCIs, meqjusa li jippreżentaw livell ogħla ta' riskju; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni mill-Kummissjoni ta' skema ta' taħriġ għall-intermedjarji finanzjarji fil-Faċilità ta' Garanzija ta' Ewropa Kreattiva, peress li dan jista' jtejjeb ukoll l-abbiltà tas-CCIs li javviċinaw u jikkonvinċu lil investituri esterni; jikkunsidra, madankollu, li jkun utli li jiġi sostnut is-suċċess ta' din l-iskema u, sakemm issir evalwazzjoni pożittiva, li tiġi estiża għal diversi oqsma tal-politika;

61.  Jitlob, għal dan il-għan, il-promozzjoni ta' "protokolli għal assi tal-proprjetà intellettwali" li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiżdiedu l-prospetti bankarji tal-IPRs u r-rikonoxximent tal-valur sħiħ tagħhom bħala assi;

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83.

(2)

ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(8)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2015)0293.

(11)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(12)

ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 40.

(13)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.

(14)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.

(15)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(16)

ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(17)

OECD/EUIPO (2016), Trade in Counterfeit and Pirated Goods: Mapping the Economic Impact, OECD Publishing, Pariġi.

(18)

Li fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssir referenza għalihom bħala: l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, il-logħob tal-kompjuter u l-multimedja), il-wirt kulturali, id-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), il-festivals, il-mużika, l-arti viżivi u l-irreċtar, il-pubblikazzjoni u r-radju.

(19)

Industry-Level Analysis Report, (2013), Intellectual property rights intensive industries: contribution to economic performance and employment in the European Union, p. 8 https://euipo.europa.eu/ohimportal/documents/11370/80606/IP+Contribution+study.

(20)

Studju tal-Kummissjoni Ewropea EASME/COSME/2015/003.

(21)

Referenza tal-istudju li għandha tiddaħħal ladarba jiġi ppubblikat. Jekk jogħġbok innota li ċ-ċifri kollha msemmija f'dan ir-rapport huma bbażati fuq dan l-istudju.

(22)

Ir-Regolament (UE) 2015/1017.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-kultura, l-arti, il-kreattività: din hija d-dehra u l-assi reali tal-Ewropa fid-dinja!

Fl-Ewropa tas-seklu 21, bit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija diġitali, is-CCIs qed jissostitwixxu dejjem aktar il-proċessi ta' manifattura u l-katini tal-valur tradizzjonali. Illum, il-produzzjoni ta' kontenut ta' kwalità, il-kapaċità innovattiva, ta' narrazzjoni, ta' immaġinazzjoni, li jinħolqu emozzjonijiet, saret l-aktar materia prima prezzjuża tagħna. Waħda li għandna nikkultivaw, nappoġġjaw, nippromwovu, niddefendu.

L-industriji kulturali u kreattivi huma dawk l-industriji li huma bbażati fuq valuri kulturali, kreattività individwali, ħiliet u talenti bil-potenzjal li joħolqu l-ġid u l-impjiegi permezz tal-ġenerazzjoni ta' valur mill-proprjetà intellettwali. Skont il-korapporteurs, is-settur jinkludi t-taqsimiet li ġejjin li jiddependu minn inputs kulturali u kreattivi: l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, il-logħob tal-kompjuter u l-multimedja), il-wirt kulturali, id-disinn, il-moda u l-industriji ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività, il-festivals, il-mużika, l-arti tal-ispettaklu, il-kotba u l-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva.

Is-CCIs Ewropej għandhom l-għeruq tagħhom fi, u jibbażaw il-vitalità tagħhom fuq, l-uniċità tal-kultura u l-arti Ewropej, minquxa fi 3 000 sena ta' wirt kulturali kondiviż. Għall-kuntrarju ta' industriji oħra, is-CCIs huma karatterizzati minn valur doppju u intrinsiku: għandhom rwol ewlieni fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, isaħħu s-sens ta' appartenenza għall-identità Ewropea u reġjonali, jikkontribwixxu għat-trażmissjoni ta' għarfien u valuri, u jissalvagwardjaw il-wirt Ewropew tanġibbli u intanġibbli għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fl-istess ħin, huma għodda konkreta għall-koeżjoni soċjali, permezz tal-kontribut importanti tagħhom għall-ekonomija tal-UE f'termini ta' impjieg, investiment, tkabbir u innovazzjoni u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kompetittività tal-Ewropa fuq skala globali.

Isir għaldaqstant strateġikament importanti li jiġu appoġġjati CCIs Ewropej innovattivi u orjentati lejn ir-riċerka, billi dawn huma kapaċi jħarsu d-diversità lingwistika u kulturali, il-pluraliżmu, u l-offerta ta' servizzi innovattivi u ta' kwalità għolja, b'mod speċjali fil-kuntest ta' suq konverġenti u globalizzat.

Wara l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-2010(1), fis-snin riċenti kien hemm varjetà ta' studji settorjali, konferenzi u komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jindikaw, kollha kemm huma, li l-produzzjoni kulturali u kreattiva hija l-punt ta' oriġini tal-katina tal-valur tal-lum. Madankollu, dan ir-rapport attwali huwa l-ewwel rapport konġunt tal-Kumitat CULT u ITRE – li jġib flimkien il-potenzjal kulturali u ekonomiku tas-settur billi jindika liema għandhom ikunu l-pilastri ta' politika industrijali Ewropea għas-CCIs.

Il-futur tas-CCIs huwa ta' interess partikolari kemm għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT), li matul dawn l-aħħar snin abbozza diversi rapporti dwar dan is-suġġett(2), kif ukoll għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) li huwa responsabbli għall-politika industrijali u l-miżuri relatati tal-Unjoni, u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, inklużi miżuri relatati mal-SMEs. Dak li jgħaqqad lil dawn l-industriji huwa l-fatt li kollha kemm huma joperaw b'assi kreattivi fil-forma ta' proprjetà intellettwali (IP). Minħabba d-disparità u l-kumplessità tas-settur, l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-CCS jikkostitwixxi sfida reali.

Il-korapporteurs jemmnu li sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-settur, tinħtieġ azzjoni miftiehma f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda anke f'livell Ewropew. Il-korapporteurs, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tas-settur u l-isfidi tiegħu, jipproponu diversi miżuri u politiki, li jiffukaw, fuq terminu qasir jew aktar fit-tul, fuq seba' xpruni ewlenin tal-politika, li huma fil-qalba ta' dan ir-rapport:

  il-ġbir ta' statistika affidabbli u data bbażata fuq definizzjoni komprensiva sabiex titqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar il-karatteristiċi tiegħu u l-bżonnijiet tas-settur

  il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-settur sabiex jinħolqu soluzzjonijiet adattati għall-iskop għas-CCIs

  it-trawwim tal-innovazzjoni u l-intraprenditorja fis-settur kulturali u kreattiv billi tiġi faċilitata l-kooperazzjoni ma' setturi u politiki oħra (kollegamenti)

  it-titjib tal-aċċess għall-finanzi, l-appoġġ ta' mudelli kummerċjali ġodda

l-użu ta' sett ta' għodda diġà eżistenti f'livell Ewropew u l-ġbir flimkien tal-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti kollha b'mod koerenti

  l-iżvilupp ta' ħiliet, inklużi ħiliet ta' negozju

  l-indirizzar tat-tibdil fil-ħtiġijiet tal-ħiliet u biex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-ħiliet

Importanza ekonomika u soċjali tas-CCIs

Madwar id-dinja kollha, is-settur kulturali u kreattiv (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ CCIs) huwa meqjus bħala parti ewlenija u li qiegħda tikber tal-ekonomija globali. L-importanza tiegħu bħala ġeneratur tal-impjiegi u l-ġid hija dejjem aktar rikonoxxuta, b'mod partikolari fl-UE: wara studju riċenti kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, is-CCIs (minbarra l-industriji ta' kwalità superjuri) jikkostitwixxu 11,2 % tal-intrapriżi privati kollha u 7,5 % tal-persuni kollha impjegati fl-ekonomija totali. B'mod globali, aktar minn tliet miljun intrapriża, li jimpjegaw aktar minn 12-il miljun ruħ, jistgħu jiġu inklużi fis-CCIs (minbarra l-industriji ta' kwalità superjuri). F'termini ta' valur miżjud, is-CCIs (minbarra l-industriji ta' kwalità superjuri) jiġġeneraw 5,3 % tal-GVA totali Ewropew(3). Mill-banda l-oħra, l-industriji ta' kwalità superjuri jimpjegaw madwar 1,7 miljun ruħ. Il-valur tagħhom f'termini ta' bejgħ ta' oġġetti u servizzi jammonta għal EUR 547 biljun jew madwar 4 % tal-PDG nominali tal-UE.

Il-pekuljarità tal-Industriji Kulturali u Kreattivi hija li jibnu pont bejn l-arti, il-kultura, in-negozju u t-teknoloġija. Barra minn hekk, is-CCIs huma karatterizzati mill-fatt li jipprovdu impjiegi li ftit li xejn jistgħu jiġu esportati, minħabba li huma relatati ma' ħiliet kulturali u storiċi speċifiċi, u huma marbuta u determinati territorjalment u tradizzjonalment. B'mod sinifikanti, jikkontribwixxu għall-impjieg taż-żgħażagħ u n-nisa aktar minn kwalunkwe settur ieħor. Is-CCIs urew ukoll aktar reżiljenza minn setturi oħra wara l-kriżi tal-2008, kif kien aċċertat fil-kapaċità tagħhom li jiskattaw effetti pożittivi evidenti f'setturi industrijali oħra, bħat-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut u t-teknoloġiji diġitali.

Minkejja dawn il-fatti, għadha ma ġietx żviluppata politika industrijali reali u koerenti fil-livell Ewropew. Li neħtieġu hija strateġija industrijali komprensiva fil-livell Ewropew li tqis il-karatteristiċi speċifiċi kollha tal-industriji kulturali u kreattivi, u tbiddel sfidi bħad-diġitalizzazzjoni u r-rieżami tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur f'opportunitajiet ġodda ta' tkabbir u impjiegi billi toħloq qafas legali bbilanċjat. Li neħtieġu huwa involviment għal żvilupp fit-tul tas-CCIs, abbażi ta' approċċ integrat li jista' jiggarantixxi ħumus politiku u regolatorju sostenibbli għal industriji kulturali u kreattivi preżenti u futuri, u li jqis l-iżvilupp, il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-CCIs bħala objettivi strateġiku u prijorità ta' politika ġenerali għall-UE.

Definizzjoni ta' CCIs u statistika għal politika Ewropea għall-iżvilupp reali

Fattur wieħed li verament jikkontribwixxi għal nuqqas ta' sensibilizzazzjoni tal-potenzjal ekonomiku reali ta' dawn l-industriji, u n-nuqqas sussegwenti ta' politiki speċifiċi għall-appoġġ tas-CCIs, huwa li m'għandniex definizzjoni ċara ta' x'inhuma "industriji kulturali u kreattivi".

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-oqsma tal-industriji kulturali huma pilastru ovvju tas-settur u għalhekk jistgħu jiġu klassifikati fih faċilment (il-wirt artistiku u monumentali, l-arkivji, il-libreriji, il-kotba, il-pubblikazzjoni u l-istampa, l-arti viżiva, l-arkitettura, l-arti tal-ispettaklu, il-multimedja u s-servizzi awdjoviżivi), għall-industriji kreattivi dan huwa inqas evidenti minħabba li, bħala fatt, kwalunkwe attività innovattiva jista' jkollha natura kreattiva u tiddependi fuq input kreattiv.

Il-korapporteurs, filwaqt li jqisu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012(4), li identifikat industriji kreattivi bħala "dawk l-industriji li jużaw il-kultura bħala sors u għandhom dimensjoni kulturali, minkejja li l-prodotti tagħhom huma prinċipalment funzjonali. Dawn jinkludu l-arkitettura u d-disinn"(5), u fid-dawl tal-istudju l-aktar riċenti li twettaq mill-eżekuttiv(6) li fid-definizzjoni tiegħu tas-CCIs iqis ukoll l-industrija ta' kwalità superjuri flimkien mas-CCIs ewlenin, il-moda u d-disinn, jissuġġerixxu definizzjoni aktar wiesgħa u komprensiva tas-CCIs. Ir-rapporteurs jemmnu li definizzjoni standardizzata tgħin biex jiġi mmonitorjat aħjar l-iżvilupp tas-settur u sussegwentement twassal għal soluzzjonijiet ta' politika mfassla apposta għas-CCIs. Id-definizzjoni proposta mir-rapporteurs tinkludi s-setturi klassiċi l-aktar riċenti, kif ukoll l-industriji tal-moda u ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività, abbażi tal-input kulturali speċifiku tagħhom, tal-magna kreattiva li tikkaratterizza l-istadju inizjali tal-produzzjoni, u l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw valur.

L-industrija tal-moda u ta' kwalità superjuri tikkontribwixi mhux biss għall-promozzjoni u l-firxa tal-eċċellenza Ewropea iżda, billi tiddependi fuq input qawwi kulturali u kreattiv, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti wkoll għall-preservazzjoni tas-savoir faire Ewropew, xempju uniku ta' għarfien u ħiliet ta' mijiet ta' snin li huma diffiċli biex jiġu replikati u jikkaratterizzaw verament il-valur miżjud Ewropew.

Industriji kulturali u kreattivi bħala ambaxxaturi tal-istil Ewropa

Iżda dan mhux kollox. Il-kultura, mhux biss fil-forom tradizzjonali tagħha, iżda anke permezz tal-industriji kulturali u kreattivi, jista' jkollha rwol kruċjali fit-tisħiħ tas-sħubijiet internazzjonali. Dawn l-industriji jikkontribwixxu għas-"setgħa ta' persważjoni" tal-Ewropa fir-rwol tagħhom bħala ambaxxaturi tal-valuri Ewropej (bħall-kwalità, l-eċċellenza, ilħila fis-snajja', il-kreattività, il-kultura) – fix-xena dinjija. Ta' min jinnota li, skont l-Eurostat, il-valur tal-esportazzjonijiet totali tal-UE fl-2014 (il-prodotti kollha) ammonta għal EUR 1 703,0 biljun, li huwa 15,9 % tal-kummerċ dinji kollu. Minn dawn, EUR 27,3 biljun (1,6 %) jistgħu jiġu assenjati għal esportazzjonijiet ta' oġġetti kulturali u EUR 209,1 biljun għal oġġetti relatati mal-moda (12,3 %). L-industriji ta' kwalità superjuri jirrappreżentaw 18 % tal-esportazzjonijiet Ewropej, b'valur ta' esportazzjoni ta' madwar EUR 308 biljun.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE diġà ffinanzjat ħafna proġetti fis-setturi kulturali u kreattivi, bħal netwerks ta' ċentri kreattivi; il-programm Cultures+ tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP); programmi li jappoġġjaw il-governanza kulturali u jippromwovu d-djalogu interkulturali. Aktar appoġġ jiġi wkoll mill-programmi Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020, li jappoġġjaw ir-riċerka dwar id-diplomazija kulturali u attivitajiet dwar il-wirt kulturali jiġifieri t-trawwim tal-industriji kulturali u kreattivi u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali.

L-għarfien tal-importanza ta' dan l-istrument wassal riċentement lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ il-Komunikazzjoni tagħha dwar "Strateġija għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali", li tinkoraġġixxi kooperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha u tippromwovi d-djalogu u l-fehim reċiproku sabiex jinbnew relazzjonijiet fit-tul ma' pajjiżi madwar id-dinja kollha.

Edukazzjoni u taħriġ

Il-kreattività, l-ispirazzjoni, l-immaġinazzjoni huma bbażati fuq il-kultura u l-arti fil-forom kollha tagħhom, u għandhom ikunu wkoll parti integrali mill-edukazzjoni.

Għalhekk, huwa ta' importanza kbira li l-Istati Membri jiġu mfakkra jinkludu l-edukazzjoni dwar l-arti, il-mużika, it-teatru u l-films fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom, bħala fattur ewlieni fl-iżvilupp ta' wirt kulturali, prattiki artistiċi u espressjonijiet, u tal-ħiliet personali orjentati lejn il-kreattività u l-innovazzjoni. L-edukazzjoni tiġi l-ewwel mill-familja, iżda anke u qabel kollox mis-sistemi tal-iskejjel, u hija ffurmata wkoll mill-influwenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa. Għalhekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ formali u informali mhux biss huma żewġ prekundizzjonijiet neċessarji għall-kultivazzjoni tal-kreattività, il-vitalità tas-CCIs, iżda anke biex jistimulaw id-domanda għal prodotti kreattivi u ta' kontenut ta' kwalità.

Politika koerenti għas-CCIs tiddependi għalhekk fuq l-iżvilupp ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur kulturali u kreattiv u s-sħab soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Jeħtieġ li nippromwovu approċċi transsettorjali bejn l-oqsma differenti fit-tagħlim formali u mhux formali. Dan jirrikjedi sinerġiji ikbar bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, pereżempju permezz ta' programmi konġunti bejn l-arti u l-kultura, ix-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija u bl-appoġġ ta' ċentri tal-eċċellenza li jiżviluppaw dawk il-profili tax-xogħol li jżommu lis-settur ħaj, li huma kapaċi jattiraw studenti minn Stati Membri differenti u jiżviluppaw proġetti internazzjonali. Fl-aħħar nett, l-aqwa prattiki stabbiliti f'xi Stati Membri juru li huwa importanti li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' trajettorji xogħol-tagħlim.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-industriji tal-moda u ta' kwalità superjuri, għandu jiġi osservat li dawn huma karatterizzati mhux biss minn gruppi industrijali kbar, iżda anke mill-fatt li jiddependu minn kooperazzjoni mal-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-ħila fis-snajja' tradizzjonali. Hemm numru ta' setturi, fi ħdan l-industriji kulturali u kreattivi, li ċertament jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju u fondi dedikati mill-Unjoni Ewropea biex jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom.

Mill-banda l-oħra, kif inhu enfasizzat ukoll mid-diversi partijiet interessati Ewropej, hemm il-ħtieġa li jiġi indirizzat id-distakk bejn il-ħtiġijiet tal-industrija u d-disponibbiltà u l-forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin f'livell Ewropew(7). Għall-industrija tal-moda u ta' kwalità superjuri, dan ifisser li l-prijorità hija li jiġu pprovduti politiki ġodda sabiex jiġu żgurati s-salvagwardja u l-promozzjoni tas-savoir-faire Ewropew u l-artiġjanat artistiku relatat mas-CCIs, permezz tat-titjib u t-trawwim ta' taħriġ vokazzjonali u forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin. Dan sabiex jiġi attirat it-talent u ħiliet ġodda, bħal, pereżempju, l-artiġjanat ta' "eċċellenza", jew "profili tax-xogħol intermedji" fl-industrija tal-kostruzzjoni, għall-konservazzjoni u r-restawr.

Iż-żewġ rapporteurs ikomplu jissottolinjaw kif il-kollaborazzjoni bejn is-settur edukattiv u s-setturi kulturali u kreattiv tista' tikkontribwixxi għal riġenerazzjoni urbana u kompetittività Ewropea futura. Dan itejjeb l-attraenza tar-reġjuni u l-bliet, iżda jgħin ukoll fil-ħolqien ta' ambjent ta' tagħlim stimulanti, wieħed li huwa partikolarment adattat biex jgħin liz-zgħażagħ qiegħda – b'mod partikolari, iżda mhux limitat għal, dawk f'komunitajiet marġinalizzati u fi kwartieri l-aktar fil-bżonn – fl-akkwist ta' ħiliet professjonali, biex b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom f'setturi li qed ifittxu ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati.

Is-settur kollu kemm hu għandu, fil-fatt, valur importanti fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: skont studju riċenti, is-settur kulturali u kreattiv jimpjega aktar persuni bejn il-15 u d-29 sena minn kwalunkwe settur ekonomiku ieħor (19,1 % tat-total tal-impjiegi f'CCIs meta mqabbel ma' 18,6 % fil-bqija tal-ekonomija)(8). Minħabba l-eżodu tal-imħuħ li l-Ewropa kienet qed tesperjenza fid-deċennji riċenti, aktar promozzjoni u investiment f'industriji kulturali u kreattivi jkunu ta' benefiċċju fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u fil-ġlieda kontra r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, meta jitqies l-għadd kbir ta' żgħażagħ li qed jistudjaw f'dan il-qasam. Għaldaqstant, hemm potenzjali fis-CCIs fir-rigward tal-impjiegi taż-żgħażagħ u r-reindustrijalizzazzjoni, biex jiġu trasferiti l-għarfien u ħila fis-snajja' tradizzjonali, u biex tinżamm is-sawra ekonomika, storika u soċjali li fuqha jiddependu s-CCIs.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk, fl-opinjoni tal-korapporteurs, jinkludi fokus speċifiku fuq is-CCIs fil-programmi tal-Impjiegi u t-Tkabbir tal-UE (bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li ġiet ippreżentata riċentement) u jipprovdu fondi biex jiffaċilitaw il-karrieri u t-taħriġ f'dan is-settur. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar opportunitajiet ta' karriera f'dawn l-industriji fejn qed jinħolqu l-impjiegi Ewropej u fejn tiġi promossa t-trażmissjoni tal-għarfien, sabiex titħares il-hila fis-snajja' f'dawn is-setturi strateġiċi.

Id-drittijiet tal-awtur u l-falsifikazzjoni fis-settur kulturali u kreattiv

Id-drittijiet tal-awtur huma, għas-settur kulturali u kreattiv, bħalma huma l-privattivi għall-industrija u t-teknoloġija. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija element vitali għas-sopravivenza tal-industrija kreattiva.

Minkejja l-fatt li llum qed jiġi kkunsmat aktar kontenut kreattiv minn qatt qabel (pereżempju l-livelli rekord milħuqa mill-mużika), fuq servizzi bħal pjattaformi ta' kontenut imtella' mill-utenti u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, is-setturi kreattivi (fost oħrajn id-drittijiet tal-awtur, l-artisti u l-produtturi) ma rawx żieda komparabbli fid-dħul minn din iż-żieda fil-konsum.

Dan iġġenera l-hekk imsejjaħ "distakk fil-valur", billi s-servizzi ta' pjattaforma jżommu l-valur tax-xogħlijiet kulturali u kreattivi, li qed jiġi ddevjat mill-kreaturi. It-trasferiment tal-valur ħoloq suq ineffiċjenti u inġust, u jhedded is-saħħa fit-tul tas-setturi kulturali u kreattivi tal-UE u s-suċċess tas-Suq Uniku Diġitali.

Il-korapporteurs għalhekk jistiednu lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-proposta dwar riforma tad-drittijiet tal-awtur, biex tidentifika soluzzjonijiet legali applikabbli għal servizzi online li jsolvu din id-distorsjoni tas-suq u li jkunu adattati għall-kreaturi, id-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għall-konsumaturi. L-eżenzjonijiet ta' responsabbiltà jistgħu japplikaw biss għal fornituri ta' servizzi online ġenwinament newtrali u passivi, u mhux għal servizzi li għandhom rwol attiv fid-distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-monetizzar tal-kontenut a skapitu tal-kreaturi.

Barra minn hekk, is-segmenti ta' kwalità superjuri u tal-moda huma soġġetti għal falsifikazzjoni qawwija u li qiegħda tiżdied, li qed tilħaq proporzjonijiet allarmanti f'termini ta' dħul mitluf għal industriji u telf konsegwenti ta' impjiegi, minbarra problemi relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u l-konsumatur. Biex wieħed jifhem is-severità ta' din il-kwistjoni, id-data għall-2013 turi li sa 2,5 % tal-kummerċ internazzjonali kien f'oġġetti falsifikati u pirati, u sa 5 % tal-importazzjoni fl-UE biss, jew daqs EUR 85 biljun.

Flimkien ma' definizzjoni ċara li tqis is-setturi kollha relatati mas-CCIs, il-korapporteurs jemmnu li huwa ugwalment meħtieġ li jkollhom data statistika komparabbli u affidabbli. Kull Stat Membru għandu, fil-fatt, il-klassifikazzjoni tiegħu ta' CCIs. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi adottat qafas aġġornat għas-settur, f'livell Ewropew, u li jiġi mmappjat it-tibdil maż-żmien. L-objettiv għandu jkun l-identifikazzjoni ta' indikaturi speċifiċi biex jitkejlu r-riżultati tal-politiki għall-promozzjoni tas-settur.

CCIs: aċċess għall-fondi u l-finanzjament tal-UE

Fil-qasam tal-finanzjament jinħtieġu b'mod speċifiku soluzzjonijiet imfassla apposta: hemm numru ta' setturi, fi ħdan industriji kulturali u kreattivi, li ċertament għandhom u jistgħu jibbenefikaw aħjar minn appoġġ finanzjarju u fondi dedikati mill-Unjoni Ewropea biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-produzzjoni innovattiva tagħhom.

Filwaqt li r-reġjuni huma tajbin ħafna f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta' raggruppamenti u kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera fil-qasam tas-CCIs, u s-CCIs qed jiġu kkunsidrati fost il-kumpaniji l-aktar innovattivi u jieħdu sehem fi programmi ta' riċerka u innovazzjoni, għad hemm nuqqas ta' data dwar kemm u liema tip ta' proġett qed jiġu ffinanzjati. Jeħtieġ li nidentifikaw indikaturi speċifiċi sabiex jiġi mmonitorjat u analizzat l-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiċi tagħha u l-proposti regolatorji relatati mas-CCIs.

Għalkemm il-programmi kollha huma miftuħa għal applikazzjonijiet mis-CCIs, ir-rata ta' parteċipazzjoni tista' u għandha tiżdied. L-appoġġ tas-CCIs għandha ssir prijorità politika fi ħdan l-FSIE, Orizzont 2020 u l-QFP kollu kemm hu. Għandna nisfruttaw b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejn politiki tal-UE, b'mod partikolari fil-programmi ta' riċerka tal-Orizzont 2020 u l-fondi strutturali. Dan jippermetti l-użu effettiv tal-finanzjament disponibbli taħt il-programmi tal-UE u li jintlaħqu l-għanijiet li tfasslu għalihom.

F'dak ir-rigward, ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP u r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-programmi Ewropej għandhom jitqiesu bħala żewġ elementi interkonnessi tal-istess proċess. Jenħtieġ li l-iskemi ta' finanzjament jiġu allinjati aħjar mal-prijoritajiet tal-politika Ewropea, bħall-appoġġ ta' tkabbir sostenibbli u mmexxi mill-innovazzjoni u l-impjiegi ta' kwalità. L-evalwazzjoni tal-qagħda attwali tal-programmi u l-ħtiġijiet baġitarji tagħhom għandhom jipprovdu bażi solida u koerenti għar-reviżjoni tal-QFP u l-istruttura futura tal-programm tal-UE wara l-2020.

Dan l-approċċ m'għandux jiġi limitat għal dawk il-programmi ġestiti direttament mill-Kummissjoni Ewropea, iżda b'mod pjuttost xieraq, imorru lil hinn minn dan: il-FSIE tfassal biex jgħin lill-SMEs jegħlbu n-nuqqasijiet ta' kapital u jimmiraw b'mod tipiku lejn proġetti bi profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġjati minn operazzjonijiet normali tal-BEI(9). Il-finanzjament għal industriji kulturali u kreattivi huwa elenkat bħala prijorità fi ħdan il-regolament tal-FSIE. Iżda, sa Mejju 2016, aktar minn sena mill-bidu tal-Pjan, ma kienx għadu ngħata finanzjament għal proġetti fis-CCS u lanqas għal proġetti fis-setturi tal-edukazzjoni jew it-taħriġ, li jikkonsistu prinċipalment minn SMEs b'livell ogħla ta' riskju. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-Bank Ewropew tal-Investiment, jinvestigaw interazzjonijiet possibbli bejn il-FSIE u l-programm Ewropa Kreattiva (inkluża l-Faċilità ta' Garanzija), sabiex jipprovdi self adattat għall-iskop għas-CCIs.

L-importanza tal-FSIE għas-CCIs ċertament hija fil-kapaċità tagħha li tattira investituri privati lejn is-settur u tippromwovi skemi ta' kapital ta' riskju u finanzjament ta' riskju. Madankollu, skont stħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni fl-2013, is-CCIs jesperjenzaw ostakli għall-aċċess għall-finanzi minħabba li għandhom karatteristiċi speċifiċi ħafna, bħal – fost l-oħrajn – problemi fil-valutazzjoni tar-riskji u l-valutazzjoni tal-proprjetà intanġibbli, eż. id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs).

Għaldaqstant, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-fondi fis-CCIs jeħtieġ li jiġu provduti skemi ta' finanzjament tar-riskju, iżda anke li tiġi żviluppata l-kompetenza fil-valutazzjoni tal-valur tal-assi intanġibbli, li jistgħu jintużaw bħala kollateral. Dan l-għarfien espert huwa meħtieġ kemm fil-mikrointrapriżi u l-SMEs kif ukoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw il-mekkaniżmi neċessarji sabiex iżidu dawn il-"prospetti bankarji" tal-IPRs u r-rikonoxximent tal-valur sħiħ tagħhom bħala assi.

Is-suċċess huwa tajjeb fih innifsu u għandu jiġi ċċelebrat. Madankollu, b'mod ġenerali, l-imprendituri u l-finanzjaturi Ewropej għandhom iħallu warajhom il-konnotazzjoni negattiva assoċjata mal-falliment, u jħaddnu r-riskju tal-falliment bħala pass importanti fil-proċess tat-tagħlim intraprenditorjali.

Konklużjoni

Il-korapporteurs jemmnu li s-CCIs għandhom rwol ewlieni fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, huma xprun għat-tkabbir u huma f'pożizzjoni strateġika biex jiskattaw riperkussjonijiet innovattivi f'setturi industrijali oħra, bħat-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut u t-teknoloġiji diġitali. Il-korapporteurs jemmnu li l-UE jista' jkollha rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni tal-impatt pożittiv importanti li s-setturi kreattivi għandhom madwar l-Ewropa, biex jippromwovu wkoll politiki li jappoġġjaw l-assi l-aktar unika tal-Ewropa: il-kultura tagħha.

(1)

COM(2010)0183.

(2)

Ara pereżempju r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi u r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi (T7-0368/2013).

(3)

Studju dwar "Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi". Referenza tal-istudju li għandha tiddaħħal ladarba jiġi ppubblikat.

(4)

COM(2012)0537

(5)

COM(2010)0183 final, paġna 6.

(6)

Studju dwar "Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi". Referenza tal-istudju li għandha tiddaħħal ladarba jiġi ppubblikat.

(7)

ECCIA (2014) "Il-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi ta' kwalità superjuri għall-ekonomija Ewropea" (Il-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi ta' kwalità superjuri għall-ekonomija Ewropea).

(8)

Cultural Times – The first global map of cultural and creative industries, Diċembru 2015.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2015/1017.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (14.10.2016)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi

(2016/2072(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Therese Comodini Cachia

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija r-Riċerka u l-Enerġija u lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitati responsabbli b'mod konġunt skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

1.  Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi joperaw f'ambjent li dejjem qed jevolvi, iddominat mill-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija diġitali tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fuq skala globali;

2.  Itenni li l-industriji kulturali u kreattivi huma bbażati fuq, u jippromwovu, il-kreattività individwali, il-valur kulturali, il-ħiliet u t-talent bil-potenzjal li joħolqu l-ġid u l-impjiegi billi jiġġeneraw il-valur mill-proprjetà intellettwali;

3.  Jirrimarka li, b'fatturat mill-bejgħ ta' EUR 535.9 biljun u b'ħolqien ta' 7.1 miljun impjieg, l-industriji kulturali u kreattivi huma essenzjali għall-istabilità u għall-kompetittività fit-tul tal-ekonomija Ewropea;

4.  Jirrimarka li l-industriji kulturali u kreattivi jiggarantixxu mhux biss id-diversità kulturali, iżda wkoll il-pluraliżmu tal-midja u l-vitalità ekonomika tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jinnota li l-industriji kulturali u kreattivi huma ta' importanza strateġika għall-iżvilupp ekonomiku u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fl-UE;

6.  Jenfasizza li t-tfassil ta' definizzjoni legali ta' "industriji kulturali u kreattivi" madwar l-Ewropa għandu jqis it-tendenzi kulturali u kreattivi ġodda li jeżistu fis-soċjetà tal-lum u t-tibdiliet li qed isiru u l-opportunitajiet li t-teknoloġija diġitali tista' tkompli tipprovdi, u li kwalunkwe tali definizzjoni għandha tirreferi għal xogħlijiet, inklużi oġġetti u servizzi, li huma r-riżultat ta' proċess artistiku, kulturali jew kreattiv u li huma eliġibbli għall-protezzjoni bħala drittijiet ta' proprjetà intellettwali, mingħajr ma jiġu ristretti l-proċessi li permezz tagħhom dawn ix-xogħlijiet huma maħluqa jew prodotti;

7.  Iqis, għaldaqstant, li huwa neċessarju li d-detenturi tad-drittijiet jiġu protetti fi ħdan l-oqfsa leġiżlattivi tad-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali li jagħrfu, jivvalorizzaw u jistimulaw l-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut, filwaqt li jkun adattabbli għal żviluppi teknoloġiċi kontinwi u pjattaformi diġitali futuri;

8.  Jenfasizza li l-kultura m'għandhiex tiġi kkunsidrata mill-UE unikament mill-perspettiva tas-suq intern, il-kompetizzjoni jew il-politika kummerċjali, iżda għandha ssir element tal-politika tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp tal-Ewropa, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ispettru kulturali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabta bejn is-settur kulturali, it-taħriġ u l-industriji kulturali u kreattivi, tikkunsidra li tiddefinixxi qafas ġuridiku Ewropew għall-iżvilupp ta' apprendistati fl-industriji kulturali u kreattivi madwar l-Istati Membri tal-UE, u timmassimizza l-potenzjal tal-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi;

9.  Iqis li l-ambjent diġitali joffri opportunitajiet ġodda għall-ħolqien u l-produzzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, u għat-tqassim, l-isfruttament u l-aċċessibilità tagħhom għal pubbliku usa', indipendentement mil-limitazzjonijiet fiżiċi u ġeografiċi, xi drabi bi prezz irħas u b'inqas ostakoli għad-dħul; jinnota, madankollu, li f'dinja dejjem aktar konnessa u diġitizzata, l-awturi u l-kreaturi b'riżorsi limitati jistgħu jkunu finanzjarjament żvantaġġati meta joperaw f'żona kompetittiva akbar;

10.  Iqis li t-teknoloġija diġitali ġabet magħha wkoll opportunitajiet għall-ħolqien ta' tipi differenti ta' xogħol jew prattiki artistiċi li għalihom dik it-teknoloġija diġitali hija wkoll parti essenzjali mill-proċess kreattiv;

11.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li fil-biċċa l-kbira l-industriji kulturali u kreattivi jikkonsistu f'firxa ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u ħaddiema freelance, b'aċċess limitat għal infrastrutturi, riżorsi u finanzjament u b'setgħa limitata ta' negozjar fil-konfront ta' distributuri diġitali online u intermedjarji oħra b'pożizzjoni dominanti fis-suq, kif huwa l-każ b'mod partikolari għall-artisti u l-kreaturi minn barra l-oqsma kulturali u lingwistiċi ewlenin; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas ġuridiku bbilanċjat li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur u jipprovdi soluzzjonijiet legali xierqa ta' rimedju li jippermettu lill-kreaturi jiksbu aktar setgħa ta' negozjar;

12.  Jenfasizza li innovazzjoni diġitali kontinwa tisfida lill-industriji kulturali u kreattivi jirrevedu u jfasslu mill-ġdid il-mudelli ta' negozju tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu li f'bosta mudelli ta' negozju attwali l-valur ekonomiku tal-kontenut, li jeħtieġ li jiġi definit mill-ġdid, iseħħ f'punti differenti tal-katina tal-valur, iżda dan jista' jiġi spostjat lejn it-tarf tal-katina tal-valur u b'hekk tiżdied il-kumplessità għas-sistema li permezz tagħha l-komunità kreattiva tiġbed valur minn kontenut, inkluża remunerazzjoni ġusta lill-awturi u l-kreaturi; jinnota, fl-istess ħin, li l-komunità kreattiva qed tħabbat wiċċha ma' telf li jirriżulta wkoll minn ksur tad-drittijiet tal-awtur, bħalma hija l-piraterija, kif ukoll minn diffikultajiet li jirriżultaw minn ambjent online li kull ma jmur qed jinbidel u sfidi għall-mudelli ta' negozju eżistenti;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-ambjent diġitali l-ġdid għall-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi fil-ħolqien ta' viżibilità ikbar għall-kreaturi u li jippermettilhom jiġu f'kuntatt permanenti mal-udjenza u l-konsumaturi tagħhom; iqis għalhekk li l-istabbiliment ta' kwalunkwe qafas ġuridiku li jiddefinixxi d-diġitalizzazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi għandu jseħħ wara konsultazzjoni wiesgħa tal-atturi kollha involuti fil-katina tal-valur;

14.  Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz kif jiġi pprovdut aċċess usa' għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi u li għandu jiġi kkunsidrat kif dan il-proċess jista' jaħdem b'ċertezza legali akbar u b'rispett għad-detenturi tad-drittijiet;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tat-trasferiment tal-valur b'rabta mad-dibattitu li għaddej dwar id-drittijiet tal-awtur;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija kulturali Ewropea fl-era diġitali skont il-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika fiskali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod effettiv il-kwistjoni taċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut diġitali illegali billi titqabbel mad-diversi drittijiet inkwistjoni, inter alia billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-industrija tal-Istati Membri u billi tiffaċilita l-iżvilupp ta' offerti legali attraenti b'katalogu wiesa' u disponibilità transfruntiera, filwaqt li żżomm mal-prinċipju tat-territorjalità; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina l-għażliet differenti billi tiffoka fuq kuntratti relatati mad-drittijiet tal-awtur biex titjieb ir-remunerazzjoni ġusta lill-awturi u l-kreaturi, u b'hekk jiġu ppremjati l-kreattività u l-innovazzjoni filwaqt li tiġi promossa t-trasparenza fil-katina tal-valur tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali, tħares l-ispeċifiċitajiet kulturali nazzjonali u lingwistiċi u tistimola l-attività ta' riċerka; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tkompli tidentifika mekkaniżmi effikaċi biex tiġġieled kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tqajjem kuxjenza pubblika f'dan il-qasam;

18.  Ifakkar fl-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar ambjent regolatorju għal pjattaformi u għal intermedjarji online; jenfasizza l-fatt li l-parteċipanti jirrikonoxxu l-benefiċċji ta' pjattaformi online biex jagħmlu l-kontenut kreattiv aktar aċċessibbli u l-komunikazzjoni aktar faċli, iżda li fl-istess ħin jesprimu dubji dwar in-nuqqas ta' trasparenza u ta' ċertezza legali f'dan il-proċess fir-rigward tal-konformità mad-drittijiet tal-awtur;

19.  Iqis li l-protezzjoni adegwata u effikaċi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-kreaturi jiġu remunerati b'mod ġust.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Constance Le Grip, Victor Negrescu, Virginie Rozière


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

4

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, José Blanco López, Andrea Bocskor, Louise Bours, Jerzy Buzek, Angelo Ciocca, David Coburn, Silvia Costa, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Mircea Diaconu, Angel Dzhambazki, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Jaromír Kohlíček, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Florent Marcellesi, Edouard Martin, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Angelika Niebler, Carolina Punset, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Michaela Šojdrová, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Helga Trüpel, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Bogdan Brunon Wenta, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Carlos Zorrinho, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Pervenche Berès, Miriam Dalli, Francesc Gambús, Gunnar Hökmark, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Barbara Kudrycka, Olle Ludvigsson, Monika Smolková, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Steeve Briois, Doru-Claudian Frunzulică, Michael Theurer, Martina Werner

Avviż legali