Proċedura : 2016/2060(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0365/2016

Testi mressqa :

A8-0365/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 17
CRE 12/12/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2016 - 5.6
CRE 13/12/2016 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0487

RAPPORT     
PDF 739kWORD 72k
2.12.2016
PE 589.329v04-00 A8-0365/2016

dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant

(2016/2060(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Mariya Gabriel

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant

(2016/2060(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija msejsa l-UE;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-NU (1995) għall-ugwaljanza, l-iżvilupp u l-paċi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1820 (2008), 1325 (2000) u, aktar reċentement, 2242 (2015) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995, u l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Programm ta' Azzjoni dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Konferenza tal-Kajr) ta' Settembru 1994, kif ukoll l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-20 ta' April 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnius fit-28 u d-29 ta' Novembru 2013, bit-titolu 'Is-Sħubija tal-Lvant: it-triq 'il quddiem',

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat(1),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020), tat-22 ta' Settembru 2015;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-Ġeneruċidju: in-nisa li għebu?(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u r-riżoluzzjoni reċenti tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(6),

–  wara li kkunsidra l-Proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Titjib fl-Aċċess tan-Nisa għall-Ġustizzja f'Ħames Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-pajjiżi u r-rapporti ta' progress tal-OECD tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul Kontra l-Korruzzjoni għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar Remunerazzjoni Ugwali (Nru 100) tal-1951, il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (fl-Impjiegi u fix-Xogħol) (Nru 111) tal-1958, il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbiltajiet Familjari (Nru 156) tal-1981 u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Nru 183) tal-2000,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0365/2016),

A.  billi skont id-Dikjarazzjoni ta' Praga, is-Sħubija hija bbażata fuq impenji għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi d-Dikjarazzjoni ta' Riga għamlet referenza għall-ugwaljanza bejn is-sessi bħala "qasam ġdid promettenti ta' kooperazzjoni";

B.  billi d-divrenzjar imsaħħaħ bejn il-pajjiżi msieħba u sjieda akbar min-naħa tagħhom huma prinċipji ewlenin għall-PEV rieżaminata, b'qies għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż;

C.  billi l-ugwaljanza tas-sessi bejn in-nisa u l-irġiel hi minquxa fil-kostituzzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi tal-pajjiżi kollha tas-SL, u l-pajjiżi kollha rratifikaw il-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet internazzjonali importanti f'dan il-qasam mingħajr riżervi; jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom soġġetti għal diskriminazzjoni soċjali fil-pajjiżi tas-SL;

D.  billi l-pajjiżi kollha tas-SL żviluppaw strateġiji, programmi u pjanijiet ta' azzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa;

E.  billi fl-istati tas-SL 17-il pożizzjoni biss minn 136 pożizzjoni ministerjali għolja kienu okkupati minn nisa fl-2015, u bħala medja, in-nisa kienu jirrappreżentaw 16 % tal-Membri eletti tal-Parlament, waqt li n-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet fis-servizz ċivili kienu jammontaw bħala medja għal 17 % biss; billi fir-reġjun kollu, tliet partiti politiċi biss kienu mmexxija minn nisa;

F.  billi s-segregazzjoni vertikali u orizzontali tal-impjieg tan-nisa fis-swieq tax-xogħol fl-Istati tas-SL għadha marbuta ħafna man-normi kulturali u soċjali tagħhom; billi n-nisa huma mgħobbija wkoll bit-"tieni xift" ta' xogħol domestiku mhux imħallas;

G.  billi l-istereotipi li s-soċjetà tgħaddilna b'mod wiesa' jħallu lin-nisa fi rwol subordinat; billi dawn l-istereotipi jibdew jiżviluppaw matul it-tfulija u huma riflessi fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u jibqgħu għaddejjin fis-suq tax-xogħol;

H.  billi ħafna nisa fiż-żoni rurali li m'għandhomx possibilitajiet oħra għandhom it-tendenza li jaċċettaw impjiegi b'pagi baxxi fl-agrikoltura, li sikwit ikunu mingħajr reġistrazzjoni uffiċjali u mingħajr ebda dritt tas-sigurtà soċjali; billi l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-agrikoltura tista' tgħin biex jiġi żgurat aċċess indaqs għall-impjieg għall-irġiel u għan-nisa, kif ukoll paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali;

I.  billi n-nisa u l-irġiel fil-pajjiżi tas-SL spiss iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u għad hemm ostakli serji għan-nisa fqar, għall-migranti, għall-minoranzi etniċi u għal dawk li jgħixu f'żoni rurali; billi anqas minn 50 fil-mija tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL jużaw metodi kontraċettivi moderni, u f'xi pajjiżi anke anqas minn 20 fil-mija, u r-raġunijiet ewlenin huma pariri ħżiena, spejjeż għoljin, u nuqqas ta' għażla u provvista mhux affidabbli;

J.  billi għad baqa' nuqqasijiet serji fl-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta' vjolenza sessista, b'mod partikolari n-nuqqas ta' kriminalizzazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, sottorappurtar gravi ta' reati ta' dan it-tip, għadd żgħir wisq ta' kundanni f'każijiet ta' stupru, u ftit jew l-ebda finanzjament mill-Istat għal servizzi ta' appoġġ;

K.  billi filwaqt li jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-prevalenza tal-vjolenza fuq in-nisa u l-aċċettazzjoni ta' tali vjolenza(7), ir-rata hija relattivament għolja - il-prevalenza matul il-ħajja tal-vjolenza fiżika hija ta' aktar minn 20 % f'erbgħa mis-sitt pajjiżi; billi m'hemmx biżżejjed data kumparabbli għad-determinazzjoni tal-prevalenza tal-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika fil-post tax-xogħol, wisq probabbli anke minħabba nuqqas ta' rappurtar; billi r-riskju tal-vjolenza huwa ħafna akbar għan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, bħar-Rom;

L.  billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għadhom pajjiżi ta' oriġini, u f'xi każijiet pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni, għat-traffikar tal-bnedmin li jinvolvi n-nisa u l-bniet, fosthom għal skopijiet ta' sfruttament sesswali;

M.  billi l-kunflitti persistenti għadhom qed ikomplu jxekklu l-iżvilupp fir-reġjun, b'effett profond fuq il-ħajjiet u d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni milquta, fosthom in-nisa u l-bniet;

N.  billi l-kunflitt li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna approfondixxa l-istereotipi tal-ġeneru li jenfasizzaw lill-irġiel bħala protetturi u lin-nisa bħala l-persuni li jsostnu lill-familja, u llimitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt;

O.  billi fl-Ukrajna, aktar minn 1.5 miljun ruħ – żewġ terzi minnhom nisa u tfal – ġew spostati f'pajjiżhom mindu beda l-kunflitt u qed ibatu minħabba l-aċċess ostakolat għall-kura tas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għall-impjieg;

P.  billi l-bniet Rom fil-Moldova jqattgħu medja ta' anqas minn erba' snin l-iskola, meta mqabbel ma' 11-il sena għall-bniet li mhumiex Rom, b'konsegwenza ta' żwieġ fit-tfulija jew żwieġ prekoċi, tqaliet mhux ippjanati u responsabilitajiet tal-kura tat-tfal;

Q.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati lejn il-protezzjoni, it-twettiq u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet, u jippromwovuhom b'qawwa fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħhom, fosthom dawk li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

R.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha prijorità orizzontali fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), u billi l-PEV rieżaminata għandha tinkludi appoġġ imsaħħaħ għas-soċjetà ċivili u konċentrazzjoni mġedda fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti ħafna fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sħubija tal-Lvant;

S.  billi bosta programmi tal-UE huma miftuħa għal pajjiżi sħab tas-SL, bħal pereżempju Erasmus+, COSME, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020;

T.  billi l-kura ta' qabel it-twelid, il-preżenza ta' kura esperta waqt il-ħlas, b'kura ostetrika ta' emerġenza f'riżerva u provvisti essenzjali disponibbli huma kruċjali biex titnaqqas il-mortalità materna; billi l-pajjiżi tas-SL għad jonqoshom biex jilħqu lin-nisa kollha, speċjalment dawk li jinsabu fiż-żoni l-aktar fqar u l-aktar imbiegħda, u lil dawk li jappartjenu lill-gruppi emarġinati bħalma huma l-minoranzi nazzjonali, il-migranti u n-nisa b'diżabilità;

1.  Iqis li s-sitwazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL għandha bżonn tittejjeb; jirrimarka li bidliet ekonomiċi profondi u inċertezza ekonomika kellhom effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa, u dan wassal għal nuqqasijiet fl-ugwaljanza de facto tagħhom;

2.  Jirrimarka li l-istabbiltà politika ġenerali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma ġeneralment kundizzjoni preliminari neċessarja għat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u għat-titjib tas-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiżi kkonċernati;

3.  Jesprimi l-ħtieġa li l-pajjiżi tas-SL jieħdu azzjoni immedjata sabiex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, inkluż bl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet interessati tas-soċjetà ċivili;

4.  Jistieden lill-pajjiżi tas-SL biex jeliminaw il-lakuni fl-oqfsa tagħhom ta' kontra d-diskriminazzjoni, u biex jagħmlu użu akbar tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż użu ikbar ta' standards internazzjonali f'deċiżjonijiet ġudizzjarji, biex iżidu l-infurzabbiltà tal-liġijiet u sabiex itemmu l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa f'dawn il-pajjiżi;

5.  Jinnota li f'xi pajjiżi tas-SL is-sitwazzjoni tal-individwi LGBTI għadha prekarja u allarmanti, minkejja d-depenalizzazzjoni tal-omosesswalità; Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra l-persuni LGBTI, jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jadottaw politiki biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u bidliet istituzzjonali mmirati lejn l-eliminazzjoni ta' stereotipi gravi dwar in-nisa, li jolqtu negattivament il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali joqogħdu għassa u jkunu sodi u jimponu pieni fuq il-persuni li jinsultaw jew jistigmatizzaw lill-persuni LGBTI, speċjalment fis-servizz pubbliku, u l-ispazju pubbliku;

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet

8.  Jiddeplora l-fatt li n-nisa huma assenti b'mod sinifikanti u notevoli mill-istrutturi tal-poter fl-Istati tas-SL;

9.  Jirrimarka li għadhom jeżistu prattiki diskriminatorju fix-xena politika tal-pajjiżi tas-SL, fejn, anki jekk in-nisa jirnexxilhom jiksbu pożizzjonijiet ta' livell għoli fl-ambitu tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom jibqgħu jiġu ddubitati;

10.  Jitlob li jkun hemm aċċess ugwali għas-setgħa u rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-gvern u fit-teħid ta' deċiżjonijiet, bil-għan li jiġi appoġġat ir-rwol ta' tmexxija tan-nisa; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs internazzjonali sabiex jagħtu spinta lir-riformi u lill-miżuri pożittivi għall-protezzjoni d-drittijiet tan-nisa u għat-titjib tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet politiċi u ekonomiċi; iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa f'istituzzjonijiet deċentralizzati u fl-awtoritajiet lokali; jenfasizza l-fatt li r-riżultati sostenibbli jinkisbu l-aħjar meta jitmexxew mill-partiti politiċi, u għaldaqstant jenfasizza r-rwol importanti tal-partiti politiċi Ewropej u s-sezzjonijiet femminili tagħhom;

11.  Jistieden lill-Istati tas-SL jippromwovu u jsaħħu l-parteċipazzjoni u t-tmexxija politika min-nisa; jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjonijiet li jwettqu riformi ewlenin, bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riformi ekonomiċi, tkun ta' benefiċċju; jilqa' l-isforzi kollha maħsuba biex jintlaħaq dan l-għan, bħal pereżempju l-kwoti obbligatorji għal-listi tal-kandidati, għotjiet, taħriġ u appoġġ mogħtija lil politiċi u attivisti nisa, u programmi ta' mentoring u kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza biex ibiddlu l-immaġni tan-nisa fil-mezzi tax-xandir;

12.  Jenfasizza r-rwol pożittiv li tista' taqdi l-Assemblea Parlamentari Euronest fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa u l-viżibilità tagħhom fis-Sħubija tal-Lvant; jilqa' l-ewwel laqgħa tal-Forum tan-Nisa tal-Euronest li saret f'Marzu 2016; iħeġġeġ ukoll, b'mod aktar ġenerali, il-ħolqien u l-appoġġ min-naħa tal-UE tan-netwerks transnazzjonali tan-nisa fil-politika;

13.   Jappoġġa bis-sħiħ il-parteċipazzjoni u r-rwol tan-nisa f'organizzazzjonijiet, azzjonijiet u programmi governattivi u mhux governattivi kontra l-korruzzjoni u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; huwa tal-fehma li b'mod ġenerali żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fl-amministrazzjoni għolja tal-pajjiżi tas-SL tikkontribwixxi għat-tiġdid tal-klassi politika u b'hekk għat-tranżizzjonijiet politiċi li għaddejjin;

14.  Ifakkar li l-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali oħra jagħtu, fir-rapporti tagħhom, rakkomandazzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

Il-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa

15.  Jinnota li, b'mod ġenerali, in-nisa huma integrati relattivament tajjeb fil-forza tax-xogħol fil-pajjiżi tas-SL, iżda li l-parteċipazzjoni ekonomika tagħhom kienet qed tonqos f'dawn l-aħħar snin;

16.  Jinnota li l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa jipprevjenu inklużjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u joħolqu ostakoli addizzjonali għall-attivitajiet intraprenditorjali tan-nisa;

17.  Jiddeplora l-fatt li n-nisa huma impjegati bi proporzjon ogħla fis-servizzi u s-setturi statali b'pagi ħafna aktar baxxi milli fis-setturi li jimpjegaw maġġoranza ta' rġiel, li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa għadha kbira u taf tilħaq il-50 %, u li n-nisa jesperjenzaw ostakoli kulturali u soċjoloġiċi fl-aċċess tagħhom għal pożizzjonijiet maniġerjali, kif sikwit huwa l-każ fl-UE;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li n-nisa huma l-aktar attivi fis-setturi bi ħlas baxx minkejja li għandhom livelli ogħla ta' edukazzjoni fil-pajjiżi kollha tas-SL; jappella għall-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, għall-promozzjoni ta' programmi dwar in-negozju għall-integrazzjoni u l-promozzjoni tan-nisa fil-kumpaniji u fl-intrapriżi, u għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp lokali mmirati lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; iħeġġeġ approċċ immirat biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar mudelli eżemplari nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u maniġerjali, bil-għan li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun tista' temmen fl-abilità tagħha li tkun mexxejja fis-setturi kollha tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa jipparteċipaw b'mod attiv fit-trade unions, u jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-ostakli diskriminatorji legali u strutturali għan-nisa fuq il-post tax-xogħol sabiex tinkiseb paga ugwali għal xogħol ugwali, b'tali mod li jiġu eliminati d-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

19.  Jinnota li servizzi tal-kura tat-tfal bi prezzijiet li jintlaħqu u dispożizzjonijiet ċari dwar il-liv tal-ġenituri huma deċiżivi biex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jinnota li f'xi każijiet, in-nuqqas ta' dawn jolqot negattivament l-aċċess tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ għall-edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-karriera tagħhom, minħabba li jkollhom jieħdu ħsieb ħuthom;

20.  Jissottolinja l-fatt li n-nisa ħafna drabi jkollhom ir-responsabilità li jieħdu ħsieb lill-anzjani u l-persuni dipendenti u li n-nisa bit-tfal spiss isibu diffikultà biex jintegraw ruħhom mill-ġdid fil-ħajja professjonali; jisħaq fuq il-punt li l-kondiviżjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa ta' xogħlijiet mhux imħallsa bħalma huma r-responsabilitajiet tal-kura u dawk domestiċi hija waħda mill-prekondizzjonijiet biex in-nisa jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jkollhom l-indipendenza ekonomika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jsaħħu aktar in-netwerk ta' faċilitajiet ta' kura ta' kwalità għall-anzjani u għall-persuni dipendenti;

21.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet legali ta' protezzjoni li jeżistu f'xi pajjiżi tas-SL, li jipprojbixxu l-impjieg tan-nisa f'okkupazzjonijiet potenzjalment perikolużi, jillimitaw l-aċċess tan-nisa għal ċerti professjonijiet u xogħol u jkomplu jillimitaw il-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jirrevedu dan it-tip ta' dispożizzjonijiet;

22.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità tajba għan-nisa u l-bniet għall-faċilitazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni għat-tneħħija tal-istereotipi relatati mar-rwol tan-nisa; jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ immirat u mentoring għall-imprendituri nisa, li sikwit ma jkollhomx aċċess għall-kreditu u għal netwerks kummerċjali u jħabbtu wiċċhom ma' piżijiet regolatorji kbar;

23.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ekonomija soċjali għan-nisa u l-faċilitazzjoni tal-użu tal-mikrokrediti bħala għodda għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u biex jiġu stimulati l-programmi intraprenditorjali li jfittxu li jinvolvu lin-nisa fil-kumpaniji u l-intrapriżi; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza kruċjali tat-trasparenza, tal-aċċess ġust u tad-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-istrumenti ta' appoġġ finanzjarju;

24.   Jitlob biex ikun hemm aċċess ugwali għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, inkluż fil-livelli tal-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni primarja, sekondarja u universitarja, u fis-suġġetti STEM, b'attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet li jgħixu f'żoni rurali, billi jiġu edukati u mħeġġa minn età żgħira, u dan l-approċċ jgħin biex jiffavorixxi t-tkabbir fis-settur kruċjali tal-iżvilupp ekonomiku; jappella biex in-nisa jkollhom aċċess għall-mogħdijiet edukattivi u l-professjonijiet kollha li għadhom ipprojbiti għalihom; jenfasizza l-problema tat-tħaddim tat-tfal, ħaġa li tipprevjeni lit-tfal milli jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali adegwati, li sussegwentement se jkollu impatt fuq l-abilità tagħhom li jiksbu pożizzjoni tajba fis-suq tax-xogħol; jappoġġa assoċjazzjoni usa' tal-pajjiżi sħab mal-aġenziji u l-programmi tal-UE, bħalma huma Orizzont 2020, Ewropa Kreattiva, COSME u Erasmus+

25.  Jissottolinja li t-tħaddim tat-tfal għadu kwistjoni kritika f'xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fil-Moldova, fil-Georgia u fl-Ażerbajġan; jistieden lil dawn il-pajjiżi jistabbilixxu miri speċifiċi għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' tħaddim tat-tfal u jiżguraw l-infurzar sħiħ tal-liġijiet rilevanti;

Il-vjolenza fuq in-nisa

26.  Jesprimi l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista, inklużi il-fastidju sesswali, il-maternità surrogata furzata u t-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali fil-pajjiżi tas-SL, li sikwit ma jiġux rappurtati minħabba li s-soċjetà taċċetta mġiba bħal din;

27.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet bħala arma ta' gwerra, inklużi l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni u l-forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru, inkluż it-traffikar, kif ukoll it-turiżmu għal skopijiet ta' sess; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati, kif definiti min-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż iż-żwieġ prekoċi/bikri, u jistieden lill-ġirien tal-Lvant jopponu b'mod konsistenti kwalunkwe forma ta' sfruttament u abbuż fil-konfront tan-nisa permezz tal-maternità surrogata; jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jieħdu passi b'mod urġenti għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati serji ta' dan it-tip imwettqa fil-ġurisdizzjoni tagħhom, u anki barra t-territorju tagħhom stess; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed finanzjament relatat ma' inizjattivi li jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet li jiggarantixxi l-aċċess fit-tul għal servizzi effikaċi għall-vittmi u s-superstiti, u għaldaqstant għandu jkollhom persunal u riżorsi adegwati; jitlob li b'mod urġenti jittieħdu miżuri pożittivi, bħall-programmi ta' taħriġ vokazzjonali għall-vittmi tal-vjolenza, partikolarment jekk dawn ikunu qed jieħdu ħsieb it-tfal, sabiex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-delitti relatati mal-ġeneru u d-delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2016 dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti, adottata fl-24 ta' Ġunju 2013;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' mekkaniżmi effikaċi ta' protezzjoni għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

30.  Jistieden lill-pajjiżi tas-SL biex jiddedikaw aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż l-emendar ta' strumenti legali u l-għoti ta' għajnuna lill-vittmi ta' vjolenza; jisħaq fuq il-ħtieġa għal bidliet istituzzjonali sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi fis-soċjetà li jistigmatizzaw lill-vittmi ta' stupru u ta' vjolenza;

31.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 b'attenzjoni speċjali għall-punt 2 tiegħu, li jitlob l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata, u l-ħtieġa li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet f'dak li jikkonċerna l-adegwatezza tagħha biex tipprevjeni u telimina b'mod effikaċi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, b'attenzjoni speċjali għall-ħtieġa li jkun hemm liġijiet li jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza (fiżika, sesswali, psikoloġika u ekonomika) u pieni adegwati għal min iwettaq ir-reat, kif ukoll il-kumpens għall-vittmi u s-superstiti;

32.   Jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ifasslu miżuri biex jiżguraw li l-katina tal-ġustizzja tkun sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri, fosthom permezz tat-taħriġ ta' professjonisti legali, uffiċjali tal-pulizija u persunal ieħor li jittratta notifiki u rapporti ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bil-għan li l-vittmi jinstemgħu serjament, u jitlob ukoll li jkun hemm kooperazzjoni u għarfien espert akbar min-naħa tal-pulizija, il-professjonisti fil-qasam legali, it-tobba, il-psikologi, l-awtoritajiet u l-korpi volontarji li jaħdmu mal-vittmi ta' dawn l-attakki;

33.  Itenni li l-għażla tas-sess imsejsa fuq preġudizzji marbuta mal-ġeneru hija forma gravi ta' vjolenza abbażi ta' sess u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika biex jinbidlu l-attitudnijiet tas-soċjetà fir-rigward ta' prattiki tal-għażla tas-sess u jitlob li jkun hemm aktar sforzi biex dawn jiġu prevenuti u miġġielda;

34.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet iżidu l-isforzi biex jinvestigaw u jħarrku lit-traffikanti suspettati u jikkundannaw lit-traffikanti tal-ħaddiema u tas-sess, biex jipproteġu l-integrità tan-nisa kkonċernati skont "il-Mudell Nordiku" u biex jappoġġaw lill-NGOs sħab li jipprovdu servizzi ta' riabilitazzjoni u riintegrazzjoni għall-vittmi;

35.  Jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL min-naħa l-waħda u l-aġenziji tal-UE u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri min-naħa l-oħra, sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, li huwa wkoll wieħed mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata li jġib qligħ, u jiġu żarmati n-netwerks kriminali;

36.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tlesti l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi tal-ftehimiet kollha ta' riammissjoni mal-pajjiżi tas-SL, bl-involviment tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE);

37.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa mill-aktar fis possibbli, peress li ebda wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ma rratifikaha, u jistieden lill-awtoritajiet idaħħlu fis-seħħ u jissorveljaw b'mod strett l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

38.   Jitlob li tiġi applikata l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-aċċess għall-ippjanar tal-familja fuq bażi volontarja, il-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa riproduttivi u sesswali inklużi l-kontraċezzjoni, l-abort sikur u legali, u l-edukazzjoni dwar is-sesswalità;

39.  Jenfasizza li r-riskju ta' mewt mill-kanċer tal-għonq tal-utru huwa 10 darbiet ogħla fil-pajjiżi tas-SL milli fl-Ewropa tal-Punent, li huwa l-aktar forma ta' kanċer komuni fost in-nisa ta' bejn il-15 u l-44 sena u li għandu effetti estensivi fuq l-istruttura soċjali; jitlob li jsir skrinjar organizzat fuq livell nazzjonali u programmi ta' tilqim sabiex jiġu miġġielda dawn it-tendenzi;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa bħalma huma l-aċċess għall-viżi, id-drittijiet legali ta' residenza u d-drittijiet soċjali, jingħataw fuq bażi individwali u ma jkunux jiddependu mill-istat ċivili jew mir-relazzjoni konjugali tagħhom;

41.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familji li jagħtu drittijiet individwali lin-nisa u l-bniet li jkunu qed jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-UE, biex b'hekk ma jkollhomx għalfejn jiddependu minn relazzjoni possibbilment abbużiva mal-membru tal-familja għal aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni jew ix-xogħol;

Ir-rwol tan-nisa fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti

42.  Jenfasizza r-rwol li għandhom in-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-emerġenzi relatati mal-kunflitti, bħall-għoti ta' assistenza umanitarja lill-persuni spustati; jenfasizza li n-nisa għandhom ikunu inklużi għalkollox fin-negozjati għall-paċi, l-isforzi ta' rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni politika;

43.  Iħeġġeġ aktar sforzi lejn riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitti u jitlob li jkun hemm involviment akbar tan-nisa f'dan it-tip ta' proċessi, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà;

44.  Jappella biex in-nisa u l-bniet li jkunu qed ifittxu asil jingħataw protezzjoni speċifika, peress li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli u jistgħu jkunu qed jaħarbu minn vjolenza sessista iżda għandhom imnejn ma jkunux kapaċi jew ma jkunux lesti jiżvelaw informazzjoni rilevanti waqt il-proċess tar-rikonoxximent tal-istatus ta' rifuġjat;

Eżempji tal-aħjar prattika

45.  Jisħaq fuq l-importanza ta' skambju tal-aħjar prattiki u eżempji pożittivi li jistgħu jiġu rreplikati f'pajjiżi oħra tas-SL; iqis li l-proġetti li għandhom jiġu enfasizzati għandhom jinkludu "In-nisa fil-Politika fil-Moldova”, inizjattiva tal-NU u tal-UNDP iffinanzjata mill-Gvern tal-Iżvezja. Il-proġett jappoġġa l-bini tal-kapaċità tan-nisa fil-politika u kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza dwar il-kontribut tan-nisa fil-proċess politiku;

46.  Jilqa' l-Programm "Women in Business" fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, tal-UE u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li joffri aċċess għal finanzi u konsulti dwar in-negozju lil SMEs immexxija min-nisa permezz ta' linji tal-kreditu, appoġġ għall-ġestjoni tar-riskji u assistenza teknika lil banek lokali sħab li jaħdmu ma' SMEs immexxija min-nisa, u servizzi konsultattivi tan-negozju, taħriġ u mentoring;

47.  Jindika eżempji pożittivi ta' inklużjoni akbar tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni, bħad-Djalogu Trans-Kawkasu tan-Nisa għall-Paċi u s-Sigurtà, stabbilit fl-1994 u żviluppat mill-Fondazzjoni tal-Paċi Nazzjonali tal-Istati Uniti, li nħoloq sabiex in-nisa fil-Kawkasu jaħdmu fuq proġetti bħalma huma r-riabilitazzjoni tal-vittmi tfal tal-gwerer, it-taħriġ għall-paċi u l-bini tad-demokrazija;

48.  Jappoġġa proġetti ta' emanċipazzjoni li jqawwu l-fiduċja tan-nisa fihom infushom, jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tagħhom u jżidu l-poter u l-awtorità tagħhom li jieħu deċiżjonijiet fl-oqsma kollha li jaffettwawlhom ħajjithom; jiġbed attenzjoni speċjali lejn ir-rwol tal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni fl-emanċipazzjoni tan-nisa; jappoġġa bil-qawwa l-proġetti ta' emanċipazzjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet lokali bħall-proġett WiLD (Women in Local Democracy – In-nisa fid-demokrazija lokali), li wassal sabiex 70 % tal-benefiċjarji nisa tiegħu ġew eletti matul l-elezzjonijiet tal-2013 u l-2014 fl-Armenja, jew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-implimentazzjoni ta' politiki ekonomiċi, bħall-proġett tal-UNDP li bħalissa qed jiġi implimentat fl-Ażerbajġan u li huwa mmirat lejn l-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment ta' negozji mmexxija min-nisa fir-reġjun ta' Masalli; jilqa' l-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar "it-Titjib tal-Aċċess tan-Nisa għall-Ġustizzja f'Ħames Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant", li għandu l-għan li jidentifika u jappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess ugwali tan-nisa għall-ġustizzja u jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex ifasslu miżuri biex jiżguraw li l-katina tal-ġustizzja tkun tirrispondi għall-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz tat-taħriġ ta' professjonisti legali;

Appoġġ tal-UE fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

49.  Jenfasizza li f'dawn l-aħħar ħames snin intefqu EUR 103 miljun fuq 121 proġett u programm għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-viċinati Ewropej, inklużi EUR 5 miljun għall-programm Women in Business fil-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxi li appoġġ sinifikanti diġà ingħata mill-UE sabiex jintlaħqu l-miri fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz ta' assistenza bejn il-pari TAIEX li jgħin fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-prinċipji fundamentali u politiki;

50.  Jinnota li, filwaqt li l-ugwaljanza bejn is-sessi hi prinċipju orizzontali fi ħdan il-PEV u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, għandhom jiġu segwiti miri aktar preċiżi u kalkolabbli fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, anke fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp 2016-2020; Jissottolinja l-ħtieġa urġenti tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala strateġija għall-kisba ta' tali ugwaljanza, kif ukoll ta' azzjoni pożittiva fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni timponi l-użu tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u timplimenta l-ibbaġitjar skont is-sessi u valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tas-sessi fl-oqsma kollha tal-PEV u tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (SEV) u b'hekk tiżgura li jiġu żviluppati u mmonitorjati miri speċifiċi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

52.  Jinnota li fi ħdan il-PEV rieżaminata, ir-rapporti speċifiċi għall-pajjiżi għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet miftehma mas-sħab; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-rapporti regolari li se jsegwu l-iżviluppi fil-viċinat se jiffukaw ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

53.  Iħeġġeġ l-inklużjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi fl-aġendi ta' djalogi regolari dwar il-politika u d-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi sħab tas-SL flimkien ma' azzjonijiet proposti;

54.  Jissottolinja r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari fl-oqsma kollha msemmija hawn fuq u l-bżonn li jsir skambju tal-aqwa prattiki;

55.  Iqis li hu importanti li tinġabar data armonizzata dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL; iħeġġeġ il-possibbiltà tal-introduzzjoni tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, żviluppat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fil-pajjiżi tas-SL bħala parti minn proġetti ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;

56.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-livell lokali, li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jilħqu lill-popolazzjonijiet lokali u biex jgħinu biex titqajjem kuxjenza u biex jiġu indirizzati l-l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-bniet fir-reġjuni;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw rabtiet bilaterali u multilaterali aktar b'saħħithom mal-pajjiżi tas-SL u involviment attiv f'għajnuna tranżitorja, appoġġ tekniku u kondiviżjoni tal-esperjenza; jemmen li l-Istati Membri li jinsabu fiżikament qrib tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jaqdu rwol importanti fl-iffaċilitar ta' rabtiet aktar b'saħħithom u fl-involviment ta' Stati Membri oħra fi sħubijiet tas-SL;

°

°    °

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0018.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0350.

(5)

ĠU C 181, 19.5.2016, p. 21.

(6)

Testi adottati, P8_TA (2015)0272.

(7)

1 http://eeca.unfpa.org/sites/default/files/pub-pdf/21770%20Brief_web.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

L-istabilizzazzjoni tal-viċinat tagħha hi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) sabiex jiġu żgurati s-sigurtà, il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità ta' kulħadd. In-nisa għandhom rwol kruċjali f'dan.

Is-Sħubija tal-Lvant (SL) tnediet fl-2009 bid-Dikjarazzjoni ta' Praga, bħala inizjattiva konġunta bejn l-UE, l-istati membri tagħha u sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. Peress li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq l-impenn lejn i-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, wieħed m'għandux jinsa l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa. Fil-prijoritajiet strateġiċi tal-PEV għall-2014–2020, l-ugwaljanza bejn is-sessi ġiet enfasizzata bħala kwistjoni trasversali li jeħtieġ li tiġi indirizzata u integrata fl-attivitajiet rilevanti kollha. L-ugwaljanza bejn is-sessi kienet imsemmija wkoll bħala “qasam promettenti ġdid ta' kooperazzjoni” fid-dikjarazzjoni tal-aħħar Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fl-2015. U fil-fatt, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika huma kruċjali biex jinkisbu l-bidliet fil-proċess.

Filwaqt li jitqies il-prinċipju tad-divrenzjar tal-PEV u d-diversità li tikkaratterizza l-Istati tas-SL, importanti li jiġi enfasizzat li d-drittijiet tan-nisa kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi hija minquxa sew fil-Kostituzzjonijiet u s-sistemi legali tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant. Madankollu, id-diskriminazzjoni soċjali u l-istereotipi tas-sessi għadhom importanti. Għan-nisa, l-istereotipi tas-sessi mhux biss jipprevjenu inklużjoni ikbar fis-suq tax-xogħol u parteċipazzjoni ikbar fil-ħajja politika, iżda wkoll iżommu t-triq miftuħa għall-aċċettazzjoni soċjali ta' vjolenza domestika u bbażata fuq is-sess li ma tiġix rappurtata.

In-nisa għadhom nieqsa ferm mill-istrutturi politiċi tas-setgħa, kemm fl-ambitu eżekuttiv kif ukoll f'dak parlamentari, prinċipalment minħabba prattiki diskriminatorji. Bħala medja, in-nisa jirrappreżentaw 14 % tal-ministri u 16 % tal-Membri Parlamentari. Fil-qasam ekonomiku, minkejja l-fatt li n-nisa ġeneralment għandhom livell ta' edukazzjoni ogħla mill-irġiel, huma jirrappreżentaw 10 % tal-membri tal-korpi governattivi tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, u 15 % tal-membri tal-għaqdiet tal-ħaddiema. Id-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fil-pajjiżi tas-SL b'mod ġenerali hi sinifikanti, pero jeżistu diskrepanzi fost il-pajjiżi (bejn 24 % u 50 %), filwaqt li s-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol hi kruċjali. Għaldaqstant in-nisa għandhom it-tendenza li jaċċettaw impjiegi mhux imħallsa tajjeb u saħansitra mhux irreġistrati, b’mod partikolari f’żoni rurali, jew inkella jiffukaw fuq attivitajiet intraprenditorjali. Fil-fatt in-nisa jirrappreżentaw sehem kbir mill-intraprendituri jew sidien tan-negozji iżda jħabbtu wiċċhom mal-istess l-istess ostakoli bħal fl-UE, l-aktar minħabba l-istereotipi sessisti prevalenti u setturi ddominati mill-irġiel.(1)

Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hija sfida li l-UE u l-ġirien tagħha tal-Lvant jikkondividu. L-istatistiki tal-każijiet irrappurtati juru li bejn 7 % u 25 %(2) tan-nisa (skont il-pajjiż) kienu vittmi ta' vjolenza domestika, iżda ħafna mill-każijiet ma jiġux rappurtati. Barra minn hekk, il-pajjiżi tas-SL huma identifikati bħala pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu (u xi kultant id-destinazzjoni, l-aktar fil-każ ta' traffikar intern) tat-traffikar tal-bnedmin. Il-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma nisa(3).

In-nisa u t-tfal jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk milquta mill-kunflitti armati. Din hija r-raġuni għalfejn ir-rapport jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom in-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-emerġenzi marbuta mal-kunflitti. Ir-rapport jitlob ukoll li jkun hemm involviment akbar tan-nisa fin-negozjati ta' paċi u t-tranżizzjonijiet politiċi.

L-għan ta' dan ir-rapport mhuwiex li jelenka n-nuqqasijiet u l-fallimenti fil-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, iżda li jenfasizzati l-ostakoli għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u kif iktar ugwaljanza bejn is-sessi tgħin il-kisba tal-objettivi tas-SL u tal-PEV. Ir-rapport jinkludi wkoll eżempji ta' prattiki tajbin u proġetti rilevanti li rnexxew għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istati tas-SL. L-appoġġ tal-UE fil-kuntest tal-PEV huwa indirizzat ukoll, u r-rapport ifassal xi rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward.

Kif enfasizzat id-dikjarazzjoni ta' Riga, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija qasam li jibbenefika ħafna minn kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati tas-Sħubija tal-Lvant. Il-parti l-kbira tal-isfidi huma komuni fin-natura tagħhom għall-UE u l-ġirien tal-Lvant tagħha, u dan ir-rapport għandu l-għan li jikkontribwixxi għal klassifikazzjoni ogħla tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prijoritajiet politiċi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1)

Ir-rapport tal-EIGE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-pajjiżi tas-SL, 2015 http://eige.europa.eu/sites/default/files/documents/gender_equality_and_decision_making_in_eap_countries_2015_-_report_and_annex_one_file.pdf

(2)

UN Women, http://www.endvawnow.org/uploads/browser/files/vawprevalence_matrix_june2013.pdf

(3)

UNODC, http://www.unodc.org/documents/Global_Report_on_TIP.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (11.10.2016)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant

(2016/2060(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pier Antonio Panzeri

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-NU (1995) għall-ugwaljanza, l-iżvilupp u l-paċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1820 (2008), 1325 (2000) u, aktar reċentement, 2242 (2015) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa adottata fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar Remunerazzjoni Ugwali (Nru 100) tal-1951, il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (fl-Impjiegi u fix-Xogħol) (Nru 111) tal-1958, il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbiltajiet Familjari (Nru 156) tal-1981 u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Nru 183) tal-2000,

1.  Jappella għall-allokazzjoni ugwali ta' setgħat u rappreżentanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha tal-gvern u tat-teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż rigward il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet lokali, jekk ikun meħtieġ permezz tal-użu ta' kwoti; jappoġġa bil-qawwa l-proġetti ta' emanċipazzjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet lokali bħall-proġett WiLD (Women in Local Democracy – In-nisa fid-demokrazija lokali), li wassal sabiex 70 % tal-benefiċjarji nisa tiegħu ġew eletti matul l-elezzjonijiet tal-2013 u l-2014 fl-Armenja; jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jipparteċipaw b'mod sistematiku, ugwali, sħiħ u attiv fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-riformi demokratiċi, kif ukoll fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u ta' tranżizzjoni demokratika li jwasslu għal soluzzjonijiet politiċi dejjiema u stabbli;

2.  Jirrimarka li l-istabbiltà politika ġenerali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma ġeneralment kundizzjoni preliminari neċessarja għat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u għat-titjib tas-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiżi kkonċernati;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jipparteċipaw b'mod ugwali, sħiħ u attiv fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

4.  Jappoġġa proġetti ta' emanċipazzjoni li jqawwu l-fiduċja tan-nisa fihom infushom, jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tagħhom u jżidu l-poter u l-awtorità tagħhom li jieħu deċiżjonijiet fl-oqsma kollha li jaffettwawlhom ħajjithom; jiġbed attenzjoni speċjali lejn ir-rwol tal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni fl-emanċipazzjoni tan-nisa;

5.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala strateġija għall-kisba ta' tali ugwaljanza, kif ukoll ta' azzjoni pożittiva fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

6.  Jappella biex it-tfal kollha jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni, inkluż fil-livell tal-indukrar tat-tfal u fil-livell tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u universitarja, u fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), b'attenzjoni partikolari lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet f'oqsma li mhumiex konvenzjonali għalihom, inkluż għal bniet li jgħixu f'żoni rurali; jilqa', f'dan ir-rigward, proġetti bħal dak implimentat mill-Università Statali ta' Sumy fl-Ukrajna bil-għan li jappoġġa opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ studenti-ommijiet biex isibu xogħol fi stabbilimenti tal-edukazzjoni għolja; jappella għall-ftuħ tal-perkorsi edukattivi kollha għan-nisa u għal titjib fl-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni għolja u għal professjonijiet li għadhom ipprojbiti għan-nisa;

7.  Jissottolinja li t-tħaddim tat-tfal għadu kwistjoni kritika f'xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fil-Moldova, fil-Georgia u fl-Ażerbajġan; jistieden lil dawn il-pajjiżi jistabbilixxu miri speċifiċi għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' tħaddim tat-tfal u jiżguraw l-infurzar sħiħ tal-liġijiet rilevanti;

8.  Jinkoraġġixxi t-titjib tal-politiki ekonomiċi għan-nisa u l-użu tal-mikrokrediti bħala għodda għal indipendenza ekonomika, kif ukoll il-promozzjoni tal-ħiliet imprenditorjali; jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa jingħataw gwida u kjarifika dwar kif il-politiki makroekonomiċi jistgħu jappoġġaw id-drittijiet tagħhom, u fuq il-ħtieġa li n-nisa jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

9.  Jappella għall-involviment tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-proċess ta' implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, għall-promozzjoni ta' programmi imprenditorjali għall-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fil-kumpaniji u fl-impriżi, u għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp lokali mmirati lejn l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant, bħalma huwa l-proġett tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti li qed jiġi implimentat bħalissa fl-Ażerbajġan bil-għan li jappoġġa l-istabbiliment ta' negozji mmexxijin min-nisa fir-reġjun ta' Masalli; jappella wkoll għall-adozzjoni ta' politiki ekonomiċi speċifiċi maħsubin biex jgħinu lin-nisa jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

10.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-imprenditorija tan-nisa u l-aċċess tagħhom għall-finanzi, u b'mod aktar ġenerali l-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozju, permezz tal-iżvilupp ta' preżenza qawwija tan-nisa fis-settur tal-SMEs fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs immexxijin min-nisa għall-finanzi u għall-konsulenza;

11.  Jilqa' l-kontribut tal-UE għall-programm "Women in Business" tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li joffri lin-negozji mmexxijin min-nisa aċċess għall-konsulenza;

12.  Jilqa' l-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa maħsub biex jidentifika u jappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess ugwali tan-nisa għall-ġustizzja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

13.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa jipparteċipaw b'mod attiv fit-trade unions, u jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-ostakli legali u strutturali diskriminatorji għan-nisa fuq il-post tax-xogħol sabiex tinkiseb paga ugwali għal xogħol ugwali, b'tali mod li jiġu eliminati d-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

14.  Iqis li huwa essenzjali li jitfasslu prattiki u leġiżlazzjoni li permezz tagħhom l-impjiegi tan-nisa jkunu jistgħu jiġu ppreservati matul it-tqala u għal perjodu speċifiku wara t-tqala sabiex, permezz ta' appoġġ mill-Istat, id-dħul jinżamm fil-livell preċedenti tiegħu għal dawk li l-qligħ tagħhom huwa mnaqqas minħabba li jkunu qed irabbu t-tfal, u sabiex jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

15.  Jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jinkoraġġixxu lill-midja biex jippromwovu politiki mmirati lejn il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u lejn il-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati tas-Sħubija tal-Lvant jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, peress li l-ebda wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ma rratifikaha, u jistieden lill-awtoritajiet idaħħlu fis-seħħ strateġiji nazzjonali biex jimpedixxu, jinvestigaw u jikkastigaw atti ta' vjolenza kontra n-nisa, jippromwovu l-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi, u jiggarantixxu r-riintegrazzjoni soċjali tagħhom;

17.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet bħala arma tal-gwerra, inklużi l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata u forom ta' persekuzzjoni bbażati fuq il-ġeneru, fosthom it-traffikar, kif ukoll it-turiżmu sesswali, żwiġijiet prekoċi jew furzati, u l-forom l-oħra kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika, u jistieden lill-Istati tas-Sħubija tal-Lvant jieħdu passi b'mod urġenti għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti serji ta' dan it-tip imwettqin fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom, u anki barra mit-territorju tagħhom; jissottolinja li ż-żwieġ prekoċi għadu kwistjoni fil-Georgia u l-Moldova, fejn id-data eżistenti turi li madwar 17-19 % tan-nisa żżewġu qabel ma laħqu t-18-il sena; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-delitti relatati mal-ġeneru u d-delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2016 dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti, adottata fl-24 ta' Ġunju 2013;

18.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet kollha, u b'enfasi speċjali fuq il-punt 2 tiegħu, li jappella għall-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata, inklużi t-traffikar u l-isfruttament ta' natura sesswali u ta' tipi oħrajn;

19.  Jappella biex in-nisa li jkunu qed ifittxu asil, inklużi ommijiet bi tfal żgħar, jingħataw protezzjoni speċifika, peress li n-nisa b'mod partikolari jafu jkunu qed jaħarbu vjolenza ta' natura sessista iżda għandhom mnejn ma jkunux kapaċi jew ma jkunux lesti jiżvelaw informazzjoni rilevanti matul il-proċess tad-determinazzjoni tal-istatus ta' rifuġjat; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex timplimenta proġetti mmirati lejn il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, kif diġà sar fil-Georgia bejn l-2012 u l-2014 bi proġett iffinanzjat mill-UE;

20.  Jappella għall-applikazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u jappella biex in-nisa, inklużi n-nisa u l-bniet b'diżabbiltà, ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva; jisħaq fuq il-fatt li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, kif ukoll l-aċċess għall-kontraċezzjoni u għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa; jissottolinja l-importanza tal-proġett iffinanzjat mill-UE li qed jiġi implimentat fil-Moldova bil-ħsieb li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-prevenzjoni u l-kura tal-HIV/AIDS għan-nisa u għall-priġunieri minorenni;

21.  Jikkundanna bil-qawwa t-traffikar tal-bnedmin u kwalunkwe prattika oħra ta' sfruttament li tikser id-dritt għall-integrità fiżika u tikkaġuna l-vjolenza; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, li jiġu sfruttati għal skopijiet sesswali jew ta' xogħol; jappoġġa t-tqegħid ta' dawk il-politiki fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki tal-viċinat tal-UE;

22.  Jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ifasslu miżuri biex jiżguraw li l-katina tal-ġustizzja tkun sensittiva għall-ugwaljanza bejn is-sessi u tindirizza l-ħtiġijiet tal-aktar nisa żvantaġġati (nisa foqra, illitterati, minn żoni rurali, minn minoranzi u dawk b'diżabbilità);

23.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' mekkaniżmi effikaċi ta' protezzjoni għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jissottolinja r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari fl-oqsma kollha msemmija hawn fuq u l-bżonn li jsir skambju tal-aqwa prattiki;

25.  Jappella b'urġenza biex l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi inkluża sistematikament fid-djalogi politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Eugen Freund, Michael Gahler, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Neena Gill, María Teresa Giménez Barbat, Ana Gomes, Othmar Karas, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Paavo Väyrynen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Heidi Hautala, Emilian Pavel, Mylène Troszczynski, Michaela Šojdrová


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Maria Noichl, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Stefan Eck, Mariya Gabriel, Clare Moody, Sirpa Pietikäinen, Dubravka Šuica, Marc Tarabella, Monika Vana, Julie Ward


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea

ECR

Jana Žitňanská

EFDD

Daniela Aiuto

GUE/NGL

Malin Björk, Stefan Eck

PPE

Mariya Gabriel, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Sirpa Pietikäinen, Renato Soru, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Clare Moody, Maria Noichl, Marc Tarabella, Julie Ward

GREENS/ALE

Florent Marcellesi, Ernest Urtasun, Monika Vana

3

-

EPP

Elisabeth Köstinger, Angelika Niebler, Marijana Petir

3

0

ECR

Jadwiga Wiśniewska

EPP

Anna Záborská

GUE/NGL

João Pimenta Lopes

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali