Proċedura : 2016/2036(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0360/2016

Testi mressqa :

A8-0360/2016

Dibattiti :

PV 13/12/2016 - 14
CRE 13/12/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0503

RAPPORT     
PDF 674kWORD 79k
30.11.2016
PE 587.509v04-00 A8-0360/2016

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2016/2036(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Elmar Brok

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2016/2036(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-obbligu ta' rendikont fil-qasam politiku,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal bit-titolu "Gender equality and women's empowerment: transforming the lives of girls and women through EU external relations 2016-2020'' (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-VP/RGħ, Federica Mogherini fit-28 ta' Ġunju 2016, u l-proposti tagħha waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret fi Bratislava fit-2 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa informali tal-Ministri tad-Difiża tal-UE fi Bratislava fis-27 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tat-Trijanglu ta' Weimar, Frank-Walter Steinmeier (il-Ġermanja), Jean-Marc Ayrault (Franza) u Witold Waszczykowski (il-Polonja), dwar il-futur tal-Ewropa f'Weimar, fit-28 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva Franko-Ġermaniża dwar id-difiża ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-tiġdid tal-PSDK",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0360/2016),

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha ma' sfidi interni u esterni bla preċedent, inklużi kunflitti interstatali, falliment statali, terroriżmu, theddid ibridu, nuqqas ta' sigurtà mil-lat ċibernetiku u tal-enerġija, kriminalità organizzata u tibdil fil-klima; billi l-UE tkun f'qagħda li tirrispondi b'mod effettiv għall-isfidi l-ġodda biss jekk l-istrutturi u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien fi sforz komuni u verament koordinat fil-kuntest tal-PESK/PSDK;

B.  billi l-UE hija mdawra b'ark ta' instabbiltà, hekk kif partijiet kbar mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) huma maħkuma minn kunflitti etniċi u reliġjużi u gwerer bi prokura, filwaqt li gruppi terroristiċi bħalma huwa l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS)/Daesh u Jabhat Fateh al-Sham Front qed jinfiltraw ir-reġjun kollu; billi l-grupp Al-Qaeda qed jieħu vantaġġ min-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tal-MENA biex jissaħħaħ aktar, u l-impenn tiegħu għal ġiħad globali għadu intatt;

C.  billi dawn il-kunflitti għandhom konsegwenzi diretti u serji għas-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE, hekk kif dawn qed jinfirxu dejjem aktar fl-UE, kemm jekk fil-forma ta' terroriżmu, fluss enormi ta' rifuġjati, jew kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati biex jifirdu s-soċjetajiet tagħna;

D.  billi l-Ewropa qed tiffaċċja t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju tagħha; billi l-attakki terroristiċi reċenti fi bliet Ewropej imwettqa minn ġiħadisti radikali marbuta mal-IS/Daesh huma parti mill-istrateġija komprensiva ta' dak il-grupp, u jikkomplementaw gwerra fuq l-art fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, gwerra ekonomika mmirata lejn l-industrija tat-turiżmu fl-Afrika ta' Fuq, kif ukoll propaganda online u attakki ċibernetiċi; billi eluf ta' ċittadini tal-UE li ngħaqdu ma' gruppi terroristiċi bħal dawn huma theddida dejjem tikber għas-sigurtà interna tagħna, kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja;

E.  billi Russja aggressiva qed tkompli tikser is-sovranità u l-indipendenza tal-ġirien tagħha u tisfida b'mod miftuħ l-ordni tas-sigurtà u l-paċi Ewropea u globali; billi r-Russja llum il-ġurnata hija awtokratika u aggressiva mal-ġirien tagħha aktar minn qatt qabel mindu waqgħet l-Unjoni Sovjetika fl-1991; billi l-propaganda uffiċjali Russa tpinġi lill-Punent bħala għadu u tipprova b'mod attiv tippreġudika l-għaqda fl-Unjoni Ewropea u l-koerenza fl-alleanza transatlantika, kemm jekk fil-forma ta' kampanji ta' diżinformazzjoni jew permezz tal-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil gruppi ewroxettiċi u faxxisti fl-Unjoni u l-pajjiżi kandidati;

Inkomplu l-istorja ta' suċċess tal-UE: trasformazzjoni permezz tal-azzjoni

1.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-akbar suċċessi fl-istorja Ewropea u li l-qawwa ta' trasformazzjoni li għandha l-UE ġabet il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-ċittadini tagħha u għall-pajjiżi ġirien tagħha, li ħafna minnhom saru Stati Membri tal-UE; jenfasizza li l-UE għadha l-akbar qawwa ekonomika, l-aktar donatur ġeneruż fejn tidħol għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, kif ukoll hija minn ta' quddiem fid-diplomazija multilaterali globali għal dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħalma huma t-tibdil fil-klima, il-ġustizzja internazzjonali, in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u d-drittijiet tal-bniedem; jappella li tiġi intensifikata l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE f'dawn l-oqsma;

2.  Iqis li l-kriżi interna u esterna attwali tirrappreżenta wkoll opportunità għall-UE, jekk din tintuża biex l-UE tibda taħdem u tikkoopera aħjar; iqis li l-isfidi attwali jeħtieġu riforma li ttejjeb lill-UE u tagħmilha aktar demokratika u kapaċi twettaq dak li ċ-ċittadini jistennew minnha; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej iħarsu lejn politika estera u ta' sigurtà komuni effikaċi bħala qasam prijoritarju ta' azzjoni għall-UE u wieħed mill-oqsma li fih il-kooperazzjoni Ewropea tista' l-aktar li trendi valur miżjud; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri jeħtiġilhom ibiddlu l-mentalità tagħhom, peress li llum il-ġurnata li wieħed iħares lejn il-politika estera u s-sigurtà minn perspettiva nazzjonali dejqa huwa kunċett skadut; jinsab konvint li l-ebda Stat Membru waħdu ma huwa kapaċi jindirizza l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; jinsab konvint bis-sħiħ li l-vulnerabbiltà tal-UE hija riżultat dirett ta' integrazzjoni mhux kompluta u nuqqas ta' koordinament; jenfasizza l-fatt li l-globalizzazzjoni u l-multipolarità jeħtieġu proċessi ta' integrazzjoni, bħalma huwa dak tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex finalment juru livelli suffiċjenti ta' għaqda, rieda politika u fiduċja f'xulxin sabiex jagħmluha possibbli li jużaw l-għodod disponibbli b'mod ikkoordinat ħalli b'hekk jaħdmu għall-interessi u l-valuri tagħna; itenni li l-UE tista' biss tkun attur globali b'saħħtu fuq l-istess livell ma' potenzi ewlenin oħrajn jekk l-Istati Membri kollha jitkellmu b'leħen wieħed u jaġixxu flimkien fil-qafas ta' politika estera u tas-sigurtà b'saħħitha tal-UE;

3.  Jilqa' l-Pjan Direzzjonali u l-impenji tas-summit ta' Bratislava, u jistenna li l-Istati Membri jieħdu impenn speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali;

4.  Ifakkar fil-bżonn li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tar-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; josserva li, peress li l-bini ta' reżiljenza għandu jkun wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-PESK, dan jeħtieġ approċċ komprensiv li fih setturi differenti jisfidaw approċċi tradizzjonali għall-politika estera u ta' sigurtà bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' strumenti diplomatiċi, ta' sigurtà, difiża, ekonomiċi, kummerċjali, tal-iżvilupp u umanitarji, kif ukoll indipendenza dejjem akbar fis-sigurtà tal-enerġija; huwa tal-fehma li l-PESK għandha tkun aktar assertiva, effettiva u bbażata fuq il-valuri; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp hija strument uniku biex jinkiseb approċċ komprensiv operazzjonali tal-UE skont l-Aġenda 2030 għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

5.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni ''Kummerċ għal kulħadd'', li għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali u tuża l-pożizzjoni tal-UE bħala blokk kummerċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jenfasizza li dan se jeħtieġ konverġenza u komplementarjetà sħiħa tal-inizjattivi tal-politika kummerċjali u estera, inkluża kooperazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali, is-SEAE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tal-Grupp tal-Kummissarji dwar l-Azzjoni Esterna mmexxi mill-VP/RGħ biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-approċċ komprensiv; jitlob lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment dwar il-ħidma ta' dan il-grupp lill-Parlament Ewropew; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jimplimentaw programmazzjoni konġunta fl-oqsma ta' politika kollha tal-azzjoni esterna sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, isir iffrankar, tissaħħaħ l-effiċjenza u jiġu identifikati lakuni possibbli;

6.  Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista' jkollu effett serju fuq l-istabbiltà reġjonali u globali, billi t-tisħin globali jaffettwa t-tilwim marbut mat-territorju, l-ikel, l-ilma u riżorsi oħra, idgħajjef l-ekonomiji, jhedded is-sigurtà reġjonali, u huwa sors ta' flussi migratorji; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri jqisu kif l-ippjanar militari nazzjonali u tal-UE jista' jinkludi strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u x'jista' jitqies bħala kapaċità, prijorità u reazzjoni adegwati;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jegħlbu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda li qed jilħqu l-persuni fl-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-gwerra ta' informazzjoni li għaddejja mhijiex biss kwistjoni esterna tal-UE iżda anke waħda interna; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-UE li tikkomunika u tippreżenta b'mod xieraq lill-pubbliku Ewropew l-azzjonijiet, il-merti u l-kisbiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimlew dan il-vojt billi jagħmlu l-azzjoni esterna tal-UE aktar responsabbli u viżibbli;

8.  Jirrikonoxxi li l-gwerra tal-informazzjoni u dik ċibernetika tirrappreżenta tentattiv apposta fil-livell statali u mhux statali biex jiddestabbilizza u jiskredita l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa urġenti li fil-politiki interni u esterni tal-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi jiġu inklużi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża ; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema awtomatizzata għall-iskambju tal-informazzjoni dwar it-theddid u l-attakki ċibernetiċi u ibridi; jistieden lill-UE tiddefendi fil-fora internazzjonali l-idea li infrastruttura ewlenija miftuħa u globali tal-internet hija żona newtrali; jinsab konvint ukoll li l-UE għandha taħdem mas-sħab tagħha u żżid l-assistenza tagħha għall-bini tal-kapaċità fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u ċ-ċiberterroriżmu;

9.  Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tiżviluppa Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-konformità mal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali; ifakkar fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li jenfasizza l-importanza li l-UE tinkludi l-politiki tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġeneri fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta' immaniġġar tal-kriżijiet; ifakkar fl-importanza tal-hekk imsejħa 'klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem', inkluża f'kull ftehim qafas iffirmat ma' pajjiżi terzi sa mill-bidu tas-snin disgħin;

10.  Ifakkar li l-politika ta' tkabbir hija waħda mill-aktar politiki tal-UE li kellha suċċess u kkontribwixxiet biex tiġi żgurata l-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità fil-kontinent Ewropew; itenni għalhekk l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proċess tat-tkabbir, bil-kundizzjoni li l-kriterji ta' Copenhagen, inkluża l-kapaċità ta' integrazzjoni, jiġu sodisfatti; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali dwar kwistjonijiet bħalma huma l-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-pajjiżi kandidati biex jagħmlu l-isforzi kollha biex jallinjaw mal-PESK/PSDK tal-UE;

11.  Jissottolinja l-impenn tal-UE għal ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u multilateraliżmu effettiv immexxi min-NU; jirrikonoxxi s-sħubija strateġika fiż-żamma tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet bejn l-UE u n-NU mill-2003 'l hawn; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u jikkooperaw man-NU biex jissaħħu l-kapaċitajiet taż-żamma tal-paċi tal-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikulari l-Unjoni Afrikana, u b'kunsiderazzjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u tal-pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU; Jilqa' l-impenn tal-Istrateġija Globali tal-UE lejn in-NATO u jqisha bħala l-pedament tas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, u lejn it-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas tal-ordni internazzjonali;

12.  Jenfasizza kif il-kriżijiet reċenti urew il-limiti tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull ma jistgħu biex jippruvaw jirriformaw il-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari bil-ħsieb li titneħħa veto fir-rigward tal-atroċitajiet tal-massa;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija Globali tal-UE ppreżentata mill-VP/RGħ f'Ġunju 2016 mhijiex possibbli mingħajr impenn, sjieda, rieda politika u sens ta' tmexxija qawwija min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza li l-Istati Membri hemm bżonn li jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari f'oqsma kruċjali tal-prevenzjoni tal-kunflitti, is-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej;

14.  Jilqa' l-intenzjoni li jitfassal pjan ta' implimentazzjoni għas-sigurtà u d-difiża; jissottolinja li dan il-pjan ta' implimentazzjoni għandu jiġi kkomplementat bi proċess ta' White Book, li jispeċifika l-livell ta' ambizzjoni, il-kompiti, ir-rekwiżiti u l-prijoritajiet fil-qasam tal-kapaċitajiet għad-difiża Ewropea; jistieden lill-VP/RGħ biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, tibda taħdem fuq tali White Book bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex fl-2017 jiġu ġġenerati l-ewwel riżultati;

15.  Jilqa' l-proposta għal riflessjoni ta' kull sena dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-istrateġija; jemmen li din ir-riflessjoni għandha sseħħ fil-qafas ta' dibattitu annwali fil-Parlament u abbażi ta' rapport ta' implimentazzjoni mfassal mill-VP/RGħ;

16.  Huwa tal-opinjoni li l-Istrateġija Globali għandha tiġi riveduta regolarment u għandha tiġi pprovduta analiżi dwar l-implimentazzjoni tagħha, f'sinkronija maċ-ċiklu elettorali u l-bidu ta' kull Kummissjoni ġdida, sabiex jiġi vverifikat jekk l-objettivi u l-prijoritajiet tagħha għadhomx jikkorrispondu għall-isfidi u t-theddid;

17.  Jenfasizza li l-azzjoni esterna tal-UE hemm bżonn tkun imsejsa fuq dawn it-tliet pilastri: id-diplomazija, l-iżvilupp u d-difiża;

It-teħid tar-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna: Nipprevjenu, niddefendu, nevitaw, nirreaġixxu

18.  Jenfasizza li l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża tagħha, peress li din tista' tuża l-potenzjal sħiħ tagħha bħala potenza globali biss jekk tgħaqqad is-setgħa tal-persważjoni unika tagħha mas-setgħa ta' koerzjoni, bħala parti mill-approċċ komprensiv tal-UE; ifakkar li kapaċitajiet ċivili u militari aktar b'saħħithom huma elementi ewlenin biex l-UE tkun tista' tirreaġixxi bis-sħiħ għall-kriżijiet, tibni r-reżiljenza ta' sħabha u tipproteġi lill-Ewropa; jinnota li peress li l-politika tal-poter qiegħda għal darb'oħra tiddomina r-relazzjonijiet internazzjonali, il-kapaċitajiet ta' difiża u ta' deterrenza huma importanti għall-influwenza tagħna f'taħdidiet diplomatiċi; itenni f'dan ir-rigward li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni teħtieġ li tissaħħaħ u tiġi approfondita, billi l-uniku mod realistiku biex jissaħħu l-kapaċitajiet militari tagħna fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji huwa li jiżdiedu s-sinerġiji billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha u permezz tal-immirar tal-investimenti; jemmen li aktar kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża se twassal għal aktar effikaċja, għaqda u effiċjenza, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jiksbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali biss permezz ta' tali kooperazzjoni aktar profonda;

19.  Jinsab konvint li, fid-dawl ta' baġit tal-UE li diġà huwa sottofinanzjat, hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali għal operazzjonijiet, spejjeż amministrattivi, azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, finanzjament addizzjonali mill-Istati Membri, kif ukoll sforzi biex jissaħħu s-sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità tar-reviżjoni attwali/rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet baġitarji tal-isfidi globali dejjem jikbru għas-sigurtà; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-infiq tad-difiża tagħhom sabiex jilħqu l-miri tal-kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' tnejn fil-mija tal-PDG; jenfasizza li koordinament aħjar u inqas duplikazzjoni bejn l-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jippermettu ffrankar u allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi;

20.  Huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li l-istrumenti pprovduti mit-Trattat ta' Lisbona finalment jiġu implimentati, b'mod partikolari l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); huwa tal-fehma li approċċ flessibbli u inklużiv li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni miftuħa u proattiva mill-Istati Membri kollha huwa essenzjali fl-implimentazzjoni tal-PESCO; jilqa' d-dokument konġunt tal-Ministri għad-Difiża ta' Franza u l-Ġermanja dwar it-tiġdid tal-PSDK, u l-proposta Taljana għal difiża Ewropea aktar b'saħħitha, u jappoġġa bis-sħiħ l-għan tagħhom li tittieħed deċiżjoni pożittiva dwar l-istabbiliment tal-PESCO fil-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża ta' Novembru 2016; jistieden lill-VP/RGħ ikollha rwol ta' tmexxija f'din l-inizjattiva, kif ukoll fi proposti oħrajn reċenti għat-tisħiħ tal-PSDK, bil-ħsieb li twitti t-triq lejn aktar deċiżjonijiet ambizzjużi dwar il-PSDK li għandhom jittieħdu fil-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża ta' Novembru u fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, inklużi dawn li ġejjin:

•  il-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti ċivili u militari, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC) daqstant ieħor importanti, li jsaħħu l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, itejbu l-koperazzjoni ċivili-militari kif ukoll il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet;

•  it-tisħiħ tal-għodod ta' reazzjoni rapida tal-UE, notevolment billi jitjieb l-użu tal-gruppi tattiċi, jitħaddem l-Artikolu 44 u billi jissaħħu u jsir użu akbar tal-Eurocorps għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

  l-estensjoni tal-finanzjament komuni tal-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż permezz ta' rieżami urġenti u sħiħ tal-mekkaniżmu Athena, bl-inklużjoni tad-dikjarazzjoni dwar il-gruppi tattiċi u li hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi kollettivi minflok minn Stati Membri parteċipanti individwali, u b'hekk jitneħħa ostakolu potenzjali għall-Istati Membri li jieħdu impenji;

  it-twaqqif ta' konfigurazzjoni tad-Difiża tal-Kunsill;

21.  Jinkoraġġixxi rieżami tal-approċċ tal-UE għal missjonijiet ċivili tal-PSDK min-natura ta' interventi, għall-għanijiet u l-persuni involuti, sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mfassla, implimentati u appoġġati b'mod adegwat; jilqa' l-progress li sar fir-rigward ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, minkejja n-nuqqasijiet tagħhom; jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jappoġġaw il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti; jappoġġa l-ħolqien ta' fondi inizjali għal finanzjament urġenti tal-ewwel fażijiet ta' operazzjonijiet militari; jemmen li proċedura ġdida u aktar effettiva għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar missjonijiet militari tal-UE għandhom itejbu l-aġilità u s-saħħa tal-UE biex tirreaġixxi għat-theddid u l-kriżijiet, filwaqt li jirrikonoxxi li d-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu pprovduti truppi għal tali missjonijiet għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri;

22.  Jinsisti li kwalunkwe deċiżjoni lejn Unjoni Ewropea ta' Difiża, inkluż l-iżvilupp ta' aktar kooperazzjoni strutturata permanenti u l-ħolqien ta' strumenti ta' difiża komuni, għandha tittieħed fuq il-bażi ta' unanimità fost l-Istati Membri tal-UE;

23.  Jiddispjaċih li l-eżerċizzji impenjattivi komprensivi li rriżultaw mill-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Novembru 2013 u l-Kunsilli Ewropej tal-2013 u l-2015 għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ mill-Kummissjoni, is-SEAE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Membri; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs jippreżentaw valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet preċedenti lill-Parlament qabel ma jissuġġerixxu kompiti ġodda; jilqa' l-ħidma li għaddejja bħalissa dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża u l-isforzi tal-Kummissjoni biex timmassimizza l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż permezz ta' inċentivi f'oqsma bħal dawk tas-suq intern, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka, it-trasport, l-ispazju, iċ-ċibernetika, l-enerġija u l-politiki industrijali; jinnota l-proposta tal-President Franċiż għal Fond Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża u jappoġġa l-iżvilupp ta' kunċetti ġodda u innovattivi ta' finanzjament u ta' investiment, inkluż permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment u sħubiji pubbliċi u privati;

24.  Jinnota li filwaqt li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet fit-tentattiv biex iżommu firxa wiesgħa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompletament operazzjonali, hemm il-ħtieġa għal aktar koordinament u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' integrazzjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet Ewropej ta' difiża, u jinnota l-inizjattivi varji li qed isiru f'dan ir-rigward li għandhom jitqiegħdu f'qafas usa' biex jiġi stabbilit pjan direzzjonali intelliġenti; jappoġġa l-proposti għal "Semestru Ewropew għad-Difiża", u jistieden lill-VP/RGħ tressaq proposti konkreti għal dan il-għan; jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali biex il-forzi tal-Istati Membri jkunu aktar kompatibbli u integrati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu aktar modi għax-xiri, il-manutenzjoni u ż-żamma konġunti ta' forzi u ta' materjal;

25.  Ifaħħar ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fil-promozzjoni u l-koordinament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet u jappella għat-tisħiħ tagħha, b'mod partikolari billi jiżdied il-baġit tagħha; jinsisti li l-ispejjeż tal-persunal u tat-tmexxija tal-Aġenzija għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid l-organizzazzjoni, il-proċeduri u l-attivitajiet tal-passat tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

26.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-Ewropa jibqa' jkollha bażi industrijali u teknoloġika kompetittiva u innovattiva li tkun kapaċi tiżviluppa u tipproduċi l-kapaċitajiet meħtieġa; ifakkar li suq tad-difiża integrat u t-tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea huma assolutament meħtieġa għal ekonomiji ta' skala u effiċjenza mtejba;

27.  Jilqa' l-proposta tal-President Juncker biex jinħoloq Fond Ewropew tad-Difiża biex jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni; jilqa' l-ħidma li għaddejja dwar l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża, li għandha tiġi segwita minn Programm Ewropew tar-Riċerka dwar id-Difiża ddedikat u ewlieni ffinanzjat mill-UE fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, inklużi riżorsi finanzjarji addizzjonali pprovduti mill-Istati Membri;

28.  Jappella għal rwol aktar attiv mill-UE fil-qasam tad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi; jistieden lill-Kunsill jippermetti lill-VP/RGħ jkollha rwol aktar attiv fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi;

29.  Jirrikonoxxi l-interdipendenza dejjem tikber bejn is-sigurtà interna u dik esterna, u huwa tal-fehma li l-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà jeħtieġu analiżi kritika profonda tal-politiki ta' sigurtà tagħna, bil-ħsieb li tinħoloq politika konsistenti u unifikata li tkopri kemm id-dimensjonijiet interni kif ukoll dawk esterni, inklużi aspetti bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà enerġetika, it-theddid ibridu, il-komunikazzjoni strateġika, u l-infrastrutturi kritiċi; iħeġġeġ lis-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri jsaħħu l-koordinament u l-kooperazzjoni u jżidu l-iskambju tal-intelligence u tal-informazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri kollha jkunu konformi mal-obbligu ġuridiku tagħhom li jaqsmu l-intelligence mal-Europol u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-qsim tal-intelligence ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, filwaqt li jiġu rispettati d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifaħħar it-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE adottata waqt is-Summit ta' Varsavja; jappoġġa bis-sħiħ kooperazzjoni aktar fil-fond bejn in-NATO u l-UE fl-oqsma taċ-ċibersigurtà, il-migrazzjoni, il-komunikazzjoni strateġika u r-reazzjoni għal theddid ibridu; jistieden lill-VP/RGħ tippreżenta proposti speċifiċi għas-segwitu għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja sal-aħħar tal-2016; jinsab konvint li n-NATO hija kruċjali għas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, filwaqt li jinsisti dwar il-ħtieġa li jinżammu kapaċitajiet ta' reazzjoni xierqa tal-UE; ifakkar li NATO aktar b'saħħitha u UE aktar b'saħħitha jsaħħu u jikkumplementaw lil xulxin; jilqa' l-impenn tal-Istrateġija Globali tal-UE lejn in-NATO u jqisha bħala l-pedament tas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa; jenfasizza li l-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli dwar is-sigurtà u d-difiża u tevita l-possibbiltà ta' duplikazzjoni; jemmen ukoll li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu aktar mill-qrib man-NATO biex ikun żgurat li d-Difiża Intelliġenti tal-Alleanza u l-inizjattivi ta' Akkomunament u ta' Kondiviżjoni tal-UE jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin;

31.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija indiviżibbli u li, f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom igawdu l-istess livell ta' sigurtà, u għalhekk għandhom jipprovdu u jipparteċipaw b'mod ugwali fuq bażi proporzjonali għas-sigurtà tal-UE u jonoraw ċerti impenji; jinnota wkoll li dan l-Artikolu jgħid ukoll li dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

32.  Jagħraf il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi għall-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-PESK/PSDK;

33.  Jemmen li huwa kruċjali li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà Ewropea, li hija bbażata fuq l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u l-erba' 'pakketti' tagħha, u li saritilha ħsara severa bl-interventi militari illegali tar-Russja fil-Krimea u fl-Ukrajna tal-Lvant;

34.  Huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li tiġi definita strateġija ġdida u aktar realistika għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, ibbażata fuq deterrenza kredibbli iżda wkoll fuq djalogu f'oqsma ta' interess komuni, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni u l-kummerċ; jissottolinja fl-istess ħin l-importanza ta' investiment akbar fil-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Russa u fl-appoġġ għalihom, biex tissaħħaħ il-bażi fit-tul tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li s-sanzjonijiet kienu meħtieġa b'reazzjoni għall-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, u kienu mezz effettiv biex jiskoraġġixxu aktar aggressjoni; ifakkar li s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relatati tiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk; jappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi tal-UE kontra individwi u entitajiet fir-Russja b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni intenzjonata tal-Ukrajna, u jinsisti li l-UE għandha tibqa' miftuħa għall-possibbiltà ta' aktar sanzjonijiet gradwali, b'mod partikolari kontra prodotti ta' teknoloġija għolja taż-żejt u l-gass, u fis-setturi tal-IT u tal-armi, jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; jemmen li huwa fl-interess komuni tal-UE u tar-Russja li jiksbu relazzjoni aħjar bejniethom, dment li jiġi applikat id-dritt internazzjonali;

35.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali jitkellmu b'vuċi waħda biex jibgħatu sinjal ċar lill-gvern Russu li l-azzjonijiet tiegħu se jġorru spejjeż u konsegwenzi; jitlob ukoll li titnaqqas il-kriżi attwali u jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu mas-sħab internazzjonali biex jitfgħu pressjoni diplomatika, politika u ekonomika fuq il-Gvern Russu biex itemm l-agressjoni tiegħu; jilqa' d-deċiżjonijiet tas-Summit tan-NATO f'Varsavja f'dan il-kuntest; jissottolinja l-impenn tiegħu favur l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; jenfasizza li l-elezzjonijiet f'territorji okkupati tal-Krimea huma invalidi;

36.  Jemmen li huwa importanti li jinstabu modi biex jikkalmaw it-tensjonijiet attwali u jkun hemm djalogu kostruttiv mar-Russja sabiex jiġu identifikati miżuri bil-għan li jnaqqsu r-riskju ta' każijiet perikolużi ta' nuqqas ta' ftehim u kalkoli ħżiena; jissottolinja l-importanza ta' iżjed trasparenza reċiproka fl-attivitajiet militari sabiex jiġu evitati inċidenti marittimi u tal-ajru mar-Russja u l-bżonn li jiġu żviluppati standards komuni għall-ġestjoni ta' aċċidenti u inċidenti possibbli; iqis li t-titjiriet militari mhux kooperattivi mingħajr transponders attivi huma ta' periklu serju għall-avjazzjoni ċivili u jqis li hemm bżonn jitfasslu miżuri għall-individwazzjoni ta' tali titjiriet malajr kemm jista' jkun u biex tinstab triq 'il quddiem internazzjonali sabiex jintemmu dawn ir-riskji għas-sikurezza; jemmen ukoll li l-kooperazzjoni mar-Russja dwar il-ftehim nukleari reċenti mal-Iran joffri tama għal titjib fir-relazzjonijiet f'oqsma oħra, inkluż man-NATO, sabiex jonqsu t-tensjonijiet bħal dawk fil-Baltiku, is-Sirja u l-Ukrajna;

37.  Iħeġġeġ lill-UE żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-reżiljenza u l-indipendenza tagħhom, inkluż permezz tat-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK kompluti u ambizzjużi bil-kompitu li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà; jistieden lill-UE jkollha rwol aktar attiv u effettiv fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna lill-Ukrajna, inklużi sistemi ta' difiża adegwata, sabiex jiskoraġġixxu eskalazzjoni militari fil-Lvant tal-Ukraina, ibiddlu l-EU East StratCom fi struttura tal-UE permanenti u jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għat-tħaddim aħjar tiegħu; jappoġġa wkoll l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' dawk il-pajjiżi u l-aġenda ta' riforma f'oqsma bħall-istat tad-dritt, l-ekonomija, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi;

38.  Ifakkar fl-impenn tal-UE mas-sħab tagħha fil-viċinat tagħha u li l-appoġġ tar-riforma politika u soċjali, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku huma l-aqwa mezzi biex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-viċinat tagħha; jirrikonoxxi li l-politika tal-UE m'għandhiex tadotta approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd, u għalhekk għandha tkun aktar flessibbli u reattiva għal sitwazzjonijiet li qegħdin jinbidlu fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jinnota li l-Istrument Ewropew ta' Viċinat rivedut għadu ma laħaqx l-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari fejn jidħol il-prinċipju ta' 'aktar għal aktar'; iħeġġeġ sabiex titqies il-politika ta' anqas għal anqas fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi li jmorru lura f'termini ta' governanza, demokrazija u drittijiet tal-bniedem;

39.  Jenfasizza li l-approfondiment tar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u l-Kanada huwa ta' interess strateġiku għall-UE, filwaqt li fl-istess ħin huwa importanti għall-UE li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Amerika Ċentrali u t'Isfel sabiex mhux biss tissaħħaħ is-sħubija bireġjonali, iżda wkoll biex flimkien jindirizzaw sfidi globali ewlenin; jirrikonoxxi li l-UE hija l-aktar sieħeb ekonomiku importanti għall-Istati Uniti u viċi versa, filwaqt li t-tnejn huma alleati ewlenin internazzjonali kemm bilateralment kif ukoll permezz tan-NATO, u f'oqsma bħalma huma l-ftehim nukleari mal-Iran, is-Sirja u l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li din ir-relazzjoni tkompli, fuq il-bażi ta' valuri kondiviżi, wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti ta' Novembru;

Il-bini tar-reżiljenza u investiment f'approċċ komprensiv ġenwin: żvilupp, appoġġ u tisħiħ

40.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna, fil-viċinat tagħna u fl-Afrika issa jrid ikun fil-qalba tal-azzjoni tal-Ewropa; jirrikonoxxi li ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr is-sigurtà, u li l-iżvilupp sostenibbli hu rekwiżit għas-sigurtà, l-istabbiltà, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija; huwa tal-fehma li hemm bżonn jiġu ttrattati l-kawżi fundamentali tal-instabbiltà u tal-migrazzjoni irregolari u furzata, jiġifieri l-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, il-kunflitt armat, il-governanza ħażina, it-tibdil fil-klima, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanza u politiki kummerċjali li ma jindirizzawx dawn l-isfidi; jemmen li s-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-kummerċ huma partijiet tal-istess strateġija komprensiva u għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; jappella għal azzjoni Ewropea u internazzjonali (NU/G20) kontra t-trasferimenti finanzjarji illegali barra mill-Afrika;

41.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-viċinat tagħha, bl-użu tal-għodod tal-politika kollha disponibbli, inklużi l-kummerċ, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-politika ambjentali u d-diplomazija, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jilqa' f'dan ir-rigward, is-sħubiji ta' migrazzjoni ġodda tal-UE u Pjan ta' Investiment Estern, u jitlob li jkun involut fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ġdid lejn l-Afrika, ibbażat fuq il-valuri u l-prinċipji tal-UE, biex b'hekk jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għall-kummerċ, l-investiment, l-aċċess għall-enerġija u t-tkabbir ekonomiku u jappoġġaw l-pajjiżi Afrikani fil-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, trasparenti u effettivi u miżuri biex jittaffa l-impatt tat-tibdil fil-klima; jinsab konvint li l-UE għandha teżamina mill-ġdid il-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-kummerċ sabiex tiżgura li dawn huma skont il-valuri tagħna u jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet; jistieden lill-UE, u b'mod partikolari l-Istati Membri, jiġġieldu kontra t-trasferimenti finanzjarji illeċiti u biex iżidu b'mod sinifikanti l-impenji finanzjarji tagħhom fir-reġjun, inkluż permezz tal-Fond Fiduċjarju għall-Afrika u l-Pjan ta' Investiment Estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jissottolinja r-rwol importanti tal-UE fl-ilħuq tal-objettivi tal-Aġenda 2030; jemmen li s-settur privat jista' jkollu rwol importanti fl-iżvilupp jekk jaġixxi fi ħdan qafas legalment vinkolanti li jiddefinixxi r-responsabbiltajiet tas-settur tan-negozju fir-rigward tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjali u ambjentali;

42.  Jirrikonoxxi li l-għoti ta' għajnuna lill-vittmi ta' diżastri, ir-rifuġjati u oħrajn fil-bżonn min-naħa tal-UE wassal għal riżultati mħallta;

43.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni, li l-aktar li jaffetwaw l-Afrika tal-Punent, is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika u l-Lvant Nofsani, u li huma mmirati lejn l-Ewropa fuq livell mingħajr preċedent; iħeġġeġ lill-UE twettaq sforzi diplomatiċi koordinati, flimkien mal-Istati Uniti u alleati internazzjonali oħrajn, biex tikkonvinċi lis-sħab fir-reġjun, bħat-Turkija, l-Arabja Sawdija u l-Iran, dwar il-bżonn ta' strateġija komuni u b'bażi ġuridika fir-rigward ta' din l-isfida globali; jinkoraġġixxi aktar sforzi biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinament ma' pajjiżi oħra f'din il-ġlieda u jħeġġeġ lill-atturi statali u mhux statali fir-reġjun joqogħdu lura milli jalimentaw aktar it-tensjonijiet settarji u etniċi; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż l-attakk bil-bombi tal-funeral f'Sanaa fit-8 ta' Ottubru; jitlob b'urġenza investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar dan u ksur ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissospendu kull kooperazzjoni fil-Jemen sakemm tali ksur jiġi investigat u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob it-tmiem immedjat tal-imblokk tal-Jemen u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jerġgħu jibdew id-djalogu u jaħdmu lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli; jinsisti li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt;

44.  Iħeġġeġ sabiex jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex joffru kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-Viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin, speċjalment fl-Afrika, dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-iżvilupp, l-enerġija u l-ġestjoni tal-flussi migratorji; jemmen li l-viċinat tagħna jaf ikun aktar reżiljenti jekk ikun jista' jiġi organizzat fi ħdan qafas ta' kooperazzjoni reġjonali li jippermetti li jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi tal-migrazzjoni, it-terroriżmu u l-iżvilupp, fost affarijiet oħra; jistieden għalhekk lill-UE taħdem mal-pajjiżi ġirien tagħha tal-Magreb biex terġa' tniedi u tiżviluppa aktar l-Unjoni tal-Magreb Għarbi;

45.  Ifakkar li r-reġjun tas-Saħel u żoni ġeografiċi oħrajn konnessi huma reġjuni ta' prijorità għall-iżgurar tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u jenfasizza l-fraġilità tas-sitwazzjoni tas-sigurtà hemmhekk u l-konsegwenzi possibbli ta' dan it-taqlib attwali; jistieden lill-UE taħdem biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u s-Saħel fil-ġlieda kontra ż-żieda tal-attivitajiet terroristiċi fir-reġjun Saħel-Saħara; jenfasizza li l-kundizzjonijiet ħorox tal-għajxien f'ċerti postijiet jistgħu jixprunaw lil sezzjoni tal-popolazzjoni lejn l-alternattiva tat-terroriżmu Iżlamiku; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija koerenti u robusta għar-reġjun tas-Saħel bl-għan li titjieb il-governanza u l-obbligu ta' rendikont u l-leġittimità tal-istati u tal-istituzzjonijiet reġjonali, tissaħħaħ is-sigurtà, jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni, it-traffikar tal-persuni, l-armi u d-droga, u jissaħħu l-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp; jinsab konvint li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali, speċjalment fl-Afrika, huwa kruċjali fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-kooperazzjoni fis-sigurtà; jenfasizza li l-UE jeħtieġ tagħti tweġiba reali għal din is-sitwazzjoni tas-sigurtà, mhux biss ekonomikament, iżda wkoll politikament u militarment;

46.  Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt fis-Sirja f'konformità mal-proċess ta' transizzjoni stabbilit fil-Communiqué ta' Ġinevra u r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU; jappoġġa l-isforzi mmexxija min-NU bil-ħsieb li jiffaċilitaw in-negozjati bejn il-partijiet kollha involuti fil-kunflitt Sirjan dwar ftehim politiku inklużiv; jitlob lill-VP/RGħ tħejji b'mod urġenti strateġija Ewropea għas-Sirja; jinsab konvint li n-negozjati bilaterali bejn ir-Russja u l-Istati Uniti mhux se jkunu biżżejjed biex ikun hemm risposta sostenibbli għall-kriżi Sirjana; jistieden lill-UE tmur lil hinn mill-pożizzjoni tagħha ta' marġinalizzazzjoni diplomatika u tuża l-influwenza tagħha fuq atturi ewlenin bħall-Iran, l-Arabja Sawdija, it-Turkija, il-Qatar u r-Russja sabiex tiżgura li jieħdu pożizzjoni kostruttiva u jżommu lura milli jikkontribwixxu għal deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; ifakkar fl-użu ripetut tal-veto mir-Russja u oħrajn fil-KSNU u jqis li dan l-użu jmorru kontra l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fis-Sirja u fir-reġjun; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kontra dawk l-individwi u entitajiet involuti kollha f'delitti kontra l-umanità fis-Sirja; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur kbir u mifrux tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem imwettaq min-naħat kollha tal-kunflitt Sirjan u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għal abbużi bħal dawn; itenni l-appoġġ tiegħu lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja li qed jiffaċċjaw sfidi enormi biex jospitaw miljuni ta' rifuġjati; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u s-Sirja, fejn id-drittijiet tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha jkunu rispettati bis-sħiħ;

47.  Jirrikonoxxi r-rwol tat-Turkija bħala sieħeb importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, fil-ġlieda kontra l-IS/Daesh fis-Sirja u l-Iraq u l-kriżi tal-migrazzjoni; jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat kontra l-gvern elett demokratikament tat-Turkija; iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħares l-ordni kostituzzjonali, filwaqt li jissottolinja l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-midja wara l-kolp ta' stat, skont l-impenji tiegħu bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jenfasizza li t-Turkija għandha tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropea sabiex tiżgura li l-proċeduri kollha jirrispettaw l-istat tad-dritt; jinsab allarmat minħabba n-natura repressiva u l-grad ta' purifikazzjoni mnedija wara l-attentat ta' kolp ta' stat, li tefa' lura b'mod serju l-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija u t-trattament ħażin tad-detenuti, l-impunità persistenti għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u l-indipendenza dejjem tonqos tal-ġudikatura;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani – abbażi ta' parametri stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2014 – li tiggarantixxi Stat tal-Iżrael sikur u Stat Palestinjan vijabbli fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967 u ssolvi l-kwistjonijiet kollha dwar status permanenti sabiex jintemm il-kunflitt; jistieden lill-UE terfa' r-responsabbiltà tagħha u ssir attur u faċilitatur ġenwin fil-proċess demokratiku; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu passi b'mod urġenti biex iħarsu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u joħolqu dinamika pożittiva lejn negozjati ta' paċi ġenwini; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta' insedjament tagħhom; jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha jibqa' prekundizzjoni essenzjali biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju;

49.  Jemmen li l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin hija possibbli biss meta jkun hemm kooperazzjoni mal-pajjiżi fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran u fl-Afrika kollha li hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jindirizzaw il-fatturi li qed iwasslu għall-migrazzjoni;

50.  Jappoġġa bil-qawwa t-tisħiħ tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P) bħala prinċipju ta' tmexxija importanti fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tul l-ispettru tal-kunflitt, kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp;

Is-saħħa tad-diplomazija Ewropea: għarfien, impenn u impatt

51.  Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-UE bħala superpotenza diplomatika, li huwa bbażat fuq firxa wiesgħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħna u fuq is-setgħa tagħna bbażata fuq il-valuri fil-qasam tad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan il-kuntest, ir-rwol ċentrali ta' koordinament tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi;

52.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni tal-kunflitti, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-instabbiltà u l-iżġurar tas-sigurtà tal-bniedem; jirrikonoxxi li azzjonijiet preventivi bikrija kontra riskji fit-tul ta' kunflitt vjolenti huma aktar effettivi, jieħdu inqas żmien u huma anqas għaljin minn operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; iħeġġeġ lill-UE turi tmexxija politika fid-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni f'kunflitti; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rwol tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-Kunflitti tal-UE, il-Grupp ta' Appoġġ għall-Medjazzjoni tas-SEAE u l-Istitut Ewropew għall-Paċi; jitlob l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-prevenzjoni tal-kunflitti u ta' medjazzjoni tal-UE; jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħdidiet ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti hija kruċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa, u li hija l-ewwel pass lejn l-inklużjoni sħiħa tagħhom fil-proċessi ta' tranżizzjoni futuri; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jżidu r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi maħsuba biex jittrattaw il-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-reazzjoni għall-kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu b'mod strett man-normi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u sabiex iwaqqfu l-kummerċ tal-armi ma' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati; jinsisti li l-UE tintensifika d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

53.  Iħeġġeġ bil-qawwa aktar negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru sabiex tintlaħaq konklużjoni rapida u ta' suċċess;

54.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw politika estera, ta' sigurtà u difiża li tirrispetta l-interessi nazzjonali iżda wkoll tfittex li taħdem ma' sħab internazzjonali, in-Nazzjonijiet Uniti, l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn dwar kwistjonijiet ta' interess komuni u sabiex jiġu promossi l-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà madwar id-dinja; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib ma' potenzi globali u reġjonali oħrajn dwar theddidiet u sfidi globali; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza kruċjali tar-relazzjoni trans-Atlantika, li hija bbażata fuq interessi u valuri komuni; jirrimarka li t-tiġdid ta' dawn is-sħubijiet strateġiċi, bl-għan li jinbidlu fi strument effettiv ta' politika estera, għandu jkun prijorità għall-UE;

55.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha ttejjeb u tintensifika l-isforzi diplomatiċi tagħha fl-Asja, inkluż mal-ASEAN, sabiex tikkontribwixxi għal aktar stabbiltà u sigurtà f'żoni ta' kunflitt b'tensjonijiet imġedda, filwaqt li taħdem mill-qrib ma' sħabha fir-reġjun u tiddefendi d-dritt internazzjonali, inkluż fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Oċean Indjan, sabiex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jinnota l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta' relazzjonijiet paċifiċi bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien tagħha madwar il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, inkluż il-Vjetnam, it-Tajwan u l-Filippini, permezz ta' mekkaniżmi multilaterali kostruttivi bilaterali u inklużivi; jemmen li ma jistax ikun hemm tisħiħ u tiġdid tal-istrutturi ta' ordni internazzjonali mingħajr l-Asja, u b'mod partikolari ċ-Ċina; jenfasizza li, fid-dawl tal-ambizzjonijiet globali taċ-Ċina, ir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għandha testendi lil hinn mir-rabtiet ekonomiċi biex issir aktar komprensiva u tiffoka fuq ir-rwol taċ-Ċina fin-NU, l-influwenza tagħha f'kunflitti reġjonali fil-viċinat tagħha, u l-kontribut tagħha biex tindirizza l-isfidi globali;

56.  Jistieden lill-UE ma tirtirax kompletament minn żoni li attwalment huma ta' inqas interess strateġiku, iżda li jistgħu jerġgħu jsiru importanti fil-futur, kemm mil-lat ekonomiku jew mil-lat uman jew militari – bħal pereżempju l-Asja Ċentrali, l-Afrika sub-Saħarjana jew l-Artiku, u li qed jattiraw l-interess ta' setgħat oħra fid-dinja;

57.  Ifakkar fl-importanza tas-setgħa bbażata fuq il-valuri tal-Ewropa, u jappella għal aktar tisħiħ tad-diplomazija tal-UE fil-qasam kulturali u xjentifiku sabiex jiġu pproġettati u promossi l-kwalitajiet u l-valuri Ewropej lil hinn mill-fruntieri tagħna; jinnota wkoll is-setgħa ta' diplomazija ekonomika, fost l-oħrajn is-sanzjonijiet, bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;

58.  Jenfasizza r-rwol tad-diplomazija parlamentari għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika mas-sħab tal-UE;

59.  Jenfasizza l-ħtieġa għal rwol imsaħħaħ tal-parlamenti nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, inkluż permezz ta' kooperazzjoni intensifikata bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà tal-UE;

60.  Jenfasizza r-rwol tal-atturi mhux statali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala atturi fid-diplomazija u sħab ewlenin tal-UE, u jenfasizza l-importanza li tingħatalhom għajnuna mill-UE u li jkun hemm involviment magħhom;

61.  Jisħaq fuq il-bżonn li titħaffef il-konsolidazzjoni tas-Servizz Diplomatiku Ewropew komplut, u b'mod partikolari li jissaħħu l-għarfien espert tematiku tiegħu u l-kapaċità tiegħu ta' ppjanar politiku strateġiku u ta' tbassir, kif ukoll il-qasam tal-intelligence; iqis li huwa importanti li r-rappreżentazzjonijiet tas-SEAE f'żoni ta' kriżi jingħatalhom rwol konsulari bil-ħsieb li jgħinu liċ-ċittadini tal-UE; jinsisti fuq il-bżonn ta' bilanċ ġust bejn id-diplomatiċi ssekondati mill-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE fis-SEAE, inkluż f'pożizzjonijiet maniġerjali;

62.  Jisħaq fuq il-fatt li l-mezzi finanzjarji disponibbli għall-azzjoni esterna tal-UE ma jikkorrispondux mal-isfidi li qed niffaċċjaw; jappella, f'dan ir-rigward, għal żieda sostanzjali fir-riżorsi disponibbli fl-Intestatura IV tal-QFP fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss;

63.  Jappella wkoll għal aktar obbligu ta' rendikont u trasparenza, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam man-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali;

64.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-baġit limitat ta' madwar EUR 320 miljun (0.2 % tal-baġit tal-UE) fuq il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK), u jitlob li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-flussi finanzjarji biex jimplimentaw dan il-baġit; jenfasizza li l-allokazzjonijiet tal-baġit deċiżi għall-2016 baqgħu fl-istess livell tal-2015 u li, b'EUR 5 miljun addizzjonali f'miżuri ta' sigurtà approvati għall-missjoni EUCAP Saħel Mali u EUR 10 miljun għall-EUBAM Libya, il-marġni disponibbli fl-aħħar ta' Marzu kien jammonta għal EUR 170 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' riżorsi disponibbli fid-dawl tal-impenji li jridu jiġu ssodisfati matul l-2016, b'baġit addizzjonali ta' EUR 169 miljun previst sempliċement biex jitkomplew dawk il-missjonijiet li jintemmu fl-2016;

65.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-kultura fil-politika estera tal-UE fil-promozzjoni ta' djalogu u ta' fehim u tagħlim reċiproku; jenfasizza li politiki kulturali u edukattivi mmirati jistgħu jappoġġaw objettivi ewlenin tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; itenni r-rwol tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iqisu d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp; jistieden lis-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja kollha biex jaħtru uffiċjal għall-kultura f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi sħab; jenfasizza ulterjorment ir-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jitrawmu ċ-ċittadinanza u l-ħiliet interkulturali, kif ukoll biex jissawru prospetti ekonomiċi aħjar u titjieb is-saħħa; iħeġġeġ l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tax-xjenza u l-kooperazzjoni fir-riċerka bħala għodda ta' setgħa ta' persważjoni fir-relazzjonijiet esterni Ewropej; jenfasizza l-mod li bih l-iskambju xjentifiku jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' koalizzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, partikolarment fir-relazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat tal-UE;

°

°  °

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2016/2036(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Elmar Brok

Rapport tal-Minoranza mressaq mill-GUE/NGL MPE Sabine Lösing, Javier Couso Permuy, Jean-Luc Mélenchon, Takis hadjigerogiou

Ir-rapport isostni li l-UE ġabet il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità liċ-ċittadini tagħha u fil-pajjiżi ġirien, jenfasizza li l-UE hija l-aktar donatur ġeneruż tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, iżda jinjora fl-istess ħin li l-UE hija fost l-akbar esportatur tal-armi fid-dinja, taċċetta l-armi nukleari fit-territorju tagħha u l-modernizzazzjoni tagħhom, l-għeluq tal-modi legali u sikuri kollha għar-rifuġjati/il-migranti lejn l-UE u li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE dan l-aħħar saret bil-kundizzjoni li wieħed iżomm jew jieħu lura l-migranti.

Ir-rapport hu favur iktar militarizzazzjoni tal-UE, kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO, u jappoġġa l-inkorporazzjoni tas-sigurtà interna u esterna.

Aħna kontra r-rapport peress li:

•  jitlob lill-Istati Membri aktar investiment fin-nefqa għad-difiża - il-mira tal-kapaċità tan-NATO (minimu ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża) kif ukoll fir-riċerka fil-qasam tad-difiża

•  jiddeskrivi lill-UE bħala minn ta' quddiem fid-diplomazija u jitkellem dwar aktar azzjoni fid-diżarm, iżda jitlob fl-istess ħin żieda fil-kapaċitajiet ta' difiża u ta' deterrenza;

•  jitlob l-estensjoni tal-mekkaniżmu ATHENA lil hinn mill-kontroll parlamentari, jirrakkomanda kooperazzjoni strutturata permanenti iffinanzjata mill-UE flimkien ma' gruppi tattiċi;

•  jilqa' r-riċerka fil-qasam tad-difiża u Fond Ewropew tad-Difiża tal-UE, il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża, li jibbenefika l-industriji tad-difiża u tas-sigurtà tal-UE u l-Kumpless Militari Industrijali;

Aħna nesiġu:

-  id-diżarm komplut (anki nukleari), fl-UE u f'livell dinji;

-  l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE u interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41(2) tat-TUE

-  ix-xoljiment tan-NATO


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (23.5.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2016/2036(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean Arthuis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddispjaċih ħafna li, b'baġit diġà limitat ta' madwar EUR 320 miljun (0,2 % tal-baġit tal-UE), il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE ġiet sottoimplimentata għall-ammont ta' EUR 96 miljun fl-2015, li jiżvela n-nuqqas ta' ambizzjoni u, tabilħaqq, iċ-ċaħda tar-realtà li jinsabu fiha l-Ewropej f'mument meta l-kunflitti internazzjonali qed jheddu s-sigurtà tagħhom sa fil-qalba tal-Ewropa;

2.  Jenfasizza li l-allokazzjonijiet tal-baġit deċiżi għall-2016 baqgħu fl-istess livell tal-2015 u li, b'EUR 5 miljun addizzjonali f'miżuri ta' sigurtà approvati għall-missjoni EUCAP Sahel Mali u EUR 10 miljun għall-EUBAM Libya, il-marġni disponibbli fl-aħħar ta' Marzu kien jammonta għal EUR 170 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta' riżorsi disponibbli fid-dawl tal-impenji li jridu jiġu ssodisfati matul l-2016, b'baġit addizzjonali ta' EUR 169 miljun previst sempliċement biex jitkomplew dawk il-missjonijiet li jintemmu fl-2016;

3.  Jinnota li l-PESK għandha rwol uniku u komplementari għas-sigurtà globali u li azzjoni tal-UE tista' tikseb riżultati fejn ħaddieħor isibha diffiċli biex jaġixxi; jenfasizza wkoll li azzjoni tal-UE tista', u fil-fatt irnexxielha, tevita l-bżonn ta' interventi iktar għaljin u riskjużi permezz tan-NATO u n-NU;

4.  Jinnota li, minbarra l-operazzjoni Sophia tal-EUNAVFOR Med li, b'baġit ta' inqas minn EUR 12-il miljun, salvat il-ħajja ta' iktar minn 13 000 migrant fil-baħar u li l-mandat tagħha se jkollu jiġi estiż u aġġustat mill-ġdid meta jintemm f'Lulju 2016, u miżuri biex jissaħħu l-ġestjoni tal-migrazzjoni permezz tal-missjoni EUCAP Sahel Niger, il-kontribut tal-missjonijiet ċivili tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għar-reazzjoni Ewropea għall-kriżi tal-migrazzjoni kien limitat ħafna u ma kienx parti minn strateġija reali;

5.  Jinsab sorpriż li, f'perjodu ta' restrizzjoni baġitarja u meta l-ispiża militari sa ftit ilu naqset b'mod drastiku meta mqabbla ma' reġjuni oħra fid-dinja, l-Istati Membri ma jarawx l-urġenza li jiksbu ekonomiji ta' skala permezz ta' "kooperazzjoni strutturali permanenti", jiġifieri għall-akkomunament tal-mezzi militari min-naħa ta' dawk il-pajjiżi li jixtiequ u li huma kapaċi jagħmlu dan (l-Artikolu 46 TUE); jilqa' l-eżistenza tal-gruppi tattiċi tal-UE ("battlegroups"), iżda jiddeplora n-nuqqas li jsir użu minnhom minħabba struttura tant kumplessa li hija inoperabbli, kif ukoll minħabba mod ta' finanzjament inadegwat, fatti li jippreġudikaw l-idea nnfisha ta' difiża Ewropea effettiva;

6.  Jitlob lill-Istati Membri jissodisfaw il-kriterju ta' 2 % tal-PDG għan-nefqa fuq id-difiża nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu b'aktar għaqal fil-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu bħala parti min-NATO u l-UE;

7.  Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' proġetti kooperattivi proposti mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ma ġiex sfruttat biżżejjed mill-Istati Membri, u jesprimi tħassib dwar il-fatt li dawn tal-aħħar ilhom li ffriżaw il-baġit tal-Aġenzija sa mill-2010; jikkunsidra bħala indispensabbli l-akkomunament tal-kapaċitàjiet ta' riċerka fil-qasam tad-difiża, bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u ssir tħejjija għall-ġejjieni; jilqa' l-istabbiliment tal-proġett pilota tal-Parlament f'dan il-qasam u jappoġġja bħala azzjoni preparatorja t-tisħiħ tiegħu permezz tal-mezzi xierqa mill-2017 'il quddiem;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-isfidi dejjem akbar tas-sigurtà li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha, sabiex tindirizzahom b'mod deċiżiv fid-dawl tar-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali li se jibda fi tmiem l-2016;

9.  Japprova l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jimplimentaw l-inizjattiva li għandha l-għan li ttejjeb il-bini ta' kapaċità b'appoġġ għas-sigurtà u d-difiża;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bil-għan li ma jiġix ippreġudikat dak li jkun inkiseb mill-azzjoni tal-UE jew bla ma jintilfu l-kredibilità u l-viżibilità tagħha, biex jissodisfaw u jżommu mal-impenji meħuda fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-fondi fiduċjarji li ġew stabbiliti mil-UE preċiżament minħabba n-nuqqas ta' fondi baġitarji; ifakkar li l-Parlament Ewropew, bħala parti mill-awtorità baġitarja, huwa responsabbli għall-ħarsien u d-difiża tal-interessi finanzjarji tal-UE;

11.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jikkonċentra fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti u jaħdem mill-qrib kemm man-NU kif ukoll man-NATO.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Kyrtsos, Andrej Plenković, Ivan Štefanec, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Rosa Estaràs Ferragut, Rainer Wieland


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (27.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2016/2036(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Angel Dzhambazki

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-kultura fil-politika estera tal-UE fil-promozzjoni ta' djalogu u ta' fehim u tagħlim reċiproku; ifakkar fil-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE; jenfasizza li politiki kulturali u edukattivi mmirati jistgħu jappoġġjaw l-objettivi tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jikkontribwixxu biex tissaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; itenni r-rwol tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni permezz ta' kollaborazzjoni intergovernattiva, li taġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab lokali u mas-soċjetà ċivili u l-NGOs fil-qasam tal-kultura, bħala għodda għall-bini tal-paċi, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jappella lill-Kummissjoni tintegra d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti kollha għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp;

2.  Itenni l-importanza tad-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" adottata f'Pariġi f'Marzu 2015 li tenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll solidarjetà globali u rispett reċiproku;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenzi umanitarji, u jappella lill-UE talloka 4 % għall-edukazzjoni mill-għajnuna umanitarja tagħha; jisħaq aktar fuq ir-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jitrawmu ċ-ċittadinanza u l-ħiliet interkulturali kif ukoll il-bini ta' prospetti ekonomiċi aħjar u t-titjib tas-saħħa;

4.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport annwali 2014 dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni ma jirreferix għad-diplomazija kulturali, u jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħtu bidu għal approċċ strateġiku fir-rigward tal-kultura u d-djalogu interkulturali u interkonfessjonali, li għandu jiġi rifless fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, inkluż l-istabbiliment ta' strateġija Ewropea għad-diplomazija kulturali; jissottolinja aktar ir-rwol importanti tad-diplomazija kulturali, il-kooperazzjoni u l-edukazzjoni kulturali u l-iskambju kulturali fit-tisħiħ ta' bażi komuni tal-valuri universali; jissuġġerixxi li l-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar id-diplomazija kulturali tipproponi qafas strateġiku simili għal din it-tip ta' kooperazzjoni kulturali internazzjonali, li għandha tagħti appoġġ xieraq fit-tul lill-atturi kulturali kemm pubbliċi kif ukoll privati;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-messaġġi ewlenin u t-tnax-il rakkomandazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u biex tinkludihom fl-Istrateġija ta' Diplomazija Kulturali ġdida kif ukoll fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni u s-sħubijiet fl-oqsma ta' politika tal-edukazzjoni kulturali, dik awdjoviżiva, taż-żgħażagħ u l-isport; jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm skambju tal-aħjar prattika mas-sħab strateġiċi tal-UE f'dawn l-oqsma;

7.  Ifakkar li d-diplomazija kulturali għandha tippromwovi l-iskambji u l-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet lokali u taċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili, kemm mill-Istati Membri tal-UE u wkoll ma' pajjiżi terzi, sabiex jiġu promossi l-valuri fundamentali tal-UE u jiġu indirizzati sfidi bħall-kriżi migratorja, il-qawmien tal-estremiżmu u l-xenofobija, il-qerda tal-wirt kulturali u t-theddid għal-libertà tal-espressjoni u l-kreazzjoni;

8.  Jilqa' l-ħidma mwettqa mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC) dwar l-estensjoni tar-rabtiet kulturali u edukattivi lejn pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, il-Korea u l-Indja; jappoġġja l-kooperazzjoni bejn id-DĠ EAC u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif dikjarat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, u l-ħatra ta' attaché kulturali fir-Rappreżentanza tal-UE fiċ-Ċina;

9.  Jemmen li l-UE, hija u tippromwovi l-valuri fundamentali, id-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fil-livell internazzjonali, għandha tikkundanna bil-qawwa kwalunkwe trattament inuman u degradanti u l-każijiet kollha ta' kollu tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tippromwovi b'mod konkret ir-rispett sħiħ għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.  Jappella lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-mexxejja tal-UE jinkludu d-diplomazija kulturali u xjentifika fl-Istrateġija Globali għall-Unjoni Ewropea;

11.  Jilqa' t-tiġdid fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u jitlob li jiżdied il-profil tal-kultura, l-edukazzjoni, l-isport u ż-żgħażagħ fil-politiki li jittrattaw il-pajjiżi aderenti u dawk kandidati, kif ukoll programmi ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali taħt il-PEV, b'inizjattivi bħalma huma l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), b'mod partikolari taħt l-objettiv "kuntatti bejn in-nies", bl-għan li jiġu involvuti aktar iċ-ċittadini f'attivitajiet kulturali u edukattivi u fil-bini ta' reżiljenza tas-soċjetà ċivili; jinnota li dawn il-programmi għandhom ikunu bbażati fuq definizzjoni wiesgħa tas-soċjetà ċivili u għandhom jappoġġjaw firxa wiesgħa ta' atturi u attivitajiet b'motivazzjoni pubblika; jilqa' l-Azzjoni Preparatorja dwar il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE u s-segwitu tagħha bħala bażi importanti għat-tisħiħ tar-rwol tal-kultura bħala fattur strateġiku għall-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika esterna;

12.  Jappella lill-UE tkabbar il-kooperazzjoni man-NU biex tinkiseb integrazzjoni aktar espliċita tal-kultura u l-edukazzjoni fl-Aġenda tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli wara l-2015 u speċjalment fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

13.  Iħeġġeġ l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tax-xjenza u l-kooperazzjoni fir-riċerka bħala għodda 'soft-power' fir-relazzjonijiet esterni Ewropej; jenfasizza kif l-iskambju xjentifiku jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' koalizzjoni, partikolarment fir-relazzjoni mal-Pajjiżi tal-Viċinat tal-UE;

14.  Jilqa' l-Memorandum ta' Qbil UE-UNESCO u ż-żieda sussegwenti fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet; hu tal-fehma li sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni, hemm bżonn li mmorru lil hinn mill-assistenza finanzjarja u l-ġestjoni konġunta ta' proġetti billi nsaħħu s-sħubija fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura f'perspettiva fit-tul; jappella, għalhekk, biex jinbeda djalogu strateġiku annwali ta' livell għoli bil-għan li jiġu indirizzati sfidi komuni b'mod iktar sostenibbli;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi internazzjonali biex jitwaqqaf mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida għall-protezzjoni - f'kollaborazzjoni mal-UNESCO -tas-siti ta' wirt kulturali, li saru bersalli ideoloġiċi f'kunflitti armati; jirrakkomanda strateġija aktar koerenti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' artefatti kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-patrimonju dinji permezz ta' kooperazjoni internazzjonali msaħħa f'żoni ta' kunflitt, b'kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Kumitat Internazzjonali tal-Blue Shield (ICBS); iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri sabiex f'kooperazzjoni mal-UE jieħdu azzjoni adegwata għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali minn qerda u serq immirati partikolarment fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq;

16.  Ifakkar li f'Ġunju li għadda, il-UNESCO nediet l-inizjattiva Intergovernattiva "Unite4Heritage", li tappella għall-iskjerament tal-Blue Helmets tal-kultura f'interventi urġenti ta' prevenzjoni, salvagwardja u restawr ta' wirt kulturali u beni kulturali f'perikolu jew li ġarrbu ħsara; ifakkar f'dan ir-rigward il-Memorandum ta' Qbil (MtQ) iffirmat mill-Gvern Taljan u l-UNESCO fis-16 ta' Frar 2016; iħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jimxu fuq l-eżempju Taljan u biex jieħdu l-MtQ bħala mudell għal aktar ftehimiet bilaterali bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri u l-UNESCO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi din l-inizjattiva fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti biex titkellem bħala l-unika vuċi tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jinnota r-riżultati ta' studju riċenti tal-Parlament Ewropew dwar l-istituti kulturali Ewropej barra mill-Ewropa, b'mod partikolari s-sett ta' prinċipji ta' gwida għall-akkomunament u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn l-istituti kulturali u l-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li titjieb il-viżibbiltà ta' azzjonijiet Ewropej barra mill-Ewropa - b'mod partikolari fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-bini tal-paċi - , tingħata s-setgħa lill-atturi tas-soċjetà ċivili lokali kif ukoll biex jissaħħaħ id-djalogu ma' pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-UE biex tinkoraġġixxi kooperazzjoni attiva bejn l-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-Unjoni Ewropea (EUNIC) u d-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi barranin; jenfasizza li d-diversità kulturali tal-Ewropa għandha tintuża bħala punt pożittiv fl-azzjoni esterna tal-UE u jirrakkomanda li l-Istati Membri jħeġġu lil istituti kulturali biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom tad-diplomazija kulturali tal-UE;

18.  Jagħraf ir-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fit-trawwim tat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, u jinkoraġġixxi aktar appoġġ lill-industriji kreattivi fl-UE u fil-pajjiżi terzi – inklużi impriżi soċjali bħall-kooperattivi – pereżempju permezz tal-proġett pilota għall-appoġġ ta' networks ta' imprendituri kreattivi żgħażagħ fl-UE u f'pajjiżi terzi li għandu jibda fl-2016; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita dejta statistika dwar il-kultura u l-industriji kulturali mmirata biex tikkontribwixxi fid-dibattitu tal-politika kulturali, kif ukoll biex tenfasizza iktar il-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u l-impatt tagħhom fuq il-benesseri soċjali; jitlob li jitkompla l-Proġett ta' Faċilitajiet Esperti bejn l-UE u l-UNESCO;

19.  Jilqa' l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u l-Komunikazzjoni dwar id-diplomazija kulturali li għandha tiġi ppubblikata fl-2016;

20.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' kooperazzjoni koerenti u kumplimentari b'mod reċiproku b'rabta mat-"triangolu tal-għarfien", bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u b'mod partikolari b'rabta mal-azzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà pubblika, biex b'hekk tingħata għajnuna fir-riċerka għal soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi globali u għall-isfidi ffaċċjati minn stati individwali u biex tingħata għajnuna lill-kompetittività Ewropea;

21.  Jinnota r-rwol importanti u ta' valur li t-tagħlim informali, l-isport, ix-xogħol taż-żgħażagħ u l-volontarjat jista' jkollhom fl-appoġġ ta' objettivi internazzjonali — b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli — għat-tisħiħ tal-iskambji interkulturali u l-kuntatti bejn il-persuni u l-promozzjoni tal-valuri universali, iċ-ċittadinanza globali u l-paċi, b'mod partikolari f'żoni ta' gwerra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-isport bħala mezz għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, il-fehim reċiproku, ir-reċiproċità, il-fiduċja u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari bħala parti minn approċċ ta' wara l-kunflitti; jenfasizza li l-isport jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet kulturali effettivi; jistenna b'ħerqa il-EUNIC Yearbook 2016 dwar is-suġġett u l-konklużjonijiet tiegħu;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv li l-istituzzjonijiet jistgħu jwettqu fl-appoġġ tal-fair play u fil-ġlieda kontra d-doping, ix-xiri tal-logħob, u l-forom kollha ta' attività illegali, kemm ġewwa, kif ukoll barra mill-Ewropa, bil-għan li tkun promossa l-ġustizzja u l-kompetizzjoni b'saħħitha fl-attivitajiet sportivi kollha;

23.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE jesploraw il-potenzjal tat-TIK sabiex tiżdied ir-rilevanza tad-diplomazija kulturali u r-relazzjonjiet kulturali fl-era diġitali;

24.  Jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi eliġibbli fil-programmi ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, iċ-ċittadinanza u r-riċerka xjentifika bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-Ċittadini u Orizzont 2020. jappoġġja l-azzjonijiet kollha li jippermettu liż-żgħażagħ ikunu f'kuntatt ma' pajjiżi terzi u viċe versa sabiex jitgħallmu minn xulxin u jinfetħu għall-ġirien tagħhom, pereżempju fl-azzjonijiet ta' tħejjija għal skambji taż-żgħażagħ bejn l-UE u l-Ukraina, u l-UE u r-Russja; jenfasizza l-bżonn tal-qsim tal-esperjenza Ewropea fil-bini tal-kapaċità kulturali u l-governanza u biex ineħħu l-ostakoli għall-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti kulturali bi qbil mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-2005;

25.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn il-midja Ewropea u tal-pajjiżi terzi, b'mod partikolari ix-xandara pubbliċi, bil-għan li jissaħħaħ il-fehim reċiproku u t-tisħiħ tad-djologu interkulturali, proġetti konġunti u koproduzzjonijiet;

26.  Jisħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni għat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-kriżijiet mtawla u l-bżonn li jiżdied il-profil ta' proġetti tal-edukazzjoni f'tali każijiet; jinnota d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni li hi se tipprovdi EUR 445 miljun f'għajnuna umanitarja għall-kriżi fis-Sirja fl-2016, li parti minnha se tkun allokata għall-edukazzjoni;

27.  Jappella lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jaħtru attaché kulturali f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi, u biex il-persunal tas-SEAE kif ukoll il-persunal ieħor relevanti tal-UE, b'taħriġ dwar kompetenzi interkulturali u d-dimensjoni kulturali tal-politika estera;

28.  Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jisfruttaw bis-sħiħ l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti inklużi il-Fondi Ewropej ta' Żvilupp (FEŻ), l-Allokazzjoni Globali tal-Istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), l-Strument Ewropew ta' Viċinat (ENP), l-istrument ta' qabel l-adeżjoni (IAP-II), l-Istrument ta' Sħubija (PI) u l-baġit tal-Uffiċċji tal-Istampa u l-Uffiċċji tal-Informazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jiffinanzjaw attivitajiet bbażati fuq il-kultura u biex jissaħħaħ l-użu tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Mary Honeyball, Ilhan Kyuchyuk, Martina Michels


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

9

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Mario Borghezio, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Jean-Luc Mélenchon, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Soraya Post, Jean-Luc Schaffhauser, Bodil Valero, Janusz Zemke

Avviż legali