Proċedura : 2013/0028(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0373/2016

Testi mressqa :

A8-0373/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 10
CRE 12/12/2016 - 10

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0497

RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI     ***II
PDF 705kWORD 58k
7.12.2016
PE 592.266v01-00 A8-0373/2016

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

(11198/1/2016 – C8-0425/2016 – 2013/0028(COD))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Wim van de Camp

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

(11198/1/2016– C8-0425/2016 – 2013/0028(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (11198/1/2016 – C8-0425/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità mill-Parlament Litwan, mill-Kamra tad-Deputati tal-Lussemburgu, mis-Senat tan-Netherlands u mill-Kamra tar-Rappreżentanti tan-Netherlands, mill-Kunsill Federali tal-Awstrija u mill-Parlament Żvediż, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0028),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0373/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)

ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)

Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0148.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar it-trasferiment tal-persunal

Skont il-premessa 14 u l-Artikolu 4, il-paragrafi 4a, 4b u 6, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ id-Direttiva 2001/23/KE rigward is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi u huma intitolati li jmorru lilhinn mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva billi jieħdu miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-persunal f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, bħar-rekwiżit ta' trasferiment obbligatorju tal-persunal anke jekk id-Direttiva 2001/23/KE ma tkunx tapplika.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-pilastru tas-suq tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju

Il-pilastru tas-suq tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju huwa kompost minn tliet proposti leġiżlattivi:

1.  Proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2012/34/EU li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja;

2.  Proposta biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija;

3.  Proposta biex jitħassar ir-Regolament Nru 1192/69 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' impriżi tal-ferrovija.

2. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-emendar tar-Regolament Nru 1370/2007

L-objettiv ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni għall-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa li jtejjeb il-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri, u jsaħħaħ l-effiċjenza fl-operat tagħhom. Dan għandu jtejjeb il-kompetittività u l-attrattività tal-ferrovija fil-konfront ta' modi oħra ta' trasport u jiżviluppa aktar iż-żona ferrovjarja unika Ewropea.

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ġenerali, il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta' sejħiet għal offerti obbligatorji għal kuntratti ta' servizz pubbliku bil-għan li tiżdied il-pressjoni kompetittiva fuq is-swieq ferrovjarji domestiċi. L-għan huwa li titqawwa l-effiċjenza u tittejjeb il-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Dawn il-miżuri huma akkumpanjati minn dispożizzjonijiet biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' qafas favorevoli għall-proċeduri ta' sejħiet għal offerti kompetittivi, inklużi regoli dwar l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija marbuta mill-qrib mal-emendi proposti tad-Direttiva 2012/34/UE li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, liema emendi jintroduċu drittijiet ta' aċċess miftuħ għall-impriżi ferrovjarji, u jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-governanza tal-ġestjoni tal-infrastruttura bil-ħsieb li jitjieb l-aċċess mhux diskriminatroju għall-infrastruttura ferrovjarja.

3. Negozjati interistituzzjonali

Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014, in-negozjati interistituzzjonali (bl-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari) seħħew, minn Ottubru 2015 sa April 2016, taħt il-Presidenza Lussemburgiża u l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill. Wara sitt ċikli ta' trilogi, it-tim tan-negozjati tal-Parlament laħaq ftehim mal-Presidenza tal-Kunsill fid-19 ta' April 2016.

It-test tal-ftehim tressaq quddiem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) u ġie approvat fit-12 ta' Lulju 2016. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, il-President tal-Kumitat TRAN, fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER I), qal li kien se jirrakkomanda li l-Plenarja tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi, sakemm din tkun konformi mal-ftehim milħuq bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Wara verifika ġuridikolingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-17 ta' Ottubru 2016, f'konformità mal-Ftehim.

4. Elementi prinċipali tal-ftehim

(a) Speċifikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku (OSP)

L-awtoritajiet kompetenti (AK) ikollhom l-obbligu li b'mod ċar jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-OSP fil-prestazzjoni ta' servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri, u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, inklużi ż-żoni ġeografiċi kkonċernati. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-AK jirraggruppaw is-servizzi li jkopru spejjeż mas-servizzi li ma jkoprux spejjeż. Meta jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet, l-AK jridu jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-ispeċifikazzjonijiet OSP jridu jkunu konsistenti mal-objettivi tal-politika ddikjarati fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku tal-Istati Membri. Dan l-obbligu l-ġdid huwa applikabbli għall-mezzi kollha tat-trasport fuq l-art koperti minn dan ir-Regolament.

(b) Kumpens għall-effett finanzjarju nett tal-OSP

L-awtoritajiet kompetenti se jkollhom jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta' servizz pubbliku, u l-kumpens relatat tal-impatt finanzjarju nett tal-obbligi ta' servizz pubbliku jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b'mod kosteffikaċi. Barra minn hekk, il-kumpens irid jiġi stabbilit f'livell li jiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tal-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq żmien twil.

(c) Dispożizzjonijiet soċjali

L-operaturi ta' servizz pubbliku jkollhom jirrispettaw l-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi soċjali u tal-liġi tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali jew mill-ftehimiet kollettivi fit-twettiq tal-OSP. Id-Direttiva 2001/23/KE dwar it-trasferiment ta' impriżi sejra tapplika għal bidla ta' operatur ta' servizz pubbliku fejn tali bidla tikkostitwixxi trasferiment ta' impriża fit-tifsira ta' dik id-Direttiva. Fejn AK tesiġi li l-operaturi jikkonformaw ma' ċerti standards kwalitattivi jew soċjali, dawn, inklużi d-drittijiet u l-obbligi marbuta mat-trasferiment tal-persunal, iridu jkunu inklużi fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti u fil-kuntratti ta' servizz pubbliku.

(d) Għoti ta' informazzjoni

L-operaturi ta' servizzi pubbliċi u l-amministraturi tal-infrastruttura se jkollhom l-obbligu li jipprovdu lill-awtorità kompetenti informazzjoni li tkun essenzjali għas-sejħa għal offerti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku (KSP), inkluża informazzjoni dwar id-domanda mill-passiġġieri, it-tariffi, il-kostijiet u d-dħul u l-ispeċifikazzjonijiet tal-infrastruttura. Din l-informazzjoni trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati meta jkunu qed jippreparaw l-offerti tagħhom, filwaqt li jkun hemm garanzija tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

(e) L-ispeċifiċitajiet ferrovjarji fir-rigward tal-appalti in-house

Meta kuntratt ta' servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jingħata lil operatur intern minn grupp ta' awtoritajiet kompetenti lokali, kull AK lokali jrid ikollha żona ta' kompetenza mhux nazzjonali u l-kuntratti ta' servizz pubbliku mogħti jista' jkopri biss il-ħtiġijiet ta' trasport ta' agglomerazzjonijiet urbani jew żoni rurali, jew it-tnejn li huma.

(f) Proċedura trasparenti u mhux diskriminatorja ssimplifikata

Meta awtorità kompetenti tirċievi offerta waħda biss wara l-pubblikazzjoni tal-intenzjoni ta' għoti ta' kuntratt ta' servizz pubbliku, tkun tista' ssegwi proċedura simplifikata li tinvolvi negozjati mal-offerent uniku.

(g) L-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku

L-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija jrid isir permezz ta' proċedura ta' sejħa għal offerti kompetittiva. Madankollu, ir-Regolament jinkludi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju li jippermetti l-għoti dirett jew proċedura ssimplifikata f'każ ta':

  Ċirkostanzi eċċezzjonali: fil-qafas ta' proċedura kompetittiva ta' għoti, awtorità kompetenti tista' tagħti kuntratt ta' servizz pubbliku direttament għal perjodu sa 5 snin f'sitwazzjonijiet, pereżempju, meta l-AK diġà jkollha ċertu numru ta' offerti kompetittivi oħra li jistgħu jaffettwaw l-għadd jew il-kwalità tal-offerti li tista' tistenna li tirċievi jew meta l-AK jkollha bżonn tbiddel l-ambitu tal-kuntratti ta' servizz pubbliku.

  Kuntratti ta' servizz pubbliku de minimis: Il-valur annwali annwali medju jew il-forniment annwali tas-servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jinsabu taħt il-limiti definiti fir-Regolament (EUR 7,5 miljun/sena jew 500 000 km).

  Eżenzjoni tal-prestazzjoni: Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-għoti dirett ikun ġustifikat minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi u strutturali rilevanti tas-suq u tan-netwerk ikkonċernati, b'mod partikolari d-daqs, il-karatteristiċi tad-domanda, il-kumplessità tan-netwerk, l-iżolament tekniku u ġeografiku tiegħu u s-servizzi koperti mill-kuntratt(1), u fejn tali kuntratt jirriżulta f'titjib fil-kwalità tas-servizzi u/jew kosteffiċjenza meta mqabbel mal-kuntratt ta' servizz mogħti preċedentement. L-AK tkun trid tippubblika r-raġunament motivat ta' din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, trid ukoll tiddefinixxi rekwiżiti ta' prestazzjoni miżurabbli, trasparenti u verifikabbli u tivvaluta u tippubblika perjodikament jekk l-operatur jkunx konformi ma' dawk.

  L-amministratur tal-infrastruttura u l-operatur tal-kuntratt ta' servizz pubbliku huma l-istess entità u l-infrastruttura hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/34/UE għal dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti ta' indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura.

(h) Limitazzjoni tal-għadd ta' kuntratti mogħtija lill-istess operatur

L-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi, qabel ma tvara l-proċedura tas-sejħa għal offerti, li tillimita l-għadd ta' lottijiet ta' kuntratt ta' servizz pubbliku li se jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja. Dan għandu jsir bl-għan li tiżdied il-kompetizzjoni.

(i) Aċċess għall-vetturi ferrovjarji

L-awtorità kompetenti trid tivvaluta, bħala parti mill-preparazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, s-sitwazzjoni rigward l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji għall-offerenti potenzjali kollha, u tippubblika l-valutazzjoni. Wara din il-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tieħdu miżuri biex tiżgura l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji. Dawn il-miżuri jinkludu: il-ħolqien ta' pool ta' vetturi ferrovjarji, l-għoti ta' garanzija għall-iffinanzjar tal-vetturi ferrovjarji, jew impenn li l-vetturi ferrovjarji jiġu akkwistati fi tmiem il-kuntratt.

(j) Dħul fis-seħħ/tranżizzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu Ir-regoli l-ġodda dwar l-għoti kompetittiv ta' kuntratti ta' servizz pubbliku u l-prestazzjoni tal-eżenzjoni se tapplika mit-3 ta' Diċembru 2019. Madankollu, l-Artikolu 5(6) li jippermetti l-għoti dirett mingħajr l-ebda limitu ma jibqax japplika biss 6 snin wara d-dħul fis-seħħ. Il-kuntratti mogħtija skont l-Artikolu 5(6) jistgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza tagħhom, iżda mhux aktar minn 10 snin.

5. Rakkomandazzjoni

Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim milħuq matul in-negozjati interistituzzjonali, ir-rapporteur jirrakkomanda li din tiġi approvata mingħajr emendi.

(1)

Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal dawk l-Istati Membri fejn, mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-volum annwali massimu jkun anqas minn 23 miljun kilometru ferrovjarju u li jkollhom biss awtorità kompetenti waħda fil-livell nazzjonali u kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed li jkopri n-netwerk kollu kemm hu.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri

Referenzi

11198/1/2016 – C8-0425/2016 – 2013/0028(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

26.2.2014                     T7-0148/2014

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2013)0028 - C7-0024/2013

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

27.10.2016

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

27.10.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Wim van de Camp

13.10.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.11.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

5.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

15

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Deirdre Clune, Michael Cramer, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Maria Grapini, Werner Kuhn, Ramona Nicole Mănescu, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fabio De Masi, Jeroen Lenaers

Data tat-tressiq

7.12.2016

Avviż legali